Language of document : ECLI:EU:T:2009:81

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

25 ta’ Marzu 2009(*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat‑trade mark Komunitarja verbali SPA THERAPY – Trade mark nazzjonali verbali preċedenti SPA – Raġuni relattiva għal rifjut – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94”

Fil-kawża T‑109/07,

L’Oréal SA, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn E. Baud, avukat,

rikorrenti

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġent,

konvenut

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjent quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, hija

Spa Monopole, compagnie fermière de Spa SA/NV, stabbilita fi Spa (il-Belġju), irrappreżentata minn E. Cornu, L. De Brouwer u D. Moreau, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI tal-24 ta’ Jannar 2007 (Każ R 468/2005‑4), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Spa Monopole, compagnie fermière de Spa SA/NV u L’Oréal SA,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras, President, M. Prek (Relatur) u V. Ciucă, Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-11 ta’ April 2007,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-25 ta’ Ġunju 2007,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-17 ta’ Lulju 2007,

wara s-seduta tas-6 ta’ Novembru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-28 ta’ Novembru 2000, ir-rikorrenti, L’Oréal SA, ippreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146-180) kif emendat.

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali SPA THERAPY.

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark jaqgħu taħt il-klassi 3 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Fwejjaħ, eaux de toilette; ġels u melħ għall-banju u għad-doċċa mhux għal użu mediku; sapun tal-banju; deodoranti personali; kożmetiċi, b’mod partikolari kremi, lożjonijiet, ġels u terra għall-wiċċ, ġisem u idejn; kremi, ġels u żjut għall-ismurija u ta’ wara x-xemx (kożmetiċi); prodotti tal-irtokk; xampus; ġel, muss, balzmi, u preparazzjonijiet fil-forma ta’ aerosol għall-qtugħ u l-kura tax-xagħar; sprej tax-xagħar; żebgħa tax-xagħar u prodotti għat-tneħħija tal-kulur tax-xagħar; prodotti sabiex imewġu u jinnoklaw ix-xagħar; żjut essenzjali”.

4        L-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade marks Komunitarji Nru 55/2002 tal-15 ta’ Lulju 2002.

5        Fl-14 ta’ Ottubru 2002, l-intervjenti, Spa Monopole, compagnie fermière de Spa SA/NV, ressqet oppożizzjoni skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94, kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti kollha koperti minn din tal-aħħar.

6        Insostenn tal-oppożizzjoni tagħha, l-intervjenti invokat, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, ma’ diversi trade marks preċedenti, fosthom it-trade mark verbali SPA, irreġistrata fl-Uffiċċju tat-Trade Marks tal-Benelux fil-11 ta’ Marzu 1981 bin-numru 372307, għall-“preparazzjonijiet ta’ bliċ u sustanzi oħra għall-ħasil tal-ħwejjeġ, preparazzjonijiet għat-tindif, għal-lustrar, biex togħrok u li joborxu; spapen; fwejjaħ, żjut essenzjali, kożmetiċi, lozzjonijiet għax-xagħar; dentifriċi”, għal prodotti fil-klassi 3. Barra minn hekk, l-intervenjenti invokat l-Artikolu 8(4) u (5) tar-Regolament Nru 40/94 abbażi ta’ diversi reġistrazzjonijiet preċedenti.

7        Permezz tad-deċiżjoni tad-29 ta’ Marzu 2005, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UASI laqgħet l-oppożizzjoni billi kkunsidrat li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 kienu sodisfatti. Id-Diviżjoni ma eżaminatx ir-raġunijiet relattivi għar-rifjut ibbażati fuq l-Artikolu 8(4) u (5) tar-Regolament Nru 40/94, u bbażat ruħha biss fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark verbali preċedenti SPA (iktar ’il quddiem it-“trade mark preċedenti”).

8        Fit-22 ta’ April 2005, ir-rikorrenti appellat quddiem l-UASI mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Jannar 2007 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad ir-rikors għar-raġuni li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament 40/94 kienu sodisfatti. L‑ewwel nett, fir-rigward tal-paragun bejn il-prodotti inkwistjoni, il-Bord tal-Appell osserva li l-identità tagħhom ma kinitx ikkontestata mill-partijiet. Imbagħad, fir-rigward tal-paragun bejn is-sinjali konfliġġenti, huwa qies li għandu jiġi kkunsidrat il-karattru distintiv miksub mill-kelma “spa” għall-pubbliku kkonċernat, ikkostitwit mill-konsumatur medju fil-pajjiżi tal-Benelux u ma segwiex l-argument tar-rikorrenti li l-kelma “spa” tiddeskrivi l-prodotti kożmetiċi fil-klassi 3. Fuq din il-bażi, huwa kkunsidra li l-element verbali “spa” kien l-element prinċipali tat-trade mark li jiġbed l-attenzjoni u li, għaldaqstant, is-sinjali kunfliġġenti kienu simili minkejja d-differenzi viżivi, fonetiċi u kunċettwali marbuta mal-preżenza tal-element verbali “therapy” fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Fl-aħħar nett, il-Bord tal-Appell osserva li fil-qasam tal-kożmetiċi, ħafna drabi l-produtturi jqiegħdu fis-suq diversi linji ta’ prodotti taħt trade marks sekondarji distinti. Minn dan, huwa kkonkluda li kien probabbli li l-konsumatur jikkunsidra li l-prodotti indikati mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, kienu kkummerċjalizzati taħt is-superviżjoni tal-intervjenti. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell irrifjuta li jilqa’ t-talba tar-rikorrenti intiża sabiex l-intervjenti tipprova l-użu ġenwin tat-trade mark tagħha, għar-raġuni li din it-talba ġiet ippreżentata barra mit-terminu previst.

 It-talbiet tal-partijiet

10      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI u, sa fejn meħtieġ, lill-intervenjenti għall-ispejjeż.

11      L-UASI u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

12      Qabel kollox, għandu jiġi osservat li l-intervjenti tikkontesta l-ammissibbiltà tad-diversi annessi tar-rikors, inkwantu dawn jinkludu dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Madankollu, f’dan il-każ, mhux neċessarju li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà ta’ kull wieħed mill-annessi kkontestati mill-intervjenti, sa fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tevalwa l-argumenti tar-rikorrenti fid-dawl tad-dokumenti ppreżentati matul il-proċeduri amministrattivi u li jinsabu fil-proċess tal-kawża quddiem l-UASI, ikkomunikati minn dan tal-aħħar lill-Qorti tal-Prim’Istanza skont l-Artikolu 133 tar-Regoli tal-Proċedura.

13      Ir-rikorrenti invokat raġuni waħda, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

14      Skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark m’għandhiex tintlaqa’ meta, għal raġuni ta’ identità jew xebh tagħha mat-trade mark preċedenti u għal raġuni ta’ identità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti miż-żewġ trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta.

15      F’dan il-każ, il-protezzjoni tat-trade mark preċedenti testendi għall-pajjiżi tal-Benelux. Għaldaqstant, hija l-perċezzjoni mill-konsumatur tat-trade marks kunfliġġenti tal-prodotti inkwistjoni fit-territorju ta’ dawn l-Istati Membri li għandha tiġi kkunsidrata. Barra minn hekk, fid-dawl tan-natura tal-prodotti inkwistjoni, il-Bord tal-Appell sostna fil-punt 12 tad-deċiżjoni kkontestata li l-pubbliku rilevanti kien ikkostitwit minn konsumaturi medji. Din l-analiżi tidher li hija eżatta u barra min dan, mhijiex ikkontestata mir-rikorrenti.

16      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għall-pubbliku, li hija ddefinita bħala l-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jemmen li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni ġejjin mill-istess impriża jew, f’dan il-każ, minn impriżi marbuta ekonomikament, għandha tiġi evalwata b’mod ġenerali, fid-dawl ta’ kull fattur rilevanti għal dan il-każ [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Oberhauser vs UASI – Petit Liberto (Fifties), T‑104/01, Ġabra p. II‑4359, punt 25 u 26; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C‑39/97, Ġabra p. I‑5507, punt 29].

17      L-evalwazzjoni ġenerali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni trid, għal dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tat-trade marks inkwistjoni, tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali prodotta minnhom, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Il-perċezzjoni tat-trade marks li l-konsumatur medju għandu tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali ta’ din il-probabbiltà. F’dan ir-rigward, il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark fl-intier tagħha u ma joqgħodx jeżamina d-dettalji differenti (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novemrbu 1997, SABEL C‑251/95, Ġabra p. I‑6191, punt 23, u tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C‑342/97, Ġabra p. I‑3819, punt 25).

18      Fil-kuntest tal-eżami tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, l-evalwazzjoni tax-xebh bejn żewġ trade marks ma tistax tiġi llimitata għat-teħid inkunsiderazzjoni biss tal-komponent ta’ trade mark kumplessa u għat-tqabbil tagħha ma’ trade mark oħra. Bil-kontra, hemm lok li l-paragun isir billi jiġu eżaminati t-trade marks inkwistjoni, kull waħda kkunsidrata fl-intier tagħha u dan li ma jeskludix li l-impressjoni ġenerali prodotta fil-memorja tal-pubbliku rilevanti minn trade mark kumplessa tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun iddominata minn wieħed jew iktar mill-komponenti tagħha. Huwa biss jekk il-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark huma negliġibbli li l-evalwazzjoni tax-xebh tista’ ssir fuq il-bażi tal-element dominanti biss (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C‑334/05 P, Ġabra p. I‑4529 punti 41 u 42, u tal-20 ta’ Settembru 2007, Nestlé vs UASI, C‑193/06 P, Ġabra p. I-114, punti 42 u 43).

19      Madankollu, lil hinn mill-każ normali li fih il-konsumatur medju jipperċepixxi trade mark fl-intier tagħha, u minkejja ċ-ċirkustanza li l-impressjoni ġenerali tista’ tkun iddominata minn wieħed jew bosta komponenti ta’ trade mark kumplessa, ma jistax ikun eskluż li, f’każ partikolari, trade mark preċedenti, użata minn terz f’sinjal kompost, iżżomm pożizzjoni distintiva awtonoma fis-sinjal kompost, mingħajr madankollu ma tikkostitwixxi l-element dominanti, u li minħabba dan, impressjoni ġenerali prodotta mis-sinjal kompost tista’ twassal lill-pubbliku sabiex jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni kienu ġejjin, għall-anqas, minn impriżi marbuta ekonomikament, f’liema każ trid titqies l-eżistenza tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. Fil-fatt, f’konfigurazzjoni bħal din, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni ma tistax tkun suġġetta għall-kundizzjoni li l-impressjoni ġenerali prodotta mis-sinjal kompost hija ddominata minn dik il-parti tagħha kkostitwita mit-trade mark preċedenti (ara f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ottubru 2005, Medion, C‑120/04, Ġabra p. I‑8551, punti 30 sa 33).

20      F’dan il-każ, hekk kif irrileva l-Bord tal-Appell fil-punt 11 tad-deċiżjoni kkontestata, l-identità tal-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti hija paċifika bejn il-partijiet.

21      Fir-rigward tal-paragun tas-sinjali konfliġġenti, għandu jiġi osservat li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija kkostitwita mit-trade mark preċedenti li magħha ġiet miżjuda l-kelma “therapy”.

22      Għandu jiġi wkoll ikkonstatat li t-trade mark preċedenti, minkejja li ma tikkostitwixxix l-element dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, xorta żżomm pożizzjoni distintiva awtonoma fi ħdanha.

23      Fl-ewwel lok, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni mhijiex ikkostitwita minn kelma ġdida li għandha sinjifikat awtonomu differenti minn dak tas-sempliċi tqegħid flimkien tal-elementi li jifformawha, iżda minn żewġ kelmiet kjarament distinti bejn waħda u oħra: “spa” u “therapy”.

24      Fit-tieni lok, jidher li l-kelma “spa”, li tikkostitwixxi kemm it-trade mark preċedenti kif ukoll l-element komuni taż-żewġ trade marks, għandha karattru distintiv normali fir-rigward ta’ prodotti kożmetiċi koperti mit-trade marks kunfliġġenti.

25      Fil-fatt, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti bbażati fuq l-allegat karattru deskrittiv jew ġeneriku tal-kelma “spa” fir-rigward tal-prodotti kożmetiċi mhumiex konvinċenti. Il-provi prodotti mir-rikorrenti matul il-proċeduri amministrattivi, li jinsabu fil-proċess tal-kawża quddiem l-UASI, jipprovaw biss l-eżistenza ta’ karattru deskrittiv u ġeneriku eventwali ta’ din il-kelma għall-istabbilimenti intiżi għall-idroterapija bħalma huma l-banjijiet Torok jew sawni, u mhux l-eżistenza ta’ karattru deskrittiv u ġeneriku fir-rigward tal-prodotti kożmetiċi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. L-uniku element li jsostni t-teżi tar-rikorrenti huwa sentenza tat-Tribunal de grande instance de Paris. Madankollu, il-valur probatorju tagħha huwa limitat. Minn naħa, din is-sentenza tista’ tikkonċerna biss il-perċezzjoni ta’ parti waħda tal-pubbliku rilevanti, il-pubbliku frankofonu tal-pajjiżi tal-Benelux. Min-naħa l-oħra, jidher li l-pożizzjoni meħuda f’din is-sentenza ġiet kontradetta minn qrati oħrajn, fosthom il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi.

26      L-elementi l-oħra prodotti mir-rikorrenti matul il-proċeduri amministrattivi quddiem l-UASI, bħas-siltiet minn dizzjunarji, il-provi bbażati fuq l-użu tal-kelma “spa” fl-istampa u fuq l-internet, jew ukoll l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika dwar il-perċezzjoni tal-kelma “spa” mwettaq fl-Olanda, għandhom biss l-għan li jipprovaw il-karattru deskrittiv u ġeneriku tal-kelma “spa” fir-rigward ta’ stabbilimenti intiżi għall-idroterapija bħalma huma l-banjijiet Torok jew sawni.

27      Fir-rigward tar-riferimenti għall-prassi deċiżjonali tal-UASI, huwa biżżejjed li jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-bordijiet tal-appell tista’ tiġi evalwata biss fuq il-bażi tar-Regolament Nru 40/94, kif interpretat mill-qorti Komunitarja, u mhux fuq il-bażi ta’ prassi deċiżjonali preċedenti tagħhom. [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Marzu 2005, L’Oréal vs UASI – Revlon (FLEXI AIR), T‑112/03, Ġabra p. II‑949, punt 68, u l-ġurisprudenza ċċitata].

28      Barra minn hekk, jekk l-affermazzjoni li r-rikorrenti għamlet matul is-seduta li l-kelma “spa” hija deskrittiva u ġenerika ta’ wieħed mill-istabbilimenti fejn il-prodotti kożmetiċi huma użati jew ikkummerċjaliżżati, jiġifieri stabbilimenti intiżi għall-idroterapija bħalma huma l-banjijiet Torok jew sawni hija eżatta, din ma tistax madankollu twassal għall-konklużjoni li l-imsemmija kelma ma għandhiex, konsegwentement, karattru distintiv fir-rigward ta’ prodotti kożmetiċi, jew li dan il-karattru distintiv huwa dgħajjef wisq sabiex jkun jista’ jiġi konkluż li t-trade mark preċedenti għandha pożizzjoni distintiva awtonoma fi ħdan it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Fil-fatt, ir-rabta bejn il-prodotti kożmetiċi u l-istabbilimenti intiżi għall-idroterapija, minħabba l-użu tagħhom, f’dak il-kuntest mhijiex tali li l-konklużjoni fir-rigward tal-karattru deskrittiv jew ġeneriku tal-kelma “spa” tista’ tiġi applikata għaliha.

29      Għaldaqstant, jista’ jiġi evalwat jekk, minħabba din il-pożizzjoni distintiva awtonoma, l-impressjoni ġenerali prodotta mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tista’ twassal lill-pubbliku sabiex jaħseb li l-prodotti inkwistjoni ġejjin, għall-anqas, minn impriżi marbuta ekonomikament u li, għaldaqstant, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

30      Qabel kollox, għandu jiġi osservat li l-konsumatur ġeneralment jagħti attenzjoni akbar għall-bidu tat-trade mark milli għat-tmiem [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Settembru 2006, Meric vs UASI – Arbora & Ausonia (PAM-PIM’S BABY-PROP), T‑133/05, Ġabra p. II‑2737, punt 51]. Issa, it-trade mark preċedenti tinsab fil-bidu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Jirriżulta għalhekk li l-pożizzjoni distintiva awtonoma li hija tokkupa fi ħdanha tista’ iktar toħloq konfużjoni għall-pubbliku rilevanti fir-rigward tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti.

31      Sussegwentement, għandu jiġi osservat ukoll li l-kelma “therapy” mhijiex isem kummerċjali magħruf, bħal fil-kawża li wasslet għas-sentenza Medion, punt 19 iktar ’il fuq, iżda kelma li, mingħajr ma tiddeskrivi l-prodotti kożmetiċi, m’għandiex karattru distintiv partikolarment kbir fir-rigward tagħhom, peress li tista’ tiġi mifhuma bħala riferiment għall-benefiċċji tal-imsemmija prodotti.

32      Fl-aħħar lok, hekk kif il-Bord tal-Appell ġustament osserva fil-punt 13 tad-deċiżjoni kkontestata, ħafna drabi l-produtturi jqiegħdu fuq is-suq diversi linji ta’ prodotti taħt trade marks sekondarji distinti. Konsegwentement, il-fatt li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija kkostitwita mit-trade mark preċedenti SPA, flimkien mal-kelma “therapy”, jista’ jwassal lill-konsumatur sabiex jikkunsidra li huma linja ta’ prodotti kkummerċjalizzati mill-intervjenti.

33      Minn dak li ntqal qabel, jirriżulta li d-differenzi bejn is-sinjali minħabba l-preżenza tal-kelma “therapy” fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, mhumiex tali li jikkumpensaw is-similitaritajiet importanti bejn is-sinjali kunfliġġenti minħabba l-preżenza tat-trade mark preċedenti fil-bidu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u l-pożizzjoni distintiva awtonoma li hija għandha fiha. Barra minn hekk, peress li l-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti huma identiċi, jista’ jiġi konkluż li l-pubbliku rilevanti se jqis li dawn ġejjin, għall-anqas, minn impriżi marbuta ekonomkament.

34      Konsegwentement, il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell, misjuba fil-punt 13 tad-deċiżjoni kkontestata li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks konfliġġenti, għandha tiġi kkonfermata.

35      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud l-uniku motiv, dwar il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u għalhekk, ir-rikors.

 Fuq l-ispejjeż

36      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti mill-UASI u l-intervenjenti, skont it-talbiet tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      L’Oréal SA hija kkundannata għall-ispejjeż.

Vilaras

Prek

Ciucă

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-25 ta’ Marzu 2009

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.