Language of document :

Rikors ippreżentat fit-28 ta' Lulju 2008 - Berliner Institut für Vergleichende Sozialforschung vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża T-296/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: Berliner Institut für Vergleichende Sozialforschung eV (Berlin, il-Ġermanja) (rappreżentant: U. Claus, avukat, bħala aġent,)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

Tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Mejju 2008 li tagħti ħlas definittiv taħt il-programm 'Indikaturi ta' integrazzjoni u bdil ġenerazzjonali' fuq il-bażi tal-ftehim finanzjarju JLS/2004/INTI/077, safejn l-applikazzjoni tar-rikorrent għal ħlas finali ta' EUR 59,592.77, li jeċċedi l-ammont awtorizzat, ġiet miċħuda;

tikkundanna il-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrent u l-Kummissjoni ffirmaw ftehim f'Mejju 2005 dwar il-promozzjoni ta' proġett fil-kuntest tal-programm INTI. Bl-ittra tat-23 ta' Mejju 2008, il-konvenuta tat lir-rikorrent ħlas finali inqas minn dak li dan ta' l-aħħar applika għalih. Dan ir-rikors jirrigwarda ċ-ċaħda ta' l-applikazzjoni tiegħu għall-ħlas ta' l-ispejjeż li jeċċedu s-somma awtorizzata.

Ir-rikorrent jasserixxi, in sostenn tar-rikors tiegħu, l-infondatezza ta' l-opinjoni tal-Kummissjoni li tibdil fil-parteċipanti tal-proġett wara l-konklużjoni ta' ftehim finanzjarju huwa biss possibbli jekk jintlaħaq ftehim dwar bdil xieraq. Dan huwa dovut għall-fatt li dispożizzjoni għal dan il-għan mhuwiex inkluż fil-ftehim finanzjarju. Barra minn dan, il-Kummissjoni rrifjutat li tagħraf spejjeż minħabba raġunijiet differenti, li huma inkompatibbli mal-ftehim finanzjarju u mal-prattika preċedenti ta' l-istituzzjoni.

____________