Language of document : ECLI:EU:C:2019:402

Kawża C55/18

Federación de Servicios de Comisiones Obreras (CCOO)

vs

Deutsche Bank SAE

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Audiencia Nacional)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-14 ta’ Mejju 2019

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Direttiva 2003/88/KE – Artikoli 3 u 5 – Mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa – Artikolu 6 – Ħin massimu ta’ xogħol ta’ kull ġimgħa – Direttiva 89/391/KEE – Sigurtà u saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol – Obbligu li tiġi stabbilita sistema li tkejjel it-tul ta’ ħin tax-xogħol ta’ kuljum maħdum minn kull ħaddiem”

1.        Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Dritt għal limitazzjoni tal-ħin massimu tax-xogħol u għal perijodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa – Dritt fundamentali stipulat fl-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Obbligu ta’ interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/88 fid-dawl tal-imsemmi dritt

(Artikolu 6(1) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 31(2); Direttiva 2003/88 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, Artikoli 3, 5 u 6)

(ara l-punti 30, 31)

2.        Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Dritt għal limitazzjoni tal-ħin massimu tax-xogħol u għal perijodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa – Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma timponix, skont il-ġurisprudenza nazzjonali, fuq il-persuni li jimpjegaw l-obbligu li jistabbilixxu sistema li tkejjel it-tul ta’ ħin tax-xogħol ta’ kuljum maħdum minn kull ħaddiem – Inammissibbiltà – Obbligi tal-qrati nazzjonali – Obbligu ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 31(2); Direttiva 2003/88 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, Artikoli 3, 5 u 6; Direttiva tal-Kunsill 89/391, Artikoli 4(1), 11(3) u 16(3))

(ara l-punti 47 sa 50, 53 sa 60, 69 sa 71, u d-dispożittiv)


Sunt

L-Istati Membri għandhom jobbligaw lill-persuni li jimpjegaw jistabbilixxu sistema li tkejjel it-tul ta’ ħin tax-xogħol ta’ kuljum

Fis-sentenza tagħha CCOO (C‑55/18), mogħtija fl-14 ta’ Mejju 2019, l-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja ppronunzjat ruħha dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri sabiex tiġi żgurata l-osservanza tad-dritt tal-ħaddiema għal limitazzjoni tat-tul massimu tax-xogħol u għal perijodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa, u b’mod partikolari dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-osservanza ta’ dan id-dritt teħtieġx li tiġi stabbilita sistema li tippermetti li jitkejjel it-tul ta’ ħin tax-xogħol ta’ kuljum maħdum minn kull ħaddiem. Din is-sentenza ngħatat fil-kuntest ta’ tilwima bejn sindakat ta’ ħaddiema għal persuna li timpjega, bl-għan li tinkiseb sentenza li tikkonstata l-obbligu ta’ din tal-aħħar li tistabbilixxi sistema ta’ reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ kuljum maħdum mill-membri tal-persunal tagħha, li tippermetti li tiġi vverifikata l-osservanza, minn naħa, tal-ħinijiet tax-xogħol previsti u, min-naħa l-oħra, tal-obbligu li r-rappreżentanti sindakali jiġu pprovduti bl-informazzjoni dwar is-sigħat supplimentari maħduma kull xahar.

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikoli 3, 5 u 6 tad-Direttiva 2003/88 (1), moqrija fid-dawl tal-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll tal-Artikolu 4(1), tal-Artikolu 11(3) u tal-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 89/391 (2), jipprekludu leġiżlazzjoni li, skont l-interpretazzjoni mogħtija lilha mill-ġurisprudenza nazzjonali, ma timponix fuq il-persuni li jimpjegaw l-obbligu li jistabbilixxi sistema li tkejjel it-tul ta’ ħin tax-xogħol ta’ kuljum maħdum minn kull ħaddiem.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja, qabel kollox, fakkret li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88 jippreċiżaw id-dritt fundamentali ta’ kull ħaddiem għal limitazzjoni tat-tul massimu tax-xogħol u għal perijodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa espressament stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u għandhom, għalhekk, jiġu interpretati fid-dawl ta’ dan tal-aħħar.

Sussegwentement, fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tal-istabbiliment ta’ sistema li tkejjel it-tul tal-ħin tax-xogħol ta’ kuljum maħdum minn kull ħaddiem, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, fl-assenza ta’ tali sistema, ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat b’mod oġġettiv u affidabbli la n-numru ta’ sigħat ta’ xogħol hekk maħduma mill-ħaddiem u d-distribuzzjoni tagħhom fuq tul ta’ żmien u lanqas in-numru ta’ sigħat maħduma lil hinn mis-sigħat normali tax-xogħol normali, bħala sigħat ta’ sahra. F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, jidher eċċessivament diffiċli, jekk mhux impossibbli fil-prattika, għall-ħaddiema li jiżguraw li d-drittijiet mogħtija lilhom mid-dritt tal-Unjoni, sabiex igawdu effettivament mil-limitazzjoni tat-tul ta’ ħin tax-xogħol fil-ġimgħa kif ukoll minn perijodi minimi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa previsti minn din id-direttiva.

Fil-fatt, id-determinazzjoni oġġettiva u affidabbli tan-numru ta’ sigħat ta’ xogħol ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa hija essenzjali sabiex jiġi stabbilit, minn naħa, jekk il-ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa kif iddefinit fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/88 u inkluż fih, skont din id-dispożizzjoni, is-sahra ġiex osservat matul il-perijodu ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 16(b) jew l-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, jekk il-perijodi minimi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa, iddefiniti fl-Artikoli 3 u 5 tal-imsemmija direttiva, rispettivament, ġewx osservati matul kull perijodu ta’ 24 siegħa fir-rigward tal-mistrieħ ta’ kuljum jew matul il-perijodu ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 16(a) tal-istess direttiva fir-rigward tal-mistrieħ ta’ kull ġimgħa.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li, fid-dawl tal-fatt li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw l-osservanza tal-perijodi minimi ta’ mistrieħ u sabiex jipprekludu kwalunkwe qbiż tal-ħin tax-xogħol massimu ta’ kull ġimgħa sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-Direttiva 2003/88, leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprovdix għall-obbligu li jintuża strument li jippermetti determinazzjoni oġġettiva u affidabbli tan-numru ta’ sigħat tax-xogħol ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa ma tkunx tista’ tiggarantixxi l-effett utli tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u minn din id-direttiva, sa fejn din iċċaħħad kemm lill-persuni li jimpjegaw u kif ukoll lill-ħaddiema mill-possibbiltà li jivverifikaw jekk dawn id-drittijiet humiex qegħdin jiġu rrispettati u tista’ għalhekk timmina l-għan tal-imsemmija direttiva li tiżgura protezzjoni aħjar tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li l-fatt li ħaddiem jista’, skont ir-regoli proċedurali nazzjonali, jirrikorri għal mezzi ta’ prova oħra, bħalma huma xhieda, il-produzzjoni ta’ posta elettronika jew il-konsultazzjoni ta’ telefons ċellulari jew ta’ kompjuters, sabiex jipprovdi l-indizju ta’ ksur ta’ dawn id-drittijiet u jwassal għalhekk għal qlib tal-oneru tal-prova, ma għandux effett f’dan ir-rigward. Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, tali provi ma jippermettux li jiġi stabbilit b’mod oġġettiv u affidabbli n-numru ta’ sigħat ta’ xogħol ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa maħduma mill-ħaddiem. B’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda l-prova permezz tax-xhieda, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat is-sitwazzjoni ta’ dgħufija tal-ħaddiem fir-relazzjoni tax-xogħol. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li ma jistgħux jikkostitwixxu alternattiva għas-sistema ċċitata iktar ’il fuq, li tippermetti li jitkejjel it-tul tal-ħin ta’ xogħol ta’ kuljum maħdum minn kull ħaddiem, is-setgħat ta’ investigazzjoni u ta’ sanzjoni mogħtija mil-leġiżlazzjoni nazzjonali lill-korpi ta’ kontroll, bħall-ispezzjoni tax-xogħol, sa fejn, fl-assenza ta’ tali sistema, dawn l-awtoritajiet ikunu, huma stess, imċaħħda minn mezz effettiv sabiex jiksbu l-aċċess għal data oġġettiva u affidabbli dwar it-tul tal-ħin tax-xogħol maħdum mill-ħaddiema f’kull impriża, li jirriżulta neċessarju sabiex dawn jeżerċitaw il-ħidma ta’ kontroll tagħhom u, fejn applikabbli, jimponu sanzjoni.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddefinixxu l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni ta’ tali sistema, b’mod partikolari, il-forma li din tal-aħħar għandu jkollha, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, fejn applikabbli, il-karatteristiċi partikolari ta’ kull settur ta’ attività kkonċernat, jew il-karatteristiċi speċifiċi, b’mod partikolari, id-daqs ta’ ċerti impriżi.


1      Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).


2      Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 349).