Language of document : ECLI:EU:T:2024:128

Kawża T556/22

House Foods Group, Inc.

vs

L-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti

 Sentenza talQorti Ġenerali (ItTielet Awla) tat28 ta’ Frar 2024

“Varjetajiet ta’ pjanti – Għoti ta’ drittijiet għal protezzjoni Komunitarja ta’ varjetajiet ta’ pjanti fir-rigward tal-varjetà SK20 – Inammissibbiltà tar-rikors quddiem il-Bord tal-Appell – Assenza ta’ interess ġuridiku – Artikolu 81(1) tar-Regolament (KE) Nru 2100/94”

Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Interess ġuridiku – Neċessità ta’ interess reali u attwali – Rikors li jista’ jagħti benefiċċju lir-rikorrent – Rikors kontra deċiżjoni ta’ għoti ta’ drittijiet għal protezzjoni lil varjetà ta’ pjanta – Rikors ippreżentat mill-persuna li tapplika għad-drittijiet għal protezzjoni bil-għan li tinbidel id-deskrizzjoni uffiċjali tal-varjetà protetta – Bidla li ma għandha ebda impatt fuq il-portata tad-drittijiet għal protezzjoni mogħtija – Assenza ta’ interess ġuridiku – Inammissibbiltà

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 2100/94, premessa 11 u Artikoli 5(1), (2) u (3), 7(1), 13(1) u (2), u 81(1))

(ara l-punti 24, 25, 33 sa 40)

Sunt

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għal annullament ippreżentat minn House Foods Group, Inc. kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Il-Qorti Ġenerali qieset li min ikabbar varjetà partikolari ta’ pjanti ma jkollux interess li jara li tiġi annullata d-deċiżjoni taċ-CPVO li tagħti drittijiet għal protezzjoni lill-varjetà tiegħu għar-raġuni li d-deskrizzjoni uffiċjali ta’ din il-varjetà ma tinkludix karatteristika addizzjonali li huwa kien qiegħed jinvoka.

Fl-2017, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għal drittijiet għal protezzjoni Komunitarja ta’ varjetà ta’ pjanti quddiem iċ-CPVO (1), fir-rigward tal-varjetà ta’ basla SK20. Fil-kwestjonarju tekniku mehmuż mat-talba, ir-rikorrenti rriferiet għall-“kwantitajiet baxxi ħafna ta’ fattur lakrimatorju u ta’ aċidu piruviku” bħala karatteristika addizzjonali li tista’ tgħin sabiex tiġi distinta l-varjetà SK20.

Permezz tad-deċiżjoni tiegħu tat‑3 ta’ Mejju 2021, iċ-CPVO ta d-drittijiet għal protezzjoni lill-varjetà kandidata. Madankollu, id-deskrizzjoni uffiċjali tal-varjetà SK20 ma kinitx tinkludi l-karatteristika addizzjonali inkwistjoni, peress li ċ-CPVO qies li r-riżultat tal-eżami tekniku (2) kien ġie konkluż abbażi tal-karatteristiċi standard li jinsabu fil-protokoll tekniku applikabbli, b’mod li ma kienx neċessarju li tittieħed inkunsiderazzjoni l-karatteristika addizzjonali invokata mir-rikorrenti waqt l-eżami tekniku.

Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell taċ-CPVO ċaħad ir-rikors li permezz tiegħu r-rikorrenti kienet qiegħda titlob li l-kwantitajiet baxxi ta’ fattur lakrimatorju u ta’ aċidu piruviku jiġu inklużi fid-deskrizzjoni uffiċjali tal-varjetà. Il-Bord tal-Appell qies li, billi r-rikorrenti ma kinitx qiegħda tikkontesta d-deċiżjoni ta’ għoti ta’ drittijiet għal protezzjoni Komunitarja ta’ varjetajiet ta’ pjanti lill-varjetà SK20, hija ma kellhiex interess ġuridiku.

Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

Hija u tiddeċiedi dwar l-interess ġuridiku tar-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk il-bidla fid-deskrizzjoni tal-varjetà protetta li takkumpanja d-deċiżjoni ta’ għoti ta’ drittijiet għal protezzjoni setgħetx tkun ta’ benefiċċju għaliha.

Il-Qorti Ġenerali indikat, qabelxejn, li l-għoti ta’ drittijiet għal protezzjoni lil varjetà kandidata ma jeħtieġx li jiġu evalwati b’mod eżawrjenti l-karatteristiċi kollha ta’ din il-varjetà, iżda biss dawk li jkunu ta’ ċerta importanza għall-idoneità tagħha li tiġi protetta u, b’mod partikolari, għad-distinzjoni tagħha (3). B’hekk, l-eżami tekniku huwa intiż biss sabiex jiġi ddeterminat jekk il-varjetà kandidata tkunx suffiċjentement distinta, omoġenea u stabbli meta mqabbla ma’ varjetajiet oħra. Madankollu, l-għan tiegħu ma huwiex li jiġu evalwati l-karatteristiċi kollha tal-varjetà kandidata, u lanqas l-utilità jew il-valur kummerċjali tal-imsemmija karatteristiċi.

Barra minn hekk, id-deskrizzjoni uffiċjali tal-varjetà stabbilita mill-Uffiċċju ta’ Eżami tikkostitwixxi sunt tal-osservazzjonijiet magħmula waqt l-eżami tekniku u tirrifletti biss ċerti karatteristiċi speċifiċi li jkunu biżżejjed sabiex tintwera d-distinzjoni tal-varjetà.

Il-Qorti Ġenerali fakkret imbagħad li, sabiex varjetà ta’ pjanti tkun protetta, huwa biżżejjed li hija tiddistingwi ruħha b’karatteristika waħda jew iktar li jirriżultaw mill-ġenotip tagħha (4). Għalhekk, anki li kieku l-karatteristika addizzjonali invokata mir-rikorrenti tkun dehret fid-deskrizzjoni uffiċjali tal-varjetà SK20, dan ma kien ikollu ebda impatt fuq id-drittijiet għal protezzjoni mogħtija lil din il-varjetà. Fil-fatt, varjetà ġdida, li tippreżenta l-istess kwantitajiet baxxi ta’ fattur lakrimatorju u ta’ aċidu piruviku, setgħet xorta waħda tiġi protetta, kemm‑il darba din tkun tippreżenta karatteristika waħda jew iktar li jiddistingwuha mill-varjetà tar-rikorrenti.

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li ż-żieda tal-karatteristika addizzjonali fid-deskrizzjoni tal-varjetà protetta ma setgħet tkun ta’ ebda benefiċċju lir-rikorrenti, peress li l-protezzjoni tirrigwarda l-materjal tal-pjanti nnifsu, kif iddefinit mill-karatteristiċi kollha li jirriżultaw mill-ġenotip tiegħu, kemm jekk jidhru fid-deskrizzjoni uffiċjali tal-varjetà u kemm jekk le.

B’hekk, permezz tal-konklużjoni li ż-żieda tal-karatteristika addizzjonali fid-deskrizzjoni uffiċjali tal-varjetà b’ebda mod ma tbiddel il-portata tad-drittijiet għal protezzjoni tal-varjetà SK20, il-Qorti Ġenerali kkonfermat li l-Bord tal-Appell ġustament qies li r-rikorrenti ma kellhiex interess ġuridiku.


1      Bis-saħħa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas‑27 ta’ Lulju 1994 dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 16, p. 390).


2      L-eżami tekniku, fis-sens tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 2100/94, huwa intiż li tiġi ssorveljata l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ distinzjoni, ta’ omoġeneità u ta’ stabbiltà.


3      Ara l-ħdax‑il premessa u l-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(2), kif ukoll l-Artikoli 6 sa 9 tar-Regolament Nru 2100/94.


4      Ksur tat-tieni inċiż tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 2100/94, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament.