Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-7 ta' Novembru 2007 - Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-374/04)1

("Ambjent - Direttiva 2003/87/KE - Skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra - Pjan nazzjonali ta' allokazzjoni ta' kwoti ta' emissjonijiet għall-Ġermanja - Miżuri ta' aġġustament ex post tan-numru tal-kwoti allokati lill-installazzjonijiet - Deċiżjoni ta' rifjut tal-Kummissjoni - Trattament ugwali - Obbligu ta' motivazzjoni")

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (rappreżentanti: inizjalment C.-D. Quassowski, A. Tiemann u C. Schulze-Bahr, imbagħad C. Schulze-Bahr u M. Lumma, aġenti assistiti minn D. Sellner u U. Karpenstein, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentant: U. Wölker, aġent)

Suġġett tal-Kawża

Talba għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2004) 2515/2 finali, tas-7 ta' Lulju 2004, dwar il-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra nnotifikat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja skond id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87/KE, tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, p.32), inkwantu l-Kummissjoni fiha tirrifjuta ċerti miżuri ta' aġġustament ex post ta' allokazzjonijiet bħala inkompatibbli mal-kriterji Nru 5 u 10 ta' l-Anness III ta' l-imsemmija direttiva.

Dispożittiv

1)    L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2004) 2515/2 finali, tas-7 ta' Lulju 2004, dwar pjan nazzjonali ta' allokazzjoni ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra nnotifikat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja skond id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE, huwa annullat.

2)    L-Artikolu 2(a) sa (c) ta' l-imsemmija deċiżjoni huwa annullat safejn jordna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, minn naħa, sabiex tħassar il-miżuri ta' aġġustament ex post li jissemmew fih, u, min-naħa l-oħra, sabiex tinnotifika lill-Kummissjoni bl-imsemmi tħassir.

3)    Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż.

____________

1 - ĠU C 284, 20.11.2004.