Language of document : ECLI:EU:C:2022:607

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla)

1 ta’ Awwissu 2022 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Akkordji – Artikolu 101 TFUE – Azzjonijiet għad-danni għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tikkonstata ksur – Proċedura għar-riżolviment – Prodotti kkonċernati mill-ksur – Trakkijiet speċjalizzati – Trakkijiet għall-ġbir tal-iskart domestiku”

Fil-Kawża C‑588/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Hannover (il-Qorti Reġjonali ta’ Hannover, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Ottubru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Novembru 2020, fil-proċedura

Landkreis Northeim

vs

Daimler AG,

fil-preżenza ta’:

Iveco Magirus AG,

Traton SE, aventi kawża ta’ MAN SE, ta’ MAN Truck & Bus u ta’

MAN Truck & Bus Deutschland GmbH,

Schönmackers Umweltdienste GmbH & Co. KG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Awla, P. G. Xuereb u A. Kumin, Imħallfin,

Avukata Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: D. Dittert, kap ta’ diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑17 ta’ Novembru 2021,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Landkreis Northeim, minn L. Maritzen u B. Rohlfing, Rechtsanwälte,

–        għal Daimler AG, minn U. Denzel, L. Schultze-Moderow u C. von Köckritz, Rechtsanwälte,

–        għal Iveco Magirus AG, minn A. Boos, M. Buntscheck, T. Mühlbach u H. Stichweh, Rechtsanwälte,

–        għal Traton SE, aventi kawża ta’ MAN SE, ta’ MAN Truck & Bus u ta’ MAN Truck & Bus Deutschland GmbH, minn C. Jopen, S. Milde, D. J. Zimmer u ta’ J. Zimmer, Rechtsanwälte,

–        għal Schönmackers Umweltdienste GmbH & Co.KG, minn A. Glöckner, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, E. Samoilova u J. Schmoll, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Baches Opi, M. Farley u L. Wildpanner, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali fis-seduta tal‑24 ta’ Frar 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tad‑19 ta’ Lulju 2016, innotifikata bir-referenza C(2016) 4673 finali, li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 [TFUE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Il-Każ AT.39824 – Trakkijiet) (ĠU 2017, C 108, p. 6, iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kkonċernata”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Landkreis Northeim (id-Distrett ta’ Northeim, il-Ġermanja) u Daimler AG dwar dannu allegatament ikkawżat lid-Distrett ta’ Northeim mill-ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat‑2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”) ikkonstatat fid-deċiżjoni kkonċernata.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IrRegolament (KE) Nru 1/2003

3        L-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 20), intitolat “L-oneru tal-Prova”, jipprevedi:

“F’kwalunkwe proċedura nazzjonali jew tal-[Unjoni Ewropea] għal-applikazzjoni ta’ l-Artikoli [101] u [102 TFUE], il-piż tal-prova ta’ ksur ta’ l-Artikolu [101](1) jew ta’ l-Artikolu [102 TFUE] ħa jpoġġi fuq il-parti jew l-awtorità li qed tallega xi ksur. L-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ l-impriża li tapplika għall-benefiċċji ta’ l-Artikolu [101](3) [TFUE] ħa jġorr il-piż tal-prova li il-kondizzjonijiet ta’ dak il-paragrafu huma mwettqa.”

4        Skont l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Is-sejba u t-temm tal-ksur”:

“1.      Fejn il-Kummissjoni, taggixxi fuq ilment jew fuq l-inizjattiva proprja tagħha, issib li hemm ksur ta’ l-Artikolu [101] jew ta’ l-Artikolu [102 TFUE], tista’ b’deċiżjoni tirrikjedi l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża konċernata li itemm dan il-ksur. Għal dan il-għan, tista’ timponi fuqhom kwalunkwe rimedju komportamentali jew strutturali li huma proporzjonali għall-ksur kommess u neċessarju biex iġib fit-temm dan il-ksur. Rimedji strutturali jistgħu jiġu imposti biss jekk ma jkunx hemm rimedju ta’ komportamentali li hu effettiv ugwalment jew jekk ir-rimedju komportamentali li hu effettiv ugwalment ikun ta’ aktar piż għal l-impriża kunċernata min rimedju strutturali. Jekk il-Kummissjoni għandha interessi legitimi li tagħmel hekk, hi tista issib li kien hemm xi ksur li sar fil-passat.

2.      Dawk intitolati li iqiegħdu xi ilment għall-għan ta’ paragrafu 1 huma persuni naturali jew legali li jistgħu juru interess leġitimu u l-Istati Membri.”

5        L-Artikolu 11 tal-imsemmi regolament, intitolat “Koperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri”, jipprovdi fil-paragrafu 6 tiegħu:

“L-inizjazzjoni mil-Kummissjoni tal-proċeduri għall-adottazzjoni ta’ deċiżjoni taħt Kapitolu III jirrileva l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri tal-kompetenzi tgħhom li japplikaw l-Artikoli [101]u [102 TFUE]. Jekk l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru qed tagixxi diġa fuq il-każ, il-Kummissjoni għandha tibda proċeduri wara li tikkonsulta lil dik l-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali.”

6        L-Artikolu 16 ta’ dan l-istess regolament, intitolat “L-applikazzjoni uniformi tal-Liġi tal-Kompetizzjoni tal-[Unjoni]”, jiddisponi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Meta il-qrati nazzjonali jideċiedu fuq ftehim, deċiżjonijiet jew prattiċi taħt l-Artikolu [101] jew l-Artikolu [102 TFUE] li huma diġa suġġetti għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, huma ma jieħdux id-deċiżjonijiet li jmorru kontra id-deċiżjoni adottata mil-Kummissjoni. Huma jridu jevitaw li jieħdu deċiżjonijiet li huma f’kunflitt ma deċiżjoni kontemplata mil-Kummissjoni fil-proċeduri li jniżjat. Għal dak l-effet, il-qrati nazzjonali jistgħu jagħmlu stima jekk huwiex neċessarju li jpoġġu dawn il-proċeduri. Dan l-obligu hu mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obligazzjonijiet taħt l-Artikolu [267 TFUE].”

7        L-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, intitolat “Talba għall-informazzjoni”, jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Sabiex tagħmel id-doveri assenjati lilha min dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ talba sempliċi jew ta’ deċiżjoni, tirrikjedi l-impriża u l-assoċjazzjoni ta’ l-impriża li tipprovdi l-informazzjoni kollha neċessarja.”

8        L-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Multi”, jistabbilixxi fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

“2.      Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:

(a)      jiksru l-Artikolu [101] jew l-Artikolu [102 TFUE]; jew

(b)      jikkontravenju deċiżjoni li tordna miżuri intermedjarji taħt l-Artikolu 8; jew

(ċ)      jonqsu milli iħarsu rabta li ġiet vinkolanti b’deċiżjoni skond l-Artikolu 9.

Għal kull impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża li qed jipparteċipaw fil-ksur, il-multi mhux ser jaqbżu l-10 % tat-total ta’ valur tal-bejgħ fis-sena kmmerċjali preċedenti.

Fejn il-ksur ta’ assoċjazzjoni tirrelta mal-attivitajiet tal-membri tagħhom, il-multa ma taqbiż l-10 % tas-somma totali ta’ valur tal-bejgħ ta’ kull membru attiv fis-suq affetwat mil-ksur ta’ l-assoċjazzjoni.

3.      Fit-twaħħil ta’ l-ammont li jrid jiġi mmultat, rigward irrid jingħata lejn il-gravità u it-tul tal-ksur.”

 IlLinji Gwida tal2006

9        Il-punt 6 tal-Linji Gwida dwar il-metodu ta’ kif jiġu stabbiliti l-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal-2006”), jistabbilixxi:

“[…] il-valur tal-bejgħ relatat mal-ksur […] ikkombinat mat-tul tal-ksur huwa meqjus bħala valur ta’ sostituzzjoni adegwat sabiex jiġu riflessi l-importanza ekonomika tal-ksur kif ukoll il-piż relattiv ta’ kull impriża individwali li tipparteċipa fil-ksur. Ir-riferiment għal dawn l-indikaturi jagħti indikazzjoni tajba ta’ kemm għandha tkun kbira l-multa u ma għandux jinftiehem bħala l-bażi ta’ metodu ta’ kalkolu awtomatiku u aritmetiku.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10      Skont il-punt 13 ta’ dawn il-linji gwida:

“Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni ser tuża l-valur tal-bejgħ ta’ oġġetti jew servizzi, iġġenerat mill-impriża, b’konnessjoni diretta jew indiretta […] mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat fit-territorju taż-[Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)]. Normalment, il-Kummissjoni ser tuża l-bejgħ tal-impriża matul l-aħħar sena kompleta tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur (iktar ’il quddiem il-‘valur tal-bejgħ’).” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11      Il-punt 37 tal-imsemmija linji gwida jipprevedi:

“Għalkemm dawn il-[l]inji gwida jesponu l-metodoloġija ġenerali għall-iffissar tal-multi, il-karatteristiċi partikolari ta’ każ partikolari jew il-ħtieġa li jintlaħaq livell dissważiv f’każ partikolari jistgħu jiġġustifikaw li l-Kummissjoni ma timxix ma’ din il-metodoloġija jew mal-limiti stabbiliti fil-punt 21.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Lavviż dwar irriżolviment

12      Il-punt 2 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-mod ta’ proċedimenti ta’ riżolviment ta’ tilwim bil-għan li jiġu adottati Deċiżjonijiet skond l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-każijiet tal-kartelli (ĠU 2008, C 167, p. 1) jiddisponi:

“Meta l-partijiet għall-proċedimenti jkunu lesti li jirrikonoxxu l-parteċipazzjoni tagħhom f’kartell li jmur kontra l-Artikolu [101 TFUE] u għalhekk ikunu naqsu mir-responsabbilta’ tagħhom, jistgħu wkoll jikkontribwixxu biex ikunu mgħaġġla l-proċedimenti li jwasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni korrispondenti skond l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament […] Nru 1/2003 […] bil-mod u bis-salvagwardji speċifikati f’din in-Notifika. Filwaqt li l-Kummissjoni, bħala l-awtorità investigattiva u l-gwardjana tat-Trattat li hi mogħtija s-setgħa li tadotta deċiżjonijiet ta’ rinfurzar suġġetti għall-kontroll ġuridiku tal-Qrati [tal-Unjoni], ma tinnegozjax il-kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur tal-liġi Komunitarja u s-sanzjoni li tkun xierqa, tista’ tippremja l-kooperazzjoni deskritta f’din in-Notifika.”

 Iddritt Ġermaniż

13      L‑Artikolu 33(4) tal-Gesetz gegen Wettbewerbsbeschränkungen (il-Liġi li Tissanzjona r-Restrizzjonijiet fuq il-Kompetizzjoni), tas‑26 ta’ Ġunju 2013 (BGBl. 2013 I, p. 1750), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jiddisponi:

“Jekk jintalab kumpens minħabba ksur ta’ dispożizzjoni ta’ din il-liġi jew tal-Artikolu [101] jew [102 TFUE], il-qorti hija marbuta f’dan ir-rigward bil-konstatazzjoni tal-ksur kif imwettaq f’deċiżjoni definittiva tal-awtorità tal-kartelli [(Kartellbehörde)], tal-[Kummissjoni Ewropea] jew tal-awtorità tal-kompetizzjoni [(Wettbewerbsbehörde)], jew ukoll tal-qorti li taġixxi bħala tali fi Stat Membru ieħor [tal-Unjoni]. L-istess japplika għall-konstatazzjonijiet analogi li jinsabu fid-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu kisbu l-awtorità ta’ res judicata, mogħtija wara l-kontestazzjoni tad-deċiżjonijiet imsemmija fl-ewwel sentenza. […]”

 Ilkawża prinċipali u ddomanda preliminari

14      Matul is-snin 2006 u 2007, id-Distrett ta’ Northeim kiseb permezz ta’ sejħa għal offerti żewġ trakkijiet għall-ġbir tal-iskart domestiku mingħand Daimler.

15      Fid‑19 ta’ Lulju 2016, fil-kuntest ta’ proċedura għar-riżolviment, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkonċernata.

16      Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ akkordju li fih ipparteċipaw diversi manifatturi internazzjonali tat-trakkijiet, fosthom Daimler, MAN SE u Iveco Magirus AG, f’dak li jirrigwarda, minn naħa, l-iffissar tal-prezzijiet u ż-żieda fil-prezzijiet gross tat-trakkijiet li jiżnu bejn sitta u sittax‑il tunnellata (“trakkijiet medji”) jew li jiżnu iktar minn sittax‑il tunnellata (“trakkijiet tqal”) fiż-ŻEE u, min-naħa l-oħra, l-iskeda u r-riperkussjoni tal-ispejjeż relatati mal-introduzzjoni tat-teknoloġiji fil-qasam tal-emissjoni imposti għall-istandards euro 3 sa 6, u, konsegwentement, ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Il-Kummissjoni qieset li dan il-ksur kien dam mis‑17 ta’ Jannar 1997 sat‑18 ta’ Jannar 2011.

17      Wara l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, id-Distrett ta’ Northeim ippreżenta, quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Landgericht Hannover (il-Qorti Reġjonali ta’ Hannover, il-Ġermanja), rikors għad-danni kontra Daimler, intiż għall-kumpens għad-dannu li dan id-distrett ġarrab minħabba l-prattiki antikompetittivi li kienet involuta fihom Daimler.

18      Id-Distrett ta’ Northeim jikkunsidra li t-trakkijiet għall-ġbir tal-iskart domestiku li huwa xtara mingħand Daimler jagħmlu parti mill-prodotti kkonċernati mill-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni kkonċernata. F’dan ir-rigward, huwa jirreferi għall-kliem ta’ din id-deċiżjoni, li ma jeskludux espressament it-trakkijiet speċjalizzati tal-imsemmija prodotti.

19      Min-naħa tagħha, Daimler issostni quddiem il-qorti tar-rinviju li t-trakkijiet għall-ġbir tal-iskart domestiku, li huma trakkijiet speċjalizzati, ma humiex koperti mid-deċiżjoni kkonċernata. F’dan ir-rigward, Daimler ippreċiżat li, fit‑30 ta’ Ġunju 2015, fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni bagħtitilha talba għal informazzjoni li fiha ġie indikat li, għall-finijiet tal‑mistoqsijiet li sarulha, il-kelma “trakkijiet” ma kinitx tkopri t-trakkijiet użati, it-trakkijiet speċjalizzati (pereżempju t-trakkijiet militari jew it-trakkijiet tat-tifi tan-nar), l-istrutturi mibjugħa mill-ġdid (l-“add-ons”), is-servizzi ta’ wara l-bejgħ jew is-servizzi l-oħra u l-garanziji.

20      F’dan il-kuntest, u fid-dawl tar-rekwiżiti tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1/2003 li jipprevedu li, meta l-qrati nazzjonali jiddeċiedu dwar ftehimiet, deċiżjonijiet jew prattiki li jaqgħu taħt l-Artikolu 101 jew l-Artikolu 102 TFUE li huma diġà s-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, huma ma jistgħux jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra din id-deċiżjoni, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-prodotti kkonċernati mill-akkordju inkwistjoni msemmi fid-deċiżjoni kkonċernata. B’mod partikolari, din il-qorti tistaqsi jekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza nazzjonali dwar il-portata tal-kunċett ta’ “trakkijiet” kif intuża f’din id-deċiżjoni, li ma hijiex uniformi, it-trakkijiet għall-ġbir tal-iskart domestiku humiex esklużi jew le mill-prodotti kkonċernati minn dan l-akkordju.

21      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tfakkar, qabel kollox, li, fil-premessa 5 tad-deċiżjoni kkonċernata, il-Kummissjoni kkonstatat, l-ewwel, li “[i]l-prodotti kkonċernati mill-ksur huma trakkijiet li jiżnu bejn [sitt] tunnellati u [sittax]‑il tunnellata (‘trakkijiet medji’) u trakkijiet li jiżnu ‘l fuq minn [sittax]‑il tunnellata (‘trakkijiet tqal’), kemm bħala trakkijiet riġidi, kif ukoll trakkijiet tratturi” [traduzzjoni mhux uffiċjali], it-tieni, li t-trakkijiet militari ma humiex esklużi mill-prodotti kkonċernati mill-akkordju inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u, it-tielet, li l-każ li ta lok għad-deċiżjoni kkonċernata “ma jirrigwardax servizzi ta’ wara l-bejgħ, servizzi oħrajn u garanziji għat-trakkijiet, il-bejgħ ta’ trakkijiet użati u oġġetti jew servizzi oħrajn” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

22      F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-formulazzjoni użata mill-Kummissjoni sabiex jiġu deskritti l-prodotti kkonċernati mill-akkordju inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tinftiehem fis-sens li tkopri, bħala prinċipju, trakkijiet “normali” biss, bl-eċċezzjoni ta’ dawk intiżi għall-użu militari, u li, fin-nuqqas ta’ dikjarazzjoni espressa, trakkijiet speċjalizzati, inklużi trakkijiet għall-ġbir tal-iskart domestiku, huma esklużi mill-kunċett ta’ “trakkijiet” użat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkonċernata, peress illi jaqgħu fi ħdan il-kunċett ta’ “oġġetti oħra”.

23      Madankollu, skont dik il-qorti, din l-istess formulazzjoni tista’ wkoll tinftiehem fis-sens li tfisser li l-kunċett ta’ “trakkijiet” ikopri t-tipi kollha ta’ trakkijiet, inklużi t-tipi kollha ta’ trakkijiet speċjalizzati, bl-eċċezzjoni ta’ trakkijiet militari.

24      Sussegwentement, din l-istess qorti tistaqsi x’inhu l-effett tat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tat‑30 ta’ Ġunju 2015, imsemmija fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, fuq id-determinazzjoni tal-prodotti kkonċernati mill-akkordju inkwistjoni fil-kawża prinċipali. B’mod partikolari, din il-qorti tistaqsi dwar jekk il-fatt li l-Kummissjoni indikat f’din it-talba li, għall-finijiet tad-domandi magħmula, il-kunċett ta’ “trakkijiet” la kien ikopri t-trakkijiet użati, u lanqas it-trakkijiet speċjalizzati, “b’mod partikolari t-trakkijiet militari u t-trakkijiet tat-tifi tan-nar”, jimplikax li dawn it-trakkijiet imsemmija l-aħħar jissemmew biss bħala eżempju illustrativ mingħajr ma jikkostitwixxu lista eżawrjenti.

25      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tfakkar li d-deċiżjoni kkonċernata ġiet adottata fil-kuntest ta’ proċedura għar-riżolviment li nfetħet mill-Kummissjoni, wara talbiet magħmula quddiem din l-istituzzjoni mill-partijiet involuti fil-proċedura miftuħa bis-saħħa tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003. F’dan il-kuntest, din il-qorti tistaqsi x’inhu l-effett tal-fatt li l-portata tal-aġir antikompetittiv hija ddeterminata fil-kuntest ta’ proċedura għar-riżolviment.

26      F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Hannover (il-Qorti Reġjonali ta’ Hannover) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel d-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Id-deċiżjoni [kkonċernata] għandha tiġi interpretata fis-sens li vetturi apposta jew [speċjalizzati], b’mod partikolari trakkijiet [għall-ġbir tal-iskart domestiku], huma wkoll koperti mill-konstatazzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni tal-Kummissjoni?”

 Fuq iddomanda preliminari

 Fuq lammissibbiltà

27      Fl-ewwel lok, billi jitlaq mill-premessa li s-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf (C‑188/92, EU:C:1994:90) tapplika b’analoġija għall-kawża prinċipali, id-Distrett ta’ Northeim isostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli minħabba li Daimler ma ppreżentatx rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni kkonċernata quddiem il-Qorti Ġenerali u li, għaldaqstant, din il-kumpannija ma tistax iktar tikkontesta l-legalità ta’ din id-deċiżjoni.

28      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li mid-deċiżjoni tar-rinviju bl-ebda mod ma jirriżulta li Daimler, bħala konvenuta fil-kawża prinċipali għal rikors għad-danni ppreżentat mid-Distrett ta’ Northeim wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkonċernata, tikkontesta l-validità ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Għall-kuntrarju, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod ċar li l-qorti tar-rinviju hija mitluba tinterpreta l-imsemmija deċiżjoni u mhux sabiex tiddeċiedi dwar il-validità tagħha.

29      Fit-tieni lok, Schönmackers Umweltdienste GmbH & Co. KG, intervenjenti fil-kawża prinċipali li tintervjeni insostenn tad-Distrett ta’ Northeim, issostni li mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax b’mod espliċitu kif ir-risposta għad-domanda magħmula hija neċessarja għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

30      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, ladarba d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, meħtieġa li tiddeċiedi (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokumenti) (C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 25).

31      Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex disponibbli l-informazzjoni fattwali u legali neċessarja sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokumenti) (C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 26).

32      B’mod partikolari, kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 267 TFUE, id-deċiżjoni preliminari mitluba għandha tkun “meħtieġa” sabiex tippermetti li l-qrati tar-rinviju “ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza” fil-kawża li jkunu aditi biha. Għalhekk, il-proċedura għal deċiżjoni preliminari tippreżumi, b’mod partikolari, li tilwima tkun effettivament pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, li fil-kuntest tagħha huma jintalbu jagħtu deċiżjoni li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza preliminari (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokumenti) (C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 27).

33      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju hija adita b’rikors għad-danni ppreżentat wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkonċernata li permezz tagħha l-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ akkordju bejn diversi manifatturi internazzjonali tat-trakkijiet, fosthom Daimler, dwar, minn naħa, it-trakkijiet medji jew it-trakkijiet tqal, kemm bħala trakkijiet riġidi jew trakkijiet tratturi, u, min-naħa l-oħra, l-iskeda u r-riperkussjoni tal-ispejjeż relatati mal-introduzzjoni tat-teknoloġiji fil-qasam tal-emissjoni imposti għall-istandards euro 3 sa 6. Issa, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tesponi li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li xtrat żewġ trakkijiet għall-ġbir tal-iskart domestiku mingħand Daimler, tqis li dawn it-trakkijiet jagħmlu parti mill-prodotti kkonċernati minn dan l-akkordju. Għall-kuntrarju, Daimler issostni quddiem din il-qorti li l-imsemmija trakkijiet, peress li huma trakkijiet speċjalizzati, ma jaqgħux fil-kamp ratione materiae tad-deċiżjoni kkonċernata.

34      Għalhekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta b’mod ċar li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-portata tad-deċiżjoni kkonċernata u tistaqsi, b’mod partikolari, jekk, f’dan il-każ, l-imsemmija trakkijiet għall-ġbir tal-iskart domestiku jagħmlux parti mill-prodotti kkonċernati mill-akkordju kkonstatat mill-Kummissjoni f’din id-deċiżjoni.

35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-interpretazzjoni mitluba tal-portata tal-imsemmija deċiżjoni tidher li hija neċessarja sabiex tippermetti lill-qorti tar-rinviju tiddetermina jekk, f’dan il-każ, ir-rikors għad-danni huwiex fondat jew le.

36      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq ilmertu

37      Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-deċiżjoni kkonċernata għandhiex tiġi interpretata fis-sens li t-trakkijiet speċjalizzati, b’mod partikolari t-trakkijiet għall-ġbir tal-iskart domestiku, jaqgħux taħt il-prodotti kkonċernati mill-akkordju kkonstatat f’din id-deċiżjoni.

38      F’dan ir-rigward, għandu, qabelxejn, jiġi rrilevat li l-prodotti kkonċernati minn ksur tal-Artikolu 101 TFUE kkonstatat f’deċiżjoni tal-Kummissjoni huma ddeterminati skont il-ftehimiet u l-attivitajiet ikkonċernati mill-akkordju. Fil-fatt, huma l-membri tal-akkordju li jiffokaw volontarjament l-aġir antikompetittiv tagħhom fuq il-prodotti kkonċernati minn dan l-akkordju.

39      Minn dan isegwi li, sabiex jiġi ddeterminat jekk it-trakkijiet speċjalizzati, b’mod partikolari t-trakkijiet għall-ġbir tal-iskart domestiku, jaqgħux taħt il-prodotti kkonċernati mill-akkordju kkonstatat fid-deċiżjoni kkonċernata, għandu jsir riferiment, bi prijorità, għad-dispożittiv u għall-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, b’tali mod li d-definizzjonijiet tal-kunċetti ta’ “trakk” u ta’ “vettura għal użu speċjalizzat” li jinsabu fl-atti differenti tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, li għalihom jirreferu l-parteċipanti f’din il-proċedura, huma irrilevanti.

40      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkonċernata, l-akkordju inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien jikkonċerna, minn naħa, l-iffissar tal-prezzijiet u taż-żidiet fil-prezz gross fi ħdan iż-ŻEE għat-trakkijiet medji u għat-trakkijiet tqal, u, min-naħa l-oħra, l-iskeda u r-riperkussjoni tal-ispejjeż relatati mal-introduzzjoni tat-teknoloġiji fil-qasam tal-emissjoni imposti għall-istandards euro 3 sa 6.

41      Fir-rigward tal-prodotti kkonċernati mill-akkordju inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Kummissjoni, fil-premessa 5 tad-deċiżjoni kkonċernata, fis-subtaqsima intitolata “Il-prodott”, ippreċiżat b’mod espliċitu l-prodotti li fuqhom il-membri tal-akkordju fil-kawża prinċipali kkonkludew arranġamenti kollużorji.

42      Hekk kif jirriżulta mill-ewwel sentenza ta’ din il-premessa, il-prodotti kkonċernati mill-ksur fil-kawża prinċipali huma t-trakkijiet ta’ bejn sitta u sittax‑il tunnellata (“trakkijiet medji”) jew li jiżnu iktar minn sittax‑il tunnellata (“trakkijiet tqal”), kemm jekk huma trakkijiet riġidi jew trakkijiet tratturi. Fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 relatata mal-imsemmija premessa, il-Kummissjoni eskludiet b’mod espliċitu mill-prodotti kkonċernati biss it-trakkijiet militari.

43      It-tieni sentenza ta’ din l-istess premessa tippreċiża li l-kawża li tat lok għad-deċiżjoni kkonċernata ma tirrigwardax is-servizzi ta’ wara l-bejgħ la fuq is-servizzi l-oħra u l-garanziji kummerċjali tat-trakkijiet, u lanqas il-bejgħ ta’ trakkijiet użati jew kwalunkwe oġġett jew servizz ieħor.

44      F’dan il-kuntest, peress li d-distinzjoni skont il-kategorija ta’ trakkijiet magħmula fil-premessa 5 tad-deċiżjoni kkonċernata ssir esklużivament skont il-piż tat-trakkijiet, għandu jiġi kkunsidrat, hekk kif l-Avukata Ġenerali rrilevat fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-kriterju stabbilit f’din id-deċiżjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk trakk jaqax taħt din id-deċiżjoni huwa l-piż tiegħu.

45      Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkonċernata tirrigwarda l-bejgħ ta’ kull trakk medju u trakk tqil, kemm jekk trakkijiet riġidi jew trakkijiet tratturi.

46      Barra minn hekk, din id-deċiżjoni ma tinkludi ebda element li jippermetti li jiġi konkluż li t-trakkijiet speċjalizzati ma jagħmlux parti mill-prodotti kkonċernati mill-ksur inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

47      Għall-kuntrarju, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 46, 48 u 56 tad-deċiżjoni kkonċernata li jagħmlu parti mis-subtaqsima intitolata “In-natura u l-portata tal-ksur”, il-ksur inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien jikkonċerna t-tagħmir u l-mudelli speċjalizzati u bażiċi kollha, kif ukoll l-għażliet kollha inkorporati fil-fabbrikazzjoni proposti mid-diversi kostrutturi li pparteċipaw fl-akkordju fil-kawża prinċipali.

48      B’mod partikolari, jirriżulta, qabelxejn, mill-premessa 46 ta’ din id-deċiżjoni li l-Kummissjoni stabbilixxiet li l-impriżi kkonċernati kienu jiskambjaw listi ta’ prezzijiet gross kif ukoll konfiguraturi elettroniċi għat-trakkijiet li fihom il-mudelli u l-għażliet kollha possibbli, u dan iffaċilita l-kalkoli tal-prezzijiet gross għall-konfigurazzjonijiet kollha tat-trakk. Mill-premessa 28 tal-imsemmija deċiżjoni, dawn il-listi tal-prezz kienu jinkludu l-prezzijiet tal-mudelli kollha tat-trakkijiet medji u tat-trakkijiet tqal u l-għażliet kollha inkorporati fil-fabbrikazzjoni (għat-tagħmir speċjalizzat) proposti mill-kostrutturi differenti.

49      Sussegwentement, mill-premessa 48 tad-deċiżjoni kkonċernata jirriżulta li l-konfiguraturi elettroniċi skambjati bejn l-impriżi kkonċernati kienu jippermettu li jiġi ddeterminat liema għażliet kienu kompatibbli ma’ liema trakkijiet u liema għażliet setgħu jagħmlu parti mit-tagħmir standard jew addizzjonali.

50      Fl-aħħar, mill-premessa 56 ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li l-informazzjoni skambjata bejn l-impriżi kkonċernati kienet tinkludi informazzjoni dwar iż-żidiet futuri previsti fil-prezzijiet gross ta’ mudelli ta’ trakkijiet bażiċi jew ta’ trakkijiet u ta’ għażliet ta’ konfigurazzjoni disponibbli.

51      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li t-trakkijiet speċjalizzati, inklużi t-trakkijiet għall-ġbir tal-iskart domestiku, jagħmlu parti mill-prodotti kkonċernati mill-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni kkonċernata.

52      Din il-kunsiderazzjoni ma hijiex invalidata mill-argumenti invokati, b’mod partikolari, minn Daimler, Traton SE u Iveco Magirus, li jgħidu li, fil-kuntest tal-proċedura għar-riżolviment, it-talbiet għal informazzjoni li ġew indirizzati lilhom huma neċessarjament rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk it-trakkijiet speċjalizzati kinux jagħmlu parti mill-prodotti kkonċernati mill-akkordju inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Issa, fit-talba tagħha għal informazzjoni tat‑30 ta’ Ġunju 2015, imsemmija fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, li għandha bħala għan il-kisba ta’ informazzjoni fuq id-dħul mill-bejgħ li l-impriżi kkonċernati kienu wettqu bil-prodotti direttament jew indirettament relatati mal-ksur ikkonstatat għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, il-Kummissjoni indikat b’mod ċar li t-trakkijiet speċjalizzati bħat-trakkijiet militari u t-trakkijiet tat-tifi tan-nar ma kinux jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “trakkijiet” li għalih kellhom jiġu kkomunikati d-dħul mill-bejgħ imwettaq. F’dan il-kuntest, ikun kontradittorju li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ ta’ trakkijiet speċjalizzati fil-kalkolu tal-multa, iżda li dawn it-trakkijiet jiġu inklużi fil-kunċett ta’ “trakkijiet”, fis-sens tal-premessa 5 tad-deċiżjoni kkonċernata.

53      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, kif jirriżulta mill-punt 2 tal-Avviż tal-Kummissjoni msemmi fil-punt 12 ta’ din is-sentenza, għalkemm, fil-kuntest ta’ proċedura għar-riżolviment, il-Kummissjoni tista’ tikkumpensa l-kooperazzjoni tal-impriżi kkonċernati, hija la tinnegozja l-kwistjoni tal-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni u lanqas is-sanzjoni li għandha tiġi applikata għaliha. Għaldaqstant, il-fatt li d-deċiżjoni kkonċernata ġiet adottata fil-kuntest ta’ tali proċedura ma għandux effett fuq id-determinazzjoni tal-portata tal-aġir antikompetittiv.

54      Fit-tieni lok, mill-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li, sabiex twettaq il-kompiti assenjati lilha minn dan ir-regolament, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ sempliċi talba jew permezz ta’ deċiżjoni, titlob lill-impriżi u lill-assoċjazzjonijiet tal-impriżi sabiex jipprovdu l-informazzjoni kollha neċessarja.

55      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li talba għal informazzjoni tikkostitwixxi miżura ta’ investigazzjoni li għandha biss l-għan li tippermetti lill-Kummissjoni tiġbor l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni neċessarja sabiex tivverifika r-realtà u l-portata ta’ sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, HeidelbergCement vs Il‑Kummissjoni, C‑247/14 P, EU:C:2016:149, punt 37).

56      Kif l-Avukata Ġenerali rrilevat, essenzjalment, fil-punt 83 tal-konklużjonijiet tagħha, tali talba għal informazzjoni ma għandhiex l-għan li tiddefinixxi jew tippreċiża l-prodotti kkonċernati mill-aġir antikompetittiv.

57      F’dan il-każ, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-talba għal informazzjoni tat‑30 ta’ Ġunju 2015, imsemmija fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, kienet intiża biss sabiex tinkiseb informazzjoni dwar id-dħul mill-bejgħ tal-impriżi kkonċernati, imwettqa bil-prodotti direttament jew indirettament marbuta mal-ksur ikkonstatat għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa.

58      Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-multi fil-każ ta’ ksur tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni. Dan il-metodu jinkludi elementi ta’ flessibbiltà differenti li jippermettu lill-Kummissjoni teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003 (sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2009, Papierfabrik August Koehler et vs Il‑Kummissjoni, C‑322/07 P, C‑327/07 P u C‑338/07 P, EU:C:2009:500, punt 112).

59      Għalkemm l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jħalli lill-Kummissjoni marġni ta’ diskrezzjoni, madankollu huwa jillimita l-eżerċizzju tagħha billi joħloq kriterji oġġettivi li għandhom jiġu segwiti mill-Kummissjoni. Għalhekk, minn naħa, l-ammont tal-multa li tista’ tiġi imposta fuq impriża huwa suġġett għal limitu massimu li jista’ jiġi kkwantifikat u li huwa assolut, b’tali mod li l-ammont massimu tal-multa li jista’ jiġi impost fuq impriża partikolari jista’ jiġi ddeterminat minn qabel. Min-naħa l-oħra, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali huwa wkoll limitat b’regoli ta’ kondotta imposti fuq il-Kummissjoni minnha stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Schindler Holding et vs Il‑Kummissjoni, C-501/11 P, EU:C:2013:522, punt 58, kif ukoll tad‑19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 146).

60      F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-punt 13 tal-Linji Gwida tal‑2006 jipprevedi li “[s]abiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni ser tuża l-valur tal-bejgħ ta’ oġġetti jew servizzi, iġġenerat mill-impriża, b’konnessjoni diretta jew indiretta […] mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat fit-territorju taż-ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Dawn l-istess linji gwida jispeċifikaw, fil-punt 6 tagħhom, li “l-valur tal-bejgħ relatat mal-ksur […] kkombinat mat-tul tal-ksur huwa meqjus bħala valur ta’ sostituzzjoni adegwat sabiex jiġu riflessi l-importanza ekonomika tal-ksur kif ukoll il-piż relattiv ta’ kull impriża individwali li tipparteċipa fil-ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

61      Madankollu, konformement mal-punt 37 tal-Linji Gwida tal‑2006, il-Kummissjoni tista’ tinjora l-metodoloġija ġenerali prevista minn dawn il-linji gwida għall-iffissar tal-multi, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari ta’ każ partikolari jew sabiex tilħaq livell dissważiv suffiċjenti.

62      Kif irrilevat l-Avukata Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 94 u 95 tal-konklużjonijiet tagħha, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata, jekk ikun il-każ, li tieħu inkunsiderazzjoni l-valur massimu tal-bejgħ kollu kkonċernat mill-akkordju sabiex tiżgura n-natura effettiva u dissważiva ta’ multa.

63      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tibbaża ruħha fuq il-punt 37 ta’ dawn il-linji gwida tal‑2006 u li tinjora l-metodoloġija ġenerali esposta fihom, hija għandha tosserva l-obbligu ta’ motivazzjoni li hija għandha skont l-Artikolu 296 TFUE. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma tistax tinjora l-imsemmija linji gwida, f’każ partikolari, mingħajr ma tipprovdi raġunijiet li huma kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

64      F’dan il-każ, mill-premessa 106 tad-deċiżjoni kkonċernata jirriżulta li l-multi imposti kienu ġew ikkalkolati b’riferiment għall-prinċipji stabbiliti fil-Linji Gwida tal‑2006. Il‑Kummissjoni fakkret ukoll, fil-premessi 108 u 110 ta’ din id-deċiżjoni, ir-regola ta’ kalkolu tal-bejgħ rilevanti msemmija fil-punt 13 tal-imsemmija linji gwida. Fil-premessa 109 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni rrilevat li l-valur tal-bejgħ rilevanti kien jinkludi l-bejgħ ta’ trakkijiet medji u ta’ trakkijiet tqal, kemm jekk trakkijiet riġidi jew trakkijiet tratturi.

65      Madankollu, mill-premessa 112 tad-deċiżjoni kkonċernata jirriżulta li l-Kummissjoni applikat il-punt 37 tal-Linji Gwida tal‑2006 sabiex taġġusta b’mod uniformi l-proporzjon tal-valur tal-bejgħ ta’ kull impriża għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammonti varjabbli u supplimentari tal-multi. Il-Kummissjoni spjegat li hija għamlet dan fil-kuntest tad-diskrezzjoni tagħha, b’mod partikolari għal “raġunijiet ta’ proporzjonalità”. B’mod partikolari, il-Kummissjoni qieset li, fid-dawl tad-daqs tal-valur tal-bejgħ tal-impriżi kkonċernati, l-għanijiet ta’ dissważjoni u ta’ proporzjonalità li fuqhom huwa bbażat l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 setgħu jintlaħqu mingħajr ma jintuża l-valur totali tal-bejgħ tat-trakkijiet tal-impriżi kkonċernati. Konsegwentement, u b’applikazzjoni ta’ dan il-punt 37, il-Kummissjoni ddeċidiet li tikkunsidra biss parti mill-valur totali tal-bejgħ għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa.

66      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hekk kif l-Avukata Ġenerali rrilevat, essenzjalment, fil-punti 90 u 91 tal-konklużjonijiet tagħha, il-fatt li t-trakkijiet speċjalizzati ġew esklużi mill-kunċett ta’ “trakkijiet” li jinsab fit-talba għal informazzjoni tat‑30 ta’ Ġunju 2015, imsemmi fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, intiż sabiex tinkiseb informazzjoni dwar id-dħul mill-bejgħ tal-impriżi kkonċernati mwettaq permezz tal-prodotti direttament jew indirettament marbuta mal-ksur ikkonstatat u li, fil-premessa 112 tad-deċiżjoni kkonċernata, il-Kummissjoni ddeċidiet li tikkunsidra biss parti mill-valur totali tal-bejgħ għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa ma jippermettix li jiġi konkluż li t-trakkijiet speċjalizzati ma kinux parti mill-prodotti kkonċernati mill-akkordju inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

67      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-deċiżjoni kkonċernata għandha tiġi interpretata fis-sens li t-trakkijiet speċjalizzati, inklużi t-trakkijiet għall-ġbir tal-iskart domestiku, jaqgħu taħt il-prodotti kkonċernati mill-akkordju kkonstatat f’din id-deċiżjoni.

 Fuq lispejjeż

68      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L‑Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tad19 ta’ Lulju 2016 innotifikata bir-referenza C(2016) 4673 finali li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 [TFUE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Il-Każ AT.39824 – Trakkijiet) għandha tiġi interpretata fis-sens li t-trakkijiet speċjalizzati, inklużi t-trakkijiet għall-ġbir tal-iskart domestiku, jaqgħu taħt il-prodotti kkonċernati mill-akkordju kkonstatat f’din id-deċiżjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.