Language of document :

Rikors ippreżentat fil-5 ta' April 2012 - Sweet Tec vs UASI (Forma ta' ovali)

(Kawża T-156/12)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Sweet Tec GmbH (Boizenburg, il-Ġermanja) (rappreżentant: T. Nägele, avukat)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI, tad-19 ta' Jannar 2012, fil-Każ R 542/2011-1, dwar l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja Nru 9 554 171;

tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti fil-proċedimenti ta' appell.

Motivi u argumenti prinċipali

Trade mark Komunitarja kkonċernata: it-trade mark tridimensjonali, li tirrappreżenta l-forma ta' ovali, għal prodotti fil-klassijiet 16 u 30 (Applikazzjoni Nru 9 554 171).

Deċiżjoni tal-eżaminatur: applikazzjoni miċħuda

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: appell miċħud

Motivi invokati: ksur tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009, peress li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija ta' karattru distintiv u ma tiddeskrivix il-prodotti inkwistjoni.

____________