Language of document : ECLI:EU:F:2013:139

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

tal-1 ta’ Ottubru 2013

Kawża F‑82/11

Nicolaos Loukakis

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku — Kumitat tal-Persunal tal-Parlament — Elezzjonijiet — Irregolaritajiet fil-proċess elettorali”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, minn N. Loukakis u 18-il rikorrent ieħor kontra l-Parlament Ewropew li jikkonċerna l-ommissjoni minnu li jiċċensura l-irregolaritajiet li vvizzjaw l-elezzjoni tal-membri tal-Kumitat tal-Persunal f’Novembru 2010.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni impliċita tal-Parlament Ewropew, tal-20 ta’ Mejju 2011, li ma jiċċensurax l-irregolaritajiet li affettwaw l-elezzjonijiet tal-Kumitat tal-Persunal ta’ Novembru 2010 hija annullata. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Parlament Ewropew għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti. L-organizzazzjonijiet sindakali Solidarité pour les agents et fonctionnaires européens, Syndicat général du personnel des organismes européens, Fédération de la fonction publique européenne, minn naħa, u l-organizzazzjoni sindakali Pluralist, min-naħa l-oħra, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rappreżentanza — Kumitat tal-Persunal — Elezzjonijiet — Il-Parlament Ewropew — Assenza ta’ quorum meħtieġ wara l-ewwel round — Obbligu li jiġi organizzat it-tieni round ta’ votazzjoni — Possibbiltà li jiġi prorogat l-ewwel round ta’ votazzjoni — Kundizzjoni — Eżistenza ta’ raġuni leġittima

(Regolamenti tal-Persunal, Anness II, paragrafu 5 tal-Artikolu 1; Regolament dwar ir-rappreżentanza tal-persunal tal-Parlament Ewropew, Artikolu 6(6) sa (8))

2.      Uffiċjali — Rappreżentanza — Kumitat tal-Persunal — Elezzjonijiet — Il-Parlament Ewropew — Obbligu tal-kulleġġ ta’ skrutinaturi li jistabbilixxu uffiċċji għall-votazzjoni — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Anness II, Artikolu 1; Regolament dwar ir-rappreżentanza tal-persunal tal-Parlament Ewropew, Artikolu 11(1))

3.      Uffiċjali — Rappreżentanza — Kumitat tal-Persunal — Elezzjonijiet — Il-Parlament Ewropew — Obbligu tal-kulleġġ ta’ skrutinaturi li jipprovdu lill-eletturi l-informazzjoni kollha dwar id-data u l-post tal-għadd tal-voti — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Anness II, Artikolu 1; Regolament dwar ir-rappreżentanza tal-persunal tal-Parlament Ewropew, Artikolu 15)

4.      Uffiċjali — Rappreżentanza — Kumitat tal-Persunal — Elezzjonijiet — Il-Parlament Ewropew — Obbligu tal-kulleġġ ta’ skrutinaturi li jippubblikaw dettalji dwar ir-riżultati tal-votazzjoni — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Anness II, Artikolu 1; Regolament dwar ir-rappreżentanza tal-persunal tal-Parlament Ewropew, Artikolu 18(1), (2) u (4))

1.      Il-ħames paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 6(6) sa (8) tar-Regolament dwar ir-rappreżentanza tal-persunal tal-Parlament Ewropew jagħmlu obbligatorja l-organizzazzjoni tat-tieni, jew saħansitra tat-tielet round ta’ votazzjoni, fil-każ fejn, wara rispettivament l-ewwel u t-tieni round ta’ votazzjoni, il-kworum meħtieġ, stabbilit rispettivament għaż-żewġ terzi u għall-maġġoranza tal-eletturi, ma jkunx intlaħaq.

Għalkemm dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jiġu interpretati bħala li jċaħħdu lil-laqgħa ġenerali mill-possibbiltà li tiddeċiedi, qabel l-iskadenza tat-terminu inizjalment previst għall-organizzazzjoni tagħha, il-prorogazzjoni tal-ewwel round ta’ votazzjoni, tali possibbiltà hija madankollu suġġetta għall-eżistenza ta’ raġuni leġittima. F’dan ir-rigward, raġuni li ma jkollha ebda natura ta’ impreviżjoni, bħall-iżvolġiment tal-ewwel round ta’ votazzjoni matul perijodu ta’ leave, ma tistax titqies li hija raġuni leġittima.

(ara l-punti 60, 61, 63 u 64)

2.      Il-fatt li s-sit ta’ Strasbourg huwa l-inqas mill-postijiet ta’ xogħol prinċipali tal-Parlament Ewropew li huwa ffrekwentat ma huwiex ta’ natura li jawtorizza lill-kulleġġ ta’ skrutinaturi li jegħlbu l-osservanza tal-obbligu espressament previst mill-Artikolu 11(1) tar-Regolament dwar ir-rappreżentanza tal-persunal tal-Parlament Ewropew li jistabbilixxu uffiċċji għall-votazzjoni fit-tliet postijiet ta’ xogħol prinċipali ta’ din l-istituzzjoni.

(ara l-punt 72)

3.      Jirriżulta impliċitament iżda neċessarjament mill-Artikolu 15 tar-Regolament dwar ir-rappreżentanza tal-persunal tal-Parlament Ewropew, li l-għan tiegħu huwa li jippermetti l-istħarriġ mill-eletturi tar-regolarità tal-operazzjonijiet tal-għadd tal-voti, li l-kulleġġ ta’ skrutinaturi huwa marbut li jipprovdi lill-eletturi, suffiċjentement minn qabel, l-informazzjoni kollha dwar id-data u l-post ta’ dawn l-operazzjonijiet.

(ara l-punt 83)

4.      Jirriżulta mill-għaqda tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18(1), (2) u (4) tar-Regolament dwar ir-rappreżentanza tal-persunal tal-Parlament Ewropew li l-pubblikazzjoni tal-lista tal-persuni eletti għall-Kumitat tal-Persunal, prevista fl-imsemmi paragrafu 2, għandha neċessarjament tkun akkumpanjata mit-tixrid mill-kulleġġ ta’ skrutinaturi tal-informazzjoni kollha msemmija fl-imsemmi paragrafu 1 u relatata, b’mod partikolari, man-numru ta’ voti espressi għal kull lista u għal kull kandidat, mal-perċentwali miġbura għal kull lista kif ukoll man-numru ta’ voti bil-prokura. Fil-fatt, peress li d-determinazzjoni tal-lista tal-persuni eletti toħroġ neċessarjament minn numru ta’ voti espressi għal kull lista u għal kull kandidat, mill-perċentwali miġbura għal kull lista kif ukoll min-numru ta’ voti bil-prokura, l-eletturi ma jkunux jistgħu japprezzaw l-opportunità li jintroduċu, fuq il-bażi tal-Artikolu 18(4) tal-imsemmi regolament, ilment fit-terminu minimu ta’ għaxart ijiem ta’ xogħol wara l-pubblikazzjoni tal-lista tal-persuni eletti jekk l-informazzjoni msemmija iktar ’il fuq ma tkunx inġiebet għall-attenzjoni tagħhom.

(ara l-punt 90)