Language of document : ECLI:EU:C:2011:698

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

27 ta’ Ottubru 2011 (*)

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikoli 87 KE u 88(2) u (3) KE – Regolament (KE) Nru 659/1999 – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Rikors għal annullament – Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà – Motivi ta’ annullament li jistgħu jiġu invokati – Kunċett ta’ ‘parti interessata’ – Motivazzjoni tas-sentenzi – Oneru tal-prova – Miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali – Artikoli 64 u 81 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali”

Fil-Kawża C‑47/10 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis-27 ta’ Jannar 2010,

Ir-Repubblika tal-Awstrija, irrappreżentata minn E. Riedl, bħala aġent, assistit minn M. Núñez Müller u J. Dammann, Rechtsanwälte,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Scheucher-Fleisch GmbH, stabbilita f’Ungerdorf (l-Awstrija),

Tauernfleisch Vertriebs GmbH, stabbilita fi Flattach (l-Awstrija),

Wech-Kärntner Truthahnverarbeitung GmbH, stabbilita fi Glanegg (l-Awstrija),

Wech-Geflügel GmbH, stabbilita f’Sankt Andrä (l-Awstrija),

Johann Zsifkovics, residenti fi Vjenna (l-Awstrija),

irrappreżentati minn J. Hofer u T. Humer, Rechtsanwälte,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Kreuschitz u A. Stobiecka-Kuik, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, J. Malenovský, R. Silva de Lapuerta (Relatur), G. Arestis, u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ April 2011,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-9 ta’ Ġunju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li issa saret il-Qorti Ġenerali), tat-18 ta’ Novembru 2009, Scheucher-Fleisch et vs Il-Kummissjoni (T‑375/04, Ġabra p. II‑4155, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li biha hija annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2004) 2037 finali, tat-30 ta’ Ġunju 2004, rigward l-Għajnuna mill-Istat NN 34A/2000 dwar il-programmi ta’ kwalità u t-tikketti “AMA‑Biozeichen” u “AMA‑Gütesiegel” (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), mogħtija mir-Repubblika tal-Awstrija favur il-qasam agroalimentari.

 Il-kuntest ġuridiku

2        Il-premessi 1 sa 3 u 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88] tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), jipprovdu:

“(1)      Billi, mingħajr preġudizzju għar-regoli speċjali tal-proċedura mqiegħda fir-regolamenti għal ċerti setturi, dan ir-Regolament għandu japplika sabiex jgħin fis-setturi kollha; billi, għall-għan li jkunu applikati l-Artikoli [73] u [87] tat-Trattat, il-Kummissjoni għandha kompetenza speċifika taħt l-Artikolu [88] tiegħu sabiex tiddeċiedi dwar il-kompatibilità ta’ għajnuna Statali mas-suq komuni meta jirrevedi l-għajnuna eżistenti, meta jkun qiegħed jieħu deċiżjonijiet dwar għajnuna ġdida jew mibdula u meta tieħu azzjoni li tirrigwarda nuqqas ta’ konformità mad-deċiżjonijiet tagħha jew mal-ħtieġa f’dik li hi notifika;

(2)      Billi l-Kummissjoni, f’konfomità mal-liġi tal-każ [ġurisprudenza] tal-Qrati tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, żviluppat prattika konsistenti għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [88] tat-Trattat u poġġiet ċerti regoli u prinċipji tal-proċedura f’numru ta’ komunikazzjonijiet; billi huwa xieraq, b’veduta li jkunu assigurati proċeduri effettivi u effiċjenti skond l-Artikolu [88] tat-Trattat, sabiex tinġabar u tkun rinforzata din il-prattika permezz ta’ regolament;

(3)      Billi regolament proċedurali dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [88] tat-Trattat iżid it-trasparenza u ċertezza legali;

[…]

(8)      Billi fil-każijiet kollha fejn, b’riżultat ta’ l-abbozz preliminari, il-Kummissjoni ma tistax issib fejn l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tinfetaħ sabiex tgħin lill-Kummissjoni tiġbor l-informazzjoni kollha li għandha bżonn sabiex tistma l-kompatibilità ta’ l-għajnuna u sabiex tippermetti lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom; billi d-drittijiet tal-partijiet interessati jistgħu jkunu salvagwardjati bl-aħjar mod fi ħdan il-qafas tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali msemmija fl-Artikolu [88](2) tat-Trattat”.

[…]”

3        L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 659/1999 jipprovdi:

“Għall-għan ta’ dan ir-Regolament,

[…]

h)      ‛parti interessata’ għandha tfisser kull Stat Membru u kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna, b’mod partikolari l-benefiċjarju ta’ l-għajnuna, impriżi li jikkompetu bejniethom u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ.”

4        Taħt il-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, intitolat “Proċedura dwar għajnuna notifikata”, l-Artikolu 4 tiegħu, intitolat “Abbozz [eżami] preliminari tan-notifika u deċiżjonijiet tal-Kummissjoni”, jipprovdi:

“1. Il-Kummissjoni għandha teżamina n-notifika malli tirċevieha. Mingħajr preġudizzju għal l-Artikolu 8, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni skond il-paragrafi 2, 3 jew 4.

2.      Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li l-miżura notifikata ma tikkostitwixix għajnuna, għandha tirreġistra dik is-sejba permezz ta’ deċiżjoni.

3.      Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li ma tqajjem l-ebda dubju f’dik li [dwar i]l-kompatibilità mas-suq komuni ta’ miżura notifikata, safejn taqa’ fi ħdan l-iskop ta’ l-Artikolu [87(1) KE], għandha tiddeċiedi li l-miżura hija kompatibbli mas-suq komuni […]. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema eċċezzjoni taħt it-Trattat kienet applikata.

4.      Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li tqajjmu dubji dwar il-kompatibilità mas-suq komuni ta’ miżura notifikata, għandha tiddeċiedi jekk għandhomx jibdew proċeduri skond l-Artikolu [88(2) KE] […]

5.      Id-deċiżjonijiet li saret referenza għalihom fil-paragrafi 2, 3 u 4 għandhom jittieħdu fi żmien xahrejn. Dak il-perjodu għandu jibda l-għada tar-riċevuta ta’ notifika kompluta. In-notifika għandha tkun ikkunsidrata li hija kompluta jekk, fi żmien xahrejn mir-riċevuta tagħha, jew mir-riċevuta ta’ kull informazzjoni oħra meħtieġa, il-Kummissjoni ma teħtieġ ebda informazzjoni oħra. Dan il-perjodu jista’ jkun estiż bil-kunsens sew tal-Kummissjoni u sew ta’ l-Istati Membri kkonċernati. Fejn xieraq, il-Kummissjoni tista’ tiffissa limiti ta’ żmien iqsar.

6.      Fejn il-Kummissjoni ma tkunx ħadet deċiżjoni f’konformità mal-paragrafi 2, 3 jew 4 fil-perjodu mqiegħed [stabbilit] fil-paragrafu 5, l-għajnuna għandha tinftiehem li kienet awtorizzata mill-Kummissjoni. L-Istat Membru kkonċernat jista’ minħabba dan jimplimenta l-miżuri in kwistjoni wara li jagħti lill-Kummissjoni notifika minn qabel dwar dan, ħlief jekk il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni skond dan l-Artikolu f’perjodu ta’ 15-il jum tax-xogħol wara r-riċevuta tan-notifika.”

5        Taħt l-istess Kapitolu II, l-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, intitolat “Proċedura ta’ investigazzjoni formali”, jipprovdi fil-paragrafu 1:

“Id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tiġbor fil-qosor l-kwistjonijiet relevanti tal-fatti u liġi, għandha tinkludi stima preliminari tal-Kummissjoni dwar il-karattru tal-miżura [ta’ għajnuna] proposta u għandha tqiegħed [tesponi] id-dubji dwar il-kompatibilità tagħha mas-suq komuni. Id-deċiżjoni għandha ssejjaħ lill-Istat Membru kkonċernat u lil partijiet interessati oħra sabiex jissottomettu l‑kummenti f’perjodu preskritt li normalment m’għandux ikun aktar minn xahar. F’każijiet ġustifikati, il-Kummissjoni tista’ testendi l-perijodu preskritt.”

6        Taħt il-Kapitolu III, intitolat “Proċedura li tirrigwarda għajnuna kontra l-liġi”, l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 659/1999 jipprovdi, taħt it-titolu “Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni”:

“1.      L-eżami ta’ għajnuna llegali possibli għandu jirriżulta f’deċiżjoni skond l-Artikolu 4(2), (3) jew (4). Fil-każ ta’ deċiżjonijiet sabiex tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-proċeduri għandhom jingħalqu permezz ta’ deċiżjoni skond l-Artikolu 7. Jekk Stat Membru jonqos milli jikkonforma ma’ inġunzjoni ta’ informazzjoni, dik id-deċiżjoni għandha tittieħed abbażi ta’ l-informazzjoni disponibbli.

2.      F’każijiet ta’ għajnuna possibilment illegali u mingħajr preġudizzju għal l-Artikolu 11(2), il-Kummisjoni m’għandhiex tkun marbuta mal-limitu ta’ żmien imqiegħed fl-Artikoli 4(5), 7(6) u 7(7).

3.      L-Artikolu 9 għandu japplika mutatis mutandis.”

7        Taħt il-Kapitolu VI, intitolat “Partijiet interessati”, l-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi, taħt it-titolu “Drittijiet tal-partijiet interessati”:

“1.      Kull parti interessata tista’ tissottometti kummenti skond l-Artikolu 6 wara deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Kull parti interessata li ssottomettiet dawn il-kummenti u kull benefiċjarju ta’ għajnuna individwali għandha tintbgħatilhom kopja tad-deċiżjoni meħudha mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 7.

2.      Kull parti interessata tista’ tinforma lill-Kummissjoni dwar kull allegata għajnuna llegali u dwar kull allegat użu ħażin ta’ għajnuna. Fejn il-Kummissjoni tikkonsidra li abbażi ta’ l-informazzjoni fil-pussess tagħha m’hemmx raġunijiet biżżejjed biex tingħata opinjoni dwar il-każ, għandha tinforma lill-parti interessata b’dan. Fejn il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni fuq każ li jikkonċerna s-suġġett ta’ l-argument ta’ l-informazzjoni fornuta, għandha tibgħat kopja ta’ dik id-deċiżjoni lill-parti interessata.

3.      Fuq talba tagħha, kull parti interessata għandha tikseb kopja ta’ kull deċiżjoni skond l-Artikoli 4 u 7, l-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 11.”

8        L-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jsemmi l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Artikolu 81 tal-istess regolament jirreferi għall-kontenut tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

9        Il-fatti li wasslu għall-kawża kienu spjegati fil-punti 1 sa 12 tas-sentenza appellata. Għall-finijiet ta’ dan l-appell, għandhom jiġu rilevati l-fatti preċedenti li ġejjin.

10      Fl-1992, ir-Repubblika tal-Awstrija adottat il-liġi federali dwar l-istabbiliment tal-korp regolatorju tas-suq “Agrarmarkt Austria” (Bundesgesetz über die Errichtung der Marktordnungsstelle “Agrarmarkt Austria”) (BGBl. 376/1992, iktar ’il quddiem l-“AMA-Gesetz 1992”).

11      L-imsemmija liġi tistabbilixxi persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku, imsemmija “Agrarmarkt Austria” (iktar ’il quddiem l-“AMA”), li għandha bħala funzjoni li tippromwovi l-marketing agrikolu. L-attivitajiet operazzjonali tal-AMA għandhom jitwettqu mill-Agrarmarkt Austria Marketing GmbH (iktar ’il quddiem l-“AMA Marketing”), sussidjarja 100 % tal-AMA. Waħda minn dawn l-attivitajiet tagħha tikkonsisti f’li tinkoraġixxi l-produzzjoni, it-trattament, l-ipproċessar u l-marketing agrikolu fl-Awstrija, permezz tal-għoti lil ċerti prodotti agrikoli tat-tikketta bio “AMA” u tat-tikketta ta’ kwalità “AMA” (iktar ’il quddiem it-“tikketti ‘AMA’”).

12      Sabiex tippromwovi l-attività tagħha, l-AMA tirċievi kontribuzzjonijiet li għandhom jitħallsu, b’mod partikolari, għat-tbiċċir ta’ ċanga, vitella, ta’ majjal, ta’ ħrief, ta’ nagħaġ u ta’ tjur.

13      Scheucher-Fleisch GmbH, Tauernfleisch Vertriebs GmbH, Wech-Kärntner Truthahnverarbeitung GmbH u Wech-Geflügel GmbH, kif ukoll in-negozjant, b’mod individwali, J. Zsifkovics (iktar ’il quddiem, flimkien, “Scheucher-Fleisch et”), huma impriżi speċjalizzati fit-tbiċċir u t-tqattigħ ta’ annimali għall-qatla u, minħabba f’hekk, huma suġġetti għall-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet lill-AMA. Dan jgħodd ukoll għal Grandits GmbH. Il-prodotti tal-isemmija impriżi mandakollu ma jibbenefikawx mit-tikketti “AMA”.

14      Wara li rċeviet l-ilmenti ta’ Scheucher-Fleisch et kif ukoll ta’ Grandits GmbH, il-Kummissjoni ddeċidiet, fil-15 ta’ Frar 2000, li tistieden lill-awtoritajiet Awstrijaċi sabiex jissottomettu informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-AMA Marketing u tal-AMA. Fid-dawl tar-risposti tal-imsemmija awtoritajiet, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftah il-proċeduria taħt l-Artikolu 88(3) KE, u li tikkwalifika l-miżuri inkwistjoni bħala “għajnuna mill-Istat mhux innotifikata”, u dwar dan informat lill-awtoritajiet Awstrijaċi permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Ġunju 2000. Wara talba mir-Repubblika tal-Awstrija li waslet fil-Kummissjoni fit-8 ta’ Marzu 2003, din tal-aħħar iddeċiediet li taqsam il-proċedura fi tnejn, skont jekk dawn kikux miżuri adottati qabel jew wara s-26 ta’ Settembru 2002. Kif jirriżulta mid-deċiżjoni kontenzjuża, il-miżuri ta’ għajnuna wara din id-data ġew trattati bħala għajnuna mill-Istat innotifikati. Hija din l-għajnuna nnotifikata li kienet is-suġġett tal-proċedura li twassal għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

15      Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra l-miżuri adottati mill-AMA jew mill-AMA Marketing sa mis-26 ta’ Settembru 2002, għall-programmi ta’ kwalità u ta’ tikketti “AMA”, meta jitqies li din kienet għajnuna kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

16      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Settembru 2004, Scheucher-Fleisch et kif ukoll Grandits GmbH ippreżentaw rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Permezz ta’ digriet tal-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Frar 2009, gie ddikjarat li Grandis GmbH irtirat mill-kawża.

17      Ir-rikors għal annullament ippreżentat minn Scheucher-Fleisch et kien ibbażat, essenzjalment, fuq tliet motivi, jiġifieri l-ksur tar-regoli tal-proċedura, il-ksur tal-Artikolu 87(3)(ċ) KE u l-ksur il-klawżola ta’ sospensjoni stabbilita fl-Artikolu 88(3) KE kif ukoll fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 659/1999.

18      L-ewwel motiv ta’ Scheucher-Fleisch et kien jinqasam f’erba’ partijiet ibbażati, rispettivament, fuq in-nuqqas ta’ notifika lill-Kummissjoni tal-għajnuna inkwistjoni, fuq il-ksur tal-garanziji proċedurali previsti fl-Artikolu 88(2) KE, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli. Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv Scheucher-Fleisch et sostniet li l-Kummissjoni kellha tiftah il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999, minħabba dubji dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni mas-suq komuni.

19      Il-Kummissjoni opponiet ir-rikors billi talbet li jiġi ddikjarat inammissibli, u, sussidjarjament, infondat.

20      Sabiex tiġi kkwalifikata l-inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fl-ewwel lok, sa fejn Scheucher-Fleisch et kienu direttament ikkonċernati mid-deċiżjoni kontenzjuża. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 37 tas-sentenza appellata, li t-tikketti “AMA” kienu ngħataw qabel id-deċiżjoni kontenzjuża u li t-taħrika għall-ħlas mibgħuta mill-AMA lil Grandits GmbH dwar il-kontribuzzjonijiet dovuti għal perijodu li jkopri, mill-inqas parzjalment, l-applikazzjoni tal-miżuri koperti mid-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-possibbiltà li l-awtoritajiet Awstrijaċi ddeċidew li ma tingħatax l-għajnuna inkwistjoni kienet tidher bħala li kienet purament teoretika, u li Scheucher-Fleisch et kienu għalhekk direttament ikkonċernati, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE permezz tad-deċiżjoni kkontestata.

21      Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk Scheucher-Fleisch et kinux individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kontenzjuża. F’dan ir-rigward, hija kkunsidrat li, minħabba l-motivi invokati, kien hemm lok li ssir analiżi separata tal-locus standi tagħhom sabiex jinkiseb ir-rispett tad-drittijiet proċedurali tagħhom, minn naħa, u l-locus standi tagħhom għall-finijiet li tiġi kkontestata l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata, min-naħa l-oħra.

22      Fir-rigward tal-locus standi ta’ Scheucher-Fleisch et sabiex jinkisbu d-drittijiet proċedurali tagħhom, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 53 tas-sentenza appellata, li l-benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni ma kinux biss il-bejjiegħa bl-imnut, iżda wkoll l-impriżi kollha li jagħmlu parti mill-katina ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni speċifika għat‑tikketti “AMA”. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li Scheucher-Fleisch et kienu impriżi ta’ tbiċċir u tqattiegħ ta’ annimali li kienu qed jikkompetu ma’ dawk li jibbenefikaw mill-imsemmija tikketti u li kienu joperaw ukoll fl-istess suq ġeografiku. Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li Scheucher-Fleisch et kellhom locus standi inkwantu huma kellhom l-intenzjoni li jiksbu r-rispett tad-drittijiet proċedurali tagħhom derivanti mill-Artikolu 88(2) KE u ddikjarat ammissibbli t-tieni parti tal-ewwel motiv tagħhom.

23      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-locus standi ta’ Scheucher‑Fleisch et sabiex tikkontesta l-fondatezza tad-deċizjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punti 60 u 61 tas-sentenza appellata, li huma ma kinux ipprovaw li l-pożizzjoni tagħhom fis-suq setgħet tiġi sostanzjalment affettwata bl-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni kontenzjuża u, b’hekk, iddeċidiet li l-ewwel u r-raba’ partijiet tal-ewwel motiv, kif ukoll it-tielet motiv kienu inammissibbli.

24      Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ddikjarat ukoll bħala ammissibbli, fil-punti 63 u 64 tas-sentenza appellata, it-tielet parti tal-ewwel motiv u t-tieni motiv, biss sa fejn dawn kienu intiżi li jiksbu r-rispett tad-drittijiet proċedurali li Scheucher-Fleisch et siltu mill-Artikolu 88(2) KE. Fil-fatt, skont il-Qorti Ġenerali, minn naħa, dawn tal-aħħar kienu sostnew, permezz tat-tieni motiv tagħhom, li d-drittijiet proċedurali li huma kellhom skont din id-dispożizzjoni kienu nkisru miksura bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. kkontestata. Min-naħa l-oħra, it-tielet parti tal-ewwel motiv tagħhom, kienet issostni wkoll it-tieni parti ta’ dan il-motiv, inkwantu fin-nuqqas ta’ motivazzjoni suffiċjenti, il-partijiet interessati ma humiex f’pożizzjoni li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ diffikultajiet serji u l-qorti ma tkunx f’pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha.

25      Fir-rigward tal-mertu, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 84 tas-sentenza appellata, li, fil-mument meta hija eżaminat il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni, id-dispożizzjonijiet prinċipali tal-Artikolu 21 tal-AMA-Gesetz 1992 kienu jirreferu biss għall-prodotti nazzjonali. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 85 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet informata dwar din il-kwistjoni, inkwantu kienu seħħew negozjati f’dan ir-rigward bejn l-imsemmija istituzzjoni u l-awtoritajiet Awstrijaċi.

26      Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet imsemmija preċedentement, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punti 85 u 86 tas-sentenza tagħha, li anki jekk id-direttivi tal-AMA ma kinux jipprovdu kundizzjoni ta’ oriġini tal-prodotti, xorta jibqa’ l-fatt li l-limitazzjoni għall-prodotti nazzjonali msemmija fl-Artikolu 21a(1) tal-AMA‑Gesetz 1992 qajmet dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mal-linji gwida Komunitarji applikabbli għall-għajnuna mill-Istat għar-reklamar tal-prodotti li jaqgħu taħt l-Anness I tat-Trattat KE u ta’ ċerti prodotti li ma jaqgħux taħt l-Anness I (ĠU 2001, C 252, p. 5), inkwantu dawn tal-aħħar ma kinux jippermettu tali limitazzjoni.

27      Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punti 86 sa 88 tas-sentenza appellata, li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni kienet tqajjem diffikultajiet serji li jmisshom wasslu lill-Kummissjoni, taħt l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999, sabiex tiftaħ il-proċedura msemmija fl-Artikolu 88(2) KE u li, b’hekk, kien hemm lok li d-deċiżjoni kontenzjuża tiġi annullata mingħajr ma kien hemm bżonn li tiġi eżaminata t-tielet parti tal-ewwel motiv u t-tieni motiv.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

28      Permezz tal-appell tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha,

–        tiddeċiedi l-kawża billi tiċħad it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, jew bħala inammissibbli, jew bħala infondata, u

–        tikkundanna lil Scheucher-Fleisch et għall-ispejjeż kemm tar-rikors għal annullament kif ukoll tal-appell.

29      Il-Kummissjoni tappoġġja t-talbiet tar-Repubblika tal-Awstrija u titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha,

–        tiddeċiedi definittivament fuq il-mertu u tiċħad ir-rikors għal annullament bħala inammissibbli jew, mill-inqas, bħala mingħajr bażi legali, u

–        tikkundanna lil Scheucher-Fleisch et għall-ispejjeż kemm tal-appell kif ukoll tar-rikors għal annullament.

30      Scheucher-Fleisch et isostnu l-motivi kollha li huma kienu żviluppaw fit-talbiet tagħhom sottomessi quddiem il-Qorti Ġenerali u jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell fl-intier tiegħu, u

–        tikkundanna lir-Repubblika tal-Awstrija għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell prinċipali

31      Ir-Repubblika tal-Awstrija tinvoka ħames aggravji insostenn tal-appell tagħha, jiġifieri l-ksur tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, il-ksur tal-Artikolu 88(2) KE, il-ksur tar-regoli li jirregolaw l-oneru tal-prova li jirriżultaw mill-Artikoli 88(2) KE u mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, il-ksur tal-Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, dwar il-motivazzjoni tas-sentenza, u, fl-aħħar nett, il-ksur tal-Artikolu 64 ta’ dawn l-istess regoli dwar il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. Il-Kummissjoni ssostni l-appell mingħajr ebda riżerva u taderixxi ruħha mal-aggravji kollha ppreżentati mir-Repubblika tal-Awstrija, billi tinvoka aggravji supplementari.

32      Scheucher-Fleisch et jikkontestaw l-aggravji.

 Fuq l-ewwel aggravju

33      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija, sostnuta mill-Kummissjoni, tinvoka allegat ksur mis-sentenza appellata tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE minħabba l-fatt li Scheucher‑Fleisch et ma kienu la direttament u lanqas individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kontenzjuża, b’tali mod li r-rikors għal annullament ta’ din id-deċiżjoni jmissha ġiet iddikjarata inammissibbli.

34      Scheucher-Fleisch et jikkontestaw dan l-aggravju billi jsostnu li l-Qorti Ġenerali ġustament iddikjarat ir-rikors għal annullament bħala ammissibbli.

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju

–       L-argumenti tal-partijiet

35      Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, ir-Repubblika tal-Awstrija tqis, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ħtieġa, għar-rikorrenti fl-ewwel istanza, li jkunu individwalment ikkonċernati bid-deċiżjoni kontenzjuża, li l-fatt li jiġu kkwalifikati bħala “parti interessata”, fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999, ma jwassalx neċessarjament għall-eżistenza ta’ interess ġuridiku għar-rikorrenti fl-ewwel istanza, fejn ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE jirrikjedi, f’dan ir-rigward, li rikorrent jiġi affettwat b’mod sostanzjali b’din il-miżura. Skont dan l-Istat Membru, is-sentenza appellata tinkludi kontradizzjoni fuq dan il-punt, inkwantu tirrikonoxxi li Scheucher-Fleisch et ma kinux sostanzjalment affettwati mill-għajnuna li kienet is-suġġett tad-deċiżjoni kontenzjuża, filwaqt li ddikjarat ammissibbli wħud mill-motivi invokati minn dawn l-impriżi, inklużi motivi marbuta mal-fondatezza ta’ din id-deċiżjoni.

36      Skont l-imsemmi Stat Membru, ġaladarba Scheucher-Fleisch et kienu invokaw motivi intiżi kemm għas-salvagwardja tad-drittijiet proċedurali mogħtija lilhom fil-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali ta’ tal-għajnuna inkwistjoni kif ukoll sabiex jikkontestaw il-fondatezza tad-deċiżjoni kontenzjuża, huma kellhom, b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jipprovaw sitwazzjoni partikolari meta jiġu kkonfrontati b’tali għajnuna, jew saħansitra li jipprovaw li l-għoti ta’ din l-għajnuna kienet taffettwahom b’mod sostanzjali. Madankollu, ladarba din is-sitwazzjoni jew inċidenza tkun ġiet eskluża mill-Qorti Ġenerali, din kellha tiddikjara r-rikors inammissibbli kollu kemm hu.

37      Il-Kummissjoni żżid li l-ġurisprudenza li fuqha tibbaża ruħha s-sentenza appellata, jiġifieri s-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 1993, Cook vs Il‑Kummissjoni (C‑198/91, Ġabra p. I‑2487, punt 23) u tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il‑Kummissjoni (C‑225/91, Ġabra p. I‑3203, punt 17), hija inkompatibbli mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE. Barra minn hekk hija tosserva l-punti ta’ liġi tal-Unjoni li, fl-opinjoni tagħha, imorru kontra din il-ġurisprudenza, b’mod partikolari r-rwol tal-partijiet interessati fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) u (3) KE, l-istruttura tal-Artikoli 230, 241 u 234 KE, li tindika sistema kompleta ta’ rimedji, il-limiti għall-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali li jirriżultaw mill-Artikolu 87, jew ukoll il-kontradizzjonijiet ta’ din il-ġurisprudenza, aggravati, skont il-Kummissjoni, bl-interpretazzjoni żbaljata tal-imsemmija ġurisprudenza mis-sentenza appellata.

38      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-obbligu, għal Scheucher-Fleisch et, li jkunu direttament ikkonċernati bid-deċiżjoni kontenzjuża, ir-Repubblika tal-Awstrija tosserva li din id-deċiżjoni ma kinitx tfisser neċessarjament li l-AMA Marketing tilqa’ t-talbiet ta’ miżuri ta’ promozzjoni inkwistjoni u li dawn jingħataw biss permezz ta’ deċiżjoni individwali. B’hekk, Scheucher-Fleisch et ma kinux direttament ikkonċernati la bil-miżuri ta’ portata ġenerali li jiffurmaw l-AMA‑Gesetz 1992, u lanqas bid-deċiżjoni kontenzjuża. Barra minn hekk, skont l-imsemmi Stat Membru, Scheucher-Fleisch et liberament iddeċidew li jirrinunzjaw għall-miżuri inkwistjoni.

39      Scheucher-Fleisch et tikkontesta l-ewwel parti tal-ewwel aggravju.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

40      Kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex (C-83/09 P, Ġabra p. I‑0000), l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999 jistabbilixxi fażi preliminari ta’ eżami tal-miżuri ta’ għajnuna nnotifikata li għandha bħala għan li tippermetti lill-Kummissjoni tifforma opinjoni preliminari fuq il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni. Fi tmiem ta’ din il-fażi, il-Kummissjoni tikkonstata li din il-miżura jew ma tikkostitwixxix għajnuna, jew inkella li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE. F’din l-aħħar ipoteżi, l-imsemmija miżura tista’ ma tqajjimx dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni jew, bil-kontra, tista’ tqajjem dubji (sentenza Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

41      Jekk wara l-eżami preliminari, il-Kummissjoni tikkonstata li l-miżura nnotifikata, kemm-il darba hija tkun taqa’ fil-kamp tal-Artikolu 87(1) KE, ma tqajjimx dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni, hija tieħu deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet taħt l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 659/1999 (sentenza Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

42      Meta l-Kummissjoni tieħu tali deċiżjoni, hija mhux biss tiddikjara l-miżura bħala kompatibbli mas-suq komuni, iżda wkoll, b’mod impliċitu, tirrifjuta li tiftaħ il-proċedura formali ta’ investigazzjoni prevista fl-Artikolu 88(2) KE u fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999. (sentenza Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).

43      Issa, il-legalità ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet ibbażati fuq l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 659/1999 tiddependi fuq il-kwistjoni dwar jekk jeżistux dubji dwar il‑kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni. Ladarba dubji bħal dawn għandhom jagħtu lok għall-ftuħ ta’ proċedura formali ta’ investigazzjoni li għaliha jistgħu jipparteċipaw il-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999, għandu jitqies li kull parti interessata fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni hija direttament u individwalment ikkonċernata minn tali deċiżjoni (sentenza Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

44      Fil-fatt, il-benefiċjarji tal-garanziji proċedurali previsti fl-Artikolu 88(2) KE u fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999 jistgħu jiksbu r-rispett ta’ dawn il-garanziji biss jekk ikollhom il-possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet quddiem il-qorti tal-Unjoni u, b’hekk, il-kwalità partikolari ta’ parti interessata fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999, marbuta mas-suġġett speċifiku tar-rikors, hija biżżejjed sabiex tidentifika, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, lir-rikorrent li kkontesta deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet (sentenza Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, iċċitata iktar ’il fuq, punti 47 u 48).

45      F’dan il-każ, minn naħa, mill-punt 10 tas-sentenza appellata jirriżulta li, permezz tar-rikors tagħhom, Scheucher‑Fleisch et fittxew li jiksbu l-annullament ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet skont l‑Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 659/1999. Min-naħa l-oħra, fil-punt 53 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali essenzjalment ikkonstatat li dawn ir-rikorrenti kellhom jitqiesu bħala partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999.

46      B’hekk, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-Repubblika tal-Awstrija u l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi billi ddikjarat ammissibbli r-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

47      Huwa minnu li, kif jirriżulta mill-punti 47 sa 49, 60 u 61 tas-sentenza appellata, minbarra l-motiv intiż li jissalvagwardja d-drittijiet proċedurali tagħhom ibbażati fuq l-Artikolu 88(2) KE, Scheucher‑Fleisch et kienu invokaw ukoll motivi marbuta mal-fondatezza tad-deċiżjoni kontenzjuża u l-Qorti Ġenerali kkonstatat li dawn il-partijiet ma kinux ipprovaw li l-pożizzjoni tagħhom fis-suq setgħet tiġi sostanzjalment affettwata bl-għajnuna li kienet is-suġġett tad-deċiżjoni kontenzjuża.

48      Madankollu, mill-punt 64 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali eżaminat dawn il-motivi biss sabiex tiddetermina jekk id-drittijiet proċedurali li Scheucher‑Fleisch et jisiltu mill-Artikolu 88(2) KE kienu nkisru. B’dan il-għan, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-argumenti fuq il-mertu ppreżentati minn dawn il-partijiet, sabiex tivverifika, effettivament, jekk dawn l-argumenti kinux tali li jsostnu l-motiv espressament imressaq minn Scheucher‑Fleisch et dwar l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura msemmija minn din id-dispożizzjoni.

49      F’dan ir-rigward, minkejja l-fatt li l-imsemmija argumenti fuq il-mertu fl-aħħar mill-aħħar ma ntużawx, kif jirriżulta mill-punt 88 tas-sentenza appellata, ma jistax jiġi validament sostnut li, billi għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali biddlet is-suġġett tar-rikors għal annullament.

50      Fil-fatt, meta rikorrent jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, essenzjalment huwa jqiegħed inkwistjoni l-fatt li d-deċiżjoni meħuda mill-Kummisjoni fir-rigward tal-għajnuna inkwistjoni ttieħdet mingħajr ma din l-istituzzjoni tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, u b’hekk tikser id-drittijiet proċedurali tiegħu. Sabiex it-talba għal annullament tiegħu tintlaqa’, ir-rikorrent jista’ jinvoka kwalunkwe motiv ta’ natura li juri li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li għandha l-Kummissjoni, matul il-fażi ta’ eżami preliminari tal-miżura notifikata, kellha tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni. L-użu ta’ tali argumenti madankollu ma jistax ikollu bħala konsegwenza li jbiddel is-suġġett tar-rikors u lanqas li jbiddel il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà. Min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ dubji dwar din il-kompatibbiltà hija preċiżament il-prova li għandha tiġi prodotta sabiex jintwera li l-Kummissjoni kienet marbuta tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali stipulata fl-Artikolu 88(2) KE kif ukoll fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999 (sentenza Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59).

51      Konsegwentement, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju

–       L-argumenti tal-partijiet

52      Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li Scheucher-Fleisch et ma kinux partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE u tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999. Skont dan l-Istat Membru, Scheucher‑Fleisch et kienu biss potenzjalment u indirettament ikkonċernati bl-għajnuna inkwistjoni, liema fatt, barra minn hekk, huma rrikonoxxew.

53      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li Scheucher-Fleisch et sostnew, fir-rikors tagħhom, li huma biss il-bejjiegħa bl-imnut li bbenefikaw mill-attivitajiet tal-AMA, li jfisser, fl-opinjoni tagħha, li huma ma kinux direttament ikkonċernati bid-deċiżjoni kontenzjuża, inkwantu l-għajnuna awtorizzata minnha ma kinitx tagħti lok għal effetti diretti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tagħhom, iżda pjuttost għal sempliċi riperkussjonijiet ekonomiċi.

54      Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, l-affermazzjoni li tinsab fis-sentenza appellata li tgħid li l-benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni huma l-impriżi kollha li jappartjenu għall-katina ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni speċifika għat-tikketti “AMA” hija ineżatta, ġaladarba l-attivitajiet tal-AMA kienu jibbenefikaw ukoll lill-impriżi mhux tikkettati, għaldaqstant fosthom lil Scheucher‑Fleisch et.

55      Scheucher-Fleisch et tikkontesta wkoll it-tieni parti tal-ewwel aggravju.

–        Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

56      It-tieni parti tal-ewwel aggravju li jgħid li Scheucher-Fleisch et ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999, essenzjalment, jiddiskuti mill-ġdid l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali, kif ukoll il-valur probatorju tal-elementi sottomessi lilha.

57      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, mill-Artikolu 225 KE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal‑Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Qorti Ġenerali biss għandha l-kompetenza, minn naħa, li tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżatezza materjali tal-osservazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemha, u, min-naħa l-oħra, li tevalwa dawn il-fatti. Ladarba l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza li teżerċita, skont l‑Artikolu 225 KE, stħarriġ fuq l-applikazzjoni tal-liġi għal dawn il-fatti u l‑konsegwenzi ta’ dritt li waslet għalihom il-Qorti Ġenerali (ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, Ġabra p. I‑10515, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti sabiex tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala regola, sabiex teżamina l-provi li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat insostenn ta’ dawn il-fatti. Ladarba dawn il-provi jkunu nkisbu b’mod regolari, u l-prinċipji ġenerali tal-liġi kif ukoll ir-regoli ta’ proċedura applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal-produzzjoni tal-provi jkunu ġew osservati, hija biss il-Qorti Ġenerali li tista’ tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi li jkunu tressqu quddiemha. Din l-evalwazzjoni għaldaqstant ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament ta’ dawn il-provi, kwistjoni ta’ liġi mressqa, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 97).

59      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li żnaturament għandu jidher b’mod ċar mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (ara s-sentenza tat-2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Deutsche Post, C‑399/08 P, Ġabra p. I‑7831, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      F’dan il-każ, minn naħa, ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Kummissjoni ma invokawx espressament l-iżnaturament tal-provi dwar il-konstatazzjoni, li tinsab fil-punt 53 tas-sentenza appellata, li tgħid li Scheucher‑Fleisch et kienu impriżi ta’ tbiċċir u ta’ tqattiegħ ta’ annimali li kienu qed jikkompetu ma’ dawk li jibbenefikaw mill-għajnuna inkwistjoni u li joperaw fl-istess suq ġeografiku, u li għaldaqstant kienu “partijiet interessati” fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999.

61      Min-naħa l-oħra mill-punti 51 sa 53 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali bbażat din il-konstatazzjoni, qabel kollox, fuq il-premessi tad-deċiżjoni kontenzjuża, sussegwentement fuq l-analiżi tal-għajnuna inkwistjoni u, fl-aħħar nett, fuq l-ispeċifikazzjonijiet ipprovduti permezz ta’ risposta bil-miktub fil-kuntest tar-rikors għal annullament.

62      Għalhekk, li kieku kellu jitqies ukoll li Scheucher‑Fleisch et sostnew fir-rikors tagħhom li kienu biss il-bejjiegħa bl-imnut, b’eċċezzjoni għall-impriżi ta’ tbiċċir, li kienu jibbenefikaw mill-għajnuna inkwistjoni, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li huma rrettifikaw din l-affermazzjoni matul il-proċedura u, fit-tieni lok, li l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali ma tibbażax ruħha biss fuq id-dikjarazzjoni ta’ Scheucher-Fleisch et, iżda wkoll fuq id-deċiżjoni kontenzjuża, kif ukoll fuq l-analiżi tal-għajnuna inkwistjoni, provi li la r-Repubblika tal-Awstrija u lanqas il-Kummissjoni ma kkontestaw.

63      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi validament ikkritikata talli żnaturat il-fatt tal-każ, fir-rigward tal-kwalifika ta’ Scheucher‑Fleisch et bħala “partijiet interessati” fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999.

64      Konsegwentement, it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment innammissibli u parzjalment infondat.

65      B’hekk l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq it-tieni aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

66      Permezz tat-tieni aggravju tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija, sostnuta mill-Kummissjoni, tqis li s-sentenza appellata kisret l-Artikolu 88(2) billi kkunsidrat li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni kienet tqajjem diffikultajiet serji li jmisshom wasslu lill-Kummissjoni tiddeċiedi li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista f’din id-dispożizzjoni.

67      L-imsemmi Stat Membru jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli bbażat ruħha esklużivament fuq l-Artikolu 21a(1) tal-AMA-Gesetz 1992, u talli injorat punti ta’ fatt u ta’ liġi oħra meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, b’mod partikolari l-fatt li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet tikkonċerna biss il-miżuri ta’ wara s-26 ta’ Settembru 2002 u li d-direttivi AMA fis-seħħ f’dak iż-żmien kienu jippermettu l-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri għall-prodotti kollha li joriġinaw mill-Unjoni Ewropea.

68      Il-Kummissjoni żżid li s-sentenza appellata tikkritikaha talli ma vverifikatx il-legalità tad-direttivi AMA emendati mir-Repubblika tal-Awstrija u li daħlu fis-seħħ mis-26 ta’ Settembru 2002. Issa, din l-istituzzjoni ssostni li adottat id-deċiżjoni kontenzjuża fil-kuntest tas-setgħa diskrerzzjonali wiesgħa li hija għandha f’dan il-qasam u abbażi tal-wegħda tal-awtoritajiet Awstrijaċi li dawn id-direttivi emendati biss kellhom jiġu applikati għall-għajnuna inkwistjoni, u mhux l-Artikolu 21a(1) tal-AMA‑Gesetz 1992. Barra minn hekk, il-kompitu tal-Kummissjoni huwa, fil-fehma tagħha, ta’ natura prinċipalment ekonomika u hija ma għandhiex is-setgħa li teżamina l-legalità tal-miżuri nnotifikati fil-konfront tal-liġijiet nazzjonali.

69      Scheucher-Fleisch et jikkontestaw dan l-aggravju billi jsostnu li kienu jeżistu diffikultajiet serji f’dan il-każ għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni li kienu jobbligaw lill-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

70      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE hija ta’ natura indispensabbli meta l-Kummissjoni ssib diffikultajiet serji sabiex tevalwa jekk għajnuna hijiex kumpatibbli mas-suq komuni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’ tillimita lilha nnifisha għall-fażi preliminari tal-eżami skont l-Artikolu 88(3) KE sabiex tadotta deċiżjoni favorevoli għal għajnuna biss jekk hija tkun f’pożizzjoni li tikseb il-konvinzjoni, fi tmiem eżami preliminari, li din l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni. Min-naħa l-oħra, jekk dan l-eżami preliminari wasslet lill-Kummissjoni għall-konvinzjoni opposta, jew ma ppermettitilhiex issolvi d-diffikultajiet kollha mqajma mill-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq komuni, il-Kummissjoni għandha l-obbligu tiġbor l-opinjonijiet kollha neċessarji u tiftaħ, f’dan ir-rigward, il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE (ara s-sentenza tat-2 ta’ April 2009, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni, C‑431/07 P, Ġabra p. I‑2665, punt 61, u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      Peress li l-kunċett ta’ diffikultajiet serji huwa ta’ natura oġġettiva, l-eżistenza ta’ tali diffikultajiet għandha tiġi mfittxija mhux biss fiċ-ċirkustanzi tal-adozzjoni tal-att ikkontestat, iżda wkoll fl-evalwazzjonijiet li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni (ara s-sentenza Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63).

72      Għalhekk, kif ġie mfakkar fil-punti 43 u 50 ta’ din is-sentenza, il-legalità ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, ibbażata fuq l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 659/1999, tiddependi fuq il-punt dwar jekk l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li l-Kummissjoni kellha, matul il-fażi preliminari ta’ eżami tal-miżura nnotifikata, kellhiex oġġettivament tqajjem dubji rigward il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni, fid-dawl tal-fatt li tali dubji għandhom jagħtu lok għal ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali li fiha jistgħu jipparteċipaw il-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 1(h) tal-imsemmi regolament.

73      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-Repubblika tal-Awstrija, is-sentenza appellata ma naqsitx milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet tirreferi biss għall-miżuri ta’ wara s-26 ta’ Settembru 2002 u li d-direttivi AMA fis-seħħ f’dak iż-żmien, kienu jippermettu l-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri għall-prodotti kollha li joriġinaw mill-Unjoni.

74      Fil-fatt, mill-punti 79 sa 83 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx biss inkunsiderazzjoni dawn iż-żewġ elementi, iżda wkoll il-fatt li l-awtoritajiet Awstrijaċi kienu wegħdu l-Kummissjoni li kienu ser jemendaw l-Artikolu 21a(1) tal-AMA-Gesetz 1992, li saret applikabbli fl-1 ta’ Lulju 2007, jew ukoll il-fatt li din il-liġi kienet tipprovdi miżuri oħra ta’ marketing, mingħajr ma tillimitahom għall-prodotti nazzjonali biss.

75      Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 84 sa 87 tas-sentenza appellata, dawn l-elementi kollha ma ġewx ikkunsidrati bħala suffiċjenti għall-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi li l-limitazzjoni għall-prodotti nazzjonali msemmija fl-Artikolu 21a(1) tal-AMA‑Gesetz 1992 ma kienet tqajjem l-ebda dubju fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni u li, b’hekk il-Kummissjoni setgħet tiġi eżentata mill-obbligu tagħha li tiftaħ il-proċedura msemmija fl-Artikolu 88(2) KE, b’applikazzjoni tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999.

76      B’hekk, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żbalji ta’ liġi.

77      F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi validament sostnut li d-dubji li kienet tqajjem din il-limitazzjoni, li tinsab fl-AMA‑Gesetz 1992, kellhom jiġu esklużi fid-dawl tad-dħul fis-seħħ tad-direttivi AMA mis-26 ta’ Settembru 2002 u tal-wegħda tal-awtoritajiet Awstrijaċi li dawn id-direttivi biss kienu ser jiġu applikati għall-għajnuna inkwistjoni.

78      Fil-fatt, huwa paċifiku li, matul il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari tal-miżura inkwistjoni, kien hemm nuqqas ta’ qbil bejn, minn naħa, il-liġi bażika li tirregola din il-miżura, jiġifieri l-AMA‑Gesetz 1992, u, min-naħa l-oħra, ir-regolament ta’ implementazzjoni tagħha, jiġifieri, id-direttivi AMA. Għalkemm tal-ewwel kienet tikkomporta limitazzjoni li tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni, jiġifieri r-restrizzjoni tal-miżura għall-prodotti nazzjonali, it-tieni kienet eżenti minn din ir-restrizzjoni.

79      B’hekk, il-kompatibbiltà jew l-inkompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni setgħet tiġi direttament affettwata b’dan in-nuqqas ta’ qbil fuq livell tad-dritt nazzjonali, billi l-portata tal-miżura inkwistjoni dehret li kienet radikalment differenti skont jekk tiġix applikata l-AMA‑Gesetz 1992, jew jekk jiġux applikati d-direttivi AMA.

80      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmi nuqqas ta’ qbil imissu oġġettivament qajjem dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni, u dan minkejja l-wegħda tal-awtoritajiet Awstrijaċi li dawn id-direttivi biss kienu ser jiġu applikati għall-għajnuna inkwistjoni.

81      Fil-fatt, tali wegħda ma kinitx ta’ natura li tagħmel ġuridikament impossibbli l-applikazzjoni tal-AMA‑Gesetz 1992 u għaldaqstant il-limitazzjoni li tista’ timplika l-inkompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni. Fir-rigward tal-liġi bażika, it-tikketti “AMA” mogħtija mill-awtoritajiet Awstrijaċi bi ksur tal-limitazzjoni li tinsab f’din il-liġi, setgħu jiġu kkontestati, a priori, b’suċċess, quddiem il-qrati nazzjonali, skont il-prinċipju ta’ ġerarkija tal-liġijiet.

82      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, b’mod konformi ma’ dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod kostanti f’kuntesti analogi fil-kuntest tal-kawżi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, l-inkompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni tista’ tiġi eliminata definittivament biss permezz ta’ dispożizzjonijiet interni ta’ natura restrittiva bl-istess valur ġuridiku bħal dawk li għandhom jiġu emendati u sempliċi direttivi amministrattivi ma jistgħux jitqiesu li jikkostitwixxu eżekuzzjoni valida tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 1997, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑197/96, Ġabra p. I‑1489, punt 14, u tad-9 ta’ Marzu 2000, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑358/98, Ġabra p. I‑1255, punt 17).

83      B’hekk l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li d-deċiżjoni tagħha ġiet adottata fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li hija għandha f’dan il-qasam, jew ukoll li tgħid li l-kompitu tagħha huwa ta’ natura prinċipalment ekonomiku u soċjali, b’tali mod li ma huwiex permess lilha li teżamina l-legalità tal-miżuri nnotifikati meta mqabbla mal-liġijiet nazzjonali, hija nieqsa minn bażi legali.

84      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, fir-rigward tal-qasam tal-għajnuna mill-Istat, għalkemm il-Kummissjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-eżerċizzju tagħha timplika evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika li għandhom isiru fil-kuntest tal-Unjoni Ewropea, dan ma jfissirx li l-qorti tal-Unjoni għandha toqgħod lura milli tikkontrolla l-interpretazzjoni magħmula mill-Kummissjoni ta’ data ta’ natura ekonomika (ara s-sentenza tat-2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, Ġabra p. I‑7763, punt 64) u, a fortiori, li tikkontrolla l-interpretazzjoni ta’ kwistjoni li tikkonċerna l-effetti tan-nuqqas ta’ qbil bejn liġi bażika u l-leġiżlazzjoni implementattiva tagħha, fejn kull wieħed minn dawn il-kontrolli huwa ta’ natura strettament ġuridika.

85      Fit-tieni lok, għalkemm ma huwiex obbligu tal-Kummissjoni li tiddeċiedi dwar l-artikolazzjoni, fid-dritt nazzjonali, bejn id-direttivi AMA u l-AMA‑Gesetz 1992, madankollu hija għandha l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni nuqqas ta’ qbil eventwali apparenti bejn żewġ testi nazzjonali, b’mod partikolari jekk jidher li skema ta’ għajnuna tinkludi limitazzjoni, bħal dik imsemmija fl-Artikolu 21a(1) ta’ din il-liġi, li tqajjem dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni.

86      Barra minn hekk, la n-nuqqas ta’ qbil bejn l-AMA‑Gesezt 1992 u d-direttivi AMA u lanqas il-wegħda tal-awtoritajiet Awstrijaċi intiża sabiex tikkonferma n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-limitazzjoni ta’ din il-liġi ma jissemmew fid-deċiżjoni kontenzjuża, li, fil-punti 46, 52 u 66 tagħha llimitat ruħha sabiex issostni n-nuqqas ta’ limitazzjoni li tikkonċerna l-oriġini mis-26 ta’ Settembru 2002.

87      B’hekk it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet sal-ħames aggravji

 L-argumenti tal-partijiet

88      Permezz tat-tielet aggravju tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija, sostnuta mill-Kummissjoni, tikkritika s-sentenza appellata talli kisret ir-regoli li jirregolaw l-oneru tal-prova, hekk kif jirriżultaw mill-Artikolu 88(2) KE u mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, minħabba li l-imsemmija sentenza ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li Scheucher-Fleisch et ma pprovaw la l-kwalità tagħhom ta’ partijiet interessati u lanqas l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni.

89      Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali mhux biss injorat l-affermazzjoni ta’ Scheucher‑Fleisch et li tgħid li huma biss il-bejjiegħa bl-imnut li jibbenefikaw mill-attivitajiet tal-AMA, li jfisser, bil-kontra, li dawn il-partijiet, min-naħa tagħhom, ġew esklużi minn dan il-vantaġġ, iżda tat ukoll il-possibbiltà lil Scheucher-Fleisch et li jiġġustifikaw il-kwalità tagħhom ta’ partijiet interessati permezz ta’ domandi li ġew indirizzati lilhom. Billi għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali influewnza ir-riżultat tal-investigazzjoni tagħha.

90      Fil-kuntest tar-raba’ motiv tiegħu, l-imsemmi Stat Membru, sostnut ukoll mill-Kummissjoni, iqis li s-sentenza appellata tikser l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 81 tar-Regoli tal-proċedura tagħha. Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, tali nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jirriżulta b’mod partikolari mill-motivi kontridittorji li jinsabu fis-sentenza appellata u min-nuqqas ta’ analiżi tad-direttivi AMA, deskritti fl-ewwel u fit-tieni aggravju. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ssostni li għalkemm l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża mis-sentenza appellata jippretendi li jibbaża ruħu fuq il‑kontradizzjoni bejn l-AMA‑Gesetz 1992 u d-direttivi AMA, din is-sentenza jmissha eżaminat jekk din il-kontradizzjoni setgħetx effettivament tagħti lok għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Skont din l-istituzzjoni, huwa ċar li l-evalwazzjoni tagħha dwar l-għajnuna inkwistjoni kienet tkun l-istess li kieku hija kienet fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija għandha l-obbligu li turi diliġenza u li tieħu inkunsiderazzjoni l-interess tal-Istati Membri li f’tali settur jiġu informati malajr.

91      Permezz tal-ħames motiv tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija, sostnuta mill-Kummissjoni, tikkritika s-sentenza appellata talli kisret l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali minħabba l-fatt li din tal-aħħar ma ġabritx ex officio data deċiżiva dwar il-locus standi ta’ Scheucher-Fleisch et u dwar in-nuqqas ta’ inċidenza tal-Artikolu 21a(1) tal-AMA-Gesetzi 1992.

92      Scheucher-Fleisch et jikkontestaw l-aggravji kollha. B’mod partikolari, fir-rigward tal-ħames aggravju, huma josservaw li ma jaqblux mal-konklużjoni tas-sentenza appellata li tgħid li huma ma pprovawx li kienu sostanzjalment affettwati bl-għajnuna li kienet is-suġġett tad-deċiżjoni kontenzjuża. Fil-fatt, skont dawn il-partijiet, il-benefiċjarji tat-tikketti “AMA” kienu kompetituri fejn l-offerta kienet għalhekk inċentivata, tant li huma nnifishom u l-klijenti tagħhom kellhom jiffinanzjaw ir-reklamar tagħhom bir-riżorsi tagħhom stess. Scheucher-Fleisch et isostnu li minn dan kien jirriżulta li huma kienu doppjament affettwati bid-deċiżjoni kontenzjuża, inkwantu huma kienu sostnew, minn naħa, l-oneru tal-finanzjament ta’ din l-għajnuna, u, min-naħa l-oħra, żvantaġġ kompetittiv. Għalhekk, skont Scheucher-Fleisch et, huma ma setgħux jibbenefikaw mill-miżura ta’ sostenn, billi kellhom jikkontribwixxu għaliha u billi kellhom jiffinanzjaw huma stess il-pubbliċità tagħhom infushom.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

93      Permezz ta’ dawn it-tielet sal-ħames aggravji, li jeħtieġ li jiġu kkunsidrati flimkien, ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Kummissjoni jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali, minn naħa, talli ma osservatx l-oneru tal-prova u talli ma ġabritx ex officio data deċiżiva fil-kawża jew ukoll talli influwenzat l-investigazzjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, talli ma mmotivatx is-sentenza appellata. Barra minn hekk, Scheucher-Fleisch et jikkritikaw is-sentenza appellata sa fejn ma kkunsidratx li huma kienu sostanzjalment affettwati mid-deċiżjoni kontenzjuża.

94      Qabel kollox, għandu jiġi osservat li, għalkemm Scheucher-Fleisch et jikkritikaw parti mis-sentenza appellata fil-kuntest tar-risposta tagħhom għall-ħames aggravju, huma la talbu għall-annullament parzjali ta’ din is-sentenza u lanqas ma talbu li l-Qorti tal-Ġustizza jew tiddeċiedi hija stess definittivament fuq din il-parti, jew inkella tibgħat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex hija tiddeċiedi dwar dan il-punt.

95      B’hekk, peress li l-imsemmija kritika ma tressqitx insostenn tat-talbiet tar-risposta ta’ Scheucher-Fleisch et, ma hemmx lok li wieħed jikkunsidraha bħala kontrotalba.

96      Fir-rigward tat-tielet u tal-ħames aggravji, sa fejn ġie sostnut li l-Qorti Ġenerali ma missiex adottat miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u lanqas ma missa għamlet domandi lill-partijiet dwar il-kwalità ta’ partijiet interessati ta’ Scheucher-Fleisch et, għandu jiġi osservat li, skont kif ġie mfakkar fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, l-eżistenza ta’ din il-kwalità fil-konfront ta’ persuna tista’ tkun determinanti, kif inhu l-każ inkwistjoni, fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament ta’ din il-persuna.

97      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kriterju li jissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika kontra deċiżjoni li tagħha hija ma hijiex id-destinatarja għall-kundizzjoni li hija tkun direttament u individwalment ikkonċernata minn din id-deċiżjoni, iffissata fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, jikkostitwixxi eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku li l-qrati Komunitarji jistgħu f’kull mument jeżaminaw, anki ex officio (sentenza tat-23 ta’ April 2009, Sahlstedt et vs Il‑Kummissjoni, C‑362/06 P, Ġabra p. I‑2903, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

98      B’hekk, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata talli adottat miżuri ex officio bil-għan li tinforma ruħha fuq il-kwalità ta’ partijiet interessati ta’ Scheucher-Fleisch et, peress li hija għamlet dan fil-kuntest tal-eżami tagħha ta’ eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku.

99      Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti Ġenerali biss tista’ tiddeċiedi fir-rigward tal-bżonn eventwali li tiġi kkompletata l-informazzjoni li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha dwar il-kawżi quddiemha. In-natura probatorja jew mhux probatorja tal-atti tal-kawża taqa’ taħt is-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-fatti li hija għandha, u li ma tistax tiġi mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-provi ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali jew meta l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet magħmula minn din tal-aħħar jirriżultaw mid-dokumenti fil-proċess (ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il‑Kummissjoni, C‑385/07 P, Ġabra p. I‑6155, punt 163, u l-ġurisprudenza ċċitata).

100    Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata fir-rigward tal-fatt li, qabel u waqt is-seduta għamlet serje ta’ mistoqsijiet lill-partijiet sabiex tikkompleta l-informazzjoni li kellha diġà għad-dispożizzjoni tagħha u talli wasslet għal ċerti konklużjonijiet mir-risposti mogħtija mill-partijiet għal dawn il-mistoqsijiet fil-kuntest ta’ miżuri validament imqajma minnhom. Bl-istess mod, ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Kummissjoni ma jistgħux jikkritikawha, fl-istadju tal-appell, talli ma adottatx miżuri ta’ organizzazzjoni oħra li huma ma talbuhiex tadotta fl-istadju tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, peress li r-Repubblika tal-Awstrija ma pparteċipatx fiha, u li huma ma jiddeskrivux fid-dettall fil-kuntest ta’ din il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

101    Għalhekk ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Kummissjoni ma jistgħux validament jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli kisret ir-regoli li jirregolaw l-oneru tal-prova, u lanqas talli influwenzat indebitament l-investigazzjoni, u lanqas talli kkompletat informazzjoni li hija kellha b’mod adegwat.

102    Essenzjalment, dawn l-argumenti jiddiskutu l-evalwazzjoni tal-fatti mill-Qorti Ġenerali dwar il-kwalità ta’ “parti interessata”, fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE ta’ Scheucher-Fleisch et, jew ukoll l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni.

103    Issa, it-tielet u l-ħames aggravji li jqajmu tali kwistjonijiet huma inammissibbli fil-kuntest ta’ dan l-appell. Fi kwalunkwe każ huma neqsin minn bażi legali għar-raġunijiet esposti fir-risposta pprovduta fl-ewwel u fit-tieni aggravju.

104    Fir-rigward tar-raba’ aggravju, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet impost fuq il-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 36 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jeħtieġx li hija tipprovdi preżentazzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u individwali r-raġunamenti kollha esposti mill-partijiet fil-kawża. Għaldaqstant il-motivazzjoni tista’ tkun impliċita, bil-kundizzjoni li hija tippermetti lill-partijiet interessati jsiru jafu r-raġunijiet li għalihom ittieħdu l-miżuri inkwistjoni u lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha biżżejjed elementi sabiex teżerċita l-kontroll ġudizzjarju tagħha (ara s-sentenza Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105    F’dan il-każ, l-argumenti ppreżentati mir-Repubblika tal-Awstrija jiddiskutu kwistjonijiet li huma s-suġġett tal-ewwel u t-tieni aggravji u għandhom, għalhekk, jiġu miċħuda għar-raġunijiet esposti fir-risposta mogħtija lil dawn l-aggravji.

106    B’mod partikolari, fir-rigward tal-argument li jikkonċerna n-natura allegatament kontradittorja tal-motivazzjoni tas-sentenza appellata, għandu jiġi enfasizzat li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, rikorrent li huwa direttament u individwalment ikkonċernat minn deċiżjoni tal-Kummissjoni minħabba l-kwalità tagħha ta’ “parti interessata” fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE jista’ jinvoka kull motiv li jista’ jipprova li din l-istituzzjoni jmissa kellha dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ miżura ta’ għajnuna mas-suq komuni, u, għaldaqstant, li hija jmissa fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-imsemmija dispożizzjoni. B’hekk, il-fatt li l-Qorti Ġenerali eżaminat motivi marbuta mal-fondatezza tad-deċiżjoni kontenzjuża bil-għan li tiddetermina jekk id-drittijiet proċedurali ta’ Scheucher-Fleisch et kinux inkisru ma huwiex inkompatibbli mal-konstatazzjoni tagħha, fil-punti 60 u 61 tas-sentenza appellata, li huma ma kinux ipprovaw li l-pożizzjoni tagħhom fis-suq setgħet tiġi sostanzjalment affettwata bl-għajnuna li kienet is-suġġett tad-deċiżjoni kontenzjuża.

107    Għandu wkoll jiġi miċħud, l-argument, imqajjem mill-Kummissjoni, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata peress li l-Qorti Ġenerali, minn naħa, ma eżaminatx jekk il-kontradizzjoni bejn l-AMA‑Gesetz 1992 u d-direttivi AMA kellhom jagħtu lok għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u, min-naħa l-oħra, ma kkonstatatx li l-evalwazzjoni ta’ din id-deċiżjoni mill-Kummissjoni kienet tkun l-istess li kieku hija kienet fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

108    Fil-fatt, għandu jitfakkar li s-suġġett tar-rikors għal annullament kien deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet taħt l-Artikolu 88(3) KE.

109    Issa, kif ġie mfakkar fil-punti 40 sa 42 ta’ din is-sentenza, il-proċedura preliminari li tagħti lok għal tali deċiżjoni għandha biss bħala għan li tippermetti lill-Kummissjoni tifforma opinjoni preliminari fuq il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni. B’hekk, il-Qorti Ġenerali ma tistax tindaħal fil-kompetenzi tal-Kummissjoni billi tiddeċiedi li l-evalwazzjoni tagħha kienet tkun l-istess li kieku hija kienet fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

110    Barra minn hekk, peress li l-eżistenza ta’ dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ miżura mas-suq komuni huwa biżżejjed sabiex il-Kummissjoni tkun obbligata tiftaħ l-imsemmija proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Qorti Ġenerali ma kellhiex bżonn tispjega, fis-sentenza appellata, ir-raġunijiet li għalihom il-kontradizzjoni li kienet ikkonstatat bejn l-AMA‑Gesetz 1992 u d-direttivi AMA kellha tagħti lok għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

111    Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażżjoni tikkonstata li deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet taħt l-Artikolu 88(3) KE, li tingħata f’termini qosra, għandha tinkludi r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni tqis li quddiemha ma għandhiex diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna kkonċernata mas-suq komuni u li anki motivazzjoni fil-qosor ta’ din id-deċiżjoni għandha tiġi kkunsidrata suffiċjenti fir-rigward tar-rekwiżit ta’ motivazzjoni li jipprovdi l-Artikolu 253 TFUE jekk hija turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni qieset li ma tinsabx fil-preżenza ta’ tali diffikultajiet, fejn il-kwistjoni tal-fondatezza ta’ din il-motivazzjoni ma tagħmilx parti minn dan ir-rekwiżit (ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C‑333/07, Ġabra p. I‑10807, punti 65, 70 u 71).

112    B’hekk, fis-sentenza appellata ma jistax jiġi kkritikat li kien hemm nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward, peress li l-kwistjoni dwar jekk l-evalwazzjoni dwar il-kompatibbiltà kinitx l-istess jew le ladarba tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma tagħmilx parti minn dan ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni.

113    Konsegwentement, it-tielet sal-ħames aggravji għandhom jiġu miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondati.

114    Għaldaqstant, l-appell prinċipali għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-appell inċidentali

 L-argumenti tal-partijiet

115    Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni tqajjem, insostenn tal-argument li jgħid li Scheucher-Fleisch et ma kinux direttament u individwalment ikkonċernati bid-deċiżjoni kontenzjuża, il-fatt li l-kontribuzzjonijiet inkwistjoni ma kinux komponenti tal-għajnuna awtorizzata b’din id-deċiżjoni.

116    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li s-sentenza appellata ġġustifikat il-fatt li Scheucher-Fleisch et kienu direttament affettwati bid-deċiżjoni kontenzjuża fid-dawl tal-obbligu tagħhom li jħallsu kontribuzzjoni lill-AMA. Issa, skont il-Kummissjoni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari mis-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2005, Distribution Casino France et (C‑266/04 sa C‑270/04, C‑276/04 u C‑321/04 sa C‑325/04, Ġabra p. I‑9481), jirriżulta li t-taxxi ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, sakemm ma jikkostitwixxux metodu ta’ finanzjament ta’ miżura ta’ għajnuna, b’tali mod li huma jagħmlu parti sħiħa minn din il-miżura minħabba l-eżistenza ta’ rabta ta’ allokazzjoni restrittiva bejn it-taxxa u l-għajnuna, fis-sens li l-prodott tal-ewwel huwa neċessarjament allokat għall-finanzjament tat-tieni.

117    Skont il-Kummissjoni, fuq dan il-punt, is-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi, sa fejn, fis-sistema AMA, ma teżisti ebda rabta bejn il-kontribuzzjonijiet u l-ammont tal-għajnuna mogħtija, bħalma diġà kkonstatat diġà numru ta’ drabi l-Verwaltungsgerichtshof.

118    B’hekk, il-Kummissjoni tqis li r-rikors ippreżentat minn Scheucher-Fleisch et jmissu tqies bħala inammissibbli.

119    Ir-Repubblika tal-Awstrija taqbel mar-raġunament tal-Kummissjoni u tosserva li n-nuqqas ta’ rabta ta’ allokazzjoni restrittiva f’dan il-każ huwa kkonfermat bil-fatt li l-miżuri ffinanzjati mill-AMA ma humiex kwantifikabbli f’ammonti skont il-benefiċjarji differenti u l-miżuri huma applikati indipendentement mill-prodott tal-kontribuzzjonijiet.

120    F’dan ir-rigward, l-imsemmi Stat Membru jenfasizza li, skont l-Artikolu 21j(1) tal-AMA-Gesetz 1992, il-kontribuzzjonijiet iservu sabiex ikopru l-ispejjeż amministrattivi tal-AMA marbuta mal-ġbir tagħha u għandhom ukoll jintużaw għall-miżuri elenkati fl-Artikolu 21 ta’ din il-liġi.

121    Scheucher-Fleisch et josservaw li dan il-motiv huwa ġdid u li ma tqajjimx la quddiem il-Qorti Ġenerali u lanqas fl-appell. Skont dawn il-partijiet, fis-sistema ta’ marketing agrikolu tal-AMA, teżisti rabta ta’ allokazzjoni restrittiva, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata mill-Kummissjoni insostenn tal-aggravju tagħha, bejn il-kontribuzzjonijiet u l-għajnuna inkwistjoni, peress li l-kontribuzzjonijiet lill-AMA kienu l-uniku mezz li hija kellha għall-promozzjoni tal-kreditu agrikolu. Fir-rigward tas-sentenza Nru 2005/17/0230 tal-Verwaltungsgerichtshof, tal-20 ta’ Marzu 2006, Scheucher-Fleisch et iqisu li dan huwa dovut għal interpretazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u josservaw li din tal-aħħar qatt ma ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan il-punt.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

122    Preliminarjament, għandu jiġi analizzat jekk, bħalma jsostnu Scheucher-Fleisch et, l-aggravju mqajjem fil-kuntest tal-appell inċidentali huwiex ġdid.

123    Fil-fatt, li parti tiġi permessa tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizza motiv dwar l-att ikkontestat quddiem il-Qorti Ġenerali li hija ma invokatx quddiem din tal-aħħar ikun ifisser li hija tiġi permessa tressaq kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li tkun iktar wiesgħa minn dik li tressqet quddiem il-Qorti Ġenerali meta, fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat lill-motivi li dwarhom sar dibattitu quddiem l-ewwel formazzjoni ġudikanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il‑Kunsill, C‑266/05 P, Ġabra p. I‑1233, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

124    F’dan il-każ, dan l-aggravju huwa marbut u jintegra ruħu mal-motiv ta’ inammissibbiltà, u li fir-rigtward tiegħu il-Kummissjoni marret espressament quddiem il-Qorti Ġenerali, fejn ġiet iddikjarata l-inammissibbiltà tar-rikors għal annullament dirett kontra d-deċiżjoni kontenzjuża inkwantu Scheucher-Fleisch et ma kinux direttament u individwalment ikkonċernati b’din id-deċiżjoni.

125    Konsegwentement, l-appell inċidentali huwa ammissibbli.

126    Fir-rigward tal-motiv invokat mill-Kummissjoni, għandu jiġi mfakkar li, bil-kontra ta’ dak li ssostni, is-sentenza appellata ma ġġustifikatx il-fatt li Scheucher-Fleisch et kienu direttament ikkonċernati bid-deċiżjoni kontenzjuża fuq is-sempliċi bażi tal-obbligu tagħhom li jħallsu kontribuzzjoni lill-AMA.

127    Fil-fatt, mill-punt 37 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha, minn naħa, fuq in-notifika ta’ ħlas indirizzata lil waħda minn dawn il-partijiet u, min-naħa l-oħra, fuq il-paġni tal-internet tal-AMA u ta’ bejjiegħ bl-imnut li fir-rigward tagħhom kien irriżulta li t-tikketti “AMA” kienu nħarġu qabel id-deċiżjoni kontenzjuża.

128    Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 44 ta’ din is-sentenza, kull parti interessata, fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999, huwa direttament u individwalment ikkonċernat b’deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, sa fejn hija tqajjem motivi ta’ annullament kontra din id-deċiżjoni bil-għan li tipproteġi d-drittijiet proċedurali tagħha.

129    B’hekk l-aggravju uniku mqajjem fil-kuntest tal-appell inċidentali, għal darb’oħra jiddiskuti l-kwalità tal-parti interessata, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ta’ Scheucher‑Fleisch et.

130    F’dan ir-rigward, jeħtieġ, minn naħa, li jsir riferiment għar-risposta mogħtija għat-tieni parti tal-ewwel aggravju.

131    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest tar-risposta tagħhom u matul is-seduta, Scheucher-Fleisch et ilmentaw li kellhom l-obbligu mhux biss li jikkontribwixxu għall-finanzjament tas-sistema implementata, iżda wkoll li jbatu mill-iżvantaġġ marbut mal-fatt li l-kompetituri tagħhom biss jibbenefikaw mill-miżuri ta’ reklamar maħruġa mill-AMA Marketing.

132    Issa, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999, “parti interessata” għandha tinftiehem b’mod partikolari kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna, jiġifieri b’mod partikolari impriżi kompetituri tal-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna. Fi kliem ieħor, dan jirrigwarda numru indeterminat ta’ destinatarji, li ma jeskludix il-fatt li kompetitur indirett tal-benefiċjarju tal-għajnuna jista’ jiġi kkwalifikat bħala “parti interessata”, sa fejn huwa jsostni li l-interessi tiegħu jistgħu jiġu affettwati bl-għoti tal-għajnuna u li jipprova, suffiċjentement skont il-liġi, li hemm possibbiltà li l-għajnuna jkollha inċidenza konkreta fuq is-sitwazzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, iċċitata iktar ’il fuq, punti 63 sa 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

133    F’dan il-każ, peress li s-sentenza appellata kkonstatat li Scheucher‑Fleisch et kellhom jiġu kkunsidrati bħala “partijiet interessati” fis-sens tal-Artikolu 1(h) tal-imsemmi regolament, l-aggravju mqajjem mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-appell inċidentali għandu jiġi miċħud bħala infondat.

134    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-appell inċidentali għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

135    Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell taħt l-Artikolu 118 ta’ dawn l-istess regoli, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall‑ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika tal-Awstrija tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub minn Scheucher‑Fleisch et.

136    Peress li Scheucher-Fleisch et ma talbitx il-kundanna tal-Kummissjoni, din tal-aħħar għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appelli prinċipali u inċidentali huma miċħuda.

2)      Ir-Repubblika tal-Awstrija hija kkundannata għall-ispejjeż.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Firem


* Lingwa tal-Kawża: Il-Ġermaniż.