Language of document : ECLI:EU:C:2020:943

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fid‑19 ta’ Novembru 2020 (1)

Kawża C504/19

Banco de Portugal,

Fondo de Resolución,

Novo Banco SA

vs

VR

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Superviżjoni bankarja – Riorganizzazzjoni u l-istralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu – Direttiva 2001/24/KE – Miżura ta’ riorganizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu meħuda minn awtorità tal-Istat Membru ta’ oriġini – Trasferiment ta’ drittijiet, assi jew obbligi fuq istituzzjoni tranżitorja – Trasferiment fid-direzzjoni opposta lil istituzzjonijiet ta’ kreditu taħt riżoluzzjoni – Artikolu 3(2) – Effett ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni fi Stati Membri oħra– Artikolu 32 – Effetti ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni fi proċeduri pendenti – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Effettività tal-protezzjoni ġudizzjarja– Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi–Direttiva 2014/59/UE – Applikabbiltà ratione temporis”






I.      Introduzzjoni

1.        Jekk bank irid jiddikjara insolvenza, f’ċerti ċirkustanzi, il-funzjonijiet kritiċi tiegħu ma jistgħux jibqgħu jinżammu. Peress li dan jista’ jkollu konsegwenzi estensivi kemm għad-depożitanti kif ukoll għall-ekonomija reali, huwa fl-interess ekonomiku ġenerali li jiġu evitati insolvenzi bankarji u minflok ittieħdu miżuri ta’ riorganizzazzjoni jew riżoluzzjoni ordnati (2).

2.        Għalkemm ħafna banek jagħmlu parti minn grupp ta’ impriżi transkonfinali, f’dan ir-rigward ma kien jeżisti ebda mekkaniżmu uniformi għall-awtoritajiet superviżorji nazzjonali sal-adozzjoni tad-Direttiva 2014/59 (iktar ’il quddiem il-“BRRD”) (3). F’dan is-sens, id-dritt tal-Unjoni huwa pjuttost limitat għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/24 (4), skont liema l-miżuri ta’ riorganizzazzjoni u stralċ previsti fid-dritt nazzjonali tal-Istati Membri għandhom jiġu rrikonoxxuti fl-Istati Membri l-oħra mingħajr formalitajiet oħra.

3.        Strument għar-riorganizzazzjoni u r-riżoluzzjoni ordnata tal-banek, li huwa rrikonoxxut kemm mid-dritt Portugiż u issa wkoll mill-BRRD, huwa l-istabbiliment tal-hekk imsejħa istituzzjoni tranżitorja. L-oqsma tan-negozju b’saħħithom kollha ta’ bank f’diffikultà huma ttrasferiti lil tali istituzzjoni sabiex tistabbilizza n-negozju preċedenti ta’ dan il-bank u sabiex jiġu protetti d-depożitanti. Il-“bad bank” li jifdal imbagħad jiġi stralċjat b’mod ordnat.

4.        L-isfond tal-kawża prinċipali kien l-insolvenza imminenti ta’ dak li qabel kien it-tieni l-ikbar bank Portugiż, Banco Espírito Santo (iktar ’il quddiem “BES”) fl‑2014. Matulha, il-Banco de Portugal, il-bank ċentrali Portugiż u l-awtorità superviżorja ta’ dak iż-żmien, waqqfu istituzzjoni tranżitorja msejħa Novo Banco u f’Awwissu 2014 ittrasferixxew l-oqsma tan-negozju kollha b’saħħithom ta’ BES. L-hekk imsejħa obbligi tossiċi tħallew fl-assi ta’ BES u tas-sussidjarji tagħha, u b’hekk saru l-“bad bank”.

5.        Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) oriġinarjament kienet investitur fis-sussidjarja Spanjola ta’ BES. Madankollu, ir-relazzjoni kuntrattwali tkompliet minn Awwissu 2014 minn Novo Banco ta’ Spanja. Wara li r-rikorrenti ppreżentat rikors għall-annullament tal-kuntratt inkwistjoni kontra Novo Banco ta’ Spanja minħabba parir ħażin minn BES fil-konklużjoni tal-investiment tagħha, il-Banco de Portugal iddeċieda li jittrasferixxi ċerti obbligi, fosthom ukoll ir-responsabbiltà ta’ BES b’rabta mal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ investiment tar-rikorrenti, sabiex jiġi ttrasferit lura lil BES b’effett retroattiv.

6.        It-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti issa tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk, skont id-Direttiva 2001/24, din id-deċiżjoni għandhiex tiġi sempliċement irrikonoxxuta mill-qrati Spanjoli jekk din twassal għaċ-ċaħda tar-rikors tar-rikorrenti kontra Novo Banco ta’ Spanja. Fl-opinjoni tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), dan l-eżitu jista’ fil-fatt jikser il-prinċipji ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u ta’ ċertezza legali. Il-każ huwa partikolarment delikat minħabba l-fatt li l-qorti tar-rinviju impliċitament tqajjem dubji dwar il-validità tal-obbligu li jiġu rrikonoxxuti mingħajr kundizzjoni miżuri ta’ riżoluzzjoni skont id-Direttiva 2001/24.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-Direttiva 2001/24

7.        Il-premessi 6, 23 u 30 tad-Direttiva 2001/24 jaqraw kif ġej:

“(6)      L-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini għandhom ikollhom is-setgħa waħedhom li jiddeċiedu u jimplimentaw il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni provduti fil-liġi u l-prattiċi fis-seħħ f’dak l-Istat Membru. Minħabba d-diffikultà li jkunu armonizzati l-liġijiet u l-prattiki ta’ l-Istati Membri, huwa meħtieġ li jkun stabbilit rikonoxximent reċiproku minn Stati Membri tal-miżuri meħuda minnhom kollha biex jerġgħu jsiru vijabbli l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li tkun aworizzat.

[…]

(23)      Għalkemm huwa importanti li jkun segwit il-prinċipju li l-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini tiddetermina l-effetti kollha tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni u l-proċeduri ta’ l-istralċ, kemm proċedurali u sostantivi, huwa meħtieġ ukoll li wieħed iżomm f’moħħu li dawk l-effetti jistgħu jikkonfliġġu mar-regoli li huma normalment applikabbli fil-kuntest ta’ l-attività ekonomika u finanzjarja ta’ l-istituzzjoni ta’ kreditu konċernata u l-friegħi tagħha fi Stati Membri oħra. F’xi każijiet ir-riferenza għal-liġi ta’ Stat Membru ieħor tirrappreżenta kwalifika inevitabbli tal-prinċipju li għandha tapplika l-liġi ta’ l-Istat Membu ta’ l-oriġini.

[…]

(30)      L-effetti ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni jew proċeduri ta’ stralċ fuq kawża pendenti huma determinati bil-liġi ta’ l-Istat Membru fejn il-kawża hija pendenti bħala eċċezzjoni għall-applikazzjoni tal-lex concursus. L-effetti ta’ dawk il-miżuri u proċeduri fuq azzjonijiet individwali ta’ infurzar li joħorġu minn dawn il-kawżi għandhom ikunu ggvernati mil-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ l-origini, skond ir-regola ġenerali stabbilita minn din id-Direttiva.”

8.        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/24 jiddefinixxi t-terminu “miżuri ta’ riorganizzazzjoni” bħala miżura li “huma maħsuba sabiex jippreservaw jew iġibu lura s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ istituzzjoni ta’ kreditu u li tista’ taffettwa d-drittijiet pre-eżistenti ta’ terzi, inkluż miżuri li jinvolvu l-possibbiltà ta’ sospensjoni ta’ ħlasijiet, sospensjoni ta’ miżuri ta’ infurżar jew tnaqqis ta’ talbiet; dawk il-miżuri jinkludu l-applikazzjoni tal-għodod tar-riżoluzzjoni u l-eżerċizzju tas-setgħat ta’ riżoluzzjoni previsti fid-Direttiva 2014/59/UE.”

9.        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/24 jistabbilixxi taħt it-titolu “Adozzjoni ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni – liġi applikabbli”

“(1)      L-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini għandhom ikunu waħedhom mogħtija s-setgħa li jiddeċiedu fuq l-implimentazzjoni ta’ miżura ta’ riorganizzazzjoni jew iżjed f’istituzzjoni ta’ kreditu, inkluż friegħi stabbiliti fi Stati Membri oħra.

(2)      Il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni għandhom ikunu applikati skond il-liġijiet, ir-regolamenti u l-proċeduri applikabbli fl-Istat Membru ta’ oriġini, sakemm ma jkunx provdut mod ieħor f’din id-Direttiva.

Għandhom ikunu effettivi għal kollox skond il-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru ġewwa l-Komunità kollha mingħajr kull formalità oħra, inkluż kontra terzi f’Istati Membri oħra, ukoll fejn ir-regoli ta’ l-Istat Membru ospitanti applikabbli għalihom ma jipprovdux għal dawk il-miżuri jew jagħmlu l-implimentazzjoni tagħhom soġġetta għall-kondizzjonijiet li ma jintlaħqux.

Il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni għandhom ikunu effettivi ġewwa l-Komunità kollha ladarba jidħlu fis-seħħ fl-Istat Membru fejn ikunu ittieħdu.”

10.      Artikolu 6(1) sa (3) tad-Direttiva 2001/24 jirregolaw l-obbligu li jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea deċiżjonijiet dwar miżuri ta’ riorganizzazzjoni li jistgħu jaffettwaw id-drittijiet ta’ terzi fi Stat Membru ospitanti u li jistgħu jiġu kkontestati fl-Istat Membru ta’ oriġini. Il-paragrafi 4 u 5 ta’ din id-dispożizzjoni jaqraw kif ġej:

“(4)      L-estratt mid-deċiżjoni li għandu jkun ippubblikat għandu jispeċifika, fil-lingwa jew lingwi uffiċjali ta’ l-Istati Membri kkonċernati, partikolarment l-għan u l-bażi legali tad-deċiżjoni meħuda, it-termini għall-preżentata ta’ l-appelli, speċifikatament indikazzjoni li tiftiehem b’mod ċar tad-data ta’ l-iskadenza tat-termini, u l-indirizz sħiħ ta’ l-awtoritajiet jew il-qorti kompetenti li tisma l-appell.

(5)      Il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni għandhom japplikaw irrispettivament mill-miżuri preskritti fil-paragrafi 1 sa 3 u għandhom ikunu effettivi għal kollox kontra l-kredituri, ħlief jekk l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat ta’ oriġini jew il-liġi ta’ dak l-Istat li jiggverna dawk il-miżuri tipprovdi mod ieħor.”

11.      Mill-banda l-oħra, l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2001/24 jipprevedi:

“L-effetti ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni jew proċeduri ta’ stralċ fuq kawża pendenti dwar beni jew dritt li minnhom l-impriża ta’ l-assigurazzjoni tkun ġiet svestita għandhom ikunu iggvernati biss bil-liġi ta’ l-Istat Membru fejn il-kawza hija pendenti.”

B.      Id-Direttiva 2014/59 (BRRD)

12.      Estratti tal-premessi 4, 5 u 59 tal-BRRD jaqraw kif ġej:

“(4)      Attwalment ma hemm l-ebda armonizzazzjoni tal-proċeduri sabiex jiġu riżolti istituzzjonijiet fil-livell tal-Unjoni. Xi Stati Membri japplikaw għall-istituzzjonijiet l-istess proċeduri li japplikaw lill-impriżi insolventi l-oħra, u f’ċerti każijiet adattawhom għall-istituzzjonijiet. Hemm differenzi sostanzjali u proċedurali konsiderevoli bejn il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirregolaw l-insolvenza tal-istituzzjonijiet fl-Istati Membri. Barra minn hekk, il-kriżi finanzjarja esponiet il-fatt li proċeduri ta’ insolvenza korporattiva ġenerali mhumiex dejjem adattati għall-istituzzjonijiet minħabba li mhux dejjem jiżguraw ir-rapidità tal-intervent, il-kontinwazzjoni tal-funzjonijiet kritiċi tal-istituzzjonijiet u l-preżervazzjoni tal-istabbiltà finanzjarja.

(5)      Huwa għalhekk meħtieġ reġim sabiex l-awtoritajiet jiġu pprovduti b’sett ta’ għodod kredibbli sabiex jintervjenu b’mod bikri u malajr biżżejjed f’istituzzjoni mhux soda jew li qed tfalli sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet finanzjarji u ekonomiċi kritiċi tal-istituzzjoni, filwaqt li jiġi minimizzat l-impatt ta’ falliment ta’ istituzzjoni fuq is-sistema ekonomika u finanzjarja. Ir-reġim għandu jiżgura li l-azzjonisti jġarrbu t-telf l-ewwel u li l-kredituri jġarrbu t-telf wara l-azzjonisti […]

(59)      L-għodod ta’ riżoluzzjoni għandhom jinkludu l-bejgħ tan-negozju jew ishma tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, l-istabbiliment ta’ istituzzjoni tranżitorja, is-separazzjoni tal-assi bi prestazzjoni tajba minn dawk indeboliti jew bi prestazzjoni baxxa tal-istituzzjoni li tkun qed tfalli, u rikapitalizzazzjoni interna tal-azzjonisti u l-kredituri tal-istituzzjoni li tkun qed tfalli.”

13.      L-Artikolu 40 tal-BRRD jirregola l-“Għodda tal-istituzzjoni tranżitorja”:

“(1)      Sabiex l-għodda tal-istituzzjoni transitorja tkun effettiva u b’kont meħud tal-ħtieġa li jinżammu l-funzjonijiet kritiċi fl-istituzzjoni transitorja, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkollhom is-setgħa jittrasferixxu lill-istituzzjoni transitorja:

(a)      strumenti ta’ sjieda maħruġa minn istituzzjoni jew istituzzjonijiet taħt riżoluzzjoni;

(b)      l-assi, id-drittijiet jew l-obbligazzjonijiet kollha jew kwalunkwe wieħed minnhom ta’ istituzzjoni jew istituzzjonijiet taħt riżoluzzjoni.

Soġġett għall-Artikolu 85, it-trasferiment imsemmi fl-ewwel subparagrafu jista’ jsir mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tal-azzjonisti tal-istituzzjonijiet taħt riżoluzzjoni jew kwalunkwe parti terza minbarra l-istituzzjoni transitorja, u mingħajr konformità ma’ kwalunkwe rekwiżit proċedurali taħt il-liġi tal-kumpaniji jew tat-titoli.

[…]

(7)      L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu jittrasferixxu strumenti ta’ sjieda, jew assi, drittijiet jew obbligazzjonijiet lura mill-istituzzjoni transitorja f’waħda minn dawn iċ-ċirkostanzi:

(a)      il-possibbiltà li strumenti ta’ sjieda, l-assi, id-drittijiet, jew l-obbligazzjonijiet speċifiċi jistgħu jiġu ttrasferiti lura huwa ddikjarat espressament fl-istrument li bih ikun sar it-trasferiment;

(b)      l-istrumenti ta’ sjieda jew l-assi, id-drittijiet jew l-obbligazzjonijiet speċifiċi ma jkunux fil-fatt jaqgħu fi ħdan il-klassijiet, jew jissodisfaw il-kondizzjonijiet tat-trasferiment tal-istrumenti ta’ sjieda, jew l-assi, id-drittijiet jew l-obbligazzjonijiet speċifikati fl-istrument li bih ikun sar it-trasferiment.

Tali trasferiment lura jista’ jsir fi kwalunkwe żmien u għandu jikkonforma ma’ kwalunkwe kondizzjoni oħra ddikjarata f’dak l-istrument għall-iskop rilevanti.

(8)      Trasferimenti bejn l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, jew l-azzjonisti min-naħa, u l-istituzzjoni transitorja min-naħa l-oħra għandhom ikunu soġġetti għas-salvagwardji msemmija fil-Kapitolu VII tat-Titolu IV. […]”

14.      Is-salvagwardji tat-Titolu IV tal-Kapitolu VII huma inklużi fl-Artikoli 73 sa 80 tal-BRRD.

15.      L-Artikolu 83 tal-BRRD jipprovdi taħt it-titolu “Obbligi proċedurali tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni” is-segwenti:

“[…]

(2)      L-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tinnotifika lill-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni u lill-awtoritajiet li ġejjin, jekk differenti:

(a)      l-awtorità kompetenti tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni;

(b)      l-awtorità kompetenti ta’ kwalunkwe fergħa tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni;

[…]

(4)      L-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tippubblika jew tiżgura l-pubblikazzjoni, jew ta’ kopja tal-ordni jew l-istrument li bih ittieħdet l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni, jew ta’ avviż li jagħti sommarju tal-effetti tal-azzjoni ta’ riżoluzzjoni, u b’mod partikolari tal-effetti fuq il-klijenti bl-imnut u, jekk applikabbli, it-termini u l-perjodu ta’ sospensjoni jew restrizzjoni msemmija fl-Artikoli 69, 70 u 71, bil-mezzi li ġejjin:

(a)      fuq il-websajt uffiċjali tagħha;

(c)      fuq il-websajt tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni; […]”

16.      L-Artikolu 131 tal-BRRD jistabbilixxi, li d-direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali fit‑12 ta’ Ġunju 2014. Skont l-Artikolu 130 tal-BRRD, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw sal‑31 ta’ Diċembru 2014 liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-direttiva u għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill‑1 ta’ Jannar 2015.

III. Il-fatti u l-kawża prinċipali

17.      Fl‑10 ta’ Jannar 2008, fl-uffiċċju ta’ Banco Espírito Santo, S.A. Sucursal en España (iktar ’il quddiem “BES ta’ Spanja”) ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkonkludiet ftehim f’Bilbao għall-akkwist ta’ azzjonijiet preferenzjali f’Kaupthing Bank (5), li għalihom ħallset l-ammont ta’ EUR 166 021.

18.      Wara li BES daħlet fi kriżi serja, il-bank ċentrali Portugiż, il-Banco de Portugal, fil-funzjoni tiegħu bħala awtorità superviżorja, iddeċieda permezz tad-deċiżjoni tat‑3 ta’ Awwissu 2014, li ġiet emendata bid-deċiżjoni tal‑11 ta’ Awwissu 2014 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ Awwissu 2014”), l-istralċ ta’ BES. Għal dan il-għan, bid-deċiżjoni msemmija iktar ’il fuq, ġiet stabbilita l-istituzzjoni tranżitorja, Novo Banco, S.A. (iktar ’il quddiem “Novo Banco”). Parti min-negozju avvjat ta’ BES ġie ttrasferit lilha billi ġew ittrasferiti l-assi, l-obbligi u oġġetti oħra mhux ta’ assi tagħhom kif deskritt fl-Anness 2 tal-istess deċiżjoni lil Novo Banco. Esklużi mit-trasferiment kienu “b’mod partikolari [l-]obbligi jew l-obbligi kontinġenti li jirriżultaw minn frodi jew il-ksur ta’ dispożizzjonijiet jew deċiżjonijiet regolatorji, kriminali jew amministrattivi.”

19.      BES ta’ Spanja sussegwentement saret il-fergħa ta’ Novo Banco fi Spanja. Din żammet ir-relazzjoni kummerċjali mar-rikorrenti permezz tal-kustodja u l-amministrazzjoni tat-titoli u bħala korrispettiv irċeviet il-kummissjoni kuntrattwalment prevista.

20.      Fl‑4 ta’ Frar 2015, ir-rikorrenti ppreżentat rikors kontra Novo Banco ta’ Spanja. Hija titlob sabiex l-ordni għax-xiri tal-azzjonijiet preferenzjali ta’ Kaupthing Bank tiġi annullata minħabba vizzju ta’ kunsens u sabiex Novo Banco ta’ Spanja tiġi ordnata tħallasha lura l-prezz tax-xiri ta’ EUR 166 021. Sussidjarjament, hija titlob sabiex l-imsemmi kuntratt jiġi xolt minħabba li BES naqset milli tikkonforma mal-obbligu tagħha ta’ diliġenza, ta’ lealtà u ta’ informazzjoni u sabiex Novo Banco ta’ Spanja tiġi ordnata tħallasha l-istess ammont bħal kumpens. Novo Banco ta’ Spanja kkontestat it-talba billi argumentat li r-responsabbiltà allegata tikkostitwixxi obbligazzjoni li ma ġietx ittrasferita lilha bid-deċiżjoni tal-Banco de Portugal ta’ Awwissu 2014.

21.      Permezz tas-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2015, il-Juzgado de Primera Instancia de Vitoria (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Vitoria, Spanja) laqgħet ir-rikors, billi fl-opinjoni tagħha r-responsabbiltà inkwistjoni kienet koperta mit-trasferiment. Hija ddeċidiet li kien hemm difett fil-kunsens, fis-sens li r-rikorrenti, li kellha 68 sena meta kkonkludiet il-kuntratt u ma kellha l-ebda għarfien fil-qasam finanzjarju, ma ngħatatx biżżejjed informazzjoni minn BES dwar it-tip u r-riskji tal-azzjonijiet preferenzjali li kienet akkwistat. Din il-qorti għalhekk iddikjarat il-kuntratt bħala annullat u ordnat lil Novo Banco ta’ Spanja sabiex tirrimborsa lir-rikorrenti l-prezz sħiħ tax-xiri.

22.      Fil-proċedura tal-appell, Novo Banco ta’ Spanja ssottomettiet żewġ deċiżjonijiet mill-Banco de Portugal tad‑29 ta’ Diċembru 2015 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ Diċembru 2015”), li skontha l-obbligi li ġejjin ma ġewx ittrasferiti lil Novo Banco:

“Kull obbligu, garanzija, responsabbiltà jew kontinġenza waqt il-kummerċjalizzazzjoni, l-intermedjazzjoni finanzjarja, il-proċedura ta’ sottoskrizzjoni u d-distribuzzjoni ta’ strumenti finanzjarji maħruġa minn kwalunkwe entità […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

23.      Id-deċiżjonijiet jiddikjaraw ukoll li l-obbligi finanzjarji ta’ BES mhux ittrasferiti lil Novo Banco jinkludu, b’mod partikolari “il-kumpens kollu relatat man-nuqqas ta’ osservanza ta’ kuntratti […] iffirmati u konklużi qabel it‑3 ta’ Awwissu 2014” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u “l-kumpens u l-krediti kollha li jirriżultaw mill-annullament ta’ tranżazzjonijiet li BES wettqet bħala fornitur ta’ servizzi finanzjarji jew ta’ investiment” [traduzzjoni mhux uffiċjali], kif ukoll “kwalunkwe responsabbiltà li hija s-suġġett ta’ waħda mill-proċeduri deskritti fl-Anness I” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-Anness I jelenka serje ta’ proċeduri legali f’diversi Stati, inkluża dik mibdija mir-rikorrenti fi Spanja. Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni ta’ Diċembru 2015 tiddetermina:

“Sa fejn l-assi, l-obbligi jew komponenti li ma jappartjenux lill-assi […] li kellhom jibqgħu fl-assi ta’ BES ġew de facto ttrasferiti lil Novo Banco, b’din id-deċiżjoni dawn l-assi, l-obbligi jew il-komponenti li ma jappartjenux lill-assi huma, b’effett mit‑3 ta’ Awwissu 2014 […] ittrasferiti mill-ġdid minn Novo Banco għal BES” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

24.      Madankollu, l-appell minn Novo Banco ta’ Spanja bbażat fuq in-nuqqas ta’ leġittimazzjoni passiva tagħha ġie miċħud mill-qorti tal-appell, li kkonfermat id-deċiżjoni tal-ewwel istanza fl-intier tagħha. Novo Banco ta’ Spanja ppreżentat rimedju legali straordinarju kontra din is-sentenza għal ksur proċedurali kif ukoll appell ta’ kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

IV.    Id-deċiżjoni tar-rinviju u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

25.      Bid-deċiżjoni tal‑25 ta’ Ġunju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Lulju 2019, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domanda li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“Interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva [2001/24] li tippreżumi r-rikonoxximent ta’ effetti, fil-proċeduri ġudizzjarji pendenti fi Stati Membri oħra, mingħajr formalitajiet oħra, ta’ deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva kompetenti tal-Istat ta’ oriġini intiża li temenda, b’effett retroattiv, il-kuntest ġuridiku eżistenti meta tressqu l-proċeduri u li timplika li s-sentenzi ġudizzjarji li jmorru kontra dak previst f’din id-deċiżjoni l-ġdida jsiru ineffettivi, hija kompatibbli mad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni, mal-prinċipju tal-Istat tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali?”

26.      Il-Banco de Portugal u l-Fondo de Resolución, Novo Banco, ir-Repubblika tal-Portugall, ir-Repubblika tal-Italja, ir-Renju ta’ Spanja, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew kollha ssottomettew kummenti bil-miktub dwar din id-domanda. Bl-eċċezzjoni tar-Repubblika tal-Italja, dawn il-partijiet kienu wkoll irrappreżentati fis-seduta tat‑30 ta’ Settembru 2020.

V.      L-analiżi ġuridika

A.      Osservazzjonijiet preliminari

27.      Skont il-Banco de Portugal, Novo Banco u l-Gvern Portugiż, ir-responsabbiltà invokata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali qatt ma ġiet ittrasferita lil Novo Banco. Ir-raġuni għal dan hija li l-obbligi ta’ BES, “li jirriżultaw minn frodi jew il-ksur ta’ dispożizzjonijiet jew deċiżjonijiet regolatorji, kriminali jew amministrattivi”, ma ġewx ittrasferiti lil Novo Banco skont l-Anness 2 tad-deċiżjoni ta’ Awwissu 2014. Konsegwentement, permezz tad-deċiżjoni ta’ Diċembru 2015 u tal-effetti tagħha fuq it-tilwima pendenti ma tqumx il-kwistjoni ta’ trasferiment fid-direzzjoni opposta lil BES.

28.      Huwa biżżejjed li wieħed jinnota li l-kwistjoni dwar jekk ir-responsabbiltà invokata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix obbligazzjoni finanzjarja “li [tirriżulta] minn frodi jew il-ksur ta’ dispożizzjonijiet jew deċiżjonijiet regolatorji, kriminali jew amministrattivi” teħtieġ valutazzjoni legali li skont it-tqassim tal-kompiti bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċeduri għal deċiżjoni preliminari, hija taħt ir-responsabbiltà tal-qorti nazzjonali biss. Skont ġurisprudenza stabbilita, hija tiddefinixxi l-kuntest leġiżlattiv u fattwali taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu (6).

29.      Għaldaqstant, skont l-osservazzjonijiet tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), meta tingħata risposta għad-domanda preliminari magħmula, għandu jiġi preżunt, li r-responsabbiltà għal parir ta’ investiment ħażin lir-rikorrenti kienet inizjalment ittrasferita lil Novo Banco permezz tad-deċiżjoni tal-Banco de Portugal ta’ Awwissu 2014. Kien biss permezz ta’ deċiżjoni oħra mill-Banco de Portugal ta’ Diċembru 2015, u għaldaqstant wara l-preżentata tar-rikors fi Frar 2015 u wara li ngħatat is-sentenza tal-ewwel istanza f’Ottubru 2015, li din ġiet ittrasferita lura lil BES ta’ Spanja, b’effett retroattiv mit‑3 ta’ Awwissu 2014.

30.      It-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) huwa ffaċċjat bi problemi ta’ protezzjoni ġudizzjarja u ċertezza legali minħabba l-obbligu li tiġi rrikonoxxuta din is-sitwazzjoni legali sostantiva essenzjalment prevista fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/24. Skont l-osservazzjonijiet tagħha, taħt dawn iċ-ċirkustanzi hija jkollha tħassar is-sentenzi tal-qrati inferjuri u tiċħad ir-rikors fl-appell, anki jekk dawn is-sentenzi, għall-inqas fuq il-bażi tas-sitwazzjoni legali fis-seħħ dak iż-żmien, ma kinux ivvizzjati minn żbalji ta’ liġi.

31.      Id-domanda preliminari tagħha mingħajr dubju tippreżupponi li l-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/24 huwa ġeneralment applikat f’dan il-każ, li skontu miżuri ta’ riorganizzazzjoni skont id-dispożizzjonijiet legali applikabbli fl-Istat Membru ta’ oriġini “ġewwa l-[Unjoni] kollha mingħajr kull formalità oħra, inkluż […] ukoll fejn […] ir-regoli ta’ l-Istat Membru ospitanti applikabbli għalihom ma jipprovdux għal dawk il-miżuri jew jagħmlu l-implimentazzjoni tagħhom soġġetta għall-kondizzjonijiet li ma jintlaħqux.” Fi kliem ieħor, il-problema deskritta ma tinqalax, li għaliha jinnotaw kważi dawk kollha involuti fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li kieku l-qorti tar-rinviju ma kellhiex tirrikonoxxi t-trasferiment tar-responsabbiltà lura lil BES fil-każ speċifiku.

32.      Fil-fehma tal-Gvern Spanjol u Taljan, kif ukoll tal-Kummissjoni, tal-Kunsill u tal-Parlament, din il-konklużjoni tista’ tintlaħaq billi jiġi applikat l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2001/24 fil-kawża prinċipali. Skont din id-dispożizzjoni, “[l]-effetti ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni jew proċeduri ta’ stralċ fuq kawża pendenti dwar beni jew dritt li minnhom l-impriża ta’ l-assigurazzjoni tkun ġiet svestita […] biss bil-liġi ta’ l-Istat Membru fejn il-kawza hija pendenti.”

33.      Konsegwentement, l-ewwel ħaġa li għandha tiġi eżaminata hija jekk l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2001/24 huwiex applikabbli f’din it-tilwima u jekk l-applikazzjoni tiegħu verament twassalx sabiex id-deċiżjoni tal-Banco de Portugal ta’ Diċembru 2015 fil-kawża prinċipali ma tipproduċix effetti (dwar dan ara t-Taqsima B). Jekk dan irid jitwieġeb fin-negattiv, għandu mbagħad jiġi ċċarat jekk il-qorti tar-rinviju tistax tagħmel ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni dipendenti fuq il-fatt li din id-deċiżjoni tikkonforma mal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (dwar dan ara t-Taqsima C). Fl-aħħar nett, għad irid jiġi eżaminat jekk ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni nnifsu jwassalx għal ksur ta’ dawn il-prinċipji fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża prinċipali (dwar dan ara t-Taqsima D).

B.      Applikabbiltà u konsegwenzi legali possibbli tal-Artikolu 32 tad-Direttiva 2001/24 fil-kawża prinċipali

34.      Huwa minnu li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 32 tad-Direttiva 2001/24 huma ssodisfatti. Madankollu, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma twassalx għall-konklużjoni li t-trasferiment tar-responsabbiltà lura lil BES ma għandu ebda effetti fil-kawża prinċipali. Din hija possibbilment ir-raġuni għaliex it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) ma inkludietx espressament din id-dispożizzjoni fid-domanda preliminari tagħha.

1.      Applikabbiltà tal-Artikolu 32 tad-Direttiva 2001/24 fil-kawża prinċipali

35.      Il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni individwali tal-Artikolu 32 tad-Direttiva 2001/24 huma ssodisfatti f’dan il-każ.

36.      Għaldaqstant, l-ewwel nett, it-trasferiment tar-responsabbiltà lura lil BES huwa “miżura ta’ riorganizzazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/24, peress li huwa maħsub sabiex jirrestawra jew jiżgura s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ BES sa fejn il-funzjonament xieraq tal-istituzzjoni tranżitorja għandha tkun iggarantita.

37.      Istituzzjoni tranżitorja ma għandhiex tbati t-telf u d-danni tal-bank f’diffikultà, iżda fuq kollox tiggarantixxi l-protezzjoni tad-depożitanti (7). Il-fatt li t-trasferiment fid-direzzjoni opposta tar-responsabbiltà kunċettwalment jikkostitwixxi miżura ta’ riorganizzazzjoni huwa kkonfermat mill-Artikolu 40 tal-BRRD, li fil-paragrafu 1(b) u l-paragrafu 7 tiegħu espressament jipprevedi li t-trasferiment ta’ “l-assi, id-drittijiet jew l-obbligazzjonijiet” kollha u t-trasferiment fid-direzzjoni opposta tagħhom tista’ tkun parti mill-miżura ta’ riżoluzzjoni “l-istabbiliment ta’ istituzzjoni tranżitorja”. L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/24 min-naħa tiegħu jistipula li l-miżuri kollha ta’ riżoluzzjoni fis-sens tal-BRRD għandhom jitqiesu bħala miżuri ta’ riorganizzazzjoni fis-sens tad-Direttiva 2001/24.

38.      It-tieni, il-miżura tirrigwarda “dritt jew beni soġġetti għall-amministrazzjoni”. Dawn il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni, li fi kwalunkwe każ, huma konċepibbilment fformulati f’sens wiesa’ (8) f’ħafna verżjonijiet lingwistiċi tad-direttiva, fl-aħħar mill-aħħar għandhom ikopru s-suġġetti kollha possibbli ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni li potenzjalment jistgħu jkunu involuti f’tilwima legali. B’mod partikolari, dawn għandhom jinkludu wkoll pretensjonijiet (pre)kuntrattwali jew ta’ delitt minn istituzzjonijiet ta’ kreditu taħt riżoluzzjoni jew kontrih, peress li dawn jistgħu jkunu s-suġġett ta’ trasferiment lil istituzzjonijiet oħra (9). Madankollu, hekk kif il-proprjetarju ta’ dritt, pretensjoni, obbligazzjoni jew kwalunkwe beni oħra jinbidel waqt tilwima legali pendenti, ikun hemm il-ħtieġa għar-regoli tal-Artikolu 32 tad-Direttiva 2001/24 (10).

39.      It-tielet, il-proċeduri prinċipali għandhom jitqiesu bħala “tilwima pendenti” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li dan it-terminu jkopri l-kawżi prinċipali kollha li kienu diġà pendenti fiż-żmien tal-miżura inkwistjoni (11). F’dan ir-rigward, għandha tittieħed bħala bażi l-espożizzjoni tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) biss, li skontha s-sitwazzjoni legali nbidlet retrospettivament bid-deċiżjoni tal-Banco de Portugal f’Diċembru 2015, jiġifieri fi żmien meta l-kawża prinċipali kienet bla dubju diġà pendenti. Il-fatt li kienet diġà ngħatat sentenza tal-qorti inferjuri, ma jeskludix il-pendenza sakemm il-proċeduri ma jkunux ġew konklużi b’awtorità ta’ res judicata.

40.      Issa, madankollu, l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2001/24 ma jipprovdix sempliċement li, jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni jiġu ssodisfatti, b’mod partikolari hekk kif tilwima legali tkun pendenti fi Stat Membru, miżura ta’ riorganizzazzjoni barranija fiha nnifisha ma tipproduċix kwalunkwe effett f’dan l-Istat Membru jew ma għandhiex tiġi rrikonoxxuta. Pjuttost, din id-dispożizzjoni tistipula li l-effetti tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni fuq it-tilwima pendenti huma bbażati esklużivament fuq id-dritt tal-Istat Membru li fih hija pendenti.

41.      Dan iwassal għall-konklużjoni fil-kawża prinċipali taħt żewġ kundizzjonijiet addizzjonali biss li t-trasferiment tal-obbligi lura lil BES ikun irrelevanti: l-ewwel, ir-riferiment għad-dritt Spanjol fl-Artikolu 32 tad-Direttiva 2001/24 għandu jinftiehem b’tali mod li l-kwistjoni dwar jekk fuq kollox miżura tipproduċix effetti f’dan ir-rigward, jiġifieri l-evalwazzjoni tal-validità tagħha għall-finijiet tat-tilwima, skont id-dritt tal-Istat Membru ospitanti. It-tieni, it-trasferiment fid-direzzjoni opposta jkollu jkun invalidu taħt id-dritt Spanjol (12).

42.      Madankollu, jiena tal-fehma li r-riferiment fl-Artikolu 32 tad-Direttiva 2001/24 għad-dritt tal-Istat Membru ospitanti huwa esklużivament limitat (13) għall-effetti proċedurali ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni fuq tilwima legali pendenti u għalhekk ma tistax taffettwa l-effetti materjali tat-trasferiment fid-direzzjoni opposta.

2.      Dwar il-portata tar-riferiment għad-“dritt tal-Istat Membru li fih hija pendenti t-tilwima” fl-Artikolu 32 tad-Direttiva 2001/24

43.      Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, wieħed jista’ jaħseb li jfisser li l-“effetti fuq it-tilwima” ikopru l-eżitu materjali tagħha. Madankollu, il-kuntest regolatorju u l-għanijiet tal-Artikolu 32 tad-Direttiva 2001/24 b’mod partikolari juru li din id-dispożizzjoni ma għandhiex tinftiehem b’dan il-mod.

44.      L-ewwel, kuntrarjament għal dak li jemmnu xi wħud mill-partijiet fil-kawża, l-idea wara din id-dispożizzjoni ma hijiex li l-eżitu ta’ tilwima pendenti ma għandux ikun influwenzat minn avvenimenti sussegwenti għal raġunijiet ta’ ċertezza legali. Minn naħa, ma jistax jiġi preżunt li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-fatti li nqalgħu ġeneralment iwassal għal ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2001/24 imbagħad sempliċement ikollu jipprovdi li miżura ta’ riorganizzazzjoni barranija ma jkollha l-ebda effett fuq tilwima pendenti, jiġifieri li din tibqa’ mhux affettwata. Dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Pjuttost, din id-dispożizzjoni tirregola li l-effetti fuq it-tilwima huma bbażati fuq id-dritt tal-Istat Membru ospitanti. Madankollu, il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni inkwistjoni tista’ wkoll tkun legali skont id-dritt ta’ dak l-Istat Membru ospitanti. F’tali każ, l-eżitu tat-tilwima diġà pendenti jista’ jinbidel minħabba avveniment iktar tard minkejja l-applikazzjoni tal-Artikolu 32.

45.      Fi kliem ieħor, anki jekk jiġi interpretat b’mod wiesa’, l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2001/24 ma jwassalx awtomatikament għal “preferenza” fost il-kredituri fir-rigward ta’ dawk li diġà bdew tilwima legali. Barra minn hekk, id-Direttiva 2001/24 ma tipprovdi l-ebda bażi għall-preżunzjoni li tali kredituri għandhom ikunu ppreferuti.

46.      It-tieni, ma huwiex ċar għaliex il-proċeduri legali pendenti għandhom preċiżament jiġġustifikaw l-evalwazzjoni tal-effetti kollha ta’ miżura ta’ riorganizzazzjoni skont id-dritt tal-Istat Membru ospitanti. Fehim bħal dan tal-Artikolu 32 ikun jikkostitwixxi ksur partikolarment estensiv tal-prinċipju sottostanti tad-Direttiva 2001/24, peress li l-effetti kollha ta’ miżura ta’ riorganizzazzjoni jew stralċ huma bbażati fuq il-lex concursus u għalhekk ma jikkorrispondux mal-istruttura tad-direttiva (14).

47.      Għall-fini ta’ paragun, isir riferiment għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 20 sa 27 tad-Direttiva 2001/24. Dawn id-dispożizzjonijiet fihom ukoll derogi mill-prinċipju ta’ applikazzjoni tal-lex concursus. Madankollu, huma jiddeterminaw b’mod ċar liema pożizzjonijiet legali materjali ma humiex affettwati mill-miżuri ta’ riorganizzazzjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprovdux li l-effetti materjali kollha ta’ miżura ta’ riorganizzazzjoni għandha tiġi evalwata abbażi tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti, hekk kif din il-miżura taffettwa waħda mill-istituzzjonijiet legali msemmija hemmhekk.

48.      Għaldaqstant, l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2001/24 għandu jinftiehem fis-sens li l-effetti proċedurali biss jiddependu fuq id-dritt tal-Istat Membru ospitanti u mhux fuq il-validità tal-miżura għall-finijiet tal-proċedura bħala tali. Dan japplika b’mod partikolari fl-isfond li d-Direttiva 2001/24 u b’mod partikolari l-Artikolu 32 tagħha huma maħsuba, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jipprevjenu li titnaqqas id-disponibbiltà tal-beni li jkunu s-suġġett tar-riorganizzazzjoni (15). Għalhekk, il-fehim propost hawnhekk jikkorrispondi wkoll għall-interpretazzjoni restrittiva ta’ din id-dispożizzjoni bħala dispożizzjoni ta’ deroga (16).

49.      It-tielet, ħafna drabi jkun prattikament impossibbli li jiġu ddeterminati l-effetti kollha ta’ miżura ta’ riorganizzazzjoni jew ta’ stralċ bis-sħiħ abbażi tad-dritt tal-Istat Membru ospitanti. Dan għaliex id-Direttiva 2001/24 ma tarmonizzax id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar miżuri ta’ riorganizzazzjoni u ta’ stralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (17); miżura ta’ riorganizzazzjoni adottata fi Stat Membru wieħed tista’ għalhekk ma jkollha l-ebda ekwivalenti fid-dritt ta’ Stat Membru ieħor u għalhekk qatt ma tista’ tissodisfa r-rekwiżiti ta’ dak id-dritt. Għaldaqstant, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/24 espressament jistipula li miżura ta’ riorganizzazzjoni barranija trid tkun irrikonoxxuta wkoll “fejn ir-regoli ta’ l-Istat Membru ospitanti applikabbli għalihom ma jipprovdux għal dawk il-miżuri jew jagħmlu l-implimentazzjoni tagħhom soġġetta għall-kondizzjonijiet li ma jintlaħqux.”

50.      Għal din ir-raġuni, l-Artikoli 20 sa 27 tad-Direttiva 2001/24 jirrestrinġu ċerti pożizzjonijiet legali materjali li huma ddeterminati skont id-dritt tal-Istat Membru ospitanti, u l-Artikolu 32 l-effetti proċedurali fuq it-tilwima pendenti.

51.      Fir-rigward ta’ dawn l-effetti, madankollu, il-ksur tal-prinċipju ta’ lex concursus huwa meħtieġ f’każ ta’ tilwima diġà pendenti. Minħabba li d-dritt tal-Istat Membru ospitanti biss jista’ tiddetermina jekk il-miżura, pereżempju, tagħmilx neċessarju bidla tat-talba, dikjarazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni jew bidla ta’ parti fil-kawża. Qabel ma jinbdew proċeduri legali, madankollu, l-effetti proċedurali ta’ miżura ta’ riorganizzazzjoni u ta’ stralċ jistgħu wkoll ikunu rregolati mid-dritt tal-Istat ta’ oriġini. Pereżempju, id-dritt tal-Istat ta’ oriġini jista’ jiddetermina li istituzzjoni ta’ kreditu titlef il-kapaċità legali tagħha billi tiftaħ proċeduri ta’ stralċ u għalhekk għandha tkun irrappreżentata quddiem il-qorti minn prattikant fl-istralċ.

52.      Konsegwentement, fir-rigward ta’ dawn il-proċeduri, mill-Artikolu 32 tad-Direttiva 2001/24 jirriżulta biss li t-trasferiment tar-responsabbiltà lura lil BES skont id-dritt Portugiż għall-proċeduri mibdija fi Spanja għandu l-effetti proċedurali previsti mid-dritt Spanjol (18). Speċifikament, skont l-espożizzjoni tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), dan jikkostitwixxi l-eliminazzjoni tal-leġittimazzjoni passiva ta’ Novo Banco mingħajr il-possibbiltà ta’ bidla fil-konvenut, li mill-banda l-oħra jwassal għaċ-ċaħda tar-rikors kontra Novo Banco (19).

53.      Huwa minnu li din il-konsegwenza hija meqjusa bħala mhux sodisfaċenti mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tar-rinviju. Fid-dawl tal-importanza kbira tal-prinċipju ta’ applikazzjoni tal-lex concursus għall-effettività universali tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni, li jikkostitwixxi (20) l-għan tad-Direttiva 2001/24, ikun madankollu inammissibbli li wieħed jasal għall-konklużjoni li l-miżura tiċħad immedjatament l-effetti kollha fil-proċeduri pendenti. Fl-opinjoni tiegħi, dan jikkostitwixxi miżuri drastiċi wisq. Is-soluzzjoni għal din il-problema għandha pjuttost tinstab fid-dritt proċedurali Spanjol, li għandu jiġi applikat fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni (21).

54.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-effettività materjali tat-trasferiment tar-responsabbiltà lura lil BES fil-kawża prinċipali ma għandhiex tiġi evalwata skont il-kriterji tad-dritt Spanjol. Il-konsegwenzi proċedurali ta’ din il-miżura għall-proċeduri pendenti biss huma ddeterminati mid-dritt ta’ dan l-Istat Membru. Il-qorti tar-rinviju għalhekk ma tistax tirrifjuta li tirrikonoxxi dik is-sitwazzjoni legali sostantiva fuq il-bażi li tmur kontra d-dritt Spanjol.

C.      Deroga mill-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku?

55.      Skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/24, il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni adottati skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ oriġini huma kompletament effettivi fl-Unjoni kollha mingħajr ebda formalità oħra. Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku espress f’din id-dispożizzjoni huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka (22). Skont dan, il-legalità ta’ miżura adottata skont ir-regoli tal-Istat Membru ta’ oriġini ma hijiex eżaminata mill-awtoritajiet u l-qrati tal-Istat Membru ospitanti (23).

56.      Min-naħa tiegħu, il-fiduċja reċiproka hija bbażata fuq il-preżunzjoni li hemm garanziji komparabbli fl-Istati Membri kollha, b’mod partikolari fir-rigward tal-valuri kostituzzjonali u demokratiċi fundamentali u d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni (24). Din il-preżunzjoni biss tiġġustifika li ma tiġix eżaminata iktar il-kompatibbiltà ta’ miżura li għandha tiġi applikata permezz ta’ rikonoxximent reċiproku mad-dritt superjuri tal-Istat Membru ospitanti (25).

57.      Barra minn hekk, ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ta’ Diċembru 2015 fil-każ preżenti ma jiddependix fuq il-konformità ma’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni.

58.      Dan peress li l-ewwel, it-trasferiment tar-responsabbiltà lura lil BES ma jistax jitkejjel mal-kriterji tal-BRRD (dwar dan ara t-Taqsima 1). It-tieni, għal din ir-raġuni l-adozzjoni ta’ din il-miżura ta’ riorganizzazzjoni ma tikkostitwixxi ebda implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u għalhekk il-prinċipji legali ġenerali u d-drittijiet fundamentali tad-dritt tal-Unjoni ma humiex applikabbli (dwar dan ara t-Taqsima 2). It-tielet, ma hemm l-ebda wieħed mill-gruppi ta’ każijiet żviluppati fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja li fihom miżura nazzjonali suġġetta għall-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għandha tiġi eċċezzjonalment eżaminata għall-konformità mal-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni (dwar dan ara t-Taqsima 3).

1.      Applikabbiltà ratione temporis tal-BRRD

59.      L-applikabbiltà ratione temporis tar-rekwiżiti tal-BRRD ma tgħoddx għat-trasferiment tar-responsabbiltà lura lil BES bid-deċiżjoni tal-Banco de Portugal ta’ Diċembru 2015.

60.      Ta’ min jinnota: il-BRRD daħlet fis-seħħ fit‑2 ta’ Lulju 2014 (26). F’Awwissu 2014, il-Banco de Portugal stabbilixxa Novo Banco sabiex iqiegħed lil BES taħt riżoluzzjoni u, inter alia, ittrasferilu l-obbligi invokati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali. It-terminu tat-traspożizzjoni tal-BRRD skada fil‑31 ta’ Diċembru 2014 (27). F’Diċembru 2015, il-Banco de Portugal iddeċieda li jittrasferixxi l-obbligazzjoni inkwistjoni lura lil BES b’effett retroattiv mit‑3 ta’ Awwissu 2014.

61.      Madankollu, it-trasferiment tal-obbligi lura lil BES f’Diċembru 2015 għandu jitqies biss bħala parti dipendenti tal-miżura ta’ riorganizzazzjoni “Stabbiliment tal-istituzzjoni tranżitorja Novo Banco”, li kienet diġà ġiet deċiża f’Awwissu 2014 u għalhekk qabel l-iskadenza terminu tat-traspożizzjoni tal-BRRD. Din il-fehma ġenerali hija sostnuta mill-fatt li jkun artifiċjali li jiġu evalwati l-miżuri ta’ riorganizzazzjoni individwali iżolati minn xulxin biss minħabba d-diverġenza temporali tagħhom, għalkemm fil-verità huma sostantivament relatati u jservu l-istess skop, jiġifieri l-istabbiliment ta’ Novo Banco u l-allokazzjoni ta’ beni ta’ valur jew bla valur.

62.      Din l-idea hija murija bid-dispożizzjoni fl-Artikolu 40(7) tal-BRRD. Din tagħmel l-ammissibbiltà tat-trasferiment ta’ obbligi lura lill-“bad bank”, miżura li ġiet adottat f’dan il-każ wara li skada l-obbligu ta’ implimentazzjoni, dipendenti fuq il-fatt li din il-possibbiltà kienet diġà prevista fid-dokument dwar l-istabbiliment tal-istituzzjoni tranżitorja, li kien qabel l-iskadenza tat-terminu tat-traspożizzjoni. L-istabbiliment tal-istituzzjoni tranżitorja huwa għalhekk marbut b’mod inseparabbli mat-trasferiment u t-trasferiment fid-direzzjoni opposta tal-obbligi. Mill-banda l-oħra, jekk wieħed ried jeżamina t-trasferiment fid-direzzjoni opposta bbażat fuq l-Artikolu 40(7) tal-BRRD, ir-riżultat ikun ukoll li jiġu dderivati rekwiżiti speċifiċi għad-deċiżjoni ta’ Awwissu 2014 mill-BRRD, għalkemm ma huwiex ikkontestat li f’dan il-mument it-terminu tat-traspożizzjoni kien għadu ma skadiex (28). Għalhekk kunsiderazzjoni separata tal-miżuri individwali ma hijiex possibbli. Din il-kunsiderazzjoni tapplika irrispettivament mill-fatt li r-rekwiżiti tal-Artikolu 40(7) BRRD fil-fatt ġew imħarsa.

63.      Jekk wieħed irid jikkunsidra l-miżuri individwalment, ir-responsabbiltà amministrattiva għall-miżuri meħuda iktar tard b’rabta mat-tqegħid taħt riżoluzzjoni ta’ BES ikollha saħansitra tinqasam. Bid-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 806/2014 (29), ir-responsabbiltà għall-miżuri ta’ riżoluzzjoni relatati mal-banek tad-daqs u tar-rilevanza ta’ BES ġiet ittrasferita lill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (30).

64.      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-applikazzjoni tas-sitwazzjoni legali l-qadima tista’ tkun iġġustifikata f’sitwazzjonijiet li kienu ġġustifikati taħt il-validità tagħha u li jibqgħu jeżistu wara li s-sitwazzjoni legali l-ġdida tkun daħlet fis-seħħ, jekk ir-regoli l-ġodda jiffurmaw ħaġa waħda inseparabbli u, daqslikieku, wasslu għal bidla fis-sistema (31). Hekk huwa fil-każ tal-BRRD.

65.      Għalhekk huwa xieraq biss li tiġi evalwata l-legalità tal-miżuri meħuda mill-Banco de Portugal b’rabta mal-istralċ ta’ BES bħala pakkett uniformi ta’ miżuri fuq il-bażi tas-sitwazzjoni legali fis-seħħ f’Awwissu 2014, jiġifieri f’mument li fih it-terminu tat-traspożizzjoni tal-BRRD kien għadu ma skadiex.

66.      Il-miżuri ta’ riorganizzazzjoni eżistenti ma jagħtu l-ebda raġuni għal effett preliminari possibbli tal-BRRD. Huwa minnu li matul it-terminu għat-traspożizzjoni ta’ direttiva l-Istati Membri ma għandhomx jadottaw dispożizzjonijiet li jikkompromettu serjament ir-realizzazzjoni tar-riżultat previst fiha (32). Madankollu, ma huwiex evidenti li t-trasferiment tar-responsabbiltà lura lil BES jikser l-għanijiet tal-BRRD, b’mod partikolari l-Artikolu 40.

67.      Għall-kuntrarju, istituzzjoni tranżitorja għandha tkompli biss bl-oqsma tan-negozju b’saħħithom ta’ bank f’diffikultà. Istituzzjoni bħal din ma għandhiex, madankollu, tassumi responsabbiltà għal imġiba ta’ riskju għoli u possibbilment dannuża minn dan il-bank. Pjuttost, dan l-istrument għandu l-għan, skont l-għanijiet ġenerali tar-riżoluzzjoni tal-banek (33), b’mod partikolari li jipproteġi d-depożitanti u jtaffi l-konsegwenzi sistematiċi possibbli. Kif diġà ġie rrilevat, il-portafoll tal-azzjonijiet tar-rikorrenti ma huwiex depożitu protett (34).

68.      L-istabbiliment ta’ Novo Banco u l-kapitalizzazzjoni tiegħu fl-ammont ta’ EUR 4.9 biljuni sar b’fondi tal-istat (35). Kieku Novo Banco kellu jkun responsabbli għall-prattiċi tan-negozju ta’ BES, li l-qrati Spanjoli kklassifikaw bħala illegali, li kienu jikkonsistu fil-bejgħ ta’ azzjonijiet tal-Kaupthing Bank Islandiż f’diffikultà lil investituri mingħajr esperjenza ftit qabel l-istralċ tagħhom, fl-aħħar mill-aħħar, il-kontribwent ikollu “jagħmel tajjeb” għall-iżbalji magħmula mill-banek. Madankollu, huwa l-għan iddikjarat tar-riformi kollha fil-qasam tar-regolamentazzjoni bankarja li twettqu mill-kriżi finanzjarja fl‑2008 li jitwaqqaf l-hekk imsejjaħ moral hazard fis-settur finanzjarju u li jinżammu l-ispejjeż tar-rikapitalizzazzjoni ta’ banek baxxi kemm jista’ jkun għall-pubbliku ġenerali (36).

69.      Mal-ewwel daqqa ta’ għajn jista’ jidher mhux sodisfaċenti li r-rikorrenti, li, skont il-konstatazzjonijiet tal-qrati Spanjoli, ma setgħetx tinjora l-implikazzjonijiet tal-investiment tagħha, fl-aħħar mill-aħħar qiegħda titlef il-flus tagħha. Madankollu, dan huwa dovut għall-fatt li fil-każ tar-rikorrenti, immaterjalizzaw żewġ riskji ġenerali: l-ewwel, Kaupthing Bank falla u ġie stralċjat. Li kieku r-rikorrenti kellha azzjonijiet sodi fil-portafoll tagħha f’BES, hija x’aktarx ma kinitx tippreżenta rikors għal parir ta’ investiment ħażin mill-bidu. It-tieni, BES ukoll falla, u dan ifisser li r-rikorrenti ma għad għandha ebda prospetti li tieħu flusha lura mingħand din l-istituzzjoni, minkejja t-talba eżistenti għal parir ta’ investiment żbaljat. Madankollu, minn dan ma jirriżultax li dawn iż-żewġ riskji għandhom jiġu mgħoddija lill-istat jew lill-pubbliku ġenerali. Pjuttost, għandhom jiġu kkunsidrati r-responsabbiltà personali tal-konsulent dwar l-investiment jew il-konsegwenzi kriminali.

70.      Għal dawn ir-raġunijiet, it-trasferiment ikkontestat tar-responsabbiltà lura lil BES huwa konformi mal-għanijiet tal-BRRD. Il-BRRD għalhekk ma hijiex applikabbli għal din il-miżura minħabba effett preliminari possibbli.

2.      Applikabbiltà tal-prinċipji legali ġenerali u d-drittijiet fundamentali tad-dritt tal-Unjoni?

71.      Kieku wieħed ried jeżamina t-trasferiment tar-responsabbiltà lura lil BES mal-kriterji tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni ta’ ċertezza legali u protezzjoni ġudizzjarja effettiva, ikollu jitqies bħala “implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni” fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. F’dan il-każ, mhux biss jiġi applikat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jiġifieri l-Artikolu 47 tagħha, iżda wkoll dak tal-prinċipji legali ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (37). Dan tal-aħħar jinkludi b’mod partikolari l-prinċipju ta’ ċertezza legali (38).

72.      Madankollu, it-trasferiment tar-responsabbiltà lura lil BES bid-deċiżjoni ta’ Diċembru 2015, b’differenza mir-rikonoxximent ta’ din id-deċiżjoni, ma jikkostitwixxix implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

73.      Dan peress li d-Direttiva 2001/24 ma tarmonizzax id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (39). Huwa minnu li d-Direttiva 2001/24 tinkludi obbligu fuq l-Istati Membri li jirrikonoxxu tali miżuri minn Stati Membri oħra. Ir-rikonoxximent mill-Istat Membru ospitanti, f’dan il-każ Spanja, huwa, madankollu, miżura li trid tkun distinta mill-adozzjoni tal-miżura ta’ riorganizzazzjoni attwali tal-Istat ta’ oriġini - hawnhekk il-Portugall. Għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni u ta’ stralċ mill-awtoritajiet u l-qrati tal-Istat ta’ oriġini ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, id-Direttiva 2001/24 ma tinkludi ebda obbligi speċifiċi; pjuttost, dawn il-miżuri huma bbażati esklużivament fuq id-dritt tal-Istat ta’ oriġini (40). B’mod partikolari, id-Direttiva 2001/24 ma tirrikjedix lill-Istati Membri jadottaw jew jimplimentaw ċerti miżuri ta’ riorganizzazzjoni u ta’ stralċ (41). Huwa preċiżament għal din ir-raġuni li r-rikonoxximent reċiproku huwa meħtieġ.

74.      Issa, naturalment, bl-adozzjoni tal-BRRD, il-miżuri għar-riorganizzazzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu fl-Unjoni ġew standardizzati (42). Il-BRRD tipprovdi lill-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri b’sett uniformi ta’ strumenti għal miżuri ta’ riżoluzzjoni, li jinkludi wkoll l-istabbiliment ta’ istituzzjoni tranżitorja u t-tranżazzjonijiet assoċjati (43). Kif diġà ġie rrilevat, madankollu, id-dispożizzjonijiet tal-BRRD ma japplikawx f’termini ta’ żmien għat-trasferiment tar-responsabbiltà lura lil BES inkwistjoni fil-kawża prinċipali (44). Pjuttost, il-Banco de Portugal stabbilixxa l-istituzzjoni tranżitorja taħt id-dritt Portugiż fi żmien meta d-Direttiva 2001/24 biss kienet applikabbli, li partikolarment ma kinitx tipprevedi armonizzazzjoni tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni.

75.      Għalhekk jibqa’ li d-deċiżjoni ta’ Diċembru 2015 ma tikkostitwixxix implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

76.      Jekk wieħed ried jara l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’kull deċiżjoni nazzjonali li hija suġġetta għar-rikonoxximent reċiproku skont id-dritt tal-Unjoni, jiġifieri f’kull sentenza kriminali (45) u ċivili (46), f’kull deċiżjoni ta’ manteniment (47), kull liċenzja medika (48), eċċ., mhux biss il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jkun estremament estiż. Fuq kollox, is-sistema ta’ rikonoxximent reċiproku tiġi ridotta għal ad absurdum. Dan peress li minflok tirrikonoxxi miżura fil-fiduċja li hija kompatibbli ma’ prinċipji superjuri, tista’ tiġi eżaminata f’kull każ individwali mal-kriterji tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali ġenerali tal-Unjoni. Din il-possibbiltà hija rrikonoxxuta biss f’każijiet assoluti ta’ deroga, li l-prerekwiżiti tagħhom ma humiex issodisfatti hawnhekk.

3.      Kontroll eċċezzjonali tal-konformità mal-valuri fundamentali tad-dritt tal-Unjoni?

77.      Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, derogi mill-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku jistgħu jsiru biss jekk ikun hemm “ċirkustanzi eċċezzjonali” (49). F’dan ir-rigward, b’rabta mal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li ċirkustanza eċċezzjonali bħal din tista’ tikkostitwixxi riskju ġenwin ta’ ksur ta’ drittijiet legalment protetti ta’ importanza fundamentali kkawżat minn difetti sistematiċi. Speċifikament, hija rreferiet għall-projbizzjoni ta’ trattament (50) jew piena inumana jew degradanti stipulati fl-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u r-rekwiżit ta’ indipendenza (51) ġudizzjarja. Għaldaqstant, waqt is-seduta, il-Kunsill għamel osservazzjonijiet sussidjarji dwar il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-istat tad-dritt (52).

78.      Fil-każ preżenti, madankollu, ma jistax ikun hemm kwistjoni ta’ nuqqasijiet serji u sistematiċi fl-istat tad-dritt fil-Portugall. Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha madankollu tikkunsidra eżami tal-miżura ta’ riorganizzazzjoni mal-kriterji tad-dritt tal-Unjoni bħala neċessarju, sussidjarjament nixtieq nelabora iktar ’il quddiem ir-raġunijiet li minnhom jirriżulta li t-trasferiment tar-responsabbiltà lura lil BES la jista’ jiġi interpretat bħala ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, u lanqas tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

a)      Sussidjarjament: dwar il-prinċipju ta’ ċertezza legali, b’mod partikolari dwar il-protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi

79.      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi li leġiżlazzjoni tal-Istat hija tant ċara u ddefinita li tippermetti lill-partijiet interessati jkunu jafu b’eżattezza l-obbligi li hija timponi fuqhom u d-drittijiet li tagħtihom u li jaġixxu fid-dawl tagħhom (53). Bħala korrelattiv, il-fiduċja tal-partijiet interessati fl-eżistenza ta’ din il-leġiżlazzjoni hija fundamentalment protetta (54).

80.      Madankollu, il-fiduċja fl-eżistenza ta’ sitwazzjoni denja ta’ protezzjoni hija eskluża, jekk operatur ekonomiku kawt u prudenti jkun kapaċi jbassar bidla fis-sitwazzjoni legali. B’mod partikolari, skont il-ġurisprudenza, operatur ekonomiku ma jistax jistrieħ fuq sitwazzjoni li għandha tinżamm jekk l-awtoritajiet nazzjonali jkollhom id-diskrezzjoni li jibdluha (55).

81.      Konsegwentement, fil-kawża prinċipali jkun jiddependi fuq jekk investitur kawt u prudenti setax ikun jaf li l-awtorità superviżorja tista’ wkoll b’mod retroattiv tittrasferixxi l-obbligi lura lill-bad bank fuq il-bażi tal-Artikolu 145 H(5) tar-RGICSF. Fir-rigward tar-rikonoxxibbiltà dan huwa sostnut mill-fatt li din il-possibbiltà ġiet espressament indikata mill-ġdid fid-deċiżjoni ta’ Awwissu 2014, li l-Gvern Portugiż enfasizza wkoll fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Hawnhekk ukoll irid ikun iggarantit li investitur kawt u prudenti jista’ jikseb għarfien ta’ din id-deċiżjoni, li fi kwalunkwe każ teħtieġ pubblikazzjoni bl-Ispanjol u fil-forma tas-soltu hemmhekk. Fis-seduta ġie rrimarkat li l-midja Spanjola rrapportat b’mod estensiv dwar id-deċiżjoni tal-Banco de Portugal.

82.      Fl-opinjoni tiegħi, is-sempliċi fatt li Novo Banco (mill-inqas parzjalment) kienet is-suċċessur ta’ BES fit-titolu (56) u kompliet timmaniġġja l-portafoll tal-azzjonijiet tar-rikorrenti ma setax, fi kwalunkwe każ, jiġġustifika kwalunkwe fiduċja li Novo Banco sejra tassumi wkoll ir-responsabbiltà għal parir dwar investiment żbaljat minn BES, li kienet teżisti qabel ma ttieħdet din ir-relazzjoni ta’ negozju. Daħla fil-kotba wara trasferiment ta’ kuntratti mhux bilfors tmur id f’id mal-akkwist ta’ obbligu ta’ responsabbiltà diġà eżistenti.

83.      Barra minn hekk, ma jikkorrispondix għat-tifsira u l-għan li tiġi stabbilita istituzzjoni tranżitorja sabiex lilha tiġi ttrasferita r-responsabbiltà għal imġiba ta’ riskju għoli u possibbilment dannużi ta’ bank f’diffikultà (57). Dawn il-kunsiderazzjonijiet jista’ jkollhom ukoll rwol fl-evalwazzjoni tal-konformità mal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fil-kawża prinċipali.

84.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ legalità jirrestrinġi l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fil-każ ta’ atti illegali (58). Huwa minnu li l-legalità tad-deċiżjoni tal-Banco de Portugal ta’ Diċembru 2015 ma għandhiex tiġi vvalutata f’dan il-punt, peress li dan ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fi kwalunkwe każ, mill-perspettiva tiegħi, il-fiduċja fl-eżistenza ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment bħal din tista’ tgawdi protezzjoni mdgħajfa ħafna biss jekk manifestament tmur kontra l-għanijiet tal-miżura ta’ riżoluzzjoni.

85.      F’dan is-sens, il-Gvern Portugiż, bi tweġiba tiegħu għall-mistoqsija bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, kien tal-fehma li l-awtorità superviżorja għandha tingħata l-opportunità li tikkoreġi deċiżjonijiet skorretti. Dan japplika iktar u iktar fid-dawl tar-restrizzjonijiet temporali li taħthom għandha tittieħed id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni (59) u l-piżijiet finanzjarji kunsiderevoli għall-pubbliku ġenerali li jirriżultaw mit-twaqqif ta’ istituzzjoni tranżitorja.

86.      Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi ġenerali, ir-rikorrenti ma setgħetx tistrieħ fuq it-trasferiment ta’ responsabbiltà għal parir dwar investiment żbaljat minn BES lil Novo Banco bħala riżultat tad-deċiżjoni ta’ Awwissu 2014. Ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali għalhekk ma huwiex evidenti.

b)      Sussidjarjament: dwar id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

87.      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri, iggarantiti fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali kif ukoll fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) (60). Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kull persuna għandha d-dritt li tippreżenta rimedju effettiv quddiem Qorti tal-Ġustizzja. Mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jirriżulta wkoll li l-aċċess għall-qrati għandu jkun iggarantit. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) ma tikkunsidrax bħala suffiċjenti possibbiltà ta’ preżentata ta’ rikors formalment jew teoretikament eżistenti, iżda prattikament eskluża, sabiex tiggarantixxi aċċess effettiv għall-qrati (61).

88.      Fil-każ preżenti, skont l-informazzjoni mogħtija mill-Gvern Portugiż, ir-rikorrenti kellha d-dritt tikkontesta d-deċiżjoni ta’ Diċembru 2015 fi żmien tliet xhur mill-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni fuq is-sit tal-Banco de Portugal fit‑13 ta’ Jannar 2016. B’kont meħud taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ individwali, hawnhekk għandu jiġi evalwat jekk dan ir-rimedju jistax jitqies bħala effettiv fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

89.      F’dan ir-rigward, għandu jitqies li l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, bħala prinċipju, ma jimpedixxix l-istabbiliment ta’ terminu ta’ dekadenza għall-preżentata ta’ appell (62). L-effettività tal-protezzjoni ġudizzjarja ma hijiex imxekkla jew eċċessivament diffiċli b’terminu ta’ dekadenza raġonevoli, sakemm dan it-terminu jibda jiddekorri f’mument li fih il-persuna kkonċernata tkun innotatha jew għallinqas kellha tieħu nota tagħha (63).

90.      Skont in-noti ta’ spjega tal-Gvern Portugiż, minbarra l-pubblikazzjoni tagħhom fit‑13 ta’ Jannar 2016, id-deċiżjoni tal-Banco de Portugal ġiet ippreżentata wkoll fis‑26 ta’ Jannar 2016 minn Novo Banco ta’ Spanja fit-tilwima legali pendenti mar-rikorrenti fi Spanja. Fil-kuntest ta’ din it-tilwima, ir-rikorrenti kienet irrappreżentata f’kull ħin minn avukat. Skont l-informazzjoni tal-Gvern Portugiż, mill-inqas sitt investituri Spanjoli ressqu rikors kontra d-deċiżjoni ta’ Diċembru 2015 fil-Portugall.

91.      Barra minn hekk, kuntrarjament għall-fehma tal-Gvern Spanjol, ma jistax jitqies bħala ġeneralment mhux raġonevoli li d-deċiżjoni tal-Banco de Portugal għandha tiġi kkontestata fil-Portugall. Jekk, f’sistema ta’ rikonoxximent reċiproku, huwa permess li deċiżjonijiet barranin jistgħu wkoll jipproduċu effetti fi Stati Membri oħra, dan inevitabbilment ifisser li l-post ta’ ġurisdizzjoni għal oġġezzjonijiet għad-deċiżjoni inkwistjoni jista’ jkun fi Stat Membru ieħor differenti minn dak li fih ir-rikorrent għandu r-residenza tiegħu (64).

92.      F’dan l-isfond, wieħed għandu jassumi li protezzjoni ġudizzjarja effettiva kontra d-deċiżjoni tal-Banco de Portugal ta’ Diċembru 2015 kienet possibbli għar-rikorrenti.

4.      Konklużjonijiet intermedjarji

93.      Għaldaqstant, ma hemm l-ebda deroga għall-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku taħt l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/24. Ir-rikorrenti jkollha tqajjem kwalunkwe oġġezzjoni għad-deċiżjoni tal-Banco de Portugal quddiem il-qrati Portugiżi.

D.      Dwar l-effetti tar-rikonoxximent tal-miżura ta’ riorganizzazzjoni fil-kawża prinċipali fir-rigward tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva

94.      Fl-isfond tar-riżultat li għadu kif ġie ppreżentat, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tqajjem il-kwistjoni dwar jekk l-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/24 għar-rikonoxximent mingħajr kundizzjonijiet tas-sitwazzjoni legali sostantiva kif tirriżulta mid-deċiżjonijiet tal-Banco de Portugal ta’ Diċembru 2015, min-naħa tiegħu, jikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

95.      Skont l-espożizzjoni ta’ din il-qorti tar-rinviju, il-bidla li tirriżulta fis-sitwazzjoni legali sostantiva fil-proċeduri pendenti għandha l-konsegwenza proċedurali fid-dritt Spanjol li r-rikors ikollu jiġi miċħud u r-rikorrenti jkollha tħallas l-ispejjeż. It-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tqis li huwa partikolarment problematiku f’dan il-kuntest li jkollha tannulla s-sentenzi tal-qrati inferjuri, għalkemm dawn, għall-inqas fuq il-bażi tas-sitwazzjoni legali applikabbli dak iż-żmien, ingħataw mingħajr żbalji ta’ liġi. Għalhekk impliċitament iqajjem dubji dwar il-validità tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali.

96.      Madankollu, dan jinjora l-fatt li l-annullament tas-sentenzi tal-qrati inferjuri u ċ-ċaħda tar-rikors fl-appell ma jirriżultax direttament mill-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/24. Pjuttost, dawn huma l-effetti proċedurali speċifiċi li d-dritt Spanjol, li, skont l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2001/24 huma biss rilevanti (65) f’dan il-kuntest, jorbot ma’ bidla (retroattiva) fis-sitwazzjoni legali sostantiva fil-proċedimenti li għaddejjin.

97.      F’dan ir-rigward, il-Gvern Spanjol ikkonferma waqt is-seduta li d-dritt Spanjol ma jipprovdix la għall-possibbiltà ta’ bidla ta’ konvenut f’dan l-istadju tal-proċedura, la għall-possibbiltà li jitkomplew il-proċeduri kontra l-konvenut oriġinali u li jestendi l-awtorità ta’ res judicata lid-debitur “ġdid” tal-obbligazzjoni (66), u lanqas istituzzjoni bħal retrait litigieux (67). Għalhekk, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) ma għandhiex għażla oħra ħlief li tannulla s-sentenza tal-ewwel istanza, li ġiet deċiża mingħajr żball ta’ liġi (dak iż-żmien), u li tiċħad ir-rikors filwaqt li tiddeċiedi li r-rikorrenti tbati l-ispejjeż fl-intier tagħhom. F’ordinamenti ġuridiċi oħra, madankollu, dan l-obbligu bl-ebda mod ma jkun obbligatorju.

98.      Għalhekk, wara eżaminazzjoni iktar mill-qrib, ma huwiex ir-rikonoxximent tas-sitwazzjoni legali sostantiva, u għalhekk l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/24, il-problema, iżda n-nuqqas ta’ għażliet ta’ reazzjoni proċedurali fid-dritt Spanjol. B’riżultat ta’ dan, tqum il-kwistjoni, li anki l-Kunsill impliċitament qajjem fil-proċedura bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jekk regola nazzjonali torbotx mar-rikonoxximent ta’ miżura ta’ riorganizzazzjoni barranija fi proċedura ġudizzjarja li għaddejja kif ipprovdut fid-Direttiva 2001/24, il-konsegwenza proċedurali li r-rikors preċedentement immotivat fil-proċeduri tal-appell jiġi miċħud filwaqt li r-rikorrenti tiġi ordnata tħallas l-ispejjeż, hija kompatibbli mal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

99.      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, dawn il-prinċipji huma deċiżivi fl-indikazzjoni tagħhom taħt id-dritt tal-Unjoni, peress li r-rikonoxximent ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni barranija, kuntrarjament għall-adozzjoni tagħha (68) timplimenta l-obbligu tal-Istati Membri skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/24 u għalhekk “implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni” fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

1.      Fuq il-prinċipju ta’ ċertezza legali

100. F’dak li għandu x’jaqsam mal-kompatibbiltà mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, ma nara l-ebda problema speċifika li tirriżulta mid-dritt proċedurali Spanjol. B’mod partikolari, ma jistax ikun hemm fiduċja denja ta’ protezzjoni fl-eżistenza tad-deċiżjoni ta’ qorti inferjuri qabel il-konklużjoni legali finali ta’ proċedura.

101. Peress li l-possibbiltà li r-responsabbiltà tiġi ttrasferita lura lil BES għandha minnha nnifisha titqies bħala kompatibbli mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, xejn iktar ma jista’ japplika għall-konsegwenzi proċedurali ta’ dan it-trasferiment fid-direzzjoni opposta (69). Ir-raġuni għal dan hija li rikorrent kawt u prudenti jista’ jkun mistenni li jkun jaf bid-dritt proċedurali rilevanti. Fi kliem ieħor, ir-rikorrenti kellha tissupponi li bidla possibbli fis-sitwazzjoni legali sostantiva twassal għal ċaħda tar-rikors tagħha filwaqt li jkollha tbati l-ispejjeż fl-intier tagħhom

2.      Fuq id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

102. Madankollu, hemm dubji serji dwar jekk dan ir-riżultat huwiex kompatibbli mad-dritt għal rimedju effettiv u aċċess għall-ġustizzja taħt l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

103. L-effettività ta’ rimedju legali fis-sens tal-Artikolu 13 KEDB u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma jistax jitqabbel mas-suċċess tagħha (70). L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma jiggarantixxix li r-rikors jintlaqa’ u li d-deċiżjoni tal-Banco de Portugal ta’ Diċembru 2015 ma tiġix irrikonoxxuta.

104. Il-problema, madankollu, hija l-obbligu tar-rikorrenti li tħallas l-ispejjeż assoċjati maċ-ċaħda tar-rikors. F’dan il-kuntest, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi li spejjeż proċedurali sproporzjonati jistgħu jaffettwaw ukoll id-dritt għal rimedju effettiv u aċċess għall-ġustizzja (71). L-ispejjeż ma għandhomx jitqiesu biss bħala sproporzjonati jekk huma sproporzjonati għall-interess ekonomiku tar-rikorrenti f’sentenza mogħtija, iżda wkoll jekk ma humiex oġġettivament iġġustifikati.

105. Għalhekk, hija regola li skontha normalment ir-rikorrent iġorr l-ispejjeż tat-tilwima fil-każ li jitlifha u ġeneralment ma hijiex oġġezzjonabbli (72). Ir-raġuni għal dan hija li l-ġustifikazzjoni oġġettiva għal dan l-obbligu tal-ħlas tal-ispejjeż tinsab fil-fatt li l-ammissibbiltà u l-fondatezza tar-rikors jaqgħu fil-qasam tar-responsabbiltà tar-rikorrenti.

106. Madankollu, jista’ jkun hemm każijiet li fihom din l-osservazzjoni ma tapplikax. Il-kawża prinċipali turi każ bħal dan. Ir-rikors ma huwiex (iktar) fondat minħabba li s-sitwazzjoni legali sostantiva sussegwentement u retrospettivament inbidlet, li hija madankollu kompletament lil hinn mill-qasam ta’ influwenza u responsabbiltà tar-rikorrenti.

107. Fil-każ preżenti, l-attur kellu jissupponi l-fatt li s-sitwazzjoni legali tista’ possibbilment tinbidel għall-iżvantaġġ tagħha u li bħala riżultat ma tintlaqax it-talba tagħha (73). Madankollu, dan ma għandux jirriżulta li l-preżentata ta’ rikors bħala tali jkun ta’ detriment għaliha, u għalhekk tista’ żżomm lura milli essenzjalment tagħmel hekk. Ir-raġuni għal dan hija li dan jaffettwa s-sustanza tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

108. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, id-dritt nazzjonali għandu jew jipprovdi għal għażla ta’ reazzjoni proċedurali f’tali każ. Pereżempju, jistgħu jiġu kkunsidrati dikjarazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, bidla tat-talba jew kwalunkwe strument ieħor li permezz tiegħu l-fatt li talba tiġi miċħuda jista’ jiġi evitat biss abbażi tal-bidla sussegwenti u retroattiva fis-sitwazzjoni legali sostantiva. Jew il-qorti tar-rinviju għandha tingħata s-setgħa li toqgħod lura milli tordna lir-rikorrenti tħallas l-ispejjeż minkejja li r-rikors jiġi miċħud.

109. Mill-banda l-oħra, ir-riskju taċ-ċaħda inevitabbli tar-rikors b’obbligu sħiħ tal-ħlas tal-ispejjeż x’aktarx jiskoraġġixxi lir-rikorrent milli jasserixxi d-drittijiet tiegħu permezz ta’ rikors ġudizzjarju u għalhekk ma huwiex kompatibbli mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

VI.    Konklużjoni

110. Fid-dawl tal-osservazzjonijiet li saru iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja):

Ir-rikonoxximent previst fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/24/KE ta’ miżura ta’ riorganizzazzjoni adottata fi Stat Membru, li b’mod retroattiv tbiddel is-sitwazzjoni legali sostantiva li hija s-suġġett ta’ tilwima pendenti fi Stat Membru ieħor, f’din it-tilwima ma għandhiex neċessarjament twassal għall-fatt li l-parti li għaliha l-imsemmija bidla tkun detrimentali, tkun suġġetta li tbati l-ispejjeż fl-intier tagħhom. Tali eżitu jagħmel il-preżentata ta’ rikors bħala riskju u x’aktarx jiskoraġġixxi lir-rikorrent milli jasserixxi d-drittijiet tiegħu permezz ta’ rikors ġudizzjarju u għalhekk huwa inkompatibbli mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.


1      Lingwa oriġinali: il‑Ġermaniż.


2      Ara l-Fact Sheet tal-Kummissjoni tal‑15 ta’ April 2014 dwar l-hekk imsejħa Bank Recovery and Resolution Directive, fil-qosor “BRRD” (ara r-referenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3), MEMO/14/297.


3      Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment (ĠU 2014, L 173, p. 190).


4      Direttiva 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ April 2001 fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 15).


5      Kaupthing Bank qabel kienet l-ikbar bank Islandiż u tpoġġiet taħt kontroll statali fid‑9 ta’ Ottubru 2008 wara l-kriżi finanzjarja. Fil‑31 ta’ Ottubru 2008, l-awtorità regolatorja Islandiża ddikjarat lil Kaupthing Bank bħala insolventi.


6      Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Ottubru 2010, Rosenbladt (C‑45/09, EU:C:2010:601, punt 33); tal‑31 ta’ Jannar 2017, Lounani (C‑573/14, EU:C:2017:71, punt 56); u tat‑13 ta’ Ġunju 2018, Deutscher Naturschutzring (C‑683/16, EU:C:2018:433, punt 29).


7      Inċidentalment, il-portafolli tal-ishma bħal dak tar-rikorrenti ma humiex koperti mill-garanzija tad-depożitu, billi din tinkludi biss bilanċ ta’ kreditu f’kont, ara l-punt 3 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti (ĠU 2014, L 173, p. 149, rettifiki fil-ĠU 2014, L 212, p. 47 u fil-ĠU 2014, L 309, p. 37).


8      It-terminu Ġermaniż Vermögensgegenstand jista’, bħall-varjanti Ingliżi assets, jew bħat-terminu Pollakk aktyw[a], jinkludi kwalunkwe pożizzjoni legali li għandha valur ta’ beni.


9      Pereżempju, istituzzjoni tranżitorja jew istitut ta’ kreditu ieħor li jakkwista ċerti oqsma tan-negozju tal-istituzzjoni ta’ kreditu f’diffikultà permezz ta’ trasferiment.


10      Ara f’dan ir-rigward, iktar ’il quddiem, il-punti 43 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


11      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2013, LBI (C‑85/12, EU:C:2013:697, punt 54).


12      Fi kwalunkwe każ, il-qorti tar-rinviju tidher li qegħda tassumi dan b’mod impliċitu.


13      Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża LBI (C‑85/12, EU:C:2013:352, punti 86 et seq.).


14      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2013, LBI (C‑85/12, EU:C:2013:697, punt 55).


15      Sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2013, LBI (C‑85/12, EU:C:2013:697, punt 55).


16      Sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2013, LBI (C‑85/12, EU:C:2013:697, punt 52).


17      Sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 2013, LBI (C‑85/12, EU:C:2013:697, punt 39), u tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et (C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 104).


18      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża LBI (C‑85/12, EU:C:2013:352, punti 86 et seq.).


19      Fid-dritt Ġermaniż, pereżempju, il-proċeduri kontra Novo Banco jistgħu jkomplu minkejja din il-bidla; iżda l-awtorità ta’ res judicata tas-sentenza tkun testendi għal BES, ara, ir-regoli fl-Artikoli 265(2), 325 taż-ZPO. Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 96 u 97 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


20      Ara f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2013, LBI (C‑85/12, EU:C:2013:697, punt 55).


21      F’dan ir-rigward, ara l-punt 94 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


22      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Aguirre Zarraga (C‑491/10 PPU, EU:C:2010:828, punt 70), u tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 77).


23      Għal raġunijiet ta’ kompletezza ta’ min jinnota li hekk jew b’hekk ma hemmx dubji dwar il-legalità taħt id-dritt Portugiż. B’mod partikolari, fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Portugiż għal darba oħra espressament ikkonferma li l-Artikolu 145 H(5) tar-RGICSF jikkostitwixxi bażi legali xierqa għad-deċiżjoni ta’ Diċembru 2015 taħt id-dritt Portugiż u li l-Banco de Portugal ukoll osserva d-dispożizzjonijiet formali u materjali l-oħra kollha tad-dritt Portugiż.


24      Ara l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-KEDB) tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punt 191), kif ukoll is-sentenzi tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 78), u tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 35).


25      Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 37).


26      Ara l-Artikolu 131 tal-BRRD: l-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tat‑12 ta’ Ġunju 2014 kien it‑2 ta’ Lulju 2014


27      Ara l-Artikolu 130 tal-BRRD.


28      Skont ġurisprudenza stabbilita, mill-Artikolu 4(3) TUE u 288(3) TFUE moqrija flimkien mad-direttiva inkwistjoni jirriżulta li l-Istati Membri ma humiex permessi jadottaw regolamenti matul it-terminu għat-traspożizzjoni tagħhom li jikkompromettu serjament ir-realizzazzjoni tar-riżultat previst mid-direttiva. Minn dan, madankollu, jistgħu jiġu dderivati biss obbligi ta’ ommissjonijiet, iżda l-ebda obbligi pożittivi, ara b’mod partikolari s-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C‑212/04, EU:C:2006:443, punti 121 u 122).


29      Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni (ĠU 2014, L 255, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament SRM”).


30      Artikolu 5(1) moqri flimkien mal-Artikolu 7(2)(a)(i) tar-Regolament SRM.


31      Ara f’dan is-sens is-sentenzi tat‑12 ta’ Novembru 1981, Meridionale Industria Salumi et (212/80 sa 217/80, EU:C:1981:270, punt 11), u tas‑26 ta’ Marzu 2015, Il‑Kummissjoni vs Moravia Gas Storage (C‑596/13 P, EU:C:2015:203, punt 36).


32      Sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie (C‑129/96, EU:C:1997:628, punt 45); tal‑11 ta’ Settembru 2012, Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et (C‑43/10, EU:C:2012:560, punt 57); u tat‑13 ta’ Novembru 2019, Lietuvos Respublikos Seimo narių grupė (C‑2/18, EU:C:2019:962, punt 55).


33      L-għanijiet tar-riżoluzzjoni issa huma stabbiliti fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament SRM.


34      Ara f’dan is-sens iktar ’il fuq, punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


35      Ara l-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni IP/14/901 tal‑4 ta’ Awwissu 2014 dwar l-approvazzjoni tal-għajnuna għar-riżoluzzjoni għal Banco Espírito Santo.


36      Ara, pereżempju, il-Fact Sheet tal-Kummissjoni tal‑15 ta’ April 2014 dwar il-BRRD, MEMO/14/297. Ara wkoll it-tieni sentenza tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament SRM.


37      Ara l-ispjegazzjonijiet dwar l-Artikolu 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ĠU 2007, C 303, p. 32, kif ukoll is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Julián Hernández et (C‑198/13, EU:C:2014:2055, punt 33), u d-digriet tal‑24 ta’ Settembru 2019, Spetsializirana prokuratura (Preżunzjoni ta’ innoċenza) (C‑467/19 PPU, EU:C:2019:776, punt 39).


38      Sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft (C‑573/12, EU:C:2014:2037, punt 125).


39      Sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 2013, LBI (C‑85/12, EU:C:2013:697, punt 39), u tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et (C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 104).


40      Dwar il-kriterju li skontu d-dritt tal-Unjoni Ewropea għandu jirriżulta f’ċerti obbligi għall-Istati Membri sabiex jiġi applikat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 2014, Siragusa (C‑206/13, EU:C:2014:126, punt 26), u tal‑10 ta’ Lulju 2014, Julián Hernández et (C‑198/13, EU:C:2014:2055, punt 35), kif ukoll id-digriet tal‑24 ta’ Settembru 2019, Spetsializirana prokuratura (Preżunzjoni ta’ innoċenza) (C‑467/19 PPU, EU:C:2019:776, punt 41).


41      Ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑24 ta’ Settembru 2019, Spetsializirana prokuratura (Preżunzjoni ta’ innoċenza) (C‑467/19 PPU, EU:C:2019:776, punti 41 et seq.).


42      Ara l-premessa 10 tal-BRRD, kif ukoll is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et (C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 113).


43      Ara l-Artikolu 40 BRRD.


44      Ara iktar ’il fuq, il-punti 59 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


45      Ara d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas‑27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2008, L 327, p. 27).


46      Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).


47      Ara l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat‑18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (ĠU 2009, L 7, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2011, L 131, p. 26, fil-ĠU 2013, L 8, p. 19 u fil-ĠU 2013, L 281, p. 29) (iktar ’il quddiem: Regolament dwar il-Manteniment tal-UE).


48      Ara d-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU 2005, L 255, p. 22, rettifiki fil-ĠU 2007, L 271, p. 18, fil-ĠU 2008, L 93, p. 28 u fil-ĠU 2014, L 305, p. 115).


49      Ara l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-KEDB) tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punt 191), kif ukoll is-sentenzi tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 82), u tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 43).


50      Sentenza tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 85).


51      Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 48).


52      Ir-rappreżentant tal-Kunsill irrefera b’mod partikolari għas-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117), u tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531).


53      Sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft (C‑573/12, punt 127).


54      Sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et (C‑98/14, EU:C:2015:386; punt 77).


55      Ara f’dan is-sens is-sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il‑Kunsill (C‑310/04, EU:C:2006:521, punt 81); tal‑10 ta’ Settembru 2009, Plantanol (C‑201/08, EU:C:2009:539, punt 53); u tal‑11 ta’ Lulju 2019, Agrenergy (C‑180/18, C‑286/18 u C‑287/18, EU:C:2019:605, punt 31).


56      Dwar is-sitwazzjoni legali l-ġdida ara l-Artikolu 40(9) tal-BRRD


57      Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 67 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


58      Ara f’dan is-sens is-sentenzi tat‑22 ta’ Marzu 1961, Snupat vs Hohe Behörde (42/59 u 49/59, EU:C:1961:5, p. 172); tat‑3 ta’ Marzu 1982, Alphasteel vs Il‑Kummissjoni (14/81, EU:C:1982:76, punt 10); tal‑17 ta’ April 1997, de Compte vs Il‑Parlament (C‑90/95 P, EU:C:1997:198, punti 35 u 36.); u tat‑13 ta’ Jannar 2004, Kühne & Heitz (C‑453/00, EU:C:2004:17, punt 27).


59      Skont is-sitwazzjoni legali Ewropea applikabbli issa, l-urġenza hija prekundizzjoni ta’ riżoluzzjoni, ara l-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament SRM.


60      Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten (C‑409/06, EU:C:2010:503, punt 58).


61      Skont din il-ġurisprudenza, rimedju legali ma għandux ikun sempliċement “teoretiku jew illużorju”, ara, pereżempju QEDB, sentenzi tad‑19 ta’ Marzu 1997, Hornsby vs Il‑Greċja (CE:ECHR:1997:0319JUD001835791, punti 40 u 41), u tas‑26 ta’ Frar 2002, Del Sol vs Franza, (CE:ECHR:2002:0226JUD004680099, punt 21).


62      Digriet tas‑17 ta’ Mejju 2002, Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑406/01, EU:C:2002:304, punt 20).


63      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Novembru 2019, Flausch et (C‑280/18, EU:C:2019:928, punt 55), u tas‑27 ta’ Frar 2020, TK et (Remunerazzjoni tal-Uffiċjali u tal-Imħallfin) (C‑773/18 sa C‑775/18, EU:C:2020:125, punt 73).


64      Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Aguirre Zarraga (C‑491/10 PPU, EU:C:2010:828, punt 69).


65      Ara iktar ’il fuq, il-punti 41 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


66      Ara fid-dritt Ġermaniż id-dispożizzjonijiet fl-Artikoli 265(2), 325 taż-ZPO.


67      Ara fid-dritt Franċiż id-dispożizzjonijiet fl-Artikoli 1699 et seq. tal-Code Civil (il-Kodiċi Ċivili).


68      Ara, f’dan ir-rigward iktar ’il fuq il-punt 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


69      Fuq dan il-punt, ara l-punti 79 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.


70      QEDB, sentenza tad‑29 ta’ Novembru 1991, Pine Valley vs L‑Irlanda (CE:ECHR:1991:1129JUD001274287, punt 66).


71      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2013, Edwards u Pallikaropoulos (C‑260/11, EU:C:2013:221, punt 33).


72      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2013, Edwards u Pallikaropoulos (C‑260/11, EU:C:2013:221, punt 25), u tat‑13 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑530/11, EU:C:2014:67, punt 44).


73      Ara l-punti 79 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.