Language of document : ECLI:EU:T:2014:679

Kawża T‑59/11

Koinonia Tis Pliroforias Anoichti Stis Eidikes Anagkes – Isotis

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Klawżola ta’ arbitraġġ — Sitt Programm Qafas dwar l-attivitajiet ta’ riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni li jikkontribwixxu għall-ħolqien taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u għall-innovazzjoni (2002-2006) — Kuntratti ‘Access-eGOV, EU4ALL, eABILITIES, Emerge, Enable, Ask-It’– Programm eTEN, dwar in-netwerks ta’ telekomunikazzjonijiet transEwropej — Kuntratti Navigabile u Euridice — Programm qafas dwar l-innovazzjoni u l-kompetittività — Kuntratt T-Seniority — Ħlas tal-bilanċ — Kontrotalba — Rimbors tas-somom antiċipati — Kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tas-16 ta’ Lulju 2014

1.      Proċedura ġudizzjarja — Kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ — Kuntratt suġġett għad-dritt nazzjonali — Interpretazzjoni tal-kuntratt fid-dawl tad-dritt nazzjonali — Kundizzjonijiet

(Artikolu 272 TFUE)

2.      Proċedura ġudizzjarja — Kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ — Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali ddefinita esklużivament mill-Artikolu 272 TFUE u l-klawżola ta’ arbitraġġ — Applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-ġurisdizzjoni — Esklużjoni

(Artikolu 272 TFUE)

3.      Proċedura ġudizzjarja — Kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ — Kuntratt li jagħti għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għar-realizzazzjoni ta’ proġett fil-qasam tal-attivitajiet ta’ riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni — Nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt — Dritt tal-Kummissjoni għar-rimbors ta’ somom meqjusa mhux eliġibbli, flimkien mal-interessi moratorji — Osservanza tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ eżekuzzjoni in bona fide tal-kuntratti

(Artikolu 272 TFUE)

4.      Proċedura ġudizzjarja — Kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ — Kuntratt li jagħti għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għar-realizzazzjoni ta’ proġett fil-qasam tal-attivitajiet ta’ riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni — Ksur serju mill-benefiċjarju tal-għajnuna tal-obbligi professjonali tiegħu — Esklużjoni mill-proċeduri għall-għoti ta’ sussidju

(Artikolu 272 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikoli 93(1)(a) u (c), 96(2)(a) u 114(3); Regolament tal-Kummissjoni Nru 1302/2008, Artikolu 3)

5.      Proċedura ġudizzjarja — Kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ — Kuntratt li jagħti għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għar-realizzazzjoni ta’ proġett fil-qasam tal-attivitajiet ta’ riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni — Lingwa tal-komunikazzjoni ta’ dokumenti — Determinazzjoni mil-liġi applikabbli għall-kuntratt

(Artikolu 272 TFUE)

6.      Proċedura ġudizzjarja — Kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ — Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kontrotalba — Bażi

(Artikoli 256(1) TFUE u 272 TFUE)

7.      Proċedura ġudizzjarja — Kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ — Kuntratt li jagħti għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għar-realizzazzjoni ta’ proġett fil-qasam tal-attivitajiet ta’ riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni — Talba għall-konstatazzjoni tal-eliġibbiltà ta’ ċertu nfiq u ta’ ħlas ta’ ċerti ammonti — Kontrotalba flimkien mal-interessi moratorji redatta fir-risposta — Ammissibbiltà

(Artikolu 272 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali)

8.      Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Dritt għal smigħ xieraq — Portata — Prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet — Inklużjoni

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 73, 83)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 78, 264)

3.      Għandu jitqies mhux eliġibbli l-infiq sottomess lill-Kummissjoni mill-benefiċjarju ta’ għajnuna finanzjarja tal-Unjoni skont diversi kuntratti konklużi bejn dan il-benefiċjarju u l-Kummissjoni fil-kuntest tas-Sitt Programm Qafas tal-Komunità Ewropea dwar l-attivitajiet ta’ riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni li jikkontribwixxu għall-ħolqien taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u għall-innovazzjoni ladarba jkun hemm ksur tal-klawżoli kuntrattwali. Dan ikun l-każ meta jiġu kkonstatati, minn naħa, assenza tal-affidabbiltà tal-kotba tal-kontijiet ta’ dan il-benefiċjarju u, min-naħa l-oħra, nuqqasijiet u irregolaritajiet tas-sistema ta’ reġistrazzjoni tal-ħinijiet ta’ xogħol u tan-numru eċċessiv ta’ jiem ta’ xogħol iddikjarat għad-direttur tal-programmi.

(ara l-punti 85-89, 94-102, 108, 110, 112, 115, 123, 126-130, 137-143, 146-149, 164, 240, 241, 296 u d-dispożittivi 2, 3)

4.      F’każ fejn il-Kummissjoni tinforma lil rikorrenti li kellha f’moħħha, fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-awditu provviżorju, minn naħa, li teskludiha minn proċedura għall-għoti ta’ sussidju pendenti fil-kuntest tas-Seba’ Programm-qafas tal-Komunità Ewropea għall-azzjonijiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ demostrazzjoni (2007-2013), minħabba inadempjenza professjonali gravi, u, min-naħa l-oħra, li tiġi imposta fuqha sanzjoni amministrattiva fil-forma ta’ esklużjoni mill-kuntratti u mis-sussidji finanzjarji ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni, għal perijodu massimu ta’ ħames snin, minħabba ksur gravi tal-obbligi kuntrattwali tagħha, l-inklużjoni definittiva tar-rikorrenti fid-database ċentrali tal-esklużjonijiet tkun oġġettivament iġġustifikata u toriġina mill-aġir stess tar-rikorrenti. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti l-fatt li l-inklużjoni provviżorja ta’ din ir-rikorrenti fid-database ċentrali tal-esklużjonijiet, inizjalment motivata permezz tal-każijiet ta’ esklużjoni msemmija fl-Artikolu 93(1)(ċ) u fl-Artikolu 96(2)(a) tar-Regolament Nru 1605/2002, kienet iġġustifikata minn ċirkustanzi oħra.

(ara l-punti 213, 214, 218)

5.      Fir-rigward ta’ rapport ta’ awditu redatt mill-Kummissjoni skont id-dispożizzjonijiet tad-diversi kuntratti ta’ għajnuna finanzjarja konklużi bejn il-Kummissjoni u kontraenti stabbilit fi Stat Membru fl-ambitu tas-sitt programm kwadru tal-Komunità Ewropea dwar l-attivitajiet ta’ riċerka, l-iżvilupp tekonoloġiku u dimostrazzjoni li jikkontribwixxu għall-ħolqien taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u għall-innovazzjoni, il-kwistjoni tal-lingwa li biha dan id-dokument għandu jiġi kkomunikat lil dan il-kontraenti taqa’ taħt id-dritt applikabbli għall-imsemmija kuntratti.

(ara l-punt 226)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 264, 265, 269)

7.      Ir-Regoli tal-Proċedura ma jinkludu l-ebda rekwiżit partikolari dwar il-kundizzjonijiet li fihom kontrotalba, li permezz tagħha l-konvenut oriġinali jixtieq jikseb vantaġġ lil hinn mis-sempliċi ċaħda tal-pretensjonijiet tal-avversarju tiegħu, għandha titressaq wara li jiġi ppreżentat rikors abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ. Għalhekk, ma hemm a priori xejn li jipprekludi lill-konvenut fil-kuntest ta’ tilwima kuntrattwali milli jifformula tali talba fir-risposta. Għalhekk, dan il-fatt waħdu ma huwiex ta’ natura li jwassal għall-inammissibbiltà tal-kontrotalba.

Barra minn hekk, fid-dawl tal-organizzazzjoni attwali tal-proċedura bil-miktub fir-Regoli tal-Proċedura, mill-mument li tiġi offruta l-possibbiltà lill-parti li inizjalment kienet il-konvenuta sabiex tressaq kontrotalba, isegwi neċessarjament li l-parti li inizjalment kienet ir-rikorrenti tista’ tieħu pożizzjoni bil-miktub darba waħda biss dwar din it-talba fir-replika. Madankollu, hija tista’ twieġeb matul is-seduta għall-argumenti mressqa mill-Kummissjoni fir-replika dwar il-kontrotalbiet.

(ara l-punti 269, 270, 273, 274)

8.      Il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet għandu l-għan li jiżgura l-bilanċ bejn il-partijiet fil-proċedura. Dan huwa korollarju tal-kunċett stess ta’ dritt għal smigħ xieraq u jimplika l-obbligu li kull parti tingħata l-possibbiltà raġonevoli li tippreżenta l-kawża tagħha, inklużi l-provi tagħha, f’kundizzjonijiet li ma jqigħduhiex f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ gravi meta mqabbla mal-avversarju tagħha.

(ara l-punt 271)