Language of document : ECLI:EU:C:2020:797

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fis‑6 ta’ Ottubru 2020 (1)

Kawża C580/19

RJ

vs

Stadt Offenbach am Main

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Darmstadt (il-Qorti Amministrattiva ta’ Darmstadt, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Kunċetti ta’ ħin tax-xogħol u ta’ perijodu ta’ mistrieħ – Pompieri professjonali – Servizz ta’ stand-by mingħajr post stabbilit mill-persuna li timpjega”






1.        F’liema ċirkustanzi l-ħin li ħaddiem jgħaddi f’sitwazzjoni ta’ stand-by jista’ jitqies bħala ħin tax-xogħol?

2.        Il-kunċett ta’ ħin tax-xogħol li jinsab fid-Direttiva 2003/88/KE (2) jista’ jestendi sabiex ikopri sitwazzjonijiet li fihom il-ħaddiem, minkejja li ma jkunx “qed jaħdem”, ikun jinsab f’sitwazzjoni tali li ma tippermettilux mistrieħ effettiv? U liema huma l-karatteristiċi ta’ “mistrieħ effettiv” skont l-għanijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiem ta’ din id-direttiva?

3.        Jista’ wieħed jimmaġina li jeżistu “grey areas” li fihom il-ħaddiem ma jkunx f’ħin tax-xogħol, iżda lanqas f’perijodu ta’ mistrieħ?

4.        Dawn huma l-mistoqsijiet fl-isfond ta’ din il-kawża li, eżaminata b’mod ikkoordinat flimkien ma’ C‑344/19, tagħti l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tittratta l-klassifikazzjoni ġuridika tal-perijodi on-call u ta’ stand-by fid-dawl tad-Direttiva 2003/88.

5.        Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet diversi drabi dwar dan is-suġġett, iżda din il-kawża, minħabba l-karatteristiċi partikolari tal-każ inkwistjoni (nuqqas ta’ obbligu għall-ħaddiem ta’ preżenza fiżika f’post indikat mill-persuna li timpjega, ħin qasir ta’ reazzjoni għas-sejħa u ċerti restrizzjonijiet addizzjonali meħtieġa mill-karatteristiċi partikolari tax-xogħol), teħtieġ eżami mill-ġdid tal-prinċipji ddikjarati sa issa sabiex jiġu evalwati żviluppi possibbli.

6.        B’mod iktar preċiż, il-kwistjoni hija dwar jekk il-perijodi on-call, bl-obbligu għall-ħaddiem li jkun stand-by fi kwalunkwe mument u li jintervjeni, eventwalment, fi żmien għoxrin minuta, għandhomx jitqiesu bħala ħin tax-xogħol jew bħala perijodu ta’ mistrieħ fis-sens tal-imsemmi Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88.

7.        Dan b’rigward, b’mod partikolari, għall-fatt li r-rikorrent, pompier, kien suġġett, fil-każ ta’ sejħa, għall-obbligu li jasal fi ħdan l-imsemmi ħin ta’ reazzjoni limitat fil-limiti tal-belt fejn kellu jipprovdi s-servizz bl-ilbies tax-xogħol u bil-vettura ta’ intervent.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

8.        Il-premessa 5 tad-Direttiva 2003/88 tistabbilixxi li:

“Il-ħaddiema kollha għandhom ikollhom perjodi adekwati ta’ serħan [mistrieħ]. Il-kunċett ta’ ‘serħan’ [mistrieħ] għandu jkun espress f’unitajiet ta’ ħin, i.e. f’jiem, f’sigħat u/jew frazzjonijiet tagħhom. Il-ħaddiema tal-Komunità għandhom ikunu mogħtija l-perjodi minimi ta’ serħan [mistrieħ] ta’ kull jum u ta’ kull ġimgħa, u waqfien adekwati. Huwa wkoll meħtieġ li f’dan il-kuntest jitqiegħed limitu massimu fuq sigħat tax-xogħol matul kull ġimgha.”

9.        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 jipprevedi li:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)      ‘ħin tax-xogħol’ ifisser kwalunkwe perjodu li matulu il-ħaddiem ikunu [ikun] għax-xogħol, għad-disposizzjoni ta’ min jimpjegah u jwettaq l-attivitajiet jew id-doveri tiegħu, b’konformità mal-liġijiet nazzjonali u/jew prattiċi [nazzjonali];

2)      ‘perijodu ta’ serħan’ [mistrieħ] ifisser kwalunkwe perjodu li ma jkunx il-ħin tax-xogħol;

[…]

9)      ‘serħan adekwat [mistrieħ adegwat]’ ifisser li l-ħaddiema jkollhom perjodi regolari ta’ serħan [mistrieħ], li t-tul tagħhom huwa espress f’unitajiet ta’ ħin u li huma suffiċjentement twal u kontinwi li jassiguraw li, bħala riżultat ta’ għajja jew tendenzi oħrajn irregolari tax-xogħol, li ma joħolqux xi korriment għalihom, għal ħaddiema sħabhom jew għal oħrajn u li ma jkunux ta’ ħsara għal saħħithom, la f’terminu qasir u l-anqas f’terminu fit-tul”.

B.      Id-dritt Ġermaniż

10.      L-Anness għall-Verordnung über die Organisation, Mindeststärke und Ausrüstung der öffentlichen Feuerwehren (ir-Regolament dwar l-Organizzazzjoni, il-Limitu Minimu ta’ Forzi u Allokazzjonijiet tal-Korpi Pubbliċi tal-Pompieri), tas‑17 ta’ Diċembru 2003, jipprovdi li:

“L-allokazzjonijiet tat-tieni livell, inkluż il-persunal neċessarju għal dan il-għan, għandhom jaslu fuq il-post ta’ intervent, bħala regola ġenerali, f’terminu ta’ 20 minuta wara l-bidu tal-allarm […]”.

11.      Skont l-Einsatzdienstverfügung der Feuerewehr Offenbach (iċ-Ċirkulari Operattiva tal-Korpi Pubbliċi tal-Pompieri tal-Belt ta’ Offenbach am Main), fil-verżjoni tagħha tat‑18 ta’ Ġunju 2018, l-uffiċjal li jwettaq servizz “Beamter vom Einsatzleitdienst” (iktar ’il quddiem is-“servizz ‘BvE’”) għandu jmur immedjatament fuq il-post ta’ intervent billi juża l-privileġġi tiegħu li jidderogaw mill-Kodiċi tat-Triq u d-drittijiet ta’ preċedenza.

12.      Fir-rigward tal-obbligi imposti fuq l-uffiċjal li jwettaq servizz “BvE”, l-imsemmija ċirkulari tipprovdi speċifikament fil-paġna 6:

“Matul iż-żmien tas-servizz ‘BvE’, l-uffiċjal għandu jżomm ruħu għad-dispożizzjoni u jkun f’post li jippermettilu josserva l-ħin ta’ intervent ta’ 20 minuta. Din ir-regola titqies li hija osservata meta, billi jintużaw il-privileġġi proprji li jidderogaw mill-Kodiċi tat-Triq u d-drittijiet ta’ reċedenza proprji, il-ħin tal-vjaġġ mill-post fejn ikun jinsab u l-limiti tal-Belt ta’ Offenbach am Main ikun ta’ 20 minuta jew inqas. Dan il-ħin tal-vjaġġ japplika fil-każ ta’ traffiku medju intensiv u f’kundizzjonijiet normali tat-traffiku u meteoroloġiċi.”

II.    Il-fatti, il-proċedura prinċipali u d-domandi preliminari

13.      RJ, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, huwa uffiċjal u jeżerċita s-servizz tiegħu bħala pompier mal-Korp tal-Pompieri tal-Belt ta’ Offenbach am Main.

14.      Minbarra s-servizz ordinarju tiegħu, ir-rikorrent, skont id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-Korp tal-Pompieri tal-Belt ta’ Offenbach am Main u bħala mexxej ta’ tim, għandu jeżerċita regolarment is-servizz imsejjaħ “BvE” (iktar ’il quddiem “stand-by”).

15.      Matul dan is-servizz, RJ għandu jkun dejjem fuq stand-by u jkollu lesti u disponibbli l-ilbies tax-xogħol kif ukoll il-vettura ta’ intervent imqiegħda għad-dispożizzjoni mill-persuna li timpjega. Huwa għandu l-obbligu li jwieġeb għas-sejħiet li jirċievi u li bihom jiġi informat dwar l-okkorrenza ta’ avvenimenti li dwarhom huwa obbligat jieħu deċiżjonijiet. Xi kultant, huwa għandu jmur fl-unità operattiva jew fil-post ta’ servizz tiegħu. Meta jwettaq servizz ta’ stand-by, ir-rikorrent għandu jagħżel il-post fejn ikun jinsab b’mod tali li jkun jista’ jasal bl-ilbies tax-xogħol u bil-vettura ta’ intervent, fil-każ ta’ intervent neċessarju, fil-limiti tal-Belt ta’ Offenbach am Main fi żmien 20 minuta.

16.      Matul il-ġimgħa, is-servizz ta’ stand-by idum mill‑17:00 sas‑7:00 tal-għada, filwaqt li fi tmiem il-ġimgħa, dan ikun mill‑17:00 tal-Ġimgħa sas‑7:00 tat-Tnejn u jista’ jkun li dan jingħadd ma’ ġimgħa ta’ servizz ta’ 42 siegħa.

17.      Bħala medja, ir-rikorrent wettaq servizz ta’ stand-by fi tmiem il-ġimgħa minn 10 sa 15‑il darba fis-sena. Matul il-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2013 sal‑31 ta’ Diċembru 2015, huwa wettaq total ta’ 126 servizz ta’ stand-by, li matulhom huwa kellu jwieġeb għal allarmi jew jintervjeni fiżikament 20 darba.

18.      RJ talab ir-rikonoxximent tal-imsemmija perijodi mwettqa fis-servizz ta’ stand-by bħala ħin tax-xogħol u r-remunerazzjoni relattiva. Min-naħa l-oħra, il-persuna li timpjega, permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Awwissu 2014, ċaħdet tali talbiet billi qieset li tali servizz f’ebda każ ma seta’ jiġi kkunsidrat bħala ħin tax-xogħol.

19.      Fil‑31 ta’ Lulju 2015, RJ ippreżenta rikors quddiem il-qorti tar-rinviju fejn sostna li l-perijodi on-call jistgħu jitqiesu bħala ħin tax-xogħol anki meta, minkejja l-fatt li l-ħaddiem ma jkunx marbut li jkun preżenti fiżikament f’post iddeterminat mill-persuna li timpjega, din tal-aħħar tistabbilixxi madankollu terminu qasir ħafna li fih il-ħaddiem irid imur lura għax-xogħol. F’dan il-każ, RJ isostni li, f’każ ta’ allarm, u sabiex ikun jista’ josserva t-terminu ta’ 20 minuta, huwa għandu immedjatament jitlaq mid-dar tiegħu b’riżultat li ma jkunx f’pożizzjoni li jiddedika ruħu għal attivitajiet li ma jistgħux jiġu interrotti. Barra minn hekk, barra mir-residenza tiegħu, huwa jista’ jeżerċita biss attivitajiet li jippermettulu li jkun jinsab fil-viċinanza immedjata tal-vettura tiegħu. Għalhekk, matul is-servizz ta’ stand-by, huwa jkun suġġett għal limitazzjonijiet kbar fl-għażla libera tal-attivitajiet li għalihom huwa jista’ jiddedika ruħu, b’mod partikolari mat-tfal tiegħu.

20.      Fil-fehma tal-persuna li timpjega, min-naħa l-oħra, is-servizz “BvE” ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ħin tax-xogħol peress li RJ ma kienx obbligat li jżomm ruħu għad-dispożizzjoni f’post stabbilit mill-persuna li timpjega u li jinsab barra mill-kuntest tiegħu ta’ ħajja privata. It-terminu ta’ 20 minuta li għandu r-rikorrent sabiex jasal fil-limiti tal-belt joffri lil RJ perimetru ġeografiku xieraq li fih huwa jista’ jiċċaqlaq liberament, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-vettura ta’ intervent tingħata privileġġi ta’ deroga mill-Kodiċi tat-Triq fil-każ ta’ użu tas-sinjali ta’ allarm.

21.      B’mod preliminari, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, l-attivitajiet eżerċitati mill-forzi ta’ intervent ta’ korp tal-Istat tal-pompieri jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88 (3) u, min-naħa l-oħra, il-kwistjonijiet dwar ir-remunerazzjoni tas-servizzi ta’ stand-by ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (4).

22.      Madankollu, hija tqis li l-kwistjoni dwar il-klassifikazzjoni tas-servizz ta’ stand-by bħala ħin tax-xogħol fis-sens tad-Direttiva 2003/88 hija deċiżiva għar-riżoluzzjoni tat-tilwima pendenti. Fil-fatt, konformement mad-dritt nazzjonali, il-persuna li timpjega lil RJ hija obbligata tagħti remunerazzjoni għas-servizz ta’ stand-by kif mitlub mir-rikorrent biss fil-każ fejn dan tal-aħħar ikun wettaq attivitajiet li jistgħu jikkostitwixxu ħin tax-xogħol bi ksur tal-ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa aċċettat mid-Direttiva 2003/88. Barra minn hekk, it-talba tar-rikorrent intiża sabiex jiġi rrikonoxxut li s-servizz ta’ stand-by jikkostitwixxi ħin tax-xogħol ma tirrigwardax il-kisba ta’ remunerazzjoni differenti eventwali iżda hija intiża sabiex jiġi evitat li fil-futur RJ ikollu jaħdem iktar mill-ħin massimu ta’ xogħol aċċettat mid-dritt tal-Unjoni.

23.      Fir-rigward tal-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, sa issa, il-pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja kienet li tikkunsidra li s-servizz on-call jaqa’ taħt il-ħin tax-xogħol biss meta l-ħaddiem ikun marbut li jkun preżenti fiżikament f’post stabbilit mill-persuna li timpjega.

24.      Madankollu, hija tenfasizza li fis-sentenza Matzak (5), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li s-servizz on-call imwettaq minn ħaddiem fir-residenza tiegħu għandu, dan ukoll, jiġi kklassifikat bħala ħin tax-xogħol, billi bbażat ruħha, minn naħa, fuq il-fatt li l-ħaddiem kien marbut jibqa’ preżenti fiżikament f’post stabbilit mill-persuna li timpjega (f’dan il-każ, fir-residenza tiegħu stess) u, min-naħa l-oħra, fuq il-limitazzjoni tal-possibbiltajiet għall-ħaddiem li jiddedika ruħu għall-interessi personali u soċjali proprji li jirriżultaw min-neċessità li jasal fuq il-post tax-xogħol fi żmien 8 minuti.

25.      Skont il-qorti tar-rinviju, il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Matzak ma jeskludux li anki l-perijodi on-call bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża – li matulhom, għalkemm il-persuna li timpjega ma timponi fuq il-ħaddiem ebda post preċiż fejn huwa għandu jkun preżenti, dan tal-aħħar ikun, fi kwalunkwe każ, suġġett għal limitazzjonijiet sinjifikattivi għall-għażla libera tal-post fejn ikun jinsab u fl-organizzazzjoni tal-ħin liberu tiegħu – ikunu jistgħu wkoll jiġu kklassifikati bħala ħin tax-xogħol. Dan huwa l-każ, pereżempju, meta – bħal f’dan il-każ – billi l-persuna li timpjega timponi ħin qasir li matulu l-ħaddiem irid imur lura għax-xogħol, tistabbilixxi portata ġeografika li fiha l-ħaddiem għandu jkun fiżikament, u b’hekk tillimita l-għażla libera tiegħu fir-rigward tal-post fejn ikun jinsab u l-attivitajiet rikreattivi li għalihom huwa jkun jista’ jiddedika ruħu.

26.      Tali affermazzjoni hija kkonfermata, skont il-qorti tar-rinviju, fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fil-kawża Matzak, peress li jidher li fehem is-sitwazzjoni li wasslet għas-sentenza Matzak mhux fis-sens li l-pompier inkwistjoni kien marbut jibqa’ preżenti fir-residenza tiegħu stess, iżda li kellu sempliċement ikun f’pożizzjoni li jasal l-istazzjon fi żmien 8 minuti.

27.      Din il-qorti tirreferi, barra minn hekk, għall-punt 63 tas-sentenza Matzak u għall-punt 66 tad-digriet Grigore (6), li minnhom jirriżulta li l-kwalità tal-ħin għad-dispożizzjoni tal-ħaddiem hija element rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk perijodu ta’ stand-by għandux jiġi kklassifikat bħala ħin tax-xogħol.

28.      Barra minn hekk hija tirrileva li l-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja) affermat li perijodu ta’ stand-by jikkostitwixxi ħin tax-xogħol meta l-ħaddiem ikun obbligat imur lura għax-xogħol fi żmien 20 minuta, irrispettivament mill-fatt jekk il-persuna li timpjega tkunx stabbilixxiet jew le post speċifiku li fih il-ħaddiem huwa marbut li jkun preżenti fiżikament matul tali perijodu. Il-fattur determinanti huwa fil-fatt il-limitazzjoni tal-libertà tal-ħaddiem fir-rigward tal-possibbiltà ta’ għażla tal-post fejn ikun jinsab u tal-organizzazzjoni tal-ħin liberu proprju minħabba l-ħin strett impost mill-persuna li timpjega.

29.      Skont il-qorti nazzjonali, ikun diskriminatorju li jiġu esklużi s-servizzi on-call mill-ħin tax-xogħol għas-sempliċi raġuni li l-persuna li timpjega ma pprevedietx post speċifiku fejn il-ħaddiem għandu jkun preżenti fiżikament, peress li, għal dan tal-aħħar, l-obbligu li jasal f’post speċifiku (f’dan il-każ il-limiti tal-Belt ta’ Offenbach am Main) fi żmien 20 minuta, bl-uniformi tiegħu u bil-vettura ta’ intervent, jista’ jkollu, fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-ħin liberu tiegħu, effett li b’mod definittiv huwa restrittiv daqs dak li jirriżulta mill-impożizzjoni min-naħa tal-persuna li timpjega ta’ post speċifiku fejn għandu jkun jinsab. Barra minn hekk, hija ssostni li, billi tissuġġetta lill-ħaddiem għal ħin qasir ta’ intervent, il-persuna li timpjega, indirettament, timponi fuq dan tal-aħħar ukoll il-post fejn huwa għandu jkun preżenti fiżikament, u b’hekk tillimita b’mod sinjifikattiv il-possibbiltajiet tiegħu li jgħix il-ħajja privata tiegħu kif iqis xieraq.

30.      Il-qorti tar-rinviju tqis ukoll li, fir-rigward tal-kwistjoni tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ ħin tax-xogħol, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, minħabba d-diġitalizzazzjoni tax-xogħol u l-eżistenza ta’ telexogħol, l-element tal-impożizzjoni min-naħa tal-persuna li timpjega ta’ lokalizzazzjoni partikolari tal-ħaddiem għandu jkollu rwol sekondarju fid-definizzjoni tal-kunċett inkwistjoni.

31.      B’riferiment għat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tfakkar li l-kriterju użat mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) sabiex tiddetermina jekk is-servizz on-call jaqax taħt il-ħin tax-xogħol huwa marbut mal-prevedibbiltà, skont l-esperjenza, ta’ sejħa tal-ħaddiem li timponilu li jidħol lura għas-servizz. F’tali kuntest, il-fattur determinanti huwa kkostitwit mill-frekwenza li biha l-ħaddiem għandu jistenna li jiġi msejjaħ matul is-servizz on-call u għalhekk, jekk tali servizz jiġi interrott biss b’mod sporadiku min-neċessità ta’ intervent, dan ma jkunx ħin tax-xogħol.

32.      F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi għalhekk jekk, fir-rigward tal-klassifikazzjoni bħala ħin tax-xogħol tas-servizz on-call li ma għandux neċessarjament jingħadda fuq il-post tax-xogħol jew fir-residenza proprja, iżda li, minħabba l-karatteristiċi l-oħra tiegħu, jinvolvi restrizzjonijiet notevoli għall-organizzazzjoni tal-ħin liberu tal-ħaddiema, il-frekwenza tat-talbiet għal intervent tistax jew le tkun element rilevanti.

33.      F’tali ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Darmstadt (il-Qorti Amministrattiva ta’ Darmstadt, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li għandhom jitqiesu bħala ħin tax-xogħol il-perijodi ta’ stand-by li matulhom l-ħaddiem ikollu l-obbligu li jmur fil-partijiet ta’ barra tal-belt fejn huwa assenjat, bl-uniformi u fil-vettura ta’ intervent tiegħu, fi żmien 20 minuta, minkejja li l-persuna li timpjegah ma timponix fuqu post li fih għandu jkun preżenti fiżikament, iżda fejn il-ħaddiem ikun madankollu suġġett għal restrizzjonijiet importanti fl-għażla tal-post fejn huwa jinsab u fil-possibbiltajiet li huwa jkollu sabiex jiddedika ruħu għall-interessi personali u soċjali tiegħu?

2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik deskritta fl-ewwel domanda preliminari, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll, fid-definizzjoni tal-kunċett ta’ ħin tax-xogħol, il-punt dwar jekk, u sa fejn, matul il-perijodi ta’ on-call li huwa għandu jwettaq f’post mhux deċiż mill-persuna li timpjega, il-ħaddiem għandu bħala regola ġenerali jistenna li jissejjaħ sabiex imur għal intervent?”

III. Analiżi ġuridika

A.      Osservazzjonijiet preliminari

1.      Fuq l-ammissibbiltà

34.      Id-Direttiva 2003/88, ibbażata fuq l-Artikolu 153(2) TFUE, tillimita ruħha li tirregola ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema u ma tapplikax, skont il-paragrafu 5 tal-istess artikolu, għall-kwistjoni tar-remunerazzjoni tal-ħaddiema li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, bl-eċċezzjoni fil-każ tal-ipoteżi speċifika fir-rigward tal-leave annwali mħallas, imsemmi fl-Artikolu 7(1) tal-istess direttiva (7); għaldaqstant, bħala prinċipju, din ma tapplikax għar-remunerazzjoni tal-ħaddiema.

35.      Il-fatt li s-suġġett tal-kawża prinċipali huwa t-talba għall-ħlas tar-remunerazzjoni, bħala ħin tax-xogħol, tas-sigħat stand-by mingħajr interruzzjoni, ma jimplikax li ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża.

36.      Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti nazzjonali titlob indikazzjonijiet dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88, interpretazzjoni meqjusa neċessarja għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Il-fatt li din tal-aħħar tirrigwarda, fl-aħħar mill-aħħar, kwistjoni ta’ remunerazzjoni huwa irrilevanti, peress li hija l-qorti nazzjonali u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dik il-kwistjoni fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali (8).

37.      Għaldaqstant, inqis li d-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju huma ammissibbli.

B.      Għan tad-Direttiva, kunċett ta’ ħin tax-xogħol u ta’ servizz on-call

38.      Id-Direttiva 2003/88 għandha l-għan li tistabbilixxi rekwiżiti minimi maħsuba sabiex tiġi mtejba l-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol, għan li jintlaħaq, fost l-oħrajn, permezz tal-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-ħin tax-xogħol (9).

39.      Dan l-għan huwa element prinċipali fil-kostruzzjoni tad-dritt soċjali Ewropew. Wara li, abbażi tal-Artikolu 153 TFUE, iffissa l-prinċipji ġenerali għall-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema fid-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat‑12 ta’ Ġunju 1989, il-leġiżlatur ta forma konkreta lil tali linji gwida permezz ta’ sensiela ta’ direttivi speċifiċi. Fosthom, fil-fatt, id-Direttiva 2003/88 li kkodifikat id-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE preċedenti tat‑23 ta’ Novembru 1993 (10).

40.      Sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88 jiffissaw perijodi minimi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa kif ukoll limitu ta’ tmienja u erbgħin siegħa għall-medja tal-ħin tax-xogħol fil-ġimgħa, inkluża s-sahra.

41.      Permezz tal-imsemmija dispożizzjonijiet huwa implimentat l-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li, wara li rrikonoxxa, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[k]ull ħaddiem għandu d-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu”, jipprovdi, fil-paragrafu 2, li “[k]ull ħaddiem għandu d-dritt għal limitazzjoni ta’ sigħat massimi tax-xogħol, għal perijodi ta’ mistrieħ kuljum u fil-ġimgħa u għal perjodu annwali ta’ leave imħallas”. Tali dritt huwa marbut direttament mar-rispett tad-dinjità tal-bniedem li hija protetta b’mod iktar wiesa’ fit-Titolu I tal-Karta (11).

42.      Huwa f’dan il-kuntest sistematiku li l-Qorti tal-Ġustizzja affermat li r-regoli stabbiliti fid-Direttiva 2003/88 jikkostitwixxu regoli tad-dritt soċjali tal-Unjoni li għandhom importanza partikolari li minnhom għandu jibbenefika kull ħaddiem inkwantu huma regoli minimi meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tiegħu (12), protezzjoni, li ma taqax biss fl-interess individwali tal-ħaddiem, iżda wkoll ta’ dak tal-persuna li timpjega kif ukoll tal-interess ġenerali (13).

43.      L-ewwel konsegwenza li, fil-fehma tiegħi, tista’ tinsilet mir-rabta ta’ strumentalità bejn id-Direttiva 2003/88 u d-drittijiet soċjali fundamentali rrikonoxxuti mill-Karta hija li l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/88 u d-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għandhom ikunu xierqa sabiex jippermettu t-tgawdija sħiħa u effettiva mid-drittijiet suġġettivi li din tirrikonoxxi lill-ħaddiema, filwaqt li jiġi eliminat kull ostakolu li fil-fatt jista’ jillimita jew jippreġudika l-imsemmija tgawdija (14).

44.      Għal dan l-għan, fl-interpretazzjoni u fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2003/88 għandu jitqies li, bħalma enfasizzat diversi drabi l-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħaddiem għandu jiġi kkunsidrat bħala l-parti dgħajfa fil-kuntratt ta’ xogħol, b’tali mod li huwa neċessarju li tiġi prekluża sitwazzjoni fejn il-persuna li timpjega tgawdi mill-fakultà li timponi fuqu restrizzjoni tad-drittijiet tiegħu (15).

45.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-raġuni ta’ protezzjoni kkostitwixxiet id-dawl li ggwida lill-Qorti tal-Ġustizzja fix-xogħol interpretattiv tad-Direttiva 2003/88.

46.      Eżempju ċar u sinjifikattiv tal-interpretazzjoni teleoloġika tal-Qorti tal-Ġustizzja jinsab qabel kollox fl-interpretazzjoni li hija tat lid-definizzjonijiet ta’ “ħin tax-xogħol” u ta’ “perijodu ta’ mistrieħ”; interpretazzjoni li pproduċiet effetti frammentarji fuq l-ekwilibriju leġiżlattiv preżenti f’diversi Stati Membri (16).

47.      Id-Direttiva, meta tiddefinixxi l-kunċett ta’ ħin tax-xogħol, utli għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-protezzjonijiet li din tipprevedi, tirreferi, fil-fatt, għal “kwalunkwe perjodu li matulu il-ħaddiem ikunu [ikun] għax-xogħol, għad-disposizzjoni ta’ min jimpjegah u jwettaq l-attivitajiet jew id-doveri tiegħu (17) […]”; b’mod simetriku, perijodu ta’ mistrieħ ifisser “kwalunkwe perjodu li ma jkunx il-ħin tax-xogħol” (Artikolu 2(1) u (2)).

48.      Kif ippreċiżat diversi drabi l-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċetti ta’ “ħin tax-xogħol” u “perijodu ta’ mistrieħ” fis-sens tad-Direttiva 2003/88 jikkostitwixxu kunċetti tad-dritt tal-Unjoni li għandhom jiġu ddefiniti skont karatteristiċi oġġettivi, filwaqt li jsir riferiment għas-sistema u l-iskop ta’ din id-direttiva, intiża sabiex tistabbilixxi rekwiżiti minimi maħsuba sabiex itejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-ħaddiema (18); għaldaqstant, dawn “ma għandhomx jiġu interpretati skond ir-rekwiżiti tal-liġijiet differenti ta’ l-Istati Membri […]. Hija biss interpretazzjoni awtonoma bħal din li tista’ tiżgura lil din id-direttiva l-effikaċità sħiħa tagħha u kif ukoll applikazzjoni uniformi ta’ dawn il-kunċetti fl-Istati Membri kollha. […] [I]l-fatt li d-definizzjoni tal-kunċett tal-ħin tax-xogħol tirreferi għal-‘liġijiet u/jew il-prattiki nazzjonali’ ma jfissirx illi l-Istati Membri jistgħu b’mod unilaterali jiddeterminaw il-portata ta’ dan il-kunċett. Barra minn hekk, dawn l-Istati ma jistgħu jissuġġettaw għal ebda kundizzjoni d-dritt tal-ħaddiema li jkollhom il-perijodi ta’ xogħol u, b’mod korrelattiv, dawk tal-mistrieħ debitament meħuda in kunsiderazzjoni, peress illi dan id-dritt jirriżulta direttament mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Kull interpretazzjoni oħra tostakola l-għan tad-Direttiva 93/104 (19) li tarmonizza l-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema permezz ta’ rekwiżiti minimi” (20).

49.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk tadotta approċċ deċiżament binarju: il-ħin tal-ħaddiem huwa xogħol jew huwa mistrieħ.

50.      Il-kunċetti ta’ “ħin tax-xogħol” u “perijodu ta’ mistrieħ”, fil-fatt, “huma esklużivi waħda mill-oħra” (21). Fl-istat preżenti tad-dritt tal-Unjoni, “il-ħin on-call li jgħaddi minnu ħaddiem fil-kors tal-attivitajiet tiegħu għal min iħaddmu għandu jkun ikklassifikat jew bħala ‘ħin tax-xogħol’, jew ‘perijodu ta’ serħan [mistrieħ]’” (22).

51.      Fid-duttrina, ġie sostnut li “din is-sistema binarja għandha l-vantaġġ tas-sempliċità iżda ma hijiex nieqsa minn inkonvenjenzi” (23). Fil-fatt, intqal, fost l-oħrajn, li, matul il-perijodu ta’ stand-by, anki jekk il-ħaddiem ma jwettaq ebda xogħol, il-libertà ta’ moviment tiegħu, il-kwalità tal-mistrieħ tiegħu, il-kapaċità li jehda bl-interessi proprji tiegħu hija limitata anki jekk mhux totalment eskluża; jista’ jiġri li, billi l-perijodu ta’ stand-by jiġi kklassifikat bħala mistrieħ, dan ikun sistematikament stand-by bejn żewġ perijodi ta’ xogħol.

52.      Fuq dan is-suġġett, seħħ dibattitu duttrinali wiesa’ dwar il-possibbiltà li jiġi identifikat tertium genus bejn ħinijiet tax-xogħol u mistrieħ (24).

53.      Fl-istat attwali, filwaqt li jinkludi r-rekwiżiti li fuqhom huma bbażati l-proposti ta’ qabża mid-dikotomija riġida eżistenti (25), fil-fehma tiegħi, tali qabża tista’ eventwalment tiġi introdotta biss mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

54.      Fuq dan il-punt nosserva li fl-introduzzjoni eventwali ta’ “grey area” bejn ix-xogħol u l-mistrieħ (26), nara xi riskji f’termini ta’ applikazzjoni konkreta fl-Istati Membri kollha, u għalhekk ta’ ċertezza legali.

55.      Fi kwalunkwe każ, jidhirli li huwa diffiċli ħafna li wieħed jasal għal dan il-qbiż permezz ta’ interpretazzjoni fil-konfront ta’ test regolamentari ċar u inekwivoku: kull perijodu li ma jkunx il-ħin tax-xogħol huwa perijodu ta’ mistrieħ (27).

56.      Fir-rigward tal-elementi li jikkaratterizzaw il-kunċett tal-ħinijiet tax-xogħol, previsti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88, dawn ġew miġbura fil-qosor b’mod effettiv fi: 1) kriterju spazjali (li persuna tkun fil-post tax-xogħol); 2) kriterju tal-awtorità (li persuna tkun għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjega) u 3) kriterju professjonali (li persuna tkun fl-eżerċizzju tal-attività tagħha jew tal-funzjonijiet tagħha) (28).

57.      Kif ser naraw, il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl ta’ interpretazzjoni teleoloġika, kellha titbiegħed minn interpretazzjoni letterali ta’ din id-dispożizzjoni tad-Direttiva (29).

58.      Fil-fatt, fis-sentenzi dwar is-servizz on-call, il-Qorti tal-Ġustizzja segwiet linja evoluttiva koerenti, sabiex toffri qafas solidu ta’ interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ ħinijiet tax-xogħol u mistrieħ, bil-għan li tattribwixxi lil kunċett wieħed jew ieħor il-perijodi li l-ħaddiema jkunu għaddew f’dik is-sitwazzjoni partikolari.

59.      Il-Qorti tal-Ġustizzja, sa mill-ewwel sentenzi f’dan ir-rigward (30), għamlet distinzjoni bejn iż-żewġ ipoteżijiet ta’: 1) servizz on-call skont sistema ta’ preżenza fiżika fuq il-post tax-xogħol (perijodu ta’ on-call fuq il-post tax-xogħol) u 2) servizz on-call skont is-sistema li biha l-ħaddiema għandhom ikunu stand-by b’mod kontinwu mingħajr ma jkunu obbligati li jkunu preżenti fuq il-post tax-xogħol (perijodu ta’ stand-by mingħajr interruzzjoni).

60.      L-ewwel ipoteżi ma tqajjimx problemi partikolari ta’ interpretazzjoni, peress li issa huwa paċifiku li ħaddiem, obbligat li jkun preżenti u disponibbli fuq il-post tax-xogħol sabiex iwettaq ix-xogħol tiegħu, għandu jiġi kkunsidrat li qiegħed jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu u, għaldaqstant, li jinsab waqt il-ħin tax-xogħol (31), anki matul il-perijodu li fih huwa ma jwettaqx xogħol in concreto.

61.      It-tieni ipoteżi, li hija wkoll dik li tista’ tiġi attribwita lis-suġġett tal-kawża inkwistjoni, hija definittivament iktar kumplessa mill-perspettiva tal-interpretazzjoni.

62.      Fil-fatt, fil-każ ta’ stand-by, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet prinċipji differenti, anki minħabba d-domandi preliminari magħmula, li jistgħu madankollu jerġgħu jwasslu b’mod koerenti għall-perspettiva teleoloġika msemmija iktar ’il fuq.

63.      Fil-bidu kien hemm is-sentenza Simap, dwar tobba ta’ timijiet tal-ewwel kura f’servizz on-call f’ċentru tas-saħħa; huma kellhom ikunu preżenti fuq il-post tax-xogħol għal parti mill-ħin, filwaqt li għall-parti l-oħra kellhom ikunu sempliċement “stand-by”.

64.      Fir-rigward tat-tieni sitwazzjoni, minkejja li kienu għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjegahom, sa fejn dawn kellhom ikunu stand-by, it-tobba setgħu jiġġestixxu l-ħin tagħhom b’mod iktar liberu u jiddedikaw ruħhom għall-interessi proprji tagħhom. L-imsemmi ħin kien jaqa’, għalhekk, taħt il-kategorija ta’ “perijodu ta’ mistrieħ”, ħlief għall-ħin effettivament mgħoddi f’xogħol wara s-sejħa.

65.      Il-kawża Matzak (32) hija distinta minn Simap minħabba l-fatt li l-ħaddiem ma jinsabx fuq il-post tax-xogħol sabiex jirrispondi immedjatament għas-sejħa, iżda jinsab f’post speċifiku tal-persuna li timpjega (33) (f’dan il-każ ir-residenza tal-ħaddiem) bl-obbligu li jwieġeb għas-sejħa fi żmien 8 minuti.

66.      Essenzjalment, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li servizz ta’ stand-by bħal dak ta’ R. Matzak kellu jiġi kkunsidrat kollu kemm hu bħala ħin tax-xogħol sa fejn, anki jekk ma twettaqx fuq il-post tax-xogħol, huwa kien suġġett għal restrizzjonijiet ġeografiċi (stand-by f’post iddeterminat mill-persuna li timpjega) u temporali (obbligu, ladarba msejjaħ, li jirritorna lejn il-post tax-xogħol f’perijodu ta’ ħin limitat ħafna) b’mod li jillimita b’mod sinjifikattiv ħafna l-libertà tal-ħaddiem li jiddedika ruħu, matul il-perijodu ta’ mistrieħ, għall-interessi personali u soċjali tiegħu nnifsu.

67.      Il-fatt li wieħed ikun jinsab f’“post iddeterminat mill-persuna li timpjega” tqies mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala ekwivalenti għal li jkun jinsab “fuq il-post tax-xogħol” sa fejn kien ikkombinat mal-fatt li t-tweġiba għas-sejħa kellha ssir f’terminu tant qasir li kienet kważi “immedjatament”.

68.      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja, kif diġà għamlet fir-rigward tas-servizzi on-call ipprovduti fuq il-post tax-xogħol (34), mill-koeżistenza ta’ żewġ elementi tal-kunċett ta’ ħin tax-xogħol iddeduċiet l-eżistenza tat-tielet element: il-fatt li wieħed ikun f’post iddeterminat mill-persuna li timpjega u l-fatt li jkun disponibbli sabiex jaħdem jintegraw ukoll l-eżerċizzju tax-xogħol tiegħu biss fil-każ fejn il-ħin ta’ reazzjoni għas-sejħa jkun partikolarment limitat.

69.      Għaldaqstant, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jiġi dedott li, sabiex il-perijodu mgħoddi fi stand-by mingħajr interruzzjoni jitqies bħala ħin tax-xogħol, huma meħtieġa tliet kundizzjonijiet: 1) li l-ħaddiem ikun preżenti f’post iddeterminat mill-persuna li timpjega; 2) li l-ħaddiem ikun għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjega sabiex iwieġeb għas-sejħa u 3) li l-ħin ta’ reazzjoni għas-sejħa jkun partikolarment limitat.

70.      Illum il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tevalwa jekk, fid-dawl tal-perspettiva, iċċitata diversi drabi, ta’ interpretazzjoni teleoloġika tad-Direttiva 2003/88, is-sussistenza ta’ dawn l-elementi hijiex dejjem neċessarja sabiex il-perijodu ta’ stand-by jiġi kklassifikat bħala ħin tax-xogħol u jekk tali obbligi għandhomx jiġu evalwati in concreto fid-dawl tar-restrizzjonijiet imposti fuq il-ħaddiem, sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn humiex ta’ natura li jostakolaw il-possibbiltajiet reali tiegħu li jiddedika ruħu għall-interessi proprji tiegħu matul il-perijodu ta’ mistrieħ.

C.      Id-domandi preliminari: ir-restrizzjonijiet imposti mill-persuna li timpjega u l-mistrieħ effettiv

71.      Permezz taż-żewġ domandi preliminari tagħha, il-qorti nazzjonali tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1) u (2) tad-Direttiva 2003/88 għandux jiġi interpretat fis-sens li s-servizz on-call impost fuq il-ħaddiem fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ għandu jiġi kklassifikat bħala “ħin tax-xogħol” jew, għall-kuntrarju, bħala “perijodu ta’ serħan [mistrieħ]” fis-sens tad-definizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

72.      Iċ-ċirkustanzi partikolari deskritti mill-qorti tar-rinviju, li wassluha sabiex ikollha dubji dwar il-possibbiltà ta’ fehim mill-ġdid ta’ każ bħal dak li huwa s-suġġett tal-evalwazzjoni tagħha fis-sitwazzjonijiet diġà analizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja, huma: a) il-fatt li l-ħaddiem kellu jkun jista’ jiġi kkuntattjat bit-telefon u jkun f’pożizzjoni li jasal fil-limiti tal-belt li fiha kellu jipprovdi s-servizz fi żmien 20 minuta; b) il-fatt li, fil-każ ta’ sejħa għal intervent, il-ħaddiem ikollu jasal fuq il-post relatat fl-imsemmija medda ta’ ħin bl-ilbies tax-xogħol; c) il-fatt li matul tali perijodu ta’ stand-by il-ħaddiem ikollu vettura tas-servizz li jintervjeni biha, mgħammra bi privileġġi ta’ deroga mir-regoli dwar it-traffiku fit-toroq u d) il-frekwenza baxxa li biha l-ħaddiem kien jissejjaħ jew kien obbligat jintervjeni matul is-servizzi on-call (20 darba minn total ta’ 126 servizz on-call imwettqa bejn l-2013 u l-2015).

73.      L-evalwazzjonijiet li għandhom isiru fid-dawl ta’ dak li ġie espost sa issa jirrigwardaw: 1) il-post fejn il-ħaddiem għandu jinsab matul il-perijodu ta’ stand-by; 2) il-ħin ta’ reazzjoni għas-sejħa; 3) il-karatteristiċi relatati mal-modalitajiet ta’ intervent (neċessità li jintlibes l-ilbies tax-xogħol disponibbiltà tal-mezz tas-servizz) u 4) il-frekwenza li biha l-ħaddiem jintalab iwieġeb għas-sejħa sabiex jintervjeni.

74.      Fir-rigward tal-ewwel element, il-post ta’ fejn għandha tinsab il-persuna matul l-istand-by, mill-proċess jirriżulta b’mod ċar li l-ħaddiem la kien legalment obbligat li jibqa’ fuq il-post tax-xogħol u lanqas f’post iddeterminat mill-persuna li timpjega: fil-fatt, huwa kien liberu li jgħaddi l-ħin tiegħu fejn ried u l-unika rabta li ġiet imposta fuqu kienet li jkun jista’ jasal fil-limiti tal-Belt ta’ Offenbach am Main fil-ħin ta’ reazzjoni ta’ għoxrin minuta.

75.      It-tieni element, il-ħin ta’ reazzjoni għas-sejħa, li huwa ta’ għoxrin minuta, jidher l-iktar kumpless, peress li ma jistax jitqies bħala qrib ta’ reazzjoni “immedjata”, iżda lanqas ma jista’ jkun kompletament xieraq sabiex jippermetti lill-ħaddiem ippjanar ta’ perijodu ta’ mistrieħ sakemm issir is-sejħa.

76.      Fid-dawl ta’ dawn l-ewwel żewġ elementi, skont il-gwida ġurisprudenzjali tal-Qorti tal-Ġustizzja deskritta fil-punt 69 iktar ’il fuq, għandha tiġi eskluża r-rabta tal-perijodu ta’ stand-by mal-ħin tax-xogħol f’każ bħal dak li huwa s-suġġett tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, filwaqt li t-tieni kundizzjoni – li l-ħaddiem ikun għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjega sabiex iwieġeb għas-sejħa – ċertament hija ssodisfatta, l-ewwel kundizzjoni – li l-ħaddiem ikun preżenti f’post iddeterminat mill-persuna li timpjega – ma hijiex issodisfatta; sussegwentement, fir-rigward tat-tielet kundizzjoni – li l-ħin ta’ reazzjoni għas-sejħa jkun partikolarment limitat – din għandha tiġi vverifikata sa fejn il-ħin ta’ reazzjoni, għalkemm nettament superjuri għal dak tal-kawża Matzak, huwa fi kwalunkwe każ pjuttost qasir.

77.      It-tielet u r-raba’ element – rispettivament dak dwar l-obbligu ta’ intervent bl-uniformi u d-disponibbiltà ta’ vettura tas-servizz, u dak dwar il-prevedibbiltà tal-frekwenza tas-sejħiet għall-interventi waqt is-servizzi ta’ stand-by – jimponu, fil-proposta tal-qorti tar-rinviju, riflessjoni dwar il-klassifikazzjoni effettiva tal-ħin mgħoddi mill-ħaddiem fi stand-by mingħajr interruzzjoni. Fil-fatt, kif rajna, hija tesprimi dubji dwar il-fatt li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni, il-fatt li l-ħaddiem ma huwiex obbligat jirrisjedi, matul perijodu ta’ stand-by mingħajr interruzzjoni, f’post iddeterminat mill-ħaddiem huwa biżżejjed sabiex jiġi eskluż li dan il-ħin jiġi kklassifikat bħala ħin tax-xogħol.

78.      Fir-rigward tat-tielet element – il-karatteristiċi relatati mal-modalitajiet ta’ intervent –, mill-proċess jirriżulta li, matul il-perijodi ta’ stand-by mingħajr interruzzjoni, il-ħaddiem ma għandux ikun biss stand-by u jagħżel il-post fejn ikun jinsab b’mod li jkun jista’ jasal fil-limiti tal-Belt ta’ Offenbach am Main fi żmien ta’ 20 minuta, iżda wkoll li jiġi impost lilu mill-persuna li timpjega li jintervjeni bl-ilbies ta-xogħol u bil-vettura tas-servizz imqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu. Dawn l-aħħar żewġ ċirkustanzi, li jaffettwaw il-kwantità tal-ħin ta’ reazzjoni, huma restrizzjonijiet imposti mill-persuna li timpjega u mhux sitwazzjonijiet oġġettivi li ma jaqgħux taħt is-setgħa ta’ tmexxija tal-persuna li timpjega (għall-kuntrarju tal-kawża C‑344/19 fir-rigward tal-lokalizzazzjoni ġeografika partikolari tal-post tax-xogħol).

79.      Ir-rekwiżit ta’ intervent liebes l-uniformi jwassal għal tnaqqis fil-ħin ta’ reazzjoni skont il-kumplessità ta’ tali lbies tekniku u l-ħin neċessarju sabiex jintlibes, ċirkustanza li għandha tiġi evalwata in concreto mill-qorti nazzjonali.

80.      It-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ mezz tas-servizz sabiex jasal fuq il-post ta’ intervent f’każ ta’ sejħa jista’, min-naħa l-oħra, iżid il-ħin effettivament għad-dispożizzjoni tal-ħaddiem jekk il-qorti nazzjonali tikkonstata dak li jidher li jirriżulta mill-proċess, jiġifieri li dan huwa mezz tas-servizz mgħammar bi drittijiet ta’ preċedenza u privileġġi ta’ deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tar-regoli dwar it-traffiku fit-toroq skont l-urġenza tal-intervent. Fil-fatt, dan jippermetti lill-ħaddiem jasal fid-destinazzjoni imposta min-neċessità tal-intervent iktar malajr milli kieku kellu għad-dispożizzjoni tiegħu biss mezz tat-trasport privat jew mezzi normali tat-trasport pubbliku.

81.      Finalment, fir-rigward tar-raba’ element, dwar il-prevedibbiltà tal-frekwenza li biha l-ħaddiem jista’ jintalab iwieġeb għas-sejħiet jew jintervjeni matul il-perijodu ta’ stand-by, anki dan, fil-fehma tiegħi, huwa element, mill-inqas parzjalment, fid-disponibbiltà tas-setgħa ta’ tmexxija tal-persuna li timpjega li, fl-organizzazzjoni tal-impriża tagħha, tista’ tagħmel evalwazzjonijiet ta’ previżjoni dwar in-neċessità ta’ intervent. Mill-proċess jirriżulta li, matul it-twettiq tas-servizzi ta’ stand-by mingħajr interruzzjoni relatati bejn l-2013 u l-2015, il-ħaddiem kellu jwieġeb, bħala medja, għal 6.67 sejħa fis-sena. Tali frekwenza tal-interventi mitluba, ma jidhirlix li tista’ twassal sabiex il-ħaddiem ikollu normalment jistenna li jiġi kkuntattjat jew jintervjeni matul is-servizz ta’ stand-by. Fuq dan il-punt ukoll, hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħmel il-konstatazzjonijiet tal-mertu u l-evalwazzjonijiet relatati.

82.      Għas-soluzzjoni tal-każ inkwistjoni, huma kkonfermati, fil-fehma tiegħi, il-prinċipji stabbiliti sa issa mill-Qorti tal-Ġustizzja: il-fatturi determinanti sabiex il-perijodu ta’ stand-by jiġi kklassifikat bħala ħin tax-xogħol huma r-restrizzjonijiet imposti mill-persuna li timpjega, li jkunu tali li ma jippermettux lill-ħaddiem jibbenefika minn sitwazzjoni adegwata ta’ mistrieħ (35).

83.      L-element addizzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja llum tista’ żżid, dejjem mill-perspettiva teleoloġika, iċċitata diversi drabi, tal-interpretazzjoni tal-kunċetti li jinsabu fid-Direttiva 2003/88, huwa li ma għandux jitqies bħala element neċessarju għall-finijiet tal-konfigurazzjoni tal-perijodu ta’ stand-by mingħajr interruzzjoni bħala ħin tax-xogħol il-fatt li l-ħaddiem jinsab f’post iddeterminat mill-persuna li timpjega iżda huwa suffiċjenti l-fatt li l-ħaddiem ikun għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjega u jkollu jintervjeni f’terminu qasir ħafna sabiex jaħdem. Minbarra l-fatt li, f’ċerti sitwazzjonijiet, mal-fatturi determinanti jistgħu jingħaddu, f’evalwazzjoni globali li għandha ssir mill-qrati nazzjonali, ċerti kriterji sussidjarji li jistgħu jgħinu fis-soluzzjoni tal-każijiet dubjużi.

84.      Kif rajna fis-sentenza reċenti Matzak, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat b’mod flessibbli l-espressjoni użata mid-Direttiva li, fost ir-rekwiżiti tal-ħin tax-xogħol, tintroduċi dik li wieħed ikun “għax-xogħol”, li ma tirreferix biss għall-post tax-xogħol iżda anki għal post ieħor stabbilit mill-persuna li timpjega.

85.      Meta l-ħaddiem ma jkunx jinsab fuq il-post tax-xogħol, anki f’ċerti każijiet preċedenti eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja, huwa l-issuġġettar għal-limitazzjonijiet imposti mill-persuna li timpjega, u b’mod partikolari l-ħin ta’ reazzjoni għas-sejħa, li għandu rwol determinanti u mhux il-fatt li jkun jinsab f’post iddeterminat mill-persuna li timpjega jew fil-viċinanzi tal-post tax-xogħol.

86.      Fil-fatt, fil-każijiet Grigore u Tyco, iċ-ċirkustanza jekk il-ħaddiem kienx jinsab jew le f’post speċifiku stabbilit mill-persuna li timpjega jew fil-viċinanza tal-post tax-xogħol ġiet meqjusa irrilevanti fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-perijodu ta’ stand-by.

87.      Fil-kawża Grigore, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-għoti ta’ akkomodazzjoni tas-servizz fil-viċinanzi tal-post tax-xogħol ma jikkostitwixxix fattur determinanti sabiex il-perijodu ta’ stand-by jiġi kklassifikat f’termini ta’ xogħol jew ta’ mistrieħ, madankollu hija ħalliet f’idejn il-qorti nazzjonali l-evalwazzjoni fir-rigward tal-kriterju li ġej: il-perijodu ta’ stand-by jista’ jitqies bħala ħin tax-xogħol jekk jiġi kkonstatat li jeżistu “obbligi li jirrendu impossibbli għall-ħaddiem ikkonċernat l-għażla tal-post ta’ residenza matul il-perijodi ta’ inattività fuq ix-xogħol”. Fil-fatt, meta jiġu stabbiliti, dawn “għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu” (36).

88.      Fil-kawża Tyco (37) il-Qorti tal-Ġustizzja, min-naħa l-oħra, affermat li, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-ħin tal-ivvjaġġar ta’ ħaddiema, li ma għandhomx post tax-xogħol fiss bejn ir-residenza tagħhom u l-klijenti indikati mill-persuna li timpjega għandu jitqies bħala ħin tax-xogħol peress li dawn il-ħaddiema, minkejja li kellhom ċertu grad ta’ libertà matul il-vjaġġi, kienu madankollu obbligati li jaġixxu skont l-istruzzjonijiet speċifiċi tal-persuna li timpjega.

89.      Il-qari tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-perspettiva ta’ interpretazzjoni teleoloġika li għaliha diġà rreferejt diversi drabi, iwassalni, għalhekk, sabiex nikkunsidra li l-fattur determinanti fil-klassifikazzjoni tal-perijodi ta’ stand-by huwa l-intensità tar-restrizzjonijiet li jirriżultaw mill-issuġġettar tal-ħaddiem għad-direttivi tal-persuna li timpjega u, b’mod partikolari, il-ħin ta’ reazzjoni għas-sejħa.

90.      Il-ħin ta’ reazzjoni għas-sejħa huwa fattur determinanti minħabba li jinfluwenza direttament b’mod oġġettiv u inekwivoku l-libertà tal-ħaddiem li jiddedika ruħu għall-interessi proprji u, essenzjalment, li jistrieħ: ħin ta’ reazzjoni għas-sejħa ta’ ftit minuti ma jippermetti ebda ppjanar, anki flessibbli, tal-perijodu ta’ mistrieħ proprju.

91.      Min-naħa l-oħra, ħin ta’ reazzjoni raġonevoli għas-sejħa jippermetti lill-ħaddiem jiddedika ruħu għal attivitajiet oħra matul il-perijodu ta’ stand-by, anki jekk bl-għarfien tal-possibbiltà li jissejjaħ għas-servizz.

92.      Il-ħin ta’ reazzjoni, fil-fehma tiegħi, jinfluwenza wkoll il-post fejn il-ħaddiem irid ikun jinsab matul il-perijodu ta’ stand-by (38): huwa evidenti li ħin ta’ reazzjoni qasir ħafna jimponi li l-ħaddiem ikun preżenti matul l-istand-by f’medda ġeografika determinata li, essenzjalment, hija ddeterminata mill-persuna li timpjega (39). Din tal-aħħar, jiġifieri, anki jekk ma timponix li l-ħaddiem joqgħod f’post determinat, jekk timponilu ħin ta’ reazzjoni għas-sejħa qasir ħafna, effettivament tkun timponilu wkoll restrizzjoni sostanzjali fuq il-libertà ta’ moviment tiegħu.

93.      Għalhekk, inqis li ma huwiex daqstant il-post fejn il-ħaddiem ikun jinsab matul il-perijodu ta’ stand-by li għandu rwol deċiżiv għall-klassifikazzjoni ta’ dan il-perijodu f’termini ta’ mistrieħ jew ta’ xogħol, iżda r-restrizzjoni għal-libertà ta’ moviment tal-ħaddiem innifsu li tirriżulta mill-ħin ta’ reazzjoni għas-sejħa impost.

94.      Fil-fatt, ma narax differenzi kbar f’termini ta’ restrizzjonijiet għall-ħaddiem bejn is-sitwazzjoni li fiha huwa obbligat joqgħod fir-residenza proprja matul il-perijodu ta’ stand-by u dik li fiha huwa ma għandux dan l-obbligu, iżda huwa obbligat iwieġeb għas-sejħa f’terminu partikolarment qasir.

95.      Kif semmejt iktar ’il fuq, għalhekk, fil-fehma tiegħi, hija l-intensità tar-restrizzjonijiet li jirriżultaw mill-issuġġettar għad-direttivi tal-persuna li timpjega li jkollha rwol determinanti għall-klassifikazzjoni tal-perijodu ta’ stand-by bħala xogħol jew bħala mistrieħ. Ir-restrizzjonijiet li jirriżultaw minn tali ssuġġettar jistgħu jkunu l-iktar varji, iżda, fl-ewwel lok, huwa l-ħin ta’ reazzjoni għas-sejħa li għandu jitqies bħala deċiżiv.

96.      L-impożizzjoni ta’ post fejn jingħadda l-perijodu ta’ stand-by jista’ jkollha rwol, bħala sintomu tal-imsemmija intensità tal-issuġġettar għad-direttivi tal-persuna li timpjega, biss f’evalwazzjoni globali.

97.      Anki jekk tiġi analizzata s-sitwazzjoni mill-perspettiva tal-persuna li timpjega, il-possibbiltà li l-ħaddiem jiġi kkuntattjat permezz ta’ mezzi elettroniċi portabbli (ċellulari, tablet, laptop) li jippermettu li jiġi kkuntattjat fi kwalunkwe mument, tirrendi inqas iġġustifikat u komprensibbli l-fatt li l-persuna li timpjega teżiġi li, matul il-perijodu ta’ stand-by, il-ħaddiem ikun fiżikament preżenti f’post iddeterminat minnha. Dak li huwa essenzjali għall-persuna li timpjega huwa l-perijodu ta’ ħin li matulu l-ħaddiem, ikun fejn ikun, għandu jkun jista’ jasal fuq il-post assenjat lilu mill-persuna li timpjega.

98.      Ladarba ġie identifikat il-fattur determinanti għall-klassifikazzjoni tal-perijodu on-call f’termini ta’ xogħol jew mistrieħ, huwa neċessarju li l-qrati nazzjonali jingħataw ċerti kriterji addizzjonali li għandhom jużaw meta r-restrizzjoni prinċipali, il-ħin ta’ reazzjoni għas-sejħa, ma tkunx tant qasira li timpedixxi mistrieħ effettiv tal-ħaddiem.

99.      Fil-fatt, meta l-ħin ta’ reazzjoni għas-sejħa jkun qasir ħafna, jiġifieri limitat għal ftit minuti, inqis li dan ikun biżżejjed sabiex il-perijodu ta’ stand-by jiġi kklassifikat bħala ħin tax-xogħol, mingħajr verifiki addizzjonali minħabba l-kunsiderazzjonijiet preċedenti: il-libertà ta’ moviment tal-ħaddiem hija, f’dan il-każ, tant ikkompressata li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-post ta’ residenza marbut mar-rekwiżiti tal-persuna li timpjega.

100. Jekk, min-naħa l-oħra, bħal fil-każ inkwistjoni, il-ħin ta’ reazzjoni għas-sejħa jkun qasir iżda mhux tali li jimpedixxi b’mod kważi assolut il-libertà tal-għażla mill-ħaddiem tal-post fejn jgħaddi l-perijodu ta’ stand-by, jistgħu jiġu kkunsidrati kriterji addizzjonali, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett globali li l-kundizzjonijiet kollha ta’ implimentazzjoni f’sistema ta’ stand-by jista’ jkollhom fuq il-mistrieħ tal-ħaddiem: ir-restrizzjonijiet imposti globalment jillimitaw għalhekk il-possibbiltajiet għall-ħaddiem li jsegwi l-interessi personali u familjari proprji u l-libertà tiegħu ta’ moviment mill-post tax-xogħol jew huma tali li jimpedixxuhom b’mod kważi assolut? Fil-fatt, huwa naturali li l-perijodu ta’ stand-by jimponi ċerti restrizzjonijiet u limitazzjonijiet għal-libertà tal-ħaddiem; l-għan tad-dritt tal-Unjoni huwa li jiġi evitat li dawn il-limitazzjonijiet ikunu tant invażivi li ma jippermettux mistrieħ effettiv lill-ħaddiem.

101. Nifhem f’dan is-sens l-attenzjoni li għandha tingħata lill-effettività tal-mistrieħ tal-ħaddiem. Min-naħa l-oħra, inkun iktar prudenti li nuża bħala kriterju, għalkemm propost b’mod awtorevoli (40), dak tal-“kwalità tal-ħin” li l-ħaddiem jista’ jgawdi meta jkun f’servizz stand-by. Fil-fatt, inqis li tali kriterju jista’ jirriżulta eċċessivament suġġettiv u għalhekk jista’ jwassal għal diversi interpretazzjonijiet tal-qrati nazzjonali, anki minħabba d-diversi sensittivitajiet fil-pajjiżi individwali, li ma jibbenefikawx lill-prinċipju ta’ ċertezza legali.

102. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub u waqt is-seduta, l-intervenjenti (41) pproponew diversi kriterji, li jikkonsistu f’restrizzjonijiet li minnhom tista’ tiddependi l-klassifikazzjoni tal-perijodu ta’ stand-by bħala xogħol jew mistrieħ: jekk it-tweġiba għas-sejħa hijiex obbligatorja jew le; il-marġni ta’ manuvra tal-ħaddiem fil-konfront ta’ din is-sejħa (possibbiltà ta’ intervent mill-bogħod, sostitwibbiltà eventwali ma’ ħaddiem ieħor); il-previżjoni ta’ sanzjonijiet għan-nuqqas ta’ intervent jew għad-dewmien ta’ reazzjoni għas-sejħa; il-grad ta’ urġenza tal-intervent, il-livell ta’ responsabbiltà tal-ħaddiem, il-karatteristiċi speċifiċi tal-professjoni, id-distanza li għandha tiġi koperta bejn il-post fejn jinsab il-ħaddiem u l-post tad-dħul lura għax-xogħol, ir-restrizzjonijiet ġeografiċi li jistgħu jdewmu l-vjaġġ lejn il-post tax-xogħol, in-neċessità li jintlibes l-ilbies tax-xogħol, id-disponibbiltà ta’ vettura tas-servizz.

103. Minbarra dawn hemm il-kriterju tal-aspettattiva raġonevoli li ssir sejħa għas-servizz, is-suġġett tat-tieni domanda preliminari f’din il-kawża, li jidher li jirreferi għall-effett tal-frekwenza tal-interventi fuq in-natura effettiva tal-perijodu ta’ mistrieħ tal-perijodu ta’ stand-by.

104. Fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tillimita ruħha li tistabbilixxi kriterji ġenerali u oġġettivi mingħajr ma tidħol wisq fil-partikolarità ta’ sitwazzjonijiet speċifiċi u tħalli, għall-kuntrarju, f’idejn il-qrati nazzjonali l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha ta’ fatt.

105. Nemmen li wieħed jista’ jillimita ruħu li juri ċerti kriterji supplimentari li għandhom jintużaw fil-każijiet dubjużi kif espost iktar ’il fuq, iżda li madankollu jaqgħu taħt l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ tmexxija tal-persuna li timpjega – u tal-istat ta’ ssuġġettar tal-ħaddiem, suġġett dgħajjef tar-relazzjoni – u li ma jirriżultawx minn sitwazzjonijiet oġġettivi li ma jaqgħux taħt l-isfera ta’ kontroll tal-persuna li timpjega.

106. Għaldaqstant, neskludi li jistgħu jiġu evalwati ċirkustanzi bħad-distanza li għandha tiġi koperta sabiex wieħed jasal fuq il-post tax-xogħol (ħlief jekk ikun differenti mill-post abitwali u għalhekk ma jiddependix mir-rieda speċifika tal-persuna li timpjega), jew ir-restrizzjonijiet ġeografiċi, anki jekk dawn, kif intqal, ikunu indipendenti mid-disponibbiltà tal-persuna li timpjega.

107. Neskludi wkoll l-għoti ta’ importanza partikolari lil-livell ta’ responsabbiltà u lill-kompiti speċifiċi mwettqa: l-istand-by hija modalità ta’ organizzazzjoni tax-xogħol li titħalla għas-setgħa ta’ tmexxija tal-persuna li timpjega. Għall-ħaddiem, it-tweġiba għas-sejħa tirrappreżenta l-issodisfar tal-obbligu ta’ xogħol li għalih għandu juri d-diliġenza normali. Għaldaqstant, inqis li l-provvista ta’ xogħol għandha tiġi ssodisfatta mill-ħaddiem favur l-impriża bl-istess impenn, u dan indipendentement mill-pożizzjoni koperta u mil-livell ta’ responsabbiltà. Fil-fatt, ikun diffiċli li ssir evalwazzjoni oġġettiva tal-interess tal-impriża peress li dak li jista’ jidher ftit importanti għal xi ħadd jista’ jkun ta’ importanza estrema għal ħaddieħor. L-istess japplika għall-kriterju tal-grad ta’ urġenza tal-intervent u għan-natura u l-importanza tal-interessi involuti fl-attività mwettqa.

108. Huwa veru li l-grad ta’ pressjoni psikoloġika fuq il-ħaddiem jista’ jvarja skont il-livell ta’ responsabbiltà, iżda, fil-fehma tiegħi, dan huwa element suġġettiv wisq sabiex ikun jista’ jkollu rwol fil-klassifikazzjoni.

109. Għandu jsir diskors differenti, fil-fehma tiegħi, għal ċerti kriterji li jirrigwardaw ċirkustanzi fid-disponibbiltà tal-persuna li timpjega: il-marġni ta’ manuvra tal-ħaddiem fil-konfront tas-sejħa, pereżempju, jista’ jintuża bħala kriterju supplimentari kemm fil-każ fejn ikun hemm flessibbiltà fil-ħin ta’ reazzjoni għas-sejħa, kif ukoll fil-każ fejn ikun hemm possibbiltà ta’ intervent mill-bogħod mingħajr il-ħtieġa li l-ħaddiem imur fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll ulterjorment fil-każ fejn il-ħaddiem ikun jista’ jiddependi fuq is-sostitwibbiltà tiegħu ma’ ħaddiem ieħor diġà fuq il-post tax-xogħol jew li jkun f’pożizzjoni li jasal iktar faċilment.

110. L-istess japplika għall-konsegwenzi previsti fil-każ ta’ dewmien jew nuqqas ta’ intervent fil-każ ta’ sejħa matul il-perijodu ta’ stand-by.

111. Kif intqal, għall-ħaddiem it-tweġiba għas-sejħa fil-każ ta’ stand‑by tikkonsisti fit-twettiq tal-provvista ta’ xogħol. Madankollu, il-persuna li timpjega tista’ tipprevedi konsegwenzi ftit jew wisq sinjifikattivi għat-twettiq inkorrett. In-nuqqas ta’ previżjoni espliċita ta’ sanzjonijiet għan-nuqqas jew id-dewmien tat-twettiq, kif ukoll il-portata ta’ sanzjonijiet eventwali previsti jista’ jkollhom rwol fil-klassifikazzjoni tal-perijodu ta’ stand-by.

112. Anki ċirkustanzi li jidhru li huma inqas sinjifikattivi, bħal dawk preżenti f’din il-kawża, u jiġifieri n-neċessità li jintlibes ilbies tekniku għax-xogħol u d-disponibbiltà ta’ vettura tas-servizz sabiex il-ħaddiem jasal fuq il-post tal-intervent, jista’ jkollhom rwol fil-klassifikazzjoni tal-perijodu ta’ stand-by, b’mod partikolari fl-evalwazzjoni tal-adegwatezza jew le tal-ħin biex tingħata tweġiba għas-sejħa.

113. Kif issemma fil-punti 77 sa 79, kieku l-ħaddiem kellu ħin relattivament qasir sabiex jirreaġixxi għas-sejħa għal servizz waqt l-istand-by mingħajr interruzzjoni u l-persuna li timpjega kellha timponilu jilbes, fl-istess medda ta’ ħin, ilbies speċifiku li jeħtieġ ħin partikolarment twil sabiex jintlibes, dan il-fatt jista’ jkollu effett fuq l-imsemmija evalwazzjoni tal-adegwatezza.

114. Bl-istess mod, għall-kuntrarju, it-tqegħid għad-dispożizzjoni, mill-persuna li timpjega, ta’ mezz tas-servizz sabiex jasal fuq il-post tal-intervent fil-każ ta’ sejħa, li jista’, bħala ipoteżi, jidderoga mill-osservanza ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-regoli dwar it-traffiku fit-toroq minħabba l-importanza tal-interessi kkonċernati mill-intervent, jista’ jkollu effett fuq l-evalwazzjoni tal-adegwatezza f’termini ta’ faċilitazzjoni u għalhekk jiġġustifika wkoll ħin ta’ reazzjoni li, mingħajr din iċ-ċirkustanza, jista’ jidher inadegwat sabiex jippermetti mistrieħ effettiv.

115. Ċirkustanza oħra, anki taħt id-disponibbiltà tal-persuna li timpjega, li nqis li jista’ jkollha effett, fil-każijiet dubjużi, fuq il-klassifikazzjoni tal-perijodu ta’ stand-by mingħajr interruzzjoni tirrigwarda l-lokalizzazzjoni temporali u t-tul tal-perijodu ta’ stand-by. Fil-fatt, jekk dan spiss ikun billejl jew fil-jiem ta’ festa, jew ikun partikolarment twil, il-grad ta’ inkonvenjent għall-ħaddiem huwa ikbar minn matul il-ġurnata jew waqt jiem ta’ xogħol.

116. Finalment, fir-rigward taċ-ċirkustanza dwar il-frekwenza probabbli tal-interventi li hija, kif intqal, is-suġġett speċifiku tat-tieni domanda preliminari f’din il-kawża, din tista’, fil-fehma tiegħi, taqa’ taħt iċ-ċirkustanzi li jistgħu jiġu evalwati fil-każijiet dubjużi, madankollu mingħajr ebda awtomatiżmu: frekwenza baxxa ta’ interventi ma tippermettix li l-perijodu ta’ stand-by mingħajr interruzzjoni jiġi kklassifikat bħala mistrieħ, bħalma frekwenza oħra ma tippermettix li dan jiġi kkunsidrat bħala ħin tax-xogħol.

117. L-element li jista’ jkollu rwol f’evalwazzjoni globali huwa jekk, u sa fejn, il-ħaddiem għandu, normalment, jistenna li jiġi msejjaħ matul is-servizz on-call (42).

118. Din iċ-ċirkustanza hija, għall-inqas parzjalment, kif intqal, taħt id-disponibbiltà tas-setgħa ta’ tmexxija tal-persuna li timpjega li, fl-organizzazzjoni tal-impriża tagħha, tista’ tagħmel evalwazzjonijiet ta’ previżjoni dwar in-neċessità ta’ intervent.

119. Jekk l-interventi jseħħu b’mod repetut ħafna matul il-perijodi ta’ stand-by, l-involviment tal-ħaddiem isir tant sinjifikattiv li jnaqqas b’mod kważi assolut il-possibbiltà tiegħu ta’ ppjanar tal-ħin liberu matul tali perijodi u, flimkien maċ-ċirkustanza ta’ ħin qasir ta’ reazzjoni għas-sejħa, jirriskja li jipperikola serjament l-effettività tal-mistrieħ tiegħu.

120. Abbażi tal-kriterji esposti sa issa, ser ikun il-kompitu tal-qrati nazzjonali, wara li jkunu vverifikaw iċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, b’approċċ intiż sabiex jieħu inkunsiderazzjoni l-effett globali li l-kundizzjonijiet kollha ta’ implimentazzjoni ta’ sistema ta’ on-call jista’ jkollhom fuq l-effettività tal-mistrieħ tal-ħaddiem, li jikklassifikaw il-ħin mgħoddi f’servizz ta’ stand-by mill-ħaddiem bħala ħin tax-xogħol jew bħala ħin ta’ mistrieħ. Huma għandhom jaċċertaw in concreto jekk il-ħin mgħoddi b’dan il-mod huwiex, bħala regola, perijodu ta’ mistrieħ jew jekk, minħabba restrizzjonijiet partikolarment stretti introdotti mill-persuna li timpjega, jitlifx il-parametri naturali tiegħu sabiex jinbidel f’ħin tax-xogħol.

IV.    Konklużjoni

121. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju kif ġej:

“1)      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ sigħat on-call bħala ħin tax-xogħol jew perijodu ta’ mistrieħ, il-fattur determinanti huwa l-intensità tar-restrizzjonijiet li jirriżultaw mill-issuġġettar tal-ħaddiem għad-direttivi tal-persuna li timpjega u, b’mod partikolari, il-ħin ta’ reazzjoni għas-sejħa.

Fil-każ fejn il-ħin ta’ reazzjoni għas-sejħa jkun qasir, iżda mhux tali li jimpedixxi b’mod assolut il-libertà tal-għażla mill-ħaddiem tal-post fejn jgħaddi l-perijodu ta’ stand-by, jistgħu jintużaw elementi addizzjonali ta’ indizju, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett globali li l-kundizzjonijiet kollha ta’ implimentazzjoni f’sistema ta’ stand-by mingħajr interruzzjoni jista’ jkollhom fuq il-mistrieħ tal-ħaddiem.

Tali elementi għandhom jaqgħu taħt l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ tmexxija tal-persuna li timpjega – u bil-korrispondenti stat ta’ ssuġġettar tal-ħaddiem, suġġett dgħajjef tar-relazzjoni – u ma jirriżultawx minn sitwazzjonijiet oġġettivi li ma jaqgħux taħt l-isfera ta’ kontroll tal-persuna li timpjega.

Dawn jistgħu, bħala eżempju, jikkonsistu fil-marġni ta’ manuvra tal-ħaddiem fil-konfront tas-sejħa, fil-konsegwenzi previsti fil-każ ta’ dewmien jew nuqqas ta’ intervent fil-każ ta’ sejħa, fin-neċessità li jintlibes ilbies tekniku għax-xogħol, fid-disponibbiltà ta’ vettura tas-servizz sabiex jasal fuq il-post tal-intervent, fil-lokalizzazzjoni temporali u fit-tul tal-perijodu ta’ stand-by, u fil-frekwenza probabbli tal-interventi.

Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-perijodi ta’ stand-by mingħajr interruzzjoni mwettqa minn pompier suġġett għall-obbligu li jkun kapaċi jasal fi żmien 20 minuta – ħin ta’ reazzjoni mhux qasir ħafna iżda lanqas, kif jidher, xieraq sabiex jiggarantixxi mistrieħ effettiv tal-ħaddiem – bl-ilbies tax-xogħol u l-vettura ta’ intervent, fil-limiti tal-belt bejn tinsab is-sede ta’ servizz tiegħu, minkejja li mingħajr restrizzjonijiet preċiżi ta’ lokalizzazzjoni imposti mill-persuna li timpjega, jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ħin tax-xogħol” fil-każ fejn il-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-qorti nazzjonali jivverifikaw l-eżistenza ta’ xi wħud mill-elementi ta’ indizju li, flimkien mat-tul tal-ħin ta’ reazzjoni, ikunu tali li ma jiggarantixxux l-effettività tal-mistrieħ tal-ħaddiem.

2)      Id-definizzjoni ta’ “ħin tax-xogħol” li tinsab fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 għandha tiġi interpretata fis-sens li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll – minkejja li mingħajr awtomatiżmu, iżda bħala sempliċi kriterju supplimentari – jekk u b’liema frekwenza huwa prevedibbli li matul servizz ta’ on-call il-ħaddiem jintalab jintervjeni fuq sejħa. Fil-fatt, il-frekwenza għolja tal-interventi matul il-perijodi ta’ stand-by jistgħu jinkludu involviment tal-ħaddiem tant sinjifikattiv li jnaqqas b’mod kważi assolut il-possibbiltà tiegħu ta’ ppjanar tal-ħin liberu matul tali perijodi li, flimkien maċ-ċirkustanza ta’ ħin qasir ta’ reazzjoni għas-sejħa, jirriskja li jippreġudika l-effettività tal-mistrieħ tal-ħaddiem.


1      Lingwa oriġinali: it-Taljan.


2      Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).


3      Ara d-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2005, Personalrat der Feuerwehr Hamburg (C‑52/04, ECLI:EU:C:2005:467, punt 52).


4      Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2018, Matzak (C‑518/15, EU:C:2018:82, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).


5      Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2018, Matzak (C‑518/15, EU:C:2018:82).


6      Ara d-digriet tal‑4 ta’ Marzu 2011, Grigoire (C‑258/10, mhux ippubblikat, EU:C:2011:122).


7      Ara, fl-aħħar lok, is-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2018, Matzak (C‑518/15, EU:C:2018:82, punti 23 u 24), kif ukoll is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Hälvä et (C‑175/16, EU:C:2017:617, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).


8      Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2018, Matzak (C‑518/15, EU:C:2018:82, punt 26).


9      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2017, Maio Marques da Rosa (C‑306/16, EU:C:2017:844, punt 45) u tal‑10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras (C‑266/14, EU:C:2015:578, punt 23).


10      Fil-fatt, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tafferma b’mod konsistenti li peress li l-Artikoli 1 sa 8 tad-Direttiva 2003/88 huma redatti f’termini essenzjalment identiċi għal dawk tal-Artikoli 1 sa 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE tat‑23 ta’ Novembru 1993 dwar xi aspetti ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 197), kif emendata bid-Direttiva 2000/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ġunju 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 27), l-interpretazzjoni ta’ dawn l-artikoli mill-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiġi trasposta għall-artikoli msemmija iktar ’il fuq tad-Direttiva 2003/88; ex multis, ara s-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2018, Matzak (C‑518/15, EU:C:2018:82, punt 32) u d-digriet tal‑4 ta’ Marzu 2011, Grigore (C‑258/10, mhux ippubblikat, EU:C:2011:122, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11      Ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev fil-kawża King (C‑214/16, EU:C:2017:439, punt 36).


12      Ara s-sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones Obreras (C‑266/14, EU:C:2015:578, punt 24); tal‑1 ta’ Diċembru 2005, Dellas et (C‑14/04, EU:C:2005:728, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata); digriet tal‑4 ta’ Marzu 2011, Grigore (C‑258/10, mhux ippubblikat, EU:C:2011:122, punt 41).


13      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften (C‑684/16, EU:C:2018:338, punt 52).


14      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża CCOO (C‑55/18, EU:C:2019:87, punt 39).


15      Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2010, Fuß (C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften (C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 41).


16      F’dan is-sens, fid-duttrina ara Leccese, V., Directive 2003/88/EC concerning certain aspects of the organisation of working time, f’Ales, E., Bell, M., Deinert, O., Robin-Olivier, S., (edituri), International and European Labour Law. Article-by-Article Commentary, Nomos Verlagsgesellshaft, Baden-Baden, 2018, p. 1285‑1332, b’mod partikolari p. 1291.


17      Enfasi miżjuda minni.


18      Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2018, Matzak (C‑518/15, EU:C:2018:82, punt 62) u s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras (C‑266/14, EU:C:2015:578, punt 27).


19      L-istess jgħodd, kif intqal iktar ’il fuq, għad-Direttiva 2003/88 li għaliha għalhekk jibqgħu validi l-interpretazzjonijiet preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dispożizzjonijiet tad-direttiva preċedentement fis-seħħ.


20      Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2003, Jaeger (C‑151/02, EU:C:2003:437, punti 58 u 59).


21      Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2018, Matzak (C‑518/15, EU:C:2018:82, punt 55); is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2000, Simap (C‑303/98, EU:C:2000:528, punt 47) u s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras (C‑266/14, EU:C:2015:578, punt 26).


22      Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2018, Matzak (C‑518/15, EU:C:2018:82, punt 55).


23      Kéfer, F. u Clesse, J., “Le temps de garde inactif, entre le temps de travail et le temps de repos”, f’Revue de la Faculté de droit de l’Université Liège, 2006, p. 161.


24      Ara, għal kollha, Supiot, A., “Alla ricerca della concordanza dei tempi (le disavventure europee del “tempo di lavoro”), f’Lav. dir., 1997, p. 15 et seq.; fid-duttrina Taljana ara wkoll Ichino, P., L’orario di lavoro e i riposi. Artt. 2107-2109, f’Schlesinger, P. (ġabra kkoordinata minn), Il Codice Civile. Commentario, Giuffrè Editore, Milan, 1987, p. 27. Iktar reċenti, Ray, J.-E., “Les astreintes, un temps du troisième type”, f’Dr. soc. (F), 1999, p. 250; Barthelemy, J., “Temps de travail et de repos: l’apport du droit communautaire”, f’Dr. soc. (F), 2001, p. 78.


25      Mitrus, V. L., “Potential implications of the Matzak judgement (quality of rest time, right to disconnect)”, f’European Labour Law Journal, 2019, p. 393, skont liema “r-rapport binarju bejn ‘ħin tax-xogħol’ u ‘perijodu ta’ mistrieħ’ mhux dejjem jissodisfa r-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol attwali”.


26      Il-partijiet kollha li intervjenew fis-seduta esprimew ruħhom kontra l-introduzzjoni ta’ tertium genus bejn ix-xogħol u l-mistrieħ.


27      L-uniku lieva, li ma għandhiex x’taqsam mal-għanijiet tad-Direttiva 2003/88, li tista’ tintuża mil-leġiżlaturi nazzjonali għal flessibbiltà ulterjuri tal-kunċett ta’ ħin tax-xogħol, fis-sens li jitħallsu l-limitazzjonijiet imposti fuq il-ħaddiem matul il-perijodu ta’ stand-by mingħajr interruzzjoni, hija dik tar-remunerazzjoni. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja reġgħet tenniet il-prinċipju tal-libertà għal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali biex jipprevedu remunerazzjonijiet distinti għar-remunerazzjoni ta’ sitwazzjonijiet li fihom il-ħaddiem ikun f’perijodu ta’ stand-by mingħajr interruzzjoni; ara s-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2018, Matzak (C‑518/15, EU:C:2018:82, punt 52), li tgħid li “l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lill-Istati Membri jiddeterminaw ir-remunerazzjoni għal perijodi stand-by id-dar bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali skont il-klassifikazzjoni ta’ dawn il-perijodi bħala ‘ħin tax-xogħol’ jew ‘perijodu ta’ serħan’ [mistrieħ]”; ara d-digriet tal‑4 ta’ Marzu 2011, Grigore (C‑258/10, mhux ippubblikat, EU:C:2011:122, punt 84), li jgħid li “d-Direttiva 2003/88 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-obbligu tal-persuna li timpjega li tħallas is-salarji u l-benefiċċji li jistgħu jitqiesu bħala salarji għall-perijodu li matulu l-gwardjan forestali għandu jiżgura s-sorveljanza tas-sezzjoni tal-foresta li għaliha huwa responsabbli ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, iżda taħt id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali”.


28      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras (C‑266/14, EU:C:2015:391, punt 31) u d-duttrina mfakkra fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12.


29      F’dan is-sens ara wkoll il-punt 40 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni.


30      Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2000, Simap (C‑303/98, EU:C:2000:528, punti 48 sa 50).


31      Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2000, Simap (C‑303/98, EU:C:2000:528, punt 48).


32      Dan jirrigwarda, kif magħruf, is-servizz on-call ta’ pompier volontarju li, matul l-istand-by, kien obbligat jibqa’ fir-residenza tiegħu fl-istennija tas-sejħa li kien marbut li jwieġeb għaliha, taħt piena ta’ sanzjonijiet dixxiplinari, billi jasal fi żmien 8 minuti l-istazzjon tal-pompieri, diġà lest liebes il-ħwejjeġ tax-xogħol.


33      Enfasi miżjuda minni.


34      Fejn mill-koeżistenza ta’ żewġ elementi tal-kunċett ta’ ħin tax-xogħol li jinsab fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 (dak spazjali, jiġifieri l-preżenza fuq il-post tax-xogħol u dak ta’ awtorità, jiġifieri li jkun għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjega) kienet iddeduċiet il-preżenza tat-tielet (dak professjonali, jiġifieri li jkun fl-eżerċizzju tal-attività tiegħu jew tal-funzjonijiet tiegħu).


35      F’dan is-sens, ara Leccese, V., “Il diritto del lavoro europeo: l’orario di lavoro. Un focus sulla giurisprudenza della Corte di giustizia”, 2016, p. 7, kontenut mhux ippubblikat iżda disponibbli fuq http://giustizia.lazio.it/appello.it/form_conv_didattico/Leccese%20-%20Diritto%20lavoro%20europeo%20e%20orario%20lavoroLECCESE.pdf, li skontu “ma hemm ebda dubju li l-punt fundamentali tar-raġunament kollu huwa rrappreżentat minn deċiżjoni teleoloġika, li tagħti preċedenza lill-adegwatezza tal-mistrieħ permess lill-ħaddiem meta mqabbla mal-għan stabbilit mid-Direttiva”.


36      Ara d-digriet tal‑4 ta’ Marzu 2011, Grigore (C‑258/10, mhux ippubblikat, EU:C:2011:122, punt 68).


37      Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras (C‑266/14, EU:C:2015:578).


38      L-obbligu ta’ tweġiba għas-sejħa f’terminu partikolarment qasir “jillimita l-libertà tal-ħaddiem li jamministra l-ħin tiegħu. Dan jimplika limitazzjonijiet kemm ġeografiċi kif ukoll temporali fuq l-attivitajiet tal-ħaddiem”; ara Mitrus, L., “Potential implications of the Matzak judgment (quality of rest time, right to disconnect)”, f’European Labour Law Journal, 2019, p. 391.


39      Frankart, A. u Glorieux, M., Temps de garde: regards rétrospectifs et prospectifs à la lumière des développements européens,  La loi sur le travail - 40 ans d’application de la loi du 16 mars 1971 (taħt il-koordinazzjoni xjentifika ta Gilson, S. u Dear, L.), Anthémis, Limal, 2011, p. 374.


40      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Matzak (C‑518/15, EU:C:2017:619, punt 57).


41      Matul is-seduta komuni mal-Kawża C‑344/19.


42      Kif qal il-Gvern Finlandiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu (punt 22).