Language of document : ECLI:EU:T:2014:679

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

16 ta’ Lulju 2014 (*)

“Klawżola ta’ arbitraġġ — Sitt Programm Qafas dwar l-attivitajiet ta’ riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni li jikkontribwixxu għall-ħolqien taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u għall-innovazzjoni (2002-2006) — Kuntratti ‘Access-eGOV, EU4ALL, eABILITIES, Emerge, Enable, Ask-It’– Programm eTEN, dwar in-netwerks ta’ telekomunikazzjonijiet transEwropej — Kuntratti Navigabile u Euridice — Programm qafas dwar l-innovazzjoni u l-kompetittività — Kuntratt T-Seniority — Ħlas tal-bilanċ — Kontrotalba — Rimbors tas-somom antiċipati — Kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa”

Fil-Kawża T‑59/11,

Koinonia Tis Pliroforias Anoichti Stis Eidikes Anagkes – Isotis, stabbilita f’Ateni (il-Greċja), irrappreżentata minn V. Christianos, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Condou-Durande u V. Savov, aġenti, assistiti minn S. Pappas, avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talbiet, ibbażati fuq l-Artikolu 272 TFUE, intiżi, minn naħa, l-ewwel nett, sabiex tiġi ddikjarata infondata t-talba tal-Kummissjoni intiża għar-rimbors tas-sussidji mogħtija lir-rikorrenti abbażi tal-kuntratti Nru 027020 “Access to e-Government Services Employing Semantic Technologies”, Nru 035242 “A virtual platform to enhance and organize the coordination among centres for accessibility ressources and support”, Nru 511298 “Ambient Intelligence System of Agents for Knowledge-based and Integrated Services for Mobility Impaired Users”, Nru 034778 “European Unified Approach for Accessible Lifelong Learning”, Nru 045056 “Emergency Monitoring and Prevention”, Nru 045563 “A wearable system supporting services to enable elderly people to live well, independently and at ease”, Nru 029255 “NavigAbile: e-inclusion for communication disabilities”, Nru 517506 “European Recommended Materials for Distance Learning Courses for Educators” u Nru 224988 “T-Seniority: Expanding the benefits of information society to older people through digital TV channels”, konklużi bejn il-Komunità Ewropea u r-rikorrenti, u t-tieni nett, sabiex il-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ħlas tal-bilanċ tas-sussidji skont il-kuntratti Nru 511298 “Ambient Intelligence System of Agents for Knowledge-based and Integrated Services for Mobility Impaired Users” u Nru 034778 “European Unified Approach for Accessible Lifelong Learning” kif ukoll, min-naħa l-oħra, kontrotalba intiża sabiex ir-rikorrenti tiġi kkundannata għar-rimbors tas-sussidji indebitament mogħtija fil-kuntest ta’ dawn il-kuntratti kollha u għall-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen, li qed jaġixxi bħala President, M. Kancheva (Relatur) u E. Buttigieg, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Lulju 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Koinonia Tis Pliroforias Anoichti Stis Eidikes Anagkes –Isotis, hija kumpannija ċivili mingħajr skop ta’ lukru taħt id-dritt Grieg, ikkostitwita fis-7 ta’ Jannar 2004, u l-uffiċċju rreġistrat tagħha jinsab f’Ateni (il-Greċja).

2        Abbażi ta’ ftehim, konkluż fit-28 ta’ Diċembru 2010 u ppubblikat fil-avviżi tal-kumpanniji tal-Protodikeio Athinon (qorti tal-ewwel istanza ta’ Ateni) fis-17 ta’ Jannar 2011, ir-rikorrenti tqiegħdet fi stralċ. M. X, li sa din id-data kien responsabbli għall-programmi Ewropej fi ħdan ir-rikorrenti (iktar ’il quddiem id-“direttur tal-programmi”), inħatar, f’din l-okkażjoni, bħala l-mandatarju sabiex itemm l-istralċ tar-rikorrenti.

3        Skont l-istatut tagħha, l-għan tar-rikorrenti huwa t-trasferiment ta’ teknoloġiji, il-promozzjoni tal-ugwaljanza fit-trattament u l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabbiltà fiż-żona tas-soċjetà tal-informazzjoni, kif ukoll it-titjib tal-impjieg ta’ persuni bi bżonnijiet speċifiċi fl-Ewropa u fuq l-livell internazzjonali.

4        Ir-rikorrenti kkonkludiet bosta kuntratti mal-Komunità Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li għandhom bħala għan it-twettiq ta’ ċerti proġetti. Fost dawn il-kuntratti, disgħa huma s-suġġett ta’ din il-kawża (iktar ’il quddiem il-“kuntratti inkwistjoni”).

 A – Preżentazzjoni tal-kuntratti inkwistjoni

5        Il-kuntratti inkwistjoni ġew konklużi bejn, minn naħa, il-Komunità, irrappreżentata mill-Kummissjoni, u, min-naħa l-oħra, koordinatur u l-membri ta’ konsorzju, li fosthom hemm ir-rikorrenti. Kull wieħed minn dawn il-kuntratti jinkludi, minbarra t-test prinċipali, sitt annessi, fejn l-ewwel wieħed minnhom jinkludi deskrizzjoni tal-programm li għalih jirreferi u, it-tieni, il-kundizzjonijiet ġenerali applikabbli.

6        Fost il-kuntratti inkwistjoni, sitt kuntratti (iktar ’il quddiem il-“kuntratti FP6”) ġew konklużi fil-kuntest tas-Sitt Programm Qafas adottat bid-Deċiżjoni Nru 1513/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2002, li tikkonċerna s-sitt programm kwadru tal-Komunità Ewropea dwar l-attivitajiet ta’ riċerka, l-iżvilupp tekonoloġiku u dimostrazzjoni li jikkontribwixxu għall-ħolqien taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u għall-innovazzjoni (mill-2002 sa l-2006) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 576)

7        Dawn huma l-kuntratti segwenti:

–        il-kuntratt Nru 027020 “Access to e-Government Services Employing Semantic Technologies” (iktar ’il quddiem il-“kuntratt Access-eGOV”), konkluż fil-kuntest tal-programm speċjali “Integrar u tisħiħ taż-Żona Ewropea għar-riċerka (2002-2006)”, fejn l-Artikolu 4 tiegħu kien jistabbilixxi t-tul tal-proġett għal 36 xahar li bdew jiddekorru mill-ewwel jum tax-xahar wara l-iffirmar mill-Kummissjoni, fejn l-Artikolu 5 tiegħu kien jistabbilixxi kontribuzzjoni finanzjarja massima tal-Komunità ta’ EUR 1 983 000, li minnhom EUR 157 320 kienu ddestinati għar-rikorrenti, u li kien is-suġġett ta’ emenda fit-3 ta’ Ġunju 2008 li abbażi tagħha t-tul tal-proġett ittawwal għal 48 xahar;

–        il-kuntratt Nru 035242 “A virtual platform to enhance and organize the coordination among centres for accessibility ressources and support” (iktar ’il quddiem il-“kuntratt eABILITIES”), konkluż fil-kuntest tal-programm speċjali “Integrar u tisħiħ taż-Żona Ewropea għar-riċerka (2002-2006)”, fejn l-Artikolu 4 tiegħu kien jistabbilixxi t-tul tal-proġett għal 24 xahar, li bdew jiddekorru mill-1 ta’ Settembru 2006 u fejn l-Artikolu 5 tiegħu kien jistabbilixxi kontribuzzjoni finanzjarja massima tal-Komunità ta’ EUR 750 000, li fosthom EUR 95 201.61 kienu ddestinati għar-rikorrenti;

–        il-kuntratt Nru 511298 “Ambient Intelligence System of Agents for Knowledge-based and Integrated Services for Mobility Impaired Users” (iktar ’il quddiem il-“kuntratt Ask-It”), konkluż fil-kuntest tal-programm speċjali “Integrar u tisħiħ taż-Żona Ewropea għar-riċerka (2002-2006)”, fejn l-Artikolu 4 tiegħu kien jistabbilixxi t-tul tal-proġett għal 48 xahar, li bdew jiddekorru mill-1 ta’ Ottubru 2004 u fejn l-Artikolu 5 tiegħu kien jistabbilixxi kontribuzzjoni finanzjarja massima tal-Komunità ta’ EUR 8 499 657, li fosthom EUR 183 320.89 kienu ddestinati għar-rikorrenti, u li kien is-suġġett ta’ emenda fil-25 ta’ Lulju 2008 li abbażi tagħha t-tul tal-proġett ittawwal għal 51 xahar;

–        il-kuntratt Nru 034778 “European Unified Approach for Accessible Lifelong Learning” (iktar ’il quddiem il-“kuntratt EU4ALL”), konkluż fil-kuntest tal-programm speċjali “Integrar u tisħiħ taż-Żona Ewropea għar-riċerka (2002-2006)”, fejn l-Artikolu 4 tiegħu kien jistabbilixxi t-tul tal-proġett għal 48 xahar, li bdew jiddekorru mill-1 ta’ Ottubru 2006 u fejn l-Artikolu 5 tiegħu kien jistabbilixxi kontribuzzjoni finanzjarja massima tal-Komunità ta’ EUR 7 400 000, li fosthom EUR 268 008 kienu ddestinati għar-rikorrenti, u li kien is-suġġett ta’ emenda fil-21 ta’ Ottubru 2010 li abbażi tagħha t-tul tal-proġett ittawwal għal 54 xahar;

–        il-kuntratt Nru 045056 “Emergency Monitoring and Prevention” (iktar ’il quddiem il-“kuntratt Emerge”), konkluż fil-kuntest tal-programm speċjali “Integrar u tisħiħ taż-Żona Ewropea għar-riċerka (2002-2006)”, fejn l-Artikolu 4 tiegħu kien jistabbilixxi t-tul tal-proġett għal 33 xahar, li bdew jiddekorru mill-1 ta’ Frar 2007 u fejn l-Artikolu 5 tiegħu kien jistabbilixxi kontribuzzjoni finanzjarja massima tal-Komunità ta’ EUR 2 449 964, li fosthom EUR 203 712 kienu ddestinati għar-rikorrenti, u li kien is-suġġett ta’ emenda fit-28 ta’ Ottubru 2008 li abbażi tagħha t-tul tal-proġett ittawwal għal 36 xahar;

–        il-kuntratt Nru 045563 “A wearable system supporting services to enable elderly people to live well, independently and at ease” (iktar ’il quddiem il-“kuntratt Enable”) konkluż fil-kuntest tal-programm speċjali “Integrar u tisħiħ taż-Żona Ewropea għar-riċerka (2002-2006)”, fejn l-Artikolu 4 tiegħu kien jistabbilixxi t-tul tal-proġett għal 36 xahar li bdew jiddekorru mill-ewwel jum tax-xahar wara l-iffirmar mill-Kummissjoni, li skont ir-rikorrenti huwa mill-1 ta’ Jannar 2007, fejn l-Artikolu 5 tiegħu kien jistabbilixxi kontribuzzjoni finanzjarja massima tal-Komunità ta’ EUR 2 800 000, li minnhom EUR 196 700 kienu ddestinati għar-rikorrenti, u li kien is-suġġett ta’ emenda fit-13 ta’ Settembru 2008 li abbażi tagħha t-tul tal-proġett ittawwal għal 44 xahar u l-ammont tal-kontribuzzjoni massimu tal-Komunità sar EUR 2 477 040.

8        Il-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratti FP6 (iktar ’il quddiem il-“kundizzjonijiet FP6”) jipprovdu, b’mod partikolari, is-segwenti:

“Artikolu  II.1. Definizzjonijiet

[…]

4. Konsorzju: għadd ta’ kontraenti li qed jipparteċipaw fi proġett ikkonċernat mill-kuntratt preżenti.

[…]

6. Koordinatur: il-kontraent magħżul f’dan il-kuntratti li, minbarra l-obbligi ta’ kontraent, għandu jwettaq f’isem il-konsorzju l-inkarigi speċifiċi ta’ koordinazzjoni previsti minn dan il-kuntratt.

7. Kontraent: parteċipant fis-sens tal-Artikolu 2(7) tar-regoli ta’ parteċipazzjoni u firmatarju ta’ dan il-kuntratt li jinkludi liċ-[Ċentru Konġunt ta’ riċerka tal-Kummissjoni Ewropea], li jiffirma ftehim distint mal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-parteċipazzjoni tiegħu fil-kuntratt.

[…]

11. Irregolarità: kull ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju jew kull ksur ta’ obbligu kuntrattwali li jirriżulta minn att jew minn ommissjoni ta’ kontraent li kellu jew li seta’ kellu effett li jikkawża dannu lill-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej jew lill-baġit immexxi minnhom permezz ta’ nfiq indebitu.

[…]

Artikolu II.8 Evalwazzjoni u adozzjoni tar-rapporti u tar-riżultati finali

[…]

4. L-approvazzjoni ta’ rapport ma jimplikax l-eżenzjoni ta’ awditu jew kontroll, li jista’ jitwettaq skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu II.29.

[…]

Artikolu II.16 Rexissjoni minħabba terminazzjoni ta’ kuntratt u irregolarità

1. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu impost minn dan il-kuntratt, il-Kummissjoni għandha tordna lill-konsorzju jsib soluzzjonijiet adegwati biex dan in-nuqqas jiġi rrimedjat f’terminu massimu ta’ 30 jum.

L-ispejjeż sostnuti mill-konsorzju wara d-data li jirċievi din l-ordni jistgħu jiġu rrimborsati biss jekk soluzzjoni xierqa biex in-nuqqas jiġi rrimedjat tiġi aċċettata mill-Kummissjoni.

Jekk ikun hemm bżonn, il-konsorzju jista’ jitlob lill-Kummissjoni tissospendi totalment jew parzjalment il-proġett, skont l-Artikolu II.5.

Fl-assenza ta’ soluzzjoni sodisfaċenti, il-Kummissjoni ttemm il-parteċipazzjoni tal-kontraent inadempjenti.

2. Il-Kummissjoni tista’ minnufih ittemm il-parteċipazzjoni ta’ kontraent meta:

a)      il-kontraent xjentement jew b’negliġenza iwettaq irregolarità fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt mal-Kummissjoni;

b)      il-kontraent jikser il-prinċipji etiċi fundamentali msemmija fir-regoli ta’ parteċipazzjoni.

3. Id-deċiżjoni ta’ tmiem tal-parteċipazzjoni tiegħu tiġi nnotifikata lill-kontraent, b’kopja indirizzata lill-konsorzju.

Ir-rexissjoni tidħol fis-seħħ fid-data meta l-kontraent jirċievi din in-notifika, bla ħsara għall-obbligi stabbiliti jew imsemmija f’dan il-kuntratt.

Il-Kummissjoni tinforma lill-konsorzju bid-data ta’ dħul fis-seħħ tar-rexissjoni.

[…]

Artikolu II.19 Infiq eliġibbli tal-proġett

1. L-infiq eliġibbli sostnut għat-twettiq tal-proġett għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha segwenti:

a)      għandu jkun reali, ekonomiku u meħtieġ għat-twettiq tal-proġett;

b)      għandu jiġi ddeterminat skont il-prinċipji ta’ kontabbiltà normali tal-kontraent;

c)      għandu jitħallas matul it-tul tal-proġett kif indikat fl-Artikolu 4(2), ħlief fir-rigward tal-infiq awtorizzat għall-iffissar tar-rapporti finali msemmija fl-Artikolu II.7(4), li jista’ jitħallas sa 45 jum wara tmiem il-proġett jew fid-data ta’ rexissjoni, jekk din tiġi qabel;

d)      għandu jiġi inkluż fil-kontijiet tal-kontraent li sostnieh, sa mhux iktar tard mid-data tal-iffissar taċ-ċertifikat ta’ awditu msemmi fl-Artikolu II.26. Il-metodi ta’ kontabbiltà użati għar-reġistrazzjoni tal-infiq u d-dħul għandhom ikunu konformi mar-regoli ta’ kontabbiltà użati fl-Istat li fih il-kontraent huwa stabbilit u għandhom jippermettu r-rikonċiljazzjoni tal-infiq sostnut u d-dħul magħmul fit-twettiq tal-proġett kif ukoll l-istat ġenerali tal-kontijiet dwar l-attività kummerċjali globali tal-kontraent;

[…]

2. L-infiq ineliġibbli segwenti ma jistax jiġi attribwit lill-proġett:

[…]

e)      infiq iddikjarat, imħallas jew irrimborsat għal proġett ieħor Komunitarju;

[…]

h)      infiq sproporzjonat jew skunsiderat;

i)      kull infiq ieħor li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu II.19(1).

[…]

Artikolu II.28 Modalitajiet ta’ pagament

1. Bla ħsara għall-Artikolu II.29, il-Kummissjoni għandha tadotta l-ammont tal-pagament finali li għandu jingħata lill-kontraent fuq il-bażi tad-dokumenti msemmija fl-Artikolu II.7 li hija approvat.

[…]

7. Fil-każ ta’ pagamenti tardivi, il-kontraenti jistgħu jitolbu l-interessi, f’terminu ta’ xahrejn mid-data li fiha jiġi riċevut il-pagament. L-interessi jiġu kkalkolati skont ir-rata applikabbli mill-Bank Ċentrali Ewropew għat-tranżazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ rifinanzjament, ippubblikata fis-serje C tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar li fiha tinsab l-iskadenza ta’ pagament, miżjuda b’punt u nofs. L-interessi jkunu dovuti għall-perijodu bejn id-data finali ta’ eżekuzzjoni tal-pagament u d-data li fiha jkun sar il-pagament. Id-data tal-pagament tkun dik tal-jum li fih il-kont tal-Kummissjoni jiġi ddebitat. Dawn il-pagamenti ta’ interessi ma għandhomx jitqiesu li huma parti mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità stabbilita bl-Artikolu 5 tal-kuntratt.

8. Il-perijodi indikati fl-Artikolu 8 dwar it-termini ta’ pagament jistgħu f’kull mument jiġu sospiżi mill-Kummissjoni billi l-koordinatur jiġi nnotifikat li r-rendikont finanzjajru ma huwiex aċċettabbli, għaliex jew ma jkunx isegwi r-rekwiżiti tal-kuntratt, jew għaliex ma jkunx konformi mar-rapporti ta’ attività sottomessi lill-Kummissjoni għall-adozzjoni. It-terminu previst għall-adozzjoni tar-rendikont finanzjarju jiġi sospiż sas-sottomissjoni tal-verżjoni kkorreġuta jew irriveduta mitluba u l-bqija tal-imsemmi terminu jerġa’ jibda jiddekorri fil-jum li fih il-Kummissjoni tkun irċeviet din l-informazzjoni.

Il-Kummissjoni tista’ tissospendi l-pagamenti tagħha f’kull mument fil-każ ta’ inosservanza mill-kontraent ta’ dispożizzjoni kuntrattwali waħda jew iktar, b’mod partikolari tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu II.29 dwar l-awditu u l-kontroll. F’dan il-każ, il-Kummissjoni tinforma direttament lill-kontraent b’ittra rreġistrata b’konferma ta’ rċevuta.

Il-Kummissjoni tista’ tissospendi l-pagamenti tagħha f’kull mument meta hija tissuspetta li kontraent ikun wettaq irregolarità fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Hija biss il-parti ddestinata lill-kontraenti ssuspettati li wettqu irregolarità li tiġi sospiża. F’dan il-każ, il-Kummissjoni tinforma direttament lill-kontraent bir-raġunijiet tas-sospensjoni b’ittra rreġistrata b’konferma ta’ rċevuta.

Artikolu II.29 Kontrolli u awditi

1. F’kull mument tul il-kuntratt u sa ħames snin wara t-tmiem tal-proġett, il-Kummissjoni tista’ twettaq awditu, jew permezz ta’ reviżuri jew awdituri xjentifiċi jew teknoloġiċi esterni, jew permezz tad-dipartimenti tal-Kummissjoni stess, inkluż l-[Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi ]. Dawn l-awditi jistgħu jikkonċernaw aspetti xjentifiċi, finanzjarji, teknoloġiċi u oħrajn (bħal pereżempju l-prinċipji ta’ kontabbiltà u ta’ amministrazzjoni) li jirrigwardaw l-eżekuzzjoni tajba tal-proġett u tal-kuntratt. Dawn l-awditi jsiru fuq bażi kunfidenzjali. L-ammonti li jkunu dovuti lill-Kummissjoni minħabba r-riżultati ta’ dawn l-awditi jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rkupru kif indikat fl-Artikolu II.31.

Il-kontraenti għandhom id-dritt li jirrifjutaw il-parteċipazzjoni ta’ reviżur jew ta’ awditur xjentifiku jew teknoloġiku estern partikolari għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità kummerċjali.

2. Il-kontraenti għandhom iqiegħdu direttament għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni d-data ddettaljata kollha li tista’ tintalab mill-Kummissjoni sabiex jiġi vverifikat jekk il-kuntratt huwiex amministrat u eżegwit sew.

3. Il-kontraenti għandhom iżommu, matul perijodu ta’ 5 snin minn tmiem il-proġett, l-oriġinali jew, f’każijiet eċċezzjonali debitament iġġustifikati, il-kopji ċċertifikati konformi tal-oriġinal tad-dokumenti kollha li jikkonċernaw il-kuntratt. Dawn id-dokumenti għandhom jitqiegħu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni meta dawn jintalbu matul l-eżekuzzjoni ta’ awditu fil-kuntest tal-kuntratt.

4. Sabiex tiġi permessa l-eżekuzzjoni ta’ dawn l-awditi, il-kontraenti għandhom jiżguraw li d-dipartimenti tal-Kummissjoni u kull organu estern maħtur mill-Kummissjoni jkun jista’, f’kull ħin raġonevoli, imur fuq il-post, b’mod partikolari fl-uffiċċji tal-kontraenti, biex hemm jiġbor l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-awditu.

[…]

6. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ twettaq verifiki u spezzjonijiet fuq il-post skont ir-Regolament tal-Kunsill (EURATOM, KE) Nru 2185/96, tal-11 ta’ Novembru 1996, dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra, u r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1073/1999 (KE), tal-25 ta’ Mejju 1999, dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) [Regolament tal-Kunsill (EURATOM) Nru 1074/1999, tal-25 ta’ Mejju 1999, dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF)].

[…]

Artikolu II.30 Kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa

Bla ħsara għal miżuri oħra previsti f’dan il-kuntratt, il-kontraenti jaqblu li l-Komunità, bl-għan li tipproteġi l-interessi finanzjarji tagħha, għandha d-dritt li titlob dannu fil-forma ta’ somma f’daqqa lill-kontraent li l-infiq tiegħu jirriżulta eċċessiv u li konsegwentement ikun irċieva kontribuzzjoni finanzjarja inġustifikata mingħand il-Komunità. Il-kontraent għandu jipprovdi kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa li jkun dovut flimkien mal-irkupru tal-kontribuzzjoni finanzjarja inġustifikata.

1. L-ammont tal-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa għandu jkun proporzjonat mal-infiq eċċessiv u mal-parti inġustifikata tal-kontribuzzjoni tal-Komunità. L-ammont tal-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa jiġi kkalkolat skont il-formula segwenti

Kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa = kontribuzzjoni finanzjarja inġustifikata x (infiq eċċessiv/ammont totali mitlub)

Il-kalkolu ta’ kull kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa jirrigwarda biss il-perijodu li jikkonċerna l-kontribuzzjoni tal-Komunità mitluba mill-kontraent għal dan il-perijodu. Dan ma jiġix ikkalkolat fir-rigward tal-kontribuzzjoni sħiħa tal-Komunità.

2. Il-Kummissjoni tinnotifika t-talba tagħha għal pagament permezz ta’ ittra rreġistrata b’konferma ta’ rċevuta lill-kontraent li hija tqis li għandu jħallas kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa. Il-kontraent għandu terminu ta’ 30 jum sabiex iwieġeb lit-talba għal kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa tal-Komunità.

3. Il-proċedura segwita għar-rimbors ta’ kontribuzzjoni finanzjarja inġustifikata u għall-pagament ta’ kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa għandha tiġi ddeterminata skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu II.31.

4. Il-Kummissjoni għandha d-dritt li titlob kumpens għall-infiq kollu eċċessiv ikkonstatat wara l-iskadenza tal-kuntratt, skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 sa 6.

5. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu huma bla ħsara għall-penalitajiet amministrattivi jew finanzjarji li l-Kummissjoni tista’ timponi fuq kull kontraent li ma josservax ir-regolament finanzjarju jew għal kull miżura korrettiva ċivili oħra li l-Komunità jew kull kontraent ieħor għandu d-dritt li juża. Barra minn hekk, l-imsemmija dispożizzjonijiet ma jeskludux ir-rikors għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet tal-Istati Membri.

6. Min-naħa l-oħra, kif stabbilit fir-regolament finanzjarju, kull kontraent iddikjarat li ma jkunx osserva b’mod gravi l-obbligi kuntrattwali tiegħu jista’ jiġi suġġett għal penalità finanzjarja ta’ bejn 2 % u 10 % tal-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja li jkun irċieva mingħand il-Komunità. Ir-rata tista’ titla̕ sa bejn 4 u 20 % fil-każ ta’ reċidiva fil-ħames snin li jsegwu l-ewwel nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

Artikolu II.31 Rimbors tal-Kummissjoni u ordnijiet ta’ rkupru

1. Meta ammont ikun tħallas indebitament lill-kontraent jew meta l-irkupru jkun iġġustifikat fil-kundizzjonijiet tal-kuntratt, il-kontraent għandu jirrimborsa lill-Kummissjoni s-somma inkwistjoni skont il-kundizzjonijiet u fid-data ppreċiżata minnha.

2. Fin-nuqqas ta’ pagament mingħand il-kontraent fid-data stabbilita mill-Kummissjoni, is-somma dovuta għandha tinkludi l-interessi skont ir-rata indikata fl-Artikolu II.28. L-interessi moratorji japplikaw mid-data stabbilita għall-pagament sal-jum li fih il-Kummissjoni tirċievi s-somma totali li hija dovuta lilha.

[…]

3. L-irkupru tas-somom dovuti lill-Kummissjoni jistgħu jiġu kkumpensati bis-somom dovuti lill-kontraent, wara li dan tal-aħħar jiġi informat, jew bl-eżekuzzjoni ta’ garanzija finanzjarja. L-awtorizzazzjoni bil-quddiem tal-kontraent ma hijiex mitluba.

[…]

5. Il-kontraent jiġi informat li abbażi tal-Artikolu 256 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u kif previst fir-regoli ta’ parteċipazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tieħu kull deċiżjoni li ssir titolu eżekuttiv li tifformalizza l-konstatazzjoni ta’ kreditu impost fuq persuni li ma humiex l-Istati”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9        Ġew konklużi żewġ kuntratti oħra (iktar ’il quddiem il-“kuntratti eTEN”) fil-kuntest tal-programm speċifiku eTEN, dwar in-netwerks ta’ telekomunikazzjonijiet trans-Ewropej u rregolati mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2236/95, tat-18 ta’ Settembru 1995, li jistabbilixxi regoli ġenerali għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja fil-qasam tan-networks trans-Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 263), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1655/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Lulju 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 24, p. 100).

10      Dawn huma l-kuntratti segwenti:

–        il-kuntratt Nru 029255 “NavigAbile: e-inclusion for communication disabilities” (iktar ’il quddiem il-“Kuntratt Navigabile”), fejn l-Artikolu 2 tiegħu kien jistabbilixxi t-tul tal-proġett għal 15-il xahar li jibda jiddekorri mill-ewwel jum tax-xahar wara l-aħħar firma tal-partijiet jiġifieri, skont ir-rikorrenti, l-1 ta’ Jannar 2007, u fejn l-Artikolu 3 tiegħu kien jistabbilixxi kontribuzzjoni finanzjarja massima tal-Komunità ta’ EUR 756 275, li minnhom EUR 62 148 kienu ddestinati għar-rikorrenti;

–        il-kuntratt Nru 517506 “European Recommended Materials for Distance Learning Courses for Educators” (iktar ’il quddiem il-“kuntratt Euridice”), fejn l-Artikolu 2 tiegħu kien jistabbilixxi t-tul tal-proġett għal 18-il xahar li jibda jiddekorri mill-ewwel jum tax-xahar wara l-aħħar firma tal-partijiet jiġifieri, skont ir-rikorrenti, l-1 ta’ Awwissu 2005, u fejn l-Artikolu 3 tiegħu kien jistabbilixxi kontribuzzjoni finanzjarja massima tal-Komunità ta’ EUR 860 834, li minnhom EUR 55 750 kienu ddestinati għar-rikorrenti.

11      Il-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratti eTEN (iktar ’il quddiem il-“kundizzjonijiet eTEN”) jipprovdu, b’mod partikolari s-segwenti:

“Artikolu II.1 Definizzjonijiet

[…]

2. ‘benefiċjarju’ tfisser entità legali, organizzazzjoni internazzjonali jew iċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka (ĊKR) li kkonkluda mal-Komunità dan il-kuntratt ta’ finanzjament.

[…]

4. ‘membru’ tfisser entità legali, organizzazzjoni internazzjonali jew iċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka (ĊKR) — minbarra l-benefiċjarju — li kkonkluda, bi ftehim mal-Komunità u skont dan il-kuntratt ta’ finanzjament, kuntratt ta’ parteċipazzjoin ma’ benefiċjarju u li, abbażi tal-imsemmi kuntratt ta’ parteċipazzjoni, għandu l-istess drittijiet u obbligi bħall-benefiċjarju salv dispożizzjoni kuntrarja fil-kuntratt ta’ finanzjament.

5. ‘parteċipant’ tfisser benefiċjarju jew membru.

[…]

28. ‘infiq eliġibbli’ tfisser l-infiq imsemmi fl-Artikoli 14 u 15 ta’ dan l-anness, skont il-kundizzjonijiet li jinsabu fl-Artikoli 13.1 sa 13.7.

[…]

32. ‘irregolarità’ tfisser kull ksur tad-dritt Komunitarju jew kull nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kuntrattwali, minħabba azzjoni jew ommissjoni ta’ benefiċjarju jew membru, li kellha jew li seta’ kellha effett li tikkawża dannu lill-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej permezz ta’ infiq inġustifikat.

[…]

Artikolu II.3 Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità

[…]

4. Bla ħsara għall-Artikolu 17 ta’ dan l-anness, kull pagament ikun dovut biss wara li l-aħħar element li jrid jiġi kkunsinnat jiġi approvat.

[…]

6. Wara d-data ta’ skadenza tal-kuntratt ta’ finanzjament, ir-rexissjoni tal-kuntratt ta’ finanzjament jew it-tmiem tal-parteċipazzjoni ta’ benefiċjarju jew ta’ membru, il-Kummissjoni tista’ jew għandha, skont il-każ, titlob lill-benefiċjarju inkwistjoni jew lill-benefiċjarju implikat abbażi ta’ wieħed mill-membri tiegħu r-rimbors totali tal-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja li tkun ingħatatlu, fil-każ li jiġu skoperti frodi jew irregolaritajiet finanzjarji gravi matul l-awditu mwettaq skont l-Artikolu 17 ta’ dan l-anness. L-ammont li għandu jiġi rrimborsat għandu jiżdied bl-interessi li jikkorrispondu mar-rata li l-Bank Ċentrali Ewropew japplika għat-tranżazzjonijiet prinċipali tiegħu ta’ rifinanzjament fl-ewwel jum tal-kalendarju tax-xahar li fih il-parteċipant ikkonċernat ikun irċieva l-fondi, flimkien ma’ tliet punti u nofs ta’ perċentwali. L-interessi jibdew jiddekorru minn meta jiġu riċevuti l-fondi sar-rimbors tagħhom.

[…]

Artikolu II.7 Rexissjoni tal-kuntratt ta’ finanzjament jew tmiem tal-parteċipazzjoni ta’ benefiċjarju jew ta’ membru

[…]

3. Il-Kummissjoni tista’ tirrexindi b’effett immedjat dan il-kuntratt ta’ finanzjament jew il-parteċipazzjoni ta’ benefiċjarju, jew titlob lil benefiċjarju jtemm il-parteċipazzjoni ta’ wieħed mill-membri tiegħu mid-data li fiha jirċievi ittra rreġistrata b’konferma ta’ rċevuta mibgħuta mill-Kummissjoni jew, fil-każ ta’ membru, mill-benefiċjarju kkonċernat, skont it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 6 ta’ dan l-artikolu, meta:

a)      il-proġett ma jkunx effettivament beda tliet xhur mill-għoti tas-somma mogħtija bil-quddiem u d-data ġdida proposta titqies li hija inaċċettabbli mill-Kummissjoni;

b)      il-parteċipant direttament ikkonċernat ma jkunx issodisfa b’mod sħiħ l-obbligu kuntrattwali tiegħu minkejja talba bil-miktub — indirizzata mill-Kummissjoni jew mill-koordinatur li jaġixxi bi ftehim mal-benefiċjarji l-oħra jew saħansitra, fil-każ ta’ membru, mill-benefiċjarju kkonċernat — biex jirrimedja n-nuqqas ta’ twettiq ta’ tali obbligu f’terminu li ma jeċċedix xahar;

c)      meta bidla fil-kontroll ta’ benefiċjarju tista’ taffettwa b’mod sostanzjali l-proġett jew l-interessi tal-Komunità;

d)      fil-każ ta’ falliment, ta’ tmiem, ta’ waqfien ta’ attività, ta’ stralċ ġudizzjarju jew kuntrattwali, jew ta’ sospensjoni tal-funzjonament ta’ parteċipant, jew ta’ kull proċedura oħra simili prevista mil-liġijiet u leġiżlazzjonijiet nazzjonali u li tipproduċi riżultat simili;

e)      fil-każ ta’ irregolarità finanzjarja gravi.

4. Il-Kummissjoni għandha immedjatament tirrexindi dan il-kuntratt ta’ finanzjament, jew ittemm il-parteċipazzjoni ta’ benefiċjarju, jew titlob lill-benefiċjarju kkonċernat itemm il-parteċipazzjoni ta’ wieħed mill-membri, b’effett immedjat mid-data li fiha jirċievi ittra rreġistrata b’konferma ta’ rċevuta mibgħuta mill-Kummissjoni jew, fil-każ ta’ membru, mill-benefiċjarju kkonċernat, skont it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 6 ta’ dan l-artikolu, meta parteċipant ikun għamel dikjarazzjoni falza li tagħha huwa jista’ jinsab responsabbli jew meta xjentement ikun ħeba informazzjoni sabiex jikseb kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità jew kull vantaġġ ieħor previst mill-kuntratt ta’ finanzjament.

[…]

Artikolu II.13 Infiq eliġibbli – Prinċipji ġenerali

1. L-infiq eliġibbli huwa l-infiq imsemmi fl-Artikoli 14 u 15 ta’ dan l-anness. Huwa għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet segwenti:

–        għandu jkun meħtieġ għall-proġett;

–        għandu jintefaq matul iż-żmien tal-proġett;

–        għandu jiġi ddeterminat skont il-prinċipju ta’ kontabbiltà tal-infiq storiku u r-regoli interni normali tal-parteċipant, bil-kundizzjoni li jitqiesu li huma aċċettabbli mill-Kummissjoni;

–        għandu jiġi inklużi fil-kontabbiltà, mhux iktar tard mill-iffissar tal-bilanċi ta’ kontabbiltà finali, jew fid-dokumenti fiskali jew, jekk ikun hemm bżonn, mhux iktar tard mid-data tal-ħolqien taċ-ċertifikat tal-awditu msemmi fl-Artikolu 4.2.c ta’ dan l-anness, fejn mit-tnejn għandha tiġi ppreferuta l-ewwel data;

u

–        jeskludi kull marġni ta’ profitt.

[…]

4. Huwa b’mod partikolari ineliġibbli l-infiq segwenti:

[…]

–        l-infiq mhux meħtieġ jew skunsiderat;

[…]

–        l-infiq ta’ divertiment jew ta’ alloġġ, bl-eċċezzjoni ta’ dak, raġonevoli, li jkun ġie aċċettat mill-Kummissjoni bħala li huwa assolutament meħtieġ għall-implementazzjoni tal-kuntratt ta’ finanzjament.

Artikolu II.14 Infiq dirett

1. Persunal

Fir-rigward tal-ispejjeż tal-persunal:

a)      Jistgħu biss jiġu attribwiti lill-kuntratt ta’ finanzjament l-ispejjeż tas-sigħat realment imwettqa mill-persuni li direttament iwettqu x-xogħol ta’ amministrazzjoni u ta’ xogħol tekniku li jaqa’ taħt il-proġett.

Dawn il-persuni għandhom:

–        jiġu rreklutati direttament mill-parteċipant, bʼosservanza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali;

–        jiġu ssorveljati biss mill-parteċipant; u

–        jitħallsu skont il-prassi normali tal-parteċipant, bil-kundizzjoni li dawn jitqiesu li huma aċċettabbli mill-Kummissjoni.

Iż-żmien kollu ta’ xogħol attribwit lill-kuntratt ta’ finanzjament għandu jiġi rreġistrat matul it-tul kollu tal-proġett u, fil-każ tal-koordinatur, għal perijodu massimu ta’ xahrejn minn tmiem il-proġett; dan iż-żmien għandu jiġi ċċertifikat tal-inqas darba fix-xahar mill-persuna responsabbli mix-xogħol maħtura mill-parteċipant skont l-Artikolu 2.2.b ta’ dan l-anness jew mid-direttur finanzjarju debitament awtorizzat mill-parteċipant.

[…]

4. Spejjeż tal-ivvjaġġar u ta’ għajxien

Spejjeż reali tal-ivvjaġġar u spejjeż ta’ għajxien assoċjati tal-persunal assenjat lill-proġett jistgħu jiġu attribwiti lill-kuntratt ta’ finanzjament.

[…]

Artikolu II.16 Ġustifikazzjoni tal-infiq

L-infiq eliġibbli jiġi rrimborsat meta jkun motivat mill-parteċipant.

Għal dan il-għan, il-parteċipant għandu jżomm, fuq bażi regolari u skont il-konvenzjonijiet ta’ kontabbiltà normali tal-Istat ta’ stabbilment tiegħu, il-kontabbiltà dwar il-proġett u dokumentazzjoni xierqa sabiex isostni u jiġġustifika fid-dettall l-ispejjeż u ż-żmien li jinsabu fil-kitbiet ta’ kontabbiltà tiegħu.

Id-dokumentazzjoni għandha tkun preċiża, sħiħa u effikaċi.

Artikolu II.17 Awditu finanzjarju

1. Il-Kummissjoni, jew kwalunkwe rappreżentant awtorizzat minnha, tista’ tibda awditu dwar parteċipant f’kull mument matul it-tul tal-kuntratt ta’ finanzjament u għal tul ta’ ħames snin li jibdew jiddekorru mill-pagament finali tal-kontribuzzjoni tal-Komunità msemmija fl-Artikolu 3.

[…]

2. Il-Kummissjoni jew kwalunkwe rappreżentant awtorizzat jista’ jkollu aċċess f’ħinijiet raġonevoli, b’mod partikolari, għall-persunal tal-benefiċjarji li huwa assoċjat mal-proġett, għad-dokumentazzjoni msemmija fl-Artikolu 16 ta’ dan l-anness, u għad-data informatika u tagħmir li hija tqis rilevanti. F’dan il-kuntest, hija tista’ teżiġi li d-data tingħatalha f’forma xierqa sabiex, pereżempju, tivverifika l-eliġibbiltà tal-infiq.

[…]

4. Fuq il-bażi tal-konklużjonijiet tal-awditu, il-Kummissjoni tieħu l-miżuri kollha xierqa li hija tqis utli, inkluż l-irkupru parzjali jew totali tal-pagamenti li hija tkun tat. L-irkupru jiġi indirizzat lill-benefiċjarju kkonċernat, jew lill-benefiċjarju implikat jekk l-awditu finanzjarju jirrigwarda wieħed mill-membri tiegħu.

[…]

Artikolu II.19 Rimbors lill-Kummissjoni u rkupru

1. Fil-każ ta’ ammont indebitament mogħti lill-parteċipant jew fil-każ li l-irkupru jkun iġġustifikat abbażi tal-klawżoli tal-kuntratt, il-benefiċjarju għandu jirrimborsa lill-Kummissjoni s-somma inkwistjoni, skont il-modalitajiet u fid-data indikata mill-Kummissjoni.

2. Fil-każ li l-benefiċjarju jonqos milli jħallas sad-data stabbilita mill-Kummissjoni, is-somma dovuta tiżdied bl-interessi bir-rata ffissata fl-Artikolu 3.6 ta’ dan l-anness. L-interessi moratorji jibdew jgħoddu esklużivament mid-data stabbilita għall-pagament, sad-data, inkluża, li fiha l-Kummissjoni tirċievi l-ammont totali dovut.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12      L-aħħar kuntratt inkwistjoni (iktar ’il quddiem il-“kuntratt CIP” jew il- “kuntratt T‑Seniority”) ġie konkluż fil-kuntest tal-programm qafas għall-innovazzjoni u l-kompetittività stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 2006, li tistabbilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007 sa 2013) (ĠU L 310, p. 15).

13      Dan huwa l-kuntratt Nru 224988 “T-Seniority: Expanding the benefits of information society to older people through digital TV channels”, fejn l-Artikolu 3 tiegħu kien jistabbilixxi t-tul tal-proġett għal 24 xahar li bdew jiddekorru mill-1 ta’ Lulju 2008, u fejn l-Artikolu 5 tiegħu kien jistabbilixxi kontribuzzjoni finanzjarja massima tal-Komunità ta’ EUR 2 669 999, li minnhom EUR 72 562.50 kienu ddestinati għar-rikorrenti.

14      Il-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt CIP (iktar ’il quddiem il-“kundizzjonijiet CIP”) jipprovdu b’mod partikolari s-segwenti:

“Artikolu II.1 Definizzjoni

[…]

‘benefiċjarju’ tfisser entità legali li tipparteċipa f’dan il-kuntratt ta’ finanzjament konkluż mal-Komunità.

[…]

‘infiq eliġibbli’ tfisser l-infiq imsemmi fl-Artikoli II.21 u II.22, bʼosservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli II.20 u II.23.

[…]

‘irregolarità’ tfisser kull ksur tad-dritt Komunitarju jew ta’ klawżola ta’ dan il-kuntratt ta’ finanzjament, minħabba azzjoni jew ommissjoni ta’ benefiċjarju jew membru ta’ benefiċjarju wieħed jew iktar, li jikkawża jew li jista’ jikkawża dannu lill-baġit ġenerali tal-Komunitajiet.

[…]

Artikolu II.5 Approvazzjoni tar-rapporti u riżultati finali; termini ta’ pagament

1. Fit-tmiem ta’ kull perijodu ta’ referenza, il-Kummissjoni tevalwa r-rapporti tal-proġetti u r-riżultati finali previsti fl-Anness I u tipproċedi bil-pagamenti korrispondenti fil-105 jum minn meta tirċevihom, ħlief jekk it-terminu, il-pagament jew il-proġett ikun ġie sospiż. Il-Kummissjoni tista’ tiġi assistita minn esperti esterni matul l-analiżi u l-evalwazzjoni tar-rapporti u riżultati finali.

2. Il-pagamenti jsiru wara li l-Kummissjoni tkun approvat ir-rapporti u/jew ir-riżultati finali. L-assenza ta’ tweġiba tal-Kummissjoni fit-terminu stabbilit ma tfissirx approvazzjoni. Il-Kummissjoni tista’ tiċħad ir-rapporti u r-riżultati finali, anki wara t-tmiem tat-terminu ta’ pagament. L-approvazzjoni tar-rapporti ma tfissirx rikonoxximent tar-regolarità tagħhom jew tal-awtentiċità tad-dikjarazzjonijiet u tal-informazzjoni li jinkludu u ma tfissirx eżenzjoni minn kull awditu jew verifika.

[…]

Artikolu II.10 Rexissjoni tal-kuntratt ta’ finanzjament jew tal-parteċipazzjoni ta’ benfiċjarju

[…]

2. Il-Kummissjoni ma tipprekludix:

a)      ir-rexissjoni tal-kuntratt ta’ finanzjament fuq talba bil-miktub tal-koordinatur, li jaġixxi bi ftehim mal-benefiċjarji kollha l-oħra, għar-raġunijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu;

b)      li benefiċjarju jirtira mill-proġett, ħlief jekk dan l-irtirar jaffettwa b’mod sostanzjali l-implementazzjoni tal-proġett.

Ir-rexissjoni tal-kuntratt ta’ finanzjament jew l-irtirar tal-benefiċjarju tidħol fis-seħħ:

–        fid-data tal-ittra ta’ aċċettazzjoni tal-Kummissjoni mibgħuta b’ittra rreġistrata b’konferma ta’ rċevuta;

–        fl-assenza ta’ osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, saʼ mhux iktar tard minn xahar wara li tirċievi n-notifika ta’ rexissjoni mibgħuta mill-partijiet ikkonċernati.

3. Il-Kummissjoni tista’ tirrexindi b’effett immedjat dan il-kuntratt ta’ finanzjament jew il-parteċipazzjoni ta’ benefiċjarju, mid-data li fiha jirċievi ittra rreġistrata b’konferma ta’ rċevuta mibgħuta mill-Kummissjoni, meta:

[…]

f)      fil-każ ta’ irregolarità finanzjarja gravi jew frodi mwettqa minn benefiċjarju.

[…]

Artikolu II.11 Konsegwenzi finanzjarji u oħra tar-rexissjoni

[…]

3. Fil-każ ta’ rexissjoni, il-pagamenti maħruġa mill-Kummissjoni huma limitati għall-infiq eliġibbli sostnut u aċċettat sad-data effettiva ta’ rexissjoni kif ukoll kull impenn leġittimu meħud qabel din id-data u li ma jistax jiġi annullat.

4. B’deroga mill-paragrafu preċedenti:

–        fil-każ ta’ rexissjoni skont il-punt  (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu II.10(2) jew paragrafu 3(b), (ċ), (e), (f) jew (g), il-Kummissjoni tista’ titlob ir-rimbors totali jew parzjali tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità, fid-dawl tan-natura u tar-riżultati tax-xogħol magħmul kif ukoll tal-utilità tiegħu għall-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dan il-programm;

[…]

7. Il-Kummissjoni tista’ teżerċita d-drittijiet kollha li jagħtiha dan il-kuntratt ta’ finanzjament sabiex taċċetta jew tiċħad ir-rapporti jew ir-riżultati finali, sabiex taċċetta, tnaqqas jew tirrifjuta t-talbiet ta’ nfiq sottomessi u sabiex tibda awditu jew evalwazzjoni teknika.

8. Minkejja r-rexissjoni tal-kuntratt ta’ finanzjament jew tal-parteċipazzjoni ta’ benefiċjarju, id-dispożizzjonijiet tal-partijiet B u D tal-Anness II jibqgħu japplikaw wara r-rexissjoni tal-kuntratt ta’ finanzjament jew it-tmiem tal-parteċipazzjoni ta’ benefiċjarju. Kull dispożizzjoni oħra ta’ dan il-kuntratt ta’ finanzjament li tipprovdi espressament li l-applikazzjoni tagħha ser tkompli wara r-rexissjoni tibqa’ wkoll tapplika matul iż-żmien previst minn dawn id-dispożizzjonijiet.

[…]

Artikolu II.20 Infiq eliġibbli – Prinċipji ġenerali

1. L-infiq eliġibbli huwa dak imsemmi fl-Artikoli II.21 u II.22. Huwa għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet segwenti:

[…]

–        għandu jkun meħtieġ għall-implementazzjoni tal-proġett;

–        il-benefiċjarju għandu effettivament ikun nefaq l-imsemmi infiq;

–        għandu jkun identifikabbli u vverifikat, jiġi inkluż fil-kontabbiltà tal-benefiċjarju u stabbilit skont il-prinċipji ta’ kontabbiltà applikabbli fil-pajjiż ta’ stabbiliment tal-benefiċjarju u skont il-metodi ta’ kalkolu tal-infiq normali tal-benefiċjarju; il-proċeduri interni ta’ kontabbiltà u ta’ awditu tal-benefiċjarju għandhom jippermettu korrispondenza diretta bejn l-infiq u l-fatturi ddikjarati abbażi tal-proġett u d-dokumenti finanzjarji u annessi korrispondenti;

–        għandu jkun konformi mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni fiskali u soċjali applikabbli;

–        għandu jkun raġonevoli u ġġustifikat u jissodisfa r-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba, b’mod partikolari fir-rigward tal-ekonomija u l-effikaċja;

u

–        għandu jintefaq matul il-proġett.

[…]

2. L-infiq ineliġibbli huwa b’mod partikolari s-segwenti:

[…]

–        l-infiq mhux meħtieġ jew skunsiderat;

[…]

–        kull spiża minfuqa jew irrimborsata abbażi, b’mod partikolari, ta’ proġett Komunitarju, internazzjonali jew nazzjonali ieħor.

[…]

Artikolu II.23 Ġustifikazzjoni tal-infiq

L-infiq eliġibbli jiġi rrimborsat meta jkun motivat mill-benefiċjarju.

Għal dan il-għan, il-parteċipant għandu jżomm, fuq bażi regolari u skont il-konvenzjonijiet ta’ kontabbiltà normali tal-Istat ta’ stabbilment tiegħu, il-kontabbiltà dwar il-proġett u dokumentazzjoni xierqa sabiex isostni u jiġġustifika fid-dettall l-ispejjeż u ż-żmien li jinsabu fil-kitbiet ta’ kontabbiltà tiegħu. Din il-kontabbiltà għandha tinżamm għal perijodu ta’ mill-inqas ħames snin mid-data tal-pagament finali. Iż-żmien kollu ta’ xogħol attribwit lill-kuntratt ta’ finanzjament għandu jiġi rreġistrat matul it-tul kollu tal-proġett u għal perijodu massimu ta’ xahrejn minn tmiem il-proġett; dan iż-żmien għandu jiġi ċċertifikat mill-persuna responsabbli mix-xogħol maħtura mill-parteċipant skont l-Artikolu II.3.b jew mid-direttur finanzjarju debitament awtorizzat mill-parteċipant.

Din id-dokumentazzjoni għandha tkun preċiża, sħiħa u effikaċi.

[…]

Artikolu II.26 Modalitajiet ta’ pagament

[…]

6. Kull pagament jista’ jkun is-suġġett ta’ awditu jew ta’ eżami mill-ġdid u jista’ jiġi rrivedut jew irkuprat skont ir-riżultati tal-awditu jew tal-eżami mill-ġdid

[…]

Artikolu II.28 Awditu finanzjarju

1. Il-Kummissjoni tista’ tibda awditu dwar benefiċjarju f’kull mument matul l-implementazzjoni tal-proġett u għal tul ta’ ħames snin mill-pagament finali. Il-proċedura ta’ awditu fil-konfront ta’ benefiċjarju titqies li bdiet fil-jum li fih dan tal-aħħar jirċievi l-ittra rreġistrata b’konferma ta’ rċevuta indirizzata f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni.

Il-proċedura ta’ awditu tista’ titmexxa minn awdituri esterni jew mid-dipartimenti tal-Kummissjoni, inkluż l-OLAF. Il-proċedura ta’ awditu titmexxa b’mod kunfidenzjali.

2. Il-benefiċjarji għandhom iqiegħdu direttament għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni kull informazzjoni u data ddettaljata mitluba minnha jew minn kull rappreżentant awtorizzat minnha, sabiex jiġi vverifikat jekk il-kuntratt ta’ finanzjament ikunx qed jiġi amministrat korrettament, li jkun qed jiġi implementat skont id-dispożizzjonijiet tiegħu u li l-infiq ikun ġie attribwit b’mod konformi.

3. Il-benefiċjarji għandhom jiżguraw li l-Kummissjoni jew kull entità esterna awtorizzata minnha jkollha aċċess għall-post f’ħinijiet raġonevoli, b’mod partikolari, għall-uffiċċji tal-benefiċjarji, għall-persunal tal-benefiċjarji li huma assoċjati mal-proġett, għad-dokumentazzjoni msemmija fl-Artikolu II.23 ta’ dan l-anness u meħtieġa għat-twettiq tal-awditu, inkluża informazzjoni dwar ir-remunerazzjoni individwali tal-persuni involuti fil-proġett, id-data ta’ kontabbiltà, id-data informatika u tagħmir. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni jew kull entità esterna awtorizzata minnha tista’ teżiġi li d-data tingħatalha f’forma xierqa sabiex, pereżempju, tivverifika l-eliġibbiltà tal-infiq.

[…]

5. Fuq il-bażi tal-konklużjonijiet tal-awditu, il-Kummissjoni tieħu l-miżuri kollha xierqa li hija tqis utli, inkluż l-irkupru parzjali jew totali tal-pagamenti li hija tkun tat u l-impożizzjoni ta’ kull sanzjoni applikabbli.

[…]

Artikolu II.30 Rimbors lill-Kummissjoni u rkupru

1. Meta ammont mogħti mill-Kummissjoni lill-koordinatur, fil-kapaċità tiegħu ta’ riċevitur tal-pagamenti kollha, għandu jiġi rkuprat abbażi tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kuntratt ta’ finanzjament, il-benefiċjarju kkonċernat għandu jirrimborsa lill-Kummissjoni s-somma inkwistjoni, skont il-modalitajiet u fid-data indikati mill-Kummissjoni.

2. Jekk l-obbligu ta’ ħlas tal-ammont dovut ma jiġix onorat fid-data stabbilita mill-Kummissjoni, mas-somma dovuta jiżdiedu l-interessi moratorji bir-rata ffissata fl-Artikolu II.5(5). L-interessi moratorji jibdew jgħoddu esklużivament mid-data stabbilita għall-pagament, sad-data, inkluża, li fiha l-Kummissjoni tirċievi l-ammont totali dovut.

[…]

4. Il-benefiċjarji jifhmu li abbażi tal-Artikolu 256 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, il-Kummissjoni tista’ tieħu deċiżjoni, li ssir titolu eżekuttiv, li timponi obbligu pekunjarju fuq persuni li ma humiex l-Istati.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

15      Fir-rigward tad-dritt li japplika għall-kuntratti inkwistjoni, l-Artikolu 12 tal-kuntratti FP6 jipprovdi li “[i]d-dritt Belġjan għandu jirregola dan il-kuntratt”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

16      Bl-istess mod l-Artikolu 5(1) tal-kuntratti eTEN jipprovdi li “[i]d-dritt Belġjan għandu jirregola dan il-ftehim ta’ sussidju”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

17      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10 tal-kuntratt CIP jipprevedi li “dan il-kuntratt ta’ finanzjament għandu jiġi rregolat mid-dispożizzjonijiet tiegħu, mill-atti rilevanti tal-Komunità dwar is-[CIP], mir-Regolament finanzjarju li japplika b’mod ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej kif ukoll il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tiegħu, mid-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt Komunitarju u, sussidjarjament, mid-dritt Belġjan”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

18      Fir-rigward tal-ġurisdizzjoni, l-Artikolu 13 tal-kuntratti FP6 jinkludi klawżola ta’ arbitraġġ li tipprevedi li l-Qorti Ġenerali jew il-Qorti tal-Ġustizzja, skont il-każ, ikollha l-ġurisdizzjoni biex taqtaʼ kawżi bejn il-Komunità u l-kontraenti dwar il-validità, l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni ta’ dawn il-kuntratti.

19      Dan jgħodd ukoll għall-Artikolu 5(2) tal-kuntratti eTEN kif ukoll għat-tielet paragrafu tal-Artikolu 10 tal-kuntratt CIP.

 B – Eżekuzzjoni tal-kuntratti inkwistjoni u awditu

20      Mit-8 ta’ Frar sat-12 ta’ Frar 2010, il-Kummissjoni wettqet awditu finanzjarju fuq il-kuntratti inkwistjoni fl-uffiċċji tar-rikorrenti.

21      Qabel it-twettiq ta’ dan l-awditu, il-Kummissjoni kienet diġà tat l-aħħar parti tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità lir-rikorrenti għal xi wħud mill-kuntratti inkwistjoni.

22      Fir-rigward, l-ewwel nett, ta’ tlieta mill-kuntratti rregolati mill-kundizzjonijiet FP6, jiġifieri l-kuntratti Access-eGOV, eABILITIES u Emerge, l-għoti ta’ din l-aħħar parti tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità sar fil-15 ta’ Diċembru, fit-30 ta’ Settembru u fit-30 ta’ Ottubru 2009, rispettivament. L-eżekuzzjoni ta’ dawn it-tliet kuntratti mir-rikorrenti ġiet definittivament approvata mill-Kummissjoni fit-13 ta’ Lulju 2009, fis-17 ta’ Marzu 2009 u fil-15 ta’ Mejju 2010, rispettivament.

23      Fir-rigward, it-tieni nett, tal-kuntratti rregolati mill-kundizzjonijiet eTEN, jiġifieri l-kuntratti Navigabile u Euridice, l-imsemmi għoti sar fit-28 ta’ Jannar 2009 u fit-28 ta’ Diċembru 2007, rispettivament. L-eżekuzzjoni ta’ dawn iż-żewġ kuntratti mir-rikorrenti ġiet definittivament approvata mill-Kummissjoni fit-8 ta’ Diċembru 2008 u fis-27 ta’ Marzu 2007.

24      Fid-data tal-awditu, il-kuntratti l-oħra inkwistjoni kienu jinsabu fi stadji ta’ eżekuzzjoni differenti.

25      Fir-rigward tal-kuntratt irregolat mill-kundizzjonijiet CIP, jiġifieri l-kuntratt T-Seniority, il-Kummissjoni tat, fit-23 ta’ Frar 2009, lir-rikorrenti permezz tal-koordinatur tal-proġett l-ewwel parti tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità li tammonta għal EUR 43 934.90. B’ittra tal-1 ta’ Marzu 2010, ir-rikorrenti informat lill-koordinatur tal-proġett T-Seniority li hija kienet ser tirtira mill-konsorzju minn din id-data.

26      Fir-rigward tat-tliet kuntratti l-oħra rregolati mill-kundizzjonijiet FP6, jiġifieri l-kuntratti Ask-It, EU4ALL u Enable, is-sitwazzjoni kienet is-segwenti.

27      Fil-kuntest tal-kuntratt Ask-It, il-Kummissjoni kienet tat l-ewwel erba’ partijiet tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità ddestinati lir-rikorrenti, fejn l-aħħar għoti sar fis-27 ta’ Mejju 2008. L-aħħar parti tal-imsemmija kontribuzzjoni ma kinitx għadha ngħatat. Il-konsorzju kien bagħat lill-Kummissjoni l-aħħar riżultati finali fil-21 ta’ Lulju 2009.

28      Fil-kuntest tal-kuntratt EU4ALL, il-Kummissjoni kienet tat lir-rikorrenti l-ewwel żewġ partijiet tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità fl-4 ta’ April 2007 u fid-19 ta’ Jannar 2009. Waara l-eżami tar-rapporti sottomessi mill-konsorzju fil-kuntest tat-tielet perijodu ta’ referenza tal-proġett, il-Kummissjoni bagħtet lill-koordinatur ta’ dan il-proġett ittra tat-13 ta’ Jannar 2010 li fiha indikat li dawn ir-rapporti kienu approvati bil-kundizzjoni li l-konsorzju jippreżenta pjan ta’ implementazzjoni għall-perijodu segwenti li jinkludi ċertu numru ta’ bidliet dwar il-prestazzjonijiet u l-inkarigi li għandhom jitwettqu. Il-Kummissjoni kienet iffissat ukoll terminu ta’ xahar għall-konsorzju biex jikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tagħha u jissottometti pjan ġdid ta’ implementazzjoni.

29      Sussegwentement, il-Kummissjoni, b’ittra tad-29 ta’ Marzu 2010, awtorizzat, fil-kuntest tal-kuntratt EU4ALL, terminu ġdid ta’ xahar lill-konsorzju biex jikkunsidra rakkomandazzjonijiet addizzjonali wara l-produzzjoni ta’ dokumenti ġodda u jipproduċi pjan ta’ implementazzjoni ġdid li jieħu inkunsiderazzjoni l-imsemmija rakkomandazzjonijiet.

30      Wara l-produzzjoni ta’ dokumenti ġodda mill-konsorzju fil-kuntest tal-kuntratt EU4ALL, il-Kummissjoni indikat lill-konsorzju f’ittra tad-9 ta’ Ġunju 2010 li hija kienet tqis, bil-kundizzjoni li jiġu prodotti dokumenti addizzjonali qabel it-tmiem tax-xahar ta’ Ġunju 2010, li huwa kien eżegwixxa l-proġett b’mod sodisfaċenti.

31      B’ittra tal-4 ta’ Awwissu 2010, ir-rikorrenti fakkret lill-Kummissjoni li, minkejja s-sottomissjoni mill-koordinatur tal-proġett tad-dokumenti addizzjonali mitluba mill-Kummissjoni fl-ittra tagħha tad-9 ta’ Ġunju 2010, din tal-aħħar ma wettqet l-ebda pagament. Peress li din is-sitwazzjoni wasslet biex l-eżekuzzjoni tal-proġett previst mill-kuntratt EU4ALL kienet impossibbli minħabba l-assenza ta’ riżorsi finanzjarji, hija indikat lill-Kummissjoni li kienet ser tissospendi mid-data li fiha hija tirċievi din l-ittra kull eżekuzzjoni u kull implementazzjoni tal-proġett sakemm il-Kummissjoni teżegwixxi l-obbligi kuntrattwali tagħha, u dan bla ħsara għad-drittijiet li jagħtiha l-kuntratt u kull dannu addizzjonali.

32      B’ittra tal-25 ta’ Awwissu 2010, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li hija kienet issospendiet il-pagament tal-aħħar kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità li jikkorrispondi għall-aħħar perijodu ta’ referenza fil-kuntest tal-kuntratt EU4ALL fuq il-bażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu II.28(8) tal-kundizzjonijiet FP6.

33      Fil-kuntest tal-kuntratt Enable, il-Kummissjoni kienet tat lir-rikorrenti l-ewwel sitt partijiet tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità li kienu ddestinati għal din tal-aħħar, fejn l-aħħar għoti sar fis-7 ta’ Ġunju 2009.

34      Sussegwentement, ir-rikorrenti informat lill-Kummissjoni b’ittra tas-16 ta’ Lulju 2010 li, fl-assenza tal-pagament mingħandha, kien impossibli għaliha li tkompli bl-eżekuzzjoni tal-proġett previst mill-kuntratt Enable minħabba l-assenza ta’ riżorsi finanzjarji. Hija indikat ukoll lill-Kummissjoni li kienet ser tissospendi mid-data li fiha hija tirċievi din l-ittra kull eżekuzzjoni u kull implementazzjoni tal-proġett sakemm il-Kummissjoni teżegwixxi l-obbligi kuntrattwali tagħha, u dan bla ħsara għad-drittijiet li jagħtiha l-kuntratt u kull dannu addizzjonali. Hija madankollu ssottomettiet lill-Kummissjoni l-aħħar rapport finanzjarju tagħha dwar dan il-proġett fil-15 ta’ Ottubru 2010.

35      Fit-28 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti rapport ta’ awditu provviżorju dwar l-eżekuzzjoni tal-kuntratti inkwistjoni. Ir-rikorrenti kkomunikat lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-imsemmi rapport fit-30 ta’ Settembru 2010.

36      B’ittra tat-22 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li hija kienet adottat ir-rapport tal-awditu definittiv, anness mal-imsemmija ittra, u approvat il-konklużjonijiet tiegħu.

37      Fir-rapport ta’ awditu definittiv anness mal-ittra tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Diċembru 2010, ġie kkonstatat is-segwenti:

–        għal bosta snin suċċessivi, ir-rikorrenti ma wettqitx il-kontijiet, b’mod partikolari, tad-dħul eżatt tagħha fil-kotba tal-kontijiet u fl-arkivji tagħha, bi ksur tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi Griega; minn dan jirriżulta li l-kitbiet ta’ kontabbiltà tagħha ma kinux affidabbli u li l-ebda paragun dirett ma seta’ jitwettaq bejn l-infiq u d-dħul dwar l-eżekuzzjoni tal-programmi u s-sitwazzjoni ġenerali tal-kontijiet tagħha;

–        perċentwal sinjifikattiv tal-listi ta’ preżenza tal-persunal kellhom sistematikament korrezzjonijiet bil-miktub li twettqu a posteriori mid-direttur tal-programmi, mingħajr il-kunsens tal-persunal; dan kellu konsegwenzi sinjifikattivi fuq il-ħin ta’ xogħol iddikjarat u nissel dubji dwar ir-reġistrazzjoni tas-sigħat ta’ xogħol;

–        il-listi ta’ preżenza tad-direttur tal-programmi kienu jindikaw numru eċċessiv ta’ sigħat ta’ xogħol, li kienu jkopru dawk stipulati għal attivitajiet professjonali oħra;

–        ir-rikorrenti ddikjarat b’mod falz li d-direttur tal-programmi ma kienx ipparteċipa fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt ETSI STF 333 iffinanzjat mill-Kummissjoni;

–        il-ġustifikazzjoni tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar ma kinitx tipprovdi stampa affidabbli u oġġettiva tal-kundizzjonijiet u tal-attivitajiet magħmula fil-kuntest ta’ dawn il-vjaġġi, sa fejn il-parti l-kbira ta’ dawn il-vjaġġi ma kinux direttament marbuta mal-programmi inkwistjoni.

38      Ir-rapport ta’ awditu kkonkluda li kien hemm bżonn, konsegwentement, li l-infiq kollu sostnut mir-rikorrenti fl-eżekuzzjoni tal-kuntratti Access-eGOV, eABILITIES, Ask-It, EU4ALL, Emerge u Enable kif ukoll Navigabile, Euridice u T-Seniority jitqiesu li huma ineliġibbli u li l-ammonti rilevanti kollha mogħtija lir-rikorrenti għandhom jiġu rkuprati.

39      Ir-rapport ta’ awditu rrakkomanda wkoll li, fid-dawl tal-gravità tal-ksur ikkonstatat, jiġu tterminati l-kuntratti kollha pendenti konklużi mir-rikorrenti mal-Kummissjoni, skont l-Artikoli  II.16.2 tal-kundizzjonijiet FP6, II.7.3 (irregolarità finanzjarja gravi) u II.7.4 (dikjarazzjonijiet foloz) tal-kundizzjonijiet eTEN, u II.10.3 (ksur tal-kuntratt u nuqqas ta’ produzzjoni ta’ informazzjoni) tal-kundizzjonijiet CIP.

40      Fl-ittra tagħha tat-22 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni indikat ukoll is-somma li għandha tiġi rrimborsata għal kull kuntratt inkwistjoni, li tirrappreżenta ammont totali ta’ EUR 951 029.21, fil-forma tat-tabella segwenti:

Kuntratt

Infiq iddikkjarat

(A)

Infiq aċċettat mill-PO (B)

Infiq eliġibbli

(C)

Aġġustament gross meta mqabbel mal-infiq aċċettat

(C-B)

027020

Access-eGOV

157 438.84

157 438.84

0.00

- 157 438.84

034778

EU4ALL

115 044.16

115 044.16

0.00

- 115 044.16

035242

eABILITIES

95 287.40

95 287.40

0.00

- 95 287.40

045056

Emerge

112 30.,44

112 308.44

0.00

- 112 308.44

045563

Enable

118 588.01

104 503.61

0.00

- 104 503.61

511298

Ask-It

187 120.70

184 803.16

0.00

- 184 803.16

029255

Navigabile

61 004.83

62 129.50

0.00

- 62 129.50

517506

Euridice

56 798.04

56 472.10

0.00

- 56 472.10

224988

T-Seniority

63 042

63 042

0.00

- 63 042

41      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-aġġustamenti li saru neċessarji minħabba l-għoti ta’ somom ineliġibbli favur ir-rikorrenti setgħu jaffettwaw il-pagamenti futuri skont il-kuntratti inkwistjoni jew jieħdu l-forma ta’ ordni ta’ rkupru.

42      F’din l-istess ittra, il-Kummissjoni informat barra minn hekk lir-rikorrenti li, minbarra l-implementazzjoni ta’ dawn l-aġġustamenti, id-dipartimenti tagħha setgħu jikkalkolaw l-ammont ta’ kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa dovut lill-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu II.30 tal-kundizzjonijiet FP6 u joħorġu, jekk ikun il-każ, ordni ta’ rkupru għal dan il-kumpens.

43      Fl-4 ta’ Frar 2011, id-direttur tal-programmi nstema’ mill-aġenti tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) fir-rigward tal-implementazzjoni tal-proġetti li huma s-suġġett tal-kuntratti inkwistjoni u tal-parteċipazzjoni tiegħu f’dawn tal-aħħar.

44      B’ittra tal-21 ta’ Marzu 2011 indirizzata lir-rikorrenti, il-Kummissjoni indikat lil din tal-aħħar li l-ammonti li ġew indebitament mogħtija lilha kienu s-segwenti:

 

Proġetti

Infiq eliġibbli/finanzjament skont ir-rapport ta’ awditu

Ammont indebitament mogħti

FP6

027020

Access-e-Gov

0.00 €

- 157 438.73 €

FP6

035242

eABILITIES

0.00 €

- 95 201.60 €

FP6

045563

Enable

0.00 €

- 81 456.96 €

FP6

511298

Ask-It

0.00 €

- 164 988.82 €

FP6

034778

EU4ALL

0.00 €

- 125 580.45 €

FP6

045056

Emerge

0.00 €

-187 248.39 €

ETEN

029255

Navigabile

0.00 €

- 62 129.50 €

ETEN

517506

Euridice

0.00 €

- 55 750 €

CIP

224988

T-Seniority

0.00 €

- 43 966 €

 

- 643 782.81 €

45      Il-Kummissjoni informat ukoll lir-rikorrenti li, jekk ma kinitx ser tissottometti kummenti f’dan ir-rigward fil-15-il jum wara li tirċievi din l-ittra, id-dipartimenti tagħha kienu ser ikomplu l-proċedura ta’ rkupru għal ammont ta’ EUR 643 782.81 u li din tal-aħħar kienet ser tirċievi nota ta’ debitu għal kull proġett li tinkludi l-istruzzjonijiet biex tipproċedi għar-rimbors mill-Kummissjoni f’terminu fiss. Hija ppreċiżat ukoll lir-rikorrenti li, jekk din tal-aħħar ma kinitx ser twettaq ir-rimbors fit-terminu stabbilit bin-nota ta’ debitu, l-ammont li għandu jiġi rrimborsat kien ser jiżdied b’rata ta’ interessi ffissata fl-imsemmija nota ta’ debitu. Hija żiedet tgħid li, jekk l-ammont totali, inkluż l-interessi, jekk ikun il-każ, ma kinx ser jiġi rrimborsat, dan ikun is-suġġett jew ta’ eżekuzzjoni forzata jew ta’ kumpens bis-somom eventwali dovuti. Fl-aħħar nett, hija indikat li, minbarra l-ordni ta’ rkupru, id-dipartiment kompetenti kienu ser jikkalkolaw ukoll l-ammont ta’ kumpens dovut mir-rikorrenti abbażi tal-Artikolu II.30 tal-kundizzjonijiet FP6.

46      B’ittra tal-1 ta’ April 2011, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti “tabella rettifikattiva” tas-somom li ngħatawlha indebitament. Mill-imsemmija tabella jirriżulta li l-ammont totali li għandu jiġi rrimborsat jammonta għal EUR 999 366.40 u mhux EUR 643 782.81.

47      B’ittra tal-4 ta’ April 2011, il-Kummissjoni indikat lir-rikorrenti li, fid-dawl tar-riżultati tal-awditu, hija kienet qed tqis li din tal-aħħar kienet għamlet dikjarazzjonijiet foloz u wettqet irregolaritajiet fis-sens tal-Artikolu II.1.11 tal-kundizzjonijiet FP6, tal-Artikolu II.1.32 tal-kundizzjonijiet eTEN u tal-Artikolu II.1 tal-kundizzjonijiet CIP. Hija spjegat ukoll lir-rikorrenti li hija kienet qed tqis li din tal-aħħar kisret id-dispożizzjonijiet tal-kuntratti inkwistjoni dwar l-eliġibbiltà tal-ispejjeż u li dan il-ksur kif ukoll id-dikjarazzjonijiet foloz kellhom l-għan li tinkiseb kontribuzzjoni indebita mill-Unjoni. Konsegwentement, hija informat lir-rikorrenti bid-deċiżjoni tagħha li ttemm il-parteċipazzjoni ta’ din tal-aħħar fil-kuntratti Ask-It, EU4ALL, Emerge u Enable, fuq il-bażi tal-Artikolu II.16.2 tal-kundizzjonijiet FP6 minn meta tirċievi din l-ittra. Hija talbet ukoll lir-rikorrenti tibgħatilha f’terminu ta’ 30 jum minn meta tirċievi din l-ittra r-rapporti u d-dokumenti kollha li kellhom jiġu sottomessi fil-kuntest tal-kuntratt Enable dwar ix-xogħlijiet imwettqa sa dik id-data, skont l-Artikolu II.7 tal-kundizzjonijiet FP6. Hija ġibdet ukoll l-attenzjoni tar-rikorrenti fuq il-fatt li, fid-dawl tar-riżultati finali tal-awditu, kien improbabbli li l-infiq ippreżentat minnha għall-perijodi mhux koperti mill-imsemmi awditu ser jitqies li huwa eliġibbli.

48      Fid-29 ta’ April 2011, il-Kummissjoni ħarġet disa’ noti ta’ debitu li jindikaw l-ammont ta’ rimbors skont kull wieħed mill-kuntratti inkwistjoni għal total ta’ EUR 999 213.45. Dawn in-noti ta’ debitu stabbilixxew għar-rikorrenti terminu għar-rimbors tas-somom dovuti ta’ 45 jum, li kien jiskadi fl-14 ta’ Ġunju 2011, u f’din l-iskadenza kellhom jiġu miżjuda ma’ dawn is-somom l-interessi moratorji previsti fil-kuntratti inkwistjoni skont ir-rata tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) miżjuda bi 3.5 punti.

49      Fl-istess jum, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti b’ittra li l-ammont totali tal-kumpensi dovuti skont il-kuntratti konklużi fil-kuntest tal-FP6 kien jammonta għal EUR 70 471.47. Hija indikat ukoll li l-ammont miksub skont il-formula prevista fl-Artikolu II.30 tal-kundizzjonijiet ġenerali ta’ dawn il-kuntratti kien tnaqqas, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti ta’ proporzjonalità, b’10 % tal-ammont tas-sussidju mogħti qabel l-awditu.

50      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni annettiet it-tabella segwenti:

Proġett

Perijodu suġġett għal awditu mħallas

Finanzjament mitlub qabel l-awditu

Sovradikjarazzjoni %

Limitu tal-ammont tad-danni 1

027020

Access-e-Gov

1 to 3

157 438.84 €

100 %

15 743.87 €

035242

eABILITIES

1 to 2

95 287.40 €

100 %

9 520.16 € *

045563

Enable

1 to 2

59 732.95 €

100 %

5 973,30 €

511298

Ask-It

1 to 3

171 434.65 €

100 %

16 498.88 € *

034778

EU4ALL

1 to 2

115 044.16 €

100 %

11 504.42 €

045056

Emerge

1 to 2

112 308.44 €

100 %

11 230.84 €

 

70 471.47 €

1      Ammont limitat għal 10 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija mill-koordinatur finanzjarju tal-proġetti (EUR 95 20160 għal eABILITIES u EUR 164 988,02 għal Ask-It)

51      Fl-istess ittra, il-Kummissjoni indikat ukoll li, fl-assenza ta’ kummenti tar-rikorrenti f’terminu ta’ 30 jum wara li tirċievi din l-ittra, kienet ser tinħareġ nota ta’ debitu fl-ammont ta’ EUR 70 471.47, skont l-Artikolu II.31 tal-kundizzjonijiet FP6. Hija ppreċiżat ukoll li, jekk l-ammont dovut ma kienx ser jiġi rrimborsat fit-terminu previst min-nota ta’ debitu, din is-somma kienet ser tiżdied bl-interessi moratorji bir-rata indikata fl-imsemmija nota ta’ debitu.

52      Fl-20 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni ħarġet sitt noti ta’ debitu skont il-kuntratti konklużi bejn il-Komunità u r-rikorrenti għall-proġetti Access-eGOV, eABILITIES, Ask-It, EU4ALL, Emerge u Enable, li jistabbilixxu s-somom dovuti mir-rikorrenti skont il-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa abbażi tal-Artikolu II.30 tal-kundizzjonijiet FP6 għal ammont totali ta’ EUR 70 471.47. It-terminu ffissat mill-Kummissjoni lir-rikorrenti għall-ħlas tas-somom inkwistjoni kien stabbilit għall-4 ta’ Awwissu 2011.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

53      B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Jannar 2011, ir-rikorrenti ppreżentat din l-azzjoni.

54      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Mejju 2011, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta li tinkludi kontrotalba.

55      B’atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ppreżentaw rispettivament ir-replika fis-17 ta’ Awwissu 2011 u l-kontroreplika fl-14 ta’ Novembru 2011.

56      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        “tikkonstata li hija ma kisritx l-Artikoli II.16.2 tal-kundizzjonijiet FP6, Π.7.3 (irregolarità finanzjarja gravi) u II.7.4 (dikjarazzjonijiet foloz) tal-kundizzjonijiet eTEN, u II.10.3 (ksur tal-kuntratt u nuqqas ta’ produzzjoni ta’ informazzjoni) tal-kundizzjonijiet CIP”;

–        “tikkonstata li, billi kkontestat l-eliġibbiltà tal-infiq tagħha, il-Kummissjoni kisret il-kuntratti inkwistjoni”;

–        tikkonstata li l-infiq ta’ ammont taʼ EUR 932 362.44 li hija ssottomettiet lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kuntratti Access-eGOV, eABILITIES, Ask-It, EU4ALL, Emerge u Enable kif ukoll Navigabile, Euridice u T-Seniority, huwa eliġibbli u li hija ma għandhiex tirrimborsa s-somom allokati mill-Kummissjoni;

–        “tikkonstata li d-dewmien tal-Kummissjoni fl-aħħar għoti tas-sussidju dwar il-kuntratti EU4ALL, Ask-it u Enable jikkostitwixxi nuqqas ta’ din tal-aħħar tal-obbligi kuntrattwali tagħha”;

–        tikkonstata li l-Kummissjoni għandha tagħtiha l-ammont ta’ EUR 52 584.05, flimkien mal-interessi minn meta dan ir-rikors jiġi nnotifikat, għall-infiq li hija kellha ssostni fil-kuntest tal-kuntratt EU4ALL;

–        tikkonstata li l-Kummissjoni għandha tagħtiha l-ammont ta’ EUR 20 678.61, flimkien mal-interessi minn meta dan ir-rikors jiġi nnotifikat, għall-infiq li hija kellha ssostni fil-kuntest tal-kuntratt Ask-It;

–        tikkonstata li l-Kummissjoni għandha tagħtiha l-ammont ta’ EUR 11 693.05, flimkien mal-interessi minn meta dan ir-rikors jiġi nnotifikat, għall-infiq li hija kellha ssostni fil-kuntest tal-kuntratt Ask-It;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

57      Fir-replika r-rikorrenti rrinunzjat għar-raba’ kap tat-talbiet sa fejn jikkonċerna lill-kuntratt Enable u għas-seba’ kap tat-talbiet. Barra minn hekk, hija talbet li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tiċħad il-kontrotalba tal-Kummissjoni bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad il-kontrotalba tal-Kummissjoni bħala infondata.

58      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        b’kontrotalba, tikkundanna lir-rikorrenti tagħtiha s-somom indikati fin-noti ta’ debitu li jammontaw għal EUR 999 213.45, flimkien mal-interessi mill-15 ta’ Ġunju 2011, bir-rata tal-BĊE miżjuda bi 3.5 punti, li jikkorrispondu għar-rimbors tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji li bbenefikat minnhom ir-rikorrenti, kif ukoll is-somma ta’ EUR 70 471.47, flimkien mal-interessi mid-data ta’ skadenza tal-ksur tat-terminu ta’ pagament stabbilit min-nota ta’ debitu rilevanti, bir-rata msemmija iktar ’il fuq, li tikkorrispondi għall-kumpens dovut skont il-kuntratti FP6;

–        tiċħad ir-rikors tar-rikorrenti;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

59      Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni ppreċiżat li s-somma ta’ EUR 70 471.47, li tikkorrispondi għall-kumpens dovut skont il-kuntratti FP6, kellha tiżdied bir-rata tal-BĊE miżjuda bi 3.5 punti mill-5 ta’ Awwissu 2011.

60      Fuq talba tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli ta’ Proċedura tagħha, stiednet lir-rikorrenti, minn naħa, biex tipproduċi diversi dokumenti u, min-naħa l-oħra, biex twieġeb bil-miktub għal mistoqsijiet. Ir-rikorrenti ssodisfatt din l-istedina fit-terminu stabbilit.

61      Matul is-seduta tal-4 ta’ Lulju 2013, instemgħu s-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali.

 Fid-dritt

62      Preliminarjament, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 272 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab f’kuntratt ta’ dritt pubbliku jew ta’ dritt privat magħmul mill-Unjoni jew f’isimha. Skont l-Artikolu 256(1), il-Qorti Ġenerali għandha l-ġurisdizzjoni biex tisma’ fl-ewwel istanza r-rikorsi msemmija fl-Artikolu 272 TFUE.

63      F’din il-kawża, skont l-Artikolu 13 tal-kuntratti FP6, l-Artikolu 5(2) tal-kuntratti eTEN kif ukoll it-tielet paragrafu tal-Artikolu 10 tal-kuntratt CIP, il-Qorti Ġenerali għandha l-ġurisdizzjoni biex tisma’ kull tilwima bejn il-Komunità u l-kontraenti dwar il-validità, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-imsemmija kuntratti.

 A – Fuq il-portata tal-kawża

64      Għandu jiġi ppreċiżat li l-kawża bejn il-partijiet tirrigwarda żewġ aspetti distinti tar-relazzjonijiet kuntrattwali tagħhom.

65      Fl-ewwel lok, il-partijiet ma jaqblux fuq l-eliġibbiltà tal-infiq sottomess mir-rikorrenti lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kuntratti inkwistjoni kif ukoll fuq l-obbligi sussegwenti ta’ rimbors tat-totalità tas-somom li ngħataw lir-rikorrenti abbażi tal-imsemmi nfiq u ta’ ħlas tal-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa.

66      Fil-fatt, permezz tat-tielet kap tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment titlob lill-Qorti Ġenerali tiddikjara li l-infiq li hija ssottomettiet lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kuntratti inkwistjoni huwa eliġibbli u li konsegwentement hija ma għandhiex tirrimborsa lill-Kummissjoni s-somom li din tal-aħħar tatha fl-ambitu tal-imsemmija kuntratti.

67      Għandu wkoll jiġi rrilevat li fir-replika, ir-rikorrenti talbet li jiġu miċħuda l-kontrotalbiet tal-Kummissjoni li permezz tagħhom din tal-aħħar titlob li r-rikorrenti tiġi kkundannata tħallas is-somom indikati fin-noti ta’ debitu tad-29 ta’ April u tal-20 ta’ Ġunju 2011, flimkien mal-interessi previsti fl-imsemmija noti.

68      Fit-tieni lok, il-partijiet lanqas ma jaqblu fuq l-obbligu tal-Kummissjoni li tipproċedi bl-aħħar għoti previst fil-kuntratti EU4ALL u Ask-It.

69      Fil-fatt, permezz tal-ħames u tas-sitt kapijiet tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Kummissjoni għandha tagħtiha s-somma ta’ EUR 52 584.05, flimkien mal-interessi, abbażi tal-infiq sottomess fil-kuntest tal-kuntratt EU4ALL kif ukoll is-somma ta’ EUR 20 678.61, ukoll miżjuda bl-interessi abbażi tal-infiq sottomess fil-kuntest tal-kuntratt Ask-It, talba li l-Kummissjoni tikkontesta billi titlob li l-Qorti Ġenerali għandha tiċħad ir-rikors tar-rikorrenti.

70      Barra minn hekk, permezz tal-ewwel u tat-tieni kapijiet tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment titlob lill-Qorti Ġenerali tikkonstata li, kuntrarjament għal akkuża tal-Kummissjoni fil-konfront tagħha, hija ma kisritx l-obbligi kuntrattwali tagħha li jirriżultaw mill-Artikoli II.16.2 tal-kundizzjonijiet FP6, II.7.3 u II.7.4 tal-kundizzjonijiet eTEN kif ukoll II.10.3 tal-kundizzjonijiet CIP u li, billi kkontestat l-eliġibbiltà tal-infiq tagħha, il-Kummissjoni kisret l-obbligi kuntrattwali tagħha.

71      Bl-istess mod, permezz tar-raba’ kap tat-talbiet tagħha r-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tikkonstata li d-dewmien tal-Kummissjoni fl-aħħar għotjiet tas-sussidju dwar il-kuntratti dwar il-programmi EU4ALL u Ask-It jikkostitwixxi nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi kuntrattwali tagħha.

72      Issa, għandu jiġi kkonstatat li tali talbiet ma jikkostitwixxux waħedhom kapijiet ta’ talbiet bħala tali, iżda fil-fatt jirrigwardaw argumenti mqajma mir-rikorrenti insostenn tar-rikors, li ser jiġu eżaminati fil-kuntest tal-iżviluppi marbuta mat-tielet, mal-ħames u mas-sitt kapijiet tat-talbiet tar-rikorrenti.

 B – Fuq id-dritt applikabbli għall-kawża

73      Adita fil-kuntest ta’ klawżola ta’ arbitraġġ abbażi tal-Artikolu 272 TFUE, il-Qorti Ġenerali għandha taqtaʼ l-kawża fuq il-bażi tad-dritt sostantiv nazzjonali applikabbli għall-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Diċembru 1986, Il‑Kummissjoni vs Zoubek, 426/85, Ġabra p. 4057, punt 4), jiġifieri, f’din il-kawża, id-dritt Belġjan, li jirregola l-kuntratti inkwistjoni skont l-Artikolu 12 tal-kuntratti FP6, l-Artikolu 5(1) tal-kuntratti eTEN u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 10 tal-kuntratt CIP.

74      F’dan ir-rigward, għandhom jiġu ppreċiżati r-regoli li jirregolaw l-eżekuzzjoni tal-kuntratti taħt id-dritt Belġjan.

75      L-Artikolu 1134 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan jistabbilixxi li l-“kuntratti legalment ikkostitwiti għandhom saħħa ta’ liġi fuq dawk li jikkostitwixxuhom” (l-ewwel paragrafu) u “jistgħu jiġu rrevokati biss bil-kunsens reċiproku jew għar-raġunijiet awtorizzati mil-liġi” (it-tieni paragrafu).

76      It-tielet paragrafu tal-Artikolu 1134 jistabbilixxi li l-kuntratti għandhom jiġu eżegwiti in bona fides. L-Artikolu 1135 tal-istess kodiċi jistabbilixxi li “l-kuntratti jobbligaw mhux biss għal dak li jingħad fihom, iżda wkoll għall-konsegwenzi kollha li jġib miegħu l-obbligu skont in-natura tiegħu, bl-ekwità, bl-użanza jew bil-liġi” u jesprimi għaldaqstant ukoll il-prinċipju ta’ eżekuzzjoni in bona fides tal-kuntratti.

77      Meta tqum kawża dwar l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt, l-oneru tal-prova huwa rregolat mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1315 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan, li jistabbilixxu li:

“Kull min jitlob l-eżekuzzjoni ta’ obbligu għandu jipproduċi prova tiegħu.

Min-naħa l-oħra, min jallega li ma huwiex obbligat għandu jiġġustifika l-ħlas jew il-fatt li pproduċa l-estinzjoni tal-obbligu tiegħu.”

78      Barra minn hekk, skont il-prinċipju tad-dritt ġeneralment aċċettat li jgħid li kull qorti għandha tapplika r-regoli ta’ proċedura tagħha, il-ġurisdizzjoni kif ukoll l-ammissibbiltà tat-talbiet — irrispettivament jekk dawn ġewx ippreżentati mir-rikorrenti jew mill-konvenuta — għandhom jiġu evalwati biss abbażi tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali Il-Kummissjoni vs Zoubek, punt 73 iktar ’il fuq, punt 10, u tat-8 ta’ April 1992, Il-Kummissjoni vs Feilhauer, C‑209/90, Ġabra p. I‑2613, punt 13).

79      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati d-diversi kapijiet tat-talbiet tar-rikorrenti u l-kontrotalbiet tal-Kummissjoni.

 C – Fuq it-tielet kap tat-talbiet tar-rikorrenti

80      Insostenn tat-tielet kap tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni inġustament rrifjutat li tqis li l-infiq kollu li tiegħu hija kienet talbitha r-rimbors kien eliġibbli.

81      Sabiex turi l-fondatezza ta’ din id-dikjarazzjoni, ir-rikorrenti tinvoka żewġ gruppi ta’ argumenti. L-ewwel grupp ta’ argumenti jirrigwarda l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fir-rapport ta’ awditu definittiv li abbażi tagħhom din tal-aħħar ikkonkludiet li l-infiq sottomess fil-kuntratti inkwistjoni kien ineliġibbli. It-tieni grupp ta’ argumenti jirrigwarda l-kwalità u l-kundizzjonijiet dwar it-twettiq tal-awditu.

 1. Fuq il-konstatazzjonijiet tar-rapport ta’ awditu li jiġġustifikaw l-ineliġibbiltà tal-infiq

82      Ir-rikorrenti tressaq diversi argumenti dwar il-konstatazzjonijiet li jinsabu fir-rapport ta’ awditu li abbażi tagħhom il-Kummissjoni ikkonkludiet li hemm ksur tal-kuntratti inkwistjoni u, għalhekk, li l-infiq kollu sottomess fil-kuntest tal-imsemmija kuntratti huwa ineliġibbli u li r-rikorrenti hija obbligata tirrimborsa s-somom indebitament mogħtija lilha.

83      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-prinċipji mfakkra fil-punti 73 sa 77 iktar ’il fuq, jirriżulta, minn naħa, mill-Artikolu II.19 tal-kundizzjonijiet FP6, mill-Artikolu II.16 tal-kundizzjoni eTEN u mill-Artikolu II.20 tal-kundizzjoni CIP u, min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 1315 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan, li japplika għal din il-kawża, li l-infiq invokat mir-rikorrenti jista’ jiġi rrimborsat lilha biss bil-kundizzjoni li hija tiġġustifika r-realtà tiegħu, ir-rabta tiegħu mal-kuntratti inkwistjoni u l-osservanza tal-kriterji l-oħra ta’ eliġibbiltà stabbiliti minn dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Mejju 2001, Toditec vs Il-Kummissjoni, T‑68/99, Ġabra p. II‑1443, punti 94 u 95). Fil-każ li jinġiebu tali ġustifikazzjonijiet, hija l-Kummissjoni li għandha turi li dawn għandhom jiġu injorati.

–       a) Fuq iż-żamma tal-kotba tal-kontijiet tar-rikorrenti

84      Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-kotba tal-kontijiet tagħha kienu affidabbli, li nżammu skont il-leġiżlazzjoni Griega applikabbli fil-kawża u li kienu jippermettu li ssir ir-rikonċiljazzjoni tal-kontijiet prevista fl-Artikolu .II.19(1)(d) tal-kundizzjonijiet FP6, fl-Artikolu II.20(1) u fl-Artikolu II.23 tal-kundizzjonijiet CIP, u fl-Artikolu II.16 tal-kundizzjonijiet e-TEN bejn, minn naħa, l-infiq iddikjarat u d-dħul riċevut fil-kuntest tal-kuntratti inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, l-attività ġenerali tagħha.

85      F’dan ir-rigward, għandu preliminarjament jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-irregolaritajiet ikkonstatati fil-kotba tal-kontijiet tar-rikorrenti, mir-rapport tal-awditu jirriżulta li, wara talba mill-kontrolluri, ir-rikorrenti identifikat bosta żbalji fil-kotba tal-kontijiet tagħha, b’mod partikolari l-assenza ta’ reġistrazzjoni ta’ żewġ pagamenti ta’ EUR 63 000 u ta’ EUR 11 000 riċevuti rispettivament fil-kuntest tal-proġett Access-eGOV u ta’ proġett ieħor li ma huwiex is-suġġett tal-awditu.

86      Mir-rapport tal-awditu jirriżulta wkoll li, wara talba oħra mill-kontrolluri intiża sabiex ir-rikorrenti tipprovdilhom bilanċ ta’ kontabbiltà annwali għas-snin kollha kkontrollati, ir-rikorrenti fakkret li hija ma kellhiex legalment tfassal tali dokumenti, iżda li xorta waħda kienu ser ikunu disponibbli wara verifika qasira. Din il-verifika wriet żbalji fil-kotba tal-kontijiet dwar ir-reġistrazzjoni ta’ ċertu infiq. Konsegwentement, ir-rikorrenti ntalbet tipproduċi verżjoni ġdida tal-kotba tal-kontijiet. Minkejja li twettqu korrezzjonijiet fil-kotba tal-kontijiet, il-kontrolluri kkonstataw li l-bilanċi ta’ kontabbiltà li ngħatawlhom ma kinux jippermettu li jiġu rrikonċiljati l-infiq iddikjarat u l-pagamenti mogħtija fil-kuntest tal-kuntratti mad-dħul kif ukoll mal-ispejjeż irreġistrati fil-kotba tal-kontijiet tar-rikorrenti. Ir-rikonċiljazzjoni bejn id-dikjarazzjonijiet bankarji tal-aħħar tas-sena tar-rikorrenti mal-bilanċi annwali pprovduti lill-kontrolluri wasslet ukoll għall-identifikazzjoni ta’ differenzi sinjifikattivi bejn dawn id-dokumenti. Ir-rikorrenti pprovdiet ukoll, bosta ġimgħat wara l-kontroll fil-bini tagħha, diversi rikonċiljazzjonijiet ġodda sabiex turi li l-kotba tal-konitijiet ma kinux sostantivament żbaljati u li dawn setgħu dejjem jintużaw bħala bażi affidabbli li tippermetti lill-kontrolluri jagħtu opinjoni dwar l-eliġibbiltà tal-infiq. Mir-rapport tal-awditu jirriżulta wkoll li, skont il-kontrolluri, dawn l-iżbalji kollha huma fil-parti l-kbira dovuti għall-użu matul is-snin ta’ prinċipji ta’ kontabbiltà differenti. Għalhekk, ċertu dħul u infiq kienu rreġistrati fid-data tal-ħruġ tal-fattura filwaqt li oħrajn kienu rreġistrati fid-data tal-pagament.

87      Ir-rapport ta’ awditu jinkludi barra minn hekk tabella li minnha tirriżulta differenza bejn id-dħul inkluż inizjalment fil-kotba tal-kontijiet tar-rikorrenti u d-dħul irrivedut ta’ EUR -20 936.04 għall-2005, ta’ EUR +74 060.08 għall-2006, ta’ EUR -300 għall-2007, u ta’ EUR ‑8 034.90 għall-2008. Fir-rigward tal-ispejjeż, id-differenzi kienu ta’ EUR -750.63 għall-2004, ta’ EUR -175.70 għall-2006, u ta’ EUR ‑490.74 għall-2007.

88      Id-differenza dwar id-dħul, ikkonstatata għas-sena 2006, kienet tikkorrispondi, skont ir-rapport tal-awditu, għan-nuqqas ta’ inklużjoni fil-kotba tal-kontijiet tar-rikorrenti ta’ żewġ pagamenti tal-Kummissjoni: l-ewwel pagament, ta’ ammont ta’ EUR 63 000, għall-proġett Access-eGov u, it-tieni, ta’ ammont ta’ EUR 11 000 għal proġett ieħor.

89      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tikkontestax l-eżistenza tad-differenzi kkonstatati mill-kontrolluri bejn l-ammonti ta’ nfiq u ta’ dħul għas-snin 2004 sa 2008 li jinsabu fil-kotba tal-kontijiet li hija inizjalment qiegħdet għad-dispożizzjoni tal-kontrolluri u l-ammonti ta’ nfiq u ta’ dħul irriveduti wara li l-awdituri tal-Kummissjoni rrilevaw l-inkoerenzi fi tmiem il-kontroll.

90      Sabiex jiġi evalwat jekk dawn id-differenzi humiex ta’ natura li jqiegħdu inkwistjoni l-eliġibbiltà tal-infiq sottomess mir-rikorrenti fil-kuntest tal-kuntratti inkwistjoni, għandu jitfakkar li, abbażi tal-Artikolu II.19(1)(d) tal-kundizzjonijiet FP6, l-infiq eliġibbli espost għall-eżekuzzjoni tal-proġett “għandu jiġi inkluż fil-kontijiet tal-kontraenti li ħallsuh [u] il-metodi ta’ kontabbiltà użati għar-reġistrazzjoni tal-infiq u tad-dħul għandhom ikunu konformi mar-regoli ta’ kontabbiltà użati fl-Istat li fih il-kontraent huwa stabbilit u għandhom jippermettu r-rikonċiljazzjoni tal-infiq sostnut u d-dħul magħmul fit-twettiq tal-proġett kif ukoll l-istat ġenerali tal-kontijiet dwar l-attività kummerċjali globali tal-kontraent” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

91      Skont l-Artikolu II.16 tal-kundizzjonijiet eTEN:

“L-infiq eliġibbli jiġi rrimborsat meta jkun motivat mill-parteċipant. Għal dan il-għan, il-parteċipant għandu jżomm, fuq bażi regolari u skont il-konvenzjonijiet ta’ kontabbiltà normali tal-Istat ta’ stabbilment tiegħu, il-kontabbiltà dwar il-proġett u dokumentazzjoni xierqa sabiex isostni u jiġġustifika fid-dettall l-ispejjeż u ż-żmien li jinsabu fil-kitbiet ta’ kontabbiltà tiegħu. Id-dokumentazzjoni għandha tkun preċiża, sħiħa u effikaċi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

92      L-Artikolu II.20 tal-kundizzjonijiet CIP jistabbilixxi li l-infiq eliġibbli għandu jkun “identifikabbli u vverifikat, jiġi inkluż fil-kontabbiltà tal-benefiċjarju u stabbilit skont il-prinċipji ta’ kontabbiltà applikabbli fil-pajjiż ta’ stabbiliment tal-benefiċjarju u skont il-metodi ta’ kalkolu tal-infiq normal tal-benefiċjarju; il-proċeduri interni ta’ kontabbiltà u ta’ awditu tal-benefiċjarju għandhom jippermettu korrispondenza diretta bejn l-infiq u l-fatturi ddikjarati abbażi tal-proġett u d-dokumenti finanzjarji u annessi korrispondenti”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

93      L-Artikolu II.23 tal-kundizzjonijiet CIP jistabbilixxi, barra minn hekk, is-segwenti:

“[L]-infiq eliġibbli jiġi rrimborsat meta jkun motivat mill-benefiċjarju. Għal dan il-għan, il-parteċipant għandu jżomm, fuq bażi regolari u skont il-konvenzjonijiet ta’ kontabbiltà normali tal-Istat ta’ stabbilment tiegħu, il-kontabbiltà dwar il-proġett u dokumentazzjoni xierqa sabiex isostni u jiġġustifika fid-dettall l-ispejjeż u ż-żmien li jinsabu fil-kitbiet ta’ kontabbiltà tiegħu. Din il-kontabbiltà għandha tinżamm għal mhux inqas minn perijodu ta’ ħames snin mid-data tal-pagament finali. Iż-żmien kollu ta’ xogħol attribwit lill-kuntratt ta’ finanzjament għandu jiġi rreġistrat matul it-tul kollu tal-proġett u għal perijodu massimu ta’ xahrejn minn tmiem il-proġett; dan iż-żmien għandu jiġi ċċertifikat mill-persuna responsabbli mix-xogħol maħtura mill-parteċipant skont l-Artikolu II.3.b jew mid-direttur finanzjarju debitament awtorizzat mill-parteċipant. Din id-dokumentazzjoni għandha tkun preċiża, sħiħa u effikaċi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

94      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, sabiex infiq espost mir-rikorrenti fil-kuntest tal-kuntratti inkwistjoni jitqies li huwa eliġibbli, dan għandu, b’mod partikolari, jiġi rreġistrat fil-kontijiet tar-rikorrenti miżmuma skont il-liġijiet tal-Istat li fih hija stabbilita, jiġifieri r-Repubblika Ellenika. Barra minn hekk, il-kontijiet tar-rikorrenti għandhom jippermettu, fil-każ tal-kuntratti FP6, li ssir rikonċiljazzjoni tal-kontijiet li tippermetti li jitqabblu direttament l-infiq sostnut u d-dħul magħmul għall-eżekuzzjoni tal-proġett mal-istat ġenerali tal-kontijiet dwar l-attività globali tal-rikorrenti u, fil-każ tal-kuntratti eTEN u CIP, li jitqabbel direttament dan l-infiq mad-dikjarazzjonijiet finanzjarji sottomessi lill-Kummissjoni.

95      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti f’din il-kawża kisritx id-dispożizzjonijiet tad-dritt Grieg li japplikaw għaż-żamma tal-kotba tal-kontijiet tagħha, għandu jitfakkar li, fil-paġna 19 tar-rapport tal-awditu definittiv tat-22 ta’ Diċembru 2010, il-kontrolluri jsemmu biss il-ksur tal-Artikolu 17(1) tal-Proedriko diatagma yp’arithmon 186 — kodikas vivlion kai stihion (Kodiċi tal-Kotba u Reġistri tar-Repubblika Ellenika) (iktar ’il quddiem iċ-“CLR”). Madankollu, mill-kitbiet tal-Kummissjoni jirriżulta li hija ssostni, barra minn hekk, li l-kontijiet tar-rikorrenti għandhom, skont l-Artikolu 30(4) taċ-CLR, jitqiesu li huma ineżatti u jwasslu għad-determinazzjoni extra kontabbli tar-riżultati tar-rikorrenti prevista fl-Artikolu 32(1) u (2) tan-Nomos yp’arithmon 2238 — Kyrosi tou kodika forologias isodimatos (Kodiċi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul tar-Repubblika Ellenika) (iktar ’il quddiem iċ-“CIR”) kif ukoll għall-pagament ta’ taxxa addizzjonali, skont l-Artikolu 86 taċ-CIR.

96      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li huwa paċifiku bejn il-partijiet li r-rikorrenti taqa’ taħt it-tieni kategorija tal-kotba tal-kontijiet fis-sens tal-Artikolu 6 taċ-CLR, li jistabbilixxi:

“1. Sabiex jeżerċita l-professjoni tiegħu, operatur li jaqa’ taħt it-tieni kategorija għandu jżomm ktieb dwar id-dħul u l-infiq li fih jikkontabilizza, f’kolonni distinti:

a)      it-tip ta’ ġustifikazzjoni, in-numru ta’ ordni tagħha u d-data ta’ ħruġ jew ta’ riċezzjoni [...]

b)      id-dħul gross li ġej mill-bejgħ ta’ merkanziji [...], mill-provvista ta’ servizzi jew tranżazzjonijiet oħra,

c)      l-infiq għal kull xiri ta’ beni [...], l-infiq dwar is-servizzi riċevuti, l-ispejjeż iġġenerati u tranżazzjonijiet oħra [...]

2. L-ammont ta’ kull tranżazzjoni msemmija fil-paragrafu preċedenti għandu jiġi pprovdut fid-dettall fil-kolonni partikolari tal-ktieb miżmum jew fil-listi, skont ir-rekwiżiti tal-intaxxar fuq id-dħul u l-VAT. Din il-preżentazzjoni fid-dettall tista’ titwettaq sa mhux iktar tard mill-iskadenza tat-terminu tal-preżentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tad-dħul [...]”

97      Ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti li l-Artikolu 17(1) taċ-CLR, bit-titolu “Terminu għall-aġġornament tal-kotba”, jistabbilixxi li “[l]-aġġornament tal-kotba […] tat-tieni kategorija għandu jsir sal-ħmistax-il jum tax-xahar wara l-ħruġ jew ir-riċezzjoni, skont il-każ, tal-ġustifikattiv”.

98      Barra minn hekk, huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-Artikolu 30 taċ-CLR, bit-titolu “Validità u saħħa probatorja tal-kotba u tar-reġistri”, jistabbilixxi:

“1. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi segwenti ta’ dan l-artikolu, il-validità u l-affidabbiltà tal-kotba u tar-reġistri li jaqgħu taħt dan il-kodiċi ma humiex affettwati mill-konstatazzjoni ta’ irregolaritajiet jew ta’ ommissjonijiet li jinsabu fihom, u l-kap tad-dipartiment tat-taxxa responsabbli għandu jirrikonoxxi d-data li tirriżulta minnhom meta jiġu ddeterminati l-obbligi fiskali tal-operaturi. L-irregolaritajiet jew ommissjonijiet imsemmija iktar ’il fuq iwasslu biss, ħlief fil-każ ta’ leġiżlazzjoni speċjali kuntrarja, għal sanzjonijiet finanzjarji u amministrattivi proporzjonali mat-tip tagħhom u mal-portata tagħhom skont l-ammonti li jirriżultaw mill-kotba miżmuma.

2. Il-kotba u r-reġistri jitqiesu li huma lakunużi jew ineżatti, u jwasslu għad-determinazzjoni extra kontabbli tas-suġġett taxxabbli, jekk ikun il-każ, biss fil-każijiet previsti fil-paragrafi 3, 4, 6 u 7 iktar ’l isfel.

3. Il-kotba u r-reġistri tat-tieni u tat-tielet kategorija jitqiesu li huma insuffiċjenti meta waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jew dawn il-kundizzjonijiet kollha jiġu ssodisfatti: il-persuna taxxabbli [...] b) iżżomm jew toħroġ jew tikkonserva l-kotba u r-reġistri previsti minn dan il-Kodiċi b’mod kuntrarju għad-dispożizzjonijiet tiegħu.

[…]

L-atti jew l-irregolaritajiet jew l-ommissjonijiet imsemmija iktar ’il fuq f’dan il-paragrafu jiġu kklassifikati bħala insuffiċjenti biss meta huma ma jkunux dovuti għal żball jew negliġenza skużabbli jew meta huma jrendu oġġettivament impossibbli, u mhux sempliċement diffiċli, il-kontroll kontabbli tal-obbligi fiskali.

Il-każijiet li jirreferu għal nuqqasijiet ikkonstatati fil-kotba u fir-reġistri miżmuma, kif ukoll l-impossibbiltà li jerġa’ jiġi prodott il-kontenut tad-disk ottiku kkonċernat tal-ktieb tal-ħanut, ma jikkostitwixxux impossibbiltà oġġettiva ta’ kontroll meta l-informazzjoni rilevanti tista’ tiġi kkumpensata b’listi jew b’mezzi ta’ sostenn elettromanjetiċi jew minn data ddettaljata oħra, ipprovduta lill-kontrollur tat-taxxa fit-terminu stabbilit minnu, bil-kundizzjoni li d-data tkun ċara, sabiex tirrendi possibbli l-verifiki ta’ kontabbiltà u tippermetti li tiġi vverifikata din id-data permezz tal-kotba u reġistri.

L-insuffiċjenza għandha tikkonċerna l-impossibbiltà li jitwettqu l-verifiki ta’ kontabbiltà speċifiċi għal ammonti għolja meta mqabbla mal-kontenuti tagħhom fil-kotba u fir-reġistri u din għandha tiġi ġġustifikata.

4. Il-kotba u r-reġistri tat-tieni u tat-tielet kategoriji jitqiesu li huma ineżatti meta waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jew dawn il-kundizzjonijiet kollha jiġu ssodisfatti:

a)      il-persuna taxxabbli ma tikkontabbilizzax dħul jew infiq fil-kotba tagħha, jew tikkontabbilizzahom b’mod ineżatt jew tikkontabbilizza nfiq li ma seħħx jew li għalih ma jkun inħareġ l-ebda dokument fiskali [...]

Sabiex ikun hemm determinazzjoni extra kontabbli tar-riżultati, l-atti jew l-ommissjonijiet imsemmija minn dan il-paragrafu għandhom ikunu ta’ portata kbira u jkollhom effett kunsiderevoli fuq ir-riżultati jew jirrendu oġġettivament impossibbli l-kontroll kontabbli tal-obbligi fiskali, għaliex id-dispożizzjonijiet tal-aħħar żewġ subparagrafi tal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu japplikaw b’analoġija għall-atti jew għall-ommissjonijiet imsemmija fil-punti (f) u (i) ta’ dan il-paragrafu.

[...] Ma titqiesx li hija insuffiċjenti jew ineżatta: a) il-kontabbilizzazzjoni ta’ dħul jew ta’ infiq ta’ sena li ma hijiex dik li għaliha dawn jappartjenu […]”

99      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-kotba u r-reġistri tat-tieni kategorija tal-kotba tal-kontijiet fis-sens tal-Artikolu 6 taċ-CLR jistgħu taħt ċerti kundizzjonijiet jitqiesu li huma insuffiċjenti jew ineżatti u, għalhekk, ikollhom il-validità tagħhom u s-saħħa probatorja tagħhom imqiegħda f’dubju.

100    Il-kotba u r-reġistri tat-tieni kategorija tal-kotba tal-kontijiet fis-sens tal-Artikolu 6 taċ-CLR jitqiesu li huma insuffiċjenti, b’mod partikolari, meta l-persuna taxxabbli żżomm l-imsemmija kotba u reġistri b’mod kuntrarju għal dak previst fid-dispożizzjonijiet taċ-CLR, bil-kundizzjoni li l-irregolaritajiet jew l-ommissjonijiet ma jkunux dovuti għal żball jew negliġenza skużabbli u li jirrendu l-kontroll kontabbli oġġettivament impossibbli, u mhux sempliċement diffiċli. Il-kontroll kontabbli ma jsirx oġġettivament impossibbli minħabba n-nuqqasijiet li jaffettwaw il-kotba u r-reġistri meta l-informazzjoni rilevanti tkun tista’ tiġi kkumpensata b’listi jew b’mezzi ta’ sostenn elettromanjetiċi jew minn data ddettaljata oħra, ipprovduta lill-kontrollur tat-taxxa fit-terminu stabbilit minnu, bil-kundizzjoni li d-data tkun ċara.

101    Il-kotba u reġistri tat-tieni kategorija tal-kotba tal-kontijiet fis-sens tal-Artikolu 6 taċ-CLR jitqiesu li huma ineżatti, b’mod partikolari, meta l-persuna taxxabbli ma tikkontabbilizzax d-dħul jew l-infiq fil-kotba tagħha jew tikkontabbilizzahom b’mod ineżatt jew tikkontabbilizza nfiq li ma seħħx jew li għalih ma nħareġ l-ebda dokument fiskali. Madankollu, biex ikun hemm determinazzjoni extra kontabbli tar-riżultati tal-persuna taxxabbli, dawn l-atti jew ommissjonijiet għandhom ikunu ta’ portata kbira u jkollhom effett kunsiderevoli fuq ir-riżultati jew jirrendu oġġettivament impossibbli l-kontroll kontabbli tal-obbligi fiskali.

102    Barra minn hekk, il-kontabbilizzazzjoni ta’ dħul jew ta’ nfiq f’sena li ma hijiex dik li għaliha huwa jappartjeni ma titqiesx li hija insuffiċjenti jew ineżatta.

103    Il-Kummissjoni ssostni fil-kitbiet tagħha li l-iżbalji kkonstatati mill-kontrolluri fil-kontijiet tar-rikorrenti jikkostitwixxu ineżattezzi fis-sens tal-Artikolu 30(4) tas-CRL.

104    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tosserva li l-partijiet argumentaw fit-tul fil-kitbiet tagħhom dwar il-kwistjoni tal-applikabbiltà għal din il-kawża tad-dispożizzjonijiet taċ-CIR, fejn il-kwistjoni tad-dibattitu kienet dwar jekk id-determinazzjoni extra kontabbli tas-suġġett taxxabbli prevista fl-Artikolu 32 taċ-CIR tapplikax għar-rikorrenti. Issa, mill-kliem stess tal-Artikolu 30(2) taċ-CLR jirriżulta li n-natura insuffiċjenti jew ineżatta tal-kotba u reġistri tista’ tiġi kkonstatata irrispettivament mis-sanzjoni, irrappreżentata bid-determinazzjoni extra kontabbli tas-suġġett taxxabbli, li tista’, “jekk ikun il-każ”, tirriżulta minnha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti kinitx jew le suġġetta għad-dispożizzjonijiet taċ-CIR tidher li hija, għal din il-kawża, bla konsegwenza fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-kontijiet tar-rikorrenti bħala ineżatti.

105    Għalhekk, għandu jiġi eżaminat biss jekk, f’din il-kawża, l-iżbalji kkonstatati mill-kontrolluri fil-kotba tal-kontijiet tar-rikorrenti kellhomx il-konsegwenza li rrendew ineżatti l-imsemmija kotba fis-sens tal-Artikolu 30(4) taċ-CLR.

106    F’dan ir-rigward, mir-rapport tal-awditu jirriżulta li parti importanti tal-iżbalji kkonstatati matul il-kontroll hija dovuta għall-fatt li ċertu nfiq u ċertu dħul ġew irreġistrati fid-data tal-ħruġ jew ta’ riċezzjoni tal-ġustifikattiv, filwaqt li oħrajn ġew irreġistrati fid-data tal-pagament maħruġ jew riċevut mir-rikorrenti.

107    Skont ir-rikorrenti, l-użu alternattiv ta’ dawn il-metodi ta’ reġistrazzjoni huwa konformi mad-dritt Grieg u kellu l-konsegwenza li ċertu dħul u ċertu nfiq ġew ikkontabbilizzati fi snin li ma kinux jappartjenu għalihom. Issa, skont l-Artikolu 30(4) taċ-CLR, tali żbalji ma jikkostitwixxux ineżattezzi.

108    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tikkontestax li l-iżbalji kkonstatati fir-rigward tal-ammont tad-dħul għas-sena 2006 huma dovuti sempliċement għall-assenza ta’ reġistrazzjoni u mhux għal reġistrazzjoni ta’ dan id-dħul f’data żbaljata. Issa, għandu jitfakkar li n-nuqqas ta’ reġistrazzjoni ta’ dħul jikkostitwixxi, skont il-kliem tal-Artikolu 30(4) taċ-CLR, ineżattezza.

109    Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-Artikolu 30(1) u (4) taċ-CLR, il-validità u s-saħħa probatorja tal-kontijiet tar-rikorrenti għas-sena 2006 jistgħu jiġu kkontestati mill-Kummissjoni.

110    Barra minn hekk, għandu jiġi wkoll osservat li r-rikorrenti ma tikkontestax espliċitament il-konstatazzjoni magħmula mill-kontrolluri fir-rapport ta’ awditu li tgħid li l-fatt li aġġornat il-kotba tal-kontijiet tagħha biss wara li huma rrilevaw l-assenza ta’ reġistrazzjoni ta’ ċertu nfiq u ta’ ċertu dħul, jiġifieri matul il-ġimgħa li fiha sar il-kontroll fil-post, jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 17(1) taċ-CLR, li abbażi tiegħu hija kellha taġġorna l-kotba tal-kontijiet tagħha sa mhux iktar tard minn ħmistax-il jum wara r-riċezzjoni jew il-ħruġ tal-ġustifikattiv rilevanti.

111    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti sempliċement issostni li ċirkulari li tinterpreta din id-dispożizzjoni tipprovdi li, “[m]eta, matul sena, l-operatur jirċievi dokumenti dwar ix-xiri ta’ beni (iffatturati) qabel ma jirċievi l-imsemmija beni, ma għandha ssir l-ebda inklużjoni fil-kotba miżmuma mill-operatur, u l-kontabbilizzazzjoni ta’ dawn l-elementi sseħħ fil-mument tar-riċezzjoni tal-beni”, mingħajr ma tispjega b’liema mod dan jiġġustifika l-fatt li ma rreġistratx fil-kontijiet tagħha l-pagamenti magħmula mill-Kummissjoni fit-terminu stabbilit.

112    Minn dan isegwi li, tal-inqas matul is-sena 2006, il-kontijiet tar-rikorrenti ma jidhrux li huma konformi mal-leġiżlazzjoni Griega li tapplika għalihom.

113    Din il-konklużjoni ma hijiex affettwata mill-Artikolu 5(5) tan-Nomos yp’arithmon 2523 — Diikitikes kai pinikes kyrosis sti forologiki nomothesia kai alles diataxeis (Liġi Nru 2523/97, dwar is-sanzjonijiet amministrattivi u kriminali fil-liġijiet tat-taxxa) invokat mir-rikorrenti, li tistabbilixxi li, b’mod eċċezzjonali, ma tiġix imposta multa meta jiġu kkonstatati irregolaritajiet jew ommissjonijiet li jirrappreżentaw ksur proċedurali li ma huwiex inkluż fost dawk li għandhom effett fuq il-validità tal-kotba u tar-reġistri li jirrendihom ineżatti u ma jirrendix estremament diffiċli l-verifiki ta’ kontabbiltà, bil-kundizzjoni li jkunu dovuti għal żball jew għal ommissjoni skużabbli, ħlief jekk jista’ jiġi pprovat li rakkomandazzjoni tkun saret preċedentement minn kwalunkwe kontrollur tat-taxxa jew minn kwalunkwe awtorità tat-taxxa dwar l-applikazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet taċ-CLR. Fil-fatt, l-iżbalji kkonstatati fil-kontijiet tar-rikorrenti, tal-inqas għas-sena 2006, huma preċiżament inklużi fost dawk li għandhom effett fuq il-validità tagħhom billi jirrenduhom ineżatti.

114    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kwistjoni dwar jekk ir-rikonċiljazzjoni, kif prevista fl-Artikolu .II.19(1)(d) tal-kundizzjonijiet FP6, fl-Artikolu II.20(1), u fl-Artikolu II.23 tal-kundizzjonijiet CIP, kif ukoll fl-Artikolu II.16 tal-kundizzjonijiet e-TEN bejn, minn naħa, l-infiq iddikjarat u d-dħul riċevut fil-kuntest tal-kuntratti inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, l-attività ġenerali tar-rikorrenti, kinitx possibbli f’din il-kawża, għandu jitfakkar li l-partijiet la pproduċew verżjoni tal-kotba tal-kontijiet tar-rikorrenti inizjalment imqiegħda għad-dispożizzjoni tal-kontrolluri u lanqas dokumenti ta’ kontabbiltà li sussegwentement ġew ipprovduti mir-rikorrenti lill-kontrolluri matul il-kontroll u anki wara t-tmiem tal-imsemmi kontroll.

115    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li tali operazzjoni kienet teżiġi, tal-inqas, li d-dħul u l-infiq marbuta mal-kuntratti inkwistjoni jkunu ġew korrettament irreġistrati fil-kontijiet tar-rikorrenti. Issa, sa fejn il-kotba tal-kontijiet inizjalment mogħtija lill-kontrolluri jinkludu żbalji, dawn ma kinux jippermettu li ssir rikonċiljazzjoni ta’ kontabbiltà.

116    Barra minn hekk, l-argumenti mressqa mir-rikorrenti li jipprovdu li, fin-nuqqas ta’ żbalji kkonstatati fil-kotba tal-kontijiet tagħha, ma kienx oġġettivament impossibbli li ssir ir-rikonċiljazzjoni ta’ kontabbiltà ma jikkonvinċix lill-Qorti Ġenerali.

117    Qabelxejn, id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti, li tgħid, minn naħa, li l-Kummissjoni ma tippreċiżax liema hija d-data ta’ kontabbiltà uffiċjali li fir-rigward tagħha hija ppruvat tivverifika l-affidabbiltà tal-kontijiet u, min-naħa l-oħra, li l-użu ta’ tali data hija kuntrarja għall-prinċipji bażiċi ta’ kontroll kontabbli, taqleb l-oneru tal-prova. Fil-fatt, hija r-rikorrenti li għandha turi li, fin-nuqqas tal-iżbalji kkonstatati fil-kotba tal-kontijiet tagħha, il-kontroll huwa oġġettivament possibbli u jista’ jitwettaq fuq il-bażi ta’ elementi oħra. Għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax tikkritika lill-Kummissjoni talli, minħabba l-iżbalji kkonstatati fil-kotba tal-kontijiet, ippruvat twettaq kontroll billi bbażat ruħha fuq data uffiċjali.

118    Sussegwentement, l-argument tar-rikorrenti, li jgħid li l-fatt li l-Kummissjoni qed tibbenefika mill-emendi introdotti fuq talba tagħha fil-kontijiet tar-rikorrenti biex tiġġustifika l-impossibbiltà li tipproċedi għar-rikonċiljazzjoni ta’ kontabbiltà jikser il-prinċipju non concedit venire contra factum proprium, huwa bħala fatt infondat. Fil-fatt, kemm mir-rapport tal-awditu kif ukoll mill-kitbiet tal-Kummissjoni jirriżulta li din tal-aħħar ma tippretendix li l-emendi inkwistjoni rrendew ir-rikonċiljazzjoni ta’ kontabbiltà impossibbli, iżda li, fin-nuqqas ta’ dawn l-emendi introdotti sabiex jiġu rrimedjati l-iżbalji kkonstatati fil-kontijiet tar-rikorrenti, ma kienx possibbli li tipproċedi għall-imsemmija rikonċiljazzjoni.

119    Fir-rigward ukoll tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li r-rikonċiljazzjoni ta’ kontabbiltà kienet possibbli sa fejn hija kienet irreġistrat fil-kotba tal-kontijiet tagħha l-infiq iddikjarat u d-dħul riċevut kollu abbażi tal-kuntratti inkwistjoni u żammet il-ġustifikattivi rilevanti, għandu jiġi kkonstatat li din id-dikjarazzjoni hija direttament ikkontradetta mill-konstatazzjoni, mhux ikkontestata mir-rikorrenti, tal-assenza ta’ reġistrazzjoni ta’ dħul ta’ ammont ta’ EUR 63 000 fil-kuntest tal-kuntratt Access-eGOV. Barra minn hekk, anki jekk jiġi preżunt li din id-dikjarazzjoni għandha tiġi interpretata bħala li tapplika biss għal infiq u dħul ieħor marbut mal-kuntratti inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma pproduċiet l-ebda prova f’dan ir-rigward.

120    Fir-rigward ukoll tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni aċċettat li t-tqabbil dirett bejn l-infiq u d-dħul dwar il-proġetti ffinanzjati mill-Unjoni u s-sitwazzjoni ta’ kontabbiltà ġenerali tar-rikorrenti kien possibbli billi kkonstatat fir-risposta li 84.14 % tad-dħul totali tar-rikorrenti, għas-snin 2007 sa 2009, kien ġej mill-parteċipazzjoni mħallsa tagħha fil-proġetti ffinanzjati mill-Unjoni, u li 53.19 % ta’ dawn il-proġetti huma amministrati mid-Direttorat Ġenerali (DG) “Soċjetà ta’ Informatika u Media” tal-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li l-perijodu suġġett għall-awditu beda fl-2004 u li, għalhekk, il-fatt li l-Kummissjoni setgħet tikkalkola l-parti rrappreżentata mill-proġetti ffinanzjati mill-Unjoni fit-total tad-dħul tar-rikorrenti għas-snin 2007 sa 2009 ma jurix li, billi għamlet hekk, il-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li tipproċedi b’rikonċiljazzjoni ta’ kontabbiltà konformi mad-dispożizzjonijiet tal-kuntratti inkwistjoni.

121    Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li, kif ammettiet il-Kummissjoni, finalment hija tat lil din tal-aħħar il-kitbiet ta’ kontabbiltà eżatti flimkien mal-ġustifikattivi rilevanti, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-Kummissjoni tikkontesta din id-dikjarazzjoni u ssostni li l-kitbiet inkwistjoni kienu għadhom jinkludu żbalji u, min-naħa l-oħra, li r-rikorrenti ma pproduċietx l-imsemmija kitbiet, b’mod li ma huwiex possibbli li jiġi vverifikat li hija setgħet tipproċedi bir-rikonċiljazzjoni ta’ kontabbiltà fuq din il-bażi.

122    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma werietx li, fin-nuqqas tal-iżbalji identifikati fil-kotba tal-kontijiet tagħha, il-kontrolluri kienu f’pożizzjoni li jipproċedu bi tqabbil dirett bejn l-infiq u d-dħul marbuta mal-kuntratti inkwistjoni, minn naħa, u s-sitwazzjoni ta’ kontabbiltà ġenerali tagħha, min-naħa l-oħra.

123    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, billi żammet il-kotba tal-kontijiet tagħha b’mod mhux konformi mal-liġi Griega applikabbli u li ma kienx jippermetti lill-Kummissjoni li tipproċedi b’rikonċiljazzjoni ta’ kontabbiltà, ir-rikorrenti ma osservatx il-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu II.19(1)(d) tal-kundizzjonijiet FP6, mill-Artikolu II.16 tal-kundizzjonijiet eTEN kif ukoll mill-Artikoli II.20 u II.23 tal-kundizzjonijiet CIP dwar iż-żamma tal-kotba tal-kontijiet tagħha.

–       b) Fuq il-bdil tal-listi ta’ preżenza tal-persunal

124    Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li s-sistema tagħha ta’ żamma tal-listi ta’ preżenza tal-persunal kienet affidabbli. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-korrezzjonijiet bil-miktub, li ġew irrilevati mill-Kummissjoni fil-listi ta’ preżenza tal-persunal, li ma jikkorrispondux għal bdil imwettaq a posteriori mingħajr l-għarfien tal-persunal, iżda jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ sistema ta’ kontroll doppju mid-direttur tal-programmi, jirrigwardaw biss id-dati u mhux is-sigħat ta’ xogħol imwettqa u jikkonċernaw biss 72 lista ta’ preżenza, fatt li jeskludi li dan il-bdil seta’ kellu impatt fuq it-tul reali tax-xogħol ipprovdut.

125    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tfakkar li, skont l-Artikolu 19(1)(a) tal-kundizzjonijiet FP6, l-Artikolu II.13(1) tal-kundizzjonijiet eTEN, l-Artikolu II.20(1) tal-kundizzjonijiet CIP, l-infiq eliġibbli għandu jiġi sostnut għat-twettiq tal-proġett. Skont l-Artikolu II.14(1) tal-kundizzjonijiet eTEN u l-Artikolu II.21(2) tal-kundizzjonijiet CIP, huma biss is-sigħat ta’ xogħol realment imwettqa minn persuna direttament assenjata lill-proġett li jistgħu jiġu attribwiti lil dan il-proġett.

126    Ir-rikorrenti ma tikkontestax l-eżistenza ta’ bdil bil-miktub fil-listi ta’ preżenza tal-persunal. Madankollu, hija ssostni li, minn naħa, huma biss 72 lista minn 1 600 li huma suġġett ta’ korrezzjonijiet u, min-naħa l-oħra, dawn il-korrezzjonijiet saru mid-direttur tal-programmi fil-kuntest ta’ sistema ta’ kontroll doppju tal-ħin tax-xogħol sabiex jiġi rifless it-tul eżatt tax-xogħol ipprovdut. Barra minn hekk, dawn il-korrezzjonijiet jaffettwaw biss id-dati u mhux it-tul tax-xogħol ipprovdut.

127    L-ewwel nett, fir-rigward tal-proporzjon tal-listi ta’ preżenza b’korrezzjonijiet, hemm lok li jiġi kkunsidrat li n-numru ta’ 72 lista ma għandux jiġi pparagunat man-numru totali ta’ listi ta’ preżenza stabbiliti mir-rikorrenti fil-kuntest tal-kuntratti inkwistjoni, iżda man-numru ta’ listi kkontrollati mill-Kummissjoni, jiġifieri 770. In-numru ta’ listi kkorreġuti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni jirrappreżenta għalhekk kważi 10 % tal-listi kkontrollati mill-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija r-rikorrenti li għandha turi li l-ebda lista ta’ preżenza oħra ma tinkludi bdil bil-miktub, ħaġa li f’din il-kawża hija ma għamlitx billi sempliċement indikat li hija ser iżżomm il-listi inkwistjoni għad-dispożizzjoni tal-Qorti Ġenerali. Issa, anki jekk ir-rikorrenti turi li l-ebda lista ta’ preżenza oħra ma tinkludi bdil bil-miktub, il-proporzjon ta’ listi ta’ preżenza mibdula, anki meta mqabbla man-numru totali ta’ listi ta’ preżenza, huwa biżżejjed biex jintroduċi dubju raġonevoli dwar l-effikaċja tas-sistema tagħha ta’ reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

128    It-tieni nett, id-dikjarazzjoni li l-korrezzjonijiet jikkonċernaw biss id-dati li fihom sar ix-xogħol u li kienu bla konsegwenza fuq in-numru ta’ sigħat ta’ xogħol għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, is-sempliċi qari tal-lista ta’ preżenza ta’ kull xahar tad-direttur tal-programmi għax-xahar ta’ Ottubru 2004 fil-proġett Ask-IT inkluż fl-Anness B101 jippermetti li jiġi kkonstatat li l-korrezzjonijiet jirrigwardaw mhux biss id-dati li fihom saru s-sigħat ta’ xogħol, iżda wkoll in-numru ta’ dawn is-sigħat ta’ xogħol. Għalhekk, jista’ jiġi kkonstatat li n-numru totali ta’ sigħat ta’ xogħol li inizjalment kien ta’ 136 ġie kkorreġut sabiex jiġi ffissat għal 120. Il-listi ta’ kull xahar ta’ preżenza tad-direttur tal-programmi għax-xahar ta’ Ottubru 2006 juru, barra minn hekk, li s-sigħat ta’ xogħol inizjalment iddikjarat fil-kuntest tal-proġett EU4ALL fit-18 u 19 ta’ Ottubru 2006 huma, wara korrezzjoni, iddikjarati fil-kuntest tal-proġett eABILITIES.

129    It-tielet nett, fir-rigward tad-dikjarazzjoni li tgħid li l-korrezzjonijiet ikkonstatati kienu jikkorrispondu għal sistema doppja ta’ verifika tal-ħinijiet ta’ xogħol intiża li tirrifletti t-tul eżatt tax-xogħol ipprovdut, mir-rapport tal-awditu jirriżulta li s-sistema inkwistjoni kienet tistrieħ fuq l-ewwel kontroll, imwettaq fl-aħħar ta’ kull xahar meta tinħareġ il-lista ta’ preżenza ta’ kull xahar, li miegħu kien jiżdied it-tieni kontroll żgurat mid-direttur tal-programmi qabel ma r-rapport uffiċjali jintbagħat lill-koordinatur tal-proġett jew lill-Kummissjoni. Issa, ir-rikorrenti ma spjegatx b’mod konvinċenti r-raġuni għalfejn it-tieni kontroll imwettaq mid-direttur tal-programmi wassal għal bdil bil-miktub ta’ numru daqshekk sinjifikattiv ta’ listi ta’ preżenza. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti la sostniet u lanqas uriet li l-bdil bil-miktub introdott fil-listi ta’ preżenza ta’ kull xahar wara li dawn ġew stabbiliti kien iġġustifikat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li l-funzjonament tas-sistema ta’ reġistrazzjoni tal-ħin ta’ xogħol tar-rikorrenti ma tantx huwa intiż li jiżgura r-reġistrazzjoni tan-numru eżatt ta’ sigħat iddikjarati minn kull impjegat assenjat fi programm partikolari iżda pjuttost jippermetti li dan in-numru ta’ sigħat jiġi aġġustat, għal raġunijiet inspjegabbli mir-rikorrenti, qabel mar-rapport finali jintbagħat lill-Kummissjoni.

130    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, din is-sistema ta’ reġistrazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol ma kinitx tippermetti li jiġi kkonstatat jekk l-infiq tal-persunal kienx realment sostnut, kif jeżiġi l-Artikolu ΙΙ.19(1) tal-kundizzjonijiet FP6, l-Artikolu ΙΙ.13(1) tal-kundizzjonijiet eTEN u l-Artikolu ΙΙ.20(1) tal-kundizzjonijiet CIP, u jekk l-infiq biss li jikkorrispondi għas-sigħat ta’ xogħol reali tal-persunal kienx ġie allokat għall-proġett, kif jeżiġu l-Artikolu II.14(1) tal-kundizzjonijiet eTEN u l-Artikolu II.21(1) tal-kundizzjonijiet CIP, jew jekk il-kumpannija kinitx iddikjarat perijodi li fihom il-persunal tagħha kien assenjat fi proġetti oħra bħala ħinijiet ta’ xogħol imwettaq fil-kuntest tal-kuntratti inkwistjoni.

–       c) Fuq il-ħinijiet ta’ xogħol iddikjarati mid-direttur tal-programmi

131    Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-Kummissjoni ma pproduċietx il-prova li n-numru ta’ sigħat ta’ xogħol iddikjarat mid-direttur tal-programmi fil-kuntest tal-kuntratti inkwistjoni huwa eżaġerat fih innifsu jew fid-dawl ta’ attivitajiet esterni għall-eżekuzzjoni tal-imsemmija kuntratti mwettqa minnu.

132    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif ġie espost fil-punt 83 iktar ’il fuq, skont id-dritt applikabbli f’din il-kawża, hija r-rikorrenti li għandha tiġġustifika r-realtà tal-infiq sottomess lill-Kummissjoni sabiex dan jiġi rrimborsat lilha. Peress li r-rikorrenti pproduċiet ġustifikazzjonijiet tal-infiq sottomess lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kuntratti inkwistjoni, hija l-Kummissjoni li għandha turi għalfejn hemm lok li dawn jiġu injorati.

133    F’din il-kawża, ir-rikorrenti ġġustifikat l-infiq tal-persunal li jikkorrispondi għas-sigħat ta’ xogħol sottomess lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kuntratti inkwistjoni permezz tal-listi ta’ preżenza tal-persunal, fejn ġie kkonstatat, fil-punt 130 iktar ’il fuq, li dawn ma jippermettux li jiġi vverifikat jekk l-infiq inkwistjoni ġiex effettivament sostnut.

134    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqiegħed f’dubju kemm fil-konklużjonijiet tar-rapport ta’ awditu, kif ukoll fil-kitbiet tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, in-natura verosimili tan-numru ta’ sigħat iddikjarat mir-rikorrenti għad-direttur tal-programmi fil-kuntest tal-kuntratti inkwistjoni. Għalhekk, hija l-Kummissjoni li għandha turi quddiem il-Qorti Ġenerali n-nuqqas ta’ natura plawżibbli tad-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti dwar in-numru ta’ sigħat ta’ xogħol imwettaq mid-direttur tal-programmi.

135    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni la tikkritika lir-rikorrenti talli ddikjarat għad-direttur tal-programmi numru ta’ sigħat ta’ xogħol ogħla minn dak li inizjalment kienet iffissat fil-baġit ta’ programmi marbut mal-kuntratti inkwistjoni u lanqas, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, talli ddikjarat fil-kuntest tal-kuntratti inkwistjoni sigħat ta’ xogħol marbuta ma’ proġetti Ewropej oħra.

136    Il-Kummissjoni sempliċement issostni li n-numru ta’ sigħat iddikjarati mir-rikorrenti għad-direttur tal-programmi fil-kuntest tal-kuntratti inkwistjoni jidher li huwa eżaġerat fid-dawl, minn naħa, tan-numru ta’ sigħat ta’ xogħol produttiv raġonevolment aċċettabbli u, min-naħa l-oħra, tal-fatt li din il-persuna kellha attivitajiet professjonali oħra matul il-perijodu suġġett għall-awditu.

137    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kwistjoni jekk is-sigħat ta’ xogħol iddikjarat mir-rikorrenti għad-direttur tal-programmi fil-kuntest tal-kuntratti inkwistjoni setgħux jitqiesu li huma eċċessivi meta mqabbla man-numru ta’ sigħat produttivi ta’ xogħol raġonevolment aċċettabbli, għandu jiġi rrilevat li mill-paġni 3 u 4 tal-minuti bil-miktub tal-intervista tal-4 ta’ Frar 2011 bejn l-aġenti tal-OLAF u d-direttur tal-programmi jirriżulta li dan tal-aħħar ma jikkontestax id-dikjarazzjoni, li tinsab f’tabella stabbilita mill-OLAF annessa mal-imsemmija minuti u li ġiet irriprodotta mill-Kummissjoni fil-kitbiet tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, li tgħid li huwa ħadem 327 jum fl-2007 kif ukoll fl-2008 u 288 jum fl-2009.

138    Għalkemm in-numru ta’ jiem ta’ xogħol tad-direttur tal-programmi fil-kuntest tal-kuntratti inkwistjoni li jinsab fit-tabella stabbilita mill-OLAF annessa mal-minuti tal-intervista tal-4 ta’ Frar 2011 huwa manifestament għoli għas-snin 2007 sa 2009, dan waħdu ma huwiex biżżejjed biex juri n-natura eċċessiva tan-numru ta’ sigħat ta’ xogħol iddikjarat mir-rikorrenti għal din il-persuna fil-kuntest tal-kuntratti inkwistjoni.

139    Madankollu, mill-minuti tal-intervista tal-4 ta’ Frar 2011 jirriżulta wkoll li d-direttur tal-programmi ma jikkontestax il-konstatazzjoni magħmula mill-OLAF li tgħid li l-aggregazzjoni tal-ħinijiet ta’ xogħol tiegħu ddikjarati fil-kuntest tal-kuntratti differenti inkwistjoni twassal għar-riżultat li huwa suppost ħadem, fl-2007, 16-il siegħa kuljum matul iktar minn 22 jum u 20 siegħa kuljum matul iktar minn 14-il jum kif ukoll, fl-2008, 16-il siegħa kuljum matul 64 jum, 20 siegħa kuljum matul 19-il jum u 24 siegħa kuljum matul jumejn.

140    Tali konstatazzjoni hija, tal-inqas, ta’ natura li tqiegħed serjament fid-dubju n-natura plawżibbli tan-numru ta’ sigħat ta’ xogħol tad-direttur tal-programmi fil-kuntest tal-kuntratti inkwistjoni li ġie ddikjarat lill-Kummissjoni mir-rikorrenti.

141    Barra minn hekk, l-ispjegazzjoni pprovduta mid-direttur tal-programmi f’dan ir-rigward, irriprodotta mir-rikorrenti fil-kitbiet tagħha, ma hijiex konvinċenti.

142    Fil-fatt, mill-minuti tal-intervista tal-4 ta’ Frar 2011 jirriżulta li d-direttur tal-programmi sostna li, fid-dati inkwistjoni, peress li, minbarra xogħlu fil-kuntest tal-proġetti Ewropej li fihom kienet ipparteċipat ir-rikorrenti, huwa ħadem bħala evalwatur tal-Kummissjoni u bħala espert għall-European Telecommunications Standards Institute (Istitut Ewropew għall-Istandards fit-Telekomunikazzjoni) (iktar ’il quddiem l-“ETSI”), in-numru tas-sigħat tiegħu ta’ xogħol dehru bħala 20 jew 16-il siegħa kuljum, għaliex, filwaqt li kien ħadem bosta sigħat kuljum, it-total tas-sigħat tiegħu ta’ xogħol għal kull proġett fuq medda twila ta’ żmien inġabar għal raġunijiet ta’ kontabbiltà f’perijodi ta’ 8 jew 12-il siegħa ta’ xogħol u ddikjarat b’mod aggregat.

143    Issa, din l-ispjegazzjoni hija diffiċilment konċiljabbli mad-dikjarazzjoni tar-rikorrenti dwar l-eżistenza ta’ sistema affidabbli ta’ reġistrazzjoni tas-sigħat ta’ xogħol. Tali sistema tippreżumi fil-fatt ir-reġistrazzjoni mhux biss tan-numru tas-sigħat ta’ xogħol imwettqa minn kull membru tal-persunal fl-eżekuzzjoni tal-kuntratti inkwistjoni, iżda wkoll id-data li fiha sar dan ix-xogħol, fatt li huwa preċiżament is-suġġett, f’din il-kawża, tas-sistema ta’ listi ta’ preżenza li kienet taqa’ taħt ir-responsabbiltà tad-diretturi tal-programmi.

144    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tressaq l-ebda spjegazzjoni dwar ir-raġunijiet ta’ kontabbiltà li jiġġustifikaw, fil-fehma tagħha, l-aggregazzjoni tas-sigħat ta’ xogħol imwettqa fid-dati differenti.

145    Fit-tieni lok, huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li n-numru ta’ sigħat iddikjarati mir-rikorrenti għad-direttur tal-programmi fil-kuntest tal-kuntratti inkwistjoni huwa ftit plawżibbli meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-attivitajiet professjonali l-oħra eżerċitati minnu matul il-perijodu li huwa suġġett għall-awditu.

146    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tikkontestax id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li hija ffatturat lill-ETSI 118.5 siegħa xogħol abbażi tal-parteċipazzjoni tad-direttur tal-programmi fil-grupp ta’ ħidma “Special Task Force 333” (iktar ’il quddiem is-“STF 333”) minn Settembru 2007 sa Marzu 2009, li diġà kienet ifformulata mill-OLAF matul l-intervista tal-4 ta’ Frar 2011. Għandu wkoll jiġi kkonstatat li mill-paġna 20 tar-rapport definittiv tal-ETSI lill-Kummissjoni dwar ix-xogħol imwettaq mis-STF 333 li huwa anness fir-risposta jirriżulta li l-ETSI ddikjarat 118.5 jum ta’ xogħol għad-direttur tal-programmi, li twettqu mill-21 ta’ Settembru 2007 sal-31 ta’ Ottubru 2009. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, mis-sitt esperti li pparteċipaw fis-STF 333, id-direttur tal-programmi huwa wieħed mit-tnejn li l-iktar iddikjaraw sigħat ta’ xogħol, bl-eċċezzjoni tal-espert prinċipali. Issa, ir-rikorrenti ssostni biss li hija ma kinitx responsabbli għall-kontroll tas-sigħat ta’ xogħol effettivament imwettqa mid-direttur tal-programmi fil-kuntest tal-parteċipazzjoni itegħu fis-STF 333. Għalhekk, ir-rikorrenti tidher li qed tagħti x’tifhem li ma huwiex in-numru ta’ sigħat ta’ xogħol li hija ddikjarat għad-direttur tal-programmi fil-kuntest tal-kuntratti inkwistjoni għall-perijodu suġġett għall-awditu li huwa eċċessiv, iżda l-ħin ta’ xogħol iddikjarat mill-ETSI għax-xogħol imwettaq minnu fil-kuntest tas-STF 333. Xorta jibqa’ l-fatt li, għalkemm ir-rikorrenti ma setgħetx tikkontrolla n-numru ta’ jiem ta’ xogħol realment imwettqa mid-direttur tal-programmi matul il-parteċipazzjoni tiegħu fis-STF 333, hija bilfors kienet taf in-numru ta’ jiem ta’ xogħol li d-direttur tal-programmi kellu jagħti għall-kuntratti inkwistjoni matul l-istess perijodu.

147    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tressaq l-ebda risposta għad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni, diġà fformulati mill-OLAF matul l-intervista tal-4 ta’ Frar 2011, li jgħidu li, fl-2007, fl-2008 u fl-2009, id-direttur tal-programmi kien ipparteċipa f’laqgħat tas-STF 333 filwaqt li fl-istess ħin ir-rikorrenti kienet iddikjarat li huwa ħadem fl-istess mument 16-il siegħa kuljum fil-kuntest tal-kuntratti inkwistjoni.

148    Barra minn hekk, hemm indikat fil-paġni 10 u 11 tar-rapport definittiv tal-ETSI lill-Kummissjoni dwar il-ħidma tas-STF 333 li d-direttur tal-programmi huwa “membru ta’ bosta gruppi ta’ ħidma li jirrigwardaw l-inklużjoni diġitali, bħalma huwa l-grupp ta’ ħidma W3C fuq il-‘Web Content Accessibility Guidelines v.2’ (linji gwida dwar l-aċċessibbiltà għall-kontenut tal-Web, verżjoni 2) jew il-gruppi ta’ ħidma ‘Design4All’ u ‘ICT’ tal-ANEC [li,] barra minn hekk, jirrappreżenta lill-ANEC fil-kumitat konsultattiv W3C, kif ukoll fil-kumitat tekniku ‘fatturi umani’ tal-ETSI [u li] barra minn hekk, jassisti lill-ANEC (‘vuċi tal-konsumaturi Ewropej fil-qasam tal-istandardizzazzjoni’) bħala espert dwar il-kwistjonijiet tal-inklużjoni diġitali u ta’ aċċessibbiltà elettronika (‘eAccessibility’)”.

149    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali tqis li l-provi prodotti mill-Kummissjoni huma suffiċjenti biex tintwera l-assenza tan-natura plawżibbli tan-numru ta’ sigħat ta’ xogħol iddikjarati mir-rikorrenti għad-direttur tal-programmi fil-kuntest tal-kuntratti inkwistjoni matul is-snin 2007 sa 2009.

–       d) Fuq l-ispejjeż tal-ivvjaġġar

150    Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-uniku vjaġġ iċċitat bħala eżempju mill-Kummissjoni ma jippermettix li titqiegħed f’dubju l-eliġibbiltà tal-ispejjeż kollha tal-ivvjaġġar iddikjarati fil-kuntest tal-kuntratti inkwistjoni.

151    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif ġie espost fil-punt 83 iktar ’il fuq, skont id-dritt applikabbli għall-kawża preżenti, hija r-rikorrenti li għandha tiġġustifika r-realtà tal-infiq sottomess lill-Kummissjoni sabiex dan jiġi rrimborsat lilha. Peress li r-rikorrenti pproduċiet ġustifikattivi dwar l-infiq sottomess lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kuntratti inkwistjoni, hija l-Kummissjoni li għandha turi għalfejn dawn għandhom jiġu injorati.

152    F’din il-kawża, mill-proċess jirriżulta li r-rikorrenti ġġustifikat l-infiq sottomess lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kuntratti inkwistjoni, b’mod partikolari, permezz tal-ispejjez tal-ivvjaġġar sostnuti fil-kuntest tal-imsemmija kuntratti li għalihom hija pproduċiet ġustifikattivi.

153    Issa, il-Kummissjoni ssostni, kemm fil-konklużjonijiet tar-rapport ta’ awditu kif ukoll fil-kitbiet tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, li t-totalità tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar iddikjarati mir-rikorrenti fil-kuntest tal-kuntratti inkwistjoni huma ineliġibbli. Għalhekk, hija l-Kummissjoni li għandha, f’dawn iċ-ċirkustanzi, turi li l-ġustifikattivi prodotti mir-rikorrenti li jsostnu l-ispejjeż tal-ivvjaġġar esposti fil-kuntest tal-kuntratti inkwistjoni għandhom jiġu injorati.

154    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li hemm indikat fir-rapport tal-awditu, li għalih tirreferi l-Kummissjoni fil-kitbiet tagħha, li l-analiżi tal-minuti tal-laqgħa pprovduta mir-rikorrenti lill-kontrolluri sabiex tiġġustifika l-ispejjeż tal-ivvjaġġar uriet li bosta vjaġġi li l-ispejjeż tagħhom ġew attribwiti lill-kuntratti inkwistjoni ma kellhomx relazzjoni diretta u esklużiva ma’ dawn tal-aħħar, iżda fil-verità kienu marbuta ma’ attivitajiet oħra tar-rikorrenti. F’dan ir-rigward, il-kontrolluri jagħtu l-eżempju ta’ vjaġġ imwettaq mid-direttur tal-programmi biex jipparteċipa f’laqgħa f’Nice (Franza) f’Jannar 2008, u attribwit kollu kemm hu lill-baġit previst għall-proġet eABILITIES, anki jekk fil-verità kien marbut mal-kuntratt ETSI STF 333. Dan huwa sostnut mill-fatt li l-ismijiet tal-persuni li pparteċipaw f’din il-laqgħa, imsemmija fil-minuti tagħha, kienu l-istess bħall-ismijiet tal-esperti l-oħra tas-STF 333.

155    Fil-kitbiet tagħha, il-Kummissjoni tammetti li r-relazzjoni bejn il-vjaġġi u l-kuntratti inkwistjoni ma għandhiex tkun esklużiva. Madankollu, hija ssostni li għandha tkun diretta. Issa, f’din il-kawża, anki meta kien hemm relazzjoni bejn il-vjaġġi u l-kuntratti inkwistjoni, din ma kinitx diretta.

156    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni tikkwota eżempju wieħed biss, jiġifieri dak tal-vjaġġ tad-direttur tal-programmi f’Nice, li matulu huwa pparteċipa f’laqgħa fil-bini tal-ETSI mill-20 sal-25 ta’ Jannar 2008.

157    Ir-rikorrenti ma tikkontestax ir-realtà tal-laqgħa inkwistjoni, iżda ssostni li essenzjalment kellha l-għan li tippromwovi l-proġett eABILITIES mal-parteċipanti.

158    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 8 tal-minuti tal-laqgħa inkwistjoni, annessi mar-risposta tal-Kummissjoni, hemm il-“Lista ta’ kuntatti maħluqa” li hija magħmula mill-ismijiet ta’ erbgħa mill-ħames esperti l-oħra, membri tas-STF 333.

159    Għandu wkoll jiġi rrilevat li hemm indikat fil-punt 1 tal-minuti tal-laqgħa inkwistjoni taħt it-taqsima “Suġġetti diskussi matul il-laqgħa” is-segwenti: “Informazzjoni dwar il-proġett e-Accessibility u prodotti u standards AT; Informazzjoni dwar is-suġġet tal-proġett eABILITIES; Eżami ta’ sinerġiji possibbli; Pjanijiet ta’ azzjoni fil-futur”.

160    Barra minn hekk, hemm indikat fil-punt 2 tal-minuti tal-laqgħa inkwistjoni taħt it-taqsima “Kwistjonijiet ta’ interess partikolari għal e-Isotis u l-proġett eABILITIES” li kuljum kien hemm diskussjoni fid-dettall dwar kull prodott eABILITIES u kif dawn setgħu jiġu użati mill-atturi fis-settur AT u e-Accessibility.

161    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma rnexxilix turi l-assenza ta’ rabta diretta bejn dan il-vjaġġ u l-imsemmi kuntratt u, għalhekk, l-ineliġibbiltà tal-ispejjeż iddikjarati għall-imsemmi vjaġġ.

162    Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma tistax tqis li l-ineliġibbiltà tal-infiq iddikjarat mir-rikorrenti fil-kuntest tal-kuntratti inkwistjoni tirriżulta mill-assenza ta’ rabta bejn l-ispejjeż tal-ivvjaġġar esposti mir-rikorrenti u l-imsemmija kuntratti.

163    Madankollu, din il-konstatazzjoni lanqas ma tippermetti li jiġi konkluż, kif issostni barra minn hekk ir-rikorrenti, li l-ispejjeż kollha tal-ivvjaġġar li hija sostniet fil-kuntest tal-kuntratti inkwistjoni kienu eliġibbli. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li hija sempliċement ipproduċiet quddiem il-Qorti Ġenerali ġustifikattivi tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar marbuta biss mal-kuntratt EU4ALL, u dan minkejja li hija ma tikkontestax li ddikjarat spejjeż tal-ivvjaġġar fil-kuntest tal-kuntratti l-oħra inkwistjoni.

164    Għalhekk, u fid-dawl tal-konstatazzjonijiet l-oħra preċedentement imwettqa mill-Qorti Ġenerali dwar l-assenza tal-affidabbiltà tal-kotba tal-kontijiet tar-rikorrenti u tas-sistema tagħha ta’ reġistrazzjoni tal-ħinijiet ta’ xogħol u n-numru eċċessiv ta’ jiem ta’ xogħol iddikjarat għad-direttur tal-programmi, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti kisret l-Artikolu 19(1)(a) u (d) tal-kundizzjonijiet FP6, l-Artikoli II.13, II.14 u l-Artikolu II.16(2) tal-kundizzjonijiet eTEN kif ukoll l-Artikoli II.20, II.21 u II.23 tal-kundizzjonijiet CIP u li, għalhekk, l-infiq sottomess lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kuntratti inkwistjoni għandhom jitqiesu li huma ineliġibbli.

 2. Fuq il-kwalità u l-kundizzjonijiet ta’ twettiq tal-awditu

–       a) Fuq id-dikjarazzjonijiet foloz li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-kuntratt ETSI 333

165    Ir-rikorrenti essenzjalment tikkontesta l-konklużjoni tar-rapport tal-awditu li tgħid li hija għamlet dikjarazzjonijiet foloz matul il-proċedura tal-awditu għaliex huwa l-persunal tagħha li ħeba r-relazzjoni eżistenti bejn il-kuntratt ETSI STF 333 u l-Kummissjoni.

166    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu II.29(2) tal-kundizzjonijiet FP6, matul l-awditu, “[i]l-kontraenti għandhom iqiegħdu direttament għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni d-data ddettaljata kollha li tista’ tintalab mill-Kummissjoni sabiex jiġi vverifikat jekk il-kuntratt huwiex amministrat u eżegwit sew”.

167    L-Artikolu II.17(2) tal-kundizzjonijiet eTEN jipprovdi wkoll li “[i]l-Kummissjoni jew kwalunkwe rappreżentant awtorizzat jista’ jkollu aċċess f’ħinijiet raġonevoli, b’mod partikolari, għall-persunal tal-benefiċjarji li huwa assoċjat mal-proġett, għad-dokumentazzjoni msemmija fl-Artikolu 16 ta’ dan l-anness, u għad-data informatika u tagħmir li hija tqis rilevanti [u li, f’] dan il-kuntest, hija tista’ teżiġi li d-data tingħatalha f’forma xierqa sabiex, pereżempju, tivverifika l-eliġibbiltà tal-infiq”.

168    Bl-istess mod, l-Artikolu II.28(2) tal-kundizzjonijiet CIP jipprovdi li “[i]l-benefiċjarji għandhom iqiegħdu direttament għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni kull informazzjoni u data ddetalljata mitluba minnha jew minn kull rappreżentant awtorizzat minnha, sabiex jiġi vverifikat jekk il-kuntratt ta’ finanzjament ikunx qed jiġi amministrat korrettament, li jkun qed jiġi implementat skont id-dispożizzjonijiet tiegħu u li l-infiq ikun ġie attribwit b’mod konformi”.

169    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-fatt li r-rikorrenti ma semmietx, fit-tweġiba għall-ittri tal-Kummissjoni tat-22 u 26 ta’ Jannar 2010, il-kuntratt ESTI STF 33 fil-lista tal-kuntratti, jikkostitwixxix dikjarazzjoni falza, għandu jiġi rrilevat li mill-ittra mibgħuta mill-Kummissjoni lir-rikorrenti fit-22 ta’ Jannar 2010 jirriżulta li hija ntalbet tipprovdi immedjatament il-lista eżawrjenti tal-proġetti kollha, ta’ riċerka u mhux ta’ riċerka, iffinanzjati mill-Unjoni u proġetti jew attivitajiet fil-kuntest tal-kuntratti ta’ servizz jew kuntratti ta’ finanzjament li fihom hija kienet involuta, billi tipprovdi tal-inqas l-isem tal-programm, ir-referenza tiegħu, l-akronimu tiegħu, id-dati ta’ bidu u ta’ tmiem tiegħu u l-ammont iffinanzjat. Għandu wkoll jiġi rrilevat li d-dokument intitolat “Lista ta’ informazzjoni li għandha tingħata lill-organizzazzjoni suġġetta għall-awditu — Annessa mal-ittra ta’ tħabbir” anness mal-imsemmija ittra, jinkludi tabella li fiha jissemma’ l-punt 8 “Lista ta’ kull finanzjament Komunitarju ieħor riċevut u kull kuntratt (mitmum jew pendenti) iffirmat mal-Kummissjoni (mill-2000 sal-lum)”.

170    Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, tali dokument ma jikkostitwixxix produzzjoni ta’ prova tardiva, sa fejn huwa ċċitat mir-rikorrenti insostenn ta’ argument intiż li jwieġeb għad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fir-risposta li tgħid li r-rikorrenti għamlet dikjarazzjoni falza meta ma semmietx il-kuntratt ETSI STF 333 fit-tweġiba għall-ittri tagħha tat-22 u tas-26 ta’ Jannar 2010. Dan jgħodd ukoll għall-iskambju ta’ ittri bejn M.D., awditur tal-Kummissjoni u d-direttur tal-programmi, fid-data tas-26 ta’ Jannar 2010, li jinsab barra minn hekk fl-anness A67 tar-risposta.

171    Mill-ittra mibgħuta lil M. D. fis-26 ta’ Jannar 2010 mid-direttur tal-programmi jirriżulta li dan tal-aħħar kien talbu pariri b’dan il-kliem segwenti:

“Tista’ jekk jogħġbok tindikalna jekk il-kuntratti li ġew konklużi sempliċement bejn l-organizzazzjoni tagħna, bħala benefiċjarji, u organizzazzjoni oħra, li hija l-kontraent li fil-verità tkun ikkonkludiet kuntratt mal-aġenzija eżekuttiva kkonċernata tal-Kummissjoni Ewropea jew mal-aġenzija nazzjonali korrispondenti, għandhomx jiġu inklużi fil-lista ta’ proġetti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea, b’rabta mad-dokument E8”.

172    Issa, mill-ittra ta’ M.D. jirriżulta li dan, taħt is-suġġett “Kuntratti”, ipprovda t-tweġiba segwenti:

“L-idea hija effettivament li jkollna l-kuntratti (u sottokuntratti) kollha konklużi mal-istituzzjonijiet, aġenziji, eċċ, tal-Unjoni Ewropea. Huwa wkoll importanti li tikkwota korrettament il-kuntratti kollha, anki jekk inti ma kontx il-kontraent prinċipali iżda biss sottokontraent. Jekk jogħġbok iddeskrivi b’mod ċar is-sitwazzjoni tal-organizzazzjoni f’dan il-kuntest.”

173    Jekk kien hemm dubju dwar in-natura tal-kuntratti li kellhom jissemmew invista tal-awditu fid-dawl tal-kliem użat fl-ittra tat-22 ta’ Jannar 2010 u d-dokument anness magħha, dan sussegwentement tneħħa permezz tal-iskambju tal-ittri bejn id-direttur tal-programmi u M.D., għaliex, mill-qari ta’ dan l-iskambju, ir-rikorrenti ma setgħetx ikollha dubji dwar il-fatt li hija kellha ssemmi l-kuntratti kollha konklużi mal-Kummissjoni, inkluż dawk li fil-kuntest tagħhom hija kellha biss rwol ta’ sottokontraent, fatt li manifestament japplika għall-kuntratt ETSI STF 333.

174    Fil-fatt, mill-ittra ta’ impenn iffirmata bejn l-ETSI u r-rikorrenti, irrappreżentata mis-Sinjura A., jirriżulta li dan il-kuntratt kellu l-għan, fil-kuntest ta’ mandat, li jqiegħed lid-direttur tal-programmi għad-dispożizzjoni tas-STF 333 tal-ESTI. Barra minn hekk, mill-Artikolu 4 tal-ittra ta’ impenn l-“espert” imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-ETSI, jiġifieri d-direttur tal-programmi, għandu jibqa’ impjegat ta’ din tal-aħħar meta jaħdem għas-STF 333 u, skont l-Artikolu 5 ta’ din l-ittra ta’ impenn, l-ETSI għandha tagħti lir-rikorrenti s-somma ta’ EUR 30 600 għal 51 jum xogħol li jikkorrispondi għaż-żmien li r-rikorrenti tqis li d-direttur tal-programmi għandu jiddedika għal din il-missjoni.

175    Barra minn hekk, hemm indikat fil-punt A3 tal-Anness I tal-ittra ta’ impenn li l-Kummissjoni ntalbet tiffinanzja 70 % tal-ispiża totali tal-proġett li fil-kuntest tiegħu d-direttur tal-programmi kien tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-ETSI.

176    Għalhekk, għandu jitqies li, billi ma semmietx il-kuntratt ETSI STF 333 fit-tweġiba għall-ittri tal-Kummissjoni tat-22 u tas-26 ta’ Jannar 2010, ir-rikorrenti għamlet dikjarazzjoni falza lill-kontrolluri tal-Kummissjoni bi ksur tal-Artikolu II.29(2) tal-kundizzjonijiet FP6, tal-Artikolu II.17(2) tal-kundizzjonijiet eTEN u tal-Artikolu II.28(2) tal-kundizzjonijiet CIP.

–       b) Fuq ir-regoli applikabbli fil-qasam tal-awditu

177    Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-ġeneralizzazzjonijiet u l-iżbalji li jinsabu fir-rapport tal-awditu kif ukoll il-kundizzjonijiet li taħthom hija ġiet inkluża fid-database ċentrali ta’ esklużjoni stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 302/2008, tas-17 ta’ Diċembru 2008, dwar id-dejtabejż ċentrali tal-esklużjoni (ĠU L 344, p. 12), juru b’mod partikolari l-inosservanza mill-kontrolluri tal-Kummissjoni tar-regoli internazzjonali tal-awditu applikabbli f’din il-kawża abbażi tal-prinċipju ta’ eżekuzzjoni in bona fides tal-kuntratti.

178    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-possibbiltà għall-Kummissjoni li tipproċedi b’awditu tal-kuntratti inkwistjoni hija prevista fl-Artikolu II.29 tal-kundizzjonijiet FP6, fl-Artikolu II.17 tal-kundizzjonijiet eTEN u l-Artikolu II.28 tal-kundizzjonijiet CIP.

179    Issa, għandu jiġi kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet ma jippreċiżawx il-kundizzjonijiet tekniċi u konkreti li bihom l-awdituri għandhom iwettqu xogħlhom. Fis-silenzju tal-kuntratti, il-bona fides timponi fuq il-partijiet l-adozzjoni ta’ aġir oġġettiv, li jifforma parti mill-kontenut impliċitu tal-kuntratt.

180    F’din il-kawża, ir-rikorrenti essenzjalment tqis li, abbażi tal-prinċipju taʼ eżekuzzjoni in bona fides tal-kuntratti, il-Kummissjoni kellha tosserva, skont id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 2006, dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (ĠU L 157, p. 87), l-istandards internazzjonali tal-awditu.

181    Ir-rikorrenti tirreferi b’mod partikolari għall-punti 17 (Diliġenza meħtieġa) u A19 (Modalitajiet ta’ applikazzjoni u informazzjoni oħra ta’ spjegazzjoni) tal-International Standards on Auditing 200 ta’ April 2009, imfassla mill-International Federation of Accountants (Federazzjoni Internazzjonali tal-accountants), li jistabbilixxu s-segwenti:

“Elementi probatorji suffiċjenti u meħtieġa u riskju ta’ awditu

17. Sabiex tinkiseb assigurazzjoni raġonevoli, l-awditur għandu jiġbor elementi probatorji suffiċjenti u meħtieġa sabiex inaqqas ir-riskju ta’ awditu f’livell biżżejjed affidabbli sabiex tkun aċċettata u għalhekk ikun f’pożizzjoni li jislet konklużjonijiet raġonevoli li fuqhom jibbaża fehmtu.

[…]

Kritika

[…]

A19. L-awditur għandu, matul il-missjoni kollha, ikollu approċċ kritiku jekk irid, pereżempju, inaqqas ir-riskji:

–        li ma jidentifikax fatti mhux normali;

–        li jkun wisq ġeneriku billi jislet konklużjonijiet minn osservazzjonijiet magħmula waqt l-awditu;

–        li juża ipoteżi mhux xierqa biex jiddetermina n-natura, il-kalendarju u l-portata tal-proċeduri ta’ awditu u biex jevalwa r-riżultati tagħha.”

182    F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza ċċitata mir-rikorrenti insostenn ta’ dan l-argument ma tapplikax għal din il-kawża.

183    Fil-fatt, mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2003, Rinke (C‑25/02, Ġabra p. I‑8349, punti 24 sa 27), jirriżulta li r-rispett tad-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti bħala prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, u li issa jinsabu fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jikkostitwixxi kundizzjoni ta’ legalità għal kull att adottat mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

184    Issa, għandu jitfakkar li, minn naħa, din il-kawża ma tirrigwardax il-legalità ta’ att tal-Kummissjoni, fis-sens tal-Artikolu 288 TFUE, iżda tirrigwarda l-osservanza ta’ obbligi kuntrattwali li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u r-rikorrenti, u, min-naħa l-oħra, ir-regoli internazzjonali tal-awditu ma jirriżultawx mid-drittijiet fundamentali jew mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

185    Bl-istess mod, għandhom jiġu distinti mill-kawża preżenti l-ipoteżijiet li fihom direttiva tista’ tiġi invokata kontra istituzzjoni tal-Unjoni li riferiment għalihom sar fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ April 2009, Aayan et vs Il-Parlament Ewropew (F‑65/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑1054 u II‑A‑1‑567), li wkoll ġiet invokata mir-rikorrenti, li huma limitati għar-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-uffiċjali jew l-aġenti tagħhom (sentenza Aayan et vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 112).

186    Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kellha tosserva l-istandards internazzjonali tal-awditu sa fejn, minn naħa, l-Artikolu II.19(1)(d) tal-kundizzjonijiet FP6 u l-Artikolu II.23 tal-kundizzjonijiet CIP jirreferu għad-dritt nazzjonali applikabbli fil-qasam ta’ kontabbiltà u, min-naħa l-oħra, id-dritt Grieg għandu jkun konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/43, li jimponi fuq l-Istati Membri l-osservanza tar-regoli internazzjonali tal-awditu, għandu jiġi miċħud.

187    Fil-fatt, mill-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 2006/43 jirriżulta li, għalkemm l-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kontrolluri legali tal-kontijiet u l-uffiċċji ta’ awditu jwettqu kontroll legali tal-kontijiet skont l-istandards ta’ awditu internazzjonali adottati mill-Kummissjoni, huma jistgħu japplikaw l-istandards ta’ awditu nazzjonali sakemm il-Kummissjoni ma tkunx adottat standards ta’ awditu internazzjonali li jkopru l-istess qasam. Issa, għandu jitfakkar li sa issa l-Kummissjoni għadha ma adottatx regoli ta’ awditu internazzjonali.

188    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li d-dritt nazzjonali applikabbli fil-qasam ta’ kontabbiltà fil-kuntest ta’ din il-kawża, skont l-Artikolu II.19(1)(d) tal-kundizzjonijiet FP6 u l-Artikolu II.23 tal-kundizzjonijiet CIP, ma jimponix fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tosserva l-istandards stabbiliti mill-International Federation of Accountants.

189    Barra minn hekk, għandu jiġu miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-ġeneralizzazzjonijiet u l-iżbalji li jinsabu fir-rapport tal-awditu kif ukoll il-kundizzjonijiet li bihom hija ġiet inkluża fid-database ċentrali ta’ esklużjoni stabbilita bir-Regolament Nru 1302/2008 juru li l-Unjoni ma eżegwitx in bona fides l-obbligi kuntrattwali fir-rigward tat-twettiq tal-awditu.

190    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-konklużjonijiet tar-rapport tal-awditu definittiv li jindika li hija għamlet dikjarazzjonijiet foloz u ħbiet il-finanzjament riċevut mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kuntratt ETSI jistrieħ fuq ġudizzju suġġettiv tal-awdituri, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dan huwa infondat fil-fatt. Fil-fatt, kif ġie deċiż fil-punt 176 iktar ’il fuq, billi ma semmietx il-kuntratt ETSI STG 333 fit-tweġiba għall-ittri tal-Kummissjoni tat-22 u tas-26 ta’ Jannar 2010, ir-rikorrenti għamlet dikjarazzjoni falza lill-kontrolluri bi ksur tal-Artikolu II.29(2) tal-kundizzjonijiet FP6, tal-Artikolu II.17(2) tal-kundizzjonijiet eTEN u tal-Artikolu II.28(2) tal-kundizzjonijiet CIP.

191    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-awdituri indikaw li hija għamlet bosta dikjarazzjonijiet, meta dan ma kienx il-każ, peress li r-rappreżentant legali tar-rikorrenti qatt ma ġie interrogat mill-awdituri, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li r-rappreżentant legali tar-rikorrenti ma ġiex interrogat mill-awdituri ma huwiex waħdu ta’ natura li jqiegħed f’dubju l-verità tad-dikjarazzjonijiet eventwali tal-membri tal-persunal tar-rikorrenti. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, skont l-użanza fil-qasam tal-awditu, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tinterroga lir-rappreżentant legali tar-rikorrenti, inkwantu l-persunal tar-rikorrenti kien suffiċjentement ikkwalifikat biex iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-awdituri dwar l-eżekuzzjoni teknika u finanzjarja tal-kuntratti inkwistjoni, fatt li r-rikorrenti ma tikkontestax.

192    Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti meħud mill-konklużjoni tar-rapport tal-awditu li tgħid li ma jistax jiġi eskluż li membri tal-persunal li ma jinkludux id-direttur tal-programmi setgħu ddikjaraw ħinijiet ta’ xogħol eċċessiv hija suġġettiva, huwa infondat fil-fatt. Fil-fatt, din il-konklużjoni hija bbażata fuq il-konstatazzjoni tal-assenza ta’ prova dwar is-sigħat ta’ xogħol tal-persunal li ma jinkludix id-direttur tal-programmi u fuq il-portata tal-irregolaritajiet ikkonstatati fil-kampjun tal-listi ta’ preżenza kkontrollati.

193    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni bbażat il-konklużjonijiet tagħha dwar l-ispejjeż tal-ivvjaġġar fuq data frammentata, għandu jitfakkar li, kif ġie kkonstatat fil-punt 156 iktar ’il fuq, l-awdituri jsemmu biss vjaġġ wieħed fir-rapport tal-awditu biex juru l-allegati dikjarazzjonijiet foloz dwar l-ispejjeż tal-ivvjaġġar. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, fir-rapport tal-awditu, ir-riferiment għal dan il-vjaġġ jidher bħala sempliċi eżempju intiż li juri fatt ġenerali tal-awdituri dwar il-ġustifikattivi kollha li jikkonċernaw l-ispejjeż tal-ivvjaġġar iddikjarati mir-rikorrenti fil-kuntest tal-kuntratti inkwistjoni.

194    Fil-ħames lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-kontrolluri, b’mod infondat, iddikjaraw ineliġibbli nfiq espost fil-kuntest tal-perijodu ta’ referenza Nru 3 tal-proġett Enable u tal-perijodu ta’ referenza Nru 4 tal-proġett Ask-It li ma humiex is-suġġett tal-awditu, għandu jiġi rrilevat li mill-punt 3 tar-rapport tal-awditu jirriżulta li dawn il-perijodi ta’ referenza ma kinux inklużi fl-awditu.

195    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li l-assenza ta’ riferiment dwar dawn il-perijodi ta’ referenza fil-punt 3 tar-rapport tal-awditu hija dovuta għax intesew u li dawn il-perijodi ġew tassew ikkontrollati, kif juri l-Anness I tar-rapport tal-awditu. Issa, għalkemm mill-Anness I tar-rapport tal-awditu jirriżulta li l-perijodu Nru 4 tal-kuntratt Ask-It tassew kien is-suġġett ta’ awditu, minn dan l-istess anness jirriżulta li l-perijodu ta’ referenza Nru 3 tal-proġett Enable kien mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Awwissu 2010, jiġifieri wara l-kontroll fuq il-post u l-formulazzjoni tar-rapport ta’ awditu provviżorju datat it-28 ta’ Ġunju 2010. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax issostni li l-kontroll kien jirrigwarda t-totalità tal-perijodu ta’ referenza Nru 3 tal-proġett Enable.

196    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-kontrolluri kkonkludew li t-totalità tal-infiq sostnut kien ineliġibbli matul l-ewwel żewġ perijodi ta’ referenza tal-programm li kienu s-suġġett tal-awditu u li tali konstatazzjoni toħloq dubju serju dwar is-sinċerità tad-dikjarazzjonijiet sottomessi mir-rikorrenti għall-perijodi sussegwenti fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ programmi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jitqies li, skont l-użanza fil-qasam tal-awditu, il-Kummissjoni setgħet, għall-perijodu Nru 3 tal-proġett Enable, tislet il-konsegwenzi tal-konstatazzjonijiet magħmula mill-awdituri għall-perijodi preċedenti.

197    Fis-sitt lok, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-allegati żbalji ta’ kalkolu li jinsabu fir-rapport tal-awditu li pprekludew lir-rikorrenti milli teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha, hija ma wrietx tali żbalji.

198    L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-kontrolluri bi żball indikaw fir-rapport tal-awditu li l-ammont tal-infiq iddikjarat minnha għall-perijodi suġġetti għall-awditu kien ta’ EUR 912 217.15, meta fil-verità kien ta’ EUR 890 595.25. Din id-differenza hija spjegata mill-iżbalji mwettqa mill-Kummissjoni dwar l-ammont tal-infiq iddikjarat fil-kuntest tal-kuntratti Ask-It u T-Seniority.

199    Għalhekk, l-ammont tal-infiq iddikjarat mir-rikorrenti għall-perijodu ta’ referenza Nru 3 fil-kuntest tal-programm Ask-It huwa ta’ EUR 46 571.62 u mhux ta’ EUR 48 889.16 kif indikat mill-Kummissjoni.

200    Bl-istess mod, l-ammont tal-infiq iddikjarat fil-kuntest tal-programm T-Seniority huwa ta’ EUR 47 491.50 u mhux ta’ EUR 66 795.86 kif indikat mill-Kummissjoni.

201    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-Anness I tar-rapport tal-awditu jirriżulta li s-somma ta’ EUR 46 571.62, li tirreferi għaliha r-rikorrenti tikkorrispondi mas-somma tal-infiq inizjali aċċettata mill-Kummissjoni għall-perijodu ta’ referenza Nru 3 tal-programm Ask-It u li s-somma ta’ EUR 48 889.16 tikkorrispondi għall-infiq totali ddikjarat mir-rikorrenti għal dan il-perijodu

202    Għandu wkoll jiġi rrilevat li mill-paġna 7 tar-rapport tal-awditu jirriżulta li l-kontrolluri ppreċiżaw, fir-rigward tal-infiq iddikjarat mir-rikorrenti fil-kuntest tal-programm T-Seniority, li r-rapporti finanzjarji ma kinux għadhom ġew ippreżentati fid-data tal-formulazzjoni tar-rapport u li dan l-infiq ma kienx għadu ġie formalment aċċettat mill-Kummissjoni. Huwa wkoll ippreċiżat li ċ-ċifri ċċitati fit-tabella dwar il-programm Ask-It jinkludu l-parti tar-rikorrenti fl-infiq tas-subappalt. Minn dan isegwi li l-ammont ta’ EUR 66 795.86 ma setax jitqies definittiv u li, għalhekk, l-ammont totali tal-infiq iddikjarat mir-rikorrenti fil-kuntest tal-kuntratti inkwistjoni ma jistax jiġi kkalkolat b’mod preċiż fuq il-bażi tat-tabelli li jinsabu fil-punt 3 tar-rapport tal-awditu. Għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax tiddeduċi minn din iċ-ċifra xi żball imwettaq mill-kontrolluri.

203    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-kontrolluri wettqu wkoll żball meta kkalkolaw l-ammont totali tal-infiq iddikjarat minnha għall-perijodi kollha ta’ referenza fil-kuntratti inkwistjoni. L-ammont ma huwiex ta’ EUR 966 632.42 iżda ta’ EUR 948 734.38. Din l-aħħar ċifra tirriżulta mill-għadd tal-ammont tal-infiq iddikjarat għall-perijodi kkontrollati, jiġifieri EUR 890 595.25, u l-ammont tal-infiq iddikjarat għall-perijodu ta’ referenza Nru 3 tal-Proġett Enable u għall-perijodu ta’ referenza Nru 4 tal-Proġett Ask-It li ma kinux is-suġġett ta’ kontroll.

204    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-dikjarazzjoni tar-rikorrenti tistrieħ fuq il-premessa żbaljata li l-ammont tal-infiq iddikjarat għall-perijodi kkontrollati huwa ta’ EUR 890 595.25. Għalhekk, ir-rikorrenti ma turix li l-kontrolluri wettqu xi żball f’dan ir-rigward.

205    Fis-seba’ u l-aħħar lok, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li n-natura infondata tal-konklużjonijiet li jinsabu fir-rapport tal-awditu u l-mala fide tal-Kummissjoni huma murija mill-fatt li din tal-aħħar inizjalment iġġustifikat id-deċiżjoni li tinkludiha fid-“database ċentrali tal-esklużjonijiet” minħabba l-eżistenza ta’ dikjarazzjonijiet foloz magħmula minnha u l-ksur tal-obbligi kuntrattwali tagħha filwaqt li, fit-23 ta’ Marzu 2011, hija għarrfitha li kienet definittivament eskluża għal perijodu ta’ ħames snin minħabba li hija kienet fi stralċ.

206    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 93(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/25, tal-25 ta’ Gunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74), kif emendat (iktar ’il quddiem, ir-“Regolament finanzjarju”), jipprovdi:

“Il-kandidati jew appaltaturi għandhom ikunu esklużi mill-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ akkwist jekk:

a)      ikunu falluti jew xolti, ikollhom in-negozju tagħhom amministrat mill-qorti, ikunu daħlu f’arranġament mal-kredituri, ikunu ssospendew l-attivitajiet tan-negozju tagħhom, huma suġġetti għall-proċedimenti li jikkonċernaw dawk il-materji, jew huma f’xi sitwazzjoni analoga li toriġina minn proċedura simili li hemm provvediment dwarha fil-leġislazzjoni jew fir-regolamenti nazzjonali;

b)      ikunu ġew misjuba ħatja ta’ offiża li tikkonċerna l-imġieba professjonali tagħhom, b’ġudizju li jkollha l-forza ta’ res judicata;

c)      ikunu nstabu ħatja ta’ kondotta ħażina professjonali gravi li tkun ġiet ippruvata bi kwalunwe mezz li l-awtorità tal-kuntratti tkun tista’ tiġġustifika;

d)      ma jkunux wettqu obbligazzjonijiet relatati mal-pagament tal-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali jew mal-pagament tat-taxxi skond id-dispożizzjonijiet legali tal-pajjiż li fih huma stabbiliti jew ma dawk tal-pajjiż ta' l-awtorità tal-kuntratti jew ma dawk tal-pajjiż ta’ fejn il-kuntratt sejjer ikun imwettaq;

e)      kienu s-suġġett ta’ ġudizju li għandu l-forza ta’ res judicata dwar frodi, korruzzjoni, involviment fl-organizzazzjoni kriminali jew f’xi attività illegali oħra detrimentali għall-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet;

f)      huma bħalissa soġġetti għal penalitajiet amministrattiva msemmija fl-Artikolu 96(1).

[…]”

207    L-Artikolu 94 tar-Regolament finanzjarju jistabbilixxi:

“Ma jistax jingħata kuntratt lil kandidati jew appaltaturi li, matul il-perijodu ta’ akkwist għal dan il-kuntratt:

a)      huma soġġetti għal kunflitt ta’ interess;

b)      ikunu ħatja ta’ miżrappreżentazzjoni meta jagħtu l-informazzjoni mitluba mill-awtorità kontraenti bħala kondizzjoni għall-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ akkwist jew jonqsu milli jagħtu din l-informazzjoni;

c)      isibu ruħhom f’waħda mis-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni, imsemmija fl-Artikolu 93(1), għal din il-proċedura ta’ akkwist.”

208    L-Artikolu 96 tar-Regolament finanzjarju jistabbilixxi:

“Jistgħu jiġu imposti penalitajiet amministrattivi jew finanzjarji mill-awtoritajiet kontraenti lil:

a)      kandidati jew appaltaturi fil-każijiet imsemmijin fil-punt (b) ta’ l-Artikolu 94;

b)      kuntratturi li ġew iddikjarati li huma fi ksur serju ta’ l-obbligi tagħhom skond kuntratti koperti mill-baġit.

Madankollu, fil-każijiet kollha, l-awtorità kontraenti trid l-ewwel tagħti lill-persuna konċernata l-opportunità li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha.

2. Il-penalitajiet imsemmijin fil-paragrafu 1 għandhom ikunu proporzjonali ma’ l-importanza tal-kuntratt u mas-serjetà ta’ l-imġiba ħażina, u jistgħu jikkonsistu fi:

a)      l-esklużjoni tal-kandidat jew ta’ l-appaltatur jew tal-kuntrattur konċernat mill-kuntratti u l-għotjiet iffinanzjati mill-baġit, għal perijodu massimu ta’ għaxar snin; u/jew

b)      il-ħlas ta’ penalitajiet finanzjarji mill-kandidat jew appaltatur jew kuntrattur sal-valur tal-kuntratt involut.”

209    Skont l-Artikolu 114(3) tar-Regolament finanzjarju, “[l]-għotjiet ma jistgħux jingħataw lil applikanti li, fil-ħin ta’ proċedura ta’ l-għoti ta’ għotja, huma f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmijin fl-Artikoli 93(1), 94 u 96(2)(a)”.

210    Barra minn hekk, l-Artikolu 95 tar-Regolament Finanzjarju jistabbilixxi l-ħolqien ta’ database ċentrali ta’ esklużjoni. Skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, din id-database “għandu jkun fiha d-dettalji tal-kandidati u l-appaltaturi li jkunu f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmijin fl-Artikoli 93, 94, 96 (1)(b) u (2)(a)”.

211    L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1302/2008 joħloq id-database ċentrali għall-esklużjonijiet skont l-Artikolu 95(1) tar-Regolament finanzjarju. L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1302/2008 jistabbilixxi, barra minn hekk, li l-pariri ta’ esklużjoni għandhom jinkludu, b’mod partikolari “informazzjoni li tidentifika terzi persuni, li huma f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 93(1), 94, 96(1)(b) u 96(2)(a) tar-Regolament Finanzjarju”.

212    Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li kontraent, bħar-rikorrenti, jiġi inkluż fid-database ċentrali ta’ esklużjonijiet maħluqa mir-Regolament Nru 1302/2008 kull darba li jkun suġġett għal deċiżjoni ta’ esklużjoni jew ta’ sanzjoni amministrattiva, prevista fl-Artikolu 93(1), fl-Artikolu 94 jew fl-Artikolu 96(1)(b) u (2)(a) tar-Regolament Finanzjarju, stabbilita minn istituzzjoni jew minn awtorità jew organu ta’ eżekuzzjoni, kif iddefiniti fl-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament Nru 1302/2008.

213    F’din il-kawża, mill-ittra mibgħuta fis-27 ta’ Lulju 2010 lir-rikorrenti mill-Kummissjoni jirriżulta li din tal-aħħar informat lir-rikorrenti li kellha f’moħħha, fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-awditu provviżorju, minn naħa, li teskludi lir-rikorrenti minn proċedura għall-għoti ta’ sussidju pendenti fil-kuntest tas-Seba’ Programm-qafas tal-Komunità Ewropea għall-azzjonijiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ demostrazzjoni (2007-2013), minħabba inadempjenza professjonali gravi, skont l-Artikolu 93(1)(ċ) u l-Artikolu 114(3) tar-Regolament finanzjarju, u, min-naħa l-oħra, li tiġi imposta fuqha sanzjoni amministrattiva fil-forma ta’ esklużjoni mill-kuntratti u mis-sussidji finanzjarji ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni, għal perijodu massimu ta’ ħames snin, minħabba ksur gravi tal-obbligi kuntrattwali tagħha, skont l-Artikolu 96(1) u (2) tal-istess regolament. Il-Kummissjoni ppreċiżat f’din l-ittra li hija kienet ser tiftaħ proċedura kontradittorja sabiex tippermetti li r-rikorrenti tieħu pożizzjoni fuq il-fatti li wasslu għal din il-proposta ta’ esklużjoni u fuq it-tul ta’ din l-esklużjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppreċiżat, sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, li r-rikorrenti kienet is-suġġett ta’ inklużjoni provviżorja fid-database ċentrali tal-esklużjonijiet u li din l-inklużjoni kienet ser issir definittiva jekk id-deċiżjoni ta’ esklużjoni kienet ser tiġi kkonfermata wara t-tmiem tal-proċedura kontradittorja.

214    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, fis-27 ta’ Lulju 2010, l-inklużjoni provviżorja tar-rikorrenti fid-database ċentrali tal-esklużjonijiet kienet immotivata, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1302/2008, mill-fatt li l-Kummissjoni qieset li din tal-aħħar kienet tinsab fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 93(1)(ċ) u fl-Artikolu 96(2)(a) tar-Regolament Finanzjarju.

215    Barra minn hekk, permezz tal-ittra tiegħu tat-23 ta’ Marzu 2011, id-Direttorat Ġenerali (DG) “Baġit” tal-Kummissjoni informa lir-rikorrenti li d-DG “Soċjetà ta’ informatika u media” tal-Kumissjoni kien talab l-inklużjoni tagħha fid-database ċentrali tal-esklużjonijiet għar-raġuni li tinsab fl-Artikolu 93(1)(a) tar-Regolament Finanzjarju, skont id-deċiżjoni tagħha tat-8 ta’ Marzu 2011 dwar l-esklużjoni tar-rikorrenti mill-benefiċċji tas-sussidji tal-Unjoni għal tul determinat.

216    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rikorrenti tqiegħdet fi stralċ abbażi ta’ ftehim, konkluż fit-28 ta’ Diċembru 2010 u ppubblikat fil-avviżi tal-kumpanniji tal-Protodikeio Athinon fis-17 ta’ Jannar 2011

217    Minn dan isegwi li, mis-17 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni kellha l-bażi biex, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1302/2008, titlob l-inklużjoni tar-rikorrenti fid-database ċentrali tal-esklużjonijiet, għaliex hija kienet tinsab fis-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 93(1)(a) tar-Regolament finanzjarju.

218    Minn dan isegwi li l-fatt li l-inklużjoni provviżorja tar-rikorrenti fid-database ċentrali tal-esklużjonijiet inizjalment kienet motivata permezz tal-każijiet ta’ esklużjoni msemmija fl-Artikolu 93(1)(ċ) u fl-Artikolu 96(2)(a) tar-Regolament finanzjarju, filwaqt li l-inklużjoni definittiva ġiet motivata permezz tal-każ ta’ esklużjoni msemmi fl-Artikolu 93(1)(a) tal-istess regolament, jirriżulta minn bdil taċ-ċirkustanzi li jiġġustifika oġġettivament l-inklużjoni tar-rikorrenti fid-database ċentrali tal-esklużjonijiet u li joriġina mill-aġir stess tar-rikorrenti.

–       c) Fuq il-komunikazzjoni tar-rapport tal-awditu bl-Ingliż

219    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 41(4) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali billi rrifjutat it-talba tagħha biex tikkomunikalha r-rapport tal-awditu kif ukoll il-bqija tal-korrispondenza bil-Grieg. Dan l-aġir jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha u jivvizzja l-proċedura ta’ kontroll u jikser għalhekk il-kuntratti inkwistjoni.

220    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 41(4) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali “[k]ull persuna tista’ tikteb lill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni f’waħda mil-lingwi tat-Trattati u għandha tirċeivi tweġiba bl-istess lingwa”. Dan id-dritt, li jifforma parti mid-dritt għal amministrazzjoni tajba, japplika għall-Kummissjoni fir-relazzjonijiet tagħha maċ-ċittadini tal-Unjoni fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi li hija tislet mid-dritt tal-Unjoni.

221    F’din il-kawża, għandu jiġi rrilevat li, permezz tal-ewwel ittra tad-19 ta’ Lulju 2010, redatta bil-Grieg, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni li r-rapport provviżorju li din tal-aħħar bagħtitilha bl-Ingliż fit-28 ta’ Ġunju 2010 jintbagħtilha bil-Grieg.

222    Permezz tat-tieni ittra tat-30 ta’ Settembru 2010, redatta wkoll bil-Grieg, ir-rikorrenti, b’mod partikolari, ifformulat l-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-rapport ta’ awditu provviżorju u talbet li l-osservazzjonijiet addizzjonali eventwali tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward jintbagħtulha bil-Grieg.

223    B’ittra tat-22 ta’ Diċembru 2010, redatta bl-Ingliż, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti r-rapport ta’ awditu definittiv li jinkludi t-tweġibiet, ukoll redatti bl-Ingliż, għall-kummenti tar-rikorrenti.

224    Permezz tat-tielet ittra tal-10 ta’ Jannar 2010, dejjem redatta bil-Grieg, ir-rikorrenti indikat lill-Kummissjoni li ma qratx ir-rapport ta’ awditu għaliex kien redatt bl-Ingliż u, mill-ġdid, talbet li r-rapport tal-awditu jintbagħtilha bil-Grieg filwaqt li sostniet li, billi rrifjutat li tissodisfa t-talba tagħha, il-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha.

225    Għalhekk, bla ħsara għall-invokabbiltà tad-dritt li jinsab fl-Artikolu 41(4) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali minn persuna ġuridika, bħar-rikorrenti, kontra l-Kummissjoni fil-kuntest ta’ relazzjoni kuntrattwali, għandu jiġi kkonstatat li l-ilment tar-rikorrenti fil-verità ma jirrigwardax rifjut tal-Kummissjoni li twieġeb l-ittri tagħha bil-Grieg, iżda r-rifjut tagħha li tibagħtilha r-rapport ta’ awditu u l-kummenti marbuta f’din l-istess lingwa.

226    Issa, għandu jitfakkar li r-rapport tal-awditu huwa dokument redatt mill-Kummissjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-kuntratti inkwistjoni. Il-kwistjoni tal-lingwa li biha dan id-dokument għandu jiġi kkomunikat lir-rikorrenti f’din il-kawża taqa’ għalhekk taħt id-dritt applikabbli għall-imsemmija kuntratti.

227    Kif tfakkar fil-punt 73 iktar ’il fuq, meta hija tiġi adita fil-kuntest ta’ klawżola ta’ arbitraġġ abbażi tal-Artikolu 272 TFUE, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi l-kawża fuq il-bażi tad-dritt sostantiv nazzjonali applikabbli għall-kuntratt, jiġifieri, f’din il-kawża, id-dritt Belġjan, li jirregola l-kuntratti inkwistjoni skont l-Artikolu 12 tal-kuntratti FP6, l-Artikolu 5(1) tal-kuntratti eTEN, u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10 tal-kuntratt CIP.

228    F’din il-kawża, it-tilwima bejn il-partijiet tirrigwarda r-rifjut tal-Kummissjoni li tibagħtilha r-rapport tal-awditu bil-Grieg kif ukoll il-korrispondenza sussegwenti, kif mitlub minnha. Skont ir-rikorrenti, dan ir-rifjut ivvizzja l-proċedura tal-awditu sa fejn ippreġudika d-difiża tagħha fil-kuntest tal-imsemmija proċedura.

229    Għalhekk, il-kwistjoni tirrigwarda jekk il-Kummissjoni kinitx kuntrattwalment obbligata li tibgħat lir-rikorrenti r-rapport tal-awditu bil-Grieg.

230    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-kuntratti inkwistjoni ma jinkludu l-ebda klawżola dwar il-lingwa li biha dawn għandhom jiġu eżegwiti.

231    Xorta jibqa’ l-fatt li, sont l-Artikoli 1134 u 1135 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan, il-kuntratti għandhom jiġu eżegwiti in bona fides.

232    Issa, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-annessi tar-rikors, ir-rikorrenti użat l-Ingliż qabel l-awditu, mhux biss fir-rapport finanzjarji marbuta mal-kuntratti inkwistjoni li hija ssottomettiet lill-Kummissjoni, iżda wkoll fil-korrispondenza ma’ din tal-aħħar. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li qabel il-proċedura tal-awditu r-rikorrenti qatt ma talbet lill-Kummissjoni tuża l-Grieg fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratti inkwistjoni.

233    Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-prinċipju taʼ eżekuzzjoni ta’ bona fides tal-kuntratti, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata, f’din il-kawża, li tibgħat lir-rikorrenti, meta teżegwixxi l-kuntratti inkwisjtoni, ir-rapport tal-awditu bil-Grieg.

234    Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti dwar ir-rifjut tal-Kummissjoni li tibagħtilha r-rapport tal-awditu bil-Grieg għandu jiġi miċħud bħala infondat.

235    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, it-tielet kap tat-talbiet tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 D – Fuq il-ħames u s-sitt kapijiet tat-talbiet tar-rikorrenti

 1. Fuq l-ammissibbiltà tal-ħames u tas-sitt kapijiet tat-talbiet tar-rikorrenti

236    Mingħajr ma formalment tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fis-sens tal-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tat-talbiet għal pagament tar-rikorrenti abbażi tal-kuntratti Ask-It u EU4ALL inkwantu dawn tal-aħħar ġew ippreżentati b’“azzjoni għall-konstatazzjoni” u mhux speċifikament b’“azzjoni għall-pagament”. Barra minn hekk, fl-ipoteżi li l-Qorti Ġenerali tqis li għandha l-ġurisdizzjoni biex tisma’ tali talbiet, il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal pagament ta’ danni abbażi ta’ dawn l-istess kuntratti fil-kuntest ta’ “azzjoni għall-konstatazzjoni”.

237    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tqis li, minkejja n-nuqqas tal-użu tal-espressjoni “tikkonstata li l-Kummissjoni għandha tagħti” fil-ħames u fis-sitt kapijiet tat-talbiet tar-rikorrenti, dawn tal-aħħar huma mingħajr dubju intiżi li jiksbu mingħand il-Qorti Ġenerali l-kundanna tal-Kummissjoni biex tħallas lir-rikorrenti s-somma ta’ EUR 52 584.05 abbażi tal-kuntratt EU4ALL u s-somma ta’ EUR 20 678.61 abbażi tal-kuntratt Ask-It. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, din ma hijiex “azzjoni għall-konstatazzjoni” iżda azzjoni għal pagament, li fiha nnifisha ma hijiex inammissibbli.

 2. Fuq il-fondatezza tal-ħames u tas-sitt kapijiet tat-talbiet tar-rikorrenti

238    Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-Kummissjoni kisret il-kuntratti EU4ALL u Ask-It meta ma ħallsitx il-pagamenti kollha li jikkorrispondu għat-tieni, għat-tielet u għar-raba’ perijodi ta’ referenza tal-kuntratt EU4ALL u għall-aħħar perijodu ta’ referenza tal-kuntratt Ask-It.

239    Konsegwentement, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas id-differenza bejn is-somom li diġà tatha fil-kuntest ta’ dawn il-kuntratti u l-ammont tal-infiq sostnut għall-perijodi ta’ referenza inkwistjoni, flimkien mal-interessi moratorji.

240    F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jiġi kkonstatat li tali talba tistrieħ fuq il-premessa li tgħid li l-infiq sottomess mir-rikorrenti huwa eliġibbli għal rimbors.

241    Issa, ġie deċiż fil-punt 164 iktar ’il fuq li l-infiq li r-rikorrenti ssottomettiet lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kuntratti inkwistjoni kienu ineliġibbli.

242    Barra minn hekk, għandu wkoll jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma wrietx li s-sospensjoni tal-pagamenti mill-Kummissjoni tikkostitwixxi ksur tal-kuntratti EU4ALL u Ask-It.

243    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni kisret il-kuntratt EU4ALL billi ssospendiet l-aħħar pagament dovut lilha abbażi ta’ dan il-kuntratt, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu II.28(8) tal-kundizzjonijiet FP6 jistabbilixxi:

“[…]

Il-Kummissjoni tista’ tissospendi l-pagamenti tagħha f’kull mument fil-każ ta’ inosservanza mill-kontraent ta’ dispożizzjoni kuntrattwali waħda jew iktar, b’mod partikolari tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu II.29 dwar l-awditu u l-kontroll. F’dan il-każ, il-Kummissjoni għandha tinforma direttament lill-kontraent b’ittra rreġistrata b’konferma ta’ rċevuta.

Il-Kummissjoni tista’ tissospendi l-pagamenti tagħha f’kull mument meta hija tissuspetta li kontraent ikun wettaq irregolarità fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Hija biss il-parti ddestinata lill-kontraenti ssuspettati li wettqu irregolarità li tiġi sospiża. F’dan il-każ, il-Kummissjoni tinforma direttament lill-kontraenti bir-raġunijiet tas-sospensjoni b’ittra rreġistrata b’konferma ta’ rċevuta.”

244    Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tikkontestax li l-Kummissjoni nnotifikatilha s-sospensjoni tal-pagamenti fil-kuntest tal-kuntratt EU4ALL bl-ittra tagħha tal-25 ta’ Awwissu 2010, iżda sempliċement sostniet li s-suspett ta’ irregolarità ma kienx suffiċjentement fondat, sa fejn hija kienet għadha ma ppreżentatx l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-abbozz tar-rapport tal-awditu. Madankollu, mill-istruttura tal-Artikolu II.28(8) tal-kundizzjonijiet FP6 jirriżulta b’mod dirett li l-Kummissjoni ma għandhiex għalfejn tippreżenta r-riżultati definittivi tal-awditu u għalhekk li tivverifika li s-suspetti tagħha kienu fondati biex tissospendi l-pagament. Fil-fatt, huwa biżżejjed għaliha li tissuspetta irregolarità u li tinnotifika r-raġunijiet tas-sospensjoni lill-kontraent, fatt li r-rikorrenti ma tikkontestax li l-Kummissjoni wettqet f’din il-kawża. Din il-possibbiltà ta’ sospensjoni ta’ pagamenti, li hija prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu II.28(8) tal-kundizzjonijiet FP6, hija bla ħsara għall-possibbiltà mogħtija lill-Kummissjoni li tissospendi l-pagamenti fid-dawl tal-awditu u tal-kontrolli previsti fl-Artikolu II.29 tal-kundizzjonijiet FP6.

245    Għalhekk, ir-rikorrenti ma wrietx li, billi nnotifikatilha s-sospensjoni tal-pagamenti fil-kuntest tal-kuntratt EU4ALL bl-ittra tagħha tal-25 ta’ Awwissu 2010, il-Kummissjoni kisret l-obbligi kuntrattwali tagħha.

246    Barra minn hekk, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti setgħetx tissospendi unilateralment l-eżekuzzjoni tal-kuntratt minħabba s-sospensjoni tal-pagamenti mill-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li mill-Artikolu II.5 tal-kundizzjonijiet FP6 jirriżulta li huwa biss il-konsorzju, u mhux kontraent, li jista’ jipproponi s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt, u li din is-sospensjoni għandha tiġi aċċettata mill-Kummissjoni. Minn dan isegwi li, billi sospendiet b’mod unilaterali l-eżekuzzjoni tagħha tal-kuntratt EU4ALL permezz tal-ittra tagħha tal-4 ta’ Awwissu 2010, ir-rikorrenti kisret l-Artikolu II.5 tal-kundizzjonijiet FP6.

247    Barra minn hekk, it-talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tordna l-produzzjoni tal-ittra indirizzata mill-Kummissjoni lill-koordinatur tal-proġett fis-27 ta’ Awwissu 2010 ma għadhx għandha skop, peress li l-Kummissjoni pproduċiet l-imsemmija ittra fl-anness A88 tar-risposta.

248    Fit-tieni lok, fir-rigward tas-sospensjoni tal-pagamenti mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kuntratt Ask-It, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu II.28(1) tal-kundizzjonijiet FP6 jipprovdu li “[b]la ħsara għall-Artikolu II.29, il-Kummissjoni għandha tadotta l-ammont tal-pagament finali li għandu jingħata lill-kontraent fuq il-bażi tad-dokumenti msemmija fl-Artikolu II.7 li hija approvat”.

249    L-Artikolu II.7 tal-kundizzjonijiet FP6 moqri flimkien mal-Artikoli 6 u 7 tal-kuntratt Ask-It jistabbilixxi li kull rapport u kull dokument meħtieġ għandu jiġi sottomess lill-Kummissjoni fil-45 jum li jsegwu wara l-aħħar perijodu ta’ referenza, jiġifieri saʼ mhux iktar tard mill-14 ta’ Frar 2009.

250    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li, sa fejn ma rċevietx mingħand il-koordinatur tal-proġett id-dokumenti kollha msemmija fl-Artikolu II.7 tal-kundizzjonijiet FP6, hija la setgħet tevalwahom u lanqas tapprovahom, u li għalhekk ma hijiex f’pożizzjoni li tipproċedi bil-pagamenti.

251    Ir-rikorrenti ssostni li fil-15 ta’ Novembru 2010 hija bagħtet lill-koordinatur id-dokumenti kollha li l-Kummissjoni kienet talbet lil dan tal-aħħar dwarha. Il-koordinatur kien indikalha li kien ser jibgħat id-dokumenti inkwistjoni lill-Kummissjoni l-għada tat-30 ta’ Novembru 2010. Fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni ma wrietx li ma rċevietx id-dokumenti inkwistjoni.

252    Issa, sa fejn hija r-rikorrenti li ssostni li l-Kummissjoni indebitament issospendiet l-għoti tas-somom iddestinati għaliha, għalkemm hija kienet diġà rċeviet id-dokumenti kollha meħtieġa mill-Artikolu II.7 tal-kundizzjonijiet FP6, l-oneru tal-prova f’dan ir-rigward huwa impost fuqha.

253    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma wrietx li d-dokumenti inkwistjoni kienu finalment intbagħtu lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu II.7 tal-kundizzjonijiet FP6.

254    Ir-rikorrenti ssostni wkoll fir-replika li l-Kummissjoni minn dak iż-żmien ’l hawn finalment tat is-sussidju previst mill-kuntratt Ask-It għall-aħħar perijodu ta’ referenza, lill-membri kollha tal-konsorzju bl-eċċezzjoni tagħha, minħabba ċ-ċaħda tal-infiq tagħha wara l-kontroll finanzjarju, u li hija ma rċeviet l-ebda notifika mingħand il-Kummissjoni dwar is-sospensjoni tal-pagamenti f’dan ir-rigward.

255    Madankollu, ir-rikorrenti ma pproduċiet l-ebda prova li jista’ jsostni din l-allegazzjoni.

256    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma werietx li l-Kummissjoni kisret l-obbligi kuntrattwali tagħha meta ssospendiet il-pagamenti li kienu ddestinati għaliha fil-kuntest tal-kuntratti EU4LL u Ask-It.

257    Minn dan isegwi li l-ħames u s-sitt kapijiet tat-talbiet tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda bħala infondati u, għalhekk, ir-rikors kollu għandu jiġi miċħud.

 E – Fuq il-kontrotalbiet tal-Kummissjoni

 1. Fuq il-portata tat-talbiet tal-Kummissjoni

258    Il-Kummissjoni titlob, bħala kontrotalba, li r-rikorrenti tiġi kkundannata tagħtiha l-ammonti indikati fin-noti ta’ debitu li jammontaw għal total ta’ EUR 999 213.45, miżjuda bl-interessi moratorji “skont ir-rata tal-[BĊE]” miżjuda bi 3.5 punti, ikkalkolati mill-15 ta’ Ġunju 2011, kif ukoll l-ammont totali ta’ kumpens ta’ EUR70 471.47, miżjud bl-interessi skont ir-rata msemmija iktar ’il fuq mill-5 ta’ Awwissu 2011.

259    Il-Kummissjoni tibbaża t-talba tagħha għar-rimbors fuq l-Artikolu II.31 tal-kundizzjonijiet FP6, l-Artikolu II.19 tal-kundizzjonijiet eTEN u l-Artikolu II.30 tal-kundizzjonijiet CIP. L-osservazzjonijiet magħmula fir-rapport tal-awditu jiġġustifikaw, fil-fehma tagħha, ir-rimbors tal-integralità tas-somom mogħtija lir-rikorrenti.

260    Il-Kummissjoni tqis ukoll li hija għandha d-dritt, skont il-klawżola penali stipulata fl-Artikolu II.30(6) tal-kundizzjonijiet FP6, li titlob danni li jikkorrispondu għal 10 % tal-kontribuzzjoni mitluba.

261    Barra minn hekk, abbażi tad-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu II.28(7) u tal-Artikolu II.31 tal-kundizzjonijiet FP6, tal-Artikolu II.3(6) u tal-Artikolu II.19 tal-kundizzjonijiet eTEN, kif ukoll tal-Artikolu II.5(5) u tal-Artikolu II.30(2) tal-kundizzjonijiet CIP, il-Kummissjoni titlob li s-somom inkwistjoni jkollhom rata bażika ta’ interessi ta’ 3.5 punti b’żieda mar-rata ta’ finanzjament mill-ġdid applikata mill-BĊE fl-ewwel jum tax-xahar li matulu s-somom inkwistjoni saru dovuti.

 2. Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet tal-Kummissjoni

262    L-ewwel nett, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li peress li l-kontrotalbiet tal-Kummissjoni ma kinux is-suġġett ta’ att separat mir-risposta, hija tista’ twieġeb għal dawn il-kontrotalbiet biss fir-replika, filwaqt li l-Kummissjoni tista’ terġa’ tressaq argumenti fil-kontroreplika. Dan il-fatt jista’ jippreġudika l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, korrolarju tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq kif jirriżulta mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950. It-tieni nett, il-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa dovut, jekk ikun il-każ, abbażi tal-Artikolu II.30 tal-kundizzjonijiet FP6, la huwa ċert u lanqas likwidu, sa fejn għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi tas-somom mogħtija mill-Kummissjoni li jikkorrispondu għall-infiq finalment deċiż bħala li huwa ineliġibbli, meta l-eliġibbiltà ta’ dan l-infiq huwa s-suġġett ta’ dan ir-rikors. It-tielet nett, fid-data tat-talba għal kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa fformulata fil-kontrotalba, il-Kummissjoni la ħarġet l-ordni ta’ rkupru u lanqas in-nota ta’ debitu dwar dan il-kreditu, kuntrarjament għal kif previst fl-Artikolu 71(2) tar-Regolament finanzjarju għal kull kreditu identifikat bħala ċert, likwidu u infurzabbli. Minn dan isegwi li l-kontrotalba hija inammissibbli.

263    Il-Kummissjoni ssostni li l-osservanza tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet huwa f’din il-kawża żgurat għaliex kull parti kellha l-possibbiltà li tippreżenta żewġ atti ta’ proċedura. Il-possibbiltà għall-konvenuta li tressaq kontrotalba fir-risposta teżisti fid-dritt proċedurali ta’ bosta Stati u hija ġġustifikata mill-prinċipju tal-ekonomija tal-ġudizzju. Barra minn hekk, din hija kkonfermata mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ġenerali u tal-Qorti tal-Ġustizzja u mil-loġika tal-Artikolu 116(1) tar-Regoli tal-Proċedura ta’ din tal-aħħar. Skont l-Artikolu II.30 tal-kundizzjonijiet FP6, il-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa huwa kreditu sekondarju fid-dawl tal-kreditu prinċipali, jiġifieri l-kontribuzzjoni finanzjarja inġustifikata. Għalhekk, it-talba sekondarja intiża għall-pagament tal-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa hija legalment mehmuża mat-talba prinċipali intiża għar-rimbors tal-kontribuzzjoni inġustifikata. Peress li r-relazzjoni bejn il-Komunità u r-rikorrenti hija ta’ natura kuntrattwali, l-Artikolu 71(2) tar-Regolament finanzjarju ma japplikax f’din il-kawża. Il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti tistax tiġi obbligata tagħti l-kumpens inkwistjoni hija għalhekk irregolata biss mill-Artikoli II.19.1, II.30 u II.31 tal-kundizzjonijiet FP6. L-ammont tal-kumpens kien ġie nnotifikat lir-rikorrenti fid-29 ta’ April 2011 u s-sitt noti ta’ debitu korrispondenti għall-kuntratti FP6 inkwistjoni nħarġu u ntbagħtu lir-rikorrenti fl-20 ta’ Ġunju 2011. Peress li t-terminu sabiex il-kontrotalba tingħata risposta ttawwal mir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fuq talba tar-rikorrenti sad-19 ta’ Awwissu 2011, din tal-aħħar ibbenefikat minn terminu raġonevoli biex tiddefendi ruħha b’mod effikaċi kontra tali talba.

264    Il-Qorti Ġenerali tfakkar li, għalkemm, wara li jiġi ppreżentat rikors abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ, hija għandha tiddeċiedi kawża billi tapplika, jekk ikun il-każ, id-dritt nazzjonali li jirregola l-kuntratt, il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tagħha biex tiddeċiedi fuq kontrotalba u l-ammissibbiltà tagħha għandha tiġi evalwata biss fid-dawl tal-Artikolu 256(1) TFUE, tal-Artikolu 272 TFUE u tar-Regoli tal-Proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Zoubek, punt 73 iktar ’il fuq, punt 10).

265    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali abbażi tal-Artikolu 256(1) TFUE u tal-Artikolu 272 TFUE biex tiddeċiedi rikors ippreżentat abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ neċessarjament timplika li hija għandha l-ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi kontrotalba fformulata fil-kuntest ta’ dan l-istess rikors li tirriżulta mir-rabta kuntrattwali jew mill-fatt li fuqu hija bbażata r-relazzjoni diretta mal-obbligi li jirriżultaw minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, Il-Kummissjoni vs Zoubek, punt 73 iktar ’il fuq, punt 11; tal-10 ta’ April 2003, Il-Parlament vs SERS u Ville de Strasbourg, C‑167/99, Ġabra p. I‑3269, punti 95 sa 104 ; digriet tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Novembru 2003, Il-Kummissjoni vs Lior et, C‑280/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 8 u 9, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2005, GEF vs Il-Kummissjoni, T‑29/02, Ġabra p. II‑835, punt 73).

266    F’din il-kawża, għandu jiġi rrilevat li l-kontrotalbiet huma intiżi sabiex il-Qorti Ġenerali tikkundanna lir-rikorrenti, minn naħa, tagħti l-ammonti indikati fin-noti ta’ debitu flimkien mal-interessi li jibdew jiddekorru mill-15 ta’ Ġunju 2011 minħabba l-ksur tal-kuntratti inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, tagħti l-ammont totali tal-kumpens previst fl-Artikolu II.30 tal-kundizzjonijiet FP6 inkwistjoni miżjud ukoll bl-interessi li jibdew jiddekorru mid-data ta’ skadenza tat-terminu ffissat min-nota ta’ debitu korrispondenti, bir-rata msemmija iktar ’il fuq.

267    Issa, ma jistax jiġi kkontestat li tali talbiet jirriżultaw mir-rabta kuntrattwali li fuqha hija bbażata t-talba prinċipali tar-rikorrenti, li hija intiża, b’mod partikolari, sabiex il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-infiq li hija ssottomettiet lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kuntratti inkwistjoni huwa eliġibbli u li konsegwentement hija ma għandhiex tirrimborsa s-somom allokati mill-Kummissjoni. Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali għandha l-ġurisdizzjoni li tiddeċiedi tali talbiet.

268    Għalhekk, għandhom jiġu evalwati l-kapijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mir-rikorrenti fir-rigward tal-kontrotalbiet tal-Kummissjoni.

–       a) Fuq l-ammissibbiltà tal-kontrotalbiet kif ifformulati fir-risposta tal-Kummissjoni

269    Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 264 iktar ’il fuq, l-ammissibbiltà ta’ kontrotalba, li permezz tagħha l-konvenut oriġinali jixtieq jikseb vantaġġ lil hinn mis-sempliċi ċaħda tal-pretensjonijiet tal-avversarju tiegħu, għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura.

270    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-Regoli tal-Proċedura ma jinkludu l-ebda rekwiżit partikolari dwar il-kundizzjonijiet li fihom tali talba għandha titressaq wara li jiġi ppreżentat rikors abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ. Għalhekk, ma hemm a priori xejn li jipprekludi lill-konvenut fil-kuntest ta’ tilwima kuntrattwali milli jifformula kontrotalba fir-risposta. Għalhekk, dan il-fatt waħdu ma huwiex ta’ natura li jwassal f’din il-kawża għall-inammissibbiltà tal-kontrotalba.

271    Barra minn hekk, fir-rigward tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, għandu jitfakkar li dan il-prinċipju għandu l-għan li jiżgura l-bilanċ bejn il-partijiet fil-proċedura. Dan huwa korollarju tal-kunċett stess ta’ dritt għal smigħ xieraq (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u l-Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, Ġabra p. I‑8533, punt 88) u jimplika l-obbligu li kull parti tingħata l-possibbiltà raġonevoli li tippreżenta l-kawża tagħha, inklużi l-provi tagħha, f’kundizzjonijiet li ma jqiegħduhiex f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ gravi meta mqabbla mal-avversarju tagħha (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Novembru 2012, Otis et, C‑199/11, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 71).

272    F’din il-kawża, ir-rikorrenti ssostni fir-replika li hija ma kellhiex l-okkażjoni li twieġeb għall-argumenti mressqa mill-Kummissjoni fil-kontroreplika dwar il-kontrotalbiet. Ir-rikorrenti ssostni li, filwaqt li l-Kummissjoni setgħet tieħu pożizzjoni bil-miktub dwar dawn it-talbiet f’żewġ okkażjonijiet, hija setgħet tieħu pożizzjoni bil-miktub fuq l-imsemmija talbiet f’okkażjoni waħda biss.

273    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-organizzazzjoni attwali tal-proċedura bil-miktub fir-Regoli tal-Proċedura, mill-mument li tiġi offruta l-possibbiltà lill-parti li inizjalment kienet il-konvenuta sabiex tressaq kontrotalba, isegwi neċessarjament li l-parti li inizjalment kienet ir-rikorrenti tista’ tieħu pożizzjoni bil-miktub darba waħda biss dwar din it-talba fir-replika.

274    Barra minn hekk, skont ir-Regoli tal-Proċedura, il-fażi bil-miktub tal-proċedura tiġi kkompletata b’fażi orali, li toffri lill-partijiet il-possibbiltajiet kollha sabiex jiddefendu lilhom infushom. F’din il-kawża, għalhekk, ma hemm xejn li jipprekludi lill-parti li inizjalment kienet ir-rikorrenti milli twieġeb matul is-seduta għall-argumenti mressqa mill-Kummissjoni fir-replika dwar il-kontrotalbiet, peress li l-essenzjali ma huwiex li jiġi żgurat li kull parti tkun ħadet l-istess numru ta’ pożizzjonijiet bil-miktub fir-rigward ta’ kull talba iżda li jiġi żgurat li l-Qorti Ġenerali tkun semgħet l-argumenti ta’ kull parti dwar l-imsemmija talbiet.

–       b) Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għall-pagament tal-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa

275    Għandu qabelxejn jiġi rrilevat li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma jirrigwardawx l-ammissibbiltà tal-kontrotalba intiża għall-pagament tal-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa, iżda l-fondatezza tagħha.

276    Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti ssostni li l-kontrotalba intiża sabiex tiġi kkundannata għall-pagament tal-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa hija inammissibbli għaliex dan il-kumpens huwa normalment ikkalkolat fuq il-bażi tal-infiq finalment deċiż bħala ineliġibbli, filwaqt li din l-eliġibbiltà hija preċiżament is-suġġett ta’ dan ir-rikors.

277    Għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti tikkontesta għalhekk in-natura ċerta tal-kreditu li jikkorrispondi għall-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa li l-pagament tiegħu huwa mitlub mill-Kummissjoni.

278    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li l-kontrotalba intiża sabiex hija tiġi kkundannata għall-pagament tal-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa hija inammissibbli għaliex, fid-data ta’ din it-talba, il-Kummissjoni la kienet ħarġet ordni ta’ rkupru u lanqas nota ta’ debitu dwar dan il-kumpens.

279    Billi taġixxi hekk, ir-rikorrenti għalhekk tikkontesta n-natura eżegwibbli tal-kreditu li jikkorrispondi għall-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa.

280    Issa, l-eżistenza ta’ natura ċerta, likwida u dovuta ta’ kreditu tikkostitwixxi, skont id-dritt Belġjan li japplika fil-kawża, kundizzjoni dwar il-fondatezza tat-talba għal pagament imressqa mill-proprjetarju tal-imsemmi kreditu.

281    B’mod partikolari, skont l-Artikolu 1315 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan, huwa l-kreditur li għandu jipproduċi l-prova tan-natura ċerta tal-kreditu invokat minnu.

282    Bl-istess mod, mill-Artikoli 1315, 1650 u 1651 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan jirriżulta li huwa l-kreditur li għandu jipprova li l-kreditu li tiegħu huwa qed jitlob il-ħlas huwa dovut, jiġifieri li wasal fl-iskadenza tiegħu.

283    Għalhekk, l-argumenti tar-rikorrenti dwar in-natura ċerta u dovuta tal-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa għandhom jiġu evalwati fil-kuntest tal-fondatezza tagħhom.

 3. Fuq il-fondatezza tat-talbiet tal-Kummissjoni

284    Il-Kummissjoni tibbaża t-talba tagħha għar-rimbors fuq l-Artikolu II.31(1) u (2) tal-kundizzjonijiet FP6, fuq l-Artikolu II.19(1) u (2) tal-kundizzjonijiet eTEN u fuq l-Artikolu II.30(1) u (2) tal-kundizzjonijiet CIP. Hija bbażat it-talba tagħha għall-pagament tal-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa fuq l-Artikolu II.31(1) u (2) tal-kundizzjonijiet FP6.

285    Sabiex jitnissel minn dawn id-dispożizzjonijiet kreditu li huwa dovut għandhom jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet. L-ewwel nett, ammont għandu jitħallas b’mod inġustifikat jew irkupru għandu jiġi ġġustifikat skont il-kundizzjonijiet tal-kuntratti inkwistjoni u, it-tieni nett, il-Kummissjoni għandha tkun speċifikat il-kundizzjonijiet ta’ rimbors u d-data ta’ pagament. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ pagament, ikunu dovuti interessi moratorji fid-data ffissata mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2013, Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il-Kummissjoni, T‑552/11, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 44 sa 46).

286    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kundizzjonijiet li l-fondatezza tal-kontrotalbiet tal-Kummissjoni għandha tiġi evalwata.

–       a) Fir-rigward tal-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament


–       Fuq l-ammont imħallas b’mod inġustifikat

287    Kif għadu kif ġie deċiż, ir-rikorrenti ma wrietx in-natura eliġibbli tal-infiq sottomess lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kuntratti li abbażi tagħhom din tal-aħħar tatha s-somma ta’ EUR 999 213.45. Kif jirriżulta mit-tabella li tinsab fil-punt 32 tar-replika, ir-rikorrenti ma tikkontestax l-elementi tal-kalkolu tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward. Dawn l-elementi tal-kalkolu ma humiex kontradetti mill-provi tal-proċess.

288    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma tistax timponi, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-prinċipju taʼ eżekuzzjoni in bona fides tal-kuntratti u d-dispożizzjonijiet tal-kundizzjonijiet CIP, ir-rimbors tat-totalità tas-somom mogħtija lilha fil-kuntest tal-kuntratti inkwistjoni, sa fejn dawn il-kuntratti jkunu diġà ġew totalment jew parzjalment eżegwiti.

289    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, l-uniku kuntratt inkwistjoni rregolat mill-kundizzjonijiet CIP huwa l-kuntratt T-Seniority u, min-naħa l-oħra, li r-rikorrenti informat lill-koordinatur tal-proġett T-Seniority li hija kienet ser tirtira mill-konsorzju b’effett mit-23 ta’ Frar 2009.

290    Issa, skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu II.11(4) tal-kundizzjonijiet CIP, fl-ipoteżi li kontraent jirtira mill-kuntratt irregolat mill-imsemmija kundizzjonijiet, “il-Kummissjoni tista’ titlob ir-rimbors totali jew parzjali tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità, fid-dawl tan-natura u tar-riżultati tax-xogħol magħmul kif ukoll tal-utilità tiegħu għall-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dan il-programm”.

291    Madankollu, skont l-Artikolu II.11(8) tal-kundizzjonijiet CIP, “[m]inkejja r-rexissjoni tal-kuntratt ta’ finanzjament jew tal-parteċipazzjoni ta’ benefiċjarju, id-dispożizzjonijiet tal-partijiet B u D tal-Anness II jibqgħu japplikaw wara r-rexissjoni tal-kuntratt ta’ finanzjament jew it-tmiem tal-parteċipazzjoni ta’ benefiċjarju”. Barra minn hekk, hemm ippreċiżat li “[k]ull dispożizzjoni oħra ta’ dan il-kuntratt ta’ finanzjament li tipprovdi espressament li l-applikazzjoni tagħha ser tkompli wara r-rexissjoni tibqa’ wkoll tapplika matul iż-żmien previst minn dawn id-dispożizzjonijiet”.

292    Minn dan isegwi li l-konsegwenzi finanzjarji tal-irtirar ta’ kontraent jew ir-rexissjoni tal-kuntratt kif previsti mill-Artikolu II.11 tal-kundizzjonijiet CIP huma bla ħsara għall-obbligu ta’ kontraent li jirrimborsa s-somom finalment iġġudikati ineliġibbli wara awditu eventwali.

293    It-tieni nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li t-talba tal-Kummissjoni intiża sabiex jinkiseb ir-rimbors tat-totalità tas-somom mogħtija lilha fil-kuntest tal-kuntratti inkwistjoni tikser il-prinċipji taʼ eżekuzzjoni in bona fides tal-kuntratti u ta’ proporzjonalità, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu II.29(1) tal-kundizzjonijiet FP6, l-ammonti li jkunu dovuti lill-Kummissjoni minħabba r-riżultati [ta’ dawn l-awditi abbażi ta’ dan l-artikolu] jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rkupru kif indikat fl-Artikolu II.31”.

294    Bl-istess mod, l-Artikolu II.17(4) tal-kundizzjonijiet eTEN u l-Artikolu II.28(5) tal-kundizzjonijiet CIP jistabbilixxu li “[f]uq il-bażi tal-konklużjonijiet tal-awditu, il-Kummissjoni tieħu l-miżuri kollha xierqa li hija tqis utli, inkluż l-irkupru parzjali jew totali tal-pagamenti li hija tkun tat”.

295    Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-Kummissjoni f’din il-kawża għandha l-possibbiltà li titlob lir-rikorrenti, fuq il-bażi tar-riżultati tal-awditu, ir-rimbors tas-somma kollha li hija tqis li hija dovuta lilha, inkluża t-totalità tas-somom li hija tat lir-rikorrenti fil-kuntest tal-kuntratti inkwistjoni.

296    Issa, fid-dawl tan-numru u tal-gravità tal-ksur tal-obbligi kuntrattwali kkontestati fir-rapport tal-awditu u taċ-ċaħda mill-Qorti Ġenerali tal-argumenti tar-rikorrenti intiżi li jikkontestaw din il-konstatazzjoni, hemm lok li jitqies li t-talba tal-Kummissjoni intiża sabiex jinkiseb ir-rimbors tat-totalità tas-somom mogħtija lir-rikorrenti abbażi tal-kuntratti inkwistjoni la tidher li hija sproporzjonata u lanqas kuntrarja għall-prinċipju taʼ eżekuzzjoni in bona fides tal-kuntratti.

–       Fuq l-ispeċifikazzjoni tal-kundizzjoni ta’ rimbors

297    Għandu jitfakkar li fid-29 ta’ April 2011 il-Kummissjoni ħarġet disa’ noti ta’ debitu li jindikaw l-ammont ta’ rimbors skont kull wieħed mill-kuntratti inkwistjoni għal total ta’ EUR 999 213.45. Dawn in-noti ta’ debitu stabbilixxew għar-rikorrenti terminu għar-rimbors tas-somom dovuti ta’ 45 jum, li skada fl-14 ta’ Ġunju 2011 u li fl-iskadenza tiegħu ma’ dawn is-somom żdiedu l-interessi moratorji previsti fil-kuntratti inkwistjoni skont ir-rata tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) miżjuda bi 3.5 punti. Barra minn hekk, dawn in-noti ta’ debitu kienu jindikaw in-numru tal-kont bankarju li fih ir-rikorrenti kellha tipproċedi bir-rimbors. Dan il-fatt ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti.

298    Għalhekk, għandha tintlaqa’ t-talba tal-Kummissjoni intiża sabiex ir-rikorrenti tiġi kkundannata tirrimborsaha somma ta’ EUR 999 213.45, abbażi tal-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament, skont l-Artikolu II.31 tal-kundizzjonijiet FP6, l-Artikolu II.19 tal-kundizzjonijiet eTEN u l-Artikolu II.30 tal-kundizzjonijiet CIP.

–       b) Fir-rigward tal-għoti ta’ kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa


–       Fuq l-ammont li għandu jiġi rkuprat abbażi tal-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa

299    Ir-rikorrenti tikkontesta l-prinċipju taʼ kontrotalba għaliex ir-rikors tagħha għandu jintlaqa’. Hija tikkontesta wkoll in-natura ċerta tal-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma tikkontestax l-elementi tal-kalkolu tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, dawn tal-aħħar ma humiex kontradetti mill-provi tal-proċess.

300    Issa, kif tfakkar fil-punt 257 iktar ’il fuq, ir-rikors tar-rikorrenti ġie miċħud kollu kemm hu.

301    Fir-rigward tan-natura ċerta tal-kreditu li jikkorrispondi għall-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa li qed titlob il-pagament tiegħu l-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li, abbażi tal-Artikolu II.30 tal-kundizzjonijiet FP6, il-kokontraenti għandhom ibatu danni minħabba s-sempliċi fatt li, wara d-dikjarazzjoni tal-infiq inġustifikat, huma bbenefikaw mis-sussidji indebiti. Peress li d-dannu finanzjarju subit mill-Unjoni ntwera (ara l-punt 298 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni tista’ ġustament tqis li r-rikorrenti kellha tbati d-danni li hija qed titlob mingħandha.

–       Fuq l-ispeċifikazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ rimbors

302    Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa ma huwiex dovut, għaliex, min-naħa, fid-data tat-tressiq tal-kontrotalba tal-Kummissjoni, hija kienet qed tikkontesta l-ineliġibbiltà tal-infiq kollu sottomess fil-kuntest tal-kuntratti inkwistjoni, li fuq il-bażi tiegħu huwa kkalkolat l-imsemmi kumpens, u, min-naħa l-oħra, f’din l-istess data, il-Kummissjoni ma kinitx għadha ħarġet nota ta’ debitu li tikkonċerna dan il-kumpens.

303    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif tfakkar fil-punt 287 iktar ’il fuq, ġie deċiż li r-rikorrenti ma wrietx in-natura eliġibbli tal-infiq sottomess lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kuntratti inkwistjoni.

304    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, fl-20 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni ħarġet sitt noti ta’ debitu skont il-kuntratti konklużi bejn il-Komunità u r-rikorrenti għall-proġetti Access-eGOV, eABILITIES, Ask-It, EU4ALL, Emerge u Enable li jistabbilixxu s-somom dovuti mir-rikorrenti skont il-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa abbażi tal-Artikolu II.30 tal-kundizzjonijiet FP6 f’ammont totali ta’ EUR 70 471.47. It-terminu ffissat mill-Kummissjoni lir-rikorrenti għall-ħlas tas-somom inkwistjoni kien stabbilit għall-4 ta’ Awwissu 2011.

305    Għalhekk, it-talba tal-Kummissjoni intiża sabiex ir-rikorrenti tiġi kkundannata tagħtiha somma ta’ EUR 70 471.47 bħala danni għandha tintlaqa’.

–       c) Fir-rigward tal-interessi

306    Mid-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu II.28(7) u tal-Artikolu II.31 tal-kundizzjonijiet FP6, tal-Artikolu II.3(6) u l-Artikolu II.19 tal-kundizzjonijiet eTEN kif ukoll tal-Artikolu II.5(5) tal-Artikolu II.30(2) tal-kundizzjonijiet CIP jirriżulta li kull somma dovuta minn kokontraent abbażi tal-kuntratti inkwistjoni għandha tinkludi l-interessi mid-data tal-iskadenza ffissata mill-Kummissjoni għall-pagament. Għalhekk, ir-rikorrenti hija kkundannata tħallas l-interessi previsti fl-Artikolu II.28(7) tal-kundizzjonijiet FP6, tal-Artikolu II.19 tal-kundizzjonijiet eTEN u tal-Artikolu II.30(2) tal-kundizzjonijiet CIP.

 Fuq l-ispejjeż

307    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, fil-każ li jintalbu l-ispejjeż, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata tħallashom.

308    Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

tiddikjara u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors ippreżentat minn Koinonia Tis Pliroforias Anoichti Stis Eidikes Anagkes – Isotis huwa miċħud.

2)      Koinonia Tis Pliroforias Anoichti Stis Eidikes Anagkes – Isotis hija kkundannata tħallas is-somma ta’ EUR 999 213.45, miżjuda bl-interessi li jibdew jiddekorru mill-15 ta’ Ġunju 2011, skont ir-rata tal-Bank Ċentral Ewropew (BĊE) miżjuda bi 3.5 punti, li tikkorrispondi għar-rimbors tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji li bbenfikat minnhom, abbażi tal-kuntratti Nru 027020 “Access to e-Government Services Employing Semantic Technologies”, Nru 035242 “A virtual platform to enhance and organize the coordination among centres for accessibility ressources and support”, Nru 511298 “Ambient Intelligence System of Agents for Knowledge-based and Integrated Services for Mobility Impaired Users”, Nru 034778 “European Unified Approach for Accessible Lifelong Learning”, Nru 045056 “Emergency Monitoring and Prevention”, Nru 045563 “A wearable system supporting services to enable elderly people to live well, independently and at ease”, Nru 029255 “NavigAbile: e-inclusion for communication disabilities”, Nru 517506 “European Recommended Materials for Distance Learning Courses for Educators” u Nru 224988 “T-Seniority: Expanding the benefits of information society to older people through digital TV channels”.

3)      Koinonia Tis Pliroforias Anoichti Stis Eidikes Anagkes – Isotis hija kkundannata tħallas is-somma ta’ EUR 70 471.47, miżjuda bl-interessi skont ir-rata tal-Bank Ċentral Ewropew (BĊE) miżjuda bi 3.5 punti li jibdew jiddekorru mill-5 ta’ Awwissu 2011, li tikkorrispondi għall-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa dovuta abbażi tal-kuntratti Nru 027020 “Access to e-Government Services Employing Semantic Technologies”, Nru 035242 “A virtual platform to enhance and organize the coordination among centres for accessibility ressources and support”, Nru 511298 “Ambient Intelligence System of Agents for Knowledge-based and Integrated Services for Mobility Impaired Users”, Nru 034778 “European Unified Approach for Accessible Lifelong Learning”, Nru 045056 “Emergency Monitoring and Prevention”, Nru 045563 “A wearable system supporting services to enable elderly people to live well, independently and at ease”.

4)      Koinonia Tis Pliroforias Anoichti Stis Eidikes Anagkes – Isotis għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Frimodt Nielsen

Kancheva

Buttigieg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Lulju 2014.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

A – Preżentazzjoni tal-kuntratti inkwistjoni

B – Eżekuzzjoni tal-kuntratti inkwistjoni u awditu

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Fid-dritt

A – Fuq il-portata tal-kawża

B – Fuq id-dritt applikabbli għall-kawża

C – Fuq it-tielet kap tat-talbiet tar-rikorrenti

1. Fuq il-konstatazzjonijiet tar-rapport ta’ awditu li jiġġustifikaw l-ineliġibbiltà tal-infiq

– a) Fuq iż-żamma tal-kotba tal-kontijiet tar-rikorrenti

– b) Fuq il-bdil tal-listi ta’ preżenza tal-persunal

– c) Fuq il-ħinijiet ta’ xogħol iddikjarati mid-direttur tal-programmi

– d) Fuq l-ispejjeż tal-ivvjaġġar

2. Fuq il-kwalità u l-kundizzjonijiet ta’ twettiq tal-awditu

– a) Fuq id-dikjarazzjonijiet foloz li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-kuntratt ETSI 333

– b) Fuq ir-regoli applikabbli fil-qasam tal-awditu

– c) Fuq il-komunikazzjoni tar-rapport tal-awditu bl-Ingliż

D – Fuq il-ħames u s-sitt kapijiet tat-talbiet tar-rikorrenti

1. Fuq l-ammissibbiltà tal-ħames u tas-sitt kapijiet tat-talbiet tar-rikorrenti

2. Fuq il-fondatezza tal-ħames u tas-sitt kapijiet tat-talbiet tar-rikorrenti

E – Fuq il-kontrotalbiet tal-Kummissjoni

1. Fuq il-portata tat-talbiet tal-Kummissjoni

2. Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet tal-Kummissjoni

– a) Fuq l-ammissibbiltà tal-kontrotalbiet kif ifformulati fir-risposta tal-Kummissjoni

– b) Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għall-pagament tal-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa

3. Fuq il-fondatezza tat-talbiet tal-Kummissjoni

– a) Fir-rigward tal-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament

– Fuq l-ammont imħallas b’mod inġustifikat

– Fuq l-ispeċifikazzjoni tal-kundizzjoni ta’ rimbors

– b) Fir-rigward tal-għoti ta’ kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa

– Fuq l-ammont li għandu jiġi rkuprat abbażi tal-kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa

– Fuq l-ispeċifikazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ rimbors

– c) Fir-rigward tal-interessi

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża : il-Grieg.