Language of document : ECLI:EU:T:2024:126

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL‑QORTI ĠENERALI (L‑Ewwel Awla Estiża)

28 ta’ Frar 2024 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Finanzjament pubbliku tal-konnessjoni fissa bil-ferrovija u bit-triq fl-Istrett ta’ Fehmarn – Għajnuna mogħtija mid-Danimarka lil Femern – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna individwali – Proġett importanti ta’ interess Ewropew komuni – Neċessità tal-għajnuna – Proporzjonalità – Ibbilanċjar tal-effetti benefiċi tal-għajnuna mal-effetti negattivi tagħha fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u fuq iż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta – Komunikazzjoni dwar il-kriterji relatati mal-analiżi tal-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna mill-Istat maħsuba biex tippromwovi t-twettiq ta’ proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni”

Fil-Kawża T‑390/20,

Scandlines Danmark ApS, stabbilita f’Kopenħagen (id-Danimarka),

Scandlines Deutschland GmbH, stabbilita f’Hamburg (il-Ġermanja),

irrappreżentati minn L. Sandberg-Mørch, avocate,

rikorrenti,

sostnuti minn

European Community Shipowners’ Associations (ECSA), stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn Sandberg-Mørch u Honoré, avocats,

minn

Danish Ferry Association, stabbilita f’Kopenħagen, irrappreżentata minn Sandberg-Mørch u Honoré,

minn

Naturschutzbund Deutschland eV (NABU), stabbilita fi Stuttgart (il-Ġermanja), irrappreżentata minn T. Hohmuth u R. Weyland, avocats,

minn

Verband Deutscher Reeder eV, stabbilita f’Hamburg, irrappreżentata minn Sandberg-Mørch u Honoré,

minn

Aktionsbündnis gegen eine feste Fehmarnbeltquerung eV, stabbilita f’Fehmarn (il-Ġermanja), irrappreżentata minn Sandberg-Mørch u W. Mecklenburg, avocats,

minn

Föreningen Svensk Sjöfart (FSS), stabbilita f’Gothenburg (l-Isvezja), irrappreżentata minn Sandberg-Mørch u Honoré,

minn

Rederi AB Nordö-Link, stabbilita f’Malmö (l-Isvezja), irrappreżentata minn Sandberg-Mørch u P. Werner, avocats,

u minn

Trelleborg Hamn AB, stabbilita f’Trelleborg (l-Isvezja), irrappreżentata minn Sandberg-Mørch u I. Ioannidis, avocats,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn S. Noë, bħala aġent,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn M. Søndahl Wolff, bħala aġent, assistita minn R. Holdgaard, avocat,

intervenjent,

IL‑QORTI ĠENERALI (L‑Ewwel Awla Estiża),

komposta minn S. Papasavvas, President, D. Spielmann, M. Brkan (Relatriċi), I. Gâlea u T. Tóth, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tal‑24 ta’ Jannar 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1) 

1        Permezz tar-rikors tagħhom ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Scandlines Danmark ApS u Scandlines Deutschland GmbH, jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 1683 final tal‑20 ta’ Marzu 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.39078 – 2019/C (ex 2014/N) li implimentat id-Danimarka għal Femern A/S (ĠU 2020, L 339, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”).

I.      Ilfatti li wasslu għallkawża

A.      Fuq ilproġett ta’ konnessjoni fissa flIstrett ta’ Fehmarn

2        Il-proġett ta’ konnessjoni fissa fl-Istrett ta’ Fehmarn bejn id-Danimarka u l-Ġermanja ġie approvat mit-Trattat bejn ir-Renju tad-Danimarka u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar il-konnessjoni fissa tal-Istrett ta’ Fehmarn, iffirmat fit‑3 ta’ Settembru 2008 u rratifikat fl-2009 (iktar ’il quddiem it-“Trattat dwar l-Istrett ta’ Fehmarn”).

3        Il-proġett jikkonsisti, minn naħa, f’mina ferrovjarja u tat-triq (iktar ’il quddiem il-“konnessjoni fissa”) u, min-naħa l-oħra, f’konnessjonijiet bit-triq lejn il-partijiet interni tat-territorju Daniż (iktar ’il quddiem il-“konnessjonijiet bit-triq”) u f’konnessjonijiet ferrovjarji lejn il-partijiet interni tat-territorju Daniż (iktar ’il quddiem il-“konnessjonijiet ferrovjarji”) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“konnessjonijiet bit-triq u dawk ferrovjarji lejn il-partijiet interni tat-territorju tal-pajjiż”).

4        Il-konnessjoni fissa tikkonsisti f’mina taħt il-Baħar Baltiku bejn Rødby fuq il-gżira ta’ Lolland fid-Danimarka u Puttgarden fil-Ġermanja, b’tul ta’ madwar 19-il km, li ser tinkludi linja tal-ferrovija bl-elettriku u awtostrada. Il-konnessjonijiet ferrovjarji ser jinkludu t-tkabbir u t-titjib tal-konnessjoni ferrovjarja eżistenti bejn Ringsted (id-Danimarka) u Rødby, li għandha tul ta’ madwar 120-il km, li tappartjeni lil Banedanmark, l-amministratur pubbliku tal-infrastruttura ferrovjarja tal-Istat Daniż.

5        Il-proġett kien preċedut minn fażi ta’ ppjanar. Il-finanzjament ta’ din il-fażi, fir-rigward tal-konnessjoni fissa u l-konnessjonijiet bit-triq u dawk ferrovjarji lejn il-partijiet interni tat-territorju tal-pajjiż, ġie nnotifikat lill-Kummissjoni Ewropea. Permezz tad-deċiżjoni tagħha tat‑13 ta’ Lulju 2009 fil-Każ N 157/09 – Finanzjament tal-fażi ta’ ppjanar tal-konnessjoni fissa fl-Istrett ta’ Fehmarn imsemmi f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, C 202, p. 2, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni dwar l-ippjanar”), il-Kummissjoni kkonkludiet, minn naħa, li l-miżuri marbuta mal-finanzjament tal-ippjanar tal-proġett setgħu ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat, sa fejn Femern kienet aġixxiet bħala awtorità pubblika, u, min-naħa l-oħra, li anki jekk dawn il-miżuri setgħu jkunu ta’ benefiċċju lil operatur futur tal-konnessjoni fissa, dawn kienu ser ikunu fi kwalunkwe każ kompatibbli mas-suq intern. Hija għalhekk iddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).

6        Wara aġġornament tal-ammonti inizjalment stmati, l-ispiża totali tal-ippjanar u tal-kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa ġiet stmata għal 52.6 biljun krona Daniża (DKK) (madwar EUR 7.1 biljun) u l-ispejjeż marbuta mal-ippjanar u mal-kostruzzjoni tat-titjib tal-konnessjonijiet bit-triq u dawk ferrovjarji lejn il-partijiet interni tat-territorju tal-pajjiż ġew stmati għal DKK 9.5 biljun (madwar EUR 1.3 biljun), jiġifieri spiża totali tal-proġett stmata għal DKK 62.1 biljun (madwar EUR 8.4 biljun).

7        Konformement mal-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Istrett ta’ Fehmarn u mal-Lov no 575 om anlæg og drift af en fast forbindelse over Femern Bælt med tilhørende landanlæg i Danmark (il-Liġi Nru 575 dwar il-Kostruzzjoni u l-Operat tal‑Konnessjoni Fissa fl-Istrett ta’ Fehmarn u tal-Konnessjonijiet lejn il-Partijiet Interni tat-Territorju Daniż), tal‑4 ta’ Mejju 2015 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kostruzzjoni tal‑2015”), żewġ impriżi pubbliċi Daniżi ġew inkarigati bit-twettiq tal-proġett.

8        L-ewwel waħda, Femern, stabbilita fl-2005, hija responsabbli għall-finanzjament, għall-kostruzzjoni u għall-operat tal-konnessjoni fissa. It-tieni waħda, Femern Landanlæg A/S, stabbilita fl-2009, inħatret sabiex tiġġestixxi l-kostruzzjoni u l-operat tal-konnessjonijiet lejn il-partijiet interni tat-territorju Daniż. Femern Landanlæg hija sussidjarja ta’ Sund & Bælt Holding A/S, li tappartjeni lill-Istat Daniż. Femern saret is-sussidjarja ta’ Femern Landanlæg wara t-twaqqif ta’ din tal-aħħar.

9        Ix-xogħlijiet marbuta mal-kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa jitwettqu, taħt il-kura ta’ Femern, fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ kostruzzjoni suġġetti għall-proċeduri ta’ kuntratti pubbliċi.

10      Il-kostruzzjoni tat-titjib meħtieġ tal-konnessjonijiet bit-triq saret mid-Direttorat Daniż għat-Toroq f’isem l-Istat Daniż u hija ffinanzjata minn Femern Landanlæg. Il-konnessjonijiet bit-triq ser ikunu parti min-network ġenerali Daniż tal-infrastruttura tat-toroq, li huwa ffinanzjat, operat u miżmum mid-Direttorat Daniż għat-Toroq. Il-kostruzzjoni u l-operat tal-konnessjonijiet ferrovjarji huma żgurati minn Banedanmark f’isem l-Istat Daniż u huma ffinanzjati minn Femern Landanlæg.

11      Il-proġett huwa ffinanzjat minn Femern u Femern Landanlæg permezz ta’ injezzjonijiet ta’ kapital, self iggarantit mill-Istat u self mogħti mill-awtoritajiet Daniżi. Mit-tqegħid fis-servizz tal-konnessjoni fissa, Femern ser tiġbor tariffi mill-utenti bil-għan li tirrimborsa d-dejn tagħha u ser tħallas dividendi lil Femern Landanlæg li din ser tuża sabiex tirrimborsa d-dejn tagħha. Femern Landanlæg għandha tirċievi wkoll 80 % tat-tariffi ta’ użu mħallsa mill-operaturi tal-ferroviji għall-użu tal-konnessjonijiet ferrovjarji, miġbura minn Banedanmark, skont it-tqassim tal-proprjetà ta’ dawn il-konnessjonijiet ferrovjarji bejnha u dan tal-aħħar.

B.      Fatti li seħħew qabel ittilwima

12      Matul is-snin 2014 u 2015, il-Kummissjoni rċeviet ħames ilmenti, fosthom l-ewwel ilment imressaq fil‑5 ta’ Ġunju 2014, fejn ġie allegat li r-Renju tad-Danimarka ta lil Femern u lil Femern Landanlæg għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli mas-suq intern.

13      Matul l-istess perijodu, is-servizzi tal-Kummissjoni bagħtu diversi talbiet għal informazzjoni lill-awtoritajiet Daniżi, li wieġbu u pprovdew informazzjoni addizzjonali diversi drabi.

14      Permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Diċembru 2014, skont l-Artikolu 108(3) TFUE, l-awtoritajiet Daniżi nnotifikaw lill-Kummissjoni bil-mudell ta’ finanzjament tal-proġett ta’ konnessjoni fissa tal-Istrett ta’ Fehmarn.

15      Fit‑23 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2015) 5023 final, dwar l‑Għajnuna mill-Istat SA.39078 (2014/N) (id-Danimarka), dwar il-finanzjament tal-proġett ta’ konnessjoni fissa fl-Istrett ta’ Fehmarn, imsemmija fil-Ġurnal Uffiċjali tat‑2 ta’ Ottubru 2015 (ĠU 2015, C 325, p. 5, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni dwar il-kostruzzjoni”) li permezz tagħha hija ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward tal-miżuri nnotifikati mill-awtoritajiet Daniżi. F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni b’mod partikolari qieset li l-miżuri mogħtija lil Femern għall-ippjanar, il-kostruzzjoni u l-operat tal-konnessjoni fissa, anki li kieku kellhom jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, kienu jkunu kompatibbli mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE. B’mod iktar partikolari, il-Kummissjoni kienet qieset li l-miżuri favur Femern kienu kompatibbli mal-Artikolu 107(3)(b) TFUE u mal-Komunikazzjoni tagħha tal‑20 ta’ Ġunju 2014 dwar il-kriterji għall-analiżi tal-kompatibilità mas-suq intern tal-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni (ĠU 2014, C 188, p. 4, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar l-IPCEI”), kif ukoll mal-Avviż tagħha dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli [107] u [108 TFUE] għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji (ĠU 2008, C 155, p. 10, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-Garanziji”).

16      Permezz ta’ sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Scandlines Danmark u Scandlines Deutschland vs Il‑Kummissjoni (T‑630/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:942), u tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Stena Line Scandinavia vs Il‑Kummissjoni (T‑631/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:944), il-Qorti Ġenerali annullat parzjalment id-Deċiżjoni dwar il-kostruzzjoni.

17      Fir-rigward tal-finanzjamenti pubbliċi mogħtija lil Femern għall-ippjanar, għall-kostruzzjoni u għall-operat tal-konnessjoni fissa, il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikorsi tar-rikorrenti billi qieset li l-Kummissjoni kienet naqset milli twettaq l-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 108(3) TFUE li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali minħabba l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji.

18      B’mod partikolari, fir-rigward tan-neċessità tal-għajnuna, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li għalkemm ma setax jiġi eskluż, bħala prinċipju, li għajnuna kienet neċessarja għat-twettiq ta’ proġett ta’ tali portata, l-eżami tan-neċessità mwettaq mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni dwar il-kostruzzjoni kien, tal-inqas, insuffiċjenti u impreċiż, li, minn naħa, kien juri l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li kienu jobbligaw lill-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u, min-naħa l-oħra, ma kienx jippermetti li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kinitx wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

19      Fir-rigward tal-proporzjonalità tal-għajnuna mogħtija lil Femern, fir-rigward tal-eżami mwettaq mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni dwar il-kostruzzjoni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’mod partikolari, li l-kalkolu tal-perijodu ta’ rimbors tal-għajnuna u tal-ispejjeż eliġibbli kien tal-inqas insuffiċjenti u impreċiż, jew saħansitra kontradittorju, b’tali mod li d-diffikultajiet serji li ltaqgħet magħhom il-Kummissjoni kellhom iwassluha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

20      Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll li l-Kummissjoni kienet wettqet żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni, sa fejn, kuntrarjament għal dak li huwa previst fil-punt 5.3 tal-Avviż dwar il-Garanziji, il-kundizzjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-garanziji ma ġewx iddeterminati fil-mument tal-għoti inizjali ta’ dawn il-garanziji.

C.      Proċedura amministrattiva

21      Wara l-għoti tas-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Scandlines Danmark u Scandlines Deutschland vs Il‑Kummissjoni (T‑630/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:942), u tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Stena Line Scandinavia vs Il‑Kummissjoni (T‑631/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:944), ikkonfermati mill-Qorti tal-Ġustizzja permezz tas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Scandlines Danmark u Scandlines Deutschland vs Il‑Kummissjoni (C‑174/19 P u C‑175/19 P, EU:C:2021:801), il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Ġunju 2019, informat lill-awtoritajiet Daniżi bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, bil-miżuri mogħtija favur Femern għall-finanzjament tal-konnessjoni fissa (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ”). Din id-deċiżjoni ta’ ftuħ ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal‑5 ta’ Ġunju 2019 (ĠU 2019, C 226, p. 5).

D.      IdDeċiżjoni kkontestata

22      Fl‑20 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni kkontestata.

23      Id-Deċiżjoni kkontestata tkopri l-miżuri mogħtija lil Femern għall-ippjanar, għall-kostruzzjoni u għall-operat tal-konnessjoni fissa. Għall-kuntrarju, b’differenza mid-Deċiżjoni dwar il-kostruzzjoni, id-Deċiżjoni kkontestata ma tikkonċernax il-miżuri mogħtija favur Femern Landanlæg dwar il-finanzjament tal-konnessjonijiet bit-triq u dawk ferrovjarji lejn il-partijiet interni tat-territorju tal-pajjiż.

24      Skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-miżuri li jikkonsistu f’injezzjonijiet ta’ kapital u f’kombinazzjoni ta’ self mill-Istat u ta’ garanziji mill-Istat favur Femern, li d-Danimarka implimentat minn tal-inqas parzjalment b’mod illegali, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

25      Wara l-emenda ta’ dawn il-miżuri, kif esposta fil-komunikazzjoni riveduta li segwiet id-deċiżjoni ta’ ftuħ, dawn huma kkunsidrati kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

E.      Ittalbiet talpartijiet

26      Ir-rikorrenti, sostnuti minn European Community Shipowners’ Associations (ECSA), Danish Ferry Association (iktar ’il quddiem “DFA”), Naturschutzbund Deutschland eV (NABU), Rederi AB Nordö-Link, Trelleborg Hamn AB, Aktionsbündnis gegen eine feste Fehmarnbeltquerung eV (iktar ’il quddiem “Aktionsbündnis”), Föreningen Svensk Sjöfart (FSS) u Verband Deutscher Reeder eV (iktar ’il quddiem “VDR”), jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

27      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju tad-Danimarka, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

II.    Iddritt

28      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jqajmu żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-fatt li l-Kummissjoni kklassifikat b’mod żbaljat il-miżuri inkwistjoni bħala għajnuna ad hoc unika u, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

A.      Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq ilfatt li lKummissjoni kklassifikat b’mod żbaljat ilmiżuri inkwistjoni bħala għajnuna ad hoc unika

29      Ir-rikorrenti, sostnuti minn Trelleborg Hamn, VDR, Aktionsbündnis u NABU, jilmentaw li l-Kummissjoni ma eżaminatx separatament il-kompatibbiltà ta’ kull self mill-Istat u ta’ kull garanzija mill-Istat, mogħtija mill-awtoritajiet Daniżi abbażi tal-Lov Nru 285 om projektering af fast forbindelse over Femern Bælt med tilhørende landanlæg i Danmark (il-Liġi Nru 285 dwar l-Ippjanar tal-Konnessjoni Fissa fl-Istrett ta’ Fehmarn u tal-Konnessjonijiet mal-Partijiet Interni tat-Territorju Daniż), tal‑15 ta’ April 2009 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Ippjanar tal‑2009”), u sussegwentement tal-Liġi dwar il-Kostruzzjoni tal‑2015. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jqisu li kull għoti ta’ garanziji mill-Istat jew ta’ self mill-Istat fil-kuntest tal-Liġi dwar l-Ippjanar tal‑2009 jew tal-Liġi dwar il-Kostruzzjoni tal‑2015 jikkostitwixxi għajnuna ad hoc individwali li kellha tiġi nnotifikata separatament lill-Kummissjoni.

30      Skont ir-rikorrenti, Trelleborg Hamn, VDR, Aktionsbündnis u NABU, huwa biss fil-preżenza ta’ skema ta’ għajnuna li l-Kummissjoni tista’ twettaq eżami qasir li jikkonsisti f’eżami limitat tal-kuntest sottostanti li abbażi tiegħu tingħata għajnuna individwali. Fil-każ kuntrarju, ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-effett kumulattiv ta’ kull waħda mis-sussidji mogħtija ma jistax jiġi aġġornat. Bl-istess mod, ir-rikorrenti u dawn l-intervenjenti jqisu li d-dritt legali li jiġu ffinanzjati l-ispejjeż kollha tal-ippjanar u tal-kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa sa mid-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar il-Kostruzzjoni tal‑2015 ma huwiex rilevanti minħabba li la r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9), u lanqas il-ġurisprudenza ma tawtorizza li ssir distinzjoni skont il-mument li fih jingħataw is-sussidji individwali.

31      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju tad-Danimarka, tikkontesta dan l-argument.

32      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat, kif isostnu l-partijiet prinċipali, li l-miżuri favur Femern ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “skema ta’ għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589.

33      Minn dan isegwi li, kif jirriżulta mill-premessa 247 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-miżuri inkwistjoni f’din il-kawża huma għajnuna individwali fis-sens tal-Artikolu 1(e) tar-Regolament 2015/1589.

34      F’dan ir-rigward, il-partijiet ma jaqblux dwar xi jkopri l-kunċett ta’ “għajnuna individwali” kif ukoll dwar il-konsegwenzi li jirriżultaw minnu fir-rigward tal-eżami mill-Kummissjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri kontenzjużi mas-suq intern kif ukoll fir-rigward tal-obbligu ta’ komunikazzjoni tal-imsemmija miżuri.

35      F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-premessa 259 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li Femern kienet ingħatat tliet għajnuniet individwali suċċessivi sabiex twettaq il-proġett ta’ konnessjoni fissa. L-ewwel għajnuna individwali ħadet il-forma ta’ injezzjoni ta’ kapital imwettqa waqt l-inkorporazzjoni tal-kumpannija fl‑2005. It-tieni għajnuna individwali tikkonsisti fl-għoti ta’ injezzjoni ta’ kapital, ta’ garanziji mill-Istat u ta’ self mill-Istat wara d-dħul fis-seħħ, fis‑17 ta’ April 2009, tal-Liġi dwar l-Ippjanar tal‑2009. It-tielet għajnuna individwali tikkonsisti f’kombinazzjoni ta’ self mill-Istat u garanziji mill-Istat mogħtija wara d-dħul fis-seħħ, fis‑6 ta’ Mejju 2015, tal-Liġi dwar il-Kostruzzjoni tal‑2015. Skont il-Kummissjoni, kull self mill-Istat jew kull garanzija mill-Istat mogħtija lil Femern abbażi tal-Liġi dwar l-Ippjanar tal‑2009, u sussegwentement abbażi tal-Liġi dwar il-Kostruzzjoni tal‑2015 tikkorrispondi għal parti rrilaxxata fil-kuntest ta’ miżura ta’ implimentazzjoni tal-għajnuna awtorizzata, b’tali mod li ma huwiex neċessarju li tiġi nnotifikata kull waħda mill-partijiet għall-finijiet ta’ eżami separat tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern.

36      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, f’din il-kawża, l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni tirrigwarda mhux biss il-finanzjamenti kollha mogħtija lil Femern sal-adozzjoni, fl‑20 ta’ Marzu 2020, tad-Deċiżjoni kkontestata, iżda wkoll dawk li ser jingħataw wara din id-data, fil-limiti previsti mill-imsemmija deċiżjoni.

37      Fl-ewwel lok, għandu jiġi vverifikat jekk, kif isostnu r-rikorrenti, Trelleborg Hamn, VDR, Aktionsbündnis u NABU, il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat, fil-premessa 259 tad-Deċiżjoni kkontestata, li Femern irċeviet tliet għajnuniet individwali, fis-sens tal-Artikolu 1(e) tar-Regolament 2015/1589, sabiex tiffinanzja l-ippjanar u l-kostruzzjoni tal-proġett ta’ konnessjoni fissa.

38      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti u l-intervenjenti msemmija fil-punt 37 iktar ’il fuq isostnu li kull għoti ta’ self ġdid mill-Istat jew ta’ garanzija ġdida mill-Istat jikkostitwixxi għajnuna individwali distinta fis-sens tal-Artikolu 1(e) tar-Regolament 2015/1589. Għalhekk, bejn l‑2010 u l‑2019, Femern ibbenefikat minn mhux inqas minn ħmistax-il għajnuna individwali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

39      F’dan il-każ, sa fejn is-self mill-Istat u l-garanziji mill-Istat mogħtija lil Femern skont il-Liġi dwar l-Ippjanar tal‑2009, u sussegwentement skont il-Liġi dwar il-Kostruzzjoni tal‑2015 ma jingħatawx permezz ta’ ħlas uniku, iżda permezz ta’ pagamenti suċċessivi mħallsa skont il-progress tal-proġett, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 248 tad-Deċiżjoni kkontestata, li kellu jiġi ddeterminat jekk Femern kinitx tibbenefika minn għajnuna individwali waħda jew iktar marbuta mal-Liġi dwar l-Ippjanar tal‑2009 u mal-Liġi dwar il-Kostruzzjoni tal‑2015 jew minn sensiela ta’ għajnuna individwali mogħtija kull darba li tranżazzjoni finanzjarja ta’ Femern kienet eżegwita mill-awtoritajiet Daniżi. Sabiex tagħmel dan, kif jirriżulta mill-premessi 249 sa 251 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li kellu jiġi vverifikat jekk Femern kinitx kisbet id-dritt legali li tirċievi għajnuna individwali skont il-Liġi dwar l-Ippjanar tal‑2009, u sussegwentement għajnuna individwali oħra skont il-Liġi dwar il-Kostruzzjoni tal‑2015.

40      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li ma jistax jiġi eskluż li diversi interventi konsekuttivi tal-Istat għandhom, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, jitqiesu bħala intervent wieħed. Dan jista’ jkun b’mod partikolari l-każ meta interventi konsekuttivi jippreżentaw, fir-rigward b’mod partikolari tal-kronoloġija tagħhom, tal-għan tagħhom u tas-sitwazzjoni tal-impriża fil-mument ta’ dawn l-interventi, rabtiet tant stretti bejniethom li huwa impossibbli li jiġu disassoċjati (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2013, Bouygues et vs Il‑Kummissjoni et, C‑399/10 P u C‑401/10 P, EU:C:2013:175, punti 103 u 104). Barra minn hekk, il-fatt li miżura tkun is-suġġett ta’ ħlasijiet f’partijiet suċċessivi ma jaffettwax l-uniċità tal-għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 1999, Salomon vs Il‑Kummissjoni, T‑123/97, EU:T:1999:245, punt 75).

41      Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, ma huwiex ikkontestat li l-finanzjamenti previsti mil-Liġi dwar l-Ippjanar tal‑2009 kienu intiżi li jippermettu lil Femern tiffinanzja l-ispejjeż ta’ ppjanar tal-proġett ta’ konnessjoni fissa. Għalhekk, il-finanzjamenti previsti mill-imsemmija liġi kellhom l-għan li jiffinanzjaw spejjeż iddeterminati ta’ proġett speċifiku, jiġifieri dawk relatati mal-ippjanar tal-proġett ta’ konnessjoni fissa, u għalhekk kellhom rabtiet tant mill-qrib bejniethom li kien impossibbli li jiġu sseparati. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ klassifikazzjoni ġuridika meta kkunsidrat li l-finanzjamenti kollha mogħtija abbażi tal-Liġi dwar l-Ippjanar tal‑2009 kienu jaqgħu taħt l-istess għajnuna individwali fis-sens tal-Artikolu 1(e) tar-Regolament 2015/1589, u dan anki jekk l-imsemmija għajnuna kienet is-suġġett ta’ ħlasijiet f’diversi pagamenti.

42      Min-naħa l-oħra, lanqas ma huwa kkontestat li s-self mill-Istat u l-garanziji mill-Istat previsti mil-Liġi dwar il-Kostruzzjoni tal‑2015 huma intiżi sabiex jippermettu lil Femern, kif jirriżulta mill-premessa 251 tad-Deċiżjoni kkontestata, tiffinanzja mill-ġdid l-ispejjeż tal-ippjanar u tiffinanzja l-ispejjeż ta’ kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa. Fil-fatt, dan is-self mill-Istat u dawn il-garanziji mill-Istat, previsti fil-punt 4 tal-imsemmija liġi, għandhom l-għan li jiffinanzjaw spejjeż iddeterminati ta’ proġett speċifiku, jiġifieri dawk involuti fil-kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa kif ukoll dawk marbuta mal-finanzjament mill-ġdid tal-ispejjeż ta’ ppjanar, u għalhekk għandhom rabtiet tant stretti bejniethom li huwa impossibbli li jiġu sseparati. Minn dan isegwi li huwa wkoll mingħajr ma wettqet żball ta’ klassifikazzjoni ġuridika li l-Kummissjoni qieset li s-self mill-Istat u l-garanziji tal-Istat mogħtija b’eżekuzzjoni tal-Liġi dwar il-Kostruzzjoni tal‑2015 jaqgħu taħt l-istess għajnuna individwali fis-sens tal-Artikolu 1(e) tar-Regolament 2015/1589, u dan anki jekk l-imsemmija għajnuna titħallas f’diversi partijiet, inkluż wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata.

43      Il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 41 u 42 iktar ’il fuq ma humiex ikkontestati mill-argument li, essenzjalment, Femern ma għandhiex dritt legali li tirċievi għajnuna abbażi tal-Liġi dwar l-Ippjanar tal‑2009, u lanqas tal-Liġi dwar il-Kostruzzjoni tal‑2015, minħabba li l-awtoritajiet Daniżi, fil-waqt tal-għoti ta’ finanzjament, għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom marġni ta’ diskrezzjoni li ma huwiex limitat għal applikazzjoni teknika. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmi argument huwa bbażat fuq il-kriterji rilevanti sabiex tiġi identifikata skema ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589.

44      Issa, kif tfakkar fil-punt 39 iktar ’il fuq, għall-finijiet tal-identifikazzjoni ta’ għajnuna individwali fis-sens tal-Artikolu 1(e) tar-Regolament 2015/1589, il-Kummissjoni ma użatx il-kunċett ta’ “skema ta’ għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 1(d) tal-imsemmi regolament, iżda bbażat ruħha fuq il-kriterju tad-dritt legali għall-benefiċjarju li jirċievi għajnuna skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

45      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza, l-għajnuna mill-Istat għandha tiġi kkunsidrata bħala li tkun “mogħtija”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, fid-data li fiha d-dritt li tirċievi din l-għajnuna jingħata lill-benefiċjarju skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs European Food et, C‑638/19 P, EU:C:2022:50, punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      F’dan il-każ, mill-premessi 251 sa 256 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, abbażi tal-formulazzjoni tal-punt 4 tal-Liġi dwar il-Kostruzzjoni tal‑2015, li huwa redatt f’termini simili għal dawk tal-punt 7 tal-Liġi dwar l-Ippjanar tal‑2009, tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-awtoritajiet Daniżi kif ukoll tan-noti preparatorji relatati mal-Liġi dwar il-Kostruzzjoni tal‑2015, il-Kummissjoni qieset li l-Ministru għall-Finanzi Daniż kellu setgħa diskrezzjonali limitata li ma setgħetx tikkontesta d-dritt legali ta’ Femern li tirċievi s-self mill-Istat u l-garanziji mill-Istat mogħtija lilha skont dawn il-liġijiet. Għalhekk, fil-premessa 257 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li Femern kienet kisbet id-dritt legali li tiffinanzja l-ippjanar u l-kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa mid-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar il-Kostruzzjoni tal‑2015, b’tali mod li din l-entità ngħatat għajnuna individwali. Għandu jiġi rrilevat li, anki jekk dan ma jirriżultax espliċitament mill-premessa 257 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni impliċitament waslet għall-istess konklużjoni fir-rigward tal-Liġi dwar l-Ippjanar tal‑2009. Fil-fatt, il-Kummissjoni wettqet raġunament b’analoġija, li ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti, bejn il-Liġi dwar il-Kostruzzjoni tal‑2015 u l-Liġi dwar l-Ippjanar tal‑2009, b’tali mod li l-konklużjoni magħmula għall-ewwel waħda tista’ tiġi estiża għat-tieni waħda.

47      Ċertament, kif jirrilevaw ir-rikorrenti, Trelleborg Hamn, VDR, Aktionsbündnis u NABU, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-garanziji mill-Istat u tas-self mill-Istat li tibbenefika minnhom Femern skont il-Liġi dwar il-Kostruzzjoni tal‑2015 u tal-Liġi dwar l-Ippjanar tal‑2009, il-Ministru għall-Finanzi Daniż għandu setgħa diskrezzjonali sabiex jiddefinixxi linji gwida kif ukoll sabiex joħroġ direttivi vinkolanti dwar kif Femern għandha tikseb is-self, dwar l-istrumenti li għandhom jintalbu u dwar ir-rekwiżiti li għandhom jiġu imposti. Barra minn hekk, huwa minnu wkoll li, f’ċerti ċirkustanzi partikolari, id-Danmarks nationalbank (il-Bank Nazzjonali tad-Danimarka) jista’ ma jilqax talba għal self.

48      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti, Trelleborg Hamn, VDR, Aktionsbündnis u NABU bl-ebda mod ma jsostnu r-raġunijiet li għalihom hemm lok li jiġi dedott li l-Ministru għall-Finanzi Daniż jew il-Bank Nazzjonali tad-Danimarka jistgħu jikkontestaw, bħala tali, id-dritt legali li jirċievu self mill-Istat jew garanziji mill-Istat.

[omissis]

51      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet, fil-premessa 259 tad-Deċiżjoni kkontestata, li Femern kienet kisbet tliet għajnuniet individwali distinti, jiġifieri l-ewwel għajnuna individwali mogħtija fl‑2005, it-tieni għajnuna individwali mogħtija fl‑2009 bl-adozzjoni tal-Liġi dwar l-Ippjanar tal‑2009 kif ukoll it-tielet għajnuna individwali mogħtija fl‑2015 bl-adozzjoni tal-Liġi dwar il-Kostruzzjoni tal‑2015.

52      Fit-tieni lok, għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni wettqitx żball ta’ evalwazzjoni meta eżaminat flimkien il-kompatibbiltà tat-tliet għajnuniet individwali identifikati fil-premessa 259 tad-Deċiżjoni kkontestata.

53      F’dan il-każ, fir-rigward tal-injezzjonijiet ta’ kapital, il-Kummissjoni evalwathom, fil-premessa 377 tad-Deċiżjoni kkontestata, għal DKK 510 miljun (EUR 68.4 miljun). Fir-rigward tal-kombinazzjoni ta’ self mill-Istat u ta’ garanziji mill-Istat, mill-premessa 348 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, skont il-mudell alternattiv ta’ finanzjament trażmess mill-awtoritajiet Daniżi matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, Femern ma tistax tibbenefika minn self u garanziji mill-Istat li, flimkien, jaqbżu ammont massimu ggarantit ta’ DKK 69.3 biljun (EUR 9.3 biljun), filwaqt li huwa ppreċiżat, fil-premessa 349 tad-Deċiżjoni kkontestata, li Femern għandha tkun għalqet is-self kollu li jibbenefika minn garanzija mill-Istat u ħallset lura s-self kollu mill-Istat sa mhux iktar tard minn sittax-il sena wara l-bidu tal-operat tal-konnessjoni.

54      Għandu jiġi rrilevat li ma huwiex ikkontestat li t-tliet għajnuniet individwali identifikati mill-Kummissjoni fil-premessa 259 tad-Deċiżjoni kkontestata ngħataw lil Femern bl-għan li tiffinanzja l-ippjanar u l-kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa. Konsegwentement, peress li dawn it-tliet għajnuniet individwali mogħtija lil Femern huma intiżi għall-finanzjament tal-ippjanar u tal-kostruzzjoni tal-istess proġett, il-Kummissjoni setgħet validament teżamina l-kompatibbiltà tal-imsemmija għajnuniet mas-suq intern billi tieħu inkunsiderazzjoni l-finanzjamenti kollha li din l-entità setgħet tirċievi sabiex tiffinanzja l-ippjanar u l-kostruzzjoni tal-proġett ta’ konnessjoni fissa.

55      Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, eżami konġunt tal-finanzjamenti kollha li jistgħu jingħataw lil Femern abbażi tal-għajnuniet individwali identifikati fil-premessa 259 tad-Deċiżjoni kkontestata ma jipprekludix it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effett kumulattiv tal-imsemmija għajnuniet. Għall-kuntrarju, sabiex jiġi evalwat l-effett kumulattiv tal-finanzjamenti mogħtija minn Stat Membru lil impriża sabiex jitwettaq proġett partikolari, huwa preċiżament billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-finanzjamenti kollha kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE li l-Kummissjoni hija f’pożizzjoni li tevalwa l-effett tagħhom fuq il-kompetizzjoni fil-kuntest tal-eżami ta’ waħda mid-derogi previsti fl-Artikolu 107(3) TFUE. Dan japplika iktar u iktar f’sitwazzjoni bħal dik f’dan il-każ, fejn hemm inkwistjoni investiment f’infrastruttura tat-trasport meqjusa bħala proġett importanti ta’ interess Ewropew komuni fis-sens tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE u li t-twettiq tiegħu jimplika l-ħlas ta’ finanzjamenti pubbliċi fuq perijodu twil.

56      Fil-fatt, għal proġett ta’ daqs bħal dak tal-konnessjoni fissa, l-eżami konġunt tal-finanzjamenti kollha li minnhom Femern tista’ tibbenefika sabiex jitwettaq huwa l-uniku mod sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà tal-għajnuniet mas-suq intern fid-dawl tal-kriterji li jinsabu fil-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI. B’mod partikolari, kif ser jiġi eżaminat fil-kuntest tat-tieni lment tat-tielet parti tat-tieni motiv, konformement mal-paragrafu 31 tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI, il-livell massimu ta’ għajnuniet mogħtija għal proġett huwa ddefinit skont id-defiċit ta’ finanzjament iddeterminat fir-rigward tal-ispejjeż eliġibbli. F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-premessi 166 u 320 tad-Deċiżjoni kkontestata, fil-mudell ta’ finanzjament alternattiv trażmess matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-awtoritajiet Daniżi inkludew fl-ispejjeż eliġibbli tal-proġett mhux biss l-ispejjeż ta’ kostruzzjoni, iżda wkoll l-ispejjeż tal-ippjanar tal-konnessjoni fissa.

57      Għalhekk, peress li kien neċessarju li l-Kummissjoni teżamina l-kompatibbiltà tal-finanzjamenti kollha li Femern tista’ tibbenefika minnhom għall-proġett ta’ konnessjoni fissa, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti, ta’ Trelleborg Hamn, ta’ VDR, ta’ Aktionsbündnis u ta’ NABU, li jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 1(e) tar-Regolament 2015/1589 sa fejn hija wettqet għal din ir-raġuni eżami qasir tal-għajnuniet individwali mogħtija lil Femern.

58      Fir-rigward tal-argument ta’ Trelleborg Hamn, ta’ VDR, ta’ Aktionsbündnis u ta’ NABU li skont l-imsemmi argument, essenzjalment, mill-għoti tas-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, HH Ferries et vs Il‑Kummissjoni (T‑68/15, EU:T:2018:563), il-Kummissjoni hija obbligata twettaq eżami separat ta’ kull self mill-Istat u ta’ kull garanzija mill-Istat favur Femern, għandu jiġi kkonstatat li din is-sentenza ma tistax tiġi interpretata bħala li timponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li twettaq tali eżami separat ta’ kull finanzjament mogħti lil din l-entità. Fil-fatt, fl-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali kienet ikkonstatat biss li l-Kummissjoni kellha quddiemha, matul il-fażi preliminari tal-eżami tal-miżuri inkwistjoni fil-kawża li wasslet għall-imsemmija sentenza, diffikultajiet serji fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-garanziji statali bħala skema ta’ għajnuna, billi kkonstatat b’mod partikolari żball sa fejn kien ġie kkunsidrat li l-imsemmija garanziji ma kinux marbuta ma’ proġett speċifiku fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament Nru 659/1999 (punt 80 tal-imsemmija sentenza). Madankollu, minn dan ma jista’ jiġi dedott ebda obbligu impost, b’mod ġenerali, fuq il-Kummissjoni li teżamina separatament kull garanzija tal-Istat mogħtija lill-istess benefiċjarju għall-istess proġett. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma vverifikatx, għal kull wieħed mill-ħmistax-il self invokat mir-rikorrenti fir-replika tagħhom, il-kriterju tal-preeżistenza tat-talba għal għajnuna għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna.

[omissis]

61      Għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati l-argumenti li permezz tagħhom il-Kummissjoni hija kkritikata li wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta eżaminat flimkien it-tliet għajnuniet individwali mogħtija lil Femern sabiex tiżgura l-finanzjament tal-ippjanar u tal-kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa.

62      Fit-tielet lok, għandu jiġi miċħud l-argument li, essenzjalment, kull self mill-Istat u kull garanzija mill-Istat mogħtija lil Femern skont il-Liġi dwar l-Ippjanar tal‑2009 u l-Liġi dwar il-Kostruzzjoni tal‑2015 kellhom ikunu s-suġġett ta’ komunikazzjoni separata mill-awtoritajiet Daniżi.

63      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 41 u 42 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni setgħet validament tqis li, minn naħa, il-finanzjamenti kollha mogħtija skont il-Liġi dwar l-Ippjanar tal‑2009 kienu jaqgħu taħt għajnuna individwali fis-sens tal-Artikolu 1(e) tar-Regolament 2015/1589 u li, min-naħa l-oħra, is-self mill-Istat kollu u mill-garanziji mill-Istat li Femern tista’ tibbenefika minnhom skont il-Liġi dwar il-Kostruzzjoni tal‑2015 jaqgħu wkoll taħt għajnuna individwali fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. Għalhekk, peress li kull għoti ta’ self mill-Istat jew ta’ garanzija mill-Istat ma jikkostitwixxix, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, Trelleborg Hamn, VDR, Aktionsbündnis u NABU, għajnuna individwali ġdida distinta, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata teżiġi li l-awtoritajiet Daniżi jinnotifikawlha kull tranżazzjoni finanzjarja mwettqa favur Femern abbażi tal-Liġi dwar l-Ippjanar tal‑2009, u sussegwentement tal-Liġi dwar il-Kostruzzjoni tal‑2015.

64      Barra minn hekk, fir-rigward tas-self mill-Istat u l-garanziji mill-Istat mogħtija lil Femern abbażi tal-Liġi dwar il-Kostruzzjoni tal‑2015 wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, huma biss dawk li jeċċedu l-limiti previsti fid-Deċiżjoni kkontestata li għandhom ikunu s-suġġett ta’ komunikazzjoni lill-Kummissjoni, sa fejn dawn ma humiex koperti mid-dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà tad-Deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2018, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, T‑356/15, EU:T:2018:439, punt 266).

65      Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-allegat ksur, invokat mir-rikorrenti, tal-Artikolu 107(1) TFUE li jirriżulta minn ksur tar-Regolament 2015/1589, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti jsostnu li l-imsemmi regolament ġie adottat sabiex jimplimenta l-Artikolu 107 TFUE. Fil-fatt, dan ir-regolament ma jikkonċernax id-dispożizzjonijiet sostantivi dwar l-għajnuniet mill-Istat, previsti fl-Artikolu 107 TFUE, iżda jirrigwarda r-regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-proċedura ta’ kontroll tal-imsemmija għajnuniet, previsti fl-Artikolu 108 TFUE. Għaldaqstant, l-allegat ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE invokat mir-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

[omissis]

67      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

B.      Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq ksur talArtikolu 107(3)(b) TFUE

68      It-tieni motiv jinkludi, essenzjalment, erba’ partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq il-fatt li l-Kummissjoni kklassifikat b’mod żbaljat il-proġett bħala proġett ta’ interess Ewropew komuni, it-tieni waħda, fuq il-fatt li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li l-għajnuna hija neċessarja, it-tielet, fuq il-fatt li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li l-għajnuna hija proporzjonata u, ir-raba’ waħda, fuq kontestazzjoni tal-analiżi tal-prevenzjoni tad-distorsjonijiet indebiti tal-kompetizzjoni u tal-kriterju ta’ bbilanċjar.

69      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE tagħti lill-Kummissjoni setgħa diskrezzjonali li l-eżerċizzju tagħha jimplika evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika u soċjali. Isegwi li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, kif ukoll għall-istħarriġ tal-eżattezza materjali tal-fatti kkonstatati u tan-nuqqas ta’ żball ta’ liġi, żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti jew abbuż ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 78, u tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Scandlines Danmark u Scandlines Deutschland vs Il‑Kummissjoni, T‑630/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:942, punt 141).

70      Fir-rigward tal-evalwazzjoni mill-qorti tal-Unjoni Ewropea tal-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, għandu jiġi ppreċiżat li, sabiex jiġi stabbilit li l-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti kumplessi ta’ natura li jiġġustifika l-annullament tal-att ikkontestat, il-provi prodotti mir-rikorrent għandhom ikunu suffiċjenti sabiex iċaħħdu mill-plawżibbiltà l-evalwazzjonijiet ta’ fatti meqjusa fl-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il‑Kummissjoni, T‑380/94, EU:T:1996:195, punt 59, u tad‑19 ta’ Settembru 2019, FIH Holding u FIH vs Il‑Kummissjoni, T‑386/14 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2019:623, punt 69).

71      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preliminari li għandhom jiġu eżaminati l-erba’ partijiet tat-tieni motiv.

1.      Fuq lewwel parti, ibbażata fuq ilfatt li lKummissjoni kklassifikat b’mod żbaljat ilproġett bħala proġett ta’ interess Ewropew komuni 

72      Permezz tal-ewwel parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti, sostnuti minn NABU, Aktionsbündnis, ECSA u Rederi Nordö-Link, iqajmu tliet ilmenti sabiex jikkontestaw il-klassifikazzjoni bħala proġett ta’ interess Ewropew komuni. L-ewwel ilment huwa bbażat fuq il-fatt li studji mwettqa mid-ditta ta’ konsulenza Incentive f’isem il-Gvern Daniż (iktar ’il quddiem l-“istudji Incentive”) ma jurux rendiment soċjoekonomiku pożittiv, it-tieni wieħed fuq il-fatt li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq data skaduta u inkoerenti sabiex tikkonstata rendiment soċjoekonomiku pożittiv u t-tielet wieħed fuq il-fatt li l-proġett ma huwiex ikkofinanzjat mill-benefiċjarju.

73      Barra minn hekk, waqt is-seduta, NABU qajmet għall-ewwel darba lment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ tneħħija gradwali tas-sussidji li jagħmlu l-ħsara lill-ambjent previst fil-punt 19 tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI.

74      Qabel ma teżamina l-ewwel żewġ ilmenti, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li qabel tiddeċiedi, minn naħa, dwar l-ammissibbiltà tal-ilment il-ġdid imqajjem minn NABU waqt is-seduta u, min-naħa l-oħra, dwar il-fondatezza tat-tielet ilment ibbażat fuq l-assenza ta’ kofinanzjament tal-proġett minn Femern.

[omissis]

c)      Fuq lewwel u ttieni lment, ibbażati fuq l-assenza ta’ rendiment soċjoekonomiku pożittiv 

86      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ewwel ilment ibbażat fuq l-assenza ta’ rendiment soċjoekonomiku pożittiv, ir-rikorrenti, NABU, Aktionsbündnis, ECSA u Rederi Nordö-Link isostnu li l-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-eżami tar-rendiment soċjoekonomiku tal-konnessjoni fissa abbażi tal-istudji Incentive.

87      Fit-tieni lok, permezz tat-tieni lment tagħhom, ir-rikorrenti, NABU, Aktionsbündnis, ECSA u Rederi Nordö-Link isostnu li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni minħabba li, sabiex tikkonstata rendiment soċjoekonomiku pożittiv, hija bbażat ruħha fuq data skaduta u inkoerenti meta mqabbla ma’ dik użata fil-kuntest tal-analiżi tal-proporzjonalità tal-għajnuna sabiex jitwettaq il-kalkolu tad-defiċit ta’ finanzjament.

88      Il-Kummissjoni ssostni li l-konstatazzjonijiet tad-Deċiżjoni kkontestata mhux ikkontestati mir-rikorrenti huma biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-proġett ta’ konnessjoni fissa jista’ jiġi kkunsidrat bħala proġett ta’ interess Ewropew komuni skont il-kriterji previsti mill-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI, b’tali mod li l-ewwel u t-tieni lment huma ineffettivi.

89      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, permezz tal-ewwel u tat-tieni lment tagħhom, ir-rikorrenti, sostnuti minn NABU, Aktionsbündnis, ECSA u Rederi Nordö-Link, isostnu, minn naħa, li l-proġett ta’ konnessjoni fissa ma jippreżentax rendiment soċjoekonomiku pożittiv u, min-naħa l-oħra, li d-data użata għall-kalkolu tal-imsemmi rendiment hija skaduta u inkoerenti meta mqabbla ma’ dik użata għall-eżami tal-proporzjonalità tal-għajnuna. Għalhekk, permezz ta’ dawn iż-żewġ ilmenti, ir-rikorrenti jillimitaw ruħhom li jikkontestaw il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fil-premessi 275 sa 277 tad-Deċiżjoni kkontestata.

90      Għandu jiġi vverifikat jekk, kif issostni l-Kummissjoni, l-ewwel u t-tieni lment humiex ineffettivi minħabba li hija setgħet tikkunsidra li l-proġett ta’ konnessjoni fissa kien jikkostitwixxi proġett ta’ interess Ewropew komuni mingħajr ma tibbaża ruħha fuq ir-riżultati tal-istudji Incentive.

91      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “interess komuni Ewropew” previst fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE għandu jiġi interpretat b’mod strett u li inizjattiva hija kklassifikata b’dan il-mod biss meta tagħmel parti minn programm transkonfinali Ewropew, sostnut b’mod konġunt minn gvernijiet differenti ta’ Stati Membri jew meta din taqa’ taħt azzjoni miftiehma minn Stati Membri differenti bl-għan li tiġi miġġielda theddida komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2009, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, T‑21/06, mhux ippubblikata, EU:T:2009:387, punt 70, u tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Scandlines Danmark u Scandlines Deutschland vs Il‑Kummissjoni, T‑630/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:942, punt 170).

92      Il-kunċett ta’ “interess komuni Ewropew” ġie speċifikat fil-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI. B’mod partikolari, qabelxejn, taħt il-punt 3.2.1 tal-imsemmija komunikazzjoni huma stabbiliti “kriterji kumulattivi ġenerali” li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex proġett ikun jista’ jaqa’ taħt id-deroga prevista fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE. Skont il-paragrafu 14 tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI, huwa meħtieġ li l-proġett jikkontribwixxi “b’mod konkret, ċar u identifikabbli għal għan tal-Unjoni jew iktar u jrid ikollu impatt sinifikanti fuq il-kompetittività tal-Unjoni, it-tkabbir sostenibbli, l-indirizzar tal-isfidi soċjetali jew il-ħolqien ta’ valur madwar l-Unjoni”. Sabiex jiġu ssodisfatti dawn ir-rekwiżiti, il-paragrafi 15 sa 19 ta’ din il-komunikazzjoni jistabbilixxu l-kriterji li għandhom jiġu ssodisfatti. F’dan ir-rigward, il-paragrafu 15 tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI jippreċiża li sabiex jitqies li jikkontribwixxi b’mod sinjifikattiv għall-għanijiet tal-Unjoni, il-proġett għandu b’mod partikolari jkun ta’ importanza kbira għan-networks trans-Ewropej tat-trasport u tal-enerġija. Il-paragrafu 16 tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI, min-naħa tiegħu, jippreċiża, minn naħa, li l-proġett għandu normalment jassoċja iktar minn Stat Membru wieħed u li l-benefiċċji tiegħu għandhom jiġu estiżi għal parti sinjifikattiva tal-Unjoni u mhux biss għall-Istati Membri li jipprovdu finanzjament u, min-naħa l-oħra, li l-benefiċċji ġġenerati mill-proġett għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar b’mod konkret u identifikabbli. Barra minn hekk, skont il-paragrafu 17 tal-imsemmija kommunikazzjoni, l-imsemmija benefiċċji ma jistgħux ikunu limitati għall-impriżi jew għas-settur ikkonċernat, iżda għandhom ikunu rilevanti u applikati b’mod iktar wiesa’ fl-ekonomija jew fis-soċjetà Ewropea, fil-forma ta’ effetti pożittivi (effetti sistematiċi fuq diversi livelli tal-katina ta’ valur, swieq upstream jew downstream, użi differenti f’setturi jew trasferimenti modali oħra), li huma ddefiniti b’mod ċar b’mod konkret u identifikabbli. Barra minn hekk, skont il-paragrafu 18 tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI, il-proġett għandu jinkludi finanzjament tal-benefiċjarju u, skont il-paragrafu 19, għandu josserva l-prinċipju ta’ tneħħija gradwali tas-sussidji li jagħmlu l-ħsara lill-ambjent.

93      Sussegwentement, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ proġett ta’ interess Ewropew komuni, fil-punt 3.2.2 tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI jissemmew indikaturi pożittivi ġenerali li jiġġustifikaw approċċ iktar favorevoli tal-Kummissjoni. Fost dawn l-indikaturi hemm, fil-paragrafu 20(f) tal-imsemmija komunikazzjoni, dak tal-kofinanzjament tal-proġett minn fond tal-Unjoni.

94      Fl-aħħar, il-punt 3.2.3 tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI jistabbilixxi kriterji partikolari, fosthom dawk previsti fil-paragrafu 23 ta’ din il-komunikazzjoni, li skonthom il-proġetti fl-oqsma tal-ambjent, tal-enerġija jew tat-trasport għandhom ikunu ta’ importanza kbira għall-istrateġiji rispettivi tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, tal-enerġija jew tat-trasport, jew għandhom jikkontribwixxu b’mod sinjifikattiv għas-suq intern, u b’mod partikolari, iżda mhux esklużivament, għal dawn is-setturi partikolari.

95      F’dan il-każ, l-ewwel, fil-premessa 272 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fakkret li l-proġett ta’ konnessjoni fissa kien ta’ importanza kbira għan-network trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T) u li jikkontribwixxi għall-iżvilupp tat-TEN-T. Ir-rikorrenti ma kkontestawx din l-evalwazzjoni u ma kien hemm ebda prova li tikkontestaha, il-Kummissjoni tista’ allura validament tikkunsidra li dan il-kriterju imsemmi fil-paragrafu 15 tal-Kommunikazzjoni dwar l-IPCEI kien ssoddisfatt. Barra minn hekk, meta jkun involut proġett ta’ network Ewropew ta’ trasport prijoritarju, il-kriterju partikolari msemmi fil-paragrafu 23 tal-imsemmija komunikazzjoni, li jipprovdi li l-proġetti fil-qasam tat-trasport għandhom ikunu ta’ importanza kbira għall-istrateġija tal-Unjoni fil-qasam tat-trasport, huwa wkoll issodisfatt.

96      It-tieni, għandu jiġi kkonstatat li l-kriterji previsti fil-paragrafu 16 tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI huma ssodisfatti wkoll. Minn naħa, fil-premessa 272 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, mingħajr ma ġiet ikkontestata, irrilevat li l-konnessjoni fissa tikkontribwixxi għat-titjib tal-konnessjoni bejn il-pajjiżi Nordiċi u l-Ewropa Ċentrali kif ukoll għaż-żieda fil-flessibbiltà u għall-iffrankar ta’ ħin fit-traffiku tat-triq u tal-ferrovija, b’tali mod li hija setgħet validament tikkunsidra li l-benefiċċji ġġenerati mill-proġett kienu ddefiniti b’mod konkret u identifikabbli. Min-naħa l-oħra, fil-premessa 273 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġustament fakkret li l-proġett kien jassoċja lir-Renju tad-Danimarka u lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u li l-benefiċjarji tiegħu ma kinux limitati għal dawn iż-żewġ pajjiżi peress li kienu jestendu għall-pajjiżi kollha li jagħmlu parti mill-kuritur Skandinavja-Mediterran li jestendi mill-Finlandja għall-gżira ta’ Malta.

97      It-tielet, peress li l-Kummissjoni, mingħajr ma dan ġie kkontestat, ikkonstatat, fil-premessa 273 tad-Deċiżjoni kkontestata, li l-proġett ta’ konnessjoni fissa kien intiż sabiex itejjeb il-kundizzjonijiet ta’ trasport mhux biss tal-passiġġieri, iżda wkoll tal-merkanzija bejn il-pajjiżi Nordiċi u l-Ewropa Ċentrali u li kien jippermetti li timtela rabta nieqsa fil-kuritur Skandinavja-Mediterran, li huwa, kif jirriżulta min-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 135, “rotta Tramuntana-Nofsinhar kruċjali għall-ekonomija Ewropea”, għandu jiġi kkunsidrat li l-kriterju previst fil-paragrafu 17 tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI huwa ssodisfatt ukoll fuq din il-bażi. Fil-fatt, fid-dawl tal-fatt li l-benefiċċji tal-proġett ta’ konnessjoni fissa jikkontribwixxu għat-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ trasport kemm tal-passiġġieri kif ukoll tal-merkanzija fuq rotta importanti tal-ekonomija Ewropea, il-Kummissjoni setgħet validament tqis li l-benefiċċji tal-konnessjoni fissa ma humiex limitati għall-impriża kkonċernata, jiġifieri Femern, jew għas-settur ikkonċernat, jiġifieri s-servizzi ta’ trasport, sabiex jiġi żgurat il-qsim tal-Istrett ta’ Fehmarn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni setgħet ukoll tikkunsidra li l-benefiċċji tal-proġett kellhom rilevanza u applikazzjoni iktar wiesgħa fl-ekonomija jew fis-soċjetà Ewropea fil-forma ta’ effetti pożittivi ddefiniti b’mod ċar b’mod konkret u identifikabbli, jiġifieri, kif jirriżulta diġà essenzjalment mill-premessi 272 u 273 tad-Deċiżjoni kkontestata, titjib tal-funzjonament tas-suq intern kif ukoll tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika u soċjali. Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti, NABU, Aktionsbündnis, ECSA u Rederi Nordö-Link ma jikkontestawx dawn il-benefiċċji li huma ġġenerati mill-konnessjoni fissa u identifikati mill-Kummissjoni fil-premessa 281 tad-Deċiżjoni kkontestata.

98      Ir-raba’, kif jirriżulta mill-punti 82 sa 84 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni setgħet validament tqis li l-konnessjoni fissa kienet is-suġġett ta’ kofinanzjament minn Femern, b’tali mod li l-kriterju previst fil-paragrafu 18 tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI huwa ssodisfatt.

99      Il-ħames, fir-rigward tal-kriterju previst fil-punt 19 tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI, ir-rikors ma jinkludi, kif diġà ġie enfasizzat, ebda lment li jikkontesta l-konstatazzjoni, magħmula fil-premessa 279 tad-Deċiżjoni kkontestata, li l-konnessjoni fissa ma tikkonċernax is-sussidji li jagħmlu l-ħsara lill-ambjent u ma tikkontradixxix il-prinċipju ta’ tneħħija gradwali ta’ dawn is-sussidji, b’tali mod li jista’ jitqies li l-imsemmi kriterju huwa ssodisfatt.

100    Is-sitt, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 280 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-proġett ta’ konnessjoni fissa kien, mingħajr ma ġie kkontestat, ibbenefika minn finanzjament tal-Unjoni għall-attivitajiet ta’ ppjanar kif ukoll minn impenn għal appoġġ addizzjonali taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE). Issa, skont il-paragrafu 20(f) tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI, il-kisba ta’ tali finanzjament tal-Unjoni tikkostitwixxi indikatur pożittiv li jiġġustifika approċċ iktar favorevoli.

101    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-kriterji ġenerali previsti fil-paragrafi 14 sa 19 tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI kienu ssodisfatti mingħajr ma kien neċessarju li wieħed jibbaża ruħu fuq ir-riżultati tal-istudji Incentive kkontestati mir-rikorrenti, NABU, Aktionsbündnis, ECSA u Rederi Nordö-Link. Barra minn hekk, peress li l-Kummissjoni bbażat ruħha wkoll fuq wieħed mill-indikaturi pożittivi ġenerali msemmija fil-paragrafu 20 tal-imsemmija komunikazzjoni, hija setgħet validament tikkonkludi, fil-premessa 281 tad-Deċiżjoni kkontestata, li l-proġett ta’ konnessjoni fissa kien jagħti kontribut importanti u konkret għat-twettiq tal-għanijiet tal-politika tat-trasport tal-Unjoni u tal-għanijiet usa’ tal-Unjoni, b’mod partikolari t-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika u soċjali, b’tali mod li l-imsemmi proġett ikun ta’ interess Ewropew komuni.

102    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti, ta’ NABU, ta’ Aktionsbündnis, ta’ ECSA u ta’ Rederi Nordö-Link, li l-Kummissjoni ma setgħetx tasal għall-konklużjoni li l-proġett ta’ konnessjoni fissa kien jippreżenta interess Ewropew komuni fis-sens tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI mingħajr ma tibbaża ruħha fuq l-istudji Incentive, għandu jiġi kkonstatat li, minn naħa, mill-premessa 274 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-vantaġġi tal-proġett ta’ konnessjoni fissa li diġà ġew iddefiniti b’mod ċar fil-premessi 272 u 273 ta’ din id-deċiżjoni “ġew ippreċiżati” fl-istudji Incentive. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kwantifikazzjoni tal-vantaġġi mwettqa fil-premessi 275 sa 277 tad-Deċiżjoni kkontestata, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li la l-Artikolu 107(3)(b) TFUE u lanqas il-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI ma jeżiġu li l-vantaġġi ta’ proġett jiġu kkwantifikati fil-kuntest ta’ analiżi soċjoekonomika tal-ispejjeż u tal-vantaġġi għall-finijiet ta’ klassifikazzjoni ta’ proġett bħala proġett ta’ interess Ewropew komuni. Għaldaqstant, kif ippreċiżat il-Kummissjoni fil-kontroreplika tagħha, għandu jiġi kkunsidrat li r-riżultati tal-istudji Incentive ssemmew fil-premessi 275 sa 277 tad-Deċiżjoni kkontestata bħala provi addizzjonali utli, iżda mhux indispensabbli għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-proġett ta’ konnessjoni fissa bħala proġett ta’ interess Ewropew komuni.

103    Minn dan isegwi li l-ewwel u t-tieni lment, li permezz tagħhom ir-rikorrenti, NABU, Aktionsbündnis, ECSA u Rederi Nordö-Link jillimitaw ruħhom li jikkontestaw il-kwantifikazzjoni tal-vantaġġi tal-konnessjoni fissa, huma diretti kontra motivi superfluwi tad-Deċiżjoni kkontestata.

104    Konsegwentement, dawn għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

105    Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi.

2.      Fuq ittieni parti, ibbażata fuq ilfatt li lKummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li lgħajnuna hija neċessarja

106    Permezz tat-tieni parti, ir-rikorrenti jqajmu tliet ilmenti, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq l-assenza ta’ effett ta’ inċentiv tal-għajnuna, it-tieni wieħed, fuq il-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li x-xenarju kontrofattwali kien jikkonsisti fl-assenza ta’ proġett alternattiv u, it-tielet wieħed, fuq kontestazzjoni tat-tul użat għall-finijiet tal-kalkolu tar-rata ta’ rendiment interna (iktar’ il quddiem ir-“RRI”).

a)      Fuq lewwel ilment, ibbażat fuq lassenza ta’ effett ta’ inċentiv talgħajnuna

107    Ir-rikorrenti, sostnuti minn DFA, ECSA, Trelleborg Hamn u Rederi Nordö-Link, isostnu li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li l-għajnuna kellha effett ta’ inċentiv.

108    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju tad-Danimarka, tikkontesta dan l-argument.

109    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 107(3)(b) TFUE jipprevedi b’mod partikolari li l-għajnuna maħsuba sabiex tippromwovi t-twettiq ta’ proġett importanti ta’ interess Ewropew komuni tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern.

110    Skont is-setgħa diskrezzjonali tagħha li tagħtiha l-imsemmija dispożizzjoni, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tirrifjuta l-għoti ta’ għajnuna meta din ma tħajjarx lill-impriżi benefiċjarji jadottaw aġir tali li jikkontribwixxi għat-twettiq ta’ wieħed mill-għanijiet imsemmija minn din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

111    Għalhekk tali għajnuna għandha tkun neċessarja sabiex jintlaħqu l-għanijiet previsti minn din id-dispożizzjoni b’tali mod li, mingħajrha, il-kundizzjonijiet normali tas-suq ma jippermettux, minnhom infushom, li l-impriżi benefiċjarji jadottaw aġir tali li jikkontribwixxi għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet. Fil-fatt, għajnuna li ttejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża benefiċjarja mingħajr ma tkun neċessarja sabiex jintlaħqu l-għanijiet previsti fl-Artikolu 107(3) TFUE ma tistax titqies li hija kompatibbli mas-suq intern (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2013, HGA et vs Il‑Kummissjoni, C‑630/11 P sa C‑633/11 P, EU:C:2013:387, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

112    Għalhekk, fil-kuntest tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, l-għajnuna proposta għandha, sabiex tkun kompatibbli mas-suq intern, ikollha effett ta’ inċentiv u tkun għalhekk neċessarja għat-twettiq ta’ proġett importanti ta’ interess Ewropew komuni. Għal dan il-għan, għandu jiġi pprovat li, fl-assenza tal-għajnuna proposta, l-investiment intiż għat-twettiq ta’ tali proġett ma jsirx. Min-naħa l-oħra, jekk jirriżulta li dan l-investiment isir anki fl-assenza tal-għajnuna proposta, ikollu jiġi konkluż li din tal-aħħar ikollha l-effett uniku li ttejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriżi benefiċjarji, mingħajr madankollu ma tissodisfa l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE, jiġifieri li tkun neċessarja għat-twettiq ta’ proġett importanti ta’ interess Ewropew komuni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat‑13 ta’ Ġunju 2013, HGA et vs Il‑Kummissjoni, C‑630/11 P sa C‑633/11 P, EU:C:2013:387, punt 105; tat‑13 ta’ Diċembru 2017, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑314/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:903, punt 182, u tat‑12 ta’ Settembru 2019, Achemos Grupė u Achema vs Il‑Kummissjoni, T‑417/16, mhux ippubblikata, EU:T:2019:597, punt 84).

113    Fl-aħħar, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ neċessità ta’ għajnuna tista’ b’mod partikolari toħroġ mill-fatt li l-proġett megħjun ikun diġà nbeda, jew saħansitra jkun tlesta, mill-impriża kkonċernata qabel ma t-talba għal għajnuna tkun tressqet quddiem l-awtoritajiet kompetenti, li jeskludi l-possibbiltà li l-għajnuna kkonċernata jkollha effett ta’ inċentiv (sentenzi tal‑15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, EU:C:2008:224, punt 69, u tat‑12 ta’ Settembru 2019, Achemos Grupė u Achema vs Il‑Kummissjoni, T‑417/16, mhux ippubblikata, EU:T:2019:597, punt 85).

114    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti mqajma mir-rikorrenti u minn DFA, ECSA, Trelleborg Hamn u Rederi Nordö-Link.

115    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li fid-Deċiżjoni kkontestata u fin-noti tal-partijiet jintużaw il-kunċetti ta’ “effett ta’ inċentiv formali” u ta’ “effett ta’ inċentiv sostanzjali”. Issa, għall-finijiet ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni terminoloġika, għall-ħtiġijiet ta’ din is-sentenza, minn naħa, il-kunċett ta’ “effett ta’ inċentiv formali” għandu jinftiehem bħala l-kriterju tal-“preċedenza tat-talba għal għajnuna” (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Ġunju 2013, HGA et vs Il‑Kummissjoni, C-630/11 P sa C‑633/11 P, EU:C:2013:387, punt 106, u tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 64). Min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit tal-“effett ta’ inċentiv sostanzjali” għandu jinftiehem bħala l-kundizzjoni tal-“effett ta’ inċentiv tal-għajnuna” msemmi fil-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 112 iktar ’il fuq, jiġifieri l-inċentiv għall-benefiċjarju li jadotta aġir tali li jikkontribwixxi għat-twettiq tal-għanijiet tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

116    Fil-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI, ir-rekwiżit li għajnuna għandha tissodisfa l-kundizzjoni tal-effett ta’ inċentiv huwa mfakkar fil-paragrafu 28 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 24 inserita fl-imsemmi paragrafu tirriproduċi l-kriterju tal-preeżistenza li jgħid li “[l]-applikazzjoni għall-għajnuna trid tippreċedi l-bidu tax-xogħlijiet”.

117    Għandu jiġi vverifikat jekk, kif isostnu r-rikorrenti, Trelleborg Hamn u ECSA, il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, it-talba għal għajnuna kienet inerenti għall-ħolqien ta’ Femern.

118    F’dan il-każ, fil-premessi 299 u 302 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-issodisfar tal-kriterju tal-preeżistenza tat-talba għal għajnuna, kif iddefinit fil-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI, ma kienx jikkostitwixxi prerekwiżit neċessarju peress li l-kundizzjoni tal-effett ta’ inċentiv kienet issodisfatta bit-turija li l-proġett inkwistjoni ma setax jitwettaq mingħajr għajnuna. Skont il-Kummissjoni, għandha ssir distinzjoni bejn impriża bħal Femern li tibbenefika minn għajnuna sabiex twettaq il-proġett ta’ konnessjoni ddefinit mill-awtoritajiet pubbliċi u l-impriżi l-oħra li jistgħu jiddeċiedu dwar il-proġetti li fihom huma jixtiequ jinvestu. Għalhekk, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari ta’ din il-kawża, il-Kummissjoni qieset li, anki fl-assenza ta’ talba għal għajnuna mressqa formalment minn Femern lill-awtoritajiet Daniżi, il-kriterju tal-preeżistenza tat-talba għal għajnuna kien issodisfatt minħabba li tali talba setgħet titqies bħala inerenti għall-ħolqien ta’ din l-entità.

119    Għandu jiġi rrilevat li Femern hija kumpannija b’għan speċifiku li nħolqot mill-awtoritajiet pubbliċi sabiex twettaq proġett partikolari bl-esklużjoni ta’ kull attività oħra. Fil-fatt, kif irrileva r-Renju tad-Danimarka, tali entità ma tirċevix dħul mill-operat sat-tmiem tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni. Għalhekk, sakemm tibda topera l-konnessjoni fissa, Femern tiddependi fuq il-finanzjament mogħti mill-awtoritajiet pubbliċi, b’mod partikolari biex tiġi żgurata l-kostruzzjoni tal-infrastruttura. Issa, tali sitwazzjoni ma hijiex paragunabbli ma’ dik ta’ impriżi privati jew pubbliċi li jistgħu jiddeterminaw il-proġetti li fihom huma jixtiequ jinvestu u jiffinanzjawhom, tal-inqas parzjalment, billi jirrikorru għad-dħul iġġenerat mill-attivitajiet l-oħra tagħhom.

120    Barra minn hekk, f’din il-kawża, għandu jiġi rrilevat li, fit‑22 ta’ Diċembru 2014, ir-Renju tad-Danimarka kien innotifika l-finanzjamenti kollha li din l-entità bbenefikat minnhom sa mill-ħolqien tagħha fl-2005 sabiex il-kompatibbiltà tagħhom mas-suq intern tiġi evalwata mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE u tal-kriterji li jinsabu fil-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, abbażi tal-paragrafu 6 tal-lov no588 om Sund og Bælt Holding A/S (il-Liġi Nru 588, dwar Sund & Baelt Holding A/S), tal‑24 ta’ Ġunju 2005, Femern, li qabel kienet Femern Bælt A/S, inħolqot sabiex twettaq il-kompiti relatati mal-ippjanar tal-konnessjoni fissa, bl-esklużjoni ta’ kull attività oħra. Għall-ħolqien tagħha, din l-entità bbenefikat minn injezzjoni ta’ kapital fl-2005. Sussegwentement, wara l-iffirmar tat-Trattat dwar l-Istrett ta’ Fehmarn, abbażi tal-Liġi dwar l-Ippjanar tal‑2009, Femern ibbenefikat minn injezzjoni addizzjonali ta’ kapital kif ukoll minn self mill-Istat u minn garanziji mill-Istat. Permezz tad-deċiżjoni tagħha tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar il-Każ N 157/2009, il-Kummissjoni qieset, prinċipalment, li l-finanzjamenti mogħtija lil Femern ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u, b’mod kawtelatorju, fl-eventwalità li din l-entità tkun imsejħa tisfrutta ekonomikament il-konnessjoni fissa, li l-imsemmija finanzjamenti jikkostitwixxu għajnuna kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE. Għandu jitfakkar li din id-deċiżjoni ma ġietx ikkontestata.

121    Għalhekk, peress li l-Kummissjoni setgħet validament teżamina f’daqqa l-kompatibbiltà tal-finanzjamenti kollha neċessarji għat-twettiq tal-proġett ta’ konnessjoni fissa sa mill-ħolqien ta’ Femern (ara l-punti 53 sa 61 iktar ’il fuq) u sa fejn din l-impriża ma tirċevix dħul mill-operat sakemm tibda topera l-konnessjoni fissa, ma jistax jiġi rikjest li l-kriterju tal-preeżistenza tat-talba jiġi vverifikat għal kull waħda mit-tliet għajnuniet individwali mogħtija lil Femern sabiex jitwettaq il-proġett ta’ konnessjoni fissa. Barra minn hekk, f’din il-kawża, il-Kummissjoni setgħet validament tqis li t-talba għal għajnuna kienet inerenti għall-ħolqien ta’ Femern.

122    Sabiex jikkontestaw din il-konklużjoni, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti, Trelleborg Hamn, DFA, ECSA u Rederi Nordö-Link isostnu, essenzjalment, li, waqt il-ħolqien tagħha, Femern kienet inkarigata biss mill-ippjanar tal-konnessjoni fissa u li kien biss sussegwentement li hija kienet inkarigata mill-kostruzzjoni u mill-operat ta’ din l-infrastruttura.

123    F’dan ir-rigward, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, peress li Femern ġiet stabbilita sabiex twettaq il-proġett ta’ konnessjoni fissa, il-fatt li l-attivitajiet tagħha evolvew sa mill-ħolqien tagħha ma huwiex rilevanti sabiex jiġi kkontestat il-fatt li t-talba għal għajnuna tista’ titqies li hija inerenti għall-ħolqien tagħha.

124    Fil-fatt, il-proġett kollu ġie fdat mill-awtoritajiet pubbliċi lill-istess kumpannija b’għan speċifiku li ma hijiex awtorizzata teżerċita attivitajiet oħra ħlief dawk relatati ma’ dan il-proġett.

125    Fir-rigward tax-xogħlijiet ikkunsidrati mir-rikorrenti, Trelleborg Hamn u ECSA bħala xogħlijiet ta’ kostruzzjoni mwettqa fl‑2013 u fl‑2014, kif irrilevat il-Kummissjoni fil-premessa 300 tad-Deċiżjoni kkontestata, dawn kienu koperti minn żidiet fil-baġit tal-ippjanar mogħtija mill-Kumitat tal-Finanzi tal-Parlament Daniż fit‑3 ta’ Ġunju 2010, fit‑23 ta’ Ġunju 2011 u f’Marzu 2013. Mill-elementi tal-fajl, b’mod partikolari mit-talba għal approprjazzjonijiet baġitarji Nru 97 tat‑13 ta’ Marzu 2013 annessa man-nota ta’ intervent tar-Renju tad-Danimarka, jirriżulta li x-xogħlijiet imwettqa minn Settembru 2013 kienu s-suġġett ta’ evalwazzjoni finanzjarja minn qabel min-naħa ta’ Femern, li abbażi tagħha l-Ministru għat-Trasport Daniż kien talab li jinkiseb ftehim tal-Kumitat tal-Finanzi tal-Parlament Daniż għal żieda fil-baġit tal-ippjanar. Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-mudell ta’ finanzjament tal-konnessjoni fissa nnotifikat mill-awtoritajiet Daniżi fit‑22 ta’ Diċembru 2014, li kien jinkludi, kif jirriżulta mill-premessa 36 tad-Deċiżjoni kkontestata, stima tal-ispiża totali tal-ippjanar u tal-kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa, kien ippreċedut minn analiżi finanzjarja mwettqa minn Femern f’Novembru 2014. Bl-istess mod, għandu jiġi kkonstatat li d-defiċit ta’ finanzjament ikkalkolat fid-Deċiżjoni kkontestata fil-kuntest tal-eżami tal-proporzjonalità tal-għajnuna huwa bbażat fuq analiżi finanzjarja aġġornata imwettqa wkoll minn Femern.

126    Għalhekk, peress li Femern, bħala kumpannija b’għan speċifiku, tiddependi fuq il-finanzjamenti pubbliċi sabiex twettaq il-kompiti fdati lilha, anki jekk jitqies li, kif isostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha teżamina separatament l-osservanza tal-kriterju tal-preeżistenza tat-talba għal għajnuna minħabba l-iżvilupp tal-attivitajiet ta’ Femern, kien ikun possibbli għaliha li tikkonstata li x-xogħlijiet imwettqa, irrispettivament mill-klassifikazzjoni tagħhom bħala “xogħlijiet ta’ kostruzzjoni” jew bħala “xogħlijiet preparatorji”, kienu twettqu wara talba fil-forma ta’ evalwazzjoni tal-bżonnijiet ta’ finanzjament tagħha.

127    Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, mill-formulazzjoni tan-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 24 inkluża fil-paragrafu 28 tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI jirriżulta b’mod ċar li huwa biżżejjed li t-talba għal għajnuna tippreċedi l-bidu tax-xogħlijiet. Għaldaqstant, l-entità benefiċjarja tal-għajnuna ma hijiex obbligata tistenna l-approvazzjoni tal-imsemmija talba jew l-għoti tal-għajnuna qabel ma tibda x-xogħlijiet. Dan ir-rekwiżit tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI ma huwiex paragunabbli ma’ dak ta’ linji gwida oħra, interpretati fis-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar (C‑349/17, EU:C:2019:172), u tat‑13 ta’ Settembru 2013, Fri-El Acerra vs Il‑Kummissjoni (T‑551/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:430), invokati mir-rikorrenti, li kienu jeżiġu espressament konferma bil-miktub mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

128    Barra minn hekk, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, il-kwistjoni dwar jekk il-kriterju tal-preeżistenza tat-talba għal għajnuna huwiex issodisfatt ma għandha ebda rabta ma’ dik dwar jekk l-għajnuna tħallsitx illegalment bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE u lanqas ma’ dik dwar jekk ingħatawx finanzjamenti lil Femern bi ksur tad-deċiżjoni dwar l-ippjanar.

[omissis]

137    Għaldaqstant, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fl-assenza ta’ diskriminazzjoni, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi u lanqas ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li l-għajnuna għandha effett ta’ inċentiv.

138    Għaldaqstant, l-ewwel ilment ibbażat fuq l-assenza ta’ effett ta’ inċentiv tal-għajnuna għandu jiġi miċħud.

b)      Fuq ittieni lment, ibbażat fuq ilfatt li lKummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li xxenarju kontrofattwali kien jikkonsisti flassenza ta’ proġett alternattiv

139    Ir-rikorrenti, FSS, Aktionsbündnis, NABU u VDR jikkunsidraw li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li x-xenarju kontrofattwali kien jikkonsisti fl-assenza ta’ proġett alternattiv.

140    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju tad-Danimarka, tiċħad dan l-argument.

141    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-neċessità tal-għajnuna, il-paragrafu 29 tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI jipprevedi li l-Istat Membru għandu jipprovdi lill-Kummissjoni informazzjoni utli dwar il-proġett iffinanzjat kif ukoll deskrizzjoni kompleta ta’ xenarju kontrofattwali li fih l-ebda Stat Membru ma jagħti ebda għajnuna, filwaqt li jiġi ppreċiżat li x-xenarju kontrofattwali jista’ jikkonsisti fl-assenza ta’ proġett alternattiv jew fi proġett alternattiv iddefinit b’mod ċar u suffiċjentement prevedibbli li huwa previst mill-benefiċjarju fil-kuntest tal-proċess deċiżjonali intern tiegħu u li dan jista’ jirreferi għal proġett alternattiv li jitmexxa kompletament jew parzjalment barra mill-Unjoni.

142    Fid-Deċiżjoni kkontestata, sabiex tasal għall-konklużjoni li x-xenarju kontrofattwali jikkonsisti fl-assenza ta’ proġett alternattiv, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Daniżi sabiex turi li ma kienet teżisti ebda deskrizzjoni kontrofattwali kredibbli jew realistika ta’ proġett alternattiv. B’hekk, fil-premessa 307 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq rapport dwar l-interess kummerċjali tal-proġett ta’ konnessjoni fissa mfassal fl‑2001 (iktar ’il quddiem ir-“rapport dwar l-interess kummerċjali tal‑2001”) sabiex tikkonstata li, fid-dawl tar-riskji sostanzjali marbuta ma’ proġett ta’ konnessjoni fissa, ir-rekwiżiti fformulati mis-settur privat kienu tali li l-ispejjeż kapitali kienu jkunu tant għoljin li l-proġett ma kienx ikun fattibbli mingħajr appoġġ pubbliku konsegwenti. Abbażi tal-elementi pprovduti mill-awtoritajiet Daniżi fiż-żmien tal-komunikazzjoni tal-finanzjament tal-konnessjoni fissa, il-Kummissjoni qieset li, sadanittant, din il-konklużjoni ma nbidlitx. B’hekk, fil-premessa 308 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li ebda investitur privat razzjonali ma kien jimpenja ruħu f’tali proġett f’kundizzjonijiet normali tas-suq u li l-konnessjoni fissa setgħet titwettaq biss b’għajnuna pubblika sostanzjali. Barra minn hekk, hija ppreċiżat li l-fatt li s-soluzzjoni teknika finali evolviet wara r-rapport dwar l-interess kummerċjali tal‑2001 bl-ebda mod ma jbiddel din il-konklużjoni u li ebda element ma kien iħalli li jiġi preżunt li xenarju kontrofattwali mingħajr għajnuna kien sadanittant sar vijabbli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni taħt il-FNE huwa sinjal qawwi li finanzjament pubbliku huwa neċessarju għat-twettiq tal-proġett.

143    Fl-ewwel lok, għandu jiġi vverifikat jekk, kif isostnu r-rikorrenti, FSS, Aktionsbündnis, NABU u VDR, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni proġetti alternattivi li jistgħu jikkostitwixxu xenarju kontrofattwali fis-sens tal-paragrafu 29 tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI.

144    L-ewwel, fir-rigward ta’ proġett ta’ sistema ta’ laneċ imtejba, ir-rikorrenti jinvokaw ir-rapport dwar l-ispejjeż u l-vantaġġi mfassal fis-sena 2000 mid-ditta ta’ konsulenza Planco (iktar ’il quddiem ir-“rapport Planco”), li kien jinkludi diversi alternattivi għall-proġett ta’ konnessjoni fissa fil-verżjoni attwali tiegħu, fosthom proġett ta’ sistema ta’ laneċ imtejba.

145    Għandu jiġi rrilevat li r-rapport Planco ma fih ebda indikazzjoni ċara li tippermetti li jiġi ddeterminat jekk it-titjib tas-servizzi tal-laneċ jeħtieġx jew le l-għoti ta’ għajnuna. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti rrikonoxxew waqt is-seduta li dan ir-rapport ma kienx intiż sabiex jiddetermina jekk il-proġetti li huwa jsemmi setgħux jitwettqu mingħajr għajnuna. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fil-premessa 306 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li mir-rapport Planco kien jirriżulta li l-livell assolut tal-vantaġġi netti miksuba mis-soluzzjoni ta’ konnessjoni fissa ma setax jintlaħaq permezz ta’ sistema ta’ laneċ imtejba, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda t-tnaqqis tal-ħin ta’ vjaġġ u l-iffrankar tal-ispejjeż ta’ trasport. Konsegwentement, hija kkonkludiet li sistema ta’ laneċ imtejba ma kinitx tikkostitwixxi soluzzjoni alternattiva tal-istess portata u li toffri vantaġġi mistennija komparabbli ma’ dawk tal-proġett ta’ konnessjoni fissa.

146    F’dan ir-rigward, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tar-rekwiżit ta’ xenarju kontrofattwali, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-paragrafu 28 tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI li jippreċiża li, fl-assenza ta’ għajnuna, il-proġett ma jistax jitwettaq jew għandu jitwettaq fuq skala jew b’daqs imnaqqas jew b’mod differenti li jillimita b’mod sinjifikattiv il-benefiċċji mistennija tiegħu. B’hekk, meta proġett ma jkunx ta’ skala jew ta’ daqs paragunabbli jew jillimita b’mod sinjifikattiv il-benefiċċji mistennija mill-proġett li jibbenefika minn għajnuna, il-Kummissjoni ma tiksirx il-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI meta tikkonstata li dan ma jikkostitwixxix proġett alternattiv li jista’ jikkostitwixxi xenarju kontrofattwali fis-sens tal-paragrafu 29 tal-imsemmija komunikazzjoni.

147    F’dan il-każ, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 33 u 272 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-proġett ta’ konnessjoni fissa għandu jikkontribwixxi sabiex jimla rabta nieqsa fil-kuritur Skandinavja-Mediterran, itejjeb il-konnessjoni bejn il-pajjiżi Nordiċi u l-Ewropa Ċentrali kif ukoll iżid il-flessibbiltà u l-iffrankar ta’ ħin fit-traffiku tat-triq u tal-ferrovija.

148    Ċertament, kif isostnu NABU u VDR, fil-verżjoni inizjali tal-istudju Incentive, il-profitt prinċipali tal-konnessjoni fissa kien ġej mid-dħul tal-operat tagħha. Madankollu, mingħajr ma hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar il-possibbiltà li jsir paragun bejn ir-riżultati tar-rapport Planco u dawk tal-istudji Incentive, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, għat-traffiku tat-triq, mill-verżjoni inizjali tal-istudju Incentive jirriżulta, minn naħa, li l-konnessjoni fissa ser tippermetti li jitnaqqas il-ħin tal-qsim tal-Istrett ta’ Fehmarn għal 10 minuti bil-karozza privata meta mqabbla ma’ 45 minuta bil-lanċa u, min-naħa l-oħra, li hija żżid il-flessibbiltà sa fejn ma huwiex neċessarju li wieħed jistenna t-tluq ta’ lanċa. Barra minn hekk, dan l-istudju jenfasizza wkoll il-vantaġġi tal-konnessjoni fissa għat-titjib tat-trasport ferrovjarju, bħat-tnaqqis tal-ħin tal-vjaġġ bil-ferrovija bejn il-Ġermanja u d-Danimarka.

149    Għalhekk, peress li proġett ta’ sistema ta’ laneċ imtejba ma jkunx f’pożizzjoni li jilħaq l-għanijiet imfittxija mill-proġett ta’ konnessjoni fissa, il-fatt li r-rata ta’ rendiment tal-proġett ta’ laneċ imtejba tkun ogħla minn dik ta’ konnessjoni fissa huwa irrilevanti. Fil-fatt, fl-eżami tal-eżistenza ta’ proġett alternattiv, la l-awtoritajiet Daniżi u lanqas il-Kummissjoni ma jistgħu jiġu kkritikati li ma ħadux inkunsiderazzjoni proġett li ma huwiex adattat sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess pubbliku segwiti mill-awtoritajiet pubbliċi.

150    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma twettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta tikkonstata li servizz ta’ laneċ imtejjeb ma joffrix l-istess vantaġġi bħal konnessjoni fissa f’termini ta’ tnaqqis tal-ħin ta’ vjaġġ u tal-iffrankar tal-ispejjeż ta’ trasport. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-proġett ta’ sistema ta’ laneċ imtejba.

151    It-tieni, fir-rigward tal-konnessjonijiet fissi alternattivi msemmija mir-rikorrenti, b’mod partikolari dawk previsti mir-rapport Planco, jiġifieri pont sospiż, pont imdendel bil-guy-wires u diversi konfigurazzjonijiet ta’ mini fondi u ta’ mini taħt il-baħar, ir-rikorrenti rrikonoxxew waqt is-seduta, kif ġie indikat fil-punt 145 iktar ’il fuq, li dan ir-rapport ma kienx intiż sabiex jiddetermina jekk il-proġetti li huwa jsemmi setgħux jitwettqu mingħajr għajnuniet.

152    F’dak li jirrigwarda s-soluzzjoni li tikkonsisti f’pont imdendel bil-guy-wires u mina taħt il-baħar paragunabbli ma’ dik inkwistjoni f’din il-kawża, li tinsab fir-rapport ta’ evalwazzjoni ekonomika tal-konnessjoni fissa tal-Istrett ta’ Fehmarn mfassal f’Marzu 2004 mid-ditta ta’ konsulenza COWI (iktar ’il quddiem ir-“rapport COWI”), għandu jiġi rrilevat li NABU, Aktionsbündnis u VDR ma jirreferu għal ebda silta preċiża ta’ dan ir-rapport anness mar-rikors. Mistoqsija waqt is-seduta, ir-rikorrenti ma kinux f’pożizzjoni li jindikaw liema silta minn dan ir-rapport tista’ turi li l-proġetti li huwa jsemmi jistgħu jitwettqu mingħajr għajnuna. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li mis-sunt ta’ dan ir-rapport tradott fil-lingwa tal-kawża ma jirriżultax li s-soluzzjoni tal-pont imdendel bil-guy-wires jew ta’ mina taħt il-baħar tista’ tinkiseb mingħajr għajnuna. Għall-kuntrarju, dan ir-rapport jitlaq mill-premessa li tali proġett jibbenefika minn finanzjamenti tal-Unjoni sa madwar 10 % tal-ispejjeż ta’ investiment, b’tali mod li dawn il-finanzjamenti jkollhom impatt pożittiv fuq l-ispejjeż sostnuti mir-Renju tad-Danimarka u mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

153    Tista’ ssir l-istess konstatazzjoni fir-rigward tar-rapport dwar l-impatt ambjentali tal-konnessjoni fissa, imwettaq minn Femern, invokat minn FSS, Aktionsbündnis, NABU u VDR. Ċertament, f’dan ir-rapport, diversi alternattivi ġew ikkunsidrati, jiġifieri pont imdendel bil-guy-wires, pont sospiż kif ukoll mina fonda Madankollu, jirriżulta li l-intervenjenti ma jurux li mis-siltiet tal-imsemmi rapport, tradotti fil-lingwa tal-kawża, jirriżulta li l-imsemmija proġetti alternattivi jistgħu jitwettqu mingħajr għajnuna.

154    Konsegwentement, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-proġetti ta’ konnessjonijiet fissi alternattivi.

155    It-tielet, fir-rigward tal-proġett li jikkonsisti f’modernizzazzjoni tal-konnessjoni ta’ Jutland (id-Danimarka), invokat mir-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li r-riferiment għall-paġna 5 tar-rapport ta’ sinteżi tar-rapport COWI huwa żbaljat, sa fejn is-sunt ta’ dan ir-rapport tradott fil-lingwa tal-kawża ma jsemmix tali proġett. Fir-rigward tal-proġett invokat minn NABU, li jikkonsisti f’modernizzazzjoni tas-servizzi tal-laneċ fl-Istrett ta’ Fehmarn u modernizzazzjoni tal-linji ferrovjarji eżistenti matul il-Jutland, għandu jiġi kkonstatat ukoll li tali proġett ma jidhirx fis-sunt ta’ dan ir-rapport tradott fil-lingwa tal-kawża tar-rapport COWI li għalih ma jsir ebda riferiment preċiż fin-nota ta’ intervent. Barra minn hekk, fir-rigward tal-proġett invokat minn NABU, li jikkonsisti fit-titjib ta’ konnessjoni ferrovjarja ta’ Jutland li tgħaddi minn Kolding (id-Danimarka), għandu jiġi kkonstatat li n-nota ta’ intervent ma tinkludix preċiżazzjonijiet suffiċjenti li jippermettu li jiġi identifikat l-imsemmi proġett. Għaldaqstant, is-sempliċi evokazzjoni ta’ dawn il-proġetti invokati mir-rikorrenti u NABU ma tippermettix li jintwera li l-Kummissjoni żbaljat meta ma ħadithomx inkunsiderazzjoni.

156    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti, FSS, Aktionsbündnis, NABU u VDR ma wrewx li l-konstatazzjonijiet magħmula fil-premessi 306 sa 308 tad-Deċiżjoni kkontestata u l-konklużjoni li x-xenarju kontrofattwali jikkonsisti fl-assenza ta’ proġett alternattiv kienu vvizzjati bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

157    Fit-tieni lok, ma jistax jintlaqa’ l-argument ta’ FSS li, essenzjalment, jisħaq li mill-punt 150 tas-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2018, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni (T‑356/15, EU:T:2018:439), kif ukoll mill-paragrafu 29 tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI jirriżulta li Stat Membru ma jistax jidderieġi għajnuna lejn il-proġett tal-għażla tiegħu meta jeżistu proġetti alternattivi ddefiniti b’mod ċar u suffiċjentement prevedibbli li jissodisfaw l-istess għanijiet u li jeħtieġu għajnuna inqas għolja.

158    Minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument ma jsib ebda bażi fis-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2018, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni (T‑356/15, EU:T:2018:439).

159    Min-naħa l-oħra, kif fakkret il-Kummissjoni, fil-preżenza ta’ proġett importanti ta’ interess Ewropew komuni, sakemm il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE kif ukoll dawk previsti mill-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI jiġu ssodisfatti, Stat Membru huwa liberu li jagħti għajnuna għall-proġett tal-għażla tiegħu.

[omissis]

163    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi u lanqas żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li x-xenarju kontrofattwali kien jikkonsisti fl-assenza ta’ proġett alternattiv.

164    Għaldaqstant, it-tieni lment ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li x-xenarju kontrofattwali kien jikkonsisti fl-assenza ta’ proġett alternattiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

c)      Fuq ittielet ilment, ibbażat fuq kontestazzjoni tattul ta’ żmien użat għallfinijiet tal-kalkolu tarRRI (neċessità tal-għajnuna) u talkalkolu taddefiċit ta’ finanzjament (proporzjonalità talgħajnuna)

165    Ir-rikorrenti, FSS, ECSA, Trelleborg Hamn u VDR isostnu li t-tul tal-ħajja tal-investiment, previst fil-paragrafu 31 tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI, għall-kalkolu tad-defiċit ta’ finanzjament għandu jikkorrispondi għat-tul tal-ħajja tal-proġett, previst fil-paragrafu 30 tal-imsemmija komunikazzjoni, għall-kalkolu tal-IRR. Għaldaqstant, ir-rikorrenti u dawn l-intervenjenti jinvokaw l-istess argumenti insostenn tal-ilment, invokat fil-parti li tikkonċerna n-neċessità tal-għajnuna, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tat-tul użat għall-finijiet tal-kalkolu tar-RRI kif ukoll fuq l-ilment, invokat fit-tielet parti dwar il-proporzjonalità tal-għajnuna, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tat-tul użat għall-finijiet tal-kalkolu tad-defiċit ta’ finanzjament.

166    Ir-rikorrenti, FSS, ECSA, Trelleborg Hamn u VDR jikkunsidraw li l-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni billi bbażat ruħha fuq tul ta’ 40 sena sabiex twettaq il-kalkolu tar-RRI u tad-defiċit ta’ finanzjament. Fil-fehma tagħhom, biż-żamma ta’ tul ta’ ħajja tal-proġett ta’ 120 sena, minn naħa, ir-RRI kien ikun ogħla peress li d-dħul miksub permezz tal-konnessjoni fissa kien ogħla fit-tul u, min-naħa l-oħra, id-defiċit ta’ finanzjament kien ikun inqas.

167    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju tad-Danimarka, tiċħad dan l-argument.

168    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, fl-assenza ta’ proġett alternattiv, skont il-paragrafu 30 tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI, il-Kummissjoni għandha tivverifika li l-ammont tal-għajnuna ma jeċċedix il-minimu neċessarju sabiex il-proġett li jibbenefika mill-għajnuna jkun suffiċjentement profittabbli, pereżempju billi jippermetti li jintlaħaq RRI li jikkorrispondi għar-rata ta’ riferment jew għar-rata kritika ta’ profittabbiltà tas-settur jew tal-impriża, filwaqt li jiġi ppreċiżat li l-ispejjeż u l-vantaġġi kollha mistennija kkonċernati għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni matul it-tul ta’ ħajja tal-proġett. Dan ifisser li l-għajnuna hija neċessarja jekk il-proġett ma jkunx profittabbli matul it-tul tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Scandlines Danmark u Scandlines Deutschland vs Il‑Kummissjoni, T‑630/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:942, punt 210).

169    Min-naħa l-oħra, skont il-paragrafu 31 tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI, l-ammont massimu tal-għajnuna huwa ddeterminat skont id-defiċit ta’ finanzjament stess iddeterminat fir-rigward tal-ispejjeż eliġibbli, filwaqt li huwa ppreċiżat li jekk l-analiżi tad-defiċit ta’ finanzjament tiġġustifika dan, l-intensità tal-għajnuna tista’ tilħaq sa 100 % tal-ispejjeż eliġibbli. Dan l-istess paragrafu jiddefinixxi d-defiċit ta’ finanzjament bħala d-differenza bejn il-flussi ta’ flus pożittivi u l-flussi tal-flus negattivi fuq it-tul tal-ħajja tal-investiment, ikkontabbilizzati għall-valur aġġornat tagħhom abbażi ta’ rata ta’ skont xierqa li tieħu inkunsiderazzjoni r-rata ta’ profittabbiltà meħtieġa sabiex il-benefiċjarju jwettaq il-proġett, b’mod partikolari fir-rigward tar-riskji mġarrba.

170    F’dan il-każ, mill-premessa 327 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-defiċit ta’ finanzjament, l-awtoritajiet Daniżi użaw tul tal-ħajja ekonomika mistennija tal-investiment ta’ 40 sena, minħabba li dan huwa t-tul li investitur normalment jieħu inkunsiderazzjoni meta jinvesti f’infrastruttura fuq skala kbira bħall-konnessjoni fissa. Għalkemm il-Kummissjoni indikat li s-sit internet ta’ Femern kien jindika tul tal-ħajja tal-proġett ta’ 120 sena, hija madankollu rrilevat li meta l-flussi tal-flus ikunu ’il bogħod minn xulxin, l-effetti tal-aġġornament ikunu sinjifikattivi. Barra minn hekk, hija qieset li minħabba l-livell għoli ta’ inċertezza inerenti għal kull previżjoni finanzjarja fuq perijodu daqshekk twil, ma tantx huwa probabbli li investitur raġonevoli jaċċetta li jwettaq investiment li l-prospetti ta’ profittabbiltà tiegħu jistgħu jiġu kkonkretizzati biss fuq perijodu daqshekk twil. Konsegwentement, il-Kummissjoni qieset li tul ta’ 40 sena ta’ operat kien jikkostitwixxi ipoteżi raġonevoli għall-kalkolu ta’ defiċit ta’ finanzjament tal-konnessjoni fissa.

171    F’dak li jirrigwarda r-RRI, fil-premessi 309 u 310 tad-Deċiżjoni kkontestata, peress li Femern ma ssegwix proġett ta’ investiment ta’ natura simili jew li jippreżenta spejjeż ta’ investiment globali simili li jistgħu jintużaw sabiex jiġi ddeterminat jekk l-ammont tal-għajnuna jeċċedix il-livell neċessarju sabiex il-proġett ikun profittabbli biżżejjed, il-Kummissjoni qieset li kellu jsir paragun bejn ir-RRI mingħajr għajnuna tal-proġett ta’ konnessjoni fissa u r-rekwiżiti tal-ispejjeż ta’ investiment osservati fis-settur ikkonċernat, jiġifieri spiża medja mwieżna tal-kapital (iktar ’il quddiem is-“SMMK”) stabbilita għal 5.59 %. B’hekk, mill-premessa 312 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, billi kkonstatat tul tal-ħajja ekonomika tal-investiment ta’ 40 sena, il-Kummissjoni kkonstatat li r-RRI tal-proġett mingħajr għajnuna kien jammonta għal 3.9 % u li jibqa’ inqas mis-SMMK anki b’tul ta’ ħajja itwal sal‑2100.

172    Għandu jiġi rrilevat li, permezz tal-argument tagħhom, ir-rikorrenti, FSS, ECSA, Trelleborg Hamn u VDR jikkritikaw lill-Kummissjoni li kkalkolat ir-RRI u d-defiċit ta’ finanzjament billi ħadet inkunsiderazzjoni tul tal-ħajja ekonomika tal-investiment ta’ 40 sena minflok it-tul tal-ħajja tal-proġett ta’ 120 sena.

173    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 213 tas-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Scandlines Danmark u Scandlines Deutschland vs Il‑Kummissjoni (T‑630/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:942), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li billi rreferiet għall-“perijodu ta’ rimbors tal-għajnuna”, il-Kummissjoni ma kinitx applikat b’mod korrett il-paragrafu 30 tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI, li jipprovdi li r-RRI huwa kkalkolat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż u l-vantaġġi mistennija matul it-“tul tal-ħajja tal-proġett”. Barra minn hekk, huwa kkunsidra li l-irbit tal-kalkolu tar-RRI ma’ perijodu ta’ rimbors inċert ħafna kien ukoll arbitrarju, peress li dan il-perijodu jista’ jvarja skont elementi suġġettivi, b’mod partikolari t-tip ta’ għajnuna u l-modalitajiet ta’ rimbors innegozjati bejn il-benefiċjarju u l-istitut finanzjarju li jagħti s-self.

174    Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, ECSA, Trelleborg Hamn u VDR, ma jistax jiġi dedott minn dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Qorti Ġenerali kellha l-intenzjoni li teżiġi li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni tul ta’ 120 sena għall-kalkolu tal-IRR, u dan iktar u iktar peress li, fis-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Scandlines Danmark u Scandlines Deutschland vs Il‑Kummissjoni (T‑630/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:942), l-unika indikazzjoni li tikkonċerna dan it-tul tinsab fil-kundizzjonal fl-espożizzjoni tal-argumenti tal-partijiet. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 217 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li ma jistax jiġi eskluż, bħala prinċipju, li għajnuna tkun neċessarja għat-twettiq ta’ proġett ta’ tali portata, iżda li l-eżami insuffiċjenti u impreċiż tan-neċessità tal-għajnuna kien żvela l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li kienu jobbligaw lill-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u li ma kinux jippermettulha teżamina jekk hija kinitx wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

175    Fit-tieni lok, għandu jiġi vverifikat jekk, kif isostnu r-rikorrenti, FSS, ECSA, Trelleborg Hamn u VDR, il-Kummissjoni kisritx il-paragrafi 30 u 31 tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI billi ħadet inkunsiderazzjoni l-aġir tal-investituri fis-suq sabiex tiddetermina t-tul rilevanti għall-kalkolu tar-RRI u tad-defiċit ta’ finanzjament.

176    L-ewwel, għat-tul rilevanti għall-finijiet tal-kalkolu tar-RRI, ir-rekwiżit ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż u tal-benefiċċji mistennija kollha kkonċernati “matul il-ħajja tal-proġett”, previst fl-aħħar sentenza tal-paragrafu 30 tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI, għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-indikaturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jitwettaq it-test li jikkonsisti fit-tqabbil tar-RRI mingħajr għajnuna ma’ valur ta’ referenza. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-paragrafu 30 tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI jipprevedi li r-RRI għandu jiġi pparagunat ma’ indikaturi tas-suq, jiġifieri r-rata kritika ta’ profittabbiltà tas-settur jew tal-impriża, filwaqt li jiġi ppreċiżat li jistgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rati normali ta’ profittabbiltà mitluba mill-benefiċjarju fi proġetti oħra ta’ investiment ta’ natura simili kif ukoll l-ispejjeż ta’ investiment globali sostnuti jew ir-rendimenti ġeneralment osservati fis-settur ikkonċernat.

177    Barra minn hekk, f’din il-kawża, kif tfakkar fil-punt 171 iktar ’il fuq, sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-RRI mingħajr għajnuna kienx suffiċjenti sabiex jintlaħaq il-livell minimu ta’ profittabbiltà li kien meħtieġ mis-suq, kien neċessarju li jsir użu mis-SMMK. Din hija rata li tirrappreżenta l-ispiża tal-finanzjament tas-sorsi kollha (dejn, fondi proprji) għal proġett komparabbli. Huwa paċifiku bejn il-partijiet prinċipali li l-valur ta’ din ir-rata jirrifletti l-livell minimu ta’ profittabbiltà li għandu jintlaħaq sabiex il-proġett ikun vijabbli. Dan ġie kkalkolat, kif jirriżulta mill-premessi 328 sa 339 tad-Deċiżjoni kkontestata, billi ttieħdu inkunsiderazzjoni indikaturi tas-suq (primjum ta’ riskju fuq id-dejn, primjum ta’ riskju fuq il-fondi proprji, primjum ta’ riskju speċifiku, rata mingħajr riskju). Għalhekk, peress li t-test previst fil-paragrafu 30 tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI jeħtieġ li jiġi ddeterminat il-livell ta’ profittabbiltà minima fis-suq ta’ proġett komparabbli, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li kisret il-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI billi ddeterminat it-tul rilevanti għall-kalkolu tar-RRI billi ħadet inkunsiderazzjoni l-aġir tal-investituri fis-suq.

178    Bl-istess mod, ir-riferiment għat-“[tul tal]-ħajja tal-proġett” fl-aħħar sentenza tal-paragrafu 30 tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI ma jistax jiġi interpretat bħala li jimplika l-eżami mill-Kummissjoni tal-kwistjoni dwar jekk l-għajnuna teċċedix il-minimu neċessarju sabiex il-proġett ta’ investiment fil-konnessjoni fissa li jibbenefika mill-għajnuna jkun suffiċjentement profittabbli tul il-ħajja ta’ din l-infrastruttura. Fil-fatt, dan ir-riferiment li huwa intiż sabiex jieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż u l-vantaġġi kollha mistennija li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għandu jinftiehem fis-sens li jkopri t-tul tal-ħajja ekonomika tal-proġett ta’ investiment u mhux tal-infrastruttura fil-livell tekniku. Minn dan isegwi li, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, il-Kummissjoni setgħet validament tikkalkola r-RRI mingħajr għajnuna tal-proġett ta’ konnessjoni fissa billi tibbaża ruħha fuq it-tul tal-ħajja ekonomika tal-proġett ta’ investiment.

179    It-tieni, fir-rigward tat-tul użat għall-kalkolu tad-defiċit ta’ finanzjament, mill-paragrafu 31 tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI jirriżulta li l-flussi tal-flus għandhom jiġu aġġornati abbażi ta’ rata ta’ skont xierqa li tieħu inkunsiderazzjoni r-rata ta’ profittabbiltà meħtieġa sabiex il-benefiċjarju jwettaq il-proġett, b’mod partikolari fid-dawl tar-riskji mġarrba. Minn dan jirriżulta li, kif irrilevat il-Kummissjoni, l-analiżi tad-defiċit ta’ finanzjament hija intiża sabiex tiddetermina sa fejn il-proġett jista’ jiġi ffinanzjat skont il-kundizzjonijiet tas-suq. Fil-fatt, mill-paragrafu 5 tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI jirriżulta li l-għajnuna mogħtija għall-implimentazzjoni ta’ proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni hija intiża sabiex tegħleb in-nuqqas ta’ finanzjamenti disponibbli fis-suq għat-twettiq ta’ tali proġetti li jeħtieġu intervent sinjifikattiv mill-awtoritajiet pubbliċi. F’dan il-każ, għall-kalkolu ta’ defiċit ta’ finanzjament, is-SMMK intuża wkoll sabiex jiġu aġġornati l-flussi tal-flus tal-proġett ta’ investiment. Issa, peress li din ir-rata ġiet iddeterminata billi ttieħdu inkunsiderazzjoni l-parametri tas-suq, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li kisret il-paragrafu 31 tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI billi ħadet inkunsiderazzjoni, sabiex tiddetermina t-tul rilevanti għall-kalkolu ta’ defiċit ta’ finanzjament, il-perċezzjoni tal-investituri fis-suq.

180    It-tielet, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti u ta’ FSS, li skontu, essenzjalment, it-tul għall-kalkolu tar-RRI u tad-defiċit ta’ finanzjament għandu jikkorrispondi għall-“perjodu tal-utilizzazzjoni ekonomika tal-assi” li jinsab fil-paragrafu 99 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru (ĠU 2014, C 99, p. 3), għandu jiġi kkonstatat, kif tirrileva l-Kummissjoni, li l-imsemmija linji gwida ma humiex applikabbli f’dan il-każ. Fi kwalunkwe każ, fil-kuntest ta’ din il-kawża, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, it-tul tal-użu ekonomiku tal-assi u, min-naħa l-oħra, it-tul tal-ħajja tal-assi, jiġifieri t-tul tal-infrastruttura fil-livell tekniku. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li t-tul tal-ħajja ta’ 120 sena msemmija fil-premessa 327 tad-Deċiżjoni kkontestata jidher li jirreferi iktar għat-tul tal-ħajja tal-assi fil-livell tekniku. Fil-fatt, fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-mezzi ta’ trasport, huwa diffiċli għal investitur li jipprevedi jekk huwiex possibbli li tiġi operata ekonomikament infrastruttura fuq tul daqstant twil.

[omissis]

183    Fit-tielet lok, għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta użat tul tal-ħajja ekonomika tal-investiment ta’ 40 sena sabiex tikkalkola r-RRI u d-defiċit ta’ finanzjament.

184    F’dan il-każ, kif tfakkar fil-punt 170 iktar ’il fuq, fil-premessa 327 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat ir-raġunijiet li għalihom ma huwiex raġonevoli li jiġi kkunsidrat tul ta’ 120 sena. Għalhekk, peress li hija kellha tiddetermina l-ispiża ta’ finanzjament fis-suq ta’ investiment paragunabbli għal dak magħmul għall-konnessjoni fissa, il-Kummissjoni qieset li kellha tiġi kkunsidrata l-ipoteżi ta’ tul ta’ 40 sena ta’ operat li hija tqis li huwa itwal mit-tul magħżul għal proġetti ta’ infrastruttura oħra fis-setturi tal-portijiet u tal-ajruporti.

185    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li, essenzjalment, it-tul ta’ 40 sena ma jippermettix li jittieħed inkunsiderazzjoni ċertu dħul futur, li jkollu l-effett li jnaqqas artifiċjalment ir-RRI u li jżid artifiċjalment id-defiċit ta’ finanzjament, fid-dawl tal-inċertezzi inerenti għal investimenti fuq perijodu twil ħafna, il-Kummissjoni ma twettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta tikkunsidra li, anki jekk jittieħed inkunsiderazzjoni tul itwal, l-effetti netti fuq dħul eventwali lil hinn minn 40 sena probabbilment ikunu limitati. Fil-fatt, kif tirrileva l-Kummissjoni fir-risposta tagħha, sabiex jipproteġi ruħu mir-riskji inerenti għal investimenti ta’ tul ta’ iktar minn 40 sena, investitur probabbilment kien jeżiġi rendiment ogħla, li kien ikollu l-effett li jżid l-SMMK u, konsegwentement, li jnaqqas il-valur tad-dħul futur aġġornat.

[omissis]

188    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti, FSS, VDR, ECSA u Trelleborg Hamn ma stabbilixxewx li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi bbażat ruħha fuq tul ta’ 40 sena sabiex tikkalkola r-RRI u d-defiċit ta’ finanzjament tal-proġett.

189    Għaldaqstant, ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar l-argument intiż li jikkontesta l-kalkolu tar-RRI mwettaq b’mod kawtelatorju sal‑2100.

190    Għalhekk, l-ilment ibbażat fuq kontestazzjoni tat-tul ta’ żmien użat għall-finijiet tal-kalkolu tar-RRI (neċessità tal-għajnuna) u tal-kalkolu tad-defiċit ta’ finanzjament (proporzjonalità tal-għajnuna) għandu jiġi miċħud.

191    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi.

3.      Fuq ittielet parti, ibbażata fuq ilfatt li lKummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li lgħajnuna hija proporzjonata 

192    Fit-tielet parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jqajmu tliet ilmenti, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq kontestazzjoni tal-limitazzjoni tal-għajnuna ratione temporis, it-tieni wieħed, fuq kontestazzjoni ta’ defiċit ta’ finanzjament u, it-tielet wieħed, fuq kontestazzjoni tal-ammont tal-għajnuna.

a)      Fuq lewwel ilment, ibbażat fuq kontestazzjoni tallimitazzjoni talgħajnuna ratione temporis

193    Ir-rikorrenti, ECSA, Trelleborg Hamn u VDR jikkunsidraw li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dak li jirrigwarda l-proporzjonalità tal-għajnuna inkwistjoni minħabba li din tal-aħħar ma hijiex limitata fiż-żmien u li, fi kwalunkwe każ, it-tul ta’ sittax-il sena wara l-ftuħ tal-konnessjoni fissa, ikkunsidrat fid-Deċiżjoni kkontestata, huwa twil wisq.

194    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju tad-Danimarka, tikkontesta dan l-argument.

195    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-paragrafu 36 tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI jirriżulta li l-għażla tal-istrument ta’ għajnuna tiddependi mill-falliment tas-suq jew minn kull nuqqas sistemiku sinjifikattiv ieħor li huwa jfittex li jirrimedja, filwaqt li jiġi ppreċiżat li, meta l-problema sottostanti tikkonċerna l-aċċess għall-finanzjament, l-Istati Membri għandhom normalment jirrikorru għal għajnuna fil-forma ta’ sostenn ta’ likwidità, bħall-għoti ta’ self jew ta’ garanzija. Fir-rigward ta’ din l-għajnuna fil-forma ta’ self jew ta’ garanzija, in-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 27 inkluża fil-paragrafu 36 tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI tippreċiża li l-għajnuna fil-forma ta’ garanziji għandha tkun limitata ratione temporis, filwaqt li l-għajnuna fil-forma ta’ self għandha tkun akkumpanjata minn termini ta’ rimbors.

196    F’dan il-każ, fil-premessa 348 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li l-awtoritajiet Daniżi kienu żguraw li Femern ma kinitx ser tirrikorri għal self mill-Istat u garanziji mill-Istat li, flimkien, kienu ser jaqbżu ammont massimu ggarantit stabbilit għal 69.3 biljun krona Daniża (DKK) (madwar EUR 9.3 biljun), filwaqt li ġie ppreċiżat li l-imsemmi self u garanziji huma strettament limitati għall-ispejjeż tal-ippjanar u tal-kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa. Barra minn hekk, skont il-mudell alternattiv ta’ defiċit ta’ finanzjament, trażmess mill-awtoritajiet Daniżi matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 349 tad-Deċiżjoni kkontestata, li sittax-il sena wara l-bidu tal-operat is-self kollu li jibbenefika minn garanzija tal-Istat ser jingħalaq u li s-self kollu mill-Istat miksub kien ser jiġi rrimborsat. Skont il-Kummissjoni, hekk kif jirriżulta mill-premessa 350 tad-Deċiżjoni kkontestata, minn dan tirriżulta għajnuna ugwali għad-defiċit ta’ finanzjament ta’ ammont ta’ DKK 12.046 biljun (madwar EUR 1.615 biljun). Barra minn hekk, mill-premessa 351 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, peress li ma jistax jiġi eskluż li d-defiċit ta’ finanzjament jkun sopravalutat minħabba l-inklużjoni ta’ baġit ta’ riżerva, l-awtoritajiet Daniżi jkollhom jikkalkolaw mill-ġdid id-defiċit ta’ finanzjament sa mhux iktar tard minn ħames snin wara l-bidu tal-operat, filwaqt li jiġi ppreċiżat li jekk id-defiċit ta’ finanzjament ikun inqas minn dak li kien previst inizjalment, l-ammont massimu ggarantit jitnaqqas għal DKK 66.1 biljun (madwar EUR 8.9 biljun) u l-perijodu massimu ta’ garanzija jitnaqqas għal ħdax-il sena mill-bidu tal-operat.

197    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argumenti li t-tul tal-għajnuna ma huwiex limitat fiż-żmien, l-ewwel, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti, ta’ ECSA, ta’ Trelleborg Hamn u ta’ VDR ibbażat fuq il-fatt li, essenzjalment, il-Kummissjoni ma pprovdiet ebda indikazzjoni fir-rigward tal-mument tal-għoti tal-għajnuna. Fil-fatt, kif issostni l-Kummissjoni, id-dati li fihom it-tliet għajnuniet individwali ngħataw suċċessivament lil Femern jinsabu fil-premessa 259 tad-Deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, tali argument ma huwiex rilevanti sabiex jiġi sostnut li l-Kummissjoni kisret ir-rekwiżit li jirriżulta mill-paragrafu 36 tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI, imfakkar fil-punt 195 iktar ’il fuq, li jgħid li l-għajnuna fil-forma ta’ garanziji għandha tkun limitata ratione temporis u dik fil-forma ta’ self għandha tkun akkumpanjata minn termini ta’ rimbors. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI ma teħtieġx li jiġu ddeterminati dati preċiżi, b’tali mod li ma huwiex neċessarju li jkun magħruf bi preċiżjoni l-mument tal-għoti tal-għajnuna.

198    It-tieni, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li, essenzjalment, l-għajnuna ma hijiex limitata ratione temporis minħabba li ma huwiex possibbli li tiġi ddeterminata d-data tat-tmiem tal-għajnuna minħabba n-natura inċerta tad-data tal-ftuħ tal-konnessjoni fissa, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni żgurat ruħha, fil-premessi 348 sa 351 tad-Deċiżjoni kkontestata, li jiġu stabbiliti limiti ratione temporis għall-għoti ta’ self mill-Istat u ta’ garanziji mill-Istat.

199    Minn naħa, kif indikat fil-premessa 349 tad-Deċiżjoni kkontestata, is-self kollu li jibbenefika minn garanzija għandu jkun ingħalaq sa mhux iktar tard minn sittax-il sena wara l-bidu tal-operat tal-konnessjoni fissa u s-self kollu mill-Istat kellu jiġi rrimborsat, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li ebda garanzija ma tingħata wara r-rimbors tad-dejn reali jekk il-perijodu ta’ rimbors tiegħu jkun inqas minn sittax-il sena.

200    Min-naħa l-oħra, is-self mill-Istat u l-garanziji mill-Istat huma strettament limitati għall-finanzjament tal-ispejjeż tal-ippjanar u tal-kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa u l-awtoritajiet Daniżi ma humiex awtorizzati jagħtu lil Femern tali self u garanziji għal ammont li jeċċedi l-ammont massimu ggarantit stabbilit għal DKK 69,3 biljun (madwar EUR 9.3 biljun), filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li l-imsemmi ammont jinkludi wkoll l-interessi tad-dejn sottoskritt għall-finanzjament tal-ippjanar u tal-kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa. Għaldaqstant, kif irrilevat il-Kummissjoni, dewmien eventwali fil-ftuħ komplet tal-konnessjoni fissa jkollu l-effett li jżid id-dejn sottoskritt sabiex jiffinanzja l-ippjanar u l-kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa, li huwa strettament limitat mill-ammont massimu ggarantit u t-terminu ta’ rimbors ta’ sittax-il sena wara l-ftuħ tal-konnessjoni fissa. Minn dan jirriżulta li, fil-każ li Femern ikollha bżonn, sabiex tiffinalizza l-kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa, self mill-Istat jew garanziji mill-Istat għal ammont ikkombinat li jeċċedi l-ammont massimu ggarantit, l-awtoritajiet Daniżi jkunu obbligati jinnotifikaw dawn il-finanzjamenti addizzjonali li ma jkunux koperti mid-dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà tad-Deċiżjoni kkontestata. Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma jistgħux isostnu li jkun fl-interess ta’ Femern li ddewwem id-dħul fis-servizz sħiħ tal-konnessjoni fissa sabiex jiġi estiż it-tul tal-għajnuna.

201    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, peress li jista’ jkun li d-defiċit ta’ finanzjament jkun sopravalutat minħabba l-inklużjoni ta’ baġit ta’ riżerva fl-ammont massimu ggarantit, il-Kummissjoni eżiġiet, fil-premessa 351 tad-Deċiżjoni kkontestata, li l-awtoritajiet Daniżi jerġgħu jikkalkolaw, sa mhux iktar tard minn ħames snin wara l-bidu tal-operat tal-konnessjoni fissa, id-defiċit ta’ finanzjament. F’każ li d-defiċit ta’ finanzjament kien sopravalutat, l-ammont massimu garantit jista’ jitnaqqas għal DKK 66.1 biljun (madwar EUR 8.9 biljun) u l-perijodu massimu ggarantit jista’ jitnaqqas għal ħdax-il sena mill-bidu tal-operat.

202    Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-modalitajiet ta’ limitazzjoni tat-tul tas-self mill-Istat u tal-garanziji mill-Istat fid-Deċiżjoni kkontestata ma jiksrux il-motivi tas-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Scandlines Danmark u Scandlines Deutschland vs Il‑Kummissjoni (T‑630/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:942), minħabba li d-data tat-tmiem tal-għajnuna ma hijiex preċiża biżżejjed.

203    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li, fis-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Scandlines Danmark u Scandlines Deutschland vs Il‑Kummissjoni (T-630/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:942), il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-eżami tal-proporzjonalità tal-għajnuna, iżda li hija kellha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali minħabba diffikultajiet serji fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-għajnuna. B’mod partikolari, fir-rigward tat-tul tal-garanziji, il-Qorti Ġenerali kienet ikkunsidrat li, fid-dawl tan-natura parzjalment indeterminata tal-għan tagħhom u tat-tul estremament twil u indeterminat, jew saħansitra imprevedibbli, tal-perijodu tar-rimbors tad-dejn, il-Kummissjoni kellha tistaqsi dwar il-proporzjonalità tal-għajnuna kontenzjuża.

204    Għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti jiżbaljaw dwar il-portata tal-konstatazzjoni inċidentali dwar id-data tal-ftuħ tal-konnessjoni fissa, magħmula fil-punt 230 tas-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Scandlines Danmark u Scandlines Deutschland vs Il‑Kummissjoni (T‑630/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:942). Ċertament, il-Qorti Ġenerali invokat id-data inċerta tal-ftuħ tal-konnessjoni fissa. Madankollu, minn qari tal-punti 230 sa 233 tal-imsemmija sentenza jirriżulta li din il-konstatazzjoni inċidentali kienet tikkostitwixxi biss wieħed mill-elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex jiġi konkluż, f’ċirkustanzi differenti minn dawk tal-każ inkwistjoni, li l-Kummissjoni kellha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Fil-fatt, fir-rigward tan-natura parzjalment indeterminata tas-suġġett tal-garanziji, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-garanziji kkontestati kienu jkopru d-dejn sottoskritt għall-ippjanar, għall-kostruzzjoni u għall-operat tal-konnessjoni fissa, iżda li l-imsemmija garanziji ma kinux relatati ma’ ammont preċiż. Fir-rigward tat-tul estremament twil u indeterminat, jew imprevedibbli, tal-perijodu tar-rimbors tad-dejn, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-awtoritajiet Daniżi setgħu jagħtu garanziji ġodda għal tul ta’ 55 sena mid-data tal-ftuħ tal-konnessjoni fissa. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-effett tal-garanziji kien imur ferm lil hinn mill-perijodu ta’ 55 sena mill-ftuħ tal-konnessjoni fissa, jiġifieri sar-rimbors tas-self li jibbenefika mill-garanzija tal-Istat.

205    Għandu jiġi kkonstatat li l-modalitajiet ta’ limitazzjoni tat-tul tas-self mill-Istat u tal-garanziji mill-Istat, kif iddefiniti fid-Deċiżjoni kkontestata, ma jistgħux jiġu pparagunati ma’ dawk li kienu jirregolaw l-għoti ta’ garanziji fid-Deċiżjoni dwar il-kostruzzjoni tal-2015. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessi 348 sa 351 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni żgurat ruħha li l-għan tas-self mill-Istat u tal-garanziji mill-Istat ikun strettament limitat, inkluż f’dak li jirrigwarda l-ammont massimu tad-dejn li jista’ jiġi ggarantit. Barra minn hekk, huwa meħtieġ li, sa mhux iktar tard minn sittax-il sena wara l-bidu tal-operat tal-konnessjoni fissa, is-self kollu li jibbenefika minn garanzija jingħalaq u li s-self kollu mill-Istat jiġi rrimborsat. Barra minn hekk, f’każ li d-defiċit ta’ finanzjament kien sopravalutat, huwa previst li jitnaqqsu kemm l-ammont massimu ggarantit kif ukoll it-tul tar-rimbors tas-self u tal-garanziji.

206    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma jistgħux jikkritikaw lill-Kummissjoni talli kisret ir-rekwiżit ta’ limitazzjoni ratione temporis tal-għajnuna li jirriżulta mill-paragrafu 36 tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI.

207    Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk, kif isostnu r-rikorrenti, ECSA, Trelleborg Hamn u VDR, il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni minħabba li l-perijodu ta’ sittax-il sena mill-ftuħ tal-konnessjoni fissa huwa twil wisq sa fejn jaqbeż il-mument li fih Femern tkun kapaċi, abbażi tal-fluss ta’ likwidità tagħha, tiffinanzja lilha nnifisha fis-suq, b’tali mod li lil hinn minn dan il-mument l-għajnuna tkun tikkostitwixxi għajnuna għall-funzjonament inkompatibbli mas-suq intern.

208    Għandu jiġi rrilevat li dan l-argument huwa bbażat fuq qari iżolat tal-punt 242 tas-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Scandlins Danmark u Scandlines Deutschland vs Il‑Kummissjoni (T‑630/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:942), li fiha l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-għajnuna għandha tiskadi fil-mument meta l-benefiċjarju jkun kapaċi, abbażi tal-fluss ta’ likwidità tiegħu, jissellef fis-suq kompetittiv mingħajr l-għajnuna ta’ garanziji jew ta’ self mill-Istat. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kienet ippreċiżat li dan il-mument kien normalment intlaħaq meta l-ammont tad-dejn tal-benefiċjarju kien naqas għal livell li fih id-dħul seta’ jeċċedi l-ispejjeż tal-operat u r-rimbors tad-dejn fil-kundizzjonijiet tas-suq u għalhekk qabel ir-rimbors komplet tad-dejn. Għaldaqstant, skont il-Qorti Ġenerali, l-għajnuna li teċċedi dan il-livell tista’ titqies bħala għajnuna għall-funzjonament.

209    Issa, il-punt 242 tas-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Scandlines Danmark u Scandlines Deutschland vs Il‑Kummissjoni (T‑630/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:942), la jista’ jinqara u lanqas jiġi interpretat indipendentement mill-kuntest li fih kienet adita l-Qorti Ġenerali, jiġifieri, kif jirriżulta mill-punt 240 ta’ din is-sentenza, dak tal-miżuri kontenzjużi favur Femern li kienu jkopru mhux biss id-dejn marbut mal-ippjanar u mal-kostruzzjoni, iżda wkoll dak relatat mal-operat tal-konnessjoni fissa. Għaldaqstant, fil-punt 241 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali rrilevat li sa fejn l-għajnuna kontenzjuża kienet tkopri l-ispejjeż tal-operat tal-konnessjoni fissa, ma jistax jiġi eskluż li, sa ċertu punt, hija tista’ tikkostitwixxi għajnuna għall-funzjonament intiża sabiex teħles lil impriża mill-ispejjeż li hija normalment kien ikollha tbati fil-kuntest tal-ġestjoni ta’ kuljum tal-attivitajiet tagħha, raġuni li għaliha hija stabbilixxiet il-kriterju invokat mir-rikorrenti, ECSA, Trelleborg Hamn u VDR.

210    Għandu jiġi kkonstatat li, b’differenza mid-Deċiżjoni dwar il-kostruzzjoni tal‑2015 li l-Qorti Ġenerali annullat permezz tas-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Scandlines Danmark u Scandlines Deutschland vs Il‑Kummissjoni (T‑630/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:942), mill-premessa 348 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod partikolari li s-self mill-Istat u l-garanziji mill-Istat huma strettament limitati għall-finanzjament neċessarju sabiex jiġu koperti l-ispejjeż sostnuti matul il-fażijiet ta’ ppjanar u ta’ kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa. Minn dan isegwi li, fl-assenza ta’ self jew ta’ garanziji li jistgħu jkopru spejjeż tal-operat, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tillimita t-tul tal-għajnuna fil-mument li fih il-benefiċjarju jkun jista’, abbażi tal-fluss ta’ likwidità tiegħu, jissellef fis-suq kompetittiv mingħajr l-għajnuna ta’ garanziji jew ta’ self mill-Istat.

211    Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti, ECSA, Trelleborg Hamn u VDR ma pproduċew ebda prova li tippermetti li jiġi stabbilit li l-limitu ta’ sittax-il sena mill-ftuħ tal-konnessjoni fissa huwa manifestament żbaljat. Fil-fatt, ir-rikorrenti sempliċement isostnu li d-dħul mill-operat tal-entitajiet inkarigati mill-kostruzzjoni u mill-operat tal-konnessjonijiet fissi ta’ Grand-Belt u tal-Istrett tal-Øresund kien eċċeda l-ammont tal-ispejjeż tal-operat u tar-rimbors tad-dejn mir-raba’ jew il-ħames sena mill-ftuħ tal-imsemmija konnessjonijiet. Issa, minbarra l-fatt li din l-affermazzjoni ma hijiex sostnuta minn provi probatorji, ir-rikorrenti lanqas ma wrew li Femern hija f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik tal-entitajiet inkarigati mill-kostruzzjoni u mill-operat tal-konnessjonijiet fissi tal-Grand-Belt u tal-Istrett tal-Øresund, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda r-remunerazzjoni mitluba għas-self mill-Istat u l-garanziji mill-Istat jew il-fatt li l-entitajiet inkarigati mill-imsemmija konnessjonijiet setgħu jibbenefikaw minn garanziji tal-Istat li jistgħu jkopru l-ispejjeż tal-operat.

212    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti, ECSA, Trelleborg Hamn u VDR ma wrewx li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta llimitat it-tul tal-għajnuna għal perijodu ta’ sittax-il sena mill-ftuħ tal-konnessjoni fissa.

213    Għaldaqstant, l-ewwel ilment ibbażat fuq kontestazzjoni tal-limitazzjoni tal-għajnuna ratione temporis għandu jiġi miċħud.

b)      Fuq ittieni lment, ibbażat fuq kontestazzjoni ta’ defiċit ta’ finanzjament

214    It-tieni lment tat-tielet parti tat-tieni motiv jinqasam fi tliet ilmenti sekondarji, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq kontestazzjoni tad-dħul meħud inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tad-defiċit ta’ finanzjament, it-tieni wieħed, fuq kontestazzjoni tal-ispejjeż meħuda inkunsiderazzjoni fil-kalkolu ta’ defiċit ta’ finanzjament u, it-tielet wieħed, fuq kontestazzjoni tat-tul użat għall-finijiet tal-kalkolu ta’ defiċit ta’ finanzjament.

215    Peress li t-tielet ilment sekondarju diġà ġie eżaminat fil-punti 168 sa 190 iktar ’il fuq, fil-kuntest tat-tielet ilment tat-tieni parti tat-tieni motiv, jibqa’ li tiġi eżaminata l-fondatezza tal-ewwel u tat-tieni ilment sekondarji.

1)      Fuq lewwel ilment sekondarju, ibbażat fuq kontestazzjoni taddħul

216    Ir-rikorrenti, DFA u Rederi Nordö-Link isostnu li għad-determinazzjoni ta’ defiċit ta’ finanzjament, il-Kummissjoni ssottovalutat id-dħul ta’ Femern sabiex iżżid b’mod artifiċjali d-defiċit ta’ finanzjament.

217    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju tad-Danimarka, tikkontesta dan l-argument.

218    F’dan il-każ, fir-rigward tad-dħul tal-konnessjoni fissa, il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-premessa 322 tad-Deċiżjoni kkontestata, li l-previżjonijiet tat-traffiku tat-triq kienu raġonevoli, b’mod partikolari sa fejn dawn il-previżjonijiet jieħdu inkunsiderazzjoni d-distribuzzjoni mill-ġdid tat-traffiku marbut mat-tnaqqis tat-tariffa tal-konnessjoni fissa tal-Grand-Belt kif ukoll taż-żamma ta’ kompetizzjoni tas-servizzi tal-laneċ. F’dan ir-rigward, hija indikat li investitur raġonevoli kien jieħu inkunsiderazzjoni, fl-analiżi finanzjarja tiegħu, iż-żamma tas-servizzi tal-laneċ u jqis li servizz ta’ frekwenza ta’ siegħa kien xieraq.

219    Barra minn hekk, fil-premessa 323 tad-Deċiżjoni kkontestata, dwar il-prezzijiet stmati, il-Kummissjoni rrilevat li d-dħul mill-operat kien jaqbeż sew l-ispejjeż tal-operat u li ma jistax jintalab li l-prezzijiet jikkumpensaw l-ispejjeż kollha, inklużi l-ispejjeż tal-kostruzzjoni. Madankollu, hija ppreċiżat li l-prezzijiet stmati fil-mudell ta’ defiċit ta’ finanzjament ma setgħux ikunu artifiċjalment baxxi. F’dan il-każ, hija rrilevat li l-leġiżlazzjoni Daniża kienet stabbilixxiet il-prinċipju li l-livell tal-prezz għat-traffiku tat-triq kellu jkun fil-livell tal-prezzijiet applikati għall-konnessjoni tal-laneċ bejn Rødby u Puttgarden fl‑2007, aġġustat skont iż-żieda ġenerali fil-prezzijiet fil-mument tal-ftuħ. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkonstatat li l-projezzjonijiet ta’ traffiku kienu tfasslu abbażi ta’ dawn il-prezzijiet u li l-istabbiliment ta’ struttura ta’ prezzijiet iddifferenzjata kellu effett limitat fuq id-dħul. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qieset li d-dħul stmat li joriġina mit-traffiku tat-triq kien plawżibbli u xieraq. Fir-rigward tad-dħul li joriġina mill-ferrovija, fil-premessa 324 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-bażi ta’ kalkolu għall-imsemmi dħul kienet raġonevoli.

220    Għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ dan l-ilment sekondarju, ir-rikorrenti, DFA u Rederi Nordö-Link jillimitaw ruħhom li jikkontestaw il-fatt li, sabiex tqis li d-dħul mit-traffiku tat-triq seta’ jitqies bħala plawżibbli u xieraq, il-Kummissjoni aċċettat l-ipoteżi ta’ prezzijiet li jinsabu fil-livell tal-prezzijiet applikati għall-konnessjoni tal-laneċ bejn Rødby u Puttgarden fl‑2007, aġġustati għall-inflazzjoni.

221    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-paragrafu 31 tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI, id-defiċit ta’ finanzjament tinftiehem bħala d-differenza bejn il-flussi ta’ flus pożittivi u l-flussi tal-flus negattivi fuq it-tul tal-ħajja tal-investiment, ikkontabbilizzati għall-valur aġġornat tagħhom abbażi ta’ rata ta’ skont xierqa li tieħu inkunsiderazzjoni r-rata ta’ profittabbiltà meħtieġa sabiex il-benefiċjarju jwettaq il-proġett, b’mod partikolari fir-rigward tar-riskji mġarrba.

222    Barra minn hekk, peress li d-defiċit ta’ finanzjament huwa intiż sabiex jiġi ddeterminat sa fejn il-proġett jista’ jiġi ffinanzjat skont il-kundizzjonijiet tas-suq, fl-evalwazzjoni tad-dħul, il-Kummissjoni, DFA u Rederi Nordö-Link ġustament iqisu li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-imġiba ta’ investitur privat fis-suq li, sa fejn huwa possibbli, ifittex li d-dħul jiġi stabbilit f’livell li jippermetti li l-ispejjeż ta’ investiment jiġu rkuprati kemm jista’ jkun.

223    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti mqajma mir-rikorrenti, DFA u Rederi Nordö-Link.

224    L-ewwel, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li, essenzjalment, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn aċċettat li d-dħul ta’ Femern ma kienx jikkumpensa l-ispejjeż kollha tagħha, inklużi l-ispejjeż tal-kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa, għandu jiġi rrilevat li l-paragrafu 31 tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi li d-dħul ikopri l-ispejjeż kollha sostnuti mill-benefiċjarju tal-għajnuna. Fil-fatt, kif irrilevat il-Kummissjoni fil-premessa 323 tad-Deċiżjoni kkontestata, li kieku kellu jiġi rikjest li d-dħul jiġi ffissat f’livell li jippermetti li jiġu koperti l-ispejjeż kollha tal-kostruzzjoni u tal-operat, ma jkunx hemm defiċit ta’ finanzjament, b’tali mod li ebda għajnuna ma tkun tista’ tiġi awtorizzata anki jekk din tkun neċessarja għat-twettiq tal-proġett ta’ investiment.

225    Barra minn hekk, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, il-fatt li prezzijiet ikunu ogħla ma jwassalx awtomatikament għal żieda fid-dħul minħabba l-elastiċità tat talba meta mqabbla mal-prezz. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti, DFA u Rederi Nordö-Link ma jikkontestawx il-konstatazzjoni magħmula fil-premessa 323 tad-Deċiżjoni kkontestata li tgħid li mill-analiżi finanzjarja tal‑2016 jirriżulta li struttura ta’ prezzijiet iddifferenzjata għandha biss impatt relattivament limitat fuq id-dħul globali.

226    Barra minn hekk, fir-replika tagħhom ir-rikorrenti jirrikonoxxu li prezzijiet ogħla ma jimplikawx awtomatikament żieda fid-dħul minħabba l-kompetizzjoni eżerċitata minn operaturi oħra fis-suq. Kuntrarjament għal dak li jsostnu, tali ċirkustanza ma tfissirx li l-mudell ekonomiku magħżul għall-konnessjoni fissa ma huwiex xieraq, iżda jikkonferma li l-għoti ta’ għajnuna huwa neċessarju għat-twettiq ta’ tali proġett.

227    It-tieni, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti, DFA u Rederi Nordö-Link ma pproduċew ebda prova li tistabbilixxi li kien possibbli li jinkiseb dħul ikbar billi jiġu ffissati prezzijiet ogħla għat-traffiku tat-triq.

228    Għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li l-argument ta’ DFA u ta’ Rederi Nordö-Link li, essenzjalment, il-prezzijiet għall-użu tal-konnessjoni fissa għandhom ikunu ogħla mill-prezzijiet tas-servizzi tal-laneċ offruti fuq il-konnessjoni bejn Rødby u Puttgarden minħabba li l-konnessjoni fissa tipprovdi servizz ogħla minn dawk tal-operaturi tal-laneċ ma huwa sostnut minn ebda prova. Fil-fatt, dawn l-intervenjenti ma jirreferu għal ebda prova dwar il-prezzijiet applikati mill-operatur attwali tal-laneċ fuq il-konnessjoni bejn Rødby u Puttgarden. Għaldaqstant, DFA u Rederi Nordö-Link ma jistgħux isostnu li l-prezzijiet għall-użu tal-konnessjoni fissa huma effettivament ugwali jew iktar baxxi minn dawk applikati mill-operatur attwali tal-laneċ fuq din il-konnessjoni.

229    Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-eżempju tat-tariffi pprattikati minn Eurotunnel, invokat minn DFA u Rederi Nordö-Link, ma huwa sostnut minn ebda prova. Barra minn hekk, sa fejn jikkonċerna l-konnessjoni fissa taċ-Channel Tunnel, dan l-eżempju ma jistax ikun rilevanti, sa fejn mill-elementi tal-fajl jirriżulta li din il-konnessjoni fissa hija prevista biss għal traffiku tal-ferrovija. Issa, għandu jiġi rrilevat li la r-rikorrenti u lanqas dawn l-intervenjenti ma jikkontestaw il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, fil-premessa 324 tad-Deċiżjoni kkontestata, li l-bażi ta’ kalkolu għad-dħul mill-operat tal-linji tal-ferrovija hija raġonevoli.

230    Fl-aħħar, fir-rigward tal-eżempju tal-pont Rion-Antirion (il-Greċja), il-fatt li l-prezzijiet għat-traffiku tat-triq permezz tal-konnessjoni fissa huma ogħla minn dawk tas-servizzi tal-laneċ ma jistax ikun rilevanti fl-assenza ta’ elementi tal-kuntest li jistgħu jistabbilixxu li s-sitwazzjoni ta’ din il-konnessjoni fissa tkun, tal-inqas sa ċertu punt, f’sitwazzjoni komparabbli mal-konnessjoni fissa tal-Istrett ta’ Fehmarn. Fil-fatt, fl-assenza ta’ data dwar l-ispejjeż tal-kostruzzjoni, il-modalitajiet ta’ finanzjament tal-pont Rion-Antirion jew ta’ eventwali qafas tal-prezzijiet għall-użu ta’ din il-konnessjoni fissa mill-awtoritajiet pubbliċi, ma tista’ tinsilet l-ebda konklużjoni mid-differenza bejn il-prezzijiet applikati għat-traffiku tat-triq li juża dan il-pont u dawk previsti għall-użu tal-parti tat-triq tal-konnessjoni fissa.

[omissis]

235    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti, DFA u Rederi Nordö-Link ma wrewx li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni li jikkonsisti f’sottovalutazzjoni tad-dħul meħud inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tad-defiċit ta’ finanzjament.

236    Għaldaqstant, l-ewwel ilment sekondarju bbażat fuq kontestazzjoni tad-dħul meħud inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tad-defiċit ta’ finanzjament għandu jiġi miċħud.

2)      Fuq ittieni lment sekondarju, ibbażat fuq kontestazzjoni talispejjeż

237    Ir-rikorrenti, DFA u Rederi Nordö-Link iqisu li l-Kummissjoni wettqet żball meta inkludiet l-ispejjeż ta’ finanzjament mill-ġdid tas-self fil-kalkolu tad-defiċit ta’ finanzjament.

238    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju tad-Danimarka, tikkontesta dan l-argument.

239    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-għajnuna għall-funzjonament intiża għaż-żamma tal-istatus quo jew sabiex teħles lil impriża mill-ispejjeż li hija kien ikollha normalment issostni fil-kuntest tal-ġestjoni ta’ kuljum jew tal-attivitajiet normali tagħha ma tistax, bħala prinċipju, titqies li hija kompatibbli mas-suq intern (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 1990, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑86/89, EU:C:1990:373, punt 18; tat‑22 ta’ Settembru 2020, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, C‑594/18 P, EU:C:2020:742, punt 119, u tat‑12 ta’ Lulju 2018, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, T‑356/15, EU:T:2018:439, punt 579).

240    Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 221 iktar ’il fuq, mill-paragrafu 31 tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI jirriżulta li l-livell massimu tal-għajnuna għandu jiġi ddefinit skont id-defiċit ta’ finanzjament iddeterminat fir-rigward tal-ispejjeż eliġibbli. Fir-rigward tal-ispejjeż eliġibbli taħt miżuri ta’ għajnuna favur proġett importanti ta’ interess Ewropew komuni, il-punt (h) tal-anness tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI jippreċiża li spejjeż oħra minbarra dawk imsemmija fil-punti (a) sa (g) tal-imsemmi anness jistgħu jiġu aċċettati jekk dawn ikun iġġustifikati u jekk ikunu inseparabbli mit-twettiq tal-proġett, bl-esklużjoni tal-ispejjeż tal-operat mhux koperti mill-punt (g), li jikkonċernaw l-għajnuna għal proġett tal-ewwel implimentazzjoni industrijali.

241    F’dan il-każ, minn naħa, fil-premessa 320 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-ispejjeż eliġibbli kienu limitati għall-ispejjeż ta’ kostruzzjoni tal-proġett, li jinkludu l-ispejjeż ta’ ppjanar kif ukoll l-ispejjeż ta’ promozzjoni, ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ informazzjoni. Min-naħa l-oħra, fil-premessi 325 u 326 tad-Deċiżjoni kkontestata, hija fakkret li l-kwistjoni dwar jekk l-ispejjeż tal-operat setgħux jiġu inklużi fil-kalkolu ta’ defiċit ta’ finanzjament kienet differenti mill-kwistjoni dwar jekk ingħatatx għajnuna għall-funzjonament. Hija indikat li l-paragrafu 31 tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI kien jirreferi għad-differenza bejn il-flussi tal-flus pożittivi u l-flussi tal-flus negattivi sabiex jiġi ddeterminat id-defiċit ta’ finanzjament, filwaqt li ġie ppreċiżat li l-loġika wara t-teħid ta’ deċiżjoni fil-qasam tal-investiment tikkonsisti fil-paragun ex ante tal-ispejjeż ta’ investiment mad-dħul futur u mal-ispejjeż futuri tal-operat. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ppreċiżat ukoll li l-investituri ġeneralment ma jiħdux deċiżjoni pożittiva dwar l-investiment sakemm dan il-paragun jirriżulta f’diskrepanza jew valur attwali nett (VAN) negattiv. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrilevat li dan il-metodu kien ikkonfermat mill-kriterji ta’ kompatibbiltà stabbiliti fir-Regolament tal‑Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas‑17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU 2014, L 187, p. 1, rettifika fil-ĠU 2023, L 137, p. 71).

242    Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li n-noti tar-rikorrenti, ta’ DFA u ta’ Rederi Nordö-Link ma jinkludu ebda argument sostnut insostenn tal-affermazzjoni li l-Kummissjoni wettqet żball meta integrat spejjeż tal-operat fil-flussi tal-flus negattivi tal-proġett ta’ investiment. B’mod partikolari, ebda argument ma tqajjem espliċitament sabiex tiġi kkontestata l-fondatezza tal-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fil-premessi 325 u 326 tad-Deċiżjoni kkontestata.

243    Mistoqsija waqt is-seduta mill-Qorti Ġenerali sabiex jiġi ppreċiżat l-argument tagħhom, ir-rikorrenti indikaw li s-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, HH Ferries et vs Il‑Kummissjoni (T‑68/15, EU:T:2018:563), kienet ipprojbixxiet l-inklużjoni tal-ispejjeż tal-operat fid-defiċit ta’ finanzjament. Ir-rikorrenti indikaw ukoll li din il-projbizzjoni kienet tirriżulta mill-anness tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI, li teskludi l-ispejjeż tal-operat mill-ispejjeż eliġibbli. Barra minn hekk, Rederi Nordö-Link issostni li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż tal-operat fid-defiċit ta’ finanzjament iwassal sabiex tiġi awtorizzata għajnuna għall-funzjonament u sabiex tiżdied artifiċjalment id-defiċit ta’ finanzjament.

244    L-ewwel, għandu jiġi rrilevat li, kif issostni l-Kummissjoni, l-inklużjoni tal-ispejjeż tal-operat fil-flussi tal-flus negattivi tal-proġett ta’ investiment sabiex jiġi kkalkolat id-defiċit ta’ finanzjament ma għandhiex bħala konsegwenza l-għoti ta’ għajnuna għall-finanzjament. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 323 tad-Deċiżjoni kkontestata, id-dħul mill-operat li, korrelattivament, għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni skont il-flussi tal-flus pożittivi jaqbżu sew l-ispejjeż tal-operat. Għaldaqstant, Rederi Nordö-Link ma tistax issostni li l-inklużjoni tal-ispejjeż tal-operat fid-defiċit ta’ finanzjament ser ikollha bħala effett l-għoti ta’ għajnuna għall-funzjonament.

245    It-tieni, għandu jiġi kkonstatat li l-argument ta’ DFA u ta’ Rederi Nordö-Link li l-inklużjoni tal-ispejjeż tal-operat fil-kalkolu tad-defiċit ta’ finanzjament ikollha l-effett li żżid b’mod artifiċjali dan id-defiċit ma jistax ikun biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-Kummissjoni kisret il-paragrafu 31 tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI billi inkludiet l-ispejjeż tal-operat fil-kalkolu tad-defiċit ta’ finanzjament. Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 241 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni spjegat, fil-premessa 326 tad-Deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet li għalihom l-ispejjeż tal-operat kienu jagħmlu parti integrali mill-analiżi tad-defiċit ta’ finanzjament. Minn dan isegwi li, fl-assenza ta’ elementi ta’ natura li jikkontestaw il-validità ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet, dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

246    Fir-rigward tas-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, HH Ferries et vs Il‑Kummissjoni (T‑68/15, EU:T:2018:563), il-Qorti Ġenerali ma wasslitx sabiex tinterpreta l-kunċett ta’ “lakuna ta’ finanzjament” fis-sens tal-paragrafu 31 tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI. Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma jistgħux isostnu li din is-sentenza tista’ tiġi interpretata bħala li pprojbixxiet l-inklużjoni tal-ispejjeż tal-operat fil-kalkolu tad-defiċit ta’ finanzjament.

247    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti, DFA u Rederi Nordö-Link ma wrewx li l-kalkolu tad-defiċit ta’ finanzjament imwettaq mill-Kummissjoni kiser il-paragrafu 31 tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI minħabba l-inklużjoni tal-ispejjeż tal-operat fil-flussi ta’ flus negattivi tal-proġett ta’ investiment.

248    Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti, DFA u Rederi Nordö-Link jibbażaw ruħhom ukoll fuq is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, HH Ferries et vs Il‑Kummissjoni (T‑68/15, EU:T:2018:563), sabiex isostnu li l-Kummissjoni wettqet żball sa fejn hija qieset, fil-premessa 294 tad-Deċiżjoni kkontestata, li l-garanziji mogħtija għas-self iffinanzjat mill-ġdid relatat mal-ispejjeż ta’ ppjanar u ta’ kostruzzjoni ma kinux jikkostitwixxu għajnuna għall-funzjonament.

249    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mis-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, HH Ferries et vs Il-Kummissjoni (T‑68/15, EU:T:2018:563), u b’mod partikolari mill-punti 107, 108 u 111 tagħha, jirriżulta li ma jistax jiġi eskluż li garanziji statali mogħtija sabiex jiġu koperti l-ispejjeż tal-operat tal-benefiċjarju tal-għajnuna jistgħu jikkostitwixxu għajnuna għall-funzjonament. Min-naħa l-oħra, minn dan ma jirriżultax li garanziji bħal dawk mogħtija għas-self iffinanzjat mill-ġdid relatati mal-ispejjeż ta’ ppjanar u ta’ kostruzzjoni u mhux tal-operat jikkostitwixxu tali għajnuna għall-funzjonament.

250    Issa, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-premessi 292 u 293 tad-Deċiżjoni kkontestata, l-awtoritajiet Daniżi llimitaw l-għoti ta’ self mill-Istat u ta’ garanziji mill-Istat għall-finanzjamenti neċessarji sabiex ikopru l-ispejjeż sostnuti matul il-fażijiet ta’ ppjanar u ta’ kostruzzjoni, bl-esklużjoni tal-ispejjeż tal-operat. Fid-dawl ta’ din il-limitazzjoni, il-Kummissjoni setgħet validament tqis li din kienet għajnuna għall-investiment, mingħajr ma din il-konklużjoni tista’ tiġi kkontestata, kif isostnu r-rikorrenti, DFA u Rederi Nordö-Link mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, HH Ferries et vs Il‑Kummissjoni (T‑68/15, EU:T:2018:563).

251    Fir-rigward tal-argument ta’ DFA u ta’ Rederi Nordö-Link li Femern tibbenefika minn għajnuna għall-funzjonament minħabba li l-miżuri ta’ għajnuna favur tagħha jistgħu jibqgħu jeżistu għal perijodu ta’ sittax-il sena wara l-ftuħ sħiħ tal-konnessjoni fissa filwaqt li dan il-perijodu jmur lil hinn mill-mument li fih din l-entità tkun tista’, abbażi tal-fluss ta’ likwidità tagħha, tiffinanzja lilha nnifisha fis-suq kompetittiv mingħajr għajnuna, għandu jiġi rrilevat li dan jikkoinċidi ma’ dak diġà eżaminat fil-punti 208 sa 212 iktar ’il fuq u għandu, konsegwentement, jiġi miċħud għall-istess raġunijiet.

252    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta kkunsidrat li l-finanzjament mill-ġdid ta’ self relatat mal-ispejjeż ta’ ppjanar u ta’ kostruzzjoni ma kienx jikkostitwixxi għajnuna għall-funzjonament.

253    Għaldaqstant, it-tieni lment sekondarju ibbażat fuq kontestazzjoni tal-ispejjeż meħuda inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tad-defiċit ta’ finanzjament għandu jiġi miċħud.

c)      Fuq ittielet ilment, ibbażat fuq kontestazzjoni talammont talgħajnuna

254    Ir-rikorrenti, FSS, DFA u Rederi Nordö-Link isostnu li l-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fil-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna.

255    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju tad-Danimarka, tikkontesta dan l-argument.

256    Fl-ewwel lok, għandu jiġi vverifikat jekk, kif isostnu r-rikorrenti u DFA, peress li Femern ma għandhiex il-kapaċità li tirrimborsa s-self tagħha, kif jirriżulta mir-rapport dwar l-interess kummerċjali tal‑2001, konformement mal-punt 4.1 tal-Avviż dwar il-Garanziji, l-ammont tal-għajnuna għandux jikkorrispondi, kuntrarjament għal dak li sostniet il-Kummissjoni, għall-valur tas-self kollu kopert mill-garanziji tal-Istat u tas-self statali kollu.

257    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-punt (a) tat-tielet paragrafu tal-punt 4.1 tal-Avviż dwar il-Garanziji “għal kumpanniji f’diffikultà, garanti tas-suq, jekk ikun hemm, jitlob fiż-żmien meta ssir il-garanzija ħlas ta’ premium għoli meta wieħed iqis ir-rata mistennija ta’ inadempjenza[; j]ekk il-probabilità li min jissellef ma jkunx kapaċi jħallas lura s-self issir partikolarment kbira, huwa possibbli li din ir-rata tas-suq ma tkunx teżisti u f’ċirkostanzi eċċezzjonali l-element ta’ l-għajnuna tal-garanzija jista’ jirriżulta li jkun għoli daqs l-ammont effettivament kopert minn dik il-garanzija”.

258    Għalhekk, mill-punt (a) tat-tielet paragrafu tal-punt 4.1 tal-Avviż dwar il-Garanziji jirriżulta li huwa biss fil-preżenza ta’ impriża f’diffikultà u ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali li l-element ta’ għajnuna ta’ garanzija huwa ekwivalenti għall-ammont totali tas-self kopert mill-garanzija. Fil-fatt, fid-dawl tal-implikazzjonijiet kbar ta’ tali approċċ, il-possibbiltà li l-vantaġġ li jirriżulta minn garanzija tal-Istat jiġi kkalkolat bħala ugwali għall-ammont sħiħ tas-self iggarantit ma tistax tiġi ġġustifikata mis-sempliċi fatt li l-impriża benefiċjarja tinsab f’diffikultà. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha l-possibbiltà li tirrikorri għal dan l-approċċ biss meta jkun hemm ċirkustanzi eċċezzjonali u biss jekk l-impriża f’diffikultà ma tkunx f’pożizzjoni li tirrimborsa s-self kopert mill-garanzija bil-mezzi tagħha stess.

259    F’dan il-każ, fil-premessa 346 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-element ta’ għajnuna ma kellux jikkorrispondi għall-ammonti kollha koperti mis-self mill-Istat u mis-self li jibbenefika minn garanzija mill-Istat, minħabba li s-sitwazzjoni ta’ Femern ma kinitx taqa’ taħt iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali msemmija fil-punt (a) tat-tielet paragrafu tal-punt 4.1 tal-Avviż dwar il-Garanziji.

260    Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti u DFA ma jipproduċu ebda element li jippermetti li jitqies li Femern tikkostitwixxi impriża f’diffikultà fis-sens tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà, u lanqas li din l-impriża ma tkunx f’pożizzjoni li tirrimborsa s-self kopert mid-dejn sottoskritt sabiex jiġu koperti l-ispejjeż ta’ ppjanar u ta’ kostruzzjoni.

261    Fil-fatt, sabiex isostnu l-argumenti tagħhom, ir-rikorrenti u DFA jibbażaw ruħhom biss fuq ir-rapport dwar l-interess kummerċjali tal‑2001 li minnu jirriżulta li l-proġett ta’ konnessjoni fissa ma jistax jitwettaq mis-settur privat mingħajr sostenn pubbliku konsegwenti. Issa, għalkemm tali element jista’ jkun rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk is-self mill-Istat u l-garanziji mill-Istat mogħtija lil Femern jikkostitwixxux għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE jew sabiex jiġi stabbilit li tali proġett ma jistax jitwettaq mingħajr għajnuna, ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li Femern tikkostitwixxi impriża f’diffikultà li ma tkunx tista’ tirrimborsa, fl-istadju tal-operat tal-konnessjoni fissa, id-dejn sottoskritt sabiex jiġu koperti l-ispejjeż tal-ippjanar u tal-kostruzzjoni.

262    Għaldaqstant, għandu jitqies li r-rikorrenti u DFA ma wrewx li l-Kummissjoni wettqet żball meta qieset li l-ammont tal-għajnuna ma jistax jikkorrispondi għat-totalità tal-ammonti koperti mis-self mill-Istat u mis-self li jibbenefika minn garanzija mill-Istat.

263    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li Femern ma kinitx ser tħallas il-primjum previst fil-premessi 342 u 343 tad-Deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat li, insostenn ta’ dan l-argument, ir-rikorrenti jinvokaw biss elementi sussegwenti għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, jiġifieri dikjarazzjoni tal-Ministru għat-Trasport Daniż tal‑24 ta’ April 2020 u proposta tal‑5 ta’ Diċembru 2020 dwar emenda tal-Liġi dwar il-Kostruzzjoni tal‑2015. F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata skont l-elementi ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni seta’ jkollha fil-mument meta hija adottat din id-deċiżjoni (sentenza tal‑10 ta’ Lulju 1986, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, 234/84, EU:C:1986:302, punt 16, u tat‑12 ta’ Lulju 2018, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, T‑356/15, EU:T:2018:439, punt 333). Minn dan isegwi li dan l-argument tar-rikorrenti ma jistax jikkontesta l-legalità tad-Deċiżjoni kkontestata.

[omissis]

275    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet ilment ibbażat fuq kontestazzjoni tal-ammont tal-għajnuna għandu jiġi miċħud.

276    Għaldaqstant, it-tielet parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi.

4.      Fuq irraba’ parti, ibbażata fuq kontestazzjoni talanaliżi talprevenzjoni ta’ distorsjonijiet indebiti talkompetizzjoni u talkriterju ta’ bbilanċjar

277    Ir-rikorrenti, sostnuti minn FSS, DFA, Rederi Nordö-Link, ECSA, Trelleborg Hamn, Aktionsbündnis, NABU u VDR, isostnu li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li l-effetti negattivi tal-konnessjoni fissa fuq il-kompetizzjoni ma setgħux jikkontrobilanċjaw l-effetti pożittivi tagħha.

278    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju tad-Danimarka, tikkontesta dan l-argument.

[omissis]

279    F’dan il-każ, fir-rigward tal-effetti pożittivi, fil-premessa 359 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-konnessjoni fissa kienet intiża sabiex tippromwovi l-mobbiltà, l-integrazzjoni u l-iskambji kulturali tal-persuni li jgħixu fuq iż-żewġ naħat tal-imsemmija konnessjoni kif ukoll sabiex ittejjeb il-konnessjoni bejn il-pajjiżi Nordiċi u l-Ewropa Ċentrali għall-passiġġieri u l-merkanzija bit-triq u bil-ferrovija F’dan is-sens, il-Kummissjoni nnotat li l-vantaġġi mistennija mill-konnessjoni fissa kienu ġew irrikonoxxuti fil-livell Ewropew permezz tal-inklużjoni ta’ din il-konnessjoni fil-lista ta’ proġetti prijoritarji tat-TEN-T. Barra minn hekk, il-Kummissjoni semmiet effetti pożittivi fuq ċerti setturi ekonomiċi tar-reġjun, bħal stazzjonijiet tal-petrol, il-kummerċ bl-imnut, ir-ristoranti, il-lukandi, il-parks tad-divertiment u t-trasport ferrovjarju u bil-karozzi tal-linja. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-konnessjoni fissa ttejjeb ukoll l-aċċessibbiltà għat-trasport ferrovjarju bil-possibbiltà ta’ trasferiment tal-merkanzija u tal-passiġġieri mit-triq lejn il-ferrovija.

280    F’dak li jirrigwarda l-effetti negattivi, fil-premessa 360 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li l-ftuħ tal-konnessjoni fissa jkollu riperkussjonijiet negattivi għall-operaturi tas-servizzi tal-laneċ li jservu l-konnessjoni bejn Rødby u Puttgarden u għal konnessjonijiet oħra kif ukoll fuq l-attivitajiet tal-portijiet moqdija mill-laneċ. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset li s-setgħa ta’ Femern li tinfluwenza l-operat tal-laneċ kienet limitata minħabba li l-għajnuna kienet limitata għall-finanzjament neċessarju sabiex tkopri l-ispejjeż sostnuti matul il-fażi ta’ ppjanar u ta’ kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa, u dan fil-limitu tad-defiċit fil-finanzjament. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li l-effett prinċipali fuq l-attività tal-operaturi ta’ servizzi tal-laneċ jirriżulta mid-deċiżjoni tal-awtoritajiet pubbliċi li jibnu l-konnessjoni fissa li toffri alternattiva għas-servizzi ta’ trasport eżistenti u li hija ma tistax tikkontesta l-għażla magħmula mill-awtoritajiet pubbliċi.

281    Barra minn hekk, fil-premessi 361 sa 363 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat suċċessivament ir-riskju ta’ kapaċità żejda fis-suq, ir-riskju ta’ pożizzjoni dominanti u l-effett ġenerali fuq il-kompetizzjoni kif ukoll ir-riskju ta’ esklużjoni mis-suq.

282    Wara li fakkret li ma kienx il-kompitu tagħha li tevalwa l-effetti tad-deċiżjoni tal-awtoritajiet pubbliċi li jiddeċiedu l-kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa, wara l-ibbilanċjar tal-effetti negattivi u pożittivi, fil-premessa 365 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri ta’ għajnuna favur Femern, kif imnaqqsa wara l-komunikazzjoni riveduta wara d-deċiżjoni ta’ ftuħ, kellhom biss effett limitat fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ li kien ikkumpensat mill-effetti pożittivi f’termini ta’ kontribut għall-għan ta’ interess Ewropew komuni.

283    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti, ta’ FSS, ta’ ECSA u ta’ Rederi Nordö-Link, li jisħaq li l-Kummissjoni kienet naqset milli tikkwantifika l-effetti pożittivi u l-effetti negattivi tal-għajnuna għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni, għandu jiġi rrilevat li huwa ammess li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti pożittivi u negattivi ta’ għajnuna jistgħu jkunu sintetiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Scandlines Danmark u Scandlines Deutschland vs Il‑Kummissjoni, T‑630/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:942, punt 255), jew saħansitra impliċitament dedotti mill-eżami tal-effetti tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ meta l-effetti negattivi tal-għajnuna jkunu limitati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Magic Mountain Kletterhallen et vs Il‑Kummissjoni, T‑162/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:341, punt 110).

284    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-paragrafi 41 sa 43 tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI sempliċement jistabbilixxu prinċipji għall-finijiet tal-eżami tal-ibbilanċjar tal-effetti pożittivi u negattivi tal-għajnuna mingħajr ma jeżiġu li dawn l-effetti jkunu kkwantifikati. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma evalwatx l-imsemmija effetti pożittivi u negattivi billi bbażat ruħha fuq elementi kwantitattivi li jieħdu inkunsiderazzjoni d-daqs tal-benefiċjarju tal-għajnuna, is-sehem mis-suq li huwa għandu meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu u l-portata tal-ammont tal-għajnuna mogħtija.

[omissis]

287    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma kkwantifikatx l-effetti pożittivi u negattivi tal-għajnuna għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni.

288    Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk, kif isostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonstatat, fil-premessa 360 tad-Deċiżjoni kkontestata, li l-kapaċità ta’ Femern li ddgħajjef il-kompetizzjoni tal-laneċ kienet limitata mill-fatt li l-għajnuna kienet limitata għad-defiċit ta’ finanzjament.

289    Għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-effetti negattivi tal-konnessjoni fissa fuq is-servizzi ta’ trasport eżistenti u b’mod partikolari fuq l-attivitajiet tal-operaturi tas-servizzi tal-laneċ, il-Kummissjoni, fil-premessa 360 tad-Deċiżjoni kkontestata, għamlet distinzjoni bejn, minn naħa, l-effetti negattivi imputabbli lid-deċiżjoni tal-awtoritajiet pubbliċi li jibnu l-konnessjoni fissa li toffri alternattiva għall-mezzi ta’ trasport eżistenti u, min-naħa l-oħra, l-effetti negattivi imputabbli għall-miżuri ta’ għajnuna favur Femern. Skont il-Kummissjoni, fil-kuntest tal-ibbilanċjar tal-effetti pożittivi u negattivi, hija għandha tillimita ruħha għall-eżami tal-effetti negattivi li jirriżultaw mill-miżuri ta’ għajnuna mogħtija lil din l-impriża.

290    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li diġà ġie deċiż li, fil-kuntest tal-eżami tal-għajnuna mill-Istat, ma huwiex il-kompitu tal-Kummissjoni li tikkontesta l-għażla tal-awtoritajiet pubbliċi li jiddeċiedu dwar il-kostruzzjoni ta’ infrastruttura alternattiva għall-mezzi ta’ trasport eżistenti minħabba li tali proġett jikkostitwixxi soluzzjoni li tipproduċi globalment riżultati pożittivi, u dan anki fl-eventwalità fejn it-tqegħid fis-servizz tal-imsemmija infrastruttura jwassal għall-għajbien tal-mezzi ta’ trasport eżistenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Scandlines Danmark u  Scandlines Deutschland vs Il‑Kummissjoni, T‑630/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:942, punt 256).

291    Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet validament tqis li hija kellha tillimita l-eżami tagħha għall-effetti negattivi tal-miżuri ta’ għajnuna mogħtija lil Femern.

292    Issa, fir-rigward tal-effetti negattivi li jirriżultaw mill-għoti ta’ miżuri ta’ għajnuna lil Femern, il-Kummissjoni kkonstatat li l-finanzjamenti mogħtija lil Femern kienu jkopru l-ispejjeż tal-ippjanar u tal-kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa fil-limitu tad-defiċit ta’ finanzjament, li l-ammont tat-tariffi għall-użu tal-konnessjoni fissa kien irregolat mill-awtoritajiet pubbliċi u li l-possibbiltà għal din l-impriża li tagħti skontijiet kienet limitata mill-ħtieġa li jiġi żgurat dħul suffiċjenti sabiex jitħallsu l-ispejjeż tal-operat u jiġi rrimborsat is-self ikkuntrattat għall-finanzjament tal-ippjanar u l-kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li s-setgħa ta’ Femern li tinfluwenza l-operat tas-servizzi tal-laneċ kienet limitata u li l-effetti negattivi prinċipali kienu jirriżultaw mid-deċiżjoni tal-awtoritajiet pubbliċi li jibnu l-konnessjoni fissa.

293    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li, essenzjalment, il-limitu tal-għajnuna fil-livell tad-defiċit ta’ finanzjament ma huwiex rilevanti sabiex jiġi pprovat li l-għajnuna ma tgħawwiġx b’mod indebitu l-kompetizzjoni minħabba li dan huwa element meħud inkunsiderazzjoni fl-istadju tal-eżami tal-proporzjonalità tal-għajnuna, għandu jitfakkar li n-neċessità ta’ bbilanċjar tal-effetti pożittivi mistennija f’termini tat-twettiq tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 107(3)(a) sa (e) TFUE mal-effetti negattivi ta’ għajnuna f’termini ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri hija biss l-espressjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta tal-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 107(3) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2019, a&o hostel and hotel Berlin vs Il‑Kummissjoni, T‑578/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:437, punt 124).

294    Barra minn hekk, peress li l-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa intiż sabiex jillimita għajnuna għall-minimu neċessarju b’mod li jitnaqqsu d-distorsjonijiet fis-suq intern, għandu jitqies li l-Kummissjoni tista’ validament tuża, fl-istadju tal-ibbilanċjar tal-effetti pożittivi u negattivi tal-miżuri ta’ għajnuna, il-konstatazzjonijiet magħmula fil-kuntest tal-eżami tal-proporzjonalità tal-għajnuna. F’dan il-każ, il-limitazzjoni tal-ammont tal-għajnuna għal-livell tad-defiċit ta’ finanzjament tal-proġett ta’ investiment implikat li l-finanzjament mogħti lil Femern kien limitat għal 27.3 % tal-ispejjeż eliġibbli. Għalhekk, peress li l-eżami tal-proporzjonalità ta’ għajnuna mill-Istat u dak tal-ibbilanċjar tal-effetti pożittivi u negattivi huma intrinsikament marbuta, tali limitazzjoni tal-ammont tal-għajnuna tikkostitwixxi element rilevanti sabiex jitqies li l-effetti negattivi li jirriżultaw mill-miżuri ta’ għajnuna huma limitati.

295    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li permezz tiegħu, essenzjalment, huma jsostnu li Femern tista’ tuża l-fakultà mogħtija lilha mill-punt 42(3) tal-Liġi dwar il-Kostruzzjoni tal‑2015 sabiex tagħti skontijiet sabiex tiffissa l-prezzijiet inqas minn dawk applikati mill-operaturi tal-laneċ, għandu jiġi rrilevat li dan huwa purament ipotetiku, iktar u iktar peress li, kif fakkret il-Kummissjoni, Femern hija obbligata tiġġenera biżżejjed dħul sabiex tkun tista’ mhux biss tħallas l-ispejjeż tal-operat tagħha, iżda wkoll tirrimborsa s-self ikkuntrattat sabiex tiffinanzja l-ippjanar u l-kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa. Għalhekk, fil-każ li l-iskontijiet eventwali mogħtija minn Femern jimplikaw tnaqqis sinjifikattiv fid-dħul tagħha, din l-impriża tista’ ma tkunx f’pożizzjoni li tirrimborsa s-self mill-Istat kif ukoll is-self li jibbenefika minn garanzija mill-Istat fit-termini previsti fil-premessi 349 u 351 tad-Deċiżjoni kkontestata.

296    Fit-tielet lok, għandu jiġi vverifikat jekk, hekk kif isostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqitx żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-eżami ta’ ċerti elementi negattivi li, meħuda waħedhom jew flimkien, jistgħu jikkontrobilanċjaw l-effetti pożittivi tal-għajnuna.

297    L-ewwel, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti, ta’ FSS, ta’ DFA, ta’ ECSA u ta’ VDR li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li l-għajnuna ma għandhiex l-effett li żżid il-kapaċità żejda fis-suq tal-qsim tal-Istrett ta’ Fehmarn, għandu jiġi rrilevat li dan huwa bbażat fuq qari żbaljat tad-Deċiżjoni kkontestata.

298    Fil-fatt, fil-premessa 361 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sempliċement semmiet argument li jgħid li “[S]candlines et al. barra minn hekk sostnew li l-konnessjoni fissa żżid kunsiderevolment il-kapaċità ta’ suq diġà saturat” u rrilevat f’dan ir-rigward li “l-ħolqien ta’ alternattiva għas-servizzi eżistenti, differenti u meqjusa bħala superjuri mill-awtoritajiet Daniżi, ma jistax jiġi assimilat ma’ żieda fil-kapaċità f’suq saturat”.

299    Għalhekk ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni stess ikkonstatat li s-suq tal-qsim tal-Istrett ta’ Fehmarn huwa saturat.

300    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti, FSS, ECSA, DFA u VDR ma pproduċew ebda prova sabiex isostnu l-affermazzjoni li teżisti kapaċità żejda fis-suq. Fil-fatt, għalkemm ir-rikorrenti jinvokaw rata medja ta’ użu tas-servizzi tal-laneċ li hija biss ta’ 49 %, madankollu huma ma pprovdewx provi li jikkorroboraw din l-affermazzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li s-sempliċi riferiment għal affermazzjoni identika li tinsab fl-osservazzjonijiet ippreżentati matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li wkoll ma hijiex sostnuta minn dokumenti ta’ prova, ma jistax jikkostitwixxi prova.

301    Barra minn hekk, kif issostni l-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li la r-rikorrenti, u lanqas FSS, ECSA, DFA u VDR ma jsostnu argument issostanzjat li jista’ jikkontesta l-konstatazzjoni, magħmula fil-premessa 361 tad-Deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-ħolqien ta’ alternattiva għas-servizzi eżistenti, differenti u meqjusa bħala superjuri, ma jistax jiġi assimilat ma’ żieda fil-kapaċità f’suq saturat. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tagħhom huwa bbażat fuq il-premessa mhux sostnuta minn provi li teżisti kapaċità żejda fis-suq.

302    Għaldaqstant, ir-rikorrenti u dawn l-intervenjenti ma wrewx li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonstatat li l-konnessjoni fissa ma kinitx ser twassal għal kapaċità żejda fis-suq tas-servizzi offruti għall-qsim tal-Istrett ta’ Fehmarn.

303    It-tieni, għandu jiġi vverifikat jekk, kif isostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti r-riskju ta’ pożizzjoni dominanti.

304    F’dan il-każ, fil-premessa 362 tad-Deċiżjoni kkontestata, għalkemm il-Kummissjoni aċċettat li ma jistax jiġi eskluż li Femern tikseb pożizzjoni dominanti f’ċerti servizzi ta’ trasport fis-suq tal-Istrett ta’ Fehmarn, hija madankollu ppreċiżat li l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti ma kinitx fiha nnifisha kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, wara li kkonstatat li Scandlines attwalment kellha monopolju fuq il-konnessjoni bejn Rødby u Puttgarden, hija kkunsidrat li, f’każ li jkun hemm kontinwazzjoni ta’ servizzi tal-laneċ fuq l-imsemmija konnessjoni, il-konnessjoni fissa tikkontribwixxi sabiex jinkiser l-imsemmi monopolju, li jagħti lok għal suq iktar kompetittiv.

305    Għandu jiġi rrilevat li l-paragrafu 43 tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI jindika biss li l-Kummissjoni ser tevalwa r-riskju ta’ pożizzjoni dominanti mingħajr ma tagħti dettalji għall-każijiet li fihom tingħata għajnuna għal proġett ta’ kostruzzjoni ta’ infrastruttura. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont il-paragrafu 41 tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI, għajnuna tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mal-Artikolu 107(3)(b) TFUE meta l-effetti negattivi tagħha f’termini ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri jkunu limitati u inqas mill-effetti pożittivi fil-qasam tal-kontribut għall-għan ta’ interess Ewropew komuni.

306    Għalhekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu essenzjalment ir-rikorrenti, il-paragrafu 43 tal-Komunikazzjoni dwar l-IPCEI ma jistax jiġi interpretat bħala li jfisser li għajnuna li tista’ tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti għandha sistematikament titqies li għandha effetti negattivi li neċessarjament jikkontrobilanċjaw l-effetti pożittivi ta’ proġett importanti ta’ interess Ewropew komuni, u dan iktar u iktar meta, f’dan il-każ, ir-riskju ta’ pożizzjoni dominanti huwa limitat għas-suq lokali tas-servizzi ta’ trasport offruti sabiex jiġi żgurat il-qsim tal-Istrett ta’ Fehmarn.

307    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li la r-rikorrenti u lanqas l-intervenjenti insostenn tat-talbiet tagħhom ma jikkontestaw l-effetti pożittivi tal-konnessjoni fissa identifikati fil-premessa 359 tad-Deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkonstatat li l-effetti pożittivi tal-konnessjoni fissa ma kinux limitati għall-benefiċjarju tal-għajnuna u lanqas għall-impriżi stabbiliti fir-reġjun tal-Istrett ta’ Fehmarn, iżda kienu jestendu b’mod iktar wiesa’ fl-Unjoni sa fejn il-konnessjoni fissa ttejjeb il-konnessjoni bejn il-pajjiżi Nordiċi u l-Ewropa Ċentrali għall-passiġġieri kif ukoll għall-merkanzija bit-triq u bil-ferrovija, kif ukoll l-aċċessibbiltà għat-trasport ferrovjarju, u b’hekk tikkontribwixxi għat-trasferiment tal-merkanzija u tal-passiġġieri mit-triq lejn il-ferrovija. Minn dan isegwi li, kif jirriżulta mill-premessa 281 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-proġett ta’ konnessjoni fissa, bħala proġett importanti ta’ interess Ewropew komuni, ser jikkontribwixxi għat-titjib tal-funzjonament tas-suq intern u għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika u soċjali.

308    Issa, fid-dawl tal-fatt li l-effetti pożittivi tal-konnessjoni fissa ma humiex limitati għall-operaturi ekonomiċi ta’ Stat Membru, iżda jibbenefikaw b’mod iktar wiesa’ lil operaturi ekonomiċi oħra fl-Unjoni, il-Kummissjoni setgħet, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha, tikkunsidra li r-riskju ta’ pożizzjoni dominanti f’suq lokali tas-servizzi ta’ trasport ma setax jikkontrobilanċja l-effetti pożittivi tal-konnessjoni fissa fil-qasam tal-kontribuzzjoni għall-għan ta’ interess Ewropew komuni.

309    Barra minn hekk, mill-premessa 362 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fis-suq tas-servizzi ta’ trasport offruti għall-qsim tal-Istrett ta’ Fehmarn, jiġifieri fuq il-konnessjoni bejn Rødby u Puttgarden, ir-rikorrenti attwalment għandhom monopolju. Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet tikkonstata, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, li, fl-ipoteżi ta’ żamma tas-servizzi tal-laneċ sabiex tiġi żgurata l-imsemmija konnessjoni, il-konnessjoni fissa ssaħħaħ il-kompetizzjoni f’dan is-suq.

310    Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li Scandlines ma tinsabx f’sitwazzjoni ta’ monopolju f’suq ġeografiku li jestendi lil hinn minn dak tal-konnessjoni bejn Rødby u Puttgarden, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, lanqas ma hemm riskju li Femern tokkupa pożizzjoni dominanti f’suq ġeografikament usa’.

311    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li r-riskju ta’ pożizzjoni dominanti ta’ Femern ma kienx jimplika li dan l-effett negattiv tal-għajnuna f’termini ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni jipprevali fuq l-effetti pożittivi tal-proġett fil-qasam tal-kontribuzzjoni għall-għan ta’ interess Ewropew komuni.

312    It-tielet, għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma kkonstatatx riskju ta’ esklużjoni mis-suq.

313    Għandu jiġi rrilevat li, permezz tal-argument tagħhom, ir-rikorrenti, ECSA, Trelleborg Hamn, Rederi Nordö Link u VDR ma jikkontestawx, bħala tali, il-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-premessa 363 tad-Deċiżjoni kkontestata dwar l-assenza ta’ riskju ta’ esklużjoni mis-suq. F’dan il-każ, il-Kummissjoni kkunsidrat li ma kienx hemm riskju ta’ esklużjoni mis-suq, inkluż tas-swieq upstream u downstream, minħabba li l-konnessjoni fissa tkun miftuħa għall-utenti kollha b’mod ugwali u nondiskriminatorju. Barra minn hekk, hija kkonstatat li l-istruttura tal-prezzijiet hija nondiskriminatorja u konformi mad-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 4, p. 372), u mad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU 2012, L 343, p. 32, rettifiki fil-ĠU 2015, L 67, p. 32, u fil-ĠU 2015, L 196, p. 67).

314    Permezz tal-argument tagħhom, ir-rikorrenti u dawn l-intervenjenti jikkritikaw lill-Kummissjoni, essenzjalment, li ma ħaditx inkunsiderazzjoni riskju ta’ dumping tal-prezzijiet. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa bbażat, essenzjalment, fuq argumenti simili għal dawk imqajma fil-kuntest tal-ewwel ilment sekondarju tat-tieni lment tat-tielet parti tat-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-evalwazzjoni tad-dħul mid-defiċit ta’ finanzjament (ara punti 216 sa 235 iktar ’il fuq). Fil-fatt, ir-rikorrenti u dawn l-intervenjenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li kkonstatat li ma kienx hemm riskju ta’ esklużjoni mis-suq meta l-prezzijiet ta’ Femern kienu inqas mill-ispejjeż tagħha.

315    Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti, ECSA, Rederi Nordö Link, Trelleborg Hamn u VDR ma jispjegawx ir-raġunijiet li għalihom il-fatt li jiġu awtorizzati miżuri ta’ għajnuna li jkopru parti limitata tal-ispejjeż ta’ ppjanar u ta’ kostruzzjoni ta’ proġett ta’ infrastruttura jkollu l-effett li jeskludi s-suq. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 224 iktar ’il fuq, ma jistax jintalab li d-dħul ta’ Femern jiġi stabbilit f’livell li jkopri l-ispejjeż kollha tal-ippjanar, tal-kostruzzjoni u tal-operat minħabba li dan jimplika li ebda għajnuna ma tista’ tingħata lil Femern minkejja li din hija neċessarja għat-twettiq tal-proġett. Għandu jingħad ukoll li, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, peress li Femern hija obbligata tiġġenera biżżejjed dħul mhux biss sabiex tkopri l-ispejjeż tal-operat tagħha, iżda wkoll sabiex tirrimborsa d-dejn sottoskritt sabiex tkopri l-ispejjeż tal-ippjanar u tal-kostruzzjoni, ir-riskju li din l-impriża tagħti skont sinjifikattiv fuq il-prezzijiet huwa neċessarjament limitat.

316    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jsostnu li Femern tista’ tuża l-pożizzjoni dominanti tagħha sabiex tnaqqas il-prezzijiet b’tali mod li jkunu inqas mill-ispejjeż tagħha sabiex teskludi is-suq, għandu jitfakkar li l-ammont tat-tariffi għall-użu tal-konnessjoni fissa huwa ddeterminat mill-awtoritajiet pubbliċi u li Femern għandha biss ċertu marġni ta’ manuvra sabiex tagħti ċerti skontijiet. Issa, din l-impriża hija obbligata tiġġenera biżżejjed dħul mhux biss sabiex tkun tista’ tħallas l-ispejjeż tal-operat tagħha, iżda wkoll sabiex tirrimborsa s-self meħud sabiex tiffinanzja l-ippjanar u l-kostruzzjoni tal-konnessjoni fissa. Għalhekk, fil-każ li Femern tagħti ċerti skontijiet, hija għandha madankollu tiżgura li l-livell ta’ dħul jibqa’ suffiċjenti sabiex tirrimborsa s-self mill-Istat u l-garanziji mill-Istat fit-termini previsti fil-premessi 349 u 351 tad-Deċiżjoni kkontestata.

317    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu li Femern setgħet tnaqqas drastikament il-prezzijiet sabiex teskludi s-suq minħabba li, meta l-awtoritajiet Daniżi kienu taw għajnuna mill-Istat għall-konnessjoni fissa tal-Istrett tal-Øresund, l-operatur ta’ dik il-konnessjoni kien naqqas b’mod sinjifikattiv l-ammont tat-tariffi għat-traffiku tat-triq. Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li r-rikorrenti pproduċew il-prova ta’ tnaqqis tal-ammont tal-imsemmija tariffi meta mqabbel ma’ dak li kien inizjalment previst, huma madankollu ma jipproduċu ebda element li jippermetti li jiġi kkunsidrat li s-sitwazzjoni tal-operatur tal-konnessjoni fissa tal-Øresund hija paragunabbli ma’ dik ta’ Femern. Issa, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni indikat li, għall-kuntrarju tal-għajnuna mogħtija lill-operatur inkarigat mill-konnessjoni fissa tal-Øresund, f’dan il-każ, l-ammont u t-tul tal-miżuri mogħtija favur Femern kienu strettament limitati.

318    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonstatat l-assenza ta’ riskju ta’ esklużjoni mis-suq.

319    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti u l-intervenjenti insostenn tat-talbiet tagħhom ma wrewx, minn naħa, li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-assenza ta’ riskju ta’ saturazzjoni tas-suq u l-assenza ta’ riskju ta’ esklużjoni mis-suq huma vvizzjati bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li r-riskju ta’ pożizzjoni dominanti ma kienx jikkontrobilanċja l-effetti pożittivi fil-qasam tal-kontribuzzjoni għall-għan ta’ interess Ewropew komuni.

320    Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-eżami ta’ ċerti elementi negattivi li, meħuda waħedhom jew flimkien, jistgħu jikkontrobilanċjaw l-effetti pożittivi fil-qasam tal-kontribuzzjoni għall-għan ta’ interess Ewropew komuni.

[omissis]

326    Fis-sitt lok, fir-rigward tal-argument, imqajjem għall-ewwel darba waqt is-seduta minn NABU, li jgħid li, fil-kuntest tal-ibbilanċjar, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-impatt ambjentali tal-konnessjoni fissa, dan għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli minħabba li r-rikors ma jinkludi ebda lment u lanqas argument intiż li jikkontesta l-fondatezza tal-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fil-premessi 366 sa 368 tad-Deċiżjoni kkontestata. Fi kwalunkwe każ, dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, dan ma huwa sostnut minn ebda prova u, barra minn hekk, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ta’ natura ambjentali ma jaqax taħt l-ibbilanċjar tal-effetti pożittivi u negattivi tal-miżura ta’ għajnuna (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2020, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, C‑594/18 P, EU:C:2020:742, punti 101 u 102). Barra minn hekk, għalkemm il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessi 367 u 368 tad-Deċiżjoni kkontestata, li l-awtoritajiet Daniżi ħadu inkunsiderazzjoni l-effett tal-konnessjoni fissa fuq l-ambjent, li dan ġie eżaminat u mnaqqas u li l-proġett huwa bbażat fuq il-prinċipju li kellu jiġi ppreparat, mibni u operat b’mod li jipprevjeni l-effetti negattivi fuq in-natura u l-ambjent kif ukoll li jiġġieled kontra l-effetti negattivi kunsiderevoli, NABU ma pproduċiet ebda prova li tista’ tikkontesta dawn il-konstatazzjonijiet.

327    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’ parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi.

328    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

III. Fuq lispejjeż

329    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, huma għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

330    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għaldaqstant, ir-Renju tad-Danimarka, li intervjena insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

331    Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tordna li intervenjent, għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 138(1) u (2) tal-istess regoli, ibati l-ispejjeż rispettivi tiegħu. F’dan il-każ, hemm lok li jiġi deċiż li ECSA, DFA, NABU, VDR, Aktionsbündnis, FSS, Rederi Nordö-Link u Trelleborg Hamn għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL‑QORTI ĠENERALI (L‑Ewwel Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Scandlines Danmark ApS u Scandlines Deutschland GmbH għandhom ibatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom stess, l-ispejjeż esposti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Ir-Renju tad-Danimarka, European Community Shipowners’ Associations (ECSA), Danish Ferry Association, Naturschutzbund Deutschland eV (NABU), Verband Deutscher Reeder eV, Aktionsbündnis gegen eine feste Fehmarnbeltquerung eV, Föreningen Svensk Sjöfart (FSS), Rederi AB Nordö-Link u Trelleborg Hamn AB għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

Papasavvas

Spielmann

Brkan

Gâlea

 

      Tóth

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑28 ta’ Frar 2024.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1      Huma riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis il-pubblikazzjoni tagħhom utli.