Language of document :

Rikors ippreżentat fis-6 ta' Mejju 2011 - ClientEarth and International Chemical Secretariat vs ECHA

(Kawża T-245/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: ClientEarth (Londra, Ir-Renju Unit) u The International Chemical Secretariat (Gothenburg, l-Isvezja) (rappreżentant: P. Kirch, avukat)

Konvenuta: Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)

Talbiet

Ir-rikorrenti jitlobu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara li l-konvenuta kisret il-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali;

tiddikjara li l-konvenuta kisret ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 1;

tiddikjara li l-konvenuta kisret ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 2;

tannulla d-deċiżjoni stabbilita fir-risposta konfermatorja tal-konvenuta tal-4 ta' Marzu 2011 li ma għandhomx jiġu żvelati d-dokumenti mitluba; u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tar-rikorrenti, inklużi l-ispejjeż ta' kull parti intervenjenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu, skont l-Artikolu 263 TFEU, l-annullament tad-deċiżjoni stabbilita fir-risposta konfermatorja tal-konvenuta tal-4 ta' Marzu 2011 li ma għandux jingħata aċċess għad-dokumenti li fihom l-ismijiet u d-dettalji tar-reġistranti (produtturi/importaturi) ta' numru sostanzjali ta' sustanzi allegatament perikolużi għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent u t-tunellaġġ li fih dawn jiġu kkumerċjalizzati fis-suq tal-UE.

Insostenn tal-azzjoni tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi.

L-ewwel motiv jallega li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 billi ma ngħatatx risposta fit-termini previsti għat-talba konfermatorja tar-rikorrenti u billi dan in-nuqqas ma kienx iġġustifikat.

It-tieni motiv jallega li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 4(4) u l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 billi ma ġewx ikkonsultati r-reġistranti sabiex jiġi evalwat jekk jeżistix interess kummerċjali fin-nuqqas ta' żvelar u billi ma ġewx prodotti raġunijiet suffiċjenti sabiex jiġi ppruvat li kien ċar li d-dokumenti ma kellhomx jiġu żvelati.

It-tielet motiv jallega li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 4(1), (2), (3) u (4) tal-Konvenzjoni ta' Aarhus billi naqset li tipprovdi aċċess lir-rikorrenti għall-informazzjoni mitluba. Id-deċiżjoni kkontestata tikser ukoll l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 billi ma tinterpretax l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 b'mod restrittiv filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-interess pubbliku milħuq permezz tal-iżvelar u jekk l-informazzjoni mitluba hijiex marbuta ma' emissjonijiet fl-ambjent.

Ir-raba' motiv jallega li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 billi naqset li turi li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba jippreġudika serjament il-proċess intern tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-ECHA, kif ukoll l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-istess att billi naqset li turi l-eżistenza ta' interess kummerċjali li jiġġustifika n-nuqqas ta' żvelar.

Il-ħames motiv jallega li d-deċiżjoni kkontestata tikser it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 billi naqset li tevalwa jekk jeżistix interess pubbliku ikbar fl-iżvelar u li tipprovdi raġunijiet dettaljati insostenn ta' dan ir-rifjut.

____________

1 - Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta' Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, 25.09.2006, p. 13)

2 - Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331)