Language of document : ECLI:EU:T:2014:1021

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

3 ta’ Diċembru 2014 (*)

“Għajnuna mill-Istat — Elettriku — Kumpens tal-ispejjeż addizzjonali ta’ produzzjoni — Obbligu ta’ servizz pubbliku li jiġu prodotti ċerti volumi ta’ elettriku minn faħam indiġenu — Mekkaniżmu ta’ dispaċċ preferenzjali — Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern — Rikors għal annullament — Interess individwali — Effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva — Ammissibbiltà — Assenza ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali — Diffikultajiet serji — Servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali — Sigurtà tal-provvista tal-elettriku — Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/54/KE — Moviment liberu tal-merkanzija — Protezzjoni tal-ambjent — Direttiva 2003/87/KE”

Fil-Kawża T‑57/11,

Castelnou Energía, SL, stabbilita f’Madrid (Spanja), irrappreżentata inizjalment minn E. Garayar Gutiérrez, sussegwentement minn C. Fernández Vicién, A. Pereda Miquel u C. del Pozo de la Cuadra, sussegwentement minn Fernández Vicién, L. Pérez de Ayala Becerril u D. Antón Vega u finalment minn Fernández Vicién, Pérez de Ayala Becerril u C. Vila Gisbert, avukati,

rikorrenti,

sostnuta minn

Greenpeace-España, stabbilita f’Madrid (Spanja), irrappreżentata inizjalment minn N. Ersbøll, S. Rating u A. Criscuolo, sussegwentement minn Ersbøll u Rating, avukati,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn É. Gippini Fournier u C. Urraca Caviedes, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat inizjalment minn J. Rodríguez Cárcamo, sussegwentement minn M. Muñoz Pérez u N. Díaz Abad, sussegwentement minn Díaz Abad u S. Centeno Huerta, u finalment minn A. Rubio González u M. Sampol Pucurull, abogados del Estado,

minn

Hidroeléctrica del Cantábrico, SA, stabbilita f’Oviedo (Spanja), irrappreżentata minn J. Álvarez de Toledo Saavedra u J. Portomeñe López, avukati,

minn

E.ON Generación, SL, stabbilita f’Santander (Spanja), irrappreżentata inizjalment minn E. Sebastián de Erice Malo de Molina u S. Rodríguez Bajón, sussegwentement minn Rodríguez Bajón, avukati,

minn

Comunidad Autónoma de Castilla y León, irrappreżentata inizjalment minn K. Desai, solicitor, S. Cisnal de Ugarte u M. Peristeraki, avukati, sussegwentement minn Cisnal de Ugarte,

u minn

Federación Nacional de Empresarios de Minas de Carbón (Carbunión), stabbilita f’Madrid (Spanja), irrappreżentata inizjalment minn K. Desai, solicitor, S. Cisnal de Ugarte u M. Peristeraki, avukati, sussegwentement minn Cisnal de Ugarte u A. Baumann, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4499, tad-29 ta’ Settembru 2010, dwar l-Għajnuna mill-Istat Nru 178/2010 nnotifikata mir-Renju ta’ Spanja taħt forma ta’ kumpens għal servizz pubbliku assoċjat ma’ mekkaniżmu ta’ dispaċċ preferenzjali favur impjanti ta’ produzzjoni tal-enerġija elettrika li jużaw faħam indiġenu,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro, President, S. Gervasoni (Relatur) u L. Madise, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Settembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Bid-Deċiżjoni C (2010) 4499, tad-29 ta’ Settembru 2010, dwar l-Għajnuna mill-Istat Nru 178/2010 nnotifikata mir-Renju ta’ Spanja favur il-produzzjoni ta’ enerġija elettrika minn faħam indiġenu (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni Ewropea, essenzjalment, awtorizzat l-għajnuna prevista permezz tar-Real Decreto 134/2010, de 12 de febrero, por el que se establece el procedimiento de resolución de restricciones por garantía de suministro y se modifica el Real Decreto 2019/1997, de 26 de diciembre, por el que se organiza y regula el mercado de producción de energía eléctrica (Digriet Irjali Nru 134/2010, tat-12 ta’ Frar 2010, li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ restrizzjonijiet initiżi sabiex jiggarantixxu l-provvista u li jemenda d-Digriet Irjali Nru 2019/1997, tas-26 ta’ Diċembru 1997, li jorganizza u jirregola s-suq tal-produzzjoni ta’ enerġija elettrika, BOE Nru 51, tas-27 ta’ Frar 2010, p. 19123), kif ukoll mill-proġett ta’ emendi li wasslu għall-adozzjoni, wara d-deċiżjoni kkontestata, tar-Real Decreto 1221/2010, de 1 de octubre, por el que se modifica el Real Decreto 134/2010 y se modifica el Real Decreto 2019/1997, de 26 de diciembre, por el que se organiza y regula el mercado de producción de energía eléctrica (Digriet Irjali Nru 1221/2010, tal-1 ta’ Ottubru 2010, li jemenda d-Digriet Irjali Nru 134/2010 u li jemenda d-Digriet Irjali Nru 2019/1997, tas-26 ta’ Diċembru 2010, li jorganizza u jirregola s-suq tal-produzzjoni ta’ enerġija elettrika, BOE Nru 239, tat-2 ta’ Ottubru 2010, p. 83983) (iktar ’il quddiem, il-“miżura kontenzjuża”).

2        Skont il-miżura kontenzjuża, l-għaxar impjanti ta’ produzzjoni ta’ enerġija elettrika, li huma identifikati fl-Anness II tar-Real Decreto 134/2010, huma obbligati jiksbu provvisti ta’ faħam imsejjaħ “indiġenu” (ta’ oriġini Spanjola), li l-prezz tiegħu huwa ogħla minn dak ta’ kombustibbli oħrajn, u jipproduċu ċerti volumi ta’ elettriku mill-imsemmi faħam (23,35 TWh kull sena).

3        Sabiex tagħmel tajjeb għad-diffikultajiet ta’ aċċess għas-suq ta’ kuljum tal-bejgħ ta’ elettriku li jiltaqgħu magħhom l-impjanti benefiċjarji, fid-dawl tal-prezz għoli tal-faħam li huma mġiegħla jużaw, il-miżura kontenzjuża stabbiliet “mekkaniżmu ta’ dispaċċ preferenzjali”. Il-mekkaniżmu ta’ dispaċċ preferenzjali huwa bbażat essenzjalment fuq ix-xiri tal-elettriku prodott minn dawn l-impjanti bi preferenza fuq dak prodott mill-impjanti li jużaw faħam importat, żejt tal-fjuwil u gass naturali u minn dawk li joperaw b’ċiklu kombinat, li huwa rtirat mis-suq ta’ kuljum tal-enerġija sabiex jiġi żgurat il-bejgħ f’dan is-suq tal-volumi ta’ elettriku prodotti mill-impjanti benefiċjarji minn faħam indiġenu.

4        Il-proprjetarji tal-impjanti benefiċjarji jingħataw kumpens li jammonta għad-differenza bejn l-ispejjeż addizzjonali ta’ produzzjoni li huma sostnew u l-prezz ta’ bejgħ fis-suq ta’ kuljum tal-elettriku. L-Anness II tar-Real Decreto 134/2010 jistabbilixxi l-metodu għall-kalkolu ta’ dan il-kumpens kif ukoll il-mod kif għandhom jiġu ffissati l-volumi ta’ elettriku li l-impjanti benefiċjarji għandhom jipproduċu fis-sena. Il-finanzjament tal-mekkaniżmu jsir permezz ta’ fondi kkontrollati mill-Istat. L-ispejjeż annwali previsti jammontaw għal EUR 400 miljun.

5        Huwa previst li l-miżura kontenzjuża ser tiskadi mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2014.

6        Wara kuntatti qabel in-notifika, mibdija f’Jannar 2010, ir-Renju ta’ Spanja, abbażi tal-Artikolu 108(3) TFUE, innotifika formalment il-miżura kontenzjuża lill-Kummissjoni (paragrafi 1, 7 u 11 tad-deċiżjoni kkontestata).

7        Wara li qieset li l-obbligi imposti bil-miżura kontenzjuża fuq il-proprjetarji tal-impjanti benefiċjarji kienu jikkorrispondu għall-ġestjoni ta’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali (iktar ’il quddiem “SIEĠ”), iġġustifikat bil-garanzija tas-sigurtà tal-provvista ta’ elettriku (paragrafi 77 sa 103 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni kkonkludiet li teżisti għajnuna mill-Istat, minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tar-raba’ kundizzjoni stabbilita permezz tas-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, Ġabra, EU:C:2003:415), dwar il-metodu għad-determinazzjoni tal-livell ta’ kumpens tal-obbligi ta’ servizz pubbliku (paragrafi 104 sa 127 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu hija ddikjarat l-għajnuna inkwistjoni kompatibbli mas-suq intern, skont l-Artikolu 106(2) TFUE, li jipprevedi “[k]ull impriża responsabbli sabiex topera [SIEĠ] [...] għandha tkun suġġetta għar-regoli tat-Trattati, b’mod partikolari dawk li jirriferu għall-kompetizzjoni, safejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma jostakolawx it-twettiq de jure jew de facto tal-funzjonijiet speċifiċi mogħtija lil dik l-impriża” (paragrafi 128 sa 163 tad-deċiżjoni kkontestata).

8        Għaldaqstant il-Kummissjoni ddeċidiet, abbażi tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ din l-għajnuna mill-Istat.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

9        Permezz ta’ att ppreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Jannar 2011, ir-rikorrenti, Castelnou Energía, SL, ippreżentat dan ir-rikors.

10      B’atti ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali, fit-3 u fis-17 ta’ Marzu, u fit-13 u fl-14 ta’ April 2011, ir-Renju ta’ Spanja, Hidroeléctrica del Cantábrico, SA, E.ON Generación, SL, il-Comunidad Autónoma de Castilla y León u l-Federación Nacional de Empresarios de Minas de Carbón (Carbunión) talbu li jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni f’din il-kawża. B’att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Mejju 2011, Greenpeace‑España talbet tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti.

11      Ir-rikorrenti talbet it-trattament kunfidenzjali, fir-rigward ta’ dawn il-partijiet li talbu jintervjenu, ta’ ċerti elementi li jinsabu fir-rikors, fir-replika u fir-rettifika magħmula fir-replika, kif ukoll ta’ ċerti elementi li jinsabu fis-sottomissjonijiet tal-intervent tar-Renju ta’ Spanja.

12      B’digrieti tal-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Lulju 2011, ir-Renju ta’ Spanja, Hidroeléctrica del Cantábrico, E.ON Generación, il-Comunidad Autónoma de Castilla y León u Carbunión talbu jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Id-deċiżjoni fuq il-mertu tat-talbiet għal trattament kunfidenzjali ġiet irriżervata.

13      Ir-Renju ta’ Spanja u Hidroeléctrica del Cantábrico talbu t-trattament kunfidenzjali, fir-rigward tal-intervenjenti l-oħra, ta’ ċerti elementi li jinsabu fis-sottomissjonijiet tal-intervent rispettivi tagħhom.

14      Permezz ta’ digriet tas-6 ta’ Novembru 2012, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta li Greenpeace‑España tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. Id-deċiżjoni fuq il-mertu tat-talbiet għal trattament kunfidenzjali ġiet irriżervata.

15      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tieni Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla.

16      B’digriet tad-9 ta’ Diċembru 2013, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talbiet kollha għal trattament kunfidenzjali bl-eċċezzjoni ta’ dawk, ifformulati mir-rikorrenti fir-rigward tar-Renju ta’ Spanja, dwar ċerti testi moħbija fir-rikors u fir-replika, kif irrettifikata. Waqt is-seduta, ir-rappreżentant tar-rikorrenti indika minn rajh li kien qed jirrinunzja għall-kunfidenzjalità tad-data li huwa kien talab il-protezzjoni tagħha, u ttieħdet nota ta’ dan fil-proċess verbal tas-seduta.

17      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni u lill-intervenjenti li jsostnuha għall-ispejjeż.

18      Greenpeace‑España, li tintervjeni insostenn tar-rikorrenti, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż li hija sostniet.

19      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, E.ON Generación, il-Comunidad Autónoma de Castilla y León u Carbunión, jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli u, sussidjarjament, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

20      Hidroeléctrica del Cantábrico titlob li l-Qorti Ġenerali tiċħad ir-rikors.

 Id-dritt

1.     Fuq l-ammissibbiltà

21      Mingħajr ma tqajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, minn Hidroeléctrica del Cantábrico, minn E.ON Generación, mill-Comunidad Autónoma de Castilla y León u minn Carbunión, tinvoka l-inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors minħabba li r-rikorrenti ma għandhiex locus standi.

22      B’mod preliminari, għandu jitfakkar li skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, “[k]walunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, tressaq appell kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”.

23      F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata għandha bħala uniku destinatarju r-Renju ta’ Spanja u tirrigwarda għajnuna individwali fis-sens tal-Artikolu 1(e) tar-Regolament Nru 659/1999, għaliex hija tingħata lil għaxar impjanti identifikati fl-Anness II tar-Real Decreto 134/2010 (ara l-punt 2 hawn fuq). Peress li, għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata hija ta’ portata individwali, ma tistax tkun att regolatorju fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li jirreferi għal kull att ta’ portata ġenerali ħlief għall-atti leġiżlattivi (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-3 ta’ April 2014, CFE-CGC France Télécom-Orange vs Il-Kummissjoni, T‑2/13, EU:T:2014:226, punt 28).

24      Għaldaqstant, peress li r-rikorrenti ma hijiex destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikors tagħha huwa ammissibbli biss jekk l-imsemmija deċiżjoni tikkonċernaha direttament u individwalment.

25      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-persuni li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jallegaw li huma individwalment ikkonċernati jekk din id-deċiżjoni tippreġudikahom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni fattwali li tikkarratterizzahom meta mqabbla ma’ persuni oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom b’mod analogu għal dak li tkun individwalizzata d-destinatarja ta’ tali deċiżjoni (sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra, EU:C:1963:17, 223; tad-19 ta’ Mejju 1993, Cook vs Il-Kummissjoni, C‑198/91, Ġabra, EU:C:1993:197, punt 20; tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni, C‑225/91, Ġabra, EU:C:1993:239, punt 14, u tat-13 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, C‑78/03 P, Ġabra, EU:C:2005:761, punt 33).

26      Peress li dan ir-rikors jirrigwarda deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni tal-għajnuna, stabbilita fl-Artikolu 108(3) TFUE li għandha biss l-għan li tippermetti li l-Kummissjoni tasal għal opinjoni preliminari dwar il-kompatibbiltà parzjali jew totali tal-għajnuna inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, il-fażi ta’ investigazzjoni, prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE. Huwa biss fil-kuntest ta’ din il-fażi tal-investigazzjoni, li hija intiża sabiex tippermetti li l-Kummissjoni tkun tista’ tiġbor informazzjoni kompleta dwar id-data kollha tal-kawża, li t-Trattat jobbliga lill-Kummissjoni tintima lill-persuni kkonċernati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2012, Smurfit Kappa Group vs Il-Kummissjoni, T‑304/08, Ġabra, EU:T:2012:351, punt 45; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2008, Il-Ġermanja et vs Kronofrance, C‑75/05 P u C‑80/05 P, Ġabra, EU:C:2008:482, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Minn dan jirriżulta li, meta, mingħajr ma tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, il-Kummissjoni tikkonstata, permezz ta’ deċiżjoni meħuda abbażi tal-Artikolu 108(3) TFUE, li għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern, il-benefiċjarji ta’ dawn il-garanziji proċedurali jistgħu biss jiksbu l-osservanza ta’ din il-proċedura jekk ikollhom il-possibbiltà jikkontestaw din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea. Għal dawn ir-raġunijiet, din il-qorti tiddikjara li rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni bħal din, imressaq minn persuna interessata fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE, huwa ammissibbli meta l-awtur ta’ dan ir-rikors ifittex, bil-preżentata tiegħu, li jiġu mħarsa d-drittijiet proċedurali li huwa għandu taħt din id-dispożizzjoni tal-aħħar (sentenza Smurfit Kappa Group vs Il-Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, EU:T:2012:351, punt 46; ara wkoll is-sentenza Il-Ġermanja et vs Kronofrance, punt 26 iktar ’il fuq, EU:C:2008:482, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Min-naħa l-oħra, għalkemm ir-rikorrenti tikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni li tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern, is-sempliċi fatt li hija tista’ titqies li hija interessata fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE ma huwiex biżżejjed sabiex ir-rikors jitqies li huwa ammissibbli. Hija għandha għalhekk turi li tibbenefika minn status partikolari fis-sens tas-sentenza Plaumann vs Il‑Kummissjoni, punt 25 iktar ’il fuq (EU:C:1963:17).

29      F’dan il-każ, ir-rikorrenti hija parti interessata fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE, peress li, kif hija ssostni mingħajr ma tiġi kontradetta la mill-Kummissjoni, la mill-intervenjenti, u lanqas mill-atti tal-proċess, hija kompetitriċi diretta tal-impjanti benefiċjarji tal-miżura kontenzjuża. Madankollu, ir-rikorrenti ma tillimitax ruħha, bil-motivi mqajma insostenn tar-rikors tagħha, li tikkontesta l-assenza, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, iżda tikkontesta wkoll il-fondatezza tad-deċiżjoni ta’ evalwazzjoni tal-għajnuna. F’dan ir-rigward, il-partijiet ma jaqblux dwar il-punt jekk ir-rikorrenti tibbenefikax minn status partikolari li jindividwalizzaha mill-operaturi l-oħra kkonċernati u jekk, għal din ir-raġuni, hijiex intitolata tikkontesta l-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq intern li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, indipendentement mill-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali tagħha.

30      Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, meta rikorrent jikkontesta l-fondatezza ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, is-sempliċi fatt li att għandu mnejn jeżerċita ċerta influwenza fuq ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni eżistenti fis-suq rilevanti u li l-impriża kkonċernata tinsab f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-benefiċjarju ta’ dan l-att ma jistax ikun suffiċjenti. Għaldaqstant, impriża ma tistax tistrieħ biss fuq il-kwalità tagħha ta’ kompetitriċi tal-impriża benefiċjarja, iżda għandha tistabbilixxi, minbarra dan, li hija f’sitwazzjoni fattwali li tindividwalizzaha b’mod analogu għal dak li tkun individwalizzata d-destinatarja tad-deċiżjoni (sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing, C‑525/04 P, Ġabra, EU:C:2007:698, punti 32 u 33, u tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C‑487/06 P, Ġabra, EU:C:2008:757, punti 47 u 48). Dan ikun, b’mod partikolari, il-każ meta l-pożizzjoni tar-rikorrent fis-suq tkun affettwata sostanzjalment mill-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni inkwistjoni, peress li dan il-preġudizzju sostanzjali għall-pożizzjoni kompetittiva tagħha jiddistingwiha mill-operaturi l-oħra affettwati mill-imsemmija għajnuna (ara s-sentenza Il-Ġermanja et vs Kronofrance, punt 26 iktar ’il fuq, EU:C:2008:482, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Smurfit Kappa Group vs Il-Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, EU:T:2012:351, punt 57).

31      Skont ġurisprudenza daqstant stabbilita, il-prova ta’ preġudizzju sostanzjali għall-pożizzjoni ta’ kompetitur fis-suq ma tistax tkun limitata għall-preżenza ta’ ċerti elementi li jindikaw tnaqqis fil-prestazzjonijiet kummerċjali jew finanzjarji tiegħu. Fil-fatt, l-għoti ta’ għajnuna tal-Istat jista’ jippreġudika s-sitwazzjoni kompetittiva ta’ operatur, b’mod partikolari billi jikkawża telf mid-dħul jew żvilupp inqas favorevoli minn dak li kien jirriżulta fl-assenza ta’ tali għajnuna. Bl-istess mod, il-gravità ta’ tali preġudizzju tista’ tvarja skont numru kbir ta’ fatturi bħal, fost l-oħrajn, l-istruttura tas-suq inkwistjoni jew in-natura tal-għajnuna inkwistjoni (sentenza Spanja vs Lenzing, punt 30 iktar ’il fuq, EU:C:2007:698, punt 35, u d-digriet tal-11 ta’ Jannar 2012, Phoenix-Reisen u DRV vs Il-Kummissjoni, T‑58/10, EU:T:2012:3, punt 46). Minbarra dan, ma hijiex il-qorti tal-Unjoni, fil-fażi tal-eżami tal-ammissibbiltà, li għandha tiddeċiedi b’mod definittiv fuq ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn rikorrent u l-benefiċjarji tal-miżuri inkwistjoni. F’dan il-kuntest, huwa biss ir-rikorrent li għandu jindika b’mod rilevanti r-raġunijiet għalfejn id-deċiżjoni kkontestata tista’ tippreġudika l-interessi leġittimiti tiegħu billi taffettwa sostanzjalment il-pożizzjoni tiegħu fis-suq inkwistjoni (ara d-digriet Phoenix-Reisen u DRV vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2012:3, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      F’dan il-każ, ir-rikorrenti pprovdiet l-elementi li jippermettu li jiġi stabbilit effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħha mill-miżura kontenzjuża li jiddistingwiha mill-operaturi l-oħra affettwati mill-imsemmija miżura, jew, mill-inqas, li hija tinsab f’sitwazzjoni fattwali li tindividwalizzaha.

33      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti speċifikat li l-effett iktar importanti fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħha milli fuq dik tal-bqija tal-impjanti b’ċiklu kombinat kien spjegat minħabba s-sitwazzjoni ġeografika partikolari tal-impjant tagħha. Fil-fatt hija tinsab fir-reġjun ta’ Aragón (Spanja), reġjun li mhux biss jinsab f’sitwazzjoni ta’ kapaċità eċċessiva, iżda li, barra minn hekk, huwa dak fejn huwa stabbilit l-impjant benefiċjarju prinċipali tal-miżura kontenzjuża (Teruel), inkarigat sabiex jipproduċi iktar minn kwart tal-volum tal-elettriku li għandu jiġi prodott mill-faħam indiġenu (ara t-tabella riprodotta fil-paragrafu 62 tad-deċiżjoni kkontestata).

34      Ir-rikorrenti pprovdiet data li tikkonferma din l-allegazzjoni. B’dan il-mod hija ppreżentat, fir-replika kif ukoll fl-osservazzjonijiet tagħha fuq in-noti tal-intervenjenti insostenn tal-Kummissjoni, il-perċentwali tal-elettriku prodott mill-impjanti b’ċiklu kombinat irtirat mis-suq ta’ kuljum matul ix-xahar ta’ Ġunju 2011 minħabba l-implementazzjoni tal-miżura kontenzjuża. F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat, qabelxejn, kif, minbarra dan, ġie enfasizzat mill-Kummissjoni dwar id-data ppreżentata minn diversi intervenjenti, li din id-data posterjuri għad-deċiżjoni kkontestata u għall-preżentata tar-rikors tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi vverifikata l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors. Fil-fatt, jekk l-ammissibbiltà ta’ rikors tiġi evalwata fid-data li fih jiġi ppreżentat, il-kundizzjoni partikolari ta’ ammissibbiltà li huwa l-effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva minn miżura ta’ għajnuna li għadha ma ġietx implementata tippresupponi analiżi dwar il-futur li tista’ tiġi kkonfermata b’informazzjoni posterjuri għal din id-data (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2004, Lenzing vs Il-Kummissjoni, T‑36/99, Ġabra, EU:T:2004:312, punt 87, u tal-20 ta’ Settembru 2007, Fachvereinigung Mineralfaserindustrie vs Il-Kummissjoni, T‑375/03, EU:T:2007:293, punt 60). F’dan il-każ, peress li l-miżura kontenzjuża ġiet implementata fi Frar 2011, ir-rikorrenti ma tistax tiġi kkritikata talli ma pprovdietx tali informazzjoni fir-rikors tagħha, ippreżentat fis-27 ta’ Jannar 2011. Għandu jiġi osservat, imbagħad, li l-Kummissjoni, l-istess bħar‑Renju ta’ Spanja, li l-perċentwali inkwistjoni ġew ikkomunikati lilhom wara r-rifjut tat-trattament kunfidenzjali tagħhom, bl-ebda mod ma pprovaw jistabbilixxu n-natura żbaljata tagħhom, meta fil-fatt kellhom il-possibbiltà jagħmlu dan, fir-rigward tal-perċentwali li r-rikorrenti kienet speċifikat li kieku kienu ġew ikkalkolati abbażi ta’ data ppubblikata mill-operatur tas-sistema tas-suq elettriku fi Spanja (Red Eléctrica de España, REE).

35      Mill-perċentwali kkomunikati mir-rikorrenti jirriżulta li l-applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża ma tipproduċix l-istess effetti fuq l-impjanti kollha b’ċiklu kombinat u li l-impjant tar-rikorrenti jagħmel parti mit-tliet impjanti b’ċiklu kombinat li huma l-iktar affettwati fost id-39 impjant elenkat. B’mod iktar speċifiku, l-impjant tar-rikorrenti huwa affettwat mill-miżura kontenzjuża darbtejn iktar milli huma, fil-medja, l-impjanti kollha b’ċiklu kombinat (60.8 % mqabbel ma’ 27.6 %). Minbarra dan, l-impjant l-iktar affettwat mill-miżura kontenzjuża (Escatrón 3) jinsab, bħal dak tar-rikorrenti, fir-reġjun ta’ Aragón.

36      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti speċifikat, mingħajr ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt, li, b’mod differenti miż-żewġ impjanti b’ċiklu kombinat l-iktar affettwati li huma parti minn gruppi proprjetarji ta’ impjanti oħra li jibbenefikaw mill-miżura kontenzjuża, il-grupp li hija tagħmel parti minnu ma kellu l-ebda impjant ieħor u għalhekk ma setax jikkumpensa t-telf ikkawżat mill-miżura kontenzjuża, li hija tistma għal iktar minn EUR 50 miljun, bid-dħul iġġenerat mill-imsemmija miżura.

37      B’dan il-mod ir-rikorrenti stabbilixxiet l-eżistenza ta’ preġudizzju għall-pożizzjoni kompetittiva tagħha tali li jiddistingwiha mill-impjanti l-oħra nonbenefiċjarji leżi mill-miżura kontenzjuża.

38      L-ebda wieħed mill-argumenti u mill-elementi ppreżentati mill-Kummissjoni u mill-intervenjenti insostenn tagħha ma huma tali li jikkontestaw din il-kunsiderazzjoni.

39      Fl-ewwel lok, bil-kontra ta’ dak li jsostnu l-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja, u kif ser jiġi deċiż b’mod partikolari fil-punti 95 u 96 iktar ’il quddiem, il-mekkaniżmu ta’ dispaċċ preferenzjali jagħmel parti integrali mill-miżura ta’ għajnuna nnotifikata, b’mod li l-effetti ta’ dan il-mekkaniżmu, kif huma meħudin inkunsiderazzjoni fil-punti 33 sa 36 hawn fuq, jistgħu jkunu suffiċjenti biex jistabbilixxu li r-rikorrenti kienet ikkonċernata individwalment mill-miżura kontenzjuża li hija s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata.

40      Fit-tieni lok, l-argumenti u d-data invokata mill-Kummissjoni u mir-Renju ta’ Spanja intiżi sabiex jistabbilixxu li l-produzzjoni tal-impjanti b’ċiklu kombinat ma ġietx affettwata mill-miżura kontenzjuża ma humiex rilevanti f’dan il-każ, għaliex, kif tenfasizza ġustament ir-rikorrenti, dawn jirrigwardaw b’mod ġenerali l-impjanti kollha li jaqgħu taħt din il-kategorija u ma jippermettux li tiġi eskluża l-eżistenza ta’ sitwazzjonijiet partikolari f’din il-kategorija. Barra minn hekk, jekk, kif isostnu dawn il-partijiet, il-produzzjoni tal-enerġija elettrika mill-impjanti b’ċiklu kombinat żdiedet wara l-implementazzjoni tal-miżura kontenzjuża, din iż-żieda sempliċement tikkonferma n-natura partikolari tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti fost l-impjanti li jaqgħu taħt il-kategorija tagħha, għaliex din affermat li, fix-xhur wara l-applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża, l-impjant tagħha tqiegħed matul perijodi twal f’sitwazzjoni ta’ waqfien, li wasslet neċessarjament għal tnaqqis fil-produzzjoni tagħha, mingħajr ma l-Kummissjoni, jew l-intervenjenti insostenn tagħha pprovdew elementi li jikkontestaw din l-affermazzjoni.

41      Fit-tielet lok, lanqas ma huma rilevanti sabiex jiġi kkontestat l-interess individwali tar-rikorrenti f’dan il-każ l-argumenti ppreżentati mir-Renju ta’ Spanja u minn Hidroeléctrica del Cantábrico, li jikkonsistu essenzjalment fil-kunsiderazzjoni li r-rikorrenti setgħet tevita t-tnaqqis fil-prestazzjonijiet kummerċjali jew finanzjarji tagħha billi tinstalla l-impjant tagħha f’reġjun ieħor jew billi ssib opportunitajiet fi swieq oħrajn. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, il-fatt li impriża jirnexxielha tevita jew tillimita tali tnaqqis, pereżempju billi tfaddal jew billi tiżviluppa ruħha fi swieq oħrajn li joħolqu iktar profitt, ma jistax iwassal sabiex jiġi eskluż l-locus standi tagħha, għaliex tali passi ma jikkontestawx u huma saħansitra l-konsegwenza tar-riperkussjonijiet sostanzjali tal-għajnuna fuq is-sitwazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Spanja vs Lenzing, punt 30 iktar ’il fuq, EU:C:2007:698, punt 36). Jista’ jiġi osservat, f’kull każ, li, skont id-data pprovduta mir-Renju ta’ Spanja u mir-rikorrenti, mhux ikkontestata mill-partijiet l-oħra, din tal-aħħar ma tistax titqies li evitat jew li llimitat id-degradazzjoni tas-sitwazzjoni kummerċjali tagħha billi sabet opportunitajiet fi swieq oħrajn. Fil-fatt, matul l-ewwel seba’ xhur ta’ applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża, hija setgħet toffri fis-suq imsejjaħ “tar-restrizzjonijiet tekniċi” biss 15 % mill-kwantità ta’ elettriku rtirat mis-suq minħabba l-miżura kontenzjuża għal biss ix-xahar ta’ Ġunju 2011.

42      Fir-raba’ lok, lanqas ma huwa rilevanti l-fatt allegat minn Hidroeléctrica del Cantábrico waqt is-seduta u mhux ikkontestat mir-rikorrenti, li l-elettriku prodott minn din tal-aħħar ma ġiex irtirat mis-suq b’applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża matul is-snin 2012 sa 2014. Fil-fatt, minn naħa, kif speċifikat ir-rikorrenti waqt is-seduta, din l-assenza ta’ rtirar hija spjegata mid-deċiżjoni tagħha li ma tibqax tippreżenta offerti ta’ elettriku fis-suq ta’ kuljum u b’hekk li testendi s-sitwazzjoni ta’ waqfien tagħha, fid-dawl tad-daqs tal-irtirar tal-offerti tagħha fl-2011 u tad-diffikultà konsekuttiva li tassumi l-impenji kuntrattwali tagħha ta’ provvista ta’ gass. Din l-ispjegazzjoni, li sempliċement tikkonferma l-importanza tal-impatt prodott mill-miżura kontenzjuża fuq is-sitwazzjoni kompetittiva tar-rikorrenti, ma hijiex ikkontestata bl-allegazzjoni ta’ diversi intervenjenti tal-assenza ta’ kompetittività tal-offerti tar-rikorrenti. Fil-fatt, tali problema ta’ kompetittività tista’ tiġġustifika l-assenza ta’ aċċettazzjoni ta’ offerta, iżda mhux l-assenza ta’ preżentazzjoni tal-imsemmija offerta u barra minn hekk lanqas ma huwa eskluż li din l-allegata problema ta’ kompetittività hija preċiżament ikkawżata mill-miżura kontenzjuża, peress li r-rikorrenti ma kellha l-ebda diffikultà tqiegħed l-offerti tagħha fis-suq ta’ kuljum qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija miżura. Minn naħa l-oħra u f’kull każ, peress li l-partijiet ammettew waqt is-seduta li l-miżura kontenzjuża kienet ipproduċiet l-effetti l-iktar importanti tagħha matul is-sena 2011 u peress li d-data pprovduta mir-rikorrenti sabiex tistabbilixxi l-effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħha matul l-imsemmija sena ma ġietx ikkontestata, ma jistax jintalab minnha, sabiex tiġi rrikonoxxuta l-ammissibbiltà tar-rikors tagħha, li hija tipprova wkoll f’dan il-każ l-effett sostnazjali matul il-perijodu kollu ta’ applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża.

43      Ir-rikorrenti hija, għaldaqstant, ikkonċernata individwalment mid-deċiżjoni kkontestata. Hija wkoll ikkonċernata direttament mid-deċiżjoni kkontestata, għaliex, f’dan il-każ, il-possibbiltà li l-awtoritajiet Spanjoli jiddeċiedu li ma jagħtux l-għajnuna awtorizzata hija purament teoretika u għaliex ma hemm l-ebda dubju dwar il-volontà tal-imsemmija awtoritajiet li jaġixxu f’dan is-sens (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2009, Scheucher-Fleisch et vs Il-Kummissjoni, T‑375/04, Ġabra, EU:T:2009:445, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li dan ir-rikors għandu jiġi ddikjarat ammissibbli fl-intier tiegħu.

2.     Fuq il-mertu

45      Ir-rikorrenti tqajjem formalment tmien motivi insostenn tar-rikors tagħha, li jistgħu jinġabru f’ħames motivi.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti previsti permezz tal-Artikolu 108(2) TFUE, kif ukoll tal-prinċipji ġenerali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u ta’ amministrazzjoni tajba

46      Ir-rikorrenti, sostnuta minn Greenpeace‑España, issostni li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet proċedurali tagħha minħabba l-assenza ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE. Skont ir-rikorrenti, billi rrifjutat li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni naqset ukoll mill-obbligu tagħha ta’ eżami diliġenti u imparzjali tal-miżura kontenzjuża u, b’dan il-mod, kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, kif ukoll il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, għaliex ir-rikorrenti ma tqegħditx f’pożizzjoni li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha inkwantu parti kkonċernata.

47      B’mod preliminari, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura għall-eżami tal-għajnuna mill-Istat, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni tal-għajnuna stabbilita fl-Artikolu 108(3) TFUE u, min-naħa l-oħra, il-fażi ta’ investigazzjoni prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE (ara l-punt 26 hawn fuq). Skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE hija indispensabbli meta l-Kummissjoni tiltaqa’ ma’ diffikultajiet serji sabiex tevalwa jekk għajnuna hijiex kompatibbli mas-suq intern (ara s-sentenza tal-10 ta’ Frar 2009, Deutsche Post u DHL International vs Il-Kummissjoni, T‑388/03, Ġabra, EU:T:2009:30, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Il-Kummissjoni tista’, għaldaqstant, tillimita ruħha għall-fażi preliminari prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE sabiex tieħu deċiżjoni favur miżura tal-Istat biss jekk hija f’pożizzjoni li tikseb il-konvinzjoni, wara eżami inizjali, li din il-miżura jew ma tikkostitwixxix għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, jew, jekk tiġi kklassifikata bħala għajnuna, li hija kompatibbli mat-Trattat. Min-naħa l-oħra, jekk dan l-eżami inizjali jkun wassal lill-Kummissjoni għall-konklużjoni kuntrarja, jew saħansitra ma ppermettiex li jingħelbu d-diffikulatajiet kollha involuti fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura kkunsidrata, il-Kummissjoni għandha d-dmir li twettaq il-konsultazzjonijiet kollha neċessarji u li tiftaħ, għal dan il-għan, il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE (sentenzi British Aggregates vs Il-Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, EU:C:2008:757, punti 186 u 187, u tas-27 ta’ Settembru 2011, 3F vs Il-Kummissjoni, T‑30/03 RENV, Ġabra, EU:T:2011:534, punt 53).

49      Dan l-obbligu jirriżulta direttament mill-Artikolu 108(3) TFUE, hekk kif interpretat mill-ġurisprudenza, u huwa kkonfermat mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999, meta l-Kummissjoni tikkonstata, wara eżami preliminari, li l-miżura nnotifikata tnissel dubji rigward il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern (ara s-sentenza Smurfit Kappa Group vs Il-Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, EU:T:2012:351, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Għalhekk, hija l-Kummissjoni li għandha tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi speċifiċi għall-kawża, jekk id-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom fl-eżami tal‑kompatibbiltà tal-għajnuna jeħtiġux il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Din l-evalwazzjoni għandha tosserva tliet rekwiżiti (ara s-sentenza Deutsche Post u DHL International vs Il-Kummissjoni, punt 47 iktar ’il fuq, EU:T:2009:30, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      L-ewwel nett, l-Artikolu 108 TFUE jillimita s-setgħa tal-Kummissjoni li tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern wara t-tmiem tal-proċedura ta’ eżami preliminari biss għal dawk il-miżuri li ma jqajmu l-ebda diffikultà serja, b’tali mod li dan il-kriterju huwa ta’ natura esklużiva. B’hekk, il-Kummissjoni ma tistax tirrifjuta li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali billi tibbaża ruħha fuq ċirkustanzi oħra, bħall-interessi ta’ terz, kunsiderazzjonijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju u kwalunkwe raġuni oħra ta’ konvenjenza amministrattiva jew politika (ara s-sentenza Deutsche Post u DHL International vs Il-Kummissjoni, punt 47 iktar ’il fuq, EU:T:2009:30, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      It-tieni nett, meta tiltaqa’ ma’ diffikultajiet serji, il-Kummissjoni hija obbligata li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u ma għandha, f’dan ir-rigward, l-ebda setgħa diskrezzjonali (sentenza Deutsche Post u DHL International vs Il-Kummissjoni, punt 47 iktar ’il fuq, EU:T:2009:30, punt 91).

53      It-tielet nett, il-kunċett ta’ diffikultajiet serji huwa ta’ natura oġġettiva. L-eżistenza ta’ diffikultajiet bħal dawn għandha titfittex kemm fiċ-ċirkustanzi li wasslu għall-adozzjoni tal-att ikkontestat, kif ukoll fil-kontenut tiegħu, b’mod oġġettiv, billi r-raġunijiet għad-deċiżjoni jiġu pparagunati mal-elementi li l-Kummissjoni kellha meta hija ddeċidiet dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna kontenzjuża mas-suq intern. Minn dan jirriżulta li, bil-kontra ta’ dak li ssostni E.ON Generación, l-istħarriġ tal-legalità mwettaq mill-Qorti Ġenerali dwar l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, min-natura tiegħu, ma jistax ikun limitat għall-kunsiderazzjoni dwar jekk hemmx żball manifest ta’ evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, sentenza Deutsche Post u DHL International vs Il-Kummissjoni, punt 47 iktar ’il fuq, EU:T:2009:30, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti għandha l-oneru li tipprova l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji u tista’ tinħeles minn tali oneru billi tippreżenta serje ta’ indizji konkordanti dwar, minn naħa, iċ-ċirkustanzi u t-tul tal-fażi preliminari ta’ investigazzjoni u, min-naħa l-oħra, il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata (sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2001, Prayon-Rupel vs Il-Kummissjoni, T‑73/98, Ġabra, EU:T:2001:94, punt 49, u tas-16 ta’ Settembru 2013, Colt Télécommunications France vs Il-Kummissjoni, T‑79/10, EU:T:2013:463, punt 37).

55      F’dan il-każ, skont ir-rikorrenti, l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li teħtieġ il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali hija żvelata b’indizji marbuta, minn naħa, mal-proċedura preliminari ta’ investigazzjoni u, min-naħa l-oħra, mal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata.

 Indizji marbuta mal-proċedura preliminari ta’ investigazzjoni

56      Skont ir-rikorrenti, erba’ ċirkustanzi li jikkaratterizzaw il-proċedura preliminari ta’ investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata juru l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li ltaqgħet magħhom il-Kummissjoni waqt li kienet qed tevalwa l-miżura kontenzjuża.

–       Fuq l-ewwel indizju, rigward it-tul tal-proċedura preliminari ta’ investigazzjoni

57      Ir-rikorrenti ssostni li t-tul eċċessiv tal-proċedura preliminari ta’ investigazzjoni f’dan il-każ juri l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata kważi erba’ xhur u nofs wara li ġiet innotifikata l-miżura kontenzjuża, meta t-terminu previst mir-Regolament Nru 659/1999 kien ta’ xahrejn. Dan it-tul huwa spjegat bid-dubji eżistenti, fi ħdan il-Kummissjoni nnifisha, rigward il-kompatibbiltà tal-miżura kontenzjuża mas-suq intern. Ir-rikorrenti żżid, fir-replika, li, fid-dawl tad-data tal-pre-notifikazzjoni tal-miżura kontenzjuża, it-18 ta’ Diċembru 2009, il-proċedura preliminari ta’ investigazzjoni damet saħansitra iktar minn disa’ xhur.

58      Skont ġurisprudenza stabbilita, it-tul tal-investigazzjoni preliminari jista’, flimkien ma’ elementi oħra, jikkostitwixxi indizju tad-diffikultajiet serji li ltaqgħet magħhom il-Kummissjoni, jekk dan jaqbeż b’mod kunsiderevoli ż-żmien normalment meħtieġ għal tali eżami (sentenzi tal-10 ta’ Mejju 2000, SIC vs Il-Kummissjoni, T‑46/97, Ġabra, EU:T:2000:123, punt 102, u tal-10 ta’ Lulju 2012, TF1 et vs Il-Kummissjoni, T‑520/09, EU:T:2012:352, punt 54).

59      Skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 659/1999, l-investigazzjoni preliminari tibda malli tiġi rċevuta n-notifika tal-miżura kkonċernata. L-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 659/1999 jipprevedi li d-deċiżjonijiet li jtemmu l-investigazzjoni preliminari għandhom jittieħdu fi żmien xahrejn. Skont din id-dispożizzjoni, dan it-terminu jibda jiddekorri mill-jum wara l-irċevuta ta’ notifika kompleta.

60      Għandu jiġi speċifikat li, skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 659/1999, notifika hija kompleta biss jekk tippermetti lill-Kummissjoni tieħu deċiżjoni skont il-proċedura preliminari ta’ investigazzjoni u l-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Minbarra dan, skont l-Artikolu 4(5) ta’ dan ir-regolament, “[i]n-notifika għandha tkun ikkunsidrata li hija kompluta jekk, fi żmien xahrejn mir-riċevuta tagħha, jew mir-riċevuta ta’ kull informazzjoni oħra meħtieġa, il-Kummissjoni ma teħtieġ ebda informazzjoni oħra”.

61      Minn dawn id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien jirriżulta li notifika tista’ titqies li hija kompleta biss malli l-Kummissjoni tirċievi l-informazzjoni kollha li tippermettilha tasal għal opinjoni inizjali dwar in-natura u l-effetti tal-miżura kkonċernata. Din l-informazzjoni hija meqjusa li tinsab fin-notifika jekk il-Kummisjoni ma tagħmel l-ebda talba għal informazzjoni addizzjonali fix-xahrejn mill-irċevuta tagħha. Min-naħa l-oħra, jekk il-Kummissjoni tressaq talbiet għal informazzjoni addizzjonali, in-notifika għandha titqies li hija kompleta mid-data li fiha hija tirċievi l-aħħar informazzjoni mitluba, b’mod li t-terminu ta’ xahrejn previst fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 659/1999 jibda jiddekorri biss minn din id-data (sentenza TF1 et vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, EU:T:2012:352, punti 61 u 62).

62      F’dan il-każ, ir-Renju ta’ Spanja nnotifika l-miżura kontenzjuża lill-Kummissjoni fit-12 ta’ Mejju 2010 (paragrafu 1 tad-deċiżjoni kkontestata). Din in-notifika ġiet ikkompletata fl-14 u fil-15 ta’ Ġunju 2010 (paragrafu 2 tad-deċiżjoni kkontestata).

63      Peress li l-Kummissjoni qieset li din in-notifika ma kinitx kompleta, l-imsemmija Kummissjoni talbet lir-Renju ta’ Spanja informazzjoni komplementari b’ittra tat-13 ta’ Awwissu 2010 (paragrafu 3 tad-deċiżjoni kkontestata).

64      L-awtoritajiet Spanjoli wieġbu għal din it-talba b’ittra tal-31 ta’ Awwissu 2010 (paragrafu 3 tad-deċiżjoni kkontestata).

65      Fit-3 u fis-17 ta’ Settembru 2010, l-awtoritajiet Spanjoli, kif speċifikaw fis-seduta, bagħtu minn rajhom informazzjoni supplimentari lill-Kummissjoni (paragrafi 4 u 5 tad-deċiżjoni kkontestata).

66      Għalhekk huwa mhux iktar kmieni mill-irċevuta tal-aħħar informazzjoni komplementari mibgħuta lill-awtoritajiet Spanjoli b’risposta għal talba tal-Kummissjoni (ara l-punt 60 hawn fuq), jiġifieri l-31 ta’ Awwissu 2010, data tal-aħħar tweġiba tagħhom għat-talba għal informazzjoni tat-13 ta’ Awwissu 2010, li għandu jiġi kkalolat it-tul tal-proċedura preliminari ta’ investigazzjoni, u mhux, kif issostni r-rikorrenti, min-notifika inizjali tat-12 ta’ Mejju 2010, jew mit-18 ta’ Diċembru 2009. Għaldaqstant, la t-termini preċedenti għan-notifika inizjali u lanqas dawk li seħħu bejn din u l-aħħar tweġiba tal-awtoritajiet Spanjoli ma jidħlu fil-kalkolu tat-tul tal-proċedura preliminari ta’ investigazzjoni.

67      Għaldaqstant, għandu jitqies li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata, bid-data tad-29 ta’ Settembru 2010, ġiet adottata fit-terminu ta’ xahrejn stabbilit mir-Regolament Nru 659/1999, li beda jiddekorri mill-jum wara l-31 ta’ Awwissu 2010, u mhux fit-terminu ta’ erba’ xhur u nofs, jew ta’ iktar minn disa’ xhur, allegat mir-rikorrenti.

68      Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax issostni validament li t-tul tal-proċedura preliminari ta’ investigazzjoni jikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji.

–       Fuq it-tieni indizju, rigward l-iskambji bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Spanjoli

69      Ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li l-Kummissjoni rċeviet ħames ittri mill-awtoritajiet Spanjoli li kienu jinkludu informazzjoni komplementari jenfasizza l-kumplessità tal-proċess. Hija tispeċifika li, kieku l-Kummissjoni ma kienet esprimiet l-ebda dubju, ir-Renju ta’ Spanja ma kienx iqis li huwa neċessarju li jipprovdi daqstant informazzjoni.

70      F’dan ir-rigward, għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li s-sempliċi fatt li ġew stabbiliti diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru li għamel in-notifika matul il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni u li, f’dan il‑kuntest, setgħet intalbet informazzjoni komplementari mill-Kummissjoni dwar il-miżuri suġġetti għall-istħarriġ tagħha ma jistax, fih innifsu, jitqies li huwa indizju li din l-istituzzjoni kienet tinsab quddiem diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li l-kontenut tad-diskussjonijiet mibdija bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru li għamel in-notifika matul din il-fażi tal-proċedura jkun jista’, f’ċerti ċirkustanzi, juri l-eżistenza ta’ tali diffikultajiet (ara s-sentenza TF1 et vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, EU:T:2012:352, punti 76 u 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      F’dan il-każ, il-Kummissjoni, fit-13 ta’ Awwissu 2010, bagħtet talba għal informazzjoni lir-Renju ta’ Spanja u dan tal-aħħar bagħat lill-Kummissjoni mhux biss tweġiba għal din it-talba, iżda wkoll diversi elementi ta’ informazzjoni supplimentari, jiġifieri b’kollox ħames ittri minbarra n-notifika inizjali.

72      Madankollu, il-Kummissjoni indikat li hija talbet biss, kif ir-Renju ta’ Spanja kkonferma fis-seduta, serje ta’ preċiżazzjonijiet tekniċi, dwar, b’mod partikolari, il-kalkolu tal-kumpens, kif ukoll informazzjoni addizzjonali dwar ir-riskji fuq is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku. Il-kamp ta’ investigazzjoni tagħha għaldaqstant baqa’ limitat għall-evalwazzjoni stretta tal-miżura kontenzjuża nnotifikata fid-dawl ta’ ċerti kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 106(2) TFUE. Din it-talba għal informazzjoni ma tistax għaldaqstant, minna nnifisha, titqies li turi l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji. Minbarra dan, lanqas ma huwa meqjus mill-ġurisprudenza bħala prova ta’ diffikultajiet serji l-fatt li l-mistoqsijiet magħmula fit-talbiet għal informazzjoni u t-tweġibiet għalihom, b’mod partikolari minħabba li huma numerużi, juru dubji li l-Kummissjoni kellha fir-rigward tal-miżura nnotifikata fid-dawl tad-dispożizzjonjiet dwar l-għajnuna mill-Istat, għaliex dawn id-dubji setgħu jiġu eliminati wara t-tweġibiet mill-awtoritajiet nazzjonali għall-imsemmija mistoqsijiet (ara s-sentenza Colt Télécommunications France vs Il-Kummissjoni, punt 54 iktar ’il fuq, EU:T:2013:463, punti 63 u 65 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, il-fatt li l-Kummissjoni ma ħassitx il-bżonn li tibgħat talba oħra għal informazzjoni wara t-tweġibiet mogħtija għall-ewwel talba juri l-fatt li, jekk jingħad li hija esprimiet dubji fir-rigward tal-miżura kontenzjuża, dawn ġew eliminati.

73      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iskambji bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Spanjoli ma jistgħux jitqiesu li juru l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li qamu fl-eżami tal-miżura kontenzjuża.

–       Fuq it-tielet indizju, dwar il-modifika tal-miżura kontenzjuża

74      Fir-replika, ir-rikorrenti ssostni, billi tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza, li l-fatt, ikkonfermat mir-Renju ta’ Spanja, li l-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Spanjoli jibdlu l-miżura kontenzjuża juri l-eżistenza ta’ dubji serji rigward il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern.

75      Għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li l-kunsiderazzjoni, kif tagħmel ir-rikorrenti, li l-modifika tal-miżura kontenzjuża, jekk jingħad li hija seħħet fuq it-talba tal-Kummissjoni matul il-proċedura preliminari, turi diffikultajiet serji dan iwassal għal nuqqas ta’ osservanza tal-għan tal-Artikolu 108(3) TFUE u tal-proċedura preliminari li huwa jipprevedi. Fil-fatt, skont l-għan tal-Artikolu 108(3) TFUE u d-dmir ta’ amministrazzjoni tajba impost fuqha, il-Kummissjoni tista’ tibda djalogu mal-Istat Membru li għamel in-notifika sabiex jingħelbu, matul il-proċedura preliminari, fejn xieraq permezz tal-modifika tas-sistema ta’ għajnuna prevista, diffikultajiet li eventwalment iqumu sabiex tiddikjara ruħha fuq il-miżura nnotifikata, mingħajr ma jkun hemm lok li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Iliad et vs Il-Kummissjoni, T‑325/10, mingħajr appell, EU:T:2013:472, punti 75 u 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76      Minbarra dan, minkejja li l-modifika inkwistjoni seħħet matul il-fażi preċedenti għan-notifika tal-miżura kontenzjuża, kif tallega l-Kummissjoni, hija lanqas ma tista’ tikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, għaliex l-eżistenza ta’ tali diffikultajiet tiġi evalwata fid-dawl tat-tqabbil tal-miżura nazzjonali, kif ġiet innotifikata, mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Għandu jingħad ukoll li l-iskambji qabel in-notifika bejn il-Kummissjoni u l-Istat li jagħmel in-notifika huma intiżi wkoll biex jirrimedjaw l-aspetti tal-miżura nazzjonali prevista li jistgħu jqajmu problemi fid-dawl tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, jew il-problema inkwistjoni tippersisti wara n-notifika, f’liema każ il-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali filwaqt li tippermetti lit-terzi interessati jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jippreżentaw osservazzjonijiet, jew l-imsemmija problema tiġi korretta u t-terzi interessati ma jkollhom l-ebda dritt f’dan is-sens.

77      Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex ikkontestati bis-sentenza tal-20 ta’ Marzu 1984, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (84/82, Ġabra, EU:C:1984:117), iċċitata mir-rikorrenti għaliex, fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza, il-Kummissjoni kienet qieset li, minkejja l-modifiki sostanzjali fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, id-diffikultajiet kollha mqajma ma kinux ġew riżolti, u dan, flimkien ma’ ċirkustanzi oħra, kien wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tiftaħx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali (punti 16 u 19 tas-sentenza). Għalhekk, ma humiex il-modifiki tal-miżura nazzjonali li tqiesu li huma indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, iżda n-natura insuffiċjenti ta’ dawn il-modifiki, li ma ppermettewx li jiġi eliminat it-tħassib kollu tal-Kummissjoni fir-rigward tal-imsemmija miżura. F’dan il-każ, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma tallega li l-modifika li allegatament saret fil-miżura kontenzjuża kienet insuffiċjenti.

78      Minn dan jirriżulta li l-modifika tal-miżura kontenzjuża ma tistax titqies li turi diffikultajiet serji li qamu fl-eżami tal-imsemmija miżura.

–       Fuq ir-raba’ indizju, dwar l-oġġezzjonijiet tal-awtoritajiet u tal-operaturi Spanjoli

79      Skont ir-rikorrenti, in-natura kumplessa tal-proċess tidher ukoll permezz tal-osservazzjonijiet ikkomunikati lill-Kummissjoni minn diversi operaturi tas-suq, fosthom tagħha, kif ukoll permezz tar-rapporti tal-Comisión Nacional de la Competencia (CNC, kummissjoni nazzjonali tal-kompetizzjoni Spanjola) u l-Comisión Nacional de Energía (CNE, kummissjoni nazzjonali tal-enerġija Spanjola). Dawn l-osservazzjonijiet u rapporti wrew il-ksur permezz tal-miżura kontenzjuża ta’ ċerti dispożizzjonijiet tat-Trattat u tal-leġiżlazzjoni sekondarja u, barra minn hekk, wasslu lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tispeċifika li, anki jekk il-CNC u l-CNE ma kellhomx il-kompetenza sabiex jiddikjaraw ruħhom fuq l-eżistenza ta’ għajnuna u fuq il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, ir-rapporti tagħhom, li jenfasizzaw in-natura inseparabbli tat-tliet elementi li jikkostitwixxu l‑miżura kontenzjuża u n-natura kjarament sproporzjonata tagħha, juru madankollu diffikultajiet serji mqajma mill-eżami tal-imsemmija miżura.

80      Greenpeace‑España tenfasizza li diversi partijiet terzi esprimew it-tħassib tagħhom dwar l-effetti negattivi fuq l-ambjent tal-applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża.

81      Għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ diffikultajiet serji huwa ta’ natura oġġettiva u li l-eżistenza ta’ tali diffikultajiet għandha titfittex b’mod oġġettiv, b’mod partikolari fiċ-ċirkustanzi li kienu jeżistu fl-adozzjoni tal-att ikkontestat (ara l-punt 53 hawn fuq).

82      Minn dan jirriżulta li ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzoni għall-finijiet tal-istabbiliment tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji n-numru u l-portata tal-oġġezzjonijiet espressi kontra l-miżura kontenzjuża. Fil-fatt, tali teħid inkunsiderazzjoni tal-oġġezzjonijiet espressi kontra l-miżura kontenzjuża jkun ifisser li l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali jiġi suġġett għall-kundizzjoni ta’ oppożizzjoni kkawżata minn proġett nazzjonali u mhux għall-kundizzjoni ta’ diffikultajiet serji li l-Kummissjoni effettivament tiltaqa’ magħhom fl-eżami tal-imsemmi proġett. Minbarra dan, huwa jwassal, kif josserva r-Renju ta’ Spanja, sabiex dawk li jopponu proġett ikunu jistgħu jdewmu faċilment l-eżami tiegħu mill-Kummissjoni billi jobbligawha, bl-intervent tagħhom, tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali (sentenza Colt Télécommunications France vs Il-Kummissjoni, punt 54 iktar ’il fuq, EU:T:2013:463, punti 73 u 74).

83      Min-naħa l-oħra, ma huwiex eskluż li l-kontenut tal-oġġezzjonijiet ifformulati mill-operaturi u mill-awtoritajiet inkwistjoni jkun jista’ juri l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji mqajma mill-eżami tal-miżura kontenzjuża (sentenza Colt Télécommunications France vs Il-Kummissjoni, punt 54 iktar ’il fuq, EU:T:2013:463, punt 75). Peress li l-imsemmija oġġezzjonijiet jingħaqdu ma’ kunsiderazzjonijiet ifformulati mir-rikorrenti u minn Greenpeace-España, dwar allegati indizji tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji bbażati fuq il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, huma għandhom jiġu eżaminati f’dan il-kuntest (ara l-punti 86 et seq iktar ’il quddiem).

84      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-oġġezzjonijiet tal-operaturi privati u pubbliċi inkwistjoni, minkejja li huma numerużi u anki jekk jingħad li huma konkordanti, ma humiex, minnhom innifishom, tali li juru l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji.

85      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandu jiġi konkluż li l-indizji allegati dwar l-iżvolġiment tal-proċedura preliminari ta’ investigazzjoni, kemm jekk jittieħdu individwalment jew fis-sens li jikkostitwixxu sensiela ta’ indizji, ma jippermettux li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li kienet teħtieġ il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

 Indizji dwar il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata

86      Ir-rikorrenti u Greenpeace‑España jsostnu, essenzjalment, li l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata juri erba’ indizji li l-eżami tal-miżura kontenzjuża kien jippreżenta diffikultajiet serji.

–       Fuq l-ewwel indizju, marbut mal-analiżi inkompleta tal-miżura kontenzjuża

87      Ir-rikorrenti tinvoka n-natura inkompleta tal-eżami tal-miżura kontenzjuża mwettaq mill-Kummissjoni. Hija tallega b’mod partikolari, filwaqt li tirreferi għall-argumenti tagħha ppreżentati fil-kuntest tat-tieni motiv, li l-Kummissjoni ma eżaminatx it-tliet elementi, li huma madankollu marbuta b’mod inseparabbli bejniethom, li jifformaw il-miżura kontenzjuża, jiġifieri l-kumpens finanzjarju mħallas lill-produtturi tal-elettriku, il-mekkaniżmu ta’ dispaċċ preferenzjali u l-obbligu ta’ xiri ta’ faħam indiġenu, u b’dan il-mod evitat li tiddikjara ruħha fuq diversi argumenti ppreżentati mill-partijiet ikkonċernati. Ir-rikorrenti żżid, fir-replika, li l-President tal-Qorti Ġenerali nnifsu afferma, fid-digriet tiegħu tas-17 ta’ Frar 2011, Gas Natural Fenosa SDG vs Il-Kummissjoni (T‑484/10 R, EU:T:2011:53, punt 68), li l-Kummissjoni kienet wettqet investigazzjoni preliminari inkompleta, meta eżaminat biss il-kompatibbiltà tal-kumpens finanzjarju.

88      Għandu jitfakkar, b’mod preliminari, li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li n-natura insuffiċjenti jew inkompleta tal-eżami mwettaq mill-Kummissjoni fil-proċedura preliminari ta’ investigazzjoni tikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji (ara s-sentenza Smurfit Kappa Group vs Il-Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, EU:T:2012:351, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89      F’dan il-każ, huwa effettivament abbażi ta’ dan l-ewwel indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, dwar l-eżami inkomplet tal-miżura kontenzjuża, li l-imħallef għal miżuri provviżorji qies li kien jeżisti fumus boni juris tat-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fid-digriet Gas Natural Fenosa SDG vs Il-Kummissjoni, punt 87 iktar ’il fuq (EU:T:2011:53, punti 62 sa 70), kif ukoll fid-digrieti tas-17 ta’ Frar 2011, Iberdrola vs Il-Kummissjoni (T‑486/10 R, EU:T:2011:54, punti 56 sa 64) Endesa u Endesa Generación vs Il-Kummissjoni (T‑490/10 R, EU:T:2011:55, punti 55 sa 63) u Comunidad Autónoma de Galicia vs Il-Kummissjoni (T‑520/10 R, EU:T:2011:56, punti 50 sa 58).

90      Madankollu ma jistax jiġi dedott minn dawn id-digrieti tal-imħallef għal miżuri provviżorji, li ma għandhomx, min-natura tagħhom, l-awtorità ta’ res judicata [digriet tal-14 ta’ Frar 2002, Il-Kummissjoni vs Artegodan, C‑440/01 P(R), Ġabra, EU:C:2002:95, punt 66], li l-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti għandu, f’dan il-każ, jiġi ddikjarat fondat minħabba li l-Kummissjoni ma eżaminatx l-elementi kollha li jikkostitwixxu l-għajnuna inkwistjoni fil-proċedura preliminari.

91      Fil-fatt, mid-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll mid-digrieti għal miżuri provviżorji msemmija hawn fuq, jirriżulta li l-miżura ta’ għajnuna nnotifikata mill-awtoritajiet Spanjoli hija kkostitwita, kif il-partijiet jaqblu li jirrikonoxxu, minn tliet elementi, jiġifieri l-kumpens finanzjarju, il-mekkaniżmu ta’ dispaċċ preferenzjali u l-obbligu ta’ xiri ta’ faħam indiġenu (ikkompletat b’obbligu ta’ produzzjoni ta’ elettriku minn dan il-faħam).

92      B’mod iktar preċiż, kif jirriżulta mid-deskrizzjoni tal-miżura kontenzjuża magħmula fid-deċiżjoni kkontestata (punt 2), din hija intiża sabiex tiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku fi Spanja, billi timponi fuq l-impjanti li jipproduċu l-elettriku benefiċjarji l-obbligu li jixtru faħam indiġenu minn minjieri ta’ faħam Spanjoli u li jipproduċu ċerti volumi ta’ elettriku minn dan il-faħam. Sabiex tiżgura li l-impjanti benefiċjarji jkunu jistgħu jbigħu fis-suq tal-elettriku l-volumi ta’ elettriku prodotti minn faħam indiġenu u b’hekk tiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku fi Spanja, il-miżura kontenzjuża stabbilixxiet il-mekkaniżmu ta’ dispaċċ preferenzjali u b’hekk tathom aċċess privileġġjat għall-imsemmi suq, filwaqt li ġie speċifikat li l-proprjetarji tal-impjanti kkonċernati ser jingħataw kumpens li jammonta għad-differenza bejn l-ispejjeż addizzjonali ta’ produzzjoni li huma sostnew u l-prezz ta’ bejgħ fis-suq tal-elettriku (ara wkoll il-punti 2 sa 4 hawn fuq).

93      Minn dan jirriżulta, fl-ewwel lok, li l-kumpens finanzjarju previst mill-miżura kontenzjuża kien intiż sabiex ikopri l-ispejjeż ikkawżati bl-obbligi ta’ servizz pubbliku intiżi sabiex jiggarantixxu s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku fi Spanja, li jikkonsistu f’obbligu ta’ xiri ta’ faħam indiġenu u f’obbligu ta’ produzzjoni ta’ elettriku minn dan il-faħam.

94      Għaldaqstant, l-analiżi tal-obbligu ta’ xiri ta’ faħam indiġenu li l-Kummissjoni kellha twettaq kienet tikkonsisti fil-verifika jekk tali obbligu setax effettivament jiġi kklassifikat bħala obbligu ta’ servizz pubbliku li jista’ jagħti lok għal kumpens. Il-Kummissjoni wettqet tali analiżi, fl-evalwazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ SIEĠ fis-sens tal-Artikolu 106(2) TFUE (ara l-punt 3.1 tad-deċiżjoni kkontestata).

95      It-tieni nett, mid-deskrizzjoni tal-miżura kontenzjuża, kif imfakkra fil-punt 92 hawn fuq, jirriżulta li l-mekkaniżmu ta’ dispaċċ preferenzjali jikkostitwixxi “mezz tekniku intiż sabiex jintlaħaq l-għan segwit”, “intiż [...] sabiex tiġi ggarantita l-effettività tas-SIEĠ”. Skont l-awtoritajiet Spanjoli, mingħajr dan il-mekkaniżmu li jippermetti lill-enerġija elettrika prodotta minn faħam indiġenu tilħaq is-suq tal-elettriku, dan is-sors nazzjonali ta’ enerġija jista’ jkun fil-periklu li jisparixxi u ma jkunx jista’ jillimita d-dipendenza ta’ Spanja fuq sorsi ta’ enerġija barranin. Il-mekkaniżmu ta’ dispaċċ preferenzjali jikkostitwixxi għalhekk ir-rabta indispensabbli bejn l-obbligi ta’ servizz pubbliku u l-għan ta’ importanza ekonomika ġenerali segwit.

96      Għaldaqstant, kien bħala mezz li jippermetti li tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku fi Spanja u, għalhekk, biex tivverifika l-eżistenza ta’ SIEĠ ġenwin, li l-Kummissjoni kellha teżamina l-mekkaniżmu ta’ dispaċċ preferenzjali. Għaldaqstant il-Kummissjoni ġustament analizzat il-mekkaniżmu ta’ dispaċċ preferenzjali fil-kuntest tal-verifika tagħha tal-eżistenza ta’ SIEĠ (punt 3.1 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija qieset, f’dan ir-rigward, li l-mekkaniżmu ta’ dispaċċ preferenzjali kien konformi mal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam ta' l-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 211), li jipprevedi “Stat Membru jista’, għal raġunijiet ta’ sigurtà tal-provvista, jitlob li tingħata prijorità għad-dispaċċ ta’ stallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni li jkunu jużaw egħjun ta’ karburant ta’ enerġija primarja indiġena”.

97      Il-Kummissjoni marret saħansitra lil hinn minn dan l-eżami tal-mekkaniżmu ta’ dispaċċ preferenzjali fid-dawl tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, billi vverifikat il-kompatibbiltà tiegħu ma’ dispożizzjonijiet oħrajn minbarra l-Artikolu 106(2) TFUE u l-Artikolu 107 TFUE, bħalma huma dawk dwar il-moviment liberu tal-merkanzija (paragrafi 151 sa 154 tad-deċiżjoni kkontestata) jew id-dritt għall-proprjetà stabbilit permezz tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (paragrafu 159 tad-deċiżjoni kkontestata).

98      Minbarra dan, il-Kummissjoni, fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat (b’mod partikolari fil-paragrafi 113, 121 u 127 tad-deċiżjoni kkontestata), ħadet inkunsiderazzjoni l-effetti kombinati tal-kumpens finanzjarju, tal-mekkaniżmu ta’ dispaċċ preferenzjali u tal-obbligu ta’ xiri ta’ faħam indiġenu, filwaqt li wkoll ħadet inkunsiderazzjoni r-rabtiet mill-qrib, allegati mir-rikorrenti, bejn dawn it-tliet elementi li jikkostitwixxu l-miżura kontenzjuża. B’dan il-mod hija ddeduċiet minn din l-analiżi kombinata li l-benefiċjarji tal-miżura kontenzjuża kienu mhux biss l-impjanti tal-elettriku, iżda wkoll il-produtturi ta’ faħam indiġenu.

99      Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet fformulati fil-punti 93 sa 96 hawn fuq, il-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li twettaq analiżi distinta tal-mekkaniżmu ta’ dispaċċ preferenzjali u tal-obbligu ta’ xiri ta’ faħam indiġenu, sabiex tistabbilixxi jekk dawn kinux jikkostitwixxu, meħuda separatament, għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern.

100    Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li wettqet eżami inkomplet tal-miżura kontenzjuża u li ma jistax, għaldaqstant, jiġi dedott minn dan l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji mqajma fl-eżami tal-imsemmija miżura li kellhom iwasslu għall-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

–       Fuq it-tieni indizju, marbut mal-eżami insuffiċjenti tas-SIEĠ stabbilit f’dan il-każ

101    Fir-replika, ir-rikorrenti ssostni, filwaqt li tirreferi għall-argument tagħha espost fil-kuntest tat-tielet motiv, li, billi ma fetħitx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tinduna li l-miżura kontenzjuża, billi tipprekludi lill-impjanti b’ċiklu kombinat milli jirreaġixxu b’mod rapidu għal żieda mhux mistennija fid-domanda għall-elettriku, tikkomprometti s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku fi Spanja u, b’dan il-mod, is-SIEĠ li abbażi tiegħu hija kompatibbli l-imsemmija miżura.

102    Insostenn ta’ din l-allegazzjoni, ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, il-waqfien prolongat sostnut mill-impjanti b’ċiklu kombinat kif ukoll is-sitwazzjoni ta’ inċertezza li fiha kienu jinsabu dawn l-impjanti sa mill-implementazzjoni tal-miżura kontenzjuża, li jipprekluduhom milli jirrispondu b’mod flessibbli u rapidu għad-domanda għall-elettriku.

103    Peress li dawn l-elementi kienu posterjuri għad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kellhomx teħodhom inkunsiderazzjoni fl-analiżi tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, Ġabra, EU:C:2008:224, punti 54 u 55, u tat-28 ta’ Marzu 2012, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T‑123/09, Ġabra, EU:T:2012:164, punt 103) u ma tistax, għaldaqstant, tiġi kkritikata bl-insuffiċjenza tal-eżami tagħha f’dan ir-rigward matul il-proċedura preliminari.

104    Minkejja li r-rikorrenti ssostni wkoll, insostenn tal-allegat eżami insuffiċjenti tas-SIEĠ stabbilit f’dan il-każ, l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni tar-rapporti tal-CNE u tal-CNC li enfasizzaw in-natura sproporzjonata tal-miżura kontenzjuża meta mqabbla mal-għan segwit permezz tas-SIEĠ (ara l-punt 79 hawn fuq), għandu jiġi kkonstatat li din l-allegazzjoni hija kontradetta permezz tat-termini nnifishom tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, minn naħa, il-Kummissjoni esponiet hemmhekk, essenzjalment, il-kontenut ta’ dawn ir-rapporti (paragrafu 73 tad-deċiżjoni kkontestata), bl-istess mod bħad-data u l-allegazzjonijiet kollha ppreżentati mit-terzi (punt 2.8 tad-deċiżjoni kkontestata), u, min-naħa l-oħra, hija indikat li ser tipproċedi b’verifika tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-istabbiliment tas-SIEĠ inkwistjoni, bil-kontra tal-prassi tas-soltu tagħha fil-qasam tal-obbligi ta’ servizz pubbliku intiżi sabiex jiggarantixxu s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku, minħabba l-oġġezzjonijiet ippreżentati f’dan il-każ minn terzi (paragrafu 90 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalhekk minn dan jista’ jiġi dedott li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, anki jekk hija ma approvathomx, l-oġġezzjonijiet ippreżentati mit-terzi, fosthom dawk li jinsabu fir-rapporti tal-CNC u tal-CNE. Għaldaqstant, il-Kummissjoni lanqas ma tista’ tiġi kkritikata bl-insuffiċjenza tal-eżami tagħha f’dan ir-rigward waqt il-proċedura preliminari.

–       Fuq it-tielet indizju, marbut mal-inkompatibbiltà tal-miżura kontenzjuża ma’ diversi dispożizzjonijiet tat-Trattat u tal-leġiżlazzjoni sekondarja

105    Ir-rikorrenti tiddeduċi mill-allegata inkompatibbiltà tal-miżura kontenzjuża ma’ diversi dispożizzjonijiet tat-Trattat u tal-leġiżlazzjoni sekondarja, invokati wkoll fil-kuntest tar-raba’ u tal-ħames motivi, li l-Kummissjoni, iktar u iktar, ma kinitx f’pożizzjoni li tastjeni ruħha milli tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

106    Skont il-ġurisprudenza, meta rikorrent jinvoka ksur tad-drittijiet proċedurali tiegħu li jirriżulta mill-fatt li l-Kummissjoni ma tkunx fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, huwa jista’ jinvoka kwalunkwe motiv li huwa tali li juri li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li l-Kummissjoni kellha fid-dispożizzjoni tagħha, waqt il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni tal-miżura nnotifikata, kellha tqajjem dubji rigward il-klassifikazzjoni tal-miżura nnotifikata bħala għajnuna mill-Istat u rigward il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern. L-użu ta’ tali argumenti madankollu ma jistax ikollu bħala konsegwenza li jbiddel is-suġġett tar-rikors u lanqas li jbiddel il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tiegħu. Bil-kontra, l-eżistenza ta’ dubji dwar din il-klassifikazzjoni jew din il-kompatibbiltà hija preċiżament il-prova li għandha tinġab sabiex jintwera li l-Kummissjoni kienet marbuta tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Smurfit Kappa Group vs Il-Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, EU:T:2012:351, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

107    Huwa għaldaqstant ir-rikorrent li għandu jidentifika l-indizji marbuta mal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata li għandhom mnejn juru l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji (ara l-punt 54 hawn fuq). Għandu jingħad ukoll li, meta r-rikorrent jipproċedi, bħal f’dan il-każ, b’riferiment għall-argumenti mqajma taħt motivi oħra, li jikkontestaw il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata, huwa għandu jidentifika preċiżament liema fost dawk l-argumenti mqajma b’dan il-mod jistgħu, fil-fehma tiegħu, juru l-eżistenza ta’ tali diffikultajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Iliad et vs Il-Kummissjoni, punt 75 iktar ’il fuq, EU:T:2013:472, punti 83 u 84).

108    F’dan il-każ, peress li r-rikorrenti sempliċement sostniet li “fid-dawl ta’ dak li ġie espost [fil-kuntest tal-argumenti tagħha marbuta mar-raba’ u mal-ħames motivi] u fid-dawl tal-assenza ta’ kompatibbiltà tal-miżura kontenzjuża mhux biss mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jiggarantixxu l-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tal-merkanzija, iżda wkoll ma’ diversi strumenti ta’ leġiżlazzjoni sekondarja, il-Kummissjoni ma kinitx […] f’pożizzjoni li tastjeni ruħha milli tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali”, għandu jitqies li dan ir-riferiment vag u mhux sostnut ma jippermettix lill-Qorti Ġenerali tidentifika l-elementi preċiżi mqajma insostenn tar-raba’ u tal-ħames motivi li allegatament jistabbilixxu, skont ir-rikorrenti, l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat l-argument marbut mal-inkompatibbiltà tal-miżura kontenzjuża ma’ diversi dispożizzjonijiet tat-Trattat u tal-leġiżlazzjoni sekondarja biss fil-kuntest tal-evalwazzjoni tar-raba’ u tal-ħames motiv imqajma mir-rikorrenti.

–       Fuq ir-raba’ indizju, marbut mal-eżami insuffiċjenti u inkomplet tal-miżura kontenzjuża fid-dawl tad-dispożizzjonijiet dwar l-ambjent

109    Greenpeace‑España ssostni li l-investigazzjoni mwettqa fil-kuntest tal-proċedura preliminari kienet, minn naħa, insuffiċjenti, għaliex il-Kummissjoni ma kellhiex l-informazzjoni neċessarja sabiex tiddikjara ruħha fuq l-impatt ambjentali tal-miżura kontenzjuża u, min-naħa l-oħra, inkompleta, għaliex il-Kummissjoni ma eżaminatx jekk din il-miżura kinitx tikser dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat u tal-leġiżlazzjoni sekondarja minbarra dawk dwar l-għajnuna mill-Istat, f’dan il-każ id-dispożizzjonijiet dwar l-ambjent, u għaliex l-analiżi tagħha tal-kompatibbiltà tal-imsemmija miżura mad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631), kif emendata, kienet parzjali. Greenpeace‑España tinvoka, essenzjalment, l-istess argumenti insostenn tal-allegazzjoni tagħha ta’ nuqqas tal-Kummissjoni li twettaq l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.

110    Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent ta’ Greenpeace‑España, il-Kummissjoni ssostni li l-argument ta’ din l-intervenjenti huwa inammissibbli, għaliex ineħħi l-attenzjoni mid-dibattitu bejn il-partijiet prinċipali u jdawwarha fuq kwistjonijiet ġuridiċi kompletament distinti.

111    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, minkejja li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 116(3) tar-Regoli tal-Proċedura ma jipprekludux li l-intervenjent isemmi argumenti differenti minn dawk tal-parti li huwa jsostni, dan huwa madankollu bil-kundizzjoni li dawn ma jibdlux il-kuntest tat-tilwima u li l-intervent jibqa’ intiż insostenn tat-talbiet ippreżentati minn din tal-aħħar (sentenzi tat-8 ta’ Ġunju 1995, Siemens vs Il-Kummissjoni, T‑459/93, Ġabra, EU:T:1995:100, punti 21 sa 23, u tad-9 ta’ Settembru 2009, Diputación Foral de Álava et, T‑230/01 sa T‑232/01 u T‑267/01 sa T‑269/01, EU:T:2009:316, punt 301).

112    F’dan il-każ, mill-punti 105 u 108 hawn fuq jirriżulta li r-rikorrenti, anki jekk hija ma ppreżentat l-ebda argument insostenn tal-allegazzjoni tagħha u anki jekk hija ma sostnithiex, tgħid li, fid-dawl tal-inkompatibbiltà tal-miżura kontenzjuża ma’ diversi dispożizzjonijiet tat-Trattat u tal-leġiżlazzjoni sekondarja minbarra dawk dwar l-għajnuna mill-Istat, fosthom id-dispożizzjonijiet dwar l-ambjent, il-Kummissjoni ma setgħetx tastjeni ruħha milli tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Għaldaqstant, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, l-argument ibbażat fuq l-indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji invokat minn Greenpeace‑España ma jibdilx il-kuntest tat-tilwima u għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

113    Rigward l-allegata prova tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji permezz ta’ dan l-indizju, biżżejjed jiġi kkonstatat, mingħajr ma hemm lok f’dan l-istadju li tittieħed deċiżjoni dwar l-obbligu tagħha li teżamina l-konformità tal-miżura kontenzjuża mad-dispożizzjonijiet dwar l-ambjent (ara l-punti 187 sa 191 iktar ’il quddiem), li l-Kummissjoni rrispondiet għat-tħassib kollu espress mit-terzi dwar l-effetti negattivi fuq l-ambjent tal-applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża. B’dan il-mod hija qieset, b’risposta għall-allegazzjonijiet ta’ żieda fl-emissjonijiet li jniġġsu kkawżata mill-miżura kontenzjuża (paragrafi 70 u 75 tad-deċiżjoni kkontestata), li l-fatt li l-imsemmija miżura kienet twassal għal żieda fl-emissjonijiet ta’ CO2 mill-impjanti b’faħam indiġenu kif ukoll għal żieda fil-prezzijiet tad-drittijiet ta’ emissjoni ma jwassalx għal żieda fis-CO2 emess globalment fi Spanja, li fil-prinċipju jibqa’ fil-limiti li jikkorrispondu għall-impenji li daħlu għalihom l-awtoritajiet Spanjoli, fid-dawl tal-iskema għall-iskambju ta’ drittijiet ta’ emissjoni mwaqqfa permezz tad-Direttiva 2003/87 (paragrafi 156 u 157 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni la kienet marbuta li teżamina l-ksur ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi tad-Direttiva 2003/87, u lanqas li titlob informazzjoni komplementari dwar iż-żieda fl-emissjonijiet ta’ CO2 u dwar il-miżuri adottati mill-awtoritajiet Spanjoli sabiex jikkumpensaw għal din iż-żieda.

114    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata b’eżami insuffiċjenti u inkomplet fid-dawl tad-dispożizzjonijiet dwar l-ambjent u ma jistax jiġi dedott minn dan l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji fl-eżami tal-miżura kontenzjuża li tiġġustifika l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

115    Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li r-rikorrenti u Greenpeace‑España ma stabbilixxewx li l-Kummissjoni kellha, f’dan il-każ, tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, lanqas ma jistgħu jintlaqgħu l-ilmenti bbażati fuq ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, li huma bbażati fuq l-assenza ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, peress li, f’kull każ, ir-rikorrenti kellha biss id-dritt, inkwantu parti kkonċernata, li tippreżenta osservazzjonijiet matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, u mhux id-dritt għal dibattitu kontradittorju mal-Kummissjoni, bħal dak mogħti lill-Istat li jagħmel in-notifika (ara s-sentenza TF1 et vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, EU:T:2012:352, punt 217 u l-ġurisprudenza ċċitata).

116    Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE, tal-Artikolu 107 TFUE u tal-obbligu ta’ motivazzjoni

117    Ir-rikorrenti tikkritika, essenzjalment, lill-Kummissjoni, minn naħa, talli ma eżaminatx il-kompatibbiltà mas-suq intern tat-tliet elementi li jikkostitwixxu l-miżura kontenzjuża kollha kemm huma, bi ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE, tal-Artikolu 107 TFUE u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, u, min-naħa l-oħra, talli ma kklassifikatx wieħed minn dawn l-elementi, l-obbligu ta’ xiri ta’ faħam indiġenu, bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli, bi ksur, b’dan il-mod, tal-Artikolu 106(2) TFUE u tal-Artikolu 107 TFUE.

 Fuq l-assenza ta’ eżami tal-elementi kollha li jikkostitwixxu l-miżura kontenzjuża

118    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, minkejja li rrikonoxxiet l-interdipendenza tat-tliet elementi li jikkostitwixxu l-miżura kontenzjuża li huma l-kumpens finanzjarju, il-mekkaniżmu ta’ dispaċċ preferenzjali u l-obbligu ta’ xiri ta’ faħam indiġenu, eżaminat biss il-kompatibbiltà tal-kumpens mas-suq intern.

119    Ir-rikorrenti żżid li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni, billi naqset milli tindika r-raġunijiet li għalihom il-mekkaniżmu ta’ dispaċċ preferenzjali u l-obbligu ta’ xiri ta’ faħam indiġenu kienu jaqgħu, jew ma kinux, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107 TFUE u/jew tal-Artikolu 106(2) TFUE u milli teżamina l-impatt tagħhom fuq l-analiżi tal-kompatibbiltà tal-miżura kontenzjuża.

120    Għandu jitqies li, kemm bl-ilment tagħha bbażat fuq l-assenza ta’ eżami tal-elementi kollha li jikkostitwixxu l-miżura kontenzjuża (ara l-punt 118 hawn fuq) kif ukoll b’dak ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda tnejn mill-elementi li jikkostitwixxu l-imsemmija miżura (ara l-punt 119 hawn fuq), ir-rikorrenti tikkritika essenzjalment lill-Kummissjoni b’eżami inkomplet tal-elementi li jikkostitwixxu l-miżura kontenzjuża.

121    Ladarba tqies, fl-eżami tal-ewwel motiv, li l-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata b’eżami inkomplet tal-miżura kontenzjuża (ara l-punti 92 sa 100 hawn fuq), għandha wkoll, għall-istess raġunijiet, tiġi eskluża din l-ewwel serje ta’ lmenti fil-kuntest tat-tieni motiv.

 Fuq l-assenza ta’ klassifikazzjoni tal-obbligu ta’ xiri ta’ faħam indiġenu bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli

122    Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli ma kkunsidratx, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-obbligu ta’ xiri ta’ faħam indiġenu impost fuq l-impjanti benefiċjarji kien jikkostitwixxi, meħud individwalment, għajnuna mill-Istat, li timplika, bil-kontra ta’ dak li sostniet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha dwar it-talba għal miżuri provviżorji fil-Kawża T‑490/10 R, trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat lill-produtturi ta’ faħam indiġenu. Din l-għajnuna ma tistax, mill-bqija, tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern b’applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) TFUE.

123    Mingħajr il-bżonn li tittieħed deċiżjoni dwar l-implikazzjoni bl-obbligu ta’ xiri ta’ faħam indiġenu ta’ trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat lill-produtturi ta’ dan il-faħam, u lanqas fuq it-talba ta’ rtirar mill-proċess tal-Anness A 23 tar-rikors li jinkludi l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar it-talba għal miżuri provviżorji fil-Kawża T‑490/10 R, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ xiri ta’ faħam indiġenu jikkostitwixxi fi ħdan is-sistema ta’ għajnuna nnotifikata wieħed mill-obbligi ta’ servizz pubbliku imposti fuq il-benefiċjarji tal-miżura kontenzjuża u li, għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta li teżamina n-natura ta’ għajnuna mill-Istat ta’ dan l-obbligu ta’ xiri meħud separatament u, a fortiori, il-kompatibbiltà ta’ dan, meħud separatament, mas-suq intern (ara l-punti 94 u 99 hawn fuq).

124    Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE, tal-qafas tas-SIEĠ, tal-Artikolu 11(4), tad-Direttiva 2003/54, fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni kif ukoll fuq użu ħażin ta’ poter

125    Ir-rikorrenti ssostni, b’mod prinċipali, li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 106(2) TFUE, il-qafas Komunitarju tal-għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku (ĠU 2005, C 297, p. 4) (iktar ’il quddiem il-“qafas tas-SIEĠ” kif ukoll l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/54, u wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, meta qieset li l-obbligi imposti permezz tal-miżura kontenzjuża kienu jikkorrispondu għal SIEĠ intiż sabiex jiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku. Hija ssostni, sussidjarjament, li, minkejja li jeżisti riskju fuq il-provvista tal-elettriku fi Spanja, il-miżura kontenzjuża hija sproporzjonata. Minn dan ir-rikorrenti tiddeduċi, barra minn hekk, li l-Kummissjoni wettqet f’dan il-każ użu ħażin ta’ poter.

 Fuq il-ġustifikazzjoni għall-istabbiliment ta’ SIEĠ

126    Diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni rrikonoxxew li s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku kienet tippermetti li jiġi ġġustifikat l-istabbiliment ta’ SIEĠ.

127    Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tas-settur tal-elettriku, id-Direttiva 2003/54, applikabbli fil-mument tal-fatti f’dan il-każ, irrikonoxxiet b’dan il-mod li l-obbligi ta’ servizz pubbliku setgħu jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku. B’mod partikolari, skont il-premessa 26 tad-Direttiva 2003/54, “[i]r-rispett tal-kriterji tas-servizz pubbliku huwa kriterju fundamentali ta’ din id-Direttiva, u huwa importanti li standards minimi komuni, li jkunu rispettati mill-Istati Membri kollha, jiġu speċifikati f’din id-Direttiva, liema standards għandhom jikkunsidraw l-għanijiet [...][ta]s-sigurtà tal-provvista [...]”. Bl-istess mod, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2003/54 jipprevedi li “[f]’kunsiderazzjoni sħiħa lejn id-disposizzjonijiet relevanti tat-Trattat, b’mod partikolari l-Artikolu [106] miġjub fih, l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq impriżi li jkunu qed jaħdmu fis-settur ta’ l-elettriku, u fl-interess ekonomiku ġenerali, l-obbligi tas-servizz pubbliku li jistgħu jkunu marbuta mas-sigurtà, inkluża s-sigurtà tal-provvista [...]”. L-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/54 speċifika minbarra dan li “Stat Membru jista’, għal raġunijiet ta’ sigurtà tal-provvista, jitlob li tingħata prijorità għad-dispaċċ ta’ stallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni li jkunu jużaw egħjun ta’ karburant ta’ enerġija primarja indiġena, sa livell li ma jkunx jeċċedi f’sena kalendarja aktar minn 15 % ta’ l-enerġija primarja ġenerali meħtieġa biex tipproduċi l-elettriku li jkun ikkunsmat fl-Istat Membru konċernat”.

128    Il-Kummissjoni, fil-komunikazzjoni tagħha dwar Servizzi ta’ interess ġenerali fl-Ewropa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 54), qieset ukoll li s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku kienet tikkostitwixxi għan essenzjali ta’ servizz pubbliku (Anness I, punt 3).

129    Il-premessa 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1407/2002, tat-23 ta’ Lulju 2002, dwar għajnuna mill-Istat lill-industrija tal-faħam (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 170), applikabbli għad-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, tispeċifika saħansitra li “is-sitwazzjoni politika dinjija toħloq dimensjoni kompletament ġdida fl-istima ta’ riskji ġeopolitici u ta’ sigurtà fis-settur ta’ l-enerġija u tagħti tifsira ġdida lill-kunċett tas-sigurtà tal-provvista”.

130    Ir-rikorrenti ma tikkkontestax li s-sigurtà tal-provvista tikkostitwixxi motiv ta’ importanza ekonomika ġenerali li jista’ jiġġustifika l-istabbiliment ta’ SIEĠ. Hija tikkontesta, madankollu, l-eżistenza f’dan il-każ ta’ riskju għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku fi Spanja u minn dan tiddeduċi li l-obbligi previsti permezz tal-miżura kontenzjuża ma jistgħux jiġi kklassifikati bħala obbligi ta’ servizz pubbliku.

131    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat, billi bbażat ruħha fuq id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/54 u fuq is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Istati Membri sabiex jiddefinixxu s-SIEĠ, li ma kinux l-Istati li kellhom jidentifikaw theddid speċifiku u imminenti għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku lilhom. Hija fakkret ukoll il-prassi deċiżjonali tagħha, fis-sens li, meta l-ebda terz ma jikkontesta n-neċessità li jiġu adottati miżuri speċifiċi għal raġunijiet ta’ sigurtà tal-provvista, hija ma tivverifikax jekk l-Istati kkonċernati kinux ipprovdew provi ddettaljati tal-fatt li ltaqgħu ma’ theddid speċifiku marbut mas-sigurtà tal-provvista lilhom. Madankollu, f’dan il-każ, fid-dawl tal-oġġezzjonijiet minn diversi partijiet terzi u tal-kuntest tal-liberalizzazzjoni tas-settur tal-enerġija fl-Ewropa, il-Kummissjoni qieset li huwa neċessarju li tivverifika jekk l-assimilazzjoni mill-awtoritajiet Spanjoli tal-miżura kontenzjuża għal SIEĠ kinitx manifestament żbaljata (paragrafi 87 sa 90 tad-deċiżjoni kkontestata).

132    Huwa minnu li, skont il-Protokoll Nru 26 anness mat-Trattati u t-testi kollha applikabbli għas-SIEĠ, b’mod partikolari l-qafas tas-SIEĠ, bl-istess mod bħal skont il-ġurisprudenza stabbilita, fir-rigward tal-kompetenza sabiex tiġi stabbilita n-natura u l-portata ta’ missjoni ta’ SIEĠ fis-sens tat-Trattat, l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiddefinixxu dak li huma jqisu SIEĠ (paragrafu 22 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Servizzi ta’ interess ġenerali fl-Ewropa; paragrafu 9 tal-qafas tas-SIEĠ) (ara s-sentenzi tal-20 ta’ April 2010, Federutility et, C‑265/08, Ġabra, EU:C:2010:205, punti 29 u 30 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il-Kummissjoni, T‑289/03, Ġabra, EU:T:2008:29, punt 166 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il‑premessa 26 tad-Direttiva 2003/54 tindika wkoll li “[h]uwa importanti li l-kriterji tas-servizz pubbliku jkunu jistgħu jiġu interpretati fuq bażi nazzjonali, waqt li jikkunsidraw iċ-ċirkustanzi nazzjonali”. Fil-fatt, ma teżisti la definizzjoni regolatorja ċara u preċiża tal-kunċett ta’ missjoni ta’ SIEĠ, u lanqas kunċett ġuridiku stabbilit li jiffissa, b’mod definittiv, il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex Stat Membru jkun jista’ jinvoka validament l-eżistenza u l-protezzjoni ta’ missjoni ta’ SIEĠ, fis-sens tal-Artikolu 106(2) TFUE (sentenza BUPA et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2008:29, punt 165).

133    Madankollu, skont dawn it-testi kif ukoll skont il-ġurisprudenza, għalkemm l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa biex jiddefinixxu dak li huma jikklassifikaw bħala SIEĠ, id-definizzjoni ta’ tali servizzi jew missjonijiet minn Stat Membru tista’ tiġi kkontestata mill-Kummissjoni fil-każ ta’ żball manifest. B’dan il-mod, minkejja li d-determinazzjoni tan-natura u tal-portata ta’ missjoni ta’ SIEĠ taqa’ taħt il-kompetenza u s-setgħat diskrezzjonali tal-Istati Membri, din il-kompetenza ma hijiex illimitata, u lanqas ma tista’ tiġi eżerċitata b’mod arbitrarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzat tas-7 ta’ Novembru 2012, CBI vs Il-Kummissjoni, T‑137/10, Ġabra, EU:T:2012:584, punti 99 u 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

134    Minn dan jirriżulta li, bħall-aspetti kollha tad-definizzjoni ta’ SIEĠ, il-kwistjoni tal-ġustifikazzjoni għall-istabbiliment ta’ SIEĠ, jiġifieri f’dan il-każ, dik tal-eżistenza ta’ riskju għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku, ma tistax titqies li hija eskluża mill-kamp ta’ stħarriġ, ċertament ristrett, tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Olsen vs Il-Kummissjoni, T‑17/02, Ġabra, EU:T:2005:218, punt 217; sentenza BUPA et vs Il-Kummissjoni, punt 132 iktar ’il fuq, EU:T:2008:29, punt 267). Dan l-istħarriġ ristrett jista’ jinkludi analiżi dwar il-futur, b’mod partikolari meta, bħal f’dan il-każ, is-suġġett li għandu jiġi mistħarreġ huwa l-eżistenza ta’ riskju.

135    Għaldaqstant, għandha tiġi eżaminata l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti li jikkontestaw l-eżistenza f’dan il-każ ta’ riskju għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku fi Spanja.

136    Għandu jiġi speċifikat, f’dan ir-rigward, li, skont ġurisprudenza stabbilita, fid-dawl, minn naħa, tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu l-Istat Membru rigward id-definizzjoni ta’ missjoni ta’ SIEĠ u l-kundizzjonijiet għall-implementazzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, tal-portata tal-istħarriġ limitata għall-iżball manifest li l-Kummissjoni hija awtorizzata teżerċita għal dan l-għan, l-istħarriġ li għandu jiġi eżerċitat mill-Qorti Ġenerali dwar l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward lanqas ma tista’ taqbeż l-istess limitu. Fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, hija b’mod iktar partikolari l-Qorti Ġenerali li għandha teżamina jekk l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni hijiex suffiċjentement plawsibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi BUPA et vs Il-Kummissjoni, punt 132 iktar ’il fuq, EU:T:2008:29, punti 220 u 266 u l-ġurisprudenza ċċitata, u CBI vs Il-Kummissjoni, punt 133 iktar ’il fuq, EU:T:2012:584, punti 99 u 100).

137    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-awtoritajiet Spanjoli kienu stabbilixxew l-eżistenza ta’ riskji konkreti li kienu jheddu s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku (paragrafu 91 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija qieset, b’mod partikolari, li ma kinitx ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni l-allegazzjoni tal-awtoritajiet Spanjoli li kien jeżisti, minħabba l-profitabbiltà insuffiċjenti tagħhom, riskju ta’ għeluq bejn l-2010 u l-2014 tal-impjanti li setgħu jiggarantixxu tali sigurtà tal-provvista, jiġifieri dawk li kienu jiffunzjonaw bil-faħam indiġenu, mingħajr ma dawn l-impjanti jistgħu jiġu ssostitwiti b’impjanti oħrajn tal-elettriku, fid-dawl tal-prezzijiet baxxi u tal-inċertezzi li jikkaratterizzaw is-suq tal-operaturi tal-elettriku (paragrafu 93 tad-deċiżjoni kkontestata).

138    Sa fejn ir-rikorrenti tikkontesta, fl-ewwel lok, it-theddida għall-vijabbiltà tal-impjanti li jużaw faħam indiġenu li tirriżulta mir-reċessjoni ekonomika globali, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li l-Kummissjoni ma bbażatx il-konklużjoni tagħha tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni meta stabbilit li kien jeżisti r-riskju allegat mill-awtoritajiet Spanjoli ta’ għeluq tal-impjanti li jiffunzjonaw bil-faħam indiġenu biss fuq il-konsegwenzi tar-reċessjoni ekonomika. Fil-fatt, hija ħadet inkunsiderazzjoni l-effetti kombinati tar-reċessjoni ekonomika u aspetti strutturali oħrajn tas-suq tal-elettriku fi Spanja, bħall-parti li qed tikber ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija li tiġġedded (paragrafu 93 tad-deċiżjoni kkontestata) u s-separazzjoni tas-suq tal-elettriku Spanjol mis-swieq Ewropej l-oħra (paragrafu 96 tad-deċiżjoni kkontestata). B’dan il-mod, il-Kummissjoni indikat, fil-paragrafu 96 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-separazzjoni tas-suq Spanjol tal-elettriku, minħabba l-interkonnessjonijiet limitati mal-pajjiżi Ewropej l-oħra, tipprekludi lill-proprjetarji ta’ impjanti b’faħam indiġenu milli jtaffu l-effetti tat-tnaqqis tad-domanda u tal-prezzijiet bl-ingrossa tal-elettriku fi Spanja li jirriżultaw mill-kriżi ekonomika permezz ta’ esportazzjonijiet lejn swieq li jipprattikaw prezzijiet ogħla.

139    Għandu jiġi osservat, imbagħad, bħalma għamlet il-Kummissjoni, li l-uniku element ipprovdut mir-rikorrenti insostenn tal-argument tagħha, jiġifieri l-estratti tar-rapport IPN 33/09 tal-CNC, ma jeskludix kull riskju ta’ għeluq tal-impjanti b’faħam indiġenu, għaliex minnu jirriżulta li ma jistax “neċessarjament jiġi konkluż li l-kriżi ekonomika u l-waqgħa konsekuttiva tad-domanda ser iwasslu għall-għeluq tal-impjanti termali bil-faħam”. Minbarra dan, kif tenfasizza wkoll ġustament il-Kummissjoni, il-CNC, sabiex tevalwa l-effetti tal-kriżi ekonomika fuq il-vijabbiltà tal-impjanti b’faħam indiġenu, ibbażat ruħha mhux fuq data oġġettiva, iżda fuq l-assenza ta’ dikjarazzjoni mis-settur ikkonċernat ta’ intenzjoni ta’ stralċ tal-assi tiegħu [asset stripping]. Għalhekk, dawn l-analiżi tal-CNC ma jistgħux ikunu suffiċjenti sabiex ineħħu l-plawsibbiltà tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza allegata ta’ riskju ta’ għeluq tal-impjanti b’faħam indiġenu.

140    Għandu jingħad ukoll, fl-aħħar nett, li r-rikorrenti bl-ebda mod ma kkontestat iċ-ċifri rigward id-domanda għall-elettriku u l-konsegwenzi tagħhom fuq il-produzzjoni tal-elettriku, invokati mill-awtoritajiet Spanjoli u li fuqhom il‑Kummissjoni bbażat ruħha sabiex tikkonkludi li ma jeżistix żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-allegazzjoni tal-eżistenza ta’ riskju ta’ għeluq tal-impjanti b’faħam indiġenu fi Spanja. Minn din id-data jirriżulta li d-domanda għall-elettriku waqgħet b’mod qawwi fi Spanja, 5 % inqas fl-2009, u li l-impjanti li jużaw il-faħam indiġenu, fl-istess waqt, naqqsu b’mod qawwi l-produzzjoni tagħhom (paragrafu 19 tad-deċiżjoni kkontestata).

141    Sa fejn ir-rikorrenti tikkontesta, fit-tieni lok, it-teħid inkunsiderazzjoni allegatament mhux realistiku tal-għeluq tal-impjanti kollha b’faħam indiġenu għall-finijiet tal-kalkolu tal-kopertura tal-enerġija, għandu jiġi kkonstatat li la dan il-kalkolu, imwettaq mill-awtoritajiet Spanjoli u mfakkar fil-paragrafu 24 tad-deċiżjoni kkontestata, u lanqas din l-ipoteżi tal-għeluq tal-impjanti kollha b’faħam indiġenu ma ġew riprodotti mill-Kummissjoni fl-eżami tagħha tal-eżistenza f’dan il-każ ta’ SIEĠ ġenwin. Fil-fatt, skont l-istħarriġ ristrett li hija għandha teżerċita fuq il-ġustifikazzjoni għall-istabbiliment ta’ SIEĠ, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tivverifika l-plawsibbiltà tal-eżistenza nnifisha ta’ riskju ta’ għeluq tal-impjanti b’faħam indiġenu u mhux il-probabbiltà li dan ir-riskju iseħħ, u lanqas a fortiori d-daqs ta’ dan is-seħħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BUPA et vs Il-Kummissjoni, punt 132 iktar ’il fuq, EU:T:2008:29, punt 268). L-ipoteżi tal-għeluq tat-totalità tal-impjanti benefiċjarji, għaldaqstant, ma servietx ta’ bażi għall-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ SIEĠ u l-argument tar-rikorrenti għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud bħala ineffettiv.

142    Sa fejn ir-rikorrenti tikkontesta, fit-tielet lok, l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata tas-sitwazzjoni ġenerali ta’ kapaċità eċċessiva tas-suq tal-elettriku Spanjol u, b’mod partikolari, tal-kapaċità ta’ produzzjoni tal-parkijiet nukleari, tar-riħ u idrawliċi li jaħdmu wkoll minn sorsi ta’ enerġija indiġena, għandu jiġi enfasizzat, qabel kollox, li r-rapporti u d-dikjarazzjonijiet iċċitati mir-rikorrenti, b’mod partikolari r-rapport 29/2009 tal-CNE tas-16 ta’ Novembru 2009 u r-rapport qafas tal-CNE tat-22 ta’ Diċembru 2009, isemmu, huwa minnu, il-kapaċità suffiċjenti tal-park ta’ produzzjoni Spanjol sabiex tkopri d-domanda għall-elettriku, inkluż fis-sitwazzjonijiet l-iktar estremi. Madankollu, l-ebda wieħed minn dawn ir-rapporti u dikjarazzjonijiet ma jieħu inkunsiderazzjoni speċifikament ir-riskju ta’ għeluq tal-impjanti b’faħam indiġenu, li jikkostitwixxi l-bażi prinċipali, mhux ivvizjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni, tal-allegazzjoni mill-awtoritajiet Spanjoli tal-eżistenza ta’ riskju għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku.

143    Għandu jiġi osservat, imbagħad, li l-Kummissjoni ħadet b’mod espliċitu inkunsiderazzjoni l-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija li tiġġedded meta semmiet, fil-paragrafu 93 tad-deċiżjoni kkontestata, il-parti li qed tiżdied ta’ dan is-sors ta’ enerġija fil-produzzjoni tal-elettriku fi Spanja. Minbarra dan, kif jirriżulta minn dan il-paragrafu tad-deċiżjoni kkontestata u kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni fin-noti tagħha, ir-riskji fuq is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku fi Spanja jirriżultaw b’mod partikolari mill-parti importanti f’din il-provvista ta’ sorsi ta’ enerġija li tiġġedded, bħall-enerġija mir-riħ, l-enerġija idrawalika u l-enerġija mix-xemx. Fil-fatt, dawn is-sorsi ta’ enerġija, li kienu jirrappreżentaw, skont id-data pprovduta mill-Kummissjoni, imsemmija wkoll parzjalment fid-deċiżjoni kkontestata (paragrafu 97 u nota ta’ qiegħ il-paġna 40), mhux ikkontestati u saħansitra kkompletati mir-rikorrenti, parti kunsiderevoli mill-elettriku prodott u kkonsmat fi Spanja (44 % mill-park ta’ produzzjoni tal-elettriku fi Spanja f’termini ta’ saħħa installata fl-2009, 23 % mill-produzzjoni tal-elettriku Spanjol fl-2008 u 35 % mill-elettriku kkonsmat fi Spanja fl-2010), jiddependu min-natura tagħhom fuq kundizzjonijiet tat-temp u ma jistgħux, għaldaqstant, tkun xi tkun il-kapaċità ta’ produzzjoni tagħhom, jitqiesu li jistgħu jiggarantixxu f’kull ċirkustanza s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku fi Spanja. Dan huwa iktar u iktar il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata (paragrafu 98), mingħajr ma huwa kkontestat b’mod speċifiku mir-rikorrenti, peress li l-impjanti li jużaw sorsi ta’ enerġija li tiġġedded ma jistgħux jiżguraw is-servizzi ta’ aġġustament [“servicios de equilibrio”] essenzjali sabiex jiġu evitati l-interruzzjonijiet fil-provvista, inkwantu ma jippermettux aġġustament fl-output tal-enerġija tal-impjanti, ’il fuq jew ’l isfel, skont id-domandi tal-operatur tas-sistema (ara wkoll il-paragrafu 21 tad-deċiżjoni kkontestata).

144    Ir-rikorrenti lanqas ma tikkontesta l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (paragrafi 21 u 98) fis-sens li l-impjanti nukleari lanqas ma huma adattati sabiex jipprovdu s-servizzi ta’ aġġustament imsemmija hawn fuq. Minbarra dan, l-enerġija ta’ oriġini nukleari, anki jekk ma tiddependix fuq kundizzjonijiet klimatiċi bl-istess mod bħas-sorsi ta’ enerġija li tiġġedded, ma tistax titqies li hija sors ta’ enerġija indiġena bl-istess mod bħall-faħam indiġenu u, għalhekk, tittieħed inkunsiderazzjoni bħala tali mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tagħha tar-riskju allegat għas-sigurtà tal-provvista. Fil-fatt, minkejja li, kif tenfasizza r-rikorrenti, il-kombustibbli nukleari, jiġifieri l-uranju arrikit, huwa ffabbrikat fi Spanja, is-sors ta’ dan il-kombustibbli, jiġifieri l-uranju, ġej, kif il-partijiet qablu fis-seduta, minn depożiti li ma jinsabux fi Spanja. Għaldaqstant, il-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ elettriku ta’ oriġini nukleari ma kellhiex tittieħed inkunsiderazzjoni u ma tistax tneħħi l-plawsibbiltà tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza allegata ta’ riskju għall-provvista ta’ elettriku fi Spanja.

145    Sa fejn ir-rikorrenti ssostni, fil-kuntest tal-argument tagħha dwar il-parkijiet nukleari, tar-riħ u idrawliċi, li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/54, għandu jiġi miċħud dan l-ilment bħala inammissibbli, peress li tqajjem għall-ewwel darba fir-replika, mingħajr ma jista’ jitqies li huwa l-iżvilupp ta’ motiv jew ta’ lment imqajjem fir-rikors. Fil-fatt, fir-rikors, ir-rikorrenti invokat il-ksur tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/54, billi enfasizzat l-assenza ta’ ġustifikazzjoni għall-preġudizzju għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku prevista minn din id-dispożizzjoni, meta, fir-replika, hija sostniet il-ksur tal-imsemmija dispożizzjoni għaliex it-teħid inkunsiderazzjoni tal-enerġija ta’ oriġini nukleari li tibbenefika minn skema ta’ attribuzzjoni preferenzjali iwassal għal qbiż tal-limitu massimu ta’ 15 % li huwa previst hemmhekk.

146    Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest fl-evalwazzjoni tagħha tal-ġustifikazzjoni tas-SIEĠ stabbilit f’dan il-każ mill-awtoritajiet Spanjoli.

 Fuq in-natura sproporzjonata tal-miżura kontenzjuża fid-dawl tal-għan segwit permezz tas-SIEĠ

147    Għandu jiġi osservat, b’mod preliminari, li l-istħarriġ tal-proporzjonalità jikkostitwixxi tip wieħed ta’ stħarriġ li l-Kummissjoni għandha twettaq fil-kuntest tal-verifika tagħha tal-kompatibbiltà ta’ miżura ta’ għajnuna mill-Istat mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 106(2) TFUE.

148    B’dan il-mod, skont il-paragrafu 23 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Servizzi ta’ interess ġenerali fl-Ewropa (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza TF1 et vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, EU:T:2012:352, punti 101 sa 104):

“Il-proporzjonalità skond l-Artikolu [106](2) [TFUE] timplika li l-mezzi wżati għalbiex titwettaq il-missjoni ta’ interess ġenerali ma toħloqx tagħwiġ mhux meħtieġ ta’ kummerċ. B’mod speċifiku, irid jiġi żgurat li kull restrizzjoni tar-regoli tat-Trattat [...] ma jaqbżux dak li hu meħtieġ sabiex jiggarantixxu t-twettiq effettiv tal-missjoni [...]”

149    B’mod partikolari, skont il-ġurisprudenza marbuta mad-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 230), li turi bosta istanzi ta’ xebh mad-Direttiva 2003/54 adottata fl-istess jum li tistabbilixxi s-suq intern tal-elettriku, jirriżulta mill-kliem innifsu tal-Artikolu 106 TFUE li l-obbligi ta’ servizz pubbliku, li jistgħu jiġu imposti fuq l-impriżi skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2003/55 [simili għall-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2003/54], għandhom josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità u li, għaldaqstant, dawn l-obbligi jistgħu jippreġudikaw l-iffissar liberu tal-prezz tal-provvista tal-gass naturali biss sa fejn huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-għan ta’ importanza ekonomika ġenerali li huma jsegwu (sentenza Federutility et, punt 132 iktar ’il fuq, EU:C:2010:205, punt 33).

150    Skont ġurisprudenza daqstant stabbilita, l-istħarriġ tan-natura sproporzjonata ta’ miżura intiża sabiex teżegwixxi missjoni ta’ SIEĠ għandha tkun limitata għall-verifika jekk il-miżura prevista hijiex meħtieġa sabiex il-missjoni ta’ SIEĠ inkwistjoni tkun tista’ titwettaq f’kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabbli, jew, bil-kontra, jekk il-miżura inkwistjoni hijiex manifestament mhux xierqa meta mqabbla mal-għan segwit (ara s-sentenza BUPA et vs Il-Kummissjoni, punt 132 iktar ’il fuq, EU:T:2008:29, punti 222, 266 u 287 u l-ġurisprudenza ċċitata).

151    Bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet f’dan il-każ tali stħarriġ ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, hija mhux sempliċement ivverifikat l-assenza ta’ kumpens eċċessiv bil-miżura kontenzjuża (paragrafi 135 sa 146 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija vverifikat ukoll, essenzjalment, minn naħa, li l-miżura kontenzjuża kienet xierqa fid-dawl tal-għan ta’ garanzija tas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku u, min-naħa l-oħra, li ma kinitx eċċessiva.

152    Qabel ma jiġu eżaminati l-ilmenti diretti kontra dawn l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, peress li l-istħarriġ tal-Kummissjoni fuq il-proporzjonalità tas-SIEĠ huwa ristrett (ara l-punt 150 hawn fuq), għandha tittieħed inkunsiderazzjoni din iċ-ċirkustanza wkoll fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni. Dan l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali għandu jkun jerġa’ iktar ristrett għaliex l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tirrigwarda fatti ekonomiċi kumplessi (ara s-sentenza BUPA et vs Il-Kummissjoni, punt 132 iktar ’il fuq, EU:T:2008:29, punt 269 u l-ġurisprudenza ċċitata).

153    Fl-ewwel lok, rigward in-natura xierqa tal-miżura kontenzjuża, il-Kummissjoni qieset li l-impjanti li jaħdmu bil-faħam, u b’mod partikolari l-impjanti li jaħdmu b’faħam indiġenu, kellhom rwol importanti fl-appoġġ mogħti għall-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija li tiġġedded u setgħu, minkejja li kienu inqas flessibbli mill-impjanti li jaħdmu bil-gass, jipprovdu servizzi ta’ aġġustament lill-operatur tas-sistema, li kienu essenzjali sabiex jiġu evitati l-interruzzjonijiet fil-provvista (paragrafu 98 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni żiedet li bidla kompleta tal-kombustibbli għall-impjanti li jaħdmu bil-faħam, fis-sens li jgħaddu minn faħam indiġenu għal faħam importat, ma tistax issir b’mod rapidu u teħtieġ investimenti kbar. Minn dan hija tiddeduċi li, fl-assenza tal-miżura kontenzjuża, il-produzzjoni tal-faħam fi Spanja tista’ tieqaf kompletament u l-impjanti li jaħdmu mill-faħam indiġenu, fid-dawl tad-diffikultajiet tal-bidla tal-kombustibbli, ma jibqgħux disponibbli sabiex jiżguraw il-provvista tal-elettriku (paragrafu 99 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kkonstatat li, minbarra l-faħam indiġenu, il-kombustibbli l-oħra kollha magħmula mill-fossili użati għall-produzzjoni tal-elettriku kienu ġejjin minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni li ma humiex ħielsa minn riskji ġeostrateġiċi, li jagħti lok għal riskji addizzjonali għas-sigurtà tal-provvisa fi Spanja (paragrafu 100 tad-deċiżjoni kkontestata). Minn dak kollu li ntqal hawn fuq il-Kummissjoni ddeduċiet li l-miżura kontenzjuża kienet issegwi l-għan li tnaqqas ir-riskji konkreti li kienu jaffettwaw is-sigurtà tal-provvista fi Spanja għal perijodu ta’ erba’ snin u li hija ma kienet skopriet l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-ġusitfikazzjonijiet ipprovduti mill-awtoritajiet Spanjoli insostenn tal-imsemmija miżura f’termini ta’ sigurtà ta’ provvista (paragrafu 101 tad-deċiżjoni kkontestata).

154    Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni kkunsidrat, b’mod żbaljat, li l-impjanti b’faħam indiġenu setgħu jiggarantixxu s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku fi Spanja, meta l-impjanti b’ċiklu kombinat li jużaw il-gass huma iktar adattati biex jagħmlu dan.

155    Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/54 jippermetti, essenzjalment, lil Stat Membru jagħti vantaġġ għall-aċċess għas-suq, għal raġunijiet ta’ sigurtà ta’ provvista, lill-installazzjonijiet ta’ produzzjoni li jużaw sorsi kombustibbli indiġeni. Minbarra dan, ir-Regolament Nru 1407/2002, fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jirrikonoxxi l-importanza tal-produzzjoni tal-faħam, fil-qasam tas-sigurtà tal-enerġija, għall-produzzjoni tal-elettriku. Fil-fatt, wara li osserva li l-Unjoni saret iktar u iktar dipendenti fuq il-provvisti esterni tagħha ta’ sorsi ta’ enerġija primarja, il-Kunsill ikkonkluda li diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ enerġija kemm fuq il-livell taż-żoni ġeografiċi kif ukoll fuq il-livell tal-prodotti tippermetti li jinħolqu kundizzjonijiet ta’ provvista iktar żguri, filwaqt li żied li tali strateġija tinkludi l-iżvilupp ta’ sorsi indiġeni ta’ enerġija primarja (premessa 3 tar-Regolament Nru 1407/2002). Minbarra dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Stat Membru seta’, mingħajr ma jikser il-prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija, jirriżerva l-attribuzzjoni ta’ ċertifikati ta’ elettriku msejjaħ “aħdar”, intiża sabiex tippromwovi l-enerġiji li jistgħu jiġġeddu, għall-produtturi tal-elettriku stabbiliti fit-territorju tiegħu (ara, b’mod analogu, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft, C‑573/12, Ġabra, EU:C:2014:2037, punti 98 sa 104).

156    B’dan il-mod, sabiex ineħħu l-plawsibbiltà tar-rikonoxximent f’dan il-każ mill-Kummissjoni tan-natura xierqa tal-miżura kontenzjuża li tagħti vantaġġ lill-impjanti b’faħam indiġenu sabiex tiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku fi Spanja, l-argumenti u l-elementi mressqa mir-rikorrenti għandhom ikunu partikolarment dettaljati u fondati fuq elementi partikolari potenzjali tal-każ inkwistjoni.

157    Iżda dan ma huwiex il-każ.

158    Fil-fatt, ir-rikorrenti ma invokatx elementi konkreti insostenn tal-kontestazzjoni tagħha tal-istabbiltà tal-produzzjoni tal-impjanti b’faħam indiġenu u tal-profitabbiltà tagħha kif ukoll tal-assenza ta’ problemi mqajma għall-provvisti lilhom ta’ materja prima, għaliex sempliċement allegat, essenzjalment, li din l-istabbiltà, din il-profitabbiltà u din l-assenza ta’ diffikultajiet fil-ksib ta’ materja prima jikkaratterizzaw ukoll l-impjanti li jużaw faħam importat jew gass naturali.

159    Minbarra dan, l-elementi konkreti mressqa mir-rikorrenti insostenn tal-allegazzjoni tagħha tal-kapaċita ta’ produzzjoni insuffiċjenti tal-impjanti b’faħam indiġenu ma jippermettux li titneħħa l-plawsibbiltà tan-natura xierqa tal-miżuri adottati favur l-imsemmija impjanti fid-dawl tal-għan segwit. Fil-fatt, l-għan segwit ma huwiex li tiġi żgurata provvista tal-elettriku li tkopri l-bżonnijiet kollha tal-elettriku, iżda li tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista, jiġifieri li jkun hemm impjanti li jkunu jistgħu jipproduċu l-elettriku, indipendentement miċ-ċirkustanzi klimatiċi u politiċi. Id-Direttiva 2005/89/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Jannar 2006, dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà fil-provvista ta’ l-elettriku u ta’ l-investiment fl-infrastruttura (ĠU L 33, p. 22), li l-għan tagħha huwa li jiġu armonizzati l-miżuri intiżi sabiex jiggarantixxu s-sigurtà tal-provvista, tispeċifika b’dan il-mod, fil-premessa 1 tagħha, li l-imsemmija miżuri ma għandhomx iwasslu għall-ħolqien ta’ kapaċità ta’ produzzjoni li taqbeż dak li huwa meħtieġ għall-prevenzjoni tal-interruzzjonijiet eċċessivi tad-distribuzzjoni tal-elettriku lill-klijenti finali. Il-kwantità tal-elettriku prodotta ma hijiex għaldaqstant kriterju determinanti sabiex tiġi evalwata f’dan il-każ in-natura xierqa tal-miżura kontenzjuża meta mqabbla mal-għan segwit.

160    Bl-istess mod, l-elementi konkreti mressqa mir-rikorrenti insostenn tal-allegazzjoni tagħha li l-impjanti b’faħam indiġenu huma inqas flessibbli mill-impjanti li jużaw il-gass lanqas ma jippermettu li titneħħa l-plawsibbiltà tan-natura xierqa tal-miżuri adottati favur l-impjanti msemmija l-ewwel fid-dawl tal-għan segwit. Fil-fatt, biżżejjed, sabiex jiġi ssodisfatt dan l-għan, li impjant ikollu ċerta flessibbiltà, jiġifieri essenzjalment li jkun adattat sabiex jipprovdi s-servizzi ta’ aġġustament (ara l-punt 143 hawn fuq). Din il-flessibbiltà li għandhom l-impjanti benefiċjarji ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti, li tallega biss, kif il-Kummissjoni nnifisha rrikonoxxiet barra minn hekk, fil-paragrafu 98 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-imsemmija impjanti kienu inqas flessibbli mill-impjanti b’ċiklu kombinat li jużaw il-gass. Jista’ jingħad ukoll, f’dan ir-rigward, li r-rikorrenti, minbarra dan, attenwat l-affermazzjoni tagħha tal-flessibbiltà tal-impjanti b’ċiklu kombinat, meta rrikonoxxiet, fir-replika, li waqfien ta’ iktar minn ġimgħatejn kien iżid b’mod kunsiderevoli ż-żmien tagħhom ta’ risposta.

161    Fit-tieni lok, rigward in-natura eċċessiva tal-miżura kontenzjuża u d-distorsjonijiet li tista’ tikkawża, il-Kummissjoni qieset li l-imsemmija miżura setgħet potenzjalment taffettwa s-swieq b’mod partikolari tal-gass naturali u tal-faħam importat, filwaqt li speċifikat li dawn id-distorsjonijiet kienu inerenti fl-obbligi kollha ta’ servizz pubbliku stabbiliti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/54 (paragrafu 125 tad-deċiżjoni kkontestata).

162    Ir-rikorrenti tikkontesta din l-evalwazzjoni, minn naħa, billi tiddeskrivi l-bosta distorsjonijiet fis-suq tal-elettriku kkawżati permezz tal-miżura kontenzjuża u, min-naħa l-oħra, billi ssostni li jeżistu miżuri inqas restrittivi li jistgħu jilħqu l-għan ta’ sigurtà tal-provvista.

163    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-bosta distorsjonijiet allegatament maħluqa permezz tal-miżura kontenzjuża, jiġifieri l-preġudizzji għal-libertà ta’ tmexxija ta’ negozju, għall-effikaċja tal-enerġija, u għall-iffissar tal-prezzijiet fis-suq tal-elettriku, kif ukoll il-preġudizzji kkawżati lill-impjanti li jużaw il-faħam importat u lis-settur kollu tal-gass naturali, għandu jiġi osservat li huma korrelattivi għall-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat tal-miżura kontenzjuża, li min-natura tagħha hija miżura li toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produzzjonijiet, u, b’mod partikolari, għall-implementazzjoni tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/54, li jippermetti lill-Istati Membri jiffavorixxu l-installazzjonijiet li jipproduċu l-elettriku minn sorsi indiġeni għad-detriment ta’ dawk li jużaw sorsi oħrajn ta’ enerġija.

164    B’dan il-mod, il-miżura kontenzjuża tista’ titqies li hija eċċessiva biss jekk il-bdil fil-kompetizzjoni li hija toħloq ikun sostanzjali u manifestament sproporzjonat meta mqabbel mal-għan segwit. Sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li jeżisti tali bdil, għandu jiġi stabbilit li l-miżura kontenzjuża thedded il-vijabbiltà ta’ setturi oħrajn produtturi tal-elettriku, u li saħansitra tqiegħed fil-periklu s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku fi Spanja (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2014, DTS Distribuidora de Televisión Digital vs Il-Kummissjoni, T‑533/10, Ġabra, taħt appell, EU:T:2014:629, punti 155 u 160).

165    Għaldaqstant għandhom jiġu miċħuda mill-bidu, għaliex ma jippermettux li tiġi stabbilita n-natura sproporzjonata tal-miżura kontenzjuża, id-distorsjonijiet allegati mir-rikorrenti dwar il-libertà ta’ tmexxija ta’ negozju, l-effikaċja tal-enerġija, u l-iffissar tal-prezzijiet, u dan iktar u iktar għaliex, għal xi wħud minnhom, ir-rikorrenti ma semmiet l-ebda terminu kwalifikattiv li jissuġġerixxi n-natura eċċessiva tagħhom.

166    Rigward l-allegati preġudizzji kkawżati lill-impjanti li jiffunzjonaw bil-gass u lil dawk li jużaw faħam importat, għandu jiġi kkonstatat li l-miżura kontenzjuża tinkwadra l-vantaġġi mogħtija lill-impjanti benefiċjarji f’limiti stretti. Fil-fatt, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/54, il-kwantità ta’ faħam indiġenu użat fis-sena mill-impjanti benefiċjarji ma għandhiex taqbeż il-15 % mill-kwantità totali ta’ enerġija primarja neċessarja sabiex jiġi prodott l-elettriku kkonsmat fi Spanja. Kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata (paragrafu 83) u kif huwa kkonfermat mill-Kummissjoni fin-noti tagħha, mingħajr ma ġie kkontestat mir-rikorrenti, huwa previst li l-miżura kontenzjuża tibqa’ saħansitra ħafna taħt dan il-limitu massimu, għaliex il-kwantità ta’ enerġija primarja kkonċernata ma taqbiżx id-9 % mill-kwantità totali ta’ enerġija primarja neċessarja sabiex jiġi prodott l-elettriku kkonsmat fis-sena, li jikkorrispondi għal produzzjoni ta’ elettriku ta’ 23.35 TWh fis-sena (ara l-punt 2 hawn fuq). Minbarra dan, skont id-data li tirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata kif ikkompletata mir-rikorrenti, is-saħħa installata tal-impjanti benefiċjarji kienet tirrappreżenta biss madwar 5 % mit-totalità tas-saħħa installata fi Spanja fl-2008, jiġifieri kważi 5000 MW, imsemmija fir-rikors, meta mqabbla mal-91 000 MW, imsemmija fil-paragrafu 18 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, il-miżura kontenzjuża, li daħlet fis-seħħ fi Frar 2011, għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2014 (ara l-punt 5 hawn fuq).

167    Ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li, fin-nuqqas ta’ dawn il-limiti previsti mill-miżura kontenzjuża, din tal-aħħar thedded il-vijabbiltà tal-impjanti kkonċernati.

168    Fil-fatt, rigward l-impjanti bil-faħam importat, ir-rikorrenti sempliċement tiċċita estratt mir-rapport 5/2010 tal-CNE, li jsemmi, huwa minnu, “waqfien komplet” ta’ dawn l-impjanti, iżda li minnu jirriżulta wkoll li l-imsemmija impjanti ma humiex totalment imwaqqfa minħabba l-miżura kontenzjuża, fid-dawl tar-rwol li huma kellhom fil-provvista ta’ ċerti servizzi ta’ aġġustament. Minbarra dan, fl-unika darba li r-rikorrenti ssemmi l-possibbli “tqegħid fil-periklu tal-vijabbiltà tal-impjanti li jużaw il-faħam importat”, issemma biss, insostenn tal-allegazzjoni tagħha, “ċaqliq tal-imsemmija impjanti” minħabba l-miżura kontenzjuża, jiġifieri, b’mod ġenerali u mingħajr preċiżazzjonijiet oħra, il-konsegwenzi tal-mekkaniżmu ta’ dispaċċ preferenzjali. Ir-rikorrenti saħansitra ssemmi, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar in-noti ta’ intervent, żieda sostanzjali fil-produzzjoni tal-elettriku tal-impjanti b’faħam importat fl-2011.

169    Bl-istess mod, rigward l-impjanti b’ċiklu kombinat li jużaw il-gass, bl-eċċezzjoni ta’ elementi konkreti ppreżentati insostenn tal-effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħha, ir-rikorrenti sempliċement, essenzjalment, tirreferi għall-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati matul il-proċedura preliminari ta’ investigazzjoni, fejn hija ssemmi biss, f’termini ġenerali, il-konsegwenzi tal-miżura kontenzjuża fuq il-provvista tal-gass u fuq il-manutenzjoni tat-turbini tal-impjanti b’ċiklu kombinat, mingħajr ma ssemmi u lanqas tissuġġerixxi preġudizzju għall-vijabbiltà tagħhom. Minbarra dan u f’kull każ, anki jekk jingħad li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni d-data posterjuri għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata invokata mir-rikorrenti, għandu jitqies, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, li hija ma tippermettix li jiġi dedott minnha waqfien kważi permanenti tal-parti l-kbira tal-impjanti b’ċiklu kombinat. Il-perċentwali medja allegata tal-produzzjoni tal-elettriku tal-impjanti b’ċiklu kombinat irtirata mis-suq minħabba l-miżura kontenzjuża, jiġifieri 27 %, hija effettivament limitata u hija spjegata bil-fatt, li r-rikorrenti tinjora, li l-miżura kontenzjuża tipprevedi rtirar bi prijorità tal-elettriku prodott mill-impjanti li jniġġsu l-iktar, jiġifieri dawk li jużaw żejt tal-fjuwil u faħam, filwaqt li l-elettriku prodott mill-impjanti b’ċiklu kombinat jiġi rtirat fi stadju ulterjuri (ara wkoll il-punt 219 iktar ’il quddiem). Fl-aħħar nett jista’ jiġi osservat li l-produzzjoni annwali massima tal-impjanti benefiċjarji prevista permezz tal-miżura kontenzjuża kienet tirrappreżenta biss madwar 30 % mill-elettriku prodott fis-sena mill-impjanti b’ċiklu kombinat fl-2009, skont id-data pprovduta mir-Renju ta’ Spanja, mhux ikkontestata mir-rikorrenti, u ma tistax, għaldaqstant, anki jekk biss l-elettriku prodott mill-imsemmija impjanti jiġi rtirat mis-suq b’applikazzjoni tal-miżura kontenzjuża, toħloq l-impatt allegat fuq il-vijabbiltà tagħhom.

170    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-eżistenza ta’ miżuri inqas restrittivi li jistgħu jilħqu l-għan ta’ sigurtà tal-provvista tal-elettriku, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-Istat Membru għandu jesponi b’mod iddettaljat ir-raġunijiet li għalihom, fil-każ li tiġi eliminata l-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni, it-twettiq tal-missjoni ta’ interess ġenerali msemmija f’kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabbli jitqiegħed f’dubju, iżda ma għandux juri, b’mod pożittiv, li l-ebda miżura oħra immaġinabbli, minnha nnifisha ipotetika, ma tkun tista’ tippermetti li jiġi żgurat it-twettiq tal-imsemmija missjoni fl-istess kundizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 1997, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑159/94, Ġabra, EU:C:1997:501, punt 101). B’dan il-mod, a fortiori, tali obbligu ma huwiex impost fuq l-Istat li jkun jixtieq jistabbilixxi SIEĠ b’applikazzjoni tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/54.

171    Għaldaqstant il-Kummissjoni ma għandhiex, fil-kuntest tal-istħarriġ ristrett tagħha, twettaq analiżi komparattiva tal-miżuri kollha prevedibbli sabiex jintlaħaq l-għan ta’ interess ġenerali segwit (ara, f’dan is-sens, id-digriet Gas Natural Fenosa SDG vs Il-Kummissjoni, punt 87 iktar ’il fuq, EU:T:2011:53, punt 109).

172    F’dan il-każ, minn dan jirriżulta li għandhom jiġu miċħuda mill-bidu l-argumenti marbuta mal-eżistenza ta’ miżuri oħrajn xierqa li huma inqas restrittivi minn dik prevista mill-awtoritajiet Spanjoli.

173    Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta rrikonoxxiet in-natura ġustifikata tas-SIEĠ stabbilit f’dan il-każ kif ukoll in-natura sproporzjonata tal-miżura kontenzjuża meta mqabbla mal-għan segwit permezz ta’ dan is-SIEĠ. Għaldaqstant hija lanqas ma kisret l-Artikolu 106(2) TFUE, il-qafas tas-SIEĠ kif ukoll l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/54, meta wettqet l-imsemmija evalwazzjonijiet.

 Fuq l-eżistenza ta’ użu ħażin ta’ poter

174    Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli wettqet użu ħażin ta’ poter, għaliex l-għan ġenwin segwit permezz tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kien dak li Spanja tiġi permessa tipproteġi l-produtturi tagħha tal-faħam. Hija tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq l-assenza ta’ ġustifikazzjoni u fuq in-natura mhux adattata tal-miżura kontenzjuża, fuq il-fatt li ssemma l-għan imsemmi hawn fuq fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fuq l-eżistenza ta’ miżuri speċifiċi tal-Unjoni intiżi sabiex jipproteġu s-settur tal-faħam.

175    Għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita fis-sens li l-kunċett ta’ użu ħażin ta’ poter jirreferi għall-fatt li awtorità amministrattiva użat il-poteri tagħha għal għan differenti minn dak li għalih hija ngħatat dawn il-poteri. Deċiżjoni tkun ivvizzjata b’użu ħażin ta’ poter biss jekk jidher, abbażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li hija ttieħdet għal dan il-għan (sentenzi tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C‑331/88, Ġabra, EU:C:1990:391, punt 24, u tad-9 ta’ Ottubru 2001, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑400/99, Ġabra, EU:C:2001:528, punt 38).

176    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tistax titqies li pprovdiet tali indizji, għaliex l-argumenti tagħha marbuta mal-assenza ta’ ġustifikazzjoni u man-natura mhux adattata tas-SIEĠ ikkunsidrat f’dan il-każ ġew miċħuda (ara l-punt 173 hawn fuq), l-eżistenza ta’ sistema ta’ għajnuna għas-settur tal-faħam ma jfissirx li l-Kummissjoni ssegwi tali għan fid-deċiżjonijiet kollha li hija tadotta marbuta mal-imsemmi settur u għaliex il-fatt li jissemma t-tħassib marbut mal-industrija tal-minjieri Spanjola fid-deċiżjoni kkontestata ma huwiex biżżejjed sabiex dan isir l-għan tal-imsemmija deċiżjoni. Jista’ jingħad ukoll, f’dan ir-rigward, li, jekk jingħad li l-appoġġ lill-industrija tal-minjieri Spanjola jista’ wkoll jitqies li huwa wieħed mill-għanijiet tal-miżura kontenzjuża ammessi mill-Kummissjoni, id-deċiżjoni kkontestata ma tkunx madankollu vvizzjata b’użu ħażin ta’ poter, sa fejn dan l-appoġġ mogħti lill-industrija tal-minjieri jkun biss mezz li jippermetti li tiġi promossa s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku u sa fejn, b’dan il-mod, ma jissagrifikax dan l-għan essenzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2005, EDP vs Il-Kummissjoni, T‑87/05, Ġabra, EU:T:2005:333, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

177    Għalhekk, hemm lok li jiġi miċħud l-ilment ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter.

178    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur ta’ dispożizzjonijiet tat-Trattat u tal-leġiżlazzjoni sekondarja minbarra dawk dwar l-għajnuna mill-Istat

 Fuq in-natura ineffettiva tal-motiv

179    Il-Kummissjoni tqis li l-ilmenti kollha mqajma insostenn ta’ dan il-motiv huma inammissibbli jew, mill-inqas ineffettivi, għaliex hija marbuta twettaq evalwazzjoni fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti li ma jaqgħux taħt id-dritt tal-għajnuna mill-Istat biss meta ċerti modalitajiet tal-għajnuna inkwistjoni jkunu tant marbuta fil-qrib mal-għan tagħha li l-eventwali nuqqas ta’ konformità mal-imsemmija dispożizzjonijiet jaffettwa neċessarjament il-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern. F’dan il-każ, ir-rikors ma jinkludi l-ebda analiżi ta’ tali rabta.

180    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżura kontenzjuża hija kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 106(2) TFUE, filwaqt li rriżervat ġustament l-ipoteżi fejn ċerti modalitajiet tal-għajnuna inkwistjoni jkunu jiksru dispożizzjonijiet tat-Trattat, minbarra l-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE, u jkunu tant marbuta b’mod inseparabbli mal-għan tal-għajnuna li ma jkunux jistgħu jiġu evalwati b’mod iżolat (paragrafu 148). B’dan il-mod hija eżaminat jekk il-miżura kontenzjuża kinitx konformi mar-regoli dwar il-moviment liberu tal-merkanzija u l-libertà ta’ stabbiliment, ma’ ċerti dispożizzjonijiet dwar l-ambjent kif ukoll mar-Regolament Nru 1407/2002.

181    Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, meta l-Kummissjoni tapplika l-proċedura fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, hija marbuta, skont l-istruttura ġenerali tat-Trattat, li tosserva l-koerenza bejn id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat u d-dispożizzjonijiet speċifiċi minbarra dawk dwar l-għajnuna mill-Istat u, b’dan il-mod, li tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni ma’ dawn id-dispożizzjonijiet speċifiċi (sentenzi Matra vs Il-Kummissjoni, punt 25 iktar ’il fuq, EU:C:1993:239, punti 41 sa 43, u tal-31 ta’ Jannar 2001, Weyl Beef Products et vs Il-Kummissjoni, T‑197/97 u T‑198/97, Ġabra, EU:T:2001:28, punti 75 u 77).

182    Madankollu, tali obbligu huwa impost fuq il-Kummissjoni biss fir-rigward ta’ modalitajiet ta’ għajnuna li jkunu tant marbuta b’mod inseparabbli mal-għan tal-għajnuna li ma jkunx possibbli li jiġu evalwati b’mod iżolat (sentenzi Matra vs Il-Kummissjoni, punt 25 iktar ’il fuq, EU:C:1993:239, punt 41, u Weyl Beef Products et vs Il-Kummissjoni, punt 181 iktar ’il fuq, EU:T:2001:28, punt 76). Ma huwiex impost, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ kundizzjonijiet jew ta’ elementi ta’ għajnuna li, minkejja li jagħmlu parti mill-għajnuna, jistgħu jitqiesu li ma humiex neċessarji għat-twettiq tal-għan jew tal-funzjonament tagħha (sentenzi tat-22 ta’ Marzu 1977, Iannelli & Volpi, 74/76, Ġabra, EU:C:1977:51, punt 14, u Weyl Beef Products et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2001:28, punt 77).

183    Fil-fatt, obbligu tal-Kummissjoni li tieħu pożizzjoni b’mod definittiv, indipendentement mir-rabta bejn il-modalità tal-għajnuna u l-għan tal-għajnuna inkwistjoni, fil-kuntest ta’ proċedura fil-qasam ta’ għajnuna, fuq l-eżistenza jew l-assenza ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni distinti minn dawk li jaqgħu taħt l-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE, jekk ikun il-każ, moqrija flimkien mal-Artikolu 106 TFUE, imur kontra, minn naħa, ir-regoli u l-garanziji proċedurali — parzjalment differenti ħafna u li jimplikaw konsegwenzi ġuridiċi distinti — li huma proprji għall-proċeduri previsti speċjalment għall-istħarriġ tal-evalwazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u, min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ awtonomija tal-proċeduri amministrattivi u tar-rimedji ġudizzjarji (sentenza BUPA et Il-Kummissjoni, punt 132 iktar ’il fuq, EU:T:2008:29, punti 313 u 314; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi Iannelli & Volpi, punt 182 iktar ’il fuq, EU:C:1977:51, punt 12, u Matra vs Il-Kummissjoni, punt 25 iktar ’il fuq, EU:C:1993:239, punt 44). Tali obbligu jmur ukoll kontra d-deroga mir-regoli tat-Trattati stabbilita permezz tal-Artikolu 106(2) TFUE, li qatt ma tista’ tipproduċi l-effetti tagħha jekk l-applikazzjoni tagħha fl-istess waqt tiżgura l-osservanza sħiħa tar-regoli li hija mistennija tidderoga minnhom (sentenza BUPA et vs Il-Kummissjoni, punt 132 iktar ’il fuq, EU:T:2008:29, punt 318).

184    B’dan il-mod, jekk il-modalità tal-għajnuna inkwistjoni hija marbuta b’mod inseparabbli mal-għan tal-għajnuna, il-konformità tagħha mad-dispożizzjonijiet l-oħra minbarra dawk dwar l-għajnuna mill-Istat tiġi evalwata mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura prevista permezz tal-Artikolu 108 TFUE u din l-evalwazzjoni tista’ twassal għal dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà tal-għajnuna kkonċernata mas-suq intern. Min-naħa l-oħra, jekk il-modalità inkwistjoni tista’ tinfired mill-għan tal-għajnuna, il-Kummissjoni ma tkunx marbuta tevalwa l-konformità tagħha mad-dispożizzjonijiet l-oħra minbarra dawk dwar l-għajnuna mill-Istat fil-kuntest tal-proċedura prevista permezz tal-Artikolu 108 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Weyl Beef Products et vs Il-Kummissjoni, punt 181 iktar ’il fuq, EU:T:2001:28, punt 77, u BUPA et vs Il-Kummissjoni, punt 132 iktar ’il fuq, EU:T:2008:29, punt 314).

185    F’dan il-każ, mill-kunsiderazzjonijiet ifformulati fil-punti 91 sa 96 hawn fuq jirriżulta li l-obbligu ta’ xiri ta’ faħam indiġenu, il-mekkaniżmu ta’ dispaċċ preferenzjali u l-kumpens finanzjarju jikkostitwixxu modalitajiet marbuta b’mod inseparabbli mal-għan tal-għajnuna inkwistjoni fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza, kif barra minn hekk qieset b’mod impliċitu l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata meta eżaminathom fid-dawl ta’ dispożizzjonijiet oħra minbarra dawk dwar l-għajnuna mill-Istat b’mod konformi mal-imsemmija ġurisprudenza.

186    Għandu jiġi speċifikat, f’dan ir-rigward, li din il-ġurisprudenza ġiet applikata fir-rigward tal-istħarriġ tal-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna mar-regoli dwar il-moviment liberu tal-merkanzija (sentenza Iannelli & Volpi, punt 182 iktar ’il fuq, EU:C:1977:51), il-libertà ta’ stabbiliment (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑156/98, Ġabra, EU:C:2000:467, punti 78 u 79), il-kompetizzjoni libera (sentenza Weyl Beef Products et vs Il-Kummissjoni, punt 181 iktar ’il fuq, EU:T:2001:28, punt 75) kif ukoll dwar il-projbizzjoni ta’ taxxi interni li jippreġudikaw is-suq intern (sentenza tat-3 ta’ Mejju 2001, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑204/97, Ġabra, EU:C:2001:233, punti 41 u 42).

187    Min-naħa l-oħra, bil-kontra ta’ dak li tallega Greenpeace‑España, din il-ġurisprudenza ma stabbilixxietx l-obbligu għall-Kummissjoni li teżamina l-kompatibbiltà ta’ għajnuna jew ta’ skema ta’ għajnuna, li ma jkunux intiżi għall-protezzjoni tal-ambjent, fid-dawl tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-ambjent.

188    Huwa minnu li ġie deċiż li hija l-Kummissjoni, waqt l-evalwazzjoni ta’ miżura ta’ għajnuna fid-dawl tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, li għandha tieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent imsemmija fl-Artikolu 11 TFUE (sentenza British Aggregates vs Il-Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, EU:C:2008:757, punti 90 u 92, tat-8 ta’ Settembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑279/08 P, Ġabra, EU:C:2011:551, punt 75, u, fir-rigward b’mod partikolari tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-prinċipju ta’ min iniġġeż iħallas, tas-16 ta’ Lulju 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, T‑295/12, mingħajr appell, EU:T:2014:675, punt 61). Madankollu, il-qorti tal-Unjoni stabbilixxiet tali obbligu tal-Kummissjoni għall-evalwazzjoni ta’ għajnuna li ssegwi għanijiet marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent, peress li l-għajnuna favur il-protezzjoni tal-ambjent tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(b) jew (c) TFUE.

189    Min-naħa l-oħra, fl-evalwazzjoni tagħha ta’ miżura ta’ għajnuna li ma ssegwix għan ambjentali, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta tieħu inkunsiderazzjoni l-leġiżlazzjoni dwar l-ambjent fl-eżami tagħha tal-għajnuna u tal-modalitajiet li huma marbuta magħha b’mod inseparabbli. Fil-fatt, jekk għajnuna favur il-protezzjoni tal-ambjent tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(b) jew (c) TFUE, għajnuna li tipproduċi effetti dannużi fuq l-ambjent ma hijiex, minn dan is-sempliċi fatt, ta’ preġudizzju għall-istabbiliment tas-suq intern. Il-protezzjoni tal-ambjent ma tikkostitwixxix, minnha nnifisha, anki jekk hija għandha tiġi integrata fid-definizzjoni u fl-implementazzjoni tal-politiki tal-Unjoni, b’mod partikolari f’dawk intiżi għall-istabbiliment tas-suq intern (Artikolu 11 TFUE; ara wkoll is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑176/03, Ġabra, EU:C:2005:542, punt 42), wieħed mill-komponenti ta’ dan is-suq intern, iddefinit bħala żona mingħajr fruntieri interni fejn il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital huwa żgurat [Artikolu 26(2) TFUE]. Mit-termini użati fil-ġurisprudenza msemmija hawn fuq li wessgħet il-kamp tal-istħarriġ tal-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċedura dwar għajnuna mill-Istat lil hinn mill-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 107 TFUE, u b’mod partikolari tal-paragrafu 3 tiegħu, għal finijiet ta’ koerenza bejn id-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill‑Istat u d-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni, jirriżulta li l-qorti tal-Unjoni tillimita r-regoli minbarra dawk dwar l-għajnuna mill-Istat li l-osservanza tagħhom għandha tiġi vverifikata għal dawk li jistgħu jipproduċu effett negattiv fuq is-suq intern. Hija tqis fil-fatt li “il-Kummissjoni ma għandhiex twettaq evalwazzjoni fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti li ma jaqgħux, stricto sensu, taħt id-dritt tal-għajnuna ħlief meta ċerti modalitajiet tal-għajnuna inkwistjoni jkunu tant marbuta mill-qrib mal-għan tagħha li l-eventwali nuqqas ta’ konformità tal-imsemmija dispożizzjonijiet jaffetwa neċessarjament il-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern” (sentenza BUPA et vs Il-Kummissjoni, punt 132 iktar ’il fuq, EU:T:2008:29, punt 314).

190    Minbarra dan, jekk l-eżami tal-kompatibbiltà mas-suq intern ta’ għajnuna intiża, bħal f’dan il-każ, sabiex tiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku kien ibbażat, parzjalment, fuq id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, u jekk jitqies, fit-tmiem ta’ dan l-eżami, li l-modalitajiet ta’ din l-għajnuna, b’mod partikolari dawk li jagħtu appoġġ lill-produzzjoni tal-elettriku minn faħam indiġenu, jiksru dawn id-dispożizzjonijiet, tali għajnuna tiġi ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern, minkejja li tkun konformi mal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) TFUE. Minn dan jirriżulta ksur tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-awtoritajiet nazzjonali fl-istabbiliment ta’ SIEĠ, kif ukoll estensjoni korrelattiva tal-attribuzzjonijiet tal-Kummissjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilha permezz tal-Artikoli 106 TFUE, 107 TFUE u 108 TFUE. Il-kompetenzi eżerċitati mill-Kummissjoni f’dan il-kuntest u l-proċedura speċifika ta’ eżami tal-kompatibbiltà tal-għajnuna ma jistgħux jissostitwixxu l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li biha l-Kummissjoni tiżgura l-osservanza tad-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni mill-Istati Membri.

191    Fl-aħħar nett jista’ jingħad ukoll li, fis-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2004, Thermenhotel Stoiser Franz et vs Il-Kummissjoni (T‑158/99, Ġabra, EU:T:2004:2, punti 156 sa 161), il-Qorti Ġenerali essenzjalment irrispondiet f’dan is-sens għal argument ibbażat fuq ksur mill-Kummissjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-ambjent previsti f’dak li llum huwa l-Artikolu 191 TFUE, minħabba l-assenza ta’ evalwazzjoni, b’applikazzjoni ta’ direttiva adottata fil-qasam tal-ambjent, tal-impatti fuq l-ambjent tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni li ma ssegwix speċifikament għan ambjentali. Hija qieset, f’dan ir-rigward, li eventwali ksur tad-direttiva inkwistjoni mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkun suġġett, jekk ikun il-każ, għal proċedura ta’ konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, iżda ma jistax jikkostitwixxi diffikultà serja u b’hekk jintervjeni fl-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern (ara wkoll, f’dan is-sens u b’mod analogu, is-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2013, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, C‑272/12 P, Ġabra, EU:C:2013:812, punti 45 sa 49).

192    Minn dan jirriżulta, f’dan il-każ, li, bil-kontra ta’ dak li sostniet il-Kummissjoni fin-noti tagħha, hija kellha, kif barra minn hekk hija għamlet fid-deċiżjoni kkontestata, teżamina l-miżura kontenzjuża fid-dawl tad-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-merkanzija u l-libertà ta’ stabbiliment. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta li twettaq l-eżami tal-konformità tal-miżura kontenzjuża mad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-ambjent, li hija wettqet fid-deċiżjoni kkontestata.

193    Jirriżulta wkoll li l-ilmenti bbażati fuq ksur tal-moviment liberu tal-merkanzija, tal-libertà ta’ stabbiliment u tad-Direttiva 2005/89, li tikkompleta d-Direttiva li tirregola s-suq intern tal-elettriku, ma jistgħux jiġu miċħuda bħala ineffettivi. Min-naħa l-oħra, l-ilment ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet dwar l-ambjent dirett kontra kunsiderazzjonijiet addizzjonali tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

 Fuq il-mertu tal-motiv

–       Fuq il-ksur tal-Artikoli 28 TFUE u 34 TFUE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija

194    Ir-rikorrenti ssostni li l-miżura kontenzjuża tikser l-Artikoli 28 TFUE u 34 TFUE, sa fejn hija taffettwa l-kummerċ tal-elettriku fl-Unjoni u tikkomplika l-importazzjoni ta’ materja prima minn Stati Membri oħra sabiex jiġi prodott l-elettriku. Minbarra dan, dan il-ksur tad-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-merkanzija ma huwiex iġġustifikat. Ir-rikorrenti tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-argumenti tagħha li jikkritikaw in-natura ġustifikata u n-natura proporzjonata tas-SIEĠ stabbilit f’dan il-każ u tikkontesta r-rilevanza tas-sentenza msemmija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata insostenn tal-pożizzjoni tagħha fis-sens li l-miżura kontenzjuża hija ġġustifikata fuq raġunijiet ta’ sigurtà pubblika.

195    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset, filwaqt li bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza, li l-miżura kontenzjuża ma setgħetx, għas-sempliċi raġuni li kienet tiffavorixxi l-produzzjoni nazzjonali tal-elettriku u tal-faħam, tiġi assimilata għal miżura ta’ effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva (paragrafu 152). Hija speċifikat li l-ebda element ma kien jindika li l-effetti restrittivi fuq is-swieq tal-elettriku u tal-kombustibbli kkawżati mill-miżura kontenzjuża kienu jmorru lil hinn minn dak li kien neċessarju biex jintlaħaq l-għan segwit permezz tal-għajnuna inkwistjoni, jiġifieri s-SIEĠ ta’ produzzjoni tal-elettriku minn faħam indiġenu, fil-limiti ffissati permezz tad-Direttiva 2003/54 (paragrafu 153 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni żiedet, filwaqt li bbażat ruħha fuq is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 1984, Campus Oil et (72/83, Ġabra, EU:C:1984:256), u fuq id-Direttiva 2003/54, li l-ostakoli potenzjali għall-moviment liberu tal-faħam u l-elettriku kkawżati permezz tal-mekkaniżmu ta’ dispaċċ preferenzjali kienu koperti permezz tal-ġustifikazzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tas-sigurtà pubblika prevista mill-Artikolu 36 TFUE (paragrafu 154 tad-deċiżjoni kkontestata).

196    Għandu jiġi osservat li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fid-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, il-fatt li sistema ta’ għajnuna mogħtija minn Stat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat tista’, mis-sempliċi fatt li hija tiffavorixxi ċerti impriżi jew produzzjonijiet nazzjonali, tostakola, mill-inqas indirettament, l-importazzjoni ta’ prodotti simili jew kompetituri li ġejjin minn Stati Membri oħra, ma huwiex biżżejjed, minnu nnifsu, sabiex jassimila, inkwantu tali, għajnuna għal miżura ta’ effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE (sentenza Iannelli & Volpi, punt 182 iktar ’il fuq, EU:C:1977:51, punt 10).

197    Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-għan ta’ sigurtà tal-provvista tal-elettriku kien kopert mill-kunċett ta’ sigurtà pubblika, li jikkostitwixxi waħda mir-raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni previsti permezz tal-Artikolu 36 TFUE (sentenza Campus Oil et, punt 195 iktar ’il fuq, EU:C:1984:256, punt 35). Minbarra dan, il-fatt li għajnuna tinvolvi ta’ spiss minnha nnifisha protezzjoni u, għaldaqstant, ċerta kompartimentalizzazzjoni tas-suq fir-rigward tal-produzzjoni tal-impriżi li ma jibbenefikawx minnha, ma jistax jimplika effetti restrittivi li jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex l-għajnuna tkun tista’ tilħaq l-għanijiet ammessi mit-Trattat (sentenza Iannelli & Volpi, punt 182 iktar ’il fuq, EU:C:1977:51, punt 15).

198    L-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma jippermettux li tiġi kkontestata l-applikabbiltà f’dan il-każ ta’ dawn id-deċiżjonijiet tal-ġurisprudenza.

199    Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti sempliċement issemmi raġunament ġenerali dwar l-effetti restrittivi tal-miżura kontenzjuża fuq is-swieq tal-elettriku u tal-kombustibbli, mingħajr ma tipprovdi l-elementi ddettaljati mitluba mill-ġurisprudenza msemmija hawn fuq sabiex jiġi kkunsidrat li għajnuna mill-Istat tikkostitwixxi wkoll miżura ta’ effett ekwivalenti. Min-naħa l-oħra, anki jekk jingħad li l-allegazzjoni tal-waqfien komplet tal-impjanti li jaħdmu b’faħam importat minħabba l-miżura kontenzjuża tista’ titqies bħala tali element iddettaljat, mill-punt 168 hawn fuq jirriżulta li din ma hijiex sostnuta suffiċjentement.

200    Min-naħa l-oħra, id-differenzi allegati mir-rikorrenti bejn din it-tilwima u l-kawża li tat lok għas-sentenza Campus Oil et, punt 195 iktar ’il fuq (EU:C:1984:256), ma jippermettux, f’kull każ, li tiġi kkontestata l-ġustifikazzjoni tal-miżura kontenzjuża b’raġunijiet ta’ garanzija tas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku abbażi tal-Artikolu 36 TFUE. Fil-fatt, qabel kollox, l-ebda wieħed mill-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti ma huwa intiż sabiex jikkontesta l-assimilazzjoni tal-għan ta’ sigurtà tal-provvista mal-ġustifikazzjoni ta’ sigurtà pubblika prevista bl-imsemmija dispożizzjoni. Imbagħad, ir-rikorrenti tirrepeti essenzjalment argumenti u elementi li diġà ġew miċħuda, b’mod partikolari fil-kuntest tar-risposta mogħtija għall-argumenti dwar in-natura mhux ġustifikata u n-natura proporzjonata tal-miżura kontenzjuża kif ukoll dwar l-eżistenza ta’ użu ħażin ta’ poter imressqa fil-kuntest tat-tielet motiv (ara l-punti 173 u 177 hawn fuq). Fl-aħħar nett, hija injorat il-limiti fuq l-allegati restrizzjonijiet maħluqa mill-miżura kontenzjuża, li jirriżultaw b’mod partikolari mill-osservanza tar-rekwiżiti tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/54 (ara l-punt 166 hawn fuq).

201    Għaldaqstant l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 28 TFUE u 34 TFUE għandu jiġi miċħud.

–       Fuq il-ksur tal-Artikolu 49 TFUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment

202    Ir-rikorrenti ssostni li l-miżura kontenzjuża tikser l-Artikolu 49 TFUE, sa fejn tista’ tiskoraġġixxi lill-impriżi li joperaw impjanti li jipproduċu elettriku minn sorsi ta’ enerġija minbarra l-faħam indiġenu stabbiliti fi Stati Membri oħra milli jidħlu fis-suq Spanjol.

203    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li, għall-istess raġunijiet bħal dawk li wasslu għall-konklużjoni tal-assenza ta’ ksur tar-regoli dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, il-miżura kontenzjuża ma kinitx tikser ir-regoli dwar il-libertà ta’ stabbiliment (paragrafu 155).

204    Peress li r-rikorrenti ma ressqet l-ebda argument ieħor tali li jikkontesta r-rilevanza tat-traspożizzjoni għall-eżami ta’ ksur tal-libertà ta’ stabbiliment tal-evalwazzjoni dwar il-moviment liberu tal-merkanzija u, b’mod partikolari, peress li ma ppreżentat l-ebda argument li jikkontesta l-ġustifikazzjoni ta’ eventwali ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment b’raġunijiet ta’ garanzija tas-sigurtà tal-provvista (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑326/07, Ġabra, EU:C:2009:193, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata), l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 49 TFUE għandu wkoll jiġi miċħud.

–       Fuq il-ksur tad-Direttiva 2005/89

205    Ir-rikorrenti ssostni li l-miżura kontenzjuża tippreġudika l-għanijiet stabbiliti permezz tad-Direttiva 2005/89, sa fejn ma tosservax ir-rekwiżit li tkun ibbażata fuq is-suq u li ma tkunx diskriminatorja (premessa 10) u sa fejn ma hijiex kompatibbli mar-rekwiżiti ta’ suq intern kompetittiv tal-elettriku [Artikolu 1(2)]. Ir-rikorrenti tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-argumenti tagħha esposti fil-kuntest tat-tielet motiv.

206    Għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li d-Direttiva 2005/89 hija intiża sabiex tikkompleta d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/54 dwar il-possibbiltà għall-Istati Membri li jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku fuq l-impriżi tal-elettriku sabiex jiggarantixxu s-sigurtà tal-provvista (premessa 1 tad-Direttiva 2005/89), b’mod partikolari, billi jiġu armonizzati l-politiki ta’ sigurtà ta’ provvista tal-elettriku fl-Unjoni (premessa 3 tad-Direttiva 2005/89). Minbarra dan, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, id-Direttiva 2005/89 sempliċement, essenzjalment, tistabbilixxi għanijiet (Artikolu 1) kif ukoll elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fit-tfassil u fl-implementazzjoni tal-miżuri intiżi sabiex jiggarantixxu s-sigurtà tal-provvista (Artikolu 3).

207    Minn dan jista’ jiġi dedott li l-miżura konkreta ta’ dispaċċ preferenzjali tal-installazzjonijiet ta’ produzzjoni li jużaw sorsi kombustibbli indiġeni għal raġunijiet ta’ sigurtà ta’ provvista, prevista permezz tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/54, ma tistax, inkwantu tali, titqies li hija inkompatibbli mad-Direttiva 2005/89. Għalhekk, peress li r-rikorrenti sempliċement tirreferi, insostenn tal-ilment tagħha, għall-argumenti tagħha invokati insostenn tat-tielet motiv, li jikkontestaw b’mod partikolari n-natura ġustifikata u n-natura proporzjonata tal-miżura kontenzjuża meta mqabbla mal-għan segwit ta’ garanzija tas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku, u peress li ġie deċiż li dawn l-argumenti ma kinux jippermettu li jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/54 (ara l-punt 173 hawn fuq), l-ilment ibbażat fuq ksur tad-Direttiva 2005/89 għandu jiġi miċħud bħala infondat, mingħajr ma hemm lok li tittieħed deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tiegħu, ikkontestata mill-Kummissjoni.

–       Fuq il-ksur tal-Artikolu 3 TUE, 11 TFUE u 191 TFUE kif ukoll tad-Direttiva 2003/87

208    Għandu jitqies, b’mod addizzjonali, li, anki jekk jingħad li l-ilment ibbażat fuq ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet dwar l-ambjent huwa ineffettiv, huwa għandu, f’kull każ, jiġi miċħud, parzjalment, bħala inammissibbli u, parzjalment, bħala infondat.

209    Fir-rigward, qabel kollox, tal-ammissibbiltà tal-allegazzjonijiet dwar il-ksur tad-dispożizzjonijiet dwar l-ambjent, xi wħud minnhom jistgħu jiġu miċħuda bħala inammissibbli, għaliex ġew invokati mir-rikorrenti għall-ewwel darba fir-replika, bi ksur tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, jew għaliex ġew invokati minn Greenpeace‑España, intervenjenti insostenn tar-rikorrenti, bi ksur tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 116(3) tar-Regoli tal-Proċedura (ara wkoll il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 111 hawn fuq).

210    Ir-rikorrenti, bħal Greenpeace‑España, issostni, essenzjalment, li l-miżura kontenzjuża twassal għal żieda fl-emissjonijiet li jniġġsu bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 3 TUE, 11 TFUE u 191 TFUE, dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent fl-implementazzjoni tal-politiki tal-Unjoni, kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/87.

211    Skont l-Artikolu 3(3) TUE, “[l-Unjoni] għandha taħdem għall-iżvilupp sostenibbli ta’ l-Ewropa mibni fuq it-tkabbir ekonomiku bilanċjat, l-istabbiltà tal-prezzijiet, ekonomija soċjali tas-suq b’kompetittività għolja, u jimmiraw li kulħadd jaħdem għall-progress soċjali, b’livell għoli ta’ protezzjoni u ta’ titjib tal-kwalità ta’ l-ambjent [...]”. L-Artikolu 11 TFUE jipprevedi li “[i]l-ħtiġijiet għall-ħarsien ta’ l-ambjent għandhom ikunu integrati fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika u l-attivitajiet ta’ l-Unjoni”. L-Artikolu 191 TFUE jispeċifika:

“1. Il-politika ta’ l-Unjoni dwar l-ambjent għandha tikkontribwixxi sabiex jinkisbu l-għanijiet li ġejjin:

–        salvagwardja, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità ta’ l-ambjent;

–        ħarsien tas-saħħa tal-bniedem;

–        użu għaqli u razzjonali tar-riżorsi naturali;

–        promozzjoni ta' miżuri fil-livell internazzjonali sabiex jitrattaw problemi ambjentali reġjonali jew globali, u b'mod partikolari li jiġġieldu l-bidla fil-klima.

–        [...]”

212    Għandu jitfakkar ukoll li d-Direttiva 2003/87 tistabbilixxi, sabiex taqdi l-impenji li daħlu għalihom l-Unjoni u l-Istati Membri fil-kuntest tal-protokoll ta’ Kyoto (premessi 4 u 5 tad-Direttiva), skema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Unjoni sabiex tiffavorixxi t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra f’kundizzjonijiet ekonomikament effettivi u effiċjenti (Artikolu 1 tad-Direttiva).

213    Barra minn hekk ir-rikorrenti ssostni, fir-replika, ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/87 li jtemmu l-allokazzjoni mingħajr ħlas parzjali tal-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-2013. Il-prinċipju tal-irkant tal-kwoti, u għalhekk tat-tmiem tal-allokazzjoni mingħajr ħlas tal-imsemmija kwoti, huwa stabbilit bl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87 u l-Artikolu 10a tal-imsemmija direttiva, iċċitat b’mod espliċitu mir-rikorrenti, jeskludi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu, il-produtturi tal-elettriku mill-benefiċċju tal-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas. Greenpeace‑España ssemmi wkoll, kif ippreċiżat waqt is-seduta, il-ksur tar-rekwiżiti tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10a(1) u tal-Artikolu 10c tad-Direttiva 2003/87.

214    Greenpeace‑España tinvoka, barra minn hekk, ksur tal-prinċipju ta’ min iniġġeż iħallas previst fl-Artikolu 191(2) TFUE.

215    Minn dan it-tfakkir tad-dispożizzjonijiet invokati jista’ jiġi dedott li r-rikorrenti ma tistax tqajjem għall-ewwel darba, fir-replika, l-ilment ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/87 dwar in-nuqqas ta’ allokazzjoni mingħajr ħlas tal-kwoti ta’ emissjonijiet mill-2013. Dan l-ilment huwa bbażat fuq elementi li kienu magħrufa mir-rikorrenti fil-mument li fih ippreżentat ir-rikors tagħha u ma jistax jitqies li huwa l-iżvilupp tal-allegazzjonijiet ġenerali dwar ksur tal-għanijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent minħabba ż-żieda fl-emissjonijiet li jniġġsu. Fil-fatt, huwa jinkludi argument ġdid fil-fatt u fil-liġi, ibbażat fuq il-ksur ta’ dispożizzjoni speċifika tad-Direttiva 2003/87 li tipprevedi mill-2013 il-fatt li għandu jsir ħlas għal ċerti kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fost dawk mogħtija lil kull Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, Umbach vs Il-Kummissjoni, T‑474/08, EU:T:2010:443, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

216    Peress li r-rikorrenti ma tistax tqajjem għall-ewwel darba fir-replika l-ilment imsemmi fil-punt preċedenti, Greenpeace‑España lanqas ma tista’, inkwantu intervenjenti, tinvoka l-imsemmi lment. Barra minn hekk, Greenpeace‑España ma tistax issostni ksur tal-Artikolu 191(2) TFUE, li ma ġiex allegat mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ilment tagħha bbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet dwar l-ambjent.

217    Fir-rigward, imbagħad, tal-fondatezza tal-allegazzjonijiet l-oħra dwar ksur tad-dispożizzjonijiet dwar l-ambjent, għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset, b’risposta għall-allegazzjonijiet ta’ ċerti terzi fis-sens li l-miżura kontenzjuża tikser il-leġiżlazzjoni dwar l-ambjent tal-Unjoni, li l-fatt li l-imsemmija miżura kienet twassal għal żieda fl-emissjonijiet ta’ CO2 mill-impjanti li jaħdmu b’faħam indiġenu kif ukoll għal żieda fil-prezzijiet tal-kwoti ta’ emissjoni ma jwassalx għal żieda fis-CO2 emess globalment fi Spanja, li jibqa’ fil-prinċipju fil-limiti li jikkorrispondu għall-impenji li daħlu għalihom l-awtoritajiet Spanjoli, fid-dawl tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet implementata permezz tad-Direttiva 2003/87 (paragrafi 156 u 157 tad-deċiżjoni kkontestata).

218    Għandu jiġi osservat li d-Direttiva 2003/87 tipprevedi l-adozzjoni ta’ pjanijiet nazzjonali ta’ allokazzjoni ta’ kwoti, b’mod partikolari għall-perijodu 2008‑2012, li għandhom ikunu approvati mill-Kummissjoni. Dawn il-pjanijiet jippermettu lil kull Stat Membru jistabbilixxi t-tqassim tal-kwantità totali ta’ kwoti allokati lilu. Din il-kwantità totali tiġi ffissata minn qabel u l-kwoti ta’ emissjonijiet jistgħu mbagħad jiġu skambjati fil-limiti ta’ din il-kwantità totali, fil-kuntest tal-iskema msejħa tal-“cap-and-trade”, imsemmija fil-paragrafu 157 tad-deċiżjoni kkontestata). B’dan il-mod, iż-żieda allegata fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-impjanti b’faħam indiġenu minħabba l-miżura kontenzjuża ma tistax, minnha nnifisha, tkun tali li tipprekludi lir-Renju ta’ Spanja milli josserva l-limiti ta’ emissjonijiet li jirriżultaw mill-implementazzjoni tad-Direttiva 2003/87 (ara, f’dan is-sens, id-digriet Gas Natural Fenosa SDG vs Il-Kummissjoni, punt 87 iktar ’il fuq, EU:T:2011:53, punt 100) u, għaldaqstant, twassal għal żieda fl-emissjonijiet li jniġġsu fi Spanja.

219    Minbarra dan, ir-rikorrenti u Greenpeace‑España ma jipprovdu l-ebda element, li l-Kummissjoni setgħet tkun taf bih fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, tali li jistabbilixxi li l-imsemmi argument jipprekludi lill-awtoritajiet Spanjoli milli josservaw il-limitu massimu stabbilit fil-pjan tagħha ta’ allokazzjoni, u dan iktar u iktar għaliex il-miżura kontenzjuża twassal sabiex il-produzzjoni tal-impjanti b’faħam indiġenu tissostitwixxi bi prijorità dik tal-impjanti li jużaw żejt tal-fjuwil u faħam importat (paragrafi 41 u 161 tad-deċiżjoni kkontestata), jiġifieri għandha twassal fil-prattika għas-sostituzzjoni ta’ produzzjonijiet li ma huwiex ikkontestat li jniġġsu bi produzzjonijiet oħra li jniġġsu. Fid-dawl ta’ din is-sostituzzjoni tal-faħam importat b’faħam indiġenu, ma jistax barra minn hekk jitqies, kif issostni essenzjalment Greenpeace‑España, li l‑miżura kontenzjuża tiffavorixxi l-produzzjoni tal-elettriku mill-faħam bi ksur tal-għan u tal-ispirtu tad-Direttiva 2003/87.

220    Konsegwentement, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tar-Regolament Nru 1407/2002

221    Ir-rikorrenti ssostni li l-miżura kontenzjuża tikser l-Artikolu 4(e) tar-Regolament Nru 1407/2002, li jipprojbixxi d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq tal-elettriku, kif ukoll l-Artikolu 6 tal-istess regolament, li jistabbilixxi l-prinċipju tad-digressività tal-għajnuna lill-industrija tal-faħam.

222    Jista’ jiġi osservat, b’mod preliminari, li r-Regolament Nru 1407/2002 afferma l-prinċipju taż-żamma tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tal-faħam sostnuti permezz tal-għajnuna mill-Istat (premessa 7). Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/787/UE, tal-10 ta’ Diċembru 2010, dwar għajnuna mill-Istat biex jiġi ffaċilitat l-għeluq ta’ minjieri tal-faħam li mhumiex kompettitivi (ĠU L 336, p. 24), li ġiet wara r-Regolament Nru 1407/2002 wara li dan tal-aħħar skada, estendiet, sal-2018, il-possibbiltà għall-Istati Membri li jagħtu għajnuna li tkopri, b’mod partikolari, l-ispejjeż marbuta mal-faħam intiż għall-produzzjoni tal-elettriku (Artikoli 2 u 3 tad-Deċiżjoni 2010/787).

223    Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li r-Regolament Nru 1407/2002 kien jikkostitwixxi bażi speċifika għall-awatorizzazzjoni ta’ ċerta għajnuna u ma setax jillimita jew jirrestrinġi l-kamp tal-Artikolu 106(2) TFUE. Imbagħad hija eskludiet l-allegazzjoni li l-miżura kontenzjuża kienet tagħti għajnuna addizzjonali lill-minjieri tal-faħam li kienet tmur lil hinn minn dak li huwa permess taħt ir-Regolament Nru 1407/2002 (paragrafu 150 tad-deċiżjoni kkontestata).

224    Il-Kummissjoni bbażat ruħha, biex tagħmel dan, fuq id-dispożizzjonijiet tal-miżura kontenzjuża li jipprevedu li l-kwantitajiet ta’ faħam li kellhom jinxtraw mill-impjanti benefiċjarji ma għandhomx jaqbżu dawk previsti mill-“pjan nazzjonali ta’ riżerva strateġika ta’ faħam għall-perijodu 2006‑2012,” li hija kienet approvat skont ir-Regolament Nru 1407/2002. Hija osservat ukoll li l-għajnuna mogħtija taħt ir-Regolament Nru 1407/2002 kienet tkopri biss id-differenza bejn l-ispejjeż ta’ produzzjoni tal-produtturi ta’ faħam u l-ammont tal-bejgħ tagħhom (paragrafi 64, 65 u 102 tad-deċiżjoni kkontestata). Minn dan jirriżulta, bħalma enfasizzat il-Kummissjoni ġustament fin-noti tagħha, li d-dħul iġġenerat permezz tal-miżura kontenzjuża bi profitt għall-produtturi tal-faħam inaqqas b’mod mekkaniku l-ammont tal-għajnuna diretta awtorizzata permezz tar-Regolament Nru 1407/2002.

225    F’dawn iċ-ċirkustanzi u fin-nuqqas ta’ argument jew ta’ element konkret imressaq mir-rikorrenti intiż sabiex jiġu kkontestati l-kontenut u l-effetti tal-miżura kontenzjuża, kif deskritti hawn fuq, għandu jiġi miċħud dan il-motiv ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1407/2002 li jipprojbixxu d‑distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u li jipprevedu d-digressività tal-għajnuna lill-industrija tal-faħam.

226    Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

227    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha flimkien ma’ dawk tal-Kummissjoni kif mitlub minn din tal-aħħar.

228    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati, għaldaqstant, l-ispejjeż li huwa sostna. L-intervenjenti l-oħra għandhom ibatu wkoll, kull wieħed minnhom, l-ispejjeż rispettivi tagħhom, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Castelnou Energía, SL għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Ir-Renju ta’ Spanja, Greenpeace‑España, Hidroeléctrica del Cantábrico, SA, E.ON Generación, SL, il-Comunidad Autónoma de Castilla y León u l-Federación Nacional de Empresarios de Minas de Carbón (Carbunión) għandhom ibatu, kull wieħed minnhom, l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Martins Ribeiro

Gervasoni

Madise

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-3 ta’ Diċembru 2014.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq l-ammissibbiltà

2.  Fuq il-mertu

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti previsti permezz tal-Artikolu 108(2) TFUE, kif ukoll tal-prinċipji ġenerali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u ta’ amministrazzjoni tajba

Indizji marbuta mal-proċedura preliminari ta’ investigazzjoni

–  Fuq l-ewwel indizju, rigward it-tul tal-proċedura preliminari ta’ investigazzjoni

–  Fuq it-tieni indizju, rigward l-iskambji bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Spanjoli

–  Fuq it-tielet indizju, dwar il-modifika tal-miżura kontenzjuża

–  Fuq ir-raba’ indizju, dwar l-oġġezzjonijiet tal-awtoritajiet u tal-operaturi Spanjoli

Indizji dwar il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata

–  Fuq l-ewwel indizju, marbut mal-analiżi inkompleta tal-miżura kontenzjuża

–  Fuq it-tieni indizju, marbut mal-eżami insuffiċjenti tas-SIEĠ stabbilit f’dan il-każ

–  Fuq it-tielet indizju, marbut mal-inkompatibbiltà tal-miżura kontenzjuża ma’ diversi dispożizzjonijiet tat-Trattat u tal-leġiżlazzjoni sekondarja

–  Fuq ir-raba’ indizju, marbut mal-eżami insuffiċjenti u inkomplet tal-miżura kontenzjuża fid-dawl tad-dispożizzjonijiet dwar l-ambjent

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE, tal-Artikolu 107 TFUE u tal-obbligu ta’ motivazzjoni

Fuq l-assenza ta’ eżami tal-elementi kollha li jikkostitwixxu l-miżura kontenzjuża

Fuq l-assenza ta’ klassifikazzjoni tal-obbligu ta’ xiri ta’ faħam indiġenu bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE, tal-qafas tas-SIEĠ, tal-Artikolu 11(4), tad-Direttiva 2003/54, fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni kif ukoll fuq użu ħażin ta’ poter

Fuq il-ġustifikazzjoni għall-istabbiliment ta’ SIEĠ

Fuq in-natura sproporzjonata tal-miżura kontenzjuża fid-dawl tal-għan segwit permezz tas-SIEĠ

Fuq l-eżistenza ta’ użu ħażin ta’ poter

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur ta’ dispożizzjonijiet tat-Trattat u tal-leġiżlazzjoni sekondarja minbarra dawk dwar l-għajnuna mill-Istat

Fuq in-natura ineffettiva tal-motiv

Fuq il-mertu tal-motiv

–  Fuq il-ksur tal-Artikoli 28 TFUE u 34 TFUE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija

–  Fuq il-ksur tal-Artikolu 49 TFUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment

–  Fuq il-ksur tad-Direttiva 2005/89

–  Fuq il-ksur tal-Artikolu 3 TUE, 11 TFUE u 191 TFUE kif ukoll tad-Direttiva 2003/87

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tar-Regolament Nru 1407/2002

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.