Language of document : ECLI:EU:T:2011:68

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

17 ta’ Marzu 2011 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-proġetti li jirrigwardaw switchgear insulat bil-gass – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE – Tqassim tas-suq – Effetti fi ħdan is-suq komuni – Kunċett ta’ ksur kontinwat – Tul tal-ksur – Preskrizzjoni – Multi – Proporzjonalità – Ċirkustanzi aggravanti – Rwol ta’ mexxej – Ċirkustanzi attenwanti – Kooperazzjoni”

Fil-Kawża T‑110/07,

Siemens AG, stabbilita f’Berlin (il-Ġermanja) u f’München (il-Ġermanja), inizjalment irrappreżentata minn I. Brinker, T. Loest u C. Steinle, sussegwentement minn I. Brinker u C. Steinle, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn F. Arbault u O. Weber, sussegwentement minn X. Lewis u R. Sauer, u fl-aħħar nett minn M. Sauer u A. Antoniadis, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 6762 finali, tal-24 ta’ Jannar 2007, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.899 – switchgear insulat bil-gass), kif ukoll, sussidjarjament, talba għal tnaqqis tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President, K. Jürimäe u S. Soldevila Fragoso, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Diċembru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Siemens AG, hija kumpannija kkwotata fil-Borża, li topera fl-oqsma tal-inġinerija elettrika u tal-elettronika. Hija għandha s-sede tagħha f’Berlin (il-Ġermanja) u f’ München (il-Ġermanja).

2        Is-switchgears insulati bis-gass (iktar ’il quddiem is-“SIG”) iservu sabiex jikkontrollaw il-fluss tal-enerġija fin-netwerks elettriċi. Dan huwa tagħmir tqil tal-elettriku, li jintuża bħala komponent ewlieni għal substations għall-ġenerazzjoni tal-elettriku (turnkey). Is-substations huma ċentri awżiljarji tal-elettriku li jikkonvertu l-kurrent elettriku. Minbarra t-transformer, l-elementi kostituttivi ta’ substations huma s-sistemi ta’ kontroll, ir-relays, il-batteriji, l-istrumenti għall-iċċarġjar u s-switchgear. Il-funzjoni tas-switchgear hija li jipproteġi t-transformer minn surcharge u/jew li jinsula ċ-ċirkwit u transformer difettuż.

3        Is-SIG jistgħu jkunu insulati bil-gass, insulati bl-arja jew insulati ibridament, meta jgħaqqdu ż-żewġ tekniki preċedenti. Is-SIG jinbiegħu madwar id-dinja kollha bħala parti integrali minn substations tal-elettriku (turnkey) jew bħala partijiet separati qabel ma jiġu integrati f’tali substations. Huma jirrappreżentaw madwar 30 sa 60 % tal-prezz totali ta’ dawn is-substations.

4        Fit-3 ta’ Marzu 2004, ABB Ltd innotifikat lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta’ prattiki antikompetittivi fis-settur tas-SIG u ressqet talba orali għal immunità minn multi, skont l-avviż tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Frar 2002, dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem l-“avviż dwar il-kooperazzjoni”).

5        Il-prattiki allegati minn ABB kienu jikkonsistu f’koordinazzjoni fuq livell dinji tal-bejgħ ta’ proġetti ta’ SIG, li timplika tqassim tas-swieq, l-allokazzjoni ta’ kwoti u ż-żamma ta’ ishma rispettivi, l-allokazjoni ta’ proġetti ta’ SIG lill-produtturi indikati għal dan l-iskop u l-manipulazzjoni tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti (bid rigging) bil-għan li l-kuntratti jiġu allokati lil dawn il-produtturi, l-iffissar tal-prezzijiet permezz ta’ arranġamenti kumplessi dwar il-proġetti ta’ SIG li ma ġewx allokati, it-terminazzjoni ta’ ftehim ta’ liċenzji ma’ kumpanniji li ma kinux membri tal-kartell u skambju ta’ informazzjoni sensittiva fis-suq.

6        It-talba orali għal immunità minn multi mressqa minn ABB ġiet ikkompletata permezz ta’ osservazzjonijiet orali u dokumenti probatorji. Fil 25 ta’ April 2004, il-Kummissjoni tat immunità taħt kundizzjonijiet lil ABB.

7        Abbażi tad-dikjarazzjonijiet ta’ ABB, il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni u, fil-11 u fit-12 ta’ Mejju 2004, wettqet spezzjonjiet fil-postijiet ta’ Areva T&D SA, ta’ Siemens AG, tal-grupp VA Tech, ta’ Hitachi Ltd u ta’ Japan AE Power Systems Corp (iktar ’il quddiem “JAEPS”).

8        Fl-20 ta’ April 2006, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li ġiet innotifikata lil 20 kumpannija fosthom Siemens.

9        Sussegwentement, il-Kummissjoni żammet seduta fit-18 u fid-19 ta’ Lulju 2006.

10      Fl 24 ta’ Jannar 2007, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2006) 6762 finali, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.899 – Switchgear insulat bil-gass) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Din ġiet innotifikata lil Siemens fit 8 ta’ Frar 2007.

11      Minbarra lil Siemens, id-deċiżjoni kkontestata kienet tindirizza lil ABB, lil Alstom SA, lil Areva SA, lil Areva T&D AG, lil Areva T&D Holding SA u lil Areva T&D SA, lil Fuji Electric Holdings Co., Ltd u lil Fuji Electric Systems Co., Ltd (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien ,“Fuji”), lil Hitachi Ltd u lil Hitachi Europe Ltd (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, “Hitachi”), lil JAEPS, lil Mitsubishi Electric System Corp. (iktar ’il quddiem “Melco”), lil Nuova Magrini Galileo SpA, lil Schneider Electric SA, lil Siemens AG Österreich, lil Siemens Transmission & Distribution Ltd (iktar ’il quddiem “Reyrolle”), lil Siemens Transmission & Distribution SA, lil Toshiba Corp. u lil VA Tech Transmission & Distribution GmbH & Co. KEG.

12      Fil-premessi 113 sa 123 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-impriżi differenti li pparteċipaw fl-akkordju kienu kkoordinaw l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG fuq livell dinji, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti swieq, skont regoli miftiehma, bil-għan b’mod partikolari li jżommu kwoti li jirriflettu fil-parti l-kbira s-sehem storiku stmat tagħhom. Hija ppreċiżat li l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG twettqet abbażi ta’ kwota konġunta “Ġappuniża” u ta’ kwota konġunta “Ewropea” li kellha mbagħad tinqasam bejn il-produtturi Ġappuniżi u l-produtturi Ewropej rispettivament. Ftehim iffirmat fi Vjenna fil-15 ta’ April 1988 (iktar ’il quddiem il-“ftehim GQ”) kien jistabbilixxi r-regoli li jippermettu l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG kemm lill-produtturi Ġappuniżi, kif ukoll lill-produtturi Ewropej, u l-attribuzzjoni tal-valur tagħhom fuq il-kwota korrispondenti.

13      Barra minn hekk, fil-premessi 124 sa 132 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-impriżi differenti li pparteċipaw fl-akkordju kienu kkonkludew arranġament mhux bil-miktub (iktar ’il quddiem l-“arranġament komuni”), li bis-saħħa tiegħu l-proġetti ta’ SIG fil-Ġappun, minn naħa, u fil-pajjiżi Ewropej membri tal-akkordju, min-naħa l-oħra, indikati konġuntament bħala l-“pajjiżi kostrutturi” tal-proġetti ta’ SIG, kienu rriżervati rispettivament għall-membri Ġappuniżi u għall-membri Ewropej tal-kartell. Il-proġetti ta’ SIG fil-“pajjiżi kostrutturi” ma kinux suġġetti għal skambju ta’ informazzjoni bejn iż-żewġ gruppi u ma kinux attribwiti fuq il-kwoti rispettivi.  Il-ftehim kien jinkludi wkoll regoli dwar l-iskambju tal-informazzjoni neċessarja għat-tħaddim tal-kartell bejn iż-żewġ gruppi ta’ produtturi, li kien żgurat b’mod partikolari mis-segretarji tal-imsemmija gruppi, dwar il-manipulazzjoni tas-sejħa għal offerti u dwar l-iffissar tal-prezzijiet għal proġetti ta’ SIG li ma setgħux jiġu allokati. Skont it-termini tal-anness 2 tiegħu, il-ftehim GQ kien japplika għad-dinja kollha, bl-eċċezzjoni tal-Istati Uniti, tal-Kanada, tal-Ġappun u ta’ 17-il pajjiż tal-Ewropa tal-Punent. Barra minn dan, bis-saħħa tal-arranġament komuni, il-proġetti ta’ SIG fil-pajjiżi Ewropej minbarra l-“pajjiżi kostrutturi” kienu wkoll irriżervati għall-grupp Ewropew, filwaqt li l-produtturi Ġappuniżi kienu obbligati ma jressqux offerti għal proġetti ta’ SIG fl-Ewropa.

14      Skont il-Kummissjoni, it-tqassim ta’ proġetti ta’ SIG bejn il-produtturi Ewropej kien immexxi minn ftehim iffirmat fi Vjenna ukoll fil-15 ta’ April 1988, u intitolat “E-Group Operation Agreement for GQ-Agreement” (Ftehim tal-grupp E għall-implementazzjoni tal-ftehim GQ) (iktar ’il quddiem il-“ftehim EQ”). Hija indikat li l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG fl-Ewropa kienet issegwi l-istess regoli u proċeduri li jirregolaw l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG f’pajjiżi oħra. B’mod partikolari, il-proġetti ta’ SIG fl-Ewropa kellhom ukoll jiġu nnotifikati, elenkati, allokati, arranġati jew kellhom jingħataw limitu minimu ta’ prezz.

15      Fil-premessa 142 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li, fil-ftehim GQ u fil-ftehim EQ, kif ukoll għall-finijiet tal-organizzazzjoni u tal-funzjonament tal-akkordju, il-membri differenti tal-akkordju kienu identifikati permezz ta’ kodiċi, kompost minn ċifri għall-membri Ewropej u minn ittri għall-membri Ġappuniżi. Sa minn Lulju tal-2002, il-kodiċi inizjali ġew sostitwiti b’numri.

16      Fl-Artikolu 1(o) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li Siemens kienet ipparteċipat fil-ksur waqt il-perijodu bejn il-15 ta’ April 1988 sal-1 ta’ Settembru 1999 u bejn is-26 ta’ Marzu 2002 sal-11 ta’ Mejju 2004.

17      Għall-ksur previst fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, Siemens ġiet imposta multa ta’ EUR 396 562 500 fl-Artikolu 2(m) tal-imsemmija deċiżjoni.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

18      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ April 2007, Siemens ippreżentat dan ir-rikors.

19      Fuq rapport tal-imħallef relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

20      Fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, il-partijiet ġew mistiedna jwieġbu l-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali. Il-partijiet wieġbu dawn il-mistoqsijiet fit-termini stabbiliti.

21      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-16 ta’ Diċembru 2010.

22      Siemens titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn tikkonċernaha;

–        sussidjarjament, tnaqqas l-ammont ta’ multa li ġiet imposta fuqha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

23      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lil Siemens għall-ispejjeż.

 Id-dritt

24      Insostenn tar-rikors għal annullament tagħha, Siemens tinvoka tliet motivi. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 81(1) KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”). It-tieni wieħed huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 25 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205). It-tielet wieħed huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi fil-kalkolu tal-ammont tal-multa.

I –  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81(1) KE u tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE

25      L-ewwel motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet. Fil-kuntest tal-ewwel parti, Siemens tinvoka “deskrizzjoni insuffiċjenti tal-ksur allegat”. Fil-kuntest tat-tieni motiv, hija tinvoka “analiżi żbaljata tal-allegati ftehim u l-effetti tagħhom fis-suq komuni”.

A –  Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq “deskrizzjoni insuffiċjenti tal-ksur allegat”

1.     L-argumenti tal-partijiet

26      Siemens issostni li l-Kummissjoni ma ddeċidietx minn qabel u ma pprovatx suffiċjentement il-ksur li takkużaha bih. Hija essenzjalment issostni li, l-ewwel nett, il-Kummissjoni ma pprovatx il-karattru uniku u kontinwat tal-aġir allegat, it-tieni nett, li din naqset milli tiddeskrivi l-effetti konkreti tal-akkordju fuq is-suq komuni, u, it-tielet nett, din ma pproduċietx prova tal-intenzjoni ġenerali li tipparteċipa fl-istess ksur darbtejn.

27      Il-Kummissjoni ssostni li dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala mhux fondat biżżejjed. Hija ssostni, barra minn hekk, li l-allegazzjonijiet ta’ Siemens ma humiex fondati.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

28      Għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel parti tal-ewwel motiv tinkludi biss ilmenti li jew tqajmu biss ukoll f’partijiet oħra tar-rikors, jew li għandhom ukoll jiġu eżaminati fil-kuntest tal-eżami ta’ motivi oħra li tqajmu minn Siemens u li jirreferu wkoll għall-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, u li jikkonstataw il-ksur allegat. Għalhekk, l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ prova tan-natura unika u kontinwata tal-aġir allegat huwa wkoll imqajjem fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni motiv u l-ilment ibbażat fuq l-intenzjoni ġenerali ta’ Siemens li tipparteċipa f’dan il-ksur għandu wkoll jiġi eżaminat f’dan il-kuntest. Bl-istess mod, l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ deskrizzjoni tal-effetti konkreti tal-akkordju fuq is-suq komuni huwa wkoll allegat, f’iktar dettall, fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv. Għalhekk, jidher li l-ewwel parti ma hijiex awtonoma.

29      Għalhekk, ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ewwel parti tal-ewwel motiv.

B –  Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq “analiżi żbaljata tal-allegati ftehim u tal-effetti tagħhom fuq is-suq komuni”

30      Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv, Siemens tqajjem tliet ilmenti, ibbażati rispettivament, fuq in-nuqqas ta’ akkordju li kellu effetti ġewwa ż-ŻEE, fuq in-nuqqas ta’ tqassim ġeografiku ta’ swieq bejn il-produtturi Ġappuniżi u l-prodotturi Ewropej u fuq in-nuqqas ta’ protezzjoni tal-“pajjiżi kostrutturi”.

31      Dawn it-tliet ilmenti huma marbuta mill-qrib. Fil-fatt, minn naħa, it-tieni u t-tielet ilmenti huma marbuta ma’ konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni li, anki jekk wieħed jassumi li jeżistu, juru l-eżistenza ta’ akkordju li għandu effett fiż-ŻEE, kwistjoni li hija s-suġġett tal-ewwel ilment. Min-naħa l-oħra, it-tliet ilmenti huma wkoll konnessi sa fejn jirrigwardaw l-istess provi invokati mill-Kummissjoni. Għalhekk, għandhom jiġu eżaminati flimkien.

1.     L-argumenti tal-partijiet

32      Siemens issostni li, fir-rigward tal-ewwel fażi tal-parteċipazzjoni tagħha, li tikkorrispondi għall-perijodu bejn l-1988 sa l-1999, il-ksur li huwa allegat ma huwiex suffiċjentement fondat fid-deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, il-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li l-ftehim GQ u l-ftehim EQ jipprovaw ksur li jimplika effetti fi ħdan iż-ŻEE, filwaqt li dan tal-aħħar ġie espliċitament eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-ftehim. Tali ksur lanqas ma ġie pprovat minn elementi oħra ta’ prova li ġew prodotti mill-Kummissjoni.

33      Siemens tqis, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni ma pprovatx li l-prodotturi Ewropej u Ġappuniżi kienu, fl-arranġament komuni, iddeċidew li ma jintervjenewx fis-swieq tal-pajjiżi rispettivi tagħhom. Tali tqassim ġeografiku tas-swieq la huwa pprovat mill-esklużjoni espliċita tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim GQ tas-17-il Stat Ewropew, la mill-allegata imputazzjoni tal-proġetti ta’ SIG fl-Ewropa fuq il-kwota globali, u lanqas mid-dikjarazzjonijiet ta’ Hitachi jew ta’ Fuji invokati mill-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-parteċipanti fil-ftehim GQ ma kkummerċjalizzawx il-prodotti tagħhom f’ċerti swieq Ewropej hija esklużivament dovuta għall-ostakoli tekniċi u ekonomiċi għall-aċċess għal dawn is-swieq.

34      Siemens tikkontesta kemm l-eżistenza ta’ tqassim ġeografiku tas-swieq Ewropej skont il-prinċipju tal-“pajjiżi kostrutturi” jew ta’ “swieq nazzjonali” kif ukoll il-parteċipazzjoni tagħha fl-allegati “arranġamenti preliminari fl-Ewropa” invokati mill-Kummissjoni sabiex tibbaża l-argument tagħha fuq tqassim tas-swieq fiż-ŻEE. Il-provi prodotti mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward huma insuffiċjenti. Fl-aħħar nett, in-nuqqas ta’ attivitajiet ta’ ċerti prodotturi f’ċerti swieq nazzjonali tista’ tkun spjegata b’mod ieħor minbarra l-eżistenza ta’ akkordju illegali.

35      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti ppreżentati minn Siemens.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

36      Għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li fl-osservazzjonijet bil-miktub tagħha, Siemens tammetti espliċitament il-fatti, kif ġew ippreżentati fid-deċiżjoni kkontestata, li huma marbuta mat-tieni fażi tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur, li tikkorrispondi għall-perijodu bejn l-2002 u l-2004. Għalhekk, l-ewwel motiv imqajjem minn Siemens jirrigwarda biss l-ewwel fażi tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur, li jikkorrispondi għall-perijodu bejn l-1988 sa l-1999. Konsegwentement, il-provi li tibbaża ruħha fuqhom il-Kummissjoni għandhom jiġu eżaminati fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv biss sa fejn jirrigwardaw dan l-aħħar perijodu u sa fejn jippermettu li jsiru konklużjonijiet relatati ma’ dan l-aħħar perijodu.

37      F’dan ir-rigward, l-argument tal-Kummissjoni li skontu huwa legali li jsiru proġetti tal-osservazzjonijiet tal-perijodu mill-2002 sal-2004 għall-perijodu preċedenti, peress li hemm inkwistjoni ksur wieħed. Fil-fatt, mingħajr ma huwa neċessarju, f’dan l-istadju, li tingħata deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur uniku li jinkludi żewġ perijodi tal-parteċipazzjoni ta’ Siemens fl-akkordju, huwa biss każ b’każ li għandu jiġi evalwat sa fejn il-provi relatati ma’ perijodu partikolari tal-ksur jistgħu jipprovdu indikazzjonijiet validi wkoll għall-ewwel fażi tal-parteċipazzjoni fil-ksur.

38      Barra minn hekk, l-argument tal-Kummissjoni li jipprovdi li Siemens tillimita ruħa li tikkontesta l-impatt tal-akkordju fuq il-kompetizzjoni fiż-ŻEE, filwaqt li, fid-deċiżjoni kkontestata, hija tallega li kkonkludiet akkordju li l-għan tiegħu kien id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni, ma jistax iwassal sabiex jillimita l-eżami tal-fatti allegati fil-konfront ta’ Siemens. Fil-fatt, mill-iżviluppi kollha ta’ Siemens fl-osservazzjonijiet bil-miktub jirriżulta li hija tikkontesta mhux biss li l-akkordju allegat kellu effetti fis-suq komuni u fiż-ŻEE (minbarra fil-Liechtenstein u fl-Islanda), iżda wkoll il-fatt li hija għandha bħala għan id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni u ż-ŻEE.

39      Għaldaqstant, il-partijiet essenzjalment ma jaqblux dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-Kummissjoni stabbilixxietx, għall-perijodu bejn l-1988 u l-1999, l-eżistenza ta’ akkordju li jista’ jkollu effetti fis-suq komuni u fiż-ŻEE.

40      Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat jekk il-ftehim GQ u l-ftehim EQ, bħala provi dokumentarji, jipprovawx l-eżistenza ta’ akkordju li seta’ jkollu effetti fis-suq komuni u fiż-ŻEE. F’dan ir-rigward, ma hemmx lok li ssir distinzjoni bejn iż-żewġ alternattivi tal-Artikolu 81(1) KE. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat jekk prattika miftiehma hijiex ipprojbita mill-Artikolu 81(1) KE, ma hemmx bżonn li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti konkreti tagħha fis-suq meta jkun jidher li din għandha l-għan li tipprevjeni, tillimita jew toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Ġunju 2009, T‑Mobile Netherlands et, C‑8/08, Ġabra p. I‑04529, punt 29, u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq hija applikabbli, b’analoġija, għall-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE.

41      Fil-każ ta’ risposta negattiva, għandu sussegwentement jiġi ddeterminat jekk l-arranġament komuni invokat mill-Kummissjoni huwiex fondat biżżejjed b’elementi oħra.

42      Madankollu, qabel ma jsiru dawn il-verifiki, għandhom jitfakkru r-regoli applikabbli fil-qasam tal-oneru tal-prova fid-dawl tal-fatt li l-partijiet ma jaqblux dwar din il-kwistjoni.

a)     Fuq l-oneru tal-prova

43      Għandu jitfakkar qabelxejn li l-Kummissjoni għandha tipproduċi prova tal-ksur tal-Artikolu 81(1) KE li hija tikkonstata u tistabbilixxi l-provi xierqa li juru, b’mod suffiċjenti fid-dritt, l-eżistenza ta’ fatti li jikkostitwixxu ksur (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 58, u tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 86).

44      F’dan il-kuntest, l-eżistenza ta’ dubju li jkollha l-qorti għandha tibbenefika l-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur. Għaldaqstant, il-qorti ma tistax tikkonkludi li l-Kummissjoni stabbilixxiet l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni b’mod suffiċjenti fid-dritt jekk jibqa’ jkollha dubju dwar din il-kwistjoni, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni li timponi multa (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Dresdner Bank et vs Il-Kummissjoni, T‑44/02 OP, T‑54/02 OP, T‑56/02 OP, T‑60/02 OP u T‑61/02 OP, Ġabra p. II‑3567, punt 60).

45      Fil-fatt, f’din l-aħħar sitwazzjoni, huwa neċessarju li jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem l-“KPDB”), li jagħmel parti mid-drittijiet fundamentali li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzrja, barra minn hekk ikkonfermata mill-Artikolu 6(2) UE, jikkostitwixxu l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju. Fid-dawl tan-natura tal-ksur inkwistjoni kif ukoll tan-natura u tal-livell ta’ gravità tas-sanzjonijiet li huma marbuta miegħu, il-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza japplika b’mod partikolari għall-proċeduri rigward ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti ta’ penalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni, C‑199/92 P, Ġabra p. I‑4287, punti 149 u 150, u Montecatini vs Il-Kummissjoni, C‑235/92 P, Ġabra p. I‑4539, punti 175 u 176).

46      Għaldaqstant, huwa neċessarju li l-Kummissjoni tipproduċi provi preċiżi u konsistenti sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur (sentenza Dresdner Bank et vs Il-Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq, punt 62), u sabiex tistabbilixxi l-konvinzjoni soda li l-ksur allegat jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni sostanzjali fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Jannar 1999, Riviera Auto Service et vs Il-Kummissjoni, T‑185/96, T‑189/96 u T‑190/96, Ġabra p. II‑93, punt 47).

47      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li kull prova prodotta mill-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Huwa biżżejjed li d-diversi indizji invokati mill-istituzzjoni, evalwati globalment, jissodisfaw dan ir-rekwiżit (ara s-sentenza Dresdner Bank et vs Il-Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Barra minn hekk, meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li huwa magħruf li l-ftehim antikompetittivi huma pprojbiti, ma hemmx bżonn li l-Kummissjoni tippreżenta dokumenti li juru b’mod espliċitu li sar kuntatt bejn l-operaturi kkonċernati. L-elementi frammentarji u mhux relatati li tista’ tiddisponi minnhom il-Kummissjoni għandhom, f’kull każ, ikunu jistgħu jiġu kkompletati minn deduzzjonijiet li jippermettu l-kostruzzjoni mill-ġdid taċ-ċirkustanzi rilevanti. L-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv tista’ għalhekk tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u indizji li, meta kkunsidrati f’daqqa, jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni oħra koerenti, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 55 sa 57).

49      Madankollu, meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha biss fuq l-aġir tal-impriżi inkwistjoni fis-suq sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur, huwa biżżejjed li dawn tal-aħħar juru l-eżistenza ta’ ċirkustanzi li jitfgħu dawl differenti fuq il-fatti kif stabbiliti mill-Kummissjoni u li jippermettu għalhekk li tingħata spjegazzjoni plawsibbli tal-fatti differenti minn dik adottata mill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li jeżisti ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni Komunitarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II-2501, punt 186, u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Fir-rigward tal-mezzi ta’ prova li jistgħu jiġu invokati sabiex jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 81(1) u tal-Artikolu 53 taż-ŻEE, għandu jiġi osservat li l-prinċipju li jipprevali fid-dritt Komunitarju huwa dak tal-amministrazzjoni libera tal-provi (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, Dalmine vs Il-Kummissjoni, T‑50/00, Ġabra p. II‑2395, punt 72 ). B’mod partikolari, ebda dispożizzjoni u ebda prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju ma jipprojbixxu lill-Kummissjoni milli tinvoka, kontra impriża, dikjarazzjonijiet ta’ impriżi oħra implikati. Kieku dan ma kienx il-każ, l-oneru tal-prova ta’ aġir kontra l-Artikoli 81 KE u 82 KE, li għandha l-Kummissjoni, ikun insostenibbli u inkompatibbli mal-kompitu ta’ sorveljanza tal-applikazzjoni tajba ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li ġie fdat lilha mit-Trattat KE (sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, punt 192).

51      Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ spjegazzjoni alternattiva tal-fatti hija biss rilevanti meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha biss fuq l-aġir tal-impriżi inkwistjoni fis-suq. Għalhekk, tali spjegazzjoni hija irrilevanti mill-mument fejn l-eżistenza tal-ksur ma hijiex biss preżunta, iżda stabbilita bil-provi. Barra minn hekk, skont il-prinċipju tal-amministrazzjoni libera tal-provi invokata fil-punt preċedenti, il-metodi ta’ prova kollha huma ammissibbli sabiex jipprovaw ksur, b’mod li l-eżistenza ta’ spjegazzjoni alternattiva hija irrilevanti meta l-ksur huwa pprovat, b’mod suffiċjenti fid-dritt, minn provi oħra għajr provi dokumentarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra p. II‑931, punti 727 u 728).

52      Fil-kawża inkwistjoni, għandu għalhekk jiġi vverifikat, għall-elementi kkontestati minn Siemens, jekk l-aġir allegat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata huwiex stabbilit minn provi jew jekk ġewx konklużi biss mill-aġir tal-impriżi inkwistjoni fis-suq. F’din l-aħħar sitwazzjoni biss, hemm lok, sussegwentement, li jiġi eżaminat jekk jeżistux spjegazzjonijiet alternattivi tal-aġir tal-impriżi inkwistjoni fis-suq, li huma suffiċjentement plawżibbli sabiex jikkonfutaw il-konstatazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni kkontestata.

53      Min-naħa l-oħra, skont il-ġurisprudenza, b’kunsiderazzjoni għall-fatt li huwa magħruf li l-ftehim antikompetittiv huwa pprojbit, il-prova ta’ akkordju tista’ tiġi pprovduta permezz ta’ sensiela konkordanti ta’ indizji (ara l-punt 48 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, Siemens ma tistax tiċħad tali prova billi tibbaża argument fuq il-fatt li, meħuda separatament, l-indizji individwali ppreżentati mill-Kummissjoni ma humiex biżżejjed sabiex jipprovaw l-aġir allegat fil-konfront tagħha. Fil-fatt, bħala definizzjoni, l-elementi individwali li jagħmlu parti mill-imsemmi faxxikolu li jikkonkordu indizji avvanzati mill-Kummissjoni ma jistgħux, meħuda separatament, jikkostitwixxu provi kompleti ta’ dan l-aġir.

54      Fir-rigward tal-valur probatorju li għandu jingħata għall-provi differenti, għandu jiġi enfasizzat li l-uniku kriterju rilevanti sabiex jiġu evalwati l-provi liberament prodotti huwa l-kredibbiltà tagħhom (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, T‑44/00, Ġabra p. II‑2223, punt 84, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenzi Dalmine vs Il-Kummissjoni, punt 50 iktar ’il fuq, punt 72, u JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, punt 273). Skont ir-regoli ġeneralment applikabbli fil-qasam tal-provi, il-kredibbiltà, u għalhekk, il-valur probatorju ta’ dokument jiddependu mill-oriġini tiegħu, miċ-ċirkustanzi tat-tfassil tiegħu, mid-destinatarju tiegħu u mir-reputazzjoni u l-affidabbiltà tal-kontenut tiegħu (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491, punt 1053; konklużjonijiet tal-Imħallef B. Vesterdorf li aġixxa bħala Avukat Ġenerali fil-kawża tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Ottubru 1991, Rhône-Poulenc vs Il-Kummissjoni, T‑1/89, Ġabra p. II‑867, II‑869, II‑956). B’mod partikolari, għandha tingħata importanza kbira liċ-ċirkustanza li dokument ġiet stabbilit b’rabta mill-qrib mal-fatti (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 1999, Ensidesa vs Il-Kummissjoni, T‑157/94, Ġabra p. II‑707, punt 312, u tas-16 ta’ Diċembru 2003, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied u Technische Unie vs Il-Kummissjoni, T‑5/00 u T‑6/00, Ġabra p. II‑5761, punt 181) jew permezz ta’ xhud dirett ta’ dawn il-fatti (sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 49 itkar ’il fuq, punt 207). Barra minn hekk, id-dikjarazzjonijiet li jmorru kontra l-interessi tad-dikjarant għandhom, fil-prinċipju, jiġu kkunsidrati bħala provi partikolarment dgħajfa (sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, punti 207, 211 u 212).

b)     Fuq il-valur probatorju tal-ftehim GQ u tal-ftehim EQ

55      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-ftehim GQ, il-partijiet jaqblu dwar il-fatt li dan il-ftehim jipprovdi l-implementazzjoni ta’ akkordju dwar il-proġetti ta’ AIG fuq livell dinji, li jinkludi b’mod partikolari l-bdil ta’ informazzjoni dwar is-sejħiet għal offerti u dwar il-kuntratti konklużi, bl-għajnuna ta’ formoli standardizzati, l-attribuzzjoni ta’ kwota rispettivament għall-gruppi ta’ kostrutturi Ewropej u Ġappuniżi, l-għoti ta’ kuntratti fi ħdan l-akkordju, il-manipulazzjoni tas-sejħa għal offerti, l-iffissar ta’ prezzijiet minimi u l-ġlieda kontra l-impriżi esterni għall-akkordju. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, kif tafferma Siemens, il-kliem tal-ftehim GQ jeskludi l-applikazzjoni tiegħu fl-Ewropa. Fil-fatt, l-Anness 2 ta’ dan il-ftehim, dwar il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali, jiddefinixxi ħames gruppi ta’ territorji. L-ewwel grupp huwa ddefinit bħala li jħaddan l-Ewropa u l-Mediterran bl-eċċezzjoni ta’ tnax-il Stat Membru tal-Komunità ta’ dak iż-żmien, kif ukoll l-Awstrija, l-Isvezja, l-Isvizzera, il-Finlandja u n-Norveġja. Fir-rigward taż-ŻEE, huma biss inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni l-Liechtenstein u l-Islanda – fatt li huwa rilevanti biss mid-dħul fis-seħħ tal-ftehim ŻEE, l-1 ta’ Jannar 1994. It-tieni grupp huwa ddefinit bħala li jiġbor l-Asja bl-eċċezzjoni tal-Ġappun.

56      Għaldaqstant, il-kliem tal-ftehim GQ ma jikkostitwixxix, fih innifsu, il-prova ta’ akkordju li kellu effetti fi ħdan is-suq komuni u ż-ŻEE.

57      Fir-rigward, sussegwentement, tal-ftehim EQ, għandu jiġi rrilevat li jikkostitwixxi sempliċement ftehim eżekutorju tal-ftehim GQ, u dan huwa kkonfermat mit-titolu tiegħu u mid-dispożizzjonijiet inklużi fil-preambolu li jipprovdu, b’mod partikolari, li l-ftehim huwa applikabbli fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-ftehim GQ u r-regoli inklużi f’dan tal-ftehim jissuperaw dawk inklużi fil-ftehim EQ. Essenzjalment, il-ftehim EQ jinkludi regoli li jikkonċernaw ir-ridistribuzzjoni tal-kwota konġunta “Ewropea” bejn il-produtturi Ewropej. Din ir-ridistribuzzjoni kienet issir skont l-Artikolu 4 tal-ftehim EQ u skont il-kwoti stabbilit fl-Artikolu 8 ta’ dan il-ftehim.

58      Peress li l-ftehim EQ jillimita ruħu għalhekk li jaqsam il-kwota konġunta “Ewropea” prevista mill-ftehim GQ, li jeskludi, kif ġie sostnut, is-suq komuni u l-parti l-kbira taż-ŻEE, il-kliem tal-ftehim EQ ma jikkostitwixxix prova ta’ akkordju li għandu effetti fis-suq komuni u fiż-ŻEE. Għalhekk, kif ġie espost fil-punt 39 iktar ’il fuq, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni rnexxiliex b’mod ieħor tipprova l-eżistenza ta’ tali effetti. Fir-rigward tal-konklużjonijiet possibbli, lil hinn mill-kliem tagħhom, mill-ftehim GQ u mill-ftehim EQ, dawn ser jiġu diskussi fil-punti 140 et seq iktar ’il quddiem, dwar l-elementi ta’ dokumenti probatorji.

c)     Fuq il-prova tal-arranġament komuni

59      Għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li l-fatt li l-klawżoli tal-ftehim GQ, li jirreferi għalihom ukoll il-ftehim EQ, jeskludu espressament mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom is-swieq Ewropej u Ġappuniżi ma jistax jitqies awtomatikament bħala prova li l-akkordju ma kellux effett fuq is-swieq Ewropej, u lanqas bħala prova tan-nuqqas ta’ tqassim ġeografiku jew ta’ “pajjiżi kostrutturi”. Fil-fatt, għalkemm l-imsemmija esklużjoni tista’ tfisser li l-impriżi implikati kienu jeżerċitaw kompetizzjoni mhux distorta fl-imsemmija swieq, hija tista’ tfisser ukoll li l-għoti u l-kontroll ta’ kwoti bejn il-gruppi Ewropej u Ġappuniżi ma kinux neċessarji fir-rigward ta’ dawn is-swieq, peress li dawn kienu b’kull mod esklużivament riżervati għal waħda minn dawn iż-żewġ gruppi, kif ġie interpretat mill-Kummissjoni.

60      Għandu jiġi enfasizzat li arranġament intiż għall-osservanza ta’ pożizzjonijiet privileġġati tradizzjonali tal-partijiet tal-akkordju, rispettivament, fis-swieq Ewropej u Ġappuniżi, jekk jiġi stabbilit, jikkostitwixxi diġà fih innifsu akkordju li għandu effett fuq is-suq komuni, peress li jħassar il-kompetizzjoni potenzjali tal-prodotturi Ġappuniżi fis-suq komuni. Dan japplika wkoll fis-sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni ma tasalx li turi li l-produtturi Ewropej, iktar u iktar, qasmu bejniethom is-suq Ewropew. Madankollu, kif huwa spjegat iktar ’il quddiem, il-Kummissjoni pprovat b’mod suffiċjenti fid-dritt il-fatti kollha kkontestati minn Siemens fil-kuntest tal-ewwel motiv.

61      Sabiex tipprova l-eżistenza u l-portata ta’ arranġament komuni, il-Kummissjoni semmiet, fid-deċiżjoni kkontestata, diversi elementi fosthom, b’mod partikolari, id-dikjarazzjonijiet ta’ ABB, tax-xhud M. M., ta’ Fuji u ta’ Hitachi, il-fatt li la Alstom, la l-kumpanniji li jiffurmaw il-grupp Areva u lanqas il-grupp li l-kumpannija VA Technologie kienet il-kumpannija parent tiegħu (iktar ’il quddiem il-“grupp VA Tech”) ma kkontestaw apertament l-arranġament komuni, lista’ ta’ proġetti ta’ AIG diskussi fi ħdan l-akkordju, ipprovduta minn ABB, u ċerti fatturi ta’ dokumenti probatorji. Għalhekk, għandhom jiġu eżaminati l-portata u l-valur probatorju ta’ dawn l-elementi.

 Fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ ABB u tax-xhud M.

62      Fid-dikjarazzjonijiet tagħha, ABB indikat li l-protezzjoni tat-territorji tal-Ewropa tal-Punent u Ġappuniżi kienet teżisti u li ċerti każijiet, li fihom il-produtturi Ġappuniżi diġà kellhom l-intenzjoni, kuntrarjament għal dan id-dispożittiv, li jissodisfaw is-sejħiet għal offerti Ewropej, kienu ħolqu problemi fi ħdan l-akkordju, li madankollu ġew finalment solvuti. Barra minn hekk, fid-dikjarazzjoni tagħha tat-3 ta’ Frar 2005, ABB indikat li r-riżultati tal-għoti tal-proġetti ta’ AIG fis-suq komuni – minbarra l-“pajjiżi kostrutturi” – kienu sussegwentement imputati fuq il-kwoti dinjin tal-produtturi Ewropew fl-akkordju. Fl-aħħar nett, fid-dikjarazzjoni tagħha tal-4 ta’ Ottubru 2005, ABB ammettiet l-eżistenza ta’ sistema ta’ “pajjiżi kostrutturi” li tipprovdi li, jekk hemm produttur wieħed biss f’dawn il-pajjiżi, huwa kien l-uniku proprjetarju tal-proġetti, u kieku kien hemm diversi produtturi, dawn kienu jaqsmu l-proġetti bejniethom.

63      F’dan ir-rigward, Siemens issostni li d-dikjarazzjonijiet ta’ ABB huma sempliċi dikjarazzjonijiet min-naħa ta’ din il-kumpannija, li huma nieqsa minn valur probatorju fin-nuqqas li jkunu sostnuti minn provi preċiżi u verifikabbli. Il-Kummissjoni tqis, min-naħa tagħha, li d-dikjarazzjoni ta’ impriża li tixtieq tikseb immunità mill-multa għandha valur probatorju partikolari mis-sempliċi fatt li hija tmur kontra l-interess naturali tal-awtur tiegħu.

64      Fir-rigward tad-digriet tal-kredibbiltà li jiġu attribwiti dikjarazzjonijiet lil ABB, għandu jiġi rrilevat li, fil-każ ineżami, bħala l-ewwel waħda li tkun irrapportat l-akkordju, ABB setgħet raġonevolment tispera li tibbenefika mill-immunità sħiħa mill-multi prevista fil-punt 8 tal-avviż dwar il-kooperazzjoni. Għalhekk, ma jistax jiġi eskluż li hija setgħet tħossha mġiegħla timmassimizza l-importanza tal-aġir illegali rrapportat, sabiex jikkawża ħsara għall-kompetituri tiegħu fis-suq.

65      Madankollu, dan ma jfissirx li d-dikjarazzjonijiet ta’ ABB għandhom jiġu kkunsidrati bħala nieqsa minn kull kredibbiltà. F’dan ir-rigward, ġie deċiż li l-fatt li ssir talba sabiex wieħed jibbenefika mill-applikazzjoni tal-avviż fuq il-kooperazzjoni għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa, mhux neċessarjament joħloq inċentiv sabiex jiġu prodotti provi żbaljati. Fil-fatt, kull tentattiv li jwassal lill-Kummissjoni twettaq żball seta’ jikkonfuta l-veraċità kif ukoll il-kompletezza tal-kooperazzjoni tal-applikant u, għalhekk, jipperikola l-possibbiltà tiegħu li jibbenefika b’mod sħiħ mill-avviż dwar il-kooperazzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il-Kummissjoni, T‑120/04, Ġabra p. II‑4441, punt 70).

66      Madankollu, sa fejn id-dikjarazzjonijiet ta’ ABB huma kkontestati minn impriżi oħra li fil-konfront tagħhom ġie allegat li kkonkludew l-arranġament komuni, huma għandhom jiġu sostnuti minn provi oħra sabiex ikunu jistgħu jikkostitwixxu prova suffiċjenti tal-eżistenza u tal-portata tal-arranġament komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Enso-Gutzeit vs Il-Kummissjoni, T‑337/94, Ġabra p. II‑1571, punt 91, u tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punt 285).

67      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat sa fejn id-dikjarazzjonijiet ta’ ABB dwar it-tqassim tas-suq bejn il-produtturi Ewropej u Ġappuniżi u l-eżistenza ta’ “pajjiżi kostrutturi” huma sostnuti minn provi oħra invokati mill-Kummissjoni.

68      B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni tirreferi b’mod partikolari, fid-deċiżjoni kkontestata, għad-dikjarazzjoni tax-xhud M. M., ex impjegat ta’ ABB li kien jirrappreżenta din l-impriża fuq livell operazzjonali tal-akkordju bejn l-1988 sa’ April 2002.

69      Għalhekk, fir-rigward tan-natura tad-dikjarazzjonijiet ta’ M. M., għandu jiġi enfasizzat preliminarjament, li x-xhieda tiegħu ma tistax tiġi kklassifikata bħala differenti u indipendenti minn dik ta’ ABB. Fil-fatt, mhux biss ġie impjegat minn din il-kumpannija matul il-ħajja professjonali tiegħu – fatt li ma jistax jiggarantixxi n-nuqqas ta’ kull diverġenza ta’ interessi bejniethom, kif issostni l-Kummissjoni b’mod ġust –, iżda li esprima ruħu, quddiem il-Kummissjoni, bħala mandatarju ta’ ABB fil-kuntest tal-obbligu ta’ kooperazzjoni ta’ din tal-aħħar sabiex jikseb immunità mill-multi, skont il-paragrafu 11 tal-avviż dwar il-kooperazzjoni, u billi ġie megħjun mill-avukat ta’ ABB, kif jirriżulta b’mod ċar mill-introduzzjoni tat-traskrizzjoni tad-dikjarazzjonijiet li saret waqt is-seduta tagħha fit-23 ta’ Settembru 2005. Barra minn hekk, il-Kummissjoni wriet xebh, pereżempju fin-noti ta’ qiegħ il-paġna Nru 90 u 91 tad-deċiżjoni kkontestata, bejn ix-xhieda ta’ M. M. u d-dikjarazzjonijiet ta’ ABB.

70      Isegwi li d-dikjarazzjonijiet ta’ M. M. ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala prova li ssostni d-dikjarazzjonijiet ta’ ABB, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 66 iktar ’il fuq, iżda għandhom jiġu kkunsidrati li jagħmlu parti minn dawn tal-aħħar. Din ma ċċaħħadhomx minn kull valur probatorju. Huma jistgħu b’mod partikolari jservu sabiex jippreċiżaw id-dikjarazzjonijiet ta’ ABB. Madankollu, huwa neċessarju li tiġi kkorroborata l-informazzjoni bbażata fuq ix-xhieda ta’ M permezz ta’ provi oħra sabiex tikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-eżistenza u tal-portata tal-arranġament komuni, l-istess bħal dawk konklużi mid-dikjarazzjonijiet ta’ ABB, u dan minkejja li M ma jistax, kuntrarjament għal ABB, ikollu interess personali li jimmassimizza l-aġir illegali tal-kompetituri ta’ ABB. L-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw, barra minn hekk, għad-dikjarazzjonijiet ta’ V.‑A, impjegat ta’ ABB interrogat mill-Kummissjoni bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk deskritti fil-paragrafu preċedenti minn M.

71      Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet ta’ M, għandu jiġi rrilevat li dan indika li l-prinċipju tal-protezzjoni tas-swieq domestiċi kien wieħed ta’ importanza bażika għall-konklużjoni tal-akkordju u li dan tal-aħħar ma setax jiffunzjona mingħajr l-osservanza ta’ dan il-prinċipju.

72      Skont M., huwa għal din ir-raġuni li, waqt id-determinazzjoni tal-impriżi differenti implikati fil-mument tal-ħolqien tal-akkordu fl-1988, is-swieq nazzjonali rispettivi tal-produtturi Ġappuniżi u Ewropej, jiġifieri, minn naħa, tal-Ġappun bħala suq nazzjonali tal-impriżi Ġappuniżi u, min-naħa l-oħra, tal-Ġermanja, ta’ Franza, tal-Isvezja, tal-Isvizzera u tal-Italja bħala swieq nazzjonali ta’ impriżi Ewropej, kienu esklużi mill-evalwazzjoni ta’ parti mis-swieq li kellha kull impriża.

73      M. indika wkoll li l-pajjiżi Ewropej, minbarra l-“pajjiżi kostrutturi” kienu esklużi mis-sistema ta’ tqassim ta’ proġetti prevista mill-ftehim GQ, sabiex ma jaffettwawx il-funzjonament ta’ ċerti prattiki kollużorji li kienu ffurmaw fuq livell lokali bejn il-produtturi differenti matul is-snin. Min-naħa l-oħra, il-volum tas-swieq li nkiseb minn kull produttur ittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kontroll tar-rispett tal-kwoti dinjin tal-gruppi Ewropej u Ġappuniżi u tal-kwoti ta’ kull impriża.

74      Barra minn hekk, M. qies li ma kienx hemm ostakoli tekniċi jew kummerċjali li ma jistgħux jiġi megħluba fid-dħul ta’ impriżi Ġappuniżi fis-suq Ewropew u li tali dħul kien possibbli, għal żmien medju, permezz ta’ ċerti investimenti. Għalhekk, fil-fehma tiegħu, l-impriżi Ġappuniżi kienu naqsu milli jidħlu fis-suq Ewropew sabiex josservaw ir-regoli tal-akkordju iktar milli għal raġunijiet tekniċi.

75      Fir-rigward tal-kredibbiltà tax-xhieda ta’ M., għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, matul kważi t-tul kollu tal-akkordju, jiġifieri mill-1988 sa l-2002, li huwa kien wieħed mir-rappreżentanti ta’ ABB fil-kuntest ta’ tali akkordju, filwaqt li ABB stess kienet waħda mill-atturi prinċipali tal-akkordju. Għaldaqstant, huwa kien xhud dirett taċ-ċirkustanzi li rrefera għalihom. Għalhekk, ix-xhieda tiegħu għanda, bħala prinċipju, tiġi kklassifikata bħala prova b’valur probatorju għoli.

76      Barra minn hekk, id-dikjarazzjonijiet ta’ M. huma koerenti u ċari, anki jekk ma jiftakarx kull dettall fattwali tal-implementazzjoni tal-akkordju li pparteċipa fih, għan-nom ta’ ABB, matul erbatax-il sena. F’xhieda li tkopri perijodu ta’ dan it-tul, il-fatt li jista’ jkun hemm ċerti ineżattezzi żgħar f’dawn id-dikjarazzjonijiet għandu jiġi kkunsidrat bħala normali.

77      Għalhekk, għandha tiġi attribwita kredibbiltà għolja lid-dikjarazzjonijiet ta’ M., bla ħsara għall-fatt, irrilevat iktar ’il fuq, li huma għandhom jiġu evalwati bħala dikjarazzjonijiet li saru għan-nom ta’ ABB.

78      Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkonfutata mill-argumenti ppreżentati minn Siemens sabiex tikkontesta l-kredibbiltà tax-xhieda ta’ M. u, b’mod partikolari, mill-allegati kontradizzjonijiet bejn din ix-xhieda u dik ta’ V.-A. Fil-fatt, l-allegazzjonijiet ta’ Siemens li jipprovdu, minn naħa, li V.-A. indika li l-Istati Membri taż-ŻEE, bħall-Istati tal-Amerka ta’ Fuq, kienu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim GQ u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet sa fejn ix-xhieda ta’ V.-A. hija inqas kredibbli minn dik ta’ M. ma jistgħux jintlaqgħu, peress li x-xhieda ta’ V.-A. ma tikkontradixxix dik ta’ M.

79      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li V.-A. stess iddikjara, waqt id-dikjarazzjoni tiegħu tal-21 ta’ Settembru 2005, li pparteċipa biss f’sitt sa għaxar laqgħat fuq livell operazzjonali bejn l-1997 u l-1998, li kellu konoxxenzi limitati u kien dipendenti, f’dan ir-rigward, fuq M., li kien l-uniku wieħed li kellu ċerta informazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-esklużjoni tal-Amerka ta’ Fuq u tal-Ewropa mill-kamp tal-applikazzjoni tal-ftehim GQ.

80      Barra minn hekk, V.-A. irrileva differenza bejn l-esklużjoni tal-Amerka ta’ Fuq u dik tal-Ewropa, billi ppreċiża li l-Istati Uniti kienu esklużi minħabba l-biża li jesponu ruħhom għall-multi ħorox u li jheddu lill-parteċipanti f’dawn l-akkordji f’dan il-pajjiżi, filwaqt li fil-fehma tiegħu l-proġetti Ewropej kienu effettivament ittrattati minn impriżi parteċipanti fl-akkordju, iżda mhux fil-kuntest ta’ laqgħat li kien ipparteċipa fihom huwa stess.

81      Fl-aħħar nett, V.-A. indika li kien xhud, waqt il-laqgħat li pparteċipa fihom, ta’ nuqqas ta’ ftehim bejn ir-rappreżentanti tal-grupp ta’ produtturi Ġappuniżi u dawk tal-grupp ta’ produtturi Ewropej fir-rigward tal-allegati tentattivi ta’ produtturi Ġappuniżi li jidħlu fis-swieq Ewropej, bi ksur ta’ ftehim li jipprojbixxihom li jikkompetu mal-produtturi Ewropej tal-Punent. Huwa ppreċiża wkoll li ma kien jara ebda ostakolu tekniku jew kummerċjali li ma setax jingħeleb fir-rigward tal-fatt li l-produtturi Ġappuniżi jistgħu jidħlu fis-swieq Ewropej.

82      Fuq il-bażi ta’ konoxxenzi limitati dwar il-funzjonament tal-akkordju li skontu huwa kelllu, id-dikjarazzjonijiet ta’ V.-A. huma għalhekk kompatibbli ma’ dawk ta’ M. u anki jikkonfermawhom fir-rigward ta’ ċerti aspetti, b’mod partikolari fir-rigward tat-tqassim tas-swieq bejn il-produtturi Ewropej u Ġappuniżi. Anki jekk il-Kummissjoni ma ppreċiżatx espressament fid-deċiżjoni kkontestata, ix-xhieda ta’ V.-A. tikkostitwixxi għalhekk prova kontra Siemens iktar milli prova favur. Għalhekk, l-argument ta’ Siemens ibbażat fuq kontradizzjoni bejn ix-xhieda ta’ M. u ta’ V.‑A għandu jiġi miċħud.

83      Bħala konklużjoni, id-dikjarazzjonijiet ta’ M., li jibbenefikaw minn kredibbiltà għolja, jikkostitwixxu prova tal-eżistenza tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ “pajjiżi kostrutturi”, li kien jirriżerva s-swieq Ewropej, minbarra “pajjiżi kostrutturi”, għall-produtturi Ewropej u għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-volum ta’ bejgħ f’dawn tal-aħħar għall-finijiet tal-osservanza ta’ kwoti dinjin. Madankollu, kif ġie kkonstatat fil-punt 70 iktar ’il fuq, id-dikjarazzjonijiet ta’ M. għandhom jiġu sostnuti minn provi oħra, bħal dawk ta’ ABB, sabiex jistgħu jikkostitwixxu prova suffiċjenti tal-eżistenza u tal-portata tal-arranġament komuni.

 Fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Fuji

84      Fuji ddikjarat li kienet taf bl-arranġament komuni li jipprovdi li l-produtturi Ġappuniżi kellhom jonqsu milli jidħlu fis-suq Ewropew. Madankollu, hija ssostni li n-nuqqas tagħha mis-suq Ewropew kien prinċipalment dovut għall-fatt li hija ma setgħetx tiddikjara b’mod serju li tforni SIG fl-Ewropa għal raġunijiet oħra, b’mod partikolari l-parti tagħha fis-suq dinji limitat li ma kienx jiġġustifika li jiġu sostnuti l-ispejjeż neċessarji għall-iżvilupp ta’ bażi Ewropea. Fir-rigward tal-uniku proġett ta’ SIG li wettqet Fuji fl-Ewropa, jiġifieri proġett fir-Repubblika Ċeka fl-1995, hija ssostni li, f’dan il-każ, hija aġixxiet bħala subappaltatur ta’ kumpannija Ġappuniża oħra li pprovdiet is-SIG inkwistjoni fil-Ġappun. Għalhekk, hija tikkunsidra dan il-proġett bħala proġett ta’ SIG fil-Ġappun u tqis li huwa ma jurix il-kapaċità ġenerali tagħha ta’ provvista fl-Ewropa.

85      F’dan ir-rigward, Siemens issostni li din id-dikjarazzjoni ta’ Fuji saret wara s-seduta msemmija fil-punt 9 iktar ’il fuq, jiġifieri meta Fuji ma kinitx għadha iktar f’pożizzjoni li tipprovdi xhieda imparzjali u oġġettiva. Għalhekk, skont il-ġurisprudenza, huma biss id-dokumenti ċċitati jew imsemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li jikkostitwixxu motivi ta’ prova validi (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Lulju 1991, AKZO vs Il-Kummissjoni, C‑62/86, Ġabra p. I‑3359, punt 21, u tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Diċembru 2003, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied u Technische Unie vs Il-Kummissjoni, punt 54 iktar ’il fuq, punt 34, u l-ġurisprudenza ċċitata).

86      Din l-oġġezzjoni ma tistax tintlaqa’. Fil-fatt, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tippermetti lill-persuni kkonċernati li effettivament ikollhom għarfien tal-aġir allegat fil-konfront tagħhom mill-Kummissjoni. Dan ir-rekwiżit huwa osservat meta d-deċiżjoni finali ma timplikax lill-persuni kkonċernati bi ksur differenti minn dak li hemm fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u meta tinkludi biss fatti li dwarhom il-persuni kkonċernati kellhom l-opportunità li jagħtu l-fehma tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punt 94; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T‑191/98, T‑212/98 sa T‑214/98, Ġabra p. II‑3275, punt 138, u tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II‑1181, punt 47).

87      Filwaqt li, għalhekk, huwa minnu li l-ksur akkużat fil-konfront tal-impriża f’deċiżjoni ma jistax ikun differenti minn dak sostnut fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, dan ma japplikax ukoll għall-fatti kkonstatati, peress li huwa biżżejjed, fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, li l-impriżi kkonċernati kellhom il-possibbiltà jesprimu ruħhom dwar il-fatti kollha li ġew allegati fil-konfront tagħhom. Fil-fatt, kif intqal, ebda dispożizzjoni ma tipprekludi lill-Kummissjoni milli tikkomunika lill-partijiet, wara li tkun intbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, dokumenti ġodda li hija tqis li jsostnu l-argument tagħha, bir-riżerva li l-impriżi jingħataw iż-żmien neċessarju sabiex jippreżentaw il-fehma tagħhom dwar dan is-suġġett (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, T‑23/99, Ġabra p. II‑1705, punt 190; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG-Telefunken vs Il-Kummissjoni, 107/82, Ġabra p. 3151, punt 29).

88      Issa, fil-każ inkwistjoni, huwa paċifiku li, permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Awwissu 2006, il-Kummissjoni kkomunikat lil Siemens id-dikjarazzjonijiet ta’ Fuji u stednitha tippreżenta l-kummenti tagħha dwar dawn id-dikjarazzjonijiet. Barra minn hekk, l-imsemmija dikjarazzjonijiet ma kinux jinkludu lmenti fir-rigward ta’ Siemens li kienu ġodda meta mqabbla ma’ dawk stabbiliti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, iżda kienu jinkludi biss prova ġdida intiża li ssostni lment li kien diġà inkluż fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jiġifieri l-fatt li kien jeżisti arranġament komuni bejn il-produtturi Ġappuniżi u Ewropej li jipprovdu li l-produtturi Ġappuniżi ma kellhomx jidħlu fis-suq Ewropew.

89      Għaldaqstant, id-dikjarazzjonijiet ta’ Fuji jistgħu jintlaqgħu bħala prova kontra Siemens.

90      Fir-rigward tal-kredibbiltà li għandha tiġi attribwita lid-dikjarazzjonijiet ta’ Fiji, għandu jiġi rrilevat li, sa fejn din tal-aħħar ammettiet, minn tal-inqas indirettament, li n-nuqqas tagħha mis-suq Ewropew kien parzjalment dovut għall-arranġament komuni, hija rrikonoxxiet fatt li seta’ jiġi allegat fil-konfront tagħha mill-Kummissjoni. Issa, diġà ġie deċiż li d-dikjarazzjonijiet li jmorru kontra l-interessi ta’ min jiddikjara, għandhom, fil-prinċipju, jiġu kkunsidrati bħala provi partikolarment dgħajfin (sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, punt 211).

91      Dan huwa minnu anki jekk, fil-każ inkwistjoni, Fuji talbet li tibbenefika mill-avviż dwar il-kooperazzjoni. Fil-fatt, l-ewwel nett, id-dikjarazzjonijiet ta’ Fuji ma sarux fil-kuntest ta’ din it-talba, iżda fir-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, anki jekk iż-żewġ dokumenti ġew stabbiliti kważi simultanjament. It-tieni nett, ir-rikonoxximent minn Fuji tal-fatt li kienet taf bit-tqassim tas-swieq Ewropej u Ġappuniżi ma huwiex ta’ natura esklużivament inkriminanti fir-rigward ta’ impriżi oħra – ċirkustanza li għandha twassal sabiex id-deċiżjoni tagħha suspettuża, iżda tinkludi wkoll rikonoxximent ta’ ksur min-naħa tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, f’dan il-każ, id-dikjarazzjoni ta’ Fuji għandha tibbenefika minn kredibbiltà għolja.

92      Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-kontenut tad-dikjarazzjoni ta’ Fuji, għandu jiġi enfasizzat li, f’din id-dikjarazzjoni, Fuji mhux sempliċement tirrikonoxxi tqassim tas-swieq bejn il-produtturi Ewropej u Ġappuniżi iżda tirreferi wkoll għad-dettalji dwar l-għanijiet rispettivi tal-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju, li jippermettu li jsiru konklużjonijiet oħra. Fil-fatt, Fuji tindika li, fir-rigward tagħha, l-arranġament komuni ma kienx ir-raġuni prinċipali tan-nuqqas tagħha li tidħol fis-suq Ewropew u tagħti sensiela ta’ raġunijiet li, skontha, wassluha sabiex tagħmel din l-għażla. B’mod partikolari, l-argument li jipprovdi li l-parti dinjija tagħha kienet wisq dgħajfa sabiex tiġġustifika l-ispejjeż neċessarji għall-iżvilupp ta’ bażi Ewropea tippermetti li jiġi konkluż li l-produtturi Ġappuniżi, u, kuntrarjament, il-produtturi Ewropej, li għandhom parti ikbar mis-suq kienu kapaċi jegħlbu l-ostakoli tekniċi u kummerċjali fid-dħul fis-swieq protetti mill-gruppi ta’ produtturi rispettivi u li jagħmlu profitt min tali investiment. Minn din il-perspettiva, iktar ma l-parti tas-suq ta’ impriża partikolari kienet kbira, inqas huwa rilevanti l-argument ibbażat fuq ostakoli tekniċi u kummerċjali għal din l-impriża, u, kuntrarjament, iktar hija rilevanti l-projbizzjoni miftiehma fil-kuntest tal-arranġament komuni li jidħlu fis-swieq tal-grupp ta’ produtturi l-ieħor.

93      Issa, jekk isir riferiment għall-partijiet tas-suq li rreferiet għalihom il-Kummissjoni fil-premessi 484 sa 488 tad-deċiżjoni kkontestata, li huma bbażati fuq figuri ta’ bejgħ indikati mill-impriżi nfushom u li ma humiex ikkontestati fil-każ inkwistjoni, jidher li Fuji kienet bil-bosta l-iżgħar waħda mill-produtturi ta’ AIG parteċipanti fl-akkordju, bi 2 % fil-massimu tad-dħul mill-bejgħ dinji tal-impriżi li jipparteċipaw fl-akkordju għall-proġetti ta’ SIG. Il-partijiet fis-swieq ta’ impriżi Ġappuniżi oħra kienu sostanzjalment superjuri u bejn il-15 % u l-20 % għal Melco, bejn 8 % u 12 % għal Toshiba u bejn 4 u 7 % għal Hitachi. Fir-rigward ta’ Siemens, hija kellha parti mis-suq bejn 23 % u 29 %. Għalhekk, id-dikjarazzjoni ta’ Fuji tippermetti li jiġi konkluż li l-protezzjoni tas-swieq Ewropej u Ġappuniż favur, rispettivament, il-produtturi Ewropej u produtturi Ġappuniżi kellha interess għall-parti l-kbira tal-impriżi kkonċernati, peress li l-parti tas-suq tagħhom kienet sostanzjalment ogħla minn dik ta’ Fuji u kienet tippermettilhom iktar faċilment isostnu l-ispejjeż tad-dħul fis-swieq tal-grupp ta’ produtturi l-oħra.

94      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma tikkontestax l-eżistenza ta’ ostakoli tekniċi u kummerċjali fid-dħul fis-swieq protetti mill-gruppi ta’ produtturi Ewropej u Ġappuniżi, iżda l-kunsiderazzjoni li tipprovdi li dawn l-ostakoli ma setgħux jingħelbu b’mod li jsir profitt. F’dan ir-rigward, hija bbażat ruħha fuq żewġ proġetti ta’ SIG fir-Repubblika Ċeka. L-ewwel wieħed sar f’Fuji u t-tieni wieħed kien suġġett ta’ offerta ta’ Melco, li ma ġiex ikkontestat minn Siemens. Dan juri li ma kienx hemm iktar ostakoli tekniċi u kummerċjali li ma setgħux jingħelbu fid-dħul tal-produtturi Ġappuniżi fis-swieq Ewropej, li jista’ jsostni l-argument tal-Kummissjoni li jipprovdi li l-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju kellhom interess suġġettiv sabiex il-produtturi tal-grupp l-ieħor ma jippruvawx jegħlbu l-istess ostakoli.

95      Bħala konklużjoni, id-dikjarazzjonijiet ta’ Fuji jikkostitwixxu prova għall-eżistenza tat-tqassim fis-swieq Ewropej u Ġappuniżi favur gruppi ta’ produtturi rispettivi, li jibbenefikaw minn kredibbiltà għolja.

 Fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Hitachi

96      Hitachi ddikjarat li l-proġetti ta’ SIG fl-Ewropa li jinqasmu bejn il-produtturi Ewropej kienu imputati fuq il-kwota konġunta “Ewropea” fil-kuntest tal-ftehim GQ u li, għal din ir-raġuni, il-produtturi Ġappuniżi kienu infurmati ex post, sal-1999, bir-riżultat tat-tqassim tal-proġetti ta’ SIG fl-Ewropa bejn il-produtturi Ewropej. Fir-risposta tagħha tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Hitachi fil-fatt indikat is-segwenti:

“Hitachi tikkonferma li, qabel l-1999, il-produtturi Ewropej ta’ SIG kienu jinnotifikaw lill-produtturi Ġappuniżi tas-SIG id-dettalji tal-proġett ta’ SIG li huma kienu ser jipprovdu fl-Ewropa. Barra minn hekk, Hitachi tikkonferma li l-għan ta’ din in-notifika kien li jiġi żgurat li l-valur tal-proġetti Ewropej kien ittieħed inkunsiderazzjoni waqt il-ftehim dwar il-kwoti ta’ proġetti barra mill-Ewropa sabiex li għandhom jiġu attribwiti bejn il-produtturi Ewropej u l-produtturi Ġappuniżi, skont il-ftehim GQ […]

Sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ importanza prattika ta’ dan il-mekkaniżmu, matul il-perijodu li matul tiegħu kien fis-seħħ (jiġifieri, qabel l-2002), għandu jiġi enfasizzat li n-notifika tad-dettalji tal-proġetti fl-Ewropa fil-kuntest tal-akkordju GQ ma kienx marbut ma’ kwalunkwe kunsens tal-produtturi Ġappuniżi li jżommu ’l bogħod mis-suq Ewropew u lanqas li juru l-eżistenza ta’ tali kunsens, peress li ebda ‘arranġament komuni’ ma kien jeżisti. Dak li huwa probabbilment iktar importanti huwa, fi kwalunkwe każ, b’ebda mod, l-għoti ta’ proġetti ta’ SIG Ewropej permezz tal-akkordju Ewropew ma ‘jirriżultaw minn’ notifiki bejn il-produtturi SIG Ewropej u l-produtturi SIG Ġappuniżi, kif allegat mill-Kummissjoni. In-notifiki kollha bejn il-produtturi ta’ SIG Ewropej u Ġappuniżi kienu jsiru wara li jkun sar l-għoti ta’ proġetti ta’ SIG Ewropej.”

97      Din id-dikjarazzjoni hija istruttiva minn diversi perspettivi. L-ewwel nett, billi kkonfermat espressament li l-proġetti ta’ SIG fl-Ewropa mwettqa mill-produtturi Ewropej kienu imputati fuq il-kwota dinjija tagħhom fil-kuntest tal-ftehim GQ, Hitachi kkonfermat l-argument tal-Kummissjoni li jipprovdi li l-produtturi Ewropej, fosthom Siemens, wettqu ftehim dwar il-proġetti fis-suq komuni (matul l-ewwel snin tal-funzjonament tal-akkordju, l-Ewropa tal-Lvant ma kienx għadu aċċessibbli bħala suq) u li skontha, għalhekk, l-akkordju kellu tabilħaqq effetti fis-suq komuni u fiż-ŻEE.

98      It-tieni nett, id-dikjarazzjoni ta’ Hitachi tikkostitwixxi wkoll, u dan indipendentement mir-rieda tal-awtur tagħha, indizju insostenn tal-argument tal-Kummissjoni li jipprovdi li s-swieq Ewropej kienu globalment riżervati lill-produtturi Ewropej. Fil-fatt, Hitachi tinsisti ripetutament fuq il-fatt li skontha l-produtturi Ġappuniżi ġew infurmati ex post facto. Minn naħa, hija tikkonkludi li dawn tal-aħħar ma kinux implikati fil-prattiki kollużorji tal-produtturi Ewropej fis-swieq Ewropej. Min-naħa l-oħra, hija tqis li l-imsemmija informazzjoni ma kellha ebda rabta ma’ obbligu tal-produtturi Ġappuniżi li jżommu ’l bogħod mis-swieq Ewropej u lanqas ipprovat tali obbligu, u tikkonstesta l-eżistenza ta’ arranġament komuni.

99      Madankollu, ma hemm ebda spjegazzjoni loġika għall-fatt – ikkonstatat minn Hitachi wkoll – li l-proġetti ta’ SIG fl-Ewropa, li kienu maqsuma bejn il-produtturi Ewropej, kienu imputati fuq il-kwota dinjija, jekk, fi kwalunkwe każ, is-swieq Ewropej ma kinux aċċessibbli għall-produtturi Ġappuniżi għal raġunijiet tekniċi u kummerċjali. Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, il-produtturi Ewropej ma kien ikollhom ebda raġuni għalfejn jaċċettaw li dawn il-proġetti jiġu imputati fuq il-kwota dinjija tagħhom, li tnaqqas in-numru u l-valur tal-proġetti ta’ SIG fis-swieq dinjin li huma jistgħu jinvokaw fil-kuntest ta’ akkordju. Kuntrarjament, il-fatt li l-produtturi Ewropej taw il-kunsens tagħhom għal din il-kunsiderazzjoni juri li l-fatt li l-produtturi Ġappuniżi naqsu milli jidħlu fis-swieq Ewropej kellu, għall-produtturi Ewropej, valur li seta’ jiġġustifika dik il-kunsiderazzjoni.

100    Fir-rigward tal-kredibbiltà ta’ Hitachi, għandu jiġi rrilevat li din tal-aħħar talbet tibbenefika mill-avviż dwar il-kooperazzjoni. Għalhekk, id-dikjarazzjonijiet tagħha għandhom jiġu kkunsidrati b’attenzjoni sa fejn huma ta’ natura esklużivament akkużatorja fir-rigward ta’ impriżi oħra. Madankollu, dan ma huwiex il-każ inkwistjoni. Fil-fatt, id-deduzzjoni li tista’ ssir mid-dikjarazzjoni ta’ Hitachi, li tipprovdi li l-produtturi Ġappuniżi kienu aċċettaw li ma jidħlux fis-swieq Ewropej, tmur kemm kontra l-interesssi ta’ Hitachi kif ukoll tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju, sa fejn tikkonferma fatt li jista’ jinkriminaha. Barra minn hekk, Hitachi ċertament ma kinitx taf bil-konklużjonijiet kollha li setgħu jsiru mill-kontenut tad-dikjarazzjoni tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tar-riżerva tas-swieq Ewropej favur produtturi Ewropej, li għandha tendenza żżid il-kredibbiltà tad-dikjarazzjoni tagħha.

101    Bħala konklużjoni, għandha tiġi attribwita kredibbiltà għolja lid-dikjarazzjonijiet ta’ Hitachi.

 In-nuqqas ta’ Areva, Alstom u tal-grupp VA Tech li jikkontestaw l-arranġement komuni

102    Fir-rigward tan-nuqqas ta’ Areva, Alstom u tal-grupp VA Tech li jikkontestaw l-arranġement komuni, għandu jiġi kkonstatat li d-d-dokumenti tal-fajl la jiġġustifikaw li jingħata valur probatorju lil dan il-fatt u lanqas li jiġu sostnuti l-allegazzjonijiet li saru mill-Kummissjoni.

103    Fir-rigward, l-ewwel nett, ta’ Areva u ta’ Alstom, il-Kummissjoni tindika, fil-premessa 125 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn iż-żewġ kumpanniji ma kkontestawx l-arranġament komuni intiż għall-osservanza tal-pożizzjonijiet privileġġati tradizzjonali fis-swieq nazzjonali tal-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju, la fir-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u lanqas fid-dikjarazzjoni sussegwenti tagħhom tal-21 u tas-26 ta’ Novembru 2006 rispettivament, wara li kienet ġiet irċevuta r-risposta ta’ Fuji li tirrikonoxxi l-arranġament komuni. Madankollu, la Siemens u lanqas il-Kummissjoni ma rreferew għan-nuqqas ta’ kontestatazzjoni minn Areva u Alstom fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali. F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkunsidrat li din il-kwistjoni ma tagħmilx parti mill-kawża preżenti.

104    Fir-rigward, it-tieni nett, tal-grupp VA Tech, il-Kummissjoni tirrileva, fil-premessa 125 tad-deċiżjoni kkontestata, li dan ma kkontestax apertament, fir-risposta tiegħu għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-informazzjoni dwar l-arranġament komuni. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat, li l-imsemmija risposta ma hijiex inkluża fil-fajl u li l-Qorti Ġenerali għandha biss kwotazzjoni li saret mill-Kummissjoni, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 79 tad-deċiżjoni kkontestata: “anki mingħajr l-arranġament komuni preżunt, il-produtturi Ġappuniżi kienu jibqgħu ’l bogħod mis-suq Ewropew minħabba l-barrieri għad-dħul għoljin, kif ser jintwera iktar ’il quddiem.” It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li s-sempliċi fatt li kumpannija ma kkontestatx apertament ċerti fatti jista’ jkollu biss valur probatorju limitat ħafna, u dan iktar u iktar peress li ma huwiex possibbli li jiġi vverifikat il-kuntest tan-nuqqas tal-kontestazzjoni fuq is-sempliċi bażi ta’ tali kwotazzjoni biss. It-tielet nett, għandu jiġi osservat li, anki jekk titqies waħedha, l-imsemmija kwotazzjoni ma għandhiex il-kontenut li tallega l-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, għandha tiġi enfasizzata l-kelma “preżunt” użata mill-grupp VA Tech sabiex tikklassifika l-arranġament komuni. Mill-użu ta’ dan it-terminu jirriżulta li, filwaqt li l-grupp VA Tech ma kkontestax espressament dan l-arranġament, huwa lanqas irrikonoxxieh, anki impliċitament. Kuntrarjament, it-test iċċitat għandu jiġi interpretat bħala kontestazzjoni impliċita tal-eżistenza tal-arranġament komuni.

105    Għaldaqstant, l-allegat nuqqas ta’ Areva, Alstom u tal-grupp VA Tech li jikkontestaw l-arranġament komuni ma jistax jitqies bħala prova li tikkonferma l-argument tal-Kummissjoni dwar ir-riżerva ta’ swieq Ewropej lill-produtturi Ewropej u l-protezzjoni ta’ “pajjiżi kostrutturi”.

 Fuq il-lista ta’ proġetti ta’ SIG fl-Ewropa

106    Fir-rigward tal-lista ta’ ħdax-il proġett ta’ SIG invokati mill-Kummissjoni fil-premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata, hemm inkwistjoni fil-fatt estratt minn lista ta’ proġetti ta’ SIG diskussi fi ħdan l-akkordju matul il-perijodu bejn l-1988 u l-1999, intitolat “Enquirylist1” u ppreżentat minn ABB (iktar ’il quddiem il-“lista dinjija”), li jinkludi informazzjoni, b’mod partikolari, dwar id-dati limitati għall-issuġġettat tal-offerti, lill-impriżi li jkunu wrew interess għal kull proġett u għar-riżultat tad-dikjarazzjonijiet fi ħdan l-akkordju (jiġifieri l-għoti lill-membru tal-akkordju jew l-iffissar tal-livell ta’ prezz minimu).

107    Skont din l-informazzjoni, fir-rigward tal-ħdax-il proġetti ta’ SIG fl-Ewropa inklużi fil-lista dinjija, l-ordni saret, għal sitta minn dawn il-proġetti, mill-impriża li għaliha ngħata l-proġett fil-kuntest tal-akkordju, li kien il-każ tliet darbiet, rispettivament, għal ABB u għal Siemens. Għall-ħames proġetti l-oħra, il-lista dinjija tispeċifika li ma ngħatawx lill-waħda mill-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju, iżda li kienu s-suġġett ta’ arranġament fuq livell ta’ prezz inferjuri, jiġifieri li l-impriżi Ewropej li pparteċipaw fl-akkordju ftiehmu fuq il-prezz minimu li kienu jipproponu fil-kuntest tar-risposti possibbli tagħhom għas-sejħa għal offerti inkwistjoni.

108    L-ewwel nett Siemens ippruvat, b’mod ġenerali, titfa’ dubji fuq l-affidabbiltà tal-informazzjoni inkluża fil-lista dinjija, mingħajr madankollu ma tikkontesta espressament la l-eżistenza tal-proġetti fuq il-lista jew, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ ħdax-il proġetti ta’ SIG fl-Ewropa li huma msemmija hemmhekk, u lanqas il-fatt li dawn il-proġetti ġew diskussi fl-akkordju.

109    F’dan il-kuntest, Siemens allegat b’mod partikolari li ċertu numru ta’ proġetti jissemmew diversi drabi, li numru ta’ proġetti qatt ma ġew implementati u li, il-lista dinjija f’ebda punt ma tindika li proġett ta’ SIG ingħatalha fi ħdan iż-ŻEE. F’żewġ każijiet fejn kisbet il-proġett inkwistjoni, dan irriżulta fi prattiki kompetittivi. Barra minn hekk, Siemens irreferiet għall-analiżi ta’ lista dinjija mwettqa minn kumpannija indipendenti, li turi, b’mod partikolari, li l-proġetti ta’ SIG fi ħdan iż-ŻEE ma kinux suġġett ta’ sistema ta’ tqassim li tiffunzjona b’mod paragunabbli għal dik prevista mill-ftehim GQ u mill-ftehim EQ.

110    Barra minn hekk, fil-kuntest tar-risposta għad-domandi tal-Qorti Ġenerali qabel is-seduta, Siemens ikkontestat il-fatt li l-ħdax-il proġetti ta’ SIG fl-Ewropa inklużi fil-lista dinjija kienu s-suġġett ta’ ftehim fi ħdan l-akkordju.

111    Dawn l-allegazzjonijiet ser ikunu eżaminati fil-punti 116 sa 138 iktar ’il fuq.

–       Fuq l-oriġini u d-data li fiha ġiet stabbilita l-lista dinjija kif ukoll il-klassifikazzjoni tagħha bħala prova

112    Għandu jiġi kkonstatat, kif issostni Siemens, li ma kienx possibbli li jiġu ddeterminati b’ċertezza l-oriġini u d-data li fiha ġiet stabbilita l-lista globali.

113    F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi nnutat li, kif jirriżulta mill-premessa 88 u min-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 21 tad-deċiżjoni kkontestata, il-lista dinjija ġiet prodotta minn ABB fis-7 ta’ Mejju 2004, jiġifieri ġurnata wara d-data tas-6 ta’ Mejju 2004, li tidher fin-naħa ta’ fuq tal-ewwel paġna, data li tikkostitwixxi wisq probabbli d-data li fiha ġiet stabbilita jew id-data li fiha ġiet stampata. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li ABB kienet tibbenefika, fir-rigward ta’ membri oħra tal-akkordju, minn ikkowdjar addizzjonali fl-imsemmija lista. Fil-fatt, il-membri Ewropej – minbarra ABB – u l-membri Ġappuniżi huma inklużi fil-kolonna intitolata “Membru” f’din il-lista, f’żewġ gruppi, bil-kodiċi rispettivi tagħhom, kif użati fl-akkordju. Min-naħa l-oħra, ABB hija “moħbija”, skont l-espressjoni li tintuża minn M. fil-kuntest tas-seduta tiegħu quddiem il-Kummissjoni, fit-23 ta’ Settembru 2005, fil-kolonna intitolata “GCs”, fil-prinċipju intiża għar-referenza ta’ kuntratti ġenerali possibbli. Skont l-informazzjoni ta’ M., dik kienet prekawzjoni li ttieħdet wara li saret investigazzjoni mill-awtorità tal-kompetizzjoni Svediża fir-rigward ta’ ABB.

114    Dawn iż-żewġ ċirkustanzi jippermettu li jiġu preżunt li l-lista dinjija kienet ġiet inizjalment stabbilita minn ABB għall-finijiet tas-segwitu intern tal-akkordju u li kienet ġiet stampata mill-ġdid għall-finijiet tal-preżentazzjoni tagħha quddiem il-Kummissjoni. Għalhekk, wieħed għandu jibbaża ruħu fuq din il-preżunzjoni, li barra minn hekk l-iktar favorevoli għal Siemens u hija kompatibbli mad-dikjarazzjonijiet ta’ din tal-aħħar, li tikkontesta l-fatt li hija l-awtur tal-lista dinjija.

115    Għaldaqstant, kif issostni Siemens, il-lista dinjija għandha tiġi kklassifikata bħala li tagħmel parti mid-dikjarazzjonijiet ta’ ABB. Fil-fatt, fid-dawl tal-fatt li, kif ġie rrilevat, il-lista dinjija ġiet jew stabbilita minn ABB, jew stampata minnha minn forma elettronika interna, u dan f’kuntest ta’ żmien viċin id-dikjarazzjonijiet tagħha magħmula wara t-talba għall-immunità tagħha skont l-avviż dwar il-kooperazzjoni, hija ma tistax tiġi kklassifikata bħala dokument probatorju. Isegwi li l-kunsiderazzjonijiet, stabbiliti fil-punti 64 sa 67 iktar ’il fuq, dwar il-valur probatorju tad-dikjarazzjonijiet ta’ ABB huma wkoll validi fir-rigward tal-lista dinjija. B’mod partikolari, l-informazzjoni inkluża fil-lista dinjija ma tistax isservi sabiex issostni d-dikjarazzjonijiet ta’ ABB iżda, kuntrarjament, għandha tiġi sostnuta minn provi oħra, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 66 iktar ’il fuq.

–       Fuq l-allegazzjoni li l-proġetti ta’ SIG fl-Ewropa msemmija fil-lista dinjija ma ġewx diskussi fi ħdan l-akkordju

116    Kif ġie indikat fil-punt 110 iktar ’il fuq, fil-kuntest tar-risposta għad-domandi bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali qabel is-seduta, Siemens ikkontestat, għall-ewwel darba, li l-ħdax-il proġetti ta’ SIG fl-Ewropa inklużi fil-lista dinjija kienu suġġett ta’ ftehim fi ħdan l-akkordju. Ċertament, hija sostniet, wara domanda f’dan ir-rigward matul is-seduta, li kienet diġà qajmet din il-kontestazzjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni u fir-rikors. Madankollu, f’dan ir-rigward ir-rikors jinkludi biss l-elementi msemmija fil-punt 109 iktar ’il fuq u, jekk jitqies li Siemens kienet qajmet din il-kontestazzjoni matul il-proċedura amministrattiva, dan ma jistax jikkumpensa n-nuqqas ta’ kontestazzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali fl-istadju tar-rikors. Għaldaqstant, għandha tiġi miċħuda bħala li ġiet ippreżentata tard, skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-allegazzjoni ta’ Siemens li tipprovdi li l-ħdax-il proġetti ta’ SIG fl-Ewropa inklużi fil-lista dinjija ma kinux suġġetti ta’ diskussjoni fi ħdan l-akkordju.

117    Barra minn hekk, għandha tiġi enfasizzata n-natura dettaljata tal-informazzjoni inkluża fil-lista dinjija. Fil-fatt, din tinkludi, b’mod partikolari, l-informazzjoni fir-rigward tal-karatteristiċi tat-tagħmir mogħti għall-prodotti inkwistjoni, id-data prevista għas-sejħa għal offerti, id-dati ta’ deliberazzjoni fi ħdan l-akkordju, il-manifestazzjonijiet ta’ interess fil-proġetti min-naħa ta’ membri differenti tal-akkordju, l-identità tal-kumpannija eventwali li ser jingħatalha l-proġett jew referenza tal-fatt li livell ta’ prezz minimu ġie deċiż, u skont il-każ, l-indikazzjoni li l-proġett effettivament inkiseb mill-kumpannija li ngħatalha l-proġett. Ma jistax jiġi aċċettat li informazzjoni ta’ tali portata u ta’ tali dettall tkun ikkontestata minn sempliċi allegazzjoni li tipprovdi li ħdax-il proġetti fl-Ewropa ma humiex suġġett ta’ ftehim fi ħdan l-akkordju.

118    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li Siemens ma tikkontestax li assumiet il-kompitu ta’ segretarja Ewropea tal-akkordju matul il-perijodu bejn l-1988 u l-1999. Għaldaqstant, kellha neċessarjament tkun taf bil-proġetti kollha diskussi fi ħdan il-grupp Ewropew tal-produtturi u għalhekk, tkun f’pożizzjoni li tikkontesta b’mod dettaljat u individwali l-proġetti elenkati minn ABB abbażi tal-fajls tagħha, fil-każ fejn hemm żball. Il-fatt li Siemens la ħatfet din l-okkażjoni u lanqas spjegat kif ma setgħetx tagħmel dan jista’ għalhekk iservi sabiex jiġi kkonstatat li Siemens ma kkontestatx b’mod validu l-fatt li l-proġetti inklużi fil-lista dinjija u, b’mod partikolari, ħdax-il proġetti fi ħdan iż-ŻEE, kienu s-suġġett ta’ ftehim fi ħdan l-akkordju.

119    Għandha tiġi miċħuda bħala żbaljata d-dikjarazzjoni ta’ Siemens, magħmula fil-kuntest tar-risposta tagħha għad-domandi bil-miktub tal-Qorti Ġenerali qabel is-seduta, li tipprovdi li l-ħdax-il proġetti inkwistjoni kellhom jitwettqu barra miż-ŻEE meta seħħew il-fatti. Fil-fatt, fost il-ħdax-il proġetti, diskussi fi ħdan l-akkordju bejn 1992 u l-1998, hemm inklużi tliet proġetti fi Spanja, proġett fid-Danimarka, proġett fl-Irlanda u proġett fil-Portugall, dawn l-Istati kollha ssieħbu fil-Komunità qabel l-1988. Bl-istess mod, iż-żewġ proġetti fil-Finlandja, tal-1994 u l-1995, huma mingħajr dubju koperti, rispettivament, mill-ftehim ŻEE u t-Trattat KE, ir-Repubblika tal-Finlandja kienet membru taż-ŻEE mill-1 ta’ Jannar 1994 u membru tal-Komunità mill-1 ta’ Jannar 1995. Konstatazzjoni simili għandha ssir għall-proġett fl-Islanda u għaż-żewġ proġetti fin-Norveġja, kollha tal-1998, data li fiha r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja kienu membri taż-ŻEE. Dawn il-pajjiżi kollha għalhekk kienu jagħmlu parti, fil-mument tad-diskussjoni tal-proġett inkwistjoni, jew mis-suq komuni, jew miż-ŻEE.

120    Barra minn hekk, għandha tiġi miċħuda l-allegazzjoni ta’ Siemens li tipprovdi li l-lista globali hija “vaga”. Huwa minnu li din il-lista, li hija stabbilita f’forma ta’ tabella, tuża diversi kodiċi magħmula minn ċifri u/jew ittri. Madankollu, il-Kummissjoni pprovdiet spjegazzjonijiet dwar dawn il-kodiċi, b’mod partikolari, permezz tax-xhud M, waqt is-seduta tat-23 ta’ Settembru 2005, u għandu jiġi kkunsidrat, fid-dawl ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet, li l-lista globali tagħti immaġni ċara ta’ kif ġew ittratti l-proġetti ta’ SIG fi ħdan l-akkordju.

–       Fuq il-proġetti allegatament imsemmija diversi drabi jew li ma ġewx implementati

121    Siemens issostni li ċerti proġetti inklużi fil-lista globali jissemmew diversi drabi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk jitqies li din l-allegazzjoni hija fondata, dan ma jaffettwax ir-rilevanza u l-kredibbiltà tal-lista globali u, għalhekk, il-valur probatorju tagħha. Fil-fatt, minn naħa, Siemens ma tispeċifikax liema huma l-proġetti inkwistjoni u lanqas tindika jekk jagħmlu parti mill-ħdax-il proġetti ta’ SIG fl-Ewropa tal-Punent – peress li dawn il-proġetti kienu l-uniċi proġetti li fuqhom ibbażat speċifikament ruħha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha, u għalhekk, huma l-uniċi proġetti rilevanti għall-finijiet tal-eżami tad-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, il-fatt li lista komposta minn iktar minn 1 500 entrata tista’ tinkludi ċerti żbalji ma huwiex ta’ natura li jimmina l-lista kollha.

122    Fir-rigward tal-allegazzjoni ta’ Siemens li tipprovdi li ċerti proġetti inklużi fil-lista globali qatt ma ġew implementati, għandu jiġi rrilevat li Siemens ma tispeċifikax liema huma dawn il-proġetti. Barra minn hekk, anki jekk jitqies li tali allegazzjoni hija fondata, in-nuqqas ta’ implementazzjoni ta’ ċerti proġetti ma jistax, fi kwalunkwe sitwazzjoni, jipprekludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 taż-ŻEE għall-impriżi li rrigjaw is-sejħa għal offerti marbuta mal-proġetti fil-kuntest ta’ akkordju.

–       Fuq ir-rata baxxa ta’ proġetti ta’ SIG fl-Ewropa rreġistrati fil-lista globali

123    Siemens issostni, mingħajr ma hija kontradetta mill-Kummissjoni li, minn fost iktar minn 1 500 proġetti ta’ SIG irreġistrati fil-lista globali, 11-il proġett biss kellhom jitwettqu fi ħdan iż-ŻEE. Huwa minnu li r-rata baxxa ma tirriflettix l-importanza tas-swieq Ewropej. Madankollu, għandu jitqies li dan il-fatt ma jiġġustifikax li ma tittiħiedx inkunsiderazzjoni l-informazzjoni inkluża fil-lista.

124    Fil-fatt, qabelxejn, la ABB u lanqas il-Kummissjoni ma allegaw li l-lista globali kienet tinkludi l-proġetti kollha affettwati bl-akkordju. Barra minn hekk, in-nuqqas, sa ċertu punt, tal-proġetti “Ewropej” fl-imsemmija lista jikkoinċidi mal-argument li hemm “pajjiżi kostrutturi”, li mill-bidu kienu rriżervati għal ċerti impriżi, mingħajr ma l-proġetti mwettqa f’dawn il-pajjiżi jkunu imputati fuq il-kwota permezz tal-akkordju. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni invokat l-eżistenza ta’ akkordji addizzjonali fuq livell nazzjonali, li fi ħdan tagħhom setgħu jiġu ttrattati, akkordji li huma wkoll imsemmija mix-xhud M. Dan tal-aħħar spjega li, fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Ewropej mhux kostrutturi, kien hemm, sa minn żmien twil, akkordji lokali bejn il-produtturi Ewropej differenti li l-funzjonament tagħhom ma setax jiġi affettwat mill-ftehim GQ u l-ftehim EQ. Għalhekk, ġie deċiż li dawn il-pajjiżi ma jiġux integrati fil-proċedura ta’ għoti ta’ proġetti stabbiliti permezz ta’ dawn il-ftehim, iżda sempliċement li jiġi rreġistrat l-għoti ta’ proġetti ta’ SIG li għandhom jitwettqu f’dawn il-pajjiżi sabiex jiġu imputati fuq il-kwota dinjija tal-impriżi Ewropej.

125    Issa, kemm fil-każ ta’ “pajjiżi kostrutturi” kif ukoll fil-każ ta’ akkordji lokali eżistenti minn qabel, ma kienx neċessarju li jiġu diskussi l-proġetti ta’ SIG li għandhom jitwettqu fil-pajjiżi inkwistjoni fil-kuntest tal-akkordju globali, li jista’ jispjega l-proporzjon baxx ta’ proġetti “Ewropej” fuq lista ta’ proġetti mogħtija fl-imsemmi kuntest, b’mod partikolari fir-rigward ta’ swieq nazzjonali daqstant importanti bħal Franza, il-Ġermanja u l-Italja, li kienu kollha, skont il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, “pajjiżi kostrutturi” fil-bidu tal-akkordju.

126    Mingħajr ma hemm il-bżonn li tingħata risposta, definittivament, dwar l-eżistenza tal-allegati akkordji eżistenti minn qabel, ikkonstatati minn Siemens, hemm lok għalhekk li jitqies li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi inkwistjoni, il-proporzjon baxx ta’ proġetti ta’ SIG fl-Ewropa rreġistrati fil-lista globali ma jipprekludix li tittieħed inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni ta’ provi, l-informazzjoni inkluża f’din il-lista u, b’mod partikolari, l-informazzjoni dwar ħdax-il proġett ta’ SIG fl-Ewropa inklużi fiha.

127    Barra minn hekk, kif tosserva l-Kummissjoni fir-replika tagħha, ir-raġunament ta’ Siemens, ibbażat fuq l-allegata esklużjoni tas-swieq Ewropej, minbarra dawk tal-Liechtenstein u tal-Islanda, mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-akkordju, anki kieku ġie stabbilit, ma tistax tispjega kif il-lista globali għandha tinkludi proġett ta’ SIG wieħed fiż-ŻEE. Fir-replika tagħha, Siemens naqset milli tieħu pożizzjoni dwar dan is-suġġett. Bħala risposta għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward, Siemens illimitat ruħha li tikkontesta l-fatt li l-ħdax-il proġett ta’ SIG fl-Ewropa inklużi fil-lista globali kienu s-suġġett ta’ ftehim tal-akkordju. Minkejja dan, kif ġie rrilevat fil-punti 116 u 117 iktar ’il fuq, dan ir-raġunament għandu jiġi miċħud, li ġie mqajjem għall-ewwel darba waqt il-proċedura orali.

128    Minn dan isegwi li r-rata baxxa ta’ proġetti ta’ SIG fl-Ewropa inklużi fil-lista globali ma tikkonfutax il-fatt, stabbilit mill-imsemmija lista, li l-proġetti ta’ SIG fl-Ewropa ġew diskussi u mogħtija fi ħdan l-akkordju.

–       Fuq l-allegat nuqqas ta’ għoti lil Siemens, fil-kuntest tal-akkordju, ta’ proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE

129    Siemens issostni li l-lista globali ma tindika ebda każ li fih ingħatalha proġett ta’ SIG li għandu jitwettaq fi ħdan iż-ŻEE. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett li, jekk jitqies li din l-allegazzjoni ta’ Siemens hija fondata, din ma tistax tipprekludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE sa fejn jikkonċernaha peress li hija pparteċipat f’akkordju illegali dwar is-suq komuni u dwar iż-ŻEE, billi pparteċipat f’diskussjonijiet dwar il-progetti u fid-deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ dawn il-proġetti lill-impriżi oħra. Fil-fatt, tali aġir jaffettwa, fih innifsu, in-natura ta’ kompetizzjoni, indipendentement mill-identità tal-impriża li fl-aħħar mill-aħħar lilha jkun ingħata l-proġett.

130    Fi kwalunkwe każ, l-allegazzjoni ta’ Siemens li l-lista globali ma tirreferix għall-għoti ta’ proġett fir-rigward tagħha hija żbaljata. Fil-fatt, fil-premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirreferi għal tliet proġetti li fir-rigward tagħhom Siemens kisbet l-ordni, jiġifieri l-proġett Nru 1327, il-proġett Nru 0140 u l-proġett Nru 0144. Għal tnejn minn dawn il-proġetti, jiġifieri Nru 0140 u Nru 0144, jirriżulta mil-lista globali li Siemens kienet l-uniku impriża ikkonċernata mill-proġetti inkwistjoni u hija kienet fl-aħħar kisbet l-ordni. Min-naħa l-oħra, għat-tielet proġett, bin-Nru 1327, mil-lista globali jirriżulta li, minbarra Siemens, ABB u Alstom kienu wkoll immanifestaw l-interess tagħhom għall-proġett inkwistjoni u li l-proġett ingħata lil Siemens waqt id-diskussjonijiet fi ħdan l-akkordju.

131    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument ta’ Siemens li, għal tnejn minn dawn il-progetti, li hija ma identifikatx, li fir-rigward tagħhom hija kisbet l-ordni, li dawn l-ordnijiet jirriżultaw minn prassi kompetittiva, hija Siemens li għandha turi li ordnijiet miksuba f’dawn il-kundizzjonijiet, jiġifieri wara notifika u diskussjoni fi ħdan akkordju, kienu jirriżultaw minn prassi kompetittiva. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, jekk jitqies li l-ksur ikun limitat għan-notifika u għad-diskussjoni tal-progetti, dan seta’ madankollu jaffettwa l-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni. Fil-fatt, bħala eżempju, il-lista globali ma ssemmix, minbarra Siemens, impriżi oħra li wrew l-interess tagħhom fil-proġetti Nru 0140 u Nru 0144. Għaldaqstant, Siemens kienet taf, wara d-diskussjoni ta’ dawn il-proġetti fi ħdan l-akkordju, li seħħew, fil-25 ta’ Ġunju u fis-16 ta’ Lulju 1998, li ma kienx ser ikun hemm offerenti oħra, li kien ippermettilha, pereżempju, tiffissa prezzijiet ogħla għal dawn l-offerti. Barra minn hekk, f’każ identiku, jiġifieri, fil-każ fejn waħda biss mill-impriżi kienet uriet l-interess tagħha għal proġett, għoti speċifiku tal-proġetti ma kien iservi ebda għan, peress li kienet biss l-impriża ikkonċernata li setgħet tkun ċerta li ser tikseb il-proġett. Għaldaqstant, jidher kompletament normali li l-membri tal-akkordju ma għamlux għoti formali f’dawn il-każijiet, fatt li ma jistax jeskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 taż-ŻEE fir-rigward tal-impriża li kisbet l-ordni.

132    Konsegwentement, l-argument ta’ Siemens ibbażat fuq nuqqas ta’ għoti, fil-kuntest tal-akkordju, ta’ proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE, għandu jiġi miċħud.

–       Fuq l-analiżi ekonometrika ppreżentata minn Siemens

133    Siemens tinvoka l-analiżi ekonometrika tal-lista globali li saret minn kumpannija terza fuq talba tagħha (iktar ’il quddiem l-“analiżi”). Fil-fehma tagħha, din l-analiżi rrilevat li, fil-lista globali, kienet biss irreġistrata parti minima tal-volum tas-suq matul il-perijodu inkwistjoni, li tirrappreżenta inqas minn 4 % tal-proġetti ta’ SIG fil-pajjiżi Ewropej minbarra “pajjiżi kostrutturi”, li l-progetti ta’ SIG fi ħdan iż-ŻEE ma kinux is-suġġett ta’ sistema ta’ tqassim li topera b’mod paragunabbli ma’ dik prevista mill-ftehim GQ u mal-ftehim EQ u li ma kien hemm ebda rabta bejn il-lista globali u l-ftehim GQ. L-analiżi wriet ukoll li l-fatt li l-produtturi Ewropej u Ġappuniżi ma daħlux fis-swieq domestiċi rispettivi tal-grupp l-ieħor ma kienx akkordju iżda ostakoli għall-aċċess għas-swieq li baqgħu jeżistu anki wara l-liberalizzazzjoni tas-swieq tal-enerġija. Fl-aħħar nett, l-analiżi wriet ukoll li ma kienx hemm protezzjoni tal-“pajjiżi kostrutturi”, b’mod partikolari minħabba l-fatt li kemm ABB kif ukoll Siemens kienu attivi ħafna fis-swieq tal-“pajjiżi kostrutturi” li ma kinux tagħhom.

134    Fil-każ preżenti, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq il-proġetti Ewropej inklużi fil-lista globali sabiex tipprova l-eżistenza tal-arranġament komuni jew l-effetti attwali tal-akkordju. Hija bbażat id-deċiżjoni kkontestata primarjament fuq l-għan tal-ftehim li jillimita l-kompetizzjoni sanzjonat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, hija sostniet, fil-premessi 303 u 304 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ftehim u/jew il-prattiki miftiehma kollha deskritti kellhom bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ma kienx hemm bżonn li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti konkreti ta’ ftehim, u sussegwentement sostniet, fil-premessa 308 tad-deċiżjoni kkontestata, li, min-natura tagħha stess, l-implementazzjoni ta’ ftehim ta’ akkordju tat-tip deskritt iwassal għal distorsjoni sinjifikattiva tal-kompetizzjoni.

135    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, mit-test stess tal-Artikolu 81(1) KE jirriżulta li l-akkordji bejn l-impriżi huma pprojbiti meta dawn ikollhom għan antikompetittiv (sentenzi Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 43 iktar ’il fuq, punt 123, u JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, punt 181). Konsegwentement, ma huwiex meħtieġ li jintwerew l-effetti antikompetittivi meta huwa pprovat l-għan antikompetittiv tal-aġir inkwistjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkwagen vs Il-Kummissjoni, T-62/98, Ġabra p. II‑2707, punt 178, u l-ġurisprudenza ċċitata).

136    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel nett, l-analiżi magħmula minn Siemens hija ineffettiva bħala evidenza sa fejn, min-natura tagħha, hija tista’ tipprovdi biss informazzjoni dwar l-effetti tal-akkordju, filwaqt li l-konstatazzjoni tal-ksur tal-Artikolu 81(1) KE li saret mill-Kummissjoni hija bbażata, essenzjalment, fuq il-konstatazzjoni ta’ akkordju li kellu bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, jekk jitqies li, kif tallega Siemens, l-analiżi ma ppermettietx li jiġu identifikati l-indizji tal-akkordju allegat mill-Kummissjoni, dan il-fatt ma jkunx ta’ natura li jinvalida l-konstatazzjoni ta’ akkordju li jipprekludi, jillimita jew joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, sa fejn l-eżistenza ta’ dan l-akkordju hija pprovata b’mod suffiċjenti fid-dritt. Għaldaqstant, ir-raġunament ta’ Siemens dwar l-ineżistenza tal-effetti tal-akkordju inkwistjoni, anki jekk ikun fondat, ma jistax, fil-prinċipju, jimplika l-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Jannar 1990, Sandoz prodotti farmaceutici vs Il-Kummissjoni, C-277/87, Ġabra p. I‑45 u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ April 1995, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, T‑143/89, Ġabra p. II‑917, punt 30, u JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, punt 183).

137    It-tieni nett, l-analiżi ma tistax titqies bħala perizja newtrali u indipendenti, sa fejn ntalbet u ġiet iffinanzjata minn Siemens u mfassla fuq informazzjoni li ġiet ipprovduta minn din il-kumpannija, mingħajr ma l-eżattezza u r-rilevanza ta’ din id-data jkunu suġġetti għal kwalunkwe verifika indipendenti. Għalhekk, ma huwiex possibbli li tiġi attribwita kredibbiltà u, għalhekk, valur probatorju li jmur lil hinn minn sempliċi dikjarazzjoni ta’ Siemens.

138    Konsegwentement, l-argument ibbażati fuq ir-riżultati tal-analiżi prodotta minn Siemens għandha tiġi miċħuda.

 Fuq id-dokumenti probatorji

139    Fir-rigward tad-dokumenti probatorji, il-Kummissjoni essenzjalment ibbażat ruħha fuq il-ftehim GQ u l-ftehim EQ flimkien mal-annessi tagħhom; dokument mingħajr data li nstab matul l-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni fil-bini tal-grupp VA Tech, intitolat “Sommarju tad-diskussjoni ma’ JJC”, kif ukoll skambju ta’ posta elettronika tat 18 ta’ Jannar 1999 bejn Wa., J. u B., impjegati tal-grupp VA Tech; nota interna tat-2 ta’ Diċembru 2003, imfassla minn We, impjegat tal-grupp VA Tech; żewġ faksijiet tal-21 ta’ Lulju u tat-18 ta’ Diċembru 2003 minn ABB lil Siemens u lil Alstom, u minn nota interna mingħajr data, imfassla madwar Settembru 2002 minn Zi, impjegat tal-grupp VA Tech.

–       Fuq il-ftehim GQ u l-ftehim EQ

140    Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-ftehim GQ u tal-ftehim EQ kif ukoll tal-annessi tagħhom, filwaqt li huwa minnu, kif ġie espost fil-punti 55 sa 58 iktar ’il fuq, li s-sempliċi kliem tagħhom ma jipprovax l-eżistenza ta’ akkordju li għandu effetti fiż-ŻEE – dejjem minbarra l-Liechtenstein u l-Islanda, kif jindika l-punt 55 iktar ’il fuq –, il-ftehim EQ jinkludi żewġ dispożizzjonijiet li jistgħu jipprovdu indikazzjonijiet fir-rigward ta’ effetti ta’ akkordji fis-suq komuni.

141    L-ewwel nett, l-Artikolu 2 tal-ftehim EQ, intitolat “Notifikazzjoni”, jipprovdi:

“Il-membri-E għandhom jinnotifikaw it-talbiet bħas-soltu. Għall-finijiet ta’ diskussjoni mal-grupp J, il-membri-E jinnotifikaw it-talbiet lis-[segretarju Ewropew tal-akkordju] billi juża l-formola tan-notifikazzjoni GQ li tidher fl-Anness 1.”

142    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li l-espressjoni “bħas-soltu” tippermetti li jiġi konkluż li jeżistu notifikazzjonijiet – u għalhekk, akkordju – qabel il-konklużjoni tal-ftehim GQ u tal-ftehim EQ, u li t-tnejn li huma ġew konklużi fil-15 ta’ April 1988, fatt li l-Kummissjoni rrilevat fid-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma insistiet fuq il-punt u mingħajr ma stabbilixxiet sanzjonijiet f’dan ir-rigward, u li Siemens tikkontesta. Dawn il-kliem ma jistgħux jiġu interpretati li jfissru “billi tintuża l-formola pprovduta għall-finijiet tal-ftehim GQ”, peress li t-tieni sentenza tal-Artikolu 2 tal-ftehim EQ għalhekk tkun superfluwa meta mqabbla mal-ewwel waħda.

143    It-tieni nett, l-Anness 2 tal-ftehim EQ, li jinkludi “Pjan ta’ komunikazzjoni”, jipprovdi, fost l-oħrajn, li “[i]s-segretarju [Ewropew]” jinnotifika awtomatikament il-proġetti [innotifikati mill-produtturi Ewropej] lin-naħa [Ġappuniża], bl-eċċezzjoni ta’ proġetti Ewropej” u li “MM jiddeċiedi dwar in-notifikazzjoni tal-proġetti Ewropej tal-grupp J”. Għandu jiġi ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li, kif jirriżulta wkoll minn dan l-anness, “MM” tfisser “laqgħa tal-membri” (members meeting). Barra minn hekk, mill-Anness 1 tal-ftehim GQ jirriżulta li “grupp E” u l-“grupp J” jiddeskrivu l-gruppi ta’ produtturi Ewropej u Ġappuniżi rispettivament. Barra minn hekk, skont il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-premessa 147 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma ġewx ikkontestati minn Siemens, din tal-aħħar kienet tokkupa l-kariga ta’ segretarja Ewropea tal-akkordju matul il-perijodu kollu tal-ewwel parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, mill-1988 sal-1999.

144    Mill-Anness 2 tal-ftehim EQ jirriżulta, l-ewwel nett, li l-proġetti ta’ SIG fl-Ewropa kienu ttrattati fi ħdan il-grupp tal-membri Ewropej tal-akkordju, u, it-tieni nett, li dawn il-proġetti kienu ttrattati b’mod differenti minn dak tal-proġetti ta’ SIG fil-bqija tad-dinja, peress li huma ma kinux awtomatikament innotifikati lill-grupp ta’ produttri Ġappuniżi, iżda biss wara deċiżjoni speċifika tal-grupp tal-membri Ewropej.

145    Issa, tali komunikazzjonijiet, anki jekk jitqies li dawn isiru biss kultant wara deċiżjoni speċifika u/jew a posteriori u globalment, kif sostniet Hitachi (ara l-punt 96 iktar ’il fuq), ma humiex konċepibbli mingħajr raġuni. Kuntrarjament, fil-kuntest ta’ akkordju, bħal dak stabbilit mill-ftehim GQ u mill-ftehim EQ, l-unika raġuni konċepibbli sabiex isiru tali komunikazzjonijiet hija li l-informazzjoni inkwistjoni sservi għall-implementazzjoni tal-akkordju. Fil-kawża inkwistjoni, iktar preċiżament, fid-dawl tal-fatt li, kif ġie rrilevat fil-punt 55 iktar ’il fuq, il-parti l-kbira tal-pajjiżi Ewropej kienu esklużi mit-tqassim ta’ proġetti bejn gruppi ta’ produtturi Ewropej u Ġappuniżi skont il-ftehim GQ, ma hemmx spjegazzjoni oħra possibbli għall-komunikazzjoni tal-bejgħ li sar mill-produtturi Ewropej f’dawn il-pajjiżi ħlief dik li dawn ġew imputati fuq il-kwota globali tal-prodotturi Ewropej skont l-akkordju. Kif ġie spjegat fil-punt 98 iktar ’il fuq, l-imputazzjoni ta’ bejgħ f’pajjiżi Ewropej – minbarra “pajjiżi kostrutturi” – fuq il-kwota dinjija hija min-naħa tagħha indikatur sinjifikattiv tal-eżistenza tal-obbligu fuq il-produtturi Ġappuniżi li jonqsu milli jidħlu fis-suq Ewropew, bis-saħħa tal-arranġament komuni.

146    Fi kwalunkwe każ, l-argumenti ppreżentati minn Siemens f’dan ir-rigward ma jistgħux jiġi milqugħa. L-ewwel nett, id-dikjarazzjoni ta’ Siemens li tipprovdi li l-Kummissjoni qiegħda tfittex li tibbaża ruħha fuq ftehim possibbli fl-Ewropa ċentrali u fl-Ewropa tal-Lvant bħala prova tal-ksur allegatament kommess fiż-ŻEE, jew fuq ftehim miżjud fil-perijodu ta’ bejn l-1988 sal-1999, ma hijiex fondata. Il-Kummissjoni sempliċement ibbażat ruħha fuq il-fatt li apparantement saru diskussjonijiet bejn il-gruppi ta’ produtturi Ewropej u Ġappuniżi, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk is-swieq ċentrali u tal-Ewropa tal-Punent, li kienu aċċessibbli mill-ġdid wara l-waqgħa tal-Purtiera tal-Ħadid fl-1989, kellhomx ukoll jiġu riżervati lill-produtturi Ewropej. F’dan il-kuntest, hija rreferiet, fil-premessi 126 u 127 tad-deċiżjoni kkontestata, għal ċerti proġetti f’dawn il-pajjiżi li kienu suġġett għal diskussjoni mal-produtturi Ġappuniżi, sabiex turi li huma kellhom, fil-prinċipju, interess u għażla li jipprovdu lil dawn is-swieq. Dan ir-raġunament ma jistax jitqies, fih innifsu, li ma huwiex xieraq.

147    It-tieni nett, l-argument ta’ Siemens li jipprovdi li l-komunikazzjoni lill-grupp ta’ produtturi Ġappuniżi setgħet tikkonċerna biss proġetti fil-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant għandu jiġi miċħud. Kif issostni b’mod korrett il-Kummissjoni, meta ġew konklużi l-ftehim GQ u l-ftehim EQ, dawn il-pajjiżi ma kinux aċċessibbli għall-fornituri mill-Punent. Għalhekk, il-proġetti Ewropej li hemm referenza għalihom fil-pjan ta’ komunikazzjoni kellhom jitwettqu fil-pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent li l-parti l-kbira minnhom – minbarra l-Isvizzera – kienu jagħmlu parti, miż-ŻEE mill-1994. Bl-istess mod, kuntrarjament għal dak li ssostni Siemens, l-argument tal-Kummissjoni ma huwiex illoġiku. Fil-fatt, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma allegat, kif tagħti x’tifhem Siemens, li l-obbligu li tinnotifika kien “awtomatiku” jew “obbligatorju”. Kuntrarjament, kien kompletament suffiċjenti li, għall-finijiet tal-għanijiet tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ din il-komunikazzjoni, dan twettaq globalment u a posteriori, wara deċiżjoni speċifika mill-grupp tal-membri Ewropej tal-akkordju.

148    Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li Siemens ma tagħti ebda spjegazzjoni konvinċenti dwar il-fatt li l-pjan ta’ komunikazzjoni kien jipprovdi n-notifikazzjoni ta’ proġetti ta’ SIG fl-Ewropa lill-grupp ta’ produtturi Ġappuniżi, anki jekk b’mod mhux sistematiku u biss dwar id-deċiżjoni speċifika tal-grupp tal-produtturi Ewropej. Bħala risposta għal domanda tal-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, Siemens sostniet li n-notifikazzjonijiet inkwistjoni setgħu l-iktar l-iktar jikkonċernaw biss il-11-il proġett ta’ SIG fl-Ewropa, li għamlet riferiment għalihom il-Kummissjoni fil-premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata, u għalhekk numru limitat ta’ proġetti li kien jirrappreżenta biss 1 % tal-volum ta’ proġetti fuq il-lista globali. Iżda, kif ġie rrilevat fil-punt 125 iktar ’il fuq, in-numru żgħir ta’ proġetti “Ewropej” fil-lista globali ma jfissirx li l-akkordju ma affettwax proġetti oħra fl-Ewropa, iżda jista’ jiġi spjegat mill-fatt li ma kienx neċessarju li jiġu diskussi tali proġetti fil-kuntest tal-akkordju ġenerali, fil-preżenza ta’ produtturi Ġappuniżi. Għalhekk, il-lista globali ma tistax tkun rilevanti sabiex tiddetermina n-numru ta’ proġetti li għalihom intbagħtu notifikazzjonijiet lill-produtturi Ġappuniżi, skont il-pjan ta’ komunikazzjoni fl-Anness 2 tal-ftehim EQ.

149    Isegwi li l-Anness 2 tal-ftehim EQ jikkostitwixxi prova valida għall-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li l-proġetti li jinsabu fl-Ewropa tal-Punent kienu parti mill-proġetti diskussi u kondiviżi bejn il-produtturi Ewropej u li l-produtturi Ġappuniżi kellhom jibqgħu barra mis-swieq Ewropej, bħala korrispettiv għall-imputazzjoni tal-bejgħ li sar mill-produtturi Ewropej f’dawn il-pajjiżi fuq il-kwota dinjija.

–       Fuq id-dokument li nstab fil-bini tal-grupp VA Tech, intitolat “Sommarju tad-diskussjoni ma’ JJC”

150    Fil-premessa 135 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq dokument li nstab fuq laptop matul spezzjoni fil-bini tal-grupp VA Tech, intitolat “Sommarju tad-diskussjoni ma JJC” u mfassal, skont il-Kummissjoni, fl-10 ta’ Ġunju 2003. Dan id-dokument huwa, parzjalment, diffiċli li jinftiehem, iżda xorta jistgħu jsiru ċerti konklużjonijiet. B’mod partikolari, huwa jirreferi, f’żewġ okkażjonijiet, għall-kunċett ta “pays constr.” li ma tistax raġonevolment tiġi interpretata b’mod ieħor ħlief li tfisser “pajjiżi ta’ oriġini”. Barra minn hekk, f’dan id-dokument isir riferiment għall-istudju “L-aħħar studju li sar fi Frar 99 – Exp. Barra E, u pajjiżi kostrutturi” u, għal kull membru tal-Ewropa, identifikati b’kodiċi validi minn Lulju 2002, li ma humiex ikkontestati minn Siemens, jissemmew il-kwoti applikabbli qabel u wara “02/99” (li jfissru Frar 1999). Dan id-dokument jindika wkoll l-ishma tas-suq tal-membri Ewropej fis-swieq Ewropej minbarra “pajjiżi tal-oriġini” bejn l-1988 u l-1998 u jinkludi lista mhux eżawrjenti tal-pajjiżi Ewropej li ma kinux pajjiżi tal-oriġini (“Fin, Dan, Nor, Es, Po, Irl, Bel, Gre, Lux.”).

151    Fir-rigward tal-valur probatorju u tal-kredibbiltà li għandhom jingħataw lil dan id-dokument, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-awtur, li ma huwiex magħruf, jikkummenta dwar fatti li jmorru lura għal madwar erba’ snin qabel id-data li fiha tfassal id-dokument, li huwa sema’ mingħand persuna oħra li ma hijiex magħrufa. Il-persuna nominata bħala “JJC” ma ġietx identifikata u l-inizjali tagħha ma jikkorrispondux ma’ xi waħda mill-persuni elenkati mill-Kummissjoni fl-Anness II tad-deċiżjoni kkontestata, bħala li pparteċipaw fl-akkordju. Filwaqt li dawn iċ-ċirkustanzi ma humiex tali li jneħħu kull valur probatorju lil dan id-dokument, huma madankollu tali li jinvokaw ftit kawtela fir-rigward tal-konklużjonijiet li għandhom isiru, b’mod partikolari fir-rigward tal-valur li għandu jingħata lill-informazzjoni dettaljata li jinkludi, u jingħata biss valur probatorju medju lil dan id-dokument.

152    Għalhekk, huwa neċessarju li jingħata ċertu valur probatorju għall-fatt li l-kunċett ta’ “pajjiżi kostrutturi” mhux biss huwa invokat darbtejn fid-dokument, iżda fih ukoll lista mhux eżawrjenti ta’ pajjiżi li ma humiex “pajjiżi tal-oriġini”, u għall-fatt li kien hemm pjan differenti applikabbli bejn pajjiżi kostrutturi u pajjiżi oħra, inkwantu l-kwoti stabbiliti fil-ftehim ma kinux applikabbli għal dan tal-aħħar. Fir-rigward ta’ dan l-aħħar punt, għandu jiġi nnutat li l-kwoti stabbiliti fid-dokument bħala applikabbli “wara 02/99” jikkorrispondu eżattament għal dawk li ġew stabbiliti mill-Kummissjoni fil-premessa 145 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq il-bażi ta’ provi oħra, applikabbli għall-aħħar tal-ewwel fażi tal-parteċipazzjoni ta’ Siemens fl-akkordju.

153    Barra minn hekk, jista’ wkoll jiġi dedott minn dan id-dokument li l-produtturi Ewropej fl-akkordju skambjaw informazzjoni dwar il-volum tal-bejgħ tagħhom fl-Ewropa, minbarra fil-“pajjiżi tal-oriġini”. Il-fatt li l-impriża tal-grupp VA Tech (iktar ’il quddiem l-“impriża VA Tech”) kienet taf biċ-ċifri preċiżi dwar l-ishma tas-suq fl-Ewropa (minbarra “pajjiżi tal-oriġini”) tal-produtturi Ewropej, għal perijodu ta’ għaxar snin, ma jistax jiġi spjegat ħlief bil-fatt li dawn il-produtturi informaw lil xulxin bil-bejgħ tagħhom fl-Ewropa, minbarra “pajjiżi tal-oriġini”.

–       Fuq il-posta elettronika skambjata fit-18 ta’ Jannar 1999 bejn Wa., J. u B., impjegati tal-grupp VA Tech

154    Fit-18 ta’ Jannar 1999, Wa. bagħat posta elettronika lil J. li min-naħa tiegħu bagħatha, fl-istess ġurnata, f’forma stampata u annotata, bil-faks, lil B. F’din il-posta elettronika, li s-suġġett tagħha kien “Siemens in UK”, Wa. wissa lil J. li Siemens kienet fil-proċess li tifforma alleanza ma’ kumpannija oħra għal proġetti fir-Renju Unit, li kienet meqjusa bħala theddida u kienet ġiet iddikjarat fi ħdan il-“UK Forum” bħala “Bad Behaviour”. Madankollu, peress li ma kienet ġiet irċevuta ebda spjegazzjoni, Wa. propona li jistenna sabiex jara x’kien ser jiġri. Fil-faks, J. irrakkomanda jirrispondi billi jhedded li jidħol fis-suq Ġermaniż fis-settur ta’ SIG ta’ 400 kV. Barra minn hekk, huwa fakkar il-pożizzjoni tal-grupp VA Tech li s-suq tar-Renju Unit kien storikament jappartjeni, f’partijiet ugwali, lil Reyrolle u GEC (li l-attivitajiet ta’ SIG tagħhom kienu amalgamati ma’ Alstom fl-1989) u li kwalunkwe kumpannija oħra li tikseb ordnijiet kien ikollha tikkumpensa għal dan, iżda ddispjaċiha li l-mekkaniżmi għal dan il-għan kienu dgħajfa.

155    Bħala parti mir-risposta tagħha għad-domandi bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, Siemens argumentat li l-uniku fatt li kien jirriżulta minn dan id-dokument kien li, fl-opinjoni tal-awtur tal-posta elettronika, Siemens kienet tidher li hija kompetitur aggressiv fis-suq tar-Renju Unit. Madankollu, hija ma setgħetx tikkonferma l-eżistenza ta’ “pajjiżi kostrutturi” protetti.

156    L-ewwel nett, għandu madankollu jiġi kkunsidrat li dan l-iskambju ta’ posta elettronika jikkonferma li, fil-kuntest ta’ akkordju, l-eżistenza ta’ protezzjoni tas-suq tar-Renju Unit għall-benefiċċju tal-produtturi storiċi f’dan is-suq, jiġifieri Reyrolle u GEC, li tista’ tiġi essenzjalment ikklassifikata, għalkemm it-terminu ma huwiex użat, bħala protezzjoni ta’ “pajjiż kostruttur”. Il-fatt li membri oħra Ewropej tal-akkordju kienu attivi f’dan is-suq ma tipprekludix tali interpretazzjoni, peress li, ovvjament, kien jeżisti mekkaniżmu ta’ kumpens, anki jekk apparentement ma kienx jiffunzjona b’mod sodisfaċenti. It-tieni nett, mill-faks tal-impriża VA Tech jirriżulta li sa dak il-punt hija kienet baqgħet barra mis-suq Ġermaniż – mill-inqas fis-settur SIG ta’ 400 kilovolts – u għal raġunijiet li la kienu tekniċi u lanqas kummerċjali, peress li d-dħul f’dak is-suq kien meqjus bħala ritaljazzjoni kontra Siemens. Minn dan għandha tiġi dedotta l-eżistenza ta’ protezzjoni ugwali tas-suq Ġermaniż bħala “pajjiż kostruttur” fin-nuqqas ta’ kwalunkwe spjegazzjoni koerenti oħra. It-tielet nett, mill-posta elettronika jirriżulta li “UK-Forum” kienet teżisti, u fi ħdan din kienu jiġu diskussi problemi dwar is-suq tar-Renju Unit. Mingħajr ma huwa neċessarju, fil-kuntest tal-kawża preżenti, li tittieħed pożizzjoni definittiva f’dan ir-rigward, dan jista’ jkun marbut ma’ forum għal prattiki miftiehma għal membri tal-akkordju li kienu attivi fis-suq.

157    Bħala dokumenti mfassla matul it-tul tal-akkordju minn persuni involuti fih, din il-posta elettronika tikkostitwixxi prova li għandha valur probatorju għoli ħafna.

–       Fuq id-dokumenti probatorji relatati mal-fatti li seħħew matul il-perijodu ta’ bejn l-2002 u l-2004

158    Fir-rigward tan-nota interna tat-2 ta’ Diċembru 2003, imfassla minn We. u li tiġbor fil-qosor laqgħa li nżammet fl-1 u fit-2 ta Diċembru 2003, tal-faks tal-21 ta’ Lulju 2003, mibgħut minn ABB lil Alstom u lil Siemens, dwar laqgħa fuq proġetti fil-Ġermanja, tal-faks tat-18 ta’ Diċembru 2003, mibgħut minn ABB lil Alstom, dwar is-sitwazzjoni tas-suq tar-Renju Unit, u tan-nota interna mingħajr data, imfassla madwar Settembru 2002 minn Zi., għandu jiġi osservat li dawn l-erba’ dokumenti jikkonċernaw biss sitwazzjonijiet u avvenimenti li jaqgħu b’mod ċar fil-perijodu ta’ bejn l-2002 u l-2004.

159    Madankollu, kif ġie indikat fil-punt 37 iktar ’il fuq, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li jipprovdi li huwa leġittimu li jiġu posposti l-osservazzjonijiet marbuta mal-perijodu ta’ bejn l-2002 u l-2004 għall-perjodu preċedenti, peress li dan huwa reat wieħed u uniku. Kuntrarjament, fid-dawl tal-fatt li, wara l-interruzzjoni tal-parteċipazzjoni tagħhom minn ċerti impriżi, l-attivitajiet tal-akkordju tnaqqsu matul il-snin 1999 sa 2002 u li l-2002 fissret bidu ġdid b’sistema modifikata, huwa pjuttost neċessarju li tiġi pprovata l-kontinwità fl-objettivi, il-parteċipanti u l-portata tal-ftehim sabiex jiġi stabbilit li kien fil-fatt ksur uniku.

160    Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li l-erba’ dokumenti inkwistjoni ma jistgħux jikkostitwixxu prova fir-rigward tal-ewwel fażi tal-parteċipazzjoni ta’ Siemens fl-akkordju mill-1988 sal-1999.

d)     Konklużjonijiet dwar it-tieni parti tal-ewwel motiv

 Fuq l-effetti tal-akkordju fiż-ŻEE

161    Il-ftehim kellu effetti fiż-ŻEE, peress li l-produtturi Ewropej iddiskutew il-proġett ta’ SIG fiż-ŻEE u qassmuhom. Dan il-fatt huwa kkonfermat mill-provi kollha magħmula mid-dikjarazzjonijiet ta’ ABB, inkluża l-lista ta’ proġetti “Ewropej” fil-premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata u d-dikjarazzjonijiet ta’ M, id-dikjarazzjonijiet ta’ Fuji u dawk ta’ Hitachi, l-Anness 2 tal-ftehim EQ, id-dokument “Sommarju tad-diskussjoni ma’ JJC” u l-iskambju ta’ posta elettronika tat-18 ta’ Jannar 1999. Fost dawn il-provi, id-dikjarazzjonijiet ta’ M, ta’ Fuji u ta’ Hitachi kif ukoll l-Anness 2 tal-ftehim EQ u l-iskambju ta’ ittri tat-18 ta’ Jannar 1999 għandhom valur probatorju għoli.

162    Id-dikjarazzjonijiet ta’ Melco invokati minn Siemens bħala prova kuntrarja ma jistgħux jikkonfutaw din il-konklużjoni, fir-rigward ta’ sensiela ta’ provi konkordanti. Fil-fatt, Melco tikkummenta b’mod partikolari dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-akkordju globali, jiġifieri dwar il-koordinazzjoni bejn il-gruppi tal-produtturi Ewropej u Ġappuniżi, u dwar il-fatt li, fil-kuntest tal-akkordju, ma kienx hemm diskussjonijiet dwar is-suq Ewropew jew proġetti ta’ SIG f’dan is-suq. F’dan ir-rigward, hija ssostni li ma għandhiex provi ta’ akkordju fis-suq Ewropew. Kuntrarjament, bħala impriża Ġappuniża, ma kinitx tkun infurmata bid-diskussjonijiet fi ħdan il-grupp tal-produtturi Ewropej. Hija tħalli espressament miftuħa l-possibbiltà li impriżi oħra li pparteċipaw fl-akkordju setgħu espandew is-suġġett tad-diskussjoni tagħhom għal suġġetti oħra, u anki tenfasizza, f’diversi okkażjonijiet, li l-produtturi Ġappuniżi kellhom jistennew, qabel il-bidu tal-laqgħat tal-akkordju, it-tmiem ta’ diskussjonijiet bejn il-produtturi Ewropej u ma kinitx taf il-kontenut tagħhom. Minbarra l-fatt li Melco tikkontesta t-tqassim tas-swieq Ewropej u Ġappuniżi bejn iż-żewġ gruppi ta’ produtturi u indipendentement minn jekk id-dikjarazzjonijiet tagħha humiex kredibbli, għandu jiġi rrilevat li tali dikjarazzjonijiet ma jistgħux jinftiehmu bħala li jikkonfermaw il-pożizzjoni ta’ Siemens li ma kienx hemm diskussjoni u u għoti ta’ proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE.

 Fuq ir-riżerva tas-swieq Ewropej u Ġappuniżi għall-gruppi ta’ produtturi Ewropej u Ġappuniżi rispettivament

163    Il-fatt li l-produtturi Ewropej u Ġappuniżi qasmu globalment is-swieq, b’mod li s-suq Ġappuniż kien irriżervat lill-produtturi Ġappuniżi u s-suq Ewropej lill-produtturi Ewropej, huwa kkonfermat mid-dikjarazzjonijiet ta’ ABB u ta’ M, kif ukoll mid-dikjarazzjonijiet ta’ Fuji u ta’ Hitachi u l-Anness 2 tal-ftehim EQ. Minbarra d-dikjarazzjonijiet ta’ ABB, dawn il-provi kollha għandhom valur probatorju għoli.

 Fuq il-protezzjoni ta’ “pajjiżi kostrutturi” fl-Ewropa

164    Il-fatt li kien hemm protezzjoni ta’ “pajjiżi kostrutturi” fl-Ewropa, b’mod li s-swieq tal-pajjiżi li fihom il-produtturi Ewropej kienu storikament preżenti kienu rriżervati lilhom mill-bidu u mingħajr imputazzjoni fuq il-kwoti skont l-akkordju, huwa kkonfermat mill-provi kollha magħmula mid-dikjarazzjonijiet ta’ ABB u ta’ M kif ukoll mid-dokument “Sommarju tad-diskussjoni ma’ JCC” u skambju ta’ posta elettronika tat-18 ta’ Jannar 1999. Fost dawn il-provi, id-dikjarazzjonijiet ta’ M. għandhom valur probatorju għoli u l-iskambju ta’ posta elettronika tat-18 ta’ Jannar 1999 għandu valur probatorju għoli ħafna.

165    Fil-qosor, kull ilment ikkontestat minn Siemens huwa fondat, minbarra d-dikjarazzjonijiet ta’ ABB u ta’ M, permezz ta’ provi ta’ valur probatorju għoli, kif ukoll ta’ provi oħra li għandhom valur probatorju inqas għoli. Għalhekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-provi kollha jippermettu li juru l-eżistenza tal-akkordji allegati fid-deċiżjoni kkontestata.

166    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni stabbilixxiet, b’mod sufficjenti fid-dritt, l-eżistenza, matul il-perijodu ta’ bejn l-1988 u l-1999, ta’ akkordju, u, b’mod partikolari, il-fatt li dan l-akkordju kellu effetti fiż-ŻEE, l-eżistenza ta’ tqassim tas-swieq bejn il-produtturi Ewropej u l-Ġappuniżi u l-eżistenza tal-protezzjoni tal-“pajjiżi kostrutturi”.

167    Minn dan isegwi li t-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda u, konsegwentement, għandu jiġi miċħud l-ewwel motiv kollu.

II –  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003

168    It-tieni motiv ta’ Siemens huwa maqsum fi tliet partijiet. Fil-kuntest tal-ewwel parti, hija ssostni li l-Kummissjoni ma pprovatx li hija pparteċipat fl-akkordju wara t-22 ta’ April 1999. Fil-kuntest tat-tieni motiv, hija tinvoka l-preskrizzjoni tal-proċeduri. Fil-kuntest tat-tielet parti, hija ssostni li hija ma pparteċipatx fl-akkordju wara l-1 ta’ Jannar 2004.

A –  Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażat fuq nuqqas li tipprova parteċipazzjoni fi ksur bejn April u Settembru 1999

1.     L-argumenti tal-partijiet

169    Insostenn ta’ din il-parti, Siemens tinvoka tmien ilmenti bbażati, l-ewwel nett, fuq nuqqas ta’ prova tal-parteċipazzjoni tagħha fi ftehim dwar il-proġetti wara April 1999, it-tieni nett, fuq in-nuqqas ta’ prova tal-parteċipazzjoni tagħha f’laqgħa wara t-22 ta’ April 1999, it-tielet nett, fuq id-dikjarazzjonijiet kontradittorji u ta’ natura ftit li xejn kredibbli ta’ ABB, ir-raba’ nett, fuq l-inammissibbiltà tad-dikjarazzjonijiet ta’ M., il-ħames nett, fuq nuqqas ta’ dokumenti probatorji ċari tal-l-involviment tagħha fl-akkordju sa Settembru 1999, sitt nett, fuq in-nuqqas ta’ provi ċari li jirriżultaw minn dikjarazzjonijiet ta’ kumpanniji oħra li pparteċipaw fl-akkordju, is-seba’ nett, fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ provi li jistabbilixxxu l-interruzzjoni tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju minn April 1999, u t-tmien nett, fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ provi ekonomiċi empiriċi tal-interruzzjoni tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim fl-akkordju mhux iktar tard minn April 1999.

170    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti ppreżentati minn Siemens.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

171    Għandu jiġi osservat, preliminarjament, li huwa paċifiku li Siemens waqqfet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fl-1999. Madankollu, il-partijiet ma jaqblux fuq id-data eżatta ta din l-interruzzjoni. Siemens tikkontesta l-fatt li pparteċipat fl-akkordju wara t-22 ta’ April 1999, id-data tal-laqgħa ta’ Sydney (l-Awstralja) li kienet l-aħħar laqgħa li pparteċipat fiha. Il-Kummissjoni, filwaqt li ammettiet, kif jirriżulta mill-premessa 295 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma kienx possibbli għalija li tistabbilixxi data eżatta tal-imsemmija interruzzjoni, stabbilixxiet id-data tal-imsemmi rtirar għall-1 ta’ Settembru 1999. Hija ddeterminat din id-data fuq il-bażi ta’ dikjarazzjonijiet ta’ ABB u ta’ M. u ta’ informazzjoni inkluża fid-dokument intitolat “Sommarju tad-diskussjonijiet ma’ JJC”, miġbura waqt l-ispezzjonijiet fil-bini tal-grupp VA Tech li hija tqis ikkonfermat mid-dikjarazzjonijiet ta’ Areva, ta’ Melco, ta’ Fuji u ta’ Hitachi/JAEPS.

172    Dan in-nuqqas ta’ qbil iqajjem il-kwistjoni dwar min għandu l-oneru tal-prova f’dan ir-rigward. Filwaqt li Siemens tikkunsidra li hija l-Kummissjoni li għandha tipprova li hija pparteċipat fl-akkordju sal-1 ta’ Settembru 1999, il-Kummissjoni ssostni li ladarba din tkun uriet il-parteċipazzjoni ta’ kumpannija f’akkordju, din il-parteċipazzjoni titqies li tissokta sakemm ikun hemm prova li ntemmet, liema prova għandha tiġi prodotta mill-impriża li pparteċipat fl-akkordju.

a)     Fuq it-tqassim tal-oneru tal-prova bejn Siemens u l-Kummissjoni

173    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar id-data li fiha ntemmet il-parteċipazzjoni ta’ Siemens fil-ksur, għandu jitfakkar, preliminarjament, li skont ġurisprudenza stabbilita, minn naħa, hija l-parti jew l-awtorità li qed tallega ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni li għandha tipproduċi l-prova ta’ dan billi tistabbilixxi, b’mod suffiċjenti fid-dritt, il-fatti li jikkostitwixxu ksur u, min-naħa l-oħra, hija l-impriża li qed tinvoka l-benefiċċju ta’ motiv ta’ difiża kontra konstatazzjoni ta’ ksur li għandha tipproduċi l-prova li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan il-motiv ta’ difiża huma sodisfatti, b’mod li l-imsemmija awtorità jkollha għaldaqstant tirrikorri għal provi oħra (sentenza Peróxidos Orgánicos vs Il-Kummissjoni, punt 65 iktar ’il fuq, punt 50; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, punt 58, u Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 48 iktar ’il fuq, punt 78).

174    F’dan il-każ, il-prinċipju ġenerali li jipprovdi li hija l-Kummissjoni li għandha tipprova l-elementi kollha tal-ksur, inkluż it-tul tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Lulju 1994, Dunlop Slazenger vs Il-Kummissjoni, T‑43/92, Ġabra p. II‑441, punt 79, tat-13 ta’ Diċembru 2001, Acerinox vs Il-Kummissjoni, T‑48/98, Ġabra p. II‑3859, punt 55, u tad-29 ta’ Novembru 2005, Union Pigments vs Il-Kummissjoni, T‑62/02, Ġabra p. II‑5057, punt 36), li jistgħu jaffettwaw konklużjonijiet definittivi tiegħu dwar il-gravità tal-imsemmi ksur ma huwiex ikkonfutat mill-fatt li, fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni motiv, Siemens issollevat motiv ta’ difiża bbażat fuq il-preskrizzjoni, li l-oneru tal-prova tiegħu huwa, fil-prinċipju, tar-rikorrenti.

175    Fil-fatt, l-invokazzjoni ta’ tali motiv ta’ difiża jimplika neċessarjament li jiġu stabbiliti t-tul tal-ksur kif ukoll id-data li fiha ntemm. Issa, dawn iċ-ċirkustanzi ma jistgħux jiġġustifikaw, waħedhom, trasferiment tal-oneru tal-prova f’dan ir-rigward għad-detriment tar-rikorrenti. Minn naħa, it-tul ta’ ksur, li jimplika li d-data finali tiegħu hija magħrufa, jikkostitwixxi wieħed mill-elementi essenzjali tal-ksur, li l-oneru tal-prova tiegħu huwa tal-Kummissjoni, indipendentement mill-fatt li l-kontestazzjoni ta’ dawn l-elementi wkoll tagħmel parti mill-motiv ta’ difiża bbażat fuq il-preskrizzjoni. Min-naħa l-oħra, din il-konklużjoni hija ġġustifikata mill-fatt li n-nuqqas ta’ preskrizzjoni tal-proċeduri mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003, jikkostitwixxi kriterju legali oġġettiv, li jirriżulta mill-prinċipju ta’ ċertezza legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Ottubru 2005, Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑22/02 u T‑23/02, Ġabra p.II‑4065, punti 80 sa 82) u, għalhekk, kundizzjoni tal-validità ta’ kull deċiżjoni li timponi sanzjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha tosserva din il-kundizzjoni anki jekk l-impriża kkonċernata ma qajmet ebda motiv ta’ difiża f’dan ir-rigward (sentenza Peróxidos Orgánicos vs Il-Kummissjoni, punt 65 iktar ’il fuq, punt 52).

176    Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li, dan it-tqassim tal-oneru tal-prova jista’ jvarja inkwantu l-fatti invokati minn parti jistgħu jkunu ta’ natura li jobbligaw lill-parti l-oħra tagħti spjegazzjoni jew ġustifikazzjoni, u fin-nuqqas ta’ dan jista’ jiġi konkluż li l-prova tkun ingħatat (sentenza Peróxidos Orgánicos vs Il-Kummissjoni, punt 65 iktar ’il fuq, punt 53; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 48 iktar ’il fuq, punt 79). B’mod partikolari, meta, fil-każ inkwistjoni, il-Kummissjoni tkun ipproduċiet prova ta’ akkordju, hija l-kumpannija li tkun ħadet sehem f’dak l-akkordju li għandha tipproduċi prova li hija tbiegħdet minn dan l-akkordju, liema prova għandha turi rieda ċara, li tkun tqiegħdet għall-attenzjoni tal-kumpanniji parteċipanti l-oħra, ta’ rtirar mill-ftehim (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, GlaxoSmithKline Services vs Il-Kummissjoni, T‑168/01, Ġabra p. II‑2969, punt 86; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Jannar 2004, BAI u Il-Kummissjoni vs Bayer, C‑2/01 P u C‑3/01 P, Ġabra p. I‑23, punt 63, u Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 48 iktar ’il fuq, punti 81 sa 84).

177    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni stabbilixxiet b’mod korrett il-fatti li fuqhom ibbażat l-evalwazzjoni tagħha li Siemens ssospendiet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fl-1 ta’ Settembru 1999.

b)     Fuq il-valur probatorju tal-provi li fuqhom tibbaża l-evalwazzjoni tagħha l-Kummissjoni li Siemens issospendiet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fl-1 ta’ Settembru 1999

178    Preliminarjament, għandhom jitfakkru l-fatti essenzjali li fuqhom il-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha li Siemens issospendiet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fl-1 ta’ Settembru 1999, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punti 186, 295, 296 u 298 tad-deċiżjoni kkontestata.

179    L-ewwel nett, ABB iddikjarat li Siemens kienet naqset milli tipparteċipa fil-laqgħat fi tmiem l-1999 u M. kien indika li Siemens irtirat f’Settembru 1999. It-tieni nett, id-dokument intitolat “Sommarju tad-diskussjonijiet ma’ JJC”, li nstab fil-bini tal-grupp VA Tech, jinkludi rifermiment li l-Kummissjoni tinterpreta bħala li tirreferi għat-tluq ta’ Siemens f’Settembru 1999. It-tielet nett, il-Kummissjoni tindika li Areva, Melco, Fuji u Hitachi/JAEPS ikkonfermaw li l-irtirar ta’ Siemens kien seħħ f’Settembru 1999.

 Fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ ABB u ta’ M.

180    Fil-kuntest tat-tielet ilment invokat insostenn ta’ din il-parti, Siemens issostni li d-dikjarazzjonijiet ta’ ABB huma b’mod partikolari ġenerali u kuntradittorji u li dawn ġew “żviluppati” skont iċ-ċirkustanzi, sal-punt li ġew nieqsa minn kwalunkwe valur probatorju.

181    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fid-dikjarazzjoni tagħha tas-7 ta’ Mejju 2004, ABB indikat li “madwar 1999, sa fejn kienet taf hi, Siemens irtirat mill-akkordju matul perijodu partikolari”. M., min-naħa tiegħu, fir-risposta tiegħu lill-Kummissjoni, matul is-seduta tat-23 ta’ Settembru 2005, li staqsietu jekk setax jindika eżattament meta Siemens kienet issospendiet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, M. wieġeb:

“Mhux eżattament. Konna f’Genève, iżda dan niftakar meta Th. ħabbar dan, iżda mhux 100 %. Kien fl-[19]99. Kienet il-Ħarifa jew ir-Rebbiegħa, ma ntiftakarx. Huwa importanti?”

182    Fl-aħħar nett, fi stqarrija tal-4 ta’ Ottubru 2005, ABB indikat li, fil-frattemp, M. kien fakkar li Siemens kienet għadha preżenti fil-laqgħa tal-akkordju f’Sydney f’ April 1999 u ma kinitx irtirat mill-akkordju minn tal-inqas erba’ jew ħames xhur wara dik il-laqgħa, jiġifieri f’Awwissu jew Settembru u li kien tħabbbar minn Th. matul laqgħa ta’ grupp ta’ ħidma f’Genève (l-Isvizzera).

183    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li d-dikjarazzjonijiet ta’ ABB u ta’ M. dwar id-data eżatta li fiha Siemens issospendiet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fl-1999 evolvew kemxejn matul iż-żmien. Madankollu, dawn id-dikjarazzjonijiet ma humiex neċessarjament kontradittorji, iżda għandhom sempliċement isiru iktar u iktar preċiżi (“madwar 1999”, “Rebbiegħa jew Harifa 1999” u, fl-aħħar nett, “Awwissu jew Settembru 1999) peress li M., li jidher li huwa s-sors ewlieni ta informazzjoni f’ABB għall-fatti dwar l-interruzzjoni minn Siemens tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, ftakar dettalji iktar speċifiċi.

184     B’mod partikolari, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li ssostni Siemens, il-memorji sussegwenti ta’ M., li wasslu għad-dikjarazzjonijiet ta’ ABB tal-4 ta’ Ottubru 2005, ma jikkontradixxux dikjarazzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iċ-ċirkustanzi dwar l-interruzzjoni tal-parteċipazzjoni fl-akkordju. Fil-fatt, filwaqt li huwa indika li, bħala riżultat ta’ żviluppi tas-suq sfavorevoli fl-1997 u 1998, Siemens reġgħet bdiet tapplika kompetizzjoni aggressiva fuq il-prezzijiet, huwa f’ebda mument ma indika li dan kien il-każ fl-1998. L-ewwel nett, huwa konċepibbli li l-proċess deċiżjonali f’Siemens dwar ir-reazzjoni korretta għall-iżvilupp sfavorevoli tas-suq seta’ ħa ftit żmien. It-tieni nett, huwa daqstant konċepibbli li Siemens, filwaqt li ddeċidiet fl-aħħar tal-1998 li ma tissoktax bil-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju u billi adottat aġir iktar aggressiv fis-suq, ipprovat tibbenefika għaż-żmien kollu possibbli mill-effetti tal-akkordju billi tittardja l-aħbar tagħha ta’ din id-deċiżjoni sa Settembru 1999. Skont ġurisprudenza stabbilita, tali aġir, anki jitqies li huwa ippruvat, ma huwiex biżżejjed sabiex jipprova din l-interruzzjoni, peress li kumpannija li taġixxi b’dan il-mod tista’ sempliċiment tkun qiegħda tipprova tuża l-akkordju għall-vantaġġ tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, T‑32/94, Ġabra p. II‑1373, punt 142; Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, punt 54 iktar ’il fuq, punti 277 u 278 ; Union Pigments vs Il-Kummissjoni, punt 174 iktar ’il fuq, punt 130, u tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra, p. II‑3435, punt 269).

185    Fir-rigward tal-konfutazzjoni minn Siemens tad-dikjarazzjoni ta’ ABB, għandu jiġi kkunsidrat li, anki jekk ma jistax jiġi eskluż, kif ġie kkonstatat fil-punt 64 iktar ’il fuq, li ABB setgħet kienet inċentiva sabiex timmassimizza l-importanza tal-aġir illegali tal-kompetituri tagħha, dan il-fatt ma jċaħħadx lid-dikjarazzjonijiet ta’ ABB u u ta’ M minn kull valur probatorju fir-rigward tal-interruzzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ Siemens fl-akkordju fl-1999. Peress li ABB tirreferi f’dan ir-rigward, għall-memorji ta’ M, f’dan il-każ hija l-kredibbiltà tax-xhieda ta’ M. li tiddetermina l-kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet ta’ ABB. Kif ġie kkonstatat fil-punt 76 iktar ’il fuq, il-fatt li jista’ jkun hemm xi ineżattezzi minuri fid-dikjarazzjonijiet ta’ M ma hijiex tali li taffettwa, b’mod ġenerali, il-valur probatorju ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet.

186    Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud ir-raba’ lment imqajjem minn Siemens insostenn ta’ din il-parti, li jipprovdi li d-dikjarazzjonijiet ta’ M. huma inammissibbli bħala motivi ta’ difiża, peress li, kuntrarjament għal dak li jipprovdi l-Artikolu 6(3)(d) tal-KPDB, Siemens ma kellhiex il-possibbiltà li tisma’ jew li tinteroga direttament lil dan ix-xhud.

187    Skont ġurisprudenza stabbilita, id-drittijiet fundamentali jifformaw parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li tagħhom il-qorti Komunitarja għandha tiggarantixxi l-osservanza (opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja 2/94, tat-28 ta’ Marzu 1996, Ġabra p. I‑1759, punt 33, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Mejju 1997, Kremzow, C‑299/95, Ġabra p. I‑2629, punt 14). Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali jispiraw ruħhom mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri kif ukoll mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-istrumenti internazzjonali rigward il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li kkooperaw għalihom u aderew magħhom l-Istati Membri. F’dan ir-rigward, il-KEDB tassumi rwol sinjifikattiv (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Mejju  986, Johnston, 222/84, Ġabra p. 1651, punt 18, u Kremzow, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 6(2) UE, l-Unjoni għandha tosserva l-prinċipji fundamentali, kif garantiti mill-KEDB u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, bħala prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju.

188    Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni kisritx il-prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju bħalma huwa dak tad-drittijiet tad-difiża (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punt 7) billi ma offrietx lil Siemens il-possibbiltà li tinterroga direttament ix-xhieda ta’ M.

189    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilta, dan il-prinċipju jeżiġi li l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati minn inkjesta tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni jingħataw l-opportunità, mill-istadju tal-proċedura amministrattiva, jippreżentaw l-opinjoni tagħhom dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti, ilmenti u ċirkustanzi allegati mill-Kummissjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Avebe vs Il-Kummissjoni, T314/01, Ġabra p.II3085, punt 49, u l-ġurisprudenza ċċitata), Min-naħa l-oħra, l-imsemmi prinċipju ma jeżiġix li l-impriżi jingħataw l-opportunità li jinterrogaw huma stess, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, ix-xhieda li nstemgħu mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 48 iktar ’il fuq, punt 200).

190    Għaldaqstant, dan l-ilment ta’ Siemens għandu jiġi miċħud.

191    Bħala konklużjoni, id-dikjarazzjonijiet ta’ ABB u ta’ M għandhom jiġu attribwiti valur probatorju għoli, rigward id-data li fiha Siemens issospendiet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fl-1999. Madankollu, skont il-prinċipju ddikjarat fil-punt 66 iktar ’il fuq, dawn id-dikjarazzjonijiet għandhom jiġu kkorroborati minn provi oħra.

 Fuq id-dokument intitolat “Sommarju tad-diskussjonijiet ma’ JJC”

192    Kif diġà ġie indikat fil-punt 151 iktar ’il fuq, il-valur probatorju ta’ dan id-dokument huwa suġġett għal kawtela, b’mod partikolari fir-rigward tal-valur li għandu jiġi attribwit lid-data dettaljata li jkun fih. Issa, id-data eżatta li fiha Siemens issospendiet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fl-1999 tikkostitwixxi informazzjoni dettaljata bħal din. Flimkien ma’ dan, hemm il-fatt li d-dokument ma huwiex, fir-rigward tad-data ta’ din l-interruzzjoni, mingħajr ebda ambigwità.

193    Fil-fatt, l-ewwel sentenza ta’ dan id-dokument tipprovdi kif ġej:

“A/ Waqfa  3 ==> 09/99 1 ==> kurrenti 00”

194    Peress li, meta nħoloq id-dokument, fl-10 ta’ Ġunju 2003, in-numru “3” kien il-kodiċi ta’ Siemens fi ħdan l-akkordju, il-Kummissjoni kkonkludiet li Siemens kellha tissospendi l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkorjdu f’Settembru 1999. Kif tenfasizza Siemens b’mod korrett fil-kuntest tal-ħames ilment tagħha, ibbażat fuq nuqqas ta’ dokument probatorju ċar tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju sa Settembru 1999, tali interpretazzjoni bilfors twassal għall-konklużjoni li ABB, maħtura mill-kodiċi 1, issospendiet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju matul is-sena 2000, għalkemm huwa paċifiku li ABB dejjem ipparteċipat fl-akkordju. Għalhekk, jew hija l-interpretazzjoni mill-Kummissjoni ta’ dan l-estratt tad-dokument li hija żbaljata, jew inkella l-indikazzjoni “1 ==> kurrenti 00” hija żbaljata. Jekk dan tal-aħħar kien il-każ, ma hemm ebda raġuni li tiġi attribwita iktar kredibbiltà għall-indikazzjoni “3 ==> 09/99”. Fi kwalunkwe każ, hemm lok li tiġi miċħuda l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni li t-terminu “Waqfa” fl-ewwel sentenza tad-dokument iċċitat fil-punt 193 iktar ’il fuq tirreferi biss għall-indikazzjoni “3 = = 09/99” u mhux għall-indikazzjoni “1 ==> kurrenti 00”.

195    Bħala konklużjoni, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-valur probatorju ta’ dan id-dokument, fir-rigward tad-data li fiha Siemens issospendiet il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur tal-1999, huwa żgħir ħafna.

 Fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Areva, ta’ Melco, ta’ Fuji u ta’ Hitachi/JAEPS

–       Fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Areva

196    Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet ta’ Areva, il-Kummissjoni tirreferi, fil-premessa 186 tad-deċiżjoni kkontestata, għal dokument prodott minn Areva fil-kuntest tat-talba tagħha għall-immunità mill-multi intitolat “Nota għall-Gwida dwar l-operat tal-ftehim għas-suq SIĠ”. Taħt it-titolu “Storja” ta’ dan id-dokument, huwa indikat kif ġej:

“L-ewwel akkordju eżista bejn it-tmiem tas-snin 1980 u 1997 meta kien ġie interrott. Mill-1997 il-parteċipanti komplew jiltaqgħu, iżda ma kinux qablu dwar tqassim tas-swieq jew iffissar tal-prezzijiet u l-laqgħat ta’ dan l-akkordju spiċċaw f’Settembru 1999, peress li Siemens kienet irtirat definittivament.”

197    L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li din l-indikazzjoni ma hijiex nieqsa mill-ambigwità. Fil-fatt, kif issostni Siemens fil-kuntest tas-sitt ilment tagħha, invokat insostenn ta’ din il-parti, huwa possibbli li jinterpretawh fis-sens li l-interruzzjoni tal-parteċipazzjoni tagħha seħħet qabel ix-xahar ta’ Settembru 1999, iżda li l-effett ta’ din interruzzjoni, jiġifieri l-waqfien ta’ laqgħat fil-kuntest tal-akkordju, seħħ biss wara Settembru. Madankollu, tali interpretazzjoni ma tistax tintlaqa’. Għandu jiġi osservat, barra minn hekk, li d-dikjarazzjoni ta’ Areva li tipprovdi li l-laqgħat waqfu f’Settembru 1999 kienet, sussegwentement, ġiet ikkonstatat bħala falza, kif jixhdu b’mod partikolari l-provi prodotti mill-Kummissjoni fil-premessi 191 sa 197 tad-deċiżjoni kkontestata. Filwaqt li dan il-fatt ma jagħmilx iktar probabbli l-interpretazzjonijiet oħra tas-silta fil-punt 196 iktar ’il fuq, huwa fi kwalunkwe każ, jista’ jitfa’ dubju ġenerali fuq l-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet ta’ Areva. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni nfisha, fil-premessi 290 u 291 tad-deċiżjoni kkontestata, ikklassifikat id-dikjarazzjonijiet ta’ Areva bħala “kontradittorji u ambigwi”, fatt li ġie invokat, fost oħrajn, sabiex ma jagħtix lil Areva tnaqqis tal-multa skont l-avviż dwar il-kooperazzjoni, kif jirriżulta mill-premessa 531 tad-deċiżjoni kkontestata.

198    Għaldaqstant, għandu jiġi attribwit valur probatorju pjuttost dgħajjef lid-dikjarazzjonijiet ta’ Areva.

199    It-tieni nett, sa fejn il-Kummissjoni tinvoka, fil-premessa 285 u nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 237 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-risposta ta’ Areva fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hemm lok li jintlaqa’ l-argument magħmul minn Siemens li jipprovdi li din it-tweġiba ma tistax tiġi invokata għall-ħlas kontra tagħha, peress li hija ma kellhiex aċċess qabel ma tadotta d-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 189 iktar ’il fuq). Fil-fatt, il-Kummissjoni kkonfermat, fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali qabel is-seduta, li t-tweġiba ta’ Areva għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma kinitx ġiet ikkomunikata lil Siemens qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

–       Fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Melco

200    Melco ddikjarat, f’dokument tal-4 ta’ Novembru 2004, prodott fil-kuntest tat-talba tagħha skont l-avviż dwar il-kooperazzjoni:

“Sa Settembru 1999, il-Grupp opera mingħajr problemi skont l-għanijiet tiegħu. Sussegwentement, f’Settembru 1999, Siemens iddikjarat formalment l-irtirar tagħha mill-Grupp minħabba li s-superjuri ta’ Siemens kienu skoprew l-attivitajiet tal-Grupp.”

201    Għalhekk Melco kkonfermat espressament u inekwivokament li Siemens ma kinitx ħabbret l-interruzzjoni tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju sa’ Settembru 1999.

202    Fil-kuntest tas-sitt ilment tagħha, invokat insostenn ta’ din il-parti, Siemens issostni li, fil-premessa 292 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stess ikklassifikat id-dikjarazzjonijiet ta’ Melco bħala nieqsa minn kull valur probatorju, minħabba li huma kontradittorji u ambigwi. Għandu jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li, matul il-proċedura amministrattiva, Melco ressqet żewġ dikjarazzjonijiet differenti, jiġifieri, l-ewwel nett, dokument tal-4 ta’ Novembru 2004, prodott fil-kuntest tat-talba tagħha skont l-avviż dwar il-kooperazzjoni, li minnha jirriżulta l-estratt iċċitat fil-punt 200 iktar ’il fuq, u t-tieni nett, risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, tal-5 ta’ Lulju 2006. Huwa biss fir-rigward ta’ dan id-dokument tal-aħħar li tapplika l-klassifikazzjoni tan-nuqqas ta’ valur probatorju fil-punt 292 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, tali klassifikazzjoni bħal din taffettwa biss aspett wieħed ta’ din it-tweġiba, jiġifieri, l-allegazzjoni ta’ Melco li l-akkordju kien kompletament intemm fl-1999 wara l-interruzzjoni minn Siemens tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju. Il-Kummissjoni kkunsidrat b’mod partikolari li dawn l-allegazzjonijiet kienu bbażati biss fuq dikjarazzjonijiet minn partijiet oħra fil-proċeduri u li huma ppreżentati biss għad-difiża tagħha stess. Kuntrarjament, id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi ebda evalwazzjoni espliċita tal-valur probatorju tad-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Melco, fl-4 ta’ Novembru 2004, fil-kuntest tat-talba tagħha skont l-avviż dwar il-kooperazzjoni.

203    Għandu jiġi kkunsidrat li l-indikazzjoni ta’ Settembru 1999 bħala d-data li fiha Siemens ssospendiet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, fid-dikjarazzjonijiet ta’ Melco tal-4 ta’ Novembru 2004, għandha tibbenefika minn kredibbiltà għolja, peress li Melco ma seta’ jkollha ebda inċentiv li tispeċifika data wara d-data effettiva tal-interruzzjoni. Fil-fatt, fid-dawl tal-fatt li t-tluq ta’ Siemens – u dak ta’ Hitachi ftit xhur wara – kien tali li jagħmel iktar kredibbli l-“kollass tal-akkordju” li seħħ, skont Melco, mill-1999/2000, Melco attwalment kellha interess li tindika data qabel id-data attwali.

–       Fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Fuji

204    Fuji ddikjarat, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fil-11 ta’ Lulju 2006:

“Meta Siemens rtirat mill-akkordju f’Settembru 1999, l-akkordju tal-ftehim GQ beda jikkrolla. Skont l-informazzjoni li kellha Fuji, ma kien hemm ebda laqgħat ulterjuri wara l-laqgħa ta’ Sydney.”

205    Kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 90 iktar ’il fuq, kuntrarjament għal dak li ssostni Siemens, għandha tiġi attribwita kredibbiltà għolja lid-dikjarazzjonijiet ta’ Fuji, għalkemm kienu saru relattivament tard matul il-proċeduri u f’kuntest temporali mill-qrib ma’ talba skont l-avviż dwar il-kooperazzjoni. Barra minn hekk, fir-rigward b’mod partikolari, tal-indikazzjoni tad-data li fiha Siemens issospendiet l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, huma validi l-istess kunsiderazzjonijiet għad-dikjarazzjonijiet ta’ Melco (ara punt 203 iktar ’il fuq): peress li din l-interruzzjoni għamlet kredibbli l-idea ta “kollass tal-akkordju” ftit żmien wara, kunċett li huwa wkoll sostnut minn Fuji, ma kienx fl-interess ta’ Fuji li tagħmel din id-data artifiċjalment iktar tard.

–       Fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Hitachi

206    Il-Kummissjoni tinvoka, fil-premessa 186 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 238 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-risposta ta’ Hitachi għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li fiha din tal-aħħar ikkonfermat li x-xahar ta’ Settembru1999 kien il-mument li fih Siemens issospendiet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju. Madankollu, kif issostni Siemens, mingħajr kuntradizzjoni mill-Kummissjoni, din it-tweġiba ma tistax tiġi invokata fil-każ kontra tagħha, peress li hija ma kellhiex aċċess qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 189 iktar ’il fuq). Għalhekk, din il-prova għandha tiġi eskluża.

 Konklużjoni intermedjarja

207    Minn dak li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha fuq diversi provi sabiex tikkonstata l-parteċipazzjoni ta’ Siemens fl-akkordju sa Settembru 1999, inklużi d-dikjarazzjonijiet ta’ ABB u ta’ GM, li nstabu li kienu kredibbli u li kienu kkonfermati f’dan ir-rigward, mid-dikjarazzjonijiet ta’ Areva, ta’ Melco u ta’ Fuji, li fosthom dawk ta’ Melco u ta’ Fuji, għandhom kredibbiltà għolja.

208    Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi, għandu sussegwentement jiġi eżaminat jekk il-provi l-oħra prodotti minn Siemens jistgħux ibiddlu l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni u jistabbilixxu l-allegazzjoni ta’ Siemens li tipprovdi li hija ssospendiet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju f’April 1999.

c)     Fuq il-provi prodotti minn Siemens sabiex tistabbilixxi l-interruzzjoni tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju f’April 1999

 Fuq il-provi ekonomiċi empiriċi tal-interruzzjoni tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju mhux iktar tard minn April 1999

209    Fil-kuntest tat-tmien ilment tagħha, invokat insostenn ta’ din il-parti, Siemens tinvoka l-analiżi sabiex issostni l-interruzzjoni tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju f’April 1999. Fil-fehma tagħha, l-analiżi stabbilixxiet li, fil-perijodu bejn April u Settembru 1999, hija aġixxiet fis-suq b’mod kompetittiv, kif għamlet wara Settembru 1999 u kuntrarjament għal dak li kienet għamlet wara April 1999.

210    F’dan ir-rigward, isir riferiment għall-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 135 sa 138 iktar ’il fuq, li huma wkoll validi fir-rigward tal-kwistjoni tal-interruzzjoni minn Siemens tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju. Fil-fatt, minn naħa, peress li l-Artikolu 81 KE jipprojbixxi mhux biss ftehim li għandu bħala effett li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, iżda wkoll ftehim li għandu tali għan, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tipprova l-effetti attwali meta tikkonstata ksur. Min-naħa l-oħra, jekk jitqies li Siemens kienet ġabet ruħha b’mod kompetittiv matul il-perijodu bejn April u Settembru 1999, dan ma jipprovax li hija tbiegħdet mill-akkordju, iżda biss li hija ma kinitx osservat il-ftehim. Kif issostni l-Kummissjoni b’mod ġust, dan jista’ wkoll madankollu jkun dovut għall-fatt li Siemens qed tipprova tieħu vantaġġ mill-akkordju.

211    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq ix-xhieda ta’ Se.

212    Fil-kuntest tas-seba’ lment tagħha, invokat insostenn ta’ din il-parti, Siemens ibbażat ruħha fuq dikjarazzjoni ta’ Se., li kien impjegat ta’ Alstom, li indika, f’Settembru 2006: “F’April 1999, nifhem li ma kienx iktar possibbli li jkun hemm akkordju peress li Siemens, kompetitur ewlieni, ħabbret it-tluq tagħha mill-akkordju”. Skont Siemens, il-fatt li l-Kummissjoni ċaħdet din id-dikjarazzjoni tikkostitwixxi numru ta żbalji ta’ liġi.

213    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li d-dikjarazzjoni ta’ Se. ma hijiex neċessarjament inkonsistenti mal-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li Siemens ssospendiet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju f’Settembru 1999. Fil-fatt, Se sostna li d-deċiżjoni ta’ Siemens li ma tissoktax bil-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju saret f’April 1999 iżda mhux l-interruzzjoni effettiva tal-parteċipazzjoni tagħha f’dan l-akkordju. Għaldaqstant huwa konċepibbli li, f’April 1999, Siemens sempliċement ħabbret id-deċiżjoni tagħha u l-interruzzjoni tal-parteċipazzjoni tagħha seħħet wara. Għal din ir-raġuni biss, l-argument ta’ Siemens għandu jiġi miċħud.

214    It-tieni nett, il-Kummissjoni ma eskludietx ix-xhieda ta’ Se. biss għar-raġuni li din saret “taħt il-kontroll esklużiv tal-avukati ta’ Alstom”, kif issostni Siemens, iżda wkoll minħabba li ma qisitx li hija kredibbli fiha nfisha, peress li Se. nnifsu ma kienx xhud tal-fatti li tkellem dwarhom. Kif jirriżulta mill-premessa 289(b) tad-deċiżjoni kkontestata, huwa ħa inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-fatt li Se. stess irrikonoxxa li, qabel April 1999, huwa kien konxju tal-akkordju, iżda ma kellu ebda informazzjoni dwar kif il-funzjonament tal-akkordju, ma kienx jaf min huma l-parteċipanti, id-dati u l-postijiet tal-laqgħat kif ukoll ir-regoli li japplikaw. Barra minn hekk, mit-tabella tal-laqgħat, ipprovduta minn ABB fil-5 ta’ Ottubru 2005, jirriżulta li Se nnifsu ma pparteċipax fil-laqgħa ta’ Sydney f’April 1999, peress li Alstom kienet irrappreżentata minn tliet impjegati oħra. Tali evalwazzjoni tal-provi mill-Kummissjoni ma hijiex żbaljata. Fi kwalunkwe każ, ma hijiex il-Qorti Ġenerali, fin-nuqqas ta’ kontestazzjoni dettaljata minn Siemens, lli għandha tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha stess.

215    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud sa fejn jikkonċerna x-xhieda ta’ Se.

 Fuq ix-xhieda ta’ M., Tr., E. u Sch.

216    Fil-kuntest tas-seba’ lment tagħha, invokat insostenn ta’ din il-parti, Siemens tallega wkoll fil-konfront tal-Kummissjoni li ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjonijiet tal-ex impjegati tagħha M. Tr, E. u Sch. Li hija kienet ipproduċiet matul il-proċeduri amministrattivi.

217    L-ewwel nett għandha tiġi miċħuda l-allegazzjoni ta’ Siemens li tipprovdi li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjonijiet tal-ex impjegati tagħha. Fil-fatt, wara Siemens ipproduċiet dawn ix-xhieda bil-miktub, permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Awwissu 2006, il-Kummissjoni indikat b’ittra tat-12 ta’ Diċembru 2006, li ma tikkunsidrax li huwa neċessarju li tisma’ li dawn ix-xhieda, peress li xhieda tagħhom ma wasslux għal mistoqsijiet oħra min-naħa tagħhom.

218    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ddikjarat li d-dikjarazzjonijiet tal-ex impjegati ta’ Siemens ma kinux ta’ natura li jbiddlu l-evalwazzjoni tagħhom fir-rigward tad-data li fiha Siemens issospendiet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, billi bbażat ruħha fuq il-portata tad-dikjarazzjonijiet u l-provi prodotti minnha.

219    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-kredibilità tad-dikjarazzjonijiet tal-ex impjegati ta’ Siemens hija affettwata b’mod serju mill-fatt li dawn il-persuni jikkontestaw kull ftehim dwar il-proġetti ta’ SIG fl-Ewropa, filwaqt li, kif ġie espost fil-kuntest tal-ewwel motiv, il-Kummissjoni stabbilixxiet b’mod suffiċjenti fid-dritt, li l-arranġament komuni kien jikkonċerna wkoll il-proġetti ta’ SIG fl-Ewropa.

220    Barra minn hekk, rigward id-data eżatta li fiha Siemens issospendiet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fl-1999, għandu jiġi rrilevat li Tr., kif jirriżulta mid-dikjarazzjoni tiegħu, irtira fl-1994 u indika li ma jafx eżatt meta Siemens rtirat mill-akkordju. Sch., indika li s-superjur tiegħu, E, kien qallu li matul l-1998, huwa kien ser jirtira kmieni fl-1999 u kien fl-istess ħin iddeċieda li Siemens kienet ser tirrinunzja għall-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim GQ. Madankollu, huwa ma indikax meta din id-deċiżjoni kienet saret effettiva u, barra minn hekk, id-dati mogħtija minnu ma kinux jikkoinċidu ma’ dawk indikati minn E. Fil-fatt, dan tal-aħħar indika li kien irtira f’nofs l-2000 u ddeċieda wkoll li Siemens kienet ser tirtira il-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim GQ (“im Vorfeld”) fil-laqgħa Sydney, u b’dan informa lil Sch., billi talbu jieħu l-miżuri meħtieġa. Huwa possibbli li l-fatti rrappurtati minn Sch. seħħew sena wara d-dati indikati minnu. Barra minn hekk, E. sostna li informa lil V, impjegat ta’ Alstom, qabel il-laqgħa Sydney u tal-impriżi Ġappuniżi, “fil-kuntest temporali immedjat” ta’ dik il-laqgħa, filwaqt li ammetta li ma kienx jiftakar jekk dan kienx seħħ qabel jew wara. Min-naħa l-oħra, huwa rrikonoxxa espressament li ma kienx informa impriżi oħra, b’mod partikolari ABB, u ma kienx irrefera għall-irtirar ta’ Siemens fil-laqgħa annwali.

221    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li dawn il-provi jistabbilixxu b’mod suffiċjenti fid-dritt li ma kienx hemm distakk “uffiċjali” ta’ Siemens f’din il-laqgħa. Fil-fatt, f’akkordju li jinvolvi diversi impriżi, distakk ċar u espliċitu min-naħa ta’ waħda mill-kumpanniji parteċipanti għandu jiġi indirizzat lill-parteċipanti l-oħra kollha. Għalhekk, ma hemmx inkwistjoni “diskriminazzjoni inammissibbli” meta mqabbla ma’ każijiet oħra simili, kif issostni Siemens.

222    Barra minn hekk, E. indika wkoll li kien biss wara l-informazzjoni tal-impriżi Ġappuniżi li      huwa kien informa lis-segretarju Ewropew tal-akkordji bl-interruzzjoni minn Siemens tal-parteċipazzjoni tagħha f’dan l-akkordju, li min-naħa tagħha informat, f’data mhux magħrufa lil E. , lill-impriżi oħra. Għandu jitfakkar f’dan ir-rigward, li, skont id-dikjarazzjonijiet ta’ Tr., is-segretarjat ġie żgurat, matul dak iż-żmien, f’isem Siemens, minn Th., li wkoll kien preżenti waqt il-laqgħa ta’ Sydney. Għaldaqstant, ix-xhieda ta’ E. ma tikkontradixxix il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward. Kuntrarjament, id-dikjarazzjoni tiegħu tikkonferma li ma kienx hemm distakk miftuħ tal-akkordju min-naħa ta’ Siemens f’April 1999 u, barra minn hekk, huwa perfettament kompatibbli mal-verżjoni ta’ M., li skontha dan tal-aħħar kien ġie informat minn Th. waqt laqgħa ta’ ħidma f’Genève f’Settembru 1999. Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li mid-dikjarazzjoni ta’ E. jirriżulta li Th. kien għadu qiegħed jaġixxi bħala segretarju Ewropew tal-akkordji f’isem Siemens għal xi żmien wara l-laqgħa ta’ Sydney, li huwa diġà suffiċjenti fih innifsu sabiex jiġi miċħud l-argument ta’ Siemens li jipprovdi li hija kienet issospendiet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju f’April 1999. Madankollu, skont il-ġurisprudenza, il-fatt li impriża ma titbiegħedx pubblikament minn ksur li pparteċipat fih l-impriża inkwistjoni jew li ma tirrappurtahx lill-awtoritajiet amministrattivi jinkoraġġixxi l-kontinwazzjoni tal-ksur u jikkompromettu l-iskoperta tiegħu, b’mod li din l-approvazzjoni taċita tista’ tiġi kklassifikata bħala kompliċità jew metodu passiv ta’ parteċipazzjoni fil-ksur (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 48 iktar ’il fuq, punt 84).

223    Għalhekk, iktar mili tikkonfuta l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li Siemens issospendiet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju f’Settembru 1999, ix-xhieda ta’ Tr., E. u Sch. pjuttost jikkonfermaw din il-konstatazzjoni sa ċertu estent.

224    Għalhekk, hemm lok li jiġi miċħud dan l-ilment sa fejn jikkonċerna x-xhieda ta’ M., Tr., E. u Sch. u, għalhekk dan l-ilment għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq in-nuqqas ta’ provi tal-parteċipazzjoni ta’ Siemens fil-ftehim dwar il-proġetti ta’ SIG wara April 1999

225    Fil-kuntest tal-ewwel ilment tagħha, invokat insostenn ta’ din il-parti, Siemens issostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tallegax li hija pparteċipat fi ftehim dwar proġetti wara April 1999. Hija qalet li l-aħħar tal-proġetti identifikati mill-Kummissjoni li pparteċipat fihom huma tat-8 ta’ Marzu 1999 u l-indikazzjoni pprovduta minn Fuji fit-talba tagħha skont l-avviż dwar il-kooperazzjoni ma jagħtux prova tal-parteċipazzjoni tagħha fi proġetti jew ta’ skambju ta’ informazzjoni f’dan ir-rigward wara Marzu 1999.

226    Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li n-nuqqas ta’ provi tal-eżistenza tal-ftehim dwar il-proġetti wara Marzu 1999 ma jfissirx li tali ftehim ma eżistiex. Kif issostni l-Kummissjoni, il-lista globali ma hijiex eżawrjenti. Barra minn hekk, anki jekk jiġi ppruvat li Siemens ma pparteċipatx fi ftehim dwar proġetti wara Marzu 1999, dan ma kienx jikkostitwixxi prova tal-interruzzjoni tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju. Fil-fatt, kif tenfasizza l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-kritika li ssir fir-rigward ta’ Siemens fid-deċiżjoni kkontestata tmur ferm lil hinn mill-ftehim biss fuq proġetti speċifiċi. Huwa biżżejjed li jissemma’ f’dan ir-rigward il-fatt li Siemens żgurat, matul dan iż-żmien, il-funzjoni ta’ segretarju Ewropew tal-akkordji, liema funzjoni ppermettiet il-funzjonament ta’ dan tal-aħħar.

227    Għalhekk, l-argumenti ppreżentati minn Siemens fil-kuntest ta’ dan l-ilment ma jistgħux ibiddlu l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, ibbażata fuq provi eżaminati fil-punti 179 sa 207 iktar ’il fuq, li jindika li Siemens ipparteċipat fl-akkordju sa Settembru 1999. Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq in-nuqqs ta’ prova tal-laqgħa wara t-22 ta’ April 1999

228    Fil-kuntest tat-tieni lment tagħha, invokat insostenn ta’ din il-parti, Siemens issostni li l-Kummissjoni ma ppreżentat ebda prova li tindika li hija kienet ipparteċipat, fl-1999, f’laqgħa sussegwenti għal dik ta’ Sydney organizzata mid-19 sal-24 ta’ April ta’ dik is-sena.

229    Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li n-nuqqas ta’ prova ta’ laqgħa wara April 1999 ma huwiex ta’ natura li jikkonfuta l-indizji li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tikkonstata parteċipazzjoni ta’ Siemens fl-akkordju sa Settembru 1999.

230    Tabilħaqq, il-fatt li l-Kummissjoni ma kellha ebda għarfien tal-laqgħat sussegwenti ma jfissirx li dawn il-laqgħat ma nżammux. B’mod partikolari, billi tindika, fil-premessa 183 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[w]ara l-laqgħa ta’ Sydney organizzata mid-19 sal-24 ta’ April 1999, il-laqgħat annwali waqfu”, il-Kummissjoni kjarament tirreferi għal-laqgħat annwali u għalhekk ma eskludietx li, wara din id-data, kien hemm laqgħat oħra fil-livell operattiv. F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 3 tal-GQ jirriżulta li l-laqgħa ġenerali (general meeting) kienet skedata darba fis-sena. Għalhekk, anki jekk Siemens ma kinitx issospendiet il-parteċipazzjoni fl-akkordju matul is-sena 1999, ma kienx ikun possibbli li wieħed jistenna laqgħa oħra ta’ dan it-tip fl-istess sena. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 5 tal-ftehim GQ jipprovdi għaż-żamma ta’ laqgħat tal-kumitat (committee meetings) kull ġimagħtejn, sabiex jiġu skambjati opinjonijiet reċiproċi dwar proġetti mitluba minn kull grupp. Kif jirriżulta mill-Anness 4 tal-GQ, Siemens (indikata bil-kodiċi “8”) kienet membru tal-Kumitat Ewropew u kellha tipparteċipa f’dawn il-laqgħat. Barra minn hekk, mill-Artikolu 5 tal-ftehim EQ jirriżulta li l-laqgħat ta’ ħidma (job meetings), li kellhom jipparteċipaw fihom il-membri kollha kkonċernati, kienu nżammu kemm għall-proġetti li kienu s-suġġett ta’ għoti kif ukoll dawk li kienu sempliċement suġġett ta’ arranġament fuq il-prezz minimu u li kien is-segretarju Ewropej tal-akkordju – jiġifieri Siemens – li kellu jibgħat l-istedinijiet għal dawn il-laqgħat u li kellu jippresjedi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi d-data u l-post eżatt ta’ laqgħat oħra fl-1999 wara dik ta’ Sydney ma jwassalx għall-konklużjoni li dawn il-laqgħat ma seħħewx.

231    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

232    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kellha provi suffiċjenti li tiġġustifika l-konklużjoni li Siemens kienet ipparteċipat fl-akkordju sa Settembru 1999. Barra minn hekk, Siemens ma tatx spjegazzjoni alternattiva konvinċenti għall-eżistenza ta’ dawn il-provi, skont ir-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza. Issa, b’kunsiderazzjoni għall-fatti msemmija fil-punt 207 iktar ’il fuq, invokati mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni ta’ Siemens sa Settembru 1999, kien obbligu ta’ din tal-aħħar li tagħti spjegazzjoni jew ġustifikazzjoni alternattiva li tista’ tikkontradixxi l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, li kellha l-oneru tal-prova tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 48 iktar ’il fuq, punt 79, u s-sentenza Peróxidos Orgánicos vs Il-Kummissjoni, punt 65 iktar ’il fuq, punt 71).

233    Għalhekk, għandha tiġi miċħuda l-ewwel parti tat-tieni motiv.

B –  Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq il-preskrizzjoni tal-proċeduri

1.     L-argumenti tal-partijiet

234    Siemens issostni li, għall-ewwel fażi tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur li huwa allegat fil-konfront tagħha u li ntemm fit-22 ta’ April 1999, il-preskrizzjoni skadiet fit-22 ta’ April 2004, jiġifieri qabel id-data tal-ispezzjonijiet, fil-11 u fit-12 ta’ Mejju 2004. Skontha, l-argument tal-Kummissjoni li hija pparteċipat darbtejn fl-istess ksur uniku u kontinwu ma jeskludix il-preskrizzjoni. Fil-fatt, l-akkordju li eżista mill-1988 sal-1999 kien ċertament differenti minn dak li eżista bejn l-2002 u l-2004.

235    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti ppreżentati minn Siemens.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

236    L-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 1/2003 jistabbilixxi t-terminu ta’ preskrizzjoni għal ħames snin għal ksur bħal dak allegat fir-rigward ta’ Siemens. Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 25(2), għal ksur kontinwu jew ripetut, il-preskrizzjoni tibda tiddekorri mid-data li fiha ntemm il-ksur. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 25(3) tal-istess regolament, il-preskrizzjoni hija interrotta minn kwalunkwe azzjoni tal-Kummissjoni intiża għall-investigazzjoni jew għall-prosekuzzjoni ta’ ksur.

237    Fil-każ inkwistjoni, l-eċċezzjoni tal-preskrizzjoni invokata fir-rigward tal-ewwel fażi tal-ksur allegat fir-rigward ta’ Siemens tippresupponi għalhekk żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. Min-naħa waħda, din l-ewwel fażi għandha titlesta mhux iktar tard mill-10 ta’ Mejju 1999, jiġifieri ħames snin qabel il-jum qabel l-ispezzjonijiet fuq il-post li l-Kummissjoni wettqet fil-11 u fit-12 ta’ Mejju 2004. Min-naħa l-oħra, iż-żewġ fażijiet tal-ksur li huma allegati fil-konfront tagħha ma jistgħux jagħmlu parti minn ksur uniku u kontinwat, fis-sens tal-Artikolu 25(2) tar-Regolament Nru 1/2003, peress li, f’tali sitwazzjoni, il-preskrizzjoni bdiet tiddekorri mill-jum li fih intemmet it-tieni waħda minn dawn il-fażijiet fl-2004.

238    Huwa biżżejjed li jitfakkar, f’dan ir-rigward li, kif ġie kkonstatat fil-punt 232 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kkonstatat b’mod ġust, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-ewwel fażi tal-parteċipazzjoni ta’ Siemens fil-ksur kienet intemmet f’Settembru 1999, jiġifieri wara d-data tal-10 ta’ Mejju 1999.

239    Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ preskrizzjoni, li hija s-suġġett tat-tieni parti tat-tieni motiv, għandha tiġi miċħuda.

240    Fi kwalunkwe każ, it-tieni kundizzjoni li tinsab fil-punt 237 iktar ’il fuq ukoll ma hijiex sodisfatta. Fil-fatt, il-Kummissjoni kkonstatat, b’mod ġust, li l-akkordju li pparteċipat fih Siemens mill-2002 essenzjalment kien l-istess bħal dak li pparteċipat fih fl-1999.

241    F’dan ir-rigward, ġew identifikati diversi kriterji mill-ġurisprudenza li huma rilevanti sabiex jevalwaw in-natura unika tal-ksur, jiġifieri l-identità jew id-diversità tal-għanijiet tal-prattiki inkwistjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, Dansk Rørindustri vs Il-Kummissjoni, T‑21/99, Ġabra II, p. 1681, punt 67, ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2006, Technische Unie vs Il-Kummissjoni, C‑113/04 P, Ġabra p. 8831, punti 170 u 171, u s-sentenza Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, punt 184 iktar ’il fuq, punt 312), l-identità tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 118, 119 u 124 u s-sentenza Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, punt 184 iktar ’il fuq, punt 312), l-identità tal-impriżi parteċipanti (sentenza Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, punt 184 iktar ’il fuq, punt 312) u l-identità tal-metodi li ntużaw għall-implementazzjoni tal-akkordju (sentenza Dansk Rørindustri vs Il-Kummissjoni, punt 68). Kriterji oħra rilevanti huma l-identità ta’ persuni fiżiċi involuti f’isem impriżi u l-identità tal-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tal-prattiki inkwistjoni.

242    Fil-każ inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li l-kriterji msemmija fil-punt preċedenti jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-akkordju li fih ipparteċipat Siemens mill-2002 essenzjalment kien l-istess bħal dak li pparteċipat fih sal-1999.

243    Fil-fatt, l-ewwel nett, l-għan li jiġu stabbiliti l-ishma tas-suq ta’ membri tal-akkordju, li jinqasam is-suq dinji bejn il-produtturi Ġappuniżi u Ewropej – b’mod partikolari billi jiġu rriżervati s-swieq Ewropej lil dawn tal-aħħar – u li jiġu evitati l-erożjoni tal-prezzijiet, kien l-istess matul il-perijodi żewġ inkwistjoni. F’dan ir-rigward, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti ta’ Siemens, li jipprovdu li ż-żewġ fażijiet tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur kienu fil-fatt differenti minn xulxin.

244    Qabelxejn, ma huwiex minnu li l-akkordju kien japplika għal proġetti Ewropej biss mill-2002. kuntrarjament, kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-punt 161 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni stabbilixxiet b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-akkordju kien japplika għal proġetti ta’ SIG fi ħdan iż-ŻEE mill-bidu.

245    Sussegwentement, ma huwiex rilevanti jekk il-ftehim GQ tħassarx u ġiex issostitwit bi ftehim ieħor, kif tallega Siemens, billi tibbaża ruħha fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Hitachi, jew ġiex sempliċiment emendat, sakemm l-għan tal-prattiki inkwisjtoni baqa’ l-istess.

246    Finalment, għandu jiġi miċħud il-kunċett ta’ “għan komuni”, impliċitament sostnut minn Siemens. Skont dan il-kunċett, il-konstatazzjoni ta ksur wieħed tiddependi mhux biss fuq kriterji oġġettivi, bħal dawk imsemmija fil-punt 241 iktar ’il fuq, iżda tippresupponi l-eżistenza ta’ element suġġettiv fil-forma ta’ intenzjoni globali ġenerali, li hija nieqsa f’dan il-każ. Għandu jiġi osservat f’dan ir-rigward li l-pożizzjoni meħuda minn Siemens ma għandha ebda sostenn fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 241 iktar ’il fuq, li ma tagħmel ebda riferiment għal kriterju suġġettiv fir-rigward tal-evalwazzjoni tan-natura unika tal-ksur. Għaldaqstant, il-kwistjoni dwar jekk sett ta’ akkordji u ta’ prattiki kontra l-Artikolu 81(1)(KE) jikkostitwixxix ksur uniku u kontinwat hija, kuntrarjament, kwistjoni li tiddependi biss minn fatturi oġġettivi, fosthom l-għan komuni tal-imsemmija ftehim u prattiki. Dan tal-aħħar huwa kriterju li għandu jiġi evalwat fir-rigward biss tal-kontenut ta’ dawn il-ftehim u prattiki u li ma għandux jiġi konfuż, kif tidher li tagħmel Siemens, mal-intenzjoni suġġettiva tal-kumpanniji differenti li jipparteċipaw fi ftehim uniku u kontinwu. Min-naħa l-oħra, din l-intenzjoni tista’ u għandha tittieħed inkunsiderazzjoni biss fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-parteċipazzjoni individwali ta’ kumpannija f’tali ftehim uniku u kontinwu (ara punt 253 iktar ’il quddiem).

247    It-tieni nett, il-metodi tal-funzjonament tal-ftehim baqgħu ġeneralment l-istess, anki jekk evolvew gradwalment matul is-snin, b’mod partikolari skont it-tnaqqis tan-numru ta’ kumpanniji parteċipanti wara l-amalgamazzjonijiet fis-settur u l-evoluzzjoni teknika tal-metodi ta’ komunikazzjoni. Madankollu, kif sostniet il-Kummissjoni fil-premessa 280 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn il-bidliet ma seħħewx fi żmien speċifiku bejn l-1999 u l-2002, iżda gradwalment. Barra minn hekk, huma ma affettwawx il-prinċipji essenzjali tal-metodu ta’ funzjonament, jiġifieri l-għoti ta’ proġetti ta’ SIG fost il-membri tal-akkordju abbażi ta’ kwoti stabbiliti minnhom u permezz tal-manipulazzjoni tas-sejħa tal-offerti, kif ukoll l-iffissar ta’ prezzijiet minimi għal proġetti ta’ SIG li ma kinux suġġett ta’ għoti.

248    It-tielet nett, l-akkordju kien intiż, matul iż-żewġ perijodi inkwistjoni, għall-istess suq, jiġifieri dak tal-proġetti ta’ SIG fil-forma ta’ tagħmir separat u substations għall-ġenerazzjoni tal-elettriku (turnkey).

249    Ir-raba’ nett, il-kumpanniji li pparteċipaw fl-akkordju essenzjalment baqgħu l-istess matul il-perijodu tal-akkordju bejn l-1988 u l-2004, b’kunsiderazzjoni għall-proċess ta’ amalgamazzjoni fis-settur ta’ SIG li seħħet matul dan il-perijodu u bl-unika eċċezzjoni tal-assenza temporanja ta’ Siemens, il-kumpanija VA Tech u Hitachi.

250    Il-ħames nett, il-persuni li jirrappreżentaw id-diversi kumpanniji fi ħdan l-akkordju kienu, sa ċertu punt, l-istess fl-1999 u l-2002, apparti xi fluttwazzjoni normali fi ħdan kull kumpannija. Il-kontinwità personali tar-rappreżentati hija kkonfermata minn diversi listi tal-laqgħat fil-fajl, u b’mod partikolari, dawk inklużi fl-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll mil-lista ta’ kolloboraturi tal-impriżi involuti fil-ftehim, li jinsabu fl-Anness II tad-deċiżjoni kkontestata.

251    Is-sitt nett, il-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tal-akkordju kien l-istess fl-1999 u matul il-perjodu 2002 sa 2004. Fil-fatt, huwa kien ġie kemxejn estiż mill-1988, peress li s-swieq tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant kienu fil-frattemp saru disponibbli għall-membri tal-akkordju.

252    Is-seba’ nett, il-fatt, enfasizzat mill-Kummissjoni u mhux ikkontestat minn Siemens, li l-ftehim tkompla mill-membri l-oħra mingħajr l-impriżi li kienu temporanjament assenti u li l-kontinwità oġġettiva ta’ ksur uniku għalhekk kienet ġiet ippreżervata turi wkoll li kien ftehim wieħed u uniku. F’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud l-argument ta’ Siemens li jipprovdi li, billi ħadet inkunsiderazzjoni dan il-fattur, il-Kummissjoni qiegħda tippenalizzaha għall-ħtija ta’ oħrajn. Fil-fatt, Siemens ma għandhiex titqies responsabbli għall-perijodu bejn Settembru 1999 u Marzu 2002, iżda għan-natura unika tal-ksur, li kompla matul l-assenza tagħha. Kif ser jiġi espost fil-punt sussegwenti, Siemens kienet taf, jew kellha tkun taf, bil-fatt li mill-2002 hija kienet ipparteċipat fl-istess akkordju bħal dak li kienet ipparteċipat fih sal-1999.

253    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-element suġġettiv, huwa suffiċjenti li, meta Siemens ipparteċipat mill-ġdid fl-akkordju, hija kienet konxja li kienet qiegħda tipparteċipa fl-istess akkordju bħal dak preċedenti. Sabiex in-natura unika ta’ ksur tkun tista’ tintuża kontriha, huwa biżżejjed li Siemens kienet konxja mill-kriterji essenzjali, imsemmija fil-punt 241 iktar ’il fuq, li jiġġustifikaw il-konstatazzjoni tan-natura unika tal-ksur, anki jekk jitqies li hija stess ma kinitx siltet l-eżistenza tal-akkordju minn dawn il-kriterji. Fid-dawl tal-fatt li l-impjegati tagħha M., S. u Ze pparteċipaw, f’isimha, fl-akkordju qabel l-irtirar tagħha fl-1999 kif ukoll wara r-ritorn tagħha fl-2002, Siemens ma setgħetx tinjora l-identità tal-fatturi li jiddeterminaw in-natura unika tal-akkordju, u b’mod partikolari, l-identità tal-għanijiet tagħha, tal-prodotti rilevanti, tas-swieq ġeografiċi u tal-impriżi parteċipanti.

254    Għaldaqstant, l-eċċezzjoni tal-preskrizzjoni mqajma minn Siemens għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi miċħuda minħabba l-fatt li ż-żewġ fażijiet tal-ksur allegat fil-konfront tagħha kienu jagħmlu parti minn ksur uniku u kontinwat.

255    Bħala konklużjoni, għandha tiġi miċħuda t-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq il-preskrizzjoni tal-ewwel fażi tal-ksur allegat fil-konfront ta’ Siemens.

C –  Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni fl-akkordju wara l-1 ta’ Jannar 2004

1.     L-argumenti tal-partijiet

256    Siemens issostni li l-Kummissjoni kkonstatat b’mod żbaljat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-ksur kien definittivament intemm fil-11 ta’ Mejju 2004, minkejja li ebda riperkussjonijiet attwali ma ġew ikkonstatati fis-suq komuni wara Jannar 2004, peress li l-aħħar laqgħa rilevanti kienet inżammet fil-21 ta’ Jannar 2004 u ma kienet wasslet għal ebda ftehim fuq il-prezzijiet. Għaldaqstant, l-akkordju ma kellu ebda effetti fuq is-suq minn Jannar 2004, u barra minn hekk, il-Kummissjoni ma pproduċiet ebda prova ta’ tali effetti.

257    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti ta’ Siemens.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

258    Din il-parti għandha tiġi miċħuda għal żewġ raġunijiet.

259    L-ewwel nett, kif tfakkar fil-punt 135 iktar ’il fuq, skont ġurisprudenza stabbilta, mit-test stess tal-Artikolu 81(1) KE jirriżulta li l-ftehim bejn kumpanniji huma pprojbiti, irrispettivament minn kull effett, jekk dawn ikollhom għan antikompetittiv (Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 43 iktar ’il fuq, punt 123, u JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 49 iktar ’il fuq, punt 181). Konsegwentement, ma huwiex meħtieġ li jintwerew l-effetti antikompetittivi jekk l-għan antikompetittiv tal-aġir inkwistjoni huwa pprovat (ara s-sentenza Volkswagen vs Il-Kummissjoni, punt 135 iktar ’il fuq, punt 178, u l-ġurisprudenza ċċitata). Ġie rrilevat ukoll, fil-punt 134 iktar ’il fuq li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni bbażat ruħha prinċipalment fuq l-għan restrittiv tal-kompetizzjoni tal-akkordju sanzjonat mill-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. Hija kkonstatat, l-ewwel nett, fil-premessi 303 u 304 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ftehim u/jew il-prattiki miftiehma kollha deskritti kienu intiżi li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, u li, f’tali ċirkustanzi, ma kienx meħtieġ, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet li jintwerew l-effetti antikompetittivi ta’ ftehim, qabel ma sostniet ukoll, fil-punt 308 tal-imsemmija deċiżjoni li, min-natura tagħha, l-implementazzjoni ta’ ftehim tat-tip kif deskritt timplika distorsjoni sinjifikattiva tal-kompetizzjoni.

260    Għalhekk, kif sostniet b’mod ġust il-Kummissjoni, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il-Kummissjoni (T‑279/02, Ġabra p. II‑897, punti 236 u 240), ma sostnietx l-argument ta’ Siemens. Fil-fatt, minn naħa, is-siltiet tal-imsemmija sentenza invokati minnha ma jikkonċernawx il-konstatazzjoni ta’ ksur jew tat-tul tiegħu, iżda biss l-evalwazzjoni tal-gravità tiegħu. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, ibbażat ruħha espressament fuq ir-rilevanza li kellu l-akkordju fuq il-prezzijiet tal-prodotti inkwistjoni. Kif ġie osservat fil-punt preċedenti, dan ma kienx eżattament il-każ hawnhekk.

261    Għaldaqstant, l-argumenti ta’ Siemens intiżi li jsostnu n-nuqqas ta’ riperkussjonijiet ġodda tal-akkordju wara l-1 ta’ Jannar 2004, ma humiex rilevanti.

262    It-tieni nett, kif indikat il-Kummissjoni fil-premessa 215 tad-deċiżjoni kkontestata, abbażi tad-dikjarazzjonijiet tal-grupp VA Tech u mingħajr ma ġiet kontradetta minn Siemens, il-komunikazzjonijiet u l-laqgħat bejn il-membri li baqgħu fi ħdan l-akkordju wara t-tluq ta’ ABB kienu jikkonċernaw, b’mod partikolari, l-iskambju ta’ informazzjoni dwar proċeduri ta’ sejiet għal offerti kurrenti, il-pożizzjoni ta’ partijiet barra l-akkordju, il-kontinwazzjoni jew it-twaqqif ta’ kuntatti u kwistjonijiet ta’ sigurtà. Dawn is-suġġetti ta’ diskussjoni juru li, anki jekk il-membri li baqgħu fl-akkordju ma rnexxielhomx jaqblu fuq proġetti speċifiċi, huma kellhom l-intenzjoni li jissoktaw bl-akkordju, jew minn tal-inqas, ma kinux ħadu deċiżjoni li jitterminawh.

263    Din l-interpretazzjoni tal-fatti ma hijiex ikkontestata, kuntrarjament għal dak li ssostni Siemens, minn dikjarazzjoni ta’ Hitachi dwar it-tmiem tal-akkordju. Fil-fatt, din id-dikjarazzjoni ġiet ippreżentata fil-forma ta’ tabella li tindika, għal-laqgħat differenti fil-kuntest tal-akkordju, id-data, il-post, il-parteċipanti, deskrizzjoni qasira tas-suġġett u s-sors ta’ din l-informazzjoni minn fost l-impjegati ta’ Hitachi rispettivament. Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-informazzjoni dwar is-suġġett tad-diversi laqgħa hija qasira ħafna u xi kultant ġenerali. Pereżempju, għal-laqgħat tas-17 ta’ Marzu u tat-8 ta’ April 2004, huwa indikat li “l-għan tal-laqgħa kien li tiġi skambjata informazzjoni” u li “[il-laqgħa fuq ix-xogħol] kienet tinkludi diskussjoni ġenerali tas-suq”. Dawn l-indikazzjonijiet ma jindikawx b’mod ċar il-suġġett speċifiku tad-diskussjonijiet u f’ebda każ ma jeskludu l-possibbiltà li kien hemm skambju ta’ informazzjoni u diskussjonijiet li jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 81(1) KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

264    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li s-siltiet tad-dikjarazzjoni ta’ Hitachi ppreżentati minn Siemens jinkludu l-paġni 7278, 7280 u 7281 tal-fajl tal-proċeduri tal-Kummissjoni, iżda mhux il-paġna 7279, li jista’ jkollha indikazzjonijiet dwar laqgħat oħra li nżammu bejn Jannar u Marzu 2004. indipendentement mill-kwistjoni tal-kredibbiltà tagħhom u tal-valur probatorju tagħhom, dawn id-dokumenti għalhekk ma jispjegawx b’mod sħiħ id-dikjarazzjonijiet ta’ Hitachi dwar il-laqgħat fis-sena 2004, li fir-rigward tagħhom Siemens issostni li dawn ma taw lok għal ebda riperkussjonijiet tal-akkordju. Għalhekk, għandu jitqies li Siemens ma pprovatx din l-allegazzjoni.

265    Isegwi li għandha tiġi miċħuda t-tielet parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ riperkussjonijiet ġodda tal-akkordju b’effett minn Jannar 2004.

266    Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud it-tieni motiv fl-intier tiegħu.

III –  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi fil-kalkolu tal-ammont tal-multa

267    It-tielet motiv ta’ Siemens huwa maqsum f’sitt partijiet. Fil-kuntest tal-ewwel parti, hija ssostni li l-ammont bażiku tal-multa huwa sproporzjonat. It-tieni parti hija bbażata fuq in-natura sproporzjonata tal-koeffiċjent multiplikatur tad-dissważjoni. Fil-kuntest tat-tielet parti, Siemens issostni li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq tul tal-ksur żbaljat. Fil-kuntest tar-raba’ parti, hija tinvoka l-klassifikazzjoni żbaljata ta’ mexxej li ġiet applikata fir-rigward tagħha. Fil-kuntest tal-ħames parti, hija ssostni li l-Kummissjoni kellha tagħti fir-rigward tagħha tnaqqis fl-ammont tal-multa skont l-avviż dwar il-kooperazzjoni. Is-sitt parti hija bbażata fuq il-fatt li d-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Kompetizzjoni” obbliga de facto lill-kulleġġ tal-kummissarji.

A –  Fuq l-ewwel parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq in-natura sproporzjonata tal-ammont bażiku tal-multa

268    Fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tielet motiv, Siemens essenzjalment issostni li l-ammont bażiku tal-multa imposta fuqha huwa sproporzjonat meta mqabbel mal-gravità tal-ksur u mal-effetti ekonomiċi tagħha u ma hijiex motiva korrettament. Fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni ma kellhiex tikklassifika l-ksur bħala “gravi ħafna” u, konsegwentement, kellha tiffissa ammont bażiku tal-multa inqas sew minn EUR 10 miljun. F’dan ir-rigward, hija tqajjem tliet ilmenti, ibbażati, l-ewwel nett, fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma pprovatx l-effetti tal-akkordju, it-tieni nett, fuq in-natura sproporzjonata tal-ammont bażiku tal-multa meta mqabbel mas-sinjifikat ekonomiku tal-ksur, u t-tielet nett, fuq l-inklużjoni tagħha f’kategorija żbaljata.

1.     Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq nuqqas ta’ prova tal-effetti tal-akkordju

a)     L-argumenti tal-partijiet

269    Siemens tikkontesta l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-premessi 477 u 484 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar l-effetti tal-akkordju, billi tallega li huma kontradittorji, impreċiżi u żbaljati. Fil-fehma tagħha, peress li l-Kummissjoni rrikonoxxiet, ġustament, li l-akkordju ma kellux effett kwantifikabbli, din ma setgħetx tirreferi għall-allegati effetti tal-ksur, waqt id-determinazzjoni tal-ammont bażiku. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma ppreżentat ebda prova konkreta u kredibbli li tindika li l-ftehim kellu impatt fis-suq u l-analiżi turi wkoll li tali effetti ma eżistewx. L-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li l-parteċipazzjoni fit-tul f’sistema għalja turi li l-akkordju kien profittabbli għall-membri tagħha u għalhekk dan kellu impatt hija bbażata fuq sempliċi spekulazzjonijiet u mhux fuq fatturi ekonomiċi oġġettivi.

270    Il-Kummissjoni tikkkontesta l-argumenti ta’ Siemens.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

271    Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-punt 1A tal-Linji gwida tal-Kummissjoni dwar il-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) [KEFA] (ĠU 1998, C 9, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida”), fil-kalkolu tagħha tal-multa skont il-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, “l-impatt konkret [tal-ksur] fis-suq meta dan ikun kwantifikabbli”.

272    Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li ssostni Siemens, il-Kummissjoni mkien ma rrikonoxxiet fid-deċiżjoni kkontestata li l-akkordju ma kellu ebda impatt kwantifikabbli. Il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 477 tad-deċiżjoni kkontestata li, minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni fuq il-prezzijiet probabbli ta’ proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE fl-assenza ta’ akkordju, ma kienx possibbli li jiġi kkwantifikat l-impatt konkret fis-suq u li, konsegwentement, hija ma bbażatx ruħha speċifikament fuq impatt partikolari waqt id-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur, skont il-punt 1 A tal-linji gwida.

273    Huwa biss għall-finijiet ta’ eżawriment li l-Kummissjoni enfasizzat li, f’dan il-każ, kien hemm indizji konkreti u kredibbli li jindikaw bi probabbiltà raġonevoli li l-akkordju kellu impatt fis-suq, peress li ġie effettivament implementat, peress li dam iktar minn sittax-il sena u peress li l-parteċipanti kienu lesti li jsostnu spejjeż kunsiderevoli sabiex jikkonservaw l-eżistenza tiegħu. Din il-konstatazzjoni ma tistax tinftiehem bħala li tikkontradixxi l-konstatazzjoni tal-impossibbiltà li jiġi kkwantifikat tali akkordju. Hija biss intiża b’mod ċar li tispjega li l-Kummissjoni qieset li l-akkordju kellu impatt, anki jekk dan tal-aħħar ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-gravità tal-akkordju.

274    It-tieni nett, kuntrarjament għal dak li ssostni Siemens, mill-premessa 484 tad-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-Kummissjoni rreferiet għall-effetti tal-akkordju waqt id-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur. Fil-fatt, il-kliem “b’kunsiderazzjoni għaċ-ċirkustanzi deskritti fil-paragrafu 8.3.1 iktar ’il fuq” (punt li fih ġiet inkluża l-premessa 477 tad-deċiżjoni kkontestata) għandu jinftiehem bħala li jirreferi, b’mod partikolari, għall-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-effetti tal-ftehim ma kinux kwantifikabbli.

275    Konsegwentement, ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk l-impatt tal-akkordju fis-suq setax jiġi preżunt abbażi tal-provi ppreżentati mill-Kummissjoni.

276    Għaldaqstant, l-ewwel ilment imqajjem minn Siemens għandu jiġi miċħud.

2.     Fuq it-tieni ilment, ibbażat fuq in-natura sproporzjonata tal-ammont bażiku tal-multa meta mqabbel mas-sinjifikat ekonomiku tal-ksur

a)     L-argumenti tal-partijiet

277    Siemens issostni li l-ammont bażiku tal-multa huwa sproporzjonat meta mqabbel mal-valur tas-suq tal-prodotti kkonċernati u meta mqabbel mas-sehem tagħha stess fis-suq. Billi ffissat dan l-ammont għal EUR 45 miljun, il-Kummissjoni tbiegħdet mill-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, għalkemm hija marbuta ssegwi prassi deċiżjonali koerenti u nondiskriminatorja. Skont Siemens, dan l-ammont għandu jkun nettament inqas minn EUR 35 miljun. Għalhekk, hija tistieden lill-Qorti Ġenerali tnaqqas b’mod sostanzjali l-ammont bażiku tal-multa fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

278    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti ta’ Siemens.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

279    Il-Linji gwida jipprovdu, fir-raba’ u s-sitt paragrafi tal-punt 1A, li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva tal-awturi ta’ ksur li jikkawżaw dannu kunsiderevoli lil operaturi oħra, u li jittieħed inkunsiderazzjoni l-piż speċifiku tal-aġir ta’ kull impriża fuq il-kompetizzjoni, b’mod partikolari meta hemm disparità kunsiderevoli bejn id-daqsijiet tal-impriżi li jkunu wettqu ksur. Min-naħa l-oħra, il-linji gwida ma jipprovdux li l-kapaċità ekonomika effettiva tal-impriżi jew il-piż speċifiku tal-aġir tagħhom għandhom jiġu evalwati fid-dawl ta’ kriterju partikolari, bħas-sehem tas-suq tagħhom dwar il-prodott inkwistjoni fi ħdan iż-ŻEE jew fi ħdan is-suq komuni. Għalhekk, il-Kummissjoni hija libera li tapplika, f’dan ir-rigward, kriterju xieraq fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ partikolari.

280    Fil-każ inkwistjoni, wara li kkonstatat, fil-premessa 79 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ksur kien ġie kklassifikat bħala “gravi ħafna”, fis-sens tal-Linji Gwida, il-Kummissjoni spjegat fil-premessi 480 sa 490 tad-deċiżjoni kkontestata, it-trattament differenti li hija kienet applikat għall-impriżi differenti, skont l-ishma tas-suq globali miżmuma minnhom, li jirrifletti l-kapaċità ekonomika rispettiva tagħhom li jikkawżaw dannu sinjifikattiv għall-kompetizzjoni.

281    Il-Kummissjoni spjegat fil-premessa 481 tad-deċiżjoni kkontestata li, fid-dawl tan-natura globali tal-arranġamenti tal-akkordju, id-dħul mill-bejgħ dinji kien jirrifletti b’mod preċiż il-kapaċità tal-kumpaniji li jikkawżaw dannu sinjifikanti lill-operaturi oħra taż-ŻEE u l-kontribuzzjonijiet rispettivi tagħhom għall-effiċjenza tal-akkordju inġenerali, kuntrarjament, l-instabbiltà li kienet taffettwa l-akkordju jekk ċerta kumpanija ċerti ma kinitx ipparteċipat fih. B’mod partikolari, il-Kummissjoni enfasizzat il-fatt li r-rwol tal-kumpanniji Ġappuniżi kien ikun sinjifikattivament sottovalutat jekk hija tibbaża ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ marbut maż-ŻEE biss, peress li, skont il-ftehim sottostanti l-akkordju, dawn l-impriżi kienu fil-biċċa l-kbira tal-każijiet astjenew minn attivitajiet fis-swieq Ewropej.

282    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni indikat li, għal Siemens u għal ABB, li kull waħda minnhom kellha bejn 23 u 29 % tad-dħul mill-bejgħ dinji marbut mal-proġetti ta’ SIG, l-ammont bażiku tal-multa għandu jiġi stabbilit abbażi tal-valur tas-suq fi ħdan iż-ŻEE, għal EUR 45 miljun.

283    Għalhekk, billi ffissat l-ammont bażiku, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, mingħajr ma jista’ jiġi allegat li hija wettqet żball manifest ta’ diskrezzjoni, kemm tad-dħul mil-bejgħ dwar il-proġetti ta’ SIG kif ukoll il-valur tas-suq fi ħdan iż-ŻEE; l-ewwel wieħed minn dawn il-kriterju serva, skont il-premessi 480 u 481 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex jaqsam l-impriżi f’diversi kategoriji. B’mod partikolari, l-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji tieħu inkunsiderazzjoni b’mod xieraq iċ-ċirkustanzi inkwistjoni, b’mod partikolari tal-fatt li l-parteċipanti fl-akkordju kienu ftiehmu dwar il-qsim tas-swieq Ewropej u Ġappuniżi bejn il-gruppi ta’ produtturi rispettivi. Il-livell tal-multa li jirriżulta minn tali eżerċizzju ma jistax jiġi deskritt bħala sproporzjonat.

284    Min-naħa l-oħra, l-argumenti invokati minn Siemens ma humiex konvinċenti.

285    Fl-ewwel lok, għandu jiġi miċħud l-argument ta’ Siemens li jipprovdi li, fis-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 242), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “il-vantaġġ [li l-impriżi] setgħu jiksbu minn dawn il-prattiċi [...] u l-valur tal-merkanzija kkonċernat” jikkostitwixxu l-elementi essenzjali tal-kalkolu tal-ammont tal-multa.

286    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li din il-kwotazzjoni kompluta ma tirriflettix b’mod preċiż il-kontenut tal-punt 242 tas-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 285 iktar ’il fuq, li barra minn hekk, ma tistax tinftiehem bis-sħiħ mingħajr il-kuntest tagħha. Fil-fatt, il-punti 241 sa 243 tal-imsemmija sentenza jipprovdu kif ġej:

“241      Il-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita abbażi ta’ għadd kbir ta’ elementi, bħaċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-kuntest tiegħu u l-effett dissważiv tal-multi, u dan mingħajr ma tkun ġiet stabbilita lista restrittiva jew eżawrjenti tal-kriterji li għandhom bilfors jittieħdu inkunsiderazzjoni [...]

242      Fost l-elementi li jistgħu jaffettwaw l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur hemm l-aġir ta’ kull waħda mill-impriżi, ir-rwol li kull waħda minnhom kellha fl-istabbiliment tal-prattiċi miftiehma, il-profitt li dawn setgħu jiksbu minn dawn il-prattiċi, id-daqs tagħhom u l-valur tal-merkanzija kkonċernata kif ukoll ir-riskju li ksur ta’ dan it-tip jirrappreżenta għall-għanijiet tal-Komunità [...]

243      Isegwi, minn naħa waħda, li huwa permissibbli, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-multa, li jittieħed inkunsiderazzjoni kemm id-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża li jikkostitwixxi indikazzjoni, għalkemm approssimattiva u mhux perfetta, tad-daqs u s-saħħa ekonomika tal-impriża tagħha kif ukoll tal-parti minn dan id-dħul li jirriżulta mill-merkanzija li hija s-suġġett tal-ksur u li għalhekk tagħti indikazzjoni tal-portata tal-ksur. Min-naħa l-oħra jirriżulta li, ma għandhiex tiġi attribwita importanza sproporzjonata lil ebda waħda minn dawn iż-żewġ ċifri meta mqabbla ma’ elementi oħrajn ta’ evalwazzjoni, u konsegwentement, li l-iffissar ta’ multa adattata ma tistax tkun ir-riżultat ta’ kalkolu sempliċi bbażat fuq id-dħul mill-bejgħ globali. Dan huwa partikolarment il-każ meta l-merkanzija kkonċernata tirrappreżenta biss porzjon żgħir ta’ din iċ-ċifra [...]”

287    L-ewwel nett, mill-punt 241 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-lista ta’ fatturi li jistgħu jkunu involuti fl-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur, elenkati fil-punt 242 tal-imsemmija sentenza, la hija vinkolanti u lanqas eżawrjenti. Għalhekk, il-Kummissjoni hija libera li tieħu fatturi oħra inkunsiderazzjoni jew li tattribwixxi piż inqas lil wieħed mill-fatturi stabbiliti fl-imsemmi punt 242, jew anki li saħansitra ma tieħdux inkunsiderazzjoni, jekk jidhrilha xieraq fiċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari. Tali interpretazzjoni hija kkonfermata wkoll mill-punt 43 tal-imsemmija sentenza. Għaldaqstant, Siemens ma tistax tibbaża ruħha fuq il-punt 242 ta’ din is-sentenza sabiex issostni li l-ammont bażiku tal-multa għandu jiġi ddeterminat b’mod proporzjonat mad-daqs tas-suq tal-proġetti ta’ SIG fi ħdan iż-ŻEE.

288    It-tieni nett, mill-ewwel sentenza tal-punt 243 tas-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 285 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-kunċett ta’ “valur tal-merkanzija kkonċernata”, użat fil-punt 242 ta’ din is-sentenza, għandu jinftiehem bħala miżura li tindika s-sehem tad-dħul mill-bejgħ globali tal-impriżi li ġej minn prodotti suġġetti għall-akkordju u mhux bħala li jirreferi għad-daqs ta’ dawn il-prodotti fi ħdan iż-ŻEE. Għaldaqstant, f’dan il-aħħar punt, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tiħux pożizzjoni, kuntrarjament għal dak li ssostni Siemens, dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-valur tas-suq rilevanti fi ħdan iż-ŻEE.

289    Fit-tieni lok, kif irrilevat b’mod ġust il-Kummissjoni, la l-linji gwida u lanqas id-dritt Komunitarju inġenerali ma jipprovdu li l-multi imposti mill-Kummissjoni għandhom neċessarjament ikunu proporzjonali mal-valur tas-suq tal-prodotti kkonċernati. Min-naħa l-oħra, il-linji gwida jipprovdu espressament, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ fatturi oħra, inkluż, b’mod partikolari, il-kapaċità ekonomika effettiva tal-impriżi, l-effett dissważiv tal-ammont tal-multa, id-daqs tal-impriżi kkonċernati u l-piż speċifiku tal-impriżi fi ħdan akkordju, kriterji li ġew applikati mill-Kummissjoni fil-premessi 480 u 481 tad-deċiżjoni kkontestata.

290    Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li l-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix bħala qafas legali għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni (sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 87 iktar ’il fuq, punt 234). Il-Kummissjoni għandha, skont ir-Regolament Nru 1/2003, marġni ta’ diskrezzjoni fl-iffissar tal-multi sabiex tkun tista’ torjenta l-aġir tal-impriżi lejn konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni. Għalhekk, il-fatt li l-Kummissjoni applikat fil-passat, multi ta’ ċertu livell għal ċerti tip ta’ ksur ma jċaħħadhiex mill-possibbiltà li tgħolli dan il-livell għal-limiti stabbiliti mir-Regolament Nru 1/2003 jekk dan huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni tal-politika Komunitarja tal-kompetizzjoni. L-applikazzjoni effettiva tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni tirrikjedi minflok li l-Kummissjoni tista’ f’kull ħin tadatta l-livell tal-multi għall-bżonnijiet ta’ din il-politika (ara, b’analoġija, sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 285 iktar ’il fuq, punt 227, u Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 66 iktar ’il fuq, punt 395).

291    Minn dan jirriżulta li l-impriżi involuti fi proċedura amministrattiva li tista’ tagħti lok għal multa ma jistgħux jiksbu aspettattivi leġittimi mill-fatt li l-Kummissjoni ma tkunx ser teċċedi l-livell tal-multi imposti preċedentement. Konsegwentement, l-imsemmija impriżi għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-possibbiltà li, f’kull ħin, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li teċċedi l-livell tal-ammont tal-multi meta mqabbel ma’ dak applikat fil-passat (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 285 iktar ’il fuq, punti 228 u 229).

292    Minn dan isegwi li l-eżempji tad-deċiżjonijiet iċċitati minn Siemens ma jistgħux, fid-dawl tal-prinċipju tal-legalità tal-pieni, stabbilit fl-Artikolu 7 tal-KEDB, jikkonfutaw il-legalità tal-ammont bażiku tal-multa stabbilit f’dan il-każ mill-Kummissjoni, anki jekk, kif issostni Siemens, dan huwa ogħla mill-ammonti stabbiliti f’każijiet oħra li jinvolvu suq ta’ valur ogħla minn dak tas-suq inkwistjoni.

293    Għaldaqstant, it-tieni lment imqajjem minn Siemens għandu jiġi miċħud.

3.     Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq l-inklużjoni ta’ Siemens f’kategorija żbaljata

a)     L-argumenti tal-partijiet

294    Min-naħa waħda, Siemens issostni li, fil-kalkolu tagħha tal-multa li għandha tiġi imposta fuqha, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ fl-2001 bħal Fuji, Hitachi, Melco u Toshiba, u d-dħul mill-bejgħ tagħha fl-2003 bħal ABB, Alstom, Areva u l-grupp VA Tech. Għalhekk, il-Kummissjoni ma applikatx il-metodu tagħha stess tal-kalkolu tal-multi b’mod korrett, konsistenti u nondiskriminatorju. Min-naħa l-oħra, Siemens tqis li ma kellhiex tkun ikklassifikata fl-istess kategorija bħal ABB, peress li d-dħul mill-bejgħ tagħha, fl-2001 u fl-2003, kien ferm inqas minn dak ta’ ABB, kif jattestaw ċerti dokumenti fil-fajl. Barra minn hekk, Siemens tirrileva informazzjoni inkonsistenti fir-rigwad tal-valur tas-suq dinji dwar il-proġetti ta’ SIG fl-2001 u fl-2003 u ssostni li l-Kummissjoni kellha tindika b’mod eżatt is-sehem ta’ kull parteċipant fid-dħul mill-bejgħ dinji tal-akkordju għal dawn is-sentejn, kif ukoll id-dħul mill-bejgħ li huma wettqu ma’ proġetti ta’ SIG.

295    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti ta’ Siemens.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

296    Qabelxejn, għandha ssir distinzjoni bejn żewġ aspetti li huma kkonstestati minn Siemens. Minn naħa, hija ssostni li l-Kummissjoni kellha tagħżel is-sena 2001 bħala s-sena ta’ riferiment sabiex tiddetermina s-sehem tagħha mis-suq. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li, fid-dawl tas-sehem fis-suq tagħha allegatament iżgħar minn dak ta’ ABB, hija ma kellhiex tiġi kklassifikata fl-ewwel kategorija tal-impriżi ma’ ABB, iżda fit-tieni kategorija.

297    Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-għażla tas-sena ta’ riferiment sabiex jiġi stabbilit il-piż relattiv tal-impriżi, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-linji gwida jipprovdu, fir-raba’ u fil-ħames paragrafi tal-punt 1A, trattament differenti għall-impriżi skont l-importanza ekonomika tagħhom, dawn ma jindikawx fir-rigward ta’ liema sena għandu jiġi stabbilit il-piż relattiv tal-impriżi. F’dan ir-rigward, it-tieni paragrafu tal-punt 5(a) tal-linji gwida, li jipprovdi li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni s-sena finanzjarja li fiha tittieħed id-deċiżjoni, japplika biss għad-determinazzjoni tad-dħul mill-bejgħ f’konformità mal-limitu ta’ 10 % skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u għalhekk ma huwiex applikabbli għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-piż relattiv tal-impriżi attivi fl-akkordju.

298    F’dan il-każ, is-sena 2003, li ntgħażlet mill-Kummissjoni bħala sena ta’ riferiment sabiex jiġi stabbilit il-piż relattiv ta’ Siemens u ta’ impriżi Ewropej oħra, kienet l-aħħar sena sħiħa tal-attività tal-akkordju. Tali għażla tidher xierqa għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-piż relattiv tal-imsemmija impriżi fl-akkordju.

299    Il-fatt li l-Kummissjoni għażlet is-sena 2001 bħala sena ta’ riferiment sabiex tistabbilixxi l-piż relattiv ta’ impriżi Ġappuniżi ġie spjegat, fil-premessa 482 tad-deċiżjoni kkontestata, permezz taċ-ċirkustanzi partikolari għall-produtturi Ġappuniżi, b’mod partikolari l-fatt li, minħabba r-ristrutturazzjoni tal-attivitajiet ta’ SIG f’żewġ impriżi komuni, il-Kummissjoni ma kellhiex ċifri ta’ dħul mill-bejgħ separati għal dawn l-impriżi. Għal dan il-każ, ma huwiex neċessarju li tiġi evalwata l-legalità tat-trattament ta’ produtturi Ġappuniżi. Anki jekk dan it-trattament kien illegali, kien ikun neċessarju, f’tali sitwazzjoni, li tiġi emendata d-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-produtturi Ġappuniżi u mhux fir-rigward ta’ Siemens.

300    F’dak li jirrigwarda, it-tieni nett, is-sehem tas-suq allegatament iżgħar ta’ Siemens vis-à-vis dak ta’ ABB, il-Kummissjoni bbażat ruħha, kif indikat fil-premessa 483 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq iċ-ċifri pppreżentati mill-impriżi stess. Fir-risposta tagħha tal-5 ta’ Lulju 2005 għal talba għal informazzjoni mill-Kummissjoni, Siemens indikat, għas-sena 2003, dħul mill-bejgħ dinji totali fil-qasam ta’ SIG ta’ EUR 658.9 miljun. Barra minn hekk, skont l-istimi tagħha stess, is-suq globali fil-qasam ta’ SIG kien, fl-2003, ta’ valur ta’ EUR 2 305.5 miljun, li jpoġġiha fl-istess livell bħal dak li sar riferiment għalih fl-istimi tal-Kummissjoni, li jipprovdu, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 444 tad-deċiżjoni kkontestata, ammont ta’ EUR 2 200 miljun għas-sena 2003 u, fil-punt 4 tad-deċiżjoni kkontestata, medda ta’ EUR 1 700 sa EUR 2 300 miljun għas-snin 2001 sa 2003. Kuntrarjament għal dak li ssostni Siemens, ma hemmx inkonsistenza f’dawn iċ-ċifri.

301    Issa, billi ġie kkalkolat is-sehem tas-suq ta’ Siemens abbażi taċ-ċifri għas-sena 2003 li hija stess ippreżentat, jiġifieri valur totali tas-suq ta’ EUR 2 305.5 miljun u dħul mill-bejgħ ta’ Siemens ta’ EUR 658.9 miljun, jirriżulta sehem tas-suq għal din il-kumpannija ta’ madwar 28.59 % fl-2003, ċifra li tinsab fil-limitu superjuri tal-medda ta’ 23 sa 29 % indikata mill-Kummissjoni għall-ewwel grupp ta’ impriżi.

302    Siemens ma tistax titħalla tikkontesta din iċ-ċifra, ikkalkolata abbażi tad-data tagħha stess, billi tibbaża ruħha fuq dokumenti interni ta’ Alstom u ta’ ABB li jirreferu għal sehem fis-suq differenti fir-rigward ta’ Siemens.

303    Barra minn hekk, iċ-ċifri li jinsabu f’dawn id-dokumenti jikkonċernaw parametri oħra barra dawk meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni. Fil-fatt, fir-rigward, minn naħa, id-dokument minn ABB ippreżentat f’anness mar-rikors, minbarra l-fatt li huwa jirreferi għal 2002 u mhux għal 2003, huwa intitolat “Substations Competitor Overview” (Ħarsa ġenerali tal-kompetituri għas-substations) u għalhekk jikkonċerna biss is-sitwazzjoni fis-suq tas-substations ta’ SIG u mhux is-suq tal-proġetti ta’ SIG inġenerali. Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tad-dokument ta’ Alstom li jidher fl-anness mar-rikors, minbarra l-fatt li huwa jirreferi għas-snin 2001 u 2002, mhux biss jinkludi lista ta’ impriżi li pparteċipaw fl-akkordju, iżda jsemmi wkoll kumpanniji oħra (Others), li s-sehem fis-suq globali tagħhom huwa ta’ 33.8 %. Kif jirriżulta min-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 444 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wettqet il-kalkoli tagħha biss fuq id-dħul mill-bejgħ miksub mill-membri tal-akkordju, peress li l-bejgħ li sar minn produtturi oħra ma jaffettwax il-klassifikazzjoni relattiva ta’ impriżi fil-kuntest tal-każ preżenti.

304    Għalhekk, il-kritika mqajma minn Siemens dwar il-kalkolu tas-sehem fis-suq tagħha mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda, mingħajr ma huwa neċessarju li l-Kummissjoni tintalab tippreżenta d-dħul mill-bejgħ ta’ impriżi oħra li pparteċipaw fl-akkordju, kif titlob Siemens.

305    Minn dan isegwi li t-tielet ilment imqajjem minn Siemens għandu jiġi miċħud u, konsegwentement, għandha tiġi miċħuda l-ewwel parti tat-tielet motiv fl-intier tagħha.

B –  Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq in-natura sproporzjonata tal-koeffiċjent multiplikatur tad-dissważjoni

1.     L-argumenti tal-partijiet

306    Siemens issostni li l-fattur ta’ dissważjoni ta’ 2.5 applikat mill-Kummissjoni sabiex iżżid l-ammont bażiku tal-multa huwa eċċessiv u sproporzjonat meta mqabbel ma’ dak applikat għal ABB u jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Peress li l-Kummissjoni għażlet, f’dan il-każ, metodu esklużivament proporzjonali għad-dħul mill-bejgħ tal-impriżi kkonċernati sabiex tiddetermina l-multiplikatur ta’ dissważjoni, iż-żieda imposta fuq Siemens setgħet l-iktar l-iktar tkun erba’ darbiet ikbar minn dik ta’ ABB. Konsegwentement, Siemens stiednet lill-Qorti Ġenerali tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqha. Barra minn hekk, hija tinvoka nuqqas ta’ motivazzjoni, peress li l-Kummissjoni ma spjegatx il-metodu ta’ kalkolu tagħha fid-deċiżjoni kkontestata.

307    Fil-kuntest tat-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali quddiem is-seduta, Siemens sostniet li kien neċessarju li jitnaqqas l-ammont tal-fattur ta’ dissważjoni b’1 bħala parti newtrali tal-multiplikazzjoni. Għalhekk, il-fattur ta’ dissważjoni applikat għal Siemens (2.5 – 1 = 1.5) huwa fil-fatt sitt darbiet ikbar minn dak ta’ ABB (1.25 – 1 = 0.25) u mhux darbtejn ikbar.

308    Il-Kummissjoni tikkontesta li hija kisret il-metodu li hija għażlet sabiex tiddetermina l-koeffiċjenti rispettivi ta dissważjoni. Hija enfasizzat li l-multiplikatur ta’ dissważjoni magħżul huwa direttament proporzjonali mad-dħul mill-bejgħ tal-impriżi differenti kkonċernati. Fil-fatt, il-koeffiċjent ta’ Siemens ikun saħansitra digressiv meta mqabbel ma’ dak applikat lil ABB. Fir-rigward, fl-aħħar nett, l-obbligu ta’ motivazzjoni, dan huwa limitat fir-rigward tal-koeffiċjent multiplikatur tad-dissważjoni. Barra minn hekk, iċ-ċifri waħedhom huma ċari biżżejjed.

309    Bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat li hija kienet ser tipproċedi fi tliet stadji. L-ewwel nett, id-dħul mill-bejgħ tal-impriżi kkonċernati kien diviż f’għaxra. It-tieni nett, inkiseb l-għerq ta’ dawn iċ-ċifri. It-tielet nett, iċ-ċifri miksuba kienu suġġett ta’ arrotondament ’l isfel, li wassal għall-koeffiċjenti ta’ dissważjoni effettivament applikati għall-impriżi differenti kkonċernati, u b’mod partikolari, għall-koeffiċjent ta’ 2.5 applikat għal Siemens. Barra minn hekk, il-Kummissjoni enfasizzat li hija ma kinitx marbuta tispjega l-metodu tagħha fid-dettall fid-deċiżjoni u li, fi kwalunkwe każ, il-multiplikatur ta’ 2.5 ma kienx inabitwali fir-rigward tal-prassi deċiżjonali tagħha.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

310    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, inkwantu l-Kummissjoni ma spjegatx il-metodu ta’ kalkolu tal-koeffiċjenti multiplikaturi ta’ dissważjoni, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-awtorità Komunitarja li tkun l-awtur tal-att, b’mod li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu bir-raġunijiet u sabiex il-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi inkwistjoni, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra li jistgħu jkunu direttament u individwalment ikkonċernati, jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatti u ta’ liġi kollha rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-kliem tagħha iżda wkoll tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-kwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63).

311    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm huwa minnu li d-deċiżjoni kkontestata ma tindikax l-metodu li permezz tiegħu l-Kummissjoni stabbilixxiet il-livell preċiż tal-koeffiċenti, mill-ġurisprudenza jirriżulta li r-rekwiżiti proċedurali essenzjali li jikkostitwixxu l-obbligu ta’ motivazzjoni huma sodisfatti meta l-Kummissjoni tindika, fid-deċiżjoni tagħha, il-fatturi ta’ evalwazzjoni li permezz tagħhom hija kkwantifikat il-gravità u t-tul tal-ksur, mingħajr ma tkun marbuta tagħti spjegazzjoni iktar dettaljata jew iċ-ċifri relatati mal-metodu ta’ kif ġiet ikkalkolata l-multa (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Cascades vs Il-Kummissjoni, C‑279/98 P, Ġabra p. I‑9693, punti 39 sa 47, u tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C‑238/99, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punti 463 u 464 ; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il-Kummissjoni, T‑15/02, Ġabra p. II‑497, punt 213).

312    B’mod partikolari, diġà ġie deċiż li, għalkemm mhux rekwiżit tal-obbligu ta’ motivazzjoni, huwa preferibbli li l-Kummissjoni tindika ċ-ċifri li ggwidawha għall-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjoni tagħha fl-iffissar tal-multi, b’mod partikolari fir-rigward tal-effett dissważiv mixtieq (sentenzi Cascades vs Il-Kummissjoni, punt 311 iktar ’il fuq, punti 47 u 48, u BASF vs Il-Kummissjoni, punt 311 iktar ’il fuq, punt 214).

313    Fil-kawża inkwistjoni, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 491 tad-deċiżjoni kkontestata li:

“[…L-]skala tal-multi li jistgħu jiġu imposti tippermetti wkoll li jiġu stabbiliti ammonti f’livell li jiżguralhom effett dissważiv suffiċjenti, b’kunsiderazzjoni għad-daqs ta’ kull impriża mmultat u ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ. Fir-rigward ta’ impriżi bi dħul mill-bejgħ partikolarment għoli meta mqabbel ma’ atturi oħra, l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent multiplikatur huwa ġġustifikat sabiex jiġi żgurat effett dissważiv suffiċjenti.”

314    Il-Kummissjoni sussegwentement indikat, għal kull impriża parteċipanti, dħul mill-bejgħ dinji fl-2005 u l-koeffiċjent attribwit, informazzjoni li hija inkludiet f’tabella. Fir-rigward ta’ ABB, bi dħul mill-bejgħ dinji fl-2005 ta’ EUR 18 038 miljun ġie applikat koeffiċjent ta’ 1.25. Fir-rigward ta’ Melco, bi dħul mill-bejgħ dinji fl-2005 ta’ EUR 26 336 miljun, ġie applikat koeffiċjent ta’ 1.5. Fir-rigward ta’ Toshiba, bi dħul mill-bejgħ dinji fl-2005 ta’ EUR 46.353 miljun, ġie applikat koeffiċjent ta’ 2. Fir-rigward ta’ Hitachi, bi dħul mill-bejgħ dinji fl-2005 ta’ EUR 69.161 miljun, ġie applikat koeffiċjent ta’ 2.5. Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ Siemens, bi dħul mill-bejgħ dinji fl-2005 ta’ EUR 75.445 miljun, ġie applikat dħul mill-bejgħ dinji fl-2005 ta’ 2.5.

315    Mill-premessa 491 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li żieda tal-ammonti bażiċi stabbiliti għal Siemens kienet meħtieġa sabiex jiġi żgurat effett dissważiv suffiċjenti tal-multi, fid-dawl tad-daqs u tar-riżorsi globali ta’ din l-impriża. Jirriżulta wkoll li, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ globali fl-2005.

316    F’dan ir-rigward, għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li tipprovi li d-dħul mill-bejgħ globali jagħti indikazzjoni, għalkemm approssimattiva u ineżatta, tad-daqs u tas-saħħa ekonomika ta’ impriża (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80 Ġabra p. 1825, punt 121, u Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, punt 139; sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 3101 iktar ’il fuq, punt 212)

317    Jidher għalhekk li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stabbilixxiet b’mod suffiċjenti fid-dritt, l-elementi legali li ttieħdu inkunsiderazzjoni għaż-żieda tal-ammonti bażi għall-finijiet ta’ dissważjoni, li għalhekk jippermettu lil Siemens tkun taf bir-raġunijiet għal din iż-żieda tal-ammont bażiku tal-multa tagħha u tinvoka d-drittijiet tagħha, billi tqiegħed lill-qorti f’pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 312 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta tipprovdi, fid-deċiżjoni kkontestata, l-ispjegazzjonijiet taċ-ċifri li hija kienet ipprovdiet waqt is-seduta, peress li dawn ma kinux suġġetti għar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-obbligu ta’ motivazzjoni.

318    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud.

319    Fit-tieni lok, għandha tiġi miċħuda l-allegazzjoni ta’ Siemens li tipprovdi li, waqt id-determinazzjoni tal-koeffiċjenti ta’ dissważjoni, il-Kummissjoni ma segwietx fedelment il-metodu tagħha stess ibbażat fuq id-dħul mill-bejgħ ta’ ABB u l-koeffiċjent ta’ dissważjoni bħala “punt ta’ tluq”. Fil-fatt, dan l-argument huwa bbażat fuq konfużjoni bejn il-koeffiċjent ta’ dissważjoni, minn naħa, u ż-żieda fl-ammont tal-multa li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dan il-koeffiċjent, fuq in-naħa l-oħra. Filwaqt li l-Kummissjoni kkonfermat li kkalkolat il-koeffiċjenti tad-dissważjoni b’mod proporzjonali għad-dħul mill-bejgħ tal-impriżi kkonċernati, hija ma indikatx, fid-deċiżjoni kkontestata jew fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, li mill-applikazzjoni tal-koeffiċjenti kellha tirriżulta żieda tal-ammont bażiku tal-multa li min-naħa tagħha kienet proporzjonali mad-dħul mill-bejgħ. Kuntrarjament, miċ-ċifri ppreżentati mill-Kummissjoni fil-premessa 491 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r-rata taż-żieda tal-multa li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-koeffiċjent tad-dissważjoni hija progressiva meta mqabbla mad-dħul mill-bejgħ tal-impriżi kkonċernati.

320    Kif issostni il-Kummissjoni, il-proporzjonalità tal-koeffiċjenti ta’ dissważjoni tista’ faċilment tiġi vverifikata billi tiġi stabbilita graff tal-koeffiċjenti differenti applikati fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ differenti tal-impriżi kkonċernati. Il-graff li tirriżulta minn tali eżerċizzju hija dritta u għalhekk tirrappreżenta relazzjoni ta’ proporzjonalità għall-impriżi kollha kkonċernati – minbarra Siemens, li fir-rigward tagħha r-relazzjoni hija digressiva sa fejn japplika l-istess koeffiċjent bħal dak li japplika għal Hitachi, minkejja li d-dħul mill-bejgħ tagħha fl-2005 kien EUR 6 biljun ogħla minn dak ta’ Hitachi. Tali relazzjoni proporzjonali hija biżżejjed għar-rekwiżiti stabbiliti mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha Degussa vs Il-Kummissjoni punt 260 iktar ’il fuq (punt 338), fejn sostniet li l-klassifikazzjoni ta’ impriżi skont kategoriji, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-koeffiċjent ta’ dissważjoni, skont il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandha tkun iġġustifikata oġġettivament. Għandu jitfakkar ukoll, f’dan ir-rigward, li skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 316 iktar ’il fuq, id-dħul mill-bejgħ globali tal-impriżi jikkostitwixxi indikatur tad-daqs u tas-saħħa ekonomika tagħhom.

321    Għalhekk, ma hemmx inkwistjoni applikazzjoni inkonsistenti mill-Kummissjoni tal-metodu tagħha ta’ kalkolu, għad-detriment ta’ Siemens. Konsegwentement, minħabba tali applikazzjoni inkonsistenti, l-ilment ibbażat fuq in-natura eċċessiva tal-koeffiċjent ta’ dissważjoni għandu jiġi miċħud.

322    Għall-istess raġuni, Siemens ma tistax tinvoka skont id-dritt is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq (punti 245‑247), fir-rigward tal-kalkolu tal-koeffiċjenti ta’ dissważjoni. Fil-fatt, fl-imsemmija punti ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali essenzjalment akkużat lill-Kummissjoni li ma segwietx b’mod loġiku u koerenti, fir-rigward tal-impriżi kollha konċernati, il-metodu li hija kienet għażlet sabiex tiddetermina l-koeffiċjent tad-dissważjoni. Kif għadu kif ġie spjegat, fil-każ inkwistjoni ma tistax issir tali akkuża fil-konfront tal-Kummissjoni.

323    Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li, filwaqt li, għad-differenza tal-koeffiċjenti ta’ dissważjoni, iż-żieda tal-ammont bażiku li tirriżulta fl-applikazzjoni ta’ dawn il-koeffiċenti ma hijiex proporzjonata mad-dħul mill-bejgħ tal-impriżi kkonċernati, iżda progressiva, din iċ-ċirkustanza neċessarjament tirriżulta mill-applikazzjoni tal-metodu magħżul mill-Kummissjoni. Għalhekk, huwa ċar li din tal-aħħar qieset li tali żieda gradwali meta mqabbla mad-dħul mill-bejgħ kienet neċessarja sabiex jiġi żgurat effett suffiċjentement deterrenti tal-multi fir-rigward tal-impriżi li kellhom dħul mill-bejgħ partikolarment għoli. Il-Qorti Ġenerali ma tistax tissostitwixxi din l-evalwazzjoni bl-evalwazzjoni tagħha stess, dwar jekk l-koeffiċjent ta’ dissważjoni kienx suffiċjenti, iktar u iktar fin-nuqqas ta’ fatti li jindikaw li s-sistema applikata mill-Kummissjoni twassal għal riżultati li jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi żgurat li l-multi kienu suffiċjentement dissważivi.

324    Konsegwentement, għandha tiġi miċħuda t-tieni parti tat-tielet motiv.

C –  Fuq it-tielet parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq żball fid-determinazzjoni tat-tul tal-ksur

325    Siemens issostni li, peress li l-ksur huwa preskritt sa fejn jikkonċerna l-perijodu qabel April 1999, il-Kummissjoni bbażat iż-żieda tagħha fuq l-ammont bażiku tal-multa fuq tul żbaljat. Hija tqis li l-Kummissjoni ma setgħetx takkużaha bi ksur ta’ tul medju, li jiġġustifika, skont il-linji gwida, żieda ta’ 20 % fir-rigward tal-ammont bażiku tal-multa.

326    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti ta’ Siemens.

327    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, peress li l-eċċezzjoni tal-preskrizzjoni mqajma minn Siemens, fir-rigward tal-ewwel fażi tal-ksur, għandha tiġi miċħuda (ara l-punti 236 sa 255 iktar ’il fuq), din il-parti, ibbażata fuq l-istess eċċezzjoni ta’ preskrizzjoni, għandha tiġi miċħuda wkoll.

D –  Fuq ir-raba’ parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq klassifikazzjoni żbaljata ta’ Siemens bħala mexxej tal-akkordju

328    Fil-kuntest tar-raba’ parti tat-tielet motiv, ibbażat fuq il-klassifikazzjoni żbaljata bħala mexxej li ġiet applikata fir-rigward tagħha, Siemens tqajjem tliet motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq il-fatt li ABB kellha rwol ta’ mexxej tal-akkordju, it-tieni nett, fuq il-fatt li hija stess ma adottatx dan ir-rwol, u t-tielet nett, fuq iż-żieda eċċessiva fl-ammont bażiku tal-multa li ġiet imposta fuqha minħabba ir-rwol tagħha bħala mexxeja tal-akkordju. F’dan ir-rigward, hija tinvoka ksur mill-Kummissjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-proporzjonalità tal-pieni.

329    Hemm lok li jiġu eżaminati flimkien l-ewwel u t-tieni lmenti qabel ma jiġi eżaminat it-tielet ilment.

1.     Fuq l-ewwel u t-tieni lmenti, ibbażati fuq il-fatt li ABB u mhux Siemens kellha r-rwol ta’ mexxej tal-akkordju

a)     L-argumenti tal-partijiet

330    Siemens hija tal-fehma li stabbilixxiet li hija ma kellhiex ir-rwol ta’ mexxej tal-akkordju. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hija tfakkar li l-fatti allegati fil-konfront tagħha li jikkonċernaw il-perijodu 1988 sa 1999 huma preskritti u, għalhekk, dan il-perijodu ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanza aggravanti għall-kalkolu tal-ammont tal-multa. It-tieni nett, Siemens issostni li l-Kummissjoni tinterpreta b’mod żbaljat il-kunċett ta’ mexxej u tinjora n-natura kompletament amministrattiva tas-servizzi ta’ segretarjat li hija assumiet fi ħdan l-akkordju. Fit-tielet lok, skont Siemens, il-Kummissjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li, matul il-perijodu 2002 sa 2004, hija ma assumiet ebda rwol tas-segretarjat.

331    Siemens issostni, barra minn hekk, li l-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat ir-rwol ta’ provokatur u ta’ mexxej assunt minn ABB matul il-perijodu 1988 sa 1999, li jikkontradixxi l-kapaċità tagħha bħala mexxej matul l-istess perjodu. Fil-fehma tagħha, ir-rwol ta’ ABB bħala provokatur, direttur u l-moħħ wara l-akkordju kien iktar importanti mir-rwol ta’ segretarju Ewropew tal-akkordju assunt minnha matul l-ewwel fażi tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur, peress li l-Kummissjoni sopravalutat dan tal-aħħar. Siemens tqis li n-nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament jista’ biss jiġi solvut bl-annullament taż-żieda tal-ammont bażiku tal-multa imposta.

332    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti ta’ Siemens.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

 Fuq ir-rwol ta’ mexxej tal-akkordju

333    Fil-premessa 514 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet b’mod partikolari r-rwol ta’ “mexxej” fil-ksur kontra Siemens, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-punt 2 tal-linji gwida, peress li kellha r-rwol ta’ segretarju Ewropew tal-akkordju. Hija qieset, fil-premessi 514 u 522 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ammont bażiku tal-multa li kellu jiġi impost fuq Siemens kellu jiżdied b’50 %, li jilħaq l-ammont ta’ EUR 396.562.000.

334    Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-argument ta’ Siemens li l-Kummissjoni kklassifikatha b’mod żbaljat bħala mexxej matul it-tieni fażi tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, mill-2002 sal-2004, dan għandu jiġi miċħud bħala li ma għandux bażi fattwali. Fil-fatt, filwaqt li huwa minnu li l-premessi 511 sa 514 tad-deċiżjoni kkontestata, li fihom huwa evalwat ir-rwol tal-mexxej fil-kuntest tal-eżami taċ-ċirkustanzi aggravanti, ma jinkludux dettalji dwar il-perijodi li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni kklassifikat Siemens u Alstom jew Areva bħala mexxej, il-premessa 147 tad-deċiżjoni kkontestata tipprovdi b’mod espliċitu li “l-funzjoni ta’ [Segretarju tal-akkordju] kienet ġiet assunta sa Settembru 1999 minn Siemens, segwita minn Alstom matul il-perijodu 1999‑2004”. F’dawn il-kundizzjonijiet, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kklassifikat lil Siemens bħala mexxej matul il-perjodu 2002 sal-2004.

335    Sussegwentement, fir-rigward tal-allegata preskrizzjoni tal-fatti dwar il-perijodu 1988 sal-1999, isir riferiment għall-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-punti 236 sa 255 iktar ’il fuq, li skonthom ma hemmx preskrizzjoni tal-ewwel fażi tal-ksur fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ Siemens.

336    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta jitwettaq ksur minn diversi impriżi, ikun hemm lok, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multi, li tiġi eżaminata l-gravità tal-parteċipazzjoni ta’ kull waħda minnhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il‑Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punt 623, u Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 48 iktar ’il fuq, punt 92; sentenzi Group Danone vs Il-Kummissjoni, punt 66 iktar ’il fuq, punt 277, u BASF vs Il-Kummissjoni, punt 311 iktar ’il fuq, punt 280). F’dan ir-rigward, il-lista mhux eżawrjenti taċ-ċirkustanzi li jistgħu jiġġustifikaw żieda tal-ammont bażiku tal-multa, stabbilita fil-punt 2 tal-linji gwidi, tinkludi b’mod partikolari, fit-tielet inċiż tagħha, ir-“rwol ta’ mexxej jew ta’ provokatur tal-ksur”, assunt mill-impriża.

337    Skont il-ġurisprudenza, sabiex tiġi kklassifikata bħala “mexxej” ta’ akkordju, impriża kellha tkun il-moħħ wara l-akkordju (sentenzi tal-Qorti Ġenerali BASF vs Il-Kummissjoni, punt 311 iktar ’il fuq, punt 374, u tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il-Kummissjoni, T‑410/03, Ġabra p. II‑881, punt 423), jew kellha tassumi responsabbiltà partikolari u konkreta fil-funzjonament tal-akkordju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 311 iktar ’il fuq, punt 300). Din iċ-ċirkustanza għandha tiġi evalwata minn perspettiva globali fir-rigward tal-kuntest inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 311 iktar ’il fuq, punti 299 u 373). Il-klassifikazzjoni ta’ “mexxej” ġiet stabbilita mill-ġurisprudenza fil-każ li jiġi stabbilit li l-impriża eżerċitat funzjonijiet ta’ koordinatur fi ħdan l-akkordju u, b’mod partikolari, organizzat u għammret b’impjegati lis-segretarjat responsabbli mill-implementazzjoni konkreta tal-akkordju (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, T‑224/00, Ġabra p. II‑2597, iktar ’il quddiem is-sentenza “WMD”, punti 246 u 247), jew meta l-impriża kellha rwol ċentrali fil-funzjonament konkret tal-akkordju, pereżempju billi organizzat diversi laqgħat, ġabret u qassmet informazzjoni fi ħdan l-akkordju, billi kienet responsabbli li tirrappreżenta ċerti membri fil-kuntest tal-akkordju jew billi ta’ sikwit tifformola proposti relatati mal-funzjonament tal-akkordju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Novembru 1983, IAZ International Belgium et vs Il-Kummissjoni, 96/82 sa 102/82, 104/82, 105/82, 108/82 u 110/82, Ġabra. p. 3369, punti 57 u 58, u BASF vs Il-Kummissjoni, punt 311 iktar ’il fuq, punti 404, 439 u 461).

338    F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-premessi 511 sa 513 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li s-segretarjat Ewropew tal-akkordju eżista matul it-tul kollu tal-akkordju baqa’ stabbli matul iż-żmien, minkejja l-bidla ta’ numru ta’ karatteristiċi ta’ organizzazzjoni tal-akkordju. Is-segretarjat kellu diversi kompiti. B’riferiment għall-premessi 121 sa 123, 131, 132, 142, 147 sa 149, 157 sa 161, 173 u 185 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li s-Segretarjat Ewropew tal-akkordju serva bħala għodda ta’ komunikazzjoni bejn l-impriżi Ewropej membri tal-akkordju u bejn dawn tal-aħħar u s-Segretarjat tal-Ġappun, hija stiednet u ppresediet laqgħa u kienet responsabbli mill-kontabbiltà tal-kwoti. Siemens ma kkontestatx dawn il-fatti quddiem il-Qorti Ġenerali. Il-Kummissjoni qieset li joħroġ ċar mill-kontenut tal-ftehim GQ u mill-ftehim EQ, kif ukoll mill-funzjonament konkret tal-akkordju, li r-rwol tas-segretarju Ewropew tal-akkordju kien essenzjali. Billi ħadet l-inizjattiva u billi tat diversi riżorsi lill-akkordju, l-imsemmi segretarju Ewropew ta servizz kunsiderevoli lill-imsemmi akkordju u kkontribwixxa b’mod partikolari għall-funzjonament tajjeb tiegħu.

339    Siemens la kkontestat matul il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni u lanqas quddiem il-Qorti Ġenerali li kienet assumiet, matul l-ewwel fażi tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju mill-1988 sal-1999, il-funzjonijiet ta’ segretarju Ewropew tal-akkordju. Il-fatt li hija ssodisfat dan ir-rwol jirriżulta, barra minn hekk, mix-xhieda tal-ex impjegati tagħha M., E. u Tr. (ara, f’dan ir-rigward, punt 222 iktar ’il fuq). Madankollu, hija ssostni li, f’dan il-każ, l-imsemmi segretarju Ewropew ma setax jiġi kklassifikat bħala mexxej, peress li r-rwol tiegħu kien limitat għal kompiti ta’ komunikazzjoni u la kien jimplika t-teħid ta’ inizjattivi u teħid ta’ pożizzjoni b’mod partikolari kontra r-regoli tal-kompetizzjoni u peress li ma kellux setgħa diskrezzjonali.

340    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-kompiti mwettqa mis-segretarju Ewropew tal-akkordju jagħtuh ir-rwol ta’ mexxej fil-koordinazzjoni tal-akkordju, u fi kwalunkwe każ, fil-funzjonament konkret tiegħu. Fil-fatt, il-Kummissjoni kkunsidrat b’mod ġust, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-imsemmi segretarju Ewropej kien il-punt ta’ kuntatt bejn il-membri tal-ftehim u kellu rwol kruċjali fil-funzjonament konkret tiegħu peress li ffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni fi ħdanu u kien ġabar, ikkompila u skambja ma’ membri oħra tal-akkordju informazzjoni essenzjali għat-tħaddim tiegħu. Dan kien jikkonċerna b’mod partikolari l-informazzjoni dwar proġetti ta’ SIG, peress li s-segretarju organizza u għammar is-segretarjat tal-laqgħat tax-xogħol.

341    Dan ir-rwol kruċjali ma huwiex ikkonfutat mill-eżistenza tal-Kumitat tal-grupp Ewropew li wkoll kellu rwol importanti fl-akkordju. Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li Siemens kienet ukoll membru permanenti ta’ dan il-kumitat. Għalhekk, il-funzjonijiet tiegħu bħala segretarju Ewropew tal-akkordju żdiedu mair-rwol tiegħu bħala membru permanenti tal-kumitat u kienu jservu sabiex huwa jkun distint mill-membri permanenti l-oħra tal-akkordju, jiġifieri, ABB u Alstom.

342    Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet intitolata tikkunsidra, fil-premessi 147 u 513 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rabta tas-segretarjat mal-akkordju kienet responsabbiltà importanti li timplika riżorsi sostanzjali, kemm f’termini ta’ żmien kif ukoll ta’ persunal disponibbli. Mingħajr il-koordinazzjoni u l-organizzazzjoni ċentrali żgurati mis-segretarju Ewropew tal-akkordji, dan tal-aħħar ċertament ma kienx ikun kapaċi, fid-dawl tal-kumplessità tiegħu, jiffunzjona b’mod effettiv. Barra minn hekk, minħabba l-fatt li ma huwiex ikkontestat li Siemens wettqet l-imsemmija kompiti b’mod sostenibbli, mill-bidu tal-akkordju fl-1988 sal-interruzzjoni tal-parteċipazzjoni tiegħu fl-1999, il-Kummissjoni setgħet tikkonkludi b’mod ġust li fil-każ inkwistjoni, l-imsemmija impriża kienet tat spinta sinjifikattiva lill-akkordju u b’dan il-mod, kellha “rwol ta’ mexxej tal-ksur”, fis-sens tat-tielet inċiż tal-punt 2 tal-linji gwida.

343    L-argumenti ta’ Siemens rigward ir-rwol ta’ mexxej ta’ ABB ma humiex tali li jikkonfutaw din il-konstatazzjoni.

344    Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-argument ta’ Siemens li jipprovdi li r-rwol ta’ mexxej ta’ ABB jikkontradixxi l-kapaċità tagħha ta’ mexxej, għandha tiġi miċħuda l-premessa sottostanti dan l-argument, li tipprovdi li r-rwol ta’ mexxej ta’ akkordju jista’ biss jiġi sodisfatt minn impriża waħda kull darba.

345    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, huwa kompletament possibbli li żewġ impriżi, jew anki iktar, ikunu simultanjament assenjati l-funzjoni ta’ mexxej, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ akkordju li jimplika numru kbir ta’ parteċipanti, kif kien l-akkordju fuq il-proġetti ta’ SIG, minn tal-inqas matul l-ewwel fażi tal-funzjonament tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali BASF vs Il-Kummissjoni, punt 311 iktar ’il fuq, punti 439 u 440, u tas-26 ta’ April 2007, Bolloré et vs Il-Kummissjoni T‑109/02, T‑118/02, T‑122/02, T‑125/02, T‑126/02, T‑128/02, T‑129/02, T‑132/02 u T‑136/02, Ġabra p. II‑947, punt 561, u l-ġurisprudenza ċċitata).

346    Għalhekk, anki jekk jitqies li ABB għandha tiġi kklassifikata bħala mexxej tal-akkordju fuq SIG, dan ma jfissirx li Siemens ma tistax ukoll tiġi kklassifikata bħala mexxej.

 Fuq l-allegat nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament ta’ Siemens meta mqabbla ma’ ABB

347    Sussegwentement, għandu jiġi eżaminat l-argument ta’ Siemens li jipprovdi li, peress li attribwixxiet fir-rigward tagħha ir-rwol ta’ mexxej u mhux fir-rigward ta’ ABB, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li ABB kellha r-rwol ta’ provokatur u ta’ mexxej. Dan l-argument għandu jiġi miċħud għal żewġ raġunijiet.

348    Minn naħa, fir-rigward tal-allegat rwol ta’ provokatur ta’ ABB, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-kliem stess tat-tielet inċiż tal-paragrafu 2 tal-linji gwida, huwa neċessarju li ssir distinzjoni bejn il-kunċett ta’ “mexxej” u dak ta’ “provokatur” ta’ ksur. Fil-fatt, filwaqt li r-rwol ta’ provokatur jikkonċerna l-istabbiliment jew l-espansjoni ta’ akkordju, ir-rwol ta’ mexxej jikkonċerna l-funzjonament tiegħu (sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 311 iktar ’il fuq, punt 316). Għaldaqstant, il-mexxej ta’ ksur u l-provokatur ta’ dan tal-aħħar ma jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli, b’mod li, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni naqset, b’mod żbaljat, milli tikklassifika lil ABB bħala provokatur tal-akkordju, il-fatt li din l-impriża ġiet ittrattata b’mod differenti minn Sieemens ma jikkostitwixxix ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

349    Min-naħa l-oħra, la huwa stabbilit u lanqas allegat li ABB assumiet il-funzjonijiet ta’ segretarju Ewropew tal-akkordju jew anki li eżerċitat waħedha, b’mod stabbli u sostenibbli, il-funzjonijiet kollha ġeneralment attribwiti lill-imsemmi segretarju Ewropew. Barra minn hekk, għalkemm huwa ġeneralment aċċettat, anki mill-Kummissjoni, li ABB kellha “rwol sinjifikattiv” fl-akkordju, ma ġiex stabbilit li dan ir-irwol kien paragunabbli, minn perspettiva tal-funzjonament tal-akkordju, ma’ dak li kellhom Siemens u Alstom jew Areva bħala segretarji Ewropej tal-akkordju.

350    L-allegazzjonijiet ta’ Siemens f’dan ir-rigward ma jistgħux jikkonfutaw din il-konstatazzjoni.

351    Fl-ewwel lok, ir-riferiment ta’ Siemens tar-rwol li kellha ABB fi ħdan l-akkordju tal-pajpijiet pre-insulati fi tmiem it-tmeninijiet ma huwiex rilevanti għall-każ preżenti, apparti għall-fatt, li ġie kkonstatat b’mod korrett fid-deċiżjoni kkontestata, li ABB għandha tiġi kklassifikati bħala reċediva fil-qasam tal-akkordji.

352    Fit-tieni lok, il-provi fil-fajl invokati minn Siemens ma humiex tali li jsostnu l-argument li ABB kellha tiġi kklassifikata bħala mexxej tal-akkordju.

353    Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni Siemens, il-fatt li, fi ħdan l-ABB, id-deċiżjoni dwar il-parteċipazzjoni fl-akkordju setgħet tittieħed fl-ogħla livell, anki jekk dan jiġi ppruvat, bl-ebda mod ma jikkonferma r-rwol ta’ ABB fl-akkordju. Dan japplika wkoll fir-rigward tal-fatt li żewġ impjegati ta’ ABB kienu suċċessivament, skont l-indikazzjoni ta’ M, il-“European speaker”. Dan il-fatt ma jagħtix lil din l-impriża l-pożizzjoni ta’ mexxej fi ħdan l-akkordju. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li n-natura tal-kompitu tal-“European speaker” ma tirriżultax mid-dokumenti tal-fajl jew b’mod partikolari mill-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Siemens. Barra minn hekk, il-fatt li la l-ftehim GQ u lanqas il-ftehim EQ ma jsemmu din il-funzjoni jippermetti li jiġu preżunt li l-funzjonijiet ta’ “European speaker” ma kinux sostanzjalment importanti fil-funzjonament tal-akkordju.

354    Bl-istess mod, filwaqt li huwa minnu li n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 153 tad-deċiżjoni kkontestata tirreferi, kif issostni Siemens, għal dikjarazzjoni ta’ Areva li ABB kienet ippresediet il-laqgħat fil-livell eżekuttiv, l-inklużjoni tal-imsemmija nota ta’ qiegħ il-paġna fil-premessa 147 tad-deċiżjoni kkontestata u l-kliem tad-dikjarazzjoni ta’ Areva juru b’mod ċar li din id-dikjarazzjoni tirreferi biss għall-perijodu bejn 2002 u l-2004. Il-Kummissjoni ma tallegax li Siemens kellha s-segretarjat tal-akkordju matul dan il-perijodu relattivament qasir - fil-fatt, kienet Alstom jew Areva li kellha dan ir-rwol matul dan il-perijodu. Issa, Siemens ma tindikax kif il-fatt, jekk dan jiġi ppruvat, li ABB setgħet ippresediet il-laqgħat fil-livell eżekuttiv matul perijodu ta’ bilkemm sentejn li matulu s-segretarjat kien fdat lil Alstom jew lil Areva, jirrendi ir-rwol ta’ ABB paragunabbli ma’ dak ta’ Siemens fil-perijodu ta’ iktar minn ħdax-il sena li matulu din tal-aħħar kellha r-rwol ta’ segretarju Ewropew tal-akkordju.

355    Il-fatt, irrilevat minn Siemens, li ABB u Alstom kienu ddeċidew, fl-2000 li jeskludi l-impriża VA Tech mill-akkordju, permezz ta’ “serata ta’ tislima tal-aħħar” ma jurix li r-rwol ta’ mexxej ta’ ABB. Fil-fatt, peress li, wara l-amalgamazzjoni li seħħet fis-suq inkwistjoni, kien baqa’ biss tliet impriżi Ewropej fl-akkordju wara l-interruzzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ Siemens, ma jistax ikun hemm inkwistjoni r-rwol ta’ mexxej meta ż-żewġ kumpanniji ngħaqqdu flimkien kontra t-tielet waħda.

356    Fl-aħħar nett, l-allegazzjoni ta’ Siemens li ABB kellha rwol determinanti fl-organizzazzjoni u fl-implementazzjoni ta’ miżuri ta’ ritaljazzjoni adottati kontra Siemens wara t-tluq tagħha ma hija sostnuta minn ebda prova. Fil-fatt, la l-premessa 169 tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas id-dikjarazzjoni ta’ M., li hija ċċitata f’din il-premessa ma jinkludu l-iċken ħjiel tar-rwol determinanti li ABB kellha fl-organizzazzjoni jew fl-implementazzjoni ta’ dawn il-miżuri ta’ ritaljazzjoni.

357    Għaldaqstant, Siemens ma stabbilixxietx li ABB kienet f’sitwazzjoni simili għal tagħha, fir-rigward tal-klassifikazzjoni bħala mexxej, b’mod li t-trattament differenti li ġie applikat fir-rigward tagħhom huwa ġġustifikat.

358    Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni naqset b’mod żbaljat li tikklassifika lil ABB bħala mexxej tal-akkordju, minkejja r-rwol sinjifikattiv li kellha l-impriża ABB fi ħdan l-akkordju, tali illegalità, imwettqa favur terz, ma tiġġustifikax li jintlaqa’ l-motiv ta’ annullament imqajjem minn Siemens. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilta, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’ nondiskriminazzjoni għandu jiġi rrikonċiljat mal-prinċipju tal-legalità, li jfisser li ebda persuna ma tista’ tinvoka l-benefiċċju ta’ att illegali kommess favur terz (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Ottubru 1984, Witte vs Il-Parlament, 188/83, Ġabra p. 3465, punt 15, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali SCA Holding vs Il-Kummissjoni, punt 184 iktar ’il fuq, punt 160; tal-4 ta’ Mejju 1998, MayrMelnhof vs Il-Kummissjoni, T347/94, Ġabra p. II‑1751, punt 334, u LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 87 iktar ’il fuq, punt 367).

359    Issa, kif ġie kkonstatat fil-punti 339 sa 342 iktar ’il fuq, huwa b’mod ġust li l-Kummissjoni stabbilixxiet, fir-rigward ta’ Siemens, il-klassifikazzjoni ta’ mexxej fl-akkordju. Għaldaqstant, sa fejn iż-żieda ta’ Siemens hija preċiżament intiża li wieħed jastjeni illegalment milli jżid il-multa tagħha, din ma tistax tiġi aċċettata f’dan is-sens (ara, f’dan is-sens, is-sentenza MayrMelnhof vs Il-Kummissjoni, punt 358 iktar ’il fuq, punt 334, u SCA Holding vs Kummissjoni, punt 184 iktar ’il fuq, punt 160).

360    Konsegwentement, l-ilmenti ta’ Siemens ibbażati fuq il-fatt li hija ma kellhiex rwol ta’ mexxej fl-akkordju u li ABB għandha tiġi kklassifikata bħala provokatur jew mexxej tal-akkordju għandhom jiġi miċħuda.

2.     Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq in-natura eċċessiva taż-żieda tal-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Siemens minħabba r-rwol tagħha ta’ mexxej fl-akkordju

a)     L-argumenti tal-partijiet

361    Siemens ssostni, sussegwentement li, anki jekk l-eżerċizzju temporanju ta’ attivitajiet tas-segretarjat jiġġustifika l-klassifikazzjoni ta’ mexxej, iż-żieda ta’ 50 % applikata mill-Kummissjoni hija eċċessiva u tikkostitwixxi ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità. Billi tibbaża ruħha fuq il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, Siemens issostni li żieda ta’ 50 % tal-ammont bażiku tal-multa jimplika l-eżistenza ta’ ċirkustanzi aggravanti oħra minbarra s-sempliċi fatt, għall-kumpannija kkonċernata, li teżerċita l-attivitajiet ta’ segretarjat. Hija titlob lill-Qorti jogħġobha tnaqqas b’mod sostanzjali ż-żieda li ġiet applikata fir-rigward tagħha fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

362    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti ta’ Siemens.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

363    Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-argument li ż-żieda ta’ 50 % hija ogħla miż-żieda ġeneralment applikata fid-deċiżjonijiet l-oħra tal-Kummissjoni ma huwiex tali li jirrileva ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (sentenza Bolloré et vs Il-Kummissjoni, punt 345 iktar ’il fuq, punt 579; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza ADM, punt 337 iktar ’il fuq, punt 248).

364    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, waqt id-determinazzjoni tal-ammont ta’ kull multa, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali u ma hijiex marbuta tapplika, f’dan ir-rigward, formula matematika preċiża (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ April 1995, Martinelli vs Il-Kummissjoni, T‑150/89, Ġabra p. II‑1165, punt 59, u tal-14 ta’ Mejju 1998, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, T‑352/94, Ġabra p. II1989, punt 268, u Bolloré et vs Il-Kummissjoni, punt 345 iktar ’il fuq, punt 580). Għaldaqstant, Siemens ma tistax tikkonkludi argument miż-żidiet applikati mill-Kummissjoni f’kawżi oħra sabiex issostni l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

365    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument ta’ Siemens li ż-żieda ta’ 50 % tal-multa minħabba r-rwol tagħha bħala l-mexxej tal-akkordju wkoll tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn ABB kellha rwol ta’ mexxej fl-akkordju, għandu jitfakkar li, kif ġie kkonstatat fil-punti 352 sa 357 iktar ’il fuq, Siemens naqset milli turi li, abbażi tal-provi tal-fajl, ir-rwol ta’ ABB għandu jiġi kklassifikat bħal tagħha. B’mod partikolari, l-allegat rwol ta’ mexxej ta’ ABB fi ħdan l-akkordju ma ġie sostnut b’ebda prova. Għaldaqstant, peress li ABB u Siemens ma jinsabux fl-istess sitwazzjoni, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta tittrattahom bl-istess mod.

366    Barra minn hekk, anki jekk jitqies li, kif tallega Siemens, l-allegata kwalità ta’ ABB, bħala l-moħħ tal-akkordju, teħtieġ li r-rwol ta’ din l-impriża għandu jiġi kklassifikat b’mod ekwiparabbli għal dak ta’ Siemens, klassifikazzjoni li l-Kummissjoni kienet naqset li twettaq b’mod żbaljat, tali illegalità, imwettqa favur terz, ma tiġġustifikax li jintlaqa’ l-motiv ta’ annullament imqajjem minn Siemens. Fil-fatt, kif ġie mfakkar fil-punt 358 iktar ’il fuq, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’ nondiskriminazzjoni għandu jiġi rrikonċiljat mal-prinċipju tal-legalità, li jimplika li ebda persuna ma tista’ tinvoka għall-vantaġġ tagħha illegalità mwettqa favur ħaddieħor.

367    Fit-tielet lok, fir-rigward tan-natura proporzjonali taż-żieda fir-rigward tal-kwalità ta’ mexxej ta’ Siemens, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-fatt li, għal impriża, li tkun aġixxiet bħala mexxej ta’ akkordju jimplika li hija għandha terfa’ responsabbiltà partikolari meta mqabbla ma’ impriżi oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja IAZ International Belgium et vs Il-Kummissjoni, punt 337 iktar ’il fuq, punti 57 u 58, u tas-16 ta’ Novembru 2000, Finnboard vs Il-Kummissjoni, C‑298/98 P, Ġabra p. I1‑0157, punt 45; MayrMelnhof vs Il-Kummissjoni, punt 358 iktar ’il fuq, punt 291).

368    Fil-każ inkwistjoni, b’kunsiderazzjoni għall-importanza tal-kompiti assunti minn Siemens fi ħdan l-akkordju, fil-kwalità tagħha ta’ segretarju Ewropew tal-akkordji, kif deskritti fil-punti 338, 340 u 342 hawn fuq, żieda ta’ 50 % ma tistax tiġi kklassifikata bħala sproporzjonata.

369    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud it-tielet ilment, u konsegwentement, ir-raba’ parti tat-tielet motiv.

E –  Fuq il-ħames parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tan-nuqqas tat-tnaqqis tal-multa skont l-avviż dwar il-kooperazzjoni

1.     L-argumenti tal-partijiet

370    Siemens ssostni li huwa żbaljat li l-Kummissjoni ma tagħtiha ebda tnaqqis tal-multa skont l-avviż dwar il-kooperazzjoni. Hija ssostni li hija pproduċiet provi li għandhom valur miżjud sinjifikattiv u tiċċita f’dan ir-rigward il-komunikazzjoni ta’ serje ta’ laqgħat tal-akkordju, fajl irrikostitwit, ittra minn avukat dwar il-funzjonament tal-akkordju bejn l-2002 u l-2004, ir-riżultat ta’ spezzjoni interna ta’ Siemens fl-2005 u x-xhieda tal-impjegati preċedenti tagħha, M., Tr, E. u Sch.

371    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti ta’ Siemens.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

372    Skont il-paragrafu 21 tal-avviż dwar il-kooperazzjoni, sabiex tikkwalifika għal tnaqqis tal-multa skont l-imsemmi avviż, impriża trid b’mod partikolari tipprovdi lill-Kummissjoni provi tal-ksur preżunt li jagħti valur sinjifikattiv miżjud meta mqabbla mal-provi li huma diġà fil-pussess tal-Kummissjoni.

373    Skont il-paragrafu 22 tal-avviż tal-kooperazzjoni, il-kunċett ta’ “valur miżjud” jirreferi għall-firxa li fiha l-provi pprovduti jsostnu, min-natura tagħhom stess u/jew mil-livell ta’ preċiżjoni tagħhom, il-kapaċità tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-fatti inkwistjoni.

374    Skont il-ġurisprudenza, it-tnaqqis tal-ammont tal-multi fil-każ ta’ avviż kooperazzjoni tal-impriżi parteċipanti fi ksur tal-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni huwa bbażat fuq il-kunsiderazzjoni li kooperazzjoni bħal din tiffaċilita l-inkarigu tal-Kummissjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur u, skont il-każ, tittermina tali ksur (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 285 iktar ’il fuq, punt 399; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, BPB de Eendracht vs Il-Kummissjoni, T‑311/94, Ġabra p. II‑1129, punt 325; Finnboard vs Il-Kummissjoni, T‑338/94, Ġabra p. II‑1617, punt 363, u Mayr‑Melnhof, punt 358 iktar ’il fuq, punt 330).

375    Kif imsemmi fil-paragrafu 29 tal-avviż dwar il-kooperazzjoni, dan tal-aħħar ħoloq aspettattivi leġittimi li fuqhom jistgħu jibbażaw ruħhom impriżi li jixtiequ jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta’ akkordju. Fid-dawl tal-aspettattivi leġittimi li l-impriżi li jixtiequ jikkooperaw mal-Kummissjoni jistgħu jkollhom abbażi ta’ dan l-avviż, il-Kummissjoni hija għalhekk obbligata tikkonforma ruħha mal-avviż meta, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa imposta fuq Siemens, hija tevalwa l-kooperazzjoni ta’ din tal-aħħar (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2006, Daiichi Pharmaceutical vs Il-Kummissjoni, T‑26/02, Ġabra p. II‑713, punt 147, u l-ġurisprudenza ċċitata).

376    Fil-limiti stabbiliti mill-avviż ta’ kooperazzjoni, il-Kummissjoni madankollu għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tevalwa jekk il-provi nnotifikati mill-impriża għandhomx jew le valur miżjud fis-sens tal-paragrafu 22 tal-avviż dwar il-kooperazzjoni u jekk hemmx lok li jingħata tnaqqis lill-kumpannija abbażi ta’ dan l-avviż (ara, b’analoġija, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 285 iktar ’il fuq, punti 393 u 394, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra p. II‑5169, punt 532). Din l-evalwazzjoni hija s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju limitat.

377    Fil-każ inkwistjoni, għandu għalhekk jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat li d-dikjarazzjonijiet ta’ Siemens msemmija fil-premessi 533 sa 536 tad-deċiżjoni kkontestata ma għandhomx valur miżjud sinjifikattiv.

378    Fir-rigward ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li l-informazzjoni pprovduta minn Siemens bejn it-28 ta’ Mejju 2004, data tat-talba tagħha skont l-avviż ta’ kooperazzjoni, u d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fi tmiem April 2006 tikkonċerna biss it-tieni fażi tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, jiġifieri l-perijodu bejn l-2002 u l-2004. Madankollu, hija ma qalet xejn fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju bejn l-1988 u l-1999 sad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

379    Barra minn hekk, għandu jiġi nnutat li, fil-komunikazzjonijiet kollha tagħha skont l-avviż ta’ kooperazzjoni tagħha mal-Kummissjoni, Siemens dejjem ikkontestat li l-akkordji li pparteċipat fihom kienu intiżi għall-proġetti ta’ SIG fi ħdan iż-ŻEE jew kellhom effetti fi ħdan iż-ŻEE. Pjuttost milli spirtu ta’ koperazzjoni sinċier, dawn il-komunikazzjonijiet għalhekk jidhru tentattiv sabiex jinħeba, sa fejn huwa possibbli, il-kontenut reali tal-akkordji, kif ipprovat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

380    Madankollu, il-kundizzjoni ta’ kooperazzjoni sħiħa stabbilita fil-paragrafu 11 tal-Avviż ta’ kooperazzjoni tapplika biss għat-talbiet għal immunità minn multi u mhux għat-talbiet ta’ klemenza, kif jirriżulta mill-punt 20 ta’ dan l-avviż. Għalhekk, in-nuqqas ovvju ta’ sinċerità fid-dikjarazzjonijiet ta’ Siemens ma jipprekludix li hija tingħata tnaqqis tal-multa sa fejn, skont il-paragrafu 21 tal-imsemmi avviż, hija kienet ipproduċiet provi ta’ valur miżjud sinjifikattiv.

381    Fir-rigward tal-valur miżjud ta’ informazzjoni pprovduta minn Siemens, l-ewwel nett, hija ssostni li, fl-ittra tagħha tat-28 ta’ Mejju 2004, hija ddeskriviet “f’iktar dettall serje ta’ laqgħat tal-akkordju.”

382    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fit-talba tagħha tat-28 ta’ Mejju 2004 skont l-avviż dwar il-kooperazzjoni, Siemens irrikonoxxiet li l-impjegati tagħha M., R., S. u Ze kellhom, mill-bidu tal-2002, kuntatti ma’ ABB, Alstom jew Areva u mal-grupp VA Tech u li pproduċiet l-ewwel lista ta’ laqgħat fil-livell eżekuttiv u operattiv. Madankollu, hija ddikjarat li l-għan ta’ dawn il-kuntatti kien il-“benchmarking” – jiġifieri, l-iskambju tal-aħjar prattiki sabiex tiżdied l-kompetittività tal-impriżi fis-settur – u diskussjoni rigward il-possibbiltà ta’ kooperazzjoni fil-qasam tal-provvista komuni jew tal-iskambju ta’ prodotti preliminari. Barra minn hekk, Siemens irrikonoxxiet ukoll numru limitat ħafna ta’ proġetti speċifiċi li kienu ġew diskussi matul dawn il-laqgħat. Madankollu, hija qalet li dawn kienu jikkonċernaw biss proġetti internazzjonali u ma kinux relatati maż-ŻEE. Barra minn hekk, dawn il-proġetti ma kinux is-suġġett ta’ ftehim fuq il-prezzijiet, iżda kienet saret sejħa għal aġir “raġonevoli” tal-produtturi fir-rigward tal-livell tal-offerti tagħhom.

383    Din l-informazzjoni ma tistax tiġi kklassifikata bħala “prova tal-ksur allegat”, fis-sens tal-paragrafu 21 tal-avviż dwar il-kooperazzjoni, peress li tirreferi biss għall-kuntatti assolutament trivjali bejn il-produtturi Ewropej ta’ SIG. Barra minn hekk, kif indikat il-Kummissjoni fil-premessa 534 tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma ġiet ikkontestata minn Siemens, hija kienet diġà konxja ta’ dawn il-laqgħat u tal-parteċipanti tagħhom.

384    It-tieni nett, Siemens issostni li hija ddekodifikat u pprovdiet id-data lill-Kummissjoni.

385    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fl-ittra tagħha tat-23 ta’ Lulju 2004, Siemens ipproduċiet diversi dokumenti. Fl-ewwel lok, hija pproduċiet lista ta’ proġetti ta’ SIG li fir-rigward tagħhom kellhom isiru offerti matul is-snin 2002 u 2003, li jinsabu esklużivament barra ż-ŻEE, bid-dettalji ta’ produtturi li ġew assenjati tali proġetti. Din il-lista kienet ġiet imfassla mill-ġdid minn fajl matul l-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni fil-bini tagħha. Fit-tieni lok, hija pproduċiet lista ta’ komunikazzjonijiet li kienu saru bejn it-22 ta’ April u t-22 ta’ Mejju 2004, bis-SIM card tal-impjegat Ze. Fit-tielet lok, hija pproduċiet diversi dokumenti li nstabu fil-laptop ta’ Ze. u għamlet riferiment għall-possibbiltajiet ta’ kooperazzjoni bilaterali prevista ma’ produtturi oħra ta’ SIG.

386    Fir-rigward tal-lista ta’ proġetti, din ma tinkludi ebda proġett ta’ SIG fl-Ewropa u għalhekk ma tistax tipprovdi informazzjoni dwar l-effetti tal-akkordju fi ħdan iż-ŻEE. Fir-rigward tal-lista ta’ komunikazzjoni bit-telefon, din tinkludi biss id-data, il-ħin u t-tul tas-sejħiet li saru u n-numru tagħhom. Barra minn hekk, Siemens ma indikatx kif din il-lista tista’ sservi lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-akkordju – iktar u iktar peress li tirrigwarda perijodu (April u Mejju 2004) li matul tiegħu, skont Siemens, l-akkordju kien diġà waqaf. Fl-aħħar nett, id-dokumenti li jirriżultaw mil-laptop ta’ Ze jirreferu biss għall-proġetti ta’ kooperazzjoni trivjali u ma għandhom ebda rabta mal-akkordju inkwistjoni, bħal attivitajiet ta’ benchmarking u l-ħolqien possibbli ta’ konsorzji possibbli għal ċerti proġetti.

387    Għaldaqstant, ebda wieħed minn dawn id-dokumenti ma jista’ jiġi kklassifikat bħala prova li ssostni l-kapaċità tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-eżistenza tal-akkordju.

388    It-tielet nett, Siemens issostni li hija bagħtet ittra miktuba għan-nom tal-ex impjegati tagħha li pparteċipaw fl-akkordju, li ddeskriviet “fid-dettall il-modus operandi tal-akkordju” u elenkat “b’mod metikoluż l-akkordji dwar il-proġetti differenti ta’ [SIG] fiż-ŻEE”. Fil-fehma tagħha, dan id-dokument jikkostitwixxi “dokument speċifiku li jikkonċerna l-ftehim konklużi bejn l-2002 u l-2004”.

389    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fis-7 ta’ Diċembru 2004, Siemens effettivament bagħtet lill-Kummissjoni ittra datata tal-25 ta’ Novembru 2004, imfassla mill-konsulent legali ta’ ex impjegati ta’ Siemens li ma ġewx identifikati. Siemens tqis li huwa R, S u/jew Z, li permezz tagħhom, skont il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, kienet irrappreżentata fit-tieni fażi tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju. F’din l-ittra, hemm sunt tad-dikjarazzjonijiet ta’ dawn l-impjegati u huwa b’mod partikolari indikat li, matul il-laqgħat li nżammu, minn Ottubru 2002, ma’ ABB, Alstom u l-grupp VA Tech, kienu ġew diskussi l-proġetti ta’ SIG fis-suq komuni, sabiex jiġi kkoordinat l-aġir, jiġi konkluż il-ftehim u jiġu stabbiliti l-prezzijiet, li Alstom kienet responsabbli mill-kompiti tas-segretarjat u li l-komunikazzjoni kienet saret permezz tat-telefon, tal-faks u tal-posta elettronika. Fl-ittra tagħha li bagħtet fis-7 ta’ Diċembru 2004, Siemens indikat li, fid-dawl tal-kontenut tal-imsemmija ittra, id-dikjarazzjonijiet preċedenti tagħha kienu possibbilment inkompleti jew anki żbaljati. Hija ppreċiżat ukoll li, kuntrarjament għal dak li tiddikjara quddiem il-Qorti Ġenerali, l-“informazzjoni trażmessa ma’ [kinitx] dettaljata ħafna.”

390    Għalkemm din l-informazzjoni għandha ċertu valur probatorju fir-rigward tal-ksur –il-Kummissjoni ċċitat id-dokument tal-25 ta’ Novembru 2004 fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 153 tad-deċiżjoni kkontestata bħala li tikkonferma l-fatt li Alstom jew Areva kellhom is-segretarjat Ewropew wara t-tluq ta’ Siemens fl-1999 – huma jikkonfermaw biss il-provi li kellha l-Kummissjoni preċedentement. Fil-fatt, Areva ammettiet hija stess, f’dokument trażmess lill-Kummissjoni permezz ta’ faks fil-25 ta’ Mejju 2004, li kellha s-segretarjat. Għalhekk, l-informazzjoni pprovduta minn Siemens ma tistax tiġi deskritta bħala li għandha valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbla mal-provi li huma diġà fil-pussess tal-Kummissjoni.

391    Ir-raba’ nett, Siemens issostni li hija analizzat is-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni fis-swieq prinċipali tal-Unjoni u ppreżentat il-konklużjonijiet tagħha lill-Kummissjoni u li ebda impriża ma pprovdiet informazzjoni daqstant dettaljata dwar il-kuntest tas-suq u l-kompetizzjoni.

392    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fl-4 ta’ Lulju 2005, Siemens ikkomunikat lill-Kummissjoni sommarju bil-miktub ta’ spezzjoni interna. Hija indikat li, fil-kuntest ta’ din l-ispezzjoni, hija kienet b’mod partikolari, wettqet eżami tal-proġetti kollha ta’ SIG li hija kienet wettqet fl-Ewropa bejn Jannar 2000 u April 2004, b’konformità mad-dispożizzjonijiet legali fil-qasam tal-akkordji. Fil-fehma tagħha, minkejja l-isforzi kunsiderevoli li hija kienet għamlet, din l-ispezzjoni ma kinitx wasslet għal riżultati konkreti li jistgħu jikkonfermaw l-ilmenti ppreżentati mill-Kummissjoni u ma kinux ippermettew li jiġu kkonstatati illegalitajiet li jippermettu li hemm eżistenza ta’ ftehim bejn il-kompetituri fir-rigward ta’ proġetti speċifiċi fi ħdan l-Unjoni.

393    Għaldaqstant, ma huwiex possibbli li jiġi attribwit valur probatorju għall-informazzjoni pprovduta minn Siemens fl-4 ta’ Lulju 2005. B’mod partikolari, ma jidhirx li l-allegata “informazzjoni dettaljata dwar il-kuntest tas-suq u l-kompetizzjoni” saħħew il-kapaċità tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata u għaldaqstant ta’ valur miżjud sinjifikattiv.

394    Il-ħames nett, Siemens issostni li hija bagħtet lill-Kummissjoni x-xhieda tal-ex impjegati tagħha M., Tr., E. u Sch., li kellhom informazzjoni dettaljata dwar il-konklużjoni tal-ftehim GQ u r-rwol ta’ ABB fi ħdan l-akkordju.

395    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fl-anness għall-ittra tas-7 ta’ Awwissu 2006, Siemens bagħtet lill-Kummissjoni l-minuti tax-xhieda tal-ex impjegati tagħha M., Tr., E. u Sch. Fl-imsemmija ittra, il-konsulent legali ta’ Siemens għamel sunt tal-kontenut tal-imsemmija xhieda. Huwa indika b’mod partikolari li kienet BBC, issa ABB, li kienet ħadet l-inizjattiva tal-ftehim GQ u li kienet il-moħħ wara d-diskussjonijiet preliminari fi ħdan il-produtturi Ewropej, li l-ftehim GQ kien intiż għas-swieq tal-Lvant Nofsani u li ma kienx jikkonċerna l-proġetti Ewropej, li Siemens kienet tbiegħdet mill-ftehim GQ fi tmiem l-1998 jew, iktar tard, kmieni fl-1999, u li l-akkordju li kienet ipparteċipat fih Siemens bejn l-2002 u l-2004 ma kellu ebda rabta mal-akkordju preċedenti bbażat fuq il-ftehim GQ.

396    Għandu jiġi osservat ukoll li din l-informazzjoni ġiet trażmessa iktar minn tliet xhur wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li saret fi tmiem April 2006, li fiha l-Kummissjoni kienet diġà ppreżentat il-motivi ta’ provi tagħha dwar il-ksur allegat fil-konfront tal-produtturi ta’ SIG. Barra minn hekk, l-uniku element ġdid li jirriżulta minn din ix-xhieda huwa l-konferma li ABB kienet il-provokatur u l-moħħ wara l-konklużjoni tal-ftehim GQ. Issa, kif ġie kkonstatat fil-punti 350 sa 357 iktar ’il fuq, din id-dikjarazzjoni ma hijiex sostnuta minn provi oħra fil-fajl. Għaldaqstant, kif ġie kkonstatat fil-punti 350 sa 357 iktar ’il fuq, din id-dikjarazzjoni ma ġietx sostnuta minn provi li saħħew il-kapaċità tal-Kummissjoni li tistabbilixxi ksur kkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata u li kellha valur miżjud sinjifikattiv.

397    Minn dak li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx ksur tal-avviż dwar il-kooperazzjoni billi rrifjutat li tagħti lil Siemens tnaqqis tal-multa imposta fuqha. Konsegwentement, għandha tiġi miċħuda l-ħames parti tat-tielet motiv.

F –  Fuq il-ħames parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq il-fatt li d-DĠ “Kompetizzjoni” kienet de facto obbligat lill-Kulleġġ tal-Kummissarji

1.     L-argumenti tal-partijiet

398    Siemens tikkritika l-fatt li, qabel id-deċiżjoni tal-Kulleġġ tal-Kummissarji dwar il-kawża preżenti, ċerti medja rrappurtaw il-fatt li multa ta’ ammont eżorbitanti kienet imposta lill-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju allegat, li tindika l-ammont eżatt tal-multi imposti fuq l-impriżi kkonċernati. Hija tqis li din il-proċedura tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju li permezz tiegħu l-Kulleġġ tal-Kummissarji jadotta d-deċiżjonijiet tiegħu bir-responsabbiltà tiegħu u indipendentement.

399    Il-Kummissjoni tesprimi d-dispjaċir tagħha dwar l-inċident imsemmi minn Siemens. Hija enfasizzat, madankollu, li l-pubblikazzjoni ta’ dawn iċ-ċifri ma hijiex deliberata jew inkella xi ħaġa li hija konxja tagħha. Hija wettqet, mingħajr suċċess, stħarriġ intern ta’ din il-kwistjoni sabiex tidentifika l-kxif u, sussegwentement, temenda l-prassi deċiżjonali, sabiex tevita li tali inċident jirriproduċi ruħu. Fir-rigward tal-evalwazzjoni ġuridika dwar dan il-punt, il-Kummissjoni tqis li pubblikazzjoni prematura ta’ dan it-tip ma tistax tillimita l-indipendenza tal-kummissarji u li l-imsemmi inċident ma jikkonfutax il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

400    Għandu jitfakkar li l-Artikolu 287 KE jirrikjedi li l-membri, uffiċjali u membri tal-persunal tal-istituzzjonijiet Komunitarji “ma jiżvelawx informazzjoni li, min-natura tagħha, hija koperta bis-sigriet professjonali, u b’mod partikolari informazzjoni dwar impriżi u li jikkonċernaw ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom jew l-elementi tal-prezzijiet tagħhom”. Għalkemm din id-dispożizzjoni hija intiża għall-informazzjoni miġbura mingħand impriżi, il-kliem “b’mod partikolarli” juri li hemm inkwistjoni prinċipju ġenerali li japplika wkoll għall-informazzjoni kunfidenzjali oħra (sentenza tas-7 ta’ Novembru 1985, Adams vs Il-Kummissjoni, 145/83, Ġabra p. 3539, punt 34, ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Settembru 1996, Postbank vs Il-Kummissjoni, T‑353/94, Ġabra p. II‑921, punt 86).

401    Fil-każ inkwistjoni, mill-fajl jirriżulta li, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-elementi essenzjali tal-abbozz tad-deċiżjoni sottomessi, għall-approvazzjoni finali, lill-Kulleġġ tal-Kummissarji kienu s-suġġett ta’ żvelar lill-aġenzija tal-istampa. Fil-fatt, fit-23 ta’ Jannar 2007, lejliet l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, madwar is-sebgħa ta’ filgħaxija, din l-aġenzija ppubblikat informazzjoni preċiża dwar l-ammont totali tal-multi individwali ta’ Siemens, ta’ Melco u ta’ Alstom, kif ukoll informazzjoni li skontha ABB kienet ibbenefikat mill-immunità tal-multa bħala informatur tal-Kummissjoni. Din tal-aħħar, filwaqt li ddikjarat li ma setgħetx tidentifika l-awtur tal-iżvelar lill-istampa, ma kkontestatx il-kxif li twettaq fi ħdan is-servizzi.

402    Skont ġurisprudenza stabbilita, irregolarità ta’ dan it-tip tista’ timplika l-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni jekk jiġi stabbilit li, fin-nuqqas ta’ tali illegalità, l-imsemmija deċiżjoni kien ikollha kontenut differenti (sentenzi Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni punt 336 iktar ’il fuq, punt 91, u Dunlop Slazenger vs Il-Kummissjoni, punt 174 iktar ’il fuq, punt 29). Issa, f’dan il-każ, Siemens ma pproduċietx tali prova. Fil-fatt, xejn ma jissuġġerixxi li jekk l-informazzjoni inkwistjoni ma kinitx ġiet żvelata, il-Kulleġġ tal-Kummissarji kien ibiddel l-ammont tal-multa jew il-kontenut tad-deċiżjoni proposta. B’mod partikolari, ma hemm ebda evidenza li tindika li l-Kulleġġ tal-Kummissarji kollu jew ċertu kummissarji kienu obbligati jew kienu tal-fehma li ma setgħux jiċħdu l-elementi tal-abbozz tad-deċiżjoni li kienu diġà s-suġġett ta’ żvelar lill-istampa.

403    Kosegwentement, din il-parti tat-tielet motiv għandha wkoll tiġi miċħuda. Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

404    Peress li ġew miċħuda t-tliet motivi mqajma minn Siemens, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

405    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li Siemens tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skont kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Siemens AG hija kkundannata għall-ispejjeż.

Pelikánová

Jürimäe

Soldevila Fragoso

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Marzu 2011.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

I –  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81(1) KE u tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE

A –  Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq “deskrizzjoni insuffiċjenti tal-ksur allegat”

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

B –  Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq “analiżi żbaljata tal-allegati ftehim u tal-effetti tagħhom fuq is-suq komuni”

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

a)  Fuq l-oneru tal-prova

b)  Fuq il-valur probatorju tal-ftehim GQ u tal-ftehim EQ

c)  Fuq il-prova tal-arranġament komuni

Fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ ABB u tax-xhud M.

Fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Fuji

Fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Hitachi

In-nuqqas ta’ Areva, Alstom u tal-grupp VA Tech li jikkontestaw l-arranġement komuni

Fuq il-lista ta’ proġetti ta’ SIG fl-Ewropa

–  Fuq l-oriġini u d-data li fiha ġiet stabbilita l-lista dinjija kif ukoll il-klassifikazzjoni tagħha bħala prova

–  Fuq l-allegazzjoni li l-proġetti ta’ SIG fl-Ewropa msemmija fil-lista dinjija ma ġewx diskussi fi ħdan l-akkordju

–  Fuq il-proġetti allegatament imsemmija diversi drabi jew li ma ġewx implementati

–  Fuq ir-rata baxxa ta’ proġetti ta’ SIG fl-Ewropa rreġistrati fil-lista globali

–  Fuq l-allegat nuqqas ta’ għoti lil Siemens, fil-kuntest tal-akkordju, ta’ proġetti ta’ SIG fiż-ŻEE

–  Fuq l-analiżi ekonometrika ppreżentata minn Siemens

Fuq id-dokumenti probatorji

–  Fuq il-ftehim GQ u l-ftehim EQ

–  Fuq id-dokument li nstab fil-bini tal-grupp VA Tech, intitolat “Sommarju tad-diskussjoni ma’ JJC”

–  Fuq il-posta elettronika skambjata fit-18 ta’ Jannar 1999 bejn Wa., J. u B., impjegati tal-grupp VA Tech

–  Fuq id-dokumenti probatorji relatati mal-fatti li seħħew matul il-perijodu ta’ bejn l-2002 u l-2004

d)  Konklużjonijiet dwar it-tieni parti tal-ewwel motiv

Fuq l-effetti tal-akkordju fiż-ŻEE

Fuq ir-riżerva tas-swieq Ewropej u Ġappuniżi għall-gruppi ta’ produtturi Ewropej u Ġappuniżi rispettivament

Fuq il-protezzjoni ta’ “pajjiżi kostrutturi” fl-Ewropa

II –  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003

A –  Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażat fuq nuqqas li tipprova parteċipazzjoni fi ksur bejn April u Settembru 1999

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

a)  Fuq it-tqassim tal-oneru tal-prova bejn Siemens u l-Kummissjoni

b)  Fuq il-valur probatorju tal-provi li fuqhom tibbaża l-evalwazzjoni tagħha l-Kummissjoni li Siemens issospendiet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fl-1 ta’ Settembru 1999

Fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ ABB u ta’ M.

Fuq id-dokument intitolat “Sommarju tad-diskussjonijiet ma’ JJC”

Fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Areva, ta’ Melco, ta’ Fuji u ta’ Hitachi/JAEPS

–  Fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Areva

–  Fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Melco

–  Fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Fuji

–  Fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Hitachi

Konklużjoni intermedjarja

c)  Fuq il-provi prodotti minn Siemens sabiex tistabbilixxi l-interruzzjoni tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju f’April 1999

Fuq il-provi ekonomiċi empiriċi tal-interruzzjoni tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju mhux iktar tard minn April 1999

Fuq ix-xhieda ta’ Se.

Fuq ix-xhieda ta’ M., Tr., E. u Sch.

Fuq in-nuqqas ta’ provi tal-parteċipazzjoni ta’ Siemens fil-ftehim dwar il-proġetti ta’ SIG wara April 1999

Fuq in-nuqqs ta’ prova tal-laqgħa wara t-22 ta’ April 1999

B –  Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq il-preskrizzjoni tal-proċeduri

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

C –  Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni fl-akkordju wara l-1 ta’ Jannar 2004

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

III –  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi fil-kalkolu tal-ammont tal-multa

A –  Fuq l-ewwel parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq in-natura sproporzjonata tal-ammont bażiku tal-multa

1.  Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq nuqqas ta’ prova tal-effetti tal-akkordju

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

2.  Fuq it-tieni ilment, ibbażat fuq in-natura sproporzjonata tal-ammont bażiku tal-multa meta mqabbel mas-sinjifikat ekonomiku tal-ksur

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

3.  Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq l-inklużjoni ta’ Siemens f’kategorija żbaljata

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

B –  Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq in-natura sproporzjonata tal-koeffiċjent multiplikatur tad-dissważjoni

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

C –  Fuq it-tielet parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq żball fid-determinazzjoni tat-tul tal-ksur

D –  Fuq ir-raba’ parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq klassifikazzjoni żbaljata ta’ Siemens bħala mexxej tal-akkordju

1.  Fuq l-ewwel u t-tieni lmenti, ibbażati fuq il-fatt li ABB u mhux Siemens kellha r-rwol ta’ mexxej tal-akkordju

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq ir-rwol ta’ mexxej tal-akkordju

Fuq l-allegat nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament ta’ Siemens meta mqabbla ma’ ABB

2.  Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq in-natura eċċessiva taż-żieda tal-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Siemens minħabba r-rwol tagħha ta’ mexxej fl-akkordju

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

E –  Fuq il-ħames parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tan-nuqqas tat-tnaqqis tal-multa skont l-avviż dwar il-kooperazzjoni

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

F –  Fuq il-ħames parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq il-fatt li d-DĠ “Kompetizzjoni” kienet de facto obbligat lill-Kulleġġ tal-Kummissarji

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ispejjeż





* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.