Language of document : ECLI:EU:T:2008:261

Kawża T-160/07

Lancôme parfums et beauté & Cie SNC

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Trade mark Komunitarja verbali COLOR EDITION — Raġuni assoluta għal rifjut — Karattru deskrittiv — Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 — Interess ġuridiku — Artikolu 55 tar-Regolament Nru 40/94”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Ċessjoni, revoka u invalidità — Talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikoli 7(1) u 55(1)(a),( b) u (ċ))

2.      Trade mark Komunitarja — Ċessjoni, revoka u invalidità — Raġunijiet assoluti ta’ invalidità

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikoli 7(1)(ċ) u 51(1)(a)))

1.      L-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, li jikkonċerna b’mod partikolari t-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażati fuq raġuni assoluta ta’ invalidità, ma jissuġġettax l-ammissibbiltà ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għall-prova ta’ interess ġuridiku. Dan jirriżulta, minn naħa, mill-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni li ma tagħmel ebda riferiment għal xi interess ġuridiku u, min-naħa l-oħra, mill‑istruttura tal-imsemmi Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 40/94, li jirriżerva trattament differenti għat-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażati fuq raġunijiet assoluti ta’ invalidità u għal dawk ibbażati fuq raġunijiet relattivi ta’ invalidità.

Fil-fatt, mill-istruttura tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li l‑leġiżlatur ried li kull persuna fiżika jew ġuridika u kull grupp li għandu locus standi jkun jista’ jippreżenta talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażati fuq raġunijiet assoluti ta’ invalidità, filwaqt li, f’dak li jikkonċerna t‑talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażati fuq raġunijiet relattivi ta’ invalidità, huwa llimita espliċitament in-numru ta’ dawk li jistgħu jitolbu dikjarazzjoni ta’ invalidità.

Din l-analiżi hija ikkorroborata permezz ta’ interpretazzjoni teleoloġika tad‑dispożizzjonijiet ikkonċernati. Fil-fatt, b’mod differenti mir‑raġunijiet relattivi għal rifjut, li jipproteġu biss l-interessi privati tal‑proprjetarji ta’ ċerti drittijiet preċedenti, ir-raġunijiet assoluti għal rifjut elenkati fl-Artikolu 7(1) tar‑Regolament Nru 40/94 huma bbażati fuq interessi ġenerali differenti. Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni l-iktar wiesgħa ta’ dawn l‑interessi ġenerali, ir‑raġunijiet assoluti għal rifjut għandhom ikunu jistgħu jitqajmu mill-ikbar firxa ta’ partijiet possibbli. Huwa għalhekk li l-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94 jeżiġi biss li dak li jitlob dikjarazzjoni ta’ invalidità jkollu personalità ġuridika jew il-locus standi iżda ma jeżiġix li dan tal‑aħħar juri interess ġuridiku.

(ara l-punti 20-26)

2.      It-trade mark COLOR EDITION ma tistax tiġi rreġistrata bħala trade mark Komunitarja għall-“Prodotti kożmetiċi u tal-make-up” li jaqgħu taħt il-klassi 3 skont il-Ftehim ta’ Nizza, minħabba li hemm ir-raġuni assoluta għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-Trade mark Komunitarja.

Fil-fatt, il-kelma Ingliża “color” tindika kulur jew sfumatura u hija użata ta’ spiss fil‑qasam tal-kożmetiċi sabiex tindika l-għan jew il-karatteristiċi tal-prodotti. Il‑kelma “edition” tirreferi mhux biss għad-dinja letterarja jew tal-medja stampata, iżda tfisser ukoll firxa ta’ prodotti f’verżjoni waħda jew f’diversi verżjonijiet u f’forma jew f’diversi forom. Bħall-kelma “color”, hija wkoll tintuża fil‑qasam tal‑kożmetiċi. B’hekk is-sinjal COLOR EDITION jesprimi messaġġ li jinftiehem immedjatament u direttament mill-pubbliku prinċipalment anglofonu, jew anki mill-pubbliku mhux anglofonu iżda li għandu għarfien suffiċjenti tal-lingwa Ingliża, jiġifieri firxa ta’ prodotti kożmetiċi jew ta’ make-up f’diversi sfumaturi ta’ kulur. Barra minn dan, l-assoċjazzjoni tal-kliem “color” u “edition” m’għandhiex struttura li mhijiex komuni, iżda hija normali fid-dawl tar-regoli tal‑lessiku tal‑lingwa Ingliża. Għaldaqstant, it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni ma toħloqx, fost il-pubbliku rilevanti, impressjoni suffiċjentement differenti minn dik prodotta bis-sempliċi tqegħid maġenb xulxin tal-elementi verbali li jifformawha b’tali mod li tibdlilha s-sens jew il-portata tagħha. Għalhekk, l-ebda sforz intellettwali ma huwa meħtieġ sabiex dan il‑messaġġ jinftiehem u s-sempliċi tqegħid maġenb xulxin tal-kelmiet inkwistjoni ma jbiddilx il-karattru deskrittiv tal-elementi individwali tas-sinjal.

(ara l-punti 47-50)