Language of document : ECLI:EU:C:2012:508

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

19 ta’ Lulju 2012 (*)

“Spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja — Regolament (KE) Nru 562/2006 — Kodiċi Komunitarju dwar il-qsim tal-fruntieri mill-persuni (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) — Artikoli 20 u 21 — Tneħħija tal-kontroll fil-fruntieri interni — Verifiki ġewwa t-territorju — Miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal dak ta’ verifiki fil-fruntieri — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza kontrolli tal-identità, tan-nazzjonalità u tad-dritt ta’ residenza mill-uffiċjali inkarigati mis-sorveljanza tal-fruntieri u mill-kontroll tal-barranin f’żona ta’ 20 kilometru mill-fruntiera komuni ma’ Stati oħra partijiet kontraenti tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen — Kontrolli intiżi għall-ġlieda kontra r-residenza illegali — Leġiżlazzjoni li tinkludi ċerti kundizzjonijiet u garanziji dwar, b’mod partikolari, il-frekwenza u l-intensità tal-kontrolli”

Fil-Kawża C-278/12 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Ġunju 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Ġunju 2012, fil-proċedura

Atiqullah Adil

vs

Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, U. Lõhmus, A. Ó Caoimh (Relatur), A. Arabadjiev u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat it-talba tal-qorti tar-rinviju tal-4 ta’ Ġunju 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Ġunju 2012, li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għal proċedura b’urġenza, skont l-Artikolu 104b tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

wara li rat id-deċiżjoni tal-11 ta’ Ġunju 2012 tat-Tieni Awla li din it-talba għandha tiġi milqugħa,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Lulju 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal A. Adil, minn E. S. van Aken, avukat,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u M. Bulterman, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn J. Vláčil, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u N. Graf Vitzthum, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn S. Menez, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Maidani u G. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 105, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn A. Adil, li jiddikjara li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz u li tqiegħed taħt detenzjoni, minħabba n-natura irregolari tas-sitwazzjoni tiegħu fit-territorju Olandiż, wara li twaqqaf waqt kontroll li sar fil-Pajjiżi l-Baxxi fiż-żona tal-fruntiera mal-Ġermanja, u l-Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel (Ministru tal-Immigrazzjoni, tal-Integrazzjoni u tal-Ażil) dwar il-legalità ta’ dan il-kontroll u, konsegwentement, tal-miżura ta’ detenzjoni li huwa suġġett għaliha.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Il-Protokoll Nru 19 dwar l-acquis ta’ Schengen

3        Skont il-preambolu tal-Protokoll (Nru 19) dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat ta’ Lisbona (ĠU 2010, C 83, p. 290):

“Il-partijiet kontraenti għolja,

waqt li jinnutaw li l-ftehim dwar l-abolizzjoni gradwali ta’ kontrolli fuq il-fruntieri komuni iffirmati minn uħud mill-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea f’Schengen fl-14 ta’ Ġunju 1985 u fid-19 ta’ Ġunju 1990, kif ukoll il-ftehim relatati u r-regoli adottati fuq il-bażi ta’ dawn il-ftehim, ġew integrati fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea bit-Trattat ta’ Amsterdam tat-2 ta’ Ottubru 1997;

waqt li jixtiequ jippreservaw l-acquis ta’ Schengen, kif ġie żviluppat mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, u jiżviluppaw dan l-acquis sabiex jikkontribwixxu għall-kisba ta’ l-objettiv li ċ-ċittadini jkollhom spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni;

[...]

qablu dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li huma annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea.”

4        L-Artikolu 2 ta’ dan il-Protokoll jipprovdi:

“L-acquis ta’ Schengen għandu japplika għall-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 1, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3 ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni tas-16 ta’ April 2003 u ta’ l-Artikolu 4 ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni tal-25 ta’ April 2005. Il-Kunsill għandu jissostitwixxi l-Kumitat Eżekuttiv stabbilit mill-ftehim ta’ Schengen.”

 Il-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen

5        B’mod partikolari, tagħmel parti mill-imsemmi acquis ta’ Schengen, il-Konvenzjoni li timplementa l-ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet tal-Unjoni Ekonomika Benelux, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Franċiża, dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9), iffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990 (iktar ’il quddiem il-“KIFS”).

6        Skont l-Artikolu 2 tal-KIFS, li kien jikkonċerna l-moviment tal-fruntieri interni:

“1. Il-fruntieri interni jistgħu jinqasmu minn kullimkien mingħajr ma jsiru kontrolli fuq persuni.

[...]

3.       It-tneħħija ta’ kontrolli fuq persuni fil-fruntieri interni m’għandux jaffettwa d-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 22, jew l-eżerċizzju tal-poteri tal-pulizija fit-territorju ta’ Parti Kontraenti mill-awtoritajiet kompetenti taħt il-liġi ta’ dik il-Parti, jew il-ħtieġa li wieħed iżomm, iġorr u juri permessi u dokumenti stipulati taħt il-liġi ta’ dik il-Parti.

[...]”

7        L-Artikolu 2 tal-KIFS tħassar b’effett mit-13 ta’ Ottubru 2006, skont l-Artikolu 39(1) tar-Regolament (KE) Nru 562/2006.

 Ir-Regolament Nru 562/2006

8        Il-premessi 1 u 14 tar-Regolament Nru 562/2006 jipprovdu kif ġej:

“(1)      L-adozzjoni ta’ miżuri taħt l-Artikolu 62(1) tat-Trattat biex ikun żgurat li ma jkun hemm ebda kontrolli fuq persuni li jaqsmu fruntieri interni tagħmel parti mill-objettiv ta’ l-Unjoni li tistabbilixxi żona mingħajr fruntieri interni fejn il-moviment liberu tal-persuni jkun żgurat, kif stabbilit fl-Artikolu 14 tat-Trattat [KE].

[...]

(14)      Dan ir-Regolament hu mingħajr preġudizzju għall-verifiki mwettqa taħt is-setgħat ġenerali tal-pulizija [...] u għal liġi nazzjonali dwar il-pussess ta’ dokumenti ta’ l-ivvjaġġar jew ta’ l-identità jew il-ħtieġa li persuni jinnotifikaw lill-awtoritajiet bil-preżenza tagħhom fuq it-territorju ta’ l-Istat Membru kkonċernat.”

9        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi kif ġej:

“Dan ir-Regolament jipprovdi għall-assenza ta’ kontrolli fuq il-fruntiera ta’ persuni li jkunu qed jaqsmu l-fruntieri interni bejn l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea.”

10      Skont il-punti 1 u 9 sa 11 tal-imsemmi regolament:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)      ‘fruntieri interni’ tfisser:

a)      il-fruntieri ta’ l-art komuni, inklużi l-fruntieri tax-xmajjar u l-lagi, ta’ l-Istati Membri;

[...]

9)      ‛kontroll fuq il-fruntiera’ tfisser l-attività mwettqa fuq fruntiera, skond u għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, bħala risposta esklussivament għal xi intenzjoni ta’ qsim jew l-att ta’ qsim ta’ dik il-fruntiera, irrispettivament minn kull konsiderazzjoni oħra, li tikkonsisti f’verifiki fuq il-fruntiera u sorveljanza fuq il-fruntiera;

10)      ‛verifiki fuq il-fruntiera’ tfisser il-verifiki mwettqa f’punti tal-qsim tal-fruntiera, sabiex ikun żgurat li persuni, il-mezzi tat-trasport tagħhom u l-oġġetti fil-pussess tagħhom jitħallew jidħlu fit-territorju ta’ l-Istati Membri jew jitilqu minnu;

11)      ‛sorveljanza fuq il-fruntiera’ tfisser is-sorveljanza tal-fruntieri bejn il-punti ta’ qsim tal-fruntiera u s-sorveljanza ta’ punti ta’ qsim tal-fruntiera barra mill-ħinijiet stabbiliti ta’ ftuħ, sabiex persuni ma jitħallewx jevitaw il-verifiki fuq il-fruntiera.”

11      L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 562/2006 jipprovdi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għal kull persuna li taqsam il-fruntieri interni jew esterni ta’ l-Istati Membri, mingħajr preġudizzju:

a)      għad-drittijiet ta’ persuni li għandhom id-dritt Komunitarju għal moviment liberu;

b)      għad-drittijiet ta’ refuġjati u persuni li jitolbu protezzjoni internazzjonali, b’mod partikulari fir-rigward tan-non refoulement.”

12      L-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Qsim tal-fruntieri interni”, jipprovdi:

“Fruntieri interni jistgħu jinqasmu minn kull punt mingħajr ma jsiru verifiki fuq il-fruntiera fuq persuni, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom.”

13      L-Artikolu 21 tal-imsemmi regolament, intitolat “Verifiki fit-territorju” jipprovdi:

“It-tneħħija tal-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni m’għandhiex taffettwa:

a)      l-eżerċizzju ta’ setgħat ta’ pulizija mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri taħt il-liġi nazzjonali, safejn l-eżerċizzju ta’ dawn is-setgħat ma jkollux effett ekwivalenti għal verifiki fuq il-fruntiera; dan japplika wkoll f’żoni tal-fruntiera. Fis-sens ta’ l-ewwel sentenza l-eżerċizzju ta’ setgħat ta’ pulizija ma jistax, b’mod partikolari, ikun ikkunsidrat ekwivalenti għall-eżerċizzju ta’ kontrolli fuq il-fruntiera meta l-miżuri ta’ pulizija:

i)      ma jkollhomx bħala objettiv il-kontrolli fuq il-fruntiera,

ii)      ikunu bbażati fuq informazzjoni u esperjenza ġenerali ta’ pulizija dwar theddid possibbli għas-sigurtà pubblika u jkunu mmirati, b’mod partikolari, biex jiġġieldu l-kriminalità trans-konfini;

(iii) huma maħsuba u mwettqa b’mod li huwa differenti b’mod ċar minn verifiki sistematiċi fuq persuni fil-fruntieri esterni;

iv)      huma mwettqa abbażi ta’ verifiki saltwarji;

b)      il-verifiki ta’ sigurtà fuq persuni mwettqa f’portijiet u ajruporti mill-awtoritajiet kompetenti taħt il-liġi ta’ kull Stat Membru, minn uffiċjali tal-port jew ajruport jew trasportaturi, basta li tali verifiki jitwettqu wkoll fuq persuni li jivvjaġġaw fi Stat Membru;

ċ)      il-possibbiltà għal Stat Membru li jipprovdi, permezz ta’ liġi, għal obbligu li wieħed ikun fil-pussess jew iġorr miegħu karti u dokumenti;

d)      l-obbligu ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrapportaw il-preżenza tagħhom fit-territorju ta’ kwalunkwe Stat Membru [...]”

 Id-dritt Olandiż

14      Skont l-Artikolu 6 tal-Liġi tal-1993 dwar il-pulizija (Politiewet):

“Il-kompiti tal-pulizija segwenti għandhom jiġu ddelegati lill-korp tal-pulizija rjali [Koninklijke Marechaussee, iktar ’il quddiem il-“KM”] bla ħsara għal dak li huwa pprovdut jew applikabbli b’liġijiet oħra:

[...]

f.       l-eżekuzzjoni ta’ kompiti iddelegati minn jew bis-saħħa tal-[Liġi dwar il-barranin (Vreemdelingenwet 2000)],

g.       il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin oħra u l-frodi ta’ dokumenti ta’ identità jew ta’ vvjaġġar [...]”

15      L-Artikolu 50(1) tal-Liġi dwar il-barranin jipprovdi li l-uffiċjali responsabbli mis-sorveljanza tal-fruntieri u l-uffiċjali responsabbli mill-kontroll tal-barranin għandhom il-kompetenza, jew abbażi tal-fatti u taċ-ċirkustanzi li, skont kriterji oġġettivi, iwasslu għal preżunzjoni raġonevoli ta’ residenza illegali, jew għall-finijiet tal-ġlieda kontra r-residenza illegali wara l-qsim tal-fruntiera, li jinterrogaw persuni sabiex jistabbilixxu l-identità, in-nazzjonalità u d-dritt ta’ residenza tagħhom.

16      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kontrolli “Mobiel Toezicht Veiligheid” (kontrolli mobbli fil-qasam tas-sigurtà, iktar ’il quddiem il-“kontrolli MTV”) huma bbażati fuq l-Artikolu 50(1) tal-Liġi dwar il-barranin.

17      L-Artikolu 50(6) tal-imsemmija liġi jipprovdi li r-regoli dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 50(1) għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ regolament amministrattiv ta’ portata ġenerali.

18      Il-miżura ġenerali ta’ amministrazzjoni dwar l-implementazzjoni tal-kompetenza li jiġu investigati persuni fil-kuntest ta’ kontroll MTV hija kkostitwita mid-Digriet tal-2000 dwar il-barranin (Vreemdelingenbesluit 2000, iktar ’il quddiem id-“Digriet tal-2000”).

19      Emendat wara s-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2012, Melki u Abdeli (C-188/10 u C‑189/10, Ġabra p. I-5667), l-Artikolu 4.17a tad-Digriet tal-2000, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2011, jipprovdi kif ġej:

“1.      Il-kompetenza, prevista fl-Artikolu 50(1) tal-[Liġi dwar il-barranin], li jiġu interrogati persuni sabiex jiġu stabbiliti l-identità, in-nazzjonalità u d-dritt ta’ residenza tagħhom, fil-kuntest tal-ġlieda kontra r-residenza illegali wara qsim ta’ fruntiera, għandha tiġi esklużivament eżerċitata fil-kuntest tal-kontroll tal-barranin:

a.      fl-ajruporti, mal-wasla tat-titjiriet li jkunu ġejjin mit-territorju ta’ Schengen;

b.      fil-ferroviji, matul mhux iktar minn 30 minuta wara l-qsim tal-fruntiera komuni mal-Belġju jew mal-Ġermanja jew sat-tieni stazzjon tal-ferroviji u wara l-qsim tal-fruntiera, jekk dan ma jkunx intlaħaq matul dan il-perijodu ta’ żmien.

c.      fuq ir-rotot u l-passaġġi tal-ilma, f’żona ta’ 20 kilometru mill-fruntiera komuni mal-Belġju jew mal-Ġermanja.

2.      Il-kontroll previst fil-paragrafu 1 għandu jkun ibbażat fuq informazzjoni jew esperjenzi marbuta mar-residenza illegali wara qsim tal-fruntiera. Il-kontroll jista’ jsir ukoll, b’mod limitat, sabiex tinkiseb informazzjoni dwar din it-tip ta’ residenza illegali.

3.      Il-kontroll previst fil-paragrafu 1(a) għandu jsir mhux iktar minn seba’ darbiet fil-ġimgħa fuq it-titjiriet tal-istess linja tal-ajru, b’mhux iktar minn terz tan-numru totali ta’ titjiriet previsti fix-xahar fuq din il-linja tal-ajru. Fil-kuntest ta’ dan il-kontroll, parti biss mill-passiġġieri ta’ titjira għandhom jiġu interrogati.

4.      Il-kontroll previst fil-paragrafu 1(b) għandu jsir kuljum, f’mhux iktar minn żewġ ferroviji għal kull vjaġġ, u b’kollox f’mhux iktar minn tmien ferroviji u, għal kull ferrovija, f’mhux iktar minn żewġ kompartimenti.

5.      Il-kontroll previst fil-paragrafu 1(c) għandu jsir fuq l-istess rotta jew passaġġ tal-ilma, għal mhux iktar minn disgħin siegħa fix-xahar u sitt sigħat kuljum. Fil-kuntest ta’ dan il-kontroll, parti biss mill-mezzi ta’ trasport li jkunu għaddejjin għandhom jitwaqqfu.”

20      Id-deċiżjoni tar-rinviju tikkonstata li, fl-espożizzjoni tal-motivi ta’ din l-emenda tal-Artikolu 4.17a tad-Digriet tal-2000, l-elementi segwenti huma enfasizzati:

“Din l-emenda tad-Digriet [tal-2000] dwar il-barranin għandha l-għan li tiggarantixxi li l-kontroll tal-barranin fil-kuntest tal-ġlieda kontra r-residenza illegali wara qsim tal-fruntiera [...] ma jkollux effett ekwivalenti għal dak tal-verifiki fuq il-fruntiera fis-sens [tar-Regolament Nru 562/2006]. Għaldaqstant, għandu jingħata effett għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja [Melki u Abdeli, iċċitata iktar ’il fuq,] u għad-deċiżjoni tar-Raad van State tat-28 ta’ Diċembru 2010 u l-kontroll mobbli għandu jkun konformi mal-Artikolu 21(a) [tar-Regolament Nru 562/2006].”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21      A. Adil, li jiddikjara li huwa ċittadin Afgan, ġie investigat fit-28 ta’ Marzu 2012 fil-kuntest ta’ kontroll MTV imwettaq mill-KM waqt li kien passiġġier f’karozza tal-linja tal-kumpannija Euroline. L-investigazzjoni seħħet fl-awtostrada A67/E34 fid-direzzjoni mill-Ġermanja, fit-territorju tal-muniċipalità ta’ Venlo (il-Pajjiżi l-Baxxi).

22      Ir-rapport tal-investigazzjoni, tat-trasferiment u tad-detenzjoni stabbilit fit-28 ta’ Marzu 2012 jindika li, skont l-Artikolu 4.17a tad-Digriet tal-2000, il-kontroll MTV twettaq abbażi ta’ informazzjoni jew tal-esperjenza fil-qasam tar-residenza illegali wara qsim tal-fruntiera, li l-investigazzjoni seħħet f’żona ta’ 20 kilometru mill-fruntiera tal-art mal-Ġermanja, li matul Marzu twettaq kontroll jew kontrolli b’tul totali ta’ 54 siegħa u 38 minuta, li fl-imsemmi post, fil-jum tal-investigazzjoni, sar kontroll jew kontrolli matul siegħa u li, matul tali kontrolli, effettivament twaqqfu żewġ vetturi li kienu għaddejjin mill-istess post.

23      B’deċiżjoni tat-28 ta’ Marzu 2012, A. Adil tqiegħed taħt detenzjoni skont il-Liġi dwar il-barranin.

24      Quddiem ir-Rechtbank ’s-Gravenhage, A. Adil ikkontesta r-regolarità tal-investigazzjoni tiegħu u tad-deċiżjoni dwar it-tqegħid tiegħu taħt detenzjoni, minħabba li l-kontroll MTV li twettaq kien kontroll fil-fruntieri li huwa prekluż mill-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 562/2006. Huwa sostna, b’mod partikolari, li fil-mument tal-kontroll tiegħu, ma kienx hemm, fir-rigward tiegħu, preżunzjoni raġonevoli ta’ residenza illegali.

25      Mid-dokumenti annessi mad-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvern Olandiż jirriżulta li, wara l-investigazzjoni tiegħu, A. Adil ippreżenta applikazzjoni għal ażil. Wara konsultazzjoni tad-database ġestita mis-sistema Eurodac, stabbilita mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2725/2000, tal-11 ta’ Diċembru 2000, dwar l-istabbiliment ta’ Eurodac għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba għall-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni ta’ Dublin (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 26), sar magħruf ukoll li A. Adil kien diġà ppreżenta applikazzjoni għal ażil fin-Norveġja. Quddiem ir-Rechtbank ’s-Gravenhage, A. Adil kien ukoll ikkonfuta l-mod ta’ kif ġiet ittrattata l-applikazzjoni tiegħu.

26      Permezz tas-sentenza tas-16 ta’ April 2012, ir-Rechtbank ’s-Gravenhage iddikjarat li l-appell ta’ A. Adil kien infondat.

27      Din il-qorti bbażat ruħha b’mod partikolari fuq deċiżjoni tar-Raad van State tal-5 ta’ Marzu 2012 li tipprovdi li l-kontrolli MTV ma jmorrux kontra r-Regolament Nru 562/2006, u għalhekk ikkonfermat deċiżjoni preċedenti ta’ din il-qorti, tal-20 ta’ Ottubru 2011. Fid-deċiżjoni tagħha tal-5 ta’ Marzu 2012, ir-Raad van State rrilevat b’mod partikolari li l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 562/2006 jipprevedi lista mhux eżawrjenti ta’ ċirkustanzi li fihom l-eżerċizzju tal-poteri tal-pulizija ma jistax jitqies li huwa ekwivalenti għall-eżerċizzju tal-verifiki fil-fruntieri, fis-sens tal-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament.

28      Fit-23 ta’ April 2012, A. Adil ippreżenta appell mid-deċiżjoni tar-Rechtbank ’s-Gravenhage quddiem is-sezzjoni tal-kwistjonijiet amministrattivi tar-Raad van State.

29      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li fost il-qrati Olandiżi differenti teżisti diverġenza ta’ opinjonijiet dwar is-suġġett tal-kompatibbiltà tal-kontrolli MTV mal-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament Nru 562/2006.

30      Fil-fatt, bid-deċiżjoni tas-7 ta’ Frar 2012, ir-Rechtbank Roermond (sezzjoni penali) irrilevat, billi rreferiet għad-deċiżjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tar-Raad van State dwar il-legalità tal-kontrolli MTV, li l-ġurisprudenza, fl-istat attwali tagħha, ma hijiex suffiċjentement ċara, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-garanziji previsti fl-Artikolu 4.17a tad-Digriet tal-2000 jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti mis-sentenza Melki u Abdeli, iċċitata iktar ’il fuq. Din il-qorti, li kkonstatat li l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni b’ebda mod ma jieħu inkunsiderazzjoni l-aġir tal-persuna kkonċernata jew iċ-ċirkustanzi speċifiċi li jistgħu jippreżentaw riskju ta’ theddida għall-ordni pubbliku, ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Din hija l-kawża Jaoo (C‑88/12), li hija attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

31      Bl-istess mod, il-Gerechtshof ’s-Hertogenbosch (sezzjoni kriminali) iddeċidiet, bid-deċiżjoni tal-11 ta’ Mejju 2012, li kontroll MTV, anki jekk jitwettaq skont l-Artikolu 4.17a tad-Digriet tal-2000, għandu effett ekwivalenti għal dak ta’ verifiki fil-fruntieri u għalhekk imur kontra r-Regolament Nru 562/2006. Skont din il-qorti, il-kontrolli MTV ma humiex ibbażati fuq fatti konkreti u ċirkustanzi li jimplikaw preżunzjoni ta’ residenza illegali. Huma jitwettqu esklużivament bħala risposta għall-intenzjoni tal-qsim tal-fruntiera jew għall-qsim tagħha u huma intiżi li jistabbilixxu jekk il-kundizzjonijiet rekwiżiti sabiex jawtorizzaw persuna tidħol fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat jew jitilqu minnu humiex sodisfatti.

32      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li r-Raad van State iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      L-Artikolu 21 [tar-Regolament Nru 562/2006] għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi l-eżerċizzju ta’ kompetenza nazzjonali, bħal dik mogħtija mill-Artikolu 50 tal-[Liġi dwar il-barranin] u implementata fl-[Artikolu 4.17a tad-Digriet tal-2000], li tippermetti li jsiru kontrolli fuq persuni fil-fruntieri interni sabiex jiġi vverifikat jekk dawn il-persuni jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ residenza legali applikabbli fl-Istat Membru?

2)      a)     L-Artikolu 21 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jipprekludi li kontrolli nazzjonali, bħal dawk previsti fl-Artikolu 50 tal-[Liġi dwar il-barranin], ikunu bbażati fuq informazzjoni ġenerali u esperjenza dwar ir-residenza illegali ta’ persuni fil-post tal-kontroll, fis-sens [tal-Artikolu 4.17a(2) tad-Digriet tal-2000], jew waqt l-eżekuzzjoni ta’ tali kontrolli tkun meħtieġa l-eżistenza ta’ elementi konkreti li jindikaw li individwu jkun qiegħed jirrisjedi illegalment fl-Istat Membru kkonċernat?

      b)      L-Artikolu 21 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jipprekludi l-eżekuzzjoni ta’ dan it-tip ta’ kontroll li għandu l-għan li jikseb informazzjoni ġenerali u esperjenza dwar ir-residenza illegali fis-sens tal-punt (a), jekk dan il-kontroll isir b’mod limitat?

3)      L-Artikolu 21 [tar-Regolament Nru 562/2006] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-limitazzjoni tal-kompetenza ta’ kontroll kif inhi deskritta f’dispożizzjoni leġiżlattiva bħal [dik tal-Artikolu 4.17a tad-Digriet tal-2000] hija suffiċjenti sabiex tiggarantixxi li l-eżerċizzju fil-prattika ta’ kontroll ma jistax ikollu effett ekwivalenti għal dak ta’ verifiki fil-fruntiera pprojbiti mill-Artikolu 21 tal-Kodiċi [tar-Regolament Nru 562/2006]?”

 Fuq il-proċedura b’urġenza

33      Fid-deċiżjoni tar-rinviju tal-4 ta’ Ġunju 2012, ir-Raad van State talab li r-rinviju preżenti jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 104b tar-Regoli tal-Proċedura ta’ din tal-aħħar.

34      Il-qorti tar-rinviju mmotivat din it-talba billi sostniet li, wara l-investigazzjoni tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi, fiż-żona tal-fruntiera mal-Ġermanja, A. Adil iċċaħħad mil-libertà tiegħu u li r-risposta għad-domandi magħmula hija rilevanti sabiex tingħata deċiżjoni dwar il-miżura ta’ detenzjoni li huwa s-suġġett tagħha. Hija rrilevat ukoll li bosta kawżi dwar detenzjonijiet simili huma pendenti quddiem qrati Olandiżi differenti.

35      It-Tieni Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-11 ta’ Ġunju 2012, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju sabiex ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza.

 Fuq id-domandi preliminari

36      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li ebda informazzjoni dwar l-applikazzjonijiet għal ażil ippreżentati minn A. Adil ma ġew ipprovduti mir-Raad van State fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha u ebda domanda dwar il-konsegwenzi ta’ dawn l-applikazzjonijiet dwar id-detenzjoni tiegħu ma ġiet magħmula.

37      Id-domandi magħmula minn din il-qorti huma limitati għall-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 562/2006.

38      B’dawn id-domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament Nru 562/2006 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lill-uffiċjali inkarigati mis-sorveljanza tal-fruntieri u mill-kontroll tal-barranin iwettqu kontrolli, f’żona ġeografika ta’ 20 kilometru mill-fruntiera tal-art ta’ Stat Membru ma’ Stati partijiet kontraenti tal-KIFS, intiż li jivverifika jekk il-persuni investigati jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ residenza legali applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat, meta l-imsemmija kontrolli huma bbażati fuq informazzjoni ġenerali u l-esperjenza fil-qasam tar-residenza illegali ta’ persuni fil-postijiet ta’ kontroll, meta jkunu jistgħu wkoll jitwettqu b’mod limitat sabiex tinkiseb informazzjoni ġenerali u informazzjoni marbuta mal-esperjenza f’dan il-qasam u meta l-eżerċizzju tagħhom huwa suġġett għal ċerti limitazzjonijiet dwar, b’mod partikolari, l-intensità u l-frekwenza tagħhom.

 Osservazzjonijiet tal-partijiet fil-proċeduri

39      A. Adil isostni li l-leġiżlazzjoni Olandiża ma tissodisfax il-kundizzjonijiet rikjesti mill-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 562/2006. Qabelxejn, tali leġiżlazzjoni tagħmel parti mid-dritt nazzjonali dwar l-immigrazzjoni u mhux mid-dritt ta’ prevenzjoni u ta’ sanzjoni tar-reati kriminali u fil-prattika, hija applikata esklużivament minn uffiċjali li huma speċjalment inkarigati mis-sorveljanza tal-fruntieri u mill-kontroll tal-barranin. Sussegwentement, il-kontrolli MTV, għad-differenza ta’ kontrolli mwettqa fil-kumplament tat-territorju nazzjonali, li jeżiġu l-istabbiliment ta’ preżunzjoni raġonevoli ta’ residenza illegali, huma esklużivament ibbażati fuq qsim ta’ fruntiera u għandhom l-istess għan bħall-kontrolli fil-fruntiera. Fl-aħħar nett, A. Adil isostni li l-limitazzjoni tal-intensità tal-kontrolli MTV, prevista fil-leġiżlazzjoni Olandiża, ma tistax tkun tali li tevita, fil-prattika, dawn il-kontrolli li għandhom effett ekwivalenti għal dak tal-verifiki fil-fruntieri.

40      Il-Gvern Ċek jikkunsidra li, kuntrarjament għall-kontrolli li kienu s-suġġett fil-kawża li tat lok għas-sentenza Melki u Abdeli, iċċitata iktar ’il fuq, il-kontrolli MTV għandhom bħala għan, il-verifika fil-fruntieri fis-sens tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament Nru 562/2006. Skont dan il-Gvern, kontrolli tal-persuni wara li jkunu qasmu l-fruntiera, li għandhom bħala għan li jipproteġu l-imsemmija fruntiera mill-immigrazzjoni illegali, jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-verifika fil-fruntieri interni li hija prekluża mill-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 562/2006. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-leġiżlazzjoni Olandiża tipprevedix garanziji bħal dawk rikjesti mis-sentenza Melki u Abdeli, iċċitata iktar ’il fuq.

41      Il-Gvernijiet tal-Olanda, tal-Ġermanja u ta’ Franza, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, iqisu, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 562/2006 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi kontrolli bħal kontrolli MTV, li jitwettqu f’żona tal-fruntiera, li għandhom bħala għan il-ġlieda kontra r-residenza illegali u li huma suġġetti għal regoli iktar dettaljati u għal limitazzjonijiet fir-rigward tal-implementazzjoni tagħhom.

42      Qabelxejn huma jsostnu li l-kontrolli MTV għandhom bħala għan prinċipali l-ġlieda kontra r-residenza illegali u mhux li jivverifikaw jekk persuna hijiex awtorizzata tidħol fit-territorju Olandiż. L-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 562/2006 ma jipprekludix tali għan. Fil-fatt, jekk il-ġlieda kontra r-residenza illegali ma hijiex espliċitament inkluża fil-lista ta’ għanijiet imħaddna mill-verifiki tat-territorji interni tal-Istati Membri u li huma ammessi minn din id-dispożizzjoni, l-użu tal-kelma “b’mod partikolari” f’din id-dispożizzjoni turi b’mod ċar li din il-lista ma hijiex eżawrjenti. Il-miżuri tal-pulizija skont l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 562/2006 jistgħu għalhekk ikollhom għanijiet differenti miż-żamma tas-sigurtà pubblika u l-ġlieda kontra l-kriminalità transkonfinali.

43      Fir-rigward tal-bażi tal-kontrolli MTV, il-Gvern Olandiż isostni, billi jirreferi għall-kliem tal-Artikolu 21(a) tar-Regolament Nru 562/2006, li l-miżuri tal-pulizija għandhom ikunu bbażati fuq informazzjoni ġenerali u fuq l-esperjenza tas-servizzi tal-pulizija. Kif jirriżulta mill-punt 74 tas-sentenza Melki u Abdeli, iċċitata iktar ’il fuq, elementi konkreti li jindikaw li persuna li kienet suġġetta għal kontroll tirrisjedi illegalment fl-Istat Membru ma humiex neċessarji.

44      Il-Kummissjoni ssostni li s-selettività tal-kontrolli, jiġifieri l-miżura li fiha parti biss mill-persuni li jaqsmu l-fruntiera huma kkontrollati, iżżid il-probabbiltà li dawn il-kontrolli ma jkollhomx effett ekwivalenti għal verifiki fil-fruntieri. Bis-saħħa ta’ din is-selettività, il-kontrolli huma kjarament distinti mill-verifiki sistematiċi fil-fruntieri esterni.

45      Fir-rigward tal-fatt li l-kontrolli MTV li jitwettqu fiż-żona tal-fruntiera huma differenti mill-kontrolli mwettqa fil-kumplament tat-territorju nazzjonali, il-Gvernijiet tal-Olanda, tal-Ġermanja u ta’ Franza kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu li tali distinzjoni hi ammessa skont l-Artikolu 21(a) tar-Regolament Nru 562/2006, kif jirriżulta mis-sentenza Melki u Abdeli, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, din id-distinzjoni hija raġonevoli fid-dawl tal-għan tal-kontrolli, jiġifieri l-ġlieda kontra r-residenza illegali, u minħabba li, sabiex ikunu effettivi, dawn il-kontrolli għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni n-natura speċifika taż-żoni tal-fruntieri.

46      Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni jqisu li l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 562/2006 lanqas ma jipprekludi verifiki limitati, li huma intiżi jiġbru informazzjoni addizzjonali dwar il-modifiki tal-itinerarji jew tal-itinerarji l-ġodda li normalment isegwu l-immigranti klandestini. Madankollu, il-Kummissjoni tenfasizza li l-kontrolli taż-żewġ tipi evokati għandhom jitwettqu b’mod strett skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi.

47      Il-Gvernijiet tal-Pajjiżi l-Baxxi, tal-Ġermanja u ta’ Franza kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu wkoll li l-qafas għall-kompetenza tal-kontroll previst mill-Artikolu 4.17a tad-Digriet tal-2000, li jinkludi, b’mod partikolari, kundizzjonijiet dwar l-intensità u l-frekwenza tal-kontrolli, huwa suffiċjenti sabiex jiggarantixxi li, fil-prattika, dawn il-kontrolli ma jistgħux ikollhom effett ekwivalenti għal dak tal-verifiki fil-fruntieri preklużi mill-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 562/2006. F’dan ir-rigward, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jippreċiża li, sabiex jiżgura li parti biss mill-vetturi li jgħaddu jitwaqqfu, il-fatt li jitwaqqfu l-vetturi jseħħ abbażi ta’ profili jew ta’ kampjuni. Minn dan isegwi li l-kontrolli huma ppjanati u implementati b’mod kjarament differenti mill-verifiki sistematiċi mwettqa fuq persuni fil-fruntieri esterni.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

48      Għandu jitfakkar li l-Artikolu 67(2) TFUE, li jaqa’ taħt it-Titolu V dwar l-ispazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, jipprovdi li l-Unjoni għandha tiżgura n-nuqqas ta’ kontrolli ta’ persuni fuq fruntieri interni. L-Artikolu 77(1)(a) TFUE jistabbilixxi li l-Unjoni għandha tiżviluppa politika intiża li tiżgura n-nuqqas ta’ kull kontroll ta’ persuni, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom, meta huma jaqsmu dawn il-fruntieri.

49      Kif jirriżulta mill-premessa 1 tar-Regolament Nru 562,2006, it-tneħħija tal-kontroll fuq fruntieri intern tagħmel parti mill-għan tal-Unjoni, stabbilit fl-Artikolu 26 TFUE, intiż li jistabbilixxi żona mingħajr fruntieri interni fejn ikun żgurat il-moviment liberu tal-persuni.

50      Il-leġiżlatur tal-Unjoni implementa l-prinċipju ta’ nuqqas ta’ kontrolli fil-fruntieri interni billi adotta, skont l-Artikolu 62 KE, li sar l-Artikolu 77 TFUE, ir-Regolament Nru 562/2006 intiż, skont il-premessa 22 tiegħu, li jiżviluppa l-acquis ta’ Schengen. Dan ir-regolament, fit-Titolu III tiegħu, jistabbilixxi sistema Komunitarja dwar il-qsim tal-fruntieri interni.

51      L-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 562/2006 jipprovdi li l-fruntieri interni jistgħu jinqasmu minn kull punt mingħajr ma jsiru verifiki fil-fruntiera fuq persuni, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom. Skont l-Artikolu 2(10) ta’ dan ir-regolament, il-kliem “verifiki fuq il-fruntiera” ifissru l-verifiki mwettqa f’punti tal-qsim tal-fruntiera, sabiex ikun żgurat li persuni jistgħu jiġu awtorizzati jidħlu fit-territorju tal-Istati Membri jew jitilqu minnu.

52      L-Artikolu 72 TFUE jipprovdi li t-Titolu V tat-Trattat FUE ma jippreġudikax ir-responsabbiltajiet li għandhom l-Istati Membri għaż-żamma tal-ordni pubbliku u l-protezzjoni tas-sigurtà interna.

53      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 21(a) tar-Regolament Nru 562/2006 jipprovdi li t-tneħħija tal-kontroll fil-fruntieri interni ma tippreġudikax l-eżerċizzju tal-poteri tal-pulizija mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru skont id-dritt nazzjonali, sa fejn l-eżerċizzju ta’ dawn il-poteri ma għandux effett ekwivalenti għal dak tal-verifiki fil-fruntieri, u li dan japplika wkoll għaż-żoni tal-fruntiera.

54      Din id-dispożizzjoni tar-Regolament Nru 562/2006 tipprovdi li l-eżerċizzju tal-poteri tal-pulizija ma jistax, b’mod partikolari, jitqies li huwa ekwivalenti għall-eżerċizzju tal-verifiki fil-fruntieri meta l-miżuri tal-pulizija ma jkollhomx l-għan tal-kontroll tal-fruntiera, meta jkunu bbażati fuq informazzjoni ġenerali u l-esperjenza tas-servizzi tal-pulizija dwar theddid eventwali għas-sigurtà pubblika u jkunu intiżi, b’mod partikolari, sabiex jiġġieldu kontra l-kriminalità transkonfinali, meta jkunu fformulati u implementati b’mod kjarament distint mill-verifiki sistematiċi tal-persuni li jsiru fil-fruntieri esterni u, meta jsiru abbażi ta’ verifiki li jsiru improvviżament.

55      Fir-rigward ta’ kontrolli bħall-kontrolli MTV ibbażati fuq l-Artikolu 50(1) tal-Liġi dwar il-barranin u li jitwettqu skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4.17a tad-Digriet tal-2000, għandu jitqies b’mod partikolari li huma ma jitwettqux “fil-fruntieri” u lanqas fil-mument tal-qsim tal-fruntiera iżda fl-intern tat-territorju nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Melki u Abdeli, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68).

56      Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Ċek, dawn il-kontrolli ma jikkostitwixxux verifiki fil-fruntieri preklużi mill-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 562/2006, iżda verifiki ġewwa t-territorju ta’ Stat Membru, imsemmija fl-Artikolu 21 tal-imsemmi regolament.

57      Sussegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk il-kontrolli fl-intern tat-territorju, maħsuba u mwettqa bħala kontrolli MTV, humiex fi kwalunkwe każ preklużi skont l-Artikolu 21(a) tar-Regolament Nru 562/2006. Dan ikun il-każ jekk l-imsemmija kontrolli jkollhom, fir-realtà effett ekwivalenti għal dak tal-verifiki fil-fruntieri (sentenza Melki u Abdeli, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69).

58      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-Artikolu 50(1) tal-Liġi dwar il-barranin jipprevedi kontrolli mwettqa speċifikament fiż-żoni tal-fruntiera kif ukoll kontrolli mwettqa fil-kumplament tat-territorju nazzjonali. Mill-informazzjoni inkluża fil-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja u kkjarifikata matul is-seduta jirriżulta li, filwaqt li dawn iż-żewġ tipi ta’ kontrolli għandhom l-għan komuni tal-ġlieda kontra r-residenza illegali, il-kontrolli mwettqa barra miż-żona tal-fruntiera għandhom ikunu bbażati fuq preżunzjoni raġonevoli ta’ residenza illegali. Fil-kuntest tal-kontrolli MTV imwettqa skont l-Artikolu 4.17a tad-Digriet tal-2000, il-persuni jistgħu jiġu investigati abbażi ta’ informazzjoni jew ta’ esperjenza fil-qasam tar-residenza illegali wara qsim tal-fruntiera u fin-nuqqas ta’ tali preżunzjoni.

59      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-għan imħaddan mil-leġiżlazzjoni Olandiża li tipprevedi l-kontrolli MTV, għandu jitfakkar li l-Artikolu 21(a) tar-Regolament Nru 562/2006 jipprovdi li l-eżerċizzju tal-poteri tal-pulizija ma jistax, b’mod partikolari, jitqies li huwa ekwivalenti għall-eżerċizzju tal-verifiki fil-fruntiera meta kundizzjoni waħda jew iktar li huwa jistabbilixxi jiġu sodisfatti, li fosthom hemm il-kundizzjoni stabbilita fl-imsemmi l-Artikolu 21(a)(i) li tipprovdi li l-miżuri tal-pulizija ma għandhomx bħala għan il-kontroll fil-fruntieri.

60      Fil-każ ineżami, mill-informazzjoni sottomessa lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika li l-għanijiet imħaddna mill-kontrolli MTV huma differenti fir-rigward ta’ ċerti punti minn dawk imħaddna mill-verifiki fil-fruntieri.

61      Skont l-Artikolu 2(9) sa (11) tar-Regolament Nru 562/2006, il-verifiki fil-fruntieri għandhom l-għan, minn naħa, li jiżguraw li l-persuni jistgħu jiġu awtorizzati jidħlu fit-territorju tal-Istat Membru jew jitilqu minnu u, min-naħa l-oħra, li ma jipprekludu lill-individwi milli jevitaw tali kontrolli (ara sentenza Melki u Abdeli, iċċitata iktar ’il fuq, punt 71). Il-kontrolli kkonċernati jistgħu jitwettqu sistematikament.

62      Min-naħa l-oħra, il-kontrolli previsti mil-leġiżlazzjoni Olandiża huma intiżi li jivverifikaw l-identità, in-nazzjonalità u/jew id-dritt ta’ residenza tal-persuna investigata minħabba prinċipalment il-ġlieda kontra r-residenza illegali. Hemm inkwistjoni kontrolli selettivi intiżi jidentifikaw il-persuni f’sitwazzjoni irregolari u jiskoraġġixxu l-immigrazzjoni llegali. L-għan imħaddan minn dawn il-kontrolli huwa applikat fuq it-territorju Olandiż kollu, anki jekk, fiż-żoni tal-fruntiera, hemm ipprovduti dispożizzjonijiet partikolari dwar l-implementazzjoni ta’ dawn il-kontrolli.

63      Skont l-Artikolu 21(c) tar-Regolament Nru 562/2006, il-possibbiltà għal Stat Membru li jipprovdi obbligu ta’ detenzjoni u ta’ żamma ta’ karti u ta’ dokumenti fid-dritt nazzjonali tiegħu u għalhekk ta’ kontroll ta’ identità sabiex jiżgura li l-osservanza ta’ dan l-obbligu ma tkunx affettwata mit-tneħħija tal-kontroll tal-fruntieri interni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Melki u Abdeli, iċċitata iktar ’il fuq, punt 71).

64      Il-fatt li l-kontrolli ta’ identità ibbażati fuq l-Artikolu 50(1) tal-Liġi dwar il-barranin u mwettqa skont l-Artikolu 4.17a tad-Digriet tal-2000 huma prinċipalment intiżi għall-ġlieda kontra r-residenza illegali wara qsim tal-fruntiera u li l-Artikolu 21(a) tar-Regolament Nru°562/2006 ma jħaddanx espliċitament dawn l-għan lanqas ma jimplika l-eżistenza ta’ għan ta’ kontroll fil-fruntieri kuntrarjament għal dan l-Artikolu 21(a)(i).

65      Minn naħa, kif isostnu b’mod partikolari l-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni, l-Artikolu 21(a) tar-Regolament Nru 562/2006 la jipprovdi lista eżawrjenti ta’ kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw il-miżuri ta’ pulizija sabiex ma jitqiesux li għandhom effett ekwivalenti għal dak ta’ verifiki fil-fruntieri, u lanqas lista eżawrjenti ta’ għanijiet li jistgħu jħaddnu dawn il-miżuri ta’ pulizija. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-użu tal-kliem “b’mod partikolari” fit-tieni sentenza tal-Artikolu 21(a) u fl-Artikolu 21(a)(ii) tar-Regolament Nru 562/2006.

66      Min-naħa l-oħra, la l-Artikolu 79(1) u (2)(c) TFUE — li jipprovdi l-iżvilupp, mill-Unjoni, tal-politika komuni tal-immigrazzjoni intiża li tiżgura, b’mod partikolari, prevenzjoni tal-immigrazzjoni illegali u ta’ residenza illegali — u lanqas ir-Regolament Nru 562/2006, ma jeskludu l-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u r-residenza illegali, anki jekk huwa ċar li dawn tal-aħħar għandhom jadattaw il-leġiżlazzjoni tagħhom f’dan il-qasam b’mod li jiżguraw l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2011, Achughbabian, C‑329/11, Ġabra p. I‑12695, punti 30 u 33). Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21(a) sa (d) tar-Regolament Nru 562/2006 kif ukoll il-kliem tal-Artikolu 72 TFUE jikkonfermaw li t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri ma ppreġudikawx ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri għaż-żamma tal-ordni pubbliku u l-protezzjoni tas-sigurtà interna.

67      Minn dan isegwi li l-għan tal-ġlieda kontra r-residenza illegali mħaddan mil-leġiżlazzjoni Olandiża ma jimplikax li l-kontrolli MTV inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom effett ekwivalenti għal dak tal-verifiki fil-fruntieri preklużi mill-Artikolu 21(a) tar-Regolament Nru 562/2006.

68      L-osservanza tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 20 u 21 tar-Regolament Nru 562/2006, għandha fil-fatt tiġi żgurata bl-implementazzjoni u bl-osservanza ta’ qafas regolamentari li jiggarantixxi li l-eżerċizzju prattiku tal-kompetenza li jitwettqu kontrolli ta’ identità fil-kuntest tal-ġlieda kontra r-residenza illegali u, barra minn hekk, kontra l-kriminalità transkonfinali marbuta mal-immigrazzjoni illegali, ma jkunx jista’ jkollu effett ekwivalenti għal dak ta’ verifiki fil-fruntieri (sentenza Melki u Abdeli, iċċitata iktar ’il fuq, punti 73 u 74).

69      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-fatt li l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-kompetenzi fil-qasam tal-kontroll mogħtija minn leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa limitat għal żona ta’ fruntiera ma huwiex biżżejjed, waħdu, sabiex jiġi kkonstatat l-effett ekwivalenti tal-eżerċizzju ta’ dawn il-kompetenzi fis-sens tal-Artikolu 21(a) tar-Regolament Nru 562/2006, fid-dawl tat-termini u tal-għan ta’ dan l-Artikolu 21(a) (sentenza Melki u Abdeli, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72). Fil-fatt, l-ewwel sentenza ta’ din l-aħħar dispożizzjoni tirreferi espliċitament għall-eżerċizzju tal-poteri tal-pulizija mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru bis-saħħa tad-dritt nazzjonali, fiż-żoni tal-fruntiera wkoll.

70      Fir-rigward ta’ kontrolli mwettqa fuq toroq u fuq il-baħar, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata tipprovdi regoli partikolari dwar il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali jista’ jikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ effett ekwivalenti, fis-sens tal-Artikolu 21(a) tar-Regolament Nru 562/2006. Madankollu, fil-preżenza ta’ tali indizju, il-konformità ta’ dawn il-kontrolli ma’ din l-aħħar dispożizzjoni għandha tiġi żgurata mill-preċiżjonijiet u mil-limitazzjonijiet inklużi fil-kuntest tal-eżerċizzju prattiku tal-poteri tal-pulizija li għandu jkun ta’ natura li jevita tali effett ekwivalenti ta’ tali effett ekwivalenti (ara, f’dan is-sens, sentenza Melki u Abdeli, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72).

71      Fit-tielet lok, kuntrarjament għall-argumenti ta’ A. Adil u tal-Gvern Ċek, il-fatt li l-kontrolli MTV imwettqa f’żona tal-fruntiera ma jiddependux fuq l-istabbiliment preliminari ta’ preżunzjoni raġonevoli fuq residenza illegali, għad-differenza ta’ kontrolli ta’ identità mwettqa f’dan il-qasam fil-kumplament tat-territorju nazzjonali, ma jwassalx sabiex l-ewwel kontrolli jkollhom jitqiesu li għandhom effett ekwivalenti għal dak ta’ verifiki fil-fruntieri.

72      Qabelxejn, skont l-Artikolu 21(a)(ii) tar-Regolament Nru 562/2006, il-miżuri ta’ pulizija bbażati fuq informazzjoni ġenerali u l-esperjenza ta’ servizzi ta’ pulizija dwar il-possibbiltà ta’ theddid għas-sigurtà pubblika ma jistgħux jitqiesu li għandhom tali effett.

73      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż, il-proposta tal-Kummissjoni intiża li teżiġi identità tal-modalitajiet u tal-għanijiet fir-rigward tal-kontrolli mwettqa mill-Istati Membri ġewwa t-territorju tagħhom ma ġietx aċċettata mil-leġiżlatur tal-Unjoni. In-nuqqas fl-Artikolu 21(a) tar-Regolament Nru 562/2006 ta’ kundizzjoni li teżiġi li l-kontrolli tal-pulizija f’żona fit-territorju nazzjonali huwa kkorroborat ukoll mill-fatt li tali kundizzjoni ta’ identità hija barra min hekk espliċitament ipprovduta minn din l-istess dispożizzjoni fl-Artikolu 21(b) fir-rigward ta’ kontrolli ta’ sigurtà mwettqa fil-portijiet u fl-ajruporti.

74      Barra minn hekk, fil-punt 74 tas-sentenza Melki u Abdeli, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ talloka kompetenza partikolari lill-awtoritajiet tal-pulizija sabiex iwettqu kontrolli ta’ identità f’żona tal-fruntiera, mingħajr ma tikkontradixxi l-Artikolu 21(a) tar-Regolament Nru 562/2006, bil-kundizzjoni li ċerti preċiżjonijiet u limitazzjoni jkunu stabbiliti u osservati.

75      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, iktar ma jeżistu indizji tal-eżistenza tal-possibbiltà ta’ effett ekwivalenti, fis-sens tal-Artikolu 21(a) tar-Regolament Nru 526/2006, li jidher mill-għan imħaddan mill-kontrolli mwettqa f’żona tal-fruntiera, tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dawn il-kontrolli u tal-eżistenza ta’ distinzjoni bejn il-bażi tal-imsemmija kontrolli u dik ta’ kontrolli mwettqa fil-kumplament tat-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, iktar għandhom ikunu stretti u jkunu strettament osservati l-preċiżjonijiet u l-limitazzjonijiet li jikkundizzjonaw l-eżerċizzju mill-Istati Membri tal-poteri ta’ pulizija tagħhom f’żona tal-fruntiera, sabiex ma jiġix ippreġudikat it-twettiq tal-għan tat-tneħħija ta’ kontrolli fuq fruntieri interni stabbilit fl-Artikolu 3(2) TUE, fl-Artikolu 26(2) TFUE u fl-Artikolu 67(1) TFUE u previst fl-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 562/2006.

76      Il-kuntest meħtieġ f’dan ir-rigward għandu jkun suffiċjentement preċiż u fid-dettall sabiex kemm in-neċessità tal-kontrolli kif ukoll il-miżuri ta’ kontrolli konkretament awtorizzati jkunu jistgħu jkunu huma stess suġġetti għal kontrolli.

77      Fir-rigward ta’ dan ir-rekwiżit ta’ kuntest, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li kif jirriżulta mill-punti 60 sa 67 ta’ din is-sentenza, il-kontrolli MTV ma għandhomx bħala għan il-kontroll fil-fruntieri.

78      It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li l-kontrolli MTV huma bbażati, skont l-Artikolu 21(a)(ii) tar-Regolament Nru 562/2006, fuq informazzjoni ġenerali u fuq l-esperjenza ta’ servizzi tal-pulizija dwar ir-residenza illegali wara qsim tal-fruntiera. Il-miżuri tal-pulizija intiżi kontra r-residenza illegali, kemm jekk jaqgħu taħt il-kunċett ta’ ordni pubbliku jew dak ta’ sigurtà pubblika, jistgħu, kif jirriżulta mill-punt 65 tas-sentenza preżenti, jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. L-obbligu li l-kontrolli MTV jiġu bbażati fuq tali informazzjoni u esperjenza għandu barra minn hekk jikkontribwixxi għas-selettività tal-kontrolli mwettqa.

79      It-tielet nett, il-kontrolli MTV jitwettqu, skont l-Artikolu 21(a)(iii) tar-Regolament Nru 562/2006, b’mod kjarament distint mill-verifiki sistematiċi ta’ persuni mwettqa fil-fruntieri esterni tal-UE.

80      Fil-fatt, il-kontrolli MTV fit-toroq u fuq il-baħar fiż-żona tal-fruntiera komuni tal-Belġju u tal-Ġermanja jistgħu biss jitwettqu, skont l-Artikolu 4.17a(5) tad-Digriet tal-2000, matul numru limitat ta’ sigħat fix-xahar u fil-ġurnata u fir-rigward ta’ parti waħda biss mill-mezzi ta’ trasport li jaqsmu l-fruntiera.

81      Mill-informazzjoni pprovduta mill-Gvern Olandiż, jirriżulta barra minn hekk li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika li l-kontrolli jitwettqu, fil-prattika, abbażi ta’ profili, jew abbażi ta’ kampjuni. Il-profili jiddependu fuq informazzjoni jew fuq data li turi r-riskju elevat ta’ residenza illegali u ta’ kriminalità transkonfinali f’ċerti rotot, f’mumenti partikolari jew abbażi tat-tip ta’ vettura jew ta’ karatteristika oħra ta’ dawn tal-aħħar.

82      Il-preċiżjonijiet u l-limitazzjonijiet implementati minn leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik tal-Artikolu 4.17a tad-Digriet tal-2000 sabiex jikkundizzjonaw l-intensità, il-frekwenza u s-selettività ta’ kontrolli li jistgħu jiġu affettwati huma ta’ natura li jevitaw li l-applikazzjoni prattika tal-poteri tal-pulizija mogħtija mid-dritt nazzjonali jwasslu, bi ksur tal-Artikolu 21(a)(a) tar-Regolament Nru 562/2006, għal kontrolli li għandhom effett ekwivalenti għal dak ta’ verifiki fil-fruntieri.

83      Fir-rigward tal-kontrolli mwettqa għall-finijiet tal-ksib ta’ informazzjoni fil-qasam tar-residenza illegali wara qsim tal-fruntiera, l-Artikolu 4.17a(2) tad-Digriet tal-2000 jindika li dawn il-kontrolli msejħa “ta’ informazzjoni” jistgħu biss jitwettqu b’mod limitat.

84      Bi tweġiba għal mistoqsija magħmula waqt is-seduta, il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni ppreċiżaw li dawn il-kontrolli msejħa “ta’ informazzjoni” għandhom josservaw ukoll il-preċiżjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti mid-Digriet tal-2000 wara s-sentenza Melki u Abdeli, iċċitata iktar ’il fuq. Il-Kummissjoni ppreċiżat b’mod partikolari li dawn il-kontrolli għandhom jissodisfaw il-limitati ta’ termini stabbiliti fl-Artikolu 4.17a(5) tad-Digriet tal-2000, jiġifieri mhux iktar minn sitt sigħat kuljum u disgħin siegħa fix-xahar. Barra minn hekk, l-imsemmija kontrolli ma jistgħux ikunu iktar mill-kontrolli MTV li huma s-suġġett tad-domanda preliminari 2(a).

85      Peress li l-qorti nazzjonali biss hija kompetenti sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali, hija għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ.

86      Bil-kundizzjoni li dawn iż-żewġ tipi ta’ kontrolli MTV ikunu mwettqa b’osservanza tal-kuntest previst fl-Artikolu 4.17a tad-Digriet tal-2000, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li huma jitwettqu b’mod selettiv, u għalhekk mhux b’mod sistematiku li jista’ jikkaratterizza l-verifiki fil-fruntieri u li hemm inkwistjoni miżuri ta’ pulizija mwettqa abbażi ta’ verifiki mwettqa improvviżament kif meħtieġ mill-Artikolu 21(a)(iv) tar-Regolament Nru 562/2006.

87      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi rrilevat li, abbażi tal-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal-leġiżlazzjoni Olandiża inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprovdi preċiżjonijiet u limitazzjonijiet fir-rigward tal-eżerċizzju tal-poteri tal-pulizija li hija tagħti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat. Barra minn hekk, dawn il-preċiżjonijiet u dawn il-limitazzjonijiet jistgħu jikkundizzjonaw l-intensità u l-frekwenza tal-kontrolli li jistgħu jitwettqu fiż-żona tal-fruntiera minn dawn l-awtoritajiet u huma intiżi li jiggwidaw is-setgħa diskrezzjonali li għandhom dawn tal-aħħar fl-eżerċizzju prattiku tal-kompetenza tagħhom.

88      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament Nru 562/2006 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lill-uffiċjali inkarigati mis-sorveljanza tal-fruntieri u tal-kontroll tal-barranin, iwettqu kontrolli f’żona ġeografika ta’ 20 kilometru mill-fruntiera tal-art bejn l-Istat Membru u l-Istati partijiet kontraenti tal-KIFS, intiżi li jivverifikaw jekk il-persuni investigati jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ residenza legali applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat, meta l-imsemmija kontrolli jkunu bbażati fuq informazzjoni ġenerali u l-esperjenza fil-qasam tar-residenza illegali ta’ persuni f’postijiet ta’ kontroll, meta jkunu jistgħu wkoll jitwettqu b’mod limitat sabiex tinkiseb tali informazzjoni ġenerali u data marbuta mal-esperjenza f’dan il-qasam u meta l-eżerċizzju tagħhom ikun suġġett għal ċerti limitazzjonijiet dwar, b’mod partikolari, l-intensità u l-frekwenza tagħhom.

 Fuq l-ispejjeż

89      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ,minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lill-uffiċjali inkarigati mis-sorveljanza tal-fruntieri u tal-kontroll tal-barranin, iwettqu kontrolli f’żona ġeografika ta’ 20 kilometru mill-fruntiera tal-art bejn l-Istat Membru u l-Istati partijiet kontraenti tal-Konvenzjoni li timplementa l-ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet tal-Unjoni Ekonomika Benelux, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Franċiża, dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990, intiżi li jivverifikaw jekk il-persuni investigati jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ residenza legali applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat, meta l-imsemmija kontrolli jkunu bbażati fuq informazzjoni ġenerali u l-esperjenza fil-qasam tar-residenza illegali ta’ persuni f’postijiet ta’ kontroll, meta jkunu jistgħu wkoll jitwettqu b’mod limitat sabiex tinkiseb tali informazzjoni ġenerali u data marbuta mal-esperjenza f’dan il-qasam u meta l-eżerċizzju tagħhom ikun suġġett għal ċerti limitazzjonijiet dwar, b’mod partikolari, l-intensità u l-frekwenza tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.