Language of document : ECLI:EU:T:2011:449

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

9 ta’ Settembru 2011 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali dm – Trade mark nazzjonali figurattiva preċedenti dm – Proċedura amministrattiva – Deċiżjonijiet tad-Diviżjonijiet tal-Oppożizzjoni – Revoka – Rettifika ta’ żbalji materjali – Att ineżistenti – Ammissibbiltà tal-appelli ppreżentati quddiem il-Bord tal-Appell – Terminu għall-preżentata tal-appell – Aspettattivi leġittimi – Artikoli 59, 60a, 63 u 77a tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li saru l-Artikoli 60, 62, 65 u 80 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009] – Regola 53 tar-Regolament (KE) Nru 2868/95”

Fil-Kawża T‑36/09,

dm-drogerie markt GmbH & Co. KG, stabbilita f’Karlsruhe (il‑Ġermanja), irrappreżentata minn O. Bludovsky u C. Mellein, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), inizjalment irrappreżentat minn J. Novais Gonçalves, sussegwentement minn G. Schneider, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI kienet

Distribuciones Mylar, SA, stabbilita f’Gelves (Spanja),

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI, tat-30 ta’ Ottubru 2008 (Każ R 228/2008‑1), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Distribuciones Mylar, SA u dm-drogerie markt GmbH & Co. KG,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn J. Azizi, President, E. Cremona u S. Frimodt Nielsen (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Jannar 2009,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Mejju 2009,

wara li rat id-deċiżjoni tal-1 ta’ Lulju 2009 li ma tawtorizzax il-preżentata ta’ replika,

wara li rat id-domandi bil-miktub tal-Qorti Ġenerali lill-partijiet,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ April 2011,

wara li rat in-nuqqas ta’ talba għall-iffisar ta’ seduta ppreżentata mill-partijiet fit-terminu ta’ xahar min-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub u peress li b’hekk iddeċidiet, wara rapport tal-Imħallef Relatur u skont l-Artikolu 135a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tiddeċiedi mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146) kif emendat [issotitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)] jipprovdi, fil-ħdax u fit-tnax-il premessa tiegħu (li saru l-premessi 12 u 13 tar-Regolament Nru 207/2009), kif ġej:

“Billi huma meħtieġa fuq livell Komunitarju miżuri amminstrattivi sabiex tiġi implimentata l-liġi tat-trade marks maħluqa minn dan ir-Regolament fir-rigward ta’ kull trade mark; billi huwa għalhekk essenzjali, li filwaqt li tinżamm l-istruttura istituzzjonali u l-bilanċ ta’ poteri Komunitarji eżistenti, jiġi stabbilit Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u diżinjali) li jkun indipendenti fir-rigward ta’ suġġetti tekniċi u li jgawdi awtonomija legali, amministrativa u finanzjarja; billi għal dan l-iskop huwa neċessarju u xieraq li jkun organu tal-Komunità b’personalità ġuridika u li jeżerċita l-poteri ta’ implimentazzjoni mogħtija lilu minn dan ir-Regolament, u li għandu jopera fil-qafas talliġi Komunitarja mingħajr ma jnaqqas mill-kompetenzi eżerċitati millistituzzjonijiet Komunitarji;

Billi huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-partijiet affettwati minn deċiżjonijiet ta’ l-Uffiċċju jkunu protetti mill-liġi b’mod li jkun jixraq in-natura speċjali tal-liġi tat-trade marks; billi għandu jkun hemm dritt ta’ appell mid-deċiżjonijiet ta’ l-eżaminaturi u tad-diversi diviżjonijiet ta’ l-Uffiċċju; billi jekk department ma jirrettifikax deċiżjoni tiegħu li tkun ġiet ikkontestata, dan għandu jirrinvija l-appell lill-Bord ta’ l-Appell ta’ l-Uffiċċju, li għandu l-kompetenza li jiddeċiedi; billi d-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ l-Appell huma soġġetti għal azzjoni quddiem il-Qorti talĠustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, li għandha ġurisdizzjoni sabiex tannulla jew tbiddel id-deċiżjoni kontestata”;

2        L-Artikolu 60a tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 207/2009), fir-redazzjoni tiegħu li saret mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 422/2004, tad-19 ta’ Frar 2004, li temenda r-Regolament Nru 40/94 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 3), jissostitwixxi r-rimedju msemmi fit-tnax-il premessa tar-Regolament Nru 40/94, li jgħid li “jekk department ma jirrettifikax deċiżjoni tiegħu li tkun ġiet ikkontestata, dan għandu jirrinvija l-appell lill-Bord ta’ l-Appell ta’ l-Uffiċċju, li għandu l-kompetenza li jiddeċiedi”. L-Artikolu 60a tar-Regolament Nru 40/94 jistabbilixxi:

“1.      Jekk parti li tkun ippreżentat appell hija ikollha l-opposizzjoni minn parti oħra, u jekk id-dipartiment li d-deċiżjoni tiegħu hija kkontestata jikkonsidra li l-appell huwa ammessibbli kif ukoll ben fondat, dan għandu jirrettifika d-deċiżjoni tiegħu.

2.      Id-deċiżjoni tista tkun rettifikata biss jekk id-dipertiment li d-deċiżjoni tiegħu hija ikkontastata, jinnotifika lill-parti l-oħra bl-intenzjoni tiegħu li jwettaq ir-rettifika, u dik il-parti taċċetta dan fi żmien xahrejn mid-data li fiha hija tirċievi n-notifika.

3.      Jekk, fi żmien xahrejn minn meta tirċievi n-notifika referuta fil-paragrafu 2, il-parti l-oħra ma taċċettax li d-deċiżjoni ikkontastata għandha tkun rettifikata u tagħmel dikjarazzjoni għal dak il-għan jew ma tagħmilx xi dikjarazzjoni matul il-perijodu stabbilit, l-appell għandu jkun rimess mingħajr dewmien lejn il-Board ta’ l-Appell, u mingħajr kumment dwar il-meritu tiegħu.

4.      B’dana kollu, jekk id-dipartiment li d-deċiżjoni tiegħu hija ikkontentestata ma jikkonsidrax li l-appell huwa ammessibbli u ben fondat fi żmien xahar wieħed wara l-wassla ta’ l-istqarrija fuq il-bażi, dan għandu, minflok li jieħu l-miżuri li hemm provvediment dwarhom fil-paragrafi 2 u 3, jibgħat lura mingħajr dewmien l-appell lejn il-Board ta’ l-Appell, u mingħajr kumment dwar il-meritu tiegħu.”

3        L-Artikolu 77a tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 207/2009), li ġie introdott ukoll permezz tar-Regolament Nru 422/2004, jipprovdi:

“1.      Meta l-Uffiċċju jkun daħħal fir-reġistru jew anki jkun ħa deċiżjoni li jkun fiha żball proċedurali ovvju attribwibbli għall-Uffiċċju, dan għandu jassigura li d-dħul ikun ikkanċellat jew li d-deċiżjoni tkun revokata. Meta jkun hemm parti waħda biss għall-proċedimenti u d-dħul jew l-att jaffettwa d-drittijiet tagħha, il-kanċellament jew ir-revoka għandhom ikunu determinati anki jekk l-iżball ma jkunx evidenti għall-parti.

2.      Kanċellament jew revoka kif referut fil-paragrafu 1 għandu jkun determinat, ex officio jew mat-talba ta’ waħda mill-partijiet għall-proċedimenti, mid-dipartiment li jkun għamel id-dħul jew li jkun ħa d-deċiżjoni. Il-kanċellament jew ir-revoka għandhom ikunu determinati fi żmien sitt xhur mid-data li fiha d-dħul ikun seħħ fir-Reġistru jew minn meta d-deċiżjoni tkun ittieħdet, wara konsultazzjoni mal-partijiet tal-proċedimenti u kwalunkwe propjetarju ta’ drittijiet ta’ trade-mark tal-Komunità f’dak il-każ ikunu mdaħħla fir-Reġistru.

3.      Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-partijiet li jippreżentaw appell permezz ta’ l-Artikoli 57 u 63, jew għall-possibbiltà, permezz tal-proċeduri u l-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament ta’ l-Implementazzjoni referut fl-Artikolu 157(1), li jikkorreġi xi żballji lingwistċi jew żballji ta’ transkrizzjoni u żballji ovvji fid-deċiżjonijiet ta’ l-Uffiċċju jew żbalji attribwibbli għall-Uffiċċju fir-reġistrazzjoni tat-trade-mark jew fil-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni tagħha.”

4        Ir-Regola 53 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), li jagħmel riferiment għaliha l-Artikolu 77a(3) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 80(3) tar-Regolament Nru 207/2009), jipprovdi:

“Fejn l-Uffiċċju jinduna, bl-inizjattiva tiegħu jew bl-inizjattiva ta’ parti fil-proċedimenti bi żball lingwistiku, żball ta’ traskrizzjoni jew żball ovvju ta’ deċiżjoni, għandu jiżgura li l-iżball jissewwa mid-dipartiment jew diviżjoni responsabbli.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

5        Fit-13 ta’ Awwissu 2004, ir-rikorrenti, dm-drogerie markt GmbH & Co. KG, ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), bis-saħħa tar-Regolament Nru 40/94.

6        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali dm.

7        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jaqgħu, b’mod partikolari, taħt il-klassijiet 9 u 16 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti:

–        klassi 9: “Batteriiji, nuċċalijiet, films stampati, apparat tal-fotografija, tejps awdjo u vidjo, memorja għall-kameras diġitali u għal tagħmir ta’ ipproċessar tad-data, apparat ta’ kejl, termometri, protetturi għal plaggs jew sokits, tagħmir ta’ reġistrazzjoni elettriku, kameras, CD burners, apparat ta’ reġistrazzjoni, ta’ trażmissjoni u ta’ riproduzzjoni awdjo-viżiv, printers tal-kompjuter”;

–        klassi 16: “Karti, kartun; kartolerija, karta, srievet tal-karta jew taċ-ċelluloża, ħrieqi tal-karta jew taċ-ċelluloża, kolla għal karti u għal kartolerija jew għad-dar, kantunieri għar-ritratti, albums tar-ritratti, films tal-plastik għall-ippakkjar, boroż taż-żibel tal-karta jew tal-plastik, boroż tal-ippakkjar, boroż, basktijiet tal-karta jew tal-plastik, folji tal-metall għall-ippakkjar u għat-tgeżwir, srievet tal-karta”.

8        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil‑Bulettin tat‑trade marks Komunitarji Nru 19/2005, tad-9 ta’ Mejju 2004.

9        Fis-26 ta’ Lulju 2005, l-opponenti, Distribuciones Mylar, SA, għamlet oppożizzjoni, skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94, (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009), kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark indikata għall-prodotti msemmija fil-punt 7 iktar ’il fuq.

10      L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade mark figurattiva Spanjola preċedenti Nru 2561742, ippreżentata fit-13 ta’ Ottubru 2003 u rreġistrata fid-19 ta’ Awwissu 2004, irrappreżentata kif ġej:

Image not found

11      L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq il-prodotti u s-servizzi kollha li għalihom it-trade mark preċedenti kienet ġiet irreġistrata, li jaqgħu taħt il-klassijiet 9 u 39 u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 9: “Cash registers, magni li jikkalkulaw, tagħmir għall-ipproċessar tad-data u kompjuters”;

–        klassi 39: “Trasport, ippakkjar, ħażna u distribuzzjoni ta’ komponenti tal-kompjuter, materjal stampat u oġġetti tal-kartolerija”.

12      Il-motiv invokat insostenn tal-oppożizzjoni kien dak stabbilit fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009].

13      Ir-rikorrenti ma ppreżentatx osservazzjonijiet quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

14      F’deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007, innotifikata fl-istess ġurnata lir-rikorrenti, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħet l-oppożizzjoni fir-rigward tal-prodotti fil-klassi 9 msemmija fil-punt 7 iktar ’il fuq, bl-eċċezzjoni tan-nuċċalijiet u tat-termometri. Madankollu, l-oppożizzjoni ġiet miċħuda għan-nuċċalijiet u għat-termometri fil-klassi 9 u għall-prodotti kollha fil-klassi 16.

15      Fir-rigward tal-films stampati, u tat-tejps awdjo u vidjo, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni indikat kif ġej: (p. 4, l-ewwel u t-tielet subparagrafi):

“[…]Dan il-livell ta’ xebh jinsab ukoll ikkonstatat rigward it-tejps awdjo-viżivi sa fejn jinkludu t-tejps diġitali u jistgħu jintużaw fil-vidjo-kameras diġitali. Barra minn hekk, xi apparat jippermetti li jikkonverti tejps analog għal DVD diġitali.

[…]

Madankollu, il-punti ta’ korrispondenza msemmija hawn fuq ma humiex suffiċjenti sabiex ikunu simili l-films stampati u t-tejps awdjo-viżivi, minn naħa, u kwalunkwe wiħed mill-prodotti tal-opponenti, min-naħa l-oħra. Meta jiġi kkunsidrat dan kollu, il-prodotti bħal films stampati, li huma użati bl-apparat li jissostitwixxu tradizzjonalment il-kameras diġitali jew it-tagħmir bħall-tejpos awdjo-viżivi, li huma tradizzjonali għal [sic]”.

16      Sussegwentement, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kkonstatat li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u dik tal-opponenti għall-prodotti kollha li jistgħu jiġu kkunsidrati simili, inklużi dawk ikkunsidrati li għandhom xebh limitat. Konsegwentement, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ġiet irrifjutata għal dawn il-prodotti, inklużi l-films stampati kif ukoll it-tejps awdjo-viżivi.

17      Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Ġunju 2007, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni għarrfet lill-partijiet li hija kellha l-intenzjoni, abbażi tal-Artikolu 77a tar-Regolament Nru 40/94, li tirrevoka d-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007, minħabba żball proċedurali manifest, li jikkonsisti fin-nuqqas ta’ pparagunar komprensiv ta’ listi ta’ prodotti u ta’ servizzi. Il-partijiet ġew mistiedna jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar l-opprtunità ta’ din ir-revoka f’terminu ta’ xahrejn.

18      Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Lulju 2007, li l-UASI rċieva fl-24 ta’ Lulju 2007. F’din l-ittra, hija sostniet li l-opponenti ma kinitx stabbilixxiet b’mod suffiċjenti l-eżistenza tad-dritt tagħha preċedenti u li l-prodotti koperti mit-trade marks inkwistjoni ma kinux jixxiebhu. Barra minn hekk, hija indikat kif ġej:

“Ir-rikorrenti hija kuntenta bl-intenzjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li tirrevoka d-deċiżjoni tagħha tas-16 ta’ Mejju 2007, peress li l-appell li hija kellha l-intenzjoni li tippreżenta kontra din id-deċiżjoni jista’ eventwalment jiġi evitat.”

19      Fis-26 ta’ Novembru 2007, membru tal-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni bagħat ittra lill-partijiet li fiha ġie indikat kif ġej:

“L-[UASI] finalment ikkunsidra li d-deċiżjoni tiegħu tas-16 ta’ Mejju 2007 ma fiha ebda żball proċedurali manifest. Għaldaqstant, l-Artikolu 77a ma għandux jiġi applikat f’dan il-każ. Madankollu, din id-deċiżjoni kellha żball manifest fil-paġna 4 li l-[UASI] kkoreġa skont l-Artikolu 53 tar-[Regolament Nru 2868/95]. Din il-korrezzjoni ma tbiddilx ir-riżultat tad-deċiżjoni.”

20      Flimkien ma’ din l-ittra kien hemm mehmuża verżjoni emendata tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007 (iktar ’il quddiem il-“verżjoni emendata tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007”). Din il-verżjoni l-ġdida tad-deċiżjoni għandha l-istess data bħall-verżjoni inizjali u għandha l-istess dispożittiv. F’din il-verżjoni l-ġdida, it-tielet paragrafu fil-paġna 4 tal-verżjoni inizjali oriġinali (ara l-punt 15 iktar ’il fuq) ġiet sostitwita mill-paragrafu li ġej:

“Il-materjal ta’ ipproċessar ta’ data tal-oppoenti jkopri kategorija wiesgħa ta’ prodotti li jinkludu, b’mod partikoalri, l-apparat li minn film stampat jista’ jaqra l-informazzjoni ta’ stampa li jinkludi dan il-film u jaqilbhom f’informazzjoni diġitali ottika jew elettrika (u viċi-versa). Dan l-apparat jista’ jinbigħ fil-ħwienet li jispeċjalizzaw fil-fotografija lil professjonisti kif ukoll lil dilettanti. Meta jiġi kkunsidrat dan, l-[UASI] jikkunsidra li hemm livell ta’ xebh limitat bejn il-films stampati u l-ipproċessar ta’ data.”

21      Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Novembru 2007, l-opponenti talbet sabiex il-partijiet fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni jkunu jistgħu jibbenefikaw minn terminu sabiex jippreżentaw appell kontra d-deċiżjoni rrettifikata.

22      Fid-19 ta’ Diċembru 2007, membru tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kiteb lill-partijiet f’dawn it-termini:

“Jekk jogħġbok innota li l-[UASI] jikkunsidra li [l-verżjoni emendata tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007] tikkostitwixxi deċiżjoni li tista’ tiġi appellata u, għaldaqstant, skont l-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 40/94, kull parti fi proċedura li wasslet għal deċiżjoni tista’ tappella kontra din id-deċiżjoni sa fejn din tal-aħħar ma tkunx laqgħet it-talbiet tagħha. Skont l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, l-appell għandu jsir bil-miktub quddiem l-[UASI] f’terminu ta’ xahrejn mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni (jiġifieri s-26 ta’ Novembru 2007) u nota li tispjega l-aggravji għandha tiġi ppreżentata bil-miktub f’terminu ta’ erba’ xhur minn din l-istess data. L-appell għandu jitqies li ġie ppreżentat biss meta titħallas it-taxxa tal-appell ta’ EUR 800.”

23      Fl-24 ta’ Jannar 2008, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94 (li saru l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009), li huwa intiż, minn naħa, għall-annullament tal-“verżjoni modifikata tad-deċiżjoni [tad-Diviżjoni] tal-Oppożizzjoni tas-16 ta’ Mejju 2007” u, min-naħa l-oħra, għaċ-ċaħda tal-oppożizzjoni kollha kemm hi.

24      Ir-rikorrenti spjegat l-aggravji tagħha f’nota ppreżentata fis-17 ta’ Marzu 2008. Ir-rikorrenti, b’mod partikolari, invokat l-ilmenti li ġejjin. L-ewwel nett, l-emendi magħmula għad-deċiżjoni inizjali ma jaqgħux taħt il-korrezzjoni ta’ żbalji manifesti. Fil-fatt, dawn l-emendi kienu jikkonsistu f’li tiġi ssostitwita motivazzjoni kontradittorja u, parzjalment, inkomprensibbli, permezz ta’ argumenti ġodda. It-tieni nett, il-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti ma humiex simili. It-tielet nett, l-opponenti ma stabbilixxietx li hija kienet il-proprjetarja tat-trade mark li fuqha kienet ibbażata l-oppożizzjoni.

25      L-opponenti ma ppreżentatx osservazzjonijiet fuq l-appell.

26      Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Ottubru 2008 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), innotifikata lir-rikorrenti fl-14 ta’ Novembru 2008, l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell bħala inammissibbli.

27      Fl-ewwel lok, huwa kkunsidra li d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, fil-verżjoni tagħha nnotifikata fis-16 ta’ Mejju 2007, ma kinitx suġġetta għal appell fit-terminu pprovdut fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009) u kienet, għalhekk, saret definittiva.

28      L-ittra tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tat-8 ta’ Ġunju 2007 li tistieden lill-partijiet sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar ir-revoka ta’ din id-deċiżjoni ma kellhiex l-effett li tissospendi t-terminu għall-preżentata tal-appell.

29      Ir-risposta tar-rikorrenti għal din l-ittra ma tistax tiġi kkunsidrata bħala appell kontra din id-deċiżjoni. Fi kwalunkwe każ, din ir-risposta, li waslet għand l-UASI fl-24 ta’ Lulju 2007, kienet ġiet ippreżentata wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata tal-appell ta’ xahrejn li jibda min-notifika tad-deċiżjoni.

30      Il-Bord tal-Appell qies ukoll li d-diffikultajiet ta’ komprensjoni maħluqa mill-verżjoni inizjali tad-deċiżjoni ma jipprekludux lir-rikorrenti milli tippreżenta appell, iżda għandhom, għall-kuntrarju, iħeġġuha.

31      L-appell tar-rikorrent kontra d-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007 fil-forma oriġinali tiegħu, ippreżentat fl-24 ta’ Jannar 2008, huwa għaldaqstant tardiv u għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

32      Fit-tieni lok, il-Bord tal-Appell irrikonoxxa li r-rettifika tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007 kienet att li jista’ jaffettwa l-interessi tar-rikorrenti billi tbiddel b’mod sinjfikattiv il-pożizzjoni legali tiegħu.

33      Madankollu, ir-rettifika inkwistjoni f’dan il-każ ma wassalx għal preġudizzju għall-interessi tal-partijiet fis-sens tal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 207/2009). Il-verżjoni emendata tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007 għandha l-istess dispożittiv bħall-verżjoni inizjali. B’hekk, ir-rettifika inkwistjoni, sempliċement peress li tiġġustifika d-dispożittiv tad-deċiżjon inizjali, ma kkawżatx preġudizzju lir-rikorrenti. Konsegwentement, il-verżjoni emendata tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007 ma hijiex att li jista’ jiġi kkontestat.

34      Barra minn hekk, meta ddeċidiet li tagħmel ir-rettifika ta’ żbalji materjali pprovduta mir-Regola 53 tar-Regolament Nru 2868/95, pjuttost milli r-revoka pprovduta fl-Artikolu 77a tar-Regolament Nru 40/94 jew ir-reviżjoni skont l-Artikolu 60a ta’ dan l-aħħar regolament, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ma ssostitwixxietx id-deċiżjoni inizjali permezz ta’ deċiżjoni ġdida.

35      Konsegwentement, l-appell kien ukoll miċħud bħala inammissibbli anki sa fejn sar kontra l-verżjoni emendata tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007.

 It-talbiet tal-partijiet

36      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        prinċipalment, tiċħad l-oppożizzjoni fl-intier tagħha, sussidjarjament, terġa’ tibgħat il-kawża quddiem l-UASI;

–        tikkundanna lill-opponenti għall-ispejjeż.

37      L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

38      F’dan ir-rikors, ir-rikorrenti ssostni li kien b’mod żbaljat li l-Bord tal-Appell ċaħad l-appell tagħha bħala inammissibbli u titlob, permezz tal-ewwel kap tat-talbiet tagħha, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Ir-rikorrenti titlob, barra minn hekk, lill-Qorti Ġenerali sabiex tiċħad kompletament l-oppożizzjoni jew, sussidjarjament, li terġa’ tibgħat il-kawża quddiem l-UASI.

 F’dak li jirrigwarda t-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

 L-argumenti tal-partijiet

39      Ir-rikorrenti ssostni li huwa b’mod żbaljat li l-Bord tal-Appell ikkunsidra l-appell tagħha bħala inammissibbli.

40      L-ewwel nett, l-osservazzjonijiet li hija ppreżentat fit-23 ta’ Lulju 2007, b’risposta għall-ittra tat-8 ta’ Ġunju 2007, li fiha d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kienet għarrfet lill-partijiet bl-intenzjoni tagħha li tirrevoka d-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007, kellhom l-effett li jissospendu t-terminu għall-preżentata tal-appell kontra din id-deċiżjoni.

41      Skont ir-rikorrenti, ikun illoġiku, fil-fatt, u inġust għal kull kwalunkwe parti aggravata minn deċiżjoni li jkollha tippreżenta appell kontra din id-deċiżjoni meta din hija suġġetta, b’mod parallel, għal proċedimenti ta’ revoka. Soluzzjoni kuntrarja jkollha bħala konsegwenza l-koeżistenza ta’ żewġ proċeduri distinti, ipproċessati minn żewġ korpi separati tal-UASI, li tista’ twassal għal riżultati differenti. Barra minn hekk, ir-revoka tad-deċiżjoni, jekk ikun il-każ, ikollha l-effett li ċċaħħad l-appell minn kull utilità.

42      Għaldaqstant għandu jiġi kkunsidrat li l-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ revoka intervenjenti fit-terminu għall-preżentata tal-appell li sar kontra din id-deċiżjoni għandu l-effett li jissospendi l-imsemmi terminu.

43      It-tieni nett, fil-każ li l-ftuħ ta’ proċedura ta’ reviżjoni f’din il-kawża ma jkunx wassal għas-sospensjoni tat-terminu għall-preżentata tal-appell, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kien jirrikjedi li l-partijiet ikunu notifikati u li huma jkunu informati bin-neċessità li jippreżentaw appell distint quddiem il-Bord tal-Appell.

44      It-tielet nett, il-Bord tal-Appell ma kienx fondat li jippretendi li n-notifika tal-verżjoni emendata tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007, ma kinitx, f’dan il-każ, att li jista’ jiġi kkontestat, peress li dan l-att ma kienx wassal għal riżultat differenti minn dak dikjarat fil-verżjoni inizjali ta’ din id-deċiżjoni. F’dan il-każ, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-verżjoni emendata tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007 tissostitwixxi motivi ġodda għall-motivi kontradittorji u, parzjalment inkomprensibbli li jinsabu fil-verżjoni inizjali. Issa, minn naħa, ikun impossibbli li jsir appell kontra deċiżjoni vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni. Min-naħa l-oħra, il-partijiet tad-deċiżjoni li fuqhom hija bbażata l-emenda għandhom ikunu suġġetti ta’ appell. L-UASI għalhekk jaqbel mal-pożizzjoni tar-rikorrenti, kif jirriżulta kemm mill-indikazzjoni tat-terminu ta’ appell li tinsab fil-verżjoni emendata tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007 kif ukoll mit-termini tal-ittra tad-19 ta’ Diċembru 2007 (ara l-punt 22 iktar ’il fuq).

45      Ir-raba’ nett, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kien jirrikjedi, f’dan il-każ, li l-appell jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli mill-Bord tal-Appell. Fil-fatt, l-UASI, b’mod ċar u espressament, indika darbtejn (ara l-punt 44 iktar ’il fuq) li l-verżjoni emendata tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007 kienet att li jista’ jiġi kkontestat. Għaldaqstant l-UASI kien obbligat li jikkonforma ruħu mal-indikazzjonijiet tiegħu stess.

46      Għalkemm jikkunsidra li ġustament il-Bord tal-Appell ċaħad l-appell bħala inammissibbli, l-UASI jibda billi jfakkar l-irregolaritajiet imwettqa f’dan il-każ mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

47      L-ewwel nett, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007 hija difettuża, b’mod partikolari għandha raġunament kontradittorju u sentenza mhux mitmuma.

48      It-tieni nett, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni fetħet il-proċedimenti għal revoka msemmija fl-Artikolu 77a tar-Regolament Nru 40/94, minkejja li ma kien twettaq l-ebda żball proċedurali manifest.

49      It-tielet nett, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni applikat ir-Regola 53 tar-Regolament Nru 2868/95, li jippermetti r-rettifika ta’ żbalji materjali, filwaqt li l-emendi magħmula għall-verżjoni inizjali tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007 ma jaqgħux taħt il-korrezzjoni ta’ żbalji manifesti bħall-iżbalji lingwistiċi, żbalji ta’ traskrizzjoni jew tipi oħra ta’ żbalji li r-rettifika tagħhom hija evidenti, fis-sens li ebda test ieħor ħlief dak li jirriżulta mir-rettifika ma seta’ jiġi kkunsidrat. Kif indika ġustament il-Bord tal-Appell, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, fl-ittra tas-26 ta’ Novembru 2007, kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha skont l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009) billi ma speċifikatx liema kienu l-iżbalji materjali li għalihom kienet neċessarja r-rettifika.

50      Ir-raba’ nett, kif il-Bord tal-Appell irrileva wkoll, l-ittra tas-26 ta’ Novembru 2007 kienet iffirmata minn membru wieħed ta’ din id-diviżjoni, bi ksur tar-Regola 100 tar-Regolament Nru 2868/95.

51      Madankollu, il-Bord tal-Appell ġustament ċaħad bħala inammissibbli l-appell ippreżentat mir-rikorrenti kontra l-verżjoni emendata tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007 sa fejn, in-notifika lir-rikorrenti tal-ittra tat-8 ta’ Ġunju 2007 li tistieden lill-partijiet sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar ir-revoka eventwali tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007 ma għandhiex l-effett li tissospendi t-terminu ta’ appell disponibbli kontra din id-deċiżjoni fejn ir-rikorrenti ma għandhiex dritt li f’dan il-każ tibbaża ruħha fuq il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u fejn il-verżjoni emendata tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007 ma taffettwax is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti u ma tikkostitwixxix, għalhekk, att li jista’ jiġi kkontestat.

52      Fl-ewwel lok, l-UASI jsostni li mill-Artikolu 77a(3) tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li l-bidu tal-proċedimenti għal revoka pprovduti f’dan l-artikolu ma għandux l-effett li jissospendi t-terminu għall-preżentata tal-appell disponibbli kontra deċiżjoni skont l-Artikolu 59 tal-istess regolament.

53      Barra minn hekk, l-UASI ma tistax tkun obbligata li tavża lill-partijiet bin-nuqqas ta’ sospensjoni tat-terminu għall-preżentata tal-appell fil-każ tal-bidu ta’ proċedimenti ta’ revoka.

54      Issa, ir-rikorrenti ma ppreżentatx appell kontra d-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007 fit-terminu ta’ xahrejn wara n-notifika. L-appell ippreżentat mir-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell għaldaqstant kien intiż sabiex jerġa’ jeżamina deċiżjoni li saret definittiva, liema ħaġa hija ma setgħetx tagħmel.

55      Fit-tieni lok ir-rikorrenti ma tistax f’dan il-każ tibbaża ruħha fuq il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

56      L-ewwel nett, ir-rikorrenti kienet avżata, waqt in-notifika tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007, li seħħet fl-istess jum, li hija kellha terminu ta’ xahrejn sabiex tappella kontra din id-deċiżjoni.

57      It-tieni nett, il-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ revoka mhux neċessarjament iwassal għar-revoka maħsuba. Fiċ-ċirkustanzi tal-każ, ir-rikorrenti kellha iżjed raġuni li tiddubita li d-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007 tista’ tiġi rrevokata milli li tiddubita li l-vizzji ta’ din id-deċiżjoni ma jikkonsistux biss fi żbalji proċedurali manifesti. Għaldaqstant hija ma setgħetx b’mod leġittimu tistenna li d-deċiżjoni inkwistjoni tiġi rrevokata b’ammont ta’ ċertezza tali li tista’ tirrinunzja b’ċerta kunfidenza milli tippreżenta appell kontra ċ-ċaħda parzjali tat-talba tagħha ta’ reġistrazzjoni.

58      Fit-tielet lok, ir-rettifika li għamlet id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni f’dan il-każ ma affettwatx is-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrenti, peress li l-portata taċ-ċaħda tat-talba għal reġistrazzjoni ppreżentata mir-rikorrenti baqgħet ma nbidlitx.

59      Għaldaqstant, skont l-UASI, il-Bord tal-Appell kien obbligat, kif għamel, li jiċħad l-appell tar-rikorrenti bħala inammissibbli.

60      Bħala konklużjoni, l-UASI huwa tal-fehma li l-Bord tal-Appell ma wettaq ebda żball ta’ liġi u li dan ir-rikors għandu jinċaħad. Madankollu, huwa ma joġġezzjonax li l-Qorti Ġenerali, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni żbalji proċedurali mwettqa mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, tiddeċiedi skont l-ekwità.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–       Fir-rigward tal-possibbiltà li jiġi ppreżentat appell kontra l-verżjoni emendata tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007

61      Mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 57 u 58 tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li d-deċiżjonijiet tad-Diviżjonijiet tal-Oppożizzjoni li jtemmu proċedimenti ta’ oppożizzjoni jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell quddiem il-Bordijiet tal-Appell tal-UASI mill-partijiet għat-talbiet li dawn id-deċiżjonijiet ma jkunux laqgħu.

62      Fl-appell li ppreżentat quddiem il-Bord tal-Appell, ir-rikorrenti talbet l-annullament tal-“verżjoni emendata tad-deċiżjoni [tad-Diviżjoni] tal-Oppożizzjoni tas-16 ta’ Mejju 2007”, kif ukoll ir-rifjut tal-oppożizzjoni kollha kemm hi.

63      Peress li dan l-appell ġie miċħud bħala inammissibbli fid-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tannulla din id-deċiżjoni.

64      Sabiex tasal għall-konklużjoni li waslet għaliha fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell, essenzjalment, qies li, minn naħa, fin-nuqqas li tippreżenta appell fit-terminu miftuħ min-notifika tal-verżjoni inizjali tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007, ir-rikorrenti ma kellhiex iktar dritt li tikkontesta din id-deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, peress li r-rettifika li saret mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ma kinitx bidlet il-portata tad-drittijiet ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni mir-rikorrenti, il-verżjoni emendata tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007 ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat.

65      Insostenn ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti tikkontesta dawn iż-żewġ evalwazzjonijiet.

66      Għaldaqstant, qabel kollox, għandu jiġi eżaminat jekk il-kwistjoni dwar jekk il-verżjoni emendata tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007 tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat quddiem il-Bord tal-Appell. Konsegwentement huwa neċessarju, preliminarjament, li tiġi ddeterminata l-portata tal-emendi li saru mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni fil-verżjoni inizjali tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007.

67      Il-verżjoni inizjali tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007 għandha, fil-paġna 4, paragrafu redatt kif ġej:

“[…]Dan il-livell ta’ xebh jinsab ukoll ikkonstatat rigward it-tejps awdjo-viżivi sa fejn jinkludu t-tejps diġitali u jistgħu jintużaw fil-vidjo-kameras diġitali. Barra minn hekk, xi apparat jippermetti li jikkonverti tejps analog għal DVDs diġitali.”

68      Fl-istess paġna, madankollu, jinsabu wkoll il-paragrafu li ġej, riprodott kollu kemm hu:

“Madankollu, il-punti ta’ korrispondenza msemmija hawn fuq ma humiex suffiċjenti sabiex ikunu simili l-films stampati u t-tejps awdjo-viżivi, minn naħa, u kwalunkwe wieħed mill-prodotti tal-opponenti, min-naħa l-oħra. Meta jiġi kkunsidrat dan kollu, il-prodotti bħal films stampati, li huma wżati bl-apparat li jissostitwixxu tradizzjonalment il-kameras diġitali jew it-tagħmir bħat-tejps awdjo-viżivi, li huma tradizzjonali għal [sic]”

69      Fir-redazzjoni inizjali tagħha, id-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007 kellha evalwazzjoni kontradittorja dwar jekk it-tejps awdjo-viżivi u l-prodotti koperti mit-trade mark tal-opponenti kinux simili. Barra minn hekk, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kienet tikkunsidra li l-films stampati u l-prodotti li għalihom it-trade mark tal-opponenti kienet ġiet irreġistrata ma kinux simili. Madankollu, l-oppożizzjoni ntlaqgħet u, konsegwentement, l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni mressqa mir-rikorrenti ġiet miċħuda, kemm għat-tejps awdjo-viżivi kif ukoll għall-films stampati.

70      Ir-rettifika tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007 li saret mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kienet tikkonsisti f’li tissostitwixxi l-klawżola msemmija fil-punt 68 hawn fuq bil-paragrafu li ġej:

“Il-materjal ta’ ipproċessar ta’ data tal-oppoenti jkopri kategorija wiesgħa ta’ prodotti li jinkludu, b’mod partikoalri, l-apparat li minn film stampat jista’ jaqra l-informazzjoni ta’ stampa li jinkludi dan il-film u jaqilbhom f’informazzjoni diġitali ottika jew elettrika (u viċi-versa). Dan l-apparat jista’ jinbigħ fil-ħwienet li jispeċjalizzaw fil-fotografija lil professjonisti kif ukoll lil dilettanti. Meta jiġi kkunsidrat dan, l-[UASI] jikkunsidra li hemm livell ta’ xebh limitat bejn il-films stampati u l-ipproċessar ta’ data.”

71      Din ir-rettifika għalhekk neħħiet il-kontradizzjoni inizjali li kienet tirrgwarda t-tejps awdjo-viżivi u kkontradixxiet l-evalwazzjoni inizjali li ma kienx hemm xebh bejn il-films stampati u l-prodotti koperti mit-trade mark tal-opponenti. Min-naħa l-oħra d-dispożittiv ma ġiex emendat.

72      Għandu jitfakkar li, wara li, inizjalment, kellha l-intenzjoni li tirrevoka d-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni aċċettat li l-kundizzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 77a tar-Regolament Nru 40/94 ma kinux sodisfatti. Fl-ittra tas-26 ta’ Novembru 2007 li takkumpanja n-notifika tal-verżjoni emendata tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007 (ara l-punt 21 iktar ’il fuq), wieħed mill-membri tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni indikat li l-verżjoni inizjali ta’ din id-deċiżjoni kienet ivvizzjata minn żball manifest, li kellu jkun rettifikat, skont l-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 2868/95.

73      Skont it-termini ta’ din id-dispożizzjoni, meta l-UASI jikkonstata, ex officio jew fuq talba ta’ waħda mill-partijiet ikkonċernati, żball lingwistiku, żball ta’ traskrizzjoni jew żball manifest f’deċiżjoni, huwa għandu jiżgura li dan in-nuqqas jew dan l-iżball jiġi kkoreġut mid-dipartiment jew mid-diviżjoni responsabbli. Minn din il-formulazzjoni jirriżulta li r-rettifiki magħmula abbażi ta’ din id-dispożizzjoni jista’ jkollhom biss l-għan li jikkoreġu l-iżbalji ortografiċi jew grammatikali, l-iżbalji ta’ traskrizzjoni – bħal, pereżempju, l-iżbalji dwar l-isem tal-partijiet jew fuq il-kitba tas-sinjali – jew żbalji li għandhom tali natura ovvja li ebda test ieħor minbarra dak li jirriżulta mill-korrezzjoni ma jista’ jiġi maħsub.

74      Issa, l-emendi li saru f’dan il-każ (ara l-punti l-punti 67 sa 71 iktar ’il fuq) kienu jikkonsistu mhux biss li sentenza mhux mitmuma li s-sens tagħha kien inkomprensibbli tiġi kkompletata, iżda wkoll li tiġi solvuta kontradizzjoni interna fil-motivi f’dak li jirrgwarda t-tejps awdjo u vidjo kif ukoll kontradizzjoni bejn il-motivi u d-dispożittiv f’dak li jirrigwarda kemm dawn il-prodotti kif ukoll il-films esposti.

75      Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li r-rettifika tal-verżjoni inizjali tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007 kienet tirrigwarda s-sustanza nnifisha ta’ din id-deċiżjoni u li għalhekk ma huwiex il-każ ta’ korrezzjoni ta’ żball materjali. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li kontradizzjoni fil-motivi ta’ deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk ċerti prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u ċerti prodotti li għalihom it-trade mark tal-opponent ġiet irreġistrata huma jew ma humiex simili tista’ wkoll tiġi solvuta kemm f’mod kif ukoll f’ieħor. Bl-istess mod, kontradizzjoni bejn il-motivi u d-dispożittiv ta’ deċiżjoni li tirriżulta mill-fatt li ċerti prodotti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u dawk tat-trade mark tal-opponenti ma humiex ikkunsidrati li jinxtiebhu, filwaqt li l-oppożizzjoni xorta waħda hija aċċettata fir-rigward ta’ dawn il-prodotti, tista’ wkoll tiġi solvuta kemm permezz tal-konstatazzjoni ta’ ċertu livell ta’ xebh bejn il-prodotti inkwistjoni kif ukoll permezz taċ-ċaħda tal-oppożizzjoni fir-rigward ta’ dawn il-prodotti.

76      Minn dan isegwi li t-test li ġie ssostitwit minflok it-test inizjali tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007 ma kienx meħtieġ b’mod evidenti u li l-emenda li saret f’dan il-każ ma tistax titqies bħala r-rettifika ta’ wieħed mit-tipi ta’ żball ipprovdut mir-Regola 53 tar-Regolament Nru 2868/95.

77      Din l-emenda lanqas ma setgħet ġiet adottata abbażi ta’ waħda mid-dispożizzjonijiet l-oħra li jippermettu lid-Diviżjonijiet tal-Oppożizzjoni sabiex jerġgħu jikkunsidraw id-deċiżjonijiet tagħhom wara l-adozzjoni u n-notifika tagħhom.

78      Fil-fatt, kif ġie rikonoxxut fl-ittra tas-26 ta’ Novembru 2007, li takkumpanja n-notifika tal-verżjoni emendata tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007, peress li l-kundizzjonijiet ipprovduti mill-Artikolu 77a tar-Regolament Nru 40/94 ma kinux ġew sodisfatti, l-ebda żball proċedurali manifest attribwibbli għall-UASI ma twettaq f’dan il-każ. Għaldaqstant id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ma setgħetx tirrevoka d-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007 u tadotta deċiżjoni oħra.

79      Id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni lanqas ma setgħet, f’dan il-każ, tuża s-setgħa tagħha li tirrevedi d-deċiżjonijiet tagħha stess ipprovduta fl-Artikolu 60a tar-Regolament Nru 40/94, peress li l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt huwa suġġett għall-preżentazzjoni ta’ appell quddiem il-Bord tal-Appell u kien paċifiku li r-rikorrenti ma kinitx ippreżentat, fit-terminu pprovdut mill-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, appell kontra l-verżjoni inizjali tad-deċiżjoni oriġinali tas-16 ta’ Mejju 2007.

80      Issa, kif ġie speċifikat fil-premessi ħdax u tnax tar-Regolament Nru 40/94, il-leġiżlatur kellu l-intenzjoni, meta adotta dan ir-regolament, li jiddefinixxi l-kompetentenzi tal-UASI u ta’ kull waħda mill-istanzi ta’ dan il-korp. B’hekk, il-mod normali ta’ tqegħid inkwistjoni tad-deċiżjonijiet tad-Diviżjonijiet tal-Oppożizzjoni kien jikkonsisti mill-eżerċizzju, mill-partijiet li l-interessi tagħhom ġew ippreġudikati minn dawn id-deċiżjonijiet, tar-rimedji pprovduti mit-Titolu VII tar-Regolament Nru 40/94 (li sar it-Titolu VII tar-Regolament Nru 207/2009). Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 40/94 jipprovdi tliet każijiet li fihom id-Diviżjonijiet tal-Oppożizzjoni jistgħu huma stess jirrevedu d-deċiżjonijiet li huma adottaw, jiġifieri l-ipoteżijiet eżaminati fil-punti 72 sa 79 iktar ’il fuq. Dawn l-ipoteżijiet għandhom natura limitattiva. Fil-fatt, mill-istruttura ġenerali tar-regoli tal-proċedura amministrattiva stabbilita mir-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li d-Diviżjonijiet tal-Oppożizzjoni bħala prinċipju jeżawrixxu l-kompetenza tagħhom meta jagħtu deċiżjoni skont l-Artikolu 43 ta’ dan ir-regolament (li sar l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 207/2009) u meta ma jkollhomx is-setgħa li jirtiraw jew jemendaw id-deċiżjonijiet adottati minnhom barra mill-każijiet ipprovduti mil-leġiżlazzjoni.

81      Madankollu, hekk kif ġie mfakkar, ir-rettifika tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007 ma kinitx tikkorrispondi, evidentement, għal rettifika ta’ żball manifest, u ma kienet taqa’ taħt ebda mill-ipoteżijiet l-oħra pprovduti mir-Regolament Nru 40/94.

82      L-emenda li saret għall-verżjoni inizjali tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007 b’hekk ġiet adottata barra l-każijiet, ipprovduti mir-Regolament Nru 40/94, li fihom id-Diviżjonijiet tal-Oppożizzjoni jistgħu jirrevedu d-deċiżjonijiet tagħhom. Din b’hekk ma kellha l-ebda bażi legali, kif, barra minn hekk, jaqblu kemm ir-rikorrenti, fl-appell tagħha quddiem il-Bord tal-Appell, kif ukoll il-Bord tal-Appell, fid-deċiżjoni kkontestata, u l-UASI, fir-risposta tagħha ppreżentata f’din il-proċedura.

83      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-atti tal-istituzzjonijiet, ta’ korpi u ta’ aġenziji tal-Unjoni Ewropea jgawdu, bħala prinċipju, minn preżunzjoni ta’ validità u għalhekk, jipproduċu effetti ġuridiċi anki jekk huma vvizzjati b’irregolaritajiet, sakemm ma jiġux annullati jew irtirati. Madankollu, bħala eċċezzjoni għal dan il-prinċipju, l-atti affettwati minn irregolarità li l-gravità tagħha tkun tant evidenti li ma tkunx tista’ tiġi ttollerata mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandhom jiġu kkunsidrati, anki ex officio, bħala li ma kellhom ebda effett ġuridiku, jiġifieri jiġu kkunsidrati bħala ġuridikament ineżistenti. Din l-eċċezzjoni hija intiża sabiex iżżomm bilanċ bejn żewġ rekwiżiti fundamentali, iżda kultant kunfliġġenti, li ordinament ġuridiku għandu jissodisfa, jiġifieri l-istabbiltà tar-relazzjonijiet legali u l-osservanza tal-legalità. Il-gravità tal-konsegwenzi ġuridiċi marbuta mal-konstatazzjoni tal-ineżistenza ta’ att tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni titlob li, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, din il-konstatazzjoni tkun limitata għal ipoteżijiet għal kollox estremi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-12 ta’ Lulju 1957, Algera et vs Assemblée commune, 7/56 u 3/57 sa 7/57, Ġabra p. 81, 122; tat-12 ta’ Mejju 1977, Hebrant vs Il-Parlament, 31/76, Ġabra p. 883, punt 23; tas-26 ta’ Frar 1987, Consorzio Cooperative d’Abruzzo vs Il-Kummissjoni, 15/85, Ġabra p. 1005, punti 10 u 11, u tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs BASF et, C‑137/92 P, Ġabra p. I‑2555, punti 48 sa 50).

84      B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi speċjali li jiġġustifikaw tali dewmien, rapport ta’ evalwazzjoni adottat b’mod definittiv mill-amministrazzjoni iktar minn ħmistax-il xahar wara l-perijodu li fih kellu jiġi redatt huwa legalment ineżistenti (Hebrant vs Il-Parlament, punt 83 iktar ’il fuq, punti 22 sa 26).

85      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija stess għandha, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, tivverifika jekk id-dispożizzjoni ta’ dritt sekondarju li ġie allegat il-ksur tagħha kinitx taqa’ taħt il-kompetenza ddelegata lill-Komunitajiet u ma kinitx, minħabba f’hekk, nieqsa minn kull bażi legali fl-ordinament Komunitarju, u dan minkejja l-fatt li d-deċiżjoni inkwistjoni ma kinitx is-suġġett ta’ rikors għal annullament fit-terminu preskritt u, għaldaqstant, saret definittiva (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Diċembru 1969, Il-Kummissjoni vs Franza, 6/69 u 11/69, Ġabra p. 523, punti 11 sa 13).

86      Dawn il-preċedenti juru li l-irregolaritajiet li jistgħu jwasslu lill-qorti tal-Unjoni tikkunsidra att bħala ġuridikament ineżistenti huma differenti mill-illegalitajiet li l-konstatazzjoni tagħhom twassal, bħala prinċipju, għall-annullament ta’ atti suġġetti għall-istħarriġ ta’ legalità pprovduta mit-Trattat mhux min-natura tagħhom iżda mill-gravità tagħhom u min-natura flagranti tagħhom. Fil-fatt, għandhom jiġu kkunsidrati bħala ġuridikament ineżistenti l-atti vvizzjati b’irregolaritajiet li l-gravità tagħhom hija evidenti sal-punt li taffettwa l-kundizzjonijiet essenzjali tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs BASF et, punt 83 iktar ’il, fuq, punti 51 u 52).

87      F’dan il-każ, kif ġie kkonstatat fil-punti 72 sa 82 iktar ’il fuq, il-verżjoni emendata tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007 kienet ivvizzjata b’irregolaritajiet fir-rigward tal-kundizzjonijiet essenzjali ta’ dan l-att, li l-gravità u n-natura flagranti tagħhom ma setgħux, fl-intier tagħhom, ma jkunux innutati la mill-partijiet fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni u lanqas mill-Bord tal-Appell.

88      Fil-fatt, il-Bord tal-Appell indika li l-membru tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li kien iffirma waħdu l-ittra li tinnotifika lir-rikorrenti bil-verżjoni emendata tad-deċiżjoni emendata tas-16 ta’ Mejju 2007 kien naqas milli jiġġustifika l-applikazzjoni f’din il-kawża tar-regola li tippermetti r-rettifika ta’ żbalji manifesti (punt 11 tad-deċiżjoni kkontestata).

89      Għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi osservat li l-UASI stess iddedika l-punti 27 sa 32 tar-risposta sabiex jirrileva, ex officio ukoll, il-gravità tal-illegalitajiet li jivvizzjaw il-verżjoni emendata tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007.

90      Bl-istess mod, fl-appell li hija ppreżentat quddiem il-Bord tal-Appell, fuq is-siltiet mid-deċiżjoni kkontestata riprodotti fil-punt 15 iktar ’il fuq, l-appellanti indikat kif ġej:

“L-evalwazzjoni tal-UASI li [l-verżjoni inizjali tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007 kienet ivvizzjata minn] ‘żball manifest’ ma tistax tiġi aċċettata.

L-eżami tal-paġna 4, li għaliha jirreferi l-UASI, turi li ċerti sentenzi bilkemm jinftehmu:

[…]

Is-siltiet iċċitati huma kontradittorji, iżda bl-ebda mod ma jikkostitwixxu żball manifest. Liema minn dawn iż-żewġ opinjonijiet għandu jiġi kkunsidrat bħala manifestament żbaljat?

Fl-aħħar nett, it-tielet [paragrafu] jieqaf fin-nofs ta’ sentenza [...] B’hekk [dan il-paragrafu] ma jistax tinftiehem.

Madankollu, meta jiġi pparagunat it-tielet [paragrafu] tal-paġna 4 tal-[verżjoni oriġinali tad-Deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007] mat-tielet [paragrafu] tal-[verżjoni emendata tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007], wieħed jikkonstata li ma hijiex is-sentenza inizjali li għandha tiġi kompletata, iżda li siltiet totalment differenti, li għandhom b’mod partikolari argumenti ġodda relatati mal-‘livell ta’ xebh limitat bejn il-films stampati u l-materjal ta’ pproċessar ta’ data’ ġew introdotti. Dawn l-argumenti ġodda [ma jikkostitwixxux il-korrezzjoni ta’] żball manifest u, konsegwentement, l-emenda fid-[deċiżjoni tad-16 ta’ Mejju 2007] ma tidhirx konformi mal-leġiżlazzjoni relatata mat-trade mark Komunitarja.”

91      B’hekk, in-natura flagranti tal-illegalitajiet li jivvizzjaw il-verżjoni emendata tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007 kienet irrilevata kemm mir-rikorrenti kif ukoll mill-Bord tal-Appell u mill-UASI matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

92      Issa, kif ġie kkonstatat fil-punt 82 iktar ’il fuq, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kienet eżawriet il-kompetenza tagħha sabiex tiddeċiedi fuq l-oppożizzjoni fid-data meta ġiet adottata, mingħajr l-ebda bażi legali, il-verżjoni emendata tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li dan il-vizzju ta’ kompetenza jikkostitwixxi irregolarità li tqiegħed inkwistjoni l-kundizzjonijiet essenzjali tal-att inkwistjoni, minkejja li l-ineżistenza tiegħu għandha tiġi kkonstatata (ara l-punt 86 iktar ’il fuq).

93      Għaldaqstant, meta ġie ppreżentat quddiemu appell kontra tali att, il-Bord tal-Appell kien obbligat li jikkonstata l-ineżistenza ġuridika tiegħu u li jiddkjarah null u bla effett, kif ukoll, barra minn hekk, aċċetta l-UASI fir-risposta tiegħu għad-domandi li saru fuq dan il-punt lill-partijiet mill-Qorti Ġenerali.

94      Minn dan isegwi, minn naħa, li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ dritt meta kien eżamina jekk il-verżjoni emendata tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007 taffettwax il-pożizzjoni ġuridika tar-rikorrenti kif ukoll meta ċaħad bħala inammissibbli l-appell kontra dan l-att u, min-naħa l-oħra, li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, ex officio, sa fejn huwa ma ddikjarax dan l-att null u bla effett.

95      Minn dak li ntqal qabel jirriżulta wkoll li l-portata tad-drittijiet ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha intalbet ir-reġistrazzjoni mir-rikorrenti kienet determinata mill-verżjoni inizjali tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007. Issa, mill-atti tal-proċess ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali mir-rikorrenti jirriżulta li kienet innotifikata fl-istess jum. Ir-rikorrenti għaldaqstant kellha, skont l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, tippreżenta appell f’terminu ta’ xahrejn minn dik id-data. Madankollu, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li ma ppreżentatx appell kontra din id-deċiżjoni qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu. Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, bħala prinċipju, ir-rikorrenti ma baqgħetx titqies ammissibbli, fid-data li fiha hija ppreżentat l-appell tagħha quddiem il-Bord tal-Appell, li tikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

96      Madankollu, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-konsegwenzi tan-notifika mill-UASI, qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ appell disponibbli bin-notifika tal-verżjoni inizjali tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007, bl-intenzjoni tagħha li tirrevoka din id-deċiżjoni kif ukoll l-argumenti li r-rikorrenti tislet mill-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

–       F’dak li jirrigwarda l-konsegwenzi tan-notifika tal-ittra tat-8 ta’ Ġunju 2007 fuq l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ appell

97      Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Ġunju 2007 (ara l-punt 17 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti ġiet informata bl-intenzjoni, min-naħa tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, sabiex tirrevoka d-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007.

98      Ir-rikorrenti ssostni li n-notifika ta’ din l-ittra, li seħħet fit-terminu għall-preżentata ta’ appell ipprovdut bin-notifika tal-verżjoni inizjali tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tevalwa l-ammissibbiltà tal-appell tagħha quddiem il-Bord tal-Appell. Ir-rikorrenti tibbaża ruħha wkoll fuq il-fatt li hija rrispondiet l-ittra tat-8 ta’ Ġunju 2007 fit-terminu mogħti lilha f’din l-ittra.

99      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li n-notifika lill-partijiet fi proċedimenti ta’ oppożizzjoni bl-intenzjoni li tirrevoka deċiżjoni, skont l-Artikolu 77a(2) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 80(2) tar-Regolament Nru 207/2009) tikkostitwixxi, għad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, miżura ta’ konsultazzjoni obbligatorja maħsuba sabiex tippermetti lill-partijiet jesprimu l-fehma tagħhom dwar in-natura ġustifikata jew le ta’ din ir-revoka u b’hekk tiċċara l-evalwazzjoni mill-UASI dwar il-punt dwar jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 77a(1) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 207/2009) humiex sodisfatti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma seta’ kellha l-ebda ċertezza, fid-dawl tal-ittra tat-8 ta’ Ġunju 2007, dwar id-deċiżjoni li l-UASI tkun ser tadotta dwar ir-revoka tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007.

100    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li mill-Artikolu 77a(3) tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li l-proċedimenti ta’ revoka jsiru mingħajr preġudizzju għal kull dritt tal-partijiet li jippreżentaw appell kontra d-deċiżjoni li r-revoka tagħha hija maħsuba.

101    Għaldaqstant u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe spjegazzjoni espressa fir-Regolament Nru 40/94, il-ftuħ, skont l-Artikolu 77a(2) ta’ dan ir-regolament, tal-konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati qabel ir-revoka ta’ deċiżjoni, ma jistax ikollha l-effett li tissospendi t-terminu għall-preżentata ta’ appell ipprovdut mill-Artikolu 59 tal-istess regolament [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Lulju 2009, Okalux vs UASI – Messe Düsseldorf (OKATECH), T‑419/07, Ġabra p. II‑2477, punt 34].

102    L-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq in-natura inkoerenti tal-koeżistenza ta’ proċedura ta’ appell u ta’ proċedimenti għal revoka għandhom, barra minn hekk, jitwarrbu.

103    L-ewwel nett, li kieku kellu jitqies li l-koeżistenza taż-żewġ proċeduri tikkostitwixxi effettivament inkoerenza, tali konstatazzjoni, fi kwalunkwe każ, ma tostakolax id-dispożizzjonijiet mingħajr kundizzjonijiet, ċari u preċiżi tal-leġiżlazzjoni kemm dwar il-kundizzjonijiet tar-revoka kif ukoll dwar it-termini applikabbli għall-preżentata ta’ appelli quddiem il-Bordijiet tal-Appell.

104    It-tieni nett, l-inkoerenza allegata ma ġietx stabbilita. Minn naħa, il-proċedimenti ta’ revoka jistgħu jitlestew malajr u għandhom jintemmu f’terminu ta’ sitt xhur li jibda jiddekorri min-notifika tad-deċiżjoni. Għalkemm huwa improbabbli, fid-dawl tat-termini ta’ proċedura applikabbli, li l-Bord tal-Appell jiddeċiedi qabel it-tmiem ta’ proċedimenti ta’ revoka, fil-każ li deċiżjoni kkonfermata mill-Bord tal-Appell tiġi revokata iktar tard, isegwi biss li deċiżjoni ġdida għandha tiġi adottata u, fil-każ li deċiżjoni tkun annullata mill-Bord tal-Appell, isegwi li l-proċedimenti għal revoka ta’ din id-deċiżjoni jsiru mingħajr skop. Min-naħa l-oħra, li kieku kellu jitqies li deċiżjoni appellata tiġi rrevokata, il-Bord tal-Appell b’hekk ikollu jikkonstata li ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar l-appell. Għaldaqstant ir-rikorrenti bl-ebda mod ma hija ġġustifikata li ssostni li l-involviment parallel ta’ proċedimenti għal revoka u l-preżentazzjoni ta’ appell kontra l-istess deċiżjoni jista’ jwassal għal riżultat inkoerenti.

105    Fl-aħħar nett, il-kontestazzjoni mir-rikorrenti tal-fondatezza tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007 fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ revoka, li huma proċedura awtonoma mill-proċedura ta’ appell ipprovduta fl-Artikoli 57 et seq tar-Regolament Nru 40/94, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala appell kontra d-deċiżjoni inkwistjoni. Fil-fatt, il-preżentata ta’ appell hija suġġetta għal rekwiżiti proċedurali – inkluż il-ħlas ta’ taxxa – u formali, li r-rikorrenti ma ssodisfatx. Fi kwalunkwe każ, u anki jekk l-ittra ta’ osservazzjonijiet tar-rikorrenti ppreżentata fit-23 ta’ Lulju 2007 tista’ tiġi kkunsidrata bħala appell kontra d-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007, tali appell kien ippreżentat barra t-terminu.

106    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma hijiex iġġustifikata li ssostni li n-notifika tal-ittra tat-8 ta’ Ġunju 2007 kellha l-effett li tissospendi t-terminu għall-preżentata ta’ appell li kien beda jiddekorri waqt in-notifika tal-verżjoni inizjali tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007.

–       F’dak li jirrigwarda l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

107    Ir-rikorrenti ssostni li hija setgħet tippreżenta appell kontra l-verżjoni emendata tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007 minħabba l-aspettattivi leġittimi li ħolqot l-ittra miktuba minn membru tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni fid-19 ta’ Diċembru 2007 (ara l-punt 22 iktar ’il fuq). Hija ssostni wkoll li l-osservanza ta’ dan il-prinċipju kien jirrikjedi li l-UASI jkun indikalu li n-notifika tal-ittra tat-8 ta’ Ġunju 2007 li tinformah bl-intenzjoni tiegħu li jirrevoka d-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007 (ara l-punt 17 hawn fuq) ma kellhiex l-effett li tissospendi t-terminu għall-preżentata ta’ appell.

108    Skont ġurisprudenza stabbilita, anki fin-nuqqas ta’ test, il-possibbilità li jiġi invokat il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi japplika għal kull individwu li fir-rigward tiegħu istituzzjoni, billi tkun tagħtu assigurazzjonijiet preċiżi, nisslet fih tamiet fondati. Tikkostitwixxi assigurazzjoni bħal dawn, tkun xi tkun il-forma li fiha tiġi kkomunikata, informazzjoni preċiża, mingħajr kundizzjonijiet u konsistenti li tkun ġejja minn sorsi awtorizzati u affidabbli [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-5 ta’ April 2006, Kachakil Amar vs UASI (Linja lonġitudinali li tispiċċa fi triangolu), T‑388/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 26, u l-ġurisprudenza ċċitata].

109    Min-naħa l-oħra, ħadd ma jista’ jinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fin-nuqqas ta’ assigurazzjonijiet preċiżi mogħtija mill-amministrazzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-14 ta’ Frar 2006, TEA-CEGOS u STG vs Il-Kummissjoni, T‑376/05 u T‑383/05, Ġabra p. II‑205, punt 88, u l-ġurisprudenza ċċitata).

110    Skont il-ġurisprudenza, parti għaldaqstant ma għandhiex id-dritt li tibbaża ruħha fuq is-silenzju tal-amministrazzjoni sabiex tinvoka l-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-ittra mibgħuta lill-partijiet fit-8 ta’ Ġunju 2007, li fiha membru tal-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni wera l-intenzjoni tiegħu li jirrevoka d-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007, ma kinitx tindika li l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ revoka ma kellhomx l-effett li jinterrompu jew li jissospendu t-terminu għall-preżentata ta’ appell ipprovdut fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94 ma jistax jiġi kkunsidrat bħala fattur li joħloq, f’moħħ ir-rikorrenti, aspettattivi fondati dwar l-interruzzjoni jew is-sospensjoni ta’ dan it-terminu, imperattiv, li l-eżistenza tiegħu barra minn hekk kien imfakkar fin-notifika tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007.

111    Huwa paċifiku, madankollu, li, permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Diċembru 2007, aġent tal-UASI kien indika lill-partijiet li l-verżjoni emendata tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007 kienet deċiżjoni li tista’ tkun suġġetta għal appell f’terminu li jibda jiddekorri min-notifika ta’ din il-verżjoni l-ġdida tad-deċiżjoni tas-16 ta Mejju 2007.

112    Għandu jiġi kkonstatat li din l-ittra kienet sempliċement tindika lill-partijiet quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li huma setgħu jippreżentaw appell kontra l-verżjoni emendata tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007 li ġiet innotifikata lilhom fis-26 ta’ Novembru 2007. Tali indikazzjoni ma tfissirx, b’mod preċiż u mingħajr kundizzjonijiet, li r-rikorrenti setgħet ukoll, f’dik id-data, tippreżenta appell kontra l-verżjoni inizjali tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007, li, kif għadu kemm ġie deċiż (ara l-punti 93 sa 95 hawn fuq), huwa l-uniku att li jipproduċi effetti legali f’din il-kawża.

113    Issa, fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma għandhiex dritt tibbaża ruħha fuq il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi sabiex tevita d-dekadenza li hija inkorriet fiha meta naqset li tippreżenta, fit-terminu għall-preżentata ta’ appell, appell kontra l-verżjoni inizjali tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007.

114    Fil-fatt, fir-rigward tal-possibbiltà li jiġi invokat il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi sabiex tiġi evitata d-dekadenza, mill-ġurisprudenza jirriżulta li appellant għandu jkun jista’ jinvoka aspettattivi bbażati fuq assigurazzjonijiet preċiżi pprovduti mill-amministrazzjoni tali li joħloq konfużjoni ammissibbli f’moħħ persuna li tkun aġixxiet in bona fide u li tkun eżerċitat id-diliġenza kollha meħtieġa minn persuna normalment prudenti (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 2000, Sodima vs Il-Kummissjoni, C‑44/00 P, Ġabra p. I‑11231, punt 50).

115    F’dan il-każ, ir-rikorrenti, fid-dawl tan-natura imperattiva tat-terminu għall-preżentata ta’ appell, li kien, barra minn hekk, ġie mfakkar lilha waqt in-notifika tal-verżjoni inizjali tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007, fin-nuqqas li jiġi ppreżentat f’dan it-terminu, anki b’mod kawtelatorju, appell kontra din id-deċiżjoni, ma wrietx id-diliġenza normalment meħtieġa sabiex tkun tista’ tibbaża ruħha fuq il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza OKATECH, punt 101 iktar ’il fuq, punt 53).

116    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma tistax issostni li l-Bord tal-Appell kien żbaljat meta ċaħad bħala inammissibbli l-appell sa fejn kien jikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni adottata mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

 F’dak li jikkonċerna t-talbiet sabiex il-Qorti Ġenerali tiċħad totalment l-oppożizzjoni

 L-argumenti tal-UASI

117    L-UASI jsostni li l-kompetenza tal-Qorti Ġenerali hija ddefinita mill-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 207/2009) u li hija tillimita ruħha, konsegwentement, għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell, li jista’ jwassal biss, jekk ikun il-każ, għall-annullament jew għar-riforma tagħhom. Għaldaqstant, it-talba tar-rikorrenti sabiex il-Qorti Ġenerali tiċħad l-oppożizzjoni hija inammissibbli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

118    Permezz tat-tieni talba tagħha, ir-rikorrenti titlob prinċipalment lill-Qorti Ġenerali, wara li tkun annullat id-deċiżjoni kkontestata, sabiex tiċħad kompletament l-oppożizzjoni mressqa mill-proprjetarju tat-trade mark figurattiva preċedenti Spanjola dm.

119    Skont l-Artikolu 63(3) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 65(3) tar-Regolament Nru 207/2009], il-qorti tal-Unjoni għandha kompetenza kemm li tannulla kif ukoll li tbiddel id-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell. F’dan ir-rigward, talba sabiex il-Qorti Ġenerali tadotta deċiżjoni li, skont parti, il-Bord tal-Appell imissu ħa, taqa’ taħt is-setgħa ta’ riforma tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell ipprovduta fl-Artikolu 63(3) tar-Regolament Nru 40/94 [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tat-12 ta’ Settembru 2007, Koipe vs UASI – Aceites del Sur (La Española), T‑363/04, Ġabra p. II‑3355, punti 29 u 30, u tal-11 ta’ Frar 2009, Bayern Innovativ vs UASI – Life Sciences Partners Perstock (LifeScience), T‑413/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 14 sa 16].

120    Madankollu, kif għadu kif ġie deċiż (ara l-punt 116 iktar ’il fuq), il-Bord tal-Appell applika korrettament ir-regoli dwar l-ammissibbiltà tal-appelli billi kkunsidra li r-rikorrenti ma kellhiex dritt li tikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni li permezz tagħha d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ddeċidiet dwar l-oppożizzjoni. Minn dan isegwi li, konsegwentement, it-talbiet tar-rikorrenti sabiex il-Qorti Ġenerali tiċħad l-imsemmija oppożizzjoni jistgħu biss jiġu miċħuda.

 F’dak li jirrigwarda t-talbiet sabiex il-Qorti Ġenerali terġa’ tibgħat il-kawża quddiem l-UASI

 L-argumenti tal-UASI

121    L-UASI jsostni li huwa obbligat li jieħu l-miżuri li timplika l-eżekuzzjoni tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 63(6) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 65(6) tar-Regolament Nru 207/2009]. Minn dan isegwi li t-talbiet għal inġunzjoni lill-UASI magħmula lill-Qorti Ġenerali huma inammissibbli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

122    Skont l-Artikolu 63(6) tar-Regolament Nru 40/94, l-UASI huwa obbligat li jieħu l-miżuri sabiex jeżegwixxi s-sentenzi tal-qorti tal-Unjoni. Minn dan isegwi li t-talbiet tar-rikorrenti, ippreżentati sussidjarjament, sabiex il-Qorti Ġenerali terġa’ tibgħat il-kawża quddiem l-UASI huma mingħajr skop u, konsegwentement, inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

123    It-talbiet tar-rikorrenti għall-kundanna tal-opponenti għall-ispejjeż jistgħu jiġu biss miċħuda, peress li din tal-aħħar ma intervjenietx quddiem il-Qorti Ġenerali.

124    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, b’applikazzjoni tal-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tikkundanna lil parti, anki jekk rebbieħa, sabiex tħallas lura lill-parti l-oħra l-ispejjeż li hija tkun ikkawżatilha u li l-Qorti Ġenerali tqis fiergħa jew vessatorji.

125    Fiċ-ċirkustanzi tal-każ, għandu jiġi kkunsidrat, l-ewwel nett, il-fatt li l-verżjoni inizjali tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007 għandha motivazzjoni inkomprensibbli, it-tieni nett, il-gravità tal-ksur kommess waqt in-notifika tal-verżjoni emendata tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2007 kif ukoll, it-tielet nett, il-fatt li r-rikorrenti kienet inċentivata tippreżenta appell quddiem il-Bord tal-Appell minħabba l-ittra li kienet indirizzata mill-UASI fid-19 ta’ Diċembru 2007. Konsegwentement, għandhom jiġu kkunsidrati vessatorji, fis-sens tal-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, l-ispejjeż kollha sostnuti mir-rikorrenti f’dan ir-rikors u li jiġi kkundannat, għal din ir-raġuni, l-UASI sabiex ibati l-ispejjeż kollha, u dan ukoll fin-nuqqas ta’ talbiet tar-rikorrenti f’dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tat-30 ta’ Ottubru 2008 (Każ R 228/2008‑1), dwar proċedimenti ta’ opppożizzjoni bejn Distribuciones Mylar, SA u dm-drogerie markt GmbH & Co. KG, hija annullata sa fejn hija ma ddikjaratx nulla u bla effett il-verżjoni emendata tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tas-16 ta’ Mejju 2007.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      L-UASI huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Azizi

Cremona

Frimodt Nielsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Settembru 2011.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.