Language of document : ECLI:EU:T:2022:313

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

1 ta’ Ġunju 2022 (*)

“Unjoni ekonomika u monetarja – Unjoni bankarja – Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi tal-investiment (SRM) – Proċedura ta’ riżoluzzjoni applikabbli f’każ ta’ entità li qiegħda tfalli jew li x’aktarx ser tfalli – Adozzjoni mis-SRB ta’ skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular Español – Dritt għal smigħ – Obbligu ta’ motivazzjoni – Artikoli 18 u 20 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 – Responsabbiltà mhux kuntrattwali”

Fil-Kawża T‑523/17,

Eleveté Invest Group, SL, stabbilita f’Madrid (Spanja), u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-Anness (1), irrappreżentati minn B. Cremades Roman, J. López Useros, S. Cajal Martín u P. Marrodán Lázaro, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn u A. Steiblytė, bħala aġenti, assistiti minn J. Rivas Andrés, avukat,

u

Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), irrappreżentat minn J. King u M. Fernández Rupérez, bħala aġenti, assistiti minn B. Meyring, S. Schelo, F. Fernández de Trocóniz Robles, T. Klupsch u S. Ianc, avukati,

konvenuti,

sostnuti minn

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn J. Rodríguez de la Rúa Puig u L. Aguilera Ruiz, li jaġixxu bħala aġenti,

u minn

Banco Santander, SA, stabbilita f’Santander (Spanja), irrappreżentata minn J. Rodríguez Cárcamo, A. M. Rodríguez Conde, D. Sarmiento Ramírez-Escudero u J. Remón Peñalver, avukati,

partijiet intervenjenti,

li għandha bħala suġġett, l-ewwel, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni SRB/EES/2017/08 tas-Sessjoni Eżekuttiva tas-SRB tas‑7 ta’ Ġunju 2017 dwar l-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward tal-Banco Popular Español, SA, u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1246 tas‑7 ta’ Ġunju 2017 li tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni għall-Banco Popular Español (ĠU 2017, L 178, p. 15, rettifika fil-ĠU 2017, L 320, p. 31), it-tieni, talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE għal kumpens għad-danni allegatament subiti mir-rikorrenti bħala riżultat ta’ dawk id-deċiżjonijiet u, it-tielet, talba sabiex jiġi kkonstatat l-annullament tal-valutazzjoni provviżorja u sabiex jinkiseb kumpens,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża),

komposta minn M. van der Woude, President, M. Jaeger, V. Kreuschitz, G. De Baere (Relatur) u G. Steinfatt, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, amministratur prinċipali,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas‑16 ta’ Ġunju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Ilkuntest ġuridiku

1        Wara l-kriżi finanzjarja tal-2008, ġie deċiż li tinħoloq unjoni bankarja fi ħdan l-Unjoni Ewropea, ibbażata fuq ġabra unika ta’ regoli, sħiħa u ddettaljata għas-servizzi finanzjarji, valida għas-suq intern kollu u li tinkludi fiha mekkaniżmu uniku ta’ superviżjoni, u oqfsa ġodda għall-garanzija tad-depożiti u r-riżoluzzjoni tal-fallimenti bankarji.

2        L-ewwel pass lejn il-ħolqien tal-unjoni bankarja kien jikkonsisti fl-istabbiliment ta’ mekkaniżmu uniku ta’ superviżjoni (SSM) bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal‑15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63). Skont il-premessa 12 ta’ dan ir-regolament, SSM għandu jiżgura li l-politika tal-Unjoni relatata mas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu tiġi implimentata b’mod koerenti u effikaċi, li l-ġabra unika ta’ regoli għas-servizzi finanzjarji tiġi applikata bl-istess mod għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu fl-Istati Membri kollha kkonċernati, u li dawk l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jkunu suġġetti għal superviżjoni tal-ogħla kwalità, li ma tkunx ristretta minn kunsiderazzjonijiet oħra mhux prudenzjali. Għal dan il-għan, ir-Regolament Nru 1024/2013 jagħti lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) kompiti speċifiċi relatati mal-politiki dwar is-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu sabiex jikkontribwixxi għas-sigurtà u s-sodezza tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fi ħdan l-Unjoni u f’kull Stat Membru.

3        Sussegwentement, id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190), ġiet adottata. Fil-premessa 1 hija tindika dan li ġej:

“Il-kriżi finanzjarja wriet li hemm nuqqas sinifikanti ta’ għodod adegwati fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu ttrattati b’mod effettiv l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment […] mhux sodi jew li qed ifallu. Dawn l-għodod huma meħtieġa, b’mod partikolari, sabiex jipprevjenu l-insolvenza jew biex meta sseħħ insolvenza jimminimizzaw ir-riperkussjonijiet negattivi billi jippreżervaw il-funzjonijiet sistemikament importanti tal-istituzzjoni konċernata. Matul il-kriżi, dawn l-isfidi kienu fattur ewlieni li ġiegħel lill-Istati Membri sabiex isalvaw l-istituzzjonijiet ta’ kreditu billi jużaw il-flus tal-kontribwenti. L-għan ta’ qafas ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni kredibbli huwa li jbiegħed il-ħtieġa ta’ azzjoni bħal din kemm jista’ jkun.”

4        L-għan tad-Direttiva 2014/59 huwa li jiġu stabbiliti regoli komuni għal armonizzazzjoni minima tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw ir-riżoluzzjoni tal-banek fl-Unjoni u tipprovdi għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni dwar il-fallimenti ta’ banek transkonfinali. F’dan ir-rigward, id-Direttiva 2014/59 tipprevedi, b’mod partikolari, fl-Artikolu 3(1) tagħha li kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità tar-riżoluzzjoni waħda jew, eċċezzjonalment, diversi awtoritajiet tar-riżoluzzjoni li jkollhom is-setgħa li japplikaw l-għodod tar-riżoluzzjoni u li jeżerċitaw is-setgħat tar-riżoluzzjoni.

5        Madankollu, fid-dawl tal-fatt, minn naħa, li d-Direttiva 2014/59 ma wasslitx għaċ-ċentralizzazzjoni tal-proċess deċiżjonali fil-qasam tar-riżoluzzjoni, li essenzjalment ipprovdiet għodod ta’ riżoluzzjoni komuni u setgħat ta’ riżoluzzjoni komuni disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali ta’ kull Stat Membru u li ħalliet marġni ta’ diskrezzjoni għall-użu ta’ dawn l-għodod u l-użu ta’ arranġamenti ta’ finanzjament nazzjonali għar-riżoluzzjoni, u, min-naħa l-oħra, li din id-direttiva ma kinitx tipprekludi kompletament it-teħid ta’ deċiżjonijiet separati u potenzjalment diverġenti dwar ir-riżoluzzjoni ta’ gruppi transkonfinali mill-Istati Membri, ġie deċiż li jitwaqqaf mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni (SRM).

6        B’hekk, it-tieni pass lejn il-ħolqien tal-unjoni bankarja kien jikkonsisti fl-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1).

7        Il-premessa 12 tar-Regolament Nru 806/2014 tiddikjara:

“L-iżgurar ta’ deċiżjonijiet ta’ riżoluzzjoni effettivi għall-banek li qed ifallu fl-Unjoni, inkluż dwar l-użu ta’ finanzjament miġbur fil-livell tal-Unjoni, huwa essenzjali għat-tlestija tas-suq intern fis-servizzi finanzjarji. Fis-suq intern, il-falliment tal-banek fi Stat Membru wieħed jista’ jaffettwa l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji tal-Unjoni kollha kemm hi. L-iżgurar ta’ finanzjament fl-Istati Membri kollha huwa fl-aħjar interessi mhux biss tal-Istati Membri fejn joperaw il-banek, iżda wkoll tal-Istati Membri kollha inġenerali bħala mezz sabiex jiżguraw kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u biex jitjieb il-funzjonament tas-suq intern. Is-sistemi bankarji fis-suq intern huma interkonnessi ħafna, il-gruppi bankarji huma internazzjonali u l-banek għandhom perċentwali kbir ta’ assi barranin. Fin-nuqqas tas-SRM, il-kriżijiet bankarji fl-Istati Membri li qed jieħdu sehem fs-SSM jkollhom impatt sistemiku negattiv aktar b’saħħtu anki fi Stati Membri mhux parteċipanti. L-istabbiliment tas-SRM se jiżgura approċċ newtrali fit-trattament ma’ banek li qed ifallu u għalhekk iżid l-istabbiltà tal-banek tal-Istati Membri parteċipanti u jevita li l-kriżijiet jinxterdu fl-Istati Membri mhux parteċipanti u għalhekk se jiffaċilita l-funzjonament tas-suq intern kollu. Il-mekkaniżmi għall-kooperazzjoni fir-rigward tal-istituzzjonijiet stabbiliti kemm fl-Istati Membri parteċipanti kif ukoll f’dawk mhux parteċipanti għandhom ikunu ċari, u l-ebda Stat Membru jew grupp ta’ Stati Membri ma għandu jkun diskriminat, direttament jew indirettament, bħala post għas-servizzi finanzjarji.”

8        Ir-Regolament Nru 806/2014, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1, għandu l-għan li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-entitajiet iddefiniti fl-Artikolu 2 li huma stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti, jiġifieri, l-banek li l-awtorità superviżorja tagħhom fil-pajjiż tal-oriġini hija l-BĊE jew l-awtorità kompetenti nazzjonali fl-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jew fi Stati Membri li l-munita tagħhom ma hijiex l-euro li stabbilixxew kooperazzjoni mill-qrib skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1024/2013 (ara l-premessa 15 tar-Regolament Nru 806/2014).

9        It-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi li dawn ir-regoli uniformi u din il-proċedura uniformi għandhom jiġu applikati mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), stabbilit mill-Artikolu 42 ta’ dan l-istess regolament, flimkien mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea kif ukoll l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni nazzjonali, fil-kuntest tas-SRM maħluq minn dan l-istess regolament. Huwa wkoll previst li s-SRM ser jiddependi fuq Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF).

10      Skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB għandu jiddeċiedi dwar miżura ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ istituzzjoni finanzjarja stabbilita fi Stat Membru parteċipanti meta jiġu ssodisfatti t-tliet kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 18(1) tal-istess regolament.

11      L-ewwel kundizzjoni teħtieġ li l-falliment tal-entità jkun seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ. L-evalwazzjoni ta’ din il-kundizzjoni għandha titwettaq mill-BĊE, wara konsultazzjoni mas-SRB, jew mis-SRB, u għandha titqies bħala ssodisfatta jekk l-entità tkun f’waħda jew iktar mis-sitwazzjonijiet elenkati fl-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 806/2014.

12      It-tieni kundizzjoni tassumi li ma teżisti ebda perspettiva raġonevoli li miżuri privati jew prudenzjali oħra jipprekludu l-falliment tal-entità fi żmien raġonevoli.

13      It-tielet kundizzjoni timplika li miżura ta’ riżoluzzjoni hija meħtieġa fl-interess pubbliku, jiġifieri li din hija neċessarja sabiex jintlaħaq għan wieħed jew iktar tar-riżoluzzjoni, filwaqt li likwidazzjoni tal-entità fi proċedimenti normali ta’ insolvenza ma tippermettix dan bl-istess mod.

14      L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 806/2014 jiddefinixxi l-għanijiet ta’ riżoluzzjoni bħala dawn li ġejjin: li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi; li jiġu evitati effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja, b’mod partikolari permezz tal-prevenzjoni tal-kontaġju; li jiġu protetti l-fondi pubbliċi billi tiġi mminimizzata d-dipendenza fuq l-għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja; li jiġu protetti d-depożitanti kif ukoll l-investituri u li jiġu protetti l-fondi u l-assi tal-klijenti.

15      L-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprevedi li, qabel jiddeċiedi dwar azzjoni ta’ riżoluzzjoni jew l-eżerċizzju tas-setgħa li jagħmel valutazzjoni negattiva jew li jikkonverti strumenti ta’ fondi proprji rilevanti, is-SRB għandu jiżgura li titwettaq valutazzjoni ġusta, prudenti u realistika tal-assi u l-obbligazzjonijiet ta’ entità kkonċernata minn persuna indipendenti minn kwalunkwe awtorità pubblika, inkluż is-SRB u l-awtorità ta’ riżoluzzjoni nazzjonali, u mill-entità kkonċernata.

16      Skont l-Artikolu 20(15) tar-Regolament Nru 806/2014, il-valutazzjoni għandha tkun parti integrali tad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni ta’ għodda tar-riżoluzzjoni jew dwar l-eżerċizzju ta’ setgħa ta’ riżoluzzjoni jew id-deċiżjoni dwar l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ żvalutazzjoni jew ta’ konverżjoni tal-istrumenti ta’ fondi proprji.

17      Meta l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 ikunu ssodisfatti, is-SRB għandu jadotta skema ta’ riżoluzzjoni.

18      Meta jaġixxu fil-kuntest tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni, is-SRB, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li l-miżura ta’ riżoluzzjoni tittieħed skont ċerti prinċipji elenkati fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 806/2014, u fosthom hemm il-prinċipju li l-azzjonisti tal-istituzzjoni suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni huma l-ewwel li jġarrbu t-telf kif ukoll il-prinċipju li l-ebda kreditur ma huwa ser iġarrab telf li huwa ikbar milli kien iġarrab kieku l-entità suġġetta għall-miżura ta’ riżoluzzjoni kellha tiġi stralċjata skont proċeduri normali ta’ insolvenza.

19      Fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB għandu jiddetermina l-applikazzjoni tal-għodod ta’ riżoluzzjoni. L-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 806/2014 jelenka d-diversi għodod ta’ riżoluzzjoni disponibbli, jiġifieri l-bejgħ ta’ operat, ir-rikors għal istituzzjoni tranżitorja, u s-separazzjoni tal-assi u ta’ rikapitalizzazzjoni interna.

20      Fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB jista’ wkoll jeżerċita s-setgħa ta’ żvalutazzjoni jew ta’ konverżjoni tal-istrumenti ta’ fondi proprji tal-entità kkonċernata skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 806/2014. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 806/2014, miżura ta’ riżoluzzjoni tista’ tinvolvi wkoll l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat jew ir-rikors għas-SRF.

21      Skont l-Artikolu 18(7) tar-Regolament Nru 806/2014, immedjatament wara l-adozzjoni tiegħu, is-SRB għandu jittrażmetti l-iskema ta’ riżoluzzjoni lill-Kummissjoni. Fi żmien erbgħa u għoxrin siegħa mit-trażmissjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni mis-SRB, il-Kummissjoni jew tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni jew toġġezzjona fuq l-aspetti diskrezzjonali tagħha, minbarra dawk previsti fit-tielet subparagrafu, jiġifieri l-osservanza tal-kriterju tal-interess pubbliku jew bidla sinifikattiva fl-ammont tas-SRF. Fir-rigward ta’ dawn l-aħħar aspetti diskrezzjonali, fi żmien tnax-il siegħa mit-trażmissjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni mis-SRB, il-Kummissjoni tista’ tipproponi lill-Kunsill sabiex joħroġ oġġezzjonijiet għall-iskema ta’ riżoluzzjoni adottata mis-SRB peress li ma tissodisfax il-kriterju tal-interess pubbliku jew li japprova jew jirrifjuta bidla sinifikattiv fl-ammont tas-SRF previst fl-iskema ta’ riżoluzzjoni adottata mis-SRB. L-iskema ta’ riżoluzzjoni tista’ tidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni fi żmien erba’ u għoxrin siegħa wara t-trażmissjoni tagħha mis-SRB.

22      L-Artikolu 18(9) tar-Regolament Nru 806/2014 jindika li s-SRB għandu jiżgura li jiġu adottati l-miżuri ta’ riżoluzzjoni meħtieġa sabiex tiġi applikata l-iskema ta’ riżoluzzjoni mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni nazzjonali rilevanti. Dawn tal-aħħar huma d-destinatarji tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, li tagħtihom istruzzjoni sabiex jadottaw il-miżuri neċessarji kollha sabiex jimplimentawha b’konformità mal-Artikolu 29 tal-istess regolament, billi jeżerċitaw is-setgħat ta’ riżoluzzjoni.

23      Wara l-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni, b’applikazzjoni tal-Artikolu 20(16) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB għandu jiżgura li ssir valutazzjoni minn persuna indipendenti, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-azzjonisti u l-kredituri kinux jibbenefikaw minn trattament aħjar kieku l-istituzzjoni suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni kienet għaddiet minn proċedimenti normali ta’ insolvenza. Din il-valutazzjoni tista’ twassal, skont l-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament Nru 806/2014, għal kumpens lill-azzjonisti jew lill-kredituri jekk ikunu ġarrbu iktar telf fil-kuntest tar-riżoluzzjoni milli kieku kienu jġarrbu fi stralċ skont proċeduri normali ta’ insolvenza.

II.    Ilfatti li wasslu għallkawża u lfatti sussegwenti għallpreżentata tarrikors

24      Ir-rikorrenti, Eleveté Invest Group, SL u d-19-il persuna fiżika u ġuridika l-oħra msemmija fl-Anness, kienu azzjonisti jew kellhom strumenti ta’ fondi proprji addizzjonali tal-kategorija 1 jew strumenti ta’ fondi proprji tal-kategorija 2 ta’ Banco Popular Español, SA (iktar ’il quddiem “Banco Popular”) qabel l-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ dan tal-aħħar.

A.      Fuq issitwazzjoni ta’ Banco Popular qabel ladozzjoni taliskema ta’ riżoluzzjoni

25      Il-grupp Banco Popular, li l-kumpanija omm tiegħu kienet Banco Popular, fid-data tar-riżoluzzjoni, kien is-sitt grupp bankarju Spanjol.

26      Fl-2016, Banco Popular żied il-kapital b’EUR 2.5 biljun.

27      Fil‑5 ta’ Diċembru 2016, is-Sessjoni Eżekuttiva tas-SRB adottat pjan ta’ riżoluzzjoni tal-grupp Banco Popular (iktar ’il quddiem il-“pjan ta’ riżoluzzjoni tal-2016”). L-għodda ta’ riżoluzzjoni ppreferuta fil-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-2016 kienet l-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna prevista fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 806/2014.

28      Fit‑3 ta’ Frar 2017, Banco Popular ippubblika r-rapport annwali tiegħu tal-2016, li fih ħabbar il-ħtieġa ta’ provvedimenti eċċezzjonali li jammontaw għal EUR 5.7 biljun, li jwasslu għal telf ikkonsolidat ta’ EUR 3.485 biljun, kif ukoll il-ħatra ta’ president ġdid.

29      Fl‑10 ta’ Frar 2017, DBRS Ratings Limited (DBRS) (li saret DBRS Morningstar) baxxiet il-klassifikazzjoni ta’ Banco Popular, bi prospetti negattivi, fid-dawl tal-pożizzjoni mdgħajfa tal-kapital ta’ Banco Popular bħala riżultat ta’ telf nett ikbar minn dak previst fir-rapport annwali tiegħu, imsemmija fil-punt 28 iktar ’il fuq, kif ukoll tal-isforzi minn Banco Popular sabiex inaqqas l-istokk tiegħu li kien għadu għoli ta’ assi li ma jrendux.

30      Fit‑3 ta’ April 2017, Banco Popular ħabbar ir-riżultati tal-awditi interni li jindikaw li jistgħu jkunu meħtieġa korrezzjonijiet għar-rapport annwali tal-2016. Dawn l-aġġustamenti twettqu fir-rapport finanzjarju ta’ Banco Popular għall-ewwel tliet xhur tal-2017.

31      Fl‑10 ta’ April 2017, fil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti ta’ Banco Popular, il-President tal-Bord tad-Diretturi ħabbar li l-bank kien qiegħed jikkunsidra jew żieda fil-kapital, jew tranżazzjoni ta’ negozju minħabba s-sitwazzjoni tal-grupp f’termini ta’ fondi proprji u l-livell tiegħu ta’ assi li ma jrendux. Il-President-Direttur Ġenerali ta’ Banco Popular ġie ssostitwit inqas minn sena wara li beda l-mandat tiegħu.

32      Wara t-tħabbira tat‑3 ta’ April 2017 dwar il-ħtieġa li jiġu aġġustati r-riżultati finanzjarji tal-2016, DBRS, fis‑6 ta’ April, baxxiet il-klassifikazzjoni ta’ Banco Popular filwaqt li żammet il-perspettiva negattiva tagħha. Standard & Poor’s, fis‑7 ta’ April, u Moody’s Investors service (iktar ’il quddiem “Moody’s”), fil‑21 ta’ April 2017, ukoll baxxew il-klassifikazzjoni ta’ Banco Popular b’perspettiva negattiva.

33      F’April 2017, Banco Popular beda proċedura ta’ bejgħ privat bil-għan li jinbiegħ lil kompetitur b’saħħtu, li kellu jwassal sabiex jirrestawra s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu. Id-data ta’ skadenza għall-akkwirenti potenzjali interessati fl-akkwist ta’ Banco Popular sabiex jissottomettu l-offerta tagħhom kienet l‑10 ta’ Ġunju 2017, u sussegwentement ġiet estiża sal-aħħar tax-xahar ta’ Ġunju 2017.

34      Fil‑5 ta’ Mejju 2017, Banco Popular ippreżenta r-rapport finanzjarju tiegħu għall-ewwel tliet xhur tal-2017, fejn ħabbar telf fl-ammont ta’ EUR 137 miljun.

35      Fit‑12 ta’ Mejju 2017, ir-rekwiżit ta’ kopertura tal-ħtiġiet ta’ likwidità (Liquidity Coverage Requirement) ta’ Banco Popular waqa’ taħt il-limitu minimu ta’ 80 % stabbilit fl-Artikolu 460(2)(c) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1).

36      Permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ Mejju 2017, Banco Santander, SA infurmat lil Banco Popular li ma kinitx f’pożizzjoni li tippreżenta offerta definittiva fil-kuntest tal-proċedura ta’ bejgħ privat.

37      Fis‑16 ta’ Mejju 2017, Banco Popular, f’komunikazzjoni ta’ fatt rilevanti għall-Comisión nacional del mercado de valores (CNMV, Il-Kummissjoni Nazzjonali tas-Suq tat-Titoli, Spanja), iddikjarat li akkwirenti potenzjali kienu esprimew l-interess tagħhom fil-proċedura ta’ bejgħ privat, iżda li ma kienet ġiet riċevuta l-ebda offerta definittiva.

38      Fid‑19 ta’ Mejju 2017, l-aġenzija FITCH baxxiet il-klassifikazzjoni fit-tul ta’ Banco Popular.

39      Fit‑23 ta’ Mejju 2017, il-Presidenta tas-SRB, Elke König, tat intervista lill-istazzjon televiżiv Bloomberg, li matulha ġiet mistoqsija, b’mod partikolari, dwar is-sitwazzjoni ta’ Banco Popular.

40      Matul ix-xahar ta’ Mejju 2017, diversi artikli mill-istampa rrappurtaw id-diffikultajiet ta’ Banco Popular. Pereżempju, għandu jissemma artiklu tal-11 ta’ Mejju 2017, ippubblikat fuq is-sit internet elconfidencial.com, intitolat “Saracho jordna l-bejgħ urġenti ta’ Popular lil JP Morgan u Lazard minħabba r-riskju ta’ falliment” (Saracho encarga la venta urgente del Popular a JP Morgan y Lazard por riesgo de quiebra). F’dan l-artiklu, huwa ddikjarat li l-President tal-bank kien ikkummissjona lil JP Morgan u Lazard sabiex jorganizzaw il-bejgħ urġenti tal-bank minħabba riskju ta’ falliment, dovuta għall-ħarba massiva ta’ depożiti minn klijenti individwali u istituzzjonali u li kien iqis li l-uniku mod sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà tal-bank kien il-bejgħ sħiħ u imminenti tal-grupp kollu. L-artiklu jgħid li, “minħabba l-persistenza tal-ħruġ ta’ depożiti u l-għeluq ta’ sorsi esterni ta’ finanzjament, il-bank huwa f’riskju serju ta’ falliment, u li [l-President tiegħu] għalhekk kien kostrett jattiva l-iktar miżura drastika u li progressivament jastjeni milli jbigħ l-assi tiegħu sabiex itejjeb il-proporzjonijiet tal-fondi proprji u jissodisfa r-rekwiżiti tal-BĊE”.

41      Fil‑15 ta’ Mejju 2017, artiklu ppubblikat fuq is-sit internet elconfidencial.com, bit-titolu “Il-BĊE jispezzjona lil Banco Popular għal xahrejn f’nofs il-proċess tal-bejgħ” (El BCE inspecciona a Banco Popular durante dos meses en pleno proceso de venta), jirrapporta li l-pjan tal-bejgħ ta’ Banco Popular, implimentat mill-President tiegħu, sar wara l-ispezzjoni tal-BĊE, li kien ikkonferma d-defiċit ta’ provvedimenti. Skont dan l-artiklu, l-ispetturi tal-BĊE kienu kkonkludew li d-diffikultajiet ta’ Banco Popular huma marbuta mad-defiċit ta’ provvedimenti tiegħu sabiex ikopri l-espożizzjoni immobbli tiegħu, u li kien meħtieġ li jiġi evitat il-ħruġ okkażjonali ta’ depożiti. Dawn l-ispetturi esprimew ukoll it-tħassib tagħhom dwar il-preżentazzjoni tal-kontijiet tal-2016.

42      Fil‑31 ta’ Mejju 2017, l-aġenzija Reuters ippubblikat artiklu bit-titolu “L-UE, imwissija bir-riskju ta’ riżoluzzjoni ta’ Banco Popular” (La UE, advertida de riesgo de una resolución ordenada en Banco Popular). B’mod partikolari dan l-artiklu jsemmi li, skont uffiċjal għoli tal-Unjoni li baqa’ anonimu, wieħed mis-superviżuri ewlenin tal-banek fl-Ewropa wissa lill-uffiċjali tal-Unjoni li Banco Popular kien jista’ jeħtieġ riżoluzzjoni jekk ma jkunx jista’ jsib akkwirent. Skont dan l-artiklu, dan l-uffiċjal indika wkoll li l-Presidenta tas-SRB kienet reċentement ħarġet “twissija bikrija,” u ddikjarat li s-SRB kien qiegħed isegwi l-proċedura (ta’ Banco Popular) b’attenzjoni partikolari bil-ħsieb ta’ intervent possibbli.

43      Fl-istess jum, is-SRB ippubblika stqarrija għall-istampa intiża sabiex tikkontesta l-kontenut ta’ dan l-artiklu.

44      Fl-ewwel jiem ta’ Ġunju tal-2017, Banco Popular affaċċja ġbid massiv ta’ likwidità.

45      Fil‑5 ta’ Ġunju 2017, Banco Popular ippreżenta, filgħodu, l-ewwel talba għall-għoti urġenti ta’ likwidità lill-Banco de España (il-Bank ta’ Spanja), sussegwentement, it-tieni talba, waranofsinhar, li kien fiha estensjoni tal-ammont mitlub, minħabba movimenti kbar ta’ likwidità. Fuq il-bażi ta’ talba mill-Bank ta’ Spanja u wara l-evalwazzjoni tal-BĊE fl-istess jum tat-talba ta’ Banco Popular għall-għoti urġenti ta’ likwidità, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE ma qajjem l-ebda oġġezzjoni għall-għoti urġenti ta’ likwidità lil Banco Popular għall-perijodu sat‑8 ta’ Ġunju 2017. Banco Popular irċieva parti minn dan l-għoti urġenti ta’ likwidità, u sussegwentement il-Bank ta’ Spanja indika li ma kienx f’pożizzjoni jipprovdi għoti urġenti ta’ likwidità supplementari lil Banco Popular.

46      Fis‑6 ta’ Ġunju 2017, DBRS u Moody’s baxxew il-klassifikazzjoni ta’ Banco Popular.

B.      Fuq fatti oħra qabel ladozzjoni taliskema ta’ riżoluzzjoni

47      Fit‑23 ta’ Mejju 2017, is-SRB inkariga lil Deloitte, bħala espert indipendenti, sabiex twettaq il-valutazzjoni ta’ Banco Popular skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 806/2014.

48      Fl‑24 ta’ Mejju 2017, is-SRB talab mingħand Banco Popular, abbażi tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 806/2014, l-informazzjoni meħtieġa bil-ħsieb li titwettaq il-valutazzjoni tiegħu. Fit‑2 ta’ Ġunju 2017, huwa talab ukoll lil Banco Popular sabiex jipprovdi informazzjoni dwar il-proċess tal-bejgħ privat u sabiex jipprovdi aċċess għall-kamra virtwali sikura tad-data li dan tal-aħħar kien stabbilixxa fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

49      Fit‑3 ta’ Ġunju 2017, is-Sessjoni Eżekuttiva tas-SRB adottat id-Deċiżjoni SRB/EES/2017/06, indirizzata lill-Fondo de Reestructuración Ordenada Bancaria (FROB, Fond ta’ ristrutturazzjoni ordnata tal-istituzzjonijiet bankarji, Spanja), dwar il-kummerċjalizzazzjoni ta’ Banco Popular. Is-SRB approva l-bidu immedjat tal-proċedura ta’ bejgħ ta’ Banco Popular mill-FROB u indika lil dan tal-aħħar ir-rekwiżiti tal-bejgħ skont l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2014/59. Is-SRB indika b’mod partikolari li l-FROB kellu jikkuntattja lill-ħames akkwirenti potenzjali li kienu mistiedna jissottomettu offerta fil-kuntest tal-proċedura ta’ bejgħ privat.

50      Fost il-ħames akkwirenti potenzjali, tnejn iddeċidew li ma jipparteċipawx fil-proċedura ta’ bejgħ u wieħed ġie eskluż mill-BĊE għal raġunijiet prudenzjali.

51      Fl‑4 ta’ Ġunju 2017, iż-żewġ akkwirenti potenzjali li kienu ddeċidew li jipparteċipaw fil-proċedura ta’ bejgħ, Banco Santander u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, SA (BBVA), iffirmaw ftehim ta’ nuqqas ta’ żvelar u, fil‑5 ta’ Ġunju 2017, kellhom aċċess għall-kamra virtwali tad-data.

52      Fil‑5 ta’ Ġunju 2017, is-SRB adotta l-ewwel valutazzjoni (iktar ’il quddiem il-“valutazzjoni 1”) skont l-Artikolu 20(5)(a) tar-Regolament Nru 806/2014, li kellha bħala l-għan tagħha li tipprovdi l-elementi li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk kinux issodisfatti l-kundizzjonijiet tal-attivazzjoni ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni, kif iddefiniti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014.

53      Fis‑6 ta’ Ġunju 2017, il-BĊE wettaq valutazzjoni dwar is-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular, wara li kkonsulta lis-SRB, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014.

54      F’din il-valutazzjoni, il-BĊE indika li, matul ix-xhur preċedenti, Banco Popular kien ġarrab deterjorament sinjifikattiv fis-sitwazzjoni tal-likwidità tiegħu, dovut prinċipalment għal eżawriment sinjifikattiv tal-bażi tad-depożiti tiegħu Banco Popular esperjenza ħruġ sinjifikattiv ta’ likwidità fis-segmenti kollha tal-klijentela tiegħu. Il-BĊE elenka l-avvenimenti li wasslu għall-problemi ta’ likwidità li kellu jaffaċċja Banco Popular.

55      F’dan ir-rigward, huwa rrileva li, fi Frar tal-2017, matul il-preżentazzjoni tal-kontijiet annwali tagħha, Banco Popular kien żvela ħtieġa ta’ provvedimenti eċċezzjonali li jammontaw għal EUR 5.7 biljun, li wasslu għal telf ta’ EUR 3.485 biljun fl-2016, kif ukoll is-sostituzzjoni tal-President tiegħu li kien ilu għal żmien twil, li wettaq reviżjoni tal-istrateġija tal-bank. It-tħabbira ta’ provvedimenti addizzjonali u ta’ telf fi tmiem is-sena finanzjajrja kienet wasslet għal tnaqqis fil-klassifikazzjoni ta’ Banco Popular minn DBRS fl‑10 ta’ Frar 2017 u kienet qajmet tħassib serju min-naħa tal-klijenti ta’ Banco Popular, li rriżulta fi ġbid kbir u mhux mistenni ta’ depożiti u fi frekwenza għolja ta’ żjarat tal-klijenti fil-fergħat tal-bank.

56      Il-BĊE ddikjara wkoll li l-pubblikazzjoni minn Banco Popular, fit-3 ta’ April 2017, ta’ dikjarazzjoni pubblika ad hoc li tħabbar l-eżitu ta’ diversi awditi interni li jista’ jkollhom impatt sinjifikattiv fuq l-istati finanzjarji tal-istituzzjoni kif ukoll il-konferma li l-President-Direttur Ġenerali tal-istituzzjoni kien ser jiġi ssostitwit inqas minn sena wara d-dħul fil-kariga tiegħu, kienu wasslu għal mewġa oħra ta’ ġbid ta’ depożiti. Il-BĊE rrileva li din il-mewġa ta’ ġbid ta’ depożiti kienet ukoll xprunata minn:

–        tnaqqis fil-grad tal-klassifikazzjoni ta’ Banco Popular minn Standard & Poor’s fis‑7 ta’ April 2017;

–        it-tħabbira minn Banco Popular, fl-10 ta’ April 2017, li ma kinitx ser tħallas dividendi u li żieda fil-kapital jew tranżazzjoni korporattiva tista’ tkun meħtieġa minħabba s-sitwazzjoni ristretta fil-kapital tagħha u l-allinjament meħtieġ fuq il-pari tagħha tal-kopertura ta’ assi li ma jrendux;

–        tnaqqis fil-klassifikazzjoni ta’ Banco Popular minn Moody’s fil‑21 ta’ April 2017;

–        l-iżvelar tar-riżultati tal-ewwel tliet xhur tal-2017 li kienu agħar minn dawk previsti;

–        il-kopertura negattiva u kontinwa tal-media, bħall-artikli tal-11 u tal-15 ta’ Mejju 2017 imsemmija fil-punti 40 u 41 iktar ’il fuq, jissuġġerixxu li l-President ta’ Banco Popular kien ordna bejgħ urġenti tal-bank minħabba riskju imminenti ta’ falliment jew nuqqas ta’ likwidità, u li l-bank kellu jaffaċċja ħtieġa addizzjonali sinjifikattiva għal provvedimenti li jirriżultaw minn spezzjoni fuq il-post mis-superviżur.

57      Il-BĊE kkonstata wkoll li d-depożiti li ntilfu mill‑31 ta’ Mejju 2017 kienu partikolarment rilevanti, wara l-iżvelar fil-media li l-bank seta’ jiġi stralċjat jekk il-proċess ta’ bejgħ kurrenti ma jirnexxix fi żmien qasir ħafna.

58      Barra minn hekk, il-BĊE rrileva li, għalkemm Banco Popular kien żviluppa diversi miżuri li jiġġeneraw likwidità addizzjonali fil-ġimgħat preċedenti u beda jimplimentahom, id-daqs tal-influssi mwettqa u li kienu għadhom mistennija ma kienx biżżejjed sabiex jirrimedja l-eżawriment tal-pożizzjoni tal-likwidità ta’ Banco Popular fid-data tal-valutazzjoni. Huwa indika wkoll li, anki bl-użu tal-provvista urġenti ta’ likwidità li għaliha l-Kunsill Governattiv tal-BĊE ma kienx qajjem oġġezzjonijiet fil‑5 ta’ Ġunju 2017, is-sitwazzjoni tal-likwidità f’dik id-data ma kinitx biżżejjed sabiex tiggarantixxi l-kapaċità ta’ Banco Popular li jissodisfa l-impenji tiegħu sa mhux iktar tard mis‑7 ta’ Ġunju 2017.

59      Il-BĊE qies li l-miżuri diġà adottati minn Banco Popular ma kinux suffiċjentement effettivi sabiex ireġġgħu lura d-deterjorament tal-pożizzjoni tal-likwidità tiegħu. Il-Kummissjoni tinnota li, bħala miżura alternattiva sabiex jiżgura l-kapaċità tiegħu li jissodisfa l-impenji tiegħu li kienu waslu biex jimmaturaw, il-Banco Popular kien qiegħed jipprova jimplimenta tranżazzjoni ta’ negozju, jiġifieri l-bejgħ tiegħu lil kompetitur iktar b’saħħtu. Madankollu, il-BĊE qies li, fid-dawl tad-deterjorament tas-sitwazzjoni tal-likwidità ta’ Banco Popular, l-assenza ta’ prova tal-kapaċità ta’ dan tal-aħħar li jreġġa’ lura s-sitwazzjoni tal-likwidità tiegħu fil-futur qrib u tal-fatt li n-negozjati sa dak iż-żmien ma wasslux għal riżultat pożittiv, il-konferma ta’ tranżazzjoni privata bħal din ma kinitx prevedibbli f’terminu ta’ żmien li kien jippermetti lill-Banco Popular li jkun jista’ jħallas id-djun tiegħu jew impenji oħra meta dawn jilħqu l-maturità tagħhom.

60      Il-BĊE kkonstata li, fl-istess ħin, ma kienet teżisti l-ebda miżura ta’ sorveljanza jew ta’ intervent bikri disponibbli li tippermetti li tiġi rrestawrata b’mod immedjat is-sitwazzjoni tal-likwidità ta’ Banco Popular u li tiżguralu żmien biżżejjed sabiex jimplimenta tranżazzjoni kummerċjali jew soluzzjoni oħra. Il-miżuri għad-dispożizzjoni tal-BĊE bħala awtorità kompetenti, bis-saħħa tat-traspożizzjoni nazzjonali tal-Artikolu 104 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013 L 176, p. 338), u l-Artikoli 27 sa 29 tad-Direttiva 2014/59 jew l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1024/2013, ma setgħux jiżguraw li Banco Popular ikun f’pożizzjoni li jħallas id-djun tiegħu jew impenji oħra meta dawn jilħqu l-maturità tagħhom, minħabba l-portata u r-ritmu tad-deterjorament fil-likwidità osservata.

61      Bħala konklużjoni, il-BĊE, filwaqt li ħa inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-ħruġ eċċessiv ta’ depożiti, il-ħeffa li biha l-bank kien tilef il-likwidità u l-inkapaċità tiegħu li jiġġenera likwiditajiet oħrajn, qies li kien hemm elementi oġġettivi li jindikaw li Banco Popular probabbilment ma kienx ser ikun f’pożizzjoni, fil-futur qarib, li jħallas id-djun tiegħu jew l-impenji l-oħra meta dawn jilħqu l-maturità tagħhom. Il-BĊE kkonkluda li l-falliment ta’ Banco Popular kien meqjus li seħħ jew, fi kwalunkwe każ, li x’aktarx ser iseħħ fil-futur qarib, b’mod konformi mal-Artikolu 18(1)(a) u (4)(c) tar-Regolament Nru 806/2014.

62      Fis‑6 ta’ Ġunju 2017, il-Bord tad-Diretturi ta’ Banco Popular informa lill-BĊE li kien wasal għall-konklużjoni li l-bank kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li x’aktarx ser iseħħ.

63      Fl-istess jum, il-FROB adotta ittra li tinkludi l-informazzjoni dwar il-proċedura ta’ bejgħ (iktar ’il quddiem l-“ittra ta’ proċedura”) u li tiffissa t-terminu għas-sottomissjoni tal-offerti f’nofsillejl tas‑6 ta’ Ġunju 2017.

64      Fl-istess jum, il-BBVA, wieħed miż-żewġ akkwirenti potenzjali ta’ Banco Popular, infurmat lill-FROB li ma kienx ser jagħmel offerta.

65      Ukoll fis‑6 ta’ Ġunju 2017, Deloitte bagħtet lis-SRB it-tieni valutazzjoni (iktar ’il quddiem il-“valutazzjoni 2”), redatta skont l-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014. Il-valutazzjoni 2 kellha l-għan li tistma l-valur tal-assi u tal-obbligazzjonijiet ta’ Banco Popular, li tipprovdi stima dwar it-trattament li minnu kienu jibbenefikaw l-azzjonisti u l-kredituri li kieku Banco Popular kien is-suġġett ta’ proċedura normali ta’ insolvenza, kif ukoll li tipprovdi l-elementi li jippermettu li tittieħed id-deċiżjoni dwar l-azzjonijiet u t-titoli ta’ proprjetà li għandhom jiġu ttrasferiti u li jippermettu lis-SRB li jiddetermina l-kundizzjonijiet kummerċjali tal-għodda ta’ bejgħ ta’ operat. B’mod partikolari, din il-valutazzjoni stmat il-valur ekonomiku ta’ Banco Popular fl-ammont ta’ EUR 1.3 biljun fl-aħjar xenarju, tal-anqas EUR 8.2 biljun fl-agħar xenarju possibbli, u tal-anqas EUR 2 biljun fl-aħjar stima.

66      Fis‑7 ta’ Ġunju 2017, Banco Santander issottometta offerta definittiva.

67      Permezz ta’ ittra tas‑7 ta’ Ġunju 2017, il-FROB informa lis-SRB li Banco Santander kien issottometta offerta fis‑7 ta’ Ġunju fit-3:12 a.m., u li l-prezz offrut minn Banco Santander għall-bejgħ tal-azzjonijiet ta’ Banco Popular kien ta’ EUR 1. Il-FROB iddikjara li l-bord ta’ tmexxija tiegħu għażel lil Banco Santander bħala l-offerent rebbieħ fil-proċedura ta’ bejgħ kompetittiv ta’ Banco Popular u ddeċieda li jipproponi lis-SRB li jaħtar lil Banco Santander bħala l-akkwirent fid-deċiżjoni tas-SRB dwar l-adozzjoni ta’ dispożittiv ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular.

C.      Fuq liskema ta’ riżoluzzjoni ta’ Banco Popular tas7 ta’ Ġunju 2017

68      Fis‑7 ta’ Ġunju 2017, is-Sessjoni Eżekuttiva tas-SRB adottat id-deċiżjoni SRB/EES/2017/08 dwar skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular abbażi (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ riżoluzzjoni”), abbażi tar-Regolament Nru 806/2014.

69      Skont l-Artikolu 1 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB, billi kkunsidra li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 ġew issodisfatti, iddeċieda li jissottometti lill-Banco Popular għal proċedura ta’ riżoluzzjoni mid-data tar-riżoluzzjoni.

70      Għalhekk, is-SRB qies, fl-ewwel lok, li Banco Popular kien qiegħed f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, fit-tieni lok, li ma kinux jeżistu miżuri oħra li setgħu jipprekludu l-falliment ta’ Banco Popular f’terminu raġonevoli u, fit-tielet lok, li miżura ta’ riżoluzzjoni fil-forma ta’ għodda ta’ bejgħ ta’ operat ta’ Banco Popular kienet neċessarja fl-interess pubbliku. F’dan ir-rigward, is-SRB indika li r-riżoluzzjoni kienet neċessarja u proporzjonata sabiex jintlaħqu żewġ għanijiet previsti fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 806/2014, jiġifieri li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi tal-bank u li jiġu evitati effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja.

71      Fl-Artikolu 5.1 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB iddeċieda kif ġej:

“L-għodda ta’ riżoluzzjoni applikata għal Banco Popular ser tikkonsisti f’bejgħ ta’ operat skont l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 806/2014 bit-trasferiment tal-azzjonijiet lil akkwirent. L-iżvalutazzjoni u l-konverżjoni tal-istrumenti ta’ fondi proprji ser jitwettqu immedjatament qabel l-applikazzjoni tal-għodda ta’ bejgħ ta’ operat.”

72      L-Artikolu 6 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni jikkonċerna l-iżvalutazzjoni tal-fondi proprji u l-għodda tal-bejgħ ta’ operat. Fl-Artikolu 6.1, is-SRB indika l-miżuri li kien adotta b’applikazzjoni tas-setgħa ta’ żvalutazzjoni prevista fl-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 806/2014.

73      Għalhekk, fl-Artikolu 6.1 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB iddeċieda:

–        qabelxejn, li jiżvaluta l-ammont nominali tal-kapital azzjonarju ta’ Banco Popular bl-ammont ta’ EUR 2 098 429 046, fatt li wassal għall-annullament ta’ 100 % tal-azzjonijiet ta’ Banco Popular;

–        sussegwentement, li jikkonverti l-ammont prinċipali kollu tal-istrumenti ta’ fondi proprji addizzjonali tal-kategorija 1 maħruġa minn Banco Popular u fiċ-ċirkulazzjoni fid-data tal-iskema ta’ riżoluzzjoni f’azzjonijiet ġodda maħruġa minn Banco Popular, l-“azzjonijiet ġodda I”;

–        sussegwentement, li jiżvaluta għal żero l-valur nominali tal-“azzjonijiet ġodda I” fatt li wassal għall-annullament ta’ 100 % ta’ dawn l-“azzjonijiet ġodda I”;

–        fl-aħħar, li jikkonverti l-ammont prinċipali kollu tal-istrumenti ta’ fondi proprji tal-kategorija 2 maħruġa minn Banco Popular u fiċ-ċirkulazzjoni fid-data tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni f’azzjonijiet ġodda maħruġa minn Banco Popular, l-“azzjonijiet ġodda II”.

74      L-Artikolu 6.3 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni jipprovdi li dawn il-miżuri ta’ żvalutazzjoni u ta’ konverżjoni huma bbażati fuq il-valutazzjoni 2, ikkorroborati mir-riżultati ta’ proċess ta’ bejgħ trasparenti u miftuħ imwettaq mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni Spanjola, il-FROB.

75      Fl-Artikolu 6.5 tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, is-SRB indika li huwa kien qiegħed jeżerċita s-setgħat mogħtija lilu mill-Artikolu 24(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014, dwar l-għodda ta’ bejgħ ta’ operat u li kien qiegħed jordna li l-“azzjonijiet ġodda II” jiġu ttrasferiti lil Banco Santander, liberi u mingħajr ebda dritt jew privileġġ favur terz, inkambju għall-ħlas ta’ prezz tax-xiri ta’ EUR 1. Ġie ppreċiżat li l-akkwirent kien diġà ta l-kunsens tiegħu għat-trasferiment.

76      Is-SRB indika wkoll li t-trasferiment tal-“azzjonijiet ġodda II” kellu jsir abbażi tal-offerta vinkolanti tal-akkwirent tas‑7 ta’ Ġunju 2017 u kellu jiġi implimentat mill-FROB b’applikazzjoni tal-Ley 11/2015 de recuperación y resolución de entidades de credito y empresas de servicios de inversión (il-Liġi 11/2015 dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-impriżi tas-servizzi ta’ investiment) tat-18 ta’ Ġunju 2015 (BOE Nru 146, tad‑19 ta’ Ġunju 2015, p. 50797, iktar ’il quddiem “il-Liġi 11/2015”).

77      L-iskema ta’ riżoluzzjoni ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni fis‑7 ta’ Ġunju 2017 fil-5:13 a.m..

78      Fis‑7 ta’ Ġunju 2017 fis-6.30 a.m., il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni (UE) 2017/1246 li tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular (ĠU 2017, L 178, p. 15), u nnotifikatha lis-SRB. Konsegwentement, il-mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni daħal fis-seħħ fl-istess ġurnata.

79      Mill-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2017/1246 jirriżulta dan li ġej:

“Il-Kummissjoni taqbel mal-iskema ta’ riżoluzzjoni. B’mod partikulari taqbel mar-raġunijiet mogħtija mis-SRB li minħabba fihom hi neċessarja r-riżoluzzjoni fl-interess pubbliku skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014.”

80      Fl-istess jum, il-FROB adotta l-miżuri neċessarji sabiex jimplimenta l-iskema ta’ riżoluzzjoni, konformement mal-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 806/2014. F’dan il-kuntest, il-FROB ta l-kunsens tiegħu għat-trasferiment tal-azzjonijiet ġodda ta’ Banco Popular li rriżultaw mill-konverżjoni tal-istrumenti ta’ fondi proprji tal-kategorija 2 (l-“azzjonijiet ġodda II”) lil Banco Santander.

D.      Fuq ilfatti wara ladozzjoni taddeċiżjoni ta’ riżoluzzjoni

81      Fl‑14 ta’ Ġunju 2018, Deloitte bagħtet lis-SRB il-valutazzjoni tad-differenza fit-trattament prevista fl-Artikolu 20(16) sa (18) tar-Regolament Nru 806/2014, imwettqa sabiex jiġi ddeterminat jekk l-azzjonisti u l-kredituri kinux jibbenefikaw minn trattament aħjar kieku l-Banco Popular kien ġie suġġett għal proċedura normali ta’ insolvenza (iktar ’il quddiem il-“valutazzjoni 3”). Fil‑31 ta’ Lulju 2018, Deloitte bagħtet addendum lis-SRB għal din il-valutazzjoni li tikkoreġi ċerti żbalji formali.

82      Fit‑28 ta’ Settembru 2018, wara fużjoni permezz ta’ akkwiżizzjoni, Banco Santander sar is-suċċessur b’titolu universali ta’ Banco Popular.

83      Fis‑17 ta’ Marzu 2020, is-SRB adotta d-Deċiżjoni SRB/EES/2020/52 intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk kellux jingħata kumpens għad-danni lill-azzjonisti u lill-kredituri kkonċernati mill-miżuri ta’ riżoluzzjoni mwettqa fir-rigward ta’ Banco Popular. Avviż dwar din id-deċiżjoni ġie ppubblikat fl‑20 ta’ Marzu 2020 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2020, C 91, p. 2). F’din id-deċiżjoni, is-SRB qies li l-azzjonisti u l-kredituri li kienu ġew affettwati mir-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular ma kellhomx id-dritt għal kumpens għad-danni mis-SRF skont l-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament Nru 806/2014.

III. Ilproċedura u ttalbiet talpartijiet

84      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑7 ta’ Awwissu 2017, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

85      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru fil‑31 ta’ Ottubru 2017, is-SRB talab lill-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 92(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, tordna miżuri istruttorji dwar il-produzzjoni ta’ ċerti dokumenti elenkati fl-anness. B’deċiżjoni tat‑28 ta’ Novembru 2017, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma tilqax din it-talba għal miżuri istruttorji f’dan l-istadju tal-proċedura.

86      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fis‑6 ta’ Novembru u fil‑5 ta’ Diċembru 2017 rispettivament, Banco Santander u r-Renju ta’ Spanja talbu li jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni u tas-SRB.

87      Fis‑16 ta’ Frar 2018, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, stiednet lis-SRB jiddepożita l-aħħar verżjoni mhux kunfidenzjali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kif ukoll verżjoni mhux kunfidenzjali tal-valutazzjoni 2, ippubblikata fuq is-sit internet tiegħu. Is-SRB ippreżenta d-dokumenti fit-terminu stabbilit.

88      Fis‑6 ta’ Lulju 2018, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet xi mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet. Il-partijiet prinċipali wieġbu għal dawn il-mistoqsijiet fit-terminu stabbilit.

89      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑1 ta’ Awwissu 2018, ir-rikorrenti ressqu talba għal trattament kunfidenzjali ta’ ċerti annessi mar-rikors fir-rigward ta’ Banco Santander u tar-Renju ta’ Spanja.

90      Permezz ta’ digrieti tat‑12 ta’ April 2019, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali ppermetta l-interventi tar-Renju ta’ Spanja u ta’ Banco Santander u laqa’ t-talbiet tar-rikorrenti għal trattament kunfidenzjali ppreżentati mir-rikorrenti fir-rigward tagħhom.

91      Permezz ta’ ittra mibgħuta lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑16 ta’ April 2019, ir-rikorrenti ressqu talba sabiex jiġu emendati t-talbiet għal miżuri istruttorji inklużi fir-rikors u fir-replika. Il-Kummissjoni, is-SRB, kif ukoll ir-Renju ta’ Spanja u Banco Santander issottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din it-talba fit-terminu stabbilit.

92      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Mejju 2019, ir-rikorrenti ppreżentaw proposta ġdida ta’ provi skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura. Il-Kummissjoni u s-SRB ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din il-prova ġdida fit-terminu stabbilit.

93      Ir-Renju ta’ Spanja u Banco Santander ressqu kull wieħed in-nota ta’ intervent tagħhom fl‑4 ta’ Lulju 2019 u r-rikorrenti u s-SRB ressqu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dawk in-noti fit-terminu stabbilit.

94      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, skont l-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Imħallef Relatur ġie assenjat it-Tielet Awla, u, konsegwentement, din il-kawża ġiet assenjata lilha.

95      Fuq proposta tat-Tielet Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

96      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑9 ta’ Ottubru 2020, ir-rikorrenti ppreżentaw proposta ta’ provi ġodda skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura. Il-Kummissjoni u s-SRB kif ukoll ir-Renju ta’ Spanja u Banco Santander ressqu osservazzjonijiet dwar din il-prova ġdida fit-terminu stabbilit.

97      Fis‑16 ta’ Marzu 2021, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali stiednet lis-SRB sabiex jipproduċi diversi dokumenti. Permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Marzu 2021, is-SRB wieġeb li d-dokumenti mitluba kienu parzjalment kunfidenzjali u setgħu jiġu prodotti jekk il-Qorti Ġenerali tadotta miżura istruttorja.

98      B’digriet tat‑12 ta’ Mejju 2021, il-Qorti Ġenerali ordnat lis-SRB, fuq il-bażi, minn naħa, tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 91(b), tal-Artikolu 92(3), kif ukoll tal-Artikolu 103 tar-Regoli ta’ Proċedura, sabiex jipproduċi l-verżjonijiet sħaħ tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, tal-valutazzjoni 2, tal-evalwazzjoni tal-BĊE tas‑6 ta’ Ġunju 2017 dwar is-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular u tal-ittra tal-BĊE lil Banco Popular tat‑18 ta’ Mejju 2017. Il-Qorti Ġenerali ordnat wkoll lis-SRB jipproduċi l-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tal-ittra tal-BĊE lil Banco Popular tat‑18 ta’ Mejju 2017.

99      B’digriet tad‑9 ta’ Ġunju 2021, il-Qorti Ġenerali sfilzat mill-proċess il-verżjonijiet kunfidenzjali tad-dokumenti prodotti mis-SRB skont id-digriet tat‑12 ta’ Mejju 2021.

100    Minħabba impediment ta’ żewġ membri tat-Tielet Awla, il-President tal-Qorti Ġenerali ħatar żewġ imħallfin oħra sabiex jikkompletaw l-awla.

101    Instemgħu t-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmulin mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta tas‑16 ta’ Ġunju 2021.

102    Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-iskema ta’ riżoluzzjoni u d-Deċiżjoni 2017/1246 (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien bħala, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”) u, għaldaqstant, tikkundanna lill-Kummissjoni u lis-SRB sabiex jirrestitwixxu l-investimenti tagħhom fil-Banco Popular jew, alternattivament, tordnalhom iħallsu kumpens għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħhom;

–        tordna lill-Kummissjoni u lis-SRB sabiex iħallsuhom kumpens għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħhom;

–        tikkonstata n-nullità tal-valutazzjoni 2 u tikkundanna lill-Kummissjoni u lis-SRB sabiex iħallsuhom kumpens;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni u lis-SRB għall-ispejjeż;

–        tordna li l-ammonti kollha mogħtija lir-rikorrenti jakkumulaw interessi kumpensatorji mit‑23 ta’ Mejju 2017 jew, sussidjarjament, mis‑7 ta’ Ġunju 2017, sad-data tal-għoti tas-sentenza, kif ukoll interessi moratorji kkalkulati sa mid-data tas-sentenza, bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż tal-kawża preżenti, li jibdew jakkumulaw interessi moratorji biss mid-data tas-sentenza; u

–        tagħtihom il-benefiċċju ta’ kwalunkwe kumpens addizzjonali ieħor meqjus xieraq;

103    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors għal annullament bħala infondat;

–        tiċħad l-azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali bħala inammissibbli jew, alternattivament, bħala infondata;

–        tiċħad l-appell kontra l-valutazzjoni 2 bħala inammissibbli;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

104    Is-SRB jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

105    Banco Santander, ir-Renju ta’ Spanja jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

IV.    Iddritt

106    Ir-rikors huwa essenzjalment maqsum fi tliet talbiet. L-ewwel sett ta’ talbiet tar-rikorrenti huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, it-tieni sett ta’ talbiet jinkludi fih talbiet għal kumpens u t-tielet sett ta’ konklużjonijiet huwa intiż għall-annullament tal-valutazzjoni 2 u għall-ksib ta’ kumpens.

A.      Fuq ittalba għallannullament taddeċiżjonijiet kkontestati

107    Insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 806/2014. It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ u tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl, sanċiti fl-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar in-noti ta’ intervent, ir-rikorrenti jinvokaw motiv ġdid ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 806/2014.

108    Preliminarjament, hemm lok li jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-portata tal-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti Ġenerali, is-SRB isostni li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ ta’ kwistjonijiet tekniċi kumplessi, il-qorti tal-Unjoni għandha teżamina l-konstatazzjonijiet fattwali u legali magħmula mill-awtorità, tivverifika li l-miżura adottata ma hijiex ivvizzjata minn żball manifest jew użu ħażin tal-poter u tivverifika li l-awtorità ma tkunx qabżet b’mod ċar il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha.

109    Ir-rikorrenti jqisu li l-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju invokati mis-SRB ma japplikawx fil-każ ineżami.

110    F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza ddemarkat il-portata tal-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti Ġenerali kemm f’sitwazzjonijiet fejn l-att ikkontestat huwa bbażat fuq evalwazzjoni ta’ elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika kumplessi ħafna kif ukoll f’każijiet ta’ evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi.

111    Minn naħa, fir-rigward tas-sitwazzjonijiet li fihom l-awtoritajiet tal-Unjoni jiddisponu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika kumplessa ħafna sabiex jistabbilixxu n-natura u l-portata tal-miżuri li huma jadottaw, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għal eżami dwar jekk l-eżerċizzju ta’ tali setgħa huwiex ivvizzjat minn żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poter jew jekk dawn l-awtoritajiet ikunux eċċedew b’mod manifest il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom. F’tali kuntest, il-qorti tal-Unjoni ma tistax fil-fatt tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika għal dik tal-awtoritajiet tal-Unjoni li lilhom biss it-Trattat FUE ta dan il-kompitu (sentenzi tal‑21 ta’ Lulju 2011, Etimine, C‑15/10, EU:C:2011:504, punt 60, u tas‑7 ta’ Marzu 2013, Bilbaína de Alquitranes et vs ECHA, T‑93/10, EU:T:2013:106, punt 76; ara, ukoll, is-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Deza vs ECHA, T‑115/15, EU:T:2017:329, punt 163 u l-ġurisprudenza ċċitata).

112    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-istħarriġ li l-qrati tal-Unjoni jeżerċitaw fuq l‑evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi mwettqa mill-awtoritajiet tal-Unjoni, dan huwa stħarriġ limitat li neċessarjament huwa limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, tal-preċiżjoni materjali tal-fatti kif ukoll tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter. Fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, għalhekk ma huwiex l-imħallef tal-Unjoni li għandu jissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tiegħu għal dik tal-awtorità kompetenti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 1985, Remia et vs Il‑Kummissjoni, 42/84, EU:C:1985:327, punt 34); tal‑10 ta’ Diċembru 2020, Comune di Milano vs Il‑Kummissjoni, C‑160/19 P, EU:C:2020:1012, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑16 ta’ Jannar 2020, Iberpotash vs Il‑Kummissjoni, T‑257/18, EU:T:2020:1, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).

113    Peress li d-deċiżjonijiet li s-SRB huwa meħtieġ li jadotta fil-kuntest ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni huma bbażati fuq evalwazzjonijiet ekonomiċi u tekniċi kumplessi ħafna, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 111 u 112 iktar ’il fuq japplikaw għall-istħarriġ li l-qorti hija mitluba teżerċita.

114    Madankollu, għalkemm huwa rikonoxxut li s-SRB għandu marġni ta’ diskrezzjoni fil-qasam ekonomiku u tekniku, dan ma jfissirx li l-qorti tal-Unjoni għandha tastjeni milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, imwettqa mis-SRB, ta’  data ta’ natura ekonomika li sservi bħala bażi għad-deċiżjoni tiegħu. Fil-fatt, hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, anki fil-każ ta’ evalwazzjonijiet kumplessi, il-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika mhux biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex tali li jsostnu l-konklużjonijiet li jirriżultaw minnhom (ara s-sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing, C‑525/04 P, EU:C:2007:698, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata; tas‑26 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑621/16 P, EU:C:2019:251, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑10 ta’ Diċembru 2020, Comune di Milano vs Il‑Kummissjoni, C‑160/19 P, EU:C:2020:1012, punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata).

115    F’dan ir-rigward, sabiex jiġi stabbilit li s-SRB wettaq żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti ta’ natura li jiġġustifika l-annullament tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, il-provi prodotti mir-rikorrenti għandhom ikunu suffiċjenti sabiex irendu mhux plawżibbli l-evalwazzjonijiet tal-fatti mwettqa f’din l-iskema (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2018, Lubrizol France vs Il‑Kunsill, C‑223/17 P, mhux ippubblikati, EU:C:2018:442, punt 39; tat‑12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il‑Kummissjoni, T‑380/94, EU:T:1996:195, punt 59, u tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Comune di Milano vs Il‑Kummissjoni, T‑167/13, EU:T:2018:940, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata).

1.      Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq ksur talArtikolu 18 tarRegolament Nru 806/2014

116    Ir-rikorrenti jsostnu li s-SRB kiser l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 sa fejn il-kundizzjonijiet previsti f’dak l-artikolu għall-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni ma ġewx issodisfatti. Dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet, ibbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 18(1)(a) sa (c) tar-Regolament Nru 806/2014.

117    L-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprevedi li s-SRB għandu jadotta skema ta’ riżoluzzjoni biss jekk iqis li l-kundizzjonijiet li ġejjin huma ssodisfatti:

“(a)      l-entità qed tfalli jew x’aktarx li tfalli;

(b)      b’kont meħud taż-żmien u ta’ ċirkostanzi rilevanti oħra, ma hemmx prospett raġonevoli li xi miżura alternattiva tas-settur privat, inklużi miżuri minn IPS, jew azzjoni ta’ superviżjoni, inklużi miżuri ta’ intervent bikri jew valwazzjoni negattiva jew konverżjoni tal-istrumenti kapitali rilevanti skont l-Artikolu 21, meħuda fir-rigward tal-entità, jistgħu jimpedixxu l-falliment tagħha f’limitu ta’ żmien raġonevoli;

ċ)      hija meħtieġa azzjoni ta’ riżoluzzjoni fl-interess pubbliku skont il-paragrafu 5.”

a)      Fuq lewwel parti, ibbażata fuq ksur talArtikolu 18(1)(a) tarRegolament Nru 806/2014

118    Ir-rikorrenti jirrilevaw li s-SRB ikkonkluda li l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014 ġiet issodisfatta minħabba problema ta’ likwidità ta’ Banco Popular u mhux tas-solvenza. Essenzjalment, ir-rikorrenti jinvokaw tliet ilmenti. Huma jsostnu li s-SRB u l-Kummissjoni ma setgħux jikkonkludu li Banco Popular kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li aktarx ser iseħħ, sa fejn, fl-ewwel lok, billi kellu jaffaċċja problema ta’ likwidità, il-bank kellu b’mod prijoritarju jibbenefika minn assistenza likwida, fit-tieni lok, din is-sitwazzjoni rriżultat mill-ksur tal-obbligi ta’ kunfidenzjalità tas-SRB u, fit-tielet lok, din is-sitwazzjoni rriżultat minn ksur mis-SRB u mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

119    Preliminarjament, għandha tiġi eżaminata l-applikazzjoni, f’dan il-każ, tal-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014, li skontha l-entità tkun f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li aktarx ser iseħħ.

120    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, fis‑6 ta’ Ġunju 2017, il-BĊE wettaq evalwazzjoni dwar is-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular, wara li kkonsulta lis-SRB, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014. F’din l-evalwazzjoni, il-BĊE, filwaqt li ħa inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-ħruġ eċċessiv ta’ depożiti, il-ħeffa li biha l-bank kien tilef il-likwidità u l-inkapaċità tiegħu li jiġġenera likwiditajiet oħrajn, ikkunsidra li kienu jeżistu elementi oġġettivi li jindikaw li Banco Popular probabbilment ma kienx ser ikun f’pożizzjoni fil-futur qarib li jħallas id-djun tiegħu jew l-obbligi l-oħra tiegħu meta dawn jilħqu l-maturità tagħhom. Il-BĊE kkonkluda li l-falliment ta’ Banco Popular kien meqjus li seħħ jew, fi kwalunkwe każ, li aktarx ser iseħħ fil-futur qarib, b’mod konformi mal-Artikolu 18(1)(a) u l-Artikolu 18(4)(c) tar-Regolament Nru 806/2014.

121    Fit-tieni lok, b’ittra tas‑6 ta’ Ġunju 2017, il-bord tad-diretturi ta’ Banco Popular informa lill-BĊE li kien wasal għall-konklużjoni li l-bank kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li x’aktarx ser iseħħ.

122    Fl-ittra tiegħu lill-BĊE tas‑6 ta’ Ġunju 2017, Banco Popular jirreferi għan-notifika magħmula lill-BĊE skont l-Artikolu 414 tar-Regolament Nru 575/2013 dwar il-ksur tar-rekwiżiti minimi fil-qasam tal-kopertura tal-bżonnijiet ta’ likwidità u jirreferi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Bord tad-Diretturi tagħha, li tinsab fl-anness, li skontha Banco Popular kien f’sitwazzjoni ta’ falliment, u għall-informazzjoni u l-analiżi li fuqhom dan tal-aħħar kien ibbaża ruħu sabiex jasal għal dik il-konklużjoni.

123    F’din l-ittra, hemm indikat:

“Skont l-Artikolu 21.4 tal-Liġi 11/2015 u l-Artikoli 45 u 46 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1075 [tal-Kummissjoni tat‑23 ta’ Marzu 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kontenut tal-pjanijiet ta’ rkupru, il-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni u l-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni tal-grupp, il-kriterji minimi li l-awtorità kompetenti trid tivvaluta fir-rigward tal-pjanijiet ta’ rkupru u l-pjanijiet ta’ rkupru tal-grupp, il-kundizzjonijiet għall-appoġġ finanzjarju tal-grupp, ir-rekwiżiti għall-valutaturi indipendenti, ir-rikonoxximent kuntrattwali tas-setgħat ta’ żvalutazzjoni u ta’ konverżjoni u l-avviż tas-sospensjoni u l-funzjonament operattivi tal-kulleġġi ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2016, L 184, p. 1)], Banco Popular nnotifika bil-preżenti li l-kunsill ta’ amministrazzjoni tiegħu evalwa li l-bank kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li x’aktarx ser iseħħ.”

124    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li, fil-minuti parzjali tiegħu tas‑6 ta’ Ġunju 2017, annessi ma’ dik l-ittra, il-kunsill ta’ amministrazzjoni ta’ Banco Popular indika li kien f’sitwazzjoni ta’ falliment, iżda wkoll li kien ser ikompli jagħmel dak kollu li kien fis-setgħa tiegħu sabiex jirrimedja din is-sitwazzjoni fl-istennija ta’ għoti urġenti ta’ likwidità.

125    Hemm lok li jiġi kkonstatat li, fil-minuti parzjali tiegħu tas‑6 ta’ Ġunju 2017, il-kunsill ta’ amministrazzjoni ta’ Banco Popular enfasizza d-diffikultajiet li ltaqa’ magħhom Banco Popular, jiġifieri proporzjonijiet ta’ fondi proprji tal-grupp iktar baxxi minn dawk tal-kompetituri ewlenin tiegħu, espożizzjoni għolja għall-assi mhux produttivi u kopertura iżgħar minn dawn tal-aħħar meta mqabbla ma’ istituzzjonijiet Spanjoli ewlenin u, b’mod partikolari, il-pubblikazzjoni ta’ artikli fl-istampa fix-xhur preċedenti dwar is-saħħa finanzjarja tal-grupp u l-effetti tagħhom fuq is-sitwazzjoni tal-likwidità tiegħu. Huwa nnota wkoll it-tnaqqis tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, it-tnaqqis fil-prezz tal-ishma ta’ Banco Popular matul is-sena 2017 kif ukoll id-deterjorament tas-sitwazzjoni ta’ likwidità u ta’ finanzjament tal-bank. Il-kunsill ta’ amministrazzjoni qies li s-sitwazzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular marret għall-agħar sal-punt li saret insostenibbli u li n-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżit ta’ kopertura tal-ħtiġijiet ta’ likwidità ma kienx għadu provviżorju u kien sinjifikattiv għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-falliment tiegħu. Għalhekk ikkonkluda li Banco Popular, f’dik id-data, kien ikkunsidrat bħala fallut.

126    Din il-konklużjoni ma tistax titpoġġa f’dubju mill-fatt li l-kunsill ta’ amministrazzjoni żied li, sakemm l-awtoritajiet kompetenti ma jiħdux deċiżjoni wara l-komunikazzjoni tal-konklużjoni tiegħu lill-BĊE, huwa ser ikompli jfittex soluzzjoni privata għas-sitwazzjoni attwali permezz ta’ operazzjoni korporattiva u jkompli jaħdem fuq pjanijiet oħra ta’ azzjoni li jistgħu jippermettu lill-istituzzjoni tiġbor il-kapital.

127    Fit-tielet lok, fl-Artikolu 2 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB fakkar il-konklużjoni tal-evalwazzjoni tal-BĊE u kkonkluda, fl-Artikolu 2.2 li, wara l-evalwazzjoni tal-BĊE, il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014 kienet ġiet issodisfatta.

128    Għalhekk, f’dan il-każ, is-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular ġiet ikkonstatata fuq il-bażi tal-Artikolu 18(4)(c) tar-Regolament Nru 806/2014, li skontu, għall-finijiet tal-paragrafu 1(a) tal-istess artikolu, il-falliment ta’ entità jitqies bħala li seħħ jew li aktarx ser iseħħ jekk din issib ruħha fis-sitwazzjoni li ġejja:

“[L]-entità hija, jew hemm elementi oġġettivi li jsostnu determinazzjoni li dik l-entità se tkun, fil-futur qrib, f’pożizzjoni li ma tistax tħallas id-dejn tagħha jew obbligazzjonijiet oħrajn malli jsiru dovuti.”

129    Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi rrilevat li la l-BĊE u lanqas is-SRB ma bbażaw ruħhom fuq is-sitwazzjoni prevista fl-Artikolu 18(4)(b) tar-Regolament Nru 806/2014, skont liema l-falliment ta’ entità jitqies bħala li seħħ jew li aktarx ser iseħħ meta “l-assi tal-entità huma, jew hemm elementi oġġettivi li jsostnu determinazzjoni li l-assi tal-entità se jkunu, fil-futur qrib, inqas mill-obbligazzjonijiet tagħha”.

130    Għaldaqstant, l-insolvenza tal-entità ma hijiex kundizzjoni għall-konstatazzjoni tal-falliment li seħħ jew li aktarx ser iseħħ abbażi tal-Artikolu 18(4)(c) tar-Regolament Nru 806/2014 u, għalhekk, ma hijiex kundizzjoni għall-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni.

131    F’dan ir-rigward, kif jirrileva s-SRB, mill-premessa 57 tar-Regolament Nru 806/2014 jirriżulta li:

“Id-deċiżjoni li entità tiddaħħal fi proċess ta’ riżoluzzjoni għandha tittieħed qabel ma entità finanzjarja ssir insolventi skont il-karta tal-bilanċ u qabel tispiċċa fix-xejn l-ekwità kollha. Riżoluzzjoni għandha tinbeda wara li jiġi determinat li entità qed tfalli jew x’aktarx li se tfalli u li l-ebda miżura alternattiva tas-settur privat mhi se tipprevjeni tali falliment f’qafas ta’ żmien raġonevoli.”

132    Minn dan jirriżulta li l-insolvenza ta’ Banco Popular ma kinitx tikkostitwixxi l-unika ipoteżi li fiha seta’ jitqies f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li aktarx ser iseħħ fis-sens tal-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014.

133    Billi s-sitwazzjoni prevista fl-Artikolu 18(4)(c) tar-Regolament Nru 806/2014 ma tirrikjedix li l-entità kkonċernata tkun insolventi, l-argumenti tar-rikorrenti li jenfasizzaw li Banco Popular kien solventi fid-data tal-iskema ta’ riżoluzzjoni huma ineffettivi. Fil-fatt, il-fatt li entità tkun solventi fuq il-karta tal-bilanċ tagħha ma jimplikax li għandha likwidità suffiċjenti, jiġifieri, fondi disponibbli sabiex tħallas id-djun tagħha jew obbligi oħra li jilħqu l-maturità tagħhom.

134    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jammettu li Banco Popular kellu problemi ta’ likwidità fid-data tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. Barra minn hekk, huma ma jqajmu l-ebda argument intiż li jikkontesta l-fatt li Banco Popular kien, fid-data tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, fis-sitwazzjoni prevista fl-Artikolu 18(4)(c) tar-Regolament Nru 806/2014, jiġifieri li Banco Popular fil-futur qarib probabbilment mhux ser tkun f’pożizzjoni li tħallas id-djun tagħha jew obbligi oħra meta dawn jilħqu l-maturità tagħhom.

135    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fil-premessa 23 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB, filwaqt li għamel riferiment għall-evalwazzjoni mwettqa mill-BĊE, ikkonstata li s-sitwazzjoni tal-likwidità ta’ Banco Popular kienet iddeterjorat b’mod sinjifikattiv minn Ottubru 2016, minħabba ġbid ta’ depożiti fis-segmenti kollha tal-klijentela. Minn dan huwa ddeduċa li l-bank ma kellux opzjonijiet suffiċjenti sabiex jirrestawra l-pożizzjoni ta’ likwidità tiegħu bil-għan li jiżgura li jkun f’pożizzjoni stabbli sabiex jissodisfa l-obbligi tiegħu meta dawn jilħqu l-maturità tagħhom.

136    Fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB elenka d-diversi avvenimenti li wasslu, minn Frar 2017, għal deterjorament rapidu tal-pożizzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular. Is-SRB jirreferi b’mod partikolari għall-pubblikazzjoni, fi Frar 2017, tar-rapport annwali tal-2016 ta’ Banco Popular li ħabbar telf konsolidat ta’ EUR 3.485 biljun, ħtieġa għal provvedimenti eċċezzjonali li jammontaw għal EUR 5.7 biljun u l-ħatra ta’ president ġdid, kif ukoll għall-pubblikazzjoni f’Mejju tal-2017, tar‑rapport finanzjarju għall‑ewwel trimestru tal‑2017 li jħabbar ir-riżultati inqas tajbin minn dawk mistennija mis‑suq. Is-SRB rrefera għat-tnaqqis fil-grad ta’ Banco Popular minn diversi aġenziji tal-klassifikazzjoni fi Frar, f’April u f’Ġunju tal-2017. Huwa rrileva wkoll li l-kopertura kontinwa negattiva tal-media dwar ir-riżultati finanzjarji u dwar ir-riskju allegatament imminenti ta’ falliment jew ta’ nuqqas ta’ likwidità wasslu għal żieda fil-ħruġ tad-depożiti.

137    Barra minn hekk, is-SRB indika li, fit‑12 ta’ Mejju 2017, ir-rekwiżit għall-kopertura tal-bżonnijiet ta’ likwidità ta’ Banco Popular kien waqa’ taħt il-limitu minimu ta’ 80 % stabbilit mill-Artikolu 460(2)(c) tar-Regolament Nru 575/2013 u li Banco Popular ma kienx irnexxilu jirrestawra l-konformità tiegħu ma’ dan il-limitu fid-data tal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

138    Fir-rapport tiegħu tal‑5 ta’ Ġunju 2017 dwar it-talba għal assistenza likwida ta’ emerġenza ta’ Banco, il-BĊE indika wkoll li, bħala riżultat tal-ġbid massiv ta’ depożiti u tnaqqis sinjifikattiv fl-assi likwidi ta’ kwalità għolja (high quality liquid assets), Banco Popular fit‑12 ta’ Mejju 2017, kien kiser il-limitu ta’ kopertura ta’ likwidità ta’ 80 % u ma kienx f’pożizzjoni minn dakinhar li jerġa’ jistabbilixxi l-konformità mal-limiti regolatorji.

139    L-Artikolu 412(1) tar-Regolament Nru 575/2013 jiddefinixxi r-rekwiżit ta’ kopertura tal-ħtiġijiet tal-likwidità kif ġej:

“L-istituzzjonijiet għandu jkollhom assi likwidi, li s-somma tal-valuri tagħhom tkopri l-ħruġ ta’ likwidità imnaqqas mid-dħul tal-likwidità f’kondizzjonijiet ta’ stress sabiex ikun żgurat li l-istituzzjonijiet iżommu livelli ta’ riżervi ta’ likwidità li jkunu adegwati biex jiffaċċjaw kwalunkwe żbilanċ possibbli bejn id-dħul u l-ħruġ ta’ likwidità f’kondizzjonijiet ta’ stress kbir fuq perijodu ta’ tletin ġurnata. Waqt żmien ta’ stress, l-istituzzjonijiet jistgħu jużaw l-assi likwidi tagħhom biex ikopru l-flussi ‘l barra netti ta’ likwidità tagħhom.”

140    Dawn l-elementi differenti jinsabu fil-linji gwida tal-Awtoriità Bankarja Ewropea (EBA), tas‑6 ta’ Awwissu 2015 dwar l-interpretazzjoni tas-sitwazzjonijiet differenti li fihom il-falliment ta’ istituzzjoni jitqies bħala li seħħ jew li aktarx ser iseħħ skont l-Artikolu 32(6) tad-Direttiva 2014/59 (EBA/GL/2015/07) (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal-EBA”).

141    Dawn il-Linji Gwida, applikabbli mill‑1 ta’ Jannar 2016, għandhom l-għan li jipprovdu ġabra ta’ elementi oġġettivi li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk entità tkunx f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li aktarx ser iseħħ, skont iċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 32(4)(a) sa (c) tad-Direttiva 2014/59. Il-kliem tal-Artikolu 32(4)(c) tad-Direttiva 2014/59 huwa identiku għal dak tal-Artikolu 18(4)(c) tar-Regolament Nru 806/2014.

142    It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprevedi li s-SRB, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jagħmlu kull sforz sabiex jikkonformaw mal-linji gwida u mar-rakkomandazzjonijiet tal-EBA relatati mal-kompiti li jistgħu jitwettqu minn dawn il-korpi.

143    Skont il-Linji Gwida tal-EBA, istituzzjoni għandha titqies f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li aktarx ser iseħħ, fis-sens tal-Artikolu 32(4)(c) tad-Direttiva 2014/59, jekk tikser ir-rekwiżiti regolatorji tal-likwidità, jekk ma tkunx f’pożizzjoni li tħallas id-djun tagħha jew obbligi oħra meta dawn jilħqu l-maturità tagħhom jew jekk ikunu jeżistu elementi oġġettivi li jippermettu li jiġi konkluż li dan ser iseħħ fil-futur qarib.

144    Fost l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, il-Linji Gwida tal-EBA jsemmu, b’mod partikolari: fl-ewwel lok, kull avveniment sfavorevoli sinjifikattiv li jaffettwa l-iżvilupp tal-pożizzjoni ta’ likwidità tal-istituzzjoni u l-vijabbiltà tal-profil ta’ finanzjament tagħha kif ukoll il-kapaċità tagħha li tosserva r-rekwiżiti minimi tal-likwidità previsti fir-Regolament Nru 575/2013 u r-rekwiżiti addizzjonali imposti skont l-Artikolu 105 ta’ dan ir-regolament jew kwalunkwe rekwiżit minimu nazzjonali ta’ likwidità; fit-tieni lok, kull żvilupp sfavorevoli sinjifikattiv fl-obbligi attwali u futuri tal-istituzzjoni, li l-evalwazzjoni tagħhom għandha tqis, fejn xieraq, il-ħruġ ta’ likwidità mistenni u eċċezzjonali, inkluż kwalunkwe sinjal ta’ ġbid massiv ta’ flus potenzjali mill-banek; fit-tielet lok, kull avveniment li jista’ jkun ta’ ħsara serja għar-reputazzjoni tal-istituzzjoni, b’mod partikolari, kwalunkwe tnaqqis sinjifikattiv fil-klassifikazzjoni tal-kreditu tagħha minn aġenzija tal-klassifikazzjoni waħda jew iktar li jirriżulta fi ħruġ sinjifikattiv ta’ kapital jew fl-inkapaċità li jiġġeddu l-finanzjament jew l-attivazzjoni ta’ klawżoli kuntrattwali abbażi ta’ kwalifiki esterni.

145    Minn dan jirriżulta li, għall-kuntrarju ta’ dak li jargumentaw ir-rikorrenti, nuqqas ta’ likwidità kien jikkostitwixxi ċirkustanza suffiċjenti sabiex tiġġustifika r-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular, speċjalment minħabba li din is-sitwazzjoni ma kinitx għadha provviżorja.

146    L-elementi varji kkunsidrati mill-BĊE u mis-SRB u, skont il-Linji Gwida tal-EBA, li barra minn hekk ma ġewx ikkontestati mir-rikorrenti, ippermettew li jiġi konkluż li Banco Popular kien jinsab f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, fis-sens tal-Artikolu 18(4)(c) tar-Regolament Nru 806/2014, fid-data tal-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

147    Minn dan isegwi li s-SRB u l-Kummissjoni ma wettqux żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qiesu li l-kundizzjoni prevista mill-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014 ġiet issodisfatta. Din il-konklużjoni ma tpoġġietx f’dubju mill-ilmenti mqajma mir-rikorrenti.

1)      Fuq lewwel ilment, dwar ilħtieġa għal għoti ta’ assistenza ta’ likwidità

148    Ir-rikorrenti jsostnu li, skont il-premessa 57 tar-Regolament Nru 806/2014, fejn tista’ tingħata assistenza likwida, din is-soluzzjoni għandha tipprevali fuq il-konstatazzjoni tal-falliment tal-bank. Il-ħtieġa li tiġi pprovduta likwidità tkun konvinċenti meta, bħal fil-każ preżenti, kienu l-istituzzjonijiet Ewropej u l-amministrazzjonijiet Spanjoli li kkawżaw in-nuqqas ta’ likwidità ta’ Banco Popular. Huma jinvokaw id-dikjarazzjoni tal-Presidenta tas-SRB tat‑23 ta’ Mejju 2017 waqt l-intervista tagħha mal-kanal tat-televiżjoni Bloomberg, l-artiklu ta’ Reuters tal‑31 ta’ Mejju 2017 u l-fatt li l-amministrazzjonijiet Spanjoli rtiraw biljuni ta’ euro ta’ depożiti ma’ Banco Popular, li ħolqu tnaqqis fl-istokk tal-Banco Popular u l-ġbid massiv ta’ depożiti. Għalhekk, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li s-SRB ma setax jikkonkludi li Banco Popular kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, peress li l-bank kien qiegħed jaffaċċja problema ta’ likwidità, u għalhekk għandu jibbenefika b’mod prijoritarju minn assistenza ta’ likwidità.

149    Dan l-ilment huwa bbażat fuq qari żbaljat tal-parti tal-premessa 57 tar-Regolament Nru 806/2014 li “[i]l-ħtieġa ta’ assistenza likwida ta’ emerġenza minn bank ċentrali ma għandhiex fiha nnfisha tkun kondizzjoni li turi b’mod suffiċjenti li entità hi jew x’aktarx fil-futur qarib, tkun inkapaċi tħallas l-obbligazzjonijiet tagħha hekk kif dawn isiru dovuti”.

150    Dik il-premessa għandha tiġi interpretata fis-sens li l-fatt li entità titlob u tingħata minn bank ċentrali nazzjonali assistenza likwida ta’ emerġenza ma jwassalx awtomatikament għall-konklużjoni li hija f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ fis-sens tal-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014.

151    Issa, kif tirreleva l-Kummissjoni, il-falliment ta’ Banco Popular ma kienx iddeterminat sempliċement mill-fatt li l-entità rċeviet assistenza ta’ likwidità urġenti jew kellha bżonn assistenza ta’ likwidità urġenti addizzjonali.

152    Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, ma jistax jiġi dedott mill-premessa 57 tar-Regolament Nru 806/2014 li, meta bank jiltaqa’ ma’ problemi ta’ likwidità, għandha tingħatalu assistenza ta’ likwidità urġenti qabel ma jiġi kkonstatat il-falliment tiegħu.

153    Barra minn hekk, fil-premessa 26(c) tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB kkonstata li Banco Popular kien irċieva assistenza ta’ likwidità urġenti fil‑5 ta’ Ġunju 2017, wara l-assenza ta’ oġġezzjoni mill-BĊE, iżda li l-Bank ta’ Spanja ma kienx f’pożizzjoni li jipprovdilu assistenza ta’ likwidità urġenti addizzjonali.

154    F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi nnotat li, f’ittra tal‑5 ta’ Ġunju 2017, il-Bank ta’ Spanja talab lill-BĊE l-qbil tiegħu għall-assistenza ta’ likwidità urġenti lil Banco Popular sabiex jaffaċċja l-kriżi severa ta’ likwidità li kien qiegħed ibati minnha. Issa, fl-istess jum, il-Bank ta’ Spanja bagħat ittra ġdida lill-BĊE li tinkludi talba għal estensjoni tal-assistenza ta’ likwidità urġenti favur Banco Popular, wara li dan tal-aħħar kien informah bil-movimenti ta’ likwidità estremament kbar. Dawn iż-żewġ ittri mibgħuta lill-BĊE fl-istess jum juru l-ħeffa li biha ddeterjorat is-sitwazzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular.

155    Kif jindikaw ir-rikorrenti nnifishom, il-ġbid massiv u kontinwu tad-depożiti wassal sabiex l-assistenza ta’ likwidità urġenti mogħtija mill-Bank ta’ Spanja tiġi eżawrita f’jum wieħed.

156    Hemm lok li jitfakkar ukoll li, fis‑6 ta’ Ġunju 2017, minħabba l-portata u l-ħeffa tal-ġbid tal-likwidità, il-BĊE u l-Kunsill ta’ Amministrazzjoni ta’ Banco Popular kkonkludew li l-bank ma kienx għadu f’pożizzjoni li jħallas id-djun tiegħu jew obbligi oħra bi skadenza fis‑7 ta’ Ġunju. B’hekk, ladarba ġie kkonstatat il-falliment ta’ Banco Popular, ma kinitx iktar prevedibbli assistenza ta’ likwidità urġenti.

157    Is-SRB ikkonstata wkoll, fl-Artikolu 3.2(d) tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, li assistenza ta’ likwidità urġenti kienet tkun insuffiċjenti fid-dawl tal-ħeffa tad-deterjorament tal-pożizzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular.

158    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li s-SRB ma għandu l-ebda rwol fl-għoti ta’ assistenza ta’ likwidità urġenti, li taqa’ taħt il-kompetenza tal-banek ċentrali nazzjonali, kif jirrikonoxxu r-rikorrenti.

159    Għaldaqstant, fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB ma setax ma jikkonstatax, minn naħa, li l-BĊE, fl-evalwazzjoni tiegħu fuq is-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular, kien qies li l-assistenza ta’ likwidità urġenti li kien approva ma kinitx ippermettiet li tissolva l-kriżi ta’ likwidità ta’ Banco Popular u, min-naħa l-oħra, li l-Bank ta’ Spanja ma kien ipprovda l-ebda assistenza ta’ likwidità urġenti addizzjonali lil Banco Popular.

160    Għaldaqstant, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

2)      Fuq ittieni lment, ibbażat fuq ilksur talobbligu ta’ motivazzjoni

161    Ir-rikorrenti jsostnu li l-falliment ta’ Banco Popular jirriżulta minn ksur mis-SRB tal-obbligi ta’ kunfidenzjalità previsti fl-Artikolu 339 TFUE u l-Artikoli 88 u 89 tar-Regolament Nru 806/2014. Is-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ likwidità ta’ Banco Popular kienet ikkawżata mid-dikjarazzjonijiet u l-iżvelar ta’ informazzjoni mis-SRB fit‑23 u l‑31 ta’ Mejju 2017, li wasslu għal ġbid massiv ta’ depożiti u t-tnaqqis fil-prezz tal-istokk ta’ Banco Popular. Ir-rikorrenti jsostnu li s-SRB ma setax jikkonkludi li Banco Popular kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ sa fejn dik is-sitwazzjoni rriżultat mill-ksur tal-obbligi ta’ kunfidenzjalità tas-SRB.

162    Il-Kummissjoni u s-SRB isostnu li l-validità ta’ skema ta’ riżoluzzjoni u l-approvazzjoni tagħha mill-Kummissjoni jirrikjedu biss li l-entità tkun f’sitwazzjoni ta’ falliment u li l-kundizzjonijiet l-oħra għar-riżoluzzjoni jkunu ssodisfatti fil-mument tal-adozzjoni tar-riżoluzzjoni. Ir-raġunijiet li wasslu għal din is-sitwazzjoni huma irrilevanti.

163    Għandu jiġi nnutat li anki jekk ir-rikorrenti jkunu stabbilixxew li s-SRB kien żvela informazzjoni kunfidenzjali lill-istampa, skont ġurisprudenza stabbilita, tali irregolarità tista’ twassal għall-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni jekk jiġi stabbilit li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, l-imsemmija deċiżjoni kien ikollha kontenut differenti (ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il‑Kummissjoni, T‑62/98, EU:T:2000:180, punt 283 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal‑5 ta’ April 2006, Degussa vs Il‑Kummissjoni, T‑279/02, EU:T:2006:103, punt 416 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑3 ta’ Marzu 2011, Siemens vs Il‑Kummissjoni, T‑110/07, EU:T:2011:68, punt 402 u l-ġurisprudenza ċċitata).

164    F’dan ir-rigward, kif issostni l-Kummissjoni u s-SRB, skema ta’ riżoluzzjoni tiġi adottata b’mod validu meta l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 jiġu ssodisfatti, irrispettivament mir-raġunijiet li wasslu lill-entità inkwistjoni għal sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ.

165    Għalhekk, is-SRB, wara li kkunsidra li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 kienu ssodisfatti, adotta l-iskema ta’ riżoluzzjoni u l-Kummissjoni, wara li kkunsidra li l-iskema ta’ riżoluzzjoni kienet konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 806/2014, approvat l-iskema ta’ riżoluzzjoni. Iċ-ċirkustanzi li wasslu lil Banco Popular sabiex jissodisfa l-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, b’mod partikolari l-kundizzjoni li kienet f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, huma irrilevanti.

166    Isegwi li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li d-dikjarazzjoni tal-Presidenta tas-SRB tat‑23 ta’ Mejju 2017 u l-artiklu ta’ Reuters tal‑31 ta’ Mejju 2017, imsemmija fil-punt 42 iktar ’il fuq, kienu s-sors tal-kriżi tal-likwidità ta’ Banco Popular ma humiex rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni dwar jekk il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014 ġietx issodisfatta u, għalhekk, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-validità tal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

167    F’dan ir-rigward, rabta kawżali allegata bejn dawn id-divulgazzjonijiet u l-kriżi tal-likwidità ta’ Banco Popular, invokata mir-rikorrenti, hija indifferenti u ma tistax twassal għall-annullament tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. Għall-kuntrarju, sa fejn ir-rikorrenti jsostnu li d-dikjarazzjoni mill-Presidenta tas-SRB tat‑23 ta’ Mejju 2017 u l-artiklu ta’ Reuters tal‑31 ta’ Mejju 2017 jikkostitwixxu ksur mis-SRB tal-obbligu tiegħu ta’ kunfidenzjalità li huwa l-kawża tad-dannu tagħhom, il-kontenut tagħhom ser jiġi eżaminat fil-kuntest tat-tieni talba għal kumpens.

168    Ir-rikorrenti jikkontestaw l-argument li r-raġunijiet li wasslu lill-bank sabiex ikun f’sitwazzjoni ta’ falliment ma humiex rilevanti. Huma jargumentaw li, f’każ bħal dan, is-SRB, il-Kummissjoni u l-FROB għandhom marġni ta’ diskrezzjoni mhux previst fir-Regolament Nru 806/2014 u li dan imur kontra l-prinċipju nemo auditur propriam turpitudinem allegans.

169    Fir-rigward tal-invokazzjoni mir-rikorrenti ta’ dan il-prinċipju li skontu ħadd ma jista’ jinvoka l-imġiba ħażina tiegħu lejn oħrajn sabiex jikseb vantaġġ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, kif għamel is-SRB, li dan il-prinċipju ma huwiex applikabbli fil-każ preżenti. Kif jirreleva s-SRB, dan il-prinċipju japplika meta parti tfittex li tagħmel profitt indebitu mill-imġiba ħażina tagħha stess. Issa, ir-rikorrenti ma jindikawx liema vantaġġ kienu kisbu s-SRB jew il-Kummissjoni mill-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

170    Għaldaqstant, it-tieni lment għandu jiġi miċħud.

3)      Fuq ittielet lment, relatat malksur talprinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

171    Ir-rikorrenti jsostnu li, billi s-SRB kien is-sors tal-kriżi ta’ likwidità ta’ Banco Popular, dan tal-aħħar u l-Kummissjoni kellhom l-obbligu li jimminimizzaw il-ħsara kkawżata skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, sanċit fl-Artikolu 41 tal-Karta. Huma jqisu li s-SRB u l-Kummissjoni kisru l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba billi naqsu milli jeżaminaw bir-reqqa u b’mod imparzjali l-allegat nuqqas ta’ Banco Popular, billi injoraw il-fatt li dan kien ġie kkawżat mid-dikjarazzjonijiet tas-SRB u l-ġbid massiv ta’ depożiti mill-amministrazzjonijiet Spanjoli u billi ma ħadux inkunsiderazzjoni l-fatt li s-sitwazzjoni setgħet ġiet solvuta permezz ta’ assistenza ta’ likwidità b’urġenza. Huma jsostnu wkoll li s-SRB u l-Kummissjoni kisru l-prinċipju ta’ diliġenza sa fejn, wara li kienu saru jafu bil-fatt li d-dikjarazzjonijiet tas-SRB kienu wasslu għall-kriżi ta’ likwidità ta’ Banco Popular, ma għamlu xejn sabiex jirrimedjaw għaliha u jevitaw ir-riżoluzzjoni, b’mod partikolari bl-għoti ta’ assistenza ta’ likwidità b’urġenza.

172    Fir-replika, ir-rikorrenti jispjegaw li, permezz ta’ dan l-ilment, huma jsostnu li, skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, is-SRB u l-Kummissjoni kellhom jaġixxu b’mod differenti fir-rigward tar-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular, billi jimmitigaw il-ħsara kkawżata mis-sitwazzjoni li ħolqu huma.

173    Hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rabta li għamlu r-rikorrenti bejn l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u l-ksur tal-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014 ma hijiex ċara. Bl-istess mod, ir-riferiment għal dannu li s-SRB u l-Kummissjoni kellhom ittaffu huwa diffiċli li jinftiehem fil-kuntest tal-analiżi tal-konformità ma’ din il-kundizzjoni.

174    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li mill-analiżi tat-tieni lment jirriżulta li l-kawżi li wasslu lil Banco Popular sabiex ikun f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ma humiex rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk kinitx issodisfatta l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014 u, għalhekk, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati. F’dan ir-rigward, minn naħa, ir-rikorrenti ma jispjegawx sa liema punt, kieku s-SRB u l-Kummissjoni kienu kkunsidraw dawn iċ-ċirkustanzi, ma kienx ikun possibbli li tiġi kkonstatata s-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular bbażata fuq in-nuqqas ta’ likwidità tagħha, u lanqas, għalhekk, li jiġi kkonstatat li l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014 ġiet issodisfatta. Min-naħa l-oħra, l-argumenti tar-rikorrenti wkoll ma jqisux il-fatt li l-konstatazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular tirriżulta mill-evalwazzjoni tal-BĊE.

175    Fir-rigward tal-argument li s-SRB u l-Kummissjoni naqsu milli jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatt li s-sitwazzjoni ta’ Banco Popular setgħet tiġi rrimedjata b’assistenza ta’ likwidità b’urġenza mill-Bank ta’ Spanja, huwa biżżejjed li jsir riferiment għall-analiżi tal-ewwel ilment u li jitfakkar li miżura bħal din taqa’ fil-kompetenza tal-banek ċentrali nazzjonali.

176    Fir-rigward tal-argument li s-SRB u l-Kummissjoni kellhom jirrimedjaw is-sitwazzjoni ta’ Banco Popular, sabiex tiġi evitata r-riżoluzzjoni, permezz ta’ miżuri ta’ intervent bikri skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 806/2014, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jispjegawx liema tip ta’ miżuri jaqgħu fil-kompetenza tas-SRB jew tal-Kummissjoni jagħmlu riferiment għalihom. L-adozzjoni ta’ miżuri ta’ intervent bikri previsti fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 806/2014 taqa’ taħt il-kompetenza tal-BĊE u tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

177    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud it-tielet ilment u għalhekk, l-ewwel parti.

b)      Fuq ittieni parti, ibbażata fuq ilksur talArtikolu 18(1)(b) tarRegolament Nru 806/2014

178    Ir-rikorrenti jsostnu ksur tal-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Nru 806/2014, peress li s-SRB peress li evalwax b’mod korrett is-soluzzjonijiet alternattivi għar-riżoluzzjoni. Huma jargumentaw li kien hemm diversi miżuri alternattivi vijabbli għar-riżoluzzjoni.

179    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jqisu li l-għoti tal-assistenza ta’ likwidità b’urġenza inizjalment awtorizzata mill-BĊE u l-isforzi ta’ Banco Popular sabiex jinġabru l-fondi sas‑16 ta’ Ġunju 2017, kienu jippermettu t-tkomplija tal-attivitajiet tagħha sal‑21 ta’ Ġunju 2017 u l-implimentazzjoni ta’ proċedura ta’ bejgħ privat jew ta’ żieda fil-kapital.

180    Għandu jitfakkar li mill-analiżi tal-ewwel ilment jidher li s-SRB ikkonstata fl-iskema ta’ riżoluzzjoni li l-Bank ta’ Spanja, wara li ta l-ewwel assistenza ta’ likwidità b’urġenza lil Banco Popular fil‑5 ta’ Ġunju 2017, ma kienx f’pożizzjoni li jagħtih assistenza ta’ likwidità b’urġenza addizzjonali. Peress li l-għoti ta’ assistenza ta’ likwidità b’urġenza jaqa’ fil-kompetenza tal-banek ċentrali nazzjonali, is-SRB seta’ biss jieħu nota tan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ assistenza ta’ likwidità b’urġenza addizzjonali.

181    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li estensjoni tal-assistenza ta’ likwidità b’urġenza favur Banco Popular kienet possibbli, minkejja r-rifjut tal-Bank ta’ Spanja li jagħti assistenza ta’ likwidità b’urġenza ġdida lil Banco Popular. Huma jsostnu li evalwazzjoni iktar realistika tal-garanziji kienet tippermetti l-għoti tal-assistenza ta’ likwidità b’urġenza addizzjonali mitluba minn Banco Popular u li, anki fil-każ ta’ garanziji insuffiċjenti minn Banco Popular, l-Istat Spanjol seta’ jipprovdi din il-garanzija. Huma jqisu li l-FROB ukoll seta’ jipprovdi likwidità lil Banco Popular.

182    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn l-argumenti huma bbażati fuq spekulazzjoni pura dwar għajnuna li setgħet ġiet ipprovduta minn partijiet terzi, u b’mod partikolari mill-awtoritajiet Spanjoli lil Banco Popular.

183    Għandu jiġi rrelevat ukoll li, skont l-Artikolu 6(6) tar-Regolament Nru 806/2014, “[i]d-deċiżjonijiet jew l-azzjonijiet tal-Bord, il-Kunsill jew tal-Kummissjoni la għandhom jeħtieġu lill-Istati Membri jipprovdu għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja u lanqas ma għandhom jinterferixxu mas-sovranità baġitarja u r-responsabbiltajiet fiskali tal-Istati Membri”. Għalhekk la s-SRB u lanqas il-Kummissjoni ma kellhom il-possibbiltà li jitolbu lill-awtoritajiet Spanjoli sabiex jipprovdu appoġġ finanzjarju, fil-forma ta’ likwidità jew garanziji, lil Banco Popular.

184    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li, fl-evalwazzjoni tiegħu tas-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular, il-BĊE indika li, anki bl-użu tal-assistenza ta’ likwidità b’urġenza li l-Kunsill Governattiv tal-BĊE ma oġġezzjonax għaliha fil‑5 ta’ Ġunju 2017, is-sitwazzjoni tal-likwidità fid-data tal-evalwazzjoni ma kinitx suffiċjenti sabiex tiggarantixxi l-kapaċità ta’ Banco Popular li jissodisfa l-obbligi tiegħu sa mhux iktar tard mis‑7 ta’ Ġunju 2017.

185    Għalhekk, għandha titwarrab il-premessa li fuqha huma bbażati l-argumenti tar-rikorrenti, li Banco Popular seta’ jibbenefika mill-ammont sħiħ tal-assistenza ta’ likwidità b’urġenza inizjalment awtorizzata mill-BĊE. Għalhekk, is-soluzzjonijiet alternattivi msemmija mir-rikorrenti, sa fejn huma suġġetti għall-għoti ta’ din l-assistenza ta’ likwidità b’urġenza addizzjonali, ma kinux possibbli. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li l-għoti tal-assistenza ta’ likwidità b’urġenza sħiħa kien jippermetti lill-Banco Popular li jkompli bl-attivitajiet tiegħu sal‑21 ta’ Ġunju 2017, hija sempliċi suppożizzjoni li ma tqisx il-konsegwenzi tal-ħruġ kontinwu ta’ depożiti, u lanqas il-portata tagħhom.

186    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti essenzjalment isostnu, li s-SRB ma pprovdiex motivazzjoni suffiċjenti, fl-Artikolu 3 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni għar-raġunijiet għalfejn ma kinux possibbli miżuri oħra.

187    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, fl-Artikolu 3 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB, filwaqt li ħa inkunsiderazzjoni l-evalwazzjoni tal-BĊE, ikkonkluda li ma kienet teżisti l-ebda miżura alternattiva li tista’ tipprekludi l-falliment ta’ Banco Popular f’terminu raġonevoli u li l-kundizzjoni prevista mill-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Nru 806/2014 kienet issodisfatta.

188    B’mod iktar partikolari, fl-Artikolu 3.2 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB indika li ma kien hemm l-ebda prospett raġonevoli li miżuri privati oħra setgħu jipprekludu l-falliment ta’ Banco Popular. L-assenza ta’ tali miżuri setgħet tiġi dedotta, b’mod partikolari, miċ-ċirkustanzi li ġejjin:

–        il-bank innifsu kien irrikonoxxa f’ittra indirizzata lill-BĊE fis‑6 ta’ Ġunju 2017 li kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li x’aktarx ser iseħħ;

–        il-proċedura ta’ bejgħ privat ma kinitx wasslet għal riżultat pożittiv f’terminu li kien jippermetti lill-bank iħallas id-djun tiegħu jew impenji oħra meta dawn jilħqu l-maturità tagħhom;

–        ma kienx wisq probabbli li l-bank ikun f’pożizzjoni li jimmobilizza fit-termini neċessarji, likwidità addizzjonali suffiċjenti permezz ta’ tranżazzjonijiet tas-suq jew operazzjonijiet tal-bank ċentrali, jew permezz ta’ miżuri previsti fil-fond ta’ riżerva tiegħu u fil-pjanijiet tiegħu ta’ stimolu;

–        assistenza ta’ likwidità b’urġenza kienet tkun insuffiċjenti fid-dawl tad-deterjorament rapidu tal-pożizzjoni ta’ likwidità.

189    Fl-Artikolu 3.3 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB qies li ma kien hemm l-ebda prospett raġonevoli li miżuri prudenzjali, inklużi miżuri ta’ intervent bikri, jistgħu jipprekludu l-falliment ta’ Banco Popular. Is-SRB rrileva li, fl-evalwazzjoni tiegħu dwar is-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular, il-BĊE kien ikkonferma li ma kien hemm l-ebda miżura prudenzjali jew ta’ intervent bikri disponibbli li setgħet tirrestawra immedjatament il-pożizzjoni ta’ likwidità tal-bank u li setgħet tippermettilu żmien suffiċjenti sabiex jimplimenta tranżazzjoni ta’ negozju jew soluzzjoni oħra. Il-miżuri disponibbli għall-BĊE bħala awtorità kompetenti, skont it-traspożizzjoni nazzjonali tal-Artikolu 104 tad-Direttiva 2013/36, tal-Artikoli 27 sa 29 tad-Direttiva 2014/59 jew skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1024/2013, ma setgħux jiggarantixxu li l-bank ikun f’pożizzjoni li jissoddisfa l-obbligi u d-djun l-oħra tiegħu meta jilħqu l-maturità tagħhom, b’kunsiderazzjoni tal-firxa u tar-ritmu tad-deterjorament tal-pożizzjoni ta’ likwidità osservata.

190    Fl-Artikolu 3.4 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB qies li ma kien hemm l-ebda prospett raġonevoli li l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ żvalutazzjoni u ta’ konverżjoni tal-istrumenti ta’ fondi proprji, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 806/2014, jipprekludi l-falliment ta’ Banco Popular fi żmien raġonevoli. B’mod partikolari, is-SRB ikkunsidra li, peress li Banco Popular kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ minħabba l-pożizzjoni ta’ likwidità tagħha, l-iżvalutazzjoni u l-konverżjoni ta’ fondi proprji ma kinux ikunu suffiċjenti sabiex tiġi rrestawrata s-sitwazzjoni ta’ likwidità tal-bank.

191    Dawn id-dispożizzjonijiet jinsabu fl-intier tagħhom fil-verżjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni ppubblikata fuq is-sit internet tas-SRB fit‑2 ta’ Frar 2018 u annessa mar-replika. Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti ma jistgħux isostnu li s-SRB ma ġġustifikax, fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, ir-raġunijiet għaliex miżuri prudenzjali alternattivi, inklużi miżuri ta’ intervent bikri, jew miżuri ta’ natura privata ma kinux possibbli.

192    Barra minn hekk, kif jindikaw il-Kummissjoni u s-SRB, fid-dawl tal-kliem tal-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB seta’ jillimita ruħu għall-evalwazzjoni ta’ miżuri alternattivi li setgħu jipprekludu l-falliment tal-Banco Popular f’perijodu ta’ żmien raġonevoli, fid-dawl taż-żmien disponibbli u taċ-ċirkustanzi.

193    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li kienet possibbli żieda fil-kapital ta’ Banco Popular. Filwaqt li jassumu li n-nuqqas ta’ likwidità ta’ Banco Popular kien dovut għal dekapitalizzazzjoni, huma jsostnu li Banco Popular kellu bżonn bejn EUR 2 u EUR 5 biljun. Huma jirrilevaw li, skont l-istampa, il-banek tal-investiment kienu qegħdin jaħdmu fuq żieda kapitali ta’ EUR 4 jew 5 biljun. Skont analisti speċjalizzati, din iż-żieda fil-kapital kienet tkun vijabbli għal żewġ raġunijiet. Minn naħa, madwar 31.5 % tal-kapital azzjonarju ta’ Banco Popular allegatament kien miżmum minn investituri kbar, li kienu lesti jissottoskrivu għal żieda fil-kapital fl-2017. Min-naħa l-oħra, f’Mejju 2017, qabel id-dikjarazzjonijiet tal-Presidenta tas-SRB, l-analisti kienu stmaw li s-sehem ta’ Banco Popular kien issottovalutat u għalhekk kien hemm fiduċja fir-rivalutazzjoni ta’ dan is-sehem. Huma jinvokaw ittra mingħand il-Barclays Bank tat‑3 ta’ Ġunju 2017 u ittra mingħand id-Deutsche Bank tal‑5 ta’ Ġunju 2017, indirizzati lil Banco Popular, li jindikaw li kienu lesti jipparteċipaw f’żieda fil-kapital.

194    Hemm lok li jiġi rrilevat li, kif jindikaw ir-rikorrenti nnifishom, din is-soluzzjoni hija bbażata fuq is-suppożizzjoni li n-nuqqas ta’ likwidità ta’ Banco Popular kellu jkun dovut għal dekapitalizzazzjoni. Issa, huwa biżżejjed jitfakkar li n-nuqqas ta’ likwidità ta’ Banco Popular kien ir-riżultat ta’ telf massiv ta’ depożiti kkawżat minn telf ta’ fiduċja tad-depożitanti u li miżura biss li tista’ tiġġenera malajr biżżejjed likwidità sabiex tippermetti lil Banco Popular jilħaq id-dati ta’ skadenza tiegħu fis‑7 ta’ Ġunju 2017 kellu jitqies bħala alternattiva vijabbli. Ir-rikorrenti ma wrewx li dan kien ikun il-każ biż-żieda kapitali li huma jinvokaw, li, barra minn hekk, hija purament ipotetika u kienet tkun, fi kwalunkwe każ, sussegwenti għal dik id-data.

195    Fir-rigward tal-ittra mingħand il-Barclays Bank tat‑3 ta’ Ġunju 2017 u l-ittra mingħand id-Deutsche Bank tal‑5 ta’ Ġunju 2017, ir-rikorrenti pproduċew estratti minn dawn l-ittri bħala anness mar-replika. Permezz ta’ ittra mibgħuta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tas‑6 ta’ Mejju 2019, ir-rikorrenti ressqu offerta ġdida ta’ provi skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex jipproduċu l-verżjoni sħiħa ta’ dawn iż-żewġ ittri wara l-pubblikazzjoni tagħhom fuq is-sit internet Diario 16, fid‑9 ta’ April 2019. Bħala parti minn artiklu intitolat “Ir-riżoluzzjoni u l-bejgħ ta’ Banco Popular ma kinux konformi mar-rekwiżiti tal-liġi”, is-sit internet ta’ Diario 16 żvela għadd ta’ dokumenti, fosthom l-ittra sħiħa mingħand Barclays Bank tat‑3 ta’ Ġunju 2017 u l-ittra mingħand Deutsche Bank tal‑5 ta’ Ġunju 2017.

196    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, b’mod eċċezzjonali, il-partijiet prinċipali jistgħu jipproduċu jew jipproponu provi ġodda qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura jew qabel id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li taqta’ s-sentenza mingħajr fażi orali tal-proċedura, bil-kundizzjoni li jiġġustifikaw għaliex dawn il-provi ġew prodotti jew proposti tard.

197    Billi ddikjaraw li ma kellhomx aċċess għall-verżjoni sħiħa ta’ dawn l-ittri qabel ma ġew ippubblikati fuq l-internet, fid‑9 ta’ April 2019, ir-rikorrenti ġġustifikaw ir-raġunijiet għaliex ma setgħux jipproduċuhom bħala anness għall-inkartamenti preċedenti tagħhom. Għaldaqstant hemm lok li dawn il-provi ġodda jitqiesu bħala ammissibbli.

198    Fir-rigward tal-kontenut ta’ dawk iż-żewġ ittri, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li ma fihom l-ebda impenn definittiv mill-Barclays Bank jew mid-Deutsche Bank sabiex jipparteċipaw f’żieda fil-kapital ta’ Banco Popular, iżda jirriflettu sempliċi diskussjonijiet dwar żieda potenzjali fil-kapital fil-futur. Dawn l-ittri jirrivelaw li, fid-data meta ntbagħtu, il-proġett ta’ żieda fil-kapital ta’ Banco Popular kien għadu biss fi stadju ta’ żvilupp bikri ħafna.

199    B’hekk, fl-ittra tiegħu tat‑3 ta’ Ġunju 2017 lil Banco Popular, il-Barclays Bank jagħmel riferiment biss għal diskussjonijiet riċenti dwar żieda fil-kapital li l-għan tiegħu kien, għal Banco Popular, li jkopri l-ħtiġijiet tiegħu ta’ proviżjonament addizzjonali tiegħu u li jikseb livelli ta’ kapital sinjifikattivament ogħla, sabiex jittaffew l-isfidi li jirriżultaw minn espożizzjoni partikolari għall-proprjetà immobbli u assi oħra mhux produttivi li kellu jaffaċċja.

200    F’din l-ittra, il-Barclays Bank jiddikjara mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għal Banco Popular u indika li kien f’pożizzjoni li jassistih f’din it-tranżazzjoni importanti. Il-Barclays Bank esprima l-interess tiegħu li jissottoskrivi bħala koordinatur globali jew persuna responsabbli mill-kontabbiltà għal 50 % tat-tranżazzjoni skont il-kundizzjonijiet tas-suq. Huwa għamel riżervi legali, billi indika li “kwalunkwe impenn jew offerta b’konnessjoni ma’ sottoskrizzjoni ta’ dan it-tip tirriżulta fi ftehim jew ftehimiet separati li għandhom jiġu konklużi bejn Banco Popular u [hu], sakemm il-kundizzjonijiet tas-suq ikunu sodisfaċenti, l-istħarriġ preliminari ikun ħalla riżultati tajbin, il-partijiet ikunu qablu dwar il-kundizzjonijiet u l-prezzijiet sa dik id-data […] u li l-awtorizzazzjonijiet interni kollha meħtieġa jkunu nkisbu”. Fl-aħħar lok, il-Barclays Bank enfasizza li din l-ittra ma kinitx tikkostitwixxi offerta li tissottoskrivi għat-tranżazzjoni jew xi finanzjament u ma kinitx maħsuba sabiex toħloq relazzjoni legali bejnu u Banco Popular.

201    B’hekk, f’din l-ittra, minn naħa, xejn ma jindika li l-Barclays Bank kien dispost jipparteċipa finanzjarjament f’din iż-żieda fil-kapital u, min-naħa l-oħra, din tal-aħħar ma ssemmix il-kriżi ta’ likwidità li kien qiegħed jaffaċċja Banco Popular u ma jipproponi l-ebda soluzzjoni intiża li tirrimedjaha.

202    Fl-ittra tiegħu tal‑5 ta’ Ġunju 2017 lil Banco Popular, Deutsche Bank jirreferi biss għall-interess tiegħu li jiżgura 50 % ta’ possibbli żieda fil-kapital ta’ EUR 4 biljun. Id-Deutsche Bank jindika biss li “ovvjament hemm ċerti kundizzjonijiet, iżda [li] l-ittra hija bbażata fuq il-konvinzjoni tagħna li f’ċirkustanzi li naħsbu li jistgħu realistikament jiġu ssodisfatti, tista’ tinkiseb żieda [kapitali] li tistabbilizza l-bank”. Id-Deutsche Bank indika li kien ikkuntattja lil diversi investituri u li kien jemmen li, “ovvjament mingħajr ċertezza assoluta,” żieda fil-kapital hija possibbli.

203    Għalhekk, din l-ittra ma tistax tiġi interpretata bħala li tinkludi impenn definittiv mingħand Deutsche Bank li jipparteċipa f’żieda tal-kapital azzjonarju ta’ Banco Popular u ma tikkonċernax soluzzjoni intiża li ssolvi l-kriżi ta’ likwidità ta’ Banco Popular.

204    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jindikaw li Banco Popular, fil-pjan ta’ fondi proprji tiegħu ta’ April 2017, kien ippreveda li ż-żieda fil-kapital setgħet issir f’xahar wieħed. Huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, f’dan id-dokument, Banco Popular isemmi perijodu ta’ minn xahar sa tliet xhur sabiex jikseb żieda fil-kapital u li l-perijodu previst ta’ xahar jiġi kkalkulat mill-iffirmar tal-kuntratt ta’ sottoskrizzjoni. Issa, peress li ma saret l-ebda offerta definittiva għal żieda fil-kapital, dan l-argument ma jistax jirnexxi.

205    Barra minn hekk, il-prospett li żieda fil-kapital tippermetti li ssir disponibbli biżżejjed likwidità sabiex tiġi evitata r-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular, huwa kkontestat mill-fatt li l-bord ta’ amministrazzjoni ta’ Banco Popular ikkonkluda fis‑6 ta’ Ġunju 2017 li l-bank kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li x’aktarx ser iseħħ.

206    Konsegwentement, ir-rikorrenti ma jispjegawx b’liema mod din iż-żieda fil-kapital setgħet isseħħ f’perijodu ta’ żmien suffiċjentement qasir sabiex tippermetti assistenza ta’ likwidità li tista’ tevita l-falliment ta’ Banco Popular, lanqas b’liema mod setgħet twaqqaf it-telf tad-depożiti u terġa’ tistabbilixxi l-pożizzjoni ta’ likwidità fit-tul ta’ Banco Popular. Ir-rikorrenti għalhekk ma wrewx li żieda fil-kapital kienet tikkostitwixxi soluzzjoni alternattiva vijabbli għar-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular.

207    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jsostnu li kienet possibbli is-separazzjoni tal-assi ta’ Banco Popular. Huma jinnotaw li Banco Popular kien qiegħed jaħdem fuq bejgħ tal-assi tal-proprjetà immobbli tiegħu għal EUR 6 biljun u li kien indika, fil‑5 ta’ Mejju 2017, li kien sar progress f’dan is-sens. Skont huma, fatti sussegwenti kkonfermaw li kienet possibbli s-separazzjoni tal-assi kollha mhux produttivi ta’ Banco Popular jew ta’ parti minnhom. Banco Santander offra għall-bejgħ 51 % tal-assi ssekwestrati u d-djun ħżiena ta’ Banco Popular wara l-akkwist tiegħu u fondi internazzjonali wrew l-interess tagħhom fl-akkwist ta’ dawn l-assi. Barra minn hekk, Banco Popular iddikjara, f’Mejju 2017, li kien qiegħed jikkunsidra li jbigħ l-assi mhux strateġiċi tiegħu u rċieva offerti definittivi għal bosta minn dawn l-assi. Ir-rikorrenti jsostnu li, anki kieku ma kien hemm l-ebda xerrej immedjat għall-assi mhux produttivi u l-assi mhux strateġiċi ta’ Banco Popular, dawn setgħu ġew trasferiti lil istituzzjoni tranżitorja. Il-bejgħ separat tal-assi kien jippermetti lil Banco Popular jikseb likwidità fuq perijodu qasir sabiex tkompli bl-attivitajiet tagħha għal ftit ġimgħat u b’hekk tikkonkludi b’mod pożittiv il-bejgħ privat jew iż-żieda fil-kapital.

208    Għandu jiġi rrelevat li l-argumenti tar-rikorrenti huma bbażati fuq sempliċi suppożizzjonijiet li l-bejgħ tal-assi kien possibbli. Huma jindikaw li Banco Popular seta’ jbiegħ assi li ma jrendux jew assi mhux strateġiċi mingħajr ma jispjega eżattament liema kienu dawk l-assi, għal liema ammont setgħu jinbiegħu, jew jekk l-akkwirenti kinux interessati f’dawk l-akkwisti jew anki jekk it-tranżazzjonijiet kienu għadhom għaddejjin. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti nnifishom jinvokaw l-ipoteżi fejn ma kien ikun hemm l-ebda akkwirent immedjat għal dawn l-assi. Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma jurux li l-bejgħ tal-assi kien effettivament possibbli f’perijodu ta’ żmien suffiċjenti sabiex jippermetti lil Banco Popular jiġġenera likwidità suffiċjenti sabiex tlaħħaq mal-ġbid massiv ta’ depożiti u sabiex tevita li tkun f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ fis‑6 ta’ Ġunju 2017.

209    Fir-rigward tal-possibbiltà invokata mir-rikorrenti, fil-każ li ma kien hemm l-ebda akkwirent immedjat, li jiġu ttrasferiti l-assi li ma jrendux jew mhux strateġiċi lil istituzzjoni tranżitorja biex imbagħad jinbiegħu skont l-Artikoli 25 u 26 tar-Regolament Nru 806/2014, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn ma humiex soluzzjonijiet alternattivi għal riżoluzzjoni fis-sens tal-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Nru 806/2014, iżda strumenti oħra ta’ riżoluzzjoni li l-użu tagħhom skont id-definizzjoni jippresupponi li l-entità tkun f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li aktarx ser iseħħ.

210    Fir-rigward tal-fatt allegat mir-rikorrenti li Banco Popular informa fil‑5 ta’ Mejju 2017 li kien sar progress fil-bejgħ ta’ assi immobiljari, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jistabbilixxux li dan il-proġett seta’ tlesta qabel il-konstatazzjoni tal-falliment ta’ Banco Popular.

211    Fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li Banco Popular rċieva offerti definittivi għal diversi assi tagħha, hemm lok li jiġi rrilevat li hija ma tibbaża ruħha fuq ebda prova. Filwaqt li jinvokaw biss l-artikli tal-istampa, ir-rikorrenti jsemmu l-bejgħ ta’ Targo Bank lil Crédit mutuel fit‑2 ta’ Ġunju 2017 u diskussjonijiet dwar il-bejgħ ta’ TotalBank għal EUR 500 miljun. Issa, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, min-naħa waħda, li l-bejgħ ta’ Targo Bank ma pprekludiex il-falliment ta’ Banco Popular u, min-naħa l-oħra, li r-rikorrenti ma wrewx li l-bejgħ ta’ TotalBank seta’ seħħ fi żmien raġonevoli li jippermetti lil Banco Popular isib likwidità suffiċjenti sabiex jissodisfa l-impenji tiegħu fis‑7 ta’ Ġunju 2017.

212    Fir-rigward tal-fatt allegat mir-rikorrenti li, wara l-bejgħ ta’ Banco Popular, Banco Santander għamel bejgħ ta’ assi, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li ma huwiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-legalità tal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

213    Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat, bħalma jagħmel is-SRB, li huwa purament spekulattiv li jiġi sostnut li dawn it-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ ta’ assi setgħu twettqu b’suċċess, anki kieku Banco Popular kien ibbenefika minn iktar żmien. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma jispjegawx, anki fl-ipoteżi li dan il-bejgħ tal-assi seta’ jsir f’terminu suffiċjentement qasir sabiex tiġi ġġenerata likwidità ġdida, kif tali miżuri setgħu jippermettu li jiġi limitat l-irtirar ta’ depożiti u li tiġi stabbilita mill-ġdid il-fiduċja tas-suq u, għalhekk, li jiġi interrott it-telf ta’ likwidità u li tiġi stabbilita mill-ġdid il-vijabbiltà fit-tul ta’ Banco Popular.

214    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li fil‑5 ta’ Ġunju 2017, il-BĊE kkonstata li Banco Popular kien qiegħed jipprevedi żieda fil-kapital bi trasferiment ta’ assi mhux strateġiċi u pjan ta’ trasferiment ta’ assi u li ma kkontestax li kien impossibbli li dawn is-soluzzjonijiet jiġu implimentati.

215    B’dan l-argument, ir-rikorrenti jirreferu għall-evalwazzjoni tal-BĊE dwar it-talba għal assistenza ta’ likwidità b’urġenza ta’ Banco Popular tal-5 ta’ Ġunju 2017, li fiha l-BĊE ddeskriva l-elementi oġġettivi relatati mal-iżvilupp tas-sitwazzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular, bħall-evoluzzjoni tar-rekwiżit ta’ kopertura tal-likwidità, tal-kapaċità tiegħu ta’ kontrobilanċ (counterbalancing capacity) u l-ħruġ ta’ depożiti tagħha, kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ miżuri li jiġġeneraw il-likwidità adottati mill-bank li għadhom pendenti. F’dan ir-rigward, il-BĊE indika li, skont l-informazzjoni pprovduta minn Banco Popular, kienet mistennija mobilizzazzjoni addizzjonali ta’ likwidità sa nofs Ġunju permezz ta’ tnaqqis fil-livell tad-dejn, tal-bejgħ ta’ obbligazzjonijiet u tal-bejgħ ta’ assi li ma jrendux.

216    Ta’ min jinnota li l-BĊE għamel biss deskrizzjoni fattwali tal-iżvilupp tal-pożizzjoni tal-likwidità ta’ Banco Popular u, kif jindika, fuq il-bażi tad-data pprovduta mill-bank innifsu. Il-BĊE ma kellux jiddeċiedi dwar il-fattibbiltà tal-miżuri previsti mill-bank. Barra minn hekk, huwa speċifikat li dawn il-miżuri kellhom jipprovdu likwidità ġdida lil Banco Popular f’nofs Ġunju, jiġifieri wara r-riżoluzzjoni.

217    Għall-kuntrarju, hemm lok li jiġi rrilevat li, fis‑6 ta’ Ġunju 2017, fl-evalwazzjoni tiegħu tas-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular, il-BĊE kkunsidra li, filwaqt li Banco Popular kienet żviluppa diversi miżuri li jiġġeneraw likwidità addizzjonali matul il-ġimgħat preċedenti u beda jimplimentahom, il-portata tal-flussi ta’ dħul imwettqa u li għadhom mistennija ma kinitx suffiċjenti sabiex jiġi rrimedjat id-deterjorament tal-pożizzjoni ta’ likwidità tal-bank fid-data ta’ din l-evalwazzjoni. Hija indikat ukoll li Banco Popular kellu biss għażliet limitati ħafna sabiex jikseb fondi permezz ta’ tranżazzjonijiet regolari fuq is-suq jew permezz ta’ operazzjonijiet tal-bank ċentrali nazzjonali u ma kienx kapaċi jimmobilizza likwidità addizzjonali suffiċjenti permezz tal-miżuri previsti fil-pjanijiet ta’ finanzjament u rkupru b’urġenza tagħha. Il-BĊE rrileva li Banco Popular kien diġà beda jimplimenta diversi miżuri sabiex jikkoreġi l-pożizzjoni ta’ likwidità tiegħu, iżda li, madankollu, dawn il-miżuri fl-aħħar mill-aħħar ma kinux suffiċjenti sabiex ireġġgħu lura d-deterjorament tal-pożizzjoni ta’ likwidità tiegħu.

218    Fil-ħames lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-bejgħ privat ta’ Banco Popular lil parti terza seta’ jitwettaq. Din is-soluzzjoni kienet tiġi rrifjutata mis-SRB minħabba problema ta’ dewmien, b’kunsiderazzjoni tan-nuqqas ta’ likwidità, u mhux ta’ vijabbiltà. Filwaqt li diversi istituzzjonijiet allegatament issottomettew offerti, li b’hekk urew l-interess tagħhom fl-akkwist ta’ Banco Popular, l-awtoritajiet Ewropej stiednu biss żewġ xerrejja potenzjali sabiex jipparteċipaw fil-proċedura ta’ bejgħ fil-bidu ta’ Ġunju 2017. Huma jżidu jgħidu li huwa żbaljat li jiġi ddikjarat li l-proċedura ta’ bejgħ privat kienet falliet f’Mejju 2017 peress li l-entitajiet interessati fl-akkwist ta’ Banco Popular kellhom sal-aħħar ta’ Ġunju 2017 sabiex jissottomettu offerta.

219    Jeħtieġ li jiġi rrilevat li dan l-argument huwa bbażat fuq fehim żbaljat tal-fatti.

220    Kif indikat fil-punt 59 iktar ’il fuq, il-BĊE kien ikkonstata fl-evalwazzjoni tiegħu tas-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular li n-negozjati fil-kuntest tal-proċedura ta’ bejgħ privat sa issa ma kinux ipproduċew riżultat pożittiv u li t-tlestija tal-bejgħ ma kinitx prevedibbli f’terminu li kien jippermetti lil Banco Popular iħallas id-djun tiegħu jew obbligazzjonijiet oħra meta dawn jilħqu l-maturità tagħhom.

221    Għandu jiġi kkunsidrat ukoll li, peress li l-kunsill ta’ amministrazzjoni ta’ Banco Popular rrikonoxxa li l-bank kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ fis‑6 ta’ Ġunju 2017, huwa għalhekk, ammetta li t-twettiq tal-bejgħ privat ma kienx għadu soluzzjoni possibbli f’dik id-data.

222    B’hekk, fil-premessa 26 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB iddeskriva l-miżuri li kienu ttieħdu minn Banco Popular sabiex jiġu rrimedjati l-problemi ta’ likwidità tiegħu, inkluża proċedura ta’ bejgħ privat mibdija f’April 2017. Is-SRB innota li l-iskadenza għas-sottomissjoni tal-offerti minn xerrejja potenzjali kienet inizjalment stabbilita għall‑10 ta’ Ġunju 2017 u li, fil-bidu ta’ Ġunju, din kienet ġiet estiża sal-aħħar ta’ Ġunju 2017. Madankollu, hija kkonstatat li, mid-data tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, din il-proċedura ma kinitx tlestiet.

223    Fl-Artikolu 3.2 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB indika li ma kien hemm l-ebda prospett raġonevoli li miżuri privati oħra setgħu jipprekludu l-falliment ta’ Banco Popular u li n-nuqqas ta’ tali miżuri jista’ jiġi dedott, b’mod partikolari, mill-fatt li l-proċedura ta’ bejgħ privat ma kinitx tat riżultat pożittiv f’perijodu li kien jippermetti lill-bank li jonora d-djun jew obbligazzjonijiet l-oħra tiegħu meta dawn jilħqu l-maturità tagħhom. Fl-Artikolu 6.6 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB irrileva wkoll li, fil-perijodu immedjatament qabel ir-riżoluzzjoni, Banco Popular kien wettaq proċedura ta’ bejgħ privat u li, fil-ġimgħa tad‑29 ta’ Mejju 2017, kien deher li l-proċedura kienet sejra tfalli.

224    Is-SRB b’hekk ikkonstata li, fid-data tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, il-proċedura ta’ bejgħ privat mibdija mill-Banco Popular kienet falliet. Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, l-ebda akkwirent potenzjali li pparteċipa f’din il-proċedura ma kien issottometta offerta definittiva għall-akkwist ta’ Banco Popular.

225    Billi l-proċedura ta’ bejgħ privat mibdija mill-bank, minn April tal-2017 ma kienet wasslet għal ebda offerta definittiva u billi kienet teħtieġ estensjoni tat-terminu għas-sottomissjoni tal-offerti, ma setax jiġi previst li setgħet tirnexxi qabel ma ġie ddikjarat li Banco Popular kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ. Il-fatt li x-xerrejja potenzjali kellhom sal-aħħar ta’ Ġunju sabiex jissottomettu offerta ma jistax ipoġġi f’dubju din il-konstatazzjoni. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma stabbilixxewx li l-proċedura ta’ bejgħ privat kienet tikkostitwixxi soluzzjoni alternattiva prevedibbli għar-riżoluzzjoni.

226    Fis-sitt lok, ir-rikorrenti jsostnu li, għalkemm l-ebda miżura alternattiva imsemmija iktar ’il fuq ma kienet vijabbli, l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat jew ta’ finanzjament tas-SRF kien jippermetti li jiġi evitat il-kollass ta’ Banco Popular. Huma jqisu li xejn ma kien jipprekludi lill-Istat Spanjol milli jinvesti temporanjament fil-kapital ta’ Banco Popular.

227    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, minn naħa, li skont l-Artikolu 76(1)(b) tar-Regolament Nru 806/2014, fil-kuntest tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, meta jintużaw l-għodod ta’ riżoluzzjoni, is-SRB jista’ juża s-SRF biss sa fejn kien meħtieġ għall-applikazzjoni effettiva tal-għodod ta’ riżoluzzjoni għall-finijiet, b’mod partikolari, li jagħti self lill-istituzzjoni suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni. Minn dan kollu jirriżulta ċar li din il-possibbiltà tista’ tiġi prevista biss fil-qafas ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni u fl-ebda każ ma tikkostitwixxi miżura alternattiva għaliha.

228    Min-naħa l-oħra, mill-punt 183 iktar ’il fuq jirriżulta b’mod ċar li huma biss l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jistgħu jiddeċiedu jekk jagħtux jew le għajnuna u li la s-SRB u lanqas il-Kummissjoni ma huma f’pożizzjoni li jirrikjedu li Stat Membru jagħti għajnuna lil entità.

229    Barra minn hekk, kif tirrileva l-Kummissjoni, soluzzjoni bħal din tmur kontra l-għanijiet tar-riżoluzzjoni, li għandha l-għan li tillimita l-ispejjeż sostnuti mill-kontribwenti. Jeħtieġ li jitfakkar li, skont l-Artikolu 14(2)(c) tar-Regolament Nru 806/2014, wieħed mill-għanijiet tar-riżoluzzjoni huwa li jiġu protetti r-riżorsi tal-Istat billi jiġi mminimizzat l-użu ta’ appoġġ finanzjarju pubbliku eċċezzjonali.

230    Minn dan ta’ hawn fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma stabbilixxewx l-eżistenza ta’ soluzzjonijiet alternattivi vijabbli li s-SRB kien kellu jieħu inkunsiderazzjoni.

231    Għaldaqstant, is-SRB u l-Kummissjoni ma wettqux żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qiesu li l-kundizzjoni prevista mill-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014 ġiet issodisfatta, b’tali mod li t-tieni parti għandha tiġi miċħuda.

c)      Fuq ittielet parti, ibbażata fuq ilksur talArtikolu 18(1)(c) tarRegolament Nru 806/2014

232    Ir-rikorrenti jsostnu li s-SRB kiser l-Artikolu 18(1)(c) tar-Regolament Nru 806/2014 sa fejn l-interess pubbliku ma jistax jikser il-prinċipji fundamentali tal-liġi tal-Unjoni u s-SRB kellu jibbilanċja interessi differenti. Is-SRB kellu għaldaqstant jikkonstata li l-interess pubbliku ma kienx jiġġustifika ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u lanqas intervent diskriminatorju u arbitrarju.

233    L-Artikolu 18(5) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi li, għall-finijiet tal-punt (c) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, miżura ta’ riżoluzzjoni għandha titqies li hija fl-interess pubbliku jekk tkun neċessarja sabiex jintlaħaq, permezz ta’ mezzi proporzjonati, għan ta’ riżoluzzjoni wieħed jew iktar previsti fl-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament, filwaqt li l-istralċ tal-entità skont proċedura normali ta’ insolvenza ma kienx jippermetti dan sal-istess punt.

234    L-għanijiet tar-riżoluzzjoni, elenkati fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 806/2014, huma dawn li ġejjin: li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi; li jiġu evitati effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja, b’mod partikolari permezz tal-prevenzjoni tal-kontaġju; li jiġu protetti l-fondi pubbliċi billi tiġi mminimizzata d-dipendenza fuq l-għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja; li jiġu protetti d-depożitanti kif ukoll l-investituri; li jiġu protetti l-fondi u l-assi tal-klijenti.

235    L-osservanza tal-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 18(1)(c) tar-Regolament Nru 806/2014 timplika li jiġi vverifikat li l-għanijiet previsti fl-Artikolu 14 ta’ dak ir-regolament, b’mod partikolari li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi u li tiġi ppreservata l-istabbiltà finanzjarja jintlaħqu aħjar permezz ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni milli permezz tal-istralċ tal-entità.

236    F’dan il-każ, fl-Artikolu 4 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB, billi bbilanċja l-għanijiet tar-riżoluzzjoni speċifikati fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 806/2014 man-natura u ċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, ikkonkluda li r-riżoluzzjoni fil-forma tal-għodda ta’ bejgħ tal-operat kienet neċessarja fl-interess pubbliku fis-sens tal-Artikolu 18(1)(c) u l-Artikolu 18(5) tar-Regolament Nru 806/2014.

237    Fl-Artikolu 4.2 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB nnota li r-riżoluzzjoni kienet neċessarja u proporzjonata għall-għanijiet previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 806/2014, jiġifieri li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi u li jiġu evitati effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja, b’mod partikolari billi jiġi evitat il-kontaġju, inkluż għall-infrastrutturi tas-suq, u tinżamm id-dixxiplina tas-suq. Huwa indika li l-istralċ ta’ Banco Popular skont proċedura normali ta’ insolvenza ma kienx jippermetti li jintlaħqu dawn l-għanijiet sal-istess punt. Sussegwentement, is-SRB, fl-Artikolu 4.4 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, wettaq analiżi fid-dawl tal-għanijiet tar-riżoluzzjoni, filwaqt li qies iċ-ċirkustanzi eżistenti f’dik id-data.

238    Barra minn hekk, hemm lok li jitfakkar li, fil-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2017/1246, li tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni, il-Kummissjoni ddikjarat espressament li hija taqbel mal-iskema ta’ riżoluzzjoni u b’mod partikolari mar-raġunijiet li kien ressaq s-SRB sabiex jiġġustifika n-neċessità ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni fl-interess pubbliku f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 806/2014.

239    L-argumenti tar-rikorrenti ma humiex ta’ natura li jikkontestaw il-konstatazzjonijiet tas-SRB u tal-Kummissjoni li skonthom il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 18(1)(c) tar-Regolament Nru 806/2014 kienet issodisfatta.

240    Madankollu r-rikorrenti ma jippretendux li l-iskema ta’ riżoluzzjoni ma tissodisfax l-għanijiet ta’ interess pubbliku previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 806/2014, immirati sabiex jipproteġu l-funzjonijiet kritiċi ta’ Banco Popular u jippreservaw l-istabbiltà finanzjarja. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma jinvokaw l-ebda argument li jista’ jistabbilixxi li dawn l-għanijiet kienu jintlaħqu kieku Banco Popular ġie stralċjat skont proċedura normali ta’ insolvenza.

241    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-iskema ta’ riżoluzzjoni tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Il-limitazzjonijiet fuq id-dritt għall-proprjetà previsti fl-Artikolu 17 tal-Karta, bħal fil-każ ta’ riżoluzzjoni, għandhom ikunu neċessarji u proporzjonati għall-għan imfittex. Ir-rekwiżiti ta’ proporzjonalità huma stabbiliti fl-Artikolu 18(5) tar-Regolament Nru 806/2014. Huma jinvokaw it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 806/2014, li skontu l-miżura ta’ riżoluzzjoni għandha tevita l-qerda tal-valur.

242    Ir-rikorrenti jissottomettu, essenzjalment, li l-miżura ta’ riżoluzzjoni ma tosservax il-kriterju ta’ interess pubbliku tal-Artikolu 18(1)(c) tar-Regolament Nru 806/2014, peress li twassal għal ksur sproporzjonat tad-drittijiet tal-proprjetà tagħhom u għall-qerda ta’ valur mhux meħtieġ.

243    Issa, hemm lok li jiġi rrilevat li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, l-osservanza tal-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 18(1)(c) tar-Regolament Nru 806/2014 ma twassalx lis-SRB sabiex jibbilanċja l-interessi differenti invokati minnhom, jiġifieri, minn naħa waħda, l-interess pubbliku fit-twettiq ta’ riżoluzzjoni tal-bank u, min-naħa l-oħra, l-interessi privati tal-azzjonisti.

244    Għandu jiġi nnutat li r-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq qari żbaljat tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 806/2014 li jipprovdi li “[m]eta jfittxu li jiksbu l-objettivi msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-Bord, l-Kunsill, il-Kummissjoni u, fejn rilevanti, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, għandhom ifittxu li jimminimizzaw il-kost tar-riżoluzzjoni u jevitaw id-distruzzjoni tal-valur ħlief jekk neċessarju sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ riżoluzzjoni”.

245    Fil-fatt, minn din id-dispożizzjoni jidher ċar li l-għanijiet tar-riżoluzzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 806/2014 għandhom jintlaħqu, sa fejn ikun possibbli, b’għodda ta’ riżoluzzjoni li tirriżulta fl-inqas qerda tal-valur. Madankollu, kif tispeċifika din id-dispożizzjoni, meta l-qerda tal-valur li tirriżulta mill-għodda ta’ riżoluzzjoni magħżula hija meħtieġa għall-kisba ta’ dawn l-għanjiet u għalhekk għall-interess pubbliku, ir-riżoluzzjoni ma tistax titqies bħala sproporzjonata.

246    Barra minn hekk, kif tenfasizza l-Kummissjoni, il-qerda tal-valur fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 806/2014 ma tikkonċernax biss l-interessi patrimonjali tal-azzjonisti u tad-detenturi tal-istrumenti ta’ fondi proprji tal-entità, iżda wkoll dawk tad-depożitanti tagħha, tal-impjegati tagħha u kredituri oħra.

247    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li, fl-Artikolu 4.5 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB ikkonkluda li r-riżoluzzjoni tikkontribwixxi wkoll għall-minimizzazzjoni tal-qerda tal-valur, b’kont meħud tal-fatt li likwidazzjoni ta’ Banco Popular kienet tirriżulta f’telf ikbar għall-kredituri mir-riżoluzzjoni. Is-SRB ikkunsidra wkoll, fl-Artikolu 4.6 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, li l-iżvantaġġi u l-ispejjeż assoċjati mal-adozzjoni tal-miżura ta’ riżoluzzjoni, prinċipalment it-telf imġarrab mill-azzjonisti u l-kredituri subordinati, ikunu kontrobilanċjati mill-vantaġġi li jirriżultaw minnha, jiġifieri ż-żamma ta’ funzjonijiet kritiċi, il-limitazzjoni tal-effetti negattivi fuq l-ekonomija u l-istabbiltà finanzjarja, kif ukoll l-evitar tat-telf li jistgħu jġarrbu kredituri oħra.

248    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu wkoll li, skont l-Artikolu 6(3) u l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 806/2014, l-għodod ta’ riżoluzzjoni japplikaw b’mod li jimminimizzaw l-impatt fuq il-grupp kollu kemm hu.

249    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fl-Artikolu 4.7 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB, skont l-Artikolu 6(3) u (5) tar-Regolament Nru 806/2014, filwaqt li ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li Banco Popular kellha sussidjarja fil-Portugall, kien tal-fehma li l-applikazzjoni tal-għodda ta’ bejgħ tal-operat ma kienx ikollha impatt fuq is-sussidjarja Portugiża, filwaqt li likwidazzjoni ta’ Banco Popular kien ikollha effett negattiv fuq din tal-aħħar.

250    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li, anki jekk jiġi preżunt li r-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular kienet neċessarja, setgħet tintuża waħda jew iktar mill-miżuri alternattivi msemmija fit-tieni parti ta’ dan il-motiv, bis-sostituzzjoni tal-iżvalutazzjoni tal-istrumenti ta’ fondi proprji u tal-bejgħ ta’ Banco Popular, għażla li kienet tevita l-qerda tal-valur tal-investituri u l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà tagħhom.

251    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li mill-analiżi tat-tieni parti jirriżulta li l-miżuri alternattivi invokati mir-rikorrenti ma kinux prevedibbli. Fi kwalunkwe każ, dawn l-argumenti li bihom ir-rikorrenti fil-verità jikkontestaw, il-proporzjonalità tal-miżura ta’ riżoluzzjoni meta mqabbla mal-miżuri alternattivi li jinvokaw fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà tagħhom ma humiex ta’ natura li jpoġġu f’dubju fuq l-evalwazzjoni tas-SRB u tal-Kummissjoni dwar il-konformità mal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 18(1)(c) tar-Regolament Nru 806/2014.

252    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-iskema ta’ riżoluzzjoni hija diskriminatorja u arbitrarja. Il-projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet hija prevista fil-premessa 46 u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 806/2014 u sanċita fl-Artikolu 21(1) tal-Karta u l-Artikolu 18 TFUE. Huma jargumentaw li l-interventi tas-SRB u tal-awtoritajiet Spanjoli kienu diskriminatorji u arbitrarji fil-konfront ta’ Banco Popular, peress li abbandunaw lill-bank minħabba li l-kapital azzjonarju tiegħu kien miżmum minn interessi privati, inkluż perċentwal għoli ta’ investituri barranin.

253    Hemm lok li jiġi rrilevat li dawn l-allegazzjonjijiet tar-rikorrenti ma jistgħux jiġu interpretati bħala intiżi li jistabbilixxu ksur tal-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 18(1)(c) tar-Regolament Nru 806/2014. Dawn huma dikjarazzjonijiet purament spekulattivi li ma huma bl-ebda mod marbuta mal-osservanza tal-kriterju tal-interess pubbliku.

254    Fi kwalunkwe każ, fir-rigward tal-argumenti li jikkritikaw lill-awtoritajiet Spanjoli talli ma tawx għajnuna lil Banco Popular, meta kienu għamlu dan f’sitwazzjonijiet oħra, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li huma inoperattivi, fis-sens li ma humiex immirati lejn is-SRB u lanqas lejn il-Kummissjoni. Fir-rigward tal-argument li l-Kummissjoni approvat l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat lill-banek Taljani u li s-SRB, f’dawk il-każijiet, ma applikax ir-Regolament Nru 806/2014, jeħtieġ li jiġi kkonstatat, minn naħa waħda, li s-sitwazzjonijiet li fihom Stat Membru jkun uża fondi pubbliċi sabiex jassisti istituzzjoni f’diffikultà huma marbuta mill-qrib ma’ ċirkustanzi partikolari u ma humiex komparabbli mas-sitwazzjoni f’dan il-każ u, min-naħa l-oħra, li, kif jirrilevaw ir-rikorrenti nnifishom, is-SRB ikkunsidra li riżoluzzjoni ta’ dawn il-banek Taljani ma kinitx iġġustifikata fl-interess pubbliku minħabba li ma kinux iwettqu funzjonijiet kritiċi u l-istralċ tagħhom ma kellux effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja. Barra minn hekk, kif enfasizzat il-Kummissjoni, peress li l-każ preżenti huwa l-ewwel każ ta’ riżoluzzjoni ta’ entità, ma jista’ jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni fir-rigward ta’ każijiet oħra f’relazzjoni mal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 806/2014.

255    Minn dak li ntqal jirriżulta li s-SRB u l-Kummissjoni ma wettqux żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidraw li l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 18(1)(c) tar-Regolament Nru 806/2014 kienet issodisfatta u, għaldaqstant, it-tielet parti għandha tiġi miċħuda.

256    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

257    Barra minn hekk, minn naħa, fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jqajmu, għall-ewwel darba fil-punti 47 u 48 tar-replika, argumenti intiżi li jikkontestaw il-proċedura ta’ bejgħ ta’ Banco Popular, peress li ma hijiex konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 806/2014 u l-Artikoli 38 u 39 tad-Direttiva 2014/59. Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar in-noti ta’ intervent, ir-rikorrenti jqajmu motiv ġdid ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 806/2014, li fih jiddikjaraw espressament li qegħdin jirriproduċu l-argumenti mqajma fil-punti 47 u 48 tar-replika.

258    F’dawk l-osservazzjonijiet dwar in-noti ta’ intervent, ir-rikorrenti jiddikjaraw li, fin-noti preċedenti tagħhom, huma invokaw l-illegalità tal-proċedura ta’ bejgħ bħala kawża sussidjarja tal-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Issa, għandu jiġi kkonstatat li, fil-parti tar-rikors intiża li ssostni li l-miżura ta’ riżoluzzjoni tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità u, b’mod iktar ġenerali, fil-parti dwar il-ksur tal-Artikolu 18(1)(c) tar-Regolament Nru 806/2014, ir-rikorrenti ma ressqu l-ebda argument intiż li jikkontesta l-proċedura ta’ bejgħ. F’dan ir-rigward, għalkemm ir-rikorrenti jirreferu speċifikament għal punti fir-replika, ma jsemmu l-ebda punt fir-replika li fih tqajjem dan l-argument.

259    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rabta li għamlu r-rikorrenti bejn dawn l-argumenti intiżi li jikkontestaw il-proċedura ta’ bejgħ u ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 18(1)(c) tar-Regolament Nru 806/2014 ma hijiex komprensibbli. Dawn l-argumenti għandhom għalhekk jiġu analizzati bħala li jikkostitwixxu motiv ġdid ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 806/2014.

260    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura, il-produzzjoni ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża hija pprojbita, sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li saru magħrufa matul il-proċedura.

261    Issa, dan il-motiv tqajjem għall-ewwel darba fir-replika u ġie riprodott fl-osservazzjonijiet dwar in-noti ta’ intervent, mingħajr ma r-rikorrenti ġġustifikaw għaliex ma kinux ikkontestaw ir-regolarità tal-proċedura ta’ bejgħ fl-istadju tar-rikors. Dan il-motiv il-ġdid ma huwiex ibbażat fuq punti ta’ fatti u ta’ liġi li r-rikorrenti ma kinux konxji minnhom fiż-żmien meta ġie ppreżentat ir-rikors u r-rieda tar-rikorrenti li jwieġbu għall-argumenti ppreżentati f’nota ta’ intervent ma tistax titqies bħala ġustifikazzjoni għall-preżentazzjoni tardiva ta’ dan il-motiv.

262    Konsegwentement, hemm lok li jiġu miċħuda bħala inammissibbli l-argumenti tar-rikorrenti dwar ir-regolarità tal-proċedura ta’ bejgħ stabbilita fir-replika u fil-motiv il-ġdid ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 806/2014, imressqa għall-ewwel darba fl-osservazzjonijiet dwar in-noti ta’ intervent.

2.      Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq ilksur talArtikolu 20 tarRegolament Nru 806/2014

263    Ir-rikorrenti jsostnu li s-SRB kiser l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 806/2014. Dan il-motiv huwa maqsum f’ħames partijiet, ibbażati, fl-ewwel lok, fuq il-ksur tal-Artikolu 20(11) tar-Regolament Nru 806/2014, fit-tieni lok, fuq il-ksur tal-Artikolu 20(5)(a) sa (c) u (f) ta’ dak ir-regolament, fit-tielet lok, fuq in-nuqqas ta’ indipendenza ta’ Deloitte, fir-raba’ lok, fuq il-ksur tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 806/2014 minħabba li l-valutazzjoni 2 ma kinitx “ġusta, prudenti u realistika” u, fil-ħames lok, fuq il-ksur tal-Artikolu 20(7) u (9) ta’ dak ir-regolament.

264    L-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi:

“Qabel jiddeċiedi dwar azzjoni ta’ riżoluzzjoni jew l-eżerċizzju tas-setgħa li jagħmel valwazzjoni negattiva jew jikkonverti strumenti kapitali rilevanti, il-Bord għandu jiżgura li titwettaq valwazzjoni ġusta, prudenti u realistika tal-assi u l-obbligazzjonijiet ta’ entità msemmija fl-Artikolu 2 minn persuna indipendenti minn kwalunkwe awtorità pubblika, inkluż il-Bord u l-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, u mill-entità konċernata.”

265    F’dan il-każ, għandu jitfakkar li l-valutazzjoni ta’ Banco Popular, imwettqa qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, tinkludi żewġ rapporti li huma annessi mal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

266    Il-valutazzjoni 1, datata l‑5 ta’ Ġunju 2017, ġiet redatta mis-SRB skont l-Artikolu 20(5)(a) tar-Regolament Nru 806/2014 u kellha bħala l-għan tagħha li tipprovdi l-elementi li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk kinux issodisfatti l-kundizzjonijiet tal-attivazzjoni ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni, kif iddefiniti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014.

267    Il-valutazzjoni 2, datata s‑6 ta’ Ġunju 2017, tfasslet minn Deloitte, bħala espert indipendenti skont l-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014.

268    L-iskema ta’ riżoluzzjoni tindika li, fid-dawl tal-urġenza, il-valutazzjoni 2, imwettqa f’konformità mal-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014, kellha l-għan li tistma l-valur tal-assi u tal-obbligazzjonijiet ta’ Banco Popular, li tipprovdi stima dwar it-trattament li minnu kienu jibbenefikaw l-azzjonisti u l-kredituri li kieku Banco Popular kien is-suġġett ta’ proċedimenti normali ta’ insolvenza, kif ukoll li tipprovdi l-elementi li jippermettu li tittieħed id-deċiżjoni dwar l-azzjonijiet u t-titoli ta’ proprjetà li għandhom jiġu ttrasferiti u li jippermettu lis-SRB jiddetermina kundizzjonijiet kummerċjali għall-finijiet tal-għodda ta’ bejgħ tal-operat.

269    Fil-valutazzjoni 2, Deloitte indikat li kienet ibbażat ruħha fuq ir-rekwiżiti tal-Artikolu 36 tad-Direttiva 2014/59 (li jikkorrispondi għall-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 806/2014) u fuq il-Kapitolu 3 tal-abbozz finali tal-istandards tekniċi regolatorji tal-EBA Nru 2017/05 u Nru 2017/06, tat‑23 ta’ Mejju 2017, fuq il-valutazzjoni għall-finijiet tar-riżoluzzjoni u fuq valutazzjoni maħsuba sabiex tiġi ddeterminata d-differenza fit-trattament wara r-riżoluzzjoni prevista fid-Direttiva 2014/59 (iktar ’il quddiem “l-istandards tekniċi tal-EBA”).

270    L-Artikolu 36(15) tad-Direttiva 2014/59 jawtorizza lill-EBA sabiex tfassal abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji intiżi li jispeċifikaw il-kriterji li abbażi tagħhom għandhom jitwettqu l-valutazzjonijiet imwettqa fi proċedura ta’ riżoluzzjoni.

271    Il-Kapitolu 3 tal-istandards tekniċi tal-EBA huwa relatat mal-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji Nru 2017/05 dwar il-valutazzjoni għall-finijiet tar-riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem l-“istandards tekniċi regolatorji”) u jinkludi, b’mod partikolari, f’konformità mal-Artikolu 36(15) tad-Direttiva 2014/59, abbozz ta’ regolament delegat tal-Kummissjoni li jikkompleta d-Direttiva 2014/59 bi standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji tal-metodu li għandu jintuża sabiex jiġi vvalutat il-valur tal-assi u l-obbligazzjonijiet ta’ istituzzjonijiet jew ta’ entitajiet.

272    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li, fid-data tal-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, dawn l-istandards tekniċi regolatorji ma kinux vinkolanti, sa fejn it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi li s-SRB, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom ikunu suġġetti għall-istandards tekniċi regolatorji u ta’ infurzar vinkolanti mfassla mill-EBA meta ġew adottati mill-Kummissjoni. Dawn l-istandards tekniċi regolatorji ġew inkorporati fir-Regolament delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/345 tal‑14 ta’ Novembru 2017, li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji li għandhom x’jaqsmu ma’ metodoloġija għall-valutazzjoni tal-valur tal-assi u l-obbligazzjonijiet tal-istituzzjonijiet jew l-entitajiet (ĠU 2018, L 67, p. 8).

273    Fl-Artikolu 6.3 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB indika li, meta kien qiegħed jiddeċiedi dwar l-iżvalutazzjoni u l-konverżjoni ta’ strumenti kapitali ta’ Banco Popular, huwa bbaża ruħu fuq il-valutazzjoni 2, kif ikkompletata u kkorroborata mir-riżultati tal-proċedura ta’ bejgħ immexxija mill-FROB.

274    Peress li l-valutazzjoni 2 tinkludi evalwazzjonijiet tekniċi u ekonomiċi kumplessi, jeħtieġ li s-SRB jiġi rikonoxxut b’setgħa diskrezzjonali wiesgħa meta qies li l-valutazzjoni 2 kienet tikkostitwixxi bażi valida għad-deċiżjoni tal-miżuri ta’ riżoluzzjoni.

275    Għaldaqstant, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 110 sa 115 iktar ’il fuq, l-istħarriġ imwettaq mill-Qorti Ġenerali huwa stħarriġ ristrett li huwa limitat għall-verifika tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni tas-SRB meta kkunsidra li l-valutazzjoni 2 kienet konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 806/2014. Huma r-rikorrenti li għandhom jipproduċu provi suffiċjenti sabiex iċaħħdu l-valutazzjoni 2 minn kull plawżibbiltà.

a)      Fuq lewwel parti, ibbażata fuq ksur talArtikolu 20(11) tarRegolament Nru 806/2014

276    Ir-rikorrenti jsostnu ksur tal-Artikolu 20(11) tar-Regolament Nru 806/2014, fis-sens li s-SRB irrifjuta li jipprovdi l-verżjonijiet definittivi tal-valutazzjonijiet 1 u 2. Is-SRB iddikjara, fit-tweġiba tiegħu tat‑30 ta’ Lulju 2018 għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali tas‑6 ta’ Lulju 2018, li ma kienx ser jippubblika verżjonijiet definittivi ta’ dawk il-valutazzjonijiet. Deloitte rrikonoxxiet li l-verżjonijiet definittivi tal-valutazzjonijiet kienu neċessarji u li kienet inkarigata tiżviluppahom. Ir-rikorrenti jirreferu għall-osservazzjonijiet tagħhom tal‑21 ta’ Settembru 2018 dwar ir-risposta tas-SRB għal din il-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u jsostnu li, skont il-premessa 64 u l-Artikolu 20(11) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB huwa obbligat li jippreżenta verżjonijiet definittivi tal-valutazzjonijiet 1 u 2.

277    Fir-rigward tal-valutazzjoni 1, wara li kkunsidrat l-għan tagħha kif iddefinit fil-punt 266 iktar ’il fuq u l-fatt li kienet maħsuba sabiex tikkontribwixxi għad-determinazzjoni dwar jekk Banco Popular kienx f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ fis-sens tal-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014, ir-rikorrenti ma jispjegawx l-utilità għat-twettiq ta’ valutazzjoni bħal din wara l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li l-valutazzjoni 1 intiża sabiex tiddetermina jekk Banco Popular kienx f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ma għadhiex valida wara l-valutazzjoni mwettqa mill-BĊE fis‑6 ta’ Ġunju 2017, fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular.

278    Fir-rigward tal-valutazzjoni 2, fit‑30 ta’ Lulju 2018, bi tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, is-SRB indika li din tal-aħħar ma kinitx ser tiġi segwita minn valutazzjoni definittiva ex post. Is-SRB qies li, minħabba l-pekuljaritajiet tal-każ preżenti, kien wasal għall-konklużjoni li valutazzjoni definittiva ex post ma kienet ser isservi l-ebda għan prattiku fil-kuntest tal-Artikolu 20(11) tar-Regolament Nru 806/2014, u lanqas ma kienet ser twassal għal deċiżjoni ta’ kumpens skont l-Artikolu 20(12) tal-istess regolament.

279    Hemm lok li jiġi rrilevat li l-valutazzjoni definittiva ex post prevista fl-Artikolu 20(11) tar-Regolament Nru 806/2014 hija, skont id-definizzjoni, sussegwenti għall-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

280    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 20(13) tar-Regolament Nru 806/2014, valutazzjoni provviżorja bħall-valutazzjoni 2 tikkostitwixxi bażi valida għall-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma jikkontestawx li, minħabba l-urġenza tal-kwistjoni, l-użu ta’ valutazzjoni provviżorja fis-sens tal-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014 kien iġġustifikat.

281    Huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata skont punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data meta jkun ġie adottat l-att (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2015, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Kummissjoni, C‑398/13 P, EU:C:2015:535, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li ma jistgħux jiġu kkunsidrati, matul l-evalwazzjoni tal-legalità ta’ dan l-att, elementi posterjuri għad-data ta’ meta l-att tal-Unjoni ġie adottat (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2014, Si.mobil vs Il‑Kummissjoni, T‑201/11, EU:T:2014:1096, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

282    Minn dan jirriżulta li l-fatt li ssir jew le valutazzjoni definittiva ex post, wara l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, ma jistax jaffettwa l-validità tad-deċiżjonijiet ikkontestati u li l-argumenti tar-rikorrenti huma ineffettivi.

283    Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li r-rifjut tas-SRB li jipprovdi l-verżjonijiet finali tal-valutazzjonijiet 1 u 2 juri l-l-ineżattezza tal-verżjonijiet provviżorji u li r-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular ma messhiex saret, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din hija purament spekulazzjoni mingħajr ebda bażi.

284    Fl-aħħar, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, l-Artikolu 20(15) tar-Regolament Nru 806/2014 li skontu “il-valwazzjoni għandha tkun parti integrali tad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni ta’ għodda ta’ riżoluzzjoni jew dwar l-eżerċizzju ta’ setgħa ta’ riżoluzzjoni jew id-deċiżjoni dwar l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ valwazzjoni negattiva jew konverżjoni ta’ strumenti kapitali” ma jistax jiġi interpretat li jfisser li l-valutazzjoni definittiva ex post tifforma parti integrali mid-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni. Il-valutazzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni hija dik li fuqha s-SRB ibbaża ruħu fl-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, jiġifieri, f’dan il-każ, il-valutazzjoni 2.

285    Għaldaqstant hemm lok li l-ewwel parti tiġi miċħuda.

b)      Fuq ittieni parti, ibbażata fuq ilksur tal-Artikolu 20(5)(a) sa (c) u (f) tarRegolament Nru 806/2014

286    Ir-rikorrenti jsostnu ksur tal-Artikolu 20(5) tar-Regolament Nru 806/2014, minħabba li l-espert indipendenti, fil-valutazzjoni 2, ma wettaqx analiżi tal-għanijiet previsti f’(a) sa (c) u (f) ta’ dik id-dispożizzjoni. L-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni filwaqt li jiġu injorati l-linji gwida tal-Artikolu 20(5) tar-Regolament Nru 806/2014 tmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali. Huma jargumentaw li huwa f’idejn l-espert indipendenti u mhux is-SRB li jevalwa jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 humiex issodisfatti u li jipprovdi l-elementi li jippermettu li tittieħed deċiżjoni dwar l-iktar miżura ta’ riżoluzzjoni xierqa u l-portata tagħha. Dan kien previst fil-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-2016, kif ukoll il-fatt li huwa l-espert indipendenti li għandu jwettaq il-valutazzjonijiet 1 u 2.

287    Skont ir-rikorrenti, fil-premessi 42 u 43 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB ma jsemmix li Deloitte kisbet, fil-valutazzjoni 2, l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 20(5)(a) sa (c) u (f) tar-Regolament Nru 806/2014. Deloitte kkonfermat li ma kinitx wettqet l-analiżi prevista f’dawk id-dispożizzjonijiet. Bl-istess mod, l-analiżi prevista minn dawn id-dispożizzjonijiet hija wkoll nieqsa fil-valutazzjoni 1. Is-SRB kien stabbilixxa l-prezz minimu tal-bejgħ għall-Banco Popular mingħajr ma bbaża ruħu fuq valutazzjoni. Il-valutazzjoni 1 kienet limitata għall-konklużjoni li Banco Popular kien solventi mingħajr ma analizzat il-likwidità tagħha. Is-SRB għamel riferiment għall-analiżi tal-BĊE dwar is-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular. Issa, l-analiżi tal-Artikolu 20(5) tar-Regolament Nru 806/2014 ma setgħetx tiġi ddelegata lil parti terza bħall-BĊE.

288    Qabelxejn, hemm lok li jiġi rrilevat li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jirriżulta espressament li huwa s-SRB, u mhux l-evalwatur indipendenti, li għandu jistma, f’sessjoni eżekuttiva, jekk humiex issodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni.

289    Barra minn hekk, il-fatt li l-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-2016 indika li l-evalwatur indipendenti kellu jwettaq il-valutazzjonijiet 1 u 2 huwa irrilevanti, peress li dan il-pjan ma ġiex applikat f’dan il-każ.

290    Ir-rikorrenti jsostnu li l-espert indipendenti ma wettaqx analiżi tal-għanijiet previsti fl-Artikolu 20(5)(a) sa (c) u (f) tar-Regolament Nru 806/2014, fil-valutazzjoni 2.

291    Fl-ewwel lok, l-Artikolu 20(5)(a) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi li l-valutazzjoni għandha l-għan “li [tagħti] informazzjoni biex jiġi ddeterminat jekk il-kondizzjonijiet tar-riżoluzzjoni jew il-kondizzjonijiet għall-valwazzjoni negattiva jew il-konverżjoni tal-istrumenti kapitali intlaħqux”.

292    Hemm lok li jitfakkar li, fil‑5 ta’ Ġunju 2017, is-SRB adotta l-valutazzjoni 1, li l-għan tagħha kien li jiġi ddeterminat jekk Banco Popular issodisfax il-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni jew għall-iżvalutazzjoni jew għall-konverżjoni tal-istrumenti ta’ fondi proprji tiegħu, skont l-Artikolu 20(5)(a) tar-Regolament Nru 806/2014. B’mod partikolari, is-SRB iddikjara li l-iskop tal-valutazzjoni 1 kien li jsir kontribut sabiex jiġi ddeterminat jekk Banco Popular kienx f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ fis-sens tal-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014.

293    Minn dan jirriżulta li, fil-valutazzjoni 1, is-SRB wettaq analiżi tal-għan previst fl-Artikolu 20(5)(a) tar-Regolament Nru 806/2014. Huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti jsostnu li din l-analiżi kellha ssir mill-espert indipendenti, peress li l-Artikolu 20(3) tar-Regolament Nru 806/2014 jagħti s-setgħa lis-SRB sabiex iwettaq il-valutazzjoni 1. Barra minn hekk, peress li s-SRB wettaq din l-analiżi, Deloitte setgħet tindika fir-rapport tagħha li ma kinitx ser tinkludiha fil-valutazzjoni 2.

294    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi speċifikat li l-valutazzjoni 1, sabiex jiġi ddeterminat jekk Banco Popular kienx f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, ma għadhiex tgħodd wara l-evalwazzjoni tal-BĊE tas‑6 ta’ Ġunju 2017. Fil-fatt, fil-valutazzjoni 1, is-SRB indika li, fid-data ta’ riferiment tal-evalwazzjoni tiegħu, jiġifieri l-31 ta’ Marzu 2017, Banco Popular kien solventi. Għall-kuntrarju, il-BĊE bbaża ruħu fuq il-ġbid kbir ta’ depożiti ta’ Banco Popular minn April u Mejju 2017 u fuq l-inkapaċità ta’ din tal-aħħar li tiġġenera likwidità ġdida, sabiex jikkonkludi li, fis‑6 ta’ Ġunju 2017, Banco Popular kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ. Għaldaqstant, l-argumenti intiżi li jikkontestaw il-valutazzjoni 1 huma ineffettivi.

295    Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jindika li l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, jiġifieri jekk l-entità hijiex f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, għandha titwettaq mill-BĊE, wara konsultazzjoni mas-SRB.

296    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jagħti rwol prijoritarju, anki jekk ma huwiex esklużiv, lill-BĊE, peress li huwa dan tal-aħħar li, bħala regola ġenerali, għandu jwettaq l-evalwazzjoni tal-falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ entità. Għalkemm is-SRB jista’ wkoll iwettaq tali evalwazzjoni, huwa biss wara li jkun informa lill-BĊE bl-intenzjoni tiegħu li jagħmel dan u biss jekk dan ta’ l-aħħar ma jwettaqx evalwazzjoni fi żmien tlett ijiem kalendarji minn meta jirċievi din l-informazzjoni. Għaldaqstant il-BĊE huwa rrikonoxxut li għandu kompetenza prijoritarja sabiex iwettaq tali evalwazzjoni, ibbażata fuq il-ħila esperta li għandu bħala awtorità ta’ superviżjoni, peress li, billi għandu aċċess, f’din il-kapaċità, għall-informazzjoni prudenzjali kollha dwar l-entità kkonċernata, huwa jinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiddetermina, fid-dawl tad-definizzjoni tal-falliment seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ li tinsab fl-Artikolu 18(4) ta’ dan ir-regolament, li jirreferi, b’mod partikolari, għal elementi marbuta mas-sitwazzjoni prudenzjali, bħalma huma l-kundizzjonijiet ta’ approvazzjoni, l-ammont ta’ assi meta mqabbel mal-ammont tal-obbligazzjonijiet jew dejn attwali jew futur, jekk dik il-kundizzjoni hijiex issodisfatta (sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2021, ABLV Bank et vs BĊE, C‑551/19 P u C‑552/19 P, EU:C:2021:369, punt 62).

297    Għaldaqstant huwa bi żball li r-rikorrenti jsostnu li l-analiżi tal-għan previst fl-Artikolu 20(5)(a) tar-Regolament Nru 806/2014 kellha tiġi inkluża fil-valutazzjoni 2 u ma setgħetx titwettaq mill-BĊE.

298    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li, fir-rikors u fir-replika, ir-rikorrenti jsemmu l-għan imsemmi fl-Artikolu 20(5)(a) tar-Regolament Nru 806/2014 bħala li jikkorrispondi għall-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 20(5)(a) u (c), mingħajr ma jqajmu xi argument speċifiku dwar l-għan previst fl-Artikolu 20(5)(c).

299    Fit-tieni lok, l-Artikolu 20(5)(f) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi li l-valutazzjoni għandha l-għan, “meta tiġi applikata l-għodda tal-bejgħ ta’ operat, li tingħata informazzjoni biex tittieħed deċiżjoni dwar l-assi, id-drittijiet, l-obbligazzjonijiet jew l-istrumenti l-oħra ta’ sjieda li għandhom jiġu ttrasferiti u biex jgħinu lill-Bord jifhem x’jikkostitwixxi termini kummerċjali għall-finijiet tal-Artikolu 24(2)(b)”.

300    Għall-kuntrarju ta’ dak li jargumentaw ir-rikorrenti, il-premessa 42(c) tal-iskema ta’ riżoluzzjoni tiddikjara espressament li l-valutazzjoni provviżorja twettqet bil-għan li jinġabru l-elementi li jippermettu t-teħid tad-deċiżjoni dwar l-azzjonijiet jew l-istrumenti ta’ proprjetà li għandhom jiġu trasferiti u li jippermettu lis-SRB jiddetermina x’jikkostitwixxi t-termini kummerċjali għall-finijiet tal-għodda ta’ bejgħ tal-operat.

301    Barra minn hekk, Deloitte tispeċifika li r-rapport tagħha tħejja bl-għan li jipprovdi valutazzjoni indipendenti skont l-għanijiet previsti fl-Artikolu 36(4)(b), (f) u (g) tad-Direttiva 2014/59. Madankollu, dawk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/59 jikkorrispondu għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20(5)(b), (f) u (g) tar-Regolament Nru 806/2014.

302    Fi kwalunkwe każ, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014, fejn, minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni, ma jkunx possibbli li jiġu osservati r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 7 u 9, għandha titwettaq valutazzjoni provviżorja. Din id-dispożizzjoni tindika espressament li din il-valutazzjoni provviżorja għandha tosserva r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 4 u, sa fejn dan ikun raġonevolment possibbli fid-dawl taċ-ċirkustanzi, ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 1, 7 u 9. Barra minn hekk, l-Artikolu 20(11) tar-Regolament Nru 806/2014 jindika li valutazzjoni li ma tissodisfax ir-rekwiżiti kollha stabbiliti fil-paragrafi 1 u 4 sa 9 titqies bħala provviżorja.

303    Minn dan jirriżulta li, f’sitwazzjonijiet, bħal f’dan il-każ, fejn il-valutazzjoni għandha titwettaq b’urġenza, din tikkostitwixxi valutazzjoni provviżorja li ma jkollhiex għalfejn tissodisfa l-għanijiet kollha previsti fl-Artikolu 20(5) tar-Regolament Nru 806/2014.

304    Għaldaqstant hemm lok li t-tieni parti tiġi miċħuda.

c)      Fuq ittielet parti, ibbażata fuq innuqqas ta’ indipendenza ta’ Deloitte

305    Ir-rikorrenti jsostnu li s-SRB kiser l-Artikolu 20(1) u l-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 806/2014, moqri flimkien mal-Artikoli 38 sa 41 tar-Regolament Delegat 2016/1075, minħabba n-nuqqas ta’ indipendenza ta’ Deloitte.

306    Skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 806/2014, il-valutazzjoni għandha ssir minn persuna indipendenti minn kwalunkwe awtorità pubblika, inkluż is-SRB u l-awtorità ta’ riżoluzzjoni nazzjonali, kif ukoll mill-entità kkonċernata.

307    Ir-rekwiżiti li jikkonċernaw l-indipendenza tal-valutaturi huma speċifikati fl-Artikoli 37 sa 41 tar-Regolament Delegat 2016/1075. L-Artikolu 38 tar-Regolament Delegat 2016/1075 jipprevedi tliet kundizzjonijiet kumulattivi sabiex il-valutatur jitqies indipendenti minn kwalunkwe awtorità pubblika rilevanti u mill-entità rilevanti. Fl-ewwel lok, il-valutatur ikollu l-kwalifiki, l-esperjenza, il-ħila, l-għarfien u r-riżorsi neċessarji u jista’ jagħmel il-valutazzjoni b’mod effettiv mingħajr dipendenza eċċessiva fuq xi awtorità pubblika rilevanti jew l-entità rilevanti. Fit-tieni lok, il-valutatur huwa legalment separat mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u l-entità rilevanti. Fit-tielet lok, il-valutatur ma għandu l-ebda interess komuni jew kontradittorju sinifikattiv fis-sens tal-Artikolu 41 tal-istess regolament delegat.

308    Issa, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jallegawx li Deloitte ma kellhiex il-kwalifiki, l-esperjenza, il-ħiliet, l-għarfien u r-riżorsi neċessarji sabiex twettaq il-valutazzjoni b’mod effettiv, fis-sens tal-ewwel kundizzjoni prevista fl-Artikolu 38 tar-Regolament Delegat 2016/1075. Lanqas ma jsostnu li Deloitte ma kinitx legalment separata mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti, jiġifieri s-SRB u l-FROB, u minn Banco Popular, fis-sens tat-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikolu 38 tar-Regolament Delegat 2016/1075.

309    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li s-SRB eżerċita influwenza mhux ġustifikata fuq Deloitte, bi ksur tal-Artikolu 39(3)(a) tar-Regolament Delegat 2016/1075, billi inkariga lil Deloitte sabiex ma tagħti l-ebda opinjoni dwar l-Artikolu 20(5)(a) sa (c) u (f) tar-Regolament Nru 806/2014 u għalhekk li titbiegħed mill-obbligi imposti fuqha bħala espert indipendenti. Deloitte, fuq struzzjoni tas-SRB, telqet mill-prinċipju li kienet sejra tiġi applikata l-għodda ta’ bejgħ tal-operat, iktar milli pprovdiet l-elementi li jippermettu li jiġi deċiż dwar l-istrument ta’ riżoluzzjoni. Is-SRB jidher li ta struzzjonijiet lil Deloitte sabiex ma tiżviluppax valutazzjoni definittiva. Għalkemm l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’ tikkonsulta l-espert, hija ma tistax tagħtih struzzjonijiet.

310    L-Artikolu 39(3)(a) tar-Regolament Delegat 2016/1075 jipprevedi li, fir-rigward tat-twettiq tal-valutazzjoni, il-valutatur indipendenti ma għandux ifittex jew jaċċetta istruzzjonijiet jew gwida minn awtorità jew entità pubblika rilevanti.

311    Hemm lok li jiġi rrilevat ukoll li l-Artikolu 39(4)(a) tar-Regolament Delegat 2016/1075 jipprovdi li “[i]l-paragrafu 3 ma jipprevjenix […] il-forniment ta’ ordnijiet, gwida, bini, tagħmir tekniku jew forom oħrajn ta’ appoġġ meta, fil-valutazzjoni tal-awtorità tal-ħatra jew xi awtorità oħra bħal din li tista’ tingħata s-setgħa li twettaq dan il-kompitu fl-Istat Membru kkonċernat, dan jitqies li huwa neċessarju għall-kisba tal-għanijiet tal-valwazzjoni”.

312    F’dan ir-rigward, hemm dettalji stabbiliti fil-premessa 35 tar-Regolament Delegat 2016/1075 li skontha:

“Barra minn hekk, għandu jiġi żgurat ukoll li l-valutatur indipendenti huwa kapaċi jwettaq il-valwazzjoni b’mod effettiv mingħajr dipendenza żejda fuq xi awtorità pubblika rilevanti oħra, inkluża l-awtorità ta’ riżoluzzjoni, u l-istituzzjoni jew l-entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE. Madankollu, l-għoti tal-istruzzjonijiet jew il-gwida meħtieġa sabiex jiġi sostnut it-twettiq tal-valwazzjoni, pereżempju b’rabta mal-metodoloġija pprovduta skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-valwazzjoni għall-finijiet marbutin mar-riżoluzzjoni, ma għandux jitqies li jikkostitwixxi dipendenza żejda meta t-tali struzzjonijiet ikunu, jew il-gwida tkun, meħtieġa għas-sostenn tat-twettiq tal-valwazzjoni […]”

313    Minn dan jirriżulta li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, l-Artikolu 39 tar-Regolament Delegat 2016/1075 ma jistax jiġi interpretat bħala li jipprojbixxi lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni milli tagħti kwalunkwe forma ta’ istruzzjonijiet lill-valutatur indipendenti.

314    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 20(5) tar-Regolament Nru 806/2014 jiddefinixxi l-għanijiet tal-valutazzjoni fid-dawl tal-għodda ta’ riżoluzzjoni applikata. B’mod partikolari, l-Artikolu 20(5)(f) tar-Regolament Nru 806/2014 jiddefinixxi l-għanijiet tal-valutazzjoni fil-każ li tiġi applikata l-għodda tal-bejgħ tal-operat, li huma differenti mill-għanijiet previsti fl-Artikolu 20(5)(d) u (e) tal-istess regolament, marbuta ma’ każijiet fejn tiġi applikata jew l-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna jew l-għodda ta’ istituzzjoni tranżitorja jew ta’ separazzjoni tal-assi.

315    L-Artikolu 20(5)(b) tar-Regolament Nru 806/2014, li jipprovdi li, jekk il-kundizzjonijiet għall-attivazzjoni ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni jiġu ssodisfatti, il-valutazzjoni tkun intiża sabiex tipprovdi l-elementi li jippermettu d-deċiżjoni dwar miżuri ta’ riżoluzzjoni xierqa li għandhom jittieħdu fir-rigward ta’ entità, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-valutazzjoni għandha tipprovdi lis-SRB l-elementi tekniċi u ekonomiċi li jippermettu l-implimentazzjoni tal-għodda ta’ riżoluzzjoni magħżula minn dan tal-aħħar.

316    Minn din id-dispożizzjoni ma jirriżultax li huwa l-valutatur li għandu jiddefinixxi huwa stess liema tkun l-iktar għodda ta’ riżoluzzjoni xierqa. Id-deċiżjoni dwar l-għażla tal-għodda ta’ riżoluzzjoni li għandha tiġi applikata għandha tittieħed mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni u mhux mill-valutatur indipendenti.

317    Il-fatt li l-valutatur indipendenti jintalab iwettaq valutazzjoni għall-finijet tal-applikazzjoni ta’ għodda speċifika, fejn dan ikun neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-valutazzjoni, ma jistax jikkostitwixxi dipendenza eċċessiva ta’ dan tal-aħħar fuq l-awtorità tar-riżoluzzjoni. Għaldaqstant, il-fatt li s-SRB qies li l-għodda ta’ bejgħ tal-operat kienet l-aħjar għodda sabiex jintlaħqu l-għanijiet tar-riżoluzzjoni u li ta mandat lil Deloitte sabiex twettaq valutazzjoni li tissodisfa l-għanijiet ta’ dik l-għodda għandu jitqies bħala li jifforma struzzjoni skont l-Artikolu 39(4)(a) tar-Regolament Delegat 2016/1075 u ma jippreġudikax l-indipendenza tal-valutatur.

318    Fir-rigward tal-argument li s-SRB ta struzzjonijiet lil Deloitte sabiex ma tipprovdix opinjoni dwar l-Artikolu 20(5)(a) sa (c) u (f) tar-Regolament Nru 806/2014, qiegħed isir riferiment għall-analiżi tat-tieni parti ta’ dan il-motiv.

319    Fir-rigward tal-argument li s-SRB ta struzzjonijiet lil Deloitte sabiex ma tifformolax valutazzjoni definittiva, huwa biżżejjed li jitfakkar li dan il-fatt, wara l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, ma jistax, fi kwalunkwe każ, jitfa’ dubju fuq il-legalità tagħha.

320    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma stabbilixxewx li s-SRB ta struzzjonijiet lil Deloitte bi ksur tal-Artikolu 39(3)(a) tar-Regolament Delegat 2016/1075.

321    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li, minħabba l-influwenza tas-SRB fuq Deloitte, il-valutatur allegatament kellu interess komuni jew kontradittorju sinjifikattiv ma’ awtorità pubblika fis-sens tal-Artikolu 41(1) tar-Regolament Delegat 2016/1075, bi ksur tal-Artikolu 38 ta’ dak ir-regolament delegat. Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li Deloitte kisret l-Artikolu 39(3)(b) tar-Regolament Delegat 2016/1075, peress li, mill-mument tar-riżoluzzjoni, Deloitte kienet mexxiet l-integrazzjoni ta’ Banco Popular ma’ Banco Santander.

322    Qabelxejn, kif jidher mill-punti 310 sa 320 iktar ’il fuq, dan l-argument għandu jiġi miċħud sa fejn jinferixxi l-eżistenza ta’ interess komuni jew kontradittorju sinjifikattiv mill-fatt li s-SRB eżerċita influwenza mhux xierqa fuq Deloitte, bi ksur tal-Artikolu 39(3)(a) tar-Regolament Delegat 2016/1075.

323    Barra minn hekk, fir-rigward tal-ksur tat-tielet kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 38 tar-Regolament Delegat 2016/1075, l-Artikolu 41(1) ta’ dak ir-Regolament delegat jipprevedi li l-valutatur indipendenti ma għandu l-ebda interess sinjifikattiv reali jew potenzjali komuni jew f’kunflitt ma’ awtorità pubblika rilevanti jew mal-entità rilevanti.

324    Skont l-Artikolu 41(2) tar-Regolament Delegat 2016/1075, għall-finijiet tal-paragrafu 1, interess attwali jew potenzjali jitqies sinjifikattiv meta l-awtorità tal-ħatra jew kwalunkwe awtorità oħra inkarigata b’dan il-kompitu fl-Istat Membru kkonċernat tqis li dan l-interess jista’ jinfluwenza, jew jista’ jiġi pperċepit b’mod raġonevoli li jinfluwenza, il-ġudizzju tal-valutatur indipendenti meta jwettaq il-valutazzjoni. Il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jispeċifika li huma rilevanti interessi komuni jew f’kunflitt mal-membri tal-entità jew il-kredituri tagħha.

325    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jindikawx x’inhu, f’dan il-każ, dan l-interess sinjifikattiv attwali jew potenzjali komuni jew f’kunflitt eżistenti bejn Deloitte u s-SRB jew bejn Deloitte u Banco Popular.

326    Fl-aħħar nett, l-Artikolu 39(3)(b) tar-Regolament Delegat 2016/1075 jipprovdi li, fir-rigward tat-twettiq tal-valutazzjoni, il-valutatur indipendenti ma għandux ifittex jew jaċċetta benefiċċji finanzjarji jew benefiċċji oħra minn awtorità pubblika rilevanti jew mill-entità rilevanti.

327    Hemm lok li jiġi kkonstatat, bħalma għamlu l-Kummissjoni u s-SRB, li eventwali impennji kummerċjali li konklużi Deloitte u Banco Santander wara r-riżoluzzjoni ma huwiex rilevanti u ma jistgħux jistabbilixxu kunflitt ta’ interess għal Deloitte fil-mument ta’ meta twettqet il-valutazzjoni 2.

328    Minn dan jirriżulta li l-ebda argument tar-rikorrenti ma jista’ jistabbilixxi n-nuqqas ta’ indipendenza ta’ Deloitte.

329    Għaldaqstant, it-tielet parti għandha tiġi miċħuda.

d)      Fuq irraba’ parti, ibbażata fuq ilksur talArtikolu 20(1) tarRegolament Nru 806/2014 peress li lvalutazzjoni 2 ma kinitx “ġusta, prudenti u realistika”

330    Ir-rikorrenti jsostnu li s-SRB kiser l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 806/2014 skont liema huwa għandu jiżgura li titwettaq valutazzjoni ġusta, prudenti u realistika tal-assi u l-obbligazzjonijiet tal-entità. Din id-dispożizzjoni ma tagħtix marġni ta’ diskrezzjoni sinjifikattiv lis-SRB u timponi fuq li juri li l-valutazzjonijiet jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet applikabbli. Din il-parti hija maqsuma, essenzjalment, fi tliet ilmenti.

1)      Fuq lewwel ilment, li lvalutazzjoni 2 kienet ibbażata fuq kriterji żbaljati

331    Ir-rikorrenti jsostnu li l-valutazzjoni 2 tagħmel riferiment biss għad-Direttiva 2014/59 u għal-Liġi 11/2015 u li għalhekk ma hijiex konformi mar-Regolament Nru 806/2014. Deloitte tirrikonoxxi li l-valutazzjoni 2 ma kinitx ibbażata fuq l-ipoteżi tal-kontinwità tal-operat, iżda li hija kienet wettqet valutazzjoni fil-kuntest ta’ likwidazzjoni. Deloitte għalhekk ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-valur tal-assi li xerrej kien jikkunsidra kieku kellu l-ħsieb li jkompli l-attivitajiet ta’ Banco Popular, kif effettivament seħħ. Ikun żbaljat li t-telf tagħhom jiġi assimilat għal dak li kienu jirċievu fi proċedimenti normali ta’ insolvenza. Deloitte kellha tikkalkula l-valur ta’ kontinwità tal-operat. Bl-użu tal-valur ta’ likwidazzjoni, Deloitte ssottovalutat il-valur tal-assi ta’ Banco Popular.

332    Jeħtieġ li jiġi speċifikat li d-Direttiva 2014/59 iċċitata fil-valutazzjoni 2 fiha dispożizzjonijiet ekwivalenti għal dawk tar-Regolament Nru 806/2014.

333    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li dawn l-argumenti huma bbażati fuq fehim żbaljat tal-metodoloġija użata fil-valutazzjoni 2. Fil-fatt, il-valutazzjoni 2 għandha żewġ partijiet, waħda li fiha l-valutazzjoni provviżorja ta’ Banco Popular u waħda li tikkonsisti f’simulazzjoni ta’ xenarju ta’ stralċ. L-ewwel parti hija intiża li tiddetermina l-valur ekonomiku ta’ Banco Popular fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-għodda ta’ bejgħ tal-operat. It-tieni parti għandha l-għan li tiddetermina jekk l-azzjonisti u l-kredituri kinux jibbenefikaw minn trattament aħjar kieku Banco Popular kien ġie suġġett għal proċedura normali ta’ insolvenza skont il-liġi Spanjola.

334    Is-SRB adotta l-iskema ta’ riżoluzzjoni billi ħa inkunsiderazzjoni l-ewwel parti tal-valutazzjoni 2 li fiha l-valutazzjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet ta’ Banco Populari fil-veru sens tal-kelma. Għall-kuntrarju, billi Deloitte speċifikat li la kellha l-informazzjoni kollha neċessarja u lanqas żmien suffiċjenti sabiex tagħmel stima iktar minn sempliċement indikattiva f’dan l-istadju, it-tieni parti tal-valutazzjoni 2 tikkorrispondi għall-ewwel simulazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 20(9) tar-Regolament Nru 806/2014. Il-valutazzjoni 3, li hija l-valutazzjoni definittiva sabiex jiġi ddeterminat jekk l-azzjonisti u l-kredituri kinux jibbenefikaw minn trattament aħjar kieku Banco Popular kien ġie suġġett għal proċedimenti normali ta’ insolvenza, skont l-Artikolu 20(16) tar-Regolament Nru 806/2014, twettqet wara r-riżoluzzjoni.

335    Issa, il-valur ta’ likwidazzjoni, li r-rikorrenti jikkontestaw l-użu tiegħu minn Deloitte, jikkorrispondi għat-tieni parti tal-valutazzjoni 2.

336    Jekk, skont l-argument tagħhom, ir-rikorrenti jikkontestaw it-tieni parti tal-valutazzjoni 2, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat dan huwa ineffettiv. Fil-fatt, id-determinazzjoni tad-differenza bejn it-trattament riċevut mill-azzjonisti ta’ Banco Popular fil-kuntest tar-riżoluzzjoni u dak li kienu jirċievu fi proċedimenti normali ta’ insolvenza taqa’ taħt il-valutazzjoni 3 u l-valutazzjoni definittiva tat-telf imġarrab mill-azzjonisti hija s-suġġett tad-deċiżjoni tas-SRB tas‑17 ta’ Marzu 2020 adottata abbażi tal-valutazzjoni 3.

337    Jekk, skont l-argument tagħhom, ir-rikorrenti jikkontestaw l-użu minn Deloitte tal-valur ta’ likwidazzjoni fl-ewwel parti tal-valutazzjoni 2 sabiex jiġu evalwati l-assi ta’ Banco Popular, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, fil-kuntest ta’ din l-ewwel parti, Deloitte ħadet inkunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ ta’ Banco Popular u mhux valur ta’ likwidazzjoni.

338    Fir-rigward tal-metodoloġija użata, Deloitte indikat, fil-valutazzjoni 2, li x-xenarju użat għad-determinazzjoni tal-valur ekonomiku kien il-bejgħ tal-bank skont l-għodda ta’ bejgħ tal-operat. Skont l-Artikolu 20(5)(f) tar-Regolament Nru 806/2014, il-valutazzjoni kienet intiża li tipprovdi elementi li jippermettu t-teħid tad-deċiżjoni dwar l-assi, id-drittijiet, l-impenji jew it-titoli l-oħra ta’ proprjetà li għandhom jiġu ttrasferiti, u li tipprovdi l-elementi li jippermettu lis-SRB jiddetermina x’jikkostitwixxi kundizzjonijiet kummerċjali għall-finijiet tal-Artikolu 24(2)(b) tal-istess regolament.

339    Deloitte spjegat li “l-valutazzjoni ekonomika [tagħha] kienet intiża li tipprovdi stima tal-valur li jista’ jiġi propost minn akkwirent potenzjali għall-bank kollu kemm hu, wara proċedura ta’ rkant miftuħa, ġusta u kompetittiva (“valur tal-bejgħ” skont l-Artikolu 11 tal-istandards tekniċi regolatorji […])”.

340    Mill-premessa 6 tal-istandards tekniċi regolatorji jirriżulta li l-għażla tal-iktar bażi xierqa ta’ evalwazzjoni (valur ta’ żamma jew valur tal-bejgħ) għandha ssir skont miżuri speċifiċi ta’ riżoluzzjoni previsti mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni.

341    Fir-rigward tal-għażla tal-bażi għall-evalwazzjoni, l-Artikolu 11(4) tal-istandards tekniċi regolatorji, riprodotti fl-Artikolu 11(4) tar-Regolament Delegat 2018/345, jindika:

“Jekk l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 10(1) jeħtieġu li l-assi u l-obbligazzjonijiet jkunu miżmuma minn entità li tkompli tkun istituzzjoni li tqajjem tħassib, il-valwatur għandu juża l-valur ta’ żamma bħala l-bażi tal-kejl xierqa. Il-valur ta’ żamma, jekk jitqies ġust, prudenti u realistiku, jista’ jantiċipa n-normalizzazzjoni tal-kundizzjonijiet tas-suq.

Il-valur ta’ żamma ma għandux jintuża bħala l-bażi tal-kejl fejn l-assi jkunu ttrasferiti lejn vettura tal-immaniġġar tal-assi skont l-Artikolu 42 tad-Direttiva 2014/59/UE jew lejn istituzzjoni tranżitorja skont l-Artikolu 40 ta’ din id-Direttiva, jew meta tintuża għodda tal-bejgħ ta’ negozju skont l-Artikolu 38 tad-Direttiva 2014/59/UE.”

342    Skont l-Artikolu 12(4) tal-istandards tekniċi regolatorji, riprodotti fl-Artikolu 12(4) tar-Regolament Delegat 2018/345, “[j]ekk is-sitwazzjoni ta’ entità ma tippermettilhiex li żżomm assi jew li tkompli negozju, jew meta l-bejgħ mill-bqija jkun meqjus neċessarju mill-awtorità tar-riżoluzzjoni biex jinkisbu l-objettivi tar-riżoluzzjoni, il-flussi ta’ flus mistennija għandhom jiġu referenzjati għall-valuri tad-disponiment mistennija f’perjodu speċifiku ta’ disponiment”.

343    Il-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ, għall-finijiet tal-għodda ta’ bejgħ tal-operat, huma ddefiniti fl-Artikolu 12(5) sa (7) tal-istandards tekniċi regolatorji, riprodotti fl-Artikolu 12(5) sa (7) tar-Regolament Delegat 2018/345.

344    Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti ma jistgħux isostnu li l-valur tal-bejgħ ma kienx il-metodoloġija korretta sabiex jiġi evalwat il-valur ta’ Banco Popular fil-kuntest tal-valutazzjoni 2.

345    Għaldaqstant, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

2)      Fuq ittieni lment, ibbażat fuq li lvalutazzjonijiet 1 u 2 huma spekulattivi ħafna

346    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li s-SRB indika li l-valutazzjoni 1 ma tat l-ebda garanzija dwar il-preċiżjoni tar-riżultati espressi fir-rapport u li Deloitte, fil-valutazzjoni 2, esprimiet ħafna riżervi dwar l-affidabbiltà tagħha u s-suffiċjenza tal-informazzjoni vverifikata.

347    Hemm lok li jitfakkar li, għall-istess raġuni bħal dik stabbilita fil-punt 294 iktar ’il fuq, l-argumenti intiżi li jikkontestaw il-valutazzjoni 1 huma ineffettivi.

348    Fir-rigward tal-valutazzjoni 2, fl-ittra li takkumpanja l-komunikazzjoni ta’ din il-valutazzjoni 2 lis-SRB, Deloitte indikat li, minħabba l-pożizzjoni diffiċli ta’ likwidità ta’ Banco Popular, kienet ġiet mistiedna twettaq il-valutazzjoni tagħha fi żmien qasir ħafna. Ix-xogħol ewlieni kien limitat għal tnax-il jum mill-jum li fih hija kellha aċċess għad-dokumentazzjoni, filwaqt li proġett bħal dan kellu normalment jieħu sitt ġimgħat. Deloitte rrilevat li kien hemm għadd ta’ lakuni u inkonsistenzi fost l-informazzjoni disponibbli. Deloitte semmiet li l-valutazzjoni kellha titqies bħala inċerta u provviżorja ħafna skont l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2014/59 u li ġie inkluż ilqugħ għal telf addizzjonali fil-valutazzjoni skont l-Artikolu 36(9) tad-Direttiva 2014/59, li jikkorrispondi għall-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014.

349    Kif jirrilevaw ir-rikorrenti, Deloitte ssemmi wkoll il-limiti ta’ żmien u ta’ informazzjoni disponibbli fil-parti tal-Anness tal-valutazzjoni 2 bit-titolu “Ambitu, bażi tax-xogħol u limitazzjonijiet” (scope, basis of work and limitations), li tfakkar il-kundizzjonijiet li skonthom kellha twettaq il-valutazzjoni 2.

350    L-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi espressament għall-ipoteżi li, minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni, ma jkunx possibbli li jiġu osservati r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 7 u 9 ta’ dak l-artikolu, jiġifieri, b’mod partikolari, il-każ fejn ma jkunx possibbli li titlesta l-valutazzjoni permezz ta’ ċerta informazzjoni li tinsab fil-kotba u r-reġistri tal-kontabbiltà. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ inċertezzi inerenti fi kwalunkwe valutazzjoni provviżorja billi tipprovdi, fit-tieni subparagrafu tagħha, li din tal-aħħar tinkludi lqugħ għal telf addizzjonali.

351    B’hekk, skont din id-dispożizzjoni, Deloitte sempliċement iddikjarat li, minħabba ż-żmien limitat disponibbli sabiex issir il-valutazzjoni, hija kellha tibbaża ruħha fuq informazzjoni mhux kompluta u speċifikat li l-valutazzjoni li kienet wettqet għandha titqies bħala valutazzjoni provviżorja fis-sens tal-Artikolu 36(9) tad-Direttiva 2014/59.

352    Barra minn hekk, mill-Artikolu 20(13) tar-Regolament Nru 806/2014 jirriżulta li, minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni, is-SRB seta’ jibbaża ruħu fuq il-valutazzjoni 2 imwettqa skont l-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014 sabiex jadotta l-iskema ta’ riżoluzzjoni.

353    Barra minn hekk, l-inċertezzi inerenti fil-valutazzjoni 2 huma enfasizzati fl-istandards tekniċi regolatorji li minnhom jirriżulta li, meta jwettaq l-istima u l-attwalizzazzjoni tal-flussi ta’ likwidità li l-entità tista’ tistenna mill-assi u mill-obbligazzjonijiet eżistenti, il-valutatur għandu jibbaża ruħu fuq suppożizzjonijiet ġusti, prudenti u realistiċi u jieħu inkunsiderazzjoni fatturi u ċirkustanzi differenti.

354    B’mod partikolari, fir-rigward tal-istimi tal-valur tal-bejgħ, l-Artikolu 12(5) tal-istandards tekniċi regolatorji, riprodotti fl-Artikolu 12(5) tar-Regolament Delegat 2018/345, jipprovdi:

“Il-valur ta’ disponiment għandu jiġi ddeterminat mill-valwatur fuq il-bażi tal-flussi ta’ flus, il-valur nett tal-ispejjeż tad-disponiment u l-valur nett tal-valur mistenni ta’ kull garanzija mogħtija, li l-entità tista’ tistenna b’mod raġonevoli fil-kundizzjonijiet tas-suq prevalenti attwalment permezz ta’ bejgħ jew trasferiment b’mod ordinat ta’ assi jew obbligazzjonijiet. Jekk ikun xieraq, wara li jiġu kkunsidrati l-azzjonijiet li jridu jittieħdu taħt l-iskema ta’ riżoluzzjoni, il-valutatur jista’ jiddetermina l-valur ta’ disponiment billi japplika tnaqqis potenzjali ta’ bejgħ aċċellerat lill-prezz tas-suq osservabbli ta’ dan il-bejgħ jew trasferiment. Biex jiġi ddeterminat il-valur ta’ disponiment ta’ assi li ma għandhomx suq likwidu, il-valutatur għandu jikkunsidra prezzijiet osservabbli fis-swieq fejn assi simili huma nnegozjati jew mudelli ta’ kalkoli bl-użu ta’ parametri osservabbli tas-suq, bi tnaqqis għal nuqqas ta’ likwidità rifless kif xieraq.”

355    L-Artikolu 12(6) tal-istandards tekniċi regolatorji, riprodotti fl-Artikolu 12(6) tar-Regolament Delegat 2018/345, jindika diversi fatturi, li l-valutatur għandu jieħu inkunsiderazzjoni, li jistgħu jinċidu fuq il-valuri tal-bejgħ u t-termini tal-bejgħ.

356    Minn dan jirriżulta li l-valutazzjoni 2 hija bbażata fuq suppożizzjonijiet u tiddependi minn fatturi multipli. B’hekk, skont l-istandards tekniċi regolatorji, sabiex tiddetermina l-valur tal-bejgħ ta’ Banco Popular fid-data tar-riżoluzzjoni, Deloitte, fil-valutazzjoni 2, ibbażat ruħha fuq stimi u valutazzjonijiet prospettivi u ppreżentat ir-riżultat tagħha fil-forma ta’ firxa ta’ valuri.

357    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, minħabba l-limitazzjonijiet ta’ żmien u l-informazzjoni disponibbli, ċerti inċertezzi u approssimazzjonijiet huma inerenti fi kwalunkwe valutazzjoni provviżorja mwettqa skont l-Artikolu 20(10), tar-Regolament Nru 806/2014 u li r-riżervi fformulati minn Deloitte ma jistgħux ifissru li l-valutazzjoni 2 ma kinitx “ġusta, prudenti u realistika” fis-sens tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 806/2014.

358    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Artikolu 20(1), (4) u (12) tar-Regolament Nru 806/2014 jeżiġi li l-valutazzjoni tkopri l-assi u l-obbligazzjonijiet kollha tal-entità kkonċernata. Issa, Deloitte indikat li kienet iffukat fuq ċerti klassijiet ta’ assi li l-valutazzjoni tagħhom kienet inċerta ħafna.

359    Ir-rikorrenti jagħmlu riferiment għad-dikjarazzjoni ta’ Deloitte, li tinsab fl-ittra ta’ kopertura għar-rapport dwar il-valutazzjoni 2, li skontha, minħabba l-perijodu ta’ żmien qasir disponibbli għall-abbozz tal-valutazzjoni 2, kellha tagħti prijorità stretta lill-eżami tal-informazzjoni disponibbli, billi tiffoka biss fuq l-assi u obbligazzjonijiet ewlenin li l-valutazzjoni tagħhom kienet inċerta ħafna.

360    Huwa biżżejjed li wieħed jinnota li dan l-approċċ huwa konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tal-istandards tekniċi regolatorji, li skonthom:

“Il-valwatur għandu jiffoka b’mod partikolari fuq oqsma suġġetti għal inċertezza tal-valutazzjoni sinifikanti li jkollha impatt sinifikanti fuq il-valutazzjoni globali. Għal dawn l-oqsma, il-valwatur għandu jipprovdi r-riżultati tal-valutazzjoni fil-forma tal-aħjar stimi tal-punt u, fejn xieraq, firxa ta’ valuri […]”

361    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-valutazzjoni tal-kategoriji tal-assi fil-valutazzjoni 2 ma tissodisfax ir-rekwiżiti minimi tal-Artikolu 20(4) u (6) tar-Regolament Nru 806/2014. Huma jikkontestaw il-valutazzjoni mwettqa minn Deloitte fil-valutazzjoni 2 għal kategoriji ta’ assi differenti.

362    Ir-rikorrenti jsostnu, għal diversi kategoriji ta’ assi, li Deloitte ma kellhiex informazzjoni suffiċjenti u li r-riżultat tal-evalwazzjoni tagħha huwa differenti minn dak tal-valutazzjoni 1.

363    F’dan ir-rigward, minn naħa, minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, bħala definizzjoni, l-inċertezzi huma inerenti fi kwalunkwe valutazzjoni provviżorja u li, minħabba ż-żmien qasir ħafna disponibbli għal Deloitte, ma setax ikollha xi informazzjoni. Dawn l-inċertezzi huma riflessi b’mod partikolari fil-fatt li Deloitte indikat fil-valutazzjoni 2, skont l-istandards tekniċi regolatorji, li r-riżultati tal-valutazzjoni ngħataw fil-forma ta’ firxiet ta’ valuri li jinkludu x-xenarju tal-aħjar u l-agħar każ u l-aħjar valutazzjoni possibbli.

364    Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-valutazzjoni ta’ dawn l-assi fil-valutazzjoni 2 hija differenti minn dik fil-valutazzjoni 1 ma huwiex rilevanti, peress li dawn iż-żewġ valutazzjonijiet kellhom għanijiet differenti u kienu bbażati fuq metodi ta’ kalkolu differenti. Il-valutazzjoni 2 kienet maħsuba sabiex tistabbilixxi l-valur tal-bejgħ tal-assi għal xerrej potenzjali, li kien jeħtieġ aġġustamenti fil-valur kontabbli tagħhom. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi speċifikat li, fil-valutazzjoni 2, Deloitte aġġustat il-valur ta’ kull klassi ta’ assi fuq il-bażi tal-karta tal-bilanċ ikkonsolidata ta’ Banco Popular fil‑31 ta’ Marzu 2017.

365    Għalhekk, il-paraguni magħmula mir-rikorrenti bejn il-valur tal-aġġustamenti kkalkulati fil-valutazzjoni 2 għas-self u d-dejn, l-assi tal-proprjetà immobbli u l-assi tat-taxxa u l-valur ta’ dawn il-klassijiet ta’ assi fil-valutazzjoni 1 ma humiex rilevanti.

366    L-argumenti l-oħra tar-rikorrenti speċifiċi għal kull klassi ta’ assi għandhom jiġu eżaminati.

367    Fir-rigward tal-valutazzjoni tas-self u tad-dejn, ir-rikorrenti jsostnu li peress li Deloitte ma kinitx f’pożizzjoni li twettaq analiżi tal-flussi tal-flus skontati (Discounting Cash Flows), hija wettqet valutazzjonijiet spekulattivi ħafna, fatt li wassal għal sottovalutazzjoni ta’ dawn l-assi b’aġġustament ta’ EUR 3.5 biljun fix-xenarju bażi, meta mqabbel ma’ aġġustament ta’ bejn EUR 501 u EUR 774 miljun fil-valutazzjoni 1.

368    Fil-valutazzjoni 2, Deloitte indikat li l-metodu tagħha għall-kalkolu tal-valur ekonomiku tas-self u d-dejn kien li jiġi stmat it-telf ta’ kreditu mistenni. Dan irriżulta f’firxa ta’ aġġustamenti li jvarjaw minn EUR 2.7 biljun fl-aħjar xenarju għal EUR 6.9 biljun fl-agħar xenarju u stima aħjar ta’ EUR 3.5 biljun.

369    Għandu jiġi rrilevat li dan il-metodu jikkonforma mal-istandards tekniċi regolatorji.

370    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li s-self u d-dejn jiffurmaw parti mill-elementi li dwarhom hemm inċertezza sinjifikattiva u li l-valutatur għandu jagħtihom attenzjoni partikolari skont l-Artikolu 8(a) tal-istandards tekniċi regolatorji, li jipprovdi:

“[S]elf jew portafolli ta’ self, li l-flussi ta’ flus mistennija tagħhom jiddependu mill-abbiltà, ir-rieda jew l-inċentiv tal-kontroparti li jwettaq l-obbligu tiegħu, jekk dawn l-aspettattivi jkunu xprunati minn suppożizzjonijiet relatati mar-rati ta’ delinkwenza, probabbiltajiet ta’ inadempjenza, telf fil-każ ta’ inadempjenza, jew karatteristiċi tal-istrument, speċjalment fejn xejriet ta’ telf ta’ portafoll ta’ self juru evidenza ta’ dan”.

371    Barra minn hekk, fil-paġni 4 sa 11 tal-Anness tal-valutazzjoni 2, Deloitte spjegat l-aġġustamenti li kienet għamlet fir-rigward tal-valutazzjoni tas-self u tad-dejn, b’mod partikolari fir-rigward tar-riskji ta’ inadempjenza. Ir-rikorrenti ma jqajmu l-ebda argument intiż li jikkontesta dawn l-aġġustamenti. Minbarra r-riferiment tagħhom għall-valutazzjoni 1, ir-rikorrenti ma jispjegawx għaliex il-valutazzjoni tal-aġġustamenti mwettqa minn Deloitte fl-aħjar stima tagħha kienet tikkostitwixxi sottovalutazzjoni.

372    Fir-rigward tal-valutazzjoni tal-assi tal-proprjetà immobbli, ir-rikorrenti jsostnu li Deloitte llimitat ruħha sabiex teżamina kampjun ta’ 112 rapport ta’ evalwazzjoni, li ma qisitx il-likwidità tal-portafoll u ma qisitx assi oħra tal-proprjetà immobbli li jiswew EUR 1 043 biljun, fatt li wassal għal sottovalutazzjoni sinjifikattiva.

373    Hemm lok li jiġi rrilevat li dawn l-argumenti huma bbażati fuq qari żbaljat tal-valutazzjoni 2.

374    F’dan ir-rigward, fil-paġna 5 tar-rapport ta’ valutazzjoni 2, Deloitte indikat li l-valutazzjoni tagħha kienet ibbażata fuq informazzjoni li tkopri 93 % tal-portafoll tal-proprjetà immobbli ta’ Banco Popular, estrapolata sabiex tkopri l-assi kollha. Issemmi li użat il-metodoloġija ta’ valutazzjoni tagħha stess u li, sabiex tivverifika r-riżultati miksuba, użat it-tieni metodoloġija billi wettqet kontroverifika tal-assi tal-proprjetà immobbli l-iktar importanti, fuq il-bażi ta’ kampjun ta’ 112 rapport ta’ evalwazzjoni ta’ parti terza sabiex taġġusta l-ipoteżijiet u sabiex tipprovdi valutazzjoni minn fuq għal isfel iktar preċiża. Ir-rikorrenti għalhekk ma jistgħux isostnu li l-valutazzjoni tal-assi tal-proprjetà immobbli fil-valutazzjoni 2 kienet ibbażata biss fuq dawn il-112-il rapport.

375    Barra minn hekk, il-fatt li Deloitte indikat li l-likwidità tal-portafoll tal-assi tal-proprjetà immobbli analizzati kienet limitata ma jistax ifisser, kif isostnu r-rikorrenti, li hija ma eżaminatx dik il-likwidità. Pereżempju, fil-paġni 15 u 16 tal-Anness tal-valutazzjoni 2, Deloitte, fl-evalwazzjoni tagħha tal-portafoll tal-proprjetà immobbli ta’ Banco Popular skont it-tip ta’ assi, repetutament issemmi l-likwidità limitata tagħha.

376    Barra minn hekk, mit-tabella fil-paġna 26 tal-Anness għall-valutazzjoni 2, bit-titolu “Riżultat tal-valutazzjoni (struttura tal-karta tal-bilanċ)”, jirriżulta li Deloitte qieset l-assi tal-proprjetà immobbli deskritti bħala “oħrajn” fil-karta tal-bilanċ ta’ Banco Popular għal valur ta’ EUR 1 043 biljun. Billi fil-paġna 12 tal-Anness tal-valutazzjoni 2 ġie indikat li dawn l-assi tal-proprjetà immobbli deskritti bħala “oħrajn” ma kinux ivvalutati, Deloitte sempliċement indikat li ma kienet applikat l-ebda aġġustament għalihom. Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, dan ma setax jirriżulta f’sottovalutazzjoni.

377    Fir-rigward tal-valutazzjoni tal-assi tat-taxxa, ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq il-kalkolu li sar minn Banco Santander wara r-riżoluzzjoni li ssostni li Deloitte wettqet sottovalutazzjoni.

378    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-analiżi mwettqa minn Deloitte kienet intiża li tiddetermina l-valur tal-klassijiet differenti ta’ assi għal kwalunkwe xerrej potenzjali. Il-valur mogħti lil dawn l-assi minn Banco Santander wara l-akkwist ta’ Banco Popular, skont is-sinerġiji bejn dawn iż-żewġ entitajiet, għalhekk ma huwiex rilevanti għall-valutazzjoni tal-validità tal-valutazzjoni 2.

379    Barra minn hekk, Deloitte, fir-rapport dwar il-valutazzjoni 2, indikat li l-evalwazzjoni tal-assi ta’ taxxa differita mhux protetti tiddependi mill-profitti taxxabbli antiċipati tal-akkwirent (pjan kummerċjali) u l-livelli eżistenti ta’ kreditu ta’ taxxa. B’mod partikolari, fil-paġna 32 tal-Anness tal-valutazzjoni 2, hija ddikjarat li l-valutazzjoni tal-assi tat-taxxa differita mhux protetti kienet tiddependi mill-akkwirent, b’mod partikolari mill-fatt li l-akkwirent kien entità Spanjola jew barranija u li, fil-każ li l-akkwirent kien bank Spanjol, l-irkupru u l-kontabilità tagħhom fuq il-karta tal-bilanċ jiddependu mill-pjan tan-negozju ta’ Banco Popular u ta’ dak l-akkwirent. Ir-rapport dwar il-valutazzjoni jsemmi li l-evalwazzjoni magħmula minn Deloitte tqis dawn l-ipoteżijiet differenti.

380    Fir-rigward tal-valutazzjoni tad-dispożizzjonijiet għal riskji legali, ir-rikorrenti jissottomettu li Deloitte ma eżaminatx opinjoni legali dwar il-merti tal-pretensjonijiet li wasslu għal dawk id-dispożizzjonijiet.

381    Fil-valutazzjoni 2, Deloitte indikat li kienet tiddependi fuq il-kalkoli magħmula mill-Banco Popular, billi għamlet aġġustamenti bbażati fuq l-esperjenza tagħha u t-tendenzi tas-settur. Hemm lok li jiġi kkunsidrat li dan il-metodu jippermetti li ssir valutazzjoni “ġusta, prudenti u realistika” fis-sens tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 806/2014.

382    Fir-rigward tal-valutazzjoni ta’ impriżi komuni, sussidjarji u assoċjati, ir-rikorrenti jsostnu li Deloitte applikat approċċ ibbażat fuq il-valur tas-suq u ma kinitx tikkonferma r-riżultat tagħha permezz ta’ valutazzjoni bbażata fuq metodi oħra. Barra minn hekk, ir-riżultat tal-valutazzjoni 2 huwa kontradett mill-valutazzjoni 3, mill-evalwazzjonijiet imwettqa minn analisti oħra tas-suq kif ukoll mill-bejgħ sussegwenti ta’ xi wħud minn dawn l-assi.

383    Minn naħa, għandu jitfakkar li kien b’mod ġust li Deloitte użat metodu bbażat fuq il-valur tal-bejgħ ta’ Banco Popular, li, skont standards tekniċi regolatorji, jikkorrispondi għall-prezz li jista’ jinkiseb fis-suq għal assi jew grupp ta’ assi partikolari filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni attwalizzazzjoni xierqa. Il-fatt li Deloitte indikat li ma kinitx kapaċi tagħmel kontroverifika permezz ta’ metodi oħrajn ma huwiex tali li jitfa’ dubju fuq ir-riżultat tal-valutazzjoni 2 abbażi tal-metodu analitiku xieraq.

384    Min-naħa l-oħra, l-evalwazzjonijiet ta’ wara r-riżoluzzjoni ma humiex rilevanti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jqabblu b’mod żbaljat il-valur ta’ EUR 1.9 biljun ikkunsidrat fil-valutazzjoni 2 u l-ammont ta’ EUR 7 496 biljun muri fil-valutazzjoni 3. Fil-valutazzjoni 2, Deloitte speċifikat li l-analiżi tagħha kienet ibbażata fuq bażi kkonsolidata u li din il-parti tal-evalwazzjoni tagħha kienet limitata għal impriżi konġunti u impriżi assoċjati, filwaqt li l-valutazzjoni 3 kienet tinkludi s-sussidjarji.

385    Fir-rigward tal-valutazzjoni tal-assi intanġibbli, ir-rikorrenti jissottomettu li Deloitte assenjat valur żero lill-fondi kummerċjali ta’ Banco Popular u valur limitat lill-trade mark ta’ Banco Pastor, fatt li ma jikkorrispondix għar-realtà. Deloitte sostniet li ma kellhiex disponibbli t-testijiet ta’ żvalutazzjoni, b’tali mod li setgħetx tikkonferma l-valur reali tal-assi intanġibbli.

386    Hemm lok li jiġi rrilevat li, fir-rapport dwar il-valutazzjoni 2, Deloitte spjegat, fir-rigward tal-assi kummerċjali, li xerrej potenzjali ma jattribwixxi l-ebda valur lil fond kummerċjali li kien jeżisti minn qabel peress li ma kienx assi identifikabbli fil-kuntest ta’ ġbir flimkien tal-impriżi. Huwa indika li, fid-dawl tal-preżenza qawwija tat-trade mark Banco Pastor f’Galicia, dik it-trade mark kellha valur għal terzi u li kien stima l-firxa tal-valur billi applika il-metodu ta’ tariffi, li huwa l-metodu l-iktar użat għall-evalwazzjoni tat-trade marks. Ir-rikorrenti ma jqajmu l-ebda argument speċifiku ta’ natura li jpoġġi f’dubju dawn l-ispjegazzjonijiet.

387    Fir-rapport dwar il-valutazzjoni 2, Deloitte indikat li t-testijiet tal-iżvalutazzjoni ma kinux ingħatawlha, b’tali mod li ma kinitx f’pożizzjoni li tanalizza l-appoġġ użat minn Banco Popular għal dawn l-assi, iżda l-prestazzjoni fqira ta’ Banco Popular f’dawn l-aħħar snin kienet indikazzjoni ta’ żvalutazzjoni potenzjali ta’ assi intanġibbli. Minn dan jirriżulta li, kieku Banco Popular ipprovda din l-informazzjoni, kien neċessarjament jirriżulta f’valur iktar baxx meta mqabbel mal-valur tal-karta tal-bilanċ ikkonsolidata ta’ Marzu 2017 meħuda inkunsiderazzjoni minn Deloitte.

388    Fir-rigward tal-assi u t-titoli ta’ dejn, ir-rikorrenti jissottomettu li Deloitte għamlet l-istimi tagħha stess minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni suffiċjenti dwar il-karatteristiċi tal-assi tat-tielet livell.

389    B’dan l-argument, ir-rikorrenti sempliċement jirrilevaw mill-ġdid is-sentenzi tar-rapport dwar il-valutazzjoni 2 li fihom Deloitte indikat liema kienu s-sorsi ta’ inċertezza fl-evalwazzjoni tagħha, li huma inerenti għall-valutazzjoni provviżorja. Madankollu, dawn ma jqajmu l-ebda argument intiż li jpoġġi f’dubju dawn l-istimi.

390    Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ sinerġiji u fatturi ewlenin oħra, ir-rikorrenti jsostnu li peress li l-kalkolu ta’ Deloitte kien tħassar, ma huwiex possibbli li jiġi vverifikat jekk l-istima tagħha tikkorrispondix għall-profitabbiltà ddikjarata minn Banco Santander wara l-akkwist ta’ Banco Popular.

391    F’dan ir-rigward, fir-rapport ta’ valutazzjoni 2, Deloitte rrilevat li għamlet l-istima tagħha billi qieset l-informazzjoni pubblika disponibbli dwar amalgamazzjonijiet u akkwisti fis-settur bankarju fi Spanja, li “sinerġiji [setgħu] ivarjaw skont l-akkwirent u, b’mod partikolari, [kienu] jiddependu mis-sovarpożizzjonji tas-sussidjarji” u li “iktar ma jkun hemm sovapożizzjoni tas-sussidjarji [kien], iktar [setgħu] ikunu s-sinerġiji miksuba”. Hija tindika li s-sinerġiji kienu jiddependu b’mod sostanzjali mill-akkwirent. Issa, Deloitte kellha twettaq l-evalwazzjoni tagħha billi tqis kwalunkwe akkwirent potenzjali. Ir-riżultat ta’ din il-valutazzjoni ma jistax jitqabbel mas-sinerġiji miksuba minn Banco Santander wara l-akkwist ta’ Banco Popular.

392    Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma ressqu l-ebda argument jqiegħed f’dubju l-valutazzjoni ta’ Deloitte tal-assi ta’ Banco Popular fil-valutazzjoni 2.

393    Għaldaqstant, it-tieni lment għandu jiġi miċħud.

3)      Fuq ittielet ilment, li lvalutazzjoni 2 ma hijiex “ġusta, prudenti u realistika”

394    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-firxa stmata minn Deloitte għall-valur ta’ Banco Popular ma tistax tiġi aċċettata minħabba d-differenza kunsiderevoli bejn ix-xenarji differenti.

395    Fil-valutazzjoni 2, Deloitte rrilevat li r-riżultat tal-evalwazzjoni tagħha kien jaqa’ fil-firxa ta’ bejn EUR 1.3 biljun u inqas minn EUR 8.2 biljun, bl-aħjar stima f’din il-firxa ta’ inqas minn EUR 2 biljun.

396    Minn naħa, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti sempliċement jikkontestaw il-kredibbiltà ta’ din il-firxa mingħajr ma jqajmu ebda argument speċifiku. Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-portata tal-firxa hija ġġustifikata mill-metodu użat fil-valutazzjoni 2.

397    F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-metodoloġija użata fil-valutazzjoni 2, Deloitte indikat li kienet adottat approċċ kategorija b’kategorija, billi aġġustat il-valuri kontabbli ta’ kull klassi ta’ assi u obbligazzjonijiet sabiex jiġi stmat it-telf u l-profitt u aġġustamenti oħra li kwalunkwe akkwirent japplika għall-valur. Hija pproduċiet firxa ta’ evalwazzjoni għal kull klassi ta’ assi u ta’ obbligazzjonijiet.

398    Dan il-metodu huwa konformi mal-Artikolu 2(3) tal-istandards tekniċi regolatorji, riprodotti fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Delegat 2018/345, li skontu:

“Il-valwatur għandu jipprovdi l-aħjar stima tal-punt tal-valur ta’ assi partikoli [partikolari], obbligazzjoni partikolari, jew kombinazzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ elementi. Jekk ikun xieraq, ir-riżultati tal-valwazzjoni għandhom jiġu pprovduti wkoll fil-forma ta’ firxa ta’ valuri.”

399    B’hekk, iż-żieda tal-valuri l-iktar baxxi għal kull klassi ta’ assi u ta’ obbligazzjonijiet pprovdiet l-istima baxxa tal-firxa u ż-żieda tal-ogħla valuri pprovdiet l-istima għolja tal-firxa. Għaldaqstant, dan il-metodu jispjega l-portata tal-firxa adottata fil-valutazzjoni 2.

400    Barra minn hekk, kif jenfasizza s-SRB, fid-dawl tal-portata tal-karta tal-bilanċ totali ta’ Banco Popular, b’ċifra totali li taqbeż EUR 130 biljun, id-differenza bejn iż-żewġ valuri fil-firxa tirrappreżenta biss madwar 7 % tal-karta tal-bilanċ. B’hekk din id-differenza tirrifletti l-grad ta’ inċertezza inerenti fil-proċess ta’ valutazzjoni.

401    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jargumentaw li l-iżvalutazzjoni ta’ Banco Popular fil-valutazzjoni 2 hija inkompatibbli mal-istimi tal-BĊE, tas-SRB u tal-awtoritajiet Spanjoli, li qiesu li l-bank kien solventi. Il-valutazzjoni 2 hija inkompatibbli mal-valutazzjoni 1, li fiha s-SRB ikkunsidra li, anki b’aġġustamenti, Banco Popular kien jibqa’ solventi. Il-motivazzjonijiet tal-valutazzjonijiet 1 u 2 huma kontradittorji fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular.

402    Fis-sommarju introduttorju tagħhom, l-istandards tekniċi tal-EBA jispeċifikaw in-neċessità li ssir distinzjoni bejn żewġ tipi ta’ valutazzjonijiet qabel ir-riżoluzzjoni, jiġifieri, minn naħa, il-valutazzjoni 1 imwettqa skont l-Artikolu 36(4)(a) tad-Direttiva 2014/59, li hija l-ekwivalenti tal-Artikolu 20(5)(a) tar-Regolament Nru 806/2014, u l-valutazzjoni 2 imwettqa skont l-Artikolu 36(4)(b) sa (g) tad-Direttiva 2014/59, li tikkorrispondi mal-Artikolu 20(5)(b) sa (g) tar-Regolament Nru 806/2014.

403    Il-premessa 1 tal-istandards tekniċi regolatorji, riprodotta fil-premessa 1 tar-Regolament Delegat 2018/345, tfakkar din id-distinzjoni bejn, minn naħa, valutazzjoni inizjali li tippermetti li jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet għall-attivazzjoni ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni jew il-kundizzjonijiet applikabbli għall-iżvalutazzjoni jew il-konverżjoni ta’ strumenti kapitali humiex issodisfatti u, min-naħa l-oħra, valutazzjoni ulterjuri li tikkostitwixxi l-bażi għad-deċiżjoni sabiex tiġi applikata għodda ta’ riżoluzzjoni waħda jew iktar. L-istandards tekniċi regolatorji jistabbilixxu kriterji differenti għall-kisba tal-valutazzjoni 1 u l-valutazzjoni 2.

404    Għall-valutazzjoni 1, l-istandards tekniċi regolatorji jindikaw li l-kriterju rilevanti huwa jekk l-entità hijiex f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ.

405    Kuntrarju għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-valutazzjoni 2 ma kinitx maħsuba sabiex tistabbilixxi jekk Banco Popular kienx f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ u għalhekk ma jistgħux jinvokaw kontradizzjoni mal-valutazzjoni 1 f’dan ir-rigward.

406    Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li d-differenzi fil-konklużjonijiet bejn il-valutazzjoni 1 u l-valutazzjoni 2 huma spjegati mill-fatt li, billi għandhom għanijiet differenti, huma bbażati fuq kriterji ta’ evalwazzjoni differenti ddefiniti fl-istandards tekniċi tal-EBA. Għaldaqstant, skont l-istandards tekniċi tal-EBA, il-valutazzjoni 1 hija intiża prinċipalment sabiex tiddetermina jekk il-valur totali tal-assi tal-entità jeċċedix dak tal-obbligazzjonijiet tagħha, fi kliem ieħor, jekk l-entità hijiex solventi fil-karta tal-bilanċ, filwaqt li l-valutazzjoni 2 kellha tkun ibbażata fuq il-valur ekonomiku u mhux fuq il-valur kontabbli tal-entità.

407    Fi kwalunkwe każ, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-konklużjonijiet tal-valutazzjonijiet 1 u 2 kienu kontradittorji, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li huwa ineffettiv, peress li l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni 1 ma għadhomx rilevanti wara l-evalwazzjoni tal-BĊE tas‑6 ta’ Ġunju 2017 għar-raġuni stabbilita fil-punt 294 iktar ’il fuq.

408    Barra minn hekk, jeħtieġ li jitfakkar li l-BĊE, fl-evalwazzjoni tiegħu, ma bbażax ruħu fuq l-insolvenza ta’ Banco Popular sabiex jikkonkludi li din tal-aħħar kienet f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ. Il-konklużjoni tal-BĊE li Banco Popular, minħabba s-sitwazzjoni ta’ likwidità tiegħu u l-inabbiltà tiegħu li jiġġenera likwidità ġdida, fil-futur qrib ma jkunx jista’ jħallas id-djun tiegħu jew obbligazzjonijiet oħra meta dawn jilħqu l-maturità tagħhom ma hijiex f’kontradizzjoni mal-fatt li l-Banco Popular kient solventi minn perspettiva ta’ kontabbilità.

409    Sa fejn il-valutazzjoni 2 għandha tqis il-valur ekonomiku u mhux il-valur kontabbli ta’ Banco Popular, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu li hemm kontradizzjoni bejn il-konstatazzjoni li Banco Popular kien solventi, imwettqa fil-valutazzjoni 1, fl-evalwazzjoni tal-BĊE jew mill-Bank ta’ Spanja, u l-konklużjoni tal-valutazzjoni 2.

410    Għaldaqstant, l-argumenti tagħhom relatati mal-kalkolu tal-valur tal-assi netti ta’ Banco Popular b’kunsiderazzjoni tal-aġġustamenti għall-assi li ma jrendux, previsti mill-BĊE u minn Banco Popular, lanqas ma huma rilevanti għall-evalwazzjoni tal-validità tal-valutazzjoni 2, sa fejn jikkonċernaw biss il-valur kontabbli ta’ Banco Popular.

411    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li t-tielet ilment u, konsegwentement, ir-raba’ parti għandhom jiġu miċħuda.

e)      Fuq ittieni lment, ibbażat fuq ksur talArtikolu 20(7) u (9) tarRegolament Nru 806/2014

412    Ir-rikorrenti jallegaw ksur tal-Artikolu 20(7) tar-Regolament Nru 806/2014, li jistabbilixxi li l-valutazzjoni għandha tkun ikkompletata, b’mod partikolari, minn karta tal-bilanċ aġġornata u rapport dwar il-pożizzjoni finanzjarja tal-entità. Deloitte allegatament irrikonoxxiet li ma kinitx wettqet analiżi tal-istruttura tal-impriża u l-karti tal-bilanċ tal-entitajiet individwali. Fl-assenza ta’ karta tal-bilanċ għal kull entità fil-grupp Banco Popular, jidher li Deloitte għamlet il-valutazzjoni tagħha fuq bażi kkonsolidata. Issa, Deloitte sostniet li analiżi fuq il-bażi ta’ entità b’entità kienet ta’ importanza kruċjali.

413    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll ksur tal-Artikolu 20(9) tar-Regolament Nru 806/2014, sa fejn Deloitte rrikonoxxiet li ma kinitx f’pożizzjoni li tirrifletti d-diviżjoni tal-kredituri f’kategoriji skont il-prijorità tad-djun. Madankollu, Deloitte inkludiet ġerarkija ta’ kredituri fil-valutazzjoni 3, bl-użu tal-informazzjoni disponibbli fis‑6 ta’ Ġunju 2017.

414    Jeħtieġ li jitfakkar li, f’dan il-każ, peress li l-valutazzjoni 2 hija valutazzjoni provviżorja mwettqa fuq il-bażi tal-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014, minn dik id-dispożizzjoni, imsemmija fil-punt 302 iktar ’il fuq jirriżulta espressament, li kellha tosserva r-rekwiżiti tal-Artikolu 20(7) u (9) ta’ dan ir-regolament biss sa fejn dan kien raġonevolment possibbli fid-dawl taċ-ċirkustanzi.

415    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, l-Artikolu 20(7) tar-Regolament Nru 806/2014 ma jirrikjedix li l-valutazzjoni tiġi kkompletata minn karta tal-bilanċ aġġornata u rapport dwar is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ kull entità fil-grupp suġġeta għar-riżoluzzjoni. Il-kunċett ta’ “entità” msemmi f’dan l-artikolu jirreferi għal dak iddefinit fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 806/2014. Il-valutazzjoni 2 kienet ibbażata fuq il-karta tal-bilanċ ikkonsolidata tal-grupp Banco Popular.

416    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq estratti mill-valutazzjoni 2 li ma humiex rilevanti.

417    F’estratt mill-Anness tal-valutazzjoni 2, iċċitata mir-rikorrenti, Deloitte indikat li, peress li l-istruttura soċjali tal-entità u l-karti tal-bilanċ tal-entitajiet individwali ma kinux ingħatawlha, ix-xenarju ta’ stralċ tagħha kien tħejja fuq bażi kkonsolidata għal skopijiet illustrattivi u li dan kien imur kontra d-dritt Spanjol. F’estratt ieħor minn dak l-anness, imsemmi wkoll mir-rikorrenti, Deloitte sostniet li l-analiżi skont l-entità kienet kruċjali għas-simulazzjoni tax-xenarju ta’ stralċ. Ir-rikorrenti jirreferu wkoll għas-siltiet li fihom Deloitte tindika li ma kellhiex biżżejjed data jew ħin sabiex tikklassifika l-kredituri skont il-grad tagħhom u li l-fatt li l-kalkoli tagħha saru fil-livell tal-grupp Banco Popular jista’ jkollu implikazzjonijiet ta’ valur sinjifikattiv għall-kredituri ta’ xi entitajiet li jirċievu rkupru ta’ 100 % għad-detriment tal-kredituri ta’ entitajiet oħra.

418    Issa, dawn l-estratti, li jidhru fit-tieni parti tal-Anness tal-valutazzjoni 2 relatati mas-simulazzjoni tax-xenarju ta’ stralċ u mhux fl-ewwel parti ta’ dak l-anness relatata mal-valutazzjoni provviżorja ta’ Banco Popular, ma humiex rilevanti. Fil-fatt, hemm lok li jitfakkar li l-iskema ta’ riżoluzzjoni ġiet adottata filwaqt li tqieset l-ewwel parti tal-Anness tal-valutazzjoni 2 li fiha l-valutazzjoni provviżorja ta’ Banco Popular, imħejjija bil-ħsieb tal-applikazzjoni tal-għodda ta’ bejgħ tal-operat.

419    Kif indikat fil-punt 3 tar-rapport dwar il-valutazzjoni 2, l-għan tas-simulazzjoni tax-xenarju ta’ stralċ kien li jiġi ddeterminat jekk l-azzjonisti u l-kredituri ta’ Banco Popular kinux jibbenefikaw minn trattament aħjar kieku Banco Popular kien ġie stralċat skont proċeduri normali ta’ insolvenza b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Spanjola.

420    Issa, minn naħa, fit-tieni parti tal-Anness tal-valutazzjoni 2 li kien fiha din is-simulazzjoni, Deloitte spjegat li, b’iktar data rigward il-karta tal-bilanċ ta’ kull entità u b’iktar ħin, kien ikun possibbli li tirfina l-ipoteżijiet ta’ stralċ tagħha u tipprepara strateġija ta’ xenarju ta’ stralċ. Għalhekk speċifikat li s-simulazzjoni tax-xenarju ta’ stralċ stabbilita fl-anness tal-valutazzjoni 2 ingħatat bħala indikazzjoni.

421    Għalhekk, skont l-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014, Deloitte għamlet l-istima prevista fl-Artikolu 20(9) ta’ dak ir-regolament biss sa fejn kien raġonevolment possibbli fid-dawl taċ-ċirkustanzi.

422    Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni tat-trattament tal-azzjonisti u l-kredituri fil-kuntest tax-xenarju ta’ stralċ taqa’ taħt il-valutazzjoni 3, li, skont l-Artikolu 20(16) tar-Regolament Nru 806/2014, għandha l-għan li tiddetermina jekk l-azzjonisti u l-kredituri kinux jibbenefikaw minn trattament aħjar kieku l-istituzzjoni suġġetta għar-riżoluzzjoni kienet ġiet suġġetta għal proċedimenti normali ta’ insolvenza. F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li Deloitte għaddiet il-valutazzjoni 3 lis-SRB fl‑14 ta’ Ġunju 2018, wara l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

423    Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li Deloitte inkludiet ġerarkija ta’ kredituri fil-valutazzjoni 3 unikament abbażi tal-informazzjoni disponibbli fis‑6 ta’ Ġunju 2017 hija irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-legalità tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. Fi kwalunkwe każ, din id-dikjarazzjoni ma hijiex korretta sa fejn, għalkemm il-valutazzjoni 3 tindika li hija bbażata fuq l-informazzjoni finanzjarja disponibbli fis‑6 ta’ Ġunju 2017, hija tispeċifika wkoll li hija bbażata fuq ħafna informazzjoni miksuba wara l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u li għalhekk ma kinitx disponibbli fiż-żmien tal-abbozzar tal-valutazzjoni 2.

424    Għaldaqstant, il-ħames parti għandha tiġi miċħuda.

425    Minn dak li ntqal jirriżulta li s-SRB ma wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li l-valutazzjoni 2 kienet konformi mal-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014. Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

3.      Fuq ittielet motiv, ibbażat fuq ksur taddritt għal smigħ u taddritt ta’ aċċess għallfajl, sanċiti flArtikolu 41(2) talKarta

426    Ir-rikorrenti jsostnu li s-SRB kiser id-dritt għal smigħ, sanċit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, sa fejn ma nstemgħux u sa fejn ma kellhomx aċċess għall-fajl qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. Essenzjalment, dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet.

a)      Fuq lewwel parti, ibbażata fuq ilksur taddritt għal smigħ

427    Ir-rikorrenti jsostnu li d-dritt għal smigħ, sanċit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, japplika għal kwalunkwe miżura li tista’ taffettwa persuna u, b’mod partikolari, fil-każ ta’ riżoluzzjoni ta’ istituzzjoni li dik il-persuna jkollha azzjonijiet fiha. Id-deċiżjonijiet ikkontestati jikkonċernaw ir-riżoluzzjoni ta’ bank wieħed u l-persuni kkonċernati huma l-azzjonisti u l-kredituri tiegħu. Id-detenturi ta’ strumenti kapitali ta’ bank għandhom jinstemgħu qabel ma jiġu mċaħħda mill-proprjetà tagħhom.

428    Il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, sa fejn huma kkonċernati r-rikorrenti, ma tikkostitwixxix miżura individwali iżda miżura ta’ portata ġenerali u li l-Artikolu 41 tal-Karta ma huwiex applikabbli. Hija tqis li, anki jekk wieħed jassumi li r-rikorrenti kellhom id-dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni, dak id-dritt jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet.

429    Is-SRB isostni li l-limitazzjoni tad-dritt għal smigħ, sa fejn applikabbli, hija ġġustifikata mill-ħtieġa li tiġi żgurata l-effettività tad-deċiżjonijiet ta’ riżoluzzjoni u l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji.

430    Hemm lok li jitfakkar li l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta jipprovdi li d-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi d-dritt ta’ kull persuna li tinstema’ qabel ma tittieħed kontrihom miżura individwali li tolqothom negattivament.

431    Id-dritt għal smigħ jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesponi, b’mod utli u effettiv, il-fehma tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħha. Sussegwentement, għandu jiġi speċifikat li d-dritt għal smigħ għandu għan doppju. Minn naħa, iservi għall-istruzzjoni tal-fajl u għall-istabbiliment tal-fatti bil-mod l-iktar preċiż u korrett possibbli u, min-naħa l-oħra, jippermetti li tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tal-persuna kkonċernata. Id-dritt għal smigħ huwa intiż partikolarment li jiggarantixxi li kull deċiżjoni li tikkawża preġudizzju tiġi adottata b’konjizzjoni sħiħa tal-kawża u b’mod partikolari għandu l-għan li jippermetti lill-awtorità kompetenti tikkoreġi żball jew li l-persuna kkonċernata ssostni l-elementi relatati mas-sitwazzjoni personali tagħha li jimmilitaw sabiex id-deċiżjoni tittieħed, ma titteħidx jew li jkollha tali jew tali kontenut (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2020, SEAE vs De Loecker, C‑187/19 P, EU:C:2020:444, punti 68 u 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

432    Għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat l-importanza tad-dritt għal smigħ u tal-portata wiesgħa ħafna tiegħu fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, billi qieset li dan id-dritt għandu japplika fil-proċeduri kollha li x’aktarx iwasslu għal att li jikkawża preġudizzju. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rispett għad-dritt tas-smigħ huwa meħtieġ anki meta r-regoli applikabbli ma jipprovdux espressament għal tali formalità (ara s-sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2012, M., C‑277/11, EU:C:2012:744, il-punti 85 u 86 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs RQ, C‑831/18 P, EU:C:2020:481, il-punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑7 ta’ Novembru 2019, ADDE vs Il‑Parlament, T‑48/17, EU:T:2019:780, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

433    Peress li, fid-dawl tan-natura tiegħu ta’ prinċipju fundamentali u ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, l-applikazzjoni tal-prinċipju tad-drittijiet tad-difiża ma tistax la tiġi eskluża u lanqas tiġi limitata minn dispożizzjoni leġiżlattiva u l-osservanza tiegħu għandha għaldaqstant tiġi żgurata kemm fl-assenza totali ta’ leġiżlazzjoni speċifika kif ukoll meta jkun hemm leġiżlazzjoni li ma tiħux inkunsiderazzjoni hi stess l-imsemmi prinċipju (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, T‑260/11, EU:T:2014:555, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

434    Qabelxejn, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-iskema ta’ riżoluzzjoni adottata mis-SRB għandha bħala l-għan tagħha r-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular, li għaldaqstant għandu jitqies bħala l-persuna li fil-konfront tagħha ġiet adottata miżura individwali u li lilha huwa ggarantit mill-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta d-dritt għal smigħ.

435    Għalhekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti ma humiex destinatarji tal-iskema ta’ riżoluzzjoni li ma hijiex deċiżjoni individwali meħuda kontrihom, u lanqas tad-Deċiżjoni 2017/1246 li tapprova din l-iskema ta’ riżoluzzjoni.

436    Madankollu, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB eżerċita s-setgħa ta’ żvalutazzjoni jew ta’ konverżjoni tal-istrumenti ta’ fondi proprji ta’ Banco Popular.

437    Għaldaqstant, il-proċedura segwita mis-SRB fl-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, anki jekk ma tikkostitwixxix proċedura individwali miftuħa kontra r-rikorrenti, tista’ twassal għall-adozzjoni ta’ miżura li tista’ taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħhom bħala azzjonisti jew detenturi ta’ strumenti ta’ fondi proprji ta’ Banco Popular.

438    Issa, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata fil-punt 432 iktar ’il fuq, adottat interpretazzjoni wiesgħa tad-dritt għal smigħ bħala li huwa ggarantit lil kwalunkwe persuna matul il-proċedura li tista’ twassal għal att li jikkawżalha preġudizzju.

439    Barra minn hekk, minn naħa, skont il-premessa 121, ir-Regolament Nru 806/2014 jirrispetta d-drittijiet fundamentali u d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji rikonoxxuti, b’mod partikolari, mill-Karta, fosthom id-drittijiet tad-difiża, u għandhom jiġu implimentati skont dawn id-drittijiet u dawn il-prinċipji. Min-naħa l-oħra, għalkemm l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 ma jipprovdix għal smigħ mis-SRB tal-azzjonisti jew tad-detenturi tal-istrumenti ta’ fondi proprji tal-entità kkonċernata matul il-proċedura ta’ riżoluzzjoni, ma hemm l-ebda dispożizzjoni fir-Regolament Nru 806/2014 li espliċitament tipprekludi tali smigħ.

440    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jqajmux eċċezzjoni ta’ illegalità kontra r-Regolament Nru 806/2014 fis-sens li ma jipprovdix għal smigħ minn qabel tal-azzjonisti jew tad-detenturi tal-istrumenti ta’ fondi proprji qabel l-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni. Huma jsostnu li d-dritt għal smigħ għandu jingħatalhom fil-proċedura ta’ riżoluzzjoni ta’ Banco Popular skont l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, anki jekk il-leġiżlazzjoni applikabbli ma tipprovdix għalih.

441    Madankollu, fil-każ li l-azzjonisti u l-kredituri tal-entità suġġetta għall-miżura ta’ riżoluzzjoni jistgħu jagħmlu użu mid-dritt għal smigħ, fil-proċedura ta’ riżoluzzjoni, dak id-dritt jista’ jkun suġġett għal limitazzjonijiet, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta.

442    L-Artikolu 52(1) tal-Karta jipprevedi:

“Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.”

443    Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li d-drittijiet fundamentali, bħar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, ma jikkostitwixxux prerogattiva assoluta, iżda jistgħu jiġu suġġetti għal restrizzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali li għandhom jintlaħqu mill-miżura inkwistjoni u ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-drittijiet hekk iggarantiti (ara s-sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2013, G. u R., C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, il-punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Prequ’Italia, C‑276/16, EU:C:2017:1010, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

444    Minn dan jirriżulta li l-assenza ta’ smigħ tar-rikorrenti, fil-kwalità tagħhom ta’ azzjonisti jew ta’ detenturi ta’ strumenti ta’ fondi proprji ta’ Banco Popular, fil-kuntest tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni, kemm jekk mis-SRB jew mill-Kummissjoni, setgħet tkun iġġustifikata.

445    Jeħtieġ li jitfakkar li, fl-Artikolu 4.2 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB qieset li r-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular kienet konformi mal-interess pubbliku sa fejn kienet neċessarja u proporzjonata għall-kisba ta’ żewġ objettivi previsti fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 806/2014, jiġifieri li jiġu evitati effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja u li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi ta’ Banco Popular. Fid-Deċiżjoni 2017/1246, il-Kummissjoni approvat b’mod espliċitu r-raġunijiet invokati mis-SRB sabiex jiġġustifika n-neċessità għal miżura ta’ riżoluzzjoni fl-interess pubbliku.

446    F’dan il-każ, il-limitazzjoni tad-dritt għal smigħ tar-rikorrenti tista’ tkun iġġustifikata, minn naħa waħda, mill-bżonn li jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 806/2014 u, min-naħa l-oħra, min-neċessità li tiġi żgurata l-effettività tar-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular, li kellha titwettaq malajr.

447    Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li diversi premessi tar-Regolament Nru 806/2014, b’mod partikolari l-premessi 12, 58 u 61, jindikaw li l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji hija waħda mill-għanijiet segwiti mill-mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni implimentati minn dak ir-regolament.

448    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 18(5) tar-Regolament Nru 806/2014, miżura ta’ riżoluzzjoni għandha tiġi ttrattata bħala li hija fl-interess pubbliku jekk tkun neċessarja għall-kisba, b’mezzi proporzjonati, ta’ għan ta’ riżoluzzjoni wieħed jew iktar previsti fl-Artikolu 14 tal-istess regolament, meta stralċ tal-entità skont proċedura normali ta’ insolvenza ma jkunx jippermetti din il-kisba sal-istess punt. Fost l-għanijiet tar-riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 806/2014 hemm, b’mod partikolari, li “jiġu evitati effetti avversi sinifikanti fuq l-istabbiltà finanzjarja, b’mod partikolari permezz tal-prevenzjoni tal-kontaġju, inkluż lill-infrastrutturi tas-suq, u billi tinżamm id-dixxiplina tas-suq” kif ukoll li “jiġu protetti l-fondi pubbliċi billi tiġi mminimizzata d-dipendenza fuq l-għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja”.

449    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li s-servizzi finanzjarji għandhom rwol ċentrali fl-ekonomija tal-Unjoni. Il-banek u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma sors essenzjali ta’ finanzjament għal impriżi attivi fid-diversi swieq. Barra minn hekk, il-banek ħafna drabi jkunu interkonnessi u wħud minnhom jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fuq livell internazzjonali. Huwa għalhekk li l-falliment ta’ bank wieħed jew iktar jirriskja li jkollu effetti fi żmien qasir fuq il-banek l-oħra fl-Istat Membru kkonċernat jew fi Stati Membri oħra. Dan min-naħa tiegħu jirriskja li jipproduċi effetti sekondarji negattivi f’setturi oħra tal-ekonomija (sentenzi tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 50; tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il‑Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punt 72, u tal‑25 ta’ Marzu 2021, Balgarska Narodna Banka, C‑501/18, EU:C:2021:249, punt 108).

450    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għan li tiġi ggarantita l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja filwaqt li jiġi evitat infiq pubbliku eċċessiv u jiġu mminimizzati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jikkostitwixxi interess pubbliku prevalenti ta’ din ix-xorta (sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 69).

451    Barra minn hekk, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) ikkunsidrat, fid-deċiżjoni tagħha tal‑1 ta’ April 2004, Camberrow MM5 AD vs Il‑Bulgarija (CE:ECHR:2004:0401DEC005035799, punt 6), li fl-oqsma ekonomikament sensittivi bħall-istabbiltà tas-sistema bankarja, l-Istati kellhom marġini diskrezzjonali wiesa’ u li, għalhekk, l-impossibbiltà ta’ azzjonist li jipparteċipa fil-proċedura li twassal għall-bejgħ tal-bank ma kinitx sproporzjonata fid-dawl tal-għanijiet leġittimi tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-kredituri u tal-preservazzjoni tal-amministrazzjoni xierqa tal-istat ta’ insolvenza tal-bank.

452    Għandha tissemma wkoll is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2016, Dowling et (C‑41/15, EU:C:2016:836), mogħtija fl-okkażjoni ta’ talba għal deċiżjoni preliminari li tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikoli 8, 25 u 29 tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 77/91/KEE tat‑13 ta’ Diċembru tal-1976 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta’ kumpanniji fis-sens [tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 TFUE], dwar il-formazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbilità limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 8). Dik il-kawża kienet tikkonċerna miżura eċċezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali intiża sabiex jiġi evitat, permezz ta’ żieda fil-kapital, il-falliment ta’ kumpanija li, skont il-qorti tar-rinviju, kien jhedded l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-protezzjoni li t-Tieni Direttiva 77/91 tagħti lill-azzjonisti u lill-kredituri ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, fir-rigward tal-kapital azzjonarju tagħha, ma tkoprix tali miżura nazzjonali adottata f’sitwazzjoni ta’ tfixkil gravi tal-ekonomija u tas-sistema finanzjarja ta’ Stat Membru u li tkun intiża li tilqa’ għal theddida sistematika għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni, li tirriżulta min-natura insuffiċjenti tal-fondi proprji tal-kumpannija kkonċernata (sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2016, Dowling et, C‑41/15, EU:C:2016:836, punt 50). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li d-dispożizzjonijiet tat-Tieni Direttiva 77/91 ma jipprekludux miżura eċċezzjonali li tikkonċerna l-kapital azzjonarju ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, li l-awtoritajiet nazzjonali jkunu adottaw, f’sitwazzjoni ta’ tfixkil serju tal-ekonomija u tas-sistema finanzjarja ta’ Stat Membru, mingħajr l-approvazzjoni tal-laqgħa ġenerali ta’ din il-kumpannija u bil-għan li jiġi evitat riskju sistematiku u li tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2016, Dowling et, C‑41/15, EU:C:2016:836, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

453    Dawn il-kunsiderazzjonijiet għandhom japplikaw, b’analoġija, għas-sitwazzjoni ta’ ex azzjonisti jew ex detenturi ta’ strumenti ta’ fondi proprji ta’ bank li ġie suġġett għal proċedura ta’ riżoluzzjoni skont ir-Regolament Nru 806/2014.

454    Minn dan li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-proċedura ta’ riżoluzzjoni, stabbilita bir-Regolament Nru 806/2014 u deskritta fl-Artikolu 18 tagħha għandha għan ta’ interess ġenerali fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, jiġifieri l-għan li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji, fatt li jista’ jiġġustifika limitazzjoni għad-dritt għal smigħ.

455    F’dan il-każ, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jikkontestawx li l-proċedura ta’ riżoluzzjoni ta’ Banco Popular kienet konformi mal-għan li tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja msemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 806/2014.

456    F’dan ir-rigward, fl-Artikolu 4.4.2 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB spjega li kien ikkonkluda li s-sitwazzjoni ta’ Banco Popular kienet qegħda twassal għal riskju dejjem ikbar ta’ effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja fi Spanja, filwaqt li bbaża ruħu fuq diversi elementi. Fost dawn l-elementi kien hemm, fl-ewwel lok, id-daqs u l-importanza ta’ Banco Popular, li jikkostitwixxi l-kumpanija omm tas-sitt grupp bankarju ta’ Spanja, b’ammont totali ta’ assi ta’ EUR 147 biljun, u li ġiet indikata fl-2017 mill-Bank ta’ Spanja bħala istituzzjoni ta’ importanza sistematika. Is-SRB irrileva b’mod partikolari li Banco Popular kien wieħed mill-atturi prinċipali tas-suq fi Spanja, b’sehem sinjifikattiv mis-suq fis-segment tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u li kellu sehem relattivament għoli mis-suq tad-depożiti (kważi 6 %) u għadd kbir ta’ klijenti konsumaturi (madwar 1.4 miljun) madwar Spanja. Fit-tieni lok, is-SRB ħa inkunsiderazzjoni n-natura tal-operat ta’ Banco Popular, li kien imsejjes fuq attivitajiet bankarji kummerċjali u kien jiffoka prinċipalment fuq l-offerta tal-finanzjament, il-ġestjoni tat-tfaddil u s-servizzi lill-individwi, lill-familji u lill-impriżi (b’mod partikolari s-SMEs). Skont s-SRB, ix-xebh tal-mudell kummerċjali ta’ Banco Popular ma’ dak ta’ banek kummerċjali Spanjoli oħra jista’ jikkontribwixxi għall-potenzjal ta’ kontaġju indirett għal dawn il-banek, li jista’ jitqies li qiegħed jaffaċċja l-istess diffikultajiet.

457    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li t-tieni għan segwit mill-iskema ta’ riżoluzzjoni, jiġifieri li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi ta’ Banco Popular, huwa wkoll parti mill-għan ta’ interess ġenerali li tiġi protetta l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji.

458    Skont il-punt 35 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, il-funzjonijiet kritiċi ta’ istituzzjoni huma ddefiniti bħala “attivitajiet, servizzi jew operazzjonijiet li t-twaqqif tagħhom fi Stat Membru wieħed jew aktar, iwassal għal tħarbit tas-servizzi li huma essenzjali għall-ekonomija reali jew għal tħarbit tal-istabilità finanzjarja minħabba d-daqs, is-sehem tas-suq, l-interkonnettività esterna u interna, il-kumplessità jew l-attivitajiet transfruntieri ta’ istituzzjoni jew grupp, fir-rigward, b’mod partikolari, tas-sostitwibbiltà ta’ dawk l-attivitajiet, servizzi jew operazzjonijiet”.

459    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/778 tat-2 ta’ Frar 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward taċ-ċirkustanzi u l-kondizzjonijiet li taħthom il-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet straordinarji ex-post jista’ jkun parzjalment jew kompletament differit, u l-kriterji għad-determinazzjoni tal-attivitajiet, is-servizzi u l-operazzjonijiet fir-rigward ta’ funzjonijiet kritiċi, u għad-determinazzjoni tal-linji ta’ negozju u servizzi assoċjati fir-rigward tal-linji tan-negozju ewlenin (ĠU 2016, L 131, p. 41), jipprevedi l-kriterji għad-determinazzjoni tal-funzjonijiet kritiċi. Din hija funzjoni li titwettaq minn istituzzjoni għal partijiet terzi li ma jkunux affiljati mal-istituzzjoni jew mal-grupp u li t-tfixkil f’daqqa tagħhom x’aktarx ikollu impatt materjali negattiv fuq dawk il-partijiet terzi, li tkun kontaġġjuża jew iddgħajjef il-fiduċja ġenerali tal-parteċipanti fis-suq, minħabba l-importanza sistemika tal-funzjoni għal partijiet terzi u l-importanza sistemika tal-istituzzjoni jew grupp fl-eżerċizzju ta’ dik il-funzjoni.

460    L-għan li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi tal-entità kkonċernata minn miżura ta’ riżoluzzjoni, prevista fl-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 806/2014, huwa li tiġi evitata interruzzjoni ta’ dawn il-funzjonijiet li tista’ tikkawża perturbazzjonijiet, mhux biss fis-suq ikkonċernat, iżda wkoll għall-istabbiltà finanzjarja ġenerali tal-Unjoni.

461    Għalhekk, miżura ta’ riżoluzzjoni, peress li għandha l-għan li tippreserva jew treġġa’ lura l-pożizzjoni finanzjarja ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, b’mod partikolari billi tikkostitwixxi alternattiva għall-istralċ tagħha, għandha titqies bħala li tissodisfa effettivament għan ta’ interess ġenerali rikonoxxut mill-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Balgarska Narodna Banka, C‑501/18, EU:C:2021:249, punt 108).

462    F’dan ir-rigward, fl-Artikolu 4.2 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB indika li r-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular kienet neċessarja u proporzjonata sabiex jintlaħqu b’mod partikolari żewġ għanijiet previsti fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 806/2014, intiżi li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi ta’ Banco Popular.

463    Fl-Artikolu 4.4 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB identifika tliet funzjonijiet kritiċi ta’ Banco Popular, fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat 2016/778, jiġifieri l-ġbir ta’ depożiti minn unitajiet domestiċi u kumpanniji mhux finanzjarji, is-self lill-SMEs u s-servizzi ta’ ħlas bi flus kontanti.

464    Ir-rikorrenti ma jqajmu l-ebda argument intiż li jikkontesta dawn l-evalwazzjonijiet.

465    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-proċedura ta’ riżoluzzjoni ta’ Banco Popular, kellha għan ta’ interess ġenerali, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, jiġifieri l-għan li tiġi ggarantita l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji, li jista’ jiġġustifika limitazzjoni għad-dritt għal smigħ.

466    Fit-tieni lok, l-interess ġenerali tal-Unjoni, b’mod partikolari li jintlaħqu għanijiet intiżi għall-preservazzjoni tal-istabbiltà tas-swieq finanzjarji u sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi ta’ Banco Popular, jeżiġi li ladarba jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014, miżura ta’ riżoluzzjoni għandha tiġi adottata kemm jista’ jkun malajr.

467    Jeħtieġ li jiġi rrilevat li diversi premessi tar-Regolament Nru 806/2014 jimplikaw li, meta miżura ta’ riżoluzzjoni ssir neċessarja, din għandha tiġi adottata malajr. Dawn huma, b’mod partikolari, il-premessi 26, 31, 53 u, b’mod partikolari, il-premessa 56 ta’ dak ir-regolament, li tipprevedi li, sabiex jiġi limitat it-tfixkil imġarrab mis-swieq finanzjarji u l-ekonomija, il-proċedura ta’ riżoluzzjoni għandha titwettaq f’perijodu ta’ żmien qasir.

468    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li r-Regolament Nru 806/2014 għandu l-għan li jistabbilixxi, f’konformità mal-premessa 8 tiegħu, mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni iktar effettivi, li għandhom jikkostitwixxu għodda essenzjali sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi dannużi tal-fallimenti tal-banek fil-passat, u li tali għan jippreżumi teħid ta’ deċiżjoni rapida, kif juru t-termini qosra previsti fl-Artikolu 18 tal-imsemmi regolament, sabiex l-istabbiltà finanzjarja ma titpoġġiex f’periklu (sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2021, ABLV Bank et vs BĊE, C‑551/19 P u C‑552/19 P, EU:C:2021:369, punt 55).

469    Għalhekk, l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jindika b’mod partikolari li, meta l-BĊE jqis li entità tinsab f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, huwa għandu jikkomunika l-evalwazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni u lis-SRB mingħajr dewmien. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-istess artikolu, meta s-SRB nnifsu jwettaq evalwazzjoni, din għandha tiġi kkkomunikata lill-BĊE mingħajr dewmien. Jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan ir-regolament ikunu ssodisfatti, is-SRB għandu jadotta skema ta’ riżoluzzjoni, li, skont l-Artikolu 18(7) tar-Regolament Nru 806/2014, għandha tiġi trażmessa lill-Kummissjoni immedjatament wara l-adozzjoni tagħha. Il-Kummissjoni mbagħad għandha terminu ta’ erbgħa u għoxrin siegħa sabiex tapprova skema ta’ riżoluzzjoni jew tqajjem oġġezzjonijiet.

470    Minn dan jirriżulta li, ladarba l-entità tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni, jiġifieri, fl-ewwel lok, li tkun entità f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, fit-tieni lok, li ma teżisti l-ebda perspettiva raġonevoli li miżuri privati jew prudenzjali oħra jipprekludu l-falliment tagħha fi żmien raġonevoli u, fit-tielet lok, li r-riżoluzzjoni tagħha hija meħtieġa sabiex jintlaħaq wieħed jew iktar mill-għanijiet msemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 806/2014, l-Artikolu 18 tal-istess regolament jipprovdi li deċiżjoni għandha tiġi adottata f’perijodu ta’ żmien qasir ħafna.

471    B’hekk, f’dan il-każ, mill-mument li l-BĊE ikkonstata li Banco Popular kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ u fejn is-SRB ikkunsidra li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 kienu ssodisfatti, il-mekkaniżmu tar-riżoluzzjoni kellu jiġi adottat mill-iktar fis possibbli.

472    Dan it-teħid rapidu ta’ deċiżjonijiet kien iġġustifikat min-neċessità li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi ta’ Banco Popular u sabiex jiġu evitati l-effetti negattivi sinjifikattivi tas-sitwazzjoni ta’ Banco Popular fuq is-swieq finanzjarji, b’mod partikolari billi jiġu evitati riskji ta’ kontaġju. F’dan il-każ, minħabba li l-falliment ta’ Banco Popular seħħ matul il-ġimgħa, kien neċessarju li tintemm il-proċedura u li tiġi adottata d-deċiżjoni qabel il-ftuħ tas-swieq fl-għodwa tas‑7 ta’ Ġunju 2017.

473    Kif enfasizzat mill-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-punt 80 tal-opinjoni tiegħu fil-Kawżi magħquda ABLV Bank et vs Il‑BĊE (C‑551/19 P u C‑552/19 P, EU:C:2021:16), il-ħeffa li biha għandhom jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom dawn l-istituzzjonijiet u aġenziji tal-Unjoni hija neċessarja sabiex jiġi evitat l-impatt negattiv tar-riżoluzzjoni tal-istituzzjoni bankarja fuq is-swieq finanzjarji u din il-ħeffa, barra minn hekk, tobbligahom de facto li jkunu “ppreparaw” id-deċiżjoni qabel ma jniedu l-proċedura sabiex japprofittaw mill-għeluq tas-swieq tat-titoli.

474    Għalhekk, il-ħeffa tat-teħid tad-deċiżjonijiet tikkostitwixxi kundizzjoni tal-effettività tagħha.

475    Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-urġenza li titlob azzjoni immedjata mill-awtorità kompetenti kienet tiġġustifika limitazzjoni tad-dritt għal smigħ tal-persuni kkonċernati minn miżuri adottati fil-qasam tar-responsabbiltà ambjentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2010, ERG et, C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punt 67) u fil-qasam tal-agrikoltura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2006, Dokter et, C‑28/05, EU:C:2006:408, punt 76).

476    Barra minn hekk, fil-qasam tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-komunikazzjoni tar-raġunijiet li fuqhom kienet ibbażata l-inklużjoni inizjali tal-isem ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi, qabel din l-inklużjoni, hija ta’ natura li tipperikola l-effettività tal-miżuri għall-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi imposti mid-dritt tal-Unjoni. Sabiex jintlaħaq l-għan segwit mir-Regolament applikabbli, tali miżuri għandhom, min-natura tagħhom stess, jibbenefikaw minn effett ta’ sorpriża u japplikaw b’effett immedjat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punti 338 sa 340; tal-21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 61, u tat‑12 ta’ Frar 2020, Amisi Kumba vs Il‑Kunsill, T‑163/18, EU:T:2020:57, punt 51).

477    Għal raġunijiet relatati wkoll l-għan imfittex mid-dritt tal-Unjoni u l-effettività tal-miżuri previsti minnu, l-awtoritajiet tal-Unjoni lanqas ma huma meħtieġa jipproċedu bis-smigħ tar-rikorrenti qabel l-inklużjoni inizjali tal-ismijiet tagħhom fil-lista ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 341, u tal‑25 ta’ April 2013, Gbagbo vs Il‑Kunsill, T‑119/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:216, punt 103).

478    Dan jgħodd iktar u iktar fil-każijiet, bħal fil-każ preżenti, fejn il-limitazzjoni fuq id-dritt għal smigħ ma tikkonċernax l-entità koperta mill-proċedura ta’ riżoluzzjoni, jiġifieri Banco Popular, iżda r-rikorrenti fil-kapaċità tagħhom bħala azzjonisti jew detenturi ta’ strumenti ta’ fondi proprji ta’ Banco Popular.

479    Għandu jiġi rrilevat ukoll li, fid-deċiżjoni tagħha tal‑1 ta’ April 2004, Camberrow MM5 AD vs Il‑Bulgarija (CE:ECHR:2004:0401DEC005035799), il-Qorti EDB ikkonstatat li l-bejgħ tal-bank fallut bħala impriża operattiva sar sabiex tinkiseb l-adempjenza rapida u iktar ċerta tal-kredituri tagħha, li kienu ilhom jistennew snin sabiex jirċievu d-dejn dovut lilhom, u t-tlestija rapida tal-proċedura ta’ falliment. Għalhekk, il-ħtieġa għas-sempliċità u l-ħeffa fil-proċedura li wasslet għall-bejgħ tal-bank kienet ta’ importanza kbira. Kieku l-liġi kienet ipprovdiet li l-qorti tal-falliment kienet meħtieġa tikkonsulta l-azzjonisti u l-kredituri kollha tal-bank, dan kien jikkawża tnaqqis sinjifikattiv fil-ħeffa tal-proċedura u, għalhekk, iktar dewmien fil-ħlas ta’ ammonti dovuti lill-kredituri u fit-tlestija tal-proċedura tal-falliment.

480    Fis-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2005, Capital Bank AD vs Il‑Bulgarija (CE:ECHR:2005:1124JUD004942999, punt 136), il-Qorti EDB ddeċidiet li, f’qasam ekonomikament sensittiv bħall-istabbilità tas-sistema bankarja u f’ċerti sitwazzjonijiet, jista’ jkun hemm ħtieġa imperattiva li tittieħed azzjoni bl-ikbar diliġenza u mingħajr avviż minn qabel, sabiex tiġi evitata ħsara irreparabbli lill-bank, id-depożitanti tiegħu u kredituri oħra, jew lis-sistema bankarja u finanzjarja kollha kemm hi.

481    Barra minn hekk, il-fatt li l-iskema ta’ riżoluzzjoni tista’ twassal għal interferenza fid-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti ma jistax jiġġustifika obbligu li jingħataw dritt li jinstemgħu qabel l-adozzjoni tal-imsemmija skema.

482    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali diġà enfasizzat, fil-punt 282 tas-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, K. Chrysostomides & Co. et vs Il‑Kunsill et (T‑680/13, EU:T:2018:486), li l-proċeduri applikabbli għandhom joffru opportunità xierqa lill-persuna kkonċernata sabiex tressaq il-każ tagħha quddiem l-awtoritajiet kompetenti. Sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta’ dan ir-rekwiżit, li jikkostitwixxi rekwiżit inerenti għall-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, hemm lok li l-proċeduri applikabbli jiġu kkunsidrati minn perspettiva ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 368 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal‑25 ta’ April 2013, Gbagbo vs Il‑Kunsill, T‑119/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:216, punt 119, u l-Qorti EDB, tal‑20 ta’ Lulju 2004, Bäck vs Il‑Finlandja, CE:ECHR:2004:0720JUD003759897, punt 56). Għalhekk, l-imsemmi rekwiżit ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-persuna interessata għandha, fiċ-ċirkustanzi kollha, tkun tista’ ssostni l-opinjoni tagħha quddiem l-awtoritajiet kompetenti qabel l-adozzjoni tal-miżuri li jippreġudikaw id-dritt tagħha għall-proprjetà (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, tad‑19 ta’ Settembru 2006, Maupas et vs Franza, CE:ECHR:2006:0919JUD001384402, punti 20 u 21).

483    Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li dan kien, b’mod partikolari, il-każ fejn, bħal fil-każ ineżami, il-miżuri inkwistjoni ma kinux jikkostitwixxu sanzjoni u ġew adottati fil-kuntest ta’ urġenza partikolari. F’dan l-aħħar rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat li dan kien każ ta’ prevenzjoni ta’ riskju imminenti ta’ kollass tal-banek milquta sabiex tiġi salvagwardjata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja ta’ Stat Membru u, b’hekk, jiġi evitat kontaġju fi Stati Membri oħrajn fiż-żona tal-euro. Issa, l-implimentazzjoni ta’ proċedura ta’ konsultazzjoni minn qabel, fil-kuntest fejn eluf ta’ depożitanti u azzjonisti tal-banek milquta setgħu effettivament sostnew l-opinjoni tagħhom qabel l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet dannużi, kienet inevitabbilment iddewwem l-applikazzjoni tal-miżuri intiżi għall-prevenzjoni ta’ tali kollass. Il-kisba tal-għan li tiġi ppreservata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja ta’ dak l-Istat Membru u b’hekk jiġi evitat il-kontaġju fi Stati Membri oħra taż-żona tal-euro kienet tkun esposta għal riskji sinjifikattivi (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2018, K. Chrysostomides & Co. et vs Il‑Kunsill et, T‑680/13, UE:T:2018:486, punt 282 u l-ġurisprudenza ċċitata).

484    Din l-evalwazzjoni ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja, li qieset li l-Qorti Ġenerali kienet ġustament ibbażat ir-raġunament tagħha fuq is-sentenza tal-Qorti EDB tal‑21 ta’ Lulju 2016, Mamatas et vs Il‑Greċja (CE:ECHR:2016:0721JUD006306614), li turi li r-rekwiżit li kwalunkwe restrizzjoni tad-drittijiet għall-proprjetà għandha tkun prevista mil-liġi ma jistax jiġi interpretat b’tali mod li l-persuni kkonċernati kellhom jiġu kkonsultati qabel l-adozzjoni ta’ din il-liġi, b’mod partikolari, fejn tali konsultazzjoni minn qabel inevitabbilment iddewwem l-applikazzjoni ta’ miżuri intiżi li jipprevjenu l-kollass tal-banek ikkonċernati (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kunsill et vs K. Chrysostomides & Co. et, C‑597/18 P, C‑598/18 P, C‑603/18 P u C‑604/18 P, EU:C:2020:1028, punt 159).

485    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li n-neċessità li tittieħed azzjoni minnufih mingħajr ma jiġu infurmati l-azzjonisti u l-kredituri ta’ entità dwar l-imminenza ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni li tikkonċernaha hija maħsuba sabiex jiġi evitat li s-sitwazzjoni ta’ dik l-entità tmur għall-agħar u dan jaffettwa b’mod negattiv l-effettività tal-miżura ta’ riżoluzzjoni. Fil-fatt, li l-azzjonisti jew id-detenturi ta’ obbligi tal-bank jiġu informati li dan tal-aħħar jista’ jkun suġġett għal proċedura ta’ riżoluzzjoni, u għalhekk li kien ikkunsidrat li huwa f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, dan jista’ jinċentivahom sabiex ibiegħu t-titoli tagħhom fuq is-swieq u wkoll iwassal għall-irtirar fuq skala kbira tad-depożiti, fatt li jkollu l-konsegwenza li jaggrava s-sitwazzjoni finanzjarja tal-bank u li jirrendi iktar diffiċli, jekk mhux impossibbli, l-adozzjoni ta’ soluzzjoni li tista’ tipprekludi l-istralċ tiegħu.

486    F’dan ir-rigward, kif dan jirriżulta mill-premessa 116 tar-Regolament Nru 806/2014, il-komunikazzjoni ta’ kull informazzjoni fir-rigward fir-rigward ta’ deċiżjoni qabel ma tittieħed, kemm dwar jekk il-kundizzjonijiet għal riżoluzzjoni humiex issodisfatti, dwar l-użu ta’ għodda speċifika kif ukoll dwar kwalunkwe azzjoni matul il-proċedura, trid titqies li għandha effett fuq l-interessi pubbliċi u privati kkonċernati mill-azzjoni.

487    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li s-smigħ tar-rikorrenti, fil-kwalità tagħhom ta’ azzjonisti u ta’ detenturi ta’ obbligazzjonijiet ta’ Banco Popular, qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni jew qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2017/1246 kien iwassal għal tnaqqis sostanzjali fil-ħeffa tal-proċedura u, konsegwentement, kien jipperikola kemm il-kisba tal-għanijiet segwiti mir-riżoluzzjoni kif ukoll l-effettività tagħha.

488    Min dak li ntqal iktar ’il fuq, minn naħa jirriżulta li smigħ minn qabel tar-rikorrenti, li jinfurmahom bl-eżistenza ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni potenzjali, kien iwassal għal riskju li huma jadottaw aġir fis-suq li jiggrava s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Banco Popular. Tali smigħ għalhekk seta’ dgħajjef l-effettività tal-miżura ta’ riżoluzzjoni prevista.

489    Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-urġenza tal-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, ma kienx ikun possibbli li r-rikorrenti jiġu kkonsultati minn qabel, kif kienu jkunu wkoll l-azzjonisti l-oħra jew id-detenturi tal-istrumenti ta’ fondi proprji ta’ Banco Popular, mhux biss minħabba d-diffikultajiet assoċjati mal-identifikazzjoni tagħhom, iżda wkoll minħabba l-impossibbiltà li l-osservazzjonijiet tagħhom jiġu analizzati b’mod effettiv qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

490    Ir-rikorrenti jsostnu li, kieku kienu nstemgħu qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, Banco Popular ma kienx jiġi suġġett għal riżoluzzjoni, peress li kienu jispjegaw li l-kundizzjonijiet ma kinux issodisfatti, jew li r-riżoluzzjoni kienet isseħħ b’kundizzjonijiet differenti, sa fejn kienu jkunu jistgħu jinvokaw in-neċessità li jistennew l-assistenza ta’ likwidità b’urġenza, jipproponu l-applikazzjoni ta’ miżura alternattiva jew jissuġġerixxu l-applikazzjoni ta’ għodda ta’ riżoluzzjoni oħra.

491    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li mill-analiżi tal-ewwel motiv jirriżulta, minn naħa l-waħda, li r-rikorrenti ma wrewx li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 ma ġewx issodisfatti. Min-naħa l-oħra, ġie kkonstatat li, minħabba li l-Bank ta’ Spanja rrifjuta li jagħti assistenza ta’ likwidità b’urġenza addizzjonali, is-SRB ma kellu ebda raġuni sabiex jistenna li din tingħata u li s-soluzzjonijiet alternattivi invokati mir-rikorrenti ma kinux fattibbli fi żmien qasir. Ir-rikorrenti għalhekk ma wrewx li s-smigħ tagħhom fil-proċedura ta’ riżoluzzjoni kien jibdel il-kontenut tal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

492    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li s-smigħ tar-rikorrenti qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kien jikkomprometti l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-istabbiltà tas-swieq finanzjarji u ta’ kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi tal-entità, kif ukoll ir-rekwiżiti ta’ ħeffa u ta’ effiċjenza tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni.

493    Għaldaqstant, l-assenza ta’ smigħ tar-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni ta’ Banco Popular tikkostitwixxi limitazzjoni għad-dritt għal smigħ li kienet iġġustifikata u neċessarja sabiex jintlaħaq għan ta’ interess ġenerali u kienet tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta.

494    Għaldaqstant l-ewwel parti għandha tiġi miċħuda.

b)      Fuq ittieni parti, ibbażata fuq ilksur taddritt ta’ aċċess għallfajl

495    Ir-rikorrenti jsostnu li, bħala persuni suġġetti għad-deċiżjoni tas-SRB, huma għandhom dritt ta’ aċċess għall-fajl skont l-Artikolu 90(4) tar-Regolament Nru 806/2014 u l-Artikolu 41(2) tal-Karta.

496    Fl-ewwel lok, huma jsostnu li, qabel l-adozzjoni ta’ att li jikkawża preġudizzju, l-istituzzjoni ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni informazzjoni jew dokumenti mingħajr ma l-ewwel tagħti lid-destinatarju tal-att, l-opportunità li jesprimi l-fehmiet tiegħu, fatt li jimplika aċċess għall-fajl amministrattiv. L-iskema ta’ riżoluzzjoni għandha tiġi annullata sal-punt li hija bbażata fuq valutazzjoni provviżorja li ma saritx disponibbli lir-rikorrenti.

497    Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl huwa previst fl-Artikolu 90(4) tar-Regolament Nru 806/2014 li jiddikjara:

“Il-persuni li jkunu s-suġġett tad-deċiżjonijiet tal-Bord għandhom ikunu intitolati li jkollhom aċċess għall-fajl tal-Bord, suġġett għall-interess leġittimu ta’ persuni oħra fil-ħarsien tas-sigrieti tan-negozju tagħhom. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma għandux ikun estiż għal informazzjoni kunfidenzjali jew għad-dokumenti preparatorji interni tal-Bord.”

498    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, hemm lok li jitfakkar li l-aċċess għall-fajl, fil-każijiet tal-kompetizzjoni, huwa b’mod partikolari intiż sabiex jippermetti lid-destinatarji ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li jiksbu konjizzjoni tal-provi li jkunu fil-fajl tal-Kummissjoni, bil-għan li dawn ikunu jistgħu jesprimu ruħhom b’mod utli fuq il-konklużjonijiet li tkun waslet għalihom din tal-aħħar fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha, abbażi ta’ dawn il-provi. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl jimplika li l-Kummissjoni għandha tagħti lill-impriża kkonċernata l-possibbiltà li teżamina d-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni li jistgħu jkunu rilevanti għad-difiża ta’ din l-impriża. Dawn jinkludu kemm provi favur kif ukoll dawk kontra, bl-eċċezzjoni ta’ sigrieti kummerċjali ta’ impriżi oħra, dokumenti interni tal-Kummissjoni u informazzjoni kunfidenzjali oħra (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, NKT Verwaltung u NKT vs Il‑Kummissjoni, C‑607/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:385, punti 261 u 262 u l-ġurisprudenza ċċitata).

499    Fit-tieni lok, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża fi proċedura segwita quddiem il-Kummissjoni li jkollha l-għan li timponi multa fuq impriża għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni jeħtieġ li l-impriża fil-mira titqiegħed f’pożizzjoni li tgħarraf b’mod utli l-perspettiva tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll dwar id-dokumenti użati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha tal-eżistenza tal-ksur. Dawn id-drittijiet huma msemmija fl-Artikolu 41(2)(a) u (b) tal-Karta (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2019, Brugg Kabel u Kabelwerke Brugg vs Il‑Kummissjoni, C‑591/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:1026, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

500    Fit-tielet lok, fir-rigward b’mod iktar ġenerali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, kif sanċiti fl-Artikolu 41(2) tal-Karta, dan jinkludi d-dritt għal smigħ u d-dritt ta’ aċċess għall-fajl b’osservanza tal-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2020, Kalai vs Il‑Kunsill, T‑178/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:580, punt 73).

501    Fir-raba’ lok, jeħtieġ li jitfakkar li l-ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl matul il-proċedura qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni x’aktarx, bħala prinċipju, jwassal għall-annullament ta’ dik id-deċiżjoni meta jkun ippreġudika d-drittijiet tad-difiża (ara s-sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il‑Kummissjoni, C‑109/10 P, EU:C:2011:686, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑15 ta’ Lulju 2015, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, T‑47/10, EU:T:2015:506, punt 349 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata).

502    Mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 498 sa 501 iktar ’il fuq jirriżulta li kemm id-dritt ta’ aċċess għall-fajl sanċit fl-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta kif ukoll, b’mod iktar speċifiku, l-aċċess għall-fajl fil-kawżi tal-kompetizzjoni huma marbuta ma’ persuni jew impriżi suġġetti għal proċeduri miftuħa jew deċiżjonijiet meħuda kontrihom.

503    Fil-kawża odjerna, mill-Artikolu 90(4) tar-Regolament Nru 806/2014 jirriżulta li d-dritt ta’ aċċess għall-fajl jikkonċerna l-entità suġġetta għall-iskema ta’ riżoluzzjoni, jiġifieri Banco Popular, u mhux l-azzjonisti jew il-kredituri tagħha.

504    Konsegwentement, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw id-dritt ta’ aċċess għall-fajl.

505    Barra minn hekk, kemm l-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta kif ukoll l-Artikolu 90(4) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdu li ċerta data tista’ tiġi protetta jekk din tkun kunfidenzjali.

506    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma jistgħux isostnu li l-assenza ta’ komunikazzjoni mis-SRB tal-valutazzjoni 2 matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni tikkostitwixxi ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl.

507    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu, fir-replika, li ma hemm l-ebda obbligu ta’ kunfidenzjalità lejn l-azzjonisti u l-kredituri wara riżoluzzjoni, peress li miżura ta’ riżoluzzjoni taffettwa l-patrimonju tagħhom u għandhom ikunu jistgħu jkunu jafu r-raġunijiet għar-riżoluzzjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 88 tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi għal eċċezzjoni għas-segretezza professjonali f’każ li l-iżvelar ikun meħtieġ fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji. Skont il-premessa 116 tar-Regolament Nru 806/2014, l-għoti ta’ informazzjoni qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni jista’ jkollu konsegwenzi fuq il-proċedura ta’ riżoluzzjoni, filwaqt li, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, l-objettiv tar-riżoluzzjoni ma jibqax kompromess minn dik il-komunikazzjoni.

508    Dawn l-argumenti għandhom jitqiesu li ma jikkonċernawx id-dritt ta’ aċċess għall-fajl matul il-proċedura amministrattiva, fis-sens tal-Artikolu 90(4) tar-Regolament Nru 806/2014, iżda d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti li fuqhom is-SRB ikun ibbaża ruħu għall-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, wara l-adozzjoni tagħha.

509    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li s-SRB għandha obbligu li tipproteġi d-data kunfidenzjali tal-entitajiet kollha, inklużi s-sigrieti kummerċjali, skont l-Artikolu 339 TFUE, l-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta u l-Artikolu 88(5) u (3) tar-Regolament Nru 806/2014.

510    Barra minn hekk, mill-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jirriżulta li, għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti skont dan ir-Regolament, is-SRB jista’, jew permezz tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni jew direttament wara li jinfurmahom, billi jagħmel użu sħiħ mill-informazzjoni kollha li jkollhom disponibbli l-BĊE jew l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, jitlob b’mod partikolari lill-entitajiet previsti minn miżura ta’ riżoluzzjoni sabiex jipprovdu l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex iwettaq il-kompiti konferiti lilu minn dan ir-regolament. Il-paragrafu 2 ta’ dak l-artikolu jispeċifika li r-rekwiżiti tas-sigriet professjonali ma jeżentawx lil dawk l-entitajiet mill-obbligu li jipprovdu tali informazzjoni. L-Artikolu 34(4) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi li s-SRB ikun jista’ jikseb, inkluż fuq bażi permanenti kwalunkwe informazzjoni neċessarja meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu skont dan ir-regolament, b’mod partikolari dwar il-fondi proprji, il-likwidità, l-assi u l-obbligazzjonijiet li jikkonċernaw kwalunkwe istituzzjoni suġġetta għas-setgħat tiegħu ta’ riżoluzzjoni.

511    L-Artikolu 88(5) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi:

“Qabel ma tiġi żvelata kwalunkwe informazzjoni, il-Bord għandu jiżgura li ma jkunx fiha informazzjoni kunfidenzjali, b’mod partikolari, billi jkunu valutati l-effetti li l-iżvelar jista’ jkollu fuq l-interess pubbliku fir-rigward tal-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika, fuq l-interessi kummerċjali ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, fuq l-iskop tal-ispezzjonijiet, fuq investigazzjonijiet u fuq l-awditi. Il-proċedura tal-verifika tal-effetti tal-iżvelar tal-informazzjoni għandha tinkludi valutazzjoni speċifika tal-effetti ta’ kwalunkwe żvelar tal-kontenut u d-dettalji tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni kif jingħad fl-Artikoli 8 u 9, tar-riżultat ta’ kwalunkwe valutazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 10 jew tal-iskema ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 18.”

512    Din id-dispożizzjoni tipprovdi espressament għall-obbligu tas-SRB li jiżgura, qabel il-pubblikazzjoni jew il-komunikazzjoni lil parti terza tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, li din ma tkunx tinkludi informazzjoni kunfidenzjali, li huwa seta’ jikseb b’mod partikolari skont l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 806/2014. Dan l-obbligu japplika wkoll għall-valutazzjoni 2 li tikkostitwixxi anness għall-iskema ta’ riżoluzzjoni u li tifforma parti integrali minnha skont l-Artikolu 12.2 tal-imsemmija skema.

513    Ir-rikorrenti jsostnu li, skont il-premessa 116 tar-Regolament Nru 806/2014, is-segriet professjonali japplika biss matul il-proċedura ta’ riżoluzzjoni, sakemm id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni ma tkunx saret pubblika.

514    Il-premessa 116 tar-Regolament Nru 806/2014 tiddikjara:

“L-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jiġu notifikati kif jixraq u, soġġetti għall-eċċezzjonijiet limitati stipulati f’dan ir-Regolament, magħmula pubbliċi. Madankollu, minħabba li l-informazzjoni miksuba mill-Bord, mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni u mill-konsulenti professjonali tagħhom matul il-proċess tar-riżoluzzjoni x’aktarx tkun sensittiva, qabel ma d-deċiżjoni tar-riżoluzzjoni tkun magħmula pubblika, dik l-informazzjoni għandha tiġi soġġetta għar-rekwiżiti tas-sigriet professjonali. Il-fatt li l-informazzjoni dwar il-kontenut u d-dettalji ta’ pjanijiet ta’ riżoluzzjoni u r-riżultat ta’ kwalunkwe valutazzjoni ta’ dawk il-pjanijiet jista’ jkollhom effetti b’firxa wiesgħa, b’mod partikolari fuq l-intrapriżi konċernati għandu jiġi kkunsidrat. Kwalunkwe informazzjoni pprovduta fir-rigward ta’ deċiżjoni qabel ma tittieħed, kemm dwar jekk il-kondizzjonijiet għal riżoluzzjoni humiex issodisfatti, dwar l-użu ta’ għodda speċifika kif ukoll dwar kwalunkwe azzjoni matul il-proċeduri, trid titqies li għandha effett fuq l-interessi pubbliċi u privati kkonċernati mill-azzjoni. Madankollu, informazzjoni li l-Bord u l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni jkunu qed jeżaminaw entità speċifika tista’ tkun biżżejjed sabiex ikollha effetti negattivi fuq dik l-entità. Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi żgurat li jkun hemm mekkaniżmi xierqa għaż-żamma tal-kunfidenzjalità ta’ tali informazzjoni, bħalma huma l-kontenut u d-dettalji tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni u r-riżultat ta’ kwalunkwe valutazzjoni mwettqa f’dak il-kuntest.”

515    Minn naħa, minn din il-premessa jirriżulta li ċerta informazzjoni miżmuma mis-SRB, li tinsab fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, fil-valutazzjoni 2 u fid-dokumenti li fuqhom kienet ibbażata, hija koperta mis-segriet professjonali u hija kunfidenzjali.

516    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 263), li l-funzjonament effettiv tas-sistema ta’ kontroll tal-attività tal-impriżi ta’ investiment, ibbażata fuq sorveljanza eżerċitata fi ħdan Stat Membru u fuq l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ diversi Stati Membri jeħtieġ li kemm l-impriżi ssorveljati kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jkunu ċerti li l-informazzjoni kunfidenzjali pprovduta żżomm bħala regola n-natura kunfidenzjali tagħha (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Baumeister, C‑15/16, EU:C:2018:464, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

517    Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-assenza ta’ tali fiduċja hija ta’ natura li tikkomprometti t-trasferiment mingħajr problemi tal-informazzjoni kunfidenzjali neċessarja għall-eżerċizzju tal-attività ta’ sorveljanza. Huwa għalhekk sabiex jiġu protetti mhux biss l-interessi speċifiċi tal-impriżi direttament ikkonċernati, iżda wkoll l-interess ġenerali marbut mal-funzjonament normali tas-swieq ta’ strumenti finanzjarji tal-Unjoni, li l-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39 jimponi, bħala regola ġenerali, l-obbligu ta’ żamma tas-sigriet professjonali (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Baumeister, C‑15/16, EU:C:2018:464, punti 32 u 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

518    Madankollu, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 88(1) tar-Regolament Nru 806/2014, dwar ir-rekwiżiti tas-sigriet professjonali tal-membri tas-SRB, fih dispożizzjoni ekwivalenti għal dik tal-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39.

519    Min-naħa l-oħra, ċertament, il-premessa 116 tar-Regolament Nru 806/2014 issemmi l-obbligi tas-SRB tas-sigriet professjonali qabel ma tiġi adottata deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni. Hija tindika li, peress li ċerta informazzjoni miżmuma mis-SRB hija sensittiva u suġġetta għas-sigriet kummerċjali, ma għandhiex tiġi kkomunikata lill-pubbliku qabel ma tiġi adottata miżura ta’ riżoluzzjoni. Fil-fatt, il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar jekk entità hijiex f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ u dwar jekk tistax tkun suġġetta għal miżura ta’ riżoluzzjoni tista’, b’mod partikolari, tinkoraġġixxi lill-azzjonisti jbigħu t-titoli tagħhom fis-swieq u twassal ukoll għal irtirar massiv ta’ depożiti, fatt li jaggrava s-sitwazzjoni finanzjarja tal-bank u b’hekk jimmina l-effettività tal-azzjoni tas-SRB kif ukoll il-funzjonament tas-suq.

520    Madankollu, din il-premessa tindika wkoll espressament li l-miżuri ta’ riżoluzzjoni “għandhom jiġu notifikati kif jixraq u, soġġetti għall-eċċezzjonijiet limitati stipulati f’dan ir-Regolament, magħmula pubbliċi”. Madankollu, hemm lok li jitfakkar li l-Artikolu 88(5) tar-Regolament Nru 806/2014, iċċitat fil-punt 511 iktar ’il fuq, jipprovdi espressament għall-obbligu tas-SRB li jiżgura, qabel l-iżvelar tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, li din tal-aħħar ma jkunx fiha informazzjoni kunfidenzjali.

521    Konsegwentement, il-premessa 116 tar-Regolament Nru 806/2014 ma tistax tiġi interpretata, kif jagħmlu r-rikorrenti, li tfisser li r-regoli ta’ kunfidenzjalità u sigriet professjonali japplikaw biss sakemm id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni tkun ġiet adottata.

522    Ir-rikorrenti jagħmlu riferiment ukoll għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 88(1) tar-Regolament Nru 806/2014 li skontu “[l]-informazzjoni soġġetta għar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali ma għandhiex tiġi żvelata lil entità pubblika jew privata oħra għajr meta tali żvelar ikun meħtieġ għall-fini ta’ proċess legali”.

523    Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tistax tfisser li s-SRB għandu obbligu li jiżvela d-deċiżjoni kollha ta’ riżoluzzjoni mill-mument li jinbdew il-proċeduri ġudizzjarji. Din id-dispożizzjoni tirreferi għall-possibbiltà li qorti tordna l-produzzjoni ta’ dokumenti, inkluża informazzjoni kunfidenzjali.

524    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali għandha l-fakultà li titlob lis-SRB jipproduċi kwalunkwe dokument li hija tqis rilevanti sabiex tiddeċiedi dwar it-tilwima, permezz ta’ miżura istruttorja, skont l-Artikoli 91(b) u 92(3), tar-Regoli tal-Proċedura. Madankollu, skont l-Artikolu 103(1) tal-istess regoli, il-Qorti Ġenerali tista’ tqis li ċerta informazzjoni inkluża f’dawn id-dokumenti hija kunfidenzjali u b’hekk tiddeċiedi li ma tiġix ikkomunikata lill-partijiet l-oħra, b’mod partikolari lir-rikorrenti.

525    Minn dan jirriżulta li deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tordna l-produzzjoni ta’ dokumenti ma tiggarantixxix aċċess lir-rikorrenti għall-kontenut sħiħ ta’ dawn id-dokumenti jekk il-Qorti Ġenerali tqis li dawn jinkludu data kunfidenzjali.

526    Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-Qorti Ġenerali, fit‑12 ta’ Mejju 2021, permezz ta’ digriet ta’ miżuri istruttorji, talbet lis-SRB sabiex jipproduċi ċerti dokumenti, inklużi verżjonijiet kunfidenzjali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, tal-valutazzjoni 2 u tal-evalwazzjoni tal-BĊE dwar is-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular. B’konformità mal-Artikolu 103 tar-Regoli tal-Proċedura, wara li eżaminat il-kontenut ta’ dawn id-dokumenti, il-Qorti Ġenerali qieset li l-elementi li baqgħu moħbija fil-verżjonijiet ta’ dawn id-dokumenti ppubblikati fis-siti internet tas-SRB u tal-BĊE ma kinux rilevanti għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima. Għaldaqstant, permezz ta’ digriet tad‑9 ta’ Ġunju 2021, il-Qorti Ġenerali sfilzat il-verżjonijiet kunfidenzjali ta’ dawn id-dokumenti mill-proċess.

527    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma jistgħux isostnu li, wara l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, ma hemm l-ebda obbligu ta’ kunfidenzjalità fir-rigward tagħhom, u lanqas li għandhom dritt għal komunikazzjoni tal-fajl kollu li fuqu bbaża ruħu s-SRB.

528    Konsegwentement, it-tieni parti għandha tiġi miċħuda u, għaldaqstant, it-tielet motiv fl-intier tiegħu.

4.      Fuq irraba’ motiv, ibbażat fuq ilksur talobbligu ta’ motivazzjoni

529    Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjonijiet ikkontestati ma humiex immotivati biżżejjed.

530    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jiksbu konjizzjoni tal-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE ma għandhiex tiġi evalwata biss fid-dawl tal-kliem tiegħu, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2019, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE, C‑450/17 P, EU:C:2019:372, punti 85 u 87 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑21 ta’ Ottubru 2020, BĊE vs Estate of Espírito Santo Financial Group, C‑396/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:845, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

531    Barra minn hekk, il-grad ta’ preċiżjoni tal-motivazzjoni ta’ att għandu jkun proporzjonat għall-possibbiltajiet materjali u l-kundizzjonijiet tekniċi jew ta’ limitu ta’ żmien li taħthom għandu jintervjeni (ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 2012, Éditions Odile Jacob vs Il‑Kummissjoni, C‑551/10 P, EU:C:2012:681, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑23 ta’ Mejju 2019, KPN vs Il‑Kummissjoni, T‑370/17, EU:T:2019:354, punt 139 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2021, KPN vs Il‑Kummissjoni, T‑691/18, mhux ippubblikata, EU:T:2021:43, punt 162).

532    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu diversi nuqqasijiet ta’ motivazzjoni fl-iskema ta’ riżoluzzjoni.

533    Preliminarjament, jeħtieġ li jitfakkar li, f’dan il-każ, fis‑7 ta’ Ġunju 2017, is-SRB ppubblika fuq is-sit internet tiegħu komunikazzjoni li tħabbar l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, akkumpanjata minn dokument li jiġbor fil-qosor l-effetti tar-riżoluzzjoni skont l-Artikolu 29(5) tar-Regolament Nru 806/2014. Fil‑11 ta’ Lulju 2017, is-SRB ippubblika verżjoni mhux kunfidenzjali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. Is-SRB ippubblika wkoll fuq is-sit internet tiegħu, fit‑2 ta’ Frar 2018, jiġifieri wara l-preżentata tar-replika, u sussegwentement fil‑31 ta’ Ottubru 2018, verżjonijiet mhux kunfidenzjali inqas ridotti tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u tal-valutazzjoni 2.

534    Fl-ewwel lok, uħud mill-argumenti tar-rikorrenti jikkonċernaw il-proċedura għall-bejgħ ta’ Banco Popular. Ir-rikorrenti jsostnu li r-raġunijiet għaliex żewġ xerrejja potenzjali biss ġew mistiedna jiffirmaw ftehimiet ta’ nuqqas ta’ żvelar u waħda minnhom biss ressqet offerta ma humiex spjegati fl-iskema ta’ riżoluzzjoni. Din iċ-ċirkustanza hija importanti sabiex jiġi ddeterminat jekk Banco Popular nbiegħx skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 806/2014.

535    Jeħtieġ li jitfakkar li l-proċedura ta’ bejgħ ta’ Banco Popular twettqet mill-FROB. Fl-ittra ta’ proċedura adottata fis‑6 ta’ Ġunju 2017, il-FROB stiednet lill-akkwirenti potenzjali, fil-kuntest ta’ riżoluzzjoni possibbli ta’ Banco Popular, sabiex jipparteċipaw fil-proċedura ta’ bejgħ u sabiex jissottomettilu offerta għall-akkwist ta’ 100 % tal-kapital ta’ Banco Popular skont it-termini u l-kundizzjonijiet deskritti f’din l-ittra.

536    Fl-Artikolu 6.6 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB qies li l-isforz tal-kummerċjalizzazzjoni li sar fir-rigward ta’ Banco Popular mill-FROB qabel l-adozzjoni ta’ din l-iskema kien jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 806/2014, moqri flimkien mal-Artikolu 39 tad-Direttiva 2014/59. Is-SRB irrileva li, fil-perijodu immedjatament qabel ir-riżoluzzjoni, Banco Popular kien wettaq proċedura ta’ bejgħ privat u li, fil-ġimgħa tad‑29 ta’ Mejju 2017, kien deher li din il-proċedura kienet ser tfalli. Huwa indikat li d-deċiżjoni li jiġi limitat l-isforz kummerċjali għall-banek li kienu diġà esprimew interess ġenerali fl-akkwist ta’ Banco Popular fil-kuntest tal-proċedura ta’ bejgħ privat kienet konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 39 tad-Direttiva 2014/59. Is-SRB indika wkoll li, wara l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ bejgħ mill-FROB, finalment ġew mistiedna żewġ banek sabiex jipparteċipaw fil-bejgħ. Huwa semma li l-akkwirenti potenzjali kollha kienu avviċinati fl-istess data, li kellhom aċċess għall-istess kamra virtwali tad-data, u li l-offerti tagħhom kienu suġġetti għall-istess kundizzjonijiet u data ta’ skadenza. Is-SRB irrileva wkoll li, miż-żewġ akkwirenti potenzjali, kien irċieva offerta valida waħda u kkunsidra li, billi l-akkwirent kien l-uniku wieħed li ssottometta offerta, kien prudenti li jaċċetta l-kundizzjonijiet tiegħu, u b’hekk jevita insolvenza mhux ikkontrollata ta’ Banco Popular, li, b’mod partikolari, setgħet tippreġudika l-funzjonijiet kritiċi tagħha.

537    Dawn id-diversi elementi, li jinsabu fil-verżjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni annessa mar-replika, huma suffiċjenti sabiex wieħed jifhem l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ bejgħ ta’ Banco Popular. Peress li l-proċedura ta’ bejgħ twettqet mill-FROB, is-SRB seta’ biss jikkonstata li kienet ġiet ippreżentata offerta waħda biss u jqis ir-riżultat ta’ dak il-bejgħ. Barra minn hekk, ir-raġunijiet għaliex xerrejja potenzjali oħra ma ssottomettewx offerta ma humiex rilevanti.

538    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li ma ngħatat l-ebda spjegazzjoni għall-iffissar tal-prezz tal-bejgħ ta’ Banco Popular għal EUR 1, u lanqas fuq il-kwistjoni dwar jekk dan il-prezz kienx jirrifletti l-valur tas-suq ta’ Banco Popular u li ma jafux għalfejn għaliex il-BBVA ma ngħatatx żmien addizzjonali sabiex tissottometti offerta.

539    Sa fejn dawn l-argumenti jikkonċernaw il-proċedura ta’ bejgħ imwettqa mill-FROB, ir-rikorrenti ma jispjegawx għaliex dawn l-elementi għandhom jiġu inklużi fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, u lanqas kif dawn l-elementi huma essenzjali għall-fehim tal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

540    Barra minn hekk, dawn l-argumenti jirriżultaw minn fehim żbaljat tal-fatti. Minn naħa, jeħtieġ li jitfakkar li l-prezz tal-bejgħ ta’ EUR 1 ma kienx iffissat mis-SRB. Fil-fatt fl-ittra ta’ proċedura, il-FROB indika li l-prezz propost fl-offerti għandu jkun daqs jew ikbar minn EUR 1. Il-prezz tal-bejgħ ta’ EUR 1, imsemmi fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, huwa r-riżultat tal-proċedura ta’ bejgħ kompetittiva mwettqa mill-FROB u tal-prezz offrut minn Banco Santander. Għalhekk, dan il-prezz jirrifletti, skont id-definizzjoni, il-valur tas-suq ta’ Banco Popular. Min-naħa l-oħra, billi l-BBVA għarrfet lill-FROB fis‑6 ta’ Ġunju 2017 li kienet iddeċidiet li ma tissottomettix offerta, ma kienx hemm lok li fl-iskema ta’ riżoluzzjoni tiġi speċifikata raġuni speċifika għaliex il-FROB ma kinitx tat skadenza ġdida.

541    Fit-tieni lok, uħud mill-argumenti tar-rikorrenti jikkonċernaw ir-raġunijiet għall-konformità mal-kundizzjonijiet tar-riżoluzzjoni. Ir-rikorrenti jsostnu li r-raġunijiet li abbażi tagħhom ġie kkonstatat, fl-Artikolu 2.1, tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, li l-Banco Popular ma kienx f’pożizzjoni li jħallas id-djun tiegħu jew obbligazzjonijiet oħra meta dawn jilħqu l-maturità tagħhom fil-futur qrib ma ġewx esposti. B’mod partikolari, ma ġiex speċifikat jekk il-kawża kinitx id-dikjarazzjonijiet u l-istanzi ta’ żvelar jew l-irtirar ta’ depożiti mill-amministrazzjonijiet Spanjoli jew inkella l-assenza ta’ assistenza ta’ likwidità b’urġenza. Is-SRB ikkonkluda, fl-Artikolu 3.1 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, li ma kien hemm l-ebda miżura alternattiva sabiex jiġi evitat il-falliment ta’ Banco Popular fi żmien raġonevoli, mingħajr ma eżamina s-soluzzjonijiet alternattivi msemmija fit-tieni parti tal-ewwel motiv. Ir-raġunijiet għaliex l-għodda ta’ bejgħ tal-operat intgħażlet minn dawn il-miżuri l-oħra ma ġewx spjegati.

542    Minn naħa, hemm lok li jiġi rrilevat li, fl-Artikolu 2 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB indika li l-BĊE kien ikkunsidra li Banco Popular kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ fuq il-bażi tal-Artikolu 18(1)(a) u l-paragrafu 4(c) tar-Regolament Nru 806/2014. Huwa rrileva li l-elementi differenti kienu jindikaw li Banco Popular probabbilment ma kienx ser ikun f’pożizzjoni, fil-futur qrib, li jħallas id-djun jew impenji oħra tiegħu meta dawn jilħqu l-maturità tagħhom.

543    Fil-premessa 23 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB iddikjara li, kif deskritt mill-BĊE fl-evalwazzjoni tiegħu, is-sitwazzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular marret għall-agħar b’mod sinjifikattiv u elenkat fil-premessa 24, iċ-ċirkustanzi li wasslu għal dik is-sitwazzjoni. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li r-raġunijiet għaliex il-BĊE qies li Banco Popular kien jinsab f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ huma stabbiliti b’mod ċar fl-evalwazzjoni tiegħu, li tifforma parti mill-kuntest li fih ġiet adottata l-iskema ta’ riżoluzzjoni. Verżjoni mhux kunfidenzjali tal-evalwazzjoni tal-BĊE ġiet ippubblikata fuq is-sit internet tiegħu fl‑14 ta’ Awwissu 2017.

544    Għalhekk, ir-rikorrenti ma jistgħux jargumentaw li s-SRB ma pprovdiex motivazzjoni suffiċjenti għar-raġunijiet li abbażi tagħhom Banco Popular kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ.

545    Min-naħa l-oħra, mill-analiżi tat-tieni parti tal-ewwel motiv (ara l-punti 188 sa 192 iktar ’il fuq) jirriżulta li s-SRB ipprovda motivazzjoni suffiċjenti, fl-Artikolu 3 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, għall-assenza ta’ soluzzjonijiet alternattivi privati jew prudenzjali li jistgħu jipprevjenu l-falliment ta’ Banco Popular. Barra minn hekk, fl-Artikolu 5 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, b’mod partikolari fl-Artikolu 5.3 ta’ dan tal-aħħar, is-SRB iġġustifika l-għażla tal-għodda ta’ riżoluzzjoni, u spjega għaliex l-għodda l-oħra elenkati fl-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 806/2014 ma kinux jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet tar-riżoluzzjoni sal-istess grad.

546    Ir-rikorrenti ma jsostnux li dawn id-dispożizzjonijiet tal-iskema ta’ riżoluzzjoni ma humiex suffiċjenti sabiex tinftiehem il-portata, iżda sempliċement jikkritikaw lis-SRB talli ma kkunsidrax is-soluzzjonijiet alternattivi invokati minnhom fl-ewwel motiv.

547    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li s-SRB ma kienx obbligat jeżamina s-soluzzjonijiet invokati mir-rikorrenti li ma kinux vijabbli, kif jidher mill-punti 193 sa 230 iktar ’il fuq.

548    Fit-tielet lok, fir-replika, ir-rikorrenti jqajmu argumenti dwar il-motivazzjoni tal-valutazzjoni 2. Huma jsostnu li ma jafux għaliex intużat il-valutazzjoni 2 meta din tindika li hija purament illustrattiva u ma għandhiex tintuża għat-teħid tad-deċiżjonijiet, għaliex ir-rapporti ta’ valutazzjoni ma jwettqux l-analiżi meħtieġa mill-Artikolu 20(5)(a) sa (c) u (f) tar-Regolament Nru 806/2014, għaliex il-valutazzjonijiet 1 u 2 huma inkonsistenti fir-rigward tas-solvenza ta’ Banco Popular u għaliex il-valutazzjoni tal-assi li ma jrendux ta’ Banco Popular mill-BĊE ma ntużatx meta s-SRB kien iddikjara li din kienet l-aħjar stima.

549    Hemm lok li jiġi kkonstatat li dawn l-argumenti huma biss repetizzjoni tal-argumenti mqajma mir-rikorrenti fil-kuntest tat-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 806/2014. Issa, ir-rikorrenti ma jispjegawx għaliex l-ispjegazzjonijiet dwar mistoqsijiet li jikkorrispondu biss għall-mezzi tagħhom għandhom jiġu inklużi fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, u lanqas sa liema punt huma meħtieġa sabiex din tinftiehem.

550    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jallegaw li s-SRB ma spjegax, fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, jekk Deloitte kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ indipendenza stabbiliti fl-Artikoli 37 sa 41 tar-Regolament Delegat 2016/1075.

551    F’dan ir-rigward, is-SRB indika fil-premessa 41 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni li kien inkariga valutatur indipendenti sabiex iwettaq il-valutazzjoni 2. Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li ma huwiex l-għan tal-iskema ta’ riżoluzzjoni li tispjega għaliex dan il-valutatur kien jissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament Delegat 2016/1075 u li r-rikorrenti ma jispjegawx sa liema punt dawn l-ispjegazzjonijiet huma meħtieġa sabiex tinftiehem il-miżura ta’ riżoluzzjoni adottata mis-SRB.

552    Fil-ħames lok, ir-rikorrenti jsostnu li s-SRB ma identifikax l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni, u lanqas l-istrument ta’ riżoluzzjoni li jinsab fil-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-2016, u lanqas ma jindika r-raġunijiet għaliex dan il-pjan ma ġiex segwit.

553    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fil-premessi 44 sa 46 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, li huma stabbiliti fl-intier tagħhom fil-verżjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni ppubblikat fuq is-sit internet tas-SRB fit‑2 ta’ Frar 2018 u annessi mar-replika, is-SRB spjega għaliex l-għodda ta’ riżoluzzjoni prevista fil-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-2016 ma kinitx xierqa għaċ-ċirkustanzi eżistenti fid-data tar-riżoluzzjoni. Għalhekk, huwa rrileva li l-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-2016 kien ibbażat fuq l-ipoteżi li l-falliment ta’ Banco Popular kien marbut ma’ deterjorament tas-sitwazzjoni tal-kapital tiegħu. Issa, sa fejn il-falliment ta’ Banco Popular kien jirriżulta mid-deterjorament tas-sitwazzjoni ta’ likwidità tiegħu, is-SRB indika li ma kienx iggarantit li l-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna, prevista f’dak il-pjan, kienet tippermetti li l-kriżi ta’ likwidità ta’ Banco tiġi rrimedjata b’mod immedjat u effettiv.

554    Dawn l-ispjegazzjonijiet huma biżżejjed sabiex jiġġustifikaw ir-raġunijiet għalfejn il-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-2016 ma ġiex implimentat fl-iskema ta’ riżoluzzjoni.

555    Fis-sitt lok, ir-rikorrenti jsostnu li ma jafux għaliex, qabel ma ssuġġetta lil Banco Popular għal riżoluzzjoni, is-SRB ma stenniex l-għoti tal-assistenza ta’ likwidità b’urġenza kollha li kienet diġà ġiet approvata mill-BĊE.

556    Huwa biżżejjed li jitfakkar li mill-analiżi tal-ewwel ilment tal-ewwel fergħa tal-ewwel motiv jirriżulta li s-SRB ikkonstata fl-iskema ta’ riżoluzzjoni li l-Bank ta’ Spanja, wara li ta l-ewwel assistenza ta’ likwidità b’urġenza lil Banco Popular fil‑5 ta’ Ġunju 2017, ma kienx f’pożizzjoni li jagħtiha assistenza ta’ likwidità b’urġenza addizzjonali. Peress li l-għoti ta’ assistenza ta’ likwidità b’urġenza jaqa’ fil-kompetenza tal-banek ċentrali nazzjonali, is-SRB seta’ biss jikkonstata n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ assistenza ta’ likwidità b’urġenza addizzjonali.

557    B’hekk, sa fejn ma kien hemm l-ebda raġuni sabiex is-SRB jistenna l-għoti ta’ din l-assistenza ta’ likwidità b’urġenza, ma kellux għalfejn jiġġustifikaha fl-iskema ta’ riżoluzzjoni.

558    Fir-rigward tal-argument li ħafna partijiet mill-iskema ta’ riżoluzzjoni u l-valutazzjonijiet huma mħassra, fatt li jimpedixxi lir-rikorrenti milli jifhmuhom, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din hija sempliċement kunsiderazzjoni ġenerali li, fin-nuqqas ta’ kjarifika dwar il-partijiet tal-iskema ta’ riżoluzzjoni jew tal-valutazzjoni 2 li r-rikorrenti ma jistgħux jifhmu, ma tippermettix li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

559    Minn dan li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ebda argument tar-rikorrenti ma jista’ jistabbilixxi ksur mis-SRB tal-obbligu tiegħu li jipprovdi motivazzjoni.

560    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li rċevew biss kopja parzjali “mhux kunfidenzjali” tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u li ma kellhomx aċċess għall-annessi tagħha u lanqas għall-fajl amministrattiv. Huma jsostnu li għalhekk ma kinux kisbu konjizzjoni tal-motivazzjoni għad-deċiżjonijiet ikkontestati. Huma jżidu, fir-replika, li l-obbligu ta’ motivazzjoni jipproteġi lil kwalunkwe persuna kkonċernata mill-att u mhux biss lid-destinatarju tiegħu u li għalhekk huma intitolati li jirċievu motivazzjoni kompleta għad-deċiżjonijiet ikkontestati. Barra minn hekk, fir-replika, ir-rikorrenti jindikaw li ma jitolbux il-pubblikazzjoni ġenerali tad-dokumenti, peress li l-Artikolu 88(5) tar-Regolament Nru 806/2014 jidher li jimpedixxi dan, iżda l-komunikazzjoni ta’ deċiżjoni motivata u awtorizzazzjoni sabiex jiksbu aċċess b’mod kunfidenzjali għall-fajl matul il-proċedura odjerna.

561    Hemm lok li jitqies li, b’dan l-argument, ir-rikorrenti essenzjalment jallegaw li s-SRB ma kkomunikalhomx l-iskema ta’ riżoluzzjoni u l-valutazzjoni 2 fl-intier tagħhom.

562    F’dan ir-rigward, mill-analiżi tat-tieni parti tat-tielet motiv jirriżulta li, wara l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, ir-rikorrenti ma għandhomx dritt għall-komunikazzjoni tal-fajl kollu li fuqu bbaża ruħu s-SRB sa fejn dan tal-aħħar għandu l-obbligu li jipproteġi l-informazzjoni kunfidenzjali li tinsab fih. Dan ir-raġunament japplika wkoll għall-iskema ta’ riżoluzzjoni u għall-valutazzjoni 2 li fiha data kunfidenzjali.

563    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li r-rikorrenti ma humiex destinatarji tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, li hija indirizzata lill-FROB. Ir-rikorrenti għandhom jitqiesu bħala partijiet terzi u għalhekk ma għandhomx dritt li tiġi kkomunikata lilhom l-iskema ta’ riżoluzzjoni fl-intier tagħha.

564    Hemm lok li jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonkludi li ma hemm l-ebda għajnuna mill-Istat iddenunzjata minn lanjant tista’, fid-dawl tal-obbligu tal-osservanza tal-kunfidenzjalità tal-kawżi, tkun suffiċjentement motivata mingħajr ma jiġu inklużi elementi figurattivi li fuqhom huwa bbażat dan ir-raġunament ta’ din l-istituzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punti 108 sa 111). Għaldaqstant, verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ tali deċiżjoni, meta din turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-imsemmija istituzzjoni kif ukoll il-metodoloġija użata minnha b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jiksbu konjizzjoni ta’ dawn il-ġustifikazzjonijiet u lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha fir-rigward tagħhom, hija suffiċjenti sabiex jiġi ssodisfatt l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq l-istess istituzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Club Hotel Loutraki et vs Il‑Kummissjoni, C‑131/15 P, EU:C:2016:989, punt 55).

565    Barra minn hekk, fir-rigward tal-elementi ekonomiċi użati minn Deloitte fil-valutazzjoni 2 u meħuda inkunsiderazzjoni mis-SRB fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, ma jistax jiġi kkontestat li dawn jaqgħu fl-ambitu ta’ evalwazzjonijiet tekniċi kumplessi. Ġaladarba l-iskema ta’ riżoluzzjoni kienet turi b’mod ċar ir-raġunament segwit mis-SRB sabiex tkun tista’ tiġi kkontestata ulterjorment il-fondatezza tagħha quddiem il-qorti kompetenti, ikun eċċessiv li tintalab motivazzjoni speċifika għal kull waħda mill-għażliet tekniċi jew għal kull wieħed mill-elementi figurattivi li fuqhom huwa bbażat dan ir-raġunament (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata).

566    Issa, minn naħa, ir-rikorrenti jammettu li l-Artikolu 88(5) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprekludi l-pubblikazzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni fl-intier tagħha. Din id-dispożizzjoni, iċċitata fil-punt 511 iktar ’il fuq, billi tipprovdi li s-SRB għandu jiżgura li l-informazzjoni ma jkunx fiha materjal kunfidenzjali qabel ma jiżvelaha, tikkonċerna mhux biss l-ipoteżi tal-pubblikazzjoni tagħha, iżda wkoll dik tal-komunikazzjoni tagħha lil partijiet terzi.

567    Min-naħa l-oħra, huma ma speċifikawx sa liema punt id-data li baqgħet moħbija fil-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u tal-valutazzjoni 2 kienu neċessarji sabiex tinftiehem l-iskema ta’ riżoluzzjoni.

568    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma stabbilixxewx li s-SRB kiser l-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni billi ħeba d-data ekonomika fil-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u tal-valutazzjoni 2.

569    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw dritt li jirċievu komunikazzjoni tal-verżjonijiet sħaħ tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u tal-valutazzjoni 2.

570    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li, skont is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L‑Aworità Għolja (9/56, EU:C:1958:7), il-Kummissjoni biss setgħet tikkontrolla l-aspetti diskrezzjonali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. Issa, id-Deċiżjoni 2017/1246 hija purament taċita u mingħajr ebda ġustifikazzjoni.

571    Jeħtieġ jitfakkar li mill-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2017/1246 jirriżulta li:

“Il-Kummissjoni taqbel mal-iskema ta’ riżoluzzjoni. B’mod partikulari taqbel mar-raġunijiet EBA mis-SRB li minħabba fihom hi neċessarja r-riżoluzzjoni fl-interess pubbliku skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014.”

572    Barra minn hekk, fil-premessa 2 tad-Deċiżjoni 2017/1246, il-Kummissjoni għamlet riferiment għall-fatt li s-SRB indika, fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, li l-kundizzjonijiet kollha għall-iskattar ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 ġew issodisfatti fir-rigward ta’ Banco Popular u li kien ivvaluta r-raġunijiet għaliex miżura ta’ riżoluzzjoni kienet meħtieġa fl-interess pubbliku. Min-naħa l-oħra, fil-premessa 3 tad-Deċiżjoni 2017/1246, il-Kummissjoni rrilevat li l-iskema ta’ riżoluzzjoni, skont l-Artikolu 18(6) tar-Regolament Nru 806/2014, kienet tissuġġetta lil Banco Popular għal proċedura ta’ riżoluzzjoni u kienet tiddetermina l-applikazzjoni tal-għodda ta’ bejgħ tal-operat u li kienet tistabbilixxi wkoll ir-raġunijiet għaliex dawn l-elementi kollha kienu suffiċjenti.

573    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni, fid-Deċiżjoni 2017/1246, għamlet riferiment espliċitu għar-raġunijiet għaliex is-SRB qies li l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kienu ssodisfatti u li kien jaqbel li tiġi applikata l-għodda ta’ bejgħ tal-operat. Għalhekk, l-approvazzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni stabbilita fil-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2017/1246, għandha tinqara fid-dawl tal-premessi l-oħra tagħha u tikkonċerna dawn ir-raġunijiet kollha. F’dik il-premessa, il-Kummissjoni ddikjarat b’mod espliċitu li qablet mar-raġunijiet stabbiliti fl-iskema ta’ riżoluzzjoni li jiġġustikaw l-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular, b’mod partikolari fir-rigward tal-kriterju tal-interess pubbliku.

574    Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-iskema ta’ riżoluzzjoni u l-motivazzjoni tagħha jiffurmaw parti mill-kuntest li fih ġiet adottata d-Deċiżjoni 2017/1246, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 530 iktar ’il fuq.

575    Barra minn hekk, jeħtieġ li jitfakkar li, skont l-Artikolu 18(7) tar-Regolament Nru 806/2014, il-Kummissjoni jew tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni jew inkella toġġezzjona fuq l-aspetti diskrezzjonali tagħha.

576    Minn dan jirriżulta li, fejn il-Kummissjoni, bħal fil-każ preżenti, tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni tagħha tista’ tkun limitata sabiex tindika li taqbel mar-raġunijiet li jinsabu fiha. Kwalunkwe ġustifikazzjoni addizzjonali oħra għall-approvazzjoni tagħha tista’ tikkonsisti biss f’riproduzzjoni tal-elementi li diġà jinsabu fl-iskema ta’ riżoluzzjoni. Issa, skont l-Artikolu 18(7) tar-Regolament Nru 806/2014, il-Kummissjoni ma għandhiex tirrepeti l-analiżi tas-SRB fid-deċiżjoni tagħha, iżda tapprovaha biss.

577    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 531 iktar ’il fuq, jeħtieġ li jittieħed kont tat-terminu qasir ħafna li kellha l-Kummissjoni għad-dispożizzjoni tagħha, skont l-Artikolu 18(7) tar-Regolament Nru 806/2014, sabiex tadotta d-deċiżjoni tagħha mid-data tat-trażmissjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni mis-SRB.

578    Minn dan isegwi li hemm lok li titqies bħala suffiċjenti, sabiex tiġġustifika approvazzjoni, motivazzjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tindika li taqbel mal-kontenut tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u mar-raġunijiet imressqa mis-SRB fl-iskema ta’ riżoluzzjoni sabiex jiġġustifika l-adozzjoni tagħha.

579    Fir-replika, ir-rikorrenti jsostnu li l-ebda wieħed mid-dokumenti li l-Kummissjoni tallega li jagħmlu parti mill-fajl amministrattiv tagħha ma jikkorrobora l-parteċipazzjoni tagħha fil-proċedura, lil hinn mill-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha. Ir-rikorrenti jindikaw li dan l-argument huwa maħsub sabiex jistabbilixxi li l-Kummissjoni naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 291 TFUE u s-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L‑Aworità Għolja (9/56, EU:C:1958:7).

580    B’dan l-argument, ir-rikorrenti ma argumentawx li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni, iżda jallegaw ksur tal-prinċipji relatati mad-delega tas-setgħat stabbiliti fis-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L‑Aworità Għolja (9/56, EU:C:1958:7). Ir-rikorrenti jindikaw, fir-replika, li dan l-argument jagħmel riferiment għall-punt 153 tar-rikors. Madankollu, f’dan il-punt tar-rikors, ir-rikorrenti semmew biss li l-Kummissjoni ma kinitx ipprovdiet motivazzjoni għall-kontroll tagħha fuq l-aspetti diskrezzjonali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u sempliċement approvatha.

581    Għalhekk huwa xieraq li jitqies li dan l-argument tqajjem għall-ewwel darba fir-replika u għandu jiġi interpretat bħala li jikkostitwixxi raġuni ġdida.

582    Ċertament, skont l-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura, il-produzzjoni ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża hija pprojbita, sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi jew ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura.

583    Issa, ir-rikorrenti ma jippretendux li dan l-argument il-ġdid huwa bbażat fuq ċirkustanzi fattwali li ma kinux magħrufa minnhom fil-mument tal-preżentata tar-rikors u dan l-argument għalhekk għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

584    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jeħtieġ li r-raba’ motiv jiġi miċħud.

585    Peress li l-motivi kollha ġew miċħuda, hemm lok li tiġi miċħuda t-talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

586    Konsegwentement, jeħtieġ ukoll li tiġi miċħuda t-talba tar-rikorrenti inkluża fl-ewwel sett ta’ talbiet u intiża sabiex il-Qorti Ġenerali, bħala konsegwenza tal-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, “tikkundanna lis-SRB u lill-Kummissjoni sabiex jirrestitwixxu l-investimenti tagħhom f’Banco Popular” mingħajr ma jkun meħtieġ li tittieħed deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ din it-talba. Fir-rigward tat-talba alternattiva inkluża fl-ewwel sett ta’ talbiet intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tikkundanna lis-SRB u lill-Kummissjoni “sabiex iħallsuhom kumpens għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħhom”, hemm lok li jiġi kkunsidrat li din hija indissoċjabbli mill-ewwel talba għal kumpens eżaminata iktar ’il fuq.

B.      Fuq ittalbiet għal kumpens

587    Permezz tat-tieni sett ta’ talbiet tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu li s-SRB u l-Kummissjoni jiġu kkundannati jħallsuhom kumpens għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħhom. Ir-rikorrenti jqajmu żewġ talbiet għal kumpens separati, l-ewwel waħda, ibbażata fuq l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati u t-tieni, indipendentement minn dak l-annullament.

1.      Fuq lewwel talba għal kumpens

588    Fir-rigward tal-ewwel talba għal kumpens, ir-rikorrenti jsostnu li, f’każ li l-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati, huma jitolbu kumpens għal responsabbiltà mhux kuntrattwali kif ukoll konferma tal-effetti ta’ dawk id-deċiżjonijiet skont l-Artikolu 264 TFUE.

589    Huma jsostnu li, skont l-Artikolu 264 TFUE, il-Qorti Ġenerali tista’ tindika li l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata, iddikjarata nulla, għandhom jitqiesu finali u, f’dak il-każ, huma jitolbu lill-Qorti Ġenerali, b’mod sussidjarju għat-talba għall-annullament tagħhom, tordna lis-SRB u l-Kummissjoni li jħallsuhom kumpens minħabba li tkun ġiet skattata r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħhom. Fir-rigward tal-kumpens għad-danni sostnuti fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE jipprovdi li l-obbligu li jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex ir-rikorrenti jitqiegħdu mill-ġdid fis-sitwazzjoni preċedenti ma jippreġudikax dak li jista’ jirriżulta mill-applikazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE.

590    Skont ġurisprudenza stabbilita, it-talbiet għal kumpens għal dannu materjali jew morali għandhom jiġu miċħuda meta jkunu relatati mill-qrib mat-talbiet għal annullament li huma stess ġew rifjutati bħala inammissibbli jew infondati (ara s-sentenza tad‑29 ta’ April 2020, Tilly-Sabco vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑707/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:160, punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata).

591    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-ewwel talba għal kumpens tar-rikorrenti hija subordinata għall-konstatazzjoni tal-illegalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Issa, peress li t-talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati ġiet miċħuda, jeħtieġ li tiġi miċħuda l-ewwel talba għal kumpens tar-rikorrenti.

2.      Fuq ittieni talba għal kumpens

592    Ir-rikorrenti jitolbu kumpens għad-danni abbażi tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tas-SRB u tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 87 tar-Regolament Nru 806/2014, li jipprovdi għar-responsabbiltà tas-SRB fit-twettiq tal-funzjonijiet ta’ riżoluzzjoni tiegħu, kif ukoll skont l-Artikoli 266, 268 u 340 TFUE, li japplikaw kemm għas-SRB kif ukoll għall-Kummissjoni.

593    Ir-rikorrenti jsostnu li, irrispettivament minn jekk id-deċiżjonijiet ikkontestati jiġux annullati jew le, is-SRB u l-Kummissjoni għandhom jiġu kkundannati jħallsuhom kumpens abbażi tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħhom għall-imġiba illegali tagħhom deskritta fil-motivi għall-annullament, jiġifieri d-dikjarazzjonijiet u l-istanzi ta’ żvelar tas-SRB li wasslu għar-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular, il-passività tal-istituzzjonijiet Ewropej quddiem il-kollass ta’ Banco Popular kif ukoll l-assenza ta’ amministrazzjoni tajba u intervent bikri, u l-illegalità tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni. Huma jsostnu li kieku ma kienet ittieħdet l-ebda waħda minn dawn l-azzjonijiet illegali tas-SRB, Banco Popular ma kienx ikollu jiġu suġġett għal riżoluzzjoni jew, tal-anqas, mhux taħt l-istess kundizzjonijiet.

594    Jeħtieġ li jitfakkar li, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Unjoni għandha, skont il-prinċipji ġenerali komuni għal sistemi legali tal-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull dannu kkaġunat mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-impjegati tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom.

595    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 340 TFUE, huwa subordinat għall-issodisfar tal-kundizzjonijiet kollha, jiġifieri l-illegalità tal-aġir ikkritikat fil-konfront tal-istituzzjoni tal-Unjoni, in-natura reali tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir ta’ din l-istituzzjoni u d-dannu invokat (ara s-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il‑Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C-10/15 P, EU:C:2016:701, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata; tas‑16 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kunsill et vs K. Chrysostomides & Co. et, C‑597/18 P, C‑598/18 P, C‑603/18 P u C‑604/18 P, EU:C:2020:1028, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata u tal‑25 ta’ Frar 2021, Dalli vs Il‑Kummissjoni, C‑615/19 P, EU:C:2021:133, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

596    Għaldaqstant jekk waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tiġix issodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-qorti tal-Unjoni ma hijiex obbligata li teżamina dawn il-kundizzjonijiet f’ordni stabbilita (ara s-sentenzi tal‑5 ta’ Settembru 2019, L‑Unjoni Ewropea vs Guardian Europe u Guardian Europe vs L‑Unjoni Ewropea, C‑447/17 P u C‑479/17 P, EU:C:2019:672, punt 148 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑10 ta’ Marzu 2021, AM vs BEI, T‑134/19, EU:T:2021:119, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

597    Skont ġurisprudenza stabbilita, fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni relatata mal-illegalità tal-imġiba allegata mill-istituzzjonijiet, għandu jiġi stabbilit ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi (ara s-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il‑Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal‑25 ta’ Frar 2021, Dalli vs Il‑Kummissjoni, C‑615/19 P, EU:C:2021:133, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata, u d-digriet tal‑24 ta’ Ottubru 2019, Liaño Reig vs SRB, T‑557/17, mhux ippubblikat, EU:T:2019:771, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

598    Ir-rekwiżit ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi huwa intiż, tkun liema tkun in-natura tal-att illegali inkwistjoni, sabiex jiġi evitat li r-riskju ta’ ħlas tad-danni allegati mill-persuni kkonċernati jostakola l-kapaċità tal-istituzzjoni kkonċernata li teżerċita b’mod sħiħ il-kompetenzi tagħha fl-interess ġenerali, kemm fil-kuntest tal-attività tagħha ta’ natura leġiżlattiva jew li timplika għażliet ta’ politika ekonomika kif ukoll fl-isfera tal-kompetenza amministrattiva tagħha, mingħajr madankollu ma tattribwixxi lil individwi r-responsabbiltà tal-konsegwenzi ta’ nuqqasijiet flagranti u li ma humiex skużabbli (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2010, Artegodan vs Il‑Kummissjoni, T‑429/05, EU:T:2010:60, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat‑23 ta’ Novembru 2011, Sison vs Il‑Kunsill, T‑341/07, EU:T:2011:687, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata; u tal‑14 ta’ Diċembru 2018, East West Consulting vs Il‑Kummissjoni, T‑298/16, EU:T:2018:967, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata).

599    Tali ksur huwa stabbilit meta dan jimplika ksur manifest u serju mill-istituzzjoni kkonċernata tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha, peress li l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward huma, b’mod partikolari, il-kumplessità tas-sitwazzjonijiet li għandhom jiġu rregolati, il-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tad-dispożizzjoni miksura kif ukoll il-portata tal-marġni ta’ diskrezzjoni li r-regola miksura tħalli lill-istituzzjoni tal-Unjoni (ara s-sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il‑Kunsill, C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑18 ta’ Novembru 2020, H vs Il‑Kunsill, T‑271/10 RENV II, EU:T:2020:548, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa biss meta din tal-aħħar tiddisponi biss minn marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment imnaqqas, jekk mhux ineżistenti, li l-ksur sempliċi tad-dritt tal-Unjoni jista’ jkun suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju (ara s-sentenzi tal‑20 ta’ Jannar 2021, Il‑Kummissjoni vs Printeos, C‑301/19 P, EU:C:2021:39, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑20 ta’ Settembru 2019, Dehousse vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja tal‑Unjoni Ewropea, T‑433/17, EU:T:2019:632, punt 165 u l-ġurisprudenza ċċitata).

a)      Fuq lillegalità invokata

600    Fir-rigward tal-imġiba tal-Kummissjoni u tas-SRB, ir-rikorrenti jsostnu li d-dikjarazzjonijiet u l-istanzi ta’ żvelar tas-SRB tat‑23 u l‑31 ta’ Mejju 2017, u l-jiem li segwew, ikkawżaw paniku ġenerali li wassal sabiex jinżlu l-azzjonijiet ta’ Banco Popular u ġbid massiv ta’ depożiti mill-klijenti tagħha. Is-SRB allegatament kiser l-obbligi ta’ kunfidenzjalità tiegħu. Fil-bidu tal-iżvelar ta’ informazzjoni, minflok ma adottaw miżuri sabiex tittaffa l-ħsara, is-SRB u l-Kummissjoni adottaw pożizzjoni passiva kontra d-dritt għal amministrazzjoni tajba u d-dritt għal intervent bikri. Skont ir-rikorrenti, meta s-SRB qies li Banco Popular li kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, huwa adotta l-iskema ta’ riżoluzzjoni mingħajr ma qies il-miżuri li kienu inqas onerużi fuqhom, bi ksur tar-Regolament Nru 806/2014 u l-prinċipji fundamentali, bħall-prinċipji ta’ proporzjonalità, il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni u ta’ arbitraġġ, id-dritt għal smigħ u d-dritt għal motivazzjoni tad-deċiżjonijiet.

601    Ir-rikorrenti jqisu li l-ksur tad-dritt tal-Unjoni mis-SRB u l-Kummissjoni huwa stabbilit b’mod ċar, li huwa suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju. Dan ikun żball li ma jistax jiġi skużat mis-SRB li jinvolvi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tiegħu. Ma kellu jagħmel l-ebda dikjarazzjoni u lanqas jiżvela xi informazzjoni u, minħabba li kien ġie kkawżat dannu lil Banco Popular, is-SRB u l-Kummissjoni kellhom jippruvaw itaffuha u, għalkemm is-sitwazzjoni ta’ falliment kienet irriversibbli, huma kellhom jiddeċiedu li jadottaw skema ta’ riżoluzzjoni f’konformità mal-liġi u mal-prinċipji fundamentali.

602    L-argumenti tar-rikorrenti dwar l-imġiba tal-Kummissjoni u tas-SRB huma maqsuma f’żewġ ilmenti, relatati, min-naħa l-waħda, mal-ksur tal-obbligi ta’ kunfidenzjalità u, min-naħa l-oħra, mal-attitudni passiva tas-SRB u tal-Kummissjoni.

1)      Fuq lewwel ilment, ibbażat fuq ksur talobbligu ta’ kunfidenzjalità

603    Ir-rikorrenti jsostnu li mill-premessa 116 u l-Artikoli 88 u 90 tar-Regolament Nru 806/2014 u l-Artikolu 339 TFUE jirriżulta li l-kriterju ta’ diliġenza u ta’ prudenza huwa estremament għoli. Huma jqisu li huwa żbaljat li jiġi sostnut li l-intervista mogħtija lill-istazzjoni televiżiv Bloomberg mill-Presidenta tas-SRB, fit‑23 ta’ Mejju 2017 ma ppermettietx lill-pubbliku li jinferixxi li Banco Popular kien qiegħed jiġi eżaminat fis-sens tal-premessa 116 tar-Regolament Nru 806/2014.

604    Ir-rikorrenti jsostnu li d-dikjarazzjonijiet u l-iżvelar tal-informazzjoni tat‑23 u l‑31 ta’ Mejju 2017 huma attribwibbli lis-SRB jew, tal-anqas, lill-uffiċjali tal-Unjoni li pparteċipaw fil-proċedura ta’ riżoluzzjoni. Is-SRB ma ċaħadx li l-iżvelar kien ta lok għall-artiklu tal-istampa ppubblikat minn Reuters fil‑31 ta’ Mejju 2017. Il-Kummissjoni u s-SRB ma ċaħdux l-eżistenza ta’ ġbid ta’ depożiti mill-amministrazzjonijiet Spanjoli, b’mod partikolari mill-FROB. Is-SRB u l-Kummissjoni ma pprovdewx investigazzjoni interna li tippermetti li jiġi konkluż li ma kinux huma li taw lok għall-iżvelar. Is-SRB ma kienx implimenta l-proċedura ta’ kontroll tal-konsegwenzi ta’ kwalunkwe żvelar ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 88(5) tar-Regolament Nru 806/2014, fatt li kien jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju.

605    L-Artikolu 339 TFUE jipprevedi:

“Il-membri ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni, il-membri tal-kumitati, u l-uffiċjali u l-aġenti l-oħra ta’ l-Unjoni, ikunu meħtieġa ukoll wara t-tmiem tal-funzjonijiet tagħhom, li ma jxerrdux tagħrif li jkun kopert bis-sigriet professjonali u, b’mod partikolari, tagħrif li jirriferi għal impriżi u dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom jew l-elementi tal-costing tagħhom.”

606    Skont il-ġurisprudenza, filwaqt li din id-dispożizzjoni tikkonċerna prinċipalment informazzjoni miġbura minn impriżi, l-avverbju “b’mod partikolari” juri li dan huwa prinċipju ġenerali li japplika ugwalment tajjeb għal informazzjoni kunfidenzjali oħra (ara, b’mod analogu, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2011, Siemens vs Il‑Kummissjoni, T‑110/07, EU:T:2011:68, il-punt 400 u l-ġurisprudenza ċċitata).

607    L-Artikolu 88(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi:

“Il-membri tal-Bord, il-Viċi President, il-membri tal-Bord kif imsemmi fl-Artikolu 43(1)(b), il-persunal tal-Bord u l-persunal ta’ skambju ma’ jew issekondat minn Stati Membri parteċipanti li jwettqu dmirijiet ta’ riżoluzzjoni għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali skont l-Artikolu 339 TFUE u d-dispożizzjonijiet rilevanti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, anki wara li dmirijiethom ikunu spiċċaw. B’mod partikolari għandhom ikunu pprojbiti milli jiżvelaw informazzjoni kunfidenzjali li jkunu rċevew matul l-attivitajiet professjonali tagħhom jew minn awtorità kompetenti jew awtorità ta’ riżoluzzjoni b’rabta mal-funzjonijiet tagħhom skont dan ir-Regolament, lil kwalunkwe persuna jew awtorità, sakemm dan ma jkunx fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom skont dan ir-Regolament jew f’sommarju jew forma kollettiva b’tali mod li l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2 ma jkunux jistgħu jiġu identifikati jew bil-kunsens espliċitu u minn qabel tal-awtorità jew l-entità li tkun forniet l-informazzjoni.”

608    Jeħtieġ ukoll li tissemma’ l-premessa 116 tar-regolament, iċċitata fil-punt 514 iktar ’il fuq, dwar il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miżmuma mis-SRB qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni.

609    F’dan il-każ, hemm lok li jiġi rrilevat li, fir-rikors, ir-rikorrenti jsemmu d-“dikjarazzjonijiet u l-iżvelar tas-SRB tat‑23 u l‑31 ta’ Mejju 2017, u l-jiem li segwew”. Fir-replika, ir-rikorrenti jagħmlu riferiment biss għall-intervista tal-Presidenta tas-SRB fit‑23 ta’ Mejju 2017 u għall-artiklu ppubblikat minn Reuters fil‑31 ta’ Mejju 2017.

610    Sa fejn ir-rikorrenti ma jidentifikawx x’inhuma l-allegati dikjarazzjonijiet l-oħra tas-SRB, il-Qorti Ġenerali ser tillimita ruħha sabiex teżamina l-kontenut tal-kummenti magħmula mill-Presidenta tas-SRB fit‑23 ta’ Mejju 2017 u tal-artiklu ta’ Reuters tal‑31 ta’ Mejju 2017 li fuqhom ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom sabiex isostnu ksur tal-obbligu ta’ kunfidenzjalità.

611    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-intervista mogħtija mill-Presidenta tas-SRB lill-istazzjon televiżiv Bloomberg fit‑23 ta’ Mejju 2017, il-ġurnalist staqsa:

“Nista’ nieħdok Spanja? Nixtieq nuri lill-udjenza tagħna xi ħaġa li hija preżenti ħafna fuq l-iskrin tar-radar tagħna hawnhekk fi Bloomberg, xi ħaġa li tirrigwarda lil Banco Popular u obbligazzjonijiet kontinġenti konvertibbli li bħalissa huma taħt xi pressjoni. Din l-istituzzjoni għandha TEC 1 ftit ogħla minn 7 %. Qiegħed ukoll fuq l-iskrin tar-radar tiegħek? ” [Can I take you to Spain? I want to show our audience something that is very much on our radar screen here at Bloomberg and that is Banco Popular and the CoCos (Contingent Convertibles) which are under a little bit of pressure right now. This is an institution with a CET 1 just north of 7 per cent. Is it on your radar screen as well?]

612    Il-Presidenta tas-SRB wieġbet:

“Qatt ma nitkellem dwar il-banek individwalment. Hemm iktar minn bank wieħed fuq l-iskrin tar-radar tagħna u ovvjament Banco Popular huwa wkoll każ li qegħdin nissorveljaw, iżda ma huwiex l-uniku wieħed.” (Well, I am never talking about individual banks. There are more banks than just one on our radar screen and of course, Banco Popular is also a case we are watching but it is not the only one we are watching).

613    Minn naħa, hemm lok li jiġi kkonstatat, kif jindika s-SRB, li dawn il-kummenti huma ta’ portata ġenerali, inkwantu s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet tifforma parti mill-missjoni tiegħu f’kooperazzjoni mal-BĊE. L-informazzjoni li Banco Popular, bħala istituzzjoni ta’ kreditu koperta mill-mekkaniżmu superviżorju uniku, huwa “sorveljat” ma hijiex kunfidenzjali.

614    Barra minn hekk, mill-artiklu tal‑15 ta’ Mejju 2017 ippubblikat mill-elconfidencial.com, imsemmi fil-punt 41 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-informazzjoni li l-Banco Popular kien is-suġġett ta’ spezzjoni tal-BĊE kienet diġà pubblika.

615    Min-naħa l-oħra, matul din l-intervista, il-Presidenta tas-SRB ma ssemmix l-ipoteżi ta’ riżoluzzjoni mill-Banco Popular. L-ebda konklużjoni ma tista’ tittieħed minn dawn il-kummenti fir-rigward tal-implimentazzjoni futura ta’ riżoluzzjoni ta’ Banco Popular, u inqas u inqas fir-rigward tal-għodda ta’ riżoluzzjoni li tista’ tiġi implimentata mis-SRB.

616    Barra minn hekk, sa fejn dawn il-kummenti ma jistgħux jiġu interpretati li jfissru li Banco Popular ser ikun is-suġġett ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni, ma jaqgħux taħt l-ipoteżijiet previsti fil-premessa 116 tar-Regolament Nru 806/2014 dwar il-komunikazzjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni dwar deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni qabel ma din tiġi adottata.

617    Barra minn hekk, fir-rigward ta’ estratt ieħor minn din l-intervista, iċċitat fil-punt 16 tar-rikors, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-kummenti tal-Presidenta tas-SRB jikkostitwixxu ġeneralitajiet li ma jikkonċernawx is-sitwazzjoni partikolari ta’ Banco Popular. Fil-fatt, f’dan l-estratt, għal mistoqsija dwar il-futur tal-istituzzjonijiet, bħal Banco Popular, li reċentement ġabru fondi mis-suq u kellhom diffikultà sabiex jagħmlu dan mill-ġdid, il-Presidenta tas-SRB wieġbet:

“Għal darb’oħra, ma iniex sejjer nitkellem dwar Banco Popular. Kif tifhem, naħseb li t-trattament tas-suġġett imur eżattament lura għall-kwistjoni dwar x’inhi l-kawża oriġinali u hija kwistjoni individwali u idjosinkratika fuq bażi ta’ każ b’każ jekk tistax tinnewtralizza l-portafoll tan-NPL f’bank ħażin? Tista’ tipprova tbigħu? Kif tista’ tirristrutturah? L-amalgamazzjoni hija dejjem opzjoni. Naħseb li l-messaġġ ċar tiegħi huwa li ħdimna ħafna f’dawn l-aħħar sentejn sabiex nippruvaw nimplimentaw pjanijiet ta’ riżoluzzjoni li nittamaw li joffru wkoll soluzzjonijiet iktar privati. Għalhekk, qabel ma tilħaq il-punt li ma jkunx vijabbli u jidħol f’riżoluzzjoni, il-bank huwa strutturat sabiex tkun tista’ ssib soluzzjonijiet alternattivi u privati. Ngħid li dejjem ikun hemm soluzzjoni preferibbli, anki mill-perspettiva tagħna. U ma hemm l-ebda soluzzjoni unika.”

618    Għalhekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-kummenti magħmula mill-Presidenta tas-SRB matul l-intervista tat‑23 ta’ Mejju 2017 ma jinkludux informazzjoni kunfidenzjali u ma jikkostitwixxux ksur tal-prinċipju ta’ kunfidenzjalità jew tal-obbligu tas-sigriet professjonali previst fl-Artikolu 88 tar-Regolament Nru 806/2014 u fl-Artikolu 339 TFUE.

619    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-artiklu ppubblikat minn Reuters fil‑31 ta’ Mejju 2017, intitolat “L-UE, imwissija kontra r-riskju ta’ riżoluzzjoni ta’ Banco Popular” (La UE, advertida de riesgo de una resolución ordenada en Banco Popular), dan l-artiklu jindika li, skont uffiċjal għoli tal-Unjoni li baqa’ anonimu, wieħed mis-superviżuri ewlenin tal-banek tal-Ewropa kien wissa lill-uffiċjali tal-Unjoni li Banco Popular kien jista’ jeħtieġ riżoluzzjoni jekk ma jirnexxilux isib xerrej u li l-Presidenta tas-SRB reċentement ħarġet “twissija bikrija”. Skont dan l-artiklu, dan l-uffiċjal għoli indika wkoll li l-Presidenta tas-SRB kienet iddikjarat li s-SRB kien qiegħed isegwi l-proċedura (Banco Popular) b’attenzjoni partikolari bil-ħsieb ta’ intervent possibbli u żied li l-offerta ta’ amalgamazzjoni tal-bank ma setgħet tkun mingħajr suċċess.

620    Dan l-artiklu ta’ Reuters jindika wkoll li, skont sors ieħor, li wkoll kien anonimu, it-tħejjijiet ġenerali kienu għaddejjin għalkemm għadhom ma ġew adottati l-ebda miżuri konkreti. Skont dan l-artikolu, kelliem għal Banco Popular kien qal li l-bank kien qiegħed jaħdem fuq diversi pjanijiet inklużi amalgamazzjoni, żieda fil-kapital u bejgħ tal-assi.

621    Għandu jiġi rrilevat ukoll li dan l-artikolu jsemmi l-istqarrija għall-istampa tas-SRB tal-istess jum, li fih is-SRB iddikjara li ma kkummentax dwar id-diffikultajiet speċifiċi ta’ bank, li ma setax jikkonferma l-interpretazzjonijiet tal-allegati kwotazzjonijiet magħmula mill-Presidenta tiegħu u li huwa qatt ma kien joħroġ twissija fir-rigward tal-banek.

622    Ir-rikorrenti jsemmu l-estratt minn dan l-artiklu li skontu “kienu għaddejjin tħejjijiet ġenerali”. Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, skont l-artiklu, dawn il-kummenti saru minn “sors ieħor”, ukoll anonimu, li ma huwiex speċifikat li kien uffiċjal tal-Unjoni. Dawn il-kummenti għalhekk ma jistgħux jiġu attribwiti lil uffiċjal tal-Kummissjoni jew lil membru tal-persunal tas-SRB. Barra minn hekk, ir-riferiment għal “tħejjijiet ġenerali” huwa ta’ natura vaga ħafna u ma jagħti l-ebda indikazzjoni li tippermetti li jiġi ddeterminat dwar jekk dawn kinux immirati lejn proċedura ta’ riżoluzzjoni li kienet tkun inbdiet kontra Banco Popular jew jekk kinux qegħdin jirreferu għall-pjanijiet previsti mill-bank innifsu u msemmija wkoll f’dak l-artiklu.

623    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jispeċifikawx liema informazzjoni li tinsab f’dan l-artikolu hija kunfidenzjali, u lanqas sa liema punt l-iżvelar tagħha jikkostitwixxi ksur tar-rekwiżiti tas-sigriet professjonali tas-SRB jew tal-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ, il-kummenti ta’ dak l-uffiċjal tal-Unjoni, imsemmija f’dak l-artiklu, ma kinux jikkonċernaw informazzjoni kunfidenzjali li setgħet tkun magħrufa biss mill-membri tas-SRB jew tal-Kummissjoni u ma humiex ta’ natura li jiċċertifikaw l-eżistenza tal-istanzi ta’ żvelar allegati mir-rikorrenti.

624    B’hekk, fl-ewwel lok, l-uffiċċjal semma “twissija bikrija” li allegatament inħarġet mill-Presidenta tas-SRB. Issa, hemm lok li jiġi rrilevat li din id-dikjarazzjoni ma tikkorrispondix għall-kompetenza tas-SRB, fatt li barra minn hekk, issemma fl-istqarrija għall-istampa tiegħu tal‑31 ta’ Mejju 2017.

625    Fit-tieni lok, fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-uffiċjal li “il-Presidenta tas-SRB iddikjarat li s-SRB kien qiegħed isegwi l-proċedura (Banco Popular) b’attenzjoni partikolari bil-ħsieb ta’ intervent possibbli”, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn ir-rimarki jirriproduċu s-sustanza ta’ dak li ddikjarat pubblikament il-Presidenta tas-SRB waqt l-intervista tagħha mal-kanal televiżiv Bloomberg fit‑23 ta’ Mejju 2017, jiġifieri li l-Banco Popular kien “sorveljat”. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni estensiva mogħtija lil dawn il-kummenti ġiet miċħuda mis-SRB fl-istqarrija għall-istampa tiegħu.

626    Barra minn hekk, il-fatt li dan l-artikolu jirrapporta l-kliem allegat tal-Presidenta tas-SRB ma jistax ikun suffiċjenti sabiex jistabbilixxi l-awtentiċità tiegħu, speċjalment peress li l-persuna li suppost tirrapporta dawn il-kliem ma hijiex hija stess identifikata.

627    Fit-tielet lok, fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ dan l-uffiċjal li l-offerta ta’ amalgamazzjoni tal-bank tista’ ma tkunx ta’ suċċess, mill-istess artiklu jirriżulta li Banco Popular nnifsu kien indika li l-iskadenza inizjalment iffissata għall‑10 ta’ Ġunju 2017 għas-sottomissjoni tal-offerti fil-kuntest tal-proċedura ta’ bejgħ privat kienet flessibbli.

628    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti pproduċew fl-anness tar-rikors, artiklu ta’ El País tal‑31 ta’ Mejju 2017, intitolat “Banco Popular jestendi l-iskadenza għas-sottomissjoni tal-offerti sal-aħħar ta’ Ġunju” (El Popular amplía el plazo para presentar ofertas hasta fin de junio) li jikkonferma li l-bank estenda l-iskadenza għas-sottomissjoni tal-offerti mill‑10 ta’ Ġunju sal-aħħar ġimgħa ta’ dan ix-xahar.

629    B’hekk, il-possibbiltà li l-proċedura ta’ bejgħ privat imnegħdija f’April tal-2017 setgħet tkun mingħajr suċċess ma tistax titqies bħala informazzjoni kunfidenzjali, iżda sempliċement bħala inferenza li tirriżulta miċ-ċirkustanzi, jiġifieri, li fil‑31 ta’ Mejju 2017, Banco Popular kien għadu ma sabx xerrej fil-kuntest ta’ din il-proċedura u li d-data tal-għeluq ta’ dik il-proċedura kienet ġiet posposta.

630    Fir-raba’ lok, fir-rigward tad-dikjarazzjoni li skontha, skont uffiċjal għoli tal-Unjoni li baqa’ anonimu, wieħed mis-superviżuri ewlenin tal-banek fl-Ewropa kien wissa lill-uffiċjali tal-Unjoni li Banco Popular seta’ jeħtieġ riżoluzzjoni jekk ma jsibx xerrej, hemm lok li jiġi rrilevat li diversi artikli tal-istampa kienu diġà semmew matul Mejju, li Banco Popular kien f’diffikultà u li kien beda proċedura ta’ bejgħ privat.

631    Għalhekk, mill-artiklu tal‑11 ta’ Mejju 2017, ippubblikat fuq is-sit internet elconfidencial.com, iċċitat fil-punt 40 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-Presidenta ta’ Banco Popular ordnat il-bejgħ urġenti tal-bank minħabba riskju ta’ falliment. Ir-riferiment, fl-artiklu ta’ Reuters tal‑31 ta’ Mejju 2017, għall-fatt li uffiċjali tal-Unjoni ġew infurmati minn “wieħed mis-superviżuri ewlenin tal-banek fl-Ewropa” jidher li jikkorrispondi għall-informazzjoni mogħtija f’dak l-artiklu tal‑11 ta’ Mejju 2017, li skontu, minħabba riskju serju ta’ falliment, b’mod partikolari, minħabba t-telf kontinwu ta’ depożiti, il-Presidenta ta’ Banco Popular kienet kostretta timplimenta l-proċedura ta’ bejgħ sabiex tissodisfa r-rekwiżiti tal-BĊE. Barra minn hekk, artiklu tal‑15 ta’ Mejju 2017, ippubblikat fuq is-sit internet elconfidencial.com imsemmi fil-punt 41 iktar ’il fuq, kien jindika li l-pjan ta’ bejgħ ta’ Banco Popular kien ġie implimentat mill-President tiegħu wara l-ispezzjoni tal-BĊE.

632    B’hekk, il-fatt li Banco Popular kellu jaffaċċja riskju ta’ falliment jekk ma jsibx xerrej fi tmiem il-proċedura ta’ bejgħ li huwa kien beda kienet informazzjoni pubblika sa minn nofs Mejju tal-2017.

633    Minn dan jirriżulta li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, il-kummenti tal-uffiċjal tal-Unjoni li baqa’ anonimu riprodotti f’dan l-artiklu ma fihomx informazzjoni kunfidenzjali relatata mal-implimentazzjoni ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular, bħal dik imsemmija fil-premessa 116 tar-Regolament Nru 806/2014, li tista’ tkun magħrufa biss mill-uffiċjali tal-Kummissjoni jew mill-membri tas-SRB.

634    Barra minn hekk, dan l-artiklu ta’ Reuters huwa bbażat fuq il-kummenti ta’ allegat uffiċjal tal-Unjoni li baqa’ anonimu li fir-rigward tiegħu ma huwiex speċifikat għal-liema istituzzjoni jew korp tal-Unjoni jappartjeni.

635    Kif isostni s-SRB, ħafna persuni oħra minbarra l-membri tas-SRB jew l-uffiċjali tal-Kummissjoni x’aktarx li jagħmlu dawn il-kummenti, b’mod partikolari fid-dawl tal-possibbiltajiet għall-iskambju ta’ informazzjoni previsti fl-Artikolu 88(6) tar-Regolament Nru 806/2014.

636    Issa, skont il-ġurisprudenza, fil-kuntest ta’ rikors għad-danni, hija l-parti rikorrenti li għandha tistabbilixxi li l-kundizzjonijiet għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 340 TFUE jkunu ssodisfatti. B’hekk, sa fejn ir-rikorrenti ma stabbilixxewx, fil-kawża odjerna, li l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni fl-istampa kienet ir-riżultat ta’ żvelar ta’ informazzjoni attribwibbli lill-Kummissjoni jew lis-SRB, tali pubblikazzjoni ma tistax, fil-prinċipju, tiġi attribwita lilhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, T‑48/05, EU:T:2008:257, punt 182 u l-ġurisprudenza ċċitata).

637    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jipprovdu l-ebda prova li l-uffiċjal iċċitat f’dan l-artiklu huwa uffiċjal tal-Kummissjoni jew membru tal-persunal tas-SRB.

638    Ir-rikorrenti jiddikjaraw sempliċement li dan l-artiklu jipprova l-eżistenza ta’ żvelar u li s-SRB ma jiċħadx li kien seħħ xi żvelar. Huma jsostnu li s-SRB u l-Kummissjoni ma pprovdewx rapport, u lanqas ma wettqu investigazzjoni interna li tippermetti li jiġi konkluż li ma kinux is-sors tal-iżvelar ta’ informazzjoni li tinsab fl-artiklu ta’ Reuters. Huma jsostnu li, peress li din l-investigazzjoni interna ma twettqitx, is-SRB u l-Kummissjoni ma setgħu jipprovdu l-ebda prova sabiex ikunu jistgħu jikkonfutaw il-preżunzjoni li tirriżulta mill-premessa 116 u l-Artikoli 88 u 91 tar-Regolament Nru 806/2014.

639    Issa, anki jekk jiġi preżunt li l-kummenti msemmija f’dan l-artikolu joriġinaw minn żvelar minn uffiċjal tal-Unjoni, sakemm ma jiġix stabbilit li d-dipartimenti tal-Kummissjoni jew tas-SRB huma responsabbli għall-iżvelar ta’ informazzjoni murija mill-artikli tal-istampa li jirreferu għalihom ir-rikorrenti, il-ġurisprudenza turi li din l-oriġini tal-iżvelar ma tistax tiġi preżunta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il-Kummissjoni, T‑15/02, EU:T:2006:74, punt 605).

640    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li, anki fil-każ li jkun verosimili li l-Kummissjoni jew is-SRB setgħu kienu fl-oriġini ta’ dan l-iżvelar, din l-eventwalità biss ma hijiex suffiċjenti, kif jallegaw ir-rikorrenti, sabiex titfa’ fuqhom il-piż ta’ prova kuntrarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2006, Degussa vs Il‑Kummissjoni, T‑279/02, EU:T:2006:103, punt 412).

641    Għall-kuntrarju ta’ dak li jargumentaw ir-rikorrenti, la l-premessa 116 u lanqas l-Artikolu 88 tar-Regolament Nru 806/2014, li jipprojbixxu l-iżvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali lil kwalunkwe persuna jew awtorità, ma jistgħu jiġu interpretati li jinkludu preżunzjoni li kwalunkwe żvelar li jikkonċerna r-riżoluzzjoni ta’ entità toriġina minn membru tal-persunal tas-SRB, li timplika inverżjoni tal-oneru tal-prova.

642    Fil-każ preżenti, fl-assenza ta’ preżunzjoni li l-Kummissjoni jew is-SRB kienu fl-oriġini tal-allegat żvelar ta’ informazzjoni, ma huwiex il-kompitu tagħhom li juri li ma kinux.

643    Barra minn hekk, fl-ebda każ ma tista’ tiġi dedotta mill-assenza ta’ investigazzjoni interna, prova tal-ksur mis-SRB jew mill-Kummissjoni tal-obbligi ta’ kunfidenzjalità tagħhom. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt li s-SRB u l-Kummissjoni ma wettqu l-ebda investigazzjoni interna sabiex jiddeterminaw l-oriġini tal-iżvelar potenzjali ta’ informazzjoni, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, ma huwiex rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ aġir illegali li allegatament ta lok għad-dannu invokat mir-rikorrenti.

644    F’dan ir-rigward, permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑9 ta’ Ottubru 2020, ir-rikorrenti ppreżentaw proposta ta’ provi ġodda skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura. Din il-proposta ta’ provi ġodda tirrigwarda żewġ ittri interni tas-SRB, tal‑10 u tat‑18 ta’ Awwissu 2017, dwar żvelar potenzjali ta’ informazzjoni li wassal għall-artiklu ta’ Reuters tal-31 ta’ Mejju 2017. Ir-rikorrenti jsemmu li kellhom aċċess għal dawn id-dokumenti wara d-deċiżjoni tal-kumitat tal-appell tas-SRB tal‑15 ta’ April 2020, dwar it-talba tagħhom għal aċċess għad-dokumenti, imressqa fuq il-bażi tal-Artikolu 90 tar-Regolament Nru 806/2014 u li s-SRB bagħtilhom dawn iż-żewġ emails fis‑27 ta’ Awwissu 2020. Huma jsostnu li dawn l-ittri juru l-assenza ta’ investigazzjoni interna mis-SRB dwar l-allegat żvelar ta’ informazzjoni li wassal għall-artiklu tal‑31 ta’ Mejju 2017.

645    Huwa biżżejjed li jitfakkar li r-rikorrenti ma wrewx li l-kummenti rrappurtati fl-artiklu ta’ Reuters tal‑31 ta’ Mejju 2017 għandhom bħala l-oriġini tagħhom, żvelar ta’ informazzjoni minn membru tas-SRB u li l-fatt li s-SRB ma għamilx investigazzjoni interna ma huwiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni dwar jekk dan tal-aħħar kisirx l-obbligi tiegħu ta’ kunfidenzjalità. Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li din il-prova ġdida intiża li jiġi stabbilit in-nuqqas ta’ investigazzjoni interna mis-SRB dwar l-allegat żvelar ta’ informazzjoni li minnu oriġina l-artikolu tal‑31 ta’ Mejju 2017 ma hijiex rilevanti.

646    Minn dan kollu li ntqal jirriżulta li r-rikorrenti ma wrewx l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ kunfidenzjalità u l-obbligu tas-sigriet professjonali min-naħa tas-SRB jew tal-Kummissjoni.

2)      Fuq ittieni lment, dwar lattitudni passiva tasSRB u talKummissjoni

647    Ir-rikorrenti jsostnu li, fil-bidu tal-iżvelar tal-informazzjoni, minflok ma ħadu miżuri sabiex itaffu l-ħsara, is-SRB u l-Kummissjoni adottaw pożizzjoni passiva kontra d-dritt għal amministrazzjoni tajba u d-dritt għal intervent bikri. Meta s-SRB qies li Banco Popular kien jinsab f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, kien adotta l-iskema ta’ riżoluzzjoni mingħajr ma qies miżuri inqas restrittivi għar-rikorrenti, bi ksur tar-Regolament Nru 806/2014 u tal-prinċipji fundamentali, bħall-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ projbizzjoni tad-diskriminazzjoni u l-arbitrarjetà, kif ukoll id-dritt għal smigħ u d-dritt għal motivazzjoni tad-deċiżjonijiet. Huma jqisu li billi s-SRB u l-Kummissjoni ħolqu s-sitwazzjoni ta’ inċertezza li wasslet għall-falliment ta’ Banco Popular, dawn kienu obbligati jaġixxu sabiex jimminimizzaw il-ħsara kkawżata.

648    Hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jispjegawx eżattament x’jikkritikaw lill-Kummissjoni u lis-SRB meta jsemmu l-“attitudni passiva” tagħhom, u lanqas liema miżuri dawn kien messhom ħadu sabiex “itaffu l-ħsara”.

649    Kif tindika l-Kummissjoni, skont il-ġurisprudenza, l-ommissjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jagħtu lok biss għar-responsabbiltà tal-Unjoni sal-punt li l-istituzzjonijiet ikunu kisru obbligu legali li jaġixxu bħala riżultat ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑15 ta’ Settembru 1994, KYDEP vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑146/91, EU:C:1994:329, punt 58; ara wkoll is-sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 2005, Beamglow vs Il‑Parlament et, T‑383/00, EU:T:2005:453, punt 166 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑16 ta’ Novembru 2017, Acquafarm vs Il‑Kummissjoni, T‑458/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:810, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, ir-rikorrenti ma jispjegawx taħt liema dispożizzjonijiet is-SRB u l-Kummissjoni huma obbligati jaġixxu sabiex jevitaw li jadottaw deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni.

650    Sa fejn ir-rikorrenti jirreferu għall-argumenti li kienu diġà tqajmu fil-kuntest tat-talba għall-annullament, huwa biżżejjed li jiġi rrelevat li dawn ġew miċħuda fil-kuntest tal-analiżi tal-ewwel motiv. B’mod partikolari, l-argumenti dwar l-attitudni passiva tas-SRB u tal-Kummissjoni bi ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba ġew miċħuda fil-kuntest tal-analiżi tat-tielet ilment tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, fil-punti 173 sa 176 iktar ’il fuq, u l-argumenti dwar in-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-miżuri inqas restrittivi għar-rikorrenti ġew miċħuda fit-tieni u t-tielet parti tal-ewwel motiv.

651    Minn dan li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma wrewx l-eżistenza ta’ aġir illegali mis-SRB jew mill-Kummissjoni u, konsegwentement, ma stabbilixxewx l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ regola tad-dritt li maħsuba li tagħti drittijiet lill-individwi. Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 596 iktar ’il fuq, peress li l-ewwel kundizzjoni għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tas-SRB jew tal-Kummissjoni ma ġietx issodisfatta, it-tieni talba għal kumpens għandha tiġi miċħuda, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra.

652    Madankollu, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li teżamina wkoll l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegatament illegali tas-SRB u tall-Kummissjoni u l-ħsara li allegatament sostnew.

b)      Fuq irrabta kawżali

653    Ir-rikorrenti jsostnu li r-rabta kawżali marbuta mal-istanzi ta’ żvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali hija msemmija fil-premessa 116 tar-Regolament Nru 806/2014, billi dawn jistgħu jirriżultaw f’riżoluzzjoni ta’ istituzzjoni bankarja. L-użu tal-espressjoni “[il-prinċipju tat-tluq għandu jkun]” fil-premessa 116 ifisser li, f’każ ta’ ksur tal-obbligi ta’ kunfidenzjalità, huma l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li għandhom jagħtu prova tal-assenza ta’ rabta kawżali.

654    Ir-rikorrenti jfakkru li d-dikjarazzjoni mill-Presidenta tas-SRB fit‑23 ta’ Mejju 2017, li s-SRB kien qiegħed jeżamina lil Banco Popular, u l-artiklu tar-Reuters tal-31 ta’ Mejju 2017, li jinforma li s-SRB kien ser jibda proċedura ta’ riżoluzzjoni, kienu l-kawża ta’ paniku ġenerali, li wassal sabiex jaqgħu l-kwotazzjonijiet fil-borża ta’ Banco Popular u għal ġbid massiv ta’ depożiti. Wara dan l-iżvelar ta’ informazzjoni, is-SRB u l-Kummissjoni ma kienu għamlu xejn sabiex jirrimedjaw is-sitwazzjoni u, b’riżultat ta’ dan, is-SRB qies li Banco Popular kien fallut u beda l-proċedura ta’ riżoluzzjoni. Barra minn hekk, is-SRB allegatament wettaq diversi ksur matul l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. Dan il-ksur kollu kkawża l-ħsara lir-rikorrenti. Ir-rikorrenti jqisu li s-SRB u l-Kummissjoni ma kellhomx jadottaw miżura ta’ riżoluzzjoni ta’ Banco Popular, f’liema każ huma kien ikun għad għandhom l-investimenti tagħhom għad-dispożizzjoni tagħhom, jew kellhom jadottawha taħt kundizzjonijiet oħra, f’liema każ huma ma kinux ikunu sostnew danni patrimonjali.

655    Fir-rigward tal-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u l-ħsara allegata, l-imsemmi dannu għandu jirriżulta b’mod suffiċjentement dirett mill-aġir allegat, b’tali mod li dan tal-aħħar għandu jikkostitwixxi l-kawża determinanti tad-dannu, filwaqt li ma jkun hemm l-ebda obbligu li jiġu rimedjati l-konsegwenzi negattivi kollha, anki imbegħda, ta’ sitwazzjoni illegali. Huwa r-rikorrent li huwa obbligat jipproduċi l-prova tal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2019, BP/FRA, T‑838/16, mhux ippubblikata, EU:T:2019:494, punt 217 u l-ġurisprudenza ċċitata).

656    Ir-rikorrenti jsostnu li d-dikjarazzjoni mill-Presidenta tas-SRB fit‑23 ta’ Mejju 2017 u l-artiklu ta’ Reuters tal‑31 ta’ Mejju 2017 kienu s-sors tal-kriżi ta’ likwidità ta’ Banco Popular.

657    Dawn l-argumenti huma bbażati fuq preżentazzjoni parzjali u żbaljata tal-fatti li taw lok għall-kriżi ta’ likwidità ta’ Banco Popular u l-kawżi li wasslu għas-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ tiegħu.

658    Għalhekk, għandu jitfakkar li, fl-evalwazzjoni tiegħu tas-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular, il-BĊE indika li Banco Popular kien ġibed l-attenzjoni minħabba l-profittabbiltà baxxa tiegħu, il-kwalità fqira tal-assi tiegħu u l-livell baxx ta’ kopertura tiegħu meta mqabbel ma’ sħabu u li, minn Jannar 2017, huwa kien is-suġġett ta’ kopertura negattiva fil-media. Il-BĊE nnota li, fi Frar 2017, meta tħabbru r-riżultati annwali tiegħu tal-2016, Banco Popular żvela l-ħtieġa għal dispożizzjonijiet eċċezzjonali u s-sostituzzjoni tal-President tiegħu. Huwa kkonstata li dawn l-aħbarijiet ikkawżaw tnaqqis fil-klassifikazzjoni ta’ Banco Popular minn DBRS u ħolqu tħassib sinjifikattiv għall-klijenti ta’ Banco Popular li rriżultaw fi ġbid mhux mistenni ta’ depożiti.

659    Il-BĊE rrileva wkoll li mewġa oħra ta’ ġbid ta’ depożiti ġiet skattata mill-pubblikazzjoni minn Banco Popular, fit‑3 ta’ April 2017, ta’ dikjarazzjoni pubblika ad hoc li tinforma dwar l-eżitu ta’ diversi verifiki interni u xprunata minn avvenimenti oħra msemmija fil-punt 56 iktar ’il fuq.

660    Fil-premessa 24 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB semma ċirkustanzi oħra li wasslu għad-deterjorament rapidu tas-sitwazzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular, jiġifieri:

–        fi Frar 2017, Banco Popular ħabbar il-ħtieġa ta’ provvedimenti eċċezzjonali li jammontaw għal EUR 5.7 biljun, li jwasslu għal telf konsolidat ta’ EUR 3 485 biljun, kif ukoll il-ħatra ta’ president ġdid;

–        fl‑10 ta’ Frar 2017, DBRS baxxiet il-klassifikazzjoni ta’ Banco Popular;

–        fit‑3 ta’ April 2017, Banco Popular ippubblika stqarrija pubblika ad hoc li tinforma dwar l-eżitu tal-awditi interni li potenzjalment għandhom impatt sinjifikattiv fuq ir-rapporti finanzjarji tiegħu u kkonfermat is-sostituzzjoni tad-direttur ġenerali tiegħu inqas minn sena wara li ħa l-kariga;

–        fis‑7 ta’ April 2017, Standard & Poor’s u, fil‑21 ta’ April, Moody’s, baxxew il-klassifikazzjoni ta’ Banco Popular;

–        fit‑12 ta’ Mejju 2017, Banco Popular kiser ir-rekwiżit ta’ kopertura tal-ħtiġiet ta’ likwidità ta’ 80 % u ma kienx f’pożizzjoni li jistabbilixxi mill-ġdid il-konformità mal-limitu regolatorju minn hemm ’il quddiem;

–        il-kopertura negattiva kontinwa fil-media tar-riżultati finanzjarji ta’ Banco Popular u l-allegat riskju imminenti ta’ falliment jew ta’ nuqqas ta’ likwidità wasslu għal żieda fl-irtirar tad-depożiti;

–        fis‑6 ta’ Ġunju 2017, DBRS u Moody’s baxxew il-klassifikazzjoni ta’ Banco Popular.

661    Is-SRB irrileva li dawn iċ-ċirkustanzi kollha kienu wasslu għall-irtirar ta’ depożiti kbar.

662    Jeħtieġ li jiġi rrilevat ukoll li l-Kunsill ta’ Amministrazzjoni ta’ Banco Popular, fil-minuti tal-laqgħa tas‑6 ta’ Ġunju 2017, li warajha ddikjara li l-bank kien f’sitwazzjoni ta’ falliment, isemmi r-raġunijiet li wasslu għas-sitwazzjoni ta’ Banco Popular, fosthom l-artikli tal-istampa ppubblikati matul ix-xhur ta’ qabel dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-grupp inġenerali u ta’ Banco Popular b’mod partikolari u l-effetti tagħhom fuq is-sitwazzjoni tal-likwidità. Il-Kunsill ta’ Amministrazzjoni semma li l-perijodu ta’ tensjoni finanzjarja estrema li kien għaddej minnu Banco Popular kien dovut għal diversi fatturi u, b’mod partikolari s-solvenza iktar baxxa, il-kwalità tal-assi u l-kopertura tagħhom meta mqabbla mal-grupp ta’ paragun, kif ukoll il-kopertura kontinwa u estremament negattiva tal-grupp f’ċerti media. Minn dan jirriżulta li, filwaqt li l-Kunsill ta’ Amministrazzjoni jirrikonoxxi li l-informazzjoni dwar id-diffikultajiet finanzjarji tal-grupp imxandra fl-istampa għal diversi xhur ikkontribwixxiet għas-sitwazzjoni ta’ Banco Popular, huwa jikkwotahom biss bħala fattur wieħed fost l-oħrajn u ma jsemmix id-dikjarazzjoni tal-Presidenta tas-SRB tat‑23 ta’ Mejju 2017, u lanqas l-artiklu ta’ Reuters tal‑31 ta’ Mejju 2017.

663    Minn dawn il-fatti, mhux ikkontestati mir-rikorrenti, jirriżulta li s-sitwazzjoni ta’ Banco Popular kienet diġà ddeterjorat qabel sew it‑23 ta’ Mejju 2017 u li l-kriżi ta’ likwidità ta’ Banco Popular kienet ikkawżata minn diversi fatturi, li oriġinaw mir-riżultati ħżiena tal-bank imħabbra fi Frar u f’April 2017. B’mod partikolari, ir-rekwiżit ta’ kopertura tal-ħtiġiet ta’ likwidità ta’ Banco Popular ma kienx issodisfa r-rekwiżiti legali mit‑12 ta’ Mejju 2017.

664    Jeħtieġ li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jistgħux jinjoraw iċ-ċirkustanzi oġġettivi kollha li kkawżaw il-problemi ta’ likwidità ta’ Banco Popular, b’mod partikolari minn April 2017. Ma jistgħux jargumentaw b’mod validu li d-dikjarazzjoni tat‑23 ta’ Mejju 2017 u l-artiklu tal‑31 ta’ Mejju 2017, anki jekk wieħed jassumi li dawn kienu kkawżati minn ksur tal-prinċipju ta’ kunfidenzjalità mis-SRB jew mill-Kummissjoni, kienu s-sors tal-kriżi tal-likwidità ta’ Banco Popular u, għalhekk, tad-dannu tagħhom.

665    Konsegwentement, minn dan jirriżulta li r-rikorrenti ma stabbilixxewx rabta kawżali bejn l-allegati illegalitajiet kommessi mis-SRB u l-Kummissjoni u l-kriżi ta’ likwidità ta’ Banco Popular, u għalhekk bejn dawn u d-dannu allegat.

666    Din il-konklużjoni ma titpoġġiex f’dubju mill-argumenti l-oħra tar-rikorrenti.

667    Ir-rikorrenti jsostnu li l-BĊE, fl-evalwazzjoni tiegħu tas-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco, irrileva li t-telf tad-depożiti mill‑31 ta’ Mejju 2017 kien partikolarment sinjifikattiv, wara li l-mezzi tax-xandir żvelaw li l-bank seta’ jaffaċċja l-likwidazzjoni jekk il-proċedura attwali ta’ bejgħ privat ma tirnexxix f’terminu qasir ħafna.

668    Mill-evalwazzjoni tagħha jirriżulta li, skont il-BĊE, it-tħabbir tal-falliment tal-proċedura ta’ bejgħ privat u r-riskju ta’ likwidazzjoni tal-kumpanija żiedu t-telf tad-depożiti ta’ Banco Popular. Madankollu, dan huwa biss element wieħed mill-ħafna oħrajn ikkwotati mill-BĊE, li huma responsabbli għal dan it-telf ta’ depożiti. Ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu li l-BĊE rrikonoxxa li l-artiklu ta’ Reuters kien is-sors tal-kriżi tal-likwidità ta’ Banco Popular.

669    Il-BĊE rrileva l-kopertura negattiva sinjifikattiva tal-media li ġie suġġett għaliha Banco Popular matul dan il-perijodu u anki kkwota eżempji ta’ artikli ppubblikati fil‑11 u fil‑15 ta’ Mejju 2017, imsemmija fil-punti 40 u 41 iktar ’il fuq. Ir-rikorrenti ma jistgħux jiżolaw minn dawn l-artikli kollha għall-istampa l-uniku artiklu li jsemmi uffiċjal tal-Unjoni, sabiex isostnu li dan l-artiklu biss huwa l-kawża tal-iżvelar tal-likwidità ta’ Banco Popular.

670    Ir-rikorrenti jargumentaw ukoll li s-SRB, fil-valutazzjoni 1, u l-BĊE, fl-evalwazzjoni tiegħu tal‑5 ta’ Ġunju 2017 dwar it-talba għal assistenza ta’ likwidità b’urġenza ta’ Banco Popular, indikaw li t‑23 u l‑31 ta’ Mejju 2017 kienu dati importanti fil-kriżi tal-likwidità ta’ Banco Popular.

671    F’dan ir-rigward, fl-evalwazzjoni tiegħu tal-5 ta’ Ġunju 2017 dwar it-talba għal assistenza ta’ likwidità b’urġenza ta’ Banco Popular, il-BĊE ddikjara:

“Banco Popular affaċċja ġbid sinjifikattiv ta’ depożiti fis-segmenti kollha tal-klijenti bejn il‑31 ta’ Marzu u l‑1 ta’ Ġunju 2017, li wassal għal deterjorament serju fil-bażi ta’ depożiti tiegħu […] u l-kapaċità ta’ bbilanċjar mill-ġdid tiegħu (CBC […]). Ikkawżat minn deterjorament fir-reputazzjoni tal-bank bħala riżultat tal-kopertura tal-media u t-tħabbira mill-bank ta’ ħtieġa li jkun hemm żieda fil-kapital jew amalgamazzjoni u akkwist, minħabba d-deterjorament fis-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu, flimkien mal-impatt ta’ tnaqqis sinjifikattiv fil-klassifikazzjoni tiegħu, l-irtirar tad-depożiti repetutament qabeż il-500 miljun kuljum fil-ġimgħat reċenti (it‑12 ta’ Mejju, is‑16 ta’ Mejju, it‑22 ta’ Mejju, il‑31 ta’ Mejju u l‑1 ta’ Ġunju) fil-kuntest ta’ tnaqqis kostanti fil-fondi b’riżerva ta’ likwidità limitata.”

672    Is-SRB, fil-valutazzjoni 1, irriproduċa din l-istess analiżi, u fejn indika li kien straħ fuq l-informazzjoni pprovduta mill-BĊE.

673    Minn dan jirriżulta li d-dati tat‑23 u l‑31 ta’ Mejju 2017 jissemmew mill-BĊE u mis-SRB biss fost dati oħra li jikkorrispondu għad-dati tal-irtirar ta’ depożiti ’il fuq minn EUR 500 miljun u ma għandhom l-ebda rabta mad-dikjarazzjoni tal-Presidenta tas-SRB u l-artiklu ta’ Reuters. Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, il-BĊE u s-SRB ma indikawx li d-dati tat‑23 u l‑31 ta’ Mejju huma iktar importanti mid-dati l-oħra msemmija. Barra minn hekk, huma enfasizzaw li l-kawżi tal-ġbid ta’ depożiti kienu multipli u ma jistax jiġi dedott minn dan, kif jagħmlu r-rikorrenti, li d-dikjarazzjoni tat‑23 ta’ Mejju u l-artiklu tal‑31 ta’ Mejju kienu fl-oriġini tal-kriżi tal-likwidità ta’ Banco Popular.

674    Barra minn hekk, l-evoluzzjoni tal-prezz tal-azzjoni ta’ Banco Popular wriet tnaqqis kostanti bejn Ġunju 2016 u Ġunju 2017. Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, dan l-iżvilupp ma jiżvela l-ebda rabta bejn, min-naħa l-waħda, id-dikjarazzjoni tat‑23 ta’ Mejju u l-artiklu tal‑31 ta’ Mejju 2017 u, min-naħa l-oħra, il-prezz tal-azzjoni ta’ Banco Popular. It-tnaqqis fil-prezz tal-azzjonijiet ta’ Banco Popular huwa spjegat mis-sitwazzjoni finanzjarja ħażina tal-bank u għandu jkun marbut mat-tnaqqis suċċessiv fil-grad tal-klassifikazzjoni ta’ Banco Popular mill-aġenziji tal-klassifikazzjoni, imsemmija fil-punti 32, 38 u 46 imsemmija iktar ’il fuq.

675    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li t-talbiet għal kumpens tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda.

C.      Fuq ittalbiet għallannullament talvalutazzjoni 2 u għal kumpens

676    Permezz tat-tielet sett ta’ talbiet tagħhom, ir-rikorrenti jikkontestaw il-valutazzjoni 2 abbażi tal-Artikoli 20(15) u tal-Artikoli 86 u 87 tar-Regolament Nru 806/2014, u jsostnu id-dritt għal kumpens.

677    Il-Kummissjoni ssostni li l-kontestazzjoni tal-valutazzjoni 2 hija inammissibbli. Is-SRB jargumenta li l-valutazzjoni 2 ma tistax tiġi kkontestata separatament mid-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni.

678    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tal-valutazzjoni 2, indipendentement mill-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Fil-fatt, huma jiddikjaraw b’mod espliċitu, fir-rikors, li d-dritt li tiġi kkontestata l-valutazzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 20(15) tar-Regolament Nru 806/2014 jikkostitwixxi talba għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, b’mod iktar speċifiku r-rapport espert użat mis-SRB għall-finijiet tar-riżoluzzjoni. Huma jsostnu li t-talba tagħhom, imressqa fuq il-bażi tal-Artikolu 20(15) tar-Regolament Nru 806/2014, hija indipendenti mir-rikors għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati u t-talbiet tagħhom għal kumpens. Din it-talba hija ammissibbli anki jekk it-talbiet l-oħra jiġu miċħuda.

679    Barra minn hekk, fl-ittra tagħhom ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tas‑16 ta’ April 2019 dwar talba għal emenda tal-miżuri istruttorji, ir-rikorrenti nnifishom jippreżentaw it-talba għal annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-kawża għad-danni mhux kuntrattwali u l-kontestazzjoni tal-valutazzjoni 2, flimkien ma’ talba għal kumpens, bħala tliet rimedji indipendenti.

680    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 20(15) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi li:

“Il-valwazzjoni għandha tkun parti integrali tad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni ta’ għodda ta’ riżoluzzjoni jew dwar l-eżerċizzju ta’ setgħa ta’ riżoluzzjoni jew id-deċiżjoni dwar l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ valwazzjoni negattiva jew konverżjoni ta’ strumenti kapitali. Il-valwazzjoni nnifisha ma għandhiex tkun soġġetta għal dritt ta’ appell separat iżda tista’ tkun soġġetta għal appell flimkien mad-deċiżjoni tal-Bord.”

681    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq interpretazzjoni żbaljata ta’ dik id-dispożizzjoni u l-premessa 63 tar-Regolament Nru 806/2014, li skontha “tali valwazzjoni għandha tkun soġġetta għal dritt ta’ appell flimkien mad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni biss”. Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, il-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors “konġunt” kontra l-valorizzazzjoni u l-iskema ta’ riżoluzzjoni ma tfissirx li huwa possibbli li l-valorizzazzjoni tiġi kkontestata f’appell li jkun separat minn dak għall-annullament tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, anki jekk tiġi introdotta fl-istess ħin u permezz ta’ rikors wieħed.

682    Mill-kliem użat fl-Artikolu 20(15) tar-Regolament Nru 806/2014 jirriżulta b’mod ċar li l-valutazzjoni 2, bħala parti integrali mill-iskema ta’ riżoluzzjoni, tista’ tiġi kkontestata biss fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ta’ din tal-aħħar, iżda ma tistax tkun is-suġġett ta’ kawża indipendenti.

683    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li t-talba tar-rikorrenti għall-annullament tal-valutazzjoni 2 biss, indipendentement mit-talba tagħhom għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, għandha tiġi interpretata bħala rikors separat minn dak għall-annullament tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. Issa, l-Artikolu 20(15) tar-Regolament Nru 806/2014, li fuqu r-rikorrenti bbażaw it-talba tagħhom għal annullament tal-valutazzjoni 2, jeskludi espressament il-possibbiltà li jiġi ppreżentat tali rikors.

684    Għaldaqstant, hemm lok li t-talba għal annullament tal-valutazzjoni 2 tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

685    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu dritt għal kumpens li jirriżulta direttament mill-Artikolu 17 tal-Karta, anki jekk ir-Regolament Nru 806/2014 ma jipprovdix għal sistema ta’ kumpens. Fir-rigward tal-kumpens, ir-rikorrenti jsostnu li l-azzjonisti u d-detenturi tal-obbligazzjonijiet ta’ Banco Popular kellhom jirċievu kumpens wara r-riżoluzzjoni, ekwivalenti għall-valur nett tal-assi, skont l-Artikolu 20(12) tar-Regolament Nru 806/2014, u mhux għall-valur tal-likwidazzjoni. Huma jsostnu li din it-talba hija ammissibbli minkejja li ma speċifikawx il-portata preċiża tad-dannu u l-ammont eżatt tal-kumpens mitlub.

686    Ir-rikorrenti jindikaw ukoll li “l-appell imsemmi fl-Artikolu 20(15), ir-Regolament Nru 806/2014 huwa indipendenti mill-azzjoni għall-kanċellazzjoni u l-azzjoni għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali” u li l-valutazzjoni użata għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni hija “differenti mill-kalkolu tad-dannu fil-każ ta’ kanċellazzjoni bil-konferma tal-effetti jew mill-kalkolu fil-każ ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali”. Fir-replika, huma jsostnu dritt għal kumpens ekwivalenti għall-valur tal-assi netti ta’ Banco Popular fid-data tar-riżoluzzjoni skont l-Artikolu 20(12) u (16) tar-Regolament Nru 806/2014, moqri flimkien mal-Artikolu 20(15), u l-Artikoli 86 u 87 tal-istess regolament.

687    Fir-replika, ir-rikorrenti jsostnu li, kieku l-valutazzjoni 2 kienet tirrifletti l-valur tal-assi netti ta’ Banco Popular fid-data tar-riżoluzzjoni, dan tal-aħħar ma kienx ikun suġġett għal riżoluzzjoni jew kien ikun neċessarju li tiġi ffissata offerta bi prezz minimu iktar għoli, li kien ikun ta’ benefiċċju għall-azzjonisti u d-detenturi ta’ strumenti ta’ fondi proprji. Huma jqisu li, meta jitqiesu l-istimi tal-BĊE u ta’ Banco Popular, l-assi netti ta’ Banco Popular kienu pożittivi u kellhom valur ta’ EUR 7 biljun u li l-azzjonisti u d-detenturi tal-istrumenti ta’ fondi propji kellhom jiġu kkumpensati b’ammont ikkalkulat fuq il-bażi ta’ dak il-valur, jiġifieri EUR 1.67 għal kull azzjoni.

688    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li, permezz tal-ittra tagħhom ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑16 ta’ April 2019, ir-rikorrenti rrinunzjaw għat-talba tagħhom, esposta fir-rikors, sabiex jinħatar espert sabiex iwettaq valutazzjoni ġusta, prudenti u realistika sabiex jiġi kkalkulat il-valur tal-assi netti ta’ Banco Popular.

689    Issa, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-argumenti tar-rikorrenti ma jippermettux li wieħed jifhem liema hija l-bażi legali ta’ din it-talba għal kumpens imqajma fil-kuntest tal-kontestazzjoni tal-valutazzjoni 2.

690    Fl-ewwel lok, ir-riferimenti magħmula mir-rikorrenti għall-Artikolu 20(15) tar-Regolament Nru 806/2014 bħala l-bażi għat-talba għal kumpens tagħhom ma jinftiehmux. Din id-dispożizzjoni, imfakkra fil-punt 680 iktar ’il fuq, sempliċement tindika li l-valutazzjoni li fuqha bbaża ruħu s-SRB tifforma parti integrali mill-iskema ta’ riżoluzzjoni u ma tistax tiġi appellata separatament.

691    Fit-tieni lok, fir-rigward tad-dikjarazzjoni li d-dritt għal kumpens jirriżulta direttament mill-ksur tad-dritt għal proprjetà sanċit fl-Artikolu 17(1) tal-Karta, hemm lok li jiġi rrilevat li, għalkemm ir-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular kienet twassal għal ksur tad-drittijiet għal proprjetà tar-rikorrenti, dan ma jistax jirriżulta mill-valutazzjoni 2.

692    Fil-fatt, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-għan tal-valutazzjoni 2, imwettqa minn espert indipendenti, huwa li s-SRB jingħata l-elementi li jippermettulu jadotta l-iskema ta’ riżoluzzjoni u, kif tinnota l-Kummissjoni, fiha nnifisha ma tipproduċix effetti legali vinkolanti li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti. L-iskema ta’ riżoluzzjoni u d-Deċiżjoni 2017/1246 biss jipproduċu effetti legali vinkolanti. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux jitolbu l-għoti ta’ kumpens fuq il-bażi ta’ kontestazzjoni tal-valutazzjoni 2 indipendenti mill-kontestazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

693    Fit-tielet lok, fir-rigward tar-riferiment magħmul mir-rikorrenti għall-Artikolu 20(12) tar-Regolament Nru 806/2014, huwa biżżejjed li wieħed jinnota li din id-dispożizzjoni ma hijiex rilevanti f’dan il-każ.

694    L-Artikolu 20(12) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi:

“Fil-każ li l-istima tal-valwazzjoni ex-post definittiva tal-valur tal-assi netti ta’ entità msemmija fl-Artikolu 2 tkun ogħla mill-istima tal-valwazzjoni provviżorja tal-valur tal-assi netti ta’ dik l-entità, il-Bord jista’ jitlob lill-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni biex:

a)      teżerċita s-setgħat tagħha li żżid il-valur tal-pretensjonijiet tal-kredituri jew tas-sidien ta’ strumenti kapitali rilevanti li tagħmel valwazzjoni negattiva bl-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna;

b)      jagħti struzzjonijiet lil istituzzjoni tranżitorja jew mezz ta’ mmaniġġjar tal-assi li jħallas aktar korrispettiv fir-rigward tal-assi, id-drittijiet jew l-obbligazzjonijiet lil istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, jew skont il-każ, fir-rigward tal-istrumenti ta’ sjieda lis-sidien ta’ dawk l-istrumenti ta’ sjieda.”

695    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, is-SRB ma wettaqx valutazzjoni ex post finali fuq il-bażi ta’ dik id-dispożizzjoni. Fi kwalunkwe każ, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, din id-dispożizzjoni ma tipprevedix il-possibbiltà għas-SRB jew il-Kummissjoni li jagħtuhom kumpens.

696    Fir-raba’ lok, ir-riferiment magħmul mir-rikorrenti għall-Artikolu 20(16) tar-Regolament Nru 806/2014, bħala l-bażi għad-dritt tagħhom għal kumpens ekwivalenti għall-valur tal-assi netti ta’ Banco Popular fid-data tar-riżoluzzjoni, ma jinftiehemx sa fejn din id-dispożizzjoni tipprevedi biss li s-SRB għandu jiżgura li valutazzjoni titwettaq wara r-riżoluzzjoni, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-azzjonisti u l-kredituri kinux jibbenefikaw minn trattament aħjar kieku l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni kienet ġiet suġġetta għal proċedura normali ta’ insolvenza.

697    Barra minn hekk, inkwantu t-talba għal kumpens għandha tiġi interpretata bħala li hija intiża sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tas-SRB jew tal-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 87(3) tar-Regolament Nru 806/2014, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din it-talba ma tikkontempla l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet neċessarji sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 340 TFUE, previsti fil-ġurisprudenza msemmija fil-punt 595 iktar ’il fuq. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma jindikawx liema huwa l-ksur imwettaq mis-SRB jew mill-Kummissjoni, u lanqas liema aġir huwa kkritikat.

698    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li tiġi miċħuda t-talba għal kumpens ibbażata fuq il-kontestazzjoni tal-valutazzjoni 2.

699    Għaldaqstant, it-tielet sett ta’ talbiet tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

D.      Fuq ittalbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni talproċedura u għal miżuri istruttorji

700    Ir-rikorrenti talbu lill-Qorti Ġenerali sabiex tordna diversi miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u istruttorji.

701    Fit-talba, ir-rikorrenti talbu lill-Qorti Ġenerali, minn naħa waħda, sabiex tordna lis-SRB, lill-Kummissjoni, lill-BĊE, lir-Renju ta’ Spanja, lill-Bank ta’ Spanja u lill-FROB jipproduċu diversi dokumenti. Min-naħa l-oħra, huma talbu lill-Qorti Ġenerali sabiex tordna s-smigħ ta’ diversi persuni bħala xhieda u t-tħejjija ta’ rapporti ta’ esperti, fuq il-bażi tal-Artikolu 91(d) u (e) tar-Regoli tal-Proċedura.

702    Permezz ta’ ittra mibgħuta lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ April 2019, ir-rikorrenti ressqu emenda għat-talbiet għal miżuri istruttorji inklużi fir-rikors u fir-replika. F’dik l-ittra, huma indikaw li kienu qegħdin jirtiraw it-talba tagħhom għal rapporti ta’ esperti u li kienu qegħdin jillimitaw it-talba tagħhom għal seduti ta’ smigħ tax-xhieda għas-smigħ tal-Presidenta tas-SRB.

703    Fir-rigward tat-talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew istruttorji mressqa minn parti f’kawża, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali hija l-unika qorti li tista’ tara n-neċessità eventwali li tikkompleta l-elementi ta’ informazzjoni li hija jkollha fil-kawżi quddiemha (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Mamoli Robinetteria vs Il‑Kummissjoni, C‑619/13 P, EU:C:2017:50, punt 117 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2020, Fleig vs SEAE, C‑446/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:918, punt 53).

704    Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, anki jekk talba għas-smigħ ta’ xhieda, li ssir fir-rikors, tindika bi preċiżjoni l-fatti li fuqhom għandhom jinstemgħu x-xhud jew ix-xhieda u r-raġunijiet li jiġġustifikaw is-smigħ tagħhom, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa r-rilevanza tat-talba fir-rigward tas-suġġett tal-kawża u l-ħtieġa li tisma’ x-xhieda ċċitati (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Mamoli Robinetteria vs Il‑Kummissjoni, C‑619/13 P, EU:C:2017:50, punt 118 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2020, Silver Plastics u Johannes Reifenhäuser vs Il‑Kummissjoni, C‑702/19 P, EU:C:2020:857, punt 29).

705    Hemm lok li jiġi rrilevat li, permezz tad-digriet ta’ miżuri istruttorji tagħha, tat‑12 ta’ Mejju 2021, skont l-Artikoli 91(b), 92(3) u 103 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali ordnat lis-SRB jipproduċi ċerti dokumenti ċċitati fil-punt 98 iktar ’il fuq. B’digriet tad‑9 ta’ Ġunju 2021, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li d-dokumenti prodotti mis-SRB fil-verżjoni kunfidenzjali tagħhom ma kinux rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża.

706    F’dan il-każ, hemm lok li jiġi rrilevat li l-elementi inklużi fil-proċess kif ukoll l-ispjegazzjonijiet mogħtija matul is-seduta huma suffiċjenti sabiex jippermettu lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi, wara li din tal-aħħar tkun setgħet tiddeċiedi b’mod utli fuq il-bażi tat-talbiet, ir-raġunijiet u l-argumenti żviluppati fil-mori tal-kawża u fid-dawl tad-dokumenti ppreżentati mill-partijiet.

707    Minn dan isegwi li t-talbiet tar-rikorrenti għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u għal miżuri istruttorji għandhom jiġu miċħuda, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ wħud minn dawn it-talbiet.

708    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

V.      Fuq lispejjeż

709    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk tkun saret talba f’dan is-sens. Peress li r-rikorrenti tilfu, għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż tagħhom kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni, mis-SRB u minn Banco Santander kif mitluba minn dawn tal-aħħar.

710    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Ir-Renju ta’ Spanja għandu għalhekk ibati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Eleveté Invest Group, SL u r-rikorrenti l-oħra li isimhom huwa inkluż fl-anness huma kkundannati jbatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) u minn Banco Santander, SA.

3)      Ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Van der Woude

Jaeger

Kreuschitz

De Baere

 

      Steinfatt

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑1 ta’ Ġunju 2022.

Firem


Werrej



*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol


1      Il-lista tar-rikorrenti l-oħrajn hija annessa biss mal-verżjoni nnotifikata lill-partijiet.