Language of document :

Appell ippreżentat minn Luigi Marcuccio fis-26 ta' Jannar 2010 mid-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-10 ta' Novembru 2009 fil-Kawża F-70/07, Marcuccio vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-38/10 P)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellant: Luigi Marcuccio (Tricase, l-Italja) (rappreżentant: G. Cipressa, avukat)

Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellant

fi kwalunkwe każ: tannulla in toto u mingħajr ebda eċċezzjoni d-digriet appellat.

tiddikjara li r-rikors fl-ewwel istanza li fir-rigward tiegħu ingħata d-digriet appellat, kien ammissibbli in toto u mingħajr ebda eċċezzjoni.

prinċipalment: tilqa' in toto u mingħajr ebda eċċezzjoni l-petitum tar-rikors fl-ewwel istanza.

tikkundanna lill-appellata għar-rifużjoni, favur l-appellant, tal-ispejjeż, tad-drittijiet u tal-onorarji kollha sostnuti minnu u inerenti għall-istanzi kollha eżerċitati s'issa.

sussidjarjament: tirrinvija l-kawża de qua quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, diversament kompost, sabiex jiddeċiedi mill-ġdid fuq il-mertu tal-kawża.

Aggravji u argumenti prinċipali

Dan l-appell huwa ppreżentat kontra d-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (TSP) tal-10 ta' Novembru 2009. Dan id-digriet ċaħad bħala manifestament inammissibbli l-ewwel, it-tieni, it-tielet u s-sitt talba tar-rikors li kellu bħala suġġett il-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tħallas l-allegati danni mġarrba bħala riżultat tar-rifjut li tirrimborsa lill-appellant l-ispejjeż li jistgħu jinġabru allegatament sostnuti fil-Kawża T-176/04 Marcuccio vs Il-Kummissjoni.

Insostenn tat-talbiet tiegħu, l-appellant isostni l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljati tal-kunċett ta' ilment, skont l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, id-devjazzjoni mhux motivata u mhux loġika mill-ġurisprudenza relatata, in-nuqqas totali ta' motivazzjoni, in-nuqqas ta' osservanza tal-obbligu li r-risposta ma tiġix ikkunsidrata peress li ġiet ippreżentata tardivament, it-twettiq ta' żball meta ġie aċċettat att intitolat "talba għal dikjarazzjoni li m'hemmx lok li tingħata deċiżjoni", kif ukoll il-ksur tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

____________