Language of document : ECLI:EU:T:2019:668

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

24 ta’ Settembru 2019 (*)

“Dumping – Importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina miċ-Ċina – Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 [li sar l-Artikolu 2(7)(b) u (c) tar-Regolament (UE) 2016/1036] – Status ta’ impriża li topera skont il-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq – Kunċett ta’ ‘distorsjoni sinjifikattiva tal-ispejjeż ta’ produzzjoni u tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriżi’ – Vantaġġi fiskali – Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

Fil-Kawża T‑586/14 RENV,

Xinyi PV Products (Anhui) Holdings Ltd, stabbilita f’Anhui (iċ-Ċina), irrappreżentata minn Y. Melin, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn u T. Maxian Rusche, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

GMB Glasmanufaktur Brandenburg GmbH, stabbilita f’Tschernitz (il-Ġermanja), irrappreżentata minn R. MacLean, avukat,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 470/2014 tat-13 ta’ Mejju 2014 li jimponi dazju antidumping u ġbir definittiv tad-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2014, L 142, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn D. Gratsias, President, I. Labucka (Relatur) u I. Ulloa Rubio, Imħallfin,

Reġistratur: F. Oller, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas-16 ta’ Jannar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Xinyi PV Products (Anhui) Holdings Ltd, hija kumpannija stabbilita fiċ-Ċina, li tipproduċi hemmhekk u tesporta lejn l-Unjoni Ewropea ħġieġ solari msemmi mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 470/2014 tat-13 ta’ Mejju 2014 li jimponi dazju antidumping u ġbir definittiv tad-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2014, L 142, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”).

2        Ir-rikorrenti għandha azzjonista waħda, li hija l-kumpannija Xinyi Solar (Hong Kong) Ltd, stabbilita f’Hong Kong (iċ-Ċina), li hija kkwotata fil-Borża ta’ Hong Kong.

3        Fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, fil-21 ta’ Mejju 2013 ir-rikorrenti, abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51, rettifiki fil-ĠU 2010, L 7, p. 22, fil-ĠU 2011, L 293, p. 39, u fil-ĠU 2016, L 44, p. 20, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”) [issostitwit bir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21)], ressqet talba għall-ammissjoni għall-benefiċċju tal-istatus ta’ impriża li topera skont il-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq (iktar ’il quddiem it-“TES”), fis-sens tal-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar-Regolament bażiku [li sar l-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament 2016/1036].

4        Fis-6 ta’ Ġunju 2013 ir-rikorrenti ppreżentat ir-risposti tagħha għall-kwestjonarju antidumping tal-Kummissjoni Ewropea.

5        Fil-21 ta’ Ġunju 2013 ir-rikorrenti rrispondiet għat-talba għal informazzjoni addizzjonali tal-Kummissjoni

6        L-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti fil-formula ta’ talba għal għoti ta’ TES u r-risposti tagħha għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni ġew ivverifikati fis-sede Ċiniża tar-rikorrenti bejn il-21 u s-26 ta’ Ġunju 2013.

7        Fl-aħħar tax-xahar ta’ Ġunju u f’Lulju 2013, ir-rikorrenti, bi qbil mal-Kummissjoni u skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar, ipprovdiet informazzjoni addizzjonali.

8        Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Awwissu 2013, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li hija kienet tqis li ma tistax tilqa’ t-talba tagħha għall-għoti ta’ TES, sempliċement minħabba li ma kinitx tissodisfa d-dispożizzjonijiet tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku (iktar ’il quddiem l-“ittra tat-22 ta’ Awwissu 2013”). Il-Kummissjoni stiednet lir-rikorrenti sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, filwaqt li min-naħa l-oħra kkunsidrat li hija kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti fl-ewwel, fit-tieni, fir-raba’ u fil-ħames inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tal-imsemmi regolament.

9        Fl-1 ta’ Settembru 2013, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha filwaqt li kkontestat l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni.

10      Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Settembru 2013, il-Kummissjoni wieġbet għal dawn l-osservazzjonijiet fid-deċiżjoni finali tagħha li ddeċidiet dwar it-talba għall-għoti ta’ TES (iktar ’il quddiem l-“ittra tat-13 ta’ Settembru 2013”), li kkonfermat iċ-ċaħda tat-talba għall-għoti ta’ TES imressqa mir-rikorrenti.

11      Fis-26 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (UE) Nru 1205/2013 li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2013, L 316, p. 8, iktar ’il quddiem ir-“Regolament provviżorju”).

12      Il-premessi 34 sa 47 tar-Regolament provviżorju, iddedikati għat-“[t]rattament ta’ ekonomija tas-suq”, jaqraw kif ġej:

“(34)      Skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, fl-investigazzjonijiet tal-antidumping li jikkonċernaw l-importazzjonijiet mi[ċ-Ċina], il-valur normali jiġi ddeterminat skont l-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament bażiku għal dawk il-produtturi esportaturi li nstabu li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku.

(35)      Fil-qosor, u għall-faċilità ta’ referenza biss, dawn il-kriterji huma stabbiliti hawn taħt:

(1)      id-deċiżjonijiet tan-negozju jsiru bħala reazzjoni għall-kundizzjonijiet tas-suq u mingħajr interferenza sinifikanti mill-Istat, u l-kosti jirriflettu l-valuri tas-suq;

(2)      id-ditti għandhom sett wieħed ċar ta’ rekords kontabilistiċi bażiċi, li jiġu vverifikati b’mod indipendenti, skont l-istandards internazzjonali tal-kontabilità u huma applikati għall-iskopijiet kollha;

(3)      ma hemmx distorsjonijiet sinifikanti trasferiti mis-sistema preċedenti ta’ ekonomija mhux tas-suq;

(4)      il-liġijiet dwar il-falliment u l-proprjetà jipprovdu ċ-ċertezza u l-istabilità ġuridika;

(5)      il-konverżjonijiet tar-rati tal-kambju jsiru skont ir-rata tas-suq.

(36)      Għaxar kumpaniji li jikkooperaw talbu TES skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku u wieġbu għal-formola ta’ talba għal TES fl-iskadenzi mogħtija. Skont l-Artikolu 2(7)(d) tar-Regolament bażiku, twettqet verifika tat-TES għall-kumpaniji li ġew inklużi fil-kampjun[, fosthom ir-rikorrenti].

(37)      Minn dan isegwi li d-determinazzjoni tat-TES saret fir-rigward tal-erba’ kumpaniji jew gruppi ta’ kumpaniji li ġejjin.

–        Kumpaniji fil-kampjun

–        […];

–        [ir-rikorrenti] u Xinyi Solar (Hong Kong) […];

–        […]

–        Kumpanija soġġetta għal eżami individwali

–        […]

(38)      Il-Kummissjoni fittxet l-informazzjoni kollha li hija qieset neċessarja u vverifikat l-informazzjoni kollha ppreżentata fit-talbiet għal TES fil-bini tal-kumpaniji inkwistjoni.

(39)      Fil-każ ta’ partijiet relatati, il-Kummissjoni teżamina jekk il-grupp ta’ kumpaniji relatati, kumplessivament, jissodisfax il-kundizzjonijiet għal TES. Għalhekk, f’każijiet fejn kumpanija sussidjarja jew kwalunkwe kumpanija oħra relatata mal-applikant [fiċ-Cina] tkun involuta, direttament jew indirettament, fil-produzzjoni jew il-bejgħ tal-prodott ikkonċernat, l-eżaminazzjoni tat-TES issir fir-rigward ta’ kull kumpanija b’mod individwali, kif ukoll fir-rigward tal-grupp ta’ kumpaniji b’mod ġenerali.

(40)      Għaldaqstant, ġew investigati t-talbiet għal TES ta’ erba’ produtturi esportaturi (gruppi ta’ kumpaniji), magħmula minn ħdax-il entità ġuridika.

(41)      L-investigazzjoni stabbiliet li l-erba’ produtturi esportaturi (gruppi ta’ kumpaniji) kollha li talbu TES naqsu milli juru li huma jissodisfaw il-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku.

(42)      […]

(43)      [L]-erba’ produtturi esportaturi kollha, individwalment jew bħala grupp, naqsu milli juru li ma kinux soġġetti għal distorsjonijiet sinifikanti trasferiti mis-sistema ekonomika mhux tas-suq. Għaldaqstant, dawn il-kumpaniji, jew grupp ta’ kumpaniji, ma ssodisfawx il-kriterju 3 tat-TES. B’mod aktar speċifiku, l-erba’ produtturi esportaturi kollha, jew gruppi ta’ produtturi esportaturi, ibbenefikaw minn reġimi ta’ taxxa preferenzjali.

(44)      […]

(45)      Il-Kummissjoni żvelat ir-riżultati tal-investigazzjoni tat-TES lill-kumpaniji kkonċernati, lill-awtoritajiet tar-RPĊ u lill-ilmentatur u stednithom biex jikkumentaw.

(46)      Il-kummenti li waslu ma kinux tali li jbiddlu s-sejbiet preliminari tal-Kummissjoni. Wara li kkonsultat lill-Istati Membri skont l-Artikolu 2(7)(c), l-applikanti kollha ġew individwalment u formalment notifikati, fit-13 ta’ Settembru 2013, bid-determinazzjoni finali tal-Kummissjoni fir-rigward tat-talbiet tat-TES rispettivi tagħhom.

(47)      Għaldaqstant, l-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi li kkooperaw jew gruppi ta’ produtturi esportaturi fi[ċ-Ċina] li kienu talbu għal TES ma seta’ juri li jissodisfa l-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament Bażiku u għaldaqstant it-talbiet tagħhom għal TES ġew rifjutati.”

13      Fit-13 ta’ Mejju 2014, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ikkontestat.

14      Fil-premessi 32 sa 34 tar-Regolament ikkontestat, iddedikati għat-“Trattament tal-Ekonomija tas-Suq (TES)”, il-Kummissjoni qieset dan li ġej:

“(32)      Wara l-iżvelar proviżorju u sussegwentement wara l-iżvelar definittiv, [ir-rikorrenti] ddikjara[t] li l-Kummissjoni żbaljat meta ċaħdet it-talba tagħha għal TES. Kienet diġà saret l-istess dikjarazzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tat-TES fl-istadju proviżorju u kienet ġiet miċħuda mill-Kummissjoni fil-premessi 43 u 47 tar-Regolament proviżorju.

(33)      [Ir-rikorrenti] iddikjara[t] li l-benefiċċji rċevuti minn reġimi ta’ taxxa preferenzjali u l-għotjiet ma jirrappreżentawx proporzjon sinifikanti tal-fatturat tagħhom. F’dan ir-rigward, ta’ min jiftakar li dan l-argument, flimkien ma’ argumenti oħrajn, kien diġà ġie indirizzat fl-ittra tal-Kummissjoni għall-esportatur, bid-data tat-13 ta’ Settembru 2013, li fiha l-Kummissjoni nnotifikat lill-parti fir-rigward tad-determinazzjoni tat-TES tagħha. B’mod partikolari, ġie enfasizzat li minħabba n-natura ta’ dan il-vantaġġ, il-benefiċċju assolut riċevut matul il-PI [perijodu tal-investigazzjoni] huwa irrelevanti għall-valutazzjoni ta’ jekk id-distorsjoni hijiex ‘sinifikanti’. Għaldaqstant, din id-dikjarazzjoni ġiet irrifjutata.

(34)      Fir-rigward ta’ dan ta’ hawn fuq, is-sejba li d-dikjarazzjonijiet kollha tat-TES għandhom jiġu miċħuda, kif stabbilit fil-premessi 34 sa 47 tar-Regolament proviżorju, hija kkonfermata.”

 Il-proċedura u talbiet tal-partijiet fil-Kawża T586/14

15      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Awwissu 2014, ir-rikorrenti talbet l-annullament tar-Regolament ikkontestat.

16      Il-Kummissjoni ppreżentat risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Ottubru 2014, li permezz tagħha talbet lill-Qorti Ġenerali tiċħad ir-rikors u tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

17      Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ppreżentaw fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali replika u kontroreplika fis-16 ta’ Diċembru 2014 u fit-30 ta’ Jannar 2015, rispettivament.

18      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.

19      B’applikazzjoni tal-Artikolu 64(2)(a) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, il-Qorti Ġenerali għamlet lill-partijiet domandi sabiex iweġbuhom bil-miktub qabel ma tinżamm is-seduta.

20      Il-partijiet wieġbu dawn id-domandi fit-termini stabbiliti.

21      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad-9 ta’ Settembru 2015.

22      Permezz ta’ sentenza tas-16 ta’ Marzu 2016, Xinyi PV Products (Anhui) Holdings vs Il-Kummissjoni (T‑586/14, iktar ’il quddiem is-“sentenza inizjali”, EU:T:2016:154), il-Qorti Ġenerali annullat ir-Regolament ikkontestat filwaqt li kkundannat lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk tar-rikorrenti.

23      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Mejju 2016, il-Kummissjoni ppreżentat appell mis-sentenza inizjali.

24      Permezz ta’ digriet tat-13 ta’ Ottubru 2016, Il-Kummissjoni vs Xinyi PV Products (Anhui) Holdings (C‑301/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:796), GMB Glasmanufaktur Brandenburg GmbH tħalliet tintervjeni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

25      Permezz ta’ sentenza tat-28 ta’ Frar 2018, Il-Kummissjoni vs Xinyi PV Products (Anhui) Holdings (C‑301/16 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza mogħtija fl-appell”, EU:C:2018:132), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza inizjali, irrinvijat il-kawża lill-Qorti Ġenerali u rriżervat l-ispejjeż.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet wara r-rinviju

26      Wara s-sentenza mogħtija fl-appell u konformement mal-Artikolu 215 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, din il-kawża ġiet assenjata lill-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali.

27      Konformement mal-Artikolu 217(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni, fis-27 ta’ April 2018, kif ukoll l-intervenjenti, fit-8 ta’ Mejju 2018, ippreżentaw fit-termini stabbiliti l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom fuq il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mis-sentenza mogħtija fl-appell għas-soluzzjoni tat-tilwima.

28      B’applikazzjoni tal-Artikolu 89(2)(a) tar-Regoli tal-Proċedura, fil-21 ta’ Novembru 2018 il-Qorti Ġenerali għamlet lill-partijiet domandi sabiex iweġbuhom bil-miktub qabel ma tinżamm is-seduta.

29      Il-partijiet wieġbu dawn id-domandi fit-termini stabbiliti.

30      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-16 ta’ Jannar 2019.

31      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-Regolament ikkontestat sa fejn dan jikkonċernaha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni u lill-intervenjenti għall-ispejjeż relatati mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

32      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż relatati mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

33      L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż, inklużi dawk marbuta mal-intervent tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

 Id-dritt

34      Insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tar-Regolament ikkontestat, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

35      L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku.

36      Huwa tajjeb li wieħed jibda bl-eżami tat-tieni parti tal-ewwel motiv.

37      Permezz tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti u żball ta’ liġi meta affermat li d-distorsjonijiet kienu sinjifikattivi fir-rigward tal-ispejjeż ta’ produzzjoni tagħha u tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku.

38      Ir-rikorrenti ssostni li, jekk wieħed jippreżupponi li l-vantaġġi fiskali inkwistjoni huma ttrasferiti mis-sistema preċedenti ta’ ekonomija mhux tas-suq, tali vantaġġi ma jissuġġettawx l-ispejjeż ta’ produzzjoni tagħha u s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha għal distorsjonijiet sinjifikattivi. Fil-fatt, kif spjegat matul l-investigazzjoni, l-inċentivi fiskali inkwistjoni fil-każ tagħha kienu jirrappreżentaw biss 1.34 % tal-ispejjeż kollha ta’ produzzjoni tagħha u 1.14 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha.

39      Il-Kummissjoni naqset milli tittratta dan l-argument u kkunsidrat b’mod żbaljat, fl-ittra tat-13 ta’ Settembru 2013, li distorsjoni sinjifikattiva kienet tirriżulta minn rati ta’ taxxa inferjuri inkwantu hija “tista’ b’mod partikolari tissodisfa l-għan li tattira l-kapital b’rati mnaqqsa u b’hekk taffettwa s-sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika globali tal-kumpannija”, filwaqt li effett finanzjarju ta’ inqas minn 1.5 % tal-ispejjeż ta’ produzzjoni jew tad-dħul mill-bejgħ ma jistax jikkostitwixxi inċentiv serju sabiex jiġi attirat il-kapital, b’mod partikolari għal Xinyi Solar (Hong Kong).

40      Fir-rigward tal-kobor tad-distorsjoni, qabel kollox, il-Kummissjoni tenfasizza li r-rikorrenti ma kkontestatx il-fatt li hija kienet ibbenefikat minn skema fiskali preferenzjali u ssostni li, meta kumpanniji meqjusa strateġiċi mill-gvern jibbenefikaw minn trattament favorevoli fil-kuntest ta’ sistema ta’ tassazzjoni bbażata fuq id-dħul, id-distorsjonijiet li jirriżultaw minn dan it-trattament huma sinjifikattivi, peress li dawn jemendaw kompletament l-ammont tal-profitti qabel it-taxxa li dawn l-impriżi għandhom jilħqu sabiex jattiraw l-investituri. Peress li dawn id-distorsjonijiet huma ta’ natura permanenti, il-vantaġġ assolut miksub matul il-perijodu ta’ investigazzjoni huwa, min-natura tiegħu stess, irrilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk id-distorsjoni hijiex sinjifikattiva.

41      Sussegwentement, il-Kummissjoni ssostni li, fid-dawl tal-kobor tal-vantaġġi fiskali inkwistjoni, hija setgħet essenzjalment tippreżumi li l-attrattività tal-kapital barrani kienet ġiet imsaħħa, b’tali mod li d-distorsjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti kienet sinjifikattiva u li, fi kwalunkwe każ, din tal-aħħar ma kinitx ġabet il-prova kuntrarja ta’ dan.

42      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma pprovdietx bażi li tiġġustifika r-raġuni għalfejn il-kriterju ta’ referenza għandu jkun id-dħul mill-bejgħ tagħha jew ir-raġuni għalfejn l-eżami tad-distorsjoni għandu jkun limitat għall-perijodu ta’ investigazzjoni, filwaqt li baqgħet siekta fir-rigward tas-sitwazzjoni finanzjarja ġenerali tagħha, għall-kuntrarju tal-ispejjeż ta’ produzzjoni tagħha jew tad-dħul mill-bejgħ tagħha.

43      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma tarax kif hija setgħet applikat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “distorsjoni sinjifikattiva” billi kkonkludiet li, minħabba l-perijodu ta’ eżenzjoni mit-taxxa ta’ sentejn u l-impożizzjoni ta’ 50 % tar-rata normali matul tliet snin li hija bbenefikat minnhom, flimkien ma’ vantaġġ fiskali permanenti u għal żmien indeterminat, ir-rikorrenti ma kinitx tat prova li l-ispejjeż ta’ produzzjoni tagħha jew is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha ma kinux is-suġġett ta’ distorsjoni sinjifikattiva li rriżultat mill-miżuri inkwistjoni.

44      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha dwar il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu mis-sentenza mogħtija fl-appell għas-soluzzjoni tat-tilwima, ir-rikorrenti żżomm it-talbiet tagħha magħmula fir-rikors.

45      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha dwar il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu mis-sentenza mogħtija fl-appell għas-soluzzjoni tat-tilwima, il-Kummissjoni tqis, f’dak li jikkonċerna t-tieni parti tal-ewwel motiv, li l-partijiet argumentaw fit-tul sew fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll waqt is-seduta.

46      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha dwar il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu mis-sentenza mogħtija fl-appell għas-soluzzjoni tat-tilwima, l-intervenjenti tirrileva li ż-żewġ vantaġġi fiskali inkwistjoni setgħu jiġu magħquda billi r-rikorrenti tingħata l-possibbiltà li tnaqqas ir-rata ta’ taxxa tagħha għal 14 % matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, filwaqt li r-rata normali tat-taxxa fuq il-kumpanniji Ċiniżi kienet ta’ 25 %, u tikkontesta l-pożizzjoni tar-rikorrenti li dawn il-vantaġġi ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala sinjifikattivi.

47      L-intervenjenti tinvoka f’dan is-sens ir-ristrutturazzjoni tar-rikorrenti u l-motivazzjonijiet tagħha kif ukoll iż-żieda fil-volum tal-importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina miċ-Ċina u s-sehem mis-suq tar-rikorrenti.

48      L-intervenjenti ssostni wkoll li, fin-nuqqas tal-vantaġġi fiskali inkwistjoni, ir-rikorrenti ma kinitx tkun kapaċi tassorbi, fid-dawl tal-marġni miżmuma, il-miżuri antidumping li ttieħdu fil-konfront tagħha, u lanqas ma kienet tkun tista’ tippenetra b’mod daqstant mgħaġġel u sostanzjali s-suq tal-Unjoni, filwaqt li ċaħdet ir-rilevanza tal-parti tal-imsemmija vantaġġi mill-ispejjeż kollha ta’ produzzjoni tagħha u tad-dħul mill-bejgħ tagħha.

49      Preliminarjament għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku [li sar l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament 2016/1036], fil-każ ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq, b’deroga mir-regoli stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 6 tal-imsemmija artikolu, il-valur normali bħala prinċipju huwa ddeterminat abbażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f’pajjiż terz li għandu ekonomija tas-suq.

50      L-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku huwa intiż li jevita t-teħid inkunsiderazzjoni tal-prezzijiet u tal-ispejjeż fis-seħħ fil-pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq sa fejn dawn il-parametri ma humiex ir-riżultat normali tal-forzi li jaġixxu fis-suq (ara s-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Il-Kunsill vs Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group, C‑337/09 P, Ġabra, EU:C:2012:471, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Madankollu, skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, fil-każ tal-investigazzjonijiet antidumping li jirrigwardaw l-importazzjonijiet li joriġinaw b’mod partikolari miċ-Ċina, il-valur normali jrid jiġi stabbilit skont l-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament bażiku (li sar l-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament 2016/1036), jekk ikun muri, fuq il-bażi ta’ talbiet dokumentati kif xieraq minn produttur wieħed jew iktar li jkunu suġġetti għall-investigazzjoni u skont il-kriterji u l-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(ċ) ta’ dan ir-regolament, illi l-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq jipprevalu għal dak il-produttur jew dawk il-produtturi fir-rigward tal-manifattura u l-bejgħ tal-prodott simili kkonċernat (sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Il-Kunsill vs Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group, C‑337/09 P, EU:C:2012:471, punt 67).

52      Għalhekk, minn naħa, huwa l-produttur li jixtieq jibbenefika mit-TES li għandu jippreżenta talba debitament dokumentata f’dan is-sens u, min-naħa l-oħra, hija l-Kummissjoni li għandha tevalwa jekk il-provi prodotti minn dan il-produttur humiex biżżejjed sabiex juru li l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku huma ssodisfatti. F’dan il-kuntest, il-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika, jekk ikun il-każ, jekk din l-evalwazzjoni hijiex ivvizzjata bi żball manifest (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Frar 2012, Brosmann Footwear (HK) et vs Il-Kunsill, C‑249/10 P, EU:C:2012:53, punt 32, u tad-19 ta’ Lulju 2012, Il-Kunsill vs Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group, C‑337/09 P, EU:C:2012:471, punt 70).

53      Ir-rekwiżit ta’ interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(7)(b) u (ċ) tar-Regolament bażiku ma jistax jippermetti lill-istituzzjonijiet jinterpretaw u japplikaw din id-dispożizzjoni b’mod inkompatibbli mal-kliem u mal-għan tagħha (sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Il-Kunsill vs Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group, C-337/09 P, EU:C:2012:471, punt 93).

54      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, il-kriterju li fir-rigward tiegħu għandha tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ rikors ippreżentat minn produttur li jixtieq jibbenefika mit-TES huwa dak li jikkonsisti f’li jsir magħruf jekk il-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq jipprevalixxux “għar-rigward tal-manifattura u l-bejgħ tal-prodott simili konċernat”.

55      Mill-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku jirriżulta li l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(ċ) tal-imsemmi regolament, li r-rikorsi ppreżentati mill-produtturi jikkonċernaw u li fid-dawl tagħhom il-Kummissjoni hija obbligata tevalwahom, jikkonċernaw il-“manifattura u l-bejgħ tal-prodott simili konċernat”. Din il-preċiżazzjoni saret, minn perspettiva kuntestwali, fil-kuntest tal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku, li jistabbilixxi r-regoli relatati mal-kalkolu tal-valur normali, jiġifieri l-prezz paragunabbli, ipprattikat matul tranżazzjonijiet kummerċjali normali, għall-prodott simili fil-pajjiż esportatur.

56      B’mod partikolari, skont l-Artikolu 2(1) u (3) tar-Regolament bażiku, il-valur normali għandu normalment ikun ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew pagabbli, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, minn xerrejja indipendenti mill-pajjiż esportatur. Meta l-ebda bejgħ tal-prodott simili ma jkun seħħ fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali jew fejn tali bejgħ ma jkunx biżżejjed jew meta, minħabba s-sitwazzjoni partikolari tas-suq, bejgħ bħal dan ma jippermettix paragun validu, dan il-valur għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-ispiża tal-produzzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini, flimkien ma’ ammont raġonevoli għall-ispejjeż tal-bejgħ, l-ispejjeż amministrattivi u spejjeż ġenerali oħra u marġni ta’ profitt raġonevoli. F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 2(4) sa (6) tar-Regolament bażiku jirriżulta li l-applikazzjoni fidila ta’ dawn il-kunċetti tiddependi fuq il-kwistjoni dwar jekk l-elementi tal-kontabbiltà li jirriżultaw mir-reġistri tal-produttur ikkonċernat li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni jirriflettux bħala prinċipju l-valuri tas-suq u jippermettux għalhekk kalkolu tal-valur normali skont l-għanijiet ta’ investigazzjoni antidumping.

57      Il-kriterji kollha stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni, meta jeżerċita l-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu, fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, jirriflettu r-rieda li jiġi vverifikat li l-operatur li jitlob li jibbenefika mit-TES jopera, fir-rigward tal-produzzjoni u tal-bejgħ tal-prodott simili kkonċernat, b’mod konformi mal-prinċipji li jippermettu kalkolu tal-valur normali.

58      Huwa f’dan il-kuntest li t-tielet kriterju stabbilit fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, li huwa l-uniku wieħed meqjus bħala li ma huwiex issodisfatt f’dan il-każ, jirrikjedi li “l-ispejjeż tal-produzzjoni u s-sitwazzjoni finanzjarja tad-ditti [ma jkunux] soġġetti għal distorsjoni sinjifikanti miġrur mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kienitx tas-suq, b’mod partikolari fejn għandhom x’jaqsmu l-iżvalutar tal-beni, qtugħ ieħor mill-kontijiet, in-negozju bl-iskambju ta’ l-oġġetti u l-ħlas permezz ta’ kumpens għad-djun”.

59      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-kundizzjoni msemmija fil-punt 58 iktar ’il fuq tirreferi għall-ispejjeż ta’ produzzjoni u għas-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża mill-perspettiva ta’ ċerti parametri li għandhom rabta diretta mal-metodi ta’ kalkolu tal-valur normali stabbiliti fl-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament bażiku. Dawn il-parametri huma, b’mod partikolari, l-iżvalutar tal-beni, qtugħ ieħor mill-kontijiet, in-negozju bl-iskambju tal-oġġetti u l-ħlasijiet permezz ta’ kumpens għad-djun. Huwa minnu li din id-dikjarazzjoni hija indikattiva, kif juri l-użu tal-avverbju “b’mod partikolari”. Madankollu, l-użu ta’ dan it-terminu la għandu bħala għan u lanqas bħala effett li jippermetti lill-Kummissjoni li tiċħad talba għall-ammissjoni għall-benefiċċju tat-TES abbażi ta’ ċirkustanzi li, anki jekk jiġu relatati mas-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża fis-sens wiesa’, ma jimplikawx awtomatikament distorsjoni — li għandha, barra minn hekk, tkun “sinjifikattiva” — ta’ fattur jew ta’ diversi fatturi li jiddeterminaw l-elementi relatati mal-manifattura u mal-bejgħ tal-prodott simili kkonċernat [ara, b’analoġija, fir-rigward tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Il-Kunsill vs Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group, C‑337/09 P, EU:C:2012:471, punti 78 sa 82).

60      Konsegwentement, fir-rigward ta’ miżuri li jikkonċernaw is-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża minn perspettiva ġenerali u li, minħabba dan il-fatt, jistgħu biss joħolqu ditorsjoni ta’ din is-sitwazzjoni b’mod sinjifikattiv fir-rigward tal-produzzjoni jew tal-bejgħ tal-prodott simili kkonċernat, hija l-Kummissjoni li għandha tevalwa, fid-dawl tal-elementi prodotti matul il-proċedura amministrattiva, jekk dawn il-miżuri humiex effettivament l-oriġini ta’ tali distorsjoni.

61      Fil-fatt, minn naħa, it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku jirreferi għal spejjeż ta’ produzzjoni u għal sitwazzjoni finanzjarja li “mhumiex” is-suġġett ta’ xi distorsjoni sinjifikattiva u mhux li “ma jistgħux” ikunu s-suġġett ta’ tali distorsjoni. Min-naħa l-oħra, in-natura “sinjifikattiva” tad-distorsjoni inkwistjoni għandha tiġi evalwata b’riferiment għall-għan ta’ din id-dispożizzjoni, li hija intiża sabiex tiżgura li ma sseħħx distorsjoni tal-elementi relatati mal-ispejjeż ta’ produzzjoni u mas-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża tant li l-eventwali applikazzjoni tal-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament bażiku tkun tagħti lok għal riżultati artifiċjali li jikkontestaw l-għanijiet ta’ investigazzjoni antidumping (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Il-Kunsill vs Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group, C‑337/09 P, EU:C:2012:471, punt 82).

62      F’dan il-każ, l-għoti tat-TES ġie rrifjutat lir-rikorrenti mill-Kummissjoni biss minħabba li hija ma kinitx stabbilixxiet li hija kienet tissodisfa l-kriterju stabbilit fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku.

63      B’mod partikolari, minn naħa, fl-ittra tat-22 ta’ Awwissu 2013 il-Kummissjoni qieset li r-rikorrenti kienet ibbenefikat minn diversi vantaġġi fiskali fir-rigward tat-taxxa fuq il-kumpanniji, jiġifieri:

“–      […] skema fiskali [li] tippermetti lil xi kumpanniji b’ishma barranin jibbenefikaw minn eżenzjoni fiskali totali mit-[taxxa fuq il-kumpanniji] (0 %) għal sentejn u li jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ 50 % mir-rata ta’ [din it-taxxa] matul it-tliet snin sussegwenti, jiġifieri rata ta’ 12.5 % minflok ir-rata normali ta’ 25 %;

–        skema fiskali msejħa tal-‘impriżi ta’ teknoloġija għolja’, li skontha l-kumpannija hija suġġetta għal rata ta’ tassazzjoni fuq il-kumpanniji ridotta ta’ 15 % minflok ir-rata normali ta’ 25 %. Din ir-rata ta’ tassazzjoni preferenzjali tikkostitwixxi sussidju ta’ natura adattabbli kważi permanenti li tista’ wkoll tfittex li tattira investimenti b’rati mnaqqsa u b’hekk toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.”

64      Minn dan il-Kummissjoni ddeduċiet li r-“rati ta’ taxxa mnaqqsa kienu joħolqu vantaġġi finanzjarji sostanzjali”, b’mod li r-rikorrenti “ma kienx irnexxielha tipprova li l-ispejjeż ta’ produzzjoni u s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha ma kienu jwasslu għal ebda distorsjoni ttrasferita mis-sistema preċedenti ta’ ekonomija mhux tas-suq”. Il-Kummissjoni fakkret li “l-iskema fiskali msejħa tal-‘impriżi ta’ teknoloġija għolja’ kienet reċentement ġiet analizzata fil-kawża tas-Solar Panels u ġiet ikkunsidrata bħala li tikkostitwixxi raġuni suffiċjenti sabiex jiġi rrifjutat l-għoti tat-TES”.

65      Min-naħa l-oħra, fl-ittra tat-13 ta’ Settembru 2013, li permezz tagħha l-Kummissjoni informat lir-rikorrenti bid-deċiżjoni finali tagħha dwar it-talba tagħha għal għoti tat-TES b’risposta għall-osservazzjonijiet tagħha fuq l-ittra tat-22 ta’ Awwissu 2013, il-Kummissjoni esponiet, b’mod partikolari, il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

“L-applikazzjoni ta’ skema ta’ rata ta’ tassazzjoni preferenzjali taffettwa l-ammont tal-profitti qabel it-taxxa li l-impriża għandha twettaq sabiex tattira l-investituri. Il-vantaġġ assolut mogħti matul il-perijodu ta’ investigazzjoni ma huwiex neċessarjament kriterju deċiżiv sabiex jiġi evalwat il-kobor tad-distorsjoni fid-dawl tan-natura tal-vantaġġ. Għall-kuntrarju, din l-evalwazzjoni għandha tirrigwarda l-impatt ġenerali tal-miżura fuq is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-kumpannija matul perijodu.

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li kien possibbli li għar-[rikorrenti] tiġi applikata r-rata ta’ tassazzjoni mnaqqsa (14.01 %) peress li [din] setgħet takkumula l-iskema fiskali tal-impriżi ta’ tekonoloġija għolja ma’ skema oħra, jiġifieri l-programm ‘Two Free 3 Halve’. L-effett ikkombinat kien rata mnaqqsa sostanzjalment meta mqabbla mar-rata normali (25 %), li setgħet, b’mod partikolari, tilħaq l-għan li tattira kapital b’rati mnaqqsa u, b’hekk, taffettwa s-sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika kollha tal-kumpannija.

[…]

Fl-aħħar, inti targumenta li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, li tipprovdi li l-iskema fiskali hija ta’ natura adattabbli kważi b’mod permanenti, hija infondata. L-argumenti tiegħek li jipprovdu li ż-żewġ skemi fiskali huma limitati ratione temporis debitament ittieħdu inkunsiderazzjoni. Madankollu, il-fatt li dawn iż-żewġ skemi fiskali ma humiex ta’ natura permanenti ma jistax jikkontesta l-fatt […] li dawn kellhom l-għan li jaffettwaw is-sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika tal-impriża.”

66      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni bbażat il-konklużjoni tagħha dwar il-kundizzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku fuq elementi li jirrigwardaw kriterju ieħor għajr dawk stabbiliti f’din id-dispożizzjoni (ara l-punt 58 hawn fuq). Fil-fatt, mill-ittri tat-22 ta’ Awwissu u tat-13 ta’ Settembru 2013 jirriżulta li hija bbażat ruħha, minn naħa, fuq il-vantaġġ finanzjarju li b’mod ġenerali joħolqu r-rati ta’ tassazzjoni mnaqqsa li minnhom tibbenefika r-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, fuq il-fatt li tali vantaġġ jista’ jattira investituri lejn il-kapital tar-rikorrenti. B’hekk, il-Kummissjoni tidher li ċaħdet l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-portata tal-vantaġġ inkwistjoni hija in concreto negliġibbli, billi tinsisti fuq dak li hija ssejjaħ l-“impatt ġenerali” tal-miżura inkwistjoni, li jikkonsisti fil-possibbiltà li “tattira kapital b’rati mnaqqsa”.

67      Issa, għandu jiġi kkonstatat li dawn ir-raġunijiet jirrigwardaw l-iktar l-iktar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża minn perspettiva eminentement astratta, mingħajr rabta mal-elementi msemmija espliċitament fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku jew ma’ elementi oħra relatati mal-manifattura u mal-bejgħ tal-prodott simili kkonċernat, li d-distorsjoni sinjifikattiva tagħhom li tirriżulta mill-vantaġġ kontenzjuż tpoġġi f’dubju l-possibbiltà li l-valur normali jiġi kkalkolat b’mod validu skont l-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament bażiku.

68      Fil-fatt, l-ewwel nett, sistema ta’ taxxa fuq il-kumpanniji tikkonċerna t-trattament fiskali tal-profitti magħmula matul sena finanzjarja partikolari. Għalhekk hija la għandha bħala għan u lanqas bħala effett li tinfluwenza l-ammont jew ir-rata stess ta’ dawn il-profitti, jew elementi oħra, bħala komponenti tal-valur normali li l-Kummissjoni għandha tikkalkola b’mod konformi mal-Artikolu 2(1) sa (6) tar-Regolament bażiku għall-finijiet ta’ investigazzjoni antidumping. Konsegwentement, ir-riferiment ġenerali tal-Kummissjoni għall-“impatt ġenerali” tal-miżuri inkwistjoni fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti ma għandhiex, bħala tali u mingħajr spjegazzjoni oħra, tkun rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku.

69      It-tieni nett, għandha ssir analiżi simili fir-rigward tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-“attrattività” tar-rikorrenti bħala destinatarja ta’ kapital ta’ investiment. B’mod partikolari, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-formulazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, is-sempliċi possibbiltà li skema ta’ tassazzjoni preferenzjali tattira investituri lejn il-kapital ta’ impriża ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha “hija” effettivament suġġetta għal distorsjoni sinjifikattiva. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-Kummissjoni, id-deċiżjoni ta’ investiment fil-kapital ta’ kumpannija ma ssirx b’“rata” kwalunkwe, tant li l-“għan li jiġi attirat kapital b’rati mnaqqsa” invokat minn din l-istituzzjoni jibqa’ evalwazzjoni li diffiċli biex tinftiehem. B’mod korrelattiv, u fi kwalunkwe każ, min-natura tiegħu l-fatt li investitur jassenja l-fondi tiegħu għax-xiri ta’ ishma fil-kapital tar-rikorrenti ma għandux rabta evidenti ma’ distorsjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha minn perspettiva li taqa’ taħt it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku (ara l-punti 59 sa 61 hawn fuq). B’hekk, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq sempliċi konġetturi sabiex tippreżumi l-effetti kunsiderevoli li jixirqilhom li jiġu kklassifikati bħala “distorsjoni sinjifikattiva”, u b’hekk sabiex tiċħad il-provi mressqa mir-rikorrenti li huma intiżi sabiex jiċħdu n-natura sinjifikattiva tad-distorsjoni li minnha hija setgħet ibbenifikat.

70      Dan jgħodd iktar u iktar meta, bħalma huwa l-każ tar-rikorrenti, il-produttur jistabbilixxi, fid-dawl tal-valur assolut baxx li l-inċentivi fiskali għandhom fuq id-dħul mill-bejgħ tiegħu u fuq l-ispejjeż kollha ta’ produzzjoni tiegħu, l-awtonomija ekonomika u finanzjarja tiegħu fis-suq inkwistjoni meta mqabbla mal-miżuri kkonċernati fuq perijodu, jiġifieri l-perijodu ta’ investigazzjoni.

71      Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li d-dħul mill-bejgħ ta’ impriża huwa indikatur rilevanti tas-saħħa ekonomika u finanzjarja tagħha, li minnu hija tagħmel il-profitti tagħha. Għalhekk, billi indikat li d-distorsjonijiet inkwistjoni kienu jirrappreżentaw 1.14 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha, ir-rikorrenti tabilħaqq ippreżentat element li, bħala prinċipju, huwa affidabbli u rilevanti dwar l-impatt ġenerali tal-miżura fiskali eżaminata fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha.

72      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-Kummissjoni, tal-inqas, li għandha tispjega r-rabta bejn l-għażla ta’ investiment fil-kapital tar-rikorrenti, jekk ikun il-każ abbażi ta’ skema ta’ tassazzjoni vantaġġuża, minn naħa, u d-distorsjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, min-naħa l-oħra, mhux b’mod ġenerali u teoretiku, iżda fid-dawl tal-għan imfittex mit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku (ara l-punti 49 sa 61 iktar ’il fuq).

73      Tali evalwazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li, sabiex jiġu skartati l-elementi ppreżentati mir-rikorrenti, il-Kummissjoni rreferiet b’mod espress għall-analiżi tagħha ta’ waħda mill-iskemi fiskali inkwistjoni fil-kuntest tal-kawża tas-“Solar Panels” u kkunsidrat li din l-analiżi kienet suffiċjenti sabiex tirrifjuta li tagħti t-TES lir-rikorrenti. Issa, skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, it-TES jiġi evalwat fid-dawl tal-kundizzjonijiet ekonomiċi li fihom jopera kull produttur li huwa s-suġġett tal-investigazzjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Frar 2012, Brosmann Footwear (HK) et vs Il-Kunsill, C‑249/10 P, EU:C:2012:53, punt 38].

74      Mill-evalwazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-motivi li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tiċħad it-talba għall-ammissjoni għall-benefiċċju tat-TES tar-rikorrenti huma vvizzjati bi żball manifest ta’ evalwazzjoni, tant li t-tieni parti tal-ewwel motiv hija fondata. Għaldaqstant, ir-Regolament ikkontestat għandu jiġi annullat mingħajr il-bżonn li tingħata deċiżjoni fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv kif ukoll fuq il-motivi l-oħra mqajma.

 Fuq l-ispejjeż

75      Skont l-Artikolu 219 tar-Regoli ta’ Proċedura, fid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali mogħtija wara annullament u rinviju, din għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż dwar, minn naħa, il-proċeduri mibdija quddiemha u, min-naħa l-oħra, il-proċedura tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Sa fejn, fis-sentenza mogħtija fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja rriżervat l-ispejjeż tar-rikorrenti, tal-Kummissjoni u tal-intervenjenti, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tiddeċiedi, f’din is-sentenza, fuq l-ispejjeż kollha relatati mal-proċeduri mibdija quddiemha, inkluż il-proċedura tal-ewwel istanza, kif ukoll l-ispejjeż relatati mal-proċedura tal-appell fil-Kawża C‑301/16 P.

76      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

77      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 134(2) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk ikun hemm iktar minn parti waħda li titlef il-kawża, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż.

78      F’dan il-każ, il-Kummissjoni tilfet il-proċedura tal-ewwel istanza u l-appellanti tilfet l-appell. Madankollu, peress li l-Kummissjoni u l-intervenjenti tilfu quddiem il-Qorti Ġenerali fil-proċedura wara rinviju, hemm lok li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk tar-rikorrenti, bl-esklużjoni tal-ispejjeż relatati mal-intervent. L-intervenjenti għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, l-ispejjeż tar-rikorrenti relatati mal-intervent tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

tiddikjara u tiddeċiedi:

1)      Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 470/2014 tat-13 ta’ Mejju 2014 li jimponi dazju antidumping u ġbir definittiv tad-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, huwa annullat.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk ta’ Xinyi PV Products (Anhui) Holdings Ltd, bl-esklużjoni ta’ dawk relatati mal-intervent.

3)      GMB Glasmanufaktur Brandenburg GmbH għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, l-ispejjeż ta’ Xinyi PV Products (Anhui) Holdings relatati mal-intervent tagħha.

Gratsias

Labucka

Ulloa Rubio

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-24 ta’ Settembru 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.