Language of document : ECLI:EU:T:2020:458

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

5 ta’ Ottubru 2020 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Proċedura amministrattiva – Deċiżjoni li tordna spezzjoni – Eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 – Dritt għal rimedju effettiv – Opportunitajiet ugwali għall-partijiet – Obbligu ta’ motivazzjoni – Dritt għall-invjolabbiltà tad-domiċilju – Indizji suffiċjentement serji – Proporzjonalità”

Fil-Kawża T‑249/17,

Casino, GuichardPerachon, stabbilita f’Saint-Étienne (Franza),

Achats Marchandises Casino SAS (AMC), li kienet EMC Distribution, stabbilita f’Vitry-sur-Seine (Franza),

irrappreżentati minn D. Théophile, I. Simic, O. de Juvigny, T. Reymond, A. Sunderland u G. Aubron, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Mongin, A. Dawes u I. Rogalski, bħala aġenti, assistiti minn F. Ninane, avukat,

konvenuta,

sostnuta minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn S. Boelaert, S. Petrova u O. Segnana, bħala aġenti,

intervenjent,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 1054 final, tad‑9 ta’ Frar 2017, li tordna lil Casino, Guichard-Perchon kif ukoll lill-kumpanniji kollha direttament jew indirettament ikkontrollati minnha sabiex jissottomettu ruħhom għal spezzjoni konformement mal-Artikolu 20(1) u (4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (Każ AT.40466 – Tute 1),

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża),

komposta minn S. Gervasoni (Relatur), President, L. Madise, R. da Silva Passos, K. Kowalik‑Bańczyk u C. Mac Eochaidh, Imħallfin,

Reġistratur: M. Marescaux, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tad‑29 ta’ Jannar 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), intitolat “Is-setgħa ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni”, jipprovdi:

“1. Sabiex tagħmel id-doveri assenjati lilha min dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ tagħmel l-ispezzjonijiet neċessarji ta’ l-impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża.

2. L-uffiċjali u persuni oħra li jakkompanjawhom awtorizzati mil-Kummissjoni jagħmlu spezzjoni għandhom is-setgħa li:

a)      li jidħlu f’kwalunkwe siti, art u metodi tat-trasport ta’ l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża;

b)      li jeżaminaw il-kotba u rekords oħra relatati mal-kummerċ, irrespettivament tal-mod kif innhu maħżun;

ċ)      li jieħu jew jikseb f’kwalunkwe forma: kopji ta’ jew estratti min dawn il-kotba jew rekords:

d)      li jagħlqu kwalunkwe post tal-kummerċ u l-kotba jew rekords għal dak il-perjodu u sal-punt neċessarju biex issir l-ispezzjoni;

e)      li tistaqsi lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tas-staff ta’ l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ l-impriża għal l-ispjegazzjoni fuq il-fatti jew dokumenti relati mas-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni biex tirrekordja r-risposti.

3. L-uffiċjali u l-persuni l-oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni biex jagħmlu l-ispezzjoni ħa jeserċitaw il-poteri tagħhom malli jipproduċu awtorizzazzjoni bil-miktub li jispeċiefikaw is-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni u l-pieni previsti mil-Artikolu 23 f’każ li jipproduċu l-kotba rikjesti u rekords oħra relatati mal-kummerċ jkun inkomplut jew fejn hemm risposti għad-domandi mistoqsija taħt paragrafu 2 tal-preżent Artikolu jkun inkorret jew qarrieqi. F’ħin tajjeb qabel l-ispezzjoni, il-Kummissjoni ħa tagħti notifikazzjoni ta’ l-ispezzjoni lill-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu qed isseħħ.

4. Impriżi jew assoċjazzjonijiet tal-impriża huma rikjesti li jissottomettu għall-ispezzjonijiet ordnati b’deċiżjoni mil-Kummissjoni. Id-deċiżjoni ħa tispeċifika s-suġġet u l-għan tal-ispezzjoni, taħtar id-data li fiha għandha tibda u tindika l-pieni previsti mil-Artikoli 23 u 24 u d-dritt li tar-reviżjoni tad-deċiżjoni mil-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Kummissjoni ħa tieħu deċiżjoni wara li tikkonsulta l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha isseħħ l-ispezzjoni.

5. Uffiċjali ta’ kif ukoll dawk awtorizzati jew maħtura mil-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha sseħħ l-ispezzjoni ħa, mat-talba ta’ din l-awtorità jew tal-Kummissjoni, tassisti b’mod attiv lil uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mil-Kummissjoni. Għal dan il-għan, huma ħa jgawdu min poteri speċifikati min paragrafu 2.

6. Fejn l-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mil-Kummissjoni jsibu li l-impriża topponi xi speżjoni ordnata skond dan l-Artiklu, l-Istat Membru konċernat jtihom l-assistenza neċessarja, titlob fejn hu approprjat l-assistenza tal-puliżija jew ta’ l-awtorità infurzatura oħra ekwivalenti, Sabiex tħallihom jikkonduċu l-ispezzjoni tagħhom.

7. Jekk l-assistenza prevista min paragrafu 6 tirrikjedi l-awtorizzazzjoni ta’ xi awtorità ġudizzjarja bi qbil mar-regoli nazzjonali, awtorizzazzjoni bħal din trid tapplika għaliha. Awtorizzazzjoni bħal din tista’ ukoll tapplika għaliha bħala miżura ta’ prekawzjoni.

8. Fejn l-awtorizzazzjoni kif msejħa fil-paragrafu 7 hi applikat għaliha, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali ħa tikkontrolla li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun awtentika u li l-miżuri ta’ sfurzar maħsuba huma la ta’ arbitraġġ u lanqas eċċessivi wara li kkunsidraw is-suġġett ta’ l-ispezzjoni. Fil-kontrol tal-proporzjonalità tal-miżuri ta’ sfurzar, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ tistaqsi lill-Kummissjoni, direttament jew permezz ta’ l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ l-Istat Membru, għal spjegazzjonijiet dettaljati b’mod partikolari fuq il-bażi li l-Kummissjoni għandha għal ksur sospett ta’ l-Artikoli [101] u [102 TFUE], kif ukoll għas-serjetà tal-ksur sospettat u fuq in-natura ta’ involviment ta’ l-impriża konċernata. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ ma tistaqsix in-neċessità ta’ l-ispezzjoni u lanqas tordna li tkun provduta bl-informazzjoni fil-file tal-Kummissjoni. Il-dritt legali tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ħa tkun soġetta għar-reviżjoni biss mil-Qorti tal-Ġustizzja.”

II.    Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Casino, Guichard‑Perrachon, l-ewwel rikorrenti (iktar ’il quddiem “Casino”), hija l-kumpannija omm tal-grupp Casino, li teżerċita l-attivitajiet tagħha b’mod partikolari fi Franza, prinċipalment fis-settur tad-distribuzzjoni tal-ikel u mhux tal-ikel. Is-sussidjarja tagħha, Achats Marchandises Casino SAS (AMC), li kienet EMC Distribution, it-tieni rikorrenti, hija ċentru ta’ riferiment li jinnegozja l-kundizzjonijiet ta’ xiri mingħand fornituri għall-marki tal-grupp Casino fi Franza.

3        Wara li rċeviet informazzjoni dwar skambji ta’ informazzjoni bejn l-ewwel rikorrenti u impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi oħra, b’mod partikolari Intermarché, kumpannija li teżerċita wkoll l-attivitajiet tagħha fis-settur tad-distribuzzjoni tal-ikel u mhux tal-ikel, il-Kummissjoni Ewropea adottat, fid-9 ta’ Frar 2017, id-Deċiżjoni C (2017) 1054 final li tordna lil Casino, Guichard-Perachon kif ukoll lill-kumpanniji kollha kkontrollati direttament jew indirettament minnha sabiex jissottomettu ruħhom għal spezzjoni konformement mal-Artikolu 20(1) u (4) tar-Regolament Nru 1/2003 (Każ AT.40466 – Tute 1) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

4        Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jinqara kif ġej:

“Artikolu 1

Casino […], kif ukoll il-kumpanniji kollha direttament jew indirettament ikkontrollati minnha, huma obbligati li jissottomettu ruħhom għal spezzjoni dwar il-parteċipazzjoni possibbli tagħhom fi prattiki miftiehma li jiksru l-Artikolu 101 [TFUE] fis-swieq tal-provvista ta’ oġġetti tal-konsum ta’ kuljum, fis-suq tal-bejgħ ta’ servizzi lill-produtturi ta’ prodotti tad-ditta u fis-swieq tal-bejgħ lill-konsumaturi ta’ oġġetti tal-konsum ta’ kuljum. Dawn il-prattiki miftiehma jikkonsistu fi:

a)      skambji ta’ informazzjoni, mill-2015, bejn impriżi u/jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, b’mod partikolari ICDC […], u/jew il-membri tagħha, b’mod partikolari Casino u AgeCore u/jew il-membri tagħha, b’mod partikolari Intermarché, dwar it-tnaqqis miksub minnhom fis-swieq tal-provvista ta’ oġġetti tal-konsum ta’ kuljum fis-setturi tal-prodotti tal-ikel, prodotti tal-iġjene u prodotti tal-manutenzjoni u l-prezzijiet fis-suq tal-bejgħ ta’ servizzi lill-produtturi ta’ prodotti tal-marka fis-setturi tal-prodotti tal-ikel, prodotti tal-iġjene u prodotti tal-manutenzjoni, f’diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari Franza, u

b)      skambji ta’ informazzjoni, minn tal-inqas mill-2016, bejn Casino u Intermarché dwar l-istrateġiji kummerċjali futuri tagħhom, b’mod partikolari f’termini ta’ assortiment, ta’ żvilupp ta’ ħwienet, ta’ kummerċ elettroniku u ta’ politika promozzjonali fis-swieq tal-provvista ta’ oġġetti tal-konsum ta’ kuljum u fis-swieq tal-bejgħ lill-konsumaturi ta’ oġġetti tal-konsum ta’ kuljum, fi Franza.

Din l-ispezzjoni tista’ sseħħ fi kwalunkwe sit tal-impriża […]

Casino tawtorizza lill-uffiċjali u persuni oħra mqabbda mill-Kummissjoni sabiex iwettqu spezzjoni u lill-uffiċjali u persuni oħra mqabbda mill-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Istat Membru kkonċernat sabiex jgħinuhom jew jiġu maħtura minn dan tal-aħħar għal dan il-għan, sabiex jaċċedu għas-siti u għall-mezzi ta’ trasport kollha tagħha fil-ħinijiet normali tal-uffiċċju. Hija tissuġġetta għal spezzjoni l-kotba kif ukoll kull dokument professjonali ieħor, ikun xi jkun il-mezz li fuqu jinsab, jekk l-uffiċjali u l-persuni oħra mqabbda jressqu talba għal dan il-għan u tippermettilhom jeżaminawhom fuq il-post u li jieħdu jew jiksbu taħt kwalunkwe forma li tkun, kopja jew estratt ta’ dawn il-kotba jew dokumenti. Hija tawtorizza t-twaħħil ta’ siġilli fis-siti kummerċjali u fuq il-kotba jew dokumenti kollha matul l-ispezzjoni u sa fejn dan huwa neċessarju għall-finijiet tagħha. Hija tagħti immedjatament fuq il-post spjegazzjonijiet orali fuq is-suġġett u fuq l-għan tal-ispezzjoni jekk dawn l-uffiċjali jew persuni jagħmlu talba għal dan u tawtorizza kull rappreżentant jew membru tal-persunal jagħti tali spjegazzjonijiet. Hija tawtorizza r-reġistrazzjoni ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet fi kwalunkwe forma li tkun.

Artikolu 2

L-ispezzjoni tista’ tibda fl‑20 ta’ Frar 2017 jew ftit żmien wara.

Artikolu 3

Casino kif ukoll il-kumpanniji kollha direttament jew indirettament ikkontrollati minnha huma destinatarji ta’ din id-deċiżjoni.

Din id-deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata, eżatt qabel l-ispezzjoni, lill-impriża li hija d-destinatarja tagħha, skont l-Artikolu 297(2) [TFUE]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

5        Peress li ġiet informata b’din l-ispezzjoni mill-Kummissjoni, l-Awtorità tal-Kompetizzjoni Franċiża adixxiet il-juges des libertés et de la détention des tribunaux de grande instance (l-Imħallfin li jiddeċiedu dwar libertajiet u detenzjoni tal-qrati reġjonali ta’ Créteil (Franza) u ta’ Pariġi (Franza)), sabiex titlobhom l-awtorizzazzjoni sabiex jitwettqu operazzjonijiet ta’ żjara u ta’ elevazzjoni fis-siti tar-rikorrenti. Permezz ta’ digrieti tas‑17 ta’ Frar 2017, dawn l-Imħallfin li jiddeċiedu dwar libertajiet u detenzjoni awtorizzaw iż-żjarat u l-elevazzjonijiet mitluba bħala miżura ta’ prekawzjoni. Peress li ebda waħda mill-miżuri meħuda waqt l-ispezzjoni ma kienet teħtieġ l-użu ta’ “setgħat vinkolanti” fis-sens tal-Artikolu 20(6) sa (8) tar-Regolament Nru 1/2003, dawn id-digrieti ma ġewx innotifikati lir-rikorrenti.

6        L-ispezzjoni bdiet fl‑20 ta’ Frar 2017, data li fiha l-ispetturi tal-Kummissjoni, akkumpanjati minn rappreżentanti tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni Franċiża, ippreżentaw ruħhom fis-sede ta’ Pariġi tal-grupp Casino kif ukoll fis-siti tat-tieni rikorrenti u nnotifikaw id-deċiżjoni kkontestata lir-rikorrenti.

7        Fil-kuntest tal-ispezzjoni, il-Kummissjoni wettqet b’mod partikolari żjara fl-uffiċċji, għal ġbir ta’ materjal, b’mod partikolari dak informatiku (laptops, mobiles, tablets, apparat tal-ħażna), bis-smigħ ta’ diversi persuni u kopja tal-kontenut tal-materjal miġbur.

8        Kull waħda mir-rikorrenti bagħtet lill-Kummissjoni ittra tal‑24 ta’ Frar 2017, li fiha huma fformulaw riżervi fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata u tal-iżvolġiment tal-ispezzjoni mwettqa abbażi tagħha.

III. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

9        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ April 2017, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

10      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ Lulju 2017, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea talab li jintervjeni f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. B’deċiżjoni tat‑22 ta’ Settembru 2017, il-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dan l-intervent. Il-Kummissjoni ppreżentat in-nota tagħha u l-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwarha fit-termini imposti.

11      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tadotta miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li tordna lill-Kummissjoni tipproduċi d-dokumenti, annessi u informazzjoni oħra kollha li abbażi tagħhom hija tikkunsidra li għandha, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, indizji suffiċjentement serji sabiex tiġġustifika li ssir spezzjoni fis-siti tagħhom;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni u lill-Kunsill għall-ispejjeż.

12      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Kunsill, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

13      Fuq proposta tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tirrinvija l-kawża quddiem awla estiża ġdida.

14      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża), fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, stiednet lill-Kummissjoni tipproduċi verżjoni mhux kunfidenzjali tal-indizji tal-allegat ksur li hija kellha fid-data tad-deċiżjoni kkontestata u talbet lir-rikorrenti jieħdu pożizzjoni fuq l-indizji prodotti. Il-Kummissjoni u r-rikorrenti ssodisfaw dawn it-talbiet fit-termini imposti.

15      B’reazzjoni għall-osservazzjonijiet tar-rikorrenti, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti Ġenerali tadotta miżura istruttorja, kif prevista fl-Artikolu 91 tar-Regoli tal-Proċedura, li permezz tagħha hija ġiet ordnata tipproduċi l-verżjoni kunfidenzjali tal-indizji msemmija iktar ’il fuq, bil-kundizzjoni li r-rappreżentanti tar-rikorrenti biss ikollhom aċċess għalihom, f’kundizzjonijiet limitati u permezz tal-konklużjoni ta’ impenn ta’ kunfidenzjalità li jistipula li huma ma jistgħux jiżvelaw il-kontenut tal-verżjoni kunfidenzjali tal-indizji lill-klijenti tagħhom.

16      Ir-rappreżentanti tar-rikorrenti opponew il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-indizji proposti mill-Kummissjoni, billi qiesu li tali impenji ta’ kunfidenzjalità ma kinux jippermettulhom jiżguraw b’mod sħiħ id-difiża tal-klijenti tagħhom. Huma talbu lill-Qorti Ġenerali tordna, fil-kuntest tal-miżura istruttorja inkwistjoni, l-aċċess ta’ mill-inqas impjegat ta’ kull rikorrenti għad-dokumenti kkonċernati jew il-produzzjoni ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali li informazzjoni moħbija tagħha tkun limitata għal dik li l-iżvelar tagħha jippermetti li jiġu identifikati l-impriżi li magħhom il-Kummissjoni ltaqgħet u għal dik li għaliha l-Kummissjoni tiġġustifika preċiżament il-kunfidenzjalità u tipprovdi sunt suffiċjentement preċiż. Barra minn hekk, huma talbu l-adozzjoni ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, fejn stiednu lill-Kummissjoni tipproduċi l-provi li jippermettu li tiġi vverifikata d-data tal-ħolqien u tal-modifika possibbli ta’ wħud mill-indizji kkomunikati. Fl-aħħar nett, huma talbu lill-Qorti Ġenerali sabiex torganizza laqgħa informali qabel l-adozzjoni tal-miżura istruttorja mitluba, sabiex tiġi stabbilita l-portata u l-kontenut tagħha.

17      Permezz ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni ġodda tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali, fl-estensjoni tal-kritika fformulata mir-rikorrenti kontra indizji prodotti, għamlet diversi mistoqsijiet lill-Kummissjoni u talbet lir-rikorrenti jieħdu pożizzjoni dwar uħud mit-tweġibiet tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni u r-rikorrenti ssodisfaw dawn it-talbiet fit-termini imposti.

18      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.

19      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni ppreżentat “tweġiba addizzjonali” għal waħda mit-tweġibiet preċedenti tagħha għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali. Il-Qorti Ġenerali daħlet dan l-att fil-proċess, bla ħsara għall-ammissibbiltà tiegħu, u talbet lir-rikorrenti jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-imsemmi att, kif għamlu fit-terminu impost billi kkontestaw b’mod partikolari l-ammissibbiltà tat-tweġiba addizzjonali tal-Kummissjoni.

20      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad‑29 ta’ Jannar 2020.

IV.    Id-dritt

21      Ir-rikorrenti jinvokaw, essenzjalment, tliet motivi insostenn tar-rikors tagħhom. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003, it-tieni wieħed huwa bbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u t-tielet wieħed huwa bbażat fuq il-ksur tad-dritt għall-invjolabbiltà tad-domiċilju.

A.      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003

22      Ir-rikorrenti jeċċepixxu l-illegalità tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003, minħabba li jikser l-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Insostenn ta’ din l-eċċezzjoni, huma jqajmu l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal rimedju effettiv, u t-tieni wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u tad-drittijiet tad-difiża.

1.      Fuq l-ammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ illegalità

23      Il-Kummissjoni ssostni li l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-rikorrenti hija inammissibbli għal tliet raġunijiet.

24      L-ewwel nett, il-Kummissjoni, sostnuta mill-Kunsill, tallega li l-motiv imqajjem ma huwiex preċiż biżżejjed, peress li, minn naħa, ir-rikorrenti ma identifikawx b’mod ċar liema dispożizzjoni tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003 hija illegali u, min-naħa l-oħra, li huma ma esponewx bi preċiżjoni liema kienu l-ilmenti diretti kontra dan l-artikolu, li jistabbilixxi s-sistema legali applikabbli għad-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni, u mhux dik applikabbli għall-iżvolġiment tal-ispezzjonijiet.

25      It-tieni nett, skont il-Kummissjoni, sostnuta wkoll mill-Kunsill, ir-rabta ta’ konnessjoni bejn id-deċiżjoni kkontestata u l-att ta’ portata ġenerali inkwistjoni hija nieqsa. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma stabbilixxewx kif il-fatt li l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003, kollu jew parti minnu, ma jipprevedix l-eżistenza ta’ rikors kontra l-iżvolġiment ta’ spezzjoni jwassal għall-illegalità ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni, li tikkostitwixxi att distint minn atti adottati matul l-iżvolġiment tal-ispezzjoni. Il-Kummissjoni żżid, fil-kontroreplika u wara l-Kunsill, li l-allegazzjoni mir-rikorrenti fir-replika li l-eċċezzjoni ta’ illegalità tirreferi għall-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003 fl-intier tiegħu sempliċement tikkonferma l-inammissibbiltà ta’ din l-eċċezzjoni, peress li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata unikament fuq l-ewwel u fuq ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 20. Hija ssostni wkoll li ebda att tad-dritt sekondarju ma jistabbilixxi rimedji ġudizzjarji speċifiċi, billi r-rimedji kienu previsti unikament mit-Trattat.

26      It-tielet nett, bl-iskuża li jikkontestaw l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003, kompletament jew parzjalment, ir-rikorrenti jikkritikaw fir-realtà l-ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti Ġenerali u tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rimedji previsti mit-Trattat, li ma tippermettix li jiġi kkontestat l-iżvolġiment ta’ spezzjoni barra minn ċerti każijiet speċifiċi limitati.

27      Fir-rigward tal-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut u tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jindika s-suġġett tat-tilwima, il-motivi u l-argumenti invokati kif ukoll espożizzjoni sommarja ta’ dawn il-motivi. Skont ġurisprudenza stabbilita, li tapplika wkoll għall-motivi bbażati fuq eċċezzjoni ta’ illegalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Alesa vs Il‑Kummissjoni, T‑99/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:413, punti 87 sa 91 u l-ġurisprudenza ċċitata), din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra ta’ sostenn. Sabiex jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa neċessarju, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw, tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2018, BSCA vs Il‑Kummissjoni, T‑818/14, EU:T:2018:33, punti 94 u 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      F’dan il-każ, ir-rikorrenti spjegaw b’mod ċar u preċiż fhiex kienu jikkonsistu ż-żewġ ilmenti li huma invokaw kontra d-dispożizzjoni kkontestata tar-Regolament Nru 1/2003, billi indikaw il-bażi legali, testwali u ġurisprudenzjali tagħhom, kif ukoll l-argumenti ddettaljati insostenn tagħhom, mingħajr ma kien hemm lok li tintalab informazzjoni oħra. Barra minn hekk, jista’ jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-argumenti mressqa mill-Kummissjoni fir-risposta u fil-kontroreplika, hija kienet manifestament f’pożizzjoni li tifhem il-kontestazzjonijiet ifformulati mir-rikorrenti.

29      Għandu jingħad ukoll li f’dan il-każ ma tqigħedx inkwistjoni l-osservanza tar-rekwiżiti ta’ preċiżjoni u ta’ ċarezza tal-eċċezzjoni ta’ illegalità ċ-ċirkustanza allegata mill-Kummissjoni li d-dispożizzjoni li l-illegalità tagħha hija eċċepita (li tistabbilixxi s-sistema legali tad-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni) ma tistabbilixxix ir-regoli kkritikati mill-eċċezzjoni (dwar l-iżvolġiment tal-ispezzjonijiet) (ara, f’dan ir-rigward, il-punti 35 sa 43 iktar ’il quddiem).

30      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti indikaw b’mod ċar fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom li huma kienu qegħdin jeċċepixxu prinċipalment l-illegalità tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003 kollu kemm hu u ma jistgħux jiġu kkritikati li ma ppreċiżawx il-paragrafu jew il-paragrafi kkonċernati ta’ dan l-artikolu. Fil-fatt, sa fejn jirriżulta mit-termini stess tal-Artikolu 277 TFUE li kull “att ta’ applikazzjoni ġenerali” jista’ jkollu l-legalità tiegħu kkontestata permezz ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità (ara, għal eċċezzjoni mqajma kontra żewġ regolamenti, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 1966, L‑Italja vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, 32/65, EU:C:1966:42, u, għal eċċezzjoni mqajma kontra artikolu tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Komunitajiet Ewropej, is-sentenza tat-30 ta’ April 2009, Aayhan et vs Il‑Parlament, F‑65/07, EU:F:2009:43), ma jistax jiġi impost fuq l-awturi ta’ tali eċċezzjoni li jippreċiżaw il-paragrafu tal-artikolu tal-att ġenerali li tiegħu jeċċepixxu l-illegalità skont rekwiżiti formali ta’ preżentazzjoni tal-eċċezzjoni tagħhom, fejn tali preċiżjoni għandha madankollu tintalab skont kundizzjonijiet oħra ta’ ammissibbiltà ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità (ara l-punti 33 u 34 iktar ’il quddiem).

31      L-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma kontra l-eċċezzjoni ta’ illegalità (ara l-punt 24 iktar ’il fuq) għandha, għalhekk, tiġi miċħuda.

32      Fir-rigward taż-żewġ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà oħra mqajma kontra l-eċċezzjoni ta’ illegalità (ara l-punti 25 u 26 iktar ’il fuq), hemm lok li jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li huma ma tressqux unikament kontra l-ewwel ilment invokat insostenn tal-eċċezzjoni ta’ illegalità, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tad-dritt għal rimedju effettiv.

33      Fir-rigward tal-ewwel ilment invokat insostenn tal-eċċezzjoni ta’ illegalità, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma b’mod inċidentali skont l-Artikolu 277 TFUE, fl-okkażjoni tal-kontestazzjoni fil-kawża prinċipali tal-legalità ta’ att terz, hija ammissibbli biss meta teżisti rabta ta’ konnessjoni bejn dan l-att u r-regola li l-illegalità allegata tagħha hija eċċepita. Sa fejn l-Artikolu 277 TFUE ma għandux l-għan li jippermetti li parti tikkontesta l-applikabbiltà ta’ kwalunkwe att ta’ natura ġenerali li jkun insostenn ta’ kwalunkwe rikors, il-portata ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tkun limitata għal dak li huwa indispensabbli għas-soluzzjoni tat-tilwima. Minn dan jirriżulta li l-att ġenerali li l-illegalità tiegħu hija mqajma għandu jkun applikabbli, direttament jew indirettament, fil-każ li huwa s-suġġett tar-rikors (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2015, Health Food Manufacturers’ Association et vs Il‑Kummissjoni, T‑296/12, EU:T:2015:375, punt 170 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan jirriżulta wkoll li għandha teżisti rabta ġuridika diretta bejn id-deċiżjoni individwali kkontestata u l-att ġenerali inkwistjoni. L-eżistenza ta’ tali rabta tista’ madankollu tiġi dedotta mill-konstatazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata hija essenzjalment ibbażata fuq dispożizzjoni tal-att li l-legalità tiegħu hija kkontestata, anki jekk din id-dispożizzjoni ma kinitx tikkostitwixxi formalment il-bażi legali (ara s-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2007, Ianniello vs Il‑Kummissjoni, T‑308/04, EU:T:2007:347, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Minn dan jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma f’dan il-każ hija ammissibbli biss sa fejn tikkonċerna d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003 li jservu espressament bħala bażi għad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri r-raba’ paragrafu ta’ dan l-artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2013, Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni, T‑289/11, T‑290/11 u T‑521/11, EU:T:2013:404, punti 57 u 58), iżda wkoll l-ewwel paragrafu li jistabbilixxi s-setgħa ġenerali tal-Kummissjoni li twettaq ispezzjonijiet (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003”). Fil-fatt, din l-ispezzjoni ġiet ordnata permezz ta’ deċiżjoni meħuda abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u għalhekk ma hijiex spezzjoni mwettqa b’sempliċi mandat mingħajr deċiżjoni minn qabel (irregolata mill-Artikolu 20(3)), u lanqas ma hija spezzjoni mwettqa minkejja li l-impriża kkonċernata topponiha (irregolata mis-sitt sat-tmien paragrafu tal-Artikolu 20).

35      Għalhekk, f’dan il-każ, li kieku d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003 kellhom jiġu ddikjarati illegali, id-deċiżjoni kkontestata, adottata abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, titlef kull bażi legali u għandha tiġi annullata, u dan indipendentement mill-motiv ta’ illegalità adottat mill-imsemmija dispożizzjonijiet.

36      Minn dan isegwi li ma jistax jiġi dedott mill-argumenti mressqa insostenn kemm tat-tieni kif ukoll tat-tielet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li l-ewwel ilment imqajjem insostenn tal-eċċezzjoni ta’ illegalità huwa inammissibbli.

37      Fil-fatt, permezz ta’ dan l-argument, il-Kummissjoni, sostnuta mill-Kunsill, tikkritika essenzjalment l-assenza ta’ rabta bejn il-motiv ta’ illegalità invokat, jiġifieri l-assenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv tal-iżvolġiment tal-ispezzjonijiet, u d-deċiżjoni kkontestata, li tordna spezzjoni, billi ssostni, minn naħa, li r-regoli li jirregolaw l-istħarriġ ġudizzjarju tal-iżvolġiment tal-ispezzjonijiet ma humiex il-bażi tad-deċiżjoni kkontestata (it-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà) u, min-naħa l-oħra, li tali regoli jirriżultaw mill-interpretazzjoni ġurisprudenzjali tal-Artikolu 263 TFUE u ma għandhomx jidhru fl-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003 li d-deċiżjoni kkontestata hija fondata fuqu (it-tielet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà).

38      Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li l-ammissibbiltà ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità hija suġġetta għall-istabbiliment ta’ rabta bejn il-motiv ta’ illegalità allegat u d-deċiżjoni kkontestata, ma jistax jiġi kkunsidrat li tali rabta hija nieqsa f’dan il-każ.

39      Kif jenfasizzaw b’mod rilevanti r-rikorrenti, ma humiex inkwantu tali l-atti sussegwenti għad-deċiżjoni ta’ spezzjoni rregolata mill-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003, li jaqgħu taħt l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni u tal-iżvolġiment tal-ispezzjoni, li huma previsti mill-illegalità eċċepita. Huma kkritikati l-lakuni fir-rimedji ġuridiċi li jippermettu l-istħarriġ ta’ dawn l-atti u li jeżistu sa mill-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni, li huma, skont ir-rikorrenti, attribwibbli għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003.

40      Bħalma ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2013, Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni (T‑289/11, T‑290/11 u T‑521/11, EU:T:2013:404, punti 50 u 108), fir-rigward tan-neċessità allegata li jinkiseb mandat ġudizzjarju qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni, ir-rikorrenti jitolbu f’dan il-każ l-identifikazzjoni mill-Qorti Ġenerali ta’ rekwiżit formali ġdid li jikkundizzjona l-legalità ta’ tali deċiżjoni, li jikkonsisti fil-garanzija ta’ rimedji speċifiċi sa mill-adozzjoni tagħha li jippermetti l-istħarriġ ġudizzjarju tal-miżuri adottati skont l-imsemmija deċiżjoni, u li għandu jidher fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003.

41      Ma hijiex inkwistjoni, f’dan l-istadju, il-kwistjoni differenti tad-determinazzjoni tar-rimedji ġuridiċi li jippermettu li jiġi żgurat l-istħarriġ ġudizzjarju effettiv tal-iżvolġiment tal-ispezzjonijiet u tal-formalizzazzjoni tagħhom fi ħdan l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003, li taqa’ taħt l-eżami tal-fondatezza tal-eċċezzjoni ta’ illegalità. Fil-fatt, l-eżami tal-ammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ illegalità ma jimplikax li għandu jiġi ddeterminat skont liema modalitajiet u b’liema tip ta’ dispożizzjonijiet għandu jiġi stabbilit l-istħarriġ ġudizzjarju tal-iżvolġiment tal-ispezzjonijiet. Huwa fil-kuntest tal-verifika tal-konformità tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003 mad-dritt għal rimedju effettiv u, għalhekk, mal-eżami tal-fondatezza tal-eċċezzjoni ta’ illegalità li din il-kwistjoni għandha tiġi deċiża. Għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni tirreferi, insostenn tat-tielet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha, għall-argument tagħha dwar il-fondatezza tal-eċċezzjoni ta’ illegalità kif ukoll għas-sentenza tat‑28 ta’ April 2010, Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il‑Kummissjoni (T‑446/05, EU:T:2010:165, punti 123 sa 152), li ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma f’din il-kawża bħala infondata.

42      Barra minn hekk, minn dan isegwi li hija wkoll irrilevanti ċ-ċirkustanza allegata mill-Kummissjoni, barra minn hekk parzjalment mhux b’mod preċiż, li ebda att ta’ dritt sekondarju ma jipprevedi rimedju speċifiku. Fil-fatt u bħala eżempju, ir-Regolament Nru 1/2003 stess jipprevedi, fl-Artikolu 31 tiegħu, il-ġurisdizzjoni sħiħa tal-qorti tal-Unjoni fuq ir-rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni ffissat multa jew pagamenti ta’ penalità, sabiex tħassar, tnaqqas jew iżżid l-imsemmija multa jew pagamenti ta’ penalità. Bl-istess mod, ir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1), bl-istess mod bħal atti oħra li ħolqu korpi jew organi tal-Unjoni, jipprevedi r-rikorsi li jistgħu jiġu ppreżentati quddiem il-qorti tal-Unjoni kontra d-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell stabbiliti fi ħdan l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO). Ċertament, dawn ir-rimedji ġuridiċi huma estensjoni ta’ dawk stabbiliti fit-Trattat u ma humiex, f’dan is-sens, rimedji awtonomi mhux previsti mit-Trattat, li barra minn hekk ma jistgħux ikunu. Madankollu, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma jilmentawx mill-ħolqien ta’ tali rimedji awtonomi. Fil-fatt, għandu jiġi kkunsidrat li huma jikkontestaw l-assenza fl-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003, ta’ dispożizzjonijiet li jagħtu lill-miżuri li jaqgħu taħt l-iżvolġiment ta’ spezzjoni n-natura ta’ atti li jistgħu jiġu kkontestati skont it-Trattat, bħalma jipprovdi l-Artikolu 90a tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea għall-atti ta’ investigazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), u li jimponu r-riferiment għal dan ir-rikors possibbli fid-deċiżjoni ta’ spezzjoni, kif għandu jissemma, skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, ir-rikors miftuħ quddiem il-qorti tal-Unjoni kontra d-deċiżjoni ta’ spezzjoni stess.

43      Minn dan isegwi li l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma hija ammissibbli fir-rigward tal-ewwel ilment invokat insostenn tagħha. L-istess japplika għat-tieni lment invokat insostenn tal-eċċezzjoni ta’ illegalità, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’opportunitajiet ugwali għall-partijiet u tad-drittijiet tad-difiża, li l-ammissibbiltà tiegħu barra minn hekk ma hijiex ikkontestata (ara l-punt 32 iktar ’il fuq). Fil-fatt, bħal fil-każ tal-lakuni kkritikati fir-rigward tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003 f’termini ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-kuntest tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti jikkritikaw, permezz tat-tieni lment tagħhom, l-assenza ta’ previżjoni minn dawn id-dispożizzjonijiet tal-komunikazzjoni tal-indizji li ġġustifikaw l-ispezzjoni lill-impriża spezzjonata, li hija l-unika, fil-fehma tagħhom, ta’ natura li tiggarantixxi l-osservanza tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u tad-drittijiet tad-difiża tal-imsemmija impriża.

44      Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-rikorrenti għandha tiġi ddikjarata ammissibbli f’dak li jikkonċerna ż-żewġ ilmenti invokati insostenn tagħha, iżda biss sa fejn tirrigwarda d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003.

2.      Fuq il-fondatezza tal-eċċezzjoni ta’ illegalità

a)      Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal rimedju effettiv

45      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003 jikser id-dritt għal rimedju effettiv. Filwaqt li jibbażaw ruħhom fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) u fuq dik tal-qrati tal-Unjoni, huma jirrilevaw li, sa fejn l-istħarriġ ġudizzjarju tal-iżvolġiment tal-ispezzjonijiet jista’ jsir biss fil-kuntest tar-rikors għal annullament ippreżentat kontra d-deċiżjoni finali ta’ sanzjoni adottata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 101 TFUE, il-possibbiltà li jiġi kkontestat dan l-iżvolġiment ma tkunx ċerta u ma tkunx miftuħa f’terminu raġonevoli. Minn dan ir-rikorrenti jiddeduċu li s-sistema ta’ rikorsi miftuħa kontra l-kundizzjonijiet tal-iżvolġiment tal-ispezzjonijiet ordnati abbażi tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003 ma toffrix “aġġustament xieraq” lill-impriżi li huma s-suġġett tagħha. Fil-fatt, huma ma kellhomx il-possibbiltà li jidħlu fil-ħin taħt il-protezzjoni ta’ qorti imparzjali u indipendenti u għalhekk kienu mġiegħla jwieġbu b’mod favorevoli għat-talbiet kollha tal-ispetturi.

46      Hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 47 tal-Karta, intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”:

“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. […]”

47      Barra minn hekk, mill-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta (ĠU 2007, C 303, p. 17) jirriżulta li, skont l-Artikolu 52(7) tal-Karta, għandhom debitament jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-qrati tal-Unjoni (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll li l-Artikolu 47 tal-Karta jikkorrispondi mal-Artikolu 6(1) u mal-Artikolu 13 tal-KEDB.

48      Kif jenfasizza b’mod rilevanti l-Kunsill, din il-korrispondenza bejn id-dispożizzjonijiet tal-Karta u dawk tal-KEDB ma timplikax li l-istħarriġ tal-legalità li għandu jsir f’dan il-każ għandu jsir fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-KEDB. Mill-ġurisprudenza jirriżulta effettivament, b’mod partikolari mis-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, K. (C‑18/16, EU:C:2017:680, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata), iċċitata mill-Kunsill, li, għalkemm, kif jikkonferma l-Artikolu 6(3) TUE, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mill-KEDB jagħmlu parti mid-dritt tal-Unjoni bħala prinċipji ġenerali u għalkemm l-Artikolu 52(3) tal-Karta jipprovdi li d-drittijiet li jinsabu fiha li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-KEDB għandhom l-istess sens u l-istess portata bħal dawk li tagħtihom l-imsemmija KEDB, din tal-aħħar ma tikkostitwixxix, sakemm l-Unjoni ma tkunx aderixxiet magħha, strument legalment formalment integrat mal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, b’mod li l-istħarriġ ta’ legalità għandu jsir fir-rigward unikament tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta.

49      Madankollu, mill-Artikolu 52 tal-Karta kif ukoll mill-ispjegazzjonijiet dwar dan l-artikolu jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-KEDB u l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB dwar dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Karta f’każ partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB, C‑279/09, EU:C:2010:811, punti 35 u 37 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-26 ta’ Frar 2013, Melloni, C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 50). Fil-fatt, l-Artikolu 52(3) tal-Karta jipprovdi li, sa fejn il-Karta tinkludi drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-KEDB, is-sens u l-portata tagħhom għandhom ikunu l-istess bħal dawk li tagħtihom il-KEDB u l-ispjegazzjonijiet dwar dan l-artikolu jippreċiżaw li s-sens u l-portata tad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB għandhom jiġu stabbiliti mhux biss mit-test tal-KEDB u mill-protokolli tagħha, iżda wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB.

50      Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB li ddeċidiet dwar l-osservanza tal-KEDB, b’mod partikolari tal-Artikoli 6 u 13 tagħha, fir-rigward ta’ żjarat domiċiljarji u, b’mod partikolari, mis-sentenzi tal-Qorti EDB tal‑21 ta’ Frar 2008, Ravon et vs Franza (CE:ECHR:2008:0221JUD001849703, iktar ’il quddiem is-“sentenza Ravon”), tal‑21 ta’ Diċembru 2010, Société Canal Plus et vs Franza (CE:ECHR:2010:1221JUD002940808, iktar ’il quddiem is-“sentenza Canal Plus”), tal‑21 ta’ Diċembru 2010, Compagnie des gaz de pétrole Primagaz vs Franza (CE:ECHR:2010:1221JUD002961308, iktar ’il quddiem is-“sentenza Primagaz”), u tat‑2 ta’ Ottubru 2014, Delta Pekárny a.s. vs Ir‑Repubblika Ċeka (CE:ECHR:2014:1002JUD000009711, iktar ’il quddiem is-“sentenza Delta Pekárny”), invokati u analizzati mill-partijiet, jirriżultaw il-prinċipji li ġejjin:

–        għandu jeżisti stħarriġ ġudizzjarju effettiv, fil-fatt kif ukoll fid-dritt, tar-regolarità tad-deċiżjoni jew tal-miżuri kkonċernati (sentenzi Ravon, punt 28, u Delta Pekárny, punt 87) (iktar ’il quddiem il-“kundizzjoni ta’ effettività”);

–        ir-rikors jew ir-rikorsi disponibbli għandhom jippermettu, fil-każ ta’ konstatazzjoni ta’ irregolarità, kemm il-prevenzjoni tas-seħħ tal-operazzjoni, kemm, fil-każ fejn operazzjoni irregolari kienet diġà seħħet, li l-persuna kkonċernata tingħata rimedju xieraq (sentenzi Ravon, punt 28, u Delta Pekárny, punt 87) (iktar ’il quddiem il-“kundizzjoni ta’ effikaċja”);

–        l-aċċessibbiltà tar-rikors ikkonċernat għandha tkun ċerta (sentenzi Canal Plus, punt 40, u Primagaz, punt 28) (iktar ’il quddiem il-“kundizzjoni ta’ ċertezza”);

–        l-istħarriġ ġudizzjarju għandu jseħħ f’terminu raġonevoli (sentenzi Canal Plus, punt 40, u Primagaz, punt 28) (iktar ’il quddiem il-“kundizzjoni tat-terminu raġonevoli”).

51      Minn dan jirriżulta wkoll li l-iżvolġiment ta’ operazzjoni ta’ spezzjoni għandu jista’ jkun is-suġġett ta’ tali stħarriġ ġudizzjarju effettiv u li l-istħarriġ għandu jkun effettiv fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża inkwistjoni (sentenza Delta Pekárny, punt 87), li jimplika t-teħid inkunsiderazzjoni tar-rimedji ġuridiċi disponibbli kollha u għalhekk analiżi globali ta’ dawn ir-rimedji ġuridiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Ravon, punti 29 sa 34; Canal Plus, punti 40 sa 44, u Delta Pekárny, punti 89 sa 93). L-eżami tal-fondatezza tal-eċċezzjoni ta’ illegalità ma jistax għalhekk ikun limitat għall-analiżi tan-nuqqasijiet, allegati mir-rikorrenti, tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003, iżda għandu jkun ibbażat fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tar-rimedji kollha għad-dispożizzjoni ta’ impriża li hija s-suġġett ta’ spezzjoni.

52      L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jallegaw il-Kummissjoni u l-Kunsill, il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB imfakkra fil-punti 50 u 51 iktar ’il fuq ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li hija irrilevanti f’dan il-każ.

53      Ċertament, il-Kummissjoni ma rrikorrietx f’dan il-każ għall-“assistenza tal-puliżija” jew għas-“setgħat vinkolanti” tal-awtoritajiet nazzjonali abbażi tal-Artikolu 20(6) sa (8) tar-Regolament Nru 1/2003. Dan juri b’mod partikolari l-fatt li d-digrieti tal-qrati Franċiżi li awtorizzaw dawn iż-żjarat u elevazzjonijiet, mitluba bħala miżura ta’ prekawzjoni mill-Kummissjoni, ma kinux ġew innotifikati lir-rikorrenti (ara l-punti 5 u 34 iktar ’il fuq). Madankollu, bħal ma ġustament isostnu r-rikorrenti, huma kienu mġiegħla jissottomettu ruħhom għad-deċiżjoni ta’ spezzjoni, li hija obbligatorja għad-destinatarji tagħha, li jista’ jagħti lok għall-impożizzjoni ta’ multa f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza (Artikolu 23(1)(ċ) sa (e) tar-Regolament Nru 1/2003) u li jimplika b’mod partikolari l-aċċess għas-siti kollha tagħhom kif ukoll il-kontroll u l-kopja tad-dokumenti professjonali tagħhom (Artikolu 20(2)(a) sa (d) tar-Regolament Nru 1/2003), li huwa suffiċjenti sabiex jikkaratterizza intrużjoni fid-domiċilju tal-impriżi spezzjonati li tiġġustifika li jiġu ggarantiti d-drittijiet irrikonoxxuti mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB imsemmija fil-punti 50 u 51 iktar ’il fuq għall-impriżi li huma s-suġġett ta’ żjarat domiċiljarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2013, Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni, T‑289/11, T‑290/11 u T‑521/11, EU:T:2013:404, punt 65; Qorti EDB, 14 ta’ Marzu 2013, Bernh Larsen Holding AS et vs In-Norveġja, CE:ECHR:2013:0314JUD002411708, punt 106). Għalhekk, ma huwiex determinanti li l-ispezzjoni f’dan il-każ kienet bdiet mingħajr l-intervent minn qabel ta’ qorti li tawtorizza l-użu tal-assistenza tal-pulizija u jista’ jitqies ukoll li din l-assenza ta’ intervent ġudizzjarju minn qabel tiġġustifika a fortiori l-osservanza neċessarja tal-garanziji magħmula mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB fl-istadju tal-istħarriġ ġudizzjarju a posteriori tad-deċiżjoni li tordna l-ispezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2013, Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni, T‑289/11, T‑290/11 u T‑521/11, EU:T:2013:404, punt 66 u l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB iċċitata). Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, meta l-qorti tal-Unjoni waslet sabiex tiddeċiedi dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali ta’ impriżi spezzjonati, hija dejjem ibbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB (sentenzi tat‑18 ta’ Ġunju 2015, Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni, C‑583/13 P, EU:C:2015:404, punti 41 sa 48; tas-6 ta’ Settembru 2013, Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni, T‑289/11, T‑290/11 u T‑521/11, EU:T:2013:404, punti 109 sa 114; u tal‑10 ta’ April 2018, Alcogroup u Alcodis vs Il‑Kummissjoni, T‑274/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:179, punt 91).

54      Għaldaqstant, għandu tiġi vverifikat ir-rispett tad-dritt għal rimedju effettiv mis-sistema ta’ rimedji ġuridiċi li jippermettu l-kontestazzjoni tal-iżvolġiment ta’ spezzjoni fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq tal-Qorti EDB.

55      Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB u kif intqal fil-punt 51 iktar ’il fuq, din il-verifika għandha tkun ibbażata fuq analiżi globali tar-rimedji ġuridiċi li jistgħu jagħtu lok għall-istħarriġ tal-miżuri meħuda fil-kuntest ta’ spezzjoni. Għaldaqstant, huwa irrilevanti li, meħuda individwalment, kull wieħed minn dawn ir-rimedji ġuridiċi ma jissodisfax l-erba’ kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi aċċettata l-eżistenza ta’ dritt għal rimedju effettiv.

56      Il-partijiet qajmu sitt rimedji ġuridiċi. Dawn huma:

–        ir-rikors mid-deċiżjoni ta’ spezzjoni;

–        ir-rikors minn kull att li jissodisfa l-kundizzjonijiet ġurisprudenzjali tal-att li jista’ jiġi kkontestat adottat mill-Kummissjoni wara d-deċiżjoni ta’ spezzjoni u fil-kuntest tal-iżvolġiment tal-operazzjonijiet ta’ spezzjoni, bħal deċiżjoni li tiċħad talba għal protezzjoni ta’ dokumenti skont il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T‑125/03 u T‑253/03, EU:T:2007:287, punti 46, 48 u 49 u l-ġurisprudenza ċċitata);

–        ir-rikors mid-deċiżjoni finali li tagħlaq il-proċedura miftuħa skont l-Artikolu 101 TFUE;

–        l-azzjoni għal miżuri provviżorji;

–        ir-rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali;

–        it-talbiet jistgħu jiġu indirizzati lill-uffiċjal tas-seduta.

57      Hemm lok li jiġi rrilevat li, bl-eċċezzjoni tat-talbiet indirizzati lill-uffiċjal tas-seduta li ma jistax jiġi kklassifikat bħala “qorti” fis-sens tal-KEDB, b’mod partikolari minħabba li għandu biss setgħa ta’ rakkomandazzjoni (Artikolu 4(2)(a) tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat‑13 ta’ Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU 2011, L 275, p. 29)), kif jenfasizzaw ir-rikorrenti, kull wieħed minn dawn ir-rimedji ġuridiċi jippermetti li jitressqu quddiem qorti kontestazzjonijiet dwar operazzjoni ta’ spezzjoni.

58      Fil-fatt, l-ewwel nett, mill-ġurisprudenza jirriżulta, u barra minn hekk ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti, li l-kundizzjonijiet li fihom saret spezzjoni jistgħu jiġu kkritikati fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat kontra d-deċiżjoni finali li tagħlaq il-proċedura miftuħa skont l-Artikolu 101 TFUE (sentenza tal-14 ta’ Novembru 2012, Nexans France u Nexans vs Il-Kummissjoni, T‑135/09, EU:T:2012:596, punt 132; ara, ukoll, is-sentenza tal‑10 ta’ April 2018, Alcogroup u Alcodis vs Il-Kummissjoni, T‑274/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:179, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan l-istħarriġ ta’ legalità tad-deċiżjonijiet finali, ma huwa suġġett, bl-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà tal-motivi li kellhom jitressqu kontra d-deċiżjoni ta’ spezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, EU:T:1999:80, punti 408 sa 415) għal ebda restrizzjoni f’termini ta’ motivi li ma jistgħux jiġu invokati u għalhekk ta’ suġġett tal-kontroll. Dan jippermetti b’mod partikolari l-verifika tal-osservanza mill-Kummissjoni tal-limiti kollha li japplikaw għaliha waqt l-iżvolġiment ta’ spezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2013, Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni, T‑289/11, T‑290/11 u T‑521/11, EU:T:2013:404, punti 79 sa 82) u ġie kkunsidrat bħala li jiggarantixxi l-eżistenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv fuq il-miżuri ta’ spezzjoni, kif meħtieġ mill-Qorti EDB (sentenza tal‑10 ta’ April 2018, Alcogroup u Alcodis vs Il‑Kummissjoni, T‑274/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:179, punt 91).

59      It-tieni nett, mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll, u dan ir-rikors jikkonfermah, li deċiżjoni ta’ spezzjoni tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2013, Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni, T‑289/11, T‑290/11 u T‑521/11, EU:T:2013:404, punti 97 u 111). Dan il-kontroll huwa barra minn hekk previst mill-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003 stess (ir-raba’ u t-tmien paragrafu), li jimponi r-riferiment għalih fid-deċiżjoni ta’ spezzjoni. Issa, minn naħa, l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni, li jirrigwarda, b’mod partikolari ż-żamma mill-Kummissjoni ta’ indizji suffiċjentement serji li jippermettu li jiġi ssuspettat ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni, jista’ jwassal, f’każ ta’ konstatazzjoni ta’ illegalità, li l-miżuri kollha meħuda skont id-deċiżjoni jkunu huma stess ikkunsidrati bħala li huma vvizzjati minn illegalità, b’mod partikolari bħala li ma humiex neċessarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2018, České dráhy vs Il‑Kummissjoni, T‑621/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:367, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, fl-ipoteżi fejn deċiżjoni ta’ spezzjoni tiġi adottata wara spezzjonijiet oħra, u fejn l-informazzjoni miksuba fil-kuntest tal-ispezzjonijiet preċedenti kienet il-bażi ta’ din id-deċiżjoni ta’ spezzjoni, l-istħarriġ ta’ legalità tal-imsemmija deċiżjoni jista’ b’mod partikolari jirrigwarda l-konformità tal-miżuri meħuda skont deċiżjonijiet ta’ spezzjoni preċedenti mal-kamp tal-ispezzjoni ddefinit f’dawn id-deċiżjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2013, Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni, T‑289/11, T‑290/11 u T‑521/11, EU:T:2013:404, punti 138 sa 160) u jwassal għall-annullament tagħha f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità kkonstatat (sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2015, Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni, C‑583/13 P, EU:C:2015:404, punti 56 sa 67 u 71; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ April 2018, Alcogroup u Alcodis vs Il‑Kummissjoni, T‑274/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:179, punt 63).

60      It-tielet nett, anki jekk il-partijiet ma semmewx dan, hemm lok li jiġi rrilevat ukoll li, bħal kull deċiżjoni ta’ sanzjoni imposta skont ir-Regolament Nru 1/2003, deċiżjoni tal-Kummissjoni li tissanzjona ostakolu għall-ispezzjoni abbażi tal-Artikolu 23(1)(ċ) sa (e) tar-Regolament Nru 1/2003 tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament. Tista’ għalhekk b’mod partikolari tiġi invokata, insostenn ta’ dan ir-rikors, in-natura illegali tas-sanzjoni minħabba li l-miżura meħuda waqt l-ispezzjoni li għaliha l-impriża sanzjonata ma tkunx suġġetta, bħal talba għal produzzjoni ta’ dokument kunfidenzjali jew talba għal spjegazzjoni indirizzata lil membru tal-persunal tagħha, tkun hija stess illegali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2012, Nexans France u Nexans vs Il‑Kummissjoni, T‑135/09, EU:T:2012:596, punt 126).

61      Ir-raba’ nett, mis-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni (T‑125/03 u T‑253/03, EU:T:2007:287, punti 46, 48 u 49 u l-ġurisprudenza ċċitata), jirriżulta b’mod ċar li deċiżjoni li tiċħad espliċitament jew impliċitament talba għal protezzjoni ta’ dokumenti abbażi tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti mressqa matul spezzjoni tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat. Dan ir-rimedju ġie miftuħ preċiżament peress li l-qorti tal-Unjoni kkunsidrat li l-possibbiltà li l-impriża kellha li tippreżenta rikors kontra deċiżjoni possibbli li tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni ma kinitx suffiċjenti sabiex tipproteġi b’mod adegwat id-drittijiet tagħha, peress li, minn naħa, il-proċedura amministrattiva setgħet ma twassalx għal deċiżjoni ta’ konstatazzjoni ta’ ksur u, min-naħa l-oħra, ir-rikors miftuħ kontra din id-deċiżjoni fi kwalunkwe każ ma kienx jipprovdi lill-impriża l-mezz ta’ prevenzjoni tal-effetti irriversibbli li jirriżultaw mit-teħid ta’ konoxxenza irregolari ta’ dokumenti protetti mill-kunfidenzjalità (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T‑125/03 u T‑253/03, EU:T:2007:287, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Bl-istess mod, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, u minkejja li l-qorti tal-Unjoni sal-lum għadha ma ddikjaratx tali rikors bħala ammissibbli, jista’ jiġi kkunsidrat li l-Qorti Ġenerali aċċettat il-possibbiltà li rikors jiġi ppreżentat fl-istess kundizzjonijiet mill-impriża spezzjonata kontra deċiżjoni li tiċħad it-talba għal protezzjoni tal-membri tal-persunal tagħha abbażi tal-ħajja privata tagħhom. Fil-fatt, wara li fakkret is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni (T‑125/03 u T‑253/03, EU:T:2007:287), u l-ġurisprudenza ċċitata fiha, il-Qorti Ġenerali, filwaqt li semmiet il-possibbiltà ta’ “deċiżjoni li tirrifjuta […] l-benefiċċju ta’ protezzjoni [abbażi tal-ħajja privata]”, ikkonstatat li tali deċiżjoni ma kinitx ġiet adottata f’dan il-każ. Hija bbażat ruħha sabiex tagħmel dan fuq iċ-ċirkustanza li r-rikorrenti la kienu sostnew, waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ kopja tad-data, li dokumenti li jappartjenu lilhom kienu jibbenefikaw minn protezzjoni li tixbah dik mogħtija lill-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti, u lanqas ma identifikaw id-dokumenti preċiżi jew il-partijiet tad-dokumenti inkwistjoni (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2012, Nexans France u Nexans vs Il‑Kummissjoni, T‑135/09, EU:T:2012:596, punti 129 u 130). Barra minn hekk, jista’ jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jikkontestawx, bħala tali l-eżistenza tar-rimedju inkwistjoni, iżda iktar in-natura restrittiva u vinkolanti tiegħu għall-impriżi kkonċernati, sa fejn dawn għandhom jirreaġixxu immedjatament filwaqt li l-ispezzjoni tkun għadha għaddejja u qabel kull kopja mwettqa mill-Kummissjoni (ara l-punt 72 iktar ’il quddiem).

63      Fil-fatt, hemm lok li jiġi kkunsidrat li la d-dispożizzjonijiet tat-Trattati u lanqas il-formulazzjoni tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003 ma jeskludu l-possibbiltà għal impriża li tippreżenta rikors għal annullament kontra tali atti mwettqa fil-kuntest tal-iżvolġiment ta’ spezzjoni, bil-kundizzjoni li r-rekwiżiti li jirriżultaw mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jiġu ssodisfatti.

64      Il-ħames nett, minkejja li, konformement mal-Artikolu 278 TFUE, ir-rikorsi kollha msemmija iktar ’il fuq ma humiex, bħala prinċipju, sospensivi, huwa possibbli li tinkiseb, skont din l-istess dispożizzjoni, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-atti kkontestati fil-kuntest ta’ dawn ir-rikorsi. B’mod partikolari, tali talba għal sospensjoni tista’ twassal għas-sospensjoni tal-operazzjonijiet ta’ spezzjoni, filwaqt li madankollu jiġi ppreċiżat li, sa fejn id-deċiżjoni ta’ spezzjoni hija bħala prinċipju nnotifikata u mgħarrfa lill-impriża spezzjonata fil-jum li fih tibda l-ispezzjoni, huwa biss ir-riferiment għall-proċedura prevista mill-Artikolu 157(2) tar-Regoli tal-Proċedura li jippermetti, jekk il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ sospensjoni provviżorja jkunu ssodisfatti, li jinkiseb tali riżultat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2013, Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni, T‑289/11, T‑290/11 u T‑521/11, EU:T:2013:404, punt 98). Fil-fatt, il-President tal-Qorti Ġenerali jista’, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, jilqa’ t-talba għal sospensjoni qabel ma jisma’ lill-Kummissjoni u għalhekk jordna s-sospensjoni ftit jiem biss wara t-tressiq tat-talba u qabel it-tmiem tal-ispezzjoni.

65      Għandu jingħad ukoll li talba għal miżuri provviżorji tista’ wkoll titressaq b’mod parallel mar-rikors ippreżentat kontra deċiżjoni li tiċħad talba għal protezzjoni abbażi tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom. Dan jixhduh id-digrieti tas‑27 ta’ Settembru 2004, Il‑Kummissjoni vs Akzo u Akcros (C‑7/04 P(R), EU:C:2004:566), u tat‑30 ta’ Ottubru 2003, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni (T‑125/03 R u T‑253/03 R, EU:T:2003:287). Fil-fatt, jista’ jiġi kkunsidrat li, f’dan id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan tal-aħħar, filwaqt li jannulla d-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali li ordna s-sospensjoni mitluba, ma huwiex eskluż li, fl-assenza ta’ impenn meħud mill-Kummissjoni li terzi ma jitħallewx ikollhom aċċess għad-dokumenti inkwistjoni, jistgħu jiġu ordnati s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li tiċħad it-talba għal protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn il-kumpanniji kkonċernati u l-avukati tagħhom kif ukoll il-konservazzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali kkonċernata lir-reġistratur tal-qorti sakemm tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors prinċipali (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑27 ta’ Settembru 2004, Il‑Kummissjoni vs Akzo u Akcros, C‑7/04 P(R), EU:C:2004:566, punt 42 u punti 1 u 2 tad-dispożittiv; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tas-17 ta’ Settembru 2015, Alcogroup u Alcodis vs Il‑Kummissjoni, C‑386/15 P(R), EU:C:2015:623, punt 24). Kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, ma jistax, għaldaqstant, jiġi kkunsidrat li l-miżuri provviżorji ma joffru ebda rimedju possibbli kontra l-irregolaritajiet possibbli mwettqa mill-Kummissjoni matul l-iżvolġiment ta’ spezzjoni indipendentement mid-deċiżjoni li ordnatha.

66      Is-sitt nett, anki fl-assenza ta’ adozzjoni ta’ att li jista’ jiġi kkontestat matul operazzjonijiet ta’ spezzjoni, jekk l-impriża spezzjonata tqis li l-Kummissjoni wettqet illegalitajiet waqt l-ispezzjoni u li dawn l-illegalitajiet ikkawżawlha dannu ta’ natura li jinvolvi r-responsabbiltà tal-Unjoni, huwa possibbli għaliha li tippreżenta kontra l-Kummissjoni rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali. Din il-possibbiltà teżisti qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tagħlaq il-proċedura ta’ ksur u anki fl-ipoteżi fejn l-ispezzjoni ma twassalx għal deċiżjoni finali li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament. Tali rikors għad-danni, fil-fatt, ma jaqax taħt is-sistema ta’ kontroll tal-validità tal-atti tal-Unjoni li għandhom effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, iżda huwa miftuħ meta parti tkun issubixxiet dannu minħabba aġir illegali ta’ istituzzjoni, u dan anki jekk dan l-aġir ma mmaterjalizzax ruħu permezz ta’ att li jista’ jiġi kkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 2012, Nexans France u Nexans vs Il‑Kummissjoni, T‑135/09, EU:T:2012:596, punt 133; tas-6 ta’ Settembru 2013, Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni, T‑289/11, T‑290/11 u T‑521/11, EU:T:2013:404, punt 99; u tal‑10 ta’ April 2018, Alcogroup u Alcodis vs Il‑Kummissjoni, T‑274/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:179, punt 92).

67      Barra minn hekk, jista’ jiġi kkunsidrat li s-sistema ta’ kontroll tal-iżvolġiment tal-operazzjonijiet ta’ spezzjoni kkostitwita mir-rimedji ġuridiċi kollha deskritti preċedentement kienet tissodisfa l-erba’ kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 50 iktar ’il fuq.

68      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-kundizzjoni ta’ effettività, hemm lok li jiġi rrilevat, u barra minn hekk ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti, li r-rimedji ġuridiċi msemmija iktar ’il fuq jagħtu lok għal kontroll approfondit, kemm fuq punti ta’ liġi kif ukoll fuq punti ta’ fatt (ara, fir-rigward b’mod partikolari tad-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2015, Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni, C‑583/13 P, EU:C:2015:404, punti 33 u 34, u, fir-rigward iktar ġeneralment tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-proċeduri skont l-Artikoli 101 u 102 TFUE, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 62).

69      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li għalkemm kull wieħed minn dawn ir-rimedji ġuridiċi ma jippermettix, waħdu, li jsir stħarriġ tal-fondatezza tal-miżuri kollha meħuda waqt l-ispezzjoni, l-eżerċizzju kkombinat tagħhom, li ma joħloqx problema ta’ ammissibbiltà, jippermetti tali stħarriġ, hekk kif jirriżulta mill-elenkar, fil-punti 57 sa 66 iktar ’il fuq, tad-diversi miżuri meħuda matul l-iżvolġiment tal-ispezzjonijiet u tad-diversi drittijiet tal-impriżi spezzjonati li jistgħu jiġu kkontrollati waqt l-eżami tad-diversi rikorsi kkonċernati. B’mod partikolari, ir-rikorrenti ma jistgħux validament isostnu li ebda rimedju ġuridiku ma jkopri l-ipoteżi li fiha l-ispetturi jieħdu kopja ta’ dokumenti li ma jaqgħux taħt il-kamp tal-ispezzjoni. Fil-fatt, fil-każ, allegat mir-rikorrenti, fejn l-ispezzjoni inkwistjoni ma twassalx għal deċiżjoni ta’ konstatazzjoni ta’ ksur u ta’ sanzjoni, iżda għall-ftuħ ta’ investigazzjoni ġdida u l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni ġdida, l-impriżi spezzjonati jistgħu jippreżentaw rikors għal annullament kontra l-imsemmija deċiżjoni billi jikkontestaw il-legalità tal-indizji li kienu l-bażi tagħha bħala li nkisbu irregolarment waqt l-ispezzjoni preċedenti (ara l-punt 59 iktar ’il fuq).

70      Minn dan isegwi li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti bbażati fuq sentenzi tal-Qorti EDB li kkonstataw ksur tad-dritt għal rimedju effettiv minħabba li wieħed mir-rimedji msemmija iktar ’il fuq kienet nieqes huma irrilevanti. B’mod partikolari, ma jistgħux jiġu trasposti għal dan il-każ il-konstatazzjonijiet tal-Qorti EDB fis-sentenza tagħha Delta Pekárny (punti 82 sa 94), peress li l-leġiżlazzjoni Ċeka inkwistjoni ma kinitx stabbilixxiet rimedju speċifiku li jippermetti li jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni. Fil-fatt, l-unika possibbiltà li kellhom l-impriżi spezzjonati sabiex iqajmu kwistjonijiet li jikkonċernaw il-legalità tal-ispezzjoni kienet azzjoni li għandha bħala suġġett il-konklużjonijiet fuq il-mertu tal-awtorità tal-kompetizzjoni u, f’dan il-kuntest, kwistjonijiet bħan-neċessità, it-tul jew il-portata tal-ispezzjoni, kif ukoll il-proporzjonalità tagħha, ma setgħux jiġu eżaminati (ara. f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni, C‑583/13 P, EU:C:2015:92, punt 37), filwaqt li huma setgħu ikunu fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ spezzjoni.

71      Bl-istess mod, kuntrarjament għaċ-ċirkustanzi li taw lok għas-sentenza tal-Qorti EDB tat‑2 ta’ April 2015, Vinci Construction u GTM Génie Civil et Services vs Franza (CE:ECHR:2015:0402JUD006362910), mill-ġurisprudenza tal-qorti tal-Unjoni tirriżulta l-possibbiltà li jintalab kontroll effettiv tal-osservanza tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti matul operazzjonijiet ta’ spezzjoni (ara l-punt 61 iktar ’il fuq). Huwa b’mod partikolari kkontrollat f’dan il-kuntest jekk id-dokumenti inkwistjoni humiex materjalment koperti minn din il-kunfidenzjalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T‑125/03 u T‑253/03, EU:T:2007:287, punti 117 sa 135, 138 sa 140 u 165 sa 179).

72      Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li ma jippreġudikax il-prinċipju tad-dritt għal rimedju effettiv il-fatt li jkun meħtieġ mill-impriża intiża minn deċiżjoni ta’ spezzjoni li hija twettaq ċerti passi sabiex iżżomm id-drittijiet tagħha u l-aċċess tagħha għar-rimedji li jippermettu li tiġi żgurata l-osservanza tagħhom, b’mod partikolari l-approċċ li jikkonsisti li jiġu fformulati talbiet għal protezzjoni quddiem il-Kummissjoni (ara l-punti 61 u 62 iktar ’il fuq). Huwa iktar hekk minħabba li din tal-aħħar hija obbligata li tagħti terminu qasir lill-impriża sabiex tikkonsulta lill-avukati tagħha qabel ma tagħmel kopji għall-finijiet, skont il-każ, li tifformula tali talbiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2013, Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni, T‑289/11, T‑290/11 u T‑521/11, EU:T:2013:404, punt 89).

73      Fir-rigward, it-tieni nett, tal-kundizzjoni ta’ effikaċja, jista’ jiġi kkonstatat li r-rimedji ġuridiċi msemmija iktar ’il fuq jippermettu kontroll kemm preventiv permezz tal-azzjoni għal miżuri provviżorji, li jipprekludi li l-operazzjonijiet ta’ spezzjoni jiġu ffinalizzati (ara l-punt 64 iktar ’il fuq), kif ukoll kurattiv u sussegwenti għat-twettiq tal-operazzjonijiet ta’ spezzjoni, permezz tar-rimedji ġuridiċi l-oħra. Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB ma teżiġix li jkun hemm flimkien stħarriġ a priori u a posteriori, peress li hija tipprevedihom b’mod alternattiv (ara l-punt 50 iktar ’il fuq). Għalhekk, anki jekk, kif isostnu r-rikorrenti f’dan il-każ, l-azzjoni għal miżuri provviżorji ma għandhiex l-effikaċja meħtieġa, xorta jibqa’ l-fatt li r-rikorsi li jistgħu jiġu ppreżentati a posteriori jipprovdu, fi kwalunkwe każ, lill-parti fil-kawża rimedju xieraq.

74      Għalhekk, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni, il-Kummissjoni tiġi prekluża milli tuża għall-iskop tal-proċedura ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, id-dokumenti jew annessi probatorji kollha li hija tkun ġabret fil-kuntest ta’ din l-ispezzjoni (sentenzi tat‑22 ta’ Ottubru 2002, Roquette Frères, C‑94/00, EU:C:2002:603, punt 49, u tat‑12 ta’ Diċembru 2012, Almamet vs Il‑Kummissjoni, T‑410/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:676, punt 31). B’mod partikolari, tali annullament iwassal inevitabbilment għal dik tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni ġdida li kienet ġiet adottata esklużivament fuq il-bażi tad-dokumenti maqbuda fl-okkażjoni tal-ewwel spezzjoni irregolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2018, České dráhy vs Il‑Kummissjoni, T‑621/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:367, punti 39 u 40).

75      Bl-istess mod, fil-kuntest tar-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni, il-konsegwenza tal-konstatazzjoni ta’ irregolarità fl-iżvolġiment tal-ispezzjoni tinsab fl-impossibbiltà għall-Kummissjoni li tuża l-provi hekk miġbura għall-finijiet tal-proċedura ta’ ksur (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2015, Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni, C‑583/13 P, EU:C:2015:404, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata), li jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni li tikkonstata u tissanzjona l-ksur, meta l-provi kkonċernati huma determinanti għall-finijiet ta’ dawn il-konstatazzjonijiet u sanzjoni.

76      Minbarra dan, anki fl-ipoteżi fejn deċiżjoni ta’ konstatazzjoni u ta’ sanzjoni ta’ ksur ma tkunx ġiet adottata, għandu jitfakkar li għadhom miftuħa, minn naħa, ir-rimedju tat-talba għal annullament ta’ ċerti miżuri adottati matul l-ispezzjoni (ara l-punti 61 u 62 iktar ’il fuq) u, min-naħa l-oħra, ir-rimedju tat-talba għal kumpens (ara l-punt 66 iktar ’il fuq). Issa, dawn iż-żewġ rimedji ġuridiċi jippermettu li tinkiseb, rispettivament, it-tneħħija tal-ordinament ġuridiku tal-miżuri ta’ spezzjoni annullati u l-kumpens għad-dannu subit minħabba l-imsemmija miżuri, sa minn qabel u indipendentement mill-għeluq tal-eventwali proċedura ta’ ksur sussegwenti. Għandu jiġi ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li, sa fejn l-evalwazzjoni tar-rimedji u tan-natura xierqa tar-rimedju li huma jippermettu għandha ssir b’mod globali (ara l-punt 51 iktar ’il fuq) u fejn rimedji ġuridiċi oħra jipprekludu lill-Kummissjoni milli tuża d-dokument kkopjati irregolarment, huwa irrilevanti li r-rimedju għal kumpens ma jipprekludix dan. Kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, ma jistax b’mod partikolari jiġi dedott mis-sentenza Ravon li l-Qorti EDB teżiġi, sabiex tiġi kkonstatata l-effikaċja tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-operazzjonijiet ta’ spezzjoni, li r-rikorsi inkwistjoni jirriżultaw f’deċiżjoni ta’ projbizzjoni tal-użu tal-annessi u tax-xhieda miksuba. Fil-fatt, il-Qorti EDB illimitat ruħha, f’din is-sentenza, sabiex tapplika l-metodu ta’ evalwazzjoni globali tar-rimedji disponibbli billi ddeċidiet li r-rikors għad-danni ma kienx biżżejjed sabiex ipaċi l-insuffiċjenzi tar-rimedji l-oħra, b’mod partikolari tar-rikorsi għal annullament previsti mil-leġiżlazzjoni Franċiża inkwistjoni (sentenza Ravon, punt 33), li ma kinux jippreżentaw l-effikaċja tar-rikorsi għal annullament possibbli quddiem il-qorti tal-Unjoni.

77      It-tielet nett, fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ ċertezza, din hija prinċipalment ikkontestata mir-rikorrenti minħabba li ma huwiex ċert li l-atti li jistgħu jiġu kkontestati permezz tad-diversi rimedji ġuridiċi msemmija iktar ’il fuq jiġu adottati. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma tadottax neċessarjament deċiżjoni li tikkonstata ksur u tissanzjona lill-awtur tagħha wara spezzjoni. Madankollu, il-kundizzjoni ta’ ċertezza għandha tiġi interpretata mhux bħala li teħtieġ il-ftuħ tar-rimedji ġuridiċi kollha teoretikament possibbli fil-każijiet kollha u jkunu xi jkunu l-miżuri meħuda wara l-ispezzjoni, iżda bħala li teżiġi l-ftuħ ta’ dawk li kapaċi jikkontestaw il-miżuri li jipproduċu effetti negattivi fir-rigward tal-impriża spezzjonata fil-mument meta jseħħu l-imsemmija effetti. Għaldaqstant, fl-ipoteżi fejn tali effetti negattivi ma jikkonsistux f’deċiżjoni ta’ konstatazzjoni jew ta’ sanzjoni ta’ ksur, l-assenza ta’ possibbiltà ta’ rikors kontra din id-deċiżjoni ma tistax titqies li tippreġudika r-rekwiżit ta’ rikors ċert kontra l-miżuri meħuda waqt ispezzjoni.

78      Interpretazzjoni oħra ma tistax tiġi dedotta mis-sentenza Canal Plus (ara l-punt 50 iktar ’il fuq). Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Qorti EDB ma ddeċidietx, f’din is-sentenza, li l-aċċessibbiltà tar-rikors kontra d-deċiżjoni li tawtorizza l-ispezzjoni kienet saret inċerta minħabba l-inċertezzi madwar l-adozzjoni ta’ deċiżjoni fuq il-mertu mill-awtorità tal-kompetizzjoni. Hija b’mod partikolari llimitat ruħha sabiex tikkonstata, fiċ-ċirkustanzi partikolari tas-sistema tranżitorja stabbilita mil-leġiżlatur Franċiż, li l-azzjoni permessa minn din is-sistema kontra d-digriet li jawtorizza ż-żjara domiċiljarja kienet ikkundizzjonata mill-eżistenza ta’ rikors pendenti kontra d-deċiżjoni fuq il-mertu, li joħloq kundizzjonalità li effettivament tagħmel l-aċċessibbiltà tal-imsemmija azzjoni inċerta (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni, C‑583/13 P, EU:C:2015:92, punt 48). Barra minn hekk, jista’ jiġi rrilevat li tali kundizzjonalità ma teżistix fis-sistema tar-rimedji fil-qasam ta’ spezzjonijiet tal-Kummissjoni. Fil-fatt, il-preżentata tar-rikors kontra deċiżjoni ta’ spezzjoni ma hijiex ikkundizzjonata minn dik ta’ rikors kontra d-deċiżjoni li tagħlaq il-proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE u barra minn hekk ma tistax tkun, fir-rigward tat-terminu tar-rikors stabbilit mill-Artikolu 263 TFUE.

79      Fir-rigward, ir-raba’ nett, tal-kundizzjoni tat-terminu raġonevoli, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jibbażawx l-allegazzjoni tagħhom dwar in-nuqqas ta’ osservanza ta’ din il-kundizzjoni fuq it-tul tal-proċeduri quddiem il-qorti tal-Unjoni u barra minn hekk jammettu l-eżistenza ta’ termini għall-preżentata ta’ rikors. Huma jikkritikaw biss it-tul sinjifikattiv li jista’ jissepara l-ispezzjoni mid-deċiżjoni finali li tagħlaq il-proċedura miftuħa skont l-Artikolu 101 TFUE.

80      Issa, ma jistax jiġi dedott minn tali terminu, li jista’ ċertament jilħaq diversi snin, li r-rikorsi li jippermettu li jiġi kkontestat l-iżvolġiment tal-ispezzjonijiet quddiem il-qorti tal-Unjoni ma jiggarantixxux protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fil-fatt, minn naħa, huwa kkritikat biss it-terminu li jissepara l-adozzjoni tal-miżuri ta’ spezzjoni mid-data tal-kontestazzjoni possibbli tagħhom fil-kuntest tar-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni finali adottata skont l-Artikolu 101 TFUE, li jikkostitwixxi biss wieħed mir-rimedji li jippermettu l-kontestazzjoni tagħhom. Min-naħa l-oħra u fuq kollox, iż-żmien li matulu jinżammu l-miżuri ta’ spezzjoni inkwistjoni għandu jitpoġġa f’perspettiva mal-fatt li, sa din id-deċiżjoni finali, il-Kummissjoni ma tiħux pożizzjoni b’mod definittiv fuq l-eżistenza ta’ ksur u s-sanzjoni sussegwenti tal-impriża spezzjonata. Jekk min-naħa l-oħra jirriżultaw konsegwenzi dannużi oħra għall-impriża spezzjonata matul dan it-terminu, bħal aġir dannuż tal-Kummissjoni jew l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni ġdida abbażi tal-informazzjoni miġbura, l-imsemmija impriża tkun tista’ tadixxi l-qorti, immedjatament u mingħajr ma tistenna l-eżitu tal-proċedura ta’ ksur, rikors għad-danni jew għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni ġdida.

81      Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel ilment invokat insostenn tal-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003 għandu jiġi miċħud bħala infondat.

b)      Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u tad-drittijiet tad-difiża

82      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003 jikser il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u d-drittijiet tad-difiża. Minn dawn il-prinċipji fundamentali jirriżulta li persuna akkużata għandu jkollha dritt ta’ aċċess għall-fajl tal-proċedura. Issa, il-kuntest ġuridiku tal-ispezzjoni stabbilit mill-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003, billi ma jippermettix lill-partijiet li jkollhom aċċess għall-annessi għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni li jiġġustifikaw id-deċiżjoni tagħha li tirrikorri għal spezzjoni, ipoġġi lir-rikorrenti f’sitwazzjoni ta’ żbilanċ manifest meta pparagunati mal-Kummissjoni u jqegħedhom f’sitwazzjoni fejn ikun impossibbli għalihom li jippreparaw id-difiża tagħhom.

83      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, li huwa korollarju tal-kunċett stess ta’ smigħ xieraq u li għandu l-għan li jiżgura l-bilanċ bejn il-partijiet fil-proċedura, jimplika l-obbligu li kull parti tiġi offruta possibbiltà raġonevoli li tippreżenta l-kawża tagħha, inklużi l-provi tagħha, f’kundizzjonijiet li ma jqegħduhiex f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ ċar meta pparagunata mal-avversarju tagħha. L-għan ta’ dan il-prinċipju huwa li jiżgura bilanċ proċedurali bejn il-partijiet fi proċedura ġudizzjarja, li jiggarantixxi l-ugwaljanza tad-drittijiet u tal-obbligi ta’ dawk il-partijiet fir-rigward, b’mod partikolari, tar-regoli li jirregolaw l-amministrazzjoni tal-provi u li jinstemgħu il-partijiet quddiem il-qorti (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Ordre des barreaux francophones et germanophone et, C‑543/14, EU:C:2016:605, punti 40 u 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84      Għalkemm ir-rikorrenti jiċċitaw din il-ġurisprudenza u jibbażaw ruħhom unikament fuq l-Artikoli 47 u 48 tal-Karta kif ukoll fuq l-Artikolu 6 tal-KEDB, li jirregolaw id-drittijiet tal-partijiet fil-kawża quddiem qorti, insostenn tal-allegazzjoni tagħhom ta’ ksur tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u tad-drittijiet tad-difiża, il-ġurisprudenza li huma jinvokaw barra minn hekk (ara l-punt 94 iktar ’il quddiem) tikkonferma li huma jirreferu b’mod ġenerali għad-drittijiet tal-impriża spezzjonata li tiddefendi ruħha quddiem il-qorti bħal quddiem il-Kummissjoni.

85      Issa, minn ġurisprudenza stabbilita li tagħti deċiżjonijiet dwar l-elementi li għandhom jiġu kkomunikati lill-impriża spezzjonata sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża tagħha fir-rigward tal-Kummissjoni jirriżulta li din tal-aħħar ma hijiex obbligata li tindikalha, fid-deċiżjoni ta’ spezzjoni jew matul l-ispezzjoni, l-indizji li ġġustifikaw l-imsemmija spezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Ottubru 1989, Dow Chemical Ibérica et vs Il‑Kummissjoni, 97/87 sa 99/87, EU:C:1989:380, punti 45, 50 u 51; tat‑8 ta’ Lulju 2008, AC‑Treuhand vs Il‑Kummissjoni, T‑99/04, EU:T:2008:256, punt 48; tal‑14 ta’ Novembru 2012, Nexans France u Nexans vs Il‑Kummissjoni, T‑135/09, EU:T:2012:596, punt 69; tal-14 ta’ Marzu 2014, Cementos Portland Valderrivas vs Il‑Kummissjoni, T‑296/11, EU:T:2014:121, punt 37; tal‑25 ta’ Novembru 2014, Orange vs Il‑Kummissjoni, T‑402/13, EU:T:2014:991, punt 81; u tal‑20 ta’ Ġunju 2018, České dráhy vs Il‑Kummissjoni, T‑325/16, EU:T:2018:368, punti 45 u 46).

86      Din is-soluzzjoni ġurisprudenzjali ma hijiex ibbażata fuq prinċipju ta’ kunfidenzjalità tal-indizji inkwistjoni, iżda fuq it-tħassib, li l-leġiżlatur ħa inkunsiderazzjoni wkoll fil-formulazzjoni tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003, li tinżamm l-effikaċja tal-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni fi stadju fejn dawn sempliċement jibdew.

87      Fil-fatt, il-proċedura amministrattiva abbażi tar-Regolament Nru 1/2003, li tiżvolġi quddiem il-Kummissjoni, tinqasam f’żewġ fażijiet distinti u suċċessivi li kull waħda minnhom għandha loġika interna tagħha stess, jiġifieri fażi ta’ investigazzjoni preliminari, minn naħa, u fażi kontradittorja, min-naħa l-oħra. Il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, li matulha l-Kummissjoni tuża setgħat ta’ investigazzjoni previsti mir-Regolament Nru 1/2003, u li japplikaw sad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija intiża li tippermetti lill-Kummissjoni tiġbor l-elementi rilevanti kollha li jikkonfermaw jew le l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u li tieħu pożizzjoni inizjali fuq l-orjentament kif ukoll fuq kif il-proċedura għandha tiżvolġi ruħha sussegwentement. Min-naħa l-oħra, il-fażi kontradittorja, li testendi mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, għandha tippermetti lill-Kummissjoni li tagħti deċiżjoni definittiva fuq il-ksur allegat (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2014, Orange vs Il‑Kummissjoni, T‑402/13, EU:T:2014:991, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88      Minn naħa, fir-rigward tal-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, din tibda fid-data li fiha l-Kummissjoni, filwaqt li tagħmel użu mis-setgħat mogħtija lilha mil-leġiżlatur tal-Unjoni, tieħu miżuri li jimplikaw l-akkuża li wettqet ksur u għandu jippermetti lill-Kummissjoni tieħu pożizzjoni dwar l-iżvolġiment tal-proċedura (sentenzi tad‑‑29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 114, u tal‑15 ta’ Lulju 2015, SLM u Ori Martin vs Il‑Kummissjoni, T‑389/10 u T‑419/10, EU:T:2015:513, punt 337). Min-naħa l-oħra, huwa biss fil-bidu tal-fażi kontradittorja amministrattiva li l-impriża kkonċernata tiġi informata, permezz tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, bl-elementi essenzjali kollha li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuqhom f’dan l-istadju tal-proċedura, u li din l-impriża għandha dritt ta’ aċċess għall-fajl sabiex jiġi ggarantit l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża tagħha. Konsegwentement, huwa biss wara li tintbagħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li l-impriża kkonċernata tkun tista’ teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha b’mod sħiħ. Fil-fatt, li kieku dawn id-drittijiet kienu estiżi għall-fażi ta’ qabel ma tintbagħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-effikaċja tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni tkun kompromessa, peress li l-impriża tkun, diġà matul il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, f’pożizzjoni li tidentifika l-informazzjoni li hija magħrufa mill-Kummissjoni u, għaldaqstant, dik li għadha tkun moħbija minnha (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2014, Orange vs Il‑Kummissjoni, T‑402/13, EU:T:2014:991, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89      Madankollu, il-miżuri ta’ investigazzjoni adottati mill-Kummissjoni matul il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, b’mod partikolari l-miżuri ta’ investigazzjoni u t-talbiet għal informazzjoni, jimplikaw min-natura tagħhom l-allegazzjoni ta’ ksur u jista’ jkollhom riperkussjonijiet sinjifikattivi fuq is-sitwazzjoni tal-impriżi ssuspettati. Għalhekk, għandu jiġi evitat li d-drittijiet tad-difiża jistgħu jiġu kompromessi irrimedjabbilment matul din il-fażi tal-proċedura amministrattiva peress li l-miżuri ta’ investigazzjoni meħuda jistgħu jkollhom natura determinanti għall-istabbiliment tal-provi tan-natura illegali ta’ aġir ta’ impriżi li tista’ timplika r-responsabbiltà tagħhom (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2014, Orange vs Il‑Kummissjoni, T‑402/13, EU:T:2014:991, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

90      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-obbligu impost mill-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 li jiġi indikat is-suġġett u l-għan ta’ spezzjoni jikkostitwixxi garanzija fundamentali tad-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati u, b’konsegwenza, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni ma tistax tiġi limitata abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet marbuta mal-effikaċja tal-investigazzjoni. F’dan ir-rigward, għalkemm huwa veru li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata, skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003 u l-ġurisprudenza, la li tikkomunika lid-destinatarju ta’ tali deċiżjoni l-informazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tagħha dwar il-ksur preżunt, u lanqas li tindika preċiżament is-suq inkwistjoni, u lanqas li tagħmel klassifikazzjoni legali eżatta ta’ dan il-ksur, u lanqas li tindika l-perijodu li matulu dan il-ksur kien twettaq, hija għandha, min-naħa l-oħra, tindika, bl-iktar mod preċiż possibbli, il-fatti preżunti li hija tkun beħsiebha tivverifika, jiġifieri dak li huwa mfittex u l-elementi li dwarhom l-ispezzjoni għandha tirrigwarda (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2014, Orange vs Il‑Kummissjoni, T‑402/13, EU:T:2014:991, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, ġie deċiż b’mod kostanti li ma jistax jiġi impost fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tindika, fl-istadju tal-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, minbarra l-preżunzjonijiet ta’ ksur li beħsiebha tivverifika, l-indizji, jiġifieri l-elementi li jwassluha sabiex tikkonċepixxi l-ipoteżi ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE. Fil-fatt, tali obbligu jikkomprometti l-bilanċ li l-ġurisprudenza tistabbilixxi bejn iż-żamma tal-effikaċja tal-investigazzjoni u ż-żamma tad-drittijiet tad-difiża tal-impriża kkonċernata (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2018, České dráhy vs Il‑Kummissjoni, T‑325/16, EU:T:2018:368, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll il-punt 85 iktar ’il fuq).

92      Minn dan isegwi li l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 ma jistax jiġi ddikjarat illegali minħabba li, billi ma pprovdiex il-komunikazzjoni tal-indizji li ġġustifikaw l-ispezzjoni lill-impriża spezzjonata, huwa jippreġudika l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u d-drittijiet tad-difiża tal-imsemmija impriża.

93      L-ebda argument imressaq mir-rikorrenti ma jikkontesta din il-konklużjoni.

94      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jsemmux il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, u lanqas a fortiori ma jikkontestawha b’mod espliċitu, u jiċċitaw biss sentenza waħda tal-Qorti Ġenerali insostenn tal-allegazzjoni tagħhom li din tal-aħħar tikkunsidra li l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet jimplika li l-impriżi msemmija għandhom dritt ta’ aċċess għall-fajl. Minn din is-sentenza ċertament jirriżulta li l-prinċipju ġenerali ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet jippreżupponi, f’kawża ta’ kompetizzjoni, li l-impriża kkonċernata għandha konoxxenza tal-fajl użat fil-proċedura ugwali għal dik li għandha l-Kummissjoni (sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 1995, ICI vs Il‑Kummissjoni, T‑36/91, EU:T:1995:118, punti 93 u 111). Madankollu, kif issostni b’mod rilevanti l-Kummissjoni, dan ir-riferiment jikkonċerna l-fażi kontradittorja tal-proċedura u, b’mod partikolari, id-dokumenti li kellhom jiġu kkomunikati lill-impriża rikorrenti mad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (ara, fir-rigward tad-distinzjoni bejn il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari u l-fażi kontradittorja amministrattiva, il-punti 87 u 88 iktar ’il fuq).

95      Fir-rigward, it-tieni nett, tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, li l-invokazzjoni tagħha tista’ tinftiehem, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, bħala li tesprimi x-xewqa ta’ evoluzzjoni konformi tal-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni jew konstatazzjoni ta’ illegalità tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003, għandu jiġi kkunsidrat li din ma tistax tiġġustifika tali evoluzzjoni, u lanqas tali konstatazzjoni, u dan indipendentement miċ-ċirkustanza li s-sentenzi tal-Qorti EDB ingħataw dwar id-drittijiet ta’ persuni fiżiċi fil-qasam kriminali, kif sostnew il-Kummissjoni u l-Kunsill. Fil-fatt, il-ksur kollu tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet ikkonstatat f’dawn is-sentenzi tal-Qorti EDB seħħ minħabba li l-persuni akkużati ġew ikkundannati mingħajr qatt ma kellhom aċċess għall-elementi kollha relatati mal-akkużi kkunsidrati (Qorti EDB, 18 ta’ Marzu 1997, Foucher vs Franza, CE:ECHR:1997:0318JUD002220993; 25 ta’ Marzu 1999, Pélissier u Sassi vs Franza, CE:ECHR:1999:0325JUD002544494; 26 ta’ Lulju 2011, Huseyn et vs L‑Azerbajġan, CE:ECHR:2011:0726JUD003548505; u 20 ta’ Settembru 2011, OAO Neftyanaya Kompaniya Yukos vs Ir‑Russja, CE:ECHR:2011:0920JUD001490204), li minnu ma jistax jiġi dedott dritt ta’ aċċess għal tali elementi matul il-fażi ta’ investigazzjoni minbarra dak diġà rrikonoxxut matul il-fażi kontradittorja sussegwenti. Fir-rigward tas-sentenza tal-Qorti EDB li minnha jirriżulta li l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet japplika għall-fażijiet kollha tal-proċedura u b’mod partikolari waqt l-investigazzjoni (Qorti EDB, 30 ta’ Marzu 1989, Lamy vs Il‑Belġju, CE:ECHR:1989:0330JUD001044483), invokata mir-rikorrenti unikament waqt is-seduta, din iddeċidiet f’dan is-sens minħabba l-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar iż-żamma tar-rikorrent matul din il-fażi ta’ investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Qorti EDB ikkonstatat, f’din il-kawża, ksur tal-Artikolu 5(4) tal-KEDB, dwar il-protezzjoni ġudizzjarja tal-persuni miżmuma, mingħajr ma ħadet pożizzjoni dwar l-osservanza tal-Artikolu 6 tal-KEDB.

96      Fir-rigward, it-tielet nett, tal-leġiżlazzjoni Franċiża, invokata mir-rikorrenti waqt is-seduta, din ma tistax, inkwantu tali, tiġi imposta fl-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Jannar 1984, VBVB u VBBB vs Il‑Kummissjoni, 43/82 u 63/82, EU:C:1984:9, punt 40). Jista’ jingħad ukoll, fi kwalunkwe każ, li, skont l-Artikolu L. 450‑4 tal-Kodiċi tal-Kummerċ Franċiż, id-digriet tal-juge des libertés et de la détention (l-Imħallef li jiddeċiedi dwar libertajiet u detenzjoni) Franċiż, li jawtorizza ż-żjarat u l-elevazzjonijiet imwettqa mill-Awtorità tal-Kompetizzjoni abbażi ta’ informazzjoni u ta’ indizji ta’ natura li jiġġustifikawhom ippreżentati mill-imsemmija awtorità, jiġi nnotifikat lill-impriża msemmija biss fil-mument taż-żjara. Għalhekk jista’ jagħti lok għal smigħ tal-partijiet, li jista’ jirrigwarda b’mod partikolari n-natura suffiċjentement serja tal-indizji prodotti, biss fl-istadju tar-rikors ippreżentat kontriha quddiem l-Ewwel President tal-Qorti tal-Appell.

97      Fir-rigward, ir-raba’ nett, tat-tħassib espress mir-rikorrenti ta’ diffikultajiet sabiex jieħdu prekawzjonijiet kontra r-riskji ta’ interventi arbitrarji u sproporzjonati tal-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat preċiżament li huwa possibbli għall-Qorti Ġenerali li titlob lill-Kummissjoni, abbażi ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li tipproduċi l-indizji li ġġustifikaw li hija tiddeċiedi dwar spezzjoni (għall-adozzjoni ta’ tali miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura f’dan il-każ, ara l-punt 14 iktar ’il fuq). Dan l-aċċess għall-indizji li ġġustifika d-deċiżjoni ta’ spezzjoni huwa permess fl-istadju ġudizzjarju peress li, f’dan l-istadju u sa fejn l-ispezzjoni hija bħala definizzjoni kompleta, il-ħtieġa li tiġi ppreżervata l-effettività tal-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni hija inqas. Fil-fatt, ma hemmx iktar lok, ladarba jitwettqu l-operazzjonijiet ta’ spezzjoni kollha, li jiġi evitat riskju ta’ ħabi tal-informazzjoni rilevanti għall-investigazzjoni, li bħala prinċipju diġà nġabret waqt l-ispezzjoni (ara l-punt 88 iktar ’il fuq). Jista’ jingħad ukoll li komunikazzjoni tal-indizji fl-istadju ġudizzjarju hija, barra minn hekk, konformi mal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet quddiem il-qorti, peress li l-impriża spezzjonata għandha f’dan l-istadju informazzjoni li tippermettilha tikkontesta ż-żamma mill-Kummissjoni ta’ indizji suffiċjentement serji sabiex l-ispezzjoni tiġi ġġustifikata (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Nexans u Nexans France vs Il‑Kummissjoni, C‑37/13 P, EU:C:2014:223, punti 85 u 86), u għall-kumplament ma tiġġustifikax li aċċess jingħata mill-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni.

98      Għal dawn ir-raġunijiet kollha, it-tieni lment imressaq insostenn tal-eċċezzjoni ta’ illegalità għandu, konsegwentement, jiġi miċħud, kif għandha, għaldaqstant, tiġi miċħuda kollha kemm hi l-eċċezzjoni ta’ illegalità tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003.

B.      Fuq it-tieni u t-tielet motiv, ibbażati fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq il-ksur tad-dritt għall-invjolabbiltà tad-domiċilju

99      Il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel nett, li r-rikorrenti jinvokaw diversi lmenti relatati mal-iżvolġiment tal-ispezzjoni kontenzjuża, li huma inammissibbli fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ spezzjoni, u minn dan tiddeduċi l-inammissibbiltà tar-rikors.

100    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta effettivament li impriża ma tistax tinvoka l-illegalità li biha huwa vvizzjat l-iżvolġiment ta’ proċeduri ta’ spezzjoni insostenn ta’ talbiet għal annullament imressqa kontra l-att li abbażi tiegħu l-Kummissjoni wettqet din l-ispezzjoni (sentenzi tal‑20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, EU:T:1999:80, punt 413; tas‑17 ta’ Settembru 2007, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T‑125/03 u T‑253/03, EU:T:2007:287, punt 55; u tal‑20 ta’ Ġunju 2018, České dráhy vs Il‑Kummissjoni, T‑325/16, EU:T:2018:368, punt 22).

101    Din l-impossibbiltà li tiġi invokata l-illegalità li biha huwa vvizzjat l-iżvolġiment tal-operazzjonijiet ta’ spezzjoni insostenn ta’ talbiet imressqa kontra deċiżjoni ta’ spezzjoni tirrifletti biss il-prinċipju ġenerali li l-legalità ta’ att għandha tiġi evalwata fir-rigward taċ-ċirkustanzi ta’ liġi u ta’ fatt eżistenti fil-mument meta din id-deċiżjoni tkun ġiet adottata, b’tali mod li atti li jseħħu wara deċiżjoni ma jistgħux jaffettwaw il-validità tagħha (digriet tat‑30 ta’ Ottubru 2003, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T‑125/03 R u T‑253/03 R, EU:T:2003:287, punti 68 u 69; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2019, Alcogroup u Alcodis vs Il‑Kummissjoni, C‑403/18 P, EU:C:2019:870, punti 45 u 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

102    Minn dan isegwi li, jekk, kif tallega l-Kummissjoni, l-ilmenti kkonċernati kellhom jiġu miċħuda, dawn għandhom jiġu miċħuda minħabba n-natura ineffettiva tagħhom, u mhux minħabba n-natura inammissibbli tagħhom.

103    Bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat, kif ġie rreġistrat fil-proċess verbal tas-seduta, minn naħa, li hija kienet qiegħda tħalli lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fir-rigward tan-natura inammissibbli jew ineffettiva tal-ilmenti inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, li l-allegazzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha ma kinitx tikkonċerna inkwantu tali t-tieni u t-tielet motiv, ibbażati rispettivament fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq il-ksur tad-dritt għall-invjolabbiltà tad-domiċilju.

104    Minn dan jirriżulta li r-rikors ma jistax jiġi ddikjarat inammissibbli għar-raġuni allegata mill-Kummissjoni, u lanqas a fortiori li għandu jiġi ddikjarat inammissibbli kollu kemm hu.

105    Għaldaqstant, għandhom jiġu eżaminati t-tieni u t-tielet motiv imqajma mir-rikorrenti, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-eżami tal-fondatezza tagħhom, l-ilmenti invokati insostenn tagħhom li huma bbażati fuq l-iżvolġiment tal-ispezzjoni kontenzjuża u li għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

1.      Fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

106    Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata hija insuffiċjentement motivata sa fejn ma tinkludi ebda preċiżjoni, u lanqas ebda bidu ta’ espożizzjoni tal-informazzjoni miżmuma mill-Kummissjoni li kienet tiġġustifika li ssir l-ispezzjoni. B’mod partikolari, id-deċiżjoni kkontestata la tippermetti li jiġi identifikat it-tip, la n-natura, la l-provenjenza u wisq inqas il-kontenut tal-informazzjoni li l-Kummissjoni kellha u b’hekk iċċaħħad lir-rikorrenti minn garanzija fundamentali tad-drittijiet tad-difiża tagħhom. Ir-rikorrenti jżidu li tali assenza totali ta’ informazzjoni dwar l-annessi għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni ma tistax tiġi rrimedjata unikament bid-deskrizzjoni tal-preżunzjonijiet ta’ ksur li din tal-aħħar emmnet li tista’ tislet mill-kontenut tal-imsemmija annessi.

107    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni meħtieġa fl-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtur tal-att, b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu, minbarra dan, jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari mill-kontenut tal-att, min-natura tal-motivi invokati u mill-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment minn dan l-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha sa fejn il-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata fir-rigward mhux biss tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-materja kkonċernata (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2014, Nexans u Nexans France vs Il‑Kummissjoni, C‑37/13 P, EU:C:2014:2030, punti 31 u 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

108    Għandu għalhekk jittieħed inkunsiderazzjoni f’dan il-każ il-kuntest ġuridiku li fih jitwettqu l-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni. L-Artikoli 4 u 20 tar-Regolament Nru 1/2003 jagħtu, fil-fatt, setgħat ta’ spezzjoni lill-Kummissjoni bil-għan li tkun tista’ twettaq il-missjoni tagħha li tipproteġi s-suq intern minn distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u li tissanzjona eventwali ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni f’dan is-suq (sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2014, Nexans u Nexans France vs Il‑Kummissjoni, C‑37/13 P, EU:C:2014:2030, punt 33; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2002, Roquette Frères, C‑94/00, EU:C:2002:603, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

109    Għalhekk, f’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari d-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni, l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li dawn għandhom jindikaw id-data li fiha tibda l-ispezzjoni, is-sanzjonijiet previsti fl-Artikoli 23 u 24 tal-imsemmi regolament u r-rimedju miftuħ quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjoni ta’ spezzjoni, iżda wkoll is-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni.

110    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni għandha, sabiex tagħmel dan, tindika, bl-iktar mod preċiż possibbli, il-fatti preżunti li hija għandha l-intenzjoni li tivverifika, jiġifieri dak li qiegħed jiġi mfittex u l-elementi li fuqhom għandha ssir l-ispezzjoni. Iktar speċifikament, id-deċiżjoni ta’ spezzjoni għandha tinkludi deskrizzjoni tal-karatteristiċi tal-ksur issuspettat, billi tindika s-suq preżunt inkwistjoni u n-natura tar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni ssuspettati kif ukoll is-setturi koperti mill-allegat ksur ikkonċernat mill-investigazzjoni, u spjegazzjonijiet fir-rigward tal-mod li bih l-impriża hija preżunta li hija implikata fil-ksur (ara s-sentenzi tat‑8 ta’ Marzu 2007, France Télécom vs Il‑Kummissjoni, T‑339/04, EU:T:2007:80, punti 58 u 59 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑6 ta’ Settembru 2013, Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni, T‑289/11, T‑290/11 u T-521/11, EU:T:2013:404, punti 75 u 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

111    Dan l-obbligu ta’ motivazzjoni speċifiku jikkostitwixxi, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, rekwiżit fundamentali fid-dawl mhux biss li tintwera n-natura ġġustifikata tal-intervent maħsub ġewwa impriżi kkonċernati, iżda wkoll sabiex jitqiegħdu fil-pożizzjoni li jifhmu l-portata tad-dmir ta’ kollaborazzjoni tagħhom filwaqt li fl-istess ħin jinżammu d-drittijiet tad-difiża. Huwa fil-fatt importanti li impriżi, li huma msemmija fid-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni li jimponu fuqhom obbligi, li jinkludu ndħil fl-isfera privata tagħhom u li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom jista’ jesponihom għal multi kbar, jitqiegħdu f’pożizzjoni li jsiru jafu l-motivi ta’ dawn id-deċiżjonijiet mingħajr sforzi ta’ interpretazzjoni sproporzjonati, b’mod li dawn ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b’mod effikaċi u fi żmien xieraq (ara, fir-rigward tad-deċiżjonijiet li jeħtieġu informazzjoni, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża HeidelbergCement vs Il‑Kummissjoni, C‑247/14 P, EU:C:2015:694, punt 42). Barra minn hekk, minn dan isegwi li l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni, kif ippreċiżat fil-punt preċedenti, bħala prinċipju ma tistax tiġi limitata abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet marbuta mal-effikaċja tal-investigazzjoni (sentenzi tas‑17 ta’ Ottubru 1989, Dow Benelux vs Il‑Kummissjoni, 85/87, EU:C:1989:379, punt 8, u tal-14 ta’ Novembru 2012, Nexans France u Nexans vs Il‑Kummissjoni, T‑135/09, EU:T:2012:596, punt 42).

112    Madankollu, l-ispezzjonijiet b’definizzjoni jsiru fi stadju preliminari, li għalih il-Kummissjoni ma għandhiex informazzjoni preċiża li tippermettilha li tikkwalifika l-aġir inkwistjoni bħala ksur u li jimplika l-fakultà ta’ tfittxija tal-elementi ta’ informazzjoni diversi li għadhom ma humiex magħrufa jew għalkollox identifikati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Ġunju 2014, Nexans u Nexans France vs Il‑Kummissjoni, C‑37/13 P, EU:C:2014:2030, punt 37, u tas‑26 ta’ Ottubru 2010, CNOP u CCG vs Il‑Kummissjoni, T‑23/09, EU:T:2010:452, punti 40 u 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, sabiex jitħares l-effett utli tal-ispezzjonijiet u minħabba raġunijiet relatati man-natura stess tagħhom, ġie aċċettat li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata la li tikkomunika lid-destinatarju ta’ tali deċiżjoni l-informazzjoni kollha li hija kellha fir-rigward tal-ksur preżunt, la li tiddelimita preċiżament is-suq inkwistjoni, la li twettaq klassifikazzjoni legali preċiża ta’ dan il-ksur, u lanqas li tindika l-perijodu li matulu dan il-ksur kien twettaq (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2014, Orange vs Il‑Kummissjoni, T‑402/13, EU:T:2014:991, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata; konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Nexans u Nexans France vs Il‑Kummissjoni, C‑37/13 P, EU:C:2014:223, punti 48 u 49).

113    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tindika, fid-deċiżjoni ta’ spezzjoni, l-indizji li ġġustifikaw l-imsemmija spezzjoni (ara l-punti 85 u 91 iktar ’il fuq).

114    Isegwi, minn naħa, li l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni ma jestendix għall-informazzjoni kollha li hija għandha fir-rigward tal-ksur preżunt u, min-naħa l-oħra, li, fost l-informazzjoni li ġġustifikat li ssir l-ispezzjoni, għandha tiġi pprovduta biss fid-deċiżjoni ta’ spezzjoni dik li tippermetti li tintwera ż-żamma mill-Kummissjoni ta’ indizji serji ta’ ksur, mingħajr madankollu ma jiġu żvelati l-indizji inkwistjoni. Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li l-Kummissjoni hija marbuta li, fid-deċiżjoni li tordna spezzjoni, turi b’mod iddettaljat li hija kellha fil-fajl tagħha elementi u indizji materjali serji li wassluha sabiex tissuspetta l-ksur li l-impriża intiża mill-ispezzjoni hija ssuspettata bih (ara s-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2007, France Télécom vs Il‑Kummissjoni, T‑339/04, EU:T:2007:80, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tas-6 ta’ Settembru 2013, Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni, T‑289/11, T‑290/11 u T‑521/11, EU:T:2013:404, punt 172).

115    Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat f’dan il-każ jekk dan l-obbligu ġiex osservat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

116    Issa, mill-premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata u mill-informazzjoni dwar il-ksur preżunt mogħtija fiha, kif deskritt fil-premessi 4 u 5 bħala li jikkonsisti fi prattiki ta’ skambju ta’ informazzjoni li jirrigwardaw b’mod partikolari t-tnaqqis u l-istrateġiji kummerċjali futuri, jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni wriet b’mod iddettaljat li hija qieset li kellha indizji serji li wassluha sabiex tissuspetta l-prattiki miftiehma inkwistjoni.

117    Dan jixhduh, fil-fatt, minbarra l-preċiżazzjonijiet dwar is-suġġett tal-iskambji ta’ informazzjoni ssuspettati, fil-premessi 4 u 5 tad-deċiżjoni kkontestata, dawk mogħtija fil-premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata, introdotti bil-kliem “Skont l-informazzjoni li l-Kummissjoni għandha” u dwar il-modalitajiet tal-iskambju, il-persuni implikati (kwalità u numru approssimattiv) kif ukoll dwar id-dokumenti kontenzjużi (numru approssimattiv, post u forma tal-konservazzjoni tagħhom).

118    Għandu jiġi ppreċiżat li l-kunsiderazzjonijiet preċedenti huma limitati għall-eżami tan-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u jissodisfaw biss il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni semmietx fid-deċiżjoni tagħha l-informazzjoni meħtieġa mill-ġurisprudenza, jiġifieri dik li tikkonferma li hija qieset li kellha indizji serji tal-eżistenza tal-prattiki miftiehma preżunti. Min-naħa l-oħra, ma hijiex ittrattata f’dan il-kuntest il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni, ġustament, qisitx li kellha tali indizji suffiċjentement serji, li ser tiġi ttrattata waqt l-eżami tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għall-invjolabbiltà tad-domiċilju.

119    Għandu jingħad ukoll li l-allegazzjoni mir-rikorrenti ta’ riskju li huma jistgħu jkunu vittmi ta’ kompetituri jew ta’ sieħba kummerċjali b’mala fide ma tistax tikkontesta l-konklużjoni msemmija iktar ’il fuq dwar l-osservanza mill-Kummissjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. Tali riskju jista’, fil-fatt, jiġi mfixkel permezz tal-verifika tan-natura suffiċjentement serja tal-indizji miżmuma mill-Kummissjoni waqt l-eżami tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għall-invjolabbiltà tad-domiċilju.

120    B’konsegwenza, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud.

2.      Fuq il-ksur tad-dritt għall-invjolabbiltà tad-domiċilju

121    Ir-rikorrenti jsostnu li d-dritt fundamentali għall-invjolabbiltà tad-domiċilju, kif stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta u fl-Artikolu 8 tal-KEDB, inkiser f’dan il-każ mill-Kummissjoni. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li dan id-dritt japplika għad-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni, li dwarhom ir-rikorrenti jtennu li ma humiex ibbażati fuq il-kollaborazzjoni tal-impriżi msemmija. Minn dan jirriżulta wkoll li d-dritt għall-invjolabbiltà tad-domiċilju jeżiġi li l-kontenut u l-portata ta’ mandat li jawtorizza żjarat domiċiljarji jinkludu ċerti limiti sabiex l-indħil li huwa jawtorizza f’dan id-dritt ma jkunx potenzjalment illimitat u, għaldaqstant, sproporzjonat. Issa, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata indipendentement minn kull stħarriġ ġudizzjarju ex ante, id-dritt fundamentali għall-invjolabbiltà tad-domiċilju jimplika limiti għaldaqstant iktar stretti għas-setgħat ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni, limiti li ma ġewx imposti jew osservati f’dan il-każ.

122    Hemm lok li jitfakkar li d-dritt fundamentali għall-invjolabbiltà tad-domiċilju jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li llum huwa espress fl-Artikolu 7 tal-Karta, li jikkorrispondi għall-Artikolu 8 tal-KEDB (ara s-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2015, Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni, C‑583/13 P, EU:C:2015:404, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

123    Skont l-Artikolu 7 tal-Karta, kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, tad-domiċilju tagħha u tal-komunikazzjonijiet tagħha. Dan ir-rekwiżit ta’ protezzjoni kontra interventi tal-awtorità pubblika fl-isfera ta’ attività privata ta’ persuna jikkonċerna kemm il-persuni fiżiċi kif ukoll il-persuni ġuridiċi (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2014, Orange vs Il‑Kummissjoni, T‑402/13, EU:T:2014:991, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

124    L-Artikolu 52(1) tal-Karta jipprovdi barra minn hekk li kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti mill-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Barra minn hekk, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet biss jekk ikunu neċessarji u jekk jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

125    Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, għalkemm mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB jirriżulta li l-protezzjoni prevista fl-Artikolu 8 tal-KEDB tista’ testendi għal ċerti siti kummerċjali, xorta jibqa’ l-fatt li din il-qorti ddeċidiet li l-indħil pubbliku jista’ jestendi iktar għal siti jew għal attivitajiet professjonali jew kummerċjali milli f’każijiet oħra (ara s-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2015, Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni, C‑583/13 P, EU:C:2015:404, punt 20 u l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB iċċitata iktar ’il fuq). Il-Qorti EDB madankollu kostantement fakkret li grad aċċettabbli ta’ protezzjoni mill-indħil li jippreġudika l-Artikolu 8 tal-KEDB kien jimplika qafas legali u limiti stretti (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2013, Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni, T‑289/11, T‑290/11 u T‑521/11, EU:T:2013:404, punt 73 u l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB iċċitata iktar ’il fuq).

126    Fir-rigward b’mod iktar partikolari tas-setgħat ta’ spezzjoni mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, inkwistjoni f’dan il-każ, ġie deċiż li l-eżerċizzju ta’ tali setgħat kien jikkostitwixxi ndħil evidenti fid-dritt tal-impriża spezzjonata għall-osservanza tal-isfera ta’ attività privata tagħha, tad-domiċilju tagħha u tal-korrispondenza tagħha (sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2013, Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni, T‑289/11, T‑290/11 u T‑521/11, EU:T:2013:404, punt 65, u tal-20 ta’ Ġunju 2018, České dráhy vs Il‑Kummissjoni, T‑325/16, EU:T:2018:368, punt 169).

127    Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk id-deċiżjoni kkontestata tissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa mill-Artikolu 7 tal-Karta.

128    Ir-rikorrenti jsostnu, f’dan ir-rigward, li d-deċiżjoni kkontestata hija, minn naħa, sproporzjonata u, min-naħa l-oħra, arbitrarja, sa fejn il-Kummissjoni ma kellhiex indizji suffiċjentement serji sabiex tiġġustifika l-ispezzjoni deċiża.

a)      Fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

129    Għandu jitfakkar li, skont il-premessa 24 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata twettaq spezzjonijiet “kif hemm bżonn” sabiex tiskopri l-ftehimiet, id-deċiżjonijiet jew il-prattiki miftiehma pprojbiti mill-Artikolu 101 TFUE. Isegwi, skont il-ġurisprudenza, li hija l-Kummissjoni li għandha tevalwa jekk miżura ta’ spezzjoni hijiex neċessarja sabiex tkun tista’ tidentifika ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza tat‑18 ta’ Mejju 1982, AM & S Europe vs Il‑Kummissjoni, 155/79, EU:C:1982:157, punt 17; ara wkoll, fir-rigward ta’ deċiżjoni li titlob informazzjoni, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2014, Cementos Portland Valderrivas vs Il‑Kummissjoni, T‑296/11, EU:T:2014:121, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

130    Jibqa’ l-fatt li din l-evalwazzjoni hija suġġetta għall-istħarriġ tal-qorti u, b’mod partikolari, għall-osservanza tar-regoli li jirregolaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeħtieġ li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, filwaqt li, meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda vinkolanti, u li l-inkonvenjenzi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta pparagunati mal-għanijiet imfittxija (sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2007, France Télécom vs Il‑Kummissjoni, T‑339/04, EU:T:2007:80, punt 117, u tal‑25 ta’ Novembru 2014, Orange vs Il‑Kummissjoni, T‑402/13, EU:T:2014:991, punt 22).

131    Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, indħil sproporzjonat fl-isfera ta’ attività privata tagħhom fid-dawl tal-kumpanniji u tas-siti spezzjonati, tat-tul tal-ispezzjoni kontenzjuża u tad-data magħżula għall-ispezzjoni.

1)      Fir-rigward tal-kumpanniji u s-siti spezzjonati

132    Ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li ma identifikatx individwalment, fid-deċiżjoni kkontestata, la l-persuni li hija tirreferi għalihom u lanqas is-siti li l-uffiċjali tagħha kienu awtorizzati li jżuru. B’hekk, kuntrarjament għall-prassi tagħha stess, il-Kummissjoni ġiet awtorizzata f’dan il-każ li twettaq spezzjoni fuq diversi mijiet ta’ persuni ġuridiċi distinti li jikkomponu l-grupp Casino u li żżur diversi eluf ta’ siti, li l-parti l-kbira tagħhom ma għandhom l-ebda rabta mas-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, skont il-ġurisprudenza, l-identifikazzjoni preċiża tas-siti li tista’ ssir żjara tagħhom u tal-persuni previsti mill-awtoritajiet hija neċessarja sabiex jiġu limitati s-setgħat ta’ ndħil u jiġu protetti l-partijiet fil-kawża kontra ksur arbitrarju tal-awtorità pubblika tad-dritt fundamentali għall-invjolabbiltà tad-domiċilju. Ir-rikorrenti jżidu, f’dan ir-rigward, li d-definizzjoni tas-suġġett tal-ispezzjoni u, b’mod iktar ġenerali, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, daqstant kemm ikunu preċiżi, ma jistgħux ipaċu l-assenza ta’ limitazzjoni tas-setgħat tal-Kummissjoni fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-persuni u tas-siti li jistgħu jiġu spezzjonati. Barra minn hekk, huma jsostnu li l-kunċett ta’ impriża ma jistax jostakola r-rispett tad-drittijiet fundamentali marbuta mal-kunċett ta’ persuna legali, fiżika jew ġuridika.

133    Jirriżulta effettivament mid-deċiżjoni kkontestata li la l-kumpanniji u lanqas is-siti spezzjonati ma huma indikati b’isimhom. B’hekk huwa indikat fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-“ispezzjoni tista’ sseħħ fi kwalunkwe sit tal-impriża” [traduzzjoni mhux uffiċjali], fejn din l-indikazzjoni hija segwita bit-termini “u b’mod partikolari”, li huma segwiti b’żewġ indirizzi. Barra minn hekk, huwa msemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 u fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata li “Casino […] kif ukoll il-kumpanniji kollha direttament jew indirettament ikkontrollati minnha” [traduzzjoni mhux uffiċjali] huma koperti mid-deċiżjoni ta’ spezzjoni.

134    Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, id-deċiżjonijiet ikkontestati fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 2012, Nexans France u Nexans vs Il‑Kummissjoni (T‑135/09, EU:T:2012:596), u tas-6 ta’ Settembru 2013, Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni (T‑289/11, T‑290/11 u T‑521/11, EU:T:2013:404), jinkludu riferimenti simili.

135    Issa, il-portata wiesgħa ħafna tal-ispezzjoni li għaliha jwasslu tali riferimenti ma ġietx ikkunsidrata mill-ġurisprudenza bħala li tikkostitwixxi, bħala tali, indħil eċċessiv fl-isfera ta’ attività privata tal-impriżi.

136    Jirriżulta, fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita sa mis-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il‑Kummissjoni (46/87 u 227/88, EU:C:1989:337, punt 26) li kemm l-iskop tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, L-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), u tar-Regolament Nru 1/2003 li ssostitwixxieh, li l-elenkar, mill-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 17 u mill-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003, tas-setgħat li huma mogħtija lill-uffiċjali tal-Kummissjoni, juru li l-ispezzjonijiet jista’ jkollhom portata wiesgħa ħafna. F’dan ir-rigward, id-dritt ta’ aċċess għal kull sit, art u mezzi ta’ trasport tal-impriżi għandu importanza partikolari sa fejn għandu jippermetti lill-Kummissjoni tiġbor il-provi tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni fil-postijiet fejn dawn jinsabu normalment, jiġifieri fis-siti kummerċjali tal-impriżi (sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2007, CB vs Il‑Kummissjoni, T‑266/03, mhux ippubblikata, EU:T:2007:223, punt 71, u d-digriet tas‑16 ta’ Ġunju 2010, Biocaps vs Il‑Kummissjoni, T‑24/09, mhux ippubblikat, EU:T:2010:238, punt 32).

137    Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, għalkemm ir-Regolamenti Nri 17 u 1/2003 jagħtu għalhekk lill-Kummissjoni setgħat ta’ investigazzjoni wiesgħa, l-eżerċizzju ta’ dawn is-setgħat huwa suġġett għal kundizzjonijiet ta’ natura li jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet tal-impriżi kkonċernati (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, 46/87 u 227/88, EU:C:1989:337, punt 28; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2013, Deutsche Bahn et vs Il-Kummissjoni, T‑289/11, T‑290/11 u T‑521/11, EU:T:2013:404, punti 74 sa 99).

138    B’mod partikolari, għandu jiġi rrilevat l-obbligu impost fuq il-Kummissjoni li tindika s-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni, li jikkostitwixxi rekwiżit fundamentali fid-dawl mhux biss li tintwera n-natura ġġustifikata tal-intervent previst fis-siti tal-impriżi kkonċernati, iżda sabiex dawn jitqiegħdu fil-pożizzjoni li jifhmu l-portata tad-dmir ta’ kollaborazzjoni tagħhom filwaqt li fl-istess ħin iżommu d-drittijiet tad-difiża (ara, fir-rigward tar-Regolament Nru 17, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, 46/87 u 227/88, EU:C:1989:337, punt 29).

139    Hemm lok li jiġi rrilevat, minbarra dan, li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni jvarjaw skont il-proċedura magħżula minnha, mill-attitudni tal-impriżi kkonċernati kif ukoll mill-intervent tal-awtoritajiet nazzjonali (ara, fir-rigward tar-Regolament Nru 17, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, 46/87 u 227/88, EU:C:1989:337, punt 30).

140    L-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi fl-ewwel lok spezzjonijiet imwettqa bil-kollaborazzjoni tal-impriżi kkonċernati, kemm b’mod volontarju, fl-ipoteżi tal-mandat bil-miktub ta’ spezzjoni, kemm abbażi ta’ obbligu li jirriżulta minn deċiżjoni ta’ spezzjoni. F’din l-aħħar ipoteżi, li hija dik f’dan il-każ, l-uffiċjali tal-Kummissjoni għandhom, b’mod partikolari, il-fakultà li jiġu ppreżentati lilhom id-dokumenti li huma jitolbu, li jidħlu fis-siti li huma jindikaw u li jintwerew il-kontenut tal-għamara li huma jindikaw. Madankollu, huma ma jistgħux jisfurzaw l-aċċess għal siti jew għal għamara jew iġiegħlu lill-persunal tal-impriża jipprovdulhom tali aċċess, u lanqas ma jistgħu jagħmlu tfittxijiet mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-persuni responsabbli tal-impriża (ara, fir-rigward tar-Regolament Nru 17, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, 46/87 u 227/88, EU:C:1989:337, punt 31).

141    Is-sitwazzjoni hija għalkollox differenti meta l-Kummissjoni tiltaqa’ ma oppożizzjoni mill-impriżi kkonċernati. F’dan il-każ, l-uffiċjali tal-Kummissjoni jistgħu, abbażi tal-Artikolu 20(6) tar-Regolament Nru 1/2003, ifittxu, mingħajr il-kollaborazzjoni tal-impriżi, l-elementi ta’ informazzjoni kollha meħtieġa għall-ispezzjoni bl-għajnuna tal-awtoritajiet nazzjonali, li huma obbligati li jagħtuhom l-assistenza neċessarja għat-twettiq tal-missjoni tagħhom. Jekk din l-assistenza hija meħtieġa biss fil-każ fejn l-impriża turi l-oppożizzjoni tagħha, għandu jingħad ukoll li l-assistenza tista’ tintalab ukoll bħala miżura ta’ prekawzjoni, skont l-Artikolu 20(7) tar-Regolament Nru 1/2003, bl-għan li tingħeleb l-oppożizzjoni possibbli tal-impriża (ara, fir-rigward tar-Regolament Nru 17, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, 46/87 u 227/88, EU:C:1989:337, punt 32).

142    L-ilment imqajjem mir-rikorrenti jimplika, għaldaqstant, li tingħata tweġiba għall-kwistjoni jekk il-Kummissjoni kellhiex f’dan il-każ, bħala garanziji intiżi sabiex jipproteġuhom kontra ndħil sproporzjonat, tispeċifika b’mod iktar preċiż il-kumpanniji u s-siti previsti mill-ispezzjoni.

143    It-tweġiba għal din id-domanda għandha tkun fin-negattiv għar-raġunijiet li ġejjin.

144    L-ewwel nett, l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata jippermettu, meħuda flimkien, li jiġu stabbiliti l-kumpanniji u s-siti kkonċernati mill-ispezzjoni. Fil-fatt, permezz tal-ispeċifikazzjoni tas-suġġett u tal-għan tal-ispezzjoni, u, b’mod partikolari, tas-swieq tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati, u tal-preċiżjoni li skontha huma kkonċernati Casino u s-sussidjarji tagħha kif ukoll is-siti tagħhom, jista’ faċilment jiġi dedott mid-deċiżjoni kkontestata li huma previsti mill-ispezzjoni Casino u s-sussidjarji attivi tagħha fis-setturi kkonċernati mill-ksur issuspettat – jiġifieri s-swieq tal-provvista ta’ oġġetti tal-konsum ta’ kuljum (prodotti tal-ikel, prodotti tal-iġjene u prodotti ta’ manutenzjoni) dawk mill-bejgħ lill-konsumaturi ta’ dawn l-oġġetti u dak tal-bejgħ ta’ servizzi lill-produtturi ta’ prodotti tad-ditta fis-settur ta’ oġġetti tal-konsum ta’ kuljum – u li l-ispezzjoni tista’ ssir fis-siti tagħhom kollha. Meta l-uffiċjali tal-Kummissjoni marru fis-siti tal-kumpanniji msemmija wara li kkomunikawlhom id-deċiżjoni kkontestata, dawn tqiegħdu fil-pożizzjoni li jivverifikaw is-suġġett u l-portata tal-intervent imwettaq fis-siti tagħhom, li jifhmu l-portata tad-dmir ta’ kollaborazzjoni tagħhom u li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Għaldaqstant, speċifikazzjonijiet iktar preċiżi dwar il-kamp tal-ispezzjoni ma kinux indispensabbli għall-protezzjoni tad-drittijiet tar-rikorrenti.

145    Barra minn hekk, għandha tiġi miċħuda bħala konsegwenza l-kritika tar-rikorrenti li l-kamp kopert mill-ispezzjoni kien, minħabba l-assenza ta’ speċifikazzjoni tal-kumpanniji u tas-siti previsti, wiesa’ wisq. Jista’ jiġi rrilevat ukoll, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni semmiet, fid-deċiżjoni kkontestata, is-suġġett bażiku tad-dritt tal-kompetizzjoni li hija l-impriża, li ħafna drabi tinkludi kumpannija omm kif ukoll is-sussidjarju jew is-sussidjarji tagħha, li lilha jista’ jiġi imputat il-ksur u, b’mod partikolari, il-ksur issuspettat f’dan il-każ, li jiġġustifika għaldaqstant li jissemmew fid-deċiżjoni kkontestata kemm il-kumpannija omm Casino kif ukoll is-sussidjarji tagħha.

146    Sussegwentement, l-assenza ta’ preċiżjoni fl-indikazzjoni tal-kumpanniji u tas-siti msemmija tikkontribwixxi għall-iżvolġiment tajjeb tal-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni, sa fejn din tagħtiha l-marġni ta’ manuvra neċessarja għall-ġabra tal-massimu ta’ provi possibbli u fejn tippermetti li jinżamm effett ta’ sorpriża indispensabbli sabiex jiġi evitat riskju ta’ qerda jew ta’ ħabi ta’ dawn il-provi. B’hekk, fl-ipoteżi fejn il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tiddetermina fl-istadju tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni, li jinsab ferm qabel l-identifikazzjoni ta’ ksur u tal-protagonisti tiegħu, il-kumpanniji tal-grupp li setgħu ħadu sehem fih u fejn hija tiskopri fl-okkażjoni tal-ispezzjoni tagħha fis-siti ta’ waħda mill-kumpanniji previsti, li waħda mill-kumpanniji li magħha din hija marbuta setgħet ukoll kellha rwol fl-imsemmi ksur, hija tista’ twettaq spezzjoni fis-siti ta’ din il-kumpannija l-oħra fuq il-bażi tal-istess deċiżjoni ta’ spezzjoni, jiġifieri kemm malajr u b’element ta’ sorpriża, permezz ta’ din l-iskoperta matul iż-żmien, fejn il-kumpannija spezzjonata fit-tieni lok setgħet tiddeduċi li hija ma hijiex prevista mill-ispezzjoni (ara, għat-tfakkir tal-importanza tal-eżekuzzjoni malajr tad-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni li jimminimizzaw ir-riskji ta’ ħarba, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni, C‑583/13 P, EU:C:2015:92, punt 62).

147    Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li d-digrieti tas‑17 ta’ Frar 2017 tal-juges des libertés et de la détention des tribunaux de grande instance (l-Imħallfin li jiddeċiedu dwar libertajiet u detenzjoni tal-qrati reġjonali) li kienu awtorizzaw iż-żjarat u l-elevazzjonijiet inkwistjoni bħala miżura ta’ prekawzjoni, f’każ ta’ oppożizzjoni għall-ispezzjoni, jispeċifikaw espressament u limitattivament is-siti li fihom dawn iż-żjarat u dawn l-elevazzjonijiet jistgħu jseħħu. Isegwi li, konformement mal-ġurisprudenza tal-qorti tal-Unjoni msemmija fil-punt 141 iktar ’il fuq, iżda wkoll ma’ dik tal-Qorti EDB, qrati Ġermaniżi u qrati Franċiżi kif ukoll skont il-leġiżlazzjoni Franċiża invokati mir-rikorrenti, meta l-indħil involut fl-ispezzjoni jkun iktar sinjifikattiv, f’dan il-każ għaliex isir minkejja l-oppożizzjoni tal-kumpanniji spezzjonati u billi tintuża l-assistenza tal-pulizija abbażi tal-Artikolu 20(6) sa (8) tar-Regolament Nru 1/2003, garanzija addizzjonali li tikkonsisti fl-indikazzjoni tas-siti li saret żjara tagħhom hija rrikonoxxuta. Issa, f’dan il-każ, peress li r-rikorrenti ma opponewx l-ispezzjoni sal-punt li l-Kummissjoni tiġi obbligata tagħmel użu mid-digrieti msemmija iktar ’il fuq u tal-mezzi ta’ restrizzjoni li dawn jagħtuha, din il-garanzija addizzjonali ma hemmx lok li ssir. Kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, tali soluzzjoni ma tiksirx il-“prinċipju” li l-protezzjoni tad-dritt għall-invjolabbiltà tad-domiċilju timplika delimitazzjoni għaldaqstant iktar stretta tas-setgħat ta’ spezzjoni minn dawk li huma implimentati mingħajr awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB invokata f’dan is-sens mir-rikorrenti (Qorti EDB, 10 ta’ Novembru 2015, Slavov et vs Il-Bulgarija, CE:ECHR:2015:1110JUD005850010, punti 144 sa 146, u 16 ta’ Frar 2016, Govedarski vs Il‑Bulgarija, CE:ECHR:2016:0216JUD003495712, punti 81 sa 83), tali qafas jirrigwarda l-effettività tal-istħarriġ eżerċitat a posteriori mill-qorti u ma jimplikax bħala tali li dan l-istħarriġ jagħti lok għall-għoti ta’ garanziji addizzjonali (ara wkoll, f’dan is-sens, il-punt 53 iktar ’il fuq).

148    Dan l-ilment dwar il-persuni u s-siti spezzjonati għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud bħala infondat, mingħajr ma hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tiegħu, ikkontestata mill-Kummissjoni.

2)      Dwar it-tul tal-ispezzjoni

149    Ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li, kuntrarjament għall-ġurisprudenza u għall-prassi tagħha stess, ma stabbilixxiet ebda limitu temporali għall-indħil tagħha fid-dritt fundamentali għall-invjolabbiltà tad-domiċilju li hija awtorizzat. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata tipprevedi biss id-data li minnha l-ispezzjoni setgħet tibda u ma tiffissa l-ebda data ta’ tmiem, u lanqas tul massimu, b’tali mod li l-ispezzjoni ma kinitx intemmet fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, fatt li barra minn hekk il-Kummissjoni ma naqsitx milli tfakkar lir-rikorrenti. Barra minn hekk, dawn tal-aħħar jeskludu li n-natura illimitata ratione temporis tas-setgħat tal-Kummissjoni tista’ tiġi validament iġġustifikata mill-effettività tal-ispezzjonijiet, billi jibbażaw ruħhom b’mod partikolari fuq diversi drittijiet nazzjonali li jipprevedu limitazzjoni ratione temporis tas-setgħat ta’ spezzjoni tal-amministrazzjoni.

150    Għandu jiġi rrilevat li, l-istess bħad-deċiżjoni ta’ spezzjoni inkwistjoni fis-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2013, Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni (T‑289/11, T‑290/11 u T‑521/11, EU:T:2013:404, punti 4, 14 u 21), li, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, tinkludi riferiment simili, id-deċiżjoni kkontestata tipprevedi, fl-Artikolu 2 tagħha, li “[l]-ispezzjoni tista’ tibda fl‑20 ta’ Frar 2017 jew ftit żmien wara” [traduzzjoni mhux uffiċjali], mingħajr ma tiffissa data li fiha l-ispezzjoni għandha tkun intemmet.

151    Għandu jitfakkar li tali riferiment huwa konformi mal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, li jeżiġi biss li d-deċiżjoni ta’ spezzjoni “taħtar id-data li fiha għandha tibda” (ara l-punt 109 iktar ’il fuq).

152    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-assenza ta’ preċiżjoni fir-rigward tad-data tat-tmiem tal-ispezzjoni ma kinitx tfisser li din setgħet testendi ratione temporis b’mod illimitat, peress li l-Kummissjoni kienet, f’dan ir-rigward, marbuta bl-osservanza ta’ terminu raġonevoli, konformement mal-Artikolu 41(1) tal-Karta (sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2018, Nexans France u Nexans vs Il‑Kummissjoni, T‑449/14, li qiegħda tiġi appellata, EU:T:2018:456, punt 69).

153    Minn dan isegwi qafas temporali, iddelimitat mid-data tal-bidu ta’ spezzjoni stabbilita fid-deċiżjoni ta’ spezzjoni u mil-limitu tat-terminu raġonevoli, li jiggarantixxi suffiċjentement l-assenza ta’ ndħil sproporzjonat fl-isfera ta’ attività privata tal-impriżi.

154    Barra minn hekk, tali delimitazzjoni temporali tippermetti li tiġi ggarantita bis-sħiħ l-effettività tas-setgħat ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Fil-fatt, peress li l-limitu tat-terminu raġonevoli jiġi evalwat a posteriori u skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, dan jippermetti li tittieħed inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li t-tul tal-ispezzjoni ma jistax ikun magħruf minn qabel, peress li dan jiddependi mill-volum ta’ informazzjoni miġbura fis-sit u fuq eventwali aġir ta’ tfixkil imwettaq mill-impriża kkonċernata.

155    Ċertament jista’ jiġi ammess, bħala tweġiba għar-rikorrenti, li l-iffissar ta’ tul ta’ spezzjoni a priori ma jikkontestax, bħala tali, l-effettività tal-ispezzjonijiet. Madankollu, sabiex tiġi ggarantita din l-effettività fid-dawl taċ-ċirkustanza msemmija fil-punt preċedenti, dan it-tul iffissat a priori huwa probabbilment itwal mit-tul effettiv tal-ispezzjoni f’dan il-każ, hawnhekk inqas minn ħamest ijiem, li ma huwiex fis-sens ta’ garanzija kontra ndħil sproporzjonat.

156    Jista’ jingħad ukoll li l-ġurisprudenzi tal-Qorti EDB u ta’ diversi qrati nazzjonali kif ukoll il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali ċċitati mir-rikorrenti ma jistgħux jikkontestaw dawn il-kunsiderazzjonijiet. Fil-fatt, dawn kollha jirrigwardaw operazzjonijiet ta’ żjara jew ta’ elevazzjonijiet imwettqa b’mod vinkolanti, li jimplika ndħil ikbar milli spezzjoni li ġiet deċiża f’dan il-każ mingħajr ma l-uffiċjali tal-Kummissjoni jkunu għamlu użu mill-Artikolu 20(6) sa (8) tar-Regolament Nru 1/2003 u mill-mezzi ta’ restrizzjoni nazzjonali li huwa jippermetti li jintużaw (ara l-punt 53 iktar ’il fuq). Għalhekk huwa notevoli li d-digrieti tal-Imħallfin li jiddeċiedu dwar libertajiet u detenzjoni msemmija fil-punt 147 iktar ’il fuq, adottati f’dan il-każ bħala miżura ta’ prekawzjoni sabiex jintużaw fil-każ ta’ oppożizzjoni għall-ispezzjoni, iżda li ma ġewx adottati f’dan il-każ fl-assenza ta’ tali oppożizzjoni (Artikolu 20(7) tar-Regolament Nru 1/2003), jistabbilixxu kollha data ta’ skadenza għat-twettiq tal-operazzjonijiet ta’ żjara u ta’ elevazzjoni.

157    L-ilment dwar it-tul tal-ispezzjoni għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud.

3)      Fir-rigward tad-data tal-ispezzjoni

158    Ir-rikorrenti jsostnu li d-data tal-bidu tal-ispezzjoni prevista fid-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li din tippreċedi immedjatament id-data li fiha l-ewwel rikorrenti kellha tikkonkludi n-negozjati tal-ftehimiet annwali tagħha mal-fornituri, jiġifieri l-1 ta’ Marzu, u li hija kienet ċaħħdet diversi mill-persuni responsabbli minn dawn in-negozjati tagħha mill-għodod tax-xogħol tagħhom fil-mument li fih inżammu n-negozjati finali.

159    Għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ma jistabbilixxux l-inkonvenjenzi sproporzjonati u intollerabbli li huma jallegaw. Issa, huma ma jistgħux, f’dan ir-rigward, jikkuntentaw ruħhom b’sempliċi affermazzjonijiet li għalihom ma huwa assoċjat ebda element probatorju veru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2014, Cementos Portland Valderrivas vs Il‑Kummissjoni, T‑296/11, EU:T:2014:121, punt 103).

160    Fil-fatt, ir-rikorrenti jistabbilixxu biss li diversi persuni responsabbli għax-xiri ġew imċaħħda mit-telefons u mill-kompjuters professjonali tagħhom matul jum u nofs massimu. Issa, minkejja li dawn il-persuni kellhom rwol importanti fin-negozjati inkwistjoni, dan it-tul ta’ ċaħda minn uħud mill-għodod tax-xogħol tagħhom huwa qasir ħafna fir-rigward tat-tul normali ta’ dan it-tip ta’ negozjati, bħala medja ta’ ħames xhur (mill-1 ta’ Ottubru sal-1 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara). Barra minn hekk, ma huwiex allegat, u lanqas a fortiori ma ġie stabbilit, li dawn il-persuni ma setgħux iwettqu l-imsemmija negozjati matul dan il-perijodu u matul it-tul kollu tal-ispezzjoni, b’mod partikolari permezz ta’ kuntatti diretti fuq il-post, li l-possibbiltà tagħhom hija kkonfermata mill-fatt li r-rikorrenti rrikonoxxew waqt is-seduta li s-sieħba ta’ negozjati tagħhom kienu jinsabu fis-siti tagħhom fil-mument tal-ispezzjoni. Għalhekk minn dan jirriżulta l-iktar ostakolu fl-iżvolġiment tan-negozjati kkonċernati. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li, fit-tip ta’ negozjati inkwistjoni, l-aħħar sigħat qabel l-iskadenza huma l-iktar importanti u li l-ispezzjoni kontenzjuża ntemmet f’dan il-każ jumejn ta’ xogħol qabel l-iskadenza tal-1 ta’ Marzu li magħhom kien jiżdied tmiem il-ġimgħa li ntuża wkoll sabiex ikun temm tentattiv li jintlaħaq ftehim.

161    Barra minn hekk, l-unika alternattiva allegata inqas vinkolanti proposta mir-rikorrenti, li tikkonsisti li l-ispezzjoni tinbeda wara d-data limitu ta’ konklużjoni tal-ftehimiet mal-fornituri, ma tistax titqies bħala tali.

162    Fil-fatt, għalkemm mingħajr dubju inqas vinkolanti għar-rikorrenti, dan il-posponiment tal-ispezzjoni ma jikkostitwixxix alternattiva vera għad-data ta’ spezzjoni stabbilita mid-deċiżjoni kkontestata. Kif spjegat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, id-data magħżula f’dan il-każ saret intenzjonalment, sabiex ikun hemm aċċess għall-massimu ta’ impjegati u diriġenti kkonċernati mill-ksur issuspettat, li l-preżenza tagħhom hija ggarantita kemm minħabba t-tmiem tal-leave skolastiku kif ukoll fuq kollox minħabba l-imminenza tad-data ta’ skadenza tal-1 ta’ Marzu għall-konklużjoni tal-ftehimiet kummerċjali msemmija iktar ’il fuq.

163    Minn dan jirriżulta li l-ilment dwar id-data tal-ispezzjoni magħżula għandu jiġi miċħud kif ukoll, konsegwentement, l-ilmenti kollha li jikkritikaw in-natura sproporzjonata tad-deċiżjoni kkontestata.

b)      Fuq iż-żamma ta’ indizji suffiċjentement serji mill-Kummissjoni

164    Għandu jitfakkar li l-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li tindika, fl-istadju tal-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, minbarra l-preżunzjonijiet ta’ ksur li hija għandha l-intenzjoni li tivverifika, l-indizji, jiġifieri l-elementi li jwassluha sabiex tipprevedi l-ipoteżi ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE, peress li tali obbligu jqiegħed f’dubju l-ekwilibriju li l-leġiżlatur u l-qorti tal-Unjoni kellhom l-intenzjoni li jistabbilixxu bejn iż-żamma tal-effikaċja tal-investigazzjoni u ż-żamma tad-drittijiet tad-difiża tal-impriża kkonċernata (ara l-punti 85 u 86 iktar ’il fuq).

165    Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li l-Kummissjoni ma għandhiex ikollha elementi li jwassluha tipprevedi l-ipoteżi ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni. Fil-fatt, għall-finijiet tar-rispett tad-dritt tal-impriżi spezzjonati għall-invjolabbiltà tad-domiċilju tagħhom, deċiżjoni ta’ spezzjoni għandha tkun intiża sabiex tiġbor id-dokumentazzjoni neċessarja sabiex tiġi vverifikata r-realtà u l-portata ta’ sitwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi speċifiċi li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni diġà għandha informazzjoni, li tikkonsisti f’indizji suffiċjentement serji li jippermettu li jiġi ssuspettat ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2014, Orange vs Il‑Kummissjoni, T‑402/13, EU:T:2014:991, punti 82 sa 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

166    Hija għalhekk il-qorti tal-Unjoni, għall-finijiet li tiżgura ruħha li d-deċiżjoni ta’ spezzjoni ma għandhiex natura arbitrarja, jiġifieri li hija ma ġietx adottata fl-assenza ta’ kwalunkwe ċirkustanza ta’ fatt u ta’ liġi li tista’ tiġġustifika ispezzjoni, li tivverifika jekk il-Kummissjoni kellhiex indizji suffiċjentement serji li jippermettu li jiġi ssuspettat ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni mill-impriża kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 2012, Nexans France u Nexans vs Il‑Kummissjoni, T‑135/09, EU:T:2012:596, punt 43, u tal-20 ta’ Ġunju 2018, České dráhy vs Il‑Kummissjoni, T‑325/16, EU:T:2018:368, punt 48).

167    F’dan il-każ, ir-rikorrenti jqisu li ċerti differenzi bejn il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata u s-suġġett tal-ispezzjoni effettivament imwettqa jippermettu li jiġi dedott li l-Kummissjoni ma kellhiex, fil-mument tal-imsemmija deċiżjoni, indizji suffiċjentement serji sabiex tissuspetta l-eżistenza ta’ mill-inqas uħud mill-ksur imsemmi fiha. Issa, ir-rekwiżit ta’ protezzjoni kontra interventi arbitrarji tal-awtorità pubblika fl-isfera ta’ attività privata jipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tordna spezzjoni jekk hija ma kellhiex indizji serji li jippermettu li jiġi ssuspettat ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u hija l-Qorti Ġenerali li għandha tiżgura ruħha b’mod konkret li l-Kummissjoni kellha tali indizji.

168    Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat liema kienu l-indizji miżmuma mill-Kummissjoni u li abbażi tagħhom hija ordnat l-ispezzjoni kontenzjuża, qabel ma pproċediet għall-evalwazzjoni tan-natura suffiċjentement serja tagħhom sabiex jiġi ssuspettat il-ksur inkwistjoni u tiġġustifika legalment l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

1)      Fuq id-determinazzjoni tal-indizji fil-pussess tal-Kummissjoni

169    Għandu jiġi ppreċiżat li, bħala tweġiba għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottati mill-Qorti Ġenerali fit‑3 ta’ Diċembru 2018 kif ukoll fit‑13 ta’ Mejju u fil‑25 ta’ Settembru 2019, sabiex jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni kellhiex indizji suffiċjentement serji li jiġġustifikaw l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, din ipproduċiet, fl‑10 ta’ Jannar, fil‑5 ta’ Ġunju u fit‑18 ta’ Ottubru 2019, id-dokumenti li ġejjin:

–        minuti ta’ intervisti li hija żammet fl-2016 u fl-2017 ma’ tlettax‑il fornitur ta’ prodotti tal-konsum ta’ kuljum ikkonċernati li jikkonkludu regolarment ftehimiet ma’ Casino u ma’ Intermarché (Annessi Q.1 sa Q.13 tat-tweġiba tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Jannar 2019; iktar ’il quddiem il-“minuti”);

–        korrispondenza ta’ posta elettronika intiża sabiex jiġu stabbiliti d-dati tal-intervisti kkonċernati u li jinkludu l-kwestjonarju tal-Kummissjoni li serva bħala bażi għal dawn l-intervisti (Annessi R.1 sa R.14 tat-tweġiba tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Ġunju 2019);

–        posta elettronika tat-22 ta’ Novembru 2016 mingħand direttur ġenerali ta’ assoċjazzjoni ta’ fornituri, li tintraċċa l-movimenti u r-relazzjonijiet bejn il-marki tad-distribuzzjoni wiesgħa fi ħdan b’mod partikolari assoċjazzjonijiet ta’ distributuri kbar, ċirkustanzi li huma “ta’ natura li jnaqqsu l-livell ta’ inċertezza li jipprevali […] bejn ċerti atturi tad-distribuzzjoni” (Anness Q.14 tat-tweġiba tal-Kummissjoni tal‑10 ta’ Jannar 2019, kif ikkompletata mit-tweġibiet tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Ġunju u tat-18 ta’ Ottubru 2019; iktar ’il quddiem l-“ittra tad-direttur tal-assoċjazzjoni N”), akkumpanjata minn diversi annessi, jiġifieri preżentazzjoni skematika tal-parteċipanti u tal-iżvolġiment tal-“ftehim Intermarché” tal‑21 ta’ Settembru 2016 (iktar ’il quddiem il-“ftehim Intermarché” jew il-“ftehim”) (Anness Q.15 tat-tweġiba tal-Kummissjoni tal‑10 ta’ Jannar 2019), tabella li tiġbor it-trasferimenti ta’ marki bejn alleanzi internazzjonali flimkien ma’ diversi tabelli li jindikaw għal kull alleanza internazzjonali s-sorsi potenzjali ta’ informazzjoni li jistgħu jirriżultaw mit-trasferimenti ta’ kollaboraturi, minn trasferimenti ta’ marki jew minn ftehimiet lokali bejn marki membri ta’ alleanzi differenti (Anness Q.16 tat-tweġiba tal-Kummissjoni tal‑10 ta’ Jannar 2019), artikolu tal-istampa ta’ Ottubru 2016 li jirriproduċi l-proposti ta’ direttur ta’ marka (Anness Q.17 tat-tweġiba tal-Kummissjoni tal‑10 ta’ Jannar 2019) u tabella li tintraċċa l-movimenti tal-persunal bejn il-marki (Anness Q.18 tat-tweġiba tal-Kummissjoni tal‑10 ta’ Jannar 2019);

–        diversi tabelli li jirriproduċu s-siltiet rilevanti tad-dokumenti prodotti fl-anness tat-tweġiba tal-Kummissjoni tal‑10 ta’ Jannar 2019 sabiex jiġu ppreżentati b’mod sintetiku l-indizji dwar kull ksur issuspettat, jiġifieri:

–        l-iskambji bejn ICDC (Casino) u AgeCore (Intermarché) dwar it-tnaqqis fis-swieq tal-provvista u tal-prezzijiet tal-bejgħ ta’ servizzi lill-produtturi ta’ prodotti tad-ditta fil-livell Ewropew, b’mod partikolari fi Franza (iktar ’il quddiem l-“ewwel ksur”) (Artikolu 1(a) tad-deċiżjoni kkontestata; tabella 1 annessa mat-tweġiba tal-Kummissjoni tal‑5 ta’ Ġunju 2019),

–        l-iskambji bejn Casino u Intermarché dwar l-istrateġiji kummerċjali futuri fi Franza (iktar ’il quddiem it-“tieni ksur”) (Artikolu 1(b) tad-deċiżjoni kkontestata; tabella 2 annessa mat-tweġiba tal-Kummissjoni tal‑5 ta’ Ġunju 2019).

170    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppreżentat, fid‑19 ta’ Diċembru 2019, “tweġiba addizzjonali” għall-mistoqsija tal-Qorti Ġenerali tat‑13 ta’ Mejju 2019 (ara l-punt 19 iktar ’il fuq). Din it-tweġiba kienet tinkludi, minn naħa, nota interna tad-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni tas‑16 ta’ Diċembru 2016 li tirreferi għall-intervisti msemmija iktar ’il fuq mal-fornituri u suspetti ta’ ksur dedotti, li kien jikkonferma, skont il-Kummissjoni, li hija kellha indizji suffiċjentement serji li jippermettu li jiġi ssuspettat l-imsemmi ksur fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, u, min-naħa l-oħra, diversi dokumenti intiżi sabiex tiġi stabbilita d-data ta’ finalizzazzjoni tal-minuti. Ir-rikorrenti jikkunsidraw li din it-tweġiba addizzjonali, prodotta mingħajr ġustifikazzjoni mill-Kummissjoni wara l-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, hija tardiva u, konsegwentement, inammissibbli.

171    Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 85(1) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-provi għandhom jiġu ppreżentati fil-kuntest tal-ewwel skambju ta’ noti, peress li l-partijiet prinċipali jistgħu wkoll, eċċezzjonalment, jipproduċu provi qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura, bil-kundizzjoni li d-dewmien fil-preżentazzjoni tagħhom ikun iġġustifikat.

172    Ċertament, tali ġustifikazzjoni tal-preżentazzjoni tardiva tal-provi wara l-ewwel skambju ta’ noti ma tistax tkun meħtieġa meta dawn jiġu prodotti bħala tweġiba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fit-terminu meħtieġ għal din it-tweġiba (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 2018, OY vs Il‑Kummissjoni, T‑605/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:687, punti 31, 34 u 35, u tal-24 ta’ Ottubru 2018, Epsilon International vs Il‑Kummissjoni, T‑477/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:714, punt 57).

173    Madankollu, fl-ipoteżijiet fejn il-prova prodotta ma tissodisfax it-talba tal-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ April 2018, Alcogroup u Alcodis vs Il‑Kummissjoni, T‑274/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:179, punti 49, 50, 54 u 55, u tas-7 ta’ Frar 2019, RK vs Il‑Kunsill, T‑11/17, EU:T:2019:65, punt 54) jew tissodisfa wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tweġiba stabbilit mill-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura (sentenza tad-9 ta’ April 2019, Close u Cegelec vs Il‑Parlament, T‑259/15, mhux ippubblikata, li qiegħda tiġi appellata, EU:T:2019:229, punt 34), l-obbligu ta’ ġustifikazzjoni tat-tardività għandu jiġi applikat.

174    Issa, f’dan il-każ, minkejja li għandu jiġi kkunsidrat, kif tafferma l-Kummissjoni, li t-tweġiba addizzjonali tagħha tad‑19 ta’ Diċembru 2019 kienet intiża sabiex tikkompleta dik tal‑5 ta’ Ġunju 2019 u mhux dik tal‑10 ta’ Jannar 2019, li kienet diġà tissodisfa talba tal-Qorti Ġenerali li tipproduċi l-indizji li ġġustifikaw l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat li din it-tweġiba addizzjonali ġiet ippreżentata iktar minn sitt xhur wara l-iskadenza tat-terminu mogħti mill-Qorti Ġenerali fl-organizzazzjoni tal-proċedura tagħha tat‑13 ta’ Mejju 2019, li kienet tiskadi fil‑5 ta’ Ġunju 2019.

175    Minn dan isegwi li kienet il-Kummissjoni li kellha tiġġustifika l-produzzjoni tardiva tad-dokumenti annessi mat-tweġiba addizzjonali tagħha tad‑19 ta’ Diċembru 2019 u li n-neċessità ta’ tali ġustifikazzjoni f’dan il-każ ma tistax tiġi kkontestata mill-ġurisprudenza ċċitata mill-Kummissjoni waqt is-seduta.

176    Fil-fatt, fis-sentenzi ċċitati, kienu kkonċernati kemm dokumenti prodotti fit-terminu stabbilit mill-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li, għaldaqstant, ma ġewx ippreżentati tardivament (sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 2018, Epsilon International vs Il‑Kummissjoni, T‑477/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:714, punti 35 u 57; tal‑5 ta’ Marzu 2019, Pethke vs EUIPO, T‑169/17, mhux ippubblikata, li qiegħda tiġi appellata, EU:T:2019:135, punti 26, 36 u 40; u tat‑28 ta’ Marzu 2019, Pometon vs Il‑Kummissjoni, T‑433/16, li qiegħda tiġi appellata, EU:T:2019:201, punti 27, 28 u 328), kemm dokumenti ppreżentati spontanjament billi tiġi debitament iġġustifikata l-preżentata tardiva tagħhom (sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2018, Epsilon International vs Il‑Kummissjoni, T‑477/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:714, punti 32 u 58).

177    Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma pprovdiet ebda ġustifikazzjoni għat-tardività tal-preżentata tat-tweġiba addizzjonali tagħha tad‑19 ta’ Diċembru 2019, u llimitat ruħha li tippreżenta f’dan id-dokument l-iskużi tagħha lill-Qorti Ġenerali għall-inkonvenjenzi li din il-preżentata tista’ tikkawża. Barra minn hekk, anki jekk jitqies li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġustifikazzjoni mressqa waqt is-seduta bħala tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, li tgħid li t-tardività tal-preżentata hija dovuta għal funzjonament ħażin intern tal-Kummissjoni, tali ġustifikazzjoni ma tistax validament isservi bħala bażi għall-ammissibbiltà tat-tweġiba addizzjonali inkwistjoni. Fil-fatt, tali allegazzjoni, li tirreferi għal diffikultajiet purament interni, ma tikkorrispondix għal ċirkustanzi eċċezzjonali ta’ natura li jippermettu l-produzzjoni ta’ provi fit-tmiem it-tieni skambju ta’ noti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2017, Biogena Naturprodukte vs EUIPO (ZUM wohl), T‑236/16, EU:T:2017:416, punt 19) u barra minn hekk ma huwiex ipprovat permezz ta’ provi li l-Kummissjoni kienet ipproduċiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, HX vs Il‑Kunsill, C‑540/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:707, punti 66 u 67). Minbarra dan, id-data tad-dokument prinċipali prodott fid‑19 ta’ Diċembru 2019, jiġifieri n-nota interna tal-Kummissjoni tas‑16 ta’ Diċembru 2016 (ara l-punt 170 iktar ’il fuq), tindika li din żammitu anki qabel l-introduzzjoni tal-istanza u li hija kienet fil-pożizzjoni li tipproduċih qabel l-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, fit-termini stabbiliti għall-preżentata tan-noti tagħha, u a fortiori bħala tweġiba għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura sussegwenti. Barra minn hekk, għalkemm ir-rikorrenti tqiegħdu fil-pożizzjoni mill-Qorti Ġenerali li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar it-tweġiba addizzjonali tal-Kummissjoni tad‑19 ta’ Diċembru 2019, b’mod partikolari dwar l-ammissibbiltà tagħha, bil-miktub u waqt is-seduta, konformement mal-prinċipju tan-natura kontradittorja tal-proċedura, din iċ-ċirkustanza ma tistax teżenta lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li tippreżenta l-elementi insostenn tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fil-kundizzjonijiet stabbiliti mir-regoli tal-proċedura.

178    Jista’ jingħad ukoll, anki jekk il-Kummissjoni ma invokatx dan, li d-dokumenti annessi mat-tweġiba addizzjonali tad‑19 ta’ Diċembru 2019 ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala provi kuntrarji mhux previsti mir-regola ta’ dekadenza tal-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura (digrieti tal‑21 ta’ Marzu 2019, Troszczynski vs Il‑Parlament, C‑462/18 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:239, punt 39, u tal‑21 ta’ Mejju 2019, Le Pen vs Il‑Parlament, C‑525/18 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:435, punt 48). Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali tat l-opportunità lill-Kummissjoni, permezz tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tagħha tat‑13 ta’ Mejju u tal‑25 ta’ Settembru 2019, li twieġeb għall-oġġezzjonijiet magħmula mir-rikorrenti fir-rigward taż-żamma ta’ indizji li jiġġustifikaw l-ispezzjoni kontenzjuża, fatt li l-Kummissjoni setgħet, għaldaqstant, tagħmel permezz tat-tweġibiet tagħha tal‑5 ta’ Ġunju u tat‑18 ta’ Ottubru 2019, u dan peress li d-dokument prinċipali prodott fid‑19 ta’ Diċembru 2019 kellu bħala data s-16 ta’ Diċembru 2016 (ara l-punt 177 iktar ’il fuq).

179    It-tweġiba addizzjonali tal-Kummissjoni tad‑19 ta’ Diċembru 2019 għandha, konsegwentement, tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

180    Minn dan jirriżulta li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura suffiċjentement serja tal-indizji li ġġustifikaw l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss dawk esposti fil-punt 169 iktar ’il fuq.

2)      Fuq l-evalwazzjoni tan-natura suffiċjentement serja tal-indizji fil-pussess tal-Kummissjoni

181    Mistiedna sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-indizji prodotti mill-Kummissjoni fuq it-talba tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti sostnew li d-dokumenti inkwistjoni kienu vvizzjati minn irregolaritajiet formali serji, marbuta b’mod partikolari mal-assenza ta’ reġistrazzjoni tal-intervisti li taw lok għall-minuti prodotti u mal-assenza ta’ stabbiliment tad-data tal-imsemmija minuti. Huma jikkontestaw, f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza invokata mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha li d-data rilevanti għall-evalwazzjoni tal-pussess ta’ indizji għall-ksur issuspettat hija dik tal-intervisti mad-diversi fornituri, u mhux dik li fiha hija stabbilixxiet il-minuti ta’ dawn l-intervisti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jqisu li l-indizji prodotti, relatati mal-ftehim Intermarché organizzat minn Intermarché lejn il-fornituri tagħha, ma ġġustifikawx spezzjoni fir-rigward tal-allegati skambji nazzjonali ta’ informazzjoni li jikkonċernaw l-istrateġiji kummerċjali futuri, b’tali mod li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata għall-inqas sa fejn tirrigwarda t-tieni ksur preżunt. Huma jżidu li l-adozzjoni mill-Kummissjoni, fit-13 ta’ Mejju 2019, ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni ġdida tas-siti tagħhom, li tirrigwarda preċiżament dawn l-iskambji nazzjonali ta’ informazzjoni, tiżvela li l-Kummissjoni ma kellhiex indizji suffiċjentement serji sabiex tissuspetta l-eżistenza tal-imsemmija skambji.

182    Għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel nett, li l-evalwazzjoni tan-natura suffiċjentement serja ta’ indizji għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni għandha titwettaq billi tittieħed inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li d-deċiżjoni ta’ spezzjoni tifforma parti mill-kuntest tal-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, li hija intiża li tippermetti lill-Kummissjoni tiġbor l-elementi rilevanti kollha li jikkonfermaw jew le l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u li tieħu pożizzjoni inizjali fuq l-orjentament kif ukoll fuq kif il-proċedura għandha tkompli.

183    Għaldaqstant, f’dan l-istadju ma jistax jiġi mistenni mill-Kummissjoni, qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni, li hija tkun fil-pussess ta’ elementi li juru l-eżistenza ta’ ksur. Tali livell ta’ prova huwa meħtieġ fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil impriża ssuspettata li wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u għad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li fihom hija tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur u timponi multi. Min-naħa l-oħra, sabiex tadotta deċiżjoni ta’ spezzjoni skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni jkollha elementi u indizji materjali serji li jwassluha sabiex tissuspetta l-eżistenza ta’ ksur (sentenzi tad‑29 ta’ Frar 2016, EGL et vs Il‑Kummissjoni, T‑251/12, mhux ippubblikata, EU:T:2016:114, punt 149, u tal-20 ta’ Ġunju 2018, České dráhy vs Il‑Kummissjoni, T‑325/16, EU:T:2018:368, punt 66). Għandhom għalhekk jiġu distinti, minn naħa, il-provi ta’ ksur u, min-naħa l-oħra, l-indizji ta’ natura li jqajmu suspett raġonevoli fir-rigward tas-seħħ ta’ preżunzjonijiet ta’ ksur (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2014, Cementos Portland Valderrivas vs Il‑Kummissjoni, T‑296/11, EU:T:2014:121, punt 43) jew, skont terminoloġija oħra wkoll aċċettata mill-ġurisprudenza, li jistgħu joħolqu bidu ta’ suspett li jirrigwarda aġir antikompetittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Frar 2016, EGL et vs Il‑Kummissjoni, T‑251/12, mhux ippubblikata, EU:T:2016:114, punti 153 u 155).

184    Konsegwentement, għandu jiġi vverifikat f’dan il-każ jekk, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kellhiex tali indizji serji li setgħu joħolqu suspett ta’ ksur. F’dan il-kuntest ma huwiex meħtieġ l-eżami taż-żamma ta’ provi ta’ natura li jistabbilixxu l-eżistenza tal-ksur ikkonċernat.

185    Din id-distinzjoni għandha konsegwenzi fuq ir-rekwiżiti dwar il-forma, dwar l-awtur u dwar il-kontenut tal-indizji li jiġġustifikaw id-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni, li kollha huma kkunsidrati mir-rikorrenti bħala li ma ġewx osservati f’dan il-każ.

i)      Fuq il-forma tal-indizji li ġġustifikaw id-deċiżjoni kkontestata

186    Mid-distinzjoni bejn provi ta’ ksur u indizji li fuqhom hija bbażata deċiżjoni ta’ spezzjoni jirriżulta li dawn tal-aħħar ma jistgħux jiġu suġġetti għall-istess livell ta’ formaliżmu bħal dak marbut b’mod partikolari mal-osservanza tar-regoli imposti mir-Regolament Nru 1/2003 u mill-ġurisprudenza mogħtija abbażi tiegħu fir-rigward tas-setgħat ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Jekk l-istess formaliżmu kien meħtieġ għall-ġbir ta’ indizji qabel ispezzjoni u l-ġbir tal-provi ta’ ksur, dan jimplika fil-fatt li l-Kummissjoni għandha tosserva regoli li jirregolaw is-setgħat ta’ investigazzjoni tagħha filwaqt li ebda investigazzjoni fis-sens tal-Kapitolu V tar-Regolament Nru 1/2003 ma għadha ġiet formalment miftuħa u li l-Kummissjoni għadha ma għamlitx użu mis-setgħat ta’ investigazzjoni mogħtija lilha b’mod partikolari mill-Artikoli 18 sa 20 tar-Regolament Nru 1/2003, jiġifieri ma adottatx miżura li timplika l-kritika li wettqet ksur, b’mod partikolari deċiżjoni ta’ spezzjoni.

187    Din id-definizzjoni tal-punt ta’ tluq ta’ investigazzjoni u tal-fażi ta’ investigazzjoni preliminari tirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita mfakkra fil-punt 88 iktar ’il fuq, li ġiet ukoll ikkonfermata reċentement (sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2018, The Goldman Sachs Group vs Il‑Kummissjoni, T‑419/14, li qiegħda tiġi appellata, EU:T:2018:445, punt 241), iżda diġà stabbilita preċedentement minn sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 182, u tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied/Commission, C‑105/04 P, EU:C:2006:592, punt 38), bħall-Qorti Ġenerali (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2011, Heineken Nederland u Heineken vs Il‑Kummissjoni, T‑240/07, EU:T:2011:284, punt 288), fejn uħud ibbażaw ruħhom fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB.

188    Għalhekk ġew ikkunsidrati bħala li jistgħu, fil-prinċipju, jikkostitwixxu indizji li jiġġustifikaw validament bħala spezzjoni denunzja magħmula fil-kuntest ta’ lment bil-miktub (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2018, České dráhy vs Il‑Kummissjoni, T‑325/16, EU:T:2018:368, punt 95), li tista’ twassal għall-ftuħ ta’ investigazzjoni mill-Kummissjoni anki jekk ma tissodisfax il-kundizzjonijiet previsti għall-ilmenti fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (paragrafu 4 tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-trattament mill-Kummissjoni tal-ilmenti mressqa skont l-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU 2004, C 101, p. 65)), kif ukoll denunzja orali fil-kuntest ta’ talba għal klemenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2012, Nexans France u Nexans vs Il‑Kummissjoni, T‑135/09, EU:T:2012:596, punt 74).

189    Bl-istess mod, f’dan il-każ, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tosserva r-rekwiżiti imposti mill-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 u mill-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas‑7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu [101] sa [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81), kif interpretati mis-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632), u għalhekk ma kellhiex l-obbligu li tirreġistra l-intervisti mal-fornituri li taw lok għall-minuti skont il-modalitajiet stabbiliti minn dawn id-dispożizzjonijiet (ara l-ewwel inċiż tal-punt 169 iktar ’il fuq).

190    Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003, li jaqa’ taħt il-Kapitolu V tal-imsemmi regolament, intitolat “Poteri ta’ l-Investigazzjoni”, “[s]abiex tagħmel id-doveri assenjati lilha min dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ tintervista kwalunkwe persuna naturali jew legali li jagħti l-kunsens li jiġi intervistat għall-għan li jinġabar informazzjoni relata mas-suġġett ta’ l-investigazzjoni”.

191    L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004 jipprevedi:

“1.      Fejn il-Kummissjoni tintervista persuna bil-kunsens tagħha skond l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, hija għandha, fil-bidu ta’ l-intervista, tiddikjara l-bażi legali u l-għan ta’ l-intervista, u tfakkar in-natura volontarja tagħha. Hija għandha wkoll tgħarraf lill-persuna intervistata bl-intenzjoni tagħha li tirrekordja (tirreġistra) l-intervista.

2. L-intervista tista’ ssir b’kull mezz inkluż telefon jew mezzi elletroniċi.

3. Il-Kummissjoni tista’ tirrekordja d-dikjarazzjonijiet magħmulin mill-persuni intervistati b’kull għamla. Kopja ta’ reġistrazzjoni/rekord għandha tintgħamel disponibbli lill-persuna intervistata għal approvazzjoni. Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi skeda ta’ żmien li fiha l-persuna intervistata tista’ tikkomunikalha kull korrezzjoni li għandha ssir lid-dikjarazzjoni.”

192    Minn dawn id-dispożizzjonijiet u mis-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punti 84 sa 91), jirriżulta ċertament li hija l-Kummissjoni li għandha l-obbligu li tirreġistra, fil-forma tal-għażla tagħha, kull intervista mwettqa minnha, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, għall-finijiet li tiġbor informazzjoni dwar is-suġġett ta’ investigazzjoni min-naħa tagħha, mingħajr ma hemm lok li ssir distinzjoni bejn intervisti formali u intervisti informali li ma jaqgħux taħt dan l-obbligu.

193    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li dan l-obbligu ma huwiex impost fir-rigward ta’ intervisti mwettqa qabel il-ftuħ ta’ investigazzjoni mill-Kummissjoni, li tista’ b’mod partikolari tkun ikkaratterizzata mill-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni.

194    Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mit-termini stess tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, l-intervisti kkonċernati huma dawk li jirreferu għal li “jinġabar informazzjoni relata[ta] mas-suġġett ta’ l-investigazzjoni”, li bħala definizzjoni għandha tkun ġiet miftuħa u li l-għan tagħha għandu jkun ġie stabbilit qabel ma jsiru dawn l-intervisti (ara wkoll, f’dan is-sens, il-manwal tal-proċedura fil-qasam ta’ politika tal-kompetizzjoni tad-Direttorat Ġenerali “Kompetizzjoni” tal-Kummissjoni, paragrafi 4, 5 u 22 tal-Kapitolu 8),

195    Bl-istess mod, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632), l-intervista li fir-rigward tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li kien japplika l-obbligu ta’ reġistrazzjoni, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004, kienet seħħet wara l-ftuħ ta’ investigazzjoni kkaratterizzata mill-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ spezzjoni (sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Intel vs Il‑Kummissjoni, T‑286/09, EU:T:2014:547, punti 4 sa 6). Għaldaqstant, minn dan ma jistax jiġi dedott li dan l-obbligu ta’ reġistrazzjoni japplika wkoll għal intervisti qabel il-ftuħ ta’ investigazzjoni.

196    Din il-limitazzjoni tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni għall-intervisti li jseħħu fil-kuntest ta’ investigazzjoni tirriżulta wkoll mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Intel Corporation vs Il‑Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2016:788, punti 232 u 233). L-Avukat Ġenerali Wahl qies li ma jirriżultax mill-preskrizzjoni permezz tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004 tar-reġistrazzjoni tal-informazzjoni miġbura waqt intervisti dwar is-suġġett ta’ investigazzjoni li l-Kummissjoni qatt ma kienet f’pożizzjoni li tagħmel kuntatti informali ma’ terzi. F’dan ir-rigward, huwa bbaża ruħu fuq il-formulazzjoni ċara tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 stess sabiex jikkunsidra li huma biss il-proposti relatati mas-suġġett ta’ investigazzjoni li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u li l-Kummissjoni ma kienet marbuta b’ebda obbligu li tirreġistra l-proposti li hija skambjat mat-terzi meta dawn ma kinux jikkonċernaw is-suġġett ta’ investigazzjoni partikolari.

197    Kieku kien mod ieħor, kienet tiġi serjament ippreġudikata l-iskoperta tal-prattiki li jikkostitwixxu ksur mill-Kummissjoni u l-implimentazzjoni tas-setgħat ta’ investigazzjoni tagħha għal dan il-għan. Il-Kummissjoni għalhekk enfasizzat, waqt is-seduta, l-effetti potenzjali dissważivi li jista’ jkollha intervista formali, kif previst mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004, fuq it-tendenza ta’ xhieda li jipprovdu informazzjoni u li jiddenunzjaw ksur, filwaqt li ppreċiżat li tali informazzjoni tirrappreżenta parti importanti mill-indizji li wasslu għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ investigazzjoni, bħal spezzjonijiet.

198    Issa, f’dan il-każ, l-intervisti mal-fornituri saru qabel il-ftuħ ta’ investigazzjoni skont ir-Regolament Nru 1/2003. Fir-rigward tal-kwestjonarju li abbażi tiegħu saru, billi staqsiet lill-fornituri dwar ir-relazzjonijiet tagħhom mal-alleanzi ta’ distributuri u, b’mod kompletament miftuħ, dwar l-għarfien tagħhom ta’ impatti possibbli ta’ dawn l-alleanzi fuq il-kompetizzjoni, ma jistax, fil-fatt, jitqies li dawn l-intervisti kienu jimplikaw, fir-rigward tar-rikorrenti u a fortiori fir-rigward tal-fornituri, xi kritika li twettaq ksur. L-Anness Q.12 tat-tweġiba tal-Kummissjoni tal‑10 ta’ Jannar 2019, iċċitat mir-rikorrenti waqt is-seduta, jikkonfermah barra minn hekk, peress li jsemmi l-ftuħ possibbli ta’ “investigazzjoni formali” wara intervisti u l-użu ta’ mezzi ta’ investigazzjoni previsti għal dan il-għan mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, jiġifieri, f’dan il-każ, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni li timmarka l-ftuħ f’dan il-każ ta’ din l-investigazzjoni. Isegwi li l-indizji li jirriżultaw minn dawn l-intervisti ma jistgħux jiġu skartati bħala vvizzjati b’irregolarità formali minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni previst mill-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 u mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004. Għaldaqstant, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li l-minuti jikkostitwixxu reġistrazzjonijiet konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet.

199    Barra minn hekk, minn dan jirriżulta li ma jistax jintlaqa’ l-argument imressaq mir-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni ma kellhiex, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-indizji li jirriżultaw mill-intervisti tagħha mat-tlettax‑il fornitur, peress li ma stabbilixxietx id-data tal-minuti tal-imsemmija intervisti.

200    Fil-fatt, kif jirriżulta minn dak li ntqal u kif tenfasizza b’mod rilevanti l-Kummissjoni, id-data rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni taż-żamma ta’ indizji fid-data tad-deċiżjoni kkontestata hija dik tal-intervisti mal-fornituri li kienu s-suġġett tal-minuti. Huwa f’din id-data li l-informazzjoni traskritta mill-ġdid sussegwentement fil-minuti ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni u li din tal-aħħar setgħet titqies bħala d-detentriċi tagħha. Il-minuti redatti sussegwentement, anki jekk jippermettu li jiġi ddeterminat il-kontenut tal-intervisti mal-fornituri u għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward, ma humiex id-dokumenti li jippermettu li tiġi stabbilita d-data li fiha l-Kummissjoni kellha l-indizji li jirriżultaw mill-intervisti. Fi kliem ieħor, l-intervisti mal-fornituri ma sarux “indizji” għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni mill-mument meta kienu s-suġġett tal-minuti tal-Kummissjoni, iżda kienu “indizji” għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni mid-data li fiha seħħew.

201    F’dan ir-rigward, huwa rilevanti li hawnhekk titfakkar, bħal ma għamlet il-Kummissjoni, il-ġurisprudenza ċerta mogħtija fil-kuntest speċifiku tal-proċeduri ta’ klemenza, iżda li l-portata tagħha tmur lil hinn minn dan il-kuntest, fid-dawl tan-natura ġenerali tal-kunċett interpretat, dak tal-“pussess” ta’ provi, u tal-interpretazzjoni loġika, raġonevoli u ta’ effett utli li ġiet adottata. Skont din il-ġurisprudenza, fil-fatt, il-pussess mill-Kummissjoni ta’ prova huwa ekwivalenti għall-għarfien tal-kontenut tagħha (sentenzi tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Repsol Lubricantes y Especialidades et vs Il‑Kummissjoni, C‑617/13 P, EU:C:2016:416, punt 72, u tat‑23 ta’ Mejju 2019, Recylex et vs Il‑Kummissjoni, T‑222/17, li qiegħda tiġi appellata, EU:T:2019:356, punt 87 (mhux ippubblikata); ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2014, Alstom Grid vs Il‑Kummissjoni, T‑521/09, EU:T:2014:1000, punti 77 sa 83). B’hekk, f’dan il-każ u b’analoġija, l-intervisti tal-Kummissjoni mat-tlettax‑il fornitur jistgħu jitqiesu bħala li jimplikaw l-għarfien tal-informazzjoni kkomunikata waqt dawn l-intervisti u ż-żamma tal-informazzjoni inkwistjoni fid-data tal-imsemmija intervisti.

202    Kieku kien mod ieħor, dan iwassal sabiex jiġi kkunsidrat li l-indizji li jistgħu jiġġustifikaw spezzjonijiet ma jistgħux ikollhom unikament forma orali, filwaqt li obbligu ta’ traskrizzjoni formali mhux biss ma huwiex meħtieġ f’dan l-istadju mid-dispożizzjonijiet rilevanti (ara l-punti 193 sa 198 iktar ’il fuq), iżda minbarra dan jista’ jikkomprometti l-effikaċja tal-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni billi din tal-aħħar tiġi obbligata tirreferi għall-proċedura ta’ reġistrazzjoni prevista mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004 (informazzjoni preliminari, stabbilita minn proċedura ta’ reġistrazzjoni, it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ kopja tar-reġistrazzjoni għal approvazzjoni, iffissar ta’ terminu ta’ approvazzjoni) u għalhekk sabiex iddewwem id-data tal-ispezzjoni, filwaqt li huwa primordjali li jiġu adottati malajr id-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni wara l-komunikazzjoni ta’informazzjoni fuq ksur potenzjali sabiex jiġu minimizzati r-riskji ta’ ħarba u ta’ ħabi ta’ provi (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni, C‑583/13 P, EU:C:2015:92, punti 61 u 62).

203    Għaldaqstant, jista’ jiġi konkluż li l-Kummissjoni validament ibbażat ruħha fuq id-dati tal-intervisti tagħha mat-tlettax‑il fornitur sabiex tistabbilixxi li hija kellha l-indizji li rriżultaw minn dawn l-intervisti fid-data tad-deċiżjoni kkontestata.

204    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, il-provi prodotti mill-Kummissjoni fl-anness tat-tweġiba tagħha tal‑5 ta’ Ġunju 2019 (Annessi R.1 sa R.13) effettivament jistabbilixxu li l-intervisti tagħha ma’ tlettax‑il fornitur seħħew qabel id‑9 ta’ Frar 2017, data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

205    Qabelxejn, dawn l-annessi jikkonfermaw it-teħid ta’ appuntament permezz ta’ posta elettronika għal intervisti f’dati qabel id‑9 ta’ Frar 2017, inkluż bejn l‑4 ta’ Ottubru 2016 u t‑8 ta’ Frar 2017.

206    Hija irrilevanti ċ-ċirkustanza li, għal tnejn mill-fornituri interrogati, l-aħħar skambju mal-Kummissjoni seħħ lejliet l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, id-data rilevanti hija dik tal-iskambji li, sa fejn seħħew fit‑8 ta’ Frar 2017, jibqgħu qabel id-data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li seħħet fid‑9 ta’ Frar 2017.

207    Fi kwalunkwe każ, anki jekk kellha tittieħed inkunsiderazzjoni d-data ta’ stabbiliment tal-minuti, ma jistax jiġi dedott mid-data ta’ dan l-aħħar skambju, kif jagħmlu r-rikorrenti, li l-Kummissjoni neċessarjament ifformulat il-minuti kollha wara d‑9 ta’ Frar 2017. Minn naħa, huma kkonċernati biss żewġ fornituri, u għalhekk żewġ minuti minn tlettax. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni indikat li fformulat il-minuti sabiex tissodisfa dak li hija qieset li huwa obbligu ta’ reġistrazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-fornituri skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004 (ara l-punt 198 iktar ’il fuq), li jsostni l-allegazzjoni tagħha li l-imsemmija minuti ġew ifformulati matul l-iskambji, jew fil-bidu ta’ dawn l-iskambji, fil-parti l-kbira fit-tmiem tas-sena 2016. Iż-żewġ minuti inkwistjoni kienu għalhekk ifformulati, tal-inqas parzjalment, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata u setgħu raġonevolment jitqiesu bħala li f’din id-data jinkludu l-essenzjal tal-informazzjoni li tinsab fil-verżjoni ffinalizzata tagħhom, peress li minn dawn il-minuti jirriżulta li l-aħħar skambju, tat‑8 ta’ Frar 2017, kien isegwi oħrajn u kien intiż sabiex jinkisbu xi preċiżazzjonijiet tal-aħħar. Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, ir-rekwiżit tal-ħeffa li jiggwida l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni sabiex jiġu mminimizzati r-riskji ta’ ħarba wara denunzji (ara l-punt 202 iktar ’il fuq).

208    Jista’ jingħad ukoll li, anki jekk kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-allegazzjoni u d-dokumenti ta’ sostenn ipprovduti mill-Kummissjoni, fit-tweġiba addizzjonali tagħha tad‑19 ta’ Diċembru 2019, sabiex jiġi stabbilit li l-minuti kienu ġew iffinalizzati – u mhux stabbiliti – bejn id-data tal-aħħar intervista u l‑21 ta’ Frar 2017, din il-finalizzazzjoni sussegwenti għad-data tad-deċiżjoni kkontestata ma tippermettix li jiġu kkontestati l-kunsiderazzjonijiet preċedenti. Fil-fatt, jista’ jiġi dedott min-nota interna tal-Kummissjoni tas‑16 ta’ Diċembru 2016, annessa ma’ din it-tweġiba addizzjonali, li tinkludi sinteżi ddettaljata ħafna tal-informazzjoni miġbura matul xi intervisti, li din kienet, sa minn din id-data, stabbilixxiet minuti diġà redatti sewwa, għalkemm mhux iffinalizzati.

209    Sussegwentement, il-provi prodotti f’dan il-każ sabiex tiġi stabbilita d-data li fiha ġew stabbiliti l-intervisti huma biżżejjed sabiex juru li l-intervisti inkwistjoni effettivament seħħew mat-tlettax‑il fornitur fid-dati stabbiliti. F’dan ir-rigward, ma tistax tiġi aċċettata l-allegazzjoni tar-rikorrenti, barra minn hekk bl-ebda mod sostnuta, li dawn il-provi lanqas ma jippermettu li jintwera li l-uffiċjali tal-Kummissjoni kienu kkomunikaw ma’ persuni esterni għall-Kummissjoni. Fil-fatt, din l-allegazzjoni hija b’mod ċar ikkontestata mid-dati indikati fid-djarji elettroniċi tal-uffiċjali kkonċernati tal-Kummissjoni (riprodotti fil-partijiet finali tal-Annessi R.1 sa R.13 tat-tweġiba tal-Kummissjoni tal‑5 ta’ Ġunju 2019) li jikkorrispondu għad-dati indikati fil-posta elettronika intiża sabiex jiġu stabbiliti dawn id-dati skambjati bejn il-Kummissjoni u interlokuturi esterni (riprodotti fil-partijiet inizjali tal-Annessi R.1 sa R.13), interlokuturi li l-kwalità tagħhom ta’ fornitur tirriżulta b’mod ċar mill-kwestjonarju mehmuż fl-anness ta’ din il-posta, intitolat “Mistoqsijiet dwar l-alleanzi ta’ xiri bejn persuni li jbiegħu bl-imnut lill-fornituri ta’ prodotti li jfornu lill-persuni li jbiegħu bl-imnut”.

210    Fl-aħħar nett u għall-istess raġunijiet, b’mod partikolari r-rabtiet evidenti bejn il-kwestjonarju msemmi iktar ’il fuq u l-elementi inklużi fil-minuti, jista’ jiġi kkunsidrat, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, li l-iskambji ffissati fil-posta elettronika huma tassew dawk li taw lok għall-minuti. Fil-fatt, il-minuti kollha jsegwu pjan li essenzjalment jinkludi l-istess subdiviżjonijiet (b’mod partikolari alleanzi li magħhom il-fornitur ikkonkluda ftehimiet u korrispettivi, skambji ta’ informazzjoni, trasferimenti tal-persunal), li jikkonferma li hija inkluża tal-inqas parti mit-tweġibiet għall-kwestjonarju (essenzjalment parti I, li tinkludi l-mistoqsijiet 1 sa 10, u parti III tal-kwestjonarju, li tiġbor il-mistoqsijiet 15 sa 18).

211    Għalhekk, minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni kellha, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, indizji sintetizzati fi ħdan minuti u li dawn tal-aħħar setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-analiżi taż-żamma mill-Kummissjoni ta’ indizji suffiċjentement serji, mingħajr ma hemm lok li jiġu ddeterminati b’mod preċiż id-dati tal-ħolqien u tal-finalizzazzjoni tal-minuti.

212    Minn dan isegwi li għandhom jiġu miċħuda l-kritiki formali kollha li jikkontestaw l-indizji ppreżentati mill-Kummissjoni.

ii)    Fuq l-awturi tal-indizji li ġġustifikaw id-deċiżjoni kkontestata

213    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita dwar l-evalwazzjoni tal-provi ta’ ksur, l-uniku kriterju rilevanti biex jiġu evalwati dawn il-provi jinsab fil-kredibbiltà tagħhom, filwaqt li huwa ppreċiżat li l-kredibbiltà u, għaldaqstant, il-valur probatorju ta’ dokument jiddependu mill-oriġini tiegħu, miċ-ċirkustanzi tat-tfassil tiegħu, mid-destinatarju u min-natura sensittiva u affidabbli tal-kontenut tiegħu, u li għandha, b’mod partikolari, tingħata importanza kbira għaċ-ċirkustanza li dokument ġie stabbilit b’rabta immedjata mal-fatti jew permezz ta’ xhud dirett ta’ dawn il-fatti (ara s-sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 2012, Coats Holdings vs Il‑Kummissjoni, T‑439/07, EU:T:2012:320, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-8 ta’ Settembru 2016, Goldfish et vs Il‑Kummissjoni, T‑54/14, EU:T:2016:455, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

214    L-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-provi ta’ ksur għall-indizji li jiġġustifikaw spezzjoni ma tistax twassal sabiex tiġi eskluża n-natura ta’ indizju suffiċjentement serju mill-indizji kollha li ma jirriżultawx direttament mill-impriżi spezzjonati. Dan jipprekludi li dikjarazzjonijiet jew dokumenti li joriġinaw minn terzi jiġu kklassifikati bħala indizji suffiċjentement serji u, b’dan il-mod, il-Kummissjoni tiġi mċaħħda mill-essenzjal tal-possibbiltajiet tagħha li twettaq spezzjonijiet.

215    Fil-fatt, għalkemm il-provi tal-ksur huma ta’ spiss provi diretti li joriġinaw mill-impriżi awturi ta’ dan il-ksur, l-indizji li jippermettu li jiġi ssuspettat ksur jirriżultaw b’mod ġenerali minn terzi għall-ksur, kemm jekk ikunu impriżi kompetituri jew vittmi ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur jew entitajiet pubbliċi jew privati mingħajr ebda rabta ma’ dan l-aġir, bħal esperti jew awtoritajiet tal-kompetizzjoni.

216    Għalhekk, f’dan il-każ, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, iċ-ċirkustanza li l-minuti ġew stabbiliti mill-Kummissjoni li tiddeċiedi dwar l-azzjoni u s-sanzjoni possibbli fil-konfront tagħhom ma hijiex biżżejjed fiha nnifisha sabiex jiġi miċħud lilhom kwalunkwe valur probatorju fl-evalwazzjoni taż-żamma mill-Kummissjoni ta’ indizji suffiċjentement serji.

217    Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-minuti huma intiżi li jimmaterjalizzaw u għalhekk li jistabbilixxu l-informazzjoni kkomunikata mill-fornituri lill-Kummissjoni (ara l-punt 200 iktar ’il fuq). Issa, din l-informazzjoni, li waħedha tikkostitwixxi l-indizji hekk imsejħa li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata, ma tirriżultax mill-Kummissjoni, iżda minn fornituri li għandhom relazzjonijiet kummerċjali diretti mar-rikorrenti. Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li l-fornituri għandhom relazzjonijiet kummerċjali mar-rikorrenti u jistgħu għalhekk isofru direttament mill-aġir li jikkostitwixxi ksur issuspettat ta’ dawn tal-aħħar. Għaldaqstant huma jista’ jkollhom interess li r-rikorrenti jiġu ssanzjonati. Madankollu, preċiżament minħabba relazzjonijiet kummerċjali li għandhom mar-rikorrenti, huma għandhom, b’differenza minn sempliċi kompetituri tal-awturi tal-ksur, għarfien dirett tal-effetti, jekk ikun il-każ, attribwibbli għal dan l-aġir li jikkostitwixxi ksur possibbli. Għalhekk, il-prudenza meħtieġa mill-ġurisprudenza fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-denunzji ta’ impriżi fir-rigward ta’ impriżi oħra meta dawn tal-ewwel ikollhom interess li dawn tal-aħħar jiġu ssanzjonati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2011, Mitsubishi Electric vs Il‑Kummissjoni, T‑133/07, EU:T:2011:345, punt 88) ma tistax japplika kompletament għad-dikjarazzjonijiet tal-fornituri, b’mod partikolari meta, f’dan il-każ, dawn tal-aħħar jirreferu għal informazzjoni fattwali preċiża li tirriżulta minn relazzjonijiet kummerċjali li għandhom mal-awturi preżunti tal-ksur.

218    Barra minn hekk, fir-rigward tal-valur probatorju tal-minuti stabbiliti mill-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li dan ma huwiex ikkontestat bl-uniku argument imressaq mir-rikorrenti sabiex jikkontestawh, ibbażat fuq il-preżentazzjoni standardizzata ta’ ċerti siltiet tal-minuti, li turi li l-Kummissjoni ma adottatx b’mod fidil id-dikjarazzjonijiet tal-fornituri differenti. Kif isostnu r-rikorrenti, is-silta dwar id-data u l-parteċipanti fil-ftehim Intermarché kif ukoll il-konsegwenza ta’ din il-parteċipazzjoni, jiġifieri l-għarfien mill-parteċipanti ta’ ċerti għanijiet kummerċjali ta’ Intermarché, huma ċertament identiċi f’erba’ minuti (Annessi Q.4, Q.5, Q.7 u Q.8 tat-tweġiba tal-Kummissjoni tal‑10 ta’ Jannar 2019). Madankollu, tali identiċità, sa fejn tikkaratterizza biss erba’ minuti mit-tlettax‑il minuta kkomunikati u li tirrigwarda informazzjoni li setgħet ġiet ikkomunikata bħala tweġiba għall-kwestjonarju u li tiġi deskritta bl-istess mod, ma tippermettix li jiġi dedott żnaturament tad-dikjarazzjonijiet miġbura. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li s-silta identika inkwistjoni hija kkompletata f’kull waħda mill-erba’ minuti permezz ta’ informazzjoni differenti rigward il-ftehim Intermarché.

219    Għandu jitfakkar ukoll, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni hija, skont it-Trattati, l-istituzzjoni inkarigata li tiżgura l-osservanza, b’imparzjalità sħiħa, tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u li l-kumulu mill-Kummissjoni tal-funzjonijiet ta’ investigazzjoni u ta’ sanzjoni tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni ma jikkostitwixxix fih innifsu ksur tar-rekwiżit ta’ imparzjalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2012, Bolloré vs Il‑Kummissjoni, T‑372/10, EU:T:2012:325, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, ma jistax jiġi preżunt, mingħajr prova u lanqas bidu ta’ prova insostenn, li l-Kummissjoni tinvestiga dan il-fajl imressaq quddiemha billi tiżnatura l-proposti tal-fornituri sabiex tikseb indizji tan-natura li tikkostitwixxi ksur tal-prassi tad-distributuri.

220    Minn dan kollu jirriżulta li l-argumenti kollha li jiddeduċu mill-kwalità tal-awturi tal-indizji kkomunikati li l-Kummissjoni ma kellhiex indizji suffiċjentement serji sabiex twettaq l-ispezzjoni kontenzjuża għandhom jiġu miċħuda.

iii) Fuq il-kontenut tal-indizji li ġġustifikaw id-deċiżjoni kkontestata

221    Mid-distinzjoni bejn provi ta’ ksur u indizji li huma l-bażi ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni jirriżulta li dawn tal-aħħar ma għandhomx juru l-eżistenza u l-kontenut ta’ ksur kif ukoll il-partijiet involuti tagħha, mingħajr ma jiġu mċaħħda minn kull utilità s-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003 (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2014, Cementos Portland Valderrivas vs Il‑Kummissjoni, T‑296/11, EU:T:2014:121, punt 59).

222    Għaldaqstant, iċ-ċirkustanza li l-elementi meqjusa jistgħu jkunu s-suġġett ta’ interpretazzjonijiet diverġenti ma tistax tipprekludi li dawn jikkostitwixxu indizji suffiċjentement serji, peress li l-interpretazzjoni ppreferuta mill-Kummissjoni tidher plawżibbli (ara, b’analoġija, għal deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2014, Cementos Portland Valderrivas vs Il‑Kummissjoni, T‑296/11, EU:T:2014:121, punt 59). Fl-evalwazzjoni ta’ din in-natura plawżibbli, għandu jiġi kkunsidrat li s-setgħa tal-Kummissjoni timplika s-setgħa li tfittex elementi ta’ informazzjoni diversi li għadhom ma humiex magħrufa jew totalment identifikati (ara s-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2012, Nexans France u Nexans vs Il‑Kummissjoni, T‑135/09, EU:T:2012:596, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

223    Għandu wkoll jitfakkar li d-diversi indizji li jippermettu li jiġi ssuspettat ksur għandhom jiġu evalwati fit-totalità tagħhom u mhux b’mod iżolat u li dawn jistgħu jsaħħu lil xulxin (ara s-sentenzi tas‑27 ta’ Novembru 2014, Alstom Grid vs Il‑Kummissjoni, T‑521/09, EU:T:2014:1000, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad-29 ta’ Frar 2016, EGL et vs Il‑Kummissjoni, T‑251/12, mhux ippubblikata, EU:T:2016:114, punt 150 u l-ġurisprudenza ċċitata).

224    B’mod partikolari, fir-rigward tal-ksur issuspettat f’dan il-każ, jiġifieri prattiki miftiehma (ara b’mod partikolari l-premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata), hija ġurisprudenza stabbilita li, hekk kif dan jirriżulta mit-termini stess tal-Artikolu 101(1) TFUE, il-kunċett ta’ prattika miftiehma jimplika, minbarra l-ftehim bejn l-impriżi, aġir fis-suq li jsegwi dan il-ftehim u relazzjoni kawża u effett bejn dawn iż-żewġ elementi (sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, EU:C:1999:356, punt 118, u tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, EU:T:2000:77, punt 1865). Għalhekk, hija meħtieġa l-eżistenza ta’ tliet elementi kostituttivi.

225    Fir-rigward tal-prova ta’ dawn it-tliet elementi kostituttivi, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “prattika miftiehma” ġie introdott fit-Trattati sabiex jippermetti l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni għal kollużjonijiet li ma jiħdux il-forma ta’ ftehim formali ta’ intenzjonijiet u, bl-istess mod, huma iktar diffiċli sabiex jiġu identifikati u stabbiliti. Hekk kif enfasizzat diversi drabi l-qorti tal-Unjoni, għalkemm l-Artikolu 101 TFUE jiddistingwi l-kunċett ta’ “prattika miftiehma” minn dak ta’ “ftehim bejn impriżi”, huwa bil-għan li tinftiehem taħt il-projbizzjonijiet ta’ dan l-artikolu forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li, mingħajr ma twassal għall-konklużjoni ta’ ftehim fil-veru sens tal-kelma u mingħajr ma tissodisfa l-elementi ta’ ftehim, tinkludi xjentement il-kooperazzjoni prattika bejniethom bi ħsara tal-kompetizzjoni (sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni, 48/69, EU:C:1972:70, punt 64, u tal‑5 ta’ April 2006, Degussa vs Il‑Kummissjoni, T‑279/02, EU:T:2006:103, punt 132).

226    Bl-istess mod u b’mod iktar ġenerali, għandu jitfakkar li l-projbizzjoni tal-parteċipazzjoni fi prattiki u fi ftehimiet antikompetittivi kif ukoll is-sanzjonijiet li min iwettaqhom jista’ jbati huma magħrufa. Barra minn hekk, huwa normali li l-attivitajiet li dawn il-prattiki u dawn il-ftehimiet jinkludu jseħħu b’mod klandestin, li l-laqgħat iseħħu b’mod sigriet u li d-dokumentazzjoni relatata magħhom titnaqqas sal-minimu. Anki jekk il-Kummissjoni tiskopri dokumenti li jikkonfermaw b’mod espliċitu li kien hemm kuntatt illeġittimu bejn operaturi, normalment dawn ikunu biss frammentarji u skarsi, b’tali mod li ta’ spiss ikun neċessarju li ċerti dettalji jiġu stabbiliti mill-ġdid permezz ta’ deduzzjonijiet. Fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prassi jew ta’ ftehim antikompetittiv għandha tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi li, meqjusa flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fl-assenza ta’ spjegazzjoni koerenti oħra, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenzi tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punti 55 sa 57, u tal-25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il‑Kummissjoni, C‑403/04 P u C‑405/04 P, EU:C:2007:52, punt 51; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2012, Coats Holdings vs Il‑Kummissjoni, T‑439/07, EU:T:2012:320, punt 42).

227    Minn dan isegwi li l-qorti tal-Unjoni aċċettat, f’ċerti każijiet, li l-oneru tal-prova tat-tliet elementi li jikkostitwixxu prattika miftiehma jitnaqqas għall-Kummissjoni.

228    Għalhekk, paralleliżmu ta’ aġir fis-suq jista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, jitqies li jipproduċi l-prova tal-eżistenza ta’ prattika miftiehma, f’dan il-każ jekk il-ftehim jikkostitwixxi l-unika spjegazzjoni plawżibbli tagħha (sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il‑Kummissjoni, C‑89/85, C‑104/85, C‑114/85, C‑116/85, C‑117/85 u C‑125/85 sa C‑129/85, EU:C:1993:120, punt 71, u tat-8 ta’ Lulju 2008, BPB vs Il‑Kummissjoni, T‑53/03, EU:T:2008:254, punt 143).

229    Bl-istess mod, hemm lok li jiġi preżunt, sakemm ma jkunx hemm prova kuntrarja li għandha tiġi prodotta mill-partijiet ikkonċernati, li l-impriżi li jipparteċipaw fil-ftehim u li jibqgħu attivi fis-suq jieħdu inkunsiderazzjoni informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom sabiex jiġi stabbilit l-aġir tagħhom f’dan is-suq (sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, EU:C:1999:356, punt 121, u tat-8 ta’ Ottubru 2008, Schunk u Schunk Kohlenstoff‑Technik vs Il-Kummissjoni, T‑69/04, EU:T:2008:415, punt 118). Fi kliem ieħor, il-prova tal-preżenza tal-ewwel żewġ elementi li jikkostitwixxu prattika miftiehma tippermetti, f’ċerti każijiet, li jiġi preżunt it-tielet element kostituttiv tagħha.

230    Din is-sistema probatorja speċifika tal-prattiki miftiehma ma hijiex mingħajr konsegwenzi fuq il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jitqies li huma ssodisfatti indizji suffiċjentement serji li jippermettu li tiġi ssuspettata l-eżistenza ta’ tali prattiki. B’mod partikolari, fid-dawl tad-distinzjoni neċessarja bejn provi ta’ prattika miftiehma u indizji li jiġġustifikaw spezzjonijiet għall-finijiet tal-ġbir ta’ tali provi, il-livell ta’ rikonoxximent taż-żamma mill-Kummissjoni ta’ indizji suffiċjentement serji għandu neċessarjament ikun inqas minn dak li jippermetti li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ prattika miftiehma.

231    Huwa għalhekk fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tingħata tweġiba għall-argumenti li r-rikorrenti jibbażaw fuq il-kontenut tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni sabiex minn dan jiddeduċu li din ma kellhiex indizji suffiċjentement serji sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata.

–       Fuq l-assenza ta’ indizji suffiċjentement serji dwar is-suspett tal-ewwel ksur

232    Għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li l-ewwel ksur huwa kkaratterizzat kif ġej fl-Artikolu 1(a) tad-deċiżjoni kkontestata:

“[…] skambji ta’ informazzjoni, mill-2015, bejn impriżi u/jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, b’mod partikolari ICDC […], u/jew il-membri tagħha, b’mod partikolari Casino u AgeCore u/jew il-membri tagħha, b’mod partikolari Intermarché, dwar it-tnaqqis miksub minnhom fis-swieq tal-provvista ta’ oġġetti tal-konsum ta’ kuljum fis-setturi tal-prodotti tal-ikel, prodotti tal-iġjene u prodotti tal-manutenzjoni u l-prezzijiet fis-suq tal-bejgħ ta’ servizzi lill-produtturi ta’ prodotti tal-marka fis-setturi tal-prodotti tal-ikel, prodotti tal-iġjene u prodotti tal-manutenzjoni, f’diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari Franza […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

233    Ir-rikorrenti ma kkontestawx, fuq il-mertu, iż-żamma ta’ indizji suffiċjentement serji dwar l-ewwel ksur la fin-noti tagħhom u lanqas fit-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali li talbuhom jieħdu pożizzjoni fuq l-indizji prodotti mill-Kummissjoni. Huma sostnew, għall-ewwel darba waqt is-seduta, żewġ ilmenti li ma ġewx invokati preċedentement. L-ewwel nett, l-amalgamazzjoni tas-suq tal-bejgħ ta’ servizzi u tas-suq tal-provvista fit-tabella 1 annessa mat-tweġiba tal-Kummissjoni tal‑5 ta’ Ġunju 2019, filwaqt li dawn iż-żewġt iswieq kienu msemmija b’mod distint fl-Artikolu 1(a) tad-deċiżjoni kkontestata, tikkonferma, skont il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2012, Nexans France u Nexans vs Il‑Kummissjoni (T‑135/09, EU:T:2012:596), li l-Kummissjoni ma kellhiex indizji suffiċjentement serji dwar l-ewwel ksur. It-tieni nett, il-ftuħ tal-proċedura formali fir-rigward biss ta’ ċerti aspetti tat-tieni ksur jikkonferma li l-Kummissjoni ma kellhiex indizji suffiċjentement serji dwar l-ewwel ksur.

234    Fir-rigward tal-ewwel ilment imressaq mir-rikorrenti waqt is-seduta, dan għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, peress li tqajjem tardivament. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li jipprevedi l-Artikolu 84(2) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrenti ma fformulawx l-ewwel ilment malli saru jafu bit-tabella 1 annessa mat-tweġiba tal-Kummissjoni tal‑5 ta’ Ġunju 2019, peress li, minkejja t-talba tal-Qorti Ġenerali li jieħdu pożizzjoni qabel l-4 ta’ Lulju 2019 fuq l-imsemmija tweġiba, huma qajmu l-ewwel ilment biss waqt is-seduta tad‑29 ta’ Jannar 2020.

235    Jista’ jingħad ukoll, fi kwalunkwe każ, li dan l-ewwel ilment ma jistax jintlaqa’ fuq il-mertu. Ċertament, mit-tabella 1 annessa mat-tweġiba tal-Kummissjoni tal‑5 ta’ Ġunju 2019 jirriżulta li din ma ddistingwietx bejn is-suq tal-provvista ta’ oġġetti tal-konsum ta’ kuljum u s-suq tal-bejgħ ta’ servizzi lill-produtturi għaldaqstant imsemmija b’mod differenti fid-deċiżjoni kkontestata, billi spjegat f’din it-tabella li t-“tnaqqis [fis-suq tal-provvista] jista’ wkoll jiġi kkunsidrat bħala prezzijiet tal-bejgħ ta’ servizzi lill-produtturi ta’ prodotti tal-marka fis-setturi tal-prodotti tal-ikel, prodotti tal-iġjene u prodotti ta’ manutenzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, dan ir-riferiment ifisser sempliċement li, konformement mal-ġurisprudenza u b’mod partikolari mas-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2012, Nexans France u Nexans vs Il‑Kummissjoni (T‑135/09, EU:T:2012:596, punt 62), il-Kummissjoni, f’dan l-istadju, għadha ma ddeterminatx liema forma kien jieħu l-ammont favur id-distributuri għad-dannu tal-fornituri u li fuqu hija ssuspettat li d-distributuri jiftehmu bejniethom, kif barra minn hekk hija tammetti billi ppreċiżat, fit-tweġiba tagħha tal‑5 ta’ Ġunju 2019, li hija tuża biss, fl-annessi mehmuża, it-terminu “tnaqqis”, “bla ħsara jekk investigazzjoni fil-fond tikkonkludix li dan huwa tnaqqis fuq il-kuntratti tal-forniment jew ta’ prezz ta’ bejgħ ta’ servizzi lill-produtturi”. Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont l-imsemmija sentenza, is-setgħa ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni timplika l-fakultà li tfittex elementi ta’ informazzjoni differenti li għadhom ma humiex magħrufa jew identifikati b’mod sħiħ (ara wkoll il-punt 222 iktar ’il fuq).

236    Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, mis-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2012, Nexans France u Nexans vs Il‑Kummissjoni (T‑135/09, EU:T:2012:596, punti 60 sa 94), ma jistax jiġi dedott li l-Kummissjoni hija obbligata, fil-każ ta’ indizji ta’ vantaġġ f’termini ta’ prezzijiet favur impriżi spezzjonati, li tispeċifika dawn l-indizji billi tiddistingwi skont iż-żewġt iswieq ikkonċernati minn dan il-vantaġġ, u dan iktar u iktar meta jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni li l-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li tiddelimita b’mod preċiż is-suq inkwistjoni (ara l-punt 112 iktar ’il fuq). Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma lmentatx li l-Kummissjoni għamlet distinzjoni insuffiċjenti taż-żewġ swieq potenzjalment ikkonċernati mill-indizji miżmuma, iżda kkritikatha b’kamp ta’ spezzjoni li jmur lil hinn mill-kuntest tas-suq biss li għalih hija kellha indizji. Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma jipprovdu ebda element fis-sens ta’ tali qbiż, sa fejn, kuntrarjament għal dak li affermaw waqt is-seduta, id-dikjarazzjonijiet tal-fornituri ma jirrigwardawx biss lil ICDC, li tintervjeni biss fis-suq tal-bejgħ ta’ servizzi lill-produtturi (ara l-punt 248 iktar ’il fuq).

237    Fir-rigward tat-tieni lment imressaq mir-rikorrenti waqt is-seduta, dan jista’ jitqies li huwa ammissibbli skont l-Artikolu 84(2) tar-Regoli tal-Proċedura, sa fejn huwa bbażat fuq id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura formali, adottata fl‑4 ta’ Novembru 2019 mill-Kummissjoni, jiġifieri sussegwentement għat-terminu ta’ tweġiba msemmi iktar ’il fuq tal‑4 ta’ Lulju 2019 u għall-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura f’din il-kawża, u fejn ġie ppreżentat matul din il-fażi orali. Dan l-ilment għandu madankollu jiġi miċħud bħala infondat.

238    Fil-fatt, indipendentement ukoll mill-fatt li d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura formali hija sussegwenti għad-deċiżjoni kkontestata u li b’dan il-mod ma hijiex idonea sabiex tikkontesta l-legalità tagħha, ma jistax jiġi dedott mill-portata ta’ din id-deċiżjoni li l-Kummissjoni ma kellhiex indizji suffiċjentement serji dwar l-ewwel ksur.

239    Mid-Deċiżjoni C(2019)7997, tat-4 ta’ Novembru 2019, li tiftaħ il-proċedura fil-Każ AT.40466 fir-rigward ta’ suspetti ta’ ksur minbarra dawk relatati mal-ewwel ksur, jirriżulta ċertament li l-Kummissjoni ma qisitx li kellha elementi suffiċjenti sabiex tiftaħ il-proċedura fir-rigward ta’ dan il-ksur. Madankollu, min-natura tagħhom stess, l-indizji li jiġġustifikaw spezzjoni jippermettu biss li jiġi ssuspettat ksur, li jista’ finalment ma jiġix stabbilit, li jispjega barra minn hekk li l-ispezzjonijiet kollha ma humiex segwiti minn deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura, u lanqas a fortiori minn deċiżjoni li tikkonstata ksur. Għalhekk, l-eżistenza ta’ indizji ta’ ksur ma timplikax neċessarjament l-eżistenza ta’ provi tal-ksur issuspettat, u lanqas dik ta’ provi suffiċjenti sabiex tinfetaħ il-proċedura. Għaldaqstant, mill-fatt li l-ispezzjoni kontenzjuża ma ppermettietx li jinġabru tali elementi ma jistax jiġi dedott li l-Kummissjoni ma kellhiex indizji suffiċjentement serji qabel l-ispezzjoni.

240    Għandu jingħad ukoll li l-Kummissjoni kkomunikat lill-Qorti Ġenerali ċertu numru ta’ indizji, li hija kellha waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, dwar paralleliżmu fl-aġir bejn ICDC (Casino) u AgeCore (Intermarché), ikkaratterizzat f’dan il-każ mill-konkomitanza u mill-konverġenza tat-talbiet għal tnaqqis tagħhom lill-fornituri.

241    Issa, l-informazzjoni inkwistjoni tikkostitwixxi indizji suffiċjentement serji tal-eżistenza ta’ tali konkomitanza u konverġenza.

242    Fil-fatt, fost it-tlettax‑il fornitur interrogat, li għaxra minnhom jaffermaw li għandhom relazzjonijiet kummerċjali kemm ma’ ICDC kif ukoll ma’ AgeCore, tmienja semmew b’mod iddettaljat talbiet għal tnaqqis identiċi min-naħa ta’ ICDC (Casino) u ta’ AgeCore (Intermarché) (jiġifieri l-impriżi A, B, C, D, E, G, H u J; Annessi Q.1 sa Q.5, Q.7, Q.8 u Q.10 tat-tweġiba tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Jannar 2019), wieħed isemmi l-allinjament ta’ AgeCore fuq il-kompetituri tagħha mingħajr ma ssemmihom b’isimhom (impriża I; Anness Q.9) u żewġ fornituri jevokaw b’mod ġenerali li ltaqgħu ma’ talbiet għal tnaqqis simili magħmula minn alleanzi ta’ distributuri differenti (impriżi L u M; Annessi Q.12 u Q.13).

243    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma llimitatx ruħha li tikkomunika indizji dwar dan l-ewwel element kostituttiv ta’ prattika miftiehma li huwa l-paralleliżmu tal-aġir fis-suq, li jista’, barra minn hekk, taħt ċerti kundizzjonijiet, jippermetti li tiġi preżunta l-preżenza tat-tieni element li jikkostitwixxi prattika miftiehma li huwa l-ftehim (ara l-punt 228 iktar ’il fuq). Hija indikat li kellha wkoll għad-dispożizzjoni tagħha indizji dwar l-eżistenza ta’ tali ftehim, li f’dan il-każ jikkonsistu fi skambji ta’ informazzjoni, li jistgħu wkoll jiġu kkunsidrati, meħuda flimkien, bħala li huma suffiċjentement serji.

244    Huwa minnu li l-fornituri li jinvokaw espliċitament skambji bejn id-distributuri fuq it-tnaqqis huma ċertament inqas numerużi u d-dikjarazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward huma ta’ spiss vagi u spekulattivi. Tliet fornituri jsemmu espliċitament tqassim jew skambji ta’ informazzjoni (jiġifieri l-impriżi C, E u H; Annessi Q.3, Q.5 u Q.8 tat-tweġiba tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Jannar 2019) u diversi oħrajn isemmu l-għarfien minn alleanza tat-tnaqqis miksub mill-oħrajn (b’mod partikolari l-impriżi B, D, G u I; Annessi Q.2, Q.4, Q.7 u Q.9). Barra minn hekk, wieħed mill-fornituri jinvoka spjegazzjoni possibbli tat-talbiet għal tnaqqis konkomitanti, li huwa l-blaff li d-distributuri jagħmlu fin-negozjati tagħhom sabiex jiksbu kundizzjonijiet kummerċjali iktar favorevoli (Impriża L; Anness Q.12).

245    Madankollu, qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li ebda fornitur ma jindika jikkunsidra bħala ftit probabbli ċ-ċirkustanza li l-konkomitanza u l-konverġenza tat-talbiet għal tnaqqis jirriżultaw minn skambji ta’ informazzjoni. L-uniċi fornituri li esprimew ruħhom f’sens differenti minn dak tal-eżistenza ta’ skambju ta’ informazzjoni jew baqgħu siekta, jew indikaw li ma kellhomx informazzjoni dwar skambji ta’ informazzjoni bejn distributuri (jiġifieri l-impriżi A, F, J, K u M; Annessi Q.1, Q.6, Q.10, Q.11, Q. U Q.13 tat-tweġiba tal-Kummissjoni tal‑10 ta’ Jannar 2019), mingħajr ma eskludew espliċitament l-eżistenza ta’ tali skambji.

246    Sussegwentement, għandu jiġi enfasizzat li l-fornitur li semma l-ipoteżi ta’ blaff tad-distributuri mhux biss ikkwalifika l-probabbiltà ta’ din l-ipoteżi, billi indika li “jemmen li l-informazzjoni invokata (dwar l-għarfien tal-kundizzjonijiet miksuba minn alleanzi oħra) kienet għaldaqstant eżatta”, iżda ppreċiża wkoll li ma pparteċipax fin-negozjati lil hinn mill-kuntest nazzjonali, prinċipalment inkwistjoni fl-ewwel ksur issuspettat, u dan jillimita l-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet tiegħu. Isegwi li l-indizji li kellha l-Kummissjoni ma kinux jippermettulha tikkunsidra li t-talbiet għal tnaqqis konkomitanti u konverġenti kienu spjegati, b’mod plawżibbli, minn spjegazzjoni differenti minn dik ta’ ftehim sottostanti (ara l-punt 228 iktar ’il fuq).

247    Fl-aħħar nett, id-dikjarazzjonijiet tal-fornituri dwar l-iskambji bejn distributuri fuq it-tnaqqis huma kkorroborati minn informazzjoni li ssemmi l-kanali li permezz tagħhom dawn l-iskambji jistgħu jgħaddu.

248    B’hekk, diversi fornituri u l-ittra tad-direttur tal-assoċjazzjoni N jevokaw il-movimenti bejn alleanzi tad-distributuri, it-trasferimenti ta’ marki kif ukoll il-movimenti tal-persunal bejn id-distributuri u bejn alleanzi, billi jippreżentawhom bħala sorsi potenzjali ta’ għarfien b’mod partikolari tat-tnaqqis miksub mid-distributuri differenti (b’mod partikolari l-Anness Q.2, paġna 4, Anness Q.7, paġna 4 u l-Anness Q.8, paġna 5, kif ukoll l-Annessi Q.14, Q.16 u Q.18 tat-tweġiba tal-Kummissjoni tal‑10 ta’ Jannar 2019). Huma jsemmu b’mod partikolari l-alleanza maħluqa fi Franza minn Casino u Intermarché, fil-forma tas-sussidjarja komuni Intermarchats (INCA), u jagħmlu parti minn rabta bejn din l-appartenenza għall-istess alleanza fl-iskala nazzjonali u l-għarfien minn Casino u Intermarché tat-tnaqqis miksub minn kull wieħed mill-fornituri rispettivi tagħhom (b’mod partikolari l-Anness Q.4, paġna 4, u l-Anness Q.7, paġni 4 u 6).

249    Permezz tal-multipliċità tal-kanali ta’ komunikazzjoni hekk enfasizzati, il-preċiżazzjonijiet mogħtija dwar dawn il-kanali u l-konkordanza tal-informazzjoni kkomunikata, filwaqt li l-awturi tagħhom ma għandhomx a priori l-istess mezzi u sorsi ta’ informazzjoni, jista’ jitqies li l-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha indizji suffiċjentement serji li jippermettulha tissuspetta l-iskambji kontenzjużi. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm il-fornituri jistgħu jkunu xhieda diretti ta’ aġir antikompetittiv fis-suq (ara l-punt 217 iktar ’il fuq), huma ma jistgħux ikunu xhieda fir-rigward tal-ftehim sottostanti u klandestin. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-multipliċità, il-preċiżjoni u l-konkordanza tal-informazzjoni kkomunikata dwar l-iskambji ta’ informazzjoni inkwistjoni jpaċu, fl-evalwazzjoni tagħhom kollha intiża sabiex tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ indizji suffiċjentement serji, in-natura ta’ spiss spekulattiva ta’ din l-informazzjoni.

250    Konsegwentement, fid-dawl ukoll tal-fatt li dawn l-indizji dwar l-iskambji ta’ informazzjoni ssuspettati jikkompletaw dawk li jikkonċernaw l-aġir fis-suq, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kellha indizji suffiċjentement serji sabiex tissuspetta l-ewwel ksur.

–       Fuq l-assenza ta’ indizji suffiċjentement serji dwar is-suspett tat-tieni ksur

251    Għandu jitfakkar li dan it-tieni ksur huwa deskritt kif ġej fl-Artikolu 1(b) tad-deċiżjoni kkontestata:

“[…] skambji ta’ informazzjoni, minn tal-inqas mill-2016, bejn Casino u Intermarché dwar l-istrateġiji kummerċjali futuri tagħhom, b’mod partikolari f’termini ta’ assortiment, ta’ żvilupp ta’ ħwienet, ta’ kummerċ elettroniku u ta’ politika promozzjonali fis-swieq tal-provvista ta’ oġġetti tal-konsum ta’ kuljum u fis-swieq tal-bejgħ lill-konsumaturi ta’ oġġetti tal-konsum ta’ kuljum, fi Franza” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

252    Għandu jiġi rrilevat mill-ewwel, skont ir-rikorrenti u kif tammetti l-Kummissjoni, li din tal-aħħar ibbażat is-suspetti tagħha dwar it-tieni ksur fuq indizju prinċipali, ibbażat fuq l-iżvolġiment tal-ftehim Intermarché.

253    Mill-proċess jirriżulta li l-ftehim Intermarché seħħ fil-21 ta’ Settembru 2016 fis-sede ta’ Intermarché u li d-direzzjoni ta’ tmexxija ta’ Intermarché, akkumpanjata mill-persuni responsabbli mill-marki tagħha, kienet irċieviet fih il-fornituri prinċipali tagħha sabiex tippreżenta l-ambizzjonijiet u l-prijoritajiet kummerċjali tagħha.

254    Huwa paċifiku li f’dan il-ftehim ipparteċipaw rappreżentanti ta’ numru kbir ta’ fornituri ta’ Intermarché, iżda wkoll rappreżentanti ta’ INCA, sussidjarja komuni ta’ Intermarché u ta’ Casino, b’mod partikolari A, barra minn hekk direttur fi ħdan il-grupp Casino, kif ukoll rappreżentant ta’ AgeCore, B, diriġent ta’ din l-assoċjazzjoni ta’ impriżi. Huwa wkoll paċifiku li t-temi diskussi matul dan il-ftehim, ippreżentati mit-tim tat-tmexxija ta’ Intermarché, kienu jirrigwardaw l-għanijiet u l-assi ta’ żvilupp tal-impriża f’termini ta’ partijiet mis-suq, żieda fl-ispazju għall-ħażna tagħha, trasformazzjoni diġitali u ta’ espansjoni tal-kummerċ online, innovazzjonijiet intiżi sabiex iħaffu t-tqegħid fi xkafef ta’ prodotti ġodda, żieda fil-punti ta’ bejgħ “drive” u implimentazzjoni ta’ attivitajiet promozzjonali ġodda.

255    Ir-rikorrenti jsostnu li l-informazzjoni hekk ippreżentata ma tiżvela ebda skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva u kunfidenzjali li jippermetti li jiġi ssuspettat ftehim bejn kompetituri, ipprojbit mill-Artikolu 101 TFUE, u minn dan jiddeduċu li l-Kummissjoni ma kellhiex indizji suffiċjentement serji sabiex tippreżumi l-eżistenza tat-tieni ksur.

256    Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-possibbiltà li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ skambji u għalhekk ta’ ftehim minn reklami magħmula minn distributur wieħed, f’dan il-każ Intermarché, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kriterji ta’ koordinazzjoni u ta’ kooperazzjoni li jippermettu li jiġi ddefinit il-kunċett ta’ prattika miftiehma għandhom jinftiehmu fid-dawl tat-tfassil inerenti tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni u li skont dan kull operatur ekonomiku għandu jiddetermina b’mod awtonomu l-politika li huwa għandu l-intenzjoni li jsegwi fis-suq intern. Jekk dan ir-rekwiżit ta’ awtonomija ma jeskludix id-dritt tal-operaturi ekonomiċi li jadattaw ruħhom b’mod intelliġenti għall-aġir ikkonstatat jew imħabbar tal-kompetituri tagħhom, dan jipprekludi b’mod rigoruż kull teħid ta’ kuntatt dirett jew indirett bejn tali operaturi, li għandu l-għan jew l-effett kemm li jinfluwenza l-aġir fis-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali, kemm li jiżvela lil tali kompetitur l-aġir li huwa ddeċieda li jsegwi jew li huwa previst li jadotta huwa stess fis-suq (sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2009, T‑Mobile Netherlands et, C‑8/08, EU:C:2009:343, punti 32 u 33, u tal-24 ta’ Ottubru 1991, Rhône-Poulenc vs Il‑Kummissjoni, T‑1/89, EU:T:1991:56, punt 121).

257    Minn dan isegwi li l-fatt li wieħed biss mill-parteċipanti f’laqgħat bejn impriżi kompetituri jiżvela l-intenzjonijiet tiegħu ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi eskluża l-eżistenza ta’ akkordju. Fil-fatt, skont ġurisprudenza daqstant ieħor stabbilita, għalkemm huwa minnu li l-kunċett ta’ prattika miftiehma jippreżupponi effettivament l-eżistenza ta’ kuntatti bejn kompetituri kkaratterizzati mir-reċiproċità, din il-kundizzjoni hija madankollu ssodisfatta meta l-iżvelar, minn kompetitur għal ieħor, tal-intenzjonijiet tiegħu jew tal-aġir futur tiegħu fis-suq ikun intalab jew, tal-inqas, irċevut mit-tieni wieħed. Dan tal-aħħar, permezz tar-riċezzjoni ta’ tali informazzjoni, li għandu neċessarjament jieħu inkunsiderazzjoni, direttament jew indirettament, jelimina bil-quddiem l-inċertezza relatata mal-aġir futur tal-ewwel wieħed, filwaqt li kull operatur ekonomiku għandu jiddetermina b’mod awtonomu l-politika kummerċjali li huwa għandu l-intenzjoni li jsegwi fis-suq. Ir-riċezzjoni minn impriża ta’ informazzjoni li tirriżulta minn kompetitur dwar l-aġir futur tiegħu fis-suq tikkostitwixxi, għalhekk, prattika miftehma pprojbita mill-Artikolu 101(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, EU:T:2000:77, punt 1849; tat‑12 ta’ Lulju 2001, Tate & Lyle et vs Il‑Kummissjoni, T 202/98, T‑204/98 u T‑207/98, EU:T:2001:185, punt 54; u tat-8 ta’ Lulju 2008, BPB vs Il‑Kummissjoni, T‑53/03, EU:T:2008:254, punti 231 sa 234).

258    Issa, ma jistax jiġi kkunsidrat li s-sempliċi preżenza ta’ direttur fi ħdan il-grupp kompetitur Casino matul il-preżentazzjoni minn Intermarché tal-prijoritajiet kummerċjali tagħha hija biżżejjed, f’dan il-każ, sabiex tiġi ssuspettata riċezzjoni tal-informazzjoni kkomunikata, kif meħtieġ mill-ġurisprudenza sabiex tiġi kkonstatata reċiproċità u minnha tiġi dedotta l-eżistenza ta’ prattika miftiehma bejn Casino u Intermarché.

259    Fil-fatt, minn naħa, hekk kif ġustament enfasizzaw ir-rikorrenti mingħajr ma barra minn hekk il-Kummissjoni tikkontesta dan, A assista fil-ftehim Intermarché mhux bħala rappreżentant ta’ Casino, iżda bħala kodirettur ta’ INCA, li l-preżenza tiegħu kienet iġġustifikata mill-fatt li din kienet tinnegozja f’isem Intermarché l-kundizzjonijiet tal-provvista mingħand il-fornituri prinċipali tagħha. Min-naħa l-oħra, A kien suġġett għal obbligi stretti ta’ kunfidenzjalità fir-rigward ta’ Casino, li lanqas ma ġew ikkontestati fihom innifishom, u ma jistax jiġi preżunt li tali obbligi ma kinux ser jiġu osservati.

260    Issa, dan il-motiv tal-preżenza ta’ A fil-ftehim Intermarché u l-obbligi imposti fuqu ma jippermettux, bħala tali u mingħajr ebda element ieħor insostenn, mhux ipprovdut f’dan il-każ mill-Kummissjoni, li jinħoloq suspett raġonevoli li Casino rċeviet informazzjoni kkomunikata minn Intermarché, li jiġġustifika li jitkomplew l-investigazzjonijiet sabiex jiġi stabbilit jekk Casino kinitx talbet jew, minn tal-inqas, irċeviet l-iżvelar ta’ Intermarché. Fil-fatt, il-Kummissjoni sempliċement issemmi minuti individwali li jirreferu għad-diskussjonijiet bejn A u r-rappreżentant ta’ Intermarché fi ħdan INCA matul il-ftehim (Anness Q.5, paġni 7 u 8, tat-tweġiba tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Jannar 2019), diskussjonijiet separati li ma jikkorrispondux għal riċezzjoni ta’ dikjarazzjonijiet magħmula fil-pubbliku u li l-kontenut tagħhom ma għandux neċessarjament rabta mal-kontenut ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet fid-dawl tal-funzjonijiet eżerċitati minn dawn iż-żewġ persuni fi ħdan INCA, li jiġġustifikaw skambji bejniethom li jirrigwardaw suġġetti oħra. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, billi tindika, fl-introduzzjoni tat-tabella 2 mehmuża mat-tweġiba tagħha tal‑5 ta’ Ġunju 2019, li rċeviet informazzjoni li tgħid li INCA tista’ sservi bħala vettura ta’ skambju ta’ informazzjoni li taqa’ taħt it-tieni ksur, l-estratti tal-minuti riprodotti fl-imsemmija tabella sempliċement isemmu l-preżenza ta’ A fil-ftehim Intermarché, mingħajr ma jista’ jiġi dedott li INCA kellha rwol speċifiku f’dan il-kuntest.

261    Fir-rigward, it-tieni nett, tal-informazzjoni kkomunikata waqt il-ftehim Intermarché, għandu jitfakkar li l-klassifikazzjoni li tikkostitwixxi ksur ta’ skambju ta’ informazzjoni tiddependi b’mod partikolari min-natura tal-informazzjoni skambjata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Mejju 1998, Deere vs Il‑Kummissjoni, C‑7/95 P, EU:C:1998:256, punti 88 sa 90, u tat‑23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax u Administración del Estado, C‑238/05, EU:C:2006:734, punt 54).

262    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, skont ir-rikorrenti, li l-minuti li jirreferu għall-ftehim Intermarché (Annessi Q.4, Q.5, Q.7, Q.9 u, b’iktar preċiżjoni, Anness Q.8 tat-tweġiba tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Jannar 2019) jindikaw b’mod ġenerali l-elementi ta’ politika kummerċjali li tirrigwarda l-assortiment, il-kummerċ elettroniku jew il-prassi promozzjonali, li ġew invokati matul dan il-ftehim. Tali riferimenti ġenerali jinsabu wkoll f’anness tal-ittra tad-direttur tal-assoċjazzjoni N (Anness Q.15). Minbarra dan, dawn dehru f’artiklu ppubblikat fl-istampa speċjalizzata, ikkomunikat mir-rikorrenti.

263    Jirriżulta effettivament mill-proċess, u barra minn hekk ma huwiex ikkontestat mill-Kummissjoni, li l-ftehim Intermarché sar fil-pubbliku, fil-preżenza ta’ iktar minn 400 fornitur, iżda wkoll ġurnalisti, u li kien is-suġġett ta’ rendikont iddettaljat fl-istampa speċjalizzata. Il-Kummissjoni kienet barra minn hekk informata dwar din in-natura pubblika, kif juru l-minuti tal-intervisti mal-fornituri, fejn minuti minnhom indikaw li l-istampa kienet preżenti waqt il-ftehim Intermarché (Anness Q.2, paġna 7). Barra minn hekk, hija indikat, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali, li hija ma kinitx informata bil-preżentazzjonijiet possibbli magħmula waqt il-ftehim Intermarché mingħajr il-preżenza ta’ ġurnalisti.

264    Issa, hija ġurisprudenza stabbilita li sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni pubblika ma tistax, inkwantu tali, tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, T‑191/98 u T‑212/98 sa T‑214/98, EU:T:2003:245, punt 1154 u l-ġurisprudenza ċċitata).

265    Bl-istess mod, skont il-paragrafu 92 tal-Linji gwida dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 101 [TFUE] għall-akkordji dwar kooperazzjoni orizzontali (ĠU 2011, C 11, p. 1, iktar ’il quddiem il-“linji gwida dwar l-akkordji dwar kooperazzjoni internazzjonali”), li permezz tagħhom il-Kummissjoni llimitat ruħha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u li ma tistax ma tapplikax taħt piena li tiġi ssanzjonata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 211), l-“informazzjoni ġenwinament pubblika” hija informazzjoni ġeneralment aċċessibbli f’kundizzjonijiet identiċi għall-kompetituri u klijenti kollha, Issa, dan l-istess paragrafu tal-linji gwida dwar l-akkordji dwar kooperazzjoni orizzontali jippreċiża li, “[s]abiex l-informazzjoni tkun ġenwinament pubblika, il-kisba tagħha m’għandhiex tiswa aktar għall-konsumaturi u għall-kumpaniji li ma jkunux affiljati mas-sistema ta’ skambju milli għall-kumpaniji li jkunu qed jagħmlu l-iskambju ta’ informazzjoni” u li “[g]ħal din ir-raġuni, kompetituri normalment ma jagħżlux li jiskambjaw dejta li jistgħu jiġbru mis-suq b’mod ugwalment faċli, u għaldaqstant fil-prattika huma improbabbli li jkun hemm skambji ta’ dejta ġenwinament pubblika.” Minbarra dan, mill-paragrafu 63 tal-linji gwida dwar l-akkordji ta’ kooperazzjoni orizzontali intiż speċifikament għad-dikjarazzjonijiet pubbliċi unilaterali, iċċitat mir-rikorrenti waqt is-seduta, jirriżulta li “dikjarazzjoni unilaterali li tkun ukoll ġenwinament pubblika, pereżempju permezz ta’ gazzetta, ġeneralment din ma [tikkostitwixxix prattika miftiehma] skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1) [TFUE]”.

266    F’dan il-każ, miċ-ċirkustanzi tal-iżvolġiment tal-ftehim Intermarché jirriżulta b’mod ċar li l-informazzjoni li ġiet ikkomunikata fih minn Intermarché hija informazzjoni realment pubblika fis-sens tal-Linji gwida dwar l-akkordji ta’ kooperazzjoni orizzontali. Permezz tal-preżenza ta’ ġurnalisti u tar-rendikont iddettaljat li huma għamlu fl-istampa speċjalizzata ftit jiem biss wara li nżamm il-ftehim Intermarché, l-informazzjoni mogħtija minn Intermarché waqt din il-ftehim saret aċċessibbli mhux biss għal A, direttur fi ħdan il-grupp kompetitur Casino, iżda wkoll bl-istess faċilità għall-kompetituri l-oħra kollha ta’ Intermarché.

267    Barra minn hekk, mill-artiklu tal-istampa speċjalizzata li rrapporta l-iżvolġiment tal-ftehim Intermarché, li fir-rigward tiegħu l-Kummissjoni ma kkontestatx il-kontenut, jirriżulta li l-informazzjoni ppreżentata matul dan l-avveniment kienet ta’ natura ġenerali ħafna u kienet intiża sabiex tivvalorizza, mingħand il-fornituri tal-impriża, il-politika ta’ żvilupp u ta’ innovazzjoni tat-tim tat-tmexxija ta’ Intermarché. Il-Kummissjoni ma spjegatx preċiżament kif tali informazzjoni setgħet tevita l-klassifikazzjoni ta’ informazzjoni pubblika. Għalkemm huwa minnu li matul dan l-avveniment kien tħabbar għan ta’ ħolqien ta’ 200 ħanut, din l-informazzjoni waħedha, min-natura ġenerali tagħha, ma tistax, minnha nnifisha, tiġġustifika suspett ta’ prattika miftiehma bejn kompetituri, ipprojbita mill-Artikolu 101 TFUE. In-natura pubblika tal-informazzjoni żvelata matul il-ftehim Intermarché tipprekludi, għaldaqstant, li jiġi kkunsidrat li din tista’ tkun is-suġġett ta’ skambju ta’ informazzjoni li tikkostitwixxi ksur, kif ukoll, għaldaqstant, li l-ftehim Intermarché jiġi kklassifikat bħala indizju suffiċjentement serju tal-ksur inkwistjoni.

268    Dan huwa iktar u iktar il-każ hawnhekk peress li l-Kummissjoni stess ippreżentat l-indizji tal-ksur issuspettat fid-deċiżjoni kkontestata bħala li jikkonferma skambji sigrieti bejn numru limitat ta’ persuni u permezz ta’ dokumenti nnifishom sigrieti (ara l-punt 117 iktar ’il fuq). Fil-fatt, kif fakkru b’mod rilevanti r-rikorrenti, skont il-premessa 8 tad-deċiżjoni kkontestata, “il-prattiki miftiehma preżunti jseħħu b’mod sigriet l-iktar assolut, peress li l-għarfien tal-eżistenza tagħhom u tal-applikazzjoni tagħhom huwa limitat għal diriġenti superjuri u għal numru limitat ta’ membri tal-persunal li jistħoqqilhom fiduċja f’kull impriża” [traduzzjoni mhux uffiċjali], u “[i]d-dokumenti relatati mal-prattiki miftiehma preżunti huma limitati għall-minimu strett u miżmuma f’postijiet u f’forma li tiffaċilita l-ħabi tagħhom, iż-żamma tagħhom u l-qerda tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Issa, indizji kkostitwiti minn dikjarazzjonijiet pubbliċi, bħal dawk li saru waqt il-ftehim Intermarché, ma jistgħux inkwantu tali jippermettu li jiġu ssuspettati skambji li jirrigwardaw l-istess informazzjoni u li jinżammu fl-ikbar segretezza.

269    Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex ikkontestati mir-riferiment, fil-paragrafu 63 tal-Linji gwida dwar l-akkordji ta’ kooperazzjoni orizzontali, li jgħid li “l-possibbiltà ta’ sejba ta’ prattika miftiehma ma tistax tiġi eskluża” minn “dikjarazzjoni unilaterali li tkun ukoll ġenwinament pubblika”. Fil-fatt, minbarra l-fatt li tali dikjarazzjonijiet pubbliċi ma jikkorrispondux għal din il-preżunzjoni ta’ skambji ta’ ksur sigrieti, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni la ddikjarat u lanqas ma spjegat a fortiori fid-deċiżjoni kkontestata, u lanqas barra minn hekk matul din l-istanza, li t-tieni ksur jikkorrispondi għal din l-ipoteżi ta’ prattika miftiehma abbażi ta’ dikjarazzjonijiet unilaterali fil-pubbliku.

270    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma setgħetx validament tiddeduċi mill-evalwazzjoni tal-karatteristiċi kollha tal-ftehim Intermarché suspett ta’ skambji ta’ informazzjoni kummerċjali bejn kompetituri pprojbiti mill-Artikolu 101 TFUE. Minn dan isegwi wkoll li dan il-ftehim ma jistax jikkostitwixxi indizju suffiċjentement serju li jippermetti li jiġi ssuspettat it-tieni ksur.

271    Fi kwalunkwe każ, it-teħid inkunsiderazzjoni tan-nota interna tal-Kummissjoni tas‑16 ta’ Diċembru 2016, mehmuża mat-tweġiba addizzjonali tagħha tad‑19 ta’ Diċembru 2019, kif ukoll il-produzzjoni tal-verżjoni kunfidenzjali tal-minuti kkomunikati fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tagħhom mill-Kummissjoni, permezz ta’ miżura istruttorja, ma jippermettix li din il-konklużjoni tinbidel. Fil-fatt, minn naħa, minn din in-nota interna ma tirriżulta ebda informazzjoni oħra ħlief dik li tinsab fil-minuti. Min-naħa l-oħra, mill-verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dawn il-minuti jirriżulta li l-informazzjoni moħbija hija intiża biss sabiex tipprekludi l-identifikazzjoni ta’ entitajiet jew ta’ persuni, ta’ dati u ta’ informazzjoni dwar ċifri, b’tali mod li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmija informazzjoni lanqas ma jippermetti li tiġi stabbilita r-rabta bejn id-dikjarazzjonijiet pubbliċi magħmula waqt il-ftehim Intermarché u l-iskambji sigrieti ssuspettati. Barra minn hekk, minn dan isegwi li ma hemmx lok li tiġi ordnata l-miżura istruttorja msemmija iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni kienet talbet lill-Qorti Ġenerali.

272    Lanqas ma jistgħu jikkostitwixxu indizju suffiċjentement serju li jippermetti li jiġi ssuspettat it-tieni ksur it-talbiet konkomitanti dwar l-istess “bonus ta’ innovazzjoni” li Casino u Intermarché kienu ppreżentaw lill-fornituri tagħhom. Fil-fatt, ebda wieħed mill-indizji kkomunikati ma jippermetti li ssir distinzjoni ċara bejn dan il-bonus jew dawn l-“iskonti tal-innovazzjoni” tat-tnaqqis u ta-prezzijiet ta’ bejgħ ta’ servizzi lill-fornituri inkwistjoni fl-ewwel ksur. Fir-rigward tal-ispjegazzjonijiet li ngħataw fil-minuti (Anness Q,6, paġna 3, u Anness Q.7, paġna 5 kif ukoll fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, tat-tweġiba tal-Kummissjoni tal‑10 ta’ Jannar 2019), dawn l-iskonti jikkonsistu kemm fi tnaqqis mitlub lill-fornituri, kemm f’remunerazzjoni għal servizzi ta’ riferiment ipprovduti mid-distributuri lill-fornituri, anki jekk speċifikament b’rabta mal-prodotti innovati u applikabbli fi Franza, li hija wkoll ikkonċernata mill-ewwel ksur. Bl-istess mod, fit-tabella 2 stabbilita mill-Kummissjoni għall-finijiet li tippreżenta b’mod sintetiku l-indizji li jikkorrispondu għat-tieni ksur (ara t-tieni inċiż tal-punt 169 iktar ’il fuq), din iżolat l-indizji dwar l-“iskonti ta’ innovazzjoni” ta’ dawk li jirrigwardaw l-assortiment, l-iżvilupp ta’ ħwienet, il-politika ta’ kummerċ elettroniku u l-politika promozzjonali, waħedhom imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata. Minbarra dan, jista’ jiġi rrilevat li tnejn biss mit-tlettax‑il fornitur mistoqsi (Annessi Q.6 u Q.7) jirreferu għal talbiet konkomitanti ta’ skonti ta’ innovazzjoni.

273    Konsegwentement, anki jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod globali l-elementi li jirrigwardaw il-ftehim Intermarché u l-“bonus ta’ innovazzjoni”, għandu jiġi konkluż li ma ġewx miżmuma mill-Kummissjoni indizji suffiċjentement serji li jippermettu li tiġi ssuspettata l-eżistenza tat-tieni ksur u li jiġi ġġustifikat l-Artikolu 1(b) tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma jkun hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq l-argumenti tar-rikorrenti dwar id-deċiżjoni ta’ spezzjoni ġdida li tirrigwarda b’mod partikolari l-aspetti tat-tieni ksur li ġew indirizzati lilhom matul din l-istanza (Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2019) 3761 tat-13 ta’ Mejju 2019, li tordna lil Casino, Guichard-Perrachon SA kif ukoll il-kumpanniji kollha direttament jew indirettament ikkontrollati minnha li jissottomettu ruħhom għal spezzjoni konformement mal-Artikolu 20(1) u (4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (AT.40466 – Tute 1)).

274    Il-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għall-invjolabbiltà tad-domiċilju tar-rikorrenti għandu, għaldaqstant, jintlaqa’ fir-rigward tat-tieni ksur.

275    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn din tordna lir-rikorrenti, fl-Artikolu 1(b) tagħha, li jissottomettu ruħhom għal spezzjoni li tikkonċerna l-parteċipazzjoni possibbli tagħhom fit-tieni ksur u li l-kumplament tar-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

276    Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Peress li d-deċiżjoni kkontestata hija parzjalment annullata, hemm lok li jiġi deċiż li r-rikorrenti u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Il-Kunsill, li intervjena insostenn tal-Kummissjoni, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1(b) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017)1054 final tad-9 ta’ Frar 2017, li tordna lil Casino, GuichardPerrachon kif ukoll lill-kumpanniji kollha direttament jew indirettament ikkontrollati minnha li jissottomettu ruħhom għal spezzjoni konformement mal-Artikolu 20(1) u (4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (Każ AT.40466 – Tute 1), hija annullata.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Casino, GuichardPerrachon u Achats Marchandises Casino SAS (AMC), il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Gervasoni

Madise

da Silva Passos

Kowalik-Bańczyk

 

Mac Eochaidh

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-5 ta’ Ottubru 2020.

Firem


Werrej



*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.