Language of document : ECLI:EU:C:2014:2192

Kawżi magħquda C‑204/12 sa C‑208/12

Essent Belgium NV

vs

Vlaamse Reguleringsinstantie voor de Elektriciteits- en Gasmarkt

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank van eerste aanleg te Brussel)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Skema ta’ appoġġ reġjonali li tipprevedi l-għoti ta’ ċertifikati ħodor negozjabbli għall-installazzjonijiet li jinsabu fir-reġjun ikkonċernat li jipproduċu elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli — Obbligu għall-fornituri tal-elettriku li kull sena jippreżentaw lill-awtorità kompetenti ċerta kwota ta’ ċertifikati — Rifjut li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-garanziji ta’ oriġini li joriġinaw minn Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea u minn Stati kontraenti tal-Ftehim ŻEE — Multa amministrattiva fil-każ ta’ nuqqas li jiġu ppreżentati ċ-ċertifikati — Direttiva 2001/77/KE — Artikolu 5 — Moviment liberu tal-merkanzija — Artikolu 28 KE — Artikoli 11 u 13 tal-Ftehim ŻEE — Direttiva 2003/54/KE — Artikolu 3”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-11 ta’ Settembru 2014

1.        Proċedura ġudizzjarja — Talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali — Kundizzjonijiet għall-ftuħ mill-ġdid

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 83)

2.        Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti — Eżami tal-kompatibbiltà tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni — Esklużjoni — Għoti lill-qorti tar-rinviju tal-kriterji kollha għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni — Inklużjoni

(Artikolu 267 TFUE)

3.        Ambjent — Promozzjoni tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-suq intern tal-elettriku — Direttiva 2001/77 — Skema ta’ appoġġ nazzjonali li tipprevedi l-għoti ta’ ċertifikati negozjabbli fir-rigward ta’ elettriku aħdar prodott fit-territorju ta’ reġjun — Obbligu għall-fornituri tal-elettriku li jippreżentaw, kull sena, lill-awtorità kompetenti, ċerta kwantità ta’ tali ċertifikati taħt piena ta’ multa amministrattiva — Rifjut li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-garanziji ta’ oriġini li joriġinaw minn Stati Membri oħra tal-Unjoni jew minn Stati terzi membri taż-Żona Ekonomika Ewropea — Ammissibbiltà

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/77, Artikoli 4 u 5)

4.        Moviment liberu tal-merkanzija — Restrizzjonijiet kwantitattivi — Miżuri li għandhom effett ekwivalenti — Skema ta’ appoġġ nazzjonali li tipprevedi l-għoti ta’ ċertifikati negozjabbli fir-rigward ta’ elettriku aħdar prodott fit-territorju ta’ reġjun — Obbligu għall-fornituri tal-elettriku li jippreżentaw, kull sena, lill-awtorità kompetenti, ċerta kwantità ta’ tali ċertifikati taħt piena ta’ multa amministrattiva — Rifjut li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-garanziji ta’ oriġini li joriġinaw minn Stati Membri oħra tal-Unjoni jew minn Stati terzi membri taż-Żona Ekonomika Ewropea — Inammissibbiltà — Ġustifikazzjoni — Kundizzjonijiet

(Artikoli 28 KE u 30 KE; Ftehim ŻEE, Artikoli 11 u 13)

5.        Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Ugwaljanza fit-trattament — Diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità — Projbizzjoni — Skema ta’ appoġġ nazzjonali li tipprevedi l-għoti ta’ ċertifikati negozjabbli fir-rigward ta’ elettriku aħdar prodott fit-territorju ta’ reġjun — Obbligu għall-fornituri tal-elettriku li jippreżentaw, kull sena, lill-awtorità kompetenti, ċerta kwantità ta’ tali ċertifikati taħt piena ta’ multa amministrattiva — Rifjut li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-garanziji ta’ oriġini li joriġinaw minn Stati Membri oħra tal-Unjoni jew minn Stati terzi membri taż-Żona Ekonomika Ewropea — Ammissibbiltà

(Artikolu 18 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 4; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/54, Artikolu 3(1))

1.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 47, 48)

2.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 51)

3.        L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/77, fuq il-promozzjoni ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli fis-suq intern tal-elettriku, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix skema ta’ appoġġ nazzjonali, li tipprevedi l-għoti, mill-awtorità regolatorja reġjonali kompetenti, ta’ ċertifikati negozjabbli fir-rigward ta’ elettriku aħdar prodott fit-territorju tar-reġjun ikkonċernat u li tissuġġetta lill-fornituri tal-elettriku għal obbligu li jippreżentaw, kull sena, lill-imsemmija awtorità, taħt piena ta’ multa amministrattiva, ċerta kwantità ta’ tali ċertifikati li jikkorrispondu għal proporzjon mill-elettriku totali tagħhom f’dan ir-reġjun, mingħajr ma l-imsemmija fornituri jkunu awtorizzati jissodisfaw l-imsemmi obbligu bl-użu ta’ garanziji ta’ oriġini li joriġinaw minn Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea jew Stati terzi membri taż-Żona Ekonomika Ewropea.

Fil-fatt, l-imsemmi Artikolu 5 għandu l-għan li l-oriġini tal-elettriku aħdar tkun tista’ tiġi ċċertifikata b’garanzija ta’ oriġini. Min-naħa tagħhom, l-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali li permezz tagħhom il-produtturi ta’ elettriku aħdar jibbenefikaw minn għajnuna diretta jew indiretta u jistgħu jirrikorru għall-mekkaniżmu ta’ ċertifikati ħodor, huma koperti minn dispożizzjoni distinta tal-imsemmija direttiva, jiġifieri l-Artikolu 4 tagħha. Madankollu, ma hemm xejn fl-imsemmija Artikoli 4 u 5 jew fil-premessi tad-Direttiva 2001/77 li jindika li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jistabbilixxi rabta bejn il-garanziji ta’ oriġini u l-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali għall-produzzjoni ta’ enerġija ħadra. Għalhekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni jimponi lill-Istati Membri li għażlu skema ta’ appoġġ b’ċertifikati ħodor li jestendu l-benefiċċju tagħha għall-elettriku aħdar prodott fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

(ara l-punti 59-61, 66, 69, u d-dispożittiv 1)

4.        L-Artikoli 28 KE u 30 KE kif ukoll l-Artikoli 11 u 13 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux skema ta’ appoġġ nazzjonali li tipprevedi l-għoti, mill-awtorità regolatorja reġjonali kompetenti, ta’ ċertifikati negozjabbli fir-rigward ta’ elettriku aħdar prodott fit-territorju tar-reġjun ikkonċernat u li tissuġġetta lill-fornituri tal-elettriku għal obbligu li jippreżentaw, kull sena, lill-imsemmija awtorità, taħt piena ta’ multa amministrattiva, ċerta kwantità ta’ tali ċertifikati li jikkorrispondu għal proporzjon mill-elettriku totali tagħhom f’dan ir-reġjun, mingħajr ma l-imsemmija fornituri jkunu awtorizzati jissodisfaw l-imsemmi obbligu bl-użu ta’ garanziji ta’ oriġini li joriġinaw minn Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea jew Stati terzi membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, sakemm:

- jiġu stabbiliti mekkaniżmi li jiżguraw l-implementazzjoni ta’ suq ġenwin ta’ ċertifikati fejn l-offerta u d-domanda effettivament ikunu jistgħu jiġu ssodisfatti u jkunu bbilanċjati, b’mod li jkun effettivament possibbli għall-fornituri kkonċernati li jiksbu ċertifikati taħt kundizzjonijiet ġusti;

- il-metodu ta’ kalkolu u l-ammont tal-multa amministrattiva li għandha titħallas mill-fornituri li ma jkunux issodisfaw dan l-obbligu jiġu stabbiliti b’mod li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-finijiet li jinċentivaw lill-produtturi jżidu effettivament il-produzzjoni tagħhom ta’ elettriku aħdar u lill-fornituri suġġetti għall-imsemmi obbligu li jiksbu effettivament iċ-ċertifikati meħtieġa, billi jevitaw, b’mod partikolari, li jippenalizzaw l-imsemmija fornituri b’mod li jkun eċċessiv.

Fil-fatt, din il- leġiżlazzjoni tista’ tostakola importazzjonijiet ta’ elettriku, partikolarment elettriku aħdar, minn Stati Membri oħra u tikkostitwixxi, konsegwentement, miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjonijiet, li fil-prinċipju, hija inkompatibbli mal-obbligi tad-dritt tal-Unjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 28 KE. Madankollu, l-għan tal-promozzjoni tal-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għall-produzzjoni tal-elettriku jista’ fil-prinċipju jiġġustifika ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija. Barra minn hekk, ma jidhirx li s-sempliċi fatt li skema ta’ appoġġ li tuża ċertifikati ħodor tiġi limitata għall-elettriku aħdar prodott fit-territorju reġjonali u li jiġi rrifjutat li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-garanziji ta’ oriġini marbuta mal-elettriku prodott fi Stati Membri oħra għall-finijiet tal-obbligu ta’ kwota jista’ jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

(ara l-punti 88, 95, 103, 116 u d-dispożittiv 2)

5.        Ir-regoli ta’ nondiskriminazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 18 TFUE, fl-Artikolu 4 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2003/54, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku, rispettivament, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux skema ta’ appoġġ nazzjonali li tipprevedi l-għoti, mill-awtorità regolamentari reġjonali kompetenti, ta’ ċertifikati negozjabbli fir-rigward ta’ elettriku aħdar prodott fit-territorju tar-reġjun ikkonċernat u li tissuġġetta lill-fornituri tal-elettriku għal obbligu li kull sena jippreżentaw, lill-imsemmija awtorità kompetenti, taħt piena ta’ multa amministrattiva, ċerta kwantità ta’ tali ċertifikati li tikkorrispondi għal proporzjon mit-total tal-kunsinni tagħhom tal-elettriku f’dan ir-reġjun, mingħajr ma tali fornituri jkunu awtorizzati jissodisfaw tali obbligu bl-użu ta’ garanziji ta’ oriġini minn Stati Membri oħra tal-Unjoni jew minn Stati terzi membri taż-Żona Ekonomika Ewropea.

Fil-fatt, dan l-obbligu ta’ kwota japplika għall-fornituri kollha tal-elettriku li joperaw fir-Reġjun Fjamming, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom. Bl-istess mod, il-fatt li l-imsemmija fornituri ma jistgħux jużaw garanziji ta’ oriġini minflok ċertifikati ħodor, japplika għalihom kollha indipendentement min-nazzjonalità tagħhom.

(ara l-punti 121, 130 u d-dispożittiv 3)