Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta' Lulju 2012 - Spanja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-319/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju ta' Spanja (rappreżentant: A. Rubio González)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea (2012) 3025 finali, tat-8 ta' Mejju 2012, dwar l-għajnuna mill-Istat SA. 22668 (C 8/2008 - ex NN 4/2008), mogħtija minn Spanja lil "Ciudad de la Luz SA",

tikkundanna lill-istituzzjoni konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-kriterju ta' investitur privat, peress li fl-analiżi tagħha l-Kummissjoni marret lil hinn mill-marġni ta' diskrezzjoni tagħha.

It-tieni motiv ibbażat fuq żball fl-evalwazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-azzjonijiet fiż-żona terzjarja tal-kumpless.

It-tielet motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta' motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, peress li l-Kummissjoni ordnat l-irkupru tal-għajnuna mogħtija lill-produtturi tal-films u peress li l-analiżi tagħha ma ssemmi ebda waħda minn din l-allegata għajnuna.

Sussidjarjament, żball fl-analiżi tal-kompatibbiltà tal-investiment mal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat b'għan reġjonali, peress li ma analizzatx jekk l-għajnuna li kien għad fadal kinitx tosserva l-prinċipju tal-investitur privat.

Sussidjarjament, nuqqas ta' motivazzjoni u żball fl-analiżi tal-kompatibbiltà tal-għajnuna, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-għajnuna għas-settur awdjoviżiv, peress li ma analizzatx għal liema raġuni l-allegata għajnuna ma kinitx intiża għal għan kulturali.

____________