Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-10 ta’ Ġunju 2021 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg – Il-Ġermanja) – CF, DN vs Bundesrepublik Deutschland

(Kawża C-901/19) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni fil-qasam tal-ażil u tal-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2011/95/UE – Kundizzjonijiet għall-għoti tal-protezzjoni sussidjarja – Artikolu 15(c) – Kunċett ta’ “theddid serju u individwali” kontra l-ħajja jew il-persuna ta’ persuna ċivili minħabba vjolenza indiskriminata f’każ ta’ kunflitt armat intern jew internazzjonali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi r-rekwiżit ta’ numru minimu ta’ vittmi ċivili (mejta u midrubin) fir-reġjun ikkonċernat)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: CF, DN

Konvenut: Bundesrepublik Deutschland

Dispożittiv

L-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-interpretazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fil-każ fejn persuna ċivili ma tissemmiex speċifikament minħabba elementi speċifiċi għas-sitwazzjoni personali tagħha, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ theddid serju u individwali kontra l-ħajja jew il-persuna ta’ din il-persuna ċivili minħabba “vjolenza indiskriminatorja f’każ ta’ kunflitt armat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, hija suġġetta għall-kundizzjoni li r-relazzjoni bejn in-numru ta’ vittmi fiż-żona kkonċernata u n-numru totali ta’ individwi li jikkostitwixxu l-popolazzjoni ta’ din iż-żona jilħaq limitu ddeterminat.

L-Artikolu 15(c) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ “theddid serju u individwali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa meħtieġ teħid inkunsiderazzjoni globali taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni, b’mod partikolari ta’ dawk li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant.

____________

1     ĠU C 87, 16.3.2020.