Language of document : ECLI:EU:T:2011:342

Kawża T-112/07

Hitachi Ltd et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tal-proġetti li jirrigwardaw switchgear iżolat bil-gass — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Tqassim tas-suq — Drittijiet tad-difiża — Prova tal-ksur — Ksur uniku u kontinwat — Multi — Gravità u tul tal-ksur — Effett dissważiv — Kooperazzjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Aċċess għall-fajl — Portata — Nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokument — Konsegwenzi

(Artikolu 81(1) KE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53(1))

2.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Komunikazzjoni tat-tweġibiet għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet — Kundizzjonijiet — Limiti

(Artikolu 81(1) KE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53(1))

3.      Kompetizzjoni — Akkordji — Ftehim bejn impriżi — Prova tal-ksur — Testimonjanzi bil-miktub tal-impjegati ta’ kumpannija involuta fil-ksur — Valur probatorju — Evalwazzjoni

(Artikolu 81(1) KE; Komunikazjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03)

4.      Dritt Komunitarju — Prinċipji — Drittijiet fundamentali — Preżunzjoni ta’ innoċenza — Proċedura fil-qasam tal-kompetizzjoni

(Artikolu 6(2) UE; Artikolu 81(1) KE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53(1))

5.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Modalità ta’ prova — Użu ta’ serje ta’ indizji

(Artikolu 81(1) KE)

6.      Kompetizzjoni — Akkordji — Ftehim bejn impriżi — Prova tal-ksur — Evalwazzjoni tal-valur probatorju tad-diversi provi — Kriterji

(Artikolu 81(1) KE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53)

7.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Oneru tal-Kummissjoni fir-rigward tal-prova tal-ksur u tat-tul tiegħu

(Artikolu 81(1) KE; Komunikazjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03)

8.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Nuqqas ta’ impożizzjoni jew tnaqqis tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata

(Artikolu 81(1) KE; Komunikazjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03, punt 21)

9.      Kompetizzjoni — Akkordji — Ftehim bejn impriżi — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Għan antikompetittiv — Konstatazzjoni suffiċjenti

(Artikolu 81(1) KE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53(1))

10.    Kompetizzjoni — Akkordji — Ftehim u prattiki miftiehma li jikkostitwixxu ksur uniku — Kunċett — Responsabbiltà individwali tal-impriżi koawturi tal-ksur għall-ksur kollu — Kundizzjonijiet

(Artikolu 81(1) KE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53(1))

11.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur

(Artikolu 81(1) KE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53(1); Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

12.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Natura dissważiva

(Artikolu 81(1) KE; Komunikazjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1(A))

1.      Korollarju tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, id-dritt ta’ aċċess għall-fajl jimplika, fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva fil-qasam tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, li l-Kummissjoni għandha tagħti lill-impriża kkonċernata l-possibbiltà li twettaq eżami tad-dokumenti kollha inklużi fil-fajl tal-investigazzjoni li jistgħu jkunu rilevanti għad-difiża tagħha. Dawn jinkludu kemm id-dokumenti inkriminanti kif ukoll dawk li jiskaġunaw, ħlief għas-sigrieti kummerċjali tal-impriżi l-oħra, għad-dokumenti interni tal-Kummissjoni u għal informazzjoni kunfidenzjali oħra.

In-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokument li fuqu bbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tinkrimina impriża jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża biss jekk l-impriża kkonċernata turi li r-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha kien ikun differenti li kieku d-dokument li ma ġiex ikkomunikat ma kellux jiġi kkunsidrat bħala prova inkriminanti.

Fir-rigward tan-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokument li jiskaġuna, l-impriża kkonċernata għandha biss tistabbilixxi li n-nuqqas ta’ żvelar tiegħu seta’ jinfluwenza, għad-dannu tagħha, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Huwa biżżejjed li l-impriża turi li hija setgħet tuża l-imsemmi dokument li jiskaġuna għad-difiża tagħha, fis-sens li, kieku hija setgħet tagħmel użu minn tali dokument matul il-proċedura amministrattiva, hija kienet tkun tista’ tinvoka provi li ma kinux jaqblu mal-konstatazzjonijiet magħmula f’dan l-istadju mill-Kummissjoni u għalhekk, b’xi mod, hija kienet tkun tista’ tinfluwenza l-evalwazzjonijiet li għamlet din tal-aħħar fid-deċiżjoni, għall-inqas f’dak li jikkonċerna l-gravità u t-tul tal-aġir li kienet akkużata bih, u, għalhekk, il-livell tal-multa.

(ara l-punti 31, 36, 37)

2.      Fil-kuntest ta’ proċedura mibdija għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, huwa biss fil-bidu tal-fażi amministrattiva kontradittorja li l-impriża kkonċernata hija informata, permezz tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, bl-elementi essenzjali kollha li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuqhom f’dan l-istadju tal-proċedura, u li din l-impriża għandha dritt ta’ aċċess għall-fajl sabiex jiġi ggarantit l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża tagħha. Konsegwentement, it-tweġiba tal-impriżi l-oħra li pparteċipaw fl-akkordju għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma hijiex, bħala prinċipju, inkluża fid-dokumenti kollha tal-fajl tal-investigazzjoni li jistgħu jiġu kkonsultati mill-partijiet.

Madankollu, jekk il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tibbaża ruħha fuq silta minn risposta għal dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew fuq dokument anness ma’ tali risposta sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur fi proċedura skont l-Artikolu 81(1) KE, l-impriżi l-oħra involuti f’din il-proċedura għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jressqu l-argumenti tagħhom fuq din il-prova. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-silta inkwistjoni minn tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew id-dokument anness ma’ din it-tweġiba, fil-fatt tikkostitwixxi element inkriminanti kontra d‑diversi impriżi li ħadu sehem fil-ksur.

B’analoġija, jekk silta minn tweġiba għal dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jew dokument anness ma’ tali tweġiba, tista’ tkun rilevanti għad-difiża ta’ impriża billi tippermetti lil din tal-aħħar tinvoka elementi li jikkontradixxu l-konstatazzjonijiet magħmula f’dan l-istadju mill-Kummissjoni, din tkun prova li tiskaġuna. F’dan il-każ, l-impriża kkonċernata għandha titqiegħed f’pożizzjoni li twettaq eżami tas-silta jew tad-dokument inkwistjoni u li tressaq l-argumenti tagħha dwarhom.

(ara l-punti 32-34)

3.      It-testimonjanzi bil-miktub tal-impjegati ta’ kumpannija, redatti taħt il-kontroll ta’ din tal-aħħar u ppreżentati minnha għad-difiża tagħha fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni mmexxija mill-Kummissjoni, bħala prinċipju, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala elementi differenti u indipendenti mid-dikjarazzjonijiet ta’ din l-istess kumpannija. Fil-fatt, ġeneralment, il-pożizzjoni ta’ kumpannija fir-rigward tar-realtà tal-fatti li qed tiġi akkużata bihom mill-Kummissjoni hija bbażata, l-ewwel nett, fuq dak li jkunu jafu u fuq l-opinjonijiet tal-impjegati u tad-diriġenti tagħha.

Għalhekk, it-testimonjanzi tal-impjegati ta’ kumpannija li pparteċipat f’akkordju ma humiex elementi distinti u indipendenti mid-dikjarazzjonijiet ta’ din tal-aħħar, peress li x-xhieda tkellmu quddiem il-Kummissjoni fuq l-inizjattiva tal-imsemmija kumpannija u fil-kuntest tal-obbligu ta’ kooperazzjoni li għandha din tal-aħħar abbażi tal-Avviż dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell, filwaqt li bbenefikaw mill-preżenza tal-konsulent estern tal-kumpannija kkonċernata. Konsegwentement, it-testimonjanzi kkonċernati ma humiex xierqa sabiex jikkorroboraw id-dikjarazzjonijiet tal-kumpannija li timpjegahom. Anzi huma pjuttost komplementari għall-imsemmija dikjarazzjonijiet, fejn jistgħu jippreċiżaw u jikkonkretizzaw il-kontenut tagħhom. Għaldaqstant, huma wkoll għandhom jiġu kkorroborati minn provi oħra.

(ara l-punti 48, 129)

4.      L-eżistenza ta’ dubju f’moħħ il-qorti għandha tibbenefika lill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81(1) KE. Għaldaqstant, il-qorti ma tistax tikkonkludi li l-Kummissjoni wriet l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni kif titlob il-liġi jekk jibqa’ dubju f’moħħ il-qorti dwar din il-kwistjoni, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni li timponi multa.

Fil-fatt, f’din l-aħħar sitwazzjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, li tagħmel parti mid-drittijiet fundamentali li jikkostitwixxu l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju. Fid-dawl tan-natura tal-ksur inkwistjoni kif ukoll tan-natura u tal-grad ta’ severità tas-sanzjonijiet konnessi miegħu, il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza japplika b’mod partikolari għall-proċeduri relatati ma’ ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi jew għal pagamenti ta’ penalità.

(ara l-punti 58, 59)

5.      Fil-qasam tal-kompetizzjoni, huwa neċessarju li l-Kummissjoni ssemmi provi preċiżi u li jaqblu sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur. Madankollu, kull prova prodotta mill-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Huwa biżżejjed li s-serje ta’ indizji invokati mill-istituzzjoni, evalwati globalment, jissodisfaw dan ir-rekwiżit. L-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv tista’ għalhekk tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u ta’ indizji li, meta kkunsidrati f’daqqa, jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni oħra koerenti, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

Madankollu, meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha biss fuq l-aġir tal-impriżi inkwistjoni fis-suq sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur, huwa biżżejjed li dawn tal-aħħar juru l-eżistenza ta’ ċirkustanzi li jitfgħu dawl differenti fuq il-fatti kif stabbiliti mill-Kummissjoni u li jippermettu għalhekk li tingħata spjegazzjoni plawżibbli tal-fatti differenti minn dik adottata mill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li jeżisti ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

Din ir-regola ma hijiex applikabbli għall-każijiet kollha fejn il-ksur ġie stabbilit biss permezz ta’ provi mhux dokumentarji. Fil-fatt, fir-rigward tal-provi li jistgħu jiġu invokati biex ikun stabbilit ksur tal-Artikolu 81 KE, il-prinċipju dominanti fid-dritt Komunitarju huwa dak tal-produzzjoni libera tal-provi.

Konsegwentement, għalkemm in-nuqqas ta’ provi dokumentarji jista’ jkun rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tas-serje ta’ indizji invokati mill-Kummissjoni, ikkunsidrat waħdu, dan in-nuqqas ma għandux bħala konsegwenza li jippermetti li l-impriża kkonċernata tqiegħed f’dubju l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni billi tagħti spjegazzjoni alternattiva tal-fatti. Dan huwa biss il-każ meta l-provi prodotti mill-Kummissjoni ma jippermettux li l-eżistenza tal-ksur tiġi stabbilita b’mod ċar u mingħajr ma tkun neċessarja interpretazzjoni.

Għall-istess raġuni, anki fin-nuqqas ta’ provi dokumentarji, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata twettaq investigazzjonijiet indipendenti biex tivverifika l-fatti.

(ara l-punti 60-66)

6.      Fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE, l-uniku kriterju rilevanti għall-evalwazzjoni tal-provi prodotti jinsab fil-kredibbiltà tagħhom. Skont ir-regoli ġenerali fil-qasam tal-provi, il-kredibbiltà u, b’hekk, il-valur probatorju ta’ dokument jiddependu mill-oriġini tiegħu, miċ-ċirkustanzi li ġie redatt fihom, mid-destinatarju tiegħu u mill-kontenut tiegħu.

Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet magħmula mill-impriżi, valur probatorju partikolarment għoli jista’ barra minn hekk jiġi rikonoxxut lil dawk li, l-ewwel nett, huma affidabbli, it-tieni nett, li jsiru f’isem impriża, it-tielet nett, ikunu ġejjin minn persuna li hija marbuta bl-obbligu professjonali li taġixxi fl-interess ta’ din l-impriża, ir-raba’ nett, li jmorru kontra l-interessi tad-dikjarant, il-ħames nett, li ġejjin minn xhud dirett tal-fatti msemmija u, is-sitt nett, ġew ipprovduti bil-miktub, b’mod intenzjonali u wara riflessjoni fil-fond.

Min-naħa l-oħra, id-dikjarazzjoni ta’ impriża akkużata li ħadet sehem f’akkordju, li l-eżattezza tagħha hija kkontestata minn diversi impriżi oħra kkonċernati, ma tistax titqies li tikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-eżistenza ta’ ksur imwettaq minn dawn tal-aħħar mingħajr ma tiġi sostnuta minn provi oħra billi l-grad ta’ korroborazzjoni meħtieġ jista’ jkun inqas, minħabba l-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet inkwistjoni.

(ara l-punti 68-71)

7.      Għalkemm huwa ġeneralment aċċettabbli li xhieda mogħtija b’mod volontarju mill-parteċipanti prinċipali f’akkordju illegali tiġi ttrattata b’ċertu suspett, meta titqies il-possibbiltà li dawn il-parteċipanti jkollhom it-tendenza li jnaqqsu l-importanza tal-kontribut tagħhom fil-ksur u li jżidu dak tal-parteċipanti l-oħra, madankollu xorta jibqa’ l-fatt li l-fatt li persuna titlob biex tibbenefika mill-applikazzjoni tal-Avviż dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell bil-għan li tikseb immunità jew tnaqqis tal-multa mhux neċessarjament joħloq inċentiv biex jiġu prodotti provi distorti fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-membri l-oħra tal-akkordju. Fil-fatt, kull tentattiv biex il-Kummissjoni tiġi indotta tagħmel żball jista’ jqajjem dubji dwar is-sinċerità kif ukoll il-kompletezza tal-kooperazzjoni ta’ min qed jagħmel it-talba u, għaldaqstant, jipperikola l-possibbiltà li dan jibbenefika b’mod sħiħ mill-avviż dwar il-kooperazzjoni.

Fir-rigward tal-motivazzjoni individwali tax-xhieda, huwa ċertament possibbli li l-impjegati ta’ tali impriża li talbet li tibbenefika minn immunità mill-multi, li huma obbligati jaġixxu fl-interess tagħha, jikkondividu l-intenzjoni li jipproduċu l-iktar elementi inkriminanti possibbli, anki peress li l-kooperazzjoni tagħhom fil-kuntest tal-proċedura tista’ tinfluwenza b’mod pożittiv il-ġejjieni professjonali tagħhom. Madankollu, jekk dan huwa l-każ, l-impjegati inkwistjoni jafu wkoll bil-konsegwenzi negattivi potenzjali jekk jipproduċu elementi ineżatti, li jsiru iktar sinjifikattivi minħabba r-rekwiżit tal-korroborazzjoni bi provi oħra.

(ara l-punti 72, 130)

8.      Biex il-Kummissjoni tkun tista’ tagħti tnaqqis fil-multa abbażi tal-paragrafu 21 tal-Avviż dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell, il-provi kkonċernati għandhom jirrappreżentaw valur probatorju sinjifikattiv meta pparagunati mal-elementi li l-Kummissjoni diġà jkollha fil-pussess tagħha. Konsegwentement, f’talba għal klemenza mressqa wara t-trażmissjoni tat-tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, huwa leġittimu li l-impriża li tixtieq tikseb tnaqqis fil-multa tiffoka fuq l-elementi li, fil-fehma tagħha, sa dak iż-żmien ikunu għadhom ma ġewx stabbiliti kif titlob il-liġi, sabiex tagħti valur miżjud sinjifikattiv. Issa, dan il-fatt jista’ jispjega kif l-impriża kkonċernata ma tinkludix l-elementi li hija tikkunsidra li ġew stabbiliti mingħajr ebda dubju permezz ta’ elementi li ġew ikkomunikati preċedentement.

Barra minn hekk, fid-dawl tad-diċitura tal-paragrafu 21 tal-avviż dwar il-kooperazzjoni, ma jistax jiġi eskluż li l-produzzjoni ta’ elementi li jkollhom ċertu valur probatorju imma li jikkonċernaw fatti li diġà ġew stabbiliti minn elementi oħra, ma tagħti lok għall-ebda tnaqqis.

(ara l-punti 178-180)

9.      Sabiex ikun hemm ftehim fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE u tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), huwa suffiċjenti li l-impriżi inkwistjoni jkunu esprimew l-intenzjoni komuni tagħhom li jaġixxu fis-suq b’mod partikolari. It-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti konkreti ta’ ftehim ma huwiex meħtieġ, meta jkun jidher li dan għandu bħala għan ir-restrizzjoni, il-prevenzjoni u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, l-eżistenza ta’ impenn reċiproku timplika bilfors l-eżistenza ta’ intenzjoni komuni, anki fin-nuqqas ta’ elementi li jippermettu li jiġi ddeterminat bi preċiżjoni l-mument meta din l-intenzjoni ġiet espressa jew meta l-espressjoni tagħha ġiet ifformalizzata.

(ara l-punti 268, 269)

10.    Il-ftehim u l-prattiki miftiehma msemmija fl-Artikolu 81(1) KE u fl-Artikolu 53(1) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), neċessarjament jirriżultaw mill-kollaborazzjoni ta’ diversi impriżi, li huma lkoll koawturi tal-ksur, iżda li l-parteċipazzjoni tagħhom tista’ tieħu għamliet differenti, b’mod partikolari, skont il-karatteristiċi tas-suq ikkonċernat u l-pożizzjoni ta’ kull impriża f’dan is-suq, l-għanijiet imfittxija u l-metodi ta’ implementazzjoni magħżula jew maħsuba. Madankollu, is-sempliċi fatt li kull impriża tipparteċipa fil-ksur f’modi partikolari għaliha ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi eskluża r-responsabbiltà tagħha għall-ksur kollu, inkluż għall-aġir li jiġi implementat minn impriżi parteċipanti oħra li madankollu jkollu l-istess għan jew l-istess effett antikompetittiv.

B’hekk, impriża li pparteċipat fi ksur permezz ta’ aġir attribwibbli lilha, li jaqa’ taħt il-kunċetti ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma b’għan antikompetittiv skont l-Artikolu 81(1) KE jew tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), u li kien intiż sabiex jikkontribwixxi għat-twettiq tal-ksur kollu kemm hu, hija wkoll responsabbli, għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmi ksur, għall-aġir implementat minn impriżi oħra fil-kuntest tal-istess ksur, meta jkun stabbilit li l-impriża inkwistjoni kienet taf bl-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-parteċipanti l-oħra, jew li setgħet raġonevolment tipprevedih u kienet lesta li taċċetta r-riskju.

Dan huwa l-każ ta’ impriża ta’ Stat terz li kellha biss rwol passiv fil-kuntest ta’ arranġament komuni li jirriżerva l-għoti ta’ proġetti speċifiċi fiż-ŻEE għall-produtturi Ewropej, meta hija kienet taf dwar l-arranġament ikkonċernat u r-rwol passiv tagħha ma kienx dovut għall-għażla tagħha iżda għall-forma tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim li jirrigwarda s-suq taż-ŻEE, peress li l-parteċipazzjoni tagħha kienet kundizzjoni preliminari sabiex l-attribuzzjoni tal-proġetti fiż-ŻEE tkun tista’ titwettaq bejn il-produtturi Ewropej.

(ara l-punti 287-290)

11.    Sakemm ksur tal-Artikolu 81(1) KE, twettaq minn diversi impriżi, hemm lok li l-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni ta’ kull waħda minnhom tiġi eżaminata. B’hekk, il-fatt li impriża ma pparteċipatx fl-elementi kollha li jikkostitwixxu akkordju jew li hija kellha rwol minuri fl-aspetti li hija pparteċipat fihom għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u meta tiġi ddeterminata l-multa.

F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, ftehim fejn l-impriżi ta’ Stati terzi impenjaw ruħhom li ma jippenetrawx is-suq taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), peress li l-impriżi Ewropej kienu, min-naħa tagħhom, qassmu d-diversi proġetti f’dan l-istess suq permezz ta’ atti kollużorji pożittivi, il-gravità tal-aġir tal-impriżi tal-Istati terzi hija paragunabbli għal dik tal-aġir tal-impriżi Ewropej, peress li n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tagħhom fl-attribuzzjoni tal-proġetti fiż-ŻEE ma kienx ir-riżultat tal-għażla tagħhom iżda s-sempliċi konsegwenza tan-natura tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ftehim ikkonċernat.

(ara l-punti 312, 314-316)

12.    Fir-rigward tar-reċidiva, l-iskop tad-dissważjoni jikkostitwixxi għan tal-multa. Barra minn hekk, in-neċessità li tali dissważjoni tiġi żgurata tikkostitwixxi rekwiżit ġenerali li għandu jiggwida lill-Kummissjoni matul il-kalkolu tal-ammont tal-multa u ma titlobx neċessarjament li dan il-kalkolu jkun ikkaratterizzat b’fażi speċifika intiża għal evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha sabiex jintlaħaq dan l-iskop.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’, mingħajr ma twettaq żball, tieħu dan l-element inkunsiderazzjoni, mhux meta tiddetermina l-fatturi ta’ dissważjoni, imma fil-kuntest tal-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi aggravanti.

(ara l-punt 353)