Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta' Settembru 2011 - Ir-Renju Unit vs BĊE

(Kawża T-496/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (rappreżentanti: K. Beal, barrister, u S. Ossowski, Treasury Solicitor)

Konvenut: Il-Bank Ċentrali Ewropew

Talbiet tar-rikorrent

Annullament tal-Eurosystem Oversight Policy Framework (Qafas Politiku ta' Sorveljanza taż-żona Ewro) tal-Bank Ġentrali Ewropew, tal-5 ta' Lulju 2011 1, sa fejn jistabbilixxi politika ta' post ta' residenza applikabbli għal central counterparty clearing systems (sistemi ċentrali ta' kumpens b'kontroparti) (CCPs) stabbiliti fi Stati Membri li ma jiffurmawx parti miż-żona Ewro.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq

-    nuqqas ta' kompetenza tal-BĊE li jippubblika l-att ikkontestat, jew kompletament jew inkella mingħajr ma juża l-promulgazzjoni ta' att leġiżlattiv bħalma huwa regolament, adottat jew mill-Kunsill jew inkella mill-Bank Ċentrali Ewropew (iktar 'il quddiem "BĊE") innifsu.

It-tieni motiv ibbażat fuq

-    il-fatt li l-att ikkontestat ser jimponi, de jure jew de facto, rekwiżit ta' residenza fuq is-sistemi ċentrali ta' kumpens b'kontroparti (iktar 'il quddiem is-"CCPs") li jixtiequ jwettqu operazzjonijiet ta' kumpens jew ta' ħlas fil-munita Ewro u li n-negozjar ta' kuljum tagħhom jeċċedi ċerti volumi. L-att ikkontestat jikser, flimkien jew separatament, l-Artikoli 48, 56 u/jew 63 TFUE sa fejn:

(a)    CCPs stabbiliti fi Stati Membri li għadhom ma adottawx l-Ewro, bħar-Renju Unit, ser ikollhom jittrasferixxu ċ-ċentri ta' amministrazzjoni u ta' kontroll tagħhom lejn Stati Membri li huma membri taż-żona Ewro. Huma ser ikollhom ukoll jerġgħu jikkostitwixxu ruħhom bħala persuni ġuridiċi rikonoxxuti mid-dritt nazzjonali ta' Stat Membru ieħor;

(b)    fil-każ fejn tali CCPs ma jitrasferixxux ruħhom kif meħtieġ, huma ser ikunu preklużi milli jaċċedu għas-swieq finanzjarji tal-Istati Membri taż-żona Ewro, jew kompletament jew inkella taħt l-istess kundizzjonijiet bħas-CCPs stabbiliti f'dawk it-territorji;

(c)    dawn is-CCPs mhux residenti mhux ser ikunu intitolati jużaw il-faċilitajiet offruti mill-BĊE jew mill-Banek Ċentrali Nazzjonali (iktar 'il quddiem il-"BĊN") taż-Żona Ewro, jew kompletament jew inkella taħt l-istess kundizzjonijiet;

(d)    b'riżultat ta' dan, il-possibbiltà li tali CCPs joffru servizzi ta' kumpens jew ta' ħlas fil-munita Ewro lill-klijenti fl-Unjoni ser tiġi limitata jekk mhux saħansitra pprojbita kompletament.

It-tielet motiv ibbażat fuq

-    il-fatt li l-att ikkontestat jikser l-Artikoli 101 u/jew 102 TFUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 106 TFUE u l-Artikolu 13 TUE, peress li:

(a)    dan effettivament jeżiġi li kull operazzjoni ta' kumpens fil-munita Ewro li taqbeż ċertu livell għandha ssir minn CCPs stabbiliti fi Stat Membu li huwa membru taż-żona Ewro;

(b)    dan effettivament jagħti istruzzjonijiet lill-BĊN sabiex ma jipprovdux riżervi fil-munita Ewro lill-CCPs stabbiliti fi Stati Membri li ma humiex membri taż-Żona Ewro jekk dawn jaqbżu l-limitu stabbilit fid-deċiżjoni.

4.    Ir-raba' motiv ibbażat fuq

-    il-fatt li r-rekwiżit li s-CCPs stabbiliti fi Stati Membri li ma humiex fiż-żona Ewro jadottaw personalità ġuridika u residenza differenti jammonta għal diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq iċ-ċittadinanza. Dan jikser ukoll il-prinċipju ta' ugwaljanza, li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, peress li CCPs stabbiliti fi Stati Membri differenti huma suġġetti għal trattament mhux ugwali mingħajr ma dan huwa oġġettivament iġġustifikat.

5.    Il-ħames motiv ibbażat fuq

-    il-fatt li, mingħajr ma jassumi l-oneru li jistabbilixxi li ma teżisti ebda ġustifikazzjoni ta' interess pubbliku għal tali restrizzjonijiet (peress li huwa l-BĊE li għandu l-oneru li jiġġustifika opinjoni favorevoli għal deroga, jekk huwa jagħżel tali deroga), ir-Renju Unit jallega li kull ġustifikazzjoni ta' politika pubblika li tista' tiġi invokata mill-BĊE ma tkunx tissodisfa r-rekwiżit tal-proporzjonalità, peress li jeżistu miżuri oħra inqas restrittivi sabiex jiġi żgurat kontroll effettiv tal-istituzzjonijiet finanzjarji residenti fl-Unjoni iżda stabbiliti fi Stati Membri barra ż-żona Ewro.

____________

1 - Magħmul disponibbli għall-pubbliku permezz ta' pubblikazzjoni fil-website tal-BĊE fil-5 ta' Lulju 2005