Language of document : ECLI:EU:T:2015:675

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

23 ta’ Settembru 2015 (*)

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokumenti miżmuma mill-ECHA – Dokumenti li joriġinaw minn terzi – Terminu stabbilit sabiex tingħata risposta għal talba għal aċċess – Rifjut ta’ aċċess – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ terz – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali – Interess pubbliku superjuri – Informazzjoni ambjentali – Emissjonijiet fl-ambjent”

Fil-Kawża T‑245/11,

ClientEarth, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit),

The International Chemical Secretariat, stabbilita f’Göteborg (l-Isvezja),

irrappreżentati minn P. Kirch, avukat,

rikorrenti,

vs

Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, (ECHA), irrappreżentata minn M. Heikkilä, A. Iber u T. Zbihlej, bħala aġenti, assistiti minn D. Abrahams, barrister,

konvenuta,

sostnuta minn

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn E. Manhaeve, P. Oliver u C. ten Dam, sussegwentement minn Manhaeve, Oliver u F. Clotuche-Duvieusart u fl-aħħar nett minn Manhaeve, Clotuche-Duvieusart u J. Tomkim, bħala aġenti,

u minn

European Chemical Industry Council (Cefic), stabbilit fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentat minn Y. van Gerven u M. Bronckers, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-ECHA tal-4 ta’ Marzu 2011 fir-rigward ta’ rifjut ta’ aċċess għal informazzjoni pprovduta fil-kuntest tal-proċedura ta’ reġistrazzjoni ta’ ċerti sustanzi kimiċi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro (Relatur), President, S. Gervasoni u L. Madise, Imħallfin,

Reġistratur: L. Grzegorczyk, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Jannar 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

A –  Dritt internazzjonali

1.     Ftehim TRIPS

1        Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (TRIPs), tal-15 ta’ April 1994 (ĠU L 336, p. 214, iktar ’il quddiem il-“Ftehim TRIPS”), li jikkostitwixxi l-Anness 1 C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80), fih parti II, intitolat “Standards dwar id-disponibbiltà, l-għan u l-użu tad-Drittijiet tal-Propjetà Intelletwali”. F’din il-parti, fit-Taqsima 7, intitolata “Protezzjoni ta’ Informazzjoni mhux Żvelata”, hemm l-Artikolu 39 li jipprevedi dan li ġej:

“1.      Waqt li jassiguraw protezzjoni effettiva kontra l-kompetizzjoni inġusta kif imsemmi fl-Artikolu 10[a] tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi (1967), il-Membri għandhom jipproteġu informazzjoni mhux żvelata skont il-paragrafu 2 u data mogħtija lill-gvernijiet jew lill-aġenziji tal-gvern skont il-paragrafu 3.

2.      Persuni naturali u legali għandhom jkollhon il-possibbilità li jipprevjenu l-iżvelar ta’ informazzjoni li hi legalment fil-kontroll tagħhom, akwiżit minn, jew użat minn oħrajn mingħajr il-kunsens tagħhom b’mod mhux skont il-prattika kummerċjali onesta [...] sakemm din l-informazzjoni hi:

a)      sigriet fis-sens li mhix, bħala korp jew fil-konfigurazzjoni preċiża u t-tagħqid tal-komponenti tiegħu, magħrufa ġeneralment jew aċċessibbli b’mod faċli lill-persuni li ġeneralment jitrattaw din it-tip ta’ informazzjoni;

b)      għandha valur kummerċjali minħabba li hi sigriet; u

ċ)      kienet soġġetta għal passi raġonevoli li żżomm is-sigriet taħt iċ-ċirkostanzi, mill-persuna li għandha l-kontroll legali ta’ l-informazzjoni.

3.      Il-Membri, meta jeħtieġu, bħala kondizzjoni ta’ approvazzjoni tal-bejgħ ta’ prodotti farmaċewtiċi jew agrikoli li jużaw entitajiet kimiċi, is-sottomissjoni ta’ testijiet mhux żvelati jew xi data oħra, li l-oriġini tagħhom jinvolvi sforz konsiderevoli, għandhom jipproteġu data bħal din minn użu kummerċjali nġust. Madankollu, il-Membri għandhom jipproteġu data bħal din mill-iżvelar, sakemm ma jkunx neċessarju minħabba l-ordni pubbliku, jew sakemm jittieħdu miżuri sabiex jassiguraw li d-data hi protetta mill-użu kummerċjali inġust.”

2.     Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus

2        Il-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali ġiet iffirmata f’Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998, (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”).

3        Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus tipprevedi, fl-Artikolu 2(3) tagħha dan li ġej:

“L-espressjoni “informazzjoni dwar l-ambjent” tfisser kull informazzjoni disponibbli f’għamla miktuba, viżwali, li tinstema’, elettronika jew fi kwalunkwe forma materjali oħra dwar:

a)      l-istat ta’ l-elementi ta’ l-ambjent, bħalma huma l-arja u l-atmosfera, l-ilma, il-ħamrija, il-pajżaġġ u s-siti naturali inklużi l-artijiet mistagħdra, iż-żoni kostali u marini, id-diversità bijoloġika u l-komponenti tagħha, inklużi organiżmi ġenetikament modifikati, u l-interazzjoni fost dawn l-elementi;

b)      fatturi, bħalma huma s-sustanzi, l-enerġija, l-istorbju,ir-radjazzjoni jew l-iskart, inklużi l-iskart radjuattiv, l-emissjonijiet, l-iskarigi u ħruġ ieħor fl-ambjent, li jaffettwaw jew x’aktarx jaffettwaw l-elementi ta’ l-ambjent msemmija fil-punt a) hawn fuq […];

c)      l-istat tas-saħħa tal-bniedem, is-sigurtà tiegħu u l-kundizzjonijiet tal-ħajja tiegħu, kif ukoll l-istat tas-siti kulturali u l-istrutturi mibnija sa fejn jistgħu, jiġu effettwati mill-istat tal-elementi tal-ambjent, jew permezz ta’ dawn l-elementi, mill-fatturi, attivitajiet jew miżuri msemmija fil-punt b) hawn fuq.”

4        L-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jipprevedi dan li ġej:

“Kull parti għandha tieħu l-miżuri leġiżlattivi, regolatorji u miżuri oħra neċessarji, inkluż miżuri intiżi biex id-dispożizzjonijiet li jimplementaw id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni dwar l-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess ġudizzjarju jkunu kompatibbli ma’ xulxin, kif ukoll miżuri adegwati ta’ nfurzar, biex jiġi stabbilit u jinżamm qafas ċar, trasparenti u konsistenti għall-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni” [TRADUZZJONI MHUX UFFIĊJALI].

5        L-Artikolu 4(1) sa (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jistabbilixxi dan li ġej:

“1.      Kull Parti għandha tiżgura li, bla ħsara għal dak li hu stabbilit fil-paragrafi li ġejjin ta’ dan l-Artikolu, l-awtoritajiet pubbliċi jagħmlu disponibbli għall-pubbliku, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, l-informazzjoni dwar l-ambjent mitluba minnhom, b’mod partikolari, jekk issir din it-talba u bla ħsara għall-punt b) ta’ hawn taħt, kopji tad-dokumenti li fihom tinsab effettivament informazzjoni, indipendentement minn jekk dawn id-dokumenti jkunx fihom informazzjoni oħra:

a)      il-pubbliku ma jkollux għalfejn jinvoka interess partikolari;

b)      fil-forma mitluba, sakemm:

i)      ma jkunx raġonevoli li l-awtorità pubblika tikkomunika l-informazzjoni inkwistjoni f’forma oħra, li f’dan il-każ għandhom jingħataw ir-raġunijiet għal din l-għażla; jew

ii)      l-informazzjoni ma tkunx diġà disponibbli pubblikament f’forma oħra.

2.      L-Informazzjoni dwar l-ambjent imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ hawn fuq tkun disponibbli għall-pubbliku kemm jista’ jkun malajr u mhux iktar tard minn xahar mid-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni, sakemm il-volum u l-kumplessità tal-informazzjoni mitluba ma jiġġustifikawx estensjoni ta’ dan il-perijodu sa massimu ta’ xahrejn mill-applikazzjoni. L-applikant għandu jiġi infurmat dwar kull estensjoni u dwar ir-raġunijiet li jiġġustifikaw dan.

3.      Talba għall-informazzjoni dwar l-ambjent tista’ tiġi rrifjutata jekk:

a)      l-awtorità pubblika li lilha tkun indirizzata t-talba ma jkollhiex l-informazzjoni mitluba;

b)      it-talba tkun manifestament inġusta jew ifformulata f’termini wisq ġenerali; jew

c)      it-talba tirrigwarda dokumenti li għadhom qed jiġu mfassla jew tikkonċerna komunikazzjonijiet interni tal-awtoritajiet pubbliċi, dejjem sakemm din l-eċċezzjoni tkun prevista fil-liġi nazzjonali jew il-konswetudni, b’kunsiderazzjoni tal-interess li l-iżvelar tal-informazzjoni mitluba għandu għal pubbliku.

4.      Talba għal informazzjoni dwar l-ambjent tista’ tiġi miċħuda fil-każ fejn l-iżvelar ta’ dik l-informazzjoni jkollu effett ħażin fuq:

a)      il-kunfidenzjalità tal-proċeduri tal-awtoritajiet pubbliċi meta din il-kunfidenzjalità tkun prevista skont id-dritt intern;

b)      ir-relazzjonijiet internazzjonali, id-difiża nazzjonali jew is-sigurtà pubblika;

c)      il-kors tal-ġustizzja, il-kapaċità ta’ kwalunkwe persuna li tirċievi proċess ġust fil-qorti jew il-kapaċità ta’ awtorità pubblika li tmexxi investigazzjoni ta’ natura kriminali jew dixxipplinari;

d)      is-sigriet kummerċjali u industrijali meta dan is-sigriet huwa protett bil-liġi sabiex jitħares interess ekonomiku leġittimu. F’dan il-kuntest, it-tagħrif fuq l-emissjonijiet li huwa rilevanti għall-protezzjoni tal-ambjent għandu jiġi żvelat;

e)      id-drittijiet dwar proprjetà intellettwali;

f)      il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni personali u/jew id-dokumenti li għandhom x’jaqsmu ma’ persuna naturali meta din il-persuna ma tkunx tat il-kunsens sabiex tiġi żvelata l-informazzjoni lill-pubbliku, meta din il-kunfidenzjalità hija prevista mid-dritt intern;

g)      l-interessi ta’ terz li jkun ipprovda l-informazzjoni mitluba mingħajr ma jkun obbligat mil-liġi jew mingħajr ma l-liġi tkun tista’ tobbligah u li ma jagħtix il-kunsens tiegħu għall-iżvelar ta’ din l-informazzjoni; jew

h)      l-ambjent li fih tinsab l-informazzjoni, bħas-siti ta’ riproduzzjoni ta’ speċi rari.

Ir-raġunijiet għar-rifjut imsemmija iktar ’il fuq għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv fid-dawl tal-interess li l-iżvelar tal-informazzjoni mitlub jista’ jkollu għall-pubbliku u skont jekk din l-informazzjoni tkunx tirrigwarda l-emissjonijiet fl-ambjent jew le” [TRADUZZJONI MHUX UFFIĊJALI].”

B –  Dritt tal-Unjoni

1.     Regolament (KE) Nru 1049/2001

6        Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), fl-Artikolu 2 tiegħu jipprevedi li kull ċittadin tal-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju reġistrat fi Stat Membru, għandu dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, bla ħsara għall-prinċipji, kundizzjonijiet u limiti ddefiniti fl-imsemmi regolament.

7        L-Artikolu 2(3) jipprovdi li r-regolament japplika fil-konfront ta’ “kull dokument miżmum minn istituzzjoni, jiġifieri, dokumenti miktuba minnha jew li rċiviet u fil-pussess tagħha, f’kull qasam ta’ attività ta’ l-Unjoni […]”.

8        Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, intitolat “Eċċezzjonijiet”, hemm previst dan li ġej:

“[…]

2.      L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

–        l-interessi kummerċjali ta’ persuna naturali jew legali, inkluża l-propjetà intellettwali,

[…]

jekk ma’ jkunx hemm [interess pubbliku superjuri] fl-iżvelar tiegħu.

3.      Aċċess għad-dokument, miktub minn instituzzjoni għall-użu intern jew irċevut minn instituzzjoni, dwar kwistjoni fejnid-deċiżjoni ma ttiħditx mill-istituzzjoni, għandu jiġi rifjutat jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx [interess pubbliku superjuri] fl-iżvelar tiegħu.

4.      Fir-rigward ta’ dokumenti ta’ partijiet terzi, l-istituzzjoni għandha tikkonsulta mal-parti terza bl-iskop li tagħmel stima dwar jekk tapplika eċċezzjoni fil-paragrafu 1 jew 2, jekk ikun ċar li d-dokument għandu jew m’għandux jiġi żvelat.

[…]

6. Jekk partijiet biss tad-dokument mitlub huma koperti minn xi eċċezzjoni, il-biċċiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati.

[…]”

9        L-Artikolu 6(2) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprevedi dan li ġej:

“2.      Jekk applikazzjoni m’hijiex preċiża biżżejjed, l-istituzzjoni għandha titlob lill-applikant sabiex jiċċara l-applikazzjoni u għandha tgħin l-applikant f’dan il-proċess billi, per eżempju, tagħti tagħrif dwar l-użu tar-reġistri pubbliċi ta’ dokumenti.

3.      Fil-każ ta’ applikazzjoni dwar dokument twil ħafna jew dwar numru kbir ta’ dokumenti, l-istituzzjoni involuta tista’ tkellem lill-applikant b’mod informali, sabiex isibu soluzzjoni imparzjali.”

10      L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1049/2001, intitolat “Proċessar ta’ applikazzjonijiet fil-bidu”, jipprevedi dan li ġej:

“1.      Applikazzjoni għall-aċċess għal dokument għandha tiġi proċessata mill-ewwel. Rikonoxximent ta’ l-irċevuta għandha tintbagħat lill-applikant. Sa 15-il jum utli mir-reġistrazzjoni ta’ l-applikazzjoni, l-istituzzjoni għandha jew tagħti aċċess għad-dokument mitlub u tagħti aċċess skond l-Artikolu 10 f’dak il-perjodu jew, f’tweġiba bil-miktub, tagħti r-raġunijiet għar-rifjut totali jew parzjali u tavża l-applikant dwar id-dritt tiegħu jew tagħha li jagħmel jew tagħmel talba konfermatorja skond il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

2.      Fil-każ ta’ rifjut totali jew parzjali, l-applikant jista’, sa 15-il jum utli minn meta jirċievi r-risposta mill-istituzzjoni, jagħmel talba konfermatorja fejn jitlob lill-istituzzjoni li terġa’ tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha.

3.      […]

4.      Nuqqas mill-istituzzjoni li […] twieġeb fit-terminu preskritt jagħti d-dritt lill-applikant li jagħmel talba konfermatorja.”

11      L‑Artikolu 8 tar‑Regolament Nru 1049/2001, intitolat “Proċessar ta’ applikazzjonijiet konfermatorji” jipprevedi:

“1.      Applikazzjoni konfermatorja għandha tiġi proċessata mal-ewwel. Sa żmien 15-il jum utli mir-reġistrazzjoni ta’ din l-applikazzjoni, l-istituzzjoni għandha jew tagħti l-aċċess għad-dokument mitlub u tagħti aċċess skond l-Artikolu 10 f’dak il-perjodu jew, fi tweġiba bil-miktub, tagħti r-raġunijiet għar-rifjut totali jew parzjali. Fil-każ ta’ rifjut totali jew parzjali, l-istituzzjoni għandha tavża l-applikant dwar ir-rimedji tiegħu jew tagħha, jiġifieri proċeduri fil-qrati kontra l-istituzzjoni u/jew ilment lill-Ombudsman, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 230 u 195 tat-Trattat tal-KE, rispettivament.

2.      F’każijiet eċċezzjonali, per eżempju fil-każ ta’ applikazzjoni dwar dokument twil ħafna jew dwar numru kbir ta’ dokumenti, it-terminu previst fil-paragrafu 1 jista’ jiġi estiż bi 15 il-jum utli, sakemm l-applikant jiġi avżat minn qabel u jingħataw raġunijiet dettaljati.

3.      Nuqqas mill-istituzzjoni li twieġeb fit-terminu stipulat għandu jitqies bħala tweġiba negattiva u jagħti d-dritt lill-applikant li jiftaħ proċedimenti fil-qrati kontra l-istituzzjoni u/jew tagħmel ilment lill-Ombudsman, taħt id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat tal-KE.”

12      L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1049/2001, intitolat “Aċċess wara applikazzjoni”, jipprevedi dan li ġej:

“1.      L-applikant għandu jkollu aċċess għad-dokumenti jew billi jarhom fil-post jew billi jirċievi kopja, inkluż, fejn disponibbli, kopja elettronika, skont il-preferenza tal-applikant. Il-miżata tal-produzzjoni u ta’ l-impustar tal-kopji tista’ tkun għall-applikant. Din il-miżata m’għandhiex taqbeż l-ispiża vera tal-produzzjoni u ta’ l-impustar tal-kopji. Konsultazzjoni fil-post, kopji ta’ inqas minn 20 paġna A4 u aċċess dirett fil-forma elettronika jew permezz tar-reġistru għandhom ikunu b’xejn.

2.      Jekk dokument diġà ġie żvelat mill-istituzzjoni rilevanti u huwa faċilment aċċessibbli lill-applikant, l-istituzzjoni tista’ taderixxi ma’ l-obbligazzjoni li tagħti l-aċċess billi tavża ‘l-applikant kif jista’ jikseb id-dokument mitlub.

3.      Dokumenti għadnhom jiġu forniti f’verżjoni u format eżistenti (inklużi dawk elettroniċi jew f’format alternattiva bħal Braille, tipa kbira jew tejp) b’kull kunsiderazzjoni tal-preferenza ta’ l-applikant.”

2.     Direttiva 2003/4/KE

13      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2003, dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 375), jipprevedi dan li ġej:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

1.      ‘Tagħrif dwar l-ambjent’ għandu jfisser kull tagħrif fil-għamla miktuba, li jidher, li jinsama’, bl-elettronika jew ta’ kull materjal ieħor dwar:

a)      l-istat ta’ l-elementi ta’ l-ambjent, bħalma huma l-arja u l-atmosfera, l-ilma, il-ħamrija, il-pajżaġġ u s-siti naturali inklużi l-artijiet mistagħdra, iż-żoni kostali u marini, id-diversità bijoloġika u l-komponenti tagħha, inklużi l-organiżmi ġenetikament mmodifikati, u l-interazzjoni fost dawn l-elementi

b)      il-fatturi, bħalma huma s-sustanzi, l-enerġija, il-ħsejjes, ir-radjazzjoni jew l-iskart, inklużi l-iskart radjoattiv, l-emissjonijiet, l-iskarigi u ħruġ ieħor fl-ambjent, li jaffettwaw jew x’aktarx jaffettwaw l-elementi ta’ l-ambjent riferiti fil-(a);

ċ)       il-miżuri (inklużi l-miżuri amministrattivi), bħalma huma l-politiki, il-leġislazzjoni, il-pjani, il-programmi, il-ftehimijiet ambjentali, u l-attivitajiet li jaffettwaw jew x’aktarx li jaffettwaw l-elementi u l-fatturi riferiti fil-(a) u fil-(b) kif ukoll il-miżuri jew l-attivitajiet iddisinjati għalbiex jipproteġu dawn l-elementi;

[...]

f)      (f) l-istat tas-saħħa u tas-sigurtà pubblika, inklużi t-tniġġiż tal-katina ta’ l-ikel, meta rilevanti, il-kondizzjonijiet tal-ħajja umana, is-siti kulturali u l-istrutturi mibnija daqskemm jistgħu jaffettwaw jew jiġu affettwati mill-istat ta’ l-elementi ta’ l-ambjent riferiti fil-(a) jew, permezz ta’ dawn l-elementi, minn kull materja riferita fil-(b) u ċ-(ċ).

[...]”

3.     Regolament REACH 

14      Il-premessa 117 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni, (ĠU L 396, p. 1), kif emendat, (iktar ’il quddiem ir-“Regolament REACH”), tipprevedi dan li ġej:

“Iċ-ċittadini ta’ l-UE għandhom ikollhom aċċess għall-informazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi li jistgħu jkunu esposti għalihom, sabiex jippermetulhom jagħmlu deċiżjonijiet informati dwar l-użu, minnhom, tas-sustanzi kimiċi. Mezz trasparenti sabiex isir dan ikun li jingħataw aċċess liberu u faċli għad-data bażika miżmuma fid-database ta’ l-Aġenzija, inklużi profili fil-qosor ta’ proprjetajiet perikolużi, ir-rekwiżiti ta’ l-ittikkettar u l-leġislazzjoni Komunitarja relevanti inkluż l-użu awtorizzat u l-miżuri ta’ l-immaniġġar tar-riskji. L-Aġenzija u l-Istati Membri għandhom jippermettu aċċess għal informazzjoni skond id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar aċċess pubbliku għal tagħrif ambjentali, u ir-Regolament [Nru 1049/2001 …], u skont il-Konvenzjoni [ta’ Aarhus…]”

15      Konformement mal-premessa 118 tar-Regolament REACH, huwa previst dan li ġej:

“L-iżvelar ta’ l-informazzjoni taħt dan ir-Regolament huwa suġġett għal rekwiżiti speċifiċi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001. Dak ir-Regolament jistipula skadenzi perentorji għar-rilaxx ta’ informazzjoni kif ukoll garanziji proċedurali, inkluż id-dritt ta’ l-appell. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta l-arranġamenti prattiċi għall-applikazzjoni ta’ dawk ir-rekwiżiti għall-Aġenzija.”

16      Skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, ir-Regolament REACH jipprevedi li “[l]-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent, inkluża l-promozzjoni ta’ metodi alternattivi għall-istima ta’ perikli ta’ sustanzi, kif ukoll il-moviment liberu tas-sustanzi fis-suq intern filwaqt li tittejjeb il-kompetittività u l-innovazzjoni. ”

17      L-Artikolu 3 tar-Regolament REACH, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

1)      ‘sustanzi’: tfisser element kimiku u l-komposti tiegħu fl-istat naturali jew miksub bi kwalunkwe proċess ta’ manifattura, inkluż kwalunkwe addittiv meħtieġ sabiex jippriżerva l-istabbiltà tiegħu u kwalunkwe impurità li tiġi mill-proċess użat, iżda eskluż kwalunkwe solvent li jista’ jiġi separat mingħajr ma tkun milquta l-istabbiltà tas-sustanza jew tinbidel il-kompożizzjoni tagħha;

[…]

12)      ‘tqegħid fis-suq’: tfisser li tipprovdi jew li tagħmel disponibbli lil terzi, kemm bi ħlas jew mingħajr ħlas […];

[…]

15)      ‘sustanza intermedja’: tfisser sustanza li tkun manifatturata għal u kkonsmata fi jew użata għal proċessar kimiku sabiex tinbidel f’sustanza oħra (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ sintesi) […]”

18      L-Artikolu 6 tar-Regolament REACH, intitolat “Obbligu ġenerali sabiex ikunu reġistrati sustanzi waħedhom jew f’taħlitiet”, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprevedi dan li ġej:

“Ħlief fejn dan ir-Regolament jgħid mod ieħor, kull manifattur jew importatur ta’ sustanza, waħidha jew fi preparat wieħed jew aktar, fi kwantitajiet ta’ tunnellata metrika jew aktar kull sena għandu jippreżenta reġistrazzjoni lill-Aġenzija. ”

19      Konformement għall-Artikolu 10(a)(xi) tar-Regolament REACH, intitolat “Informazzjoni li għandha tiġi preżentata għall-finijiet ġenerali ta’ reġistrazzjoni”, reġistrazzjoni tinkludi dossier tekniku li fih “talba dwar liema informazzjoni fl-Artikolu 119(2) il-manifattur jew l-importatur iqis li ma għandhiex tkun disponibbli fuq l-Internet skond l-Artikolu 77(2)(e), inkluża ġustifikazzjoni dwar ir-raġuni għaliex il-pubblikazzjoni tista’ tkun ta’ ħsara għall-interessi kummerċjali tiegħu jew ta’ kwalunkwe parti oħra konċernata”.

20      Taħt it-Titolu X, intitolat “L-Aġenzija”, l-Artikolu 77(2), tar-Regolament REACH, intitolat “Kompiti”, jipprevedi:

“Is-Segretarjat għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin:

[...]

e)      l-istabbiliment u ż-żamma ta’ database(s) b’informazzjoni dwar is-sustanzi reġistrati kollha, [...] Huwa għandu jagħmel l-informazzjoni identifikata fl-Artikolu 119(1) u (2) fid-databases pubblikament disponibbli, mingħajr ħlas, fuq l-Internet ħlief fejn talba magħmula taħt l-Artikolu 10(a)(xi) tkun kunsidrata ġustifikata. L-Aġenzija għandha tagħmel informazzjoni oħra fid-databases disponibbli meta tintalab skond l-Artikolu 118.

[...]”

21      L-Artikolu 118 tar-Regolament REACH, intitolat “Aċċess għall-informazzjoni”, huwa redatt kif ġej:

“1.      Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandu japplika għad-dokumenti li jkunu f’idejn l-Aġenzija.

2.      L-iżvelar ta’ l-informazzjoni li ġejja għandu normalment jitqies bħala preġudizzjevoli għall-protezzjoni ta’ l-interessi kummerċjali tal-persuna konċernata:

[…]

ċ)      it-tunnellaġġ preċiż tas-sustanza jew taħlita manifatturati jew imqegħdin fis-suq;

d)      ir-rabtiet bejn manifattur jew importatur u d-distributuri u l-utenti “downstream” tagħhom.

Fejn tkun essenzjali azzjoni urġenti sabiex tiġi protetta s-saħħa u s-sigurtà tal-bniedem jew l-ambjent, bħal f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, l-Aġenzija tista’ tiżvela l-informazzjoni msemmija f’dan il-paragrafu.

3.      Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jadotta l-arranġamenti prattiċi għall-implementazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, inklużi l-appelli jew rimedji meħtieġa għar-reviżjoni ta’ caħda sħiħa jew parzjali ta’ talba għall-kunfidenzjalità, sa l-1 ta’ Ġunju 2008.

4. Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Aġenzija skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jistgħu jkunu l-oġġett ta’ lment lill-Ombudsman jew ta’ azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 195 u 230 tat-Trattat rispettivament.”

22      L-Artikolu 119 tar-Regolament REACH, intitolat “Aċċess pubbliku elettroniku”, jipprevedi dan li ġej:

“1.      L-informazzjoni li ġejja miżmuma mill-Aġenzija dwar sustanzi kemm jekk waħidhom, f’taħlita jew f’oġġetti, għandha tkun disponibbli għall-pubbliku, mingħajr ħlas, fuq l-Internet skond l-Artikolu 77(2)(e):

[…]

2.      L-informazzjoni li ġejja dwar sustanzi kemm jekk waħedhom, fi taħlita jew f’oġġetti, għandha tkun disponibbli għall-pubbliku, mingħajr ħlas, fuq l-Internet skond l-Artikolu 77(2)(e) ħlief fejn parti li tippreżenta l-informazzjoni tippreżenta ġustifikazzjoni skond l-Artikolu 10(a)(xi), aċċettata bħala valida mill-Aġenzija, dwar ir-raġuni għaliex tali pubblikazzjoni tkun potenzjalment ta’ ħsara għall-interessi kummerċjali tar-reġistrant jew għal kwalunkwe parti oħra konċernata:

[…]

b)      it-total ta’ medda ta’ tunnellaġġ (jiġifieri, tunnellata metrika waħda sa għaxar tunnellati metriċi, għaxar tunnellati metriċi sa mitt tunnellata metrika, mitt tunnellata metrika sa elf tunnellata metrika jew aktar minn elf tunnellata metrika) li fihom sustanza partikolari tkun ġiet reġistrata;

[…]

d)      l-informazzjoni, minbarra dik elenkata fil-paragrafu 1, li tinsab fl-iskeda ta’ data ta’ sigurtà;

[…]”

23      L-Anness II tar-Regolament REACH jirrigwarda “Rekwiżiti għat-tfassil tal-Iskedi tad-Dejta dwar is-Sikurezza”. Il-punt 1.1 tat-Taqsima 1 ta’ dan l-anness, intitolat “Identifikazzjoni tas-sustanza/taħlita u tal-kumpanija/impriża”, jipprevedi:

“Din it-taqsima [...] għandha tippreskrivi l-mod kif għandha tiġi identifikata s-sustanza jew it-taħlita u l-mod kif l-użi rilevanti identifikati, l-isem tal-fornitur tas-sustanza jew tat-taħlita u l-informazzjoni bid-dettalji tal-kuntatt tal-fornitur tas-sustanza jew it-taħlita inkluż kuntatt ta’ emerġenza għandhom jingħataw fl-iskeda tad-dejta dwar is-sikurezza”

24      Il-punt 1.3., Taqsima 1 tal-Anness II, intitolat “Id-dettalji tal-fornitur tal-iskeda tad-dejta dwar is-sikurezza”, jipprevedi dan li ġej:

“Għandu jiġi identifikat il-fornitur, kemm jekk huwa l-manifattur, l-importatur, l-unika rappreżentant, l-utent downstream jew id-distributur. Għandhom jingħataw ukoll l-indirizz sħiħ u n-numru tat-telefown tal-fornitur kif ukoll indirizz elettroniku ta’ persuna kompetenti responsabbli mill-iskeda tad-dejta dwar is-sikurezza.

Barra minn hekk, jekk il-fornitur ma jkunx jinsab fl-Istat Membru fejn is-sustanza jew it-taħlita titqiegħed fis-suq u dan ikun innomina persuna responsabbli għal dak l-Istat Membru, għandhom jingħataw l-indirizz sħiħ u n-numru tat-telefown ta’ dik il-persuna responsabbli.

Għar-reġistranti, l-informazzjoni għandha tkun konsistenti mal-informazzjoni dwar l-identità tal-manifattur jew l-importatur mogħtija fir-reġistrazzjoni.

Meta jkun inħatar rappreżentant uniku, jistgħu jingħataw ukoll id-dettalji tal-manifattur jew tal-formulatur li mhuwiex fl-Unjoni”

25      L-Anness VI tar-Regolament REACH, intitolat “Rekwiżiti ta’ Informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10”, jipprevedi, fil-Parti bit-titolu “Informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(a)(i) sa (v)”, fil-punt 3, intitolat “Informazzjoni dwar il-Manifattura u l-Użu tas-Sustanzi”:

“3.1. Manifattura ġenerali, il-kwantitajiet użati għall-produzzjoni ta’ oġġett suġġett għar-reġistrazzjoni, u/jew importazzjonijiet globali f’tunnellati metriċi għal kull reġistrant kull sena fi:

Is-sena kalendarja tar-reġistrazzjoni (kwantità stmata)

[…]

3.3.      Indikazzjoni tat-tunnellaġġ użat għall-użu(i) tiegħu stess”.

4.     Regolament (KE) Nru 1367/2006

26      Il-premessa 3 tar-Regolament (KE) Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, p. 13), tipprevedi dan li ġej:

“[…] Id-disposizzjonijiet tal-liġi Komunitarja għandhom ikunu konsistenti ma’ dik il-Konvenzjoni.”

27      Il-premessa 8 tar-Regolament Nru 1367/2006 tipprevedi dan li ġej:

“Id-definizzjoni ta’ informazzjoni dwar l-ambjent f’dan ir-Regolament tiġbor fiha informazzjoni fi kwalunkwe forma dwar l-istat ta’ l-ambjent. Din id-definizzjoni, li ġiet allinjata mad-definizzjoni adottata fid-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (1), għandha l-istess kontenut għal dik stabbilita fil-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Id-definizzjoni ta’ “dokument” fir-Regolament (KE) Nru. 1049/2001 tiġbor fiha informazzjoni dwar l-ambjent kif definit f’dan ir-Regolament.”

28      Il-premessa 12 tar-Regolament Nru 1367/2006 tipprevedi dan li ġej:

“Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus issejjaħ għal aċċess pubbliku għal informazzjoni dwar l-ambjent fuq talba jew permezz ta’ tixrid attiv mill-awtoritajiet koperti mill-Konvenzjoni. Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 japplika għall-Parlament Ewropew, għall-Kunsill u għall-Kummissjoni, kif ukoll għal aġenziji u korpi simili stabbiliti minn att legali tal-Komunità. Dan jistabbilixxi regoli għal dawn l-istituzzjonijiet li jaqblu fil-parti l-kbira mar-regoli stabbiliti fil-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Huwa meħtieġ li tiġi estiża l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għall-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra kollha tal-Komunità.”

29      Il-premessa 13 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006, tipprevedi dan li ġej:

“Fejn il-Konvenzjoni ta’ Aarhus fiha disposizzjonijiet li ma jinstabux ukoll, b’mod sħiħ jew parzjali, fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001, huwa meħtieġ li dawn jiġu indirizzati, b’mod partikolari fir-rigward tal-ġbir u t-tixrid ta’ informazzjoni dwar l-ambjent.”

30      Il-premessa 15 tar-Regolament Nru 1367/2006 tipprevedi dan li ġej:

“Fejn ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jipprevedi eċċezzjonijiet, dawn għandhom japplikaw, bla ħsara għal kwalunkwe disposizzjoni aktar speċifika f’dan ir-Regolament dwar talbiet għal informazzjoni dwar l-ambjent. Ir-raġunijiet għal rifjut fir-rigward ta’ l-aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv, b’kont meħud ta’ l-interess pubbliku fl-iżvelar u jekk l-informazzjoni mitluba tirrigwardax emissjonijiet fl-ambjent [...]”

31      L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, jipprevedi dan li ġej:

“L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ l-obbligi li jirriżultaw taħt il-Konvenzjoni ta’ l-UNECE dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Konvenzjoni Aarhus”, billi jiġu stabbiliti regoli sabiex jiġu applikati d-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni għall-istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità, partikolarment billi:

a)      jiġi garantit id-dritt għall-aċċess pubbliku għal informazzjoni dwar l-ambjent riċevuta jew prodotta minn istituzzjonijiet jew korpi tal-Komunità u miżmuma minnhom, u billi jiġu stabbiliti t-termini u l-kondizzjonijiet bażiċi ta’ l-eżerċizzju ta’ dak id-dritt u l-arranġamenti prattiċi għall-istess eżerċizzju;

[…]”

32      L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, jindika dan li ġej:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

[...]

d)      “informazzjoni dwar l-ambjent” tfisser kwalunkwe informazzjoni f’għamla miktuba, viżwali, li tinstema’, elettronika jew fi kwalunkwe forma materjali oħra dwar:

i)      l-istat ta’ l-elementi ta’ l-ambjent, bħalma huma l-arja u l-atmosfera, l-ilma, il-ħamrija, il-pajżaġġ u s-siti naturali inklużi l-artijiet mistagħdra, iż-żoni kostali u marini, id-diversità bijoloġika u l-komponenti tagħha, inklużi organiżmi ġenetikament modifikati, u l-interazzjoni fost dawn l-elementi;

ii)      fatturi, bħalma huma s-sustanzi, l-enerġija, l-istorbju, ir-radjazzjoni jew l-iskart, inklużi l-iskart radjuattiv, l-emissjonijiet, l-iskarigi u ħruġ ieħor fl-ambjent, li jaffettwaw jew x’aktarx jaffettwaw l-elementi ta’ l-ambjent msemmija fil-punt (i);

iii)      miżuri (inklużi l-miżuri amministrattivi), bħalma huma l-linji politiċi, il-leġislazzjoni, il-pjanijiet, il-programmi, il-ftehim ambjentali, u l-attivitajiet li jaffettwaw jew li x’aktarx jaffettwaw l-elementi u l-fatturi msemmija fil-punti (i) u (ii) kif ukoll miżuri jew attivitajiet intiżi sabiex jipproteġu dawn l-elementi;

[…]

vi)      l-istat tas-saħħa u tas-sigurtà tal-bniedem, inklużi t-tniġġiż tal-katina alimentari, fejn rilevanti, il-kondizzjonijiet tal-ħajja tal-bniedem, is-siti kulturali u l-istrutturi mibnija safejn jistgħu jaffettwaw jew jiġu affettwati mill-istat ta’ l-elementi ta’ l-ambjent imsemmija fil-punt (i) jew, permezz ta’ dawn l-elementi, minn kwalunkwe materja msemmija fil-punti (ii) u (iii);

[...]”

33      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1367/2006, li jinsab fit-Titolu II ta’ dan ir-regolament, intitolat “Aċċess għal Informazzjoni dwar l-Ambjent”, jipprevedi:

“Ir-Regolament [Nru 1049/2001] għandu japplika għal kwalunkwe talba minn applikant għal aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent fil-pussess ta’ istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità minghajr diskriminazzjoni abbażi ta’ ċittadinanza, nazzjonalità jew domiċilju u, fil-każ ta’ persuna ġuridika, mingħajr diskriminazzjoni dwar fejn hija reġistrata jew fejn ikun iċ-ċentru effettiv ta’ l-attivitajiet tagħha.”

34      L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 huwa redatt kif ġej:

“Fir-rigward ta’ l-ewwel u t-tielet inċiżi ta’ l-Arikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, b’eċċezzjoni għal investigazzjonijiet, b’mod partikolari dawk dwar ksur possibli tal-liġi Komunitarja, għandu jitqies li jeżisti interess pubbliku prevalenti fl-iżvelar fejn l-informazzjoni mitluba tkun konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent. Fir-rigward ta’ l-eċċezzjonijiet l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, ir-raġunijiet għal rifjut għandu jiġi interpretat b’ mod restrittiv, b’kont meħud ta’ l-interess pubbliku moqdi bil-kxif u jekk l-informazzjoni mitluba tkunx konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

35      Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Diċembru 2010, The International Chemical Secretariat (iktar ’il quddiem “ChemSec”) abbażi tar-Regolamenti Nri 1049/2001 u 1367/2006 kif ukoll tal-Artikolu 118 tar-Regolament REACH, talbet lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), fil-kuntest ta’ talba inizjali, l-aċċess għal tliet kategoriji speċifiċi ta’ informazzjoni li jirrigwardaw 356 sustanza kimiċi, jiġifieri:

“1.      l-isem [ismijiet] tal-manifattur(i)/importatur(i) mad-dettalji ta’ kuntatt;

2.      il-kwantità eżatta tas-sustanzi mmanifatturati jew mqiegħda fis-suq;

3.      it-total ta’ medda ta’ tunnellaġġ (jiġifieri ta’ 1 sa 10 tunnellati, ta’ 10 sa 100 tunnellata, ta’ 100 sa 1 000 tunnellata jew ta’ iktar minn 1 000 tunnellata), li fihom it-356 sustanza ġew irreġistrati, fl-ipoteżi fejn l-aċċess għall-informazzjoni msemmi fil-punt 2 ma jkunx possibbli.”

36      F’din it-talba, ChemSec indikat li hija ma sabitx informazzjoni biżżejjed dwar it-356 sustanza inkwistjoni. Hija żiedet dan li ġej:

“Skont l-Artikolu 77(2)(e) tar-Regolament REACH, l-ECHA għandha l-obbligu li tagħti, meta mitluba, informazzjoni li ma tkunx inkluża fid-databses disponibbli, konformement mal-Artikolu 118. Konsegwentement, l-informazzjoni kollha li l-ECHA ma tkunx irrilaxxat, għadha ma rrilaxxatx jew li ma għandhiex l-intenzjoni li tirrilaxxa għandhom, meta jintalbu, isiru aċċessibbli skont ir-Regolamenti Nri 1049/2001 u 1367/2006.”

37      Permezz tal-ittra tat-22 ta’ Diċembru 2010, l-ECHA wieġbet lil ChemSec kif ġej:

“[…] fir-rigward tal-punt 1 tagħkom, l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar manifattur/importatur isseħħ, skont l-Artikolu 118(2)(d), tar-Regolament REACH, u tal-Artikolu 4(3) [sic., fir-realtà l-Artikolu 4(2)], tar-Regolament Nru 1049/2001, informazzjoni dwar rabtiet eżistenti bejn il-manifattur/importatur u l-utenti downstream, u huwa dan li jippreġudika l-protezzjoni ta’ interess kummerċjali. Barra dan, il-fatt li manifattur jew importatur ikun wettaq reġistrazzjoni jikkostitwixxi informazzjoni prezzjuża għas-suq. Din l-informazzjoni tista’ żżid it-trasparenza tas-suq u tippermetti lill-atturi li jadattaw l-aġir tagħhom mal-istatus tal-kompetituri tagħhom. In-nuqqas ta’ żvelar ta’ informazzjoni tal-operaturi tikkorrispondi għalhekk għal interess ġenerali. Ma jistax jiġi stabbilit interess pubbliku superjuri għall-iżvelar ta’ informazzjoni, u ma [ġiet] invokata ebda azzjoni urġenti li tista’ tagħti lok għall-iżvelar ta’ din l-informazzjoni konformement għall-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 118(2) tar-Regolament REACH. Għaldaqstant, din l-informazzjoni ma tiġix żvelata bħala eċċezzjoni li tapplika għar-Regolament Nru 1049/2001.

Fir-rigward tal-punt 2 tagħkom, intom mitluba tinnutaw li skont l-Artikolu 118(2)(ċ) tar-Regolament REACH, bħala prinċipju l-informazzjoni dwar il-kwantità eżatta hija kkunsidrata bħala li tippreġudika l-protezzjoni ta’ interessi kummerċjali. Bħal fil-punt preċedenti, l-Artikolu 4(3) [sic. fir-realtà l-Artikolu 4(2)] tar-Regolament Nru 1049/2001 huwa applikabbli sa fejn l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni tippreġudika effettivament l-interess kummerċjali u fejn aħna ma nipperċepixxu ebda raġuni li tippermetti li jiġi konkluż mod ieħor jew li aħna għandna niddevjaw mill-preżunzjoni leġiżlattiva. Barra dan, ebda interess pubbliku superjuri li jista’ jwassal għal konklużjoni differenti ma jista’ jiġi stabbilit. Barra minn hekk, bħal fil-punt preċedenti, ma hija meħtieġa ebda azzjoni urġenti fis-sens tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 118(2) tar-Regolament REACH. Għaldaqstant, din l-informazzjoni ma tiġix żvelata bħala eċċezzjoni li tapplika għar-Regolament Nru 1049/2001.

Fir-rigward tal-punt 3 tagħkom, intom mitluba tinnutaw li l-ECHA ppubblikat fis-sit tal-internet tagħha […] lista ta’ sustanzi li jibbenefikaw mis-sistema tranżitorja. Din il-lista tippermettilkom li tivverifikaw liema sustanzi kkonċernati ġew irreġistrati u liema ma ġewx [irreġistrati]. Fil-każ ta’ sustanzi li indikajtu fil-lista tagħkom, jista’ jiġi faċilment ivverifikat li l-maġġoranza ta’ dawn is-sustanzi (għadhom) ma ġewx irreġistrati. Konsegwentement, l-ECHA bħalissa ma għandhiex l-informazzjoni li intom tlabtu, b’hekk aħna ma nistgħux nilqgħu t-talba tagħkom dwar dan il-punt.

[…]

L-ECHA tagħmel dak kollu possibbli sabiex tqiegħed fuq is-sit tal-internet tagħha, fl-aħjar żmien possibbli, l-informazzjoni dwar il-medda ta’ tunnellaġġ. Madankollu, it-twettiq tekniku tal-pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni għadu qed jiġi żviluppat, u aħna napprezzaw ġentilment li tifhmu li jrid jgħaddi ċertu żmien qabel ma din l-informazzjoni tiżdied gradwalment ladarba l-każijiet ttrattati […]”

38      Permezz tal-ittra tal-21 ta’ Jannar 2011, ChemSec ressqet talba konfermatorja lill-ECHA bil-għan li tikkunsidra mill-ġdid iċ-“ċaħda tat-talba tagħha tal-1 ta’ Diċembru 2010 li titlob l-aċċess għal dokumenti ambjentali”. Din it-talba konfermatorja ġiet koffirmata minn ClientEarth, li ma kinitx parti fit-talba inizjali, minħabba interess komuni. In-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 1 tal-imsemmija ittra hija redatta hekk:

“Minkejja li ma kinitx parti fit-talba inizjali, ClientEarth qd tingħaqad mat-talba konfermatorja ta’ ChemSec minħabba interess komuni li tikseb l-aċċess għad-dokumenti mitluba. Fil-każ fejn l-ECHA teżiġi li ClientEarth tressaq talba separata fejn titlob l-aċċess għall-istess dokumenti, aħna nitolbu bir-rispett li din it-talba tiġi kkunsidrata, fir-rigward ta’ ChemSec, bħala talba konfermatorja skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001 filwaqt li nitolbu eżami mill-ġdid taċ-ċaħda, mill-ECHA, tat-talba tagħha tal-1 ta’ Diċembru 2010 fil-forma u mod indikati hemmhekk.”

39      Fil-punti 4 sa 6 tat-talba konfermatorja tagħhom, ClientEarth u ChemSec (iktar ’il quddiem, flimkien, ir-“rikorrenti”) sostnew li d-dokumenti li qed jitolbu l-iżvelar tagħhom jirrappreżentaw informazzjoni ambjentali, biex b’hekk japplikaw il-Konvenzjoni ta’ Aarhus u r-Regolament Nru 1367/2006.

40      Imbagħad, huma josservaw, fil-punti 7 sa 13 tat-talba konfermatorja tagħhom, li l-ismijiet tar-reġistranti tas-sustanzi ma humiex koperti b’eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti. Huma rrilevaw, b’mod partikolari, li l-Artikolu 119(2) tar-Regolament REACH jipprevedi t-tixrid tal-informazzjoni kollha li tidher fl-iskeda ta’ data ta’ sigurtà, salv talba ta’ kunfidenzjalità skont tal-Artikolu 10(a)(xi) tar-Regolament REACH u li l-ECHA kienet, konsegwentement, obbligata tippubblika l-ismijiet tar-reġistranti fuq is-sit tal-internet tagħha. Għalhekk, l-argument tal-ECHA li jeżisti interess ġenerali li ma tiġix żvelata informazzjoni ta’ operaturi privati, ma huwiex eżatt. Barra minn hekk, huma affermaw li, sa fejn l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprevedi li l-istituzzjonijiet li jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali, l-ECHA hija obbligata li twettaq analiżi każ b’każ li għalhekk ikun jirrigwarda biss ir-reġistranti li jkunu talbu li isimhom ma jiġix ippubblikat fis-sit tal-internet tal-ECHA. Fil-fatt, huwa illoġiku li tiġi kkonstata l-eżistenza ta’ interess ġenerali sabiex ma jkunx hemm żvelar jekk l-isem jiġi mxerred fuq l-internet. Fil-punti 15 u 19 tat-talba konfermatorja, ir-rikorrenti speċifikaw li l-ECHA hija obbligata tikkuntattja, jekk ikun il-każ, il-kumpanniji li jkunu ressqu talba ta’ kunfidenzjalità fir-rigward ta’ isimhom, bil-għan li jiġi evalwat, konformement għall-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-eżistenza eventwali ta’ interess pubbliku superjuri sabiex ma jkunx hemm żvelar, peress li l-informazzjoni mitluba tkun informazzjoni ambjentali, konformement mal-Artikolu 6(1) tar-u Regolament Nru 1367/2006, kull eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv.

41      Fir-rigward tal-punt 2 tat-talba għal informazzjoni, ir-rikorrenti osservaw, fil-punti 21 sa 24 tat-talba konfermatorja, li, jekk l-Artikolu 118(2) tar-Regolament REACH jikkostitwixxi preżunzjoni favur in-nuqqas ta’ żvelar tal-kwantità eżatta, l-ECHA għandha minkejja kollox tikkunsidra jekk, fil-każ konkret, l-iżvelar ta’ informazzjoni tiddisturba, jew iddgħajjef, l-interessi kummerċjali inkwistjoni u jekk jeżisti l-interess pubbliku superjuri għall-iżvelar. Madankollu, l-ECHA ma spjegatx kif l-iżvelar dgħajjef il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali u hija ma turix l-assenza ta’ interess pubbliku superjuri għall-iżvelar.

42      Fir-rigward tal-punt 3 tat-talba għal informazzjoni, ir-rikorrenti enfasizzaw, fil-punti 25 sa 28 tat-talba konfermatorja, li l-ECHA kienet obbligata tagħti l-aċċess għad-dokumenti mitlub fit-terminu previst mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1049/2001, jiġifieri, salv estensjoni, ħmistax-il jum utli, u li kien inaċċettabbli li huma kellhom jistennew sad-disponibbiltà tal-meddiet totali fuq is-sit tal-internet tal-ECHA.

43      Barra dan, ir-rikorrenti osservaw, fil-punti 29 sa 33 tat-talba konfermatorja, li jeżisti interess superjuri għall-iżvelar ta’ informazzjoni mitluba. Huma ppreċiżaw li din l-informazzjoni tirrigwarda, fil-fatt, 311 sustanzi li huma kanċeroġeni, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni, (CMRs), dwar 17-il sustanza persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi, jew sustanzi persistenti ħafna u bijoakkumulattivi (PBTs u vPvBs) u dwar 28 sustanza ta’ livell ekwivalenti ta’ tħassib u li din l-informazzjoni għandhom ikunu aċċessibbli għaċ-ċittadini kkonċernati u għall-organizzazzjonijiet. Barra minn hekk, l-informazzjoni dwar il-kwantità eżatta li fiha s-sustanza hija mqiegħda fis-suq tikkostitwixxi informazzjoni dwar l-emissjonijiet fl-ambjent. Konsegwentement, konformement mal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1367/2006, l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni jista’ jitqies li jirrappreżenta interess pubbliku superjuri.

44      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti talbu lill-ECHA li terġa’ tikkunsidra t-talba inizjali u li tagħti aċċess sħiħ għall-informazzjoni mitluba, għajr fil-każijiet fejn l-eċċezzjonijiet previsti mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 japplikaw, fi tmiem ta’ evalwazzjoni każ b’każ ta’ sustanzi speċifiċi.

45      Permezz tal-ittra tat-8 ta’ Frar 2011, li s-suġġett tagħha kien intitolat “Notifika ta’ estensjoni tat-terminu impost li tirrigwarda t-talba konfermatorja tagħkom għall-aċċess għad-dokumenti” u li ġiet indirizzata unikament lil ChemSec, l-ECHA, b’mod partikolari, esponiet dan li ġej:

“Skont l-Artikolu 8(2) [tar-Regolament Nru 1049/2001], l-ECHA tista’, f’każijiet eċċezzjonali, testendi t-terminu għar-risposta ta’ 15-il jum utli. Peress li t-talba tagħkom tirrigwarda numru kbir ħafna ta’ dokumenti mressqa fil-kuntest ta’ reġistrazzjoni skont ir-Regolament REACH għal sustanzi elenkati individwalment fit-talba tagħkom u timplika ammont utli konsiderevoli għall-Aġenzija, t-talba tagħkom teħtieġ terminu ta’ trattament addizzjonali. Għaldaqstant, iddeċidejt li nestendi t-terminu inizjali ta’ 15-il jum xogħol”

46      Permezz tal-ittra tal-4 ta’ Marzu 2011 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li s-suġġett tagħha huwa intitolat “Talba konfermatorja ta’ eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni dwar l-aċċess għad-dokumenti”, l-ECHA kkonfermat ir-rifjuti preċedenti tagħha. Din l-ittra ġiet indirizzata lil ChemSec u kien fiha l-frażi “Cc : Vito Buonsante, Client Earth”.

47      L-ewwel nett, l-ECHA osservat li t-talba kienet tirrigwarda l-informazzjoni sottomessa mill-manifatturi, l-importaturi jew r-rappreżentanti esklużivi, fil‑-kuntest tal-proċessi ta’ reġistrazzjoni previsti mir-Regolament REACH u li l-informazzjoni hija inkluża fid-databases tagħha. Hija osservat ukoll li d-dokumenti tekniċi li ġew sottomessi minn kull manifattur, importatur jew rappreżentant esklużiv għal kull sustanza kimika, kellha diversi dokumenti għal kull sustanza, u li hija interpretat din it-talba fis-sens li hija riedet tikseb aċċess għal dawn id-dokumenti tekniċi kollha li jirrigwardaw it-356 sustanza inkwistjoni (sakemm dawn is-sustanzi kienu rreġistrati mal-ECHA).

48      Fir-rigward tal-punt 1 tat-talba, l-ECHA kkonkludiet li hija trid tikkonferma d-deċiżjoni inizjali li tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti mitluba. Hija, b’mod partikolari indikat, fil-punt 1(a) tad-deċiżjoni kkontestata, li “l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar il-manifattur/importatur ta’ sustanzi irreġistrati tirriskja gravament li tiżvela informazzjoni dwar ir-rabtiet bejn il-manifatturi jew l-importaturi u l-utenti downstream, u għaldaqstant [setgħet], skont l-Artikolu 118(2)(d), tar-Regolament REACH, tippreġudika l-protezzjoni ta’ interessi kummerċjali”. F’dan ir-rigward, l-ECHA rreferiet “għal raġunijiet oħra li jiġġustifikaw din il-preżunzjoni u li jidhru fid-deċiżjoni inizjali […] tat-22 ta’ Diċembru 2010”.

49      Madankollu, l-ECHA nnutat l-osservazzjoni tar-rikorrenti li “interess ġenerali sabiex tiġi kkunsidrata din l-informazzjoni, fiċ-ċirkustanzi kollha, [bħala] kunfidenzjali jista’ jkun nieqes u jista’ jkun xieraq li jiġi deċiż każ b’każ wara li jikkonsulta lid-detenturi ta’ kull dokumenti tekniċi”. Hija tikkunsidra li, “[m]ingħajr preġudizzju għar-risposta għal din il-mistoqsija, minkejja kollox l-aċċess għall-informazzjoni mitluba ma t[istax] tingħata, peress li l-[ECHA] [kienet qed teżamina mill-ġdid], mal-Kummissjoni u l-Istati Membri, il-proċessi marbuta mat-tixrid mal-pubbliku tal-informazzjoni dwar is-sustanzi skont l-Artikolu 119(2), tar-Regolament REACH”.

50      L-ECHA speċifikat li l-eżami mill-ġdid tirrigwarda b’mod partikolari t-tixrid tal-informazzjoni dwar l-identità tal-manifattur, tal-importatur jew tad-distributur, sa fejn din l-informazzjoni tkun disponibbli fid-database tal-ECHA. L-ECHA żiedet li, jekk hi kellha tiddeċiedi li tippubblika, fil-ġejjieni, l-identità tal-imsemmija persuni għal ċerti kategoriji ta’ sustanzi, hija jkollha tadatta l-proċeduri tagħha u s-sistema informatika tagħha u, b’mod partikolari, iddaħħal, fir-rigward tar-reġistrazzjonijiet eżistenti, il-possibbiltà għal dawk ikkonċernati li jressqu talba ta’ kunfidenzjalità fir-rigward tal-identità tagħhom.

51      Hija żiedet li “[t]ippermetti l-aċċess f’dan il-mument għal informazzjoni abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 mhux biss jiġġenera għall-Aġenzija, ammont utli manwali straordinarjament għoli […,] iżda wkoll jippermetti li jiġu evitati l-proċeduri speċifiċi, previsti mir-Regolament REACH” u li, “b’mod partikolari, id-reġistranti jirriskjaw li jiġu mċaħħda mir-rikors normali li jipprevedi r-regolament kontra ċ-ċaħda ta’ talba ta’ kunfidenzjalità”. L-ECHA ikkonkludiet li ma kienx hemm alternattiva ħlief li tapplika l-Artikolu 4(3)tar-Regolament Nru 1049/2001 u li tirrifjuta l-aċċess sa fejn it-talba titratta kwistjoni li dwarha ma ġiet meħuda ebda deċiżjoni u fejn l-iżvelar joħloq dannu gravi għall-proċess deċiżjonali tal-ECHA u li, peress li jirrigwarda d-deċiżjoni imminenti dwar l-approċċ futur tal-Aġenzija, l-ebda interess pubbliku superjuri ma jiġġustifika l-iżvelar. Barra dan, l-ECHA enfasizzat li hija għandha l-kompitu li tiżgura li d-reġistranti kollha jiġu ttrattati b’mod ugwali u li tipprovdilhom l-istess opportunitajiet li jippreżervaw l-interessi leġittimi tagħhom.

52      Barra minn hekk, l-ECHA osservat li, fid-dawl tan-numru ta’ dokumenti tekniċi sostanzjali, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-aspetti ta’ proporzjonalità, jekk hija tasal għal-konlkużjoni li l-identità tal-manifattur jew tal-importatur jikkostitwixxu informazzjoni li tissemma fl-Artikolu 119(2) tar-Regolament REACH. Hija ppreċiżat li n-neċessità li titwettaq analiżi każ b’każ, li tinkludi konsultazzjoni ta’ terzi, ta’ kull talba ta’ aċċess għal dawn id-dokumenti tekniċi tista’ tikkomprometti l-kapaċità tagħha li tiġġestixxi l-kompiti tagħha f’ċerti oqsma u li, konsegwentement, hija għandha tirreżerva d-dritt tagħha li tikkordina mal-applikanti b’mod informali sabiex issib arranġament ġust, konformement mal-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

53      Fir-rigward tal-punt 2 tat-talba, l-ECHA, billi għamlet riferiment għall-Artikolu 118(2)(ċ) tar-Regolament REACH, iddikjarat, fil-punt 1(b), tad-deċiżjoni kkontestata, li kienet “iddeċidiet li żżomm id-deċiżjoni inizjali peress li l-iżvelar tal-kwantità eżatta tas-sustanzi li jikkostitwixxu s-suġġett tat-talba jippreġudika l-interess kummerċjali tar-reġistranti involuti” u li l-“informazzjoni dwar il-kwantità eżatta tiżvela l-parti tas-suq tal-kumpanniji fir-rigward tal-kompetituri tagħhom.” Barra minn hekk, hija tafferma li l-pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni jista’ jkollha effett mil-lat ta’ dritt tal-kompetizzjoni.

54      L-ECHA ddikjarat li ma rrilevat ebda interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar. Fir-rigward ta’ din il-kwistjoni, hija nnutat li t-talba kienet immotivata mix-xewqa li jiġi promoss l-approċċ regolatorju fil-konfront ta’ sustanzi kimiċi li jistgħu jiġu identifikati bħala sustanzi ta’ tħassib serju ħafna. Madankollu, il-leġiżlatur jipprovdi, permezz tar-Regolament REACH, mezzi li jippermettu l-identifikazzjoni u l-ġestjoni tar-riskju li joħolqu dawn is-sustanzi, prinċipalment il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, din tal-aħħar tipprovdi konsultazzjoni pubblika wiesgħa.

55      Fir-rigward tal-punt 3 tat-talba, l-ECHA kkonfermat, fil-punt 1(c) tad-deċiżjoni kkontestata, li “id-dokument mitlub ma jissemma la fid-databases [tagħha] u lanqas fid-dossiers [tagħha]”.

56      Hija enfasizzat li r-Regolament Nru 1049/2001 ma jimponix obbligu li jinħolqu dokumenti sabiex jiġu sodisfatti talbiet għal aċċess għad-dokumenti. Madankollu, sabiex ikun jista’ jiġi mogħti tali dokument lil ChemSec, hija jkollha tiġbor l-informazzjoni msemmija fid-dossiers kollha ta’ reġistrazzjoni u tikkalkola l-medda ta’ tunnellaġġ totali tal-kwantitajiet tas-sustanzi inkwistjoni (jekk it-talbiet għal reġistrazzjoni jkunu ġew verament imressqa għal dawn is-sustanzi kollha). Hija ppreċiżat li se jkun l-istess għall-aċċess għall-medda ta’ tunnellaġġ kumulattiv preċiż li jirrigwarda kull sustanza li tissemma fit-talba, fil-każ fejn din ikollha tiġi interpretata b’dan il-mod.

57      Madankollu, l-ECHA żiedet li hija ġabret l-informazzjoni pprovduta dwar il-meddiet ta’ tunnellaġġ mir-rekords individwali tas-sustanzi elenkati fit-talba. Hija annettiet mal-ittra tagħha tabella li fiha din l-informazzjoni, filwaqt li ppreċiżat li “[i]l-metodoloġija użata sabiex jiġi stabbilit it-total ta’ medda ta’ tunnellaġġ [kienet…] qed tinħadem” u li l-“ECHA ma [kinitx] għaldaqstant f’qagħda li tiggarantixxi l-eżattezza tal-imsemmija informazzjoni ġġenerata manwalment”.

58      Fit-3 ta’ Mejju 2011, id-direttur eżekuttiv tal-ECHA ddeċieda, fuq parir tal-bord tad-diretturi tal-ECHA tal-24 ta’ Marzu 2011, li jestendi l-prattika ta’ tixrid fuq l-internet l-ismijiet tar-reġistranti. Din l-estensjoni tal-prattika ta’ tixrid rriżultat f’opinjoni tas-servizz legali tal-Kummissjoni Ewropea tal-21 ta’ Diċembru 2010, skont liema l-identità tar-reġistrant hija parti mill-informazzjoni li l-ECHA kellha l-obbligu li tiddissemina, skont l-Artikolu 119(2)(d), tar-Regolament REACH, bħal dawk li jissemmew fl-iskeda tad-data tas-sikurezza, sakemm ma tiġix ifformulata talba ta’ kunfidenzjalità valida skont l-Artikolu 10(a)(xi) tar-Regolament REACH.

59      F’komunikazzjoni għall-istampa ppubblikata fit-18 ta’ April 2012 fuq is-sit tal-internet tagħha, l-ECHA ddikjarat li kienet ħadet deċiżjoni dwar il-metodoloġija li għandha tintuża sabiex tikkalkula “ it-total ta’ medda ta’ tunnellaġġ” u ħabbret li se tippubblika din id-data f’Ġunju 2012. Fil-25 ta’ Lulju 2012, ġiet ippubblikata rettifika ta’ din komunikazzjoni tal-istampa fuq is-sit tal-internet tal-ECHA sabiex tikkorreġi żball fil-metodu ta’ kalkolu.

60      F’Ġunju 2012, l-ECHA ppubblikat fuq is-sit tal-internet tagħha t-total ta’ medda ta’ tunnellaġġ aggregat li fih kull sustanza kienet ġiet irreġistrata, l-eċċezzjoni tal-kwantitajiet li għalihom ġiet mitluba l-kunfidenzjalità, konformement mal-Artikolu 119(2)(b) tar-Regolament REACH.

61      F’Lulju 2012, l-ECHA ppubblikat il-verżjoni 2.0 tal-“manwal tal-preżentazzjoni tad-dejta”, li fih fil-parti 15, intitolata “It-Tqassim”, hija spjegata, b’mod partikolari, il-metodoloġija ta’ pubblikazzjoni tal-ismijiet u l-indirizzi tar-reġistranti. Il-verżjoni 2.0 tal-parti 16 ta’ dan il-manwal, intitolata “Klejms għal Kunfidenzjalità: Kif jitressqu t-talbiet ta’ kunfidenzjalità u kif jiġu fformulati l-ġustifikazzjonijiet tat-talbiet ta’ kunfidenzjalità konformement mal-Artikolu 119(2) [tar-Regolament REACH]”, ġie wkoll ippubblikat, f’Lulju 2012, fuq is-sit tal-internet tal-ECHA u jirrifletti, b’mod partikolari, “l-emendi li jirriżultaw mill-elementi addizjonali għat-talbiet ta’ kunfidenzjalità skont l-Art[ikolu] 119(2)(d) [tar-Regolament REACH] dwar “[i]nformazzjoni oħra murija fl-iskeda tad-data tas-sikurezza”.

62      Permezz tal-komunikazzjoni tal-istampa tat-28 ta’ Novembru 2012, l-ECHA ħabbret li, wara reviżjonijiet tas-sistema informatika tagħha, it-tixrid tal-ismijiet tar-reġistranti, fuq is-sit tal-internet tagħha, kienet għadha kemm bdiet. Madankollu l-ECHA ppreċiżat li l-ismijiet li hija kienet laqgħet talba ta’ kunfidenzjalità dwarhom kienu eżenti mit-tixrid.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

63      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Mejju 2011, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

64      B’att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Awwissu 2011, skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-ECHA qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. Ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din l-eċċezzjoni fit-28 ta’ Settembru 2011. Permezz ta’ digriet tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2011, l-eċċezzjoni ġiet magħquda mal-mertu u l-ispejjeż ġew riżervati.

65      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Awwissu 2011, il-Kummissjoni u l-European Chemical Industry Council (“CEFIC”) talbu sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-ECHA.

66      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fit-18 ta’ Awwissu 2011, ir-Renju tad-Danimarka talab li jintervjeni insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti.

67      Permezz ta’ digrieti tat-8 ta’ Frar 2012, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talbiet biex jintervjenu tal-Kummissjoni u tar-Renju tad-Danimarka u, permezz tad-digriet tat-18 ta’ Ottubru 2012, laqa’ t-talba biex tintervjeni ċ-Cefic.

68      Fit-22 ta’ Marzu u fl-20 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni u ċ-Cefic ippreżentaw rispettivament in-noti ta’ intervent tagħhom.

69      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Marzu 2012, ir-Renju tad-Danimarka talab li jirtira t-talba tiegħu sabiex jintervjeni.

70      Permezz ta’ digriet tat-22 ta’ Mejju 2012, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba ta’ rtirar tar-Renju tad-Danimarka u kkundanna lil dan tal-aħħar sabiex ibati l-spejjeż tiegħu.

71      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tieni Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla.

72      Fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura l-Qorti Ġenerali (it-Tieni Awla) għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, li għalihom dawn tal-aħħar wieġbu fit-terminu stabbilit.

73      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

74      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-30 ta’ Jannar 2015.

75      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-ECHA tbati l-ispejjeż inklużi dawk tal-intervenjenti.

76      L-ECHA titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors fil-kawża prinċipali inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

77      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat sa fejn jirrigwarda l-motiv invokat mir-rikorrenti skont liema l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma japplikax għall-informazzjoni ambjentali;

78      Iċ-Cefic jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors għal annullament ippreżentat mir-rikorrenti;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

79      Bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti speċifikaw li, fil-formulazzjoni tat-talbiet tagħhom fir-risposta, huma ma żammewx it-talbiet tagħhom fir-rigward tal-konstatazzjoni li l-ECHA kisret il-Konvenzjoni ta’ Aarhus, ir-Regolament Nru 1367/2006 u r-Regolament Nru 1049/2001. Barra minn hekk, ir-rikorrenti rrinunzjaw għat-tielet motiv, sa fejn huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, kif ġie vverbalizzat fil-proċess verbali tas-seduta.

 Id-dritt

A –  Fuq l-ammissibbiltà

1.     Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà

80      Fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha, l-ECHA tallega, essenzjalment, li r-rikors huwa inammissibbli, fir-rigward ClientEarth, minħabba li din ma kinitx parti fit-talba inizjali ta’ aċċess għad-dokumenti u ma kinitx destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata, u, fir-rigward ChemSec, minħabba li r-rikors ma kienx iffirmat f’isimha mill-avukat tagħha, b’tali mod li hija ma hijiex irrappreżentata minn avukat quddiem il-Qorti Ġenerali.

81      Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat, it-tieni lment tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, imqajjem mill-ECHA fil-konfront ta’ ChemSec.

82      L-ECHA ssostni li ChemSec ma hijiex irrappreżentata minn avukat, fis-sens tal-Artikolu 19 tas-Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u għaldaqstant ma hijiex parti mit-talba għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba l-fatt li r-rikors ma huwiex iffirmat mill-avukat tagħha f’isimha. Bl-iffirmar f’isem ClientEarth biss u billi l-firma hija preċeduta mill-kliem “ippreżentat rispettivament minn ClientEarth permezz ta’ Pierre Kirch, avukat” u, iktar ’l isfel, bil-kliem “f’isem ClientEarth”, l-avukat illimita r-rappreżentanza tiegħu għal din tal-aħħar.

83      Barra minn hekk, l-ECHA ssostni li l-lista ta’ provi prodotti insostenn tar-rikors fil-kawża prinċipali hija ffirmata mill-avukat “għan-nom ta’ ClientEarth”, mingħajr riferiment għal ChemSec.

84      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, l-oriġinal ta’ kull att ta’ proċedura għandu jiġi ffirmat mill-aġent jew l-avukat tal-partijiet.

85      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li r-rikors għal annullament ġie redatt mill-avukat għan-nom kemm ta’ ClientEarth kif ukoll ta’ ChemSec, kif jirriżulta mill-ewwel paġna tar-rikors.

86      Barra minn hekk, fil-paġni 2 u 3 tal-imsemmi rikors, tidher l-informazzjoni li tirrigwarda ż-żewġ rikorrenti, b’mod partikolari l-indirizz u n-numru tat-telefon rispettivi tagħhom kif ukoll indikazzjoni li l-avukat qed jirrappreżenta liż-żewġ rikorrenti.

87      It-tieni nett, ma huwiex bl-ebda mod ikkontestat mill-ECHA li r-rikors fih l-oriġinal tal-firma tal-avukat.

88      Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li kull wieħed mir-rikorrenti debitament iddelega setgħa ta’ rappreżentanza lill-avukat li ffirma r-rikors.

89      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikors huwa konformi kemm mal-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, billi fih il-firma tal-avukat tal-partijiet ikkonċernati, kif ukoll mal-Artikolu 44(1) tal-imsemmi regolament, billi jispeċifika l-ismijiet u l-indirizzi tar-rikorrenti kif ukoll jindika l-parti li kontriha qed jiġi ppreżentat ir-rikors.

90      Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-fatt li l-aħħar paġna tar-rikors fiha l-kliem “ippreżentat rispettivament minn ClientEarth permezz ta’ Pierre Kirch, avukat” segwita mill-firma tal-avukat u, iktar ’l isfel il-kliem, “għan-nom ta’ ClientEarth”, mingħajr ma jidher isem ChemSec.

91      Minn naħa waħda, ma jirriżulta mill-ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li dan il-kliem huwa mandatorju u li l-avukat għandu jispeċifika fl-aħħar paġna tar-rikors, wara l-firma tiegħu, ir-rikorrenti kkonċernati.

92      Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi sostnut b’mod raġonevoli, fid-dawl tal-kontestazzjonijiet imwettqa fil-punti 84 sa 88 hawn fuq, li s-sempliċi fatt li tissemma ClientEarth qabel u wara l-firma tal-avukat qed tillimita r-rappreżentanza quddiem il-Qorti Ġenerali għal din ir-rikorrenti biss.

93      Sa fejn l-ECHA tosserva li jirriżulta mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Mejju 2007, Il-Parlament vs Eistrup (T‑223/06 P, Ġabra p. II‑1581), li l-preżenza tal-firma ta’ avukat hija kkunsidrata bħala regola sostanzjali ta’ forma li għandha applikata b’mod strett u li n-nuqqas ta’ osservanza tagħha twassal għall-inammissibbiltà tar-rikors, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li s-sentenza Il-Parlament vs Eistrup, iċċitata iktar ’il fuq, tirrigwarda sitwazzjoni li fiha l-oriġinali tar-rikors speċifikament ma kellux il-firma tal-avukat, peress li kien sempliċiment it-timbru tiegħu s-soluzzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali f’din is-sentenza għalhekk ma tapplikax f’dan il-każ, fejn il-firma tal-avukat fl-oriġinali tar-rikors bl-ebda mod ma hija nieqsa.

94      Barra dan, peress li r-rikors huwa ffirmat mill-avukat tal-partijiet, għandu jiġi miċħud bħala irrilevanti l-argument tal-ECHA skont liema l-fatt li setgħa ta’ rappreżentanza tidher fir-rikors ma tikkumpensax għall-assenza ta’ firma tal-avukat tal-partijiet.

95      Minn dan isegwi li, mill-kliem li jidher fl-ewwel paġna tar-rikors skont liema dan tal-aħħar ġie ppreżentat f’isem iż-żewġ rikorrenti, mill-informazzjoni dwar ir-rikorrenti fil-paġni 2 u 3 tar-rikors, mill-firma tal-avukat li tidher fl-aħħar paġna tiegħu u bit-tressiq taż-żewġ prokuri stabbiliti għal kull rikorrent f’isem l-istess avukat, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991 ġew osservati.

96      Fir-rigward ta’ ChemSec, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha għalhekk tiġi miċħuda.

97      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-locus standi ta’ ClientEarth, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ppreżentaw l-uniku u l-istess rikors. Madankollu, skont ġurisprudenza li issa hija stabbilita sew, fir-rigward tal-uniku u l-istess rikors, meta wieħed mir-rikorrenti jkollu locus standi, ma hemmx lok li jiġi eżaminat il-locus standi tar-rikorrenti l-oħra, għajr sabiex wieħed jibbaża ruħu fuq kunsiderazzjonijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni, C‑313/90, Ġabra p. I‑1125, punt 31; tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il-Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, Ġabra p. I‑4727, punti 36 sa 38, u tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Diċembru 2013, Cisco Systems u Messagenet vs Il-Kummissjoni, T‑79/12, Ġabra, punt 40).

98      Fil-każ inkwistjoni, anki li kieku kellu jitqies li eżami separat tal-ammissibbiltà tar-rikors ta’ ClientEarth jiżvela li din ma għandhiex locus standi, il-Qorti Ġenerali xorta waħda jkollha teżamina r-rikors fl-intier tiegħu. Għaldaqstant ma jeżistux motivi ta’ ekonomija ta’ proċedura li jiġġustifikaw li l-Qorti Ġenerali tiddevja mill-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cisco Systems u Messagenet vs Il-Kummissjoni, punt 97 iktar ’il fuq, punt 40).

99      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda fl-intier tagħha.

2.     Fuq it-tmiem tan-nuqqas ta’ ammissibbiltà bbażata fuq l-inammissibbiltà tas-suġġett tar-rikors

100    L-ECHA ssostni li dan il-każ jirrigwarda talba għal informazzjoni speċifika u mhux talba ta’ aċċess għad-dokumenti jew għal informazzjoni ambjentali. It-talba inkwistjoni ma kinitx validament magħmula skont ir-Regolament Nru 1049/2001, b’tali mod li kienet inammissibbli, u għalhekk ma kellhomx jirċievu risposta mill-ECHA skont tal-imsemmi regolament. Għaldaqstant, ikun improbabbli li tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament.

101    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, huma biss il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti li jistgħu jeffettwaw l-interessi ta’ terzi billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħhom li jikkostitwixxu atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament (ara d-digriet tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Frar 2010, Il-Kummissjoni vs CdT, T‑456/07, Ġabra p. II‑183, punt 52, u l-ġurisprudenza ċċitata).

102    Barra minn dan, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni s-sustanza tal-miżura li tagħha jintalab l-annullament, sabiex jiġi ddeterminat jekk hija tistax tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, peress li l-forma li biha din ġiet adottata hija, bħala prinċipju, irrilevanti f’dan ir-rigward (ara d-digriet Il-Kummissjoni vs CdT, punt 101 iktar ’il fuq, punt 53, u l-ġurisprudenza ċċitata).

103    Manifestazzjoni ta’ opinjoni bil-miktub jew sempliċi dikjarazzjoni ta’ intenzjoni ma jistgħux jikkostitwixxu deċiżjoni ta’ natura li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, peress li ma jistgħux jipproduċu effetti legali jew mhumiex intiżi sabiex jipproduċu tali effetti (ara d-digriet Il-Kummissjoni vs CdT, punt 101 iktar ’il fuq, punt 55, u l-ġurisprudenza ċċitata).

104    Barra minn hekk, ġie deċiż, fir-rigward ta’ rikorsi għal annullament ippreżentati minn individwi, li kull ittra mibgħuta b’risposta għal talba magħmula mid-destinatarju tagħha ma tikkostitwixxix neċessarjament deċiżjoni li tiftaħ it-triq għar-rikors għal annullament (ara d-digriet Il-Kummissjoni/CdT, punt 101 iktar ’il fuq, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata).

105    Fir-rigward madankollu tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 8(1) u (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jikkostitwixxi l-espressjoni speċifika tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja, kull rifjut ta’ aċċess għal dokumenti mitluba mill-amministrazzjoni jista’ jiġi kkontestat b’mod ġudizzjarju. Dan jgħodd indipendentement mill-motiv invokat sabiex jiġi rrifjutat dan l-aċċess (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2014, Strack vs Il-Kummissjoni, C‑127/13 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 39).

106    Għalhekk, ma jeffettwax id-dritt għal azzjoni legali tal-persuni kkonċernati l-fatt li jiġi sostnut li l-aċċess għal dokument għandu jiġi rrifjutat għal waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 jew li jiġi sostnut li d-dokument mitlub ma jeżistix. Kwalunkwe soluzzjoni oħra tirrendi impossibbli l-isħarriġ li l-qorti tal-Unjoni għandha twettaq fir-rigward tal-fondatezza ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, għaliex ikun biżżejjed għall-istituzzjoni kkonċernata li tafferma li dokument ma jeżistix sabiex tevita kull stħarriġ ġudizzjarju. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-ineżistenza ta’ dokument li jiġi mitlub l-aċċess għalih jew il-fatt li huwa ma huwiex fil-pussess tal-istituzzjoni kkonċernata ma jimplikawx l-inapplikabbiltà tar-Regolament Nru 1049/2001 (is-sentenza Strack vs Il-Kummissjoni, punt 105 iktar ’il fuq, punti 40 u 41).

107    Għandu jiġi rrilevat li ċ-ċaħda ta’ talba konfermatorja, bħala prinċipju, tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament. Il-punt 1 tad-deċiżjoni kkontestata huwa għalhekk intitolat “Deċiżjoni dwar it-talba konfermatorja tagħkom” u, kif jipprevedi l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-ECHA informa lil ChemSec fil-punt 3 tad-deċiżjoni kkontestata dwar il-possibbiltà li tippreżenta rikors skont l-Artikolu 263 TFUE.

108    L-argument tal-ECHA li talba inamissibbli ma tistax tkun suġġetta għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 u, sussegwentement, għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali ma jistax jintlaqa’.

109    Ċertament, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 104 hawn fuq, kull risposta għal talba għal informazzjoni ġenerali ma tikkostitwixxix neċessarjament deċiżjoni li twassal għar-rikors għal annullament.

110    Madankollu, ir-rikorrenti talbu informazzjoni definiti sew, dwar lista ta’ sustanzi speċifiċi u maħsuba li huma, skont ir-rikorrenti, fil-pussess tal-ECHA. Fir-risposta tagħha, l-ECHA ma llimitatx ruħha li tikkomunika sempliċiment l-informazzjoni ġenerali, iżda hija adottat deċiżjoni li tiċħad it-talba għal informazzjoni. Indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk l-ECHA kinitx obbligata jew le li tagħti l-aċċess għall-imsemmija informazzjoni, b’mod partikolari skont ir-Regolament Nru 1049/2001, minn dan lanqas ma jirriżulta li hija deċiżjoni negattiva intiża li tipproduċi effetti legali u li tista’ tiġi kkontestata b’rikors.

111    Minn dan isegwi li l-ECHA ma tistax issostni li r-risposta konfermattiva tagħha għat-talba għal informazzjoni tar-rikorrenti hija att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, b’tali mod li r-raġuni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda.

B –  Fuq iż-żamma tas-suġġett tal-kawża fir-rigward tat-talba għal informazzjoni billi tirrigwarda l-ismijiet u d-dettalji tar-reġistranti li ġew żvelati wara l-preżentata tar-rikors

112    Permezz tal-punt 1 tat-talba għal informazzjoni, ChemSec talbet l-aċċess għal informazzjoni dwar l-ismijiet tal-manifatturi jew tal-importaturi mad-dettalji li jirrigwardaw 356 sustanza kimika (ara l-punt 35 hawn fuq).

113    Peress li, wara l-preżentata tar-rikors, l-ECHA implementat prattika ġdida ta’ tixrid fuq l-internet ta’ ċerta informazzjoni msemmija fl-Artikolu 119 tar-Regolament REACH u li ppubblikat fuq is-sit tal-internet tagħha, f’ Novembru 2012, parti mill-informazzjoni mitluba, għandu jiġi eżaminat sa fejn ir-rikorrenti għandhom interess ġuridiku fil-konfront tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-punt 1 tat-talba għal informazzjoni.

114    Għandu jitfakkar li jirriżulta mill-ġurisprudenza, li l-interess ġuridiku ta’ rikorrent għandu, fid-dawl tas-suġġett tar-rikors, ikun preżenti fil-mument li fih dan jitressaq, u fin-nuqqas ta’ dan, ir-rikors għandu jitqies li huwa inammissibbli. Dan is-suġġett tal-kawża, bħall-interess ġuridiku, għandu jissussisti sakemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja, u fin-nuqqas ta’ dan, ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, u dan jippresupponi li r-rikors jista’, jekk jirnexxi, ikun ta’ benefiċċju għall-parti li tkun ippreżentatu (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, C‑362/05 P, Ġabra p. I‑4333, punt 42, u tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Marzu 2011, Access Info Europe vs Il-Kunsill, T‑233/09, Ġabra p. II‑1073, punt 33).

115    Madankollu, jekk l-interess ġuridiku tar-rikorrent ma jibqax jeżisti matul il-proċedura deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fuq il-mertu ma tista’ tkun ta’ ebda benefiċċju għalih (is-sentenzi Wunenburger vs Il-Kummissjoni, punt 114 iktar ’il fuq, punt 43, u Access Info Europe vs Il-Kunsill, punt 114 iktar ’il fuq, punt 33).

116    F’dan il-każ, mir-risposta tal-ECHA għad-domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li hija ppubblikat l-ismijiet tal-kumpanniji għas-sustanzi kollha irreġistrati sal-aħħar ta’ Novembru 2012, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li għalihom il-kumpanniji ressqu talba ta’ kunfidenzjalità. Hija speċifikat li l-pubblikazzjoni kienet tinkludi l-isem u l-indirizz tal-kumpannija, iżda kienet teskludi kull informazzjoni ta’ natura personali (bħan-numri tat-telefon jew l-indirizzi tal-posta elettronika li jistgħu jiġu assoċjati mal-membri tal-persunal tal-kumpannija). Fir-rigward tas-sustanzi inkwistjoni, l-ECHA indikat li 95 reġistranti talbu li l-identità tagħhom ma tiġix żvelata, b’tali mod li, għal 55 tal-imsemmijin sustanzi, li n-“numéros CE” tagħhom jidher fl-Anness Q.2, ismijiet tal-kumpanniji u l-indirizzi kollha ma humiex disponibbli fuq is-sit tal-internet tal-ECHA. Min-naħa l-oħra, għas-6 611 kumpannija li rreġistraw is-sustanzi inkwistjoni, l-informazzjoni ġiet ippubblikata fl-intier tagħha (bl-eċċezzjoni tal-informazzjoni ta’ natura personali). Għandu jiġi ppreċiżat li d-data li tirrigwarda l-informazzjoni li ġiet ippubblikata tirriżulta minn estratt mid-database tal-ECHA tat-23 ta’ April 2014. Matul is-seduta, l-ECHA spjegat li n-numru ta’ reġistranti li l-identità tagħhom ġiet jew ma ġietx ippubblikata hija f’evoluzzjoni kostanti. Id-data disponibbli ma hijiex għaldaqstant aġġornata u tirrappreżenta biss l-istat ta’ pubblikazzjoni fid-data tat-23 ta’ April 2014.

117    Fir-rigward tal-informazzjoni inkwistjoni li issa hija aċċessibbli lill-pubbliku, l-ECHA ddikjarat fir-risposta tagħha għad-domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali li r-rikors m’għadx għandu skop filwaqt li l-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma għandhom l-ebda interess fit-tkomplija tal-proċedura f’dan ir-rigward.

118    Ir-rikorrenti jirrilevaw, fil-punt 1 tar-risposta tagħhom għad-domanda bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, li l-ismijiet kollha ma ġewx ikkomunikati mill-ECHA u li, għalhekk, it-talba tagħhom ġiet biss milqugħa parzjalment, b’tali mod li l-kwistjoni tal-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda li tirrigwarda l-punt 1 tat-talba għal informazzjoni tibqa’ miftuħa u għandha tiġi deċiża mill-Qorti Ġenerali. Fis-seduta, huma speċifikaw li qed jitolbu li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi xorta waħda dwar il-punt 1 tat-talba għal informazzjoni sa fejn dan jirrigwarda informazzjoni li kienet, fil-frattemp, disponibbli fuq is-sit tal-internet tal-ECHA.

119    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fil-konfront tal-informazzjoni mitluba li ġiet żvelata fuq is-sit tal-internet tal-ECHA, il-kawża tilfet l-iskop tagħha u r-rikorrenti tilfu l-interess ġuridiku tagħhom, b’tali mod li ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Novembru 2004, Turco vs Il-Kunsill, T‑84/03, Ġabra p. II‑4061, punti 28 sa 30; tad-9 ta’ Settembru 2011, LPN vs Il-Kummissjoni, T‑29/08, Ġabra p. II‑6021, punt 57; id-Digrieti tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Settembru 2012, Nickel Institute vs Il-Kummissjoni, T‑180/10, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 20; tal-14 ta’ Jannar 2014, Miettinen vs Il-Kunsill, T‑303/13, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 17 sa 19, u tas-7 ta’ Mejju 2014, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑511/10, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 20).

120    F’dan id-dawl, fir-rigward ta’ din l-informazzjoni, it-talba tar-rikorrenti tista’ għaldaqstant tiġi kkunsidrata li ġiet sodisfatta. L-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, li tirrifjuta l-aċċess għal dik l-informazzjoni, ma jipprovdi, għalhekk, ebda benefiċċju.

121    Minn dan isegwi li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba fir-rigward tal-ismijiet u tad-dettalji li ġew żvelati fuq is-sit tal-internet tal-ECHA. Madankollu, kif ġie rrilevat fil-punt 116 hawn fuq, ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat eżattament sa fejn din l-informazzjoni hija attwalment aċċessibbli fuq l-internet. Peress li l-ECHA pprovdiet biss informazzjoni fuq l-istat ta’ pubblikazzjoni fid-data tat-23 ta’ April 2014, in-nuqqas ta’ lok li tingħata deċiżjoni għandu jiġi limitat għad-data ppubblikata f’din id-data.

122    Konsegwentement, se jkun meħtieġ li jiġi eżaminat ir-rikors biss sa fejn huwa dirett kontra ċ-ċaħda tal-punt 1 tat-talba għal informazzjoni li tirrigwarda d-data mhux ippubblikata fid-data tat-23 ta’ April 2014 kif ukoll iċ-ċaħda tal-punti 2 u 3 tat-talba għal informazzjoni.

C –  Fuq il-mertu

123    Insostenn tar-rikors għal annullament tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi. L-ewwel motiv, dwar id-deċiżjoni tal-estensjoni tat-terminu tar-risposta għat-talba konfermatorja, huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4, (4) u (6) tar-Regolament Nru 1049/2001. It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(1), (3) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2), u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 4(2), u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

124    Fir-rigward tal-mod li għandhom jiġu eżaminati dawn il-motivi, għandu jiġi osservat li l-ewwel motiv jirrigwarda indistintament il-punti tal-applikazzjoni għal informazzjoni kollha u għaldaqstant jista’ jiġi eżaminat fid-dawl ta’ dawn il-punti kollha, filwaqt li l-erba’ motivi l-oħra għandhom jiġu eżaminati separatament għal kull wieħed mit-tliet punti tat-talba għal informazzjoni.

125    Fir-rigward tal-punt 1 tagħha, sakemm jirrigwarda data li għadha ma ġietx ippublikata fid-data tat-23 ta’ April 2014, ir-raba’ u l-ħames motivi, ibbażati rispettivament, ir-raba’ fuq il-ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) u fuq l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u l-ħames fuq il-ksur tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 4(2) u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, għandhom jiġu analizzati flimkien.

126    Fir-rigward tal-punt 2 tat-talba għal informazzjoni, għandhom jiġu eżaminati r-raba’ u l-ħames motivi, sa fejn huma bbażati, rispettivament, il-ħames, fuq il-ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u, il-ħames, fuq il-ksur tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif ukoll it-tielet motiv, sa fejn huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, inkunsiderazzjoni tal-koinċidenzi bejn dawn il-motivi. Barra minn hekk, għandu jiġi eżaminat, fir-rigward tal-punt 2 tat-talba għal informazzjoni, it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4, (4) u (6) tar-Regolament Nru 1049/2001.

127    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-punt 3 tat-talba għal informazzjoni, huwa importanti li jiġi eżaminat, minn naħa waħda, it-tieni motiv, sa fejn huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001 u, min-naħa l-oħra, it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(1), (3), u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006.

1.     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jirrigwarda l-punti 1 sa 3 tat-talba għal informazzjoni

128    Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata peress li d-deċiżjoni tal-ECHA li testendi t-terminu għar-risposta għat-talba konfermatorja ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

129    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-istituzzjoni kkonċernata għandha terminu ta’ ħmistax-il jum utli sabiex tirrispondi għat-talba konfermatorja. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jipprevedi li “[f]’każijiet eċċezzjonali, per eżempju fil-każ ta’ applikazzjoni dwar dokument twil ħafna jew dwar numru kbir ta’ dokumenti, it-terminu previst fil-paragrafu 1 jista’ jiġi estiż bi 15-il jum utli, sakemm l-applikant jiġi avżat minn qabel u jingħataw raġunijiet dettaljati”. Fl-aħħar nett, konformement mal-Artikolu 8(3), tal-imsemmi regolament, “ [n]uqqas mill-istituzzjoni li twieġeb fit-terminu stipulat għandu jitqies bħala tweġiba negattiva u jagħti d-dritt lill-applikant li jiftaħ proċedimenti fil-qrati kontra l-istituzzjoni u/jew tagħmel ilment lill-Ombudsman, taħt id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat tal-KE”.

130    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-iskadenza tat-termini previsti mill-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001 ma għandux l-effett li jċaħħad l-istituzzjoni mis-setgħa li tadotta deċiżjoni espliċita (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Jannar 2010, Co‑Frutta vs Il-Kummissjoni, T‑355/04 u T‑446/04, Ġabra p. II‑1, punt 56, u tal-10 ta’ Diċembru 2010, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T‑494/08 sa T‑500/08 u T‑509/08, Ġabra p. II‑5723, punt 50).

131    Fil-qasam tal-aċċess għad-dokumenti, il-leġiżlatur ippreveda l-konsegwenzi ta’ qbiż tat-terminu previst fl-Artikolu 8(1) u 2 tar-Regolament Nru 1049/2001, billi jipprevedi, fl-Artikolu 8(3) tal-imsemmi regolament, li l-ksur ta’ din id-dispożizzjoni mill-istituzzjoni jagħti lok għad-dritt li jitressaq rikors ġudizzjarju (is-sentenza Co‑Frutta/Il-Kummissjoni, punt 130 iktar ’il fuq, punt 58).

132    Il-qbiż tat-terminu ta’ risposta għal talba konfermatorja ma tistax madankollu tivvizzja d-deċiżjoni li tingħata dwar it-talba konfermatorja b’illegalità li tiġġustifika l-annullament tagħha (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Novembru 2012, Steinberg vs Il-Kummissjoni, T‑17/10, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 102).

133    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-ECHA sostniet, fl-ittra tagħha ta’ estensjoni tat-8 ta’ Frar 2011, wara li fakkret fil-kontenut tat-talba, li l-estensjoni tat-terminu kien iġġustifikat minħabba l-fatt li t-talba kienet tirrigwarda numru kbir ħafna ta’ dokumenti mressqa fil-kuntest tar-reġistrazzjoni skont ir-Regolament REACH għas-sustanzi elenkati fit-talba u li din tal-aħħar timplika ammont utli kunsiderevoli għall-ECHA.

134    Ir-rikorrenti jidhru li qed iqisu li l-allegata illegalità tad-deċiżjoni ta’ estensjoni tista’ teffettwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

135    Madankollu, anki jekk id-deċiżjoni ta’ estensjoni ttieħdet bi ksur tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, din l-irregolarità ma għandhiex inċidenza fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

136    Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 132 hawn fuq, is-sempliċi qbiż tat-terminu ta’ risposta għat-talba konfermatorja ma jistax jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Dan japplika wkoll meta l-legalità jew il-validità ta’ deċiżjoni ta’ estensjoni jiġu kkontestati. Fil-fatt, anki jekk l-invalidità tad-deċiżjoni ta’ estensjoni tippermetti biss li jiġi kkunsidrat, l-iktar l-iktar, li t-terminu għar-risposta għat-talba konfermatorja ma jiġix estiż u li, konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata tkun ġiet adottata wara l-iskadenza tat-terminu, iżda dan ma jaffettwax il-legalità tagħha.

137    Barra dan, xejn ma jippermetti li jiġi konkluż li l-ECHA kienet tasal għal deċiżjoni differenti mogħtija fid-deċiżjoni kkontestata, kieku ma ħaditx id-deċiżjoni ta’ estensjoni.

138    Minn dan isegwi li l-ewwel motiv huwa infondat.

139    Barra minn hekk, l-ewwel nett, sa fejn ir-rikorrenti jidhru li qed jissuġġerixxu li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ estensjoni (ara l-punt 133 hawn fuq) ma tippermettilhomx li jiġi ddeterminat jekk din id-deċiżjoni hija vvizzjata minn żball huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-imsemmija motivazzjoni hija ddettaljata biżżejjed sabiex tippermettilhom jifhmu r-raġunijiet li wasslu lill-ECHA sabiex testendi t-terminu u, għaldaqstant, biex tifforma opinjoni dwar il-legalità ta’ din id-deċiżjoni.

140    It-tieni nett, fir-rigward tal-fondatezza tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-estensjoni, għandu jitfakkar li tressqet quddiem l-ECHA talba ta’ aċċess għad-dokumenti li tirrigwarda tliet kategoriji ta’ informazzjoni differenti dwar 356 sustanza differenti. Għaldaqstant, it-talba kienet tirrigwarda numru kbir ħafna ta’ dokumenti u setgħet, fil-fatt, tinvolvi ammont ta’ xogħol eċċezzjonali, b’tali mod li l-kundizzjonijiet ta’ estensjoni previsti mill-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 kienu sodisfatti f’dan il-każ.

141    Anki jekk ir-rikorrenti jammettu li l-kundizzjonijiet ta’ estensjoni “teoretikament eżistew”, huma jsostnu madankollu li l-estensjoni ma kinitx iġġustifikata, peress li l-ECHA la kkonsultat lil terzi u lanqas evalwat id-dokumenti mitluba każ b’każ.

142    Essenzjalment, ir-rikorrenti jidhru li qed jilmentaw li l-ECHA ma użatx l-estensjoni tat-terminu sabiex teżamina korrettament it-talba konfermatorja. Dan l-argument għandu jiġi miċħud, peress li l-allegati żbalji mwettqa matul l-eżami tat-talba konfermatorja ma jikkontestawx l-applikazzjoni korretta tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, dawn l-allegati żbalji jistgħu jeffettwaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata nnifisha, iżda mhux dik tad-deċiżjoni tal-estensjoni tat-terminu.

143    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

2.     Fuq ir-raba’ u l-ħames motivi, ibbażati, rispettivament, ir-raba’, fuq ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u, il-ħames, fuq il-ksur tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 4(2) u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li jirrigwardaw il-punt 1 tat-talba għal informazzjoni

144    Sakemm il-punt 1 tat-talba għal informazzjoni tirrigwarda l-ismijiet u d-dettalji tar-reġistranti li għadhom ma ġewx ippubblikati fuq l-internet sad-data tat-23 ta’ April 2014, għandha ssir analiżi konġunta tar-raba’ u l-ħames motivi, ibbażati, meta meħuda flimkien, fuq il-fatt li l-ECHA invokat b’mod żbaljat ir-raġunijiet għal rifjut previsti, minn naħa waħda, fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u, min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 4(3) tal-imsemmi regolament.

145    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 15(3) TFUE, kull ċittadin tal-Unjoni u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru għandha dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni taħt riżerva tal-prinċipji u tal-kundizzjonijiet li huma stabbiliti skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż, kif jindikaw il-premessa 4 u l-Artikolu 1 tiegħu, li jikkonferixxi lill-pubbliku dritt ta’ aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet l-iktar estiż possibbli. Minn dan ir-regolament jirriżulta wkoll, b’mod partikolari mill-premessa 11 u mill-Artikolu 4 tiegħu, li jipprevedi sistema ta’ eċċezzjonijiet f’dan ir-rigward, li dan id-dritt għal aċċess xorta waħda huwa suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, Ġabra, punt 40, u l-ġurisprudenza ċċitata).

146    Għandu jitfakkar ukoll li l-eċċezzjonijiet tal-aċċess għad-dokumenti għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett, sabiex ma tiġix ippreġudikata l-applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali li tikkonsisti fil-fatt li l-pubbliku jingħata l-iktar aċċess possibbli għad-dokumenti fil-pussess tal-istituzzjonijiet (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Diċembru 2007, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, C‑64/05 P, Ġabra p. I‑11389, punt 66, u tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, T‑391/03 u T‑70/04, Ġabra p. II‑2023, punt 84).

a)     Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

147    Ir-rikorrenti jargumentaw li l-ECHA ma ppruvatx l-eżistenza ta’ preġudizzju konkret biżżejjed għall-interess protett mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. B’mod partikolari, huma jikkontestaw il-fatt li l-iżvelar ta’ informazzjoni mitluba tista’ tiġi kkunsidrata bħala li tippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-persuni kkonċernati, skont l-Artikolu 118(2)(d) tar-Regolament REACH. Ir-rikorrenti josservaw, b’mod partikolari, li l-pubblikazzjoni tal-ismijiet tar-reġistranti fuq is-sit tal-internet tal-ECHA tmur kontra l-argument tal-ECHA fuq dan il-punt.

148    Skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-aċċess għal dokument għandu jiġi rrifjutat mill-istituzzjonijiet meta l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika partikolari, sakemm interess pubbliku superjuri ma jiġġustifikax l-iżvelar tad-dokument ikkonċernat. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 118(2)(d) tar-Regolament REACH jispeċifika, f’dan ir-rigward, li, bħala prinċipju, l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar ir-rabtiet eżistenti bejn manifattur jew importatur u d-distributuri tiegħu jew l-utenti downstream tiegħu huwa kkunsidrat bħala li tikser il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-persuna kkonċernata.

149    Fid-deċiżjoni kkontestata, l-ECHA rrifjutat l-aċċess għall-informazzjoni mitluba, b’mod partikolari, peress li l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar il-manifattur jew l-importatur ta’ sustanzi rreġistrati serjament tirriskja li tiżvela tali informazzjoni u għaldaqstant, skont l-Artikolu 118(2)(d) tar-Regolament REACH, tista’ tippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali (ara l-punt 48 hawn fuq).

150    Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-ECHA ssostni li hija applikat korrettament, fid-deċiżjoni kkontestata, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u l-Artikolu 118(2)(d) tar-Regolament REACH. Hija ssostni wkoll li l-Artikolu 119 tar-Regolament REACH jistabbilixxi sistema speċifika u eżawrjenti ta’ komunikazzjoni u ta’ kunfidenzjalità.

151    Madankollu, l-ismijiet u d-dettalji hija informazzjoni li taqa’ taħt l-Artikolu 119(2)(d) tar-Regolament REACH. Barra dan, minn Novembru 2012, l-ECHA bdiet tippubblika, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, fuq is-sit tal-internet tagħha, l-ismijiet u d-dettalji għas-sustanzi kollha rreġistrati, għajr f’każ ta’ talba ta’ kunfidenzjalità. Għaldaqstant, l-ECHA ma setgħetx tibbaża r-rifjut ta’ aċċess għall-informazzjoni mitluba fuq l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, moqri flimkien mal-Artikolu 118(2)(d), tar-Regolament REACH.

152    Fil-fatt, meta jitqies, minn naħa waħda, li s-sistema ta’ tixrid fuq l-internet, stabbilita mill-Artikolu 119 tar-Regolament REACH hija eżawrjenti, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, moqri flimkien mal-Artikolu 118(2)(d) tar-Regolament REACH, ma huwiex applikabbli għall-informazzjoni intiża mill-Artikolu 119 tal-imsemmi regolament u, konsegwentement, ir-rifjut għal aċċess għall-informazzjoni dwar l-ismijiet u d-dettalji tar-reġistranti ma huwiex iġġustifikat.

153    Meta jitqies, min-naħa l-oħra, li s-sistema prevista mill-Artikolu 119 tar-Regolament REACH ma teskludix totalment, bħala prinċipju, is-sistema ta’ aċċess għad-dokumenti prevista mill-Artikolu 118 tar-Regolament REACH u r-Regolament Nru 1049/2001, lanqas ma jirriżulta li l-Artikolu 119(2)(d) tar-Regolament REACH jipprevedi li l-informazzjoni mitluba f’dan il-każ għandha tiġi żvelata fuq l-internet, għajr jekk l-ECHA tilqa’ talba ta’ kunfidenzjalità. Konsegwentement, fl-assenza ta’ din it-talba, l-ECHA, ma tistax timmotiva r-rifjut ta’ kull żvelar ta’ informazzjoni mitluba permezz tal-preżunzjoni legali prevista fl-Artikolu 118(2)(d) tar-Regolament REACH, peress li l-iżvelar tagħha jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-persuni kkonċernati. Fil-fatt, il-preżunzjoni legali tal-Artikolu 118 tar-Regolament REACH tista’ biss tiġġustifika li informazzjoni, bħala prinċipju, ma tiġix żvelata filwaqt li dispożizzjoni iktar speċifika, jiġifieri l-Artikolu 119(2)(d) tar-Regolament REACH, teżiġi li din l-informazzjoni tiġi, bħala prinċipju, żvelata.

154    Minn dan isegwi li l-kundizzjonijiet tar-raġuni ta’ rifjut ibbażata fuq l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, moqri flimkien mal-Artikolu 118(2)(d) tar-Regolament REACH, ma humiex sodisfatti f’dan il-każ, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat jekk u f’liema miżura l-iżvelar tal-ismijiet tar-reġistranti jista’ tassew jiżvela r-rabtiet bejn manifattur jew importatur u d-distributuri tiegħu jew l-utenti downstream tiegħu.

b)     Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001

155    Ir-rikorrenti jsostnu li l-ECHA invokat b’mod żbaljat l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti prevista mill-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 sabiex jiġi rrifjutat l-iżvelar tal-ismijiet tal-manifatturi jew importaturi.

156    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni timplika li jintwera li l-aċċess inkwistjoni seta’ jippreġudika konkretament u effettivament l-interess protett mill-eċċezzjoni u li r-riskju ta’ preġudizzju kien raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Diċembru 2008, Muñiz vs Il-Kummissjoni, T‑144/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 74, u l-ġurisprudenza ċċitata).

157    Barra minn hekk, sabiex jaqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-preġudizzju għall-proċess deċiżjonali jrid ikun gravi. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta l-iżvelar tad-dokumenti msemmija jkollu impatt sostanzjali fuq il-proċess deċiżjonali. Issa, l-evalwazzjoni tal-gravità tiddependi fuq iċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari fuq l-effetti negattivi fuq il-proċess deċiżjonali, invokati mill-istituzzjoni dwar l-iżvelar tad-dokumenti msemmija (is-sentenza Muñiz vs Il-Kummissjoni, punt 156 iktar ’il fuq, punt 75).

158    Fid-deċiżjoni kkontestata, l-ECHA kkonkludiet li l-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ġew sodisfatti f’dan il-każ. B’mod partikolari, l-ECHA osservat li hija kienet qed teżamina mill-ġdid il-proċessi marbuta mat-tixrid mal-pubbliku ta’ informazzjoni dwar is-sustanzi skont l-Artikolu 119(2) tar-Regolament REACH u li l-eżami mill-ġdid jirrigwarda b’mod partikolari t-tixrid tal-informazzjoni dwar l-identità tal-manifattur, importatur jew distributur. L-ECHA speċifikat li, jekk hi tiddeċiedi li tippubblika, fil-ġejjieni, l-identità ta’ dawn il-persuni għal ċerti kategoriji ta’ sustanzi, hija jkollha tadatta dawn il-proċeduri u s-sistema informatika tagħha u, b’mod partikolari, tadotta, fir-rigward tar-reġistrazzjonijiet eżistenti, il-possibbiltà għall-persuni interessati li jressqu applikazzjoni ta’ kunfidenzjalità, dwar l-identità tagħhom. Hija żiedet li, billi tippermetti l-aċċess għall-informazzjoni mitluba abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001 mhux biss jiġġenera ammont ta’ xogħol straordinarjament għoli, iżda jippermetti wkoll li jiġu evitati l-proċeduri speċifiċi previsti mir-Regolament REACH (ara l-punti 49 sa 51 hawn fuq).

159    Minn naħa waħda, huwa minnu li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-ECHA kienet qed tikkunsidra li tbiddel il-prattika tagħha ta’ tixrid tal-informazzjoni dwar l-identità tar-reġistranti bil-għan li tadatta din il-prattika għar-rekwiżiti tal-Artikolu 119(2) tar-Regolament REACH u li din l-informazzjoni kienet għalhekk suġġetta għal proċess deċiżjonali tal-ECHA.

160    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk it-tixrid setgħetx ippreġudikat serjament dan il-proċess deċiżjonali, għandu jiġi rrilevat li l-ismijiet tar-reġistranti ma hijiex informazzjoni fuq il-proċess innifsu, iżda hija pjuttost informazzjoni kkonċernata mid-deċiżjoni li tirriżulta mill-imsemmi proċess. L-aċċess għall-informazzjoni mitluba ma setgħetx tipprekludi lill-ECHA milli tiddeċiedi li tieħu miżuri sabiex timplementa l-obbligi ta’ żvelar ta’ informazzjoni fuq l-internet, li jirriżultaw mill-Artikolu 119(2) tar-Regolament REACH.

161    Barra minn hekk, sa fejn l-ECHA sostniet fid-deċiżjoni kkontestata li l-għoti ta’ aċċess għall-informazzjoni mitluba abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001 setgħet tikkawżalha ammont ta’ xogħol manwali straordinarjament għoli, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż biss li jipproteġi l-proċess deċiżjonali u mhux li jevita ammont ta’ xogħol eċċessiv lill-istituzzjonijiet ikkonċernati.

162    L-istess japplika għall-argument tal-ECHA skont liema l-aċċess għall-informazzjoni mitluba abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001 tipperemetti li jiġu evitati l-proċeduri previsti mir-Regolament REACH. Fil-fatt, l-allegat riskju ta’ evitar ta’ dawn il-proċeduri ma jirrigwardax il-proċess deċiżjonali, iżda pjuttost il-konsegwenzi ta’ żvelar eventwali tal-informazzjoni mitluba. Madankollu, huwa biss il-proċess deċiżjonali li huwa intiż bħala raġuni għal rifjut previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

163    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ECHA ma ppruvatx li l-iżvelar ta’ informazzjoni mitluba tippreġudika serjament il-proċess deċiżjonali inkwistjoni. Minn dan isegwi li t-tieni parti bbażata fuq il-ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, u, għaldaqstant, ir-raba’ u l-ħames motivi, sa fejn jirrigwardaw il-punt 1 tat-talba għal informazzjoni, huma fondati, sa fejn għad hemm lok li tingħata deċiżjoni.

164    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-motivi mressqa fid-deċiżjoni kkontestata ma humiex suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ informazzjoni mitluba mill-punt 1 tat-talba għal informazzjoni, b’tali mod li hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata dwar dan il-punt sakemm tirrigwarda l-informazzjoni li għadha ma ġietx żvelata fid-data tat-23 ta’ April 2014, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati t-tieni u t-tielet motivi f’dan ir-rigward.

3.     Fuq it-tieni, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames motivi, ibbażati, rispettivament, it-tieni, fuq il-ksur tal-Artikolu 4(4) u (6), tar-Regolament Nru 1049/2001, it-tielet, fuq il-ksur tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, ir-raba’, fuq il-ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u, il-ħames, fuq il-ksur tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, fis-sens li jirrigwardaw il-punt 2 tat-talba għal informazzjoni

a)     Fuq it-tielet, ir-raba’ u l-ħames motivi, ibbażati, rispettivament, it-tielet, fuq il-ksur tal-Artikolu 4(4), tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, ir-raba’, fuq il-ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u, il-ħames, fuq il-ksur tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

165    Ir-rikorrenti jsostnu li l-ECHA ma kellhiex dritt tirrifjuta l-punt 2 tat-talba għal informazzjoni abbażi tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2), tar-Regolament Nru 1049/2001, moqri flimkien mal-Artikolu 118(2)(ċ) tar-Regolament REACH u li l-ECHA ma osservatx il-prinċipju skont liema kull eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni ambjentali għandha tiġi interpretata ristrettivament, skont l-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006.

166    F’dan ir-rigward, għandu jiġi eżaminat, Minn naħa waħda, jekk l-ECHA kinitx korretta meta kkunsidrat li l-iżvelar tal-ammont eżatt ta’ sustanzi inkwistjoni seta’ jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-persuni kkonċernati u, min-naħa l-oħra, jekk interess pubbliku superjuri jiġġustifikax l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni.

 Fuq il-preġudizzju għall-protezzjoni tal-interessi kummerċjali

167    Ir-rikorrenti jargumentaw li l-ECHA ma osservatx l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, billi bbażat ruħha fuq il-preżunzjoni tal-Artikolu 118(2)(ċ) tar-Regolament REACH sabiex tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni kkonċernata mill-punt 2 tat-talba għal informazzjoni, sa fejn l-imsemmija preżunzjoni ma tippruvax kif jippreġudika l-interessi kummerċjali ta’ persuni naturali jew ġuridiċi li jwettqu r-reġistrazzjoni ta’ kull waħda mit-356 sustanza kkonċernata.

168    L-ewwel nett, għandu jiġi nnutat li s-sistema ta’ eċċezzjonijiet prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, u b’mod partikolari fil-paragrafu 2 tiegħu, hija bbażata fuq l-ibbilanċjar tal-interessi opposti f’sitwazzjoni partikolari, jiġifieri, minn naħa, l-interessi li huma favoriti mill-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati u, min-naħa l-oħra, dawk li huma mhedda minn dan l-iżvelar. Id-deċiżjoni meħuda fuq talba għal aċċess għal dokumenti tiddependi mill-kwistjoni dwar liema huwa l-interess li għandu jipprevali fil-każ inkwistjoni (is-sentenza LPN et Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, punt 145 iktar ’il fuq, punt 42).

169    It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, jekk, sabiex jiġi ġġustifikat ir-rifjut ta’ aċċess għal dokument, huwiex biżżejjed, bħala prinċipju, li dan id-dokument jaqa’ taħt attività jew interess imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, l-istituzzjoni kkonċernata għandha xorta waħda tispjega kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ konkretament u effettivament jippreġudika l-interess protett minn eċċezzjoni prevista f’dan l-artikolu, madankollu din l-istituzzjoni għandha l-possibbiltà li f’dan ir-rigward, tibbaża ruħha fuq il-preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, għal kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali simili li jistgħu japplikaw għal talbiet ta’ żvelar li jirrigwardaw l-iżvelar tal-istess natura (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Agrofert Holding, C‑477/10 P, Ġabra, punt 57; tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C‑404/10 P, Ġabra, punt 116; tas-17 ta’ Ottubru 2013, Il-Kunsill vs Access Info Europe, C‑280/11 P, Ġabra, punt 72, u tas-27 ta’ Frar 2014, Il-Kummissjoni vs Enbw Energie Baden-Württemberg, C‑365/12 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 64 u 65).

170    Madankollu, f’tali każ, hija l-istituzzjoni kkonċernata li għandha tippreċiża liema huma l-kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali li fuqhom tkun qiegħda tibbaża l-preżunzjoni li l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti ser jippreġudika wieħed mill-interessi protetti mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, u dan mingħajr ma tkun meħtieġa twettaq evalwazzjoni konkreta tal-kontenut ta’ kull wieħed minn dawn id-dokumenti (is-sentenza Il-Kunsill vs Access Info Europe, punt 169 iktar ’il fuq, punt 73).

171    B’mod partikolari, ir-rekwiżit li jiġi vverifikat jekk il-preżunzjoni ġenerali inkwistjoni tapplikax realment ma tistax tiġi interpretata fis-sens li l-istituzzjoni għandha teżamina individwalment id-dokumenti kollha mitluba f’dan il-każ. Tali rekwiżit iħalli din il-preżunzjoni ġenerali mingħajr l-effettività tagħha, jiġifieri li tippermetti lill-istituzzjoni tirrispondi għal talba għal aċċess globali b’mod daqstant globali (is-sentenza LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, punt 145 iktar ’il fuq, punt 68).

172    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li preżunzjoni ġenerali ma teskludix il-possibbiltà li jiġi ppruvat li dokument speċifiku li l-iżvelar tiegħu huwa mitlub ma huwiex kopert minn din il-preżunzjoni jew li jeżisti interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dan id-dokument skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Enbw, punt 169 iktar ’il fuq, punt 100, u l-ġurisprudenza ċċitata).

173    It-tielet nett, skont l-Artikolu 118(2)(ċ) tar-Regolament REACH, l-iżvelar “it-tunnellaġġ preċiż tas-sustanza jew taħlita manifatturati jew imqegħdin fis-suq” huwa, bħala prinċipju, ikkunsidrat bħala li jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-persuna kkonċernata.

174    F’dan il-każ, fir-rigward tal-punt 2 tat-talba għal informazzjoni, l-ECHA, fil-punt 1(b) tad-deċiżjoni kkontestata, iddikjarat li l-Artikolu 118(2)(ċ) tar-Regolament REACH jinkludi preżunzjoni ġenerali skont liema l-informazzjoni dwar il-kwantità eżatta, bħala prinċipju tippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-persuna kkonċernata. Hija kkunsidrat li l-ebda prova ma bidlet din il-preżunzjoni legali u li żvelar seta’ jippreġudika l-interessi kummerċjali tar-reġistranti. L-imsemmija informazzjoni tiżvela s-sehem tas-suq tal-kumpanniji meta fir-rigward tal-kompetituri tagħhom. Barra minn hekk, hija sostniet li l-pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni jista’ jkollha impatt fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni (ara l-punt 53 hawn fuq).

175    Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti talbu lill-ECHA, permezz tal-punt 2 tat-talba għal informazzjoni li tirrigwarda l-kwantità eżatta tas-sustanzi mmanifatturati jew mqiegħda fis-suq, l-informazzjoni li l-iżvelar tagħha huwa, preċiżament skont il-preżunzjoni stabbilita mill-Artikolu 118(2)(ċ) tar-Regolament REACH, bħala prinċipju, hija kkunsidrata bħala li tipreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-persuna kkonċernata, b’tali mod li din il-preżunzjoni tapplika f’dan il-każ.

176    Sa fejn ir-rikorrenti sempliċiment jaffermaw li, billi bbażaw ruħhom fuq l-Artikolu 118(2)(ċ) tar-Regolament REACH, l-ECHA ma ppruvatx kif l-iżvelar tal-kwantità eżatta tippreġudika l-interessi kummerċjali tal-persuni li wettqu r‑reġistrazzjoni ta’ kull waħda mit-356 sustanza kkonċernata, dawn l-osservazzjonijiet ma jistgħux ibiddlu l-preżunzjoni prevista minn dan l-artikolu. Fil-fatt, meta tapplika l-preżunzjoni legali tal-Artikolu 118(2)(ċ) tar-Regolament REACH, l-awtorità kkonċernata tista’ tikkunsidra li l-iżvelar jista’ jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-persuna kkonċernata mingħajr ma tkun obbligata li twettaq evalwazzjoni konkreta tal-kontenut ta’ kull dokument li l-iżvelar qed jiġi mitlub. Minħabba din il-preżunzjoni legali u fl-assenza ta’ elementi konkreti li jistgħu jikkontestawha, l-ECHA ma hijiex obbligata li tipprova li l-iżvelar tal-kwantità eżatta tippreġudika l-interessi kummerċjali tal-persuni kkonċernati.

177    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li l-eżami meħtieġ għall-ipproċessar ta’ talba ta’ aċċess għad-dokumenti, bħala prinċipju, għandu jkun ta’ natura konkreta u individwali. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza li ġiet iċċitata fil-punt 169 hawn fuq, dan il-prinċipju għandu fil-fatt xi eċċezzjonijiet, b’mod partikolari meta teżisti preżunzjoni ġenerali skont liema l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni jista’ jippreġudika wieħed mill-interessi protetti mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001. Dan jgħodd b’mod partikolari meta, bħal f’dan il-każ, tali preżunzjoni hija pprovduta b’mod espliċitu minn dispożizzjoni legali, jiġifieri l-Artikolu 118(2)(ċ) tar-Regolament REACH.

178    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għandu jiġi konkluż li, skont l-Artikolu 118(2)(ċ) tar-Regolament REACH moqri mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-ECHA kellha d-dritt li tikkunsidra li l-iżvelar tal-kwantità eżatta tas-sustanzi rreġistrati tippreġudika l-interessi kummerċjali tal-persuni kkonċernati. Sussegwentement, għad irid jiġi kkjarifikat jekk l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri jiġġustifikax madankollu l-imsemmi żvelar.

 Fuq l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar

179    Ir-rikorrenti jargumentaw li l-ECHA ma tistax tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni sabiex tipproteġi interess kopert minn waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 mingħajr, minn naħa waħda, tivverifika l-assenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tal-imsemmi dokument u, min-naħa l-oħra, l-ibbilanċjar tal-interessi differenti eżistenti, ħaġa li ma saritx mill-ECHA fid-deċiżjoni kkontestata.

180    Ir-rikorrenti, b’mod partikolari jsostnu li t-talba għal informazzjoni tirrigwarda informazzjoni ambjentali u ta’ emissjonijiet fl-ambjent u li, b’hekk, l-iżvelar tad-data mitluba turi interess pubbliku superjuri, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006. Barra minn hekk, huma jallegaw li l-ECHA kisret l-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 li jeżiġu, skont ir-rikorrenti, kull eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni ambjentali għandha tiġi interpretata b’mod strett.

181    F’dan il-każ, l-ECHA ddikjarat, fid-deċiżjoni kkontestata, li hija ma pperċepiet ebda interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar ta’ informazzjoni mitluba. Hija speċifikat li hija kienet innutat sew li t-talba kienet motivata mix-“xewqa li jiġi promoss l-approċċ regolatorju fil-konfront ta’ sustanzi kimiċi li jistgħu jiġu identifikati bħala sustanzi ta’ tħassib serju ħafna”. Hija żiedet li “[m]adankollu, il-leġiżlatur [kien] ipprovda, mar-Regolament REACH, mezzi li jippermettu l-identifikazzjoni u l-ġestjoni tar-riskju li [setgħu] joħolqu dawn is-sustanzi, prinċipalment il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, din tal-aħħar [ipprovdiet] konsultazzjoni pubblika wiesgħa” (ara l-punt 54 hawn fuq).

182    L-ewwel nett, bil-għan li jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti, għandu jiġi vverifikat li anki jekk l-informazzjoni inkwistjoni tikkostitwixxi informazzjoni ambjentali, jekk kinitx tkun biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat interess pubbliku superjuri għall-iżvelar tagħha. It-tieni nett, għandha tiġi analizzata l-kwistjoni ta’ jekk l-informazzjoni mitluba tirrigwardax emissjonijiet fl-ambjent, b’tali mod li, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, l-iżvelar tagħha titqies bħala interess pubbliku superjuri. Fl-aħħar nett, it-tielet nett, għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti humiex korretti meta jsostnu li, f’dan il-każ, l-ECHA naqset milli tibbilanċja l-interessi differenti eżistenti.

–       Fuq l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri f’każ ta’ talbiet ta’ informazzjoni ambjentali

183    Fl-ewwel lok, għandu jiġi vverifikat jekk mit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 li l-iżvelar ta’ informazzjoni ambjentali jippreżentax dejjem interess pubbliku superjuri.

184    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, ir-raġunijiet li jippermettu li tinċaħad talba għal informazzjoni dwar l-ambjent “għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv fid-dawl tal-interess li l-iżvelar tal-informazzjoni mitluba jista’ jkollu għall-pubbliku u skont jekk din l-informazzjoni tkunx tirrigwarda l-emissjonijiet fl-ambjent”.

185    Dan il-prinċipju, huwa kkonfermat mit-tieni sentenza tal-premessa 15 tar-Regolament Nru 1367/2006, skont liema “[i]r-raġunijiet għal rifjut fir-rigward ta’ l-aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv, b’kont meħud ta’ l-interess pubbliku fl-iżvelar u jekk l-informazzjoni mitluba tirrigwardax emissjonijiet fl-ambjent”.

186    It-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 tipprovdi li “[f]ir-rigward ta’ l-eċċezzjonijiet l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-[Regolament Nru 1049/2001], ir-raġunijiet għal rifjut għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv, b’kont meħud ta’ l-interess pubbliku moqdi bil-kxif u jekk l-informazzjoni mitluba tkunx konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent”. Madankollu, mill-kliem u l-istruttura tal-Artikolu 6(1) jirriżulta li l-“eċċezzjonijiet l-oħra” fis-sens tat-tieni sentenza ta’ dan il-paragrafu ma tinkludix il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali proposti bħala raġunijiet mill-ECHA għaċ-ċaħda tal-punt 2 tat-talba għal informazzjoni (ara l-punti 37 u 53 hawn fuq).

187    Fil-fatt, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 tistabbilixxi regola li tirrigwarda l-eċċezzjonijiet li jissemmew fl-ewwel u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. It-tieni sentenza tal-istess paragrafu (1) ma ssemmix sempliċement l-“eċċezzjonijiet l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament [Nru 1049/2001]”. Għaldaqstant, huma intiżi minn din id-dispożizzjoni l-eċċezzjonijiet li jidhru fl-Artikolu 4(1) u t-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) u (3) u (5) (is-sentenza LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, punt 145 iktar ’il fuq, punt 83). Peress li l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali taqa’ taħt l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jissemma fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, ma hijiex inkluża fil-kunċett ta’ “eċċezzjonijiet l-oħra” li jidhru fit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1).

188    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw utilment it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006. Fil-fatt, minn naħa waħda, it-tieni sentenza ta’ dan il-paragrafu tipprevedi biss l-obbligu ta’ interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjonijiet minbarra dawk imsemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, jiġifieri dawk previsti fl-ewwel u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 187 hawn fuq).

189    Min-naħa l-oħra, it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 tirreferi biss għal “interess pubbliku” fl-iżvelar u mhux għal interess pubbliku “[superjuri]” fis-sens tal-Artikolu 4(2), in fine, tar-Regolament Nru 1049/2001 (is-sentenza LPN vs Il-Kummissjoni, punt 119 iktar ’il fuq, punt 136). Għaldaqstant ma jirriżultax mit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 li l-iżvelar ta’ informazzjoni ambjentali jippreżenta dejjem interess pubbliku superjuri.

190    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jaffermaw li t-356 sustanza li għalihom ġiet fformulata talba għall-aċċess għall-informazzjoni huma prodotti kimiċi li jagħmlu ħafna ħsara. Huma jqisu li huwa leġittimu li l-pubbliku li jkun jaf li mijiet ta’ eluf ta’ tunnellati ta’ sustanzi jista’ jkollhom effett negattiv fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent huma fis-suq tal-Unjoni, u li jiġu mmaniġġjati minn ħaddiema u impjegati fi prodotti ta’ konsum. Ir-rikonoxximent tad-dritt taċ-ċittadini li jkollhom għarfien sħiħ tal-kwantità ta’ sustanzi perikolużi fis-suq jippermetti li tiġi eżerċitata pressjoni iktar b’saħħitha favur is-sostituzzjoni ta’ dawn is-sustanzi b’soluzzjonijiet iktar sikuri.

191    Għandu jiġi rrilevat li l-possibbiltà taċ-ċittadini li jiksbu informazzjoni ambjentali xierqa u li jkollhom possibbiltajiet ġenwini ta’ parteċipazzjoni fil-proċess deċiżjonali fil-qasam tal-ambjent għandha rwol essenzjali f’soċjetà demokratika. Fil-fatt, kif huwa indikat fil-preambolu tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, aċċess aħjar għall-informazzjoni u għall-parteċipazzjoni ikbar tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet itejbu l-kwalità tad-deċiżjonijiet u l-applikazzjoni tagħhom issir iktar effikaċi, jikkontribwixxu għall-għarfien pubbliku dwar kwistjonijiet ambjentali, filwaqt li jagħtu l-opportunità lill-pubbliku li jesprimi t-tħassib tiegħu u jippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi jieħduh debitament inkunsiderazzjoni.

192    Id-dritt tal-pubbliku li jirċievi informazzjoni jikkostitwixxi l-espressjoni tal-prinċipju tat-trasparenza, li huwa implementat mid-dispożizzjonijiet kollha tar-Regolament Nru 1049/2001, kif jirriżulta mit-tieni premessa tal-imsemmi Regolament, li tipprovdi li t-trasparenza tippermetti li tiġi żgurata parteċipazzjoni aħjar taċ-ċittadini fil-proċess deċiżjonali, kif ukoll li tiġi ggarantita leġittimità ikbar, effikaċja ikbar u responsabbiltà ikbar tal-amministrazzjoni fir-rigward tagħhom, u jikkontribwixxi sabiex jissaħħaħ il-prinċpju tad-demokrazija. (is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, API vs Il-Kummissjoni, T‑36/04, Ġabra p. II‑3201, punt 96).

193    Jekk huwa minnu li l-interess pubbliku superjuri jista’ jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokument dan ma għandux neċessarjament ikun distint mill-prinċipji li fuqhom huwa bbażat ir-Regolament Nru 1049/2001 (is-sentenza LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, punt 145 iktar ’il fuq, punt 92), madankollu mill-ġurisprudenza jirriżulta li kunsiderazzjonijiet ġenerali waħidhom ma jistabbilixxux li l-prinċipju ta’ trasparenza huwa partikolarment b’saħħtu li jista’ jissupera r-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-rifjut tal-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni u li huwa l-applikant li għandu jinvoka b’mod konkret iċ-ċirkustanzi li fuqhom huwa bbażat l-interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, punt 145 iktar ’il fuq, punti 93 u 94, u l-ġurisprudenza ċċitata).

194    F’dan il-każ, mill-argumenti tagħhom miġbura fil-punt 190 hawn fuq jirriżulta li r-rikorrenti, essenzjalment, isostnu sempliċiment li l-fatt li l-informazzjoni mitluba tikkostitwixxi informazzjoni ambjentali li tirrigwarda sustanzi perikolużi tiġġustifika trasparenza ikbar u l-aċċess pubbliku għal din l-informazzjoni sabiex tippermetti parteċipazzjoni aħjar taċ-ċittadin fil-proċess deċiżjonali u b’hekk tikkontribwixxi għat-tnaqqis tar-riskji għas-saħħa u l-ambjent. B’dan il-mod, ir-rikorrenti jinvokaw biss, b’mod ġeneriku, il-prinċipji li fuqhom huwa bbażat ir-Regolament Nru 1367/2006 moqri flimkien mar-Regolament Nru 1049/2001, mingħajr ma jargumentaw bl-ebda mod li, fir-rigward il-kwantità eżatta ta’ sustanzi, l-invokazzjoni ta’ dawn l-istess prinċipji, juru, fid-dawl taċ-ċirkustanzi individwali f’dan il-każ, xi saħħa partikolari. Madankollu, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 193 hawn fuq, kunsiderazzjonijiet ġenerali ma jistabbilixxux li l-prinċipju ta’ trasparenza f’każ partikolari jirbaħ fuq ir-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ żvelar tad-dokumenti mitluba.

195    Barra dan, ir-rikorrenti ma jispeċifikawx ir-raġunijiet li minħabba fihom huwa indispensabbli li tiġi ppubblikata l-kwantità eżatta ta’ sustanzi inkwistjoni u għaliex il-publikazzjoni tat-total ta’ medda ta’ tunnellaġġ li fiha xi sustanza ġiet irreġistrata, kif previst mill-Artikolu 119(2)(b) tar-Regolament REACH, ma huwiex biżżejjed biex jissodisfa l-interess pubbliku għall-iżvelar.

196    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li jirriżulta li interess pubbliku superjuri għall-iżvelar ta’ informazzjoni mitluba fil-kuntest tal-punt 2 tat-talba għal informazzjoni ma jirriżultax sempliċiment mill-fatt, anki jekk jiġi preżunt li dan huwa minnu, li l-informazzjoni inkwistjoni tikkostitwixxi informazzjoni ambjentali.

–       Fuq il-kunċett ta’ informazzjoni dwar l-emissjonijiet fl-ambjent skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006

197    Ir-rikorrenti jsostnu li l-informazzjoni dwar il-kwantità eżatta li fiha sustanza titqiegħed fis-suq tikkostitwixxi informazzjoni dwar l-emissjonijiet fl-ambjent. Konsegwentement, konformement għall-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1367/2006, l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni titqies li tirrappreżenta interess pubbliku superjuri.

198    Ir-rikorrenti jirreferu wkoll għall-Artikolu 4(4)(d) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li jipprevedi, minn naħa waħda, il-fakultà li tinċaħad talba għal informazzjoni dwar l-ambjent fil-każ fejn l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni jkollu effett ħażin fuq “[i]s-sigriet kummerċjali u industrijali meta dan is-sigriet huwa protett bil-liġi sabiex jitħares interess ekonomiku leġittimu.” u, min-naħa l-oħra, li, “[f]’dan il-kuntest, it-tagħrif fuq l-emissjonijiet li huwa rilevanti għall-protezzjoni tal-ambjent għandu jiġi żvelat”.

199    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-iżvelar ta’ informazzjoni dwar l-emissjonijiet fl-ambjent, għandu jitfakkar li l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1367/2006 jżid regoli speċifiċi li jirrigwardaw it-talbiet għal aċċess għall-informazzjoni ambjentali mar-Regolament Nru 1049/2001 (is-sentenza LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, punt 145 iktar ’il fuq, punt 79).

200    B’mod partikolari, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 tipprovdi preżunzjoni legali li l-iżvelar jippreżenta interess pubbliku superjuri meta l-informazzjoni mitluba tkun marbuta ma’ emissjonijiet fl-ambjent, għajr meta din l-informazzjoni tkun tirrigwarda investigazzjoni, b’mod partikolari dik relatata ma’ ksur possibbli tad-dritt Komunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza LPN vs Il-Kummissjoni, punt 119 iktar ’il fuq, punt 108).

201    Konsegwentement, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 timponi li l-istituzzjoni kkonċernata, li quddiemha titressaq talba għal aċċess għal dokument, tiżvelah meta l-informazzjoni mitluba tirrigwarda emissjonijiet fl-ambjent, anki jekk tali żvelar jirriskja li jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika partikolari, skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

202    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta l-istituzzjonijiet ikollhom l-intenzjoni li jiċħdu talba għal aċċess għal dokumenti abbażi ta’ eċċezzjoni, huma għandhom jinterpretaw u japplikaw strettament l-imsemmija eċċezzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Lulju 2011, l-Isvezja vs MyTravel u Il-Kummissjoni, C‑506/08 P, Ġabra p. I‑6237, punt 75, u l-ġurisprudenza ċċitata), sabiex ma tiġix ippreġudikata l-applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali li tikkonsisti fil-fatt li l-pubbliku jingħata l-ikbar aċċess possibbli għad-dokumenti fil-pussess tagħhom (is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Mejju 2011, NLG vs Il-Kummissjoni, T‑109/05 u T‑444/05, Ġabra p. II‑2479, punt 123).

203    Issa, billi tqis li, meta l-informazzjoni mitluba tkun tirrigwarda l-emissjonijiet fl-ambjent, l-iżvelar għandu interess pubbliku superjuri għall-interess protett minn eċċezzjoni, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 tippermetti implementazzjoni speċifika ta’ dan il-prinċipju ġenerali.

204    Fit-tieni lok, fir-rigward tad-definizzjoni tal-emissjonijiet fl-ambjent, għandu jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “emissjonijiet fl-ambjent” ma huwa ddefinit la mill-Konvenzjoni ta’ Aarhus u lanqas mir-Regolament Nru 1367/2006.

205    Madankollu, jekk ir-Regolament Nru 1367/2006 ma fihx definizzjoni espliċita tal-kunċett ta’ emissjonijiet fl-ambjent, l-Artikolu 2(2)(d)(ii) ta’ dan ir-regolament isemmi, fil-kuntest tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ informazzjoni ambjentali, “fatturi, bħalma huma s-sustanzi, l-enerġija, l-istorbju, ir-radjazzjoni jew l-iskart, inklużi l-iskart radjuattiv, l-emissjonijiet, l-iskarigi u ħruġ ieħor fl-ambjent, li jaffettwaw jew x’aktarx jaffettwaw l-elementi ta’ l-ambjent msemmija fil-punt (i)”. Dan il-“punt (i)” jirrigwarda “l-istat ta’ l-elementi ta’ l-ambjent”, iżda mhux “l-istat tas-saħħa u tas-sigurtà tal-bniedem”, li, qiegħed fil-“punt (vi)” tal-imsemmija dispożizzjoni.

206    Anki jekk l-Artikolu 2(2)(d) tar-Regolament Nru 1367/2006, bħala prinċipju, huwa intiż li jiddefinixxi l-kunċett ta’ informazzjoni ambjentali, huwa madankollu permess, fid-dawl tal-kliem tal-“punt ii)” ta’ din id-dispożizzjoni, li jiġi konkluż li jistgħu jikkostitwixxu biss dawk l-emissjonijiet fl-ambjent li għandhom jew jista’ jkollhom effett fuq l-elementi tal-ambjent.

207    Barra minn hekk, għandu jiġi nnutat li l-Gwida għall-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, fil-verżjoni tagħha ppubblikata fis-sena 2000, tirreferi għall-kunċett ta’ emissjoni kif jirriżulta mid-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE tal-24 ta’ Settembru 1996 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 80), li l-punt 5 tal-Artikolu 2 tagħha jiddefinixxi l-emissjoni bħala r-rilaxx dirett jew indirett ta’ sustanzi, vibrazzjonijiet, sħanat jew ħsejjes minn għejjun individwali jew diffużi fl-installazzjoni fl-arja, l-ilma jew l-art; fejn l-installazzjoni tfisser, skont il-punt 3 ta’ dan l-artikolu, unità teknika stazzjonarja li fiha titwettaq b’mod partikolari, attività waħda jew aktar minn dawk elenkati fl-Anness I tad-direttiva.

208    F’dan il-każ, mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi deċiża l-kwistjoni ta’ jekk id-definizzjoni tal-emissjoni fl-ambjent li tirriżulta mill-gwida għall-applikazzjoni u li tippreżumi rilaxx minn installazzjoni tista’ sservi u ma sservix sabiex tinterpreta r-Regolament Nru 1367/2006, għandu jiġi kkonstatat, fi kwalunkwe każ, is-sempliċi manifattura jew tqegħid fis-suq ta’ sustanza ma tistax tiġi kkunsidrata bħala r-rilaxx ta’ din is-sustanza fl-ambjent, b’tali mod li l-informazzjoni dwar il-kwantità mmanifatturata jew imqiegħda fis-suq lanqas ma tista’ tikkostitwixxi informazzjoni dwar emissjonijiet fl-ambjent.

209    L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti tar-rikorrenti skont liema sustanza li hija mqiegħda fis-suq tinteraġixxi neċessarjament mal-ambjent u mal-bnedmin l-oħra, b’tali mod li t-tqegħid fis-suq jikkostitwixxu diġà l-emissjoni fl-ambjent.

210    L-ewwel nett, għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 205 u 206 hawn fuq, li l-interazzjoni mas-saħħa jew is-sigurtà tal-bnedmin ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li teżisti emissjoni fl-ambjent u li din l-emissjoni tippreżumi rilaxx fl-ambjent li għandu jew jista’ jkollu effett fuq l-elementi tal-ambjent.

211    Sa fejn ir-rikorrenti jargumentaw li, ladarba sustanza titqiegħed fis-suq, hija ma tibqax taħt il-kontroll tal-operatur u tista’ tiġi rrilaxxata fl-ambjent u jkollu effetti fuq l-elementi tiegħu, għandu jiġi rrilevat li r-rilaxx fl-ambjent preżunt mill-kunċett ta’ emissjoni għandu jkun reali u mhux biss potenzjali. Ir-riskju astratt tal-emissjoni ta’ sustanza jeżisti minn meta tiġi mmanifatturata. Huwa ċertament possibbli li dan ir-riskju jiżdied bit-tqegħid fis-suq tas-sustanza. Ma jirriżultax minn dan lanqas li la l-produzzjoni u lanqas it-tqegħid fis-suq ta’ sustanza ma jimplikaw diġà l-emissjoni ta’ din is-sustanza fl-ambjent. Madankollu, is-sempliċi riskju li sustanza tista’ tiġi rrilaxxata fl-ambjent ma tiġġustifikax li l-kwantità tas-sustanza mmanifatturata jew mqiegħda fis-suq tiġi kklassfikata bħala informazzjoni dwar emissjonijiet fl-ambjent.

212    Konsegwentement, għandu jiġi nnutat li jeżistu sustanzi, jiġifieri b’mod partikolari s-sustanzi intermedji skont l-Artikolu 3(15) tar-Regolament REACH (ara l-punt 17 hawn fuq), li jekk jintużaw bil-mod kif suppost jintużaw, ma jirrilaxxawx emissjonijiet fl-ambjent.

213    Jekk is-sustanzi, barra s-sustanzi intermedji, jistgħu jiġu rrilaxxata fl-ambjent fil-mument taċ-ċiklu ta’ attività tagħhom, dan ma jfissirx madankollu li, għal dawn is-sustanzi, il-kwantità mmanifatturata jew mqiegħda fis-suq tista’ tiġi kkunsidrata bħala informazzjoni li tirrigwarda sustanzi rrilaxxati fl-ambjent li għandhom jew li jista’ jkollhom effett fuq l-elementi tal-ambjent (ara l-punt 206 hawn fuq).

214    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-informazzjoni mitluba fil-kuntest tal-punt 2 tat-talba għal informazzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tirrigwarda l-emissjonijiet fl-ambjent. Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri ma jirriżultax, f’dan il-każ, mill-applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006.

–       Fuq l-ibbilanċjar tal-interessi differenti eżistenti

215    Ir-rikorrenti jsostnu li l-ECHA ma osservatx l-obbligu li tibbilanċja l-interess pubbliku moqdi permezz tal-iżvelar ta’ informazzjoni ambjentali u l-interessi kummerċjali tal-kumpanniji kkonċernati moqdija mir-rifjut ta’ żvelar, billi tiġi invokata preżunzjoni legali prevista mill-Artikolu 118(2)(ċ) tar-Regolament REACH, skont liema l-iżvelar tal-kwantità eżatta tippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali.

216    Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

217    Fil-fatt, kif ġie espost fil-punt 178 hawn fuq, l-ECHA għandha dritt li tippreżumi, abbażi tal-imsemmija preżunzjoni legali, li l-iżvelar ta’ informazzjoni mitluba tippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-kumpanniji kkonċernati mingħajr ma jsir eżami konkret ta’ kull informazzjoni. Sussegwentement, hija eżaminat, konformement mal-Artikolu 4(2), in fine, tar-Regolament Nru 1049/2001, jekk, fil-każ partikolari, interess pubbliku superjuri jiġġustifika l-iżvelar. Fl-aħħar nett hija kkonkludiet, ġustament, abbażi ta’ motivazzjoni li kienet ddettaljata biżżejjed biex jinftiehem ir-raġunament tagħha, li dan l-interess pubbliku superjuri kien nieqes.

218    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-ECHA naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni interess pubbliku jew interess pubbliku superjuri għall-iżvelar ta’ informazzjoni ambjentali inkwistjoni u li jitwettaq korrettement l-ibbilanċjar tal-interessi diverġenti skont l-Artikolu 4(2), in fine, tar-Regolament Nru 1049/2001 għandu jiġi miċħud.

219    Ir-rikorrenti ma ppruvawx li l-ECHA ma osservatx il-prinċipju skont liema l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni ambjentali għandhom jiġu interpretati b’mod strett. Fil-fatt, iċ-ċaħda ta’ talba għal informazzjoni, ibbażata fuq il-preżunzjoni legali prevista mill-Artikolu 118(2)(ċ) tar-Regolament REACH u fuq l-assenza ta’ interess pubbliku superjuri filwaqt li tiġġustifika l-iżvelar ta’ informazzjoni mitluba, ma tippermettix li jiġi konkluż li l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess ma ġietx applikata b’mod strett.

220    Minn dan isegwi r-raba’ u l-ħames motivi kif ukoll it-tielet motiv, sa fejn dan huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati fir-rigward tal-punt 2 tat-talba għal informazzjoni.

b)     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(4) u (6), tar-Regolament Nru 1049/2001

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001

221    Ir-rikorrenti jargumentaw li l-ECHA naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li tikkonsulta terzi, bi ksur tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001.

222    Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001, fil-każ ta’ dokumenti li ġejjin minn terz, l-istituzzjoni tikkonsulta lit-terz sabiex jiġi ddeterminat jekk eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1) jew (2) tal-istess regolament hijiex applikabbli, sakemm ma jkunx ċar jekk id-dokument għandux jiġi żvelat jew le. Minn dan isegwi li l-istituzzjonijiet ma humiex obbligati jikkonsultaw lit-terz ikkonċernat inkwistjoni jekk jirriżulta b’mod ċar li d-dokument għandu jiġi żvelat jew ma għandux jiġi żvelat. Fil-każijiet l-oħra kollha, l-istituzzjonijiet għandhom jikkonsultaw it-terzi inkwistjoni. Għaldaqstant, il-konsultazzjoni tat-terz ikkonċernat tikkostitwixxi, bħala regola ġenerali, kundizzjoni minn qabel għad-determinazzjoni tal-applikazzjoni tal-eċċezzjonjiet għall-aċċess previsti mill-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament Nru 1049/2001 fil-każ ta’ dokumenti li joriġinaw minn terzi (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Novembru 2004, IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il‑Kummissjoni, T‑168/02, Ġabra p. II‑4135, punt 55; tat-30 ta’ Jannar 2008, Terezakis vs Il‑Kummissjoni, T-380/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 54 u tat-3 ta’ Ottubru 2012, Jurašinović vs Il-Kunsill, T-63/10, Ġabra, punt 83).

223    Għandu wkoll jitfakkar li l-konsultazzjoni ta’ terz li ma huwiex Stat Membru, prevista fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001, ma torbotx lill-istituzzjoni iżda għandha tippermettilha li tevalwa jekk eċċezzjoni prevista fil-paragrafu (1) jew (2) ta’ dan l-artikolu għandhiex tiġi applikata (is-sentenza Jurašinović vs Il-Kunsill, punt 222 iktar ’il fuq, punt 87).

224    Fir-rigward tal-punt 2 tat-talba għal informazzjoni, l-ECHA, peress li rrifjutat l-iżvelar tal-kwantitajiet eżatti minħabba li dan kien jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-persuni kkonċernati, applikat eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Għalkemm huwa paċifiku li l-ECHA ma kkonsultatx il-kumpanniji kkonċernati qabel iddeċidiet fuq it-talba, mill-ġurisprudenza ċċitata jirriżulta fil-punt 222 hawn fuq li l-assenza ta’ konsultazzjoni ta’ terzi hija skont ir-Regolament Nru 1049/2001 jekk waħda mill-eċċezzjonijiet previsti mill-imsemmi regolament tapplika b’mod ċar għad-dokumenti inkwistjoni.

225    F’dan il-każ, ġie stabbilit diġà fil-punt 178 hawn fuq li l-ECHA ġustament ikkunsidrat, b’mod partikolari abbażi tal-preżunzjoni legali prevista mill-Artikolu 118(2)(ċ) tar-Regolament REACH, li l-iżvelar tal-kwantità eżatta tas-sustanzi inkwistjoni kienet tippreġudika il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-kumpanniji kkonċernati u li, fl-assenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar, kien hemm raġuni sabiex jirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni mitluba. Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 tapplika b’mod ċar għall-informazzjoni inkwistjoni, b’tali mod li konsultazzjoni ta’ terzi ma kinitx neċessarja.

226    Ir-rikorrenti ma jistgħux jirribattu din il-konklużjoni b’riferiment għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 2010, Stichting Natuur en Milieu et (C‑266/09, Ġabra p. I‑13119). F’din is-sentenza il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod partikolari, fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/4 dwar id-derogi għad-dritt ta’ aċċess. Huwa minnu li skont il-punt 3 tad-dispożittiv tal-imsemmija sentenza li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/4 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ibbilanċjar, li jipprevedi, tal-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar ta’ informazzjoni dwar l-ambjent u l-interess individwali moqdi permezz tar-rifjut tal-iżvelar għandu jsir f’kull każ partikolari mressaq quddiem l-awtoritajiet kompetenti, anki jekk il-leġiżlatur nazzjonali jiddetermina permezz ta’ dispożizzjoni ta’ natura ġenerali kriterji li jippermettu li tiġi ffaċilitata din l-evalwazzjoni komparata tal-interessi inkwistjoni. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma tistax tikkunsidra preżunzjoni legali, bħal dik prevista mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 118(2)(ċ) tar-Regolament REACH, u li huma għandhom jikkonsultaw terzi kemm fil-każijiet fejn hu ċar li dokument għandu jew ma għandux jiġi żvelat minkejja l-kliem tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001.

227    Mill-iżvilippi preċedenti jirirżulta li l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, bbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 u tal-priniċpju ta’ proporzjonalità

228    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jargumentaw li l-ECHA naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li teżamina l-possibbiltà li tagħti l-aċċess parzjali għall-informazzjoni dwar il-kwantità eżatta mqiegħda fis-suq għal reġistrant, bi ksur tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001.

229    Mill-kliem tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 jirriżulta li, jekk parti biss mid-dokument mitlub huwa kopert minn xi eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess, il-biċċiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li d-derogi ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Diċembru 2001, Il-Kunsill vs Hautala, C‑353/99 P, Ġabra p. I‑9565, punt 28, u tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Marzu 2013, In ‘t Veld/Il-Kummissjoni, T‑301/10, Ġabra, punt 200).

230    Il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 jimponi eżami konkret u individwali tal-kontenut ta’ kull dokument. Fil-fatt, tali eżami ta’ kull dokument biss jista’ jippermetti lill-istituzzjoni tevalwa l-possibbiltà li jingħata aċċess parzjali lill-applikant. Evalwazzjoni ta’ dokumenti li trid titwettaq b’kategoriji pjuttost milli fir-rigward tal-elementi konkreti ta’ informazzjoni li jinsabu f’dawn id-dokumenti hija bħala prinċipju insuffiċjenti, peress li l-eżami meħtieġ mill-istituzzjoni għandu jippermettilha tevalwa konkretament jekk eċċezzjoni invokata tapplikax realment għall-informazzjoni kollha li tinsab fl-imsemmija dokumenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, punt 146 iktar ’il fuq, punt 117, u l-ġurisprudenza ċċitata).

231    Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċittata fil-punt 169 hawn fuq, il-prinċipju li l-eżami meħtieġ għat-trattament ta’ talba ta’ aċċess għal dokumenti għandu jkollha natura konkreta u individwali għandu madankollu xi eċċezzjonijiet, b’mod partikolari meta teżisti preżunzjoni ġenerali li l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni jippreġudika xi wieħed mill-interessi protetti mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001. Barra dan, diġà ġie espost fil-punt 177 hawn fuq, dan japplika speċjalment meta din il-preżunzjoni hija prevista b’mod espliċitu minn dispożizzjoni legali, jiġifieri, f’dan il-każ, l-Artikolu 118(2)(ċ) tar-Regolament REACH.

232    Sa fejn ir-rikorrenti jsostnu li l-ECHA ma kkunsidratx, wara evalwazzjoni każ b’każ, il-possibbiltà ta’ żvelar l-informazzjoni dwar il-kwantità ta’ sustanzi speċifiċi, għandu jiġi rrilevat li l-preżunzjoni legali prevista fl-Artikolu 118(2)(ċ) tar-Regolament REACH, li l-iżvelar tal-kwantità eżatta jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-persuni kkonċernati, tkopri s-sustanzi inkwistjoni kollha u li r-rikorrenti ma argumentawx, la għat-totalità ta’ dawn is-sustanzi u lanqas għas-sustanzi speċifiċi, elementi li jistgħu jikkontestaw din il-preżunzjoni legali. Ir-rikorrenti lanqas ma ppruvaw li l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika, minn tal-inqas għal parti mis-sustanzi, l-iżvelar ta’ informazzjoni mitluba. Għaldaqtsant, l-ECHA, mingħajr ma jkollha twettaq eżami każ b’każ, tista’ tikkunsidra li l-informazzjoni dwar il-kwantità eżatta tat-totalità tas-sustanzi inkwistjoni hija koperta mill-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

233    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jiddikjaraw, fir-replika tagħhom, li l-ECHA kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li ma kkunsidratx il-possibbiltà li l-iżvelar tal-informazzjoni dwar il-kwantità ta’ sustanzi speċifiċi, konformement mal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001.

234    Għalhekk, l-ECHA targumenta li r-rikorrenti qed jinvokaw motiv ġdid li huwa inammissibbli jew, minn tal-inqas, infondat.

235    L-ewwel nett, fir-rigward tal-ammissibbiltà invokat mill-ECHA, għandu jitfakkar li mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44(1)(ċ) u tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal‑Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, ir-rikors promotur għandu jindika s-suġġett tal-kawża u jinkludi sunt tal-motivi invokati u li l-ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat matul il-kawża, sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. Madankollu, motiv li jikkostitwixxi l-amplifikazzjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li jkollu rabta mill-qrib miegħu għandu jiġi ddikjarat ammissibbli. Hija meħtieġa soluzzjoni analoga għal ilment invokat insostenn ta’ motiv (is-sentenza In ‘t Veld vs Il-Kummissjoni, punt 229 iktar ’il fuq, punt 97).

236    Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 229 hawn fuq, l-awtorità kkonċernata għandha tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità matul l-applikazzjoni tad-derogi għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti. B’mod partikolari, l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 intiż li jikkontribwixxi għall-osservanza ta’ dan il-prinċipju billi jippermetti l-iżvelar parzjali jekk parti biss tad-dokument mitlub hija kkonċernata minn eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess, bil-għan li ma jiġux maqbuża l-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq. F’dan il-kuntest, ir-riferiment magħmul mir-rikorrenti għall-priniċpju ta’ proporzjonalità ma jikkostitwixxix motiv ġdid, iżda lment li jispeċifika l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001. Essenzjalment, ir-rikorrenti jargumentaw li, billi kisret din id-dispożizzjoni, l-ECHA fl-istess ħin kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

237    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa ammissibbli.

238    Konsegwentement, fir-rigward tal-mertu, madankollu hemm lok li jiġi kkonstatat li dan l-ilment ma huwiex fondat, peress li l-ECHA ma kisritx ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li hija ma tatx, wara eżami każ b’każ, l-aċċess għal parti mill-informazzjoni mitluba.

239    Ġie diġà espost fil-punt 232 hawn fuq li, fid-dawl tal-preżunzjoni legali prevista fl-Artikolu 118(2)(ċ) tar-Regolament REACH, tali eżami każ b’każ ma jkunx neċessarju. Din id-dispożizzjoni ma taqbiżx il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq, jiġifieri li jipproteġi l-interessi kummerċjali.

240    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li din il-preżunzjoni legali mhux neċessarjament jipprekludi l-aċċess għall-informazzjoni mitluba, iżda li teżisti l-possibbiltà li jiġu sostnuti, jekk ikun il-każ, l-elementi li jistgħu jirbattu din il-preżunzjoni jew li tiġi ppruvata l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar sħiħ jew parzjali tal-informazzjoni mitluba (ara, b’analoġija, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 172 hawn fuq). Barra minn hekk, l-ECHA, fi kwalunkwe każ, hija obbligata li tippubblika, konformement mal-Artikolu 119(2)(b) tar-Regolament REACH, it-total ta’ medda ta’ tunnellaġġ li fiha sustanza ġiet irreġistrata. Għalhekk, ir-Regolament REACH jippermetti, sa ċertu punt, l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-kwantità ta’ sustanza, anki jekk il-kwantità eżatta tagħha ma tiġix żvelata.

241    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni parti tat-tieni motiv għandu jiġi miċħud u, tant ieħor, l-imsemmi motiv fl-intier tiegħu, fir-rigward tal-punt 2 tat-talba għal informazzjoni.

242    Minn dan isegwi r-rikors huwa infondat sa fejn jirrigwarda r-rifjut tal-punt 2 tat-talba għal informazzjoni.

4.     Fuq it-tieni u t-tielet motivi, ibbażati, rispettivament, it-tieni, fuq il-ksur tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001 u, it-tielet, fuq il-ksur tal-Artikolu 4(1),(3), u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, sa fejn jirrigwardaw il-punt 3 tat-talba għal informazzjoni

a)     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001

243    Ir-rikorrenti jargumentaw li l-ECHA ma osservatx l-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001.

244    B’mod partikolari, ir-rikorrenti jsostnu li l-ECHA hija obbligata li tikkonsulta r-reġistranti li jressqu talba għall-kunfidenzjalità intiża sabiex ma jiġix żvelat it-total ta’ medda ta’ tunnellaġġ. Huma jżidu li, fir-rigward ta’ reġistranti oħra, din il-konsultazzjoni ma hijiex neċessarja, peress li huwa evidenti li ma jeżisti ebda motiv sabiex tirrifjuta li tagħti l-aċċess għall-informazzjoni mitluba.

245    L-ECHA ssostni li l-konsultazzjoni ta’ terzi ma kinitx neċessarja, peress li hija ma kinitx obbligata tikkonsulta terzi fir-rigward tal-informazzjoni li hija ma kellhiex fil-pussess tagħha. Barra minn hekk, anki jekk hija kellha din l-informazzjoni, din hija suġġetta esklużivament għad-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar it-tixrid fuq l-internet, previsti fl-Artikolu 119 tar-Regolament REACH.

246    Minn naħa waħda, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 119(2)(b) tar-Regolament REACH, l-informazzjoni dwar it-total ta’ medda ta’ tunnellaġġ hija ppubblikata fuq l-internet, għajr f’każ ta’ talba ta’ kunfidenzjalità li l-fondatezza tagħha hija rrikonoxxuta mill-ECHA.

247    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 1049/2001 japplika, konformement mal-Artikolu 2(3) tiegħu, “lil kull dokument miżmum minn istituzzjoni, jiġifieri, dokumenti miktuba minnha jew li rċiviet u fil-pussess tagħha, f’kull qasam ta’ attività ta’ l-Unjoni”, u li, skont l-Artikolu 118(1) tar-Regolament REACH, “[i]r-Regolament Nru 1049/2001 għandu japplika għad-dokumenti li jkunu f’idejn l-[ECHA]”. Minn dan isegwi li d-dritt ta’ aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jirrigwarda biss id-dokumenti li jeżistu u li huma fil-pussess tal-istituzzjoni kkonċernata (is-sentenza Strack vs Il-Kummissjoni, punt 105 iktar ’il fuq, punt 38).

248    F’dan il-każ, ChemSec, permezz tal-punt 3 tat-talba għal informazzjoni, talbet l-aċċess għall-informazzjoni dwar it-total ta’ medda ta’ tunnellaġġ li fiha t-356 sustanza inkwistjoni ġew irreġistrati, fl-ipoteżi fejn l-aċċess għall-informazzjoni msemmi fil-punt 2 tat-talba għal informazzjoni, jiġifieri l-kwantità eżatta ta’ dawn is-sustanzi, tkun impossibbli (ara l-punt 35 hawn fuq).

249    Fil-punt 1(c) tad-deċiżjoni kkontestata, l-ECHA ddikjarat li “id-dokument mitlub ma jissemm[a] la fid-databases, u lanqas fid-dossiers tagħha” u li r-Regolament Nru 1049/2001 ma jimponix l-obbligu li jinħolqu dokumenti sabiex tingħata risposta għat-talbiet għal aċċess għad-dokumenti. Madankollu, sabiex jingħata tali dokument lir-rikorrenti, jekk jiġi preżunt li t-talbiet għal reġistrazzjoni ġew tassew imressqa għas-sustanzi inkwistjoni kollha, ikollha tiġbor l-informazzjoni kollha li tinsab fid-dossiers ta’ reġistrazzjoni u tikkalkula t-total ta’ medda ta’ tunnellaġġ tas-sustanzi inkwistjoni. Hija ppreċiżat ikun l-istess għall-aċċess għall-medda ta’ tunnellaġġ kumulattiv preċiż li jirrigwarda kull waħda mis-sustanzi li jissemmew fit-talba, fil-każ fejn din ikollha tiġi interpretata b’dan il-mod. L-ECHA madankollu żiedet li hija ġabret l-informazzjoni pprovduta dwar il-medda ta’ tunnellaġġ li tirriżulta mill-fajls individwali tas-sustanzi elenkati fit-talba. Hija annettiet mal-ittra tagħha tabella li fiha din l-informazzjoni, filwaqt li speċifikat li “[i]l-metodoloġija użata biex jiġi stabbilit it-total ta’ medda ta’ tunnellaġġ kien […] għadu qed jiġi żviluppat” u li hija “ma hijiex għalhekk f’qagħda li tiggarantixxi l-eżatezza tal-imsmemija informazzjoni ġġenerata manwalment”.

250    Ir-rikorrenti jirrilevaw li ma rċevewx l-informazzjoni mitluba sa fejn it-talba tagħhom tirrigwarda l-medda tal-kwantità għal kull reġstrant, u mhux l-informazzjoni aggregata. Huma jżidu li l-Artikolu 119(2)(b) tar-Regolament REACH jeżiġi li l-ECHA tippubblika t-total ta’ medda ta’ tunnellaġġ għal kull reġistrant individwali. Barra minn hekk, jekk ir-rikorrenti mhux qed isostni li l-ECHA għandha fil-pussess tagħha t-total ta’ medda ta’ tunnellaġġ, huma jikkunsidraw li l-ECHA għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-informazzjoni peress li kellha l-obbligu li xxerridha, skont l-Artikolu 119(2)(b), tar-Regolament REACH.

251    Għandu jiġi rrilevat li, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, l-ECHA kienet għadha ma stabbilixxietx il-metodoloġija sabiex tkun tista’ tistabbilixxi t-total ta’ medda ta’ tunnellaġġ u għalhekk ma setgħetx twettaq it-talba tar-rikorrenti intiża li tikseb l-aċċess għal din l-informazzjoni.

252    Għandu jiġi rrilevat ukoll li r-Regolament REACH ma jimponix l-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 119(2)(b) tal-imsemmi regolament dwar id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti previst fl-Artikolu 118(1) tiegħu, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1049/2001. Għaldaqstant, ma huwiex possibbli li tiġi imposta l-osservanza tal-obbligu ta’ tixrid fuq l-internet permezz ta’ talba ta’ aċċess għal dokumenti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Strack vs Il‑Kummissjoni, punt 105 iktar ’il fuq, punt 44). F’dan id-dawl, talba għall-aċċess għad-dokumenti ma tistax tobbliga l-ECHA sabiex toħloq ċerta informazzjoni li ma teżistix, anki jekk it-tixrid ta’ din l-informazzjoni huwa previst mill-Artikolu 119 tar-Regolament REACH.

253    Għaldaqstant, l-ECHA kienet intitolata li tirrifjuta l-punt 3 tat-talba għal informazzjoni minħabba li hija ma kellhiex l-informazzjoni mitluba. Peress li ma hijiex obbligata li tikkonsulta lill-partijiet terzi għal informazzjoni li ma hijiex fil-pussess tagħha, ma jistax jiġi allegat li l-ECHA kisret l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001.

254    Minn dan isegwi t-tieni motiv għandu jiġi miċħud, fir-rigward tal-punt 3 tat-talba għal informazzjoni.

b)     Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(1), (3), u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006

255    Ir-rikorrenti jallegaw li l-ECHA kisret l-Artikolu 4(1), (3) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, billi rrifjutatilhom l-aċċess għall-informazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi li kienu s-suġġett tat-talba tagħhom għal informazzjoni.

256    Sa fejn it-tielet motiv jirrigwarda l-punt 3 tat-talba għal informazzjoni, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, ir-rikors promotur għandu jinkludi sunt tal-motivi invokati. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi fuq ir-rikors, skont il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra sabiex issostniha. B’hekk, ir-rikorrent għandu jispjega l-kontenut tal-motiv li fuqu huwa bbażat ir-rikors, b’tali mod li sempliċi evokazzjoni astratta ma tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regoli tal-Proċedura (is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2013, Besselink vs Il-Kunsill, T‑331/11, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 38).

257    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti jillimitaw ruħhom li jevokaw li t-talba għal informazzjoni hija dwar informazzjoni ambjentali u li d-derogi għad-dritt ta’ aċċess għal din l-informazzjoni huma redatti mill-Konvenzjoni ta’ Aarhus kif ukoll mir-Regolament Nru 1367/2006. Madankollu, ir-rikorrenti ma jispjegawx b’liema mod il-Konvenzjoni ta’ Aarhus jew ir-Regolament Nru 1367/2006 jipprekludu ċ-ċaħda, mill-ECHA, tal-punt 3 tat-talba għal informazzjoni minħabba li l-informazzjoni mitluba ma hijiex fil-pussess tagħha. It-tressiq tal-motiv inkwistjoni ma jippermettix għalhekk li jiġi stabbilit liema hu l-ksur allegat, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha.

258    Għalhekk, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli sa fejn jirrigwarda l-punt 3 tat-talba għal informazzjoni, skont l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991.

259    Barra minn hekk, għandu jiġi nnutat li l-Artikolu 4(3(a) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jipprevedi espliċitament li talba għal informazzjoni dwar l-ambjent tista’ tiġi rrifjutata jekk l-awtorità pubblika li lilha tiġi indirizzata t-talba ma jkollhiex fil-pussess tagħha l-informazzjoni mitluba. Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1367/2006 “[i]r-Regolament [Nru 1049/2001] għandu japplika għal kwalunkwe talba minn applikant għal aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent fil-pussess ta’ istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità”, li jwassal ukoll li jiġi konkluż li dan ir-riferiment jirrigwarda biss id-dokumenti eżistenti u fil-pussess tal-istituzzjoni kkonċernata. Għaldaqstant, anki jekk jiġi preżunt li t-total ta’ medda ta’ tunnellaġġ tikkostitwixxi informazzjoni ambjentali, dan il-fatt ma jikkontestax il-legalità taċ-ċaħda tal-punt 3 tat-talba għal informazzjoni.

260    Minn dan isegwi li r-rikors għandu jiġi miċħud sa fejn jirrigwarda l-punt 3 tat-talba għal informazzjoni.

261    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta, fir-rigward tal-punt 1 tat-talba għal informazzjoni, ma hemmx iżjed lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors, sakemm l-ismijiet u d-dettalji li r-rikorrenti talbu l-iżvelar tagħhom kienu aċċessibbli fuq is-sit tal-internet tal-ECHA fid-data tat-23 ta’ April 2014 (ara l-punt 121 hawn fuq). Fir-rigward tal-informazzjoni l-oħra li kienet is-suġġett tal-punt 1 tat-talba għal informazzjoni, ir-rikors għandu jiġi milqugħ (ara l-punt 164 hawn fuq) u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata f’dan ir-rigward.

262    Min-naħa l-oħra, fir-rigward taċ-ċaħda tal-punti 2 u 3 tat-talba għal informazzjoni, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

263    Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher ġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura, f’każ li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi liberament dwar l-ispejjeż.

264    F’dan il-każ, peress li r-rikors ġie parzjalment milqugħ, hemm lok li jiġi deċiż li r-rikorrenti, l-ECHA u ċ-Cefic għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

265    Barra dan, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, jipprevedi li l-istituzzjonijiet li intervenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tbati wkoll l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ma hemmx iżjed lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors għal annullament tad-deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, (ECHA) tal-4 ta’ Marzu 2011, sa fejn irrifjutat l-iżvelar ta’ informazzjoni mitluba permezz tal-punt 1 tat-talba għal informazzjoni, sa fejn tirrigwarda l-ismijiet u tad-dettalji tas-6 611 kumpannija aċċessibbli fuq l-internet, fit-23 ta’ April 2014.

2)      Id-deċiżjoni tal-ECHA tal-4 ta’ Marzu 2011 hija annullata sa fejn hija rrifjutat l-iżvelar ta’ informazzjoni mitluba permezz tal-punt 1 tat-talba għal informazzjoni, sa fejn tirrigwarda informazzjoni li għadha ma ġietx żvelata fit-23 ta’ April 2014.

3)      Il-kumplament tar-rikors għandu jiġi miċħud.

4)      Kull parti, inklużi l-partijiet intervenjenti, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Martins Ribeiro

Gervasoni

Madise

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-23 ta’ Settembru 2015.

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

A –  Dritt internazzjonali

1.  Ftehim TRIPS

2.  Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus

B –  Dritt tal-Unjoni

1.  Regolament (KE) Nru 1049/2001

2.  Direttiva 2003/4/KE

3.  Regolament REACH

4.  Regolament (KE) Nru 1367/2006

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

A –  Fuq l-ammissibbiltà

1.  Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà

2.  Fuq it-tmiem tan-nuqqas ta’ ammissibbiltà bbażata fuq l-inammissibbiltŕ tas-suġġett tar-rikors

B –  Fuq iż-żamma tas-suġġett tal-kawża fir-rigward tat-talba għal informazzjoni billi tirrigwarda l-ismijiet u d-dettalji tar-reġistranti li ġew żvelati wara l-preżentata tar-rikors

C –  Fuq il-mertu

1.  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jirrigwarda l-punti 1 sa 3 tat-talba għal informazzjoni

2.  Fuq ir-raba’ u l-ħames motivi, ibbażati, rispettivament, ir-raba’, fuq ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 u, il-ħames, fuq il-ksur tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 4(2) u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li jirrigwardaw il-punt 1 tat-talba għal informazzjoni

a)  Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

b)  Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001

3.  Fuq it-tieni, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames motivi, ibbażati, rispettivament, it-tieni, fuq il-ksur tal-Artikolu 4(4) u (6), tar-Regolament Nru 1049/2001, it-tielet, fuq il-ksur tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, ir-raba’, fuq il-ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u, il-ħames, fuq il-ksur tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, fis-sens li jirrigwardaw il-punt 2 tat-talba għal informazzjoni

a)  Fuq it-tielet, ir-raba’ u l-ħames motivi, ibbażati, rispettivament, it-tielet, fuq il-ksur tal-Artikolu 4(4), tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, ir-raba’, fuq il-ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u, il-ħames, fuq il-ksur tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

Fuq il-preġudizzju għall-protezzjoni tal-interessi kummerċjali

Fuq l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar

–  Fuq l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri f’każ ta’ talbiet ta’ informazzjoni ambjentali

–  Fuq il-kunċett ta’ informazzjoni dwar l-emissjonijiet fl-ambjent skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006

–  Fuq l-ibbilanċjar tal-interessi differenti eżistenti

b)  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(4) u (6), tar-Regolament Nru 1049/2001

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001

Fuq it-tieni parti, bbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 u tal-priniċpju ta’ proporzjonalitŕ

4.  Fuq it-tieni u t-tielet motivi, ibbażati, rispettivament, it-tieni, fuq il-ksur tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001 u, it-tielet, fuq il-ksur tal-Artikolu 4(1),(3), u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, sa fejn jirrigwardaw il-punt 3 tat-talba għal informazzjoni

a)  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001

b)  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(1), (3), u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.