Language of document :

Appell ippreżentat fit-30 ta’ Novembru 2023 minn ZF CV Systems Europe, li kienet Wabco Europe mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) fl-20 ta’ Settembru 2023 fil-Kawża T-637/16, ZF CV Systems Europe vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-736/23 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: ZF CV Systems Europe, li kienet Wabco Europe (rappreżentanti: E. Righini, avvocato, S. Völcker, Rechtsanwalt u K. Beikos-Paschalis, dikigoros)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1699 tal-11 ta’ Jannar 2016 dwar l-iskema ta’ għajnuna li tirrigwarda l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv SA.37667 (2015/C) (ex 2015/NN) implimentata mill-Belġju 1 ;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għal dawk ta’ dawn il-proċeduri.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha l-appellanti tressaq tliet aggravji:

L-ewwel aggravju bbażat fuq żbalji ta’ liġi fir-rigward tal-livell ta’ stħarriġ applikat mis-sentenza appellata. Billi ma hijiex limitata sempliċement għall-istħarriġ tal-plawżibbiltà tal-identifikazzjoni ta’ deroga manifesta mis-sistema ta’ referenza, is-sentenza appellata tonqos milli tapplika kriterju ta’ stħarriġ korrett għall-evalwazzjoni tal-miżuri fiskali taħt l-Artikolu 107 TFUE.

It-tieni aggravju bbażat fuq żbalji ta’ liġi fl-identifikazzjoni tas-sistema ta’ referenza. B’mod partikolari, fis-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali tonqos milli tieħu inkunsiderazzjoni elementi li jagħmlu parti mis-sistema ta’ referenza, twettaq żball fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 185(2)(b) tal-Kodiċi tat-Taxxa fuq id-Dħul Belġjan 1992, tiżnatura l-kontenut ta’ dik id-dispożizzjoni u tonqos milli tiġbed il-konklużjonijiet korretti mill-għan identifikat ta’ dik id-dispożizzjoni.

It-tielet aggravju bbażat fuq żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni fis-sentenza appellata tas-selettività tal-iskema u nuqqas ta’ motivazzjoni għall-konklużjonijiet tagħha li din tagħmel differenza bejn operaturi ekonomiċi li huma f’sitwazzjoni paragunabbli.

____________

1 ĠU 2016 L 260, p. 61.