Language of document :

Rikors ippreżentat fil-5 ta' Ottubru 2009 - Grúas Abril Asistencia vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-386/09)

Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Grúas Abril Asistencia, SL (Alicante, Spanja) (rappreżentant: R. L. García García, abogado)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara li d-deċiżjoni li permezz tagħha l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-qrati Spanjoli ċaħdu l-ilment ippreżentat mill-komparenti f'din il-kawża, GRUAS ABRIL ASISTENCIA, S.I., tikser u tmur kontra l-Artikoli 81 u 82 KE.

konsegwentement, tordna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li adottat id-deċiżjoni kkontestata, tadotta l-miżuri u l-garanziji neċessarji sabiex tordna t-tmiem tal-imsemmija attività illegali, u timponi l-multi u s-sanzjonijiet xierqa fir-rigward ta' tali aġir li jikkostitwixxi ksur, bla ħsara għad-dritt ta' BAS HERMANOS, S.L. li titlob kumpens għad-danni u l-preġudizzju li hija subiet b'konsegwenza tal-imsemmi ksur.

fl-aħħar nett, tiddikjara li l-aġir ta' MAPFRE MUTUALIDAD DE SEGUROS Y REASEGUROS A PRIMA FIJA (attwalment MAPFRE, S.A.), fil-konfront tar-rikorrenti inkwantu fornitur tagħha, jiġifieri l-impożizzjoni unilaterali ta' tariffi għall-ħlas tas-servizzi ta' assistenza pprovduti, l-iffissar tat-tariffi f'livell iktar baxx minn kemm effettivament iqum tali servizzi, l-impożizzjoni ta' rekwiżit mhux iġġustifikat u arbitrarju li s-servizz jingħata f'kundizzjonijiet mhux mifthema fil-kuntratt (provvista tas-servizz permezz ta' vetturi tal-irmonk bil-logo MAPFRE), theddida ta' terminazzjoni tal-kuntratt fil-każ fejn dawn ir-rekwiżiti ma jiġux sodisfatti u, fl-aħħar mill-aħħar, it-twettieq ta' tali theddida, jikkostitwixxi ksur tal-liġi Spanjola dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-Artikoli 81 u 82 KE.

tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti f'din il-kawża hija impriża tal-familja li topera fil-qasam tal-provvista ta' servizzi ta' assistenza fit-triq għall-irmunkar ta' karozzi.

Fir-rikors tagħha r-rikorrenti tikkontesta l-aġir, li allegatament imur kontra l-liġi tal-kompetizzjoni, ta' MAPFRE S.A., li fil-kuntest ta' relazzjoni kuntrattwali li kienet tikkonsisti fl-użu tas-servizzi ta' rmunkar ta' vetturi assigurati minn MAPFRE, meta dawn is-servizzi jintalbu minn din tal-aħħar jew mill-persuni assigurati minnha, talbet, kif issostni r-rikorrenti, li s-servizz ta' assistenza jiġi pprovdut permezz ta' vetturi tal-irmonk bil-logo MAPFRE u li ssir pubbliċità tat-trade mark tagħha mingħajr xi tip ta' ħlas; u imponiet tariffi f'livell iktar baxx minn kemm effettivament iqum is-servizz ipprovdut.

Insostenn tar-rikors tagħha r-rikorrenti tallega ksur tal-leġiżlazzjoni Komunitarja u nazzjonali li tirregola l-kompetizzjoni.

____________