Language of document :

Rikors ippreżentat fis-26 ta' April 2011 - Glaxo Group vs UASI - Farmodiética (ADVANCE)

(Kawża T-243/11)

Lingwa tar-rikors: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Glaxo Group Ltd (Greenford, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: O. Benito, Solicitor)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Il-parti l-oħra quddiem il-Bord tal-Appell : Farmodiética - Cosmética, Dietética e Produtos Farmacêuticos, Lda (Estarda de S.Marcos, il-Portugall)

Talbiet

Tissospendi l-proċeduri sakemm il-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta' invalidità fil-Portugall jiġu deċiżi peress li f'dawn il-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta' invalidità qed tiġi kkontestata l-unika raġuni li fuqha huwa bbażat ir-rifjuat tar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja Nru 6472971, u fil-każ li dawn il-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta' invalidità ma jiġux milqguħa;

Tannulla d-deċiżjoni tar-Raba' Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tal-25 ta' Frar 2011 fil-Każ R 665/2010-4; u

Tordna lill-konvenut u/jew lill-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell iħallsu l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Applikant għat-trade mark Komunitarja: Ir-rikkorenti

Trade mark Komunitarja kkonċernata: It-trade mark verbali "ADVANCE", għal prodotti fil-klassi 5 - Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja Nru 6472971

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: Il-parti l-oħra fil-proċeduri quddiem il-Bord tal-Appell

Trade mark jew sinjal invokat: Trade mark Portugiża rreġistrata bin-Nru 417744 għat-trade mark figurattiva "ADVANCIS CAPS MORE BIOAVAILABLE . MORE EFFECTIVE", għal prodotti fil-klassijiet 3 u 5.

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: Oppożizzjoni milqugħa

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: Appell miċħud

Motivi invokati: Ksur tal-Artikoli 8(1)(b) u 65(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, peress illi l-Bord tal-Appell : (i) ikkunsidra li r-rikorrenti ma kkontestatx id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-25 ta' Frar 2010 fir-rigward tax-xebh tal-prodotti kkonċernati, (ii) ikkunsidra li ma kienx hemm raġuni għalfejn ibiddel id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-25 ta' Frar 2010 fir-rigward tax-xebh tal-prodotti kkonċernati, (iii) ma analizzax jekk il-prodotti kkonċernati fil-klassi 3 humiex l-istess bħal jew differenti mill-prodotti kkonċernati fil-klassi 5, (iv) ma spjegax għalfejn kien rilevanti li jiġi kkunsidrat kif is-sinjali huma ppronunzjati bl-Ingliż meta t-territorju rilevanti huwa l-Portugall, (v) ikkunsidra t-trade marks kunfliġġenti bħala li jixxiebhu mill-perspettiva ta' kif jinstemgħu fil-lingwa Ingliża, (vi) applika t-testijiet żbaljati fir-rigward tat-tqabbil tas-sinjali, u b'hekk sab żbaljatament li l-livell ta' xebh kien medju, u (vii) applika t-testijiet żbaljati u inkompluti meta evalwa l-probabbiltà ta' konfużjoni globali.

____________