Language of document : ECLI:EU:T:2009:81

Kawża T-109/07

L’Oréal SA

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat‑trade mark Komunitarja verbali SPA THERAPY — Trade mark nazzjonali verbali preċedenti SPA — Raġuni relattiva għal rifjut — Probabbiltà ta’ konfużjoni — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(1)(b))

2.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(1)(b))

1.      Għall-konsumatur medju teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn s-sinjal verbali SPA THERAPY, li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala trade mark Kommunitarja għal prodotti kożmetiċi li jaqgħu taħt il-klassi 3 skont il-Ftehim ta’ Nizza, u t-trade mark verabli SPA, irreġistrata preċedentement fl-Uffiċċju tat-Trade Marks tal-Benelux għal prodotti identiċi.

Il-konsumatur ġeneralment jagħti attenzjoni akbar għall-bidu tat-trade mark milli għat-tmiem. Issa, it-trade mark preċedenti tinsab fil-bidu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Jirriżulta, għalhekk, li l-pożizzjoni distintiva awtonoma li hija tokkupa fi ħdanha tista’ iktar toħloq konfużjoni għall-pubbliku rilevanti fir-rigward tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti.

Il-kelma “therapy” mhijiex isem kummerċjali magħruf, iżda kelma li, mingħajr ma tiddeskrivi l-prodotti kożmetiċi, m’għandiex karattru distintiv partikolarment kbir fir-rigward tagħhom, peress li tista’ tiġi mifhuma bħala riferiment għall-benefiċċji tal-imsemmija prodotti.

Fl-aħħar lok, ħafna drabi l-produtturi jqiegħdu fuq is-suq diversi linji ta’ prodotti taħt trade marks sekondarji distinti. Konsegwentement, il-fatt li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija kkostitwita mit-trade mark preċedenti SPA, flimkien mal-kelma “therapy”, jista’ jwassal lill-konsumatur sabiex jikkunsidra li huma linja ta’ prodotti kkummerċjalizzati mill-proprjetarju tat-trade mark preċedenti.

Għaldaqstant, id-differenzi bejn is-sinjali minħabba l-preżenza tal-kelma “therapy”, fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, mhumiex tali li jikkumpensaw is-similitaritajiet importanti bejn is-sinjali kunfliġġenti minħabba l-preżenza tat-trade mark preċedenti fil-bidu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u l-pożizzjoni distintiva awtonoma li hija għandha fiha, mingħajr madankollu ma jikkostitwixxu l-element dominanti. Barra minn hekk, peress li l-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti huma identiċi, jista’ jiġi konkluż li l-pubbliku rilevanti se jqis li dawn ġejjin, għall-anqas, minn impriżi marbuta ekonomkament.

Fill-fatt, f’konfigurazzjoni bħal din, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni ma tistax tkun suġġetta għall-kundizzjoni li l-impressjoni ġenerali prodotta mis-sinjal kompost hija ddominata minn dik il-parti tagħha kkostitwita mit-trade mark preċedenti.

(ara l-punti 15, 19-20 u 30-33)

2.      Lil hinn mill-każ normali li fih il-konsumatur medju jipperċepixxi trade mark fl-intier tagħha, u minkejja ċ-ċirkustanza li l-impressjoni ġenerali tista’ tkun iddominata minn wieħed jew bosta komponenti ta’ trade mark kumplessa, ma jistax ikun eskluż li, f’każ partikolari, trade mark preċedenti, użata minn terz f’sinjal kompost, iżżomm pożizzjoni distintiva awtonoma fis-sinjal kompost, mingħajr madankollu ma tikkostitwixxi l-element dominanti, u li, minħabba dan, impressjoni ġenerali prodotta mis-sinjal kompost tista’ twassal lill-pubbliku sabiex jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni kienu ġejjin, għall-anqas, minn impriżi marbuta ekonomikament, f’liema każ trid titqies l-eżistenza tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. Fil-fatt, f’konfigurazzjoni bħal din, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni ma tistax tkun suġġetta għall-kundizzjoni li l-impressjoni ġenerali prodotta mis-sinjal kompost hija ddominata minn dik il-parti tagħha kkostitwita mit-trade mark preċedenti .

(ara l-punt 19)