Language of document : ECLI:EU:C:2018:123

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fit-28 ta’ Frar 2018(1)

Kawża C15/17

Bosphorus Queen Shipping Ltd Corp.

vs

Rajavartiolaitos

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja))

“Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar — Artikolu 220(6) — Ġurisdizzjoni ta’ infurzar ta’ Stat kostali — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali — Direttiva 2005/35/KE — Tniġġis ikkawżat minn vapuri — Artikolu 7(2) — Marpol 73/78 — Tixrid ta’ żejt fiż-żona ekonomika esklużiva minn vapur barrani fi tranżitu — Ċirkustanzi li fihom Stat kostali jista’ jibda proċedimenti kontra bastiment barrani — Libertà ta’ navigazzjoni — Protezzjoni tal-ambjent marittimu — Viċinanza — Ħsara maġġuri jew theddid ta’ danni maġġuri għall-kosta jew l-interessi relatati jew għal xi riżorsi fil-baħar territorjali jew taż-żona ekonomika esklużiva — Evidenza ċara u oġġettiva”







1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, b’mod partikolari, l-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (iktar ’il quddiem l-“UNCLOS”) (2) u l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35/KE (3) dwar tniġġis ikkawżat minn vapuri, dispożizzjoni li tirriproduċi l-kontenut tal-Artikolu 220(6) tal-UNCLOS. B’mod speċifiku, il-qorti tar-rinviju titlob gwida dwar iċ-ċirkustanzi li fihom Stat kostali jista’ jibda proċedimenti kontra vapur barrani li huwa s-sors ta’ tixrid taż-żejt fiż-żona ekonomika esklużiva (iktar ’il quddiem iż-“ŻEE”) tal-istat kostali inkwistjoni.

2.        Dan il-każ iqajjem kwistjoni importanti ta’ prinċipju li jidħol fil-qofol tal-interpretazzjoni ta’ prinċipji li huma ġeneralment rikonoxxuti fil-liġi tal-baħar. B’mod iktar preċiż, sabiex tingħata risposta għall-mistoqsijiet magħmula lilha, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha l-okkażjoni, għall-ewwel darba (4) li tippreċiża ċ-ċirkustanzi li fihom Stati kostali jista’, bħala materja tad-dritt tal-Unjoni Ewopea, jinvokaw ġurisdizzjoni fiż-ŻEE tiegħu kontra vapur barrani sabiex ikun imħares l-ambjent tal-baħar mingħajr tfixkil bla bżonn lil-libertà ta’ navigazzjoni.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-Dritt Internazzjonali

1.      Il-Konvenzjoni ta’ Intervent

3.        Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Intervent fil-Baħar Miftuħ f’Każi ta’ Aċċidenti ta’ Tniġġis miż-Żejt ġiet konkluża fi Brussell fid‑29 ta’ Novembru 1969 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Intervent”). Il-Panama u l-Finlandja huma partijiet għal dik il-konvenzjoni, iżda l-Unjoni Ewropea u xi wħud mill-Istati Membri tagħha ma humiex.

4.        Skont l-Artikolu I(1) tal-Konvenzjoni ta’ Intervent, il-partijiet għal din il-konvenzjoni “jistgħu jieħdu miżuri fl-ibħra miftuħa li jistgħu jkunu meħtieġa biex jipprevjenu, inaqqsu jew jeliminaw periklu gravi u imminenti għall-kosta tagħhom jew għal interessi relatati oħra minn tniġġis jew theddid ta’ tniġġis tal-baħar minn żejt, ikkawżat minn diżgrazzja marittima jew atti relatati ma’ tali diżgrazzja, li jistgħu jkunu raġonevolment mistennija jikkawżaw ħsara kbira” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

5.        L-Artikolu II(4) ta’ din il-konvenzjoni jiddefinixxi “interessi relatati” bħala “l-interessi ta’ stat kostali affettwat direttament jew mhedded minn diżgrazzja marittima, bħal: (a) attivitajiet marittimi kostali, tal-port jew tal-estwarji, inklużi attivitajiet tal-attivitajiet tas-sajd, li jikkostitwixxu mezzi essenzjali ta’ għajxien tal-persuni kkonċernati; (b) l-attrazzjonijiet turistiċi taż-żona kkonċernata; (ċ) is-saħħa tal-popolazzjoni kostali u l-benesseri taż-żona kkonċernata, inkluż il-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar, tal-fawna u tal-flora” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

2.      Marpol 73/78

6.        Il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri, konkluża f’Londra fit-2 ta’ Novembru 1973 u suplimentata mill-Protokoll tas-17 ta’ Frar 1978 (iktar ’il quddiem “Marpol 73/78”). Din il-konvenzjoni tistabbilixxi regoli maħsuba b’tali mod li jnaqqsu t-tniġġis fl-ambjent tal-baħar. Għall-kuntrarju tal-Istati Membri kollha, l-Unjoni ma hijiex parti f’Marpol 73/78.

7.        F’konformità mal-Artikolu 4(2) ta’ Marpol 73/78, kwalunkwe ksur tar-rekwiżiti ta’ din il-konvenzjoni għandu jkun ipprojbit u għandhom jiġu stabbiliti sanzjonijiet għal dan l-iskop. Din id-dispożizzjoni tispeċifika wkoll li kull darba li jseħħ tali ksur, parti għal din il-konvenzjoni għandha jew tibda proċeduri skont il-liġi tagħha jew tagħti lill-Istat tal-bandiera tali informazzjoni u provi li jista’ jkollha fil-pussess tagħha li juru li seħħ il-ksur.

8.        L-Anness I tal-konvenzjoni fih regoli dwar il-prevenzjoni ta’ tniġġis miż-żejt. Ir-Regola 1 fil-Kapitolu I tal-Anness I (“Regoli għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Żejt”) jiddefinixxi l-Baħar Baltiku bħala żona speċjali, għall-fini ta’ dan l-anness. F’dawn iż-żoni, għal raġunijiet tekniċi relatati mal-kundizzjonijiet oċeanografiċi u ekoloġiċi tagħhom u tat-traffiku tal-baħar tagħhom, għandhom jiġu adottati metodi obbligatorji speċjali għall-prevenzjoni tat-tniġġis fil-baħar. Skont Marpol 73/78, żoni speċjali jingħataw livell ta’ protezzjoni ogħla minn żoni oħra tal-baħar.

9.        Ir-Regolament 15 (A) tat-Taqsima Ċ tal-Kapitolu 3 tal-Anness I ta’ Marpol 73/78 jikkonċerna l-kontroll tat-tixrid taż-żejt. Jiddikjara, li kwalunkwe tixrid ta’ żejt b’konċentrazzjon ogħla minn 15-il parti għal kull miljun (ppm) huwa pprojbit fir-rigward ta’ vapuri ta’ tunnellaġġ gross ta’ 400 tunnellata jew iktar. Ir-Regolament 15 (B) tat-Taqsima Ċ tal-Kapitolu 3 tal-Anness I, essenzjalment itenni l-istess regola f’dak li għandu x’jaqsam ma’ żoni speċjali.

3.      UNCLOS

10.      Bħall-Istati Membri kollha, l-Unjoni hija parti firmatarja tal-UNCLOS.

11.      L-Artikolu 1 tal-UNCLOS jispeċifika li, għall-finijiet ta’ din il-konvenzjoni:

“(1) ‘żona’ tfisser il-qiegħ tal-baħar u l-art oċeanika u

[…]

(4) “tniġġiż ta’ l-ambjent marittimu” tfisser l-introduzzjoni mill-bniedem, direttament jew inderettament, ta’ sustanzi jew enerġija fl-ambjent marittimu, inkluż l-estwarji, li jirriżulta jew li aktarx li jirriżultaw f’effetti qerrieda bħal dawn hekk li jgħamlu ħsara għar-riżorsi ħajjin u l-ħajja marittima, ta’ periklu għas-saħħa umana, ta’ tfixkil għall-attivitajiet marittimi, inkluż is-sajd u l-użu leġittimu l-ieħor tal-baħar, tħassir tal-kwalità għall-użu ta’ l-ilma tal-baħar u t-tnaqqis ta’ l-amenitajiet;

[…]”

12.      L-Artikolu 56 tal-Konvenzjoni jistabbilixxi r-regola li tirregola l-ġurisdizzjoni tal-Istati kostali fiż-ŻEE. Dan jipprovdi li:

“1. Fiż-[ŻEE], l-Istat kostali għandu:

(a)      id-drittijiet sovrani għall-iskop ta’ l-esplorazzjoni u l-esplojtazzjoni, tal-konservazzjoni u l-immaniġġjar tar-riżorsi naturali, seww jekk ħajjin u sew jekk mhuxħajjin, tal-baħar supra-qarib tal-qiegħ tal-baħar jew tal-qiegħ tal-baħar u l-istrata ta’ taħt il-wiċċ tal-qiegħ tiegħu, f’dak li jirrigwarda l-attivitajiet l-oħrajn għall-esplorazzjoni u l-esplojtazzjoni ekonomika taż-żona, bħal ma hija l-produzzjoni ta’ l-enerġija mill-ilma, mill-kurrenti jew mill-irjieħ;

(b)      ġurisdizzjoni kif hemm provvediment dwar dan fid-diposizzjonijiet relevanti ta’ din il-Konvenzjoni f’dak li jirrigwarda:

[…]

(iii) il-protezzjoni u l-preservazzjoni ta’ l-ambjent marittimu;

[…]”

13.      Id-drittijiet u l-obbligi ta’ stati oħra fiż-ŻEE ta’ stat kostali huma stabbiliti fl-Artikolu 58 ta’ din il-konvenzjoni. Skont din id-dispożizzjoni, stati oħra għandhom jiżguraw li jikkonformaw mal-konvenzjoni fl-eżerċitar tad-drittijiet tagħhom fiż-ŻEE, jagħtu l-attenzjoni dovuta għad-drittijiet u d-dmirijiet tal-istat kostali u jikkonformaw mal-liġijiet u r-regolamenti adottati mill-istat kostali skont l-UNCLOS u regoli oħra tad-dritt internazzjonali.

14.      Il-Parti XII tal-UNCLOS tikkonċerna l-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-ambjent tal-baħar.

15.      Skont l-Artikolu 192 tal-UNCLOS, l-istati għandhom l-obbligu li jipproteġu u jippreservaw l-ambjent tal-baħar.

16.      Skont l-Artikolu 217 tal-UNCLOS, l-istati tal-bandiera għandhom jipprovdu għal infurzar effettiv ta’ regoli u standards li jikkonċernaw il-prevenzjoni, it-tnaqqis u l-kontroll tat-tniġġis tal-ambjent tal-baħar ikkawżat minn vapuri, irrispettivament minn fejn iseħħ il-ksur tagħhom.

17.      L-Artikolu 220, li jittratta l-ġurisdizzjoni tal-infurzar tal-istati kostali, jappartjeni għal dik il-parti mill-konvenzjoni.

18.      L-Artikolu 220(3) sa (6) jistabbilixxi r-regoli ta’ ġurisdizzjoni li taħtha stat kostali jista’ jieħu miżuri ta’ infurzar fil-konfront ta’ vapur li jkun wettaq ksur tar-regoli u l-istandards internazzjonali riward it-tniġġis ikkawżat minn vapuri fiż-ŻEE tiegħu. Dawn il-paragrafi jaqraw kif ġej:

“3. Meta jkun hemm bażi ċara sabiex jitwemmen li vapur li jkun ibaħħar fiż-[ŻEE] jew tal-baħar territorjali ta’ Stat ikun, fiż-[ŻEE], iwettaq vjolazzjoni tar-regoli u n-normi internazzjonali applikabbli għall-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġiż minn vapuri jew il-liġijiet u r-regolamenti ta’ l-Istat li huma konformi u li jagħtu effett għal dawk ir-regoli u n-normi, dak l-Istat jista jeħtieġ li l-vapur jagħti l-informazzjoni rigward l-identità u l-port tar-reġistrazzjoni tiegħu, l-aħħar port u dak il-port li jmiss u l-informazzjoni relevanti meħtieġa sabiex jistabbilixxi jekk vjolazzjoni tkunx seħħet.

4. L-Istati għandhom jadottaw il-liġijiet u r-regolamenti u jieħdu l-miżuri l-oħrajn hekk li l-vapuri li jtajjru il-bandiera tagħhom ikunu konformi mal-ħtiġiet għall-informazzjoni permezz tal-paragrafu 3.

5. Meta jkun hemm bażi ċara sabiex jitwemmen li vapur li jbaħħar f’[ŻEE] jew fil-baħar territorjali ta’ Stat ikun, fiż-[ŻEE], wettaq vjolazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 li tirriżulta f’rilaxx sostanzjali li tikkawża jew thedded tniġġiż sinifikanti ta’ l-ambjent marittimu, dak l-Istat jista jwettaq spezzjoni fiżika tal-vapur dwar il-materji li jirrigwardaw il-vjolazzjoni jekk il-vapur ikun ċaħad li jagħti informazzjoni jew jekk l-informazzjoni fornuta mill-vapur tkun kjarament b’varjanza mas-sitwazzjoni evidentament fattwali u jekk iċ-ċirkostanzi tal-każ jiġġustifikaw spezzjoni bħal dik.

6. Meta jkun hemm evidenza oġġettiva ċara li vapur ikun ibaħħar fiż-[ŻEE] jew fil-baħar territorjali ta’ Stat ikun, fiż-[ŻEE], jwettaq vjolazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 tirriżulta f’rilaxx li jikkawża ħsara maġġuri jew theddid ta’ danni maġġuri għall-kosta jew l-interessi relatati ta’ l-Istat kostali, jew għal xi riżorsi tal-baħar territorjali jew taż-[ŻEE] tiegħu, dak l-Istat jista, bla ħsara għas-Sezzjoni 7, basta li l-evidenza hekk tkun teħtieġ, jistitwixxi proċedimenti, inkluża d-detenzjoni tal-vapur, b’konformità mal-liġijiet tiegħu.”

B.      Il-liġi tal-Unjoni

19.      Id-Direttiva 2005/35 tittratta dwar it-tniġġis ikkawżat mill-vapuri u r-reazzjoni adegwata li għandha tittieħed mill-Istati Membri biex jiġi miġġieled tali tniġġis.

20.      B’mod partikolari, jirriżulta mill-premessi 2 u 3 li d-direttiva hija mfassla biex ittejjeb l-implementazzjoni ta’ Marpol 73/78 billi tiġi armonizzata l-implimentazzjoni tagħha fil-livell tal-Unjoni. Il-ħtieġa ta’ armonizzazzjoni kienet meqjusa bħala partikolarment urġenti minħabba li, minn naħa, ir-regoli li jinsabu f’Marpol 73/78 qegħdin jiġu injorati ta’ kuljum min-numru kbir ħafna ta’ vapuri li jbaħħru fl-ibħra tal-Unjoni, mingħajr ma qiegħda tittieħed azzjoni korrettiva. Min-naħa l-oħra, qabel ma ġiet adottata d-Direttiva, il-prattiċi tal-Istati Membri kienu jvarjaw b’mod kunsiderevoli fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet għat-tixrid minn vapuri ta’ sustanzi li jniġġsu.

21.      L-Artikolu 1 tad-direttiva jiddefinixxi l-għan tagħha. Dan jipprovdi li:

“1. L-għan ta’ din id-[direttiva] hu li jiġu inkorporati fil-liġi Komunitarja standards internazzjonali għal tniġġis ikkawżat minn vapuri u li jkun assigurat li l-persuni responsabbli għar-rimi ta’ sustanzi li jniġġsu jkunu suġġetti għal penali adekwati, inkluż pieni kriminali, sabiex titjieb is-sikurezza tal-baħar u sabiex tiżdied il-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar mit-tniġġis ikkawżat minn vapuri;

2. Din id-[direttiva] ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jieħdu miżuri iżjed iebsa kontra t-tniġġiż ikkawżat minn vapuri bi qbil mal-liġi internazzjonali.”

22.      B’konformità mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva:

“Din id-Direttiva għandha tapplika, bi qbil mal-liġi internazzjonali, għal rimi ta’ sustanzi li jniġġżu:

[…]

(b) fil-baħar territorjali ta’ Stat Membru;

(ċ) fl-istretti użati għan-navigazzjoni internazzjonali li huma suġġetti għar-reġim ta’ passaġġ bi transitu, kif stipulat fil-Parti III, sezzjoni 2, tal-[UNCLOS], sakemm Stat Membru jeżerċita ġurisdizzjoni fuq tali stretti;

(d) iż-[ŻEE] jew żona ekwivalenti ta’ Stat Membru, stabbilita skond il-liġi internazzjonali; u

(e) bejn sema u ilma [fl-ibħra miftuħa].”

23.      L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/35 jirrigwarda miżuri ta’ infurzar minn stati kostali fir-rigward ta’ vapuri fi tranżitu. Dan jgħid li:

“1. Jekk ir-rimi suspettat ta’ sustanzi li jniġġżu jseħħ fiż-żoni msemmija fl-Artikolu 3(1)(b), (ċ), (d) jew (e) u l-vapur li hu suspettat bir-rimi ma jidħolx f’port tal-Istat Membru li għandu l-informazzjoni li tikkonċerna r-rimi suspettat, għandu japplika s-segwenti:

(a) Jekk il-port ta’ waqfien suċċessiv tal-vapur huwa fi Stat Membru ieħor, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jikkoperaw mill-qrib fl-ispezzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1) u fit-teħid tad-deċiżjoni dwar il-miżuri xierqa li għandhom jittieħdu fir-rigward ta’ tali rimi;

(b) Jekk il-port ta’ waqfien suċċessiv tal-vapur huwa port ta’ Stat li hu barra mill-Komunità, l-Istat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-port ta’ waqfien suċċessiv tal-vapur hu infurmat dwar ir-rimi suspettuż u għandu jitlob lill-Istat tal-port ta’ waqfien suċċessiv biex jieħu l-miżuri xierqa fir-rigward ta’ tali rimi.

2. Fejn hemm evidenza ċara u oġġettiva li vapur li qed ibaħħar fiż-żoni msemmija fl-Artikolu 3(1) (b) jew (d) ikkometta, fiż-żona msemmija fl-Artikolu 3(1) d), ksur li rriżulta f’rimi li kkawża ħsara kbira jew theddida ta’ ħsara kbira lill-kosta jew lil interessi relatati ta’ l-Istat Membru kkonċernat, jew lil kwalunkwe riżorsi taż-żoni msemmija fl-Artikolu 3(1) (b) jew (d), dak l-Istat għandu, mingħajr ħsara għall-Parti XII, Sezzjoni 7 tal-[UNCLOS], u bil-kundizzjoni li l-evidenza hekk tiġġustifika, jissottometti l-kwistjoni lill-awtoritajiet kompetenti tiegħu bil-għan li jiġu istitwiti proċedimenti, inkluż id-detenzjoni tal-vapur, skond il-liġi nazzjonali tiegħu.

3. Fi kwalunkwe każ, l-awtoritajiet ta’ l-istat tal-bandiera għandhom jiġu nfurmati.”

C.      Id-dritt tal-Finlandja

24.      Skont l-Artikolu 1 tal-Kapitolu 3 tal-Merenkulun ympäristönsuojelulaki (1672/2009) (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent fit-Trasport marittimu) jipprovdi li:

“Ksur tal-projbizzjoni dwar it-tixrid ta’ żejt jew taħlita ta’ żejt fil-baħar tal-Finlandja jew fiż-[ŻEE], stabbilit fl-Artikolu 1 tal-Kapitolu 2, għandu jagħti lok għal multa (multa għat-tixrid ta’ żejt), sakemm iż-żejt jew it-taħlita ta’ żejt mxerred ma jkunx jista’ jitqies bħala minuri fid-dawl tal-kwantità jew l-impatt tiegħu. Ksur tal-projbizzjoni ta’ tixrid imwettaq minn vapur barrani fi tranżitu fiż-[ŻEE] tal-Finlandja, għandu, madankollu, ikun suġġett għal multa biss jekk it-tixrid jikkawża ħsara kbira jew theddida ta’ ħsara kbira lill-kosta tal-Finlandja jew l-interessi relatati, jew lil kwalunkwe riżorsi tal-baħar territorjali tal-Finlandja jew taż-[ŻEE].”

II.    Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

25.      Il-Bosphorus Queen huwa vapur ta’ tagħbija xotta irreġistrat fil-Panama. Skont ir-Rajavartiolaitos (l-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Fruntieri, il-Finlandja; iktar ’il quddiem l-“Awtorità”), dan il-vapur xerred żejt fil-baħar waqt li kien fi tranżitu fiż-ŻEE tal-Finlandja fil-11 ta’ Lulju 2011.

26.      It-tixrid seħħ fit-tarf taż-ŻEE tal-Finlandja, madwar 25 sa 30 kilometru ’l barra mill-kosta Finlandiża. Iż-żejt infirex fuq medda ta’ madwar 37 kilometru fi strixxa wiesgħa madwar 10 metri. L-erja totali ta’ tixrid kienet stmata li kienet madwar 0.222 km² u l-volum tagħha kien bejn 0.898 u 9.050 m³.

27.      Ma kien hemm ebda kontromiżura b’reazzjoni għat-tixrid taż-żejt. Ma ġiex osservat li ż-żejt laħaq il-kosta u lanqas ma nstab li kien hemm xi ħsara kkaġunata b’konsegwenza tat-tixrid taż-żejt.

28.      Meta l-Bosphorus Queen irritorna lura minn Saint Petersburg miż-ŻEE tal-Finlandja, l-Awtorità, permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Lulju 2011, talbet lil sid il-vapur, Bosphorus Queen Shipping Ltd Corp. (iktar ’il quddiem “Bosphorus”), jagħmel garanzija finanzjarja ta’ EUR 17 112 għall-obbligu potenzjali li jħallas multa għat-tixrid taż-żejt. Wara li l-garanzija ġiet iddepożitata fil-25 ta’ Lulju 2011, il-vapur kompla l-vjaġġ tiegħu.

29.      Fis-26 ta’ Lulju 2011, Suomen ympäristökeskus (l-Aġenzija Finlandiża tal-Ambjent, iktar’ il quddiem l-“Aġenzija”) ħarġet opinjoni lill-Awtorità dwar ir-riskji assoċjati mat-tixrid ta’ żejt. L-impatt ambjentali tat-tixrid taż-żejt ġie evalwat fuq il-bażi ta’ stima ta’ kwantità minima ta’ żejt mxerred. Skont din l-opinjoni:

–        Tal-inqas ftit miż-żejt jista’ jilħaq iż-żoni kostali tal-Finlandja. F’dak il-każ, l-użu tagħhom għal finijiet rikreazzjonali jista’ jkun affettwat ħażin.

–        Xi ftit miż-żejt affettwa wkoll l-ibħra miftuħa qrib is-sit fejn seħħ it-tixrid.

–        It-tixrid taż-żejt ippreġudika l-iżvilupp favorevoli tal-istat ambjentali fil-Baħar Baltiku.

–        It-tixrid taż-żejt affettwa b’mod negattiv lill-għasafar li jistrieħu u jieklu fl-ibħra miftuħa.

–        Iż-żejt għamel ħsara lill-fitoplankton u liż-żooplankton. Il-komponenti taż-żejt kienu qed jiġu mgħoddija ’l isfel fil-katina alimentari.

–        Probabbilment, l-ispirelli li jgħixu fil-wiċċ tal-ibħra miftuħa kienu milquta direttament mit-tixrid taż-żejt, b’riżultat li mhux eskluż li jkun hemm effett negattiv qawwi fuq l-istokk tal-ħut.

–        Il-livell ta’ sedimentazzjoni fiż-żona kien għoli, u x’aktarx li perċentwal tal-komponenti taż-żejt jinżel f’qiegħ il-baħar u jagħmel ħsara lill-bijoċenosi li jgħixu hemm.

–        Ħafna ħabitats naturali ta’ valur li jagħmlu parti min-netwerk tan-Natura 2000 jinsabu fil-viċinanza tas-sit fejn ixxerred iż-żejt.

–        Iż-żmien meta seħħ it-tixrid taż-żejt kien ta’ żvantaġġ partikolari għall-popolazzjonijiet ta’ għasafar tal-baħar, peress li dawn kellhom għadd kbir ta’ frieħ li ma kinux kapaċi jtiru fl-ibħra li jestendu minn barra is-sikek ta’ Hanko Peninsula sal-Baħar Arċipielgu u l-frieħ tal-papri edredun taru f’distanza kunsiderevoli ’l barra mill-kosta.

–        Fiż-żmien meta seħħ it-tixrid taż-żejt kien hemm għexieren ta’ eluf ta’ papri edredun barra il-Hanko Peninsula. It-tixrid ħoloq theddida kbira għall-popolazzjoni tal-għasafar tal-baħar fil-kosta Finlandiża.

30.      Fis-16 ta’ Settembru 2011, l-Awtorità imponiet multa għat-tixrid taż-żejt ta’ EUR 17 112 fuq Bosphorus. Fuq il-bażi tal-opinjoni tal-espert, l-Awtorità kienet tal-fehma li t-tixrid kien ikkawżaw ħsara maġġuri jew theddida ta’ ħsara kbira lill-kosta tal-Finlandja jew lill-interessi relatati, jew għar-riżorsi tal-baħar territorjali tagħha jew fiż-ŻEE.

31.      Bosphorus sussegwentement ressqet rikors quddiem il-Helsingin käräjäoikeus (il-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ Ħelsinki, il-Finlandja) li sservi bħala qorti marittima. Hija talbet l-annullament tad-deċiżjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-provvediment ta’ garanzija u l-impożizzjoni ta’ multa għat-tixrid taż-żejt.

32.      Fis-sentenza tagħha tat-30 ta’ Jannar 2012, il-qorti marittima qieset li kien ġie pprovat li l-Bosphorus Queen xerdet fil-baħar kwantità minima ta’ madwar 900 litru żejt. Fid-dawl tal-evalwazzjoni tal-impatt ambjentali, il-qorti marittima qieset li, għall-finijiet tal-Artikolu 1 tal-Kapitolu 3, tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent fit-Trasport Marittimu, it-tixrid taż-żejt ikkawża theddida ta’ ħsara kbira. Għal dawn il-motivi, il-qorti marittima ċaħdet ir-rikors.

33.      Permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Novembru 2014, il-Helsingin hovioikeus (il-Qorti tal-Appell ta’ Ħelsinki, il-Finlandja) ċaħdet l-appell li kien ippreżentat kontra s-sentenza tal-qorti marittima.

34.      Wara Bosphorus appellat quddiem il-qorti tar-rinviju li bih talbet lil dik il-qorti tannulla d-deċiżjoni tal-Helsingin hovioikeus (il-Qorti tal-Appell ta’ Helsinki) u s-sentenza tal-qorti marittima, biex tannulla d-deċiżjonijiet dwar l-provvediment ta’ garanzija u għall-multa għat-tixrid taż-żejt u biex tirrevoka l-multa għat-tixrid taż-żejt.

35.      Billi kellha dubji dwar l-kostruzzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-UNCLOS u tad-Direttiva 2005/35, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1) It-termini ‘kosta jew lil interessi relatati’ li jinsabu fl-Artikolu 220(6) tal-[UNCLOS] u fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva [2005/35], għandhom jiġu interpretati skont id-definizzjoni tat-termini ‘interessi konnessi’ [traduzzjoni mhux uffiċjali] li jinsabu fl-Artikolu II(4) tal-[Konvenzjoni ta’ Intervent]?

(2) Skont id-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu II(4)(c) tal-[Konvenzjoni ta’ Intervent], imsemmija fl-ewwel domanda preliminari, it-termini “interessi konnessi” jirreferu b’mod partikolari għall-benesseri tar-reġjun ikkunsidrat, inkluż il-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi marini, tal-fawna u tal-flora. Id-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq tirreferi wkoll għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi, tal-fawna u tal-flora taż-[ŻEE] jew tikkonċerna biss il-konservazzjoni tal-interessi tar-reġjun kostali?

(3) Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda preliminari, x’għandu jinftiehem bit-termini ‘kosta jew lil interessi relatati’ li jinsabu fl-Artikolu 220(6) tal-[UNCLOS] u fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35?

(4) Xi jfissru t-termini ‘riżorsi tal-baħar territorjali jew taż-[ŻEE] tiegħu’ li jinsabu fl-Artikolu 220(6) tal-[UNCLOS], kif ukoll it-termini “riżorsi [fil-baħar territorjali jew żona ekonomika esklużiva ta’] dak l-Istat” li jinsabu fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35? Il-kunċett ta’ riżorsi bijoloġiċi jirreferi unikament għall-ispeċi maqbuda jew jirreferi wkoll għall-ispeċi assoċjati mal-ispeċi maqbuda jew li huma dipendenti fuqhom, imsemmija fl-Artikolu 61(4) tal-[UNCLOS], bħal pereżempju l-ispeċi ta’ fawna u ta’ flora li l-ispeċi maqbuda jieklu minnhom?

(5) Kif għandu jiġi interpretat it-terminu ‘theddid’ li jinsab fl-Artikolu 220(6) tal-[UNCLOS], u fid-Direttiva 2005/35? In-natura ta’ dan ir-riskju tista’ tiġi stabbilita permezz tal-kunċett ta’ riskju astratt jew tal-kunċett ta’ riskju konkret jew anki permezz ta’ metodu ieħor?

(6) Waqt l-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetenza tal-Istat kostali, li tinsab fl-Artikolu 220(6) tal-[UNCLOS] u fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35, għandu jiġi kkunsidrat li ħsara kbira li kienet jew hemm ir-riskju li tinħoloq tikkostitwixxi konsegwenzi iktar gravi minn tniġġis sinjifikattiv tal-ambjent marittimu, li kien jew hemm ir-riskju li jinħoloq, fis-sens tal-Artikolu 220(5) tal-Konvenzjoni tal-liġi dwar il-baħar? Kif għandu jiġi ddefinit it-tniġġis sinjifikattiv tal-ambjent marittimu u kif għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-evalwazzjoni tal-ħsara kbira li kienet jew hemm ir-riskju li tinħoloq?

(7) Liema huma l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni matul l-evalwazzjoni tal-importanza tal-ħsara li nħolqot jew li hemm ir-riskju li tinħoloq? Matul din l-evalwazzjoni, għandha tingħata importanza, pereżempju għat-tul u għall-portata ġeografika tal-effetti dannużi li jimmanifestaw ruħhom bħala forma ta’ ħsara? Fil-każ ta’ risposta affermattiva għal din id-domanda, kif għandhom jiġu evalwati t-tul u l-portata tal-ħsarat?

(8) Id-Direttiva 2005/35 tistabbilixxi regoli minimi u ma tipprekludix l-adozzjoni, mill-Istati Membri, ta’ miżuri iktar stretti, konformi mad-dritt internazzjonali, kontra t-tniġġiż ikkawżat mill-vapuri [Artikolu 1(2)]. Il-possibbiltà li jiġu applikati dispożizzjonijiet iktar stretti tapplika wkoll għall-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35, li jirregola l-kompetenza tal-Istat kostali sabiex jintervjeni kontra vapur fi tranżitu?

(9) Matul l-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetenza tal-Istat kostali, iddefiniti fl-Artikolu 220(6) tal-[UNCLOS] u fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35, għandha tingħata importanza għall-kundizzjonijiet ġeografiċi u ekoloġiċi u għall-vulnerabbiltà taż-żona tal-baħar Baltiku?

(10) It-termini ‘evidenza oġġettiva ċara’ li jinsabu fl-Artikolu 220(6) tal-[UNCLOS], kif ukoll it-termini ‘evidenza ċara u oġġettiva’ li jinsabu fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35 jirreferu mhux biss għall-prova dwar it-twettiq, mill-vapur, tal-ksur imsemmi fid-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, iżda wkoll għall-prova taċ-ċirkustanzi tar-rimi? Liema tip ta’ prova għandha tkun meħtieġa sabiex tintwera l-eżistenza tar-riskju li ħsara kbira tiġi kkawżata lill-kosta jew lil interessi relatati jew kull riżors tal-baħar territorjali jew taż-żona ekonomika esklużiva, jiġifieri pereżempju lill-għasafar, lill-ħut u lill-ambjent marittimu taż-żona? Ir-rekwiżit ta’ evidenza oġġettiva ċara/evidenza ċara u oġġettiva jfisser li, pereżempju, l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi dannużi tar-rimi ta’ żejt għandha dejjem tkun ibbażata fuq studji u fuq riċerki konkreti li jirrigwardaw il-konsegwenzi tar-rimi ta’ żejt li seħħ?”

36.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Belġjan, Grieg, Franċiż, Olandiż u Finlandiż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea. Kważi bħal li kieku biex jikkommemoraw il-100 anniversarju tal-Finlandja minn meta saret nazzjon marittimu, Bosphorus, il-Gvern Franċiż, Olandiż u Finlandiż, u l-Kummissjoni għamlu sottomissjonijiet orali f’seduta li nżammet fis-6 ta’ Diċembru 2017.

III. Analiżi

37.      Il-qorti tar-rinviju ppreżentat għadd ta’ mistoqsijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja li jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-interpretazzjoni, bħala kwistjoni ta’ dritt tal-Unjoni, tal-Artikolu 220(6) tal-UNCLOS (u b’estensjoni ta’ dan, tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35). Għalkemm jittrattaw il-kwistjoni minn diversi angoli, id-domandi preliminari jirrigwardaw, essenzjalment, żewġ kwistjonijiet interrelatati li għandhom x’jaqsmu maċ-ċirkustanzi li fihom Stat kostali jista’ jasserixxi ġurisdizzjoni fiż-ŻEE tiegħu; jiġifieri l-interessi koperti bil-ġurisdizzjoni tal-Istat kostali u l-evidenza meħtieġa sabiex jiġġustifika t-teħid ta’ miżuri ta’ infurzar kontra vapur fi tranżitu.

38.      Wara xi rimarki introduttorji, id-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju għandhom jiġu indirizzati fi gruppi tematiċi: (1) l-interessi mħarsa mill-ġurisdizzjoni tal-Istat kostali fiż-ŻEE skont l-Artikolu 220(6) tal-UNCLOS u l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35 (Domandi 1 sa 4); (2) l-evidenza meħtieġa skont l-Artikolu 220(6) tal-UNCLOS u l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35 sabiex Stat kostali jista’ jibda proċeduri kontra vapur barrani (Domandi 5 sa 7 kif ukoll 9 u 10); u (3) d-diskrezzjoni tal-Istati Membri taħt l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35 (Domanda 8).

A.      Osservazzjonijiet preliminari

39.      Sabiex jinftiehmu aħjar il-kwistjonijiet problematiċi li huma l-bażi ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, jidhirli li jkun utli li nibda l-analiżi tiegħi b’għadd ta’ osservazzjonijiet preliminari. L-ewwel, filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu li t-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda għadd ta’ ftehim internazzjonali differenti fil-qasam tal-liġi tal-baħar, l-ewwel nett ser infakkar il-prinċipji li jirregolaw il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, li tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali. It-tieni, ser nindika l-qafas legali dwar id-diviżjoni ta’ ġurisdizzjoni bejn l-Istati tal-bandiera u l-Istati kostali fil-kuntest tal-liġi tal-baħar. F’dan il-kuntest, ser nispjega, b’mod partikolari kif l-UNCLOS tħares lejn il-ħtieġa li jinħoloq bilanċ bejn il-libertà ta’ navigazzjoni u l-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar.

1.      Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali

40.      Il-qorti tar-rinviju tidentifika tliet settijiet ta’ regoli tad-dritt internazzjonali li huma rilevanti f’dan il-każ. Dawn huma l-UNCLOS, Marpol 73/78 u l-Konvenzjoni ta’ Intervent. Kull waħda minn dawn il-konvenzjonijiet għandha, għall-fini tal-liġi tal-Unjoni, status differenti.

41.      L-ewwel, kif jaqblu l-partijiet kollha, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet tal-UNCLOS. Hija ġurisprudenza stabbilita li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali li jagħmlu parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Billi l-Unjoni Ewropea aderixxiet mal-UNCLOS, din il-konvenzjoni tagħmel parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (5). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni.

42.      It-tieni, f’dak li jirrigwarda Marpol 73/78, l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea huma marbuta minn din il-konvenzjoni, imma l-Unjoni Ewropea ma hijiex. Preċiżament minħabba li l-Istati Membri huma marbuta b’din il-konvenzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li Marpol 73/78 għandha tittieħed ukoll inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni, minn naħa, tal-UNCLOS u, min-naħa l-oħra, tad-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju li jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Marpol 73/78. Dan huwa notevolment il-każ tad-Direttiva 2005/35 (6).

43.      It-tielet, la l-Unjoni Ewropea u lanqas l-Istati Membri kollha tagħha ma huma marbuta bil-Konvenzjoni ta’ Intervent. Il-partijiet ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub b’fehmiet opposti fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni. Filwaqt li l-Gvern Belġjan u dak Franċiż jidhru li jsostnu li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tinterpreta d-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni, il-Kummissjoni, kif ukoll il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Finlandja jqisu li tali interpretazzjoni ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Meta kienet mistoqsija fuq dan il-punt waqt is-seduta, il-Kummissjoni biddlet il-pożizzjoni tagħha: hija qablet li l-Konvenzjoni ta’ Intervent fil-fatt tista’ tkun sors ta’ ispirazzjoni għall-Qorti tal-Ġustizzja biex tinterpreta l-Artikolu 220 tal-UNCLOS.

44.      Jidhirli li l-partijiet kollha li indirizzaw il-kwistjoni huma korretti.

45.      Minn naħa, bħala prinċipju, il-Qorti tal-Ġustizzja ma’ għandhiex, ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta b’mod awtorevoli, fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari, ftehim internazzjonali milħuqa bejn Stati Membri u stati terzi. Din il-fehma hija kkonfermata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam (7). Fil-fatt, mingħajr preġudizzju għall-każ partikolari ta’ konvenzjonijiet bħal Marpol 73/78 imsemmija hawn fuq, u s-sitwazzjoni fejn l-Unjoni assumiet il-kompetenzi li qabel kienu eżerċitati mill-Istati Membri fil-qasam irregolat mill-ftehim internazzjonali inkwistjoni (8), il-ġurisdizzjoni interpretattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja testendi biss għar-regoli li jagħmlu parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

46.      Dan il-prinċipju ġie affermat mill-ġdid mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Manzi (9), fir-rigward ta’ protokoll li sar iktar tard tal-Marpol 73/78 li xi Stati Membri ma kinux aderixxew miegħu. F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju ma setgħux jiġu interpretati tad-fid-dawl ta’ obbligu impost bi ftehim internazzjonali li ma jorbotx lill-Istati Membri kollha. Inkella, il-portata ta’ dan l-obbligu tiġi estiża għal dawk l-Istati Membri li ma humiex partijiet kontraenti ta’ ftehim bħal dan (10).

47.      Filwaqt li fil-prattika dan seta’ kien ir-riżultat fiċ-ċirkustanzi sottostanti Manzi, fil-fehma tiegħi, id-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiġi interpretata fis-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, ir-regoli tad-dritt internazzjonali li ma jorbtux lill-Unjoni Ewropea, jew lill-Istati Membri kollha tagħha.

48.      Kif huwa ġeneralment aċċettat, interpretazzjoni ġudizzjarja ma sseħħx barra minn kwalunkwe kuntest. Filwaqt li huwa ċar li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta b’mod awtorevoli r-regoli li ma jiffurmawx parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, insibha diffiċli li naċċetta li ma nitgħalmux - fejn ikun rilevanti - minn dawn ir-regoli għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Dan jgħodd l-iktar, b’mod partikolari, fejn l-oriġini ta’ ftehim internazzjonali li jorbot l-Unjoni, jew l-Istati Membri tagħha, jissuġġerixxi rabta mill-qrib ma ftehim li ma jkunx jorbot.

49.      Fi kliem ieħor, minn nuqqas manifest ta’ ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta l-Konvenzjoni ta’ Intervent ma jirriżultax li ma tistax tkun sors ta’ ispirazzjoni għall-interpretazzjoni ta’ kunċetti simili li jistgħu jinstabu fl-UNCLOS. Fi kliem ieħor, ma huwiex impossibbli li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tinterpreta l-UNCLOS b’tali mod li jaqbel mat-terminoloġija użata fil-Konvenzjoni ta’ Intervent. Kif ser nuri fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-ewwel, it-tieni, it-tielet u r-raba’ domandi preliminari, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni ta’ Intervent jistgħu jipprovdu għajnuna utli fl-interpretazzjoni, bħala kwistjoni ta’ liġi tal-Unjoni, l-Artikolu 220(6) tal-UNCLOS (11).

50.      Madankollu, qabel ma nitratta din il-kwistjoni, il-prinċipji bażiċi tal-qafas legali li jirregola d-diviżjoni tal-ġurisdizzjoni bejn l-Istat tal-bandiera u l-Istat kostali fil-kuntest partikolari tal-UNCLOS għandu jiġi spjegat.

2.      Il-prinċipji li jirregolaw il-ġurisdizzjoni ta’ infurzar tal-Istati kostali: il-libertà ta’ navigazzjoni u l-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar

51.      Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-UNCLOS tfittex li tistabbilixxi bilanċ ġust bejn l-interessi tal-Istati kostali u stati oħra, li jistgħu jkunu f’kunflitt (12). Dawk l-interessi għandhom x’jaqsmu, fost affarijiet oħra, mal-interess leġittimu ta’ tbaħħir indipendentement mill-pożizzjoni ġeografika tal-Istat, l-użu tar-riżorsi naturali u l-ħtieġa li jiġi ppreservat l-ambjent tal-baħar.

52.      F’dan il-kuntest, il-libertà ta’ navigazzjoni hija ta’ importanza partikolari. Fil-fatt, imnissel mill-prinċipju antik tal-libertà tal-ibħra (13), il-libertà ta’ navigazzjoni tikkostitwixxi l-pedament li jirfed l-liġi internazzjonali tal-baħar. Biex tiġi evitata l-frammentazzjoni tal-baħar għal finijiet tal-protezzjoniżmu, il-libertà ta’ navigazzjoni tiżgura li kull ħaġa lil hinn mill-ibħra territorjali tibqa’ miftuħa għall-użu tal-ġid komuni (14).

53.      Dan il-prinċipju huwa rifless fil-UNCLOS: b’konsegwenza tal-libertà ta’ navigazzjoni, l-Istati kostali għandhom, bħala regola, il-ġurisdizzjoni biss fuq vapuri li jbaħħru fl-ibħra territorjali tagħhom, li hija limitata għal 12-il mil nawtiku mil-linja bażi (15). Anki hemmhekk, din il-ġurisdizzjoni hija limitata bl-obbligu li jiżġuraw passaġġ liberu għal vapuri li jkunu fi tranżitu (16). Lil hinn minn dik iż-żona, il-punt tat-tluq huwa li l-Istat tal-bandiera għandu ġurisdizzjoni fuq il-vapuri li jtajru l-bandiera tiegħu. B’mod iktar preċiż, huwa f’idejn l-Istat tal-bandiera biex jistabbilixxi s-sigurtà, l-istandards soċjali u ambjentali li għandhom jiġu applikati u jinforza dawk ir-regoli f’dak li għandu x’jaqsam ma’ bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu skont ir-regoli u l-istandards internazzjonali (17). Mhux hekk biss, madankollu: l-Istat tal-bandiera għandu, f’konformità mal-Artikolu 217 tal-UNCLOS, jinforza b’mod effettiv ir-regoli u l-istandards internazzjonali dwar tniġġis ikkawżat minn vapuri, irrispettivament fejn iseħħ il-ksur.

54.      Madankollu, skont is-sistema ta’ ġurisdizzjoni implementata mill-UNCLOS, il-ġurisdizzjoni tal-Istat tal-bandiera ’l barra mill-ibħra territorjali ta’ Stat kostali hija suġġetta għal eċċezzjonijiet importanti. Waħda minn dawn l-eċċezzjonijiet tirrigwarda l-ġurisdizzjoni tal-Istat kostali fiż-ŻEE.

55.      Iż-ŻEE hija ddefinita fl-Artikolu 57 tal-UNCLOS bħala żona ’l barra minn u biswit il-baħar territorjali, li testendi massima ta’ 200 mil nawtiku mil-linja bażi. Iż-ŻEE hija suġġetta għar-reġim legali speċifiku stabbilit f’parti V tal-UNCLOS (l-Artikoli 55 sa 75). Bis-saħħa tal-Artikolu 56 tal-imsemmija konvenzjoni, l-Istat kostali għandu, fost affarijiet oħra, ġurisdizzjoni ta’ infurzar (limitata) f’dik iż-żona għall-finijiet tal-protezzjoni adegwata tal-ambjent tal-baħar. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 58 tal-UNCLOS, Stati oħra għandhom jiżguraw li jikkonformaw mal-konvenzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom fiż-ŻEE, jagħtu l-attenzjoni dovuta għad-drittijiet u d-dmirijiet tal-Istat kostali u jikkonformaw mal-liġijiet u r-regolamenti adottati mill-Istat kostali skont il-UNCLOS u regoli oħra tad-dritt internazzjonali.

56.      Dawn il-prinċipji jirriflettu l-kunsens internazzjonali wiesa’ li jeżisti fir-rigward tal-ħtieġa għall-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar mit-tniġġis (minn vapuri). B’mod partikolari, l-ġurisdizzjoni ta’ infurzar mogħtija lill-Istati kostali skont l-Artikolu 220(3) sa (6) tal-UNCLOS fiż-ŻEE sabiex jieħdu miżuri kontra bastimenti fi tranżitu jistgħu jiġu mifhuma bħala espressjoni konkreta ta’ dan it-tħassib.

57.      B’mod iktar preċiż, diversi trattati ġew konklużi fit-tieni parti tas-seklu 20 b’reazzjoni għat-tħassib li dejjem jiżdied tat-tniġġis tal-baħar (18). Pereżempju, il-Konvenzjoni ta’ Intervent ġiet konkluża fl-1969 fl-isfond tad-diżastru devastanti tat-Torrey Canyon. Tat lill-partijiet kontraenti tal-konvenzjoni s-setgħa li jintervjenu f’ibħra miftuħa f’każijiet fejn ikun hemm theddida għall-baħar jew għall-kosta minn tniġġis miż-żejt b’riżultatt ta’ diżgrazzji marittimi. Dan il-prinċipju ta’ dritt ta’ intervent kien affermat mill-ġdid fl-Artikolu 221 tal-UNCLOS (19).

58.      Fil-fatt, jidher li huwa ġeneralment aċċettat li l-ġurisdizzjoni tal-Istat tal-bandiera hija insuffiċjenti waħedha biex jiġi miġġieled it-tniġġis ikkawżat minn vapuri (20). Fid-dawl ta’ dan, is-setgħat mogħtija lill-Istati kostali fl-Artikolu 220 tal-UNCLOS — li b’ċertu mod jiżdiedu mas-setgħat mogħtija mill-Konvenzjoni ta’ Intevent u mill-Artikolu 221 tal-UNCLOS lill-Istati kostali fis-sens li jippermetti li l-Istati kostali jibdew proċeduri wkoll f’każijiet fejn ma tkunx seħħet diżgrazzja marittima — jistgħu, fil-fehma tiegħi, jitqiesu bħala li jirrifletti x-xewqa tal-komunità internazzjonali biex joħloq għodda għall-ġlieda kontra t-tniġġis ikkawżat minn vapuri b’mod iktar effiċjenti u biex jipproteġu l-ambjent tal-baħar bħala ġid komuni. F’dan ir-rigward, nosserva li l-Konvenzjoni ta’ Intervent mhux biss influwenzat l-abbozzar tal-Artikolu 221 tal-UNCLOS, iżda wkoll dak tal-Artikolu 220 ukoll (21).

59.      F’dan l-istadju, punt li għandu jiġi enfasizzat huwa li l-Artikolu 220(3) sa (6) tal-UNCLOS jagħti biss ġurisdizzjoni ta’ infurzar lill-Istat kostali f’numru ta’ ċirkustanzi ddefiniti b’mod ċar, li hija addizzjonali għall-ġurisdizzjoni tal-Istat tal-bandiera. Jagħti ġurisdizzjoni (limitata) lil Stati kostali għall-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar f’każ ta’ ksur ta’ regoli u standards internazzjonali applikabbli dwar it-tniġġis ikkawżat minn vapuri. Id-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ Marpol 73/78 dwar il-prevenzjoni ta’ tniġġis biż-żejt jikkostitwixxu sett ta’ regoli bħal dawn. Fil-fatt, ma għandux jintesa li l-UNCLOS hija konvenzjoni qafas li ġiet ikkumplementata minn ftehim internazzjonali ieħor, bħalma hija l-Marpol 73/78 (22).

60.      Għall-kuntrarju, l-Artikolu 220(3) sa (6) tal-UNCLOS ma jimponix, pereżempju, standards iktar iebsa dwar it-tniġġis minn dawk li kieku kienu jkunu applikabbli. Lanqas ma jagħtu ġurisdizzjoni lil Stati kostali biex jintervjenu fil-konfront ta’ vapuri barranin li jmur lil hinn mis-setgħat tal-Istat tal-bandiera. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 228(1) tal-UNCLOS, l-Istat tal-bandiera jista’ jmexxi l-proċedimenti fi żmien sitt xhur minn meta jiġi informat mill-Istat kostali bil-miżuri meħuda fil-konfront ta’ vapur li jtajjar il-bandiera tiegħu (23).

61.      Bl-istess mod bħall-Istati l-oħra kollha, l-Istati tal-bandiera għandhom ukoll, bis-saħħa tal-Artikolu 192 tal-UNCLOS, jipproteġu u jippreservaw l-ambjent tal-baħar. Huma għandhom jiżguraw ukoll infurzar effettiv tar-regoli internazzjonali u l-istandards dwar it-tniġġis ikkawżat minn vapuri abbażi tal-Artikolu 217 tal-UNCLOS. F’konformità mal-prinċipju ta’ viċinanza, l-Artikolu 220(3) sa (6) tal-UNCLOS madankollu jagħti ġurisdizzjoni wkoll lill-Istat li għandu l-ikbar interess li jagħmel dan, jiġifieri l-Istat kostali. Fil-prattika, l-Istat kostali huwa probabbilment l-Istat fl-aħjar pożizzjoni biex jidentifika ksur tar-regoli internazzjonali dwar it-tniġġis ikkawżat mill-vapuri u li jieħu, jekk il-każ ikun jeħtieġ, miżuri ta’ infurzar kontra l-vapur inkwistjoni.

62.      F’dan id-dawl, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti fl-Artikolu 220(3) sa (6) tal-UNCLOS fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tal-Istat kostali fiż-ŻEE tiegħu huma mfassla biex jiżguraw li r-regoli tal-imsemmija konvenzjoni li għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-ambjent tal-baħar ikunu jistgħu jiġu infurzati b’mod effettiv.

63.      Fil-qosor, il-ġurisdizzjoni tal-Istat tal-bandiera tibqa’ r-regola ewlenija taħt l-UNCLOS. Madankollu, billi tikkonferixxi ġurisdizzjoni parallela lill-Istat kostali fiż-ŻEE f’każ ta’ ksur ta’ regoli internazzjonali rilevanti, l-UNCLOS tirrifletti l-ħtieġa rikonoxxuta biex effettivament tipproteġi l-interessi tal-Istat kostali u tipproteġi u tippreserva - fi żmien meta l-isfruttament tal-baħar qed jiżdied - l-ambjent tal-baħar bħala ġid komuni tal-umanità (24).

64.      Dawn il-kunsiderazzjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati fl-evalwazzjoni tad-domandi mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-każ.

B.      Domandi 1 sa 4: l-interessi koperti mill-Artikolu 220(6) tal-UNCLOS

65.      Bħala punt preliminari, nosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi t-tieni domanda preliminari peress li hija speċifikament intiża sabiex tikseb interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Intervent. Kif ġie spjegat hawn fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tirrispondi għal din id-domanda minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni (25).

66.      Madankollu, moqrija fil-kuntest tagħhom, nifhem li din id-domanda, flimkien mal-ewwel, it-tielet u r-raba’ domanda essenzjalment tistaqsi dwar kif l-interessi li jaqgħu taħt l-Artikolu 220(6) tal-UNCLOS - u mtennija mill-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35 - għandhom jiġu interpretati. Wieħed ma għandux jinsa li, flimkien ma’ elementi oħra msemmija fl-Artikolu 220(6) tal-UNCLOS, l-istat kostali għandu ġurisdizzjoni sabiex jibda proċedimenti biss sa fejn huwa intiż li l-interessi li qed jipproteġi, billi jasserixxi l-ġurisdizzjoni, jikkoinċidu ma’ dawk imsemmija f’dik id-dispożizzjoni.

67.      Biex tkun taf jekk dan huwiex il-każ fil-kawża pendenti quddiemha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkjarifika t-tifsira tal-kunċetti ta’ “kosta jew l-interessi relatati” u “xi riżorsi tal-baħar territorjali jew taż-[ŻEE]”. Tabilħaqq, wieħed jista’ jifhem mid-digriet tar-rinviju li l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-interessi identifikati fl-opinjoni tal-espert maħruġa mill-Aġenzija humiex koperti b’dawn il-kunċetti (26).

68.      Kif spjegajt iktar ’il fuq, l-Artikolu 220(6) ta’ din il-konvenzjoni huwa mfassal biex jiżgura protezzjoni effettiva u l-konservazzjoni tal-ambjent tal-baħar. Huwa fid-dawl ta’ dan il-għan li l-interessi msemmija f’din id-dispożizzjoni għandhom jiġi interpretati.

1.      Il-kunċett ta’ “kosta jew l-interessi relatati”

69.      Fl-ewwel lok, dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ “kosta jew l-interessi relatati ta’ l-Istat kostali”, il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Intervent ma jistax ifisser li d-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni għandhom jiġu injorati għalkollox - jew li l-istess interpretazzjoni ma tistax tintlaħaq kif inhi f’din il-konvenzjoni - f’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 220(6) tal-UNCLOS. Fl-istess ħin, huwa ċar li ma hemm ebda obbligu dirett li d-definizzjoni ta’ “interessi relatati” fl-Artikolu II(4) tal-Konvenzjoni ta’ Intervent tiġi trasposta fl-Artikolu 220(6) tal-UNCLOS.

70.      B’mod iktar preċiż, jidher ċar mill-istorja leġiżlattiva tal-Artikolu 220(6) tal-UNCLOS li l-partijiet kontraenti ħadu ispirazzjoni mill-Konvenzjoni ta’ Intervent meta stabilixxew li l-Istati kostali għandhom ikollhom ġurisdizzjoni wkoll sabiex jieħdu miżuri kontra vapuri barranin li jkunu wettqu ksur fiż-ŻEE (27). Tabilħaqq, ma hemm l-ebda indikazzjoni li d-definizzjonijiet adottati fil-Konvenzjoni ta’ Intervent ukoll kienu intiżi jiġu trasposti fil-UNCLOS li ma tinkludi ebda definizzjoni tal-kunċett ta’ “kosta jew l-interessi relatati”, jew, saħansitra ta’ “xi riżorsi tal-baħar territorjali jew taż-ŻEE”.

71.      Madankollu, kif muri hawn fuq, mingħajr dubju l-Konvenzjoni ta’ Intervent tikkostitwixxi parti mill-kuntest leġiżlattiv usa’ li fih jopera l-Artikolu 220(6) tal-UNCLOS. Filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu li r-regoli li jinsabu fl-UNCLOS jidhru li huma maħsuba biex jissupplimentaw u jwessgħu dawk li jinsabu fil-Konvenzjoni ta’ Intervent dwar il-ġurisdizzjoni tal-Istat kostali biex jintervjeni f’każ ta’ inċident marittimu, it-tifsira mogħtija lill-“interessi relatati” fil-Konvenzjoni ta’ Intervent tikkostitwixxi punt ta’ riferiment utli għad-definizzjoni tal-interessi li jaqgħu taħt l-Artikolu 220(6) tal-UNCLOS.

72.      F’dan ir-rigward, nosserva li d-definizzjoni ta’ “interessi relatati” adottata mill-Konvenzjoni ta’ Intervent huwa wieħed wiesa’. Skont l-Artikolu II(4) tal-Konvenzjoni ta’ Intervent, “interessi relatati” jinkludu l-interessi ta’ Stat kostali affettwat direttament jew mhedded minn inċident marittimu, bħal attivitajiet marittimi kostali, tal-port jew tal-estwarji, inkluż l-attivitajiet tas-sajd, li jikkostitwixxu mezz essenzjali ta’ għajxien għall-persuni kkonċernati, l-attrazzjonijiet turistiċi fiż-żona kkonċernata u s-saħħa tal-popolazzjoni kostali u l-benesseri taż-żona kkonċernata, inkluż il-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar, tal-fawna u tal-flora.

73.      Ma jirnexxilix nidentifika raġunijiet li jaqblu mal-fehma li għandha tingħata xi interpretazzjoni differenti fil-kuntest tal-UNCLOS. Fil-fatt, ma għandux jintesa li l-Artikolu 220(6) tal-UNCOS ifittex li jiżgura protezzjoni adegwata għall-ambjent tal-baħar. Biex tagħmel dan, din id-dispożizzjoni tagħti ġurisdizzjoni lill-Istati kostali biex jintervjenu fiż-ŻEE. B’mod ċar, il-possibbiltà ta’ interventi jiġu mxekkla ħafna jekk l-interessi msemmija jingħataw interpretazzjoni stretta.

74.      Ma hemm sempliċement ebda indikazzjoni li xi wħud mill-aspetti ambjentali biss għandhom x’jaqsmu jew li huma biss l-interessi ta’ Stat kostali fl-ibħra territorjali li għandhom ikunu koperti. Għal dawn ir-raġunijiet, jiena tal-fehma li “kosta jew l-interessi relatati” għandha tiġi interpretata li tinkludi l-interessi kollha tal-Istat kostali fil-baħar territorjali u fiż-ŻEE relatati mal-isfruttament tal-baħar u ambjent b’saħħtu.

2.      Il-kunċett ta’ “xi riżorsi tal-baħar territorjali jew taż-[ŻEE]”

75.      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kunċett ta’ “xi riżorsi tal-baħar territorjali jew taż-[ŻEE]”, nosserva li, jekk xejn, il-fatt li l-Artikolu 220(6) tal-UNCLOS jagħmel ukoll riferiment speċifiku għal “xi riżorsi tal-baħar territorjali jew taż-[ŻEE]” jidher li jirrifletti x-xewqa li jiġu inklużi, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 220(6) tal-UNCLOS, l-aspetti kollha tal-ambjent tal-baħar li jistgħu jiġu affettwati minn tniġġis ikkawżat minn vapuri.

76.      Rigward il-kwistjoni speċifika mqajma mill-qorti tar-rinviju, dawn ir-raġunijiet iwassluni sabiex nikkunsidra li l-interessi koperti mill-kunċett ta’ “xi riżorsi tal-baħar territorjali jew taż-[ŻEE]” għandhom jinkludu speċi ta’ flora u fawna li jintużaw għan-nutrizzjoni minn speċi li jistgħu jiġu sfruttati.

77.      L-ewwel, l-użu tal-kelma “xi” biex jiġu deskritti r-riżorsi inkwistjoni jissuġġerixxi li interpretazzjoni wiesgħa, b’mod konformi mat-tifsira ordinarja ta’ dan it-terminu, għandha tiġi adottata; jiġifieri, għandu jinftiehem bħala li jirreferi għar-riżorsi ħajjin u mhux ħajjin kollha, irrispettivament minn jekk dawn ir-riżorsi jiġux sfruttati direttament jew le.

78.      It-tieni, interpretazzjoni ta’ “xi riżorsi” li tipprovdi li speċi ta’ flora u fawna, li jintużaw għan-nutrizzjoni minn speċi li jistgħu jiġu sfruttati għandhom ikunu koperti mill-kunċett ta’ “xi riżorsi tal-baħar territorjali jew taż-[ŻEE]” hija konformi ma’ approċċ ibbażat fuq l-ekosistema adottat fil-kuntest tal-politika tal-ambjentali tal-baħar u l-politika komuni tas-sajd fl-Unjoni Ewropea (28). Dan l-approċċ jirrikonoxxi l-interazzjonijiet f’ekosistema, inklużi dawk bejn l-ispeċi, iktar milli jqis l-ispeċi f’iżolament minn ekosistema usa’ (29). Dawn il-konnessjonijiet huma wkoll rikonoxxuti b’mod ċar fl-UNCLOS, u b’mod partikolari fl‑Artikolu 61(4) tagħha (30), li għalih il-qorti tar-rinviju tirreferi wkoll.

79.      It-tielet, u b’mod iktar fundamentali, ma għandux jintesa li l-Artikolu 220 tal-UNCLOS huwa mfassal biex jiżgura protezzjoni effettiva u l-konservazzjoni tal-ambjent tal-baħar fl-intier tagħhom. Fi kliem sempliċi, ikun kuntrarju għal dan l-għan li jiġi limitat il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għal riżorsi li ma humiex suġġetti għal esplojtazzjoni diretta mill-Istat kostali.

80.      Għaldaqstant, jiena nipproponi li r-risposta għall-ewwel, it-tieni, it-tielet u r-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 220(6) tal-UNCLOS u l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, minn naħa, il-kunċett ta’ “kosta jew l-interessi relatati” jinkludi l-interessi kollha tal-Istat kostali fil-baħar territorjali u fiż-ŻEE relatati mal-isfruttament tal-baħar u ma’ ambjent b’saħħtu u li, min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ “xi riżorsi tal-baħar territorjali jew taż-[ŻEE]” jinkludi kemm riżorsi ħajjin — bħal speċi ta’ flora u fawna li jintużaw għan-nutrizzjoni minn speċi li jistgħu jiġu sfruttati — u riżorsi mhux ħajjin.

C.      Id-domandi 5 sa 7 u 9 u 10: l-evidenza meħtieġa taħt l-Artikolu 220(6) tal-UNCLOS sabiex l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ infurzar minn Stat kostali tkun iġġustifikata

81.      Permezz tal-ħames, is-sitt, is-seba’, id-disa’ u l-għaxar domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment qed titlob gwida dwar l-evidenza meħtieġa sabiex l-Istat kostali jibda proċedimenti kontra vapur barrani li jbaħħar fiż-ŻEE tiegħu skont l-Artikolu 220(6) tal-UNCLOS u l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35.

82.      Biex nipprovdi gwida dwar din il-kwistjoni, ser nipproċedi f’żewġ stadji. L-ewwel, ser tiġi eżaminata l-interrelazzjoni bejn l-Artikolu 220(3), (5) u (6) tal-UNCLOS. It-tieni, għandhom jiġu trattati l-element ta’ “theddid ta’ danni maġġuri” imsemmi fl-Artikolu 220(6) tal-UNCLOS.

1.      L-interrelazzjoni bejn l-Artikolu 220(3), (5) u (6) tal-UNCLOS: tliet regoli distinti ta’ ġurisdizzjoni

83.      Biex tinftiehem aħjar il-loġika interna tal-Artikolu 220 tal-UNCLOS, u kif jaħdem l-Artikolu 220(6) tal-UNCLOS, huwa utli li qabelxejn tiġi eżaminata l-interrelazzjoni bejn l-Artikolu 220(3), (5) u (6) tal-UNCLOS, li minnhom l-aħħar żewġ paragrafi rċevew attenzjoni ddettaljata waqt is-seduta.

84.      Bħala punt preliminari, huwa ġeneralment aċċettat li l-Artikolu 220 tal-UNCLOS huwa bbażat fuq approċċ progressiv.

85.      Ta’ rilevanza fil-kuntest ta’ din il-kawża huma r-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti fl-Artikolu 220(3), (5) u (6) tal-UNCLOS li jagħtu ġurisdizzjoni lill-Istat kostali fuq vapuri barranin li jbaħħru fiż-ŻEE tiegħu. Fil-fatt, kif ser jidher f’dan li ġej, kull waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tinkludi regola separata ta’ ġurisdizzjoni favur Stat kostali. Dawn ir-regoli japplikaw f’ċirkustanzi differenti u huma differenti minn xulxin b’mod sinjifikattiv fir-rigward tal-miżuri li l-Istat kostali jista’ jadotta abbażi ta’ kull waħda minnhom. Għaldaqstant, l-elementi rilevanti ta’ kull regola ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu evalwati b’mod indipendenti fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ.

86.      L-approċċ progressiv jirriżulta mil-livell ta’ intervent li kull waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tippermetti. L-ewwel, l-Artikolu 220(3) tal-UNCLOS jagħti d-dritt lill-Istat kostali li jitlob informazzjoni minn vapur barrani sabiex jistabbilixxi ksur tar-regoli u l-istandards internazzjonali relatati mat-tniġġis ikkawżat minn vapuri. It-tieni, l-Artikolu 220(5) tal-UNCLOS jagħti d-dritt lill-Istat kostali li jipproċedi għal spezzjoni ta’ vapur barrani. It-tielet, l-Artikolu 220(6) tal-UNCLOS jagħti d-dritt lill-Istat kostali jibda proċedimenti kontra vapur barrani.

87.      Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fl-Artikolu 220(3) u (5) huma marbuta ma’ xulxin b’mod ċar. Minn naħa waħda, iż-żewġ dispożizzjonijiet jikkonċernaw ċirkustanzi fejn l-Istat kostali jissuspetta (jiġifieri, ikun hemm bażi ċara sabiex jitwemmen) li vapur barrani kiser ir-regoli u l-istandards internazzjonali dwar it-tniġġis ikkawżat minn vapuri. Il-miżuri msemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet għandhom l-għan li jistabbilixxu li l-bastiment huwa s-sors ta’ ksur inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 220(5) tal-UNCLOS, l-Istat kostali jista’ jipproċedi għal spezzjoni ta’ bastiment barrani - li jkun irrifjuta li jikkoopera mal-awtoritajiet tal-Istat kostali fir-rigward tat-talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 220(3) - fejn il-ksur taħt investigazzjoni jirriżulta f’tixrid sostanzjali li jikkawża jew li jhedded li jikkawża tniġġis sostanzjali tal-ambjent tal-baħar.

88.      Fi kliem ieħor, rifjut ta’ kooperazzjoni ma jfissirx awtomatikament li l-Istat kostali jista’ jipproċedi għal spezzjoni taħt l-Artikolu 220(5) tal-UNCLOS. Għall-kuntrarju, spezzjoni hija possibbli biss taħt kundizzjonijiet stretti fejn il-volum ta’ tixrid u t-tniġġis li jirriżulta minn dan it-tixrid huma ta’ importanza sinjifikanti.

89.      Kuntrarjament għall-Artikolu 220(3) u (5), l-Artikolu 220(6) tal-UNCLOS jirrigwarda sitwazzjoni fejn l-Istat kostali għandu evidenza ċara u oġġettiva ta’ ksur (31). Barra minn hekk, sabiex l-Istat kostali jkollu d-dritt jibda proċeduri ta’ ksur, jeħtieġ li jirriżulta li t-tixrid qed jikkawża ħsara maġġuri jew theddid ta’ danni maġġuri għall-interessi protetti minn din id-dispożizzjoni.

90.      Huwa importanti li jiġi enfasizzat li f’kuntrast mal-Artikolu 220(3) u (5) tal-UNCLOS, ma hemm ebda indikazzjoni li l-applikazzjoni tal-Artikolu 220(6) tal-UNCLOS tiddependi fuq l-applikazzjoni minn qabel tal-Artikolu 220(5) tal-UNCLOS. Dawn id-dispożizzjonijiet sempliċement jirregolaw ċirkustanzi distinti.

91.      Ċertament, huwa perfettament konċepibbli li spezzjoni fis-sens tal-Artikolu 220(5) tal-UNCLOS tista’ tipprovdi evidenza ċara u oġġettiva tal-ksur li hija meħtieġa għall-applikazzjoni tal-Artikolu 220(6) tal-UNCLOS. Madankollu, dan ma huwiex neċessarjament il-każ. Fil-fatt, l-istat kostali jista’ jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu, pereżempju, evidenza fotografika (mill-ajru) li turi li l-vapur barrani inkwistjoni jkun wettaq ksur tar-regoli u l-istandards internazzjonali applikabbli dwar it-tniġġis ikkawżat minn vapuri. Din il-kawża hija eżempju ċar f’dan ir-rigward: waqt is-seduta ġie ppreċiżat li l-Awtorità kellha għad-dispożizzjoni tagħha filmati mill-ajru li jikkonfermaw li l-Bosphorus Queen kien is-sors tat-tixrid inkwistjoni.

92.      Madankollu, kif imsemmi iktar ’il fuq, evidenza ċara u oġġettiva ta’ ksur minn vapur barrani speċifiku ma hijiex fiha nnifisha biżżejjed biex tiġġustifika l-bidu ta’ proċeduri kontra dak il-vapur skont l-Artikolu 220(6) tal-UNCLOS. Dan il-ksur għandu jkun irriżulta f’tixrid li jikkawża ħsara maġġuri jew theddid ta’ danni maġġuri.

93.      Kif nifhimha jiena, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, “theddida ta’ danni maġġuri” teżistix fis-sens tal-Artikolu 220(6) tal-UNCLOS. B’mod partikolari, hija inċerta liema tip ta’ evidenza ta’ dik it-theddida għandu jkollu l-Istat kostali sabiex jasserixxi l-ġurisdizzjoni tiegħu taħt l-Artikolu 220(6) tal-UNCLOS (u l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35).

94.      Mingħajr iktar dewmien, ngħaddi sabiex nikkunsidra kif dan l-element għandu jiġi interpretat fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ dan il-każ.

2.      Theddida ta’ danni maġġuri msemmija fl-Artikolu 220(6) tal-UNCLOS: evalwazzjoni konkreta fuq il-bażi ta’ Marpol 73/78

95.      Mill-bidu nett, huwa utli li jitfakkar li l-Artikolu 220(6) tal-UNCLOS jistabbilixxi r-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jippermettu Stat kostali jibda proċedimenti kontra vapuri barranin li jbaħħru fiż-ŻEE tiegħu. F’konformità mal-approċċ progressiv tal-Artikolu 220, il-paragrafu 6 ta’ dik id-dispożizzjoni jagħti lill-Istat kostali setgħat estensivi f’dak li għandu x’jaqsam ma’ vapuri barranin.

96.      Madankollu, huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-evidenza meħtieġa sabiex jiġu imposti sanzjonijiet fuq il-vapur barrani fil-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 220(6) tal-UNCLOS - bħalma hija l-multa għat-tixrid taż-żejt imposta f’dan il-każ – ma hijiex irregolata minn din id-dispożizzjoni. L-evidenza meħtieġa għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet f’dawk il-proċedimenti, u l-ammont tagħhom, jibqa’, għall-kuntrarju kwistjoni ta’ liġi nazzjonali tal-Istat kostali kkonċernat (32).

97.      F’dan il-kuntest, il-kwistjoni li tqum hija dik dwar kif il-qorti tar-rinviju għandha tevalwa jekk teżistix theddida ta’ danni maġġuri għall-għanijiet ta’ bidu ta’ proċedimenti skont l-Artikolu 220(6) tal-UNCLOS.

98.      L-ewwel nett, fid-definizzjoni ta’ “theddida ta’ danni maġġuri” msemmija fl-Artikolu 220(6) tal-UNCLOS, it-tentazzjoni ta’ tqabbil ta’ dan il-kunċett mal-kunċett ta’ “[theddida] ta’ tniġġis sinifikanti” fl-Artikolu 220(5) tal-UNCLOS għandha tiġi rreżistita. Kif diġà ġie indikat, iċ-ċirkustanzi li fihom Stat kostali jista’ jasserixxi ġurisdizzjoni abbażi tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni mniżżla f’dawn id-dispożizzjonijiet huma differenti u l-elementi li jinsabu fihom għandhom jiġu evalwati b’mod indipendenti. B’mod partikolari, wieħed ma għandux jinsa li, “tniġġis” u “danni” huma żewġ kunċetti distinti. Skont iċ-ċirkustanzi, tniġġis sinjifikanti jista’ - jew ma jistax - jikkawża (theddida ta’) danni maġġuri għal interessi speċifiċi. Fi kliem ieħor, ir-rabta bejn it-tnejn ma hijiex awtomatika.

99.      It-tieni, l-Artikolu 220(6) tal-UNCLOS jeżiġi evidenza ċara u oġġettiva ta’ ksur tar-regoli u l-istandards internazzjonali dwar it-tniġġis ikkawżat minn vapuri. Kif kien spjegat fil-qosor iktar ’il fuq, Marpol 73/78 tistabbilixxi regoli internazzjonali sostantivi li jirregolaw it-tniġġis miż-żejt. Kemm l-Artikolu 220(3) tal-UNCLOS u speċifikament id-Direttiva 2005/35 jirreferu għal dik il-konvenzjoni.

100. F’konformità mar-Regolament 15 tal-Parti Ċ tal-Kapitolu 3 tal-Anness I ta’ Marpol 73/78, rigward vapuri ta’ tunnellaġġ gross ta’ 400 tunnellata jew iktar, kull tixrid ta’ żejt b’konċentrazzjoni ogħla minn 15 ppm huwa pprojbit. Fi kliem ieħor, kwalunkwe tixrid lil hinn minn din il-konċentrazzjoni tikkostitwixxi ksur ta’ Marpol 73/78 li għalih għandha tiġi imposta sanzjoni skont l-Artikolu 4(2) ta’ dik il-konvenzjoni.

101. Dan il-limitu jkun inqabeż b’mod sinjifikattiv, meta, bħal f’dan il-każ, it-tixrid taż-żejt ikun viżibbli bl-għajnejn (33). Madankollu, kif naraha jien, jekk dan huwiex biżżejjed biex jikkawża theddida ta’ danni maġġuri, kif mitlub mill-Artikolu 220(6) tal-UNCLOS, jiddependi miċ-ċirkustanzi li fihom seħħ it-tixrid.

102. Fi kliem ieħor, il-gravità tat-theddida ta’ dannu, ma għandhiex tiġi ddeterminata b’mod astratt. Inkella, hekk kif essenzjalment sostna l-Gvern Franċiż, l-Istat kostali jista’ jibda proċedimenti kontra vapur barrani li jbaħħar fiż-ŻEE tiegħu awtomatikament, f’kull każ, meta dak l-istat ikollu evidenza li bastiment ikun xerred żejt fiż-ŻEE ta’ dak l-istat bi ksur tar-regoli rilevanti ta’ Marpol 73/78. Fil-fatt, dan il-gvern jargumenta li theddida ta’ danni maġġuri tista’ tiġi preżunta sakemm ikun hemm evidenza li l-vapur inkwistjoni huwa s-sors ta’ tixrid ta’ żejt li jaqbeż (b’mod sinjifikattiv) il-limitu stabbilit fir-Regolament 15 tal-Parti C tal-Kapitolu 3 tal-Anness I ta’ Marpol 73/78.

103. Mingħajr dubju, tali approċċ ikun konformi mal-għan tal-Artikolu 220 tal-UNCLOS biex jiżgura protezzjoni effettiva u l-konservazzjoni tal-ambjent tal-baħar. Madankollu, kif ġie spjegat hawn fuq, ir-regola prinċipali tal-UNCLOS tibqa’ dik tal-ġurisdizzjoni tal-Istat tal-bandiera. Fil-fatt, ma għandux jintesa li, fuq kollox, l-Istati tal-bandiera għandhom jiżguraw li r-regoli u l-istandards internazzjonali applikabbli jiġu rrispettati minn vapuri li jtajru l-bandiera tagħhom u jieħdu l-miżuri meħtieġa ta’ infurzar fil-każ ta’ vapur tagħhom li jikser dawn ir-regoli. Huwa biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali ddefiniti b’mod ċar li l-Istat kostali għandu, f’konformità mal-prinċipju ta’ viċinanza, is-setgħa li jieħu miżuri kontra vapur barrani fiż-ŻEE. Għalhekk, sabiex ikun evitat li l-eċċezzjoni ta’ ġurisdizzjoni tal-Istat kostali ssir ir-regola prinċipali, it-theddida ta’ danni maġġuri ma għandhiex tkun sempliċement preżunta.

104. Għal din ir-raġuni, jiena tal-fehma li l-element ta’ “theddida ta’ danni maġġuri” għandu jkun ibbażat fuq valutazzjonijiet konkreti tal-fatti li abbażi tagħhom jista’ jiġi raġonevolment preżunt li t-tixrid jikkawża theddida ta’ danni maġġuri lill-interessi tal-Istat kostali msemmija fl-Artikolu 220(6) tal-UNCLOS. Il-fatturi li huma rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ jekk hemmx theddida ta’ danni maġġuri jistgħu, pereżempju, jinkludu l-vulnerabbiltà taż-żona affettwata mit-tixrid, il-volum, il-post ġeografiku u l-firxa tiegħu, kif ukoll it-tul ta’ żmien tat-tixrid u l-kundizzjonijiet meteoroloġiċi prevalenti fiż-żona matul iż-żmien tat-tixrid.

105. F’dan il-każ, it-tixrid taż-żejt seħħ fil-Baħar Baltiku u b’mod partikolari fil-Golf tal-Finlandja. Il-baħar Baltiku huwa rrikonoxxut internazzjonalment bħala li huwa żona speċjali kkaratterizzata minn partikolaritajiet ġeografiċi u minn ekosistema f’sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli li jeħtieġu protezzjoni speċjali (34). Bla dubju, din iċ-ċirkustanza għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 220(6) tal-UNCLOS: hija ta’ rilevanza sabiex jiġi ddeterminat jekk it-tixrid jikkawżax theddida ta’ danni maġġuri fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ.

106. Kif ġie rrilevat mill-Kummissjoni waqt is-seduta, theddida ta’ danni (maġġuri) astratta (jiġifieri, l-eżistenza ta’ tixrid viżibbli) tirriżulta, b’mod xi ftit jew wisq paradossali, f’theddida konkreta ta’ danni maġġuri fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ tixrid ta’ żejt f’żona li hija partikolarment vulnerabbli. Dan tant huwa l-każ li, f’tali ċirkustanzi, is-sempliċi eżistenza ta’ tixrid ta’ żejt bħal dak imsemmi fil-kawża prinċipali jista’ jiġi raġonevolment preżunt li jikkawżaw theddida ta’ danni maġġuri.

107. Fi kliem ieħor: il-karatteristiċi ġeografiċi u ekoloġiċi speċifiċi u s-sensittività taż-żona tal-Baħar Baltiku ma jaffettwawx il-portata tal-ġurisprudenza tal-Istat kostali skont l-Artikolu 220(6) tal-UNCLOS sabiex jestendi dik ir-regola ta’ ġurisdizzjoni għal sitwazzjonijiet fejn ksur tar-regoli applikabbli ta’ Marpol 73/78 ma jikkawżawx theddida ta’ danni maġġuri. Dawn il-karatteristiċi għandhom piż fuq id-deċiżjoni li tistabbilixxi jekk t-theddida ta’ danni maġġuri teżistix.

108. Abbażi ta’ dan, jiena tal-fehma li l-ħames, is-sitt, is-seba’, id-disa’ u l-għaxar mistoqsija preliminari għandhom jingħataw risposta fis-sens li Stat kostali jista’ jeżerċita l-ġurisdizzjoni ta’ infurzar stabbilita fl-Artikolu 220(6) tal-UNCLOS u l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35 f’ċirkustanzi fejn, minn naħa, dak l-Istat għandu evidenza ċara u oġġettiva li vapur barrani huwa s-sors ta’ tixrid li jikser ir-regoli u l-istandards internazzjonali applikabbli dwar it-tniġġis ikkawżat minn vapuri u, min-naħa l-oħra, li t-tixrid jista’, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, jiġi preżunt b’mod raġonevoli li jikkawżaw theddida ta’ danni maġġuri għall-ambjent tal-baħar. Sabiex ikun iddeterminat jekk teżistix theddida ta’ danni maġġuri, għandha tingħata importanza partikolari lill-vulnerabbiltà taż-żona affettwata mit-tixrid, il-volum, il-post ġeografiku u l-firxa tiegħu, kif ukoll it-tul ta’ żmien tat-tixrid u l-kundizzjonijiet meteoroloġiċi prevalenti fiż-żona kkonċernata.

D.      Id-domanda 8: id-diskrezzjoni tal-Istati Membri skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35

109. Fl-aħħar nett, ser inħares fil-qosor lejn it-tmien domanda li kienet magħmula. Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi kif l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2005/35 għandu jinfluwenza l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva, li jirregola s-setgħa tal-Istat kostali biex jibda proċedimenti kontra vapur fi tranżitu. Dan għaliex l-Artikolu 1(2) jipprovdi li din id-direttiva ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jieħdu miżuri iżjed iebsa kontra tniġġis ikkawżat minn vapuri sakemm dawn il-miżuri jkunu f’konformità mad-dritt internazzjonali.

110. Minn naħa, ma hemm ebda indikazzjoni fid-Direttiva 2005/35 li l-possibbiltà li jiġu applikati regoli iktar iebsa biex jiġġieldu t-tniġġis ma tikkonċernax id-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-direttiva. Għalhekk, fil-prinċipju, il-possibbiltà li jiġu applikati regoli iktar iebsa tikkonċerna l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva wkoll.

111. Madankollu, min-naħa l-oħra, sakemm tali regoli jridu jkunu konformi mad-dritt internazzjonali, l-Istati Membri ma jistgħux jieħdu azzjoni kontra vapur barrani skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35, ħlief jekk tali azzjoni hija permessa taħt l-Artikolu 220(6) tal-UNCLOS. Din id-dispożizzjoni tiddefinixxi, bħala kwistjoni ta’ dritt internazzjonali, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni li tippermetti lil Stat kostali biex jibda proċedimenti kontra vapur barrani. Fil-prattika, dan ifisser li l-Artikolu 220(6) tal-UNCLOS, moqri fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti li jinsabu f’Marpol 73/78, jiddefinixxi limiti tad-diskrezzjoni ta’ Stat Membru li jieħu azzjoni kontra vapur fi tranżitu skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35 (35). Fi kliem ieħor, il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Istati Membri bis-saħħa tad-Direttiva 2005/35, li jadottaw miżuri b’implikazzjonijiet iktar wiesgħa għall-ġlieda kontra t-tniġġis ikkawżat minn vapuri, huwa ristrett minn regoli internazzjonali applikabbli, li, bħala kwistjoni ta’ dritt tal-Unjoni, ma jistgħux jinqabżu.

112. Madankollu, f’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi enfasizzat li, sakemm dawn il-limiti ma jinqabżux, meta jasserixxu l-ġurisdizzjoni tagħhom skont l-Artikolu 220(6) tal-UNCLOS u l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35, l-Istati Membri jistgħu jqisu l-karatteristiċi speċjali, u skont kif ikun il-każ, il-vulnerabbiltà, taż-żona fejn seħħ it-tixrid. Kif ġie spjegat hawn fuq, dawn il-karatteristiċi huma rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk ksur tar-regoli rilevanti ta’ Marpol 73/78 jikkawżawx (theddida ta’) danni maġġuri għall-interessi tal-Istat kostali inkwistjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 220(6) tal-UNCLOS (36). Fi kliem ieħor, anki fi ħdan il-limiti stabbiliti mir-regoli internazzjonali applikabbli, l-Istati Membri għandhom diskrezzjoni kunsiderevoli biex jevalwaw sa liema punt xieraq għandhom jibdew proċedimenti kontra vapur barrani fi tranżitu għall-finijiet ta’ protezzjoni adegwata u sabiex jiġi ppreservat l-ambjent tal-baħar f’dawk iċ-ċirkustanzi partikolari.

113. Għaldaqstant, it-tmien domanda magħmula għandha tingħata risposta fis-sens li minkejja l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2005/35, l-Istati Membri ma jistgħux jestendu l-ġurisdizzjoni ta’ infurzar tagħhom stabbilita fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva lil hinn minn dak li huwa permess taħt l-Artikolu 220(6) tal-UNCLOS.

IV.    Konklużjoni

114. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja) kif ġej:

L-Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar konkluża fl-10 ta’ Diċembru 1982 f’Montego Bay (UNCLOS) u l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Ewropew tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar tniġġis ikkawżat minn vapuri u dwar l-introduzzjoni ta’ penali, inklużi pieni kriminali, għal reati ta’ tniġġis, kif emendata bid-Direttiva 2009/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Ottubru 2009, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, minn naħa, il-kunċett ta’ “kosta jew l-interessi relatati” jinkludi l-interessi kollha tal-Istat kostali fil-baħar territorjali u fiż-ŻEE relatati mal-isfruttament tal-baħar u ma’ ambjent b’saħħtu u li, min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ “xi riżorsi tal-baħar territorjali jew taż-[ŻEE]” jinkludi kemm riżorsi ħajjin — bħal speċi ta’ flora u fawna li jintużaw għan-nutrizzjoni minn speċi li jistgħu jiġu sfruttati — u riżorsi mhux ħajjin.

Stat kostali jista’ jeżerċita’ l-ġurisdizzjoni ta’ infurzar stabbilita fl-Artikolu 220(6) tal-UNCLOS u l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35 f’ċirkustanzi fejn, minn naħa, dak l-Istat kostali jkollu evidenza ċara u oġġettiva li vapur barrani huwa s-sors ta’ tixrid li jikser ir-regoli u l-istandards internazzjonali applikabbli dwar it-tniġġis ikkawżat minn vapuri u, min-naħa l-oħra, li t-tixrid jista’, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, jiġi preżunti b’mod raġonevoli li jikkawża theddida ta’ danni maġġuri għall-ambjent tal-baħar. Sabiex ikun iddeterminat jekk teżistix theddida ta’ danni maġġuri, għandha tingħata importanza partikolari lill-vulnerabbiltà taż-żona affettwata mit-tixrid, il-volum, il-post ġeografiku u l-firxa tiegħu, kif ukoll it-tul ta’ żmien tat-tixrid u l-kundizzjonijiet meteoroloġiċi prevalenti fiż-żona kkonċernata.

Minkejja l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2005/35, l-Istati Membri ma jistgħux jestendu l-ġurisdizzjoni ta’ infurzar tagħhom stabbilita fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva lil hinn minn dak li huwa permess taħt l-Artikolu 220(6) tal-UNCLOS.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Konkluża fl-10 ta’ Diċembru 1982 f’Montego Bay, il-Ġamajka, u daħlet fis-seħħ fl-16 ta’ Novembru 1994. Din il-konvenzjoni ġiet approvata f’isem l-issa msejħa Unjoni Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE tat-23 ta’ Marzu 1998 li tirrigwarda l-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta’ Diċembru 1982 dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Ftehim tat-28 ta’ Lulju 1994 li għandu x’jaqsam ma’ l-implimentazzjoni tal-Parti XI tiegħu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 3, p. 260).


3      Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar tniġġis ikkawżat minn vapuri u dwar l-introduzzjoni ta’ penali, inklużi pieni kriminali, għal reati ta’ tniġġis (ĠU 2005 L 255, p. 11), kif emendata bid-Direttiva 2009/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Ottubru 2009 (ĠU 2009, L 280, p. 52).


4      In-novità tal-mistoqsijiet magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja hija, barra minn hekk, enfasizzata mill-fatt li, għall-inqas sa fejn naf jien, il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja qatt ma interpretat l-Artikolu 220 tal-UNCLOS fil-ġurisprudenza tagħha.


5      Ara s-sentenzi tat-30 ta’ April 1974, Haegeman (181/73, EU:C:1974:41, punti 4 sa 6); tat-3 ta’ Ġunju 2008, The International Association of Independent Tanker Owners et (C‑308/06, EU:C:2008:312, punti 42 u 43); tal-4 ta’ Mejju 2010, TNT Express Nederland (C‑533/08, EU:C:2010:243, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata); u tat-8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie (C‑240/09, EU:C:2011:125, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).


6      Sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2008, The International Association of Independent Tanker Owners et (C‑308/06, EU:C:2008:312, punt 52).


7      Sentenzi tal-4 ta’ Mejju 2010, TNT Express Nederland (C‑533/08, EU:C:2010:243, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tas-17 ta’ Lulju 2014, F. Qurbani (C‑481/13, EU:C:2014:2101, punt 22).


8      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1972, International Fruit Company et (21/72 sa 24/72, EU:C:1972:115, punt 18); tal-14 ta’ Lulju 1994, Peralta (C‑379/92, EU:C:1994:296, punt 16); tat-3 ta’ Ġunju 2008, The International Association of Independent Tanker Owners et (C‑308/06, EU:C:2008:312, punt 48); u l-Opinjoni 2/15 (Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapor) tas-16 ta’ Mejju 2017 (EU:C:2017:376, punt 248).


9      Sentenza tat-23 ta’ Jannar 2014, Manzi u Compagnia Naviera Orchestra (C‑537/11, EU:C:2014:19).


10      Sentenza tat-23 ta’ Jannar 2014, Manzi u Compagnia Naviera Orchestra (C‑537/11, EU:C:2014:19, punti 47 u 48).


11      Ara l-punt 69 et seq iktar ’il quddiem.


12      Sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2008, The International Association of Independent Tanker Owners et (C‑308/06, EU:C:2008:312, punt 58).


13      Il-prinċipju tal-libertà tal-ibħra u d-dritt tan-nazzjonijiet kollha li jużaw il-baħar għal kummerċ jista’ jiġi rintraċċat lura għall-istudjuż Olandiż Hugo Grotius Liberum fit-teżi Mare Liberum, li ġiet ippubblikata għall-ewwel darba fl-1609.


14      Guilfoyle, D., “Parti VII. High Seas”, f’Proels A. (ed.), Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, Kummentarju, Verlag C. H. Beck, München, 2017, p. 679.


15      Il-“linja bażi” tikkoinċidi, bħala regola ġenerali, mal-linja tal-kosta b’marea baxxa.


16      Dan jidher minn qari flimkien tal-Artikoli 2, 3 u 17 tal-UNCLOS.


17      Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 94 tal-UNCLOS.


18      Hawnhekk huma ta’ importanza partikolari Marpol 73/78 u l-Konvenzjoni ta’ Intervent. Barra minn hekk, f’dak il-perjodu, diversi trattati reġjonali ġew konklużi. Fost dawn il-ftehim hemm il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar taż-Żona tal-Baħar Baltiku, li ġiet konkluża f’Ħelsinki fl-1992 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Helsinki”), li daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ Jannar 2000.


19      Ara d-Diviżjoni għall-Affarijiet tal-Oċeani u l-Liġi tal-Baħar, l-Uffiċċju tal-Affarijiet Legali tan-NU, The Law of the Sea, Enforcement by Coastal States, Legislative History of Article 220 of the United Nations Convention on the Law of the Sea (Il-Liġi tal-Baħar, Infurzar mill-Istati kostali, l-Istorja Leġiżlattiva tal-Artikolu 220 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar), pubblikazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, New York, 2005, p. 4, punt 17.


20      Ara, f’dan is-sens, il-premessa 2 tad-Direttiva 2005/35, li tiddikjara b’mod speċifiku li regoli internazzjonali li jirregolaw it-tniġġis ikkawżat minn vapuri stabbiliti f’Marpol 73/78 qegħdin jiġu injorati ta’ kuljum min-numru kbir ħafna ta’ vapuri li jbaħħru fl-ibħra Komunitarji.


21      Ara d-Diviżjoni għall-Affarijiet tal-Oċeani u l-Liġi tal-Baħar, l-Uffiċċju tal-Affarijiet Legali tan-NU, The Law of the Sea, Enforcement by Coastal States, Legislative History of Article 220 of the United Nations Convention on the Law of the Sea Il-Liġi tal-Baħar, Infurzar mill-Istati kostali, l-Istorja Leġiżlattiva tal-Artikolu 220 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar), pubblikazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, New York, 2005, p. 4, punt 17. Ara wkoll f’dan is-sens, Churchill, R.R., u Lowe, A.V, The law of the sea (Il-Liġi tal-Baħar), 3 edizzjoni, Juris Publishing, Manchester University Press, 1999, p. 354.


22      Churchill, R.R., u Lowe, A.V, op. cit., p. 369.


23      Waqt is-seduta ġie ċċarat li, fil-każ preżenti, l-awtoritajiet tal-Istat tal-bandiera (il-Panama) ġew infurmati bil-miżuri meħuda mill-awtoritajiet Finlandiżi kontra Bosphorus Queen f’konformità mad-dispożizzjonijiet relevanti tal-UNCLOS. Minbarra l-Artikolu 228 tal-UNCLOS, huwa importanti li wieħed jinnota li anki b’mod iktar ġenerali, ir-regoli li jinsabu fis-Sezzjoni 7 tal-Parti XII tal-UNCLOS dwar is-salvagwardji jiżguraw li d-drittijiet tal-Istat tal-bandiera jkunu kkunsidrati b’mod xieraq meta l-Istat kostali jeżerċita ġurisdizzjoni.


24      Fl-Artikolu 136 tal-UNCLOS, qiegħ il-baħar huwa speċifikament iddefinit bħala “il-wirt komuni ta’ l-umanità”.


25      Ara l-punt 45 hawn fuq.


26      Ara l-punt 29 hawn fuq.


27      Ara l-punt 58 hawn fuq.


28      Ara l-premessa 44 tad-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika ta’ l-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru [Qafas] dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU 2008, L 164, p. 19), kif ukoll il-premessi 13 u 22 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU 2013 L 354, p. 22).


29      Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Deutscher Naturschutzring, Dachverband der deutschen Natur- und Umweltschutzverbände e.V. (C‑683/16, EU:C:2018:38, punti 18 sa 31).


30      Skont l-Artikolu 61(4) tal-UNCLOS, waqt li jieħu miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni fir-rigward ta’ riżorsi ħajjin, l-Istat kostali għandu jqis l-effetti fuq l-ispeċje asoċċjati ma’ jew dipendenti fuq l-ispeċje maqbuda bil-għan taż-żamma jew tar-restawr tal-popolazzjonijiet ta’ dawk l-ispeċi assoċjati jew dipendenti ’l fuq mil-livelli li fihom ir-riproduzzjoni tagħhom tista’ ssir mhedda serjament.


31      F’dan ir-rigward, il-verżjoni uffiċjali tal-Ingliż u tal-Franċiż tal-Artikolu 220(6) tal-UNCLOS huma differenti. Filwaqt li t-test tal-Ingliż jirreferi għal “clear objective evidence”, it-test Franċiż jirreferi sempliċement għal “clear evidence” (preuve manifeste).


32      L-Artikolu 4(2) ta’ Marpol 73/78 jobbliga l-firmatarji tal-konvenzjoni jimponu sanzjonijiet skont il-liġijiet tagħhom. Fil-kuntest tal-Unjoni, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2005/35 jispeċifika li l-Istati Membri jistgħu jimponu sanzjonijiet li jkunu effettivi, proporzjonali u disswassivi għat-tixrid tas-sustanzi li jniġġsu.


33      Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar tniġġis ikkawżat minn vapuri u dwar l-introduzzjoni ta’ sanzjonijiet, inklużi sanzjonijiet kriminali, għal reati ta’ tniġġis, COM(2003)0092 final, Memorandum ta’ Spjegazzjoni, punt 4.2. Ara wkoll, ir-Riżoluzzjoni MEPC.61(34) adottata fid-9 ta’ Lulju 1993, Limiti ta’ Viżibilità ta’ Tixrid taż-Żejt tal-Anness I tal-Marpol 73/78. Skont din ir-riżoluzzjoni, taħt l-ebda ċirkustanza ma jistgħu jiġu osservati tixrid ta’ taħlita ta’ żejt b’konċentrazzjoni ta’ 15 ppm, kemm viżwalment, u kemm b’apparat ta’ detezzjoni mill-bogħod. L-inqas konċentrazzjoni ta’ żejt preżenti fit-tixrid ta’ taħlita ta’ żejt meta l-ewwel traċċi kienu viżwalment osservati mill-inġenju tal-ajru kien ta’ 50 ppm, irrispettivament minn fatturi relatati, bħalma huma s-settings tal-installazzjoni, il-veloċità tal-vapur li qed ixerred, ir-riħ u l-għoli tal-mewġ.


34      Dan ma jidhirx biss fil-Konvenzjoni Reġjonali ta’ Helsinki li tistabbilixxi regoli speċifiċi intiżi biex jikkumbattu t-tniġġis fil-Baħar Baltiku. Il-Baħar Baltiku huwa rrikonoxxut ukoll fir-Regolat 1 tal-Kapitolu 1 tal-Anness I tal-Marpol 73/78 bħala żona speċjali li teħtieġ metodi obbligatorji speċjali għall-prevenzjoni tat-tniġġis tal-baħar miż-żejt. Barra minn hekk, l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (iktar ’il qudiem l-“OMI”) fl-2005 iddikjarat lill-Baħar Baltiku bħala “Żona tal-Baħar Partikolarment Sensittiva”, fis-sens li ‘jeħtieġ protezzjoni speċjali permezz ta’ azzjoni mill-IMO minħabba s-sinifikat, tal-karatteristiċi ekoloġiċi, soċjoekonomiċi jew xjentifiċi rrikonoxxuti tiegħu fejn tali karatteristiċi jistgħu jkunu vulnerabbli għal dannu minn attivitajiet ta’ trasport marittimu internazzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ara r-Riżoluzzjoni OMI A. 982 (24), Linji Gwida Riveduti dwar l-Identifikazzjoni u n-Nomina ta’ Żoni Partikolarment Sensittivi, adottata fl-1 ta’ Diċembru 2005.


35      Fil-fatt, jidhirli li l-possibbiltà li jiġu applikati regoli iktar iebsa msemmija fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2005/35 tikkonċerna, l-ewwel nett, is-sanzjonijiet li għandhom jiġu imposti f’każ ta’ ksur tal-istandards ta’ tniġġis stabbiliti f’Marpol 73/78. F’dan ir-rigward, il-premessa 5 tad-Direttiva 2005/35 tirreferi b’mod speċifiku għall-ħtieġa li jiġu armonizzati, b’mod partikolari, id-definizzjoni preċiża tal-ksur inkwistjoni, il-każijiet ta’ eżenzjoni u regoli minimi għal sanzjoni, u responsabbiltà u ġurisdizzjoni.


36      Huwa wkoll utli li wieħed jinnota li l-Artikolu 237(1) tal-UNCLOS jgħid speċifikament li d-dispożizzjonijiet tal-UNCLOS dwar il-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-ambjent tal-baħar huma bla preġudizzju għall-obbligi speċifiċi assunti mill-Istati taħt il-konvenzjonijiet speċjali u l-ftehim konklużi preċedentement li jikkonċernaw il-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-ambjent tal-baħar u ftehim li jistgħu jiġu konklużi skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti fl-UNCLOS.