Language of document :

Rikors ippreżentat fis-16 ta' Jannar 2012 - Hagenneyer u Hahn vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-17/12)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Moritz Hagenmeyer (Hamburg, il-Ġermanja) u Andreas Hahn (Hannover, il-Ġermanja) (rappreżentant: T. Teufer, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara nulla l-parti mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1170/2011, tas-16 ta' Novembru 2011, li jirrifjuta l-awtorizzazzjoni ta' ċerti stqarrijiet dwar l-effetti tal-ikel fuq is-saħħa u li jirreferu għat-tnaqqis tar-riskju ta' mard (ĠU L 299, p. 1), li tirrigwarda l-istqarrija proposta mir-rikorrenti li tgħid li "[l]-konsum regolari ta' ammonti sinifikanti ta' ilma jista' jnaqqas ir-riskju tal-iżvilupp tad-deidratazzjoni u n-nuqqas konkomitanti tal-prestazzjoni";

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Skont ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta' Diċembru 2006, dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel 2, l-istqarrijiet dwar is-saħħa pprovduti fuq prodotti tal-ikel huma pprojbiti, sakemm ma jkunux awtorizzati mill-Kummissjoni skont l-imsemmi regolament u inklużi fil-lista ta' stqarrijiet awtorizzati.

Dan ir-rikors ġie ppreżentat kontra r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1170/2011, tas-16 ta' Novembru 2011, li jirrifjuta l-awtorizzazzjoni ta' ċerti stqarrijiet dwar l-effetti tal-ikel fuq is-saħħa u li jirreferu għat-tnaqqis tar-riskju ta' mard  sa fejn b'dan ir-regolament ġiet irrifjutata l-inklużjoni tal-istqarrija li ġejja, proposta għall-finijiet tal-awtorizzazzjoni, dwar it-tnaqqis tar-riskju ta' mard f'lista ta' stqarrijiet awtorizzati: "Il-konsum regolari ta' ammonti sinifikanti ta' ilma jista' jnaqqas ir-riskju tal-iżvilupp tad-deidratazzjoni u n-nuqqas konkomitanti tal-prestazzjoni".

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw disa' motivi:

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-indispensabbiltà tal-indikazzjoni ta' "fattur ta' riskju"

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-konvenuta ddikjarat mandatorja l-indikazzjoni ta' "fattur ta' riskju" għall-finijiet tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, minkejja li obbligu bħal dan ma jirriżultax mir-Regolament Nru 1924/2006.

It-tieni motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta' kunsiderazzjoni tal-indikazzjoni effettiva ta' "fattur ta' riskju" fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni

Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-konvenuta ma kkunsidratx il-fatt li r-rikorrenti, fil-proposti tagħhom ta' formulazzjoni tal-istqarrija proposta dwar is-saħħa, indikaw fil-fatt "fattur ta' riskju".

It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità

Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li r-Regolament (UE) Nru 1170/2011 huwa komplessivament sproporzjonat.

Ir-raba' motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta' bażi legali suffiċjenti

Skont ir-rikorrenti, barra minn hekk, ir-regolament ikkontestat huwa nieqes minn bażi legali suffiċjenti, sa fejn dan huwa bbażat fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17 moqrija flimkien ma' dawk tal-Artikolu 14(1)(a) u tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, li min-naħa tagħhom jiksru d-dritt tal-Unjoni u, b'mod partikolari, il-prinċipju ta' proporzjonalità.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq strument legiżlattiv inammissibbli

Fil-ħames lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-konvenuta wettqet ksur tar-rekwiżiti proċedurali sostanzjali, inkwantu adottat regolament, minflok id-deċiżjoni prevista fir-Regolament (KE) Nru 1924/2006.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tat-tqassim tal-kompetenzi

F'dan il-kuntest, ir-rikorrenti jsostnu li f'dan il-każ il-konvenuta ma osservatx it-tqassim tal-kompetenzi previst fir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 bejn il-konvenuta, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u l-Bundesamt für Verbraucherschutz und Lebensmittelsicherheit (Uffiċċju Federali għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi u għas-Sigurtà fl-Ikel).

Is-seba' motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta' deċiżjoni adottata fit-termini previsti

Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li ma ġewx osservati d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu termini perentorji fir-rigward tat-trażmissjoni tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, tar-redazzjoni tal-parir xjentifiku u tal-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni skont ir-Regolament (KE) n. 1924/2006.

It-tmien motiv, ibbażat fuq nuqqas ta' kunsiderazzjoni ta' argument

Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-konvenuta wettqet ksur tar-rekwiżiti proċedurali sostanzjali, inkwantu, fl-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha dwar l-awtorizzazzjoni, ma kkunsidratx parti essenzjali tal-argument tar-rikorrenti u ta' terzi interessati involuti fil-proċediment.

Id-disa' motiv, ibbażat fuq nuqqas ta' motivazzjoni

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-konvenuta ma ssodisfatx b'mod suffiċjenti l-obbligu ta' motivazzjoni impost fuqha skont l-Artikolu 296(2) TFUE.

____________

1 - Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta' Diċembru 2006, dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (ĠU L 404, p. 9)

2 - Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1170/2011, tas-16 ta' Novembre 2011, li jirrifjuta l-awtorizzazzjoni ta' ċerti stqarrijiet dwar l-effetti tal-ikel fuq is-saħħa u li jirreferu għat-tnaqqis tar-riskju ta' mard (ĠU L 299, p. 1).