Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Koblenz (il-Ġermanja) fil-11 ta’ Marzu 2014 – RegioPost GmbH & Co. KG vs Stadt Landau

(Kawża C-115/14)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberlandesgericht Koblenz

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: RegioPost GmbH & Co. KG

Konvenuta: Stadt Landau

Partijiet oħra: PostCon Deutschland GmbH, Deutsche Post AG

Domandi preliminari

L-Artikolu 56(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 1996, dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tobbliga lil awtorità kontraenti pubblika tagħti kuntratti biss lil impriżi li jimpenjaw ruħhom, b’subappaltaturi li wkoll jimpenjaw ruħhom bil-miktub, meta tiġi ppreżentata l-offerta, li jħallsu lill-impjegati tagħhom inkarigati bl-eżekuzzjoni tal-kuntratt, salarju minimu li jiġi stabbilit mill-Istat għall-kuntratti pubbliċi biss, iżda mhux għall-kuntratti privati, meta la jkun jeżisti salarju minimu ġenerali legali u lanqas ftehim kollettiv ta’ portata ġenerali li jorbot lill-eventwali offerent magħżul u lill-eventwali subappaltaturi tiegħu?

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda:

Id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, b’mod partikolari l-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] 2 , għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 3(1) LTTG li jipprevedi l-esklużjoni obbligatorja ta’ offerta fil-każ fejn operatur ekonomiku ma jimpenjax ruħu, mal-preżentazzjoni tal-offerta, f’dikjarazzjoni separata, għal att li, fil-każ tal-għoti tal-kuntratt, ikun kuntrattwalment marbut iwettaq anki jekk ma jkunx ippreżenta din id-dikjarazzjoni.

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 431.

2 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132.