Language of document : ECLI:EU:T:2023:827

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

20 ta’ Diċembru 2023 (*)

“Unjoni Ekonomika u Monetarja – Unjoni Bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment (SRM) – Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) – Deċiżjoni tas-SRB dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2021 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Ugwaljanza fit-trattament – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Marġni ta’ evalwazzjoni tas-SRB – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Marġni ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni – Limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza”

Fil-Kawża T‑389/21,

Landesbank BadenWürttemberg, stabbilita fi Stuttgart (il-Ġermanja), irrappreżentata minn H. Berger, M. Weber u D. Schoo, avukati,

rikorrenti,

kontra

IlBord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), irrappreżentat minn J. Kerlin, T. Wittenberg u D. Ceran, bħala aġenti, assistiti minn H.-G. Kamann, F. Louis, P. Gey u L. Hesse, avukati,

konvenut,

sostnut minn

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Triantafyllou, A. Nijenhuis u A. Steiblytė, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża),

komposta minn A. Kornezov, President, G. De Baere, D. Petrlík (Relatur), K. Kecsmár u S. Kingston, Imħallfin,

Reġistratur: S. Jund, amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tas‑7 ta’ Marzu 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Bir-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Landesbank Baden-Württemberg, titlob l-annullament tad-Deċiżjoni SRB/ES/2021/22 tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) tal‑14 ta’ April 2021 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2021 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”), sa fejn din tikkonċernaha.

I.      Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Ir-rikorrenti hija istituzzjoni ta’ kreditu rregolata mid-dritt pubbliku stabbilita fil-Ġermanja. Din hija marbuta mas-sistema ta’ protezzjoni istituzzjonali (iktar ’il quddiem is-“SPI”) tal-iSparkassen-Finanzgruppe (il-Grupp Finanzjarju tal-Banek, il-Ġermanja).

3        Permezz tad-Deċiżjoni kkontestata, is-SRB iffissa, f’konformità mal-Artikolu 70(2) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1), il-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) (iktar ’il quddiem il-“kontribuzzjonijiet ex ante”), għas-sena 2021 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021”), tal-istituzzjonijiet li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet ikkombinati tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 67(4) ta’ dan ir-Regolament (iktar ’il quddiem l-“istituzzjonijiet”), inkluż ir-rikorrenti.

4        Permezz ta’ avviż għall-ħlas tal‑21 ta’ April 2021, il-Bundesanstalt für Finanzdienstleistungsaufsicht (BaFin, l-Awtorità Federali għas-Sorveljanza tas-Servizzi Finanzjarji, il-Ġermanja), fil-kapaċità tagħha bħala l-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem l-“ANR”), skont it-tifsira tal-punt 3 tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 806/2014, ordnat lir-rikorrenti tħallas il-kontribuzzjoni tagħha ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021, kif kienet ġiet stabbilita mis-SRB.

II.    IdDeċiżjoni kkontestata

5        Id-Deċiżjoni kkontestata tinkludi t-test ewlieni flimkien ma’ tliet annessi.

6        It-test ewlieni tad-Deċiżjoni kkontestata jiddeskrivi l-proċess għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021, li japplika għall-istituzzjonijiet kollha.

7        B’mod partikolari, fit-Taqsima 5 tal-imsemmija deċiżjoni, is-SRB iddetermina l-livell fil-mira annwali, imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/81 tad‑19 ta’ Diċembru 2014 li jispeċifika kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 15, p. 1), għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021 (iktar ’il quddiem il-“livell fil-mira annwali”).

8        Is-SRB spjega li kien stabbilixxa dan il-livell fil-mira annwali għal wieħed minn tmienja ta’ 1.35 % tal-ammont medju ta’ depożiti koperti, ikkalkolat kull trimestru, tal-istituzzjonijiet kollha fl‑2020 (iktar ’il quddiem l-“ammont medju ta’ depożiti koperti fl‑2020”), kif miksub mid-data rrapportata mill-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal‑21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44).

9        Fit-Taqsima 6 tad-Deċiżjoni kkontestata, is-SRB iddeskriva l-metodoloġija li għandha tiġi segwita għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021. F’dan ir-rigward, huwa ppreċiża, fil-premessa 59 tal-imsemmija deċiżjoni, li għal dak il-perijodu, 13.33 % tal-kontribuzzjonijiet ex ante kienu ġew ikkalkolati fuq “bażi nazzjonali”, jiġifieri fuq il-bażi ta’ data rrapportata minn istituzzjonijiet awtorizzati fit-territorju tal-Istat Membru parteċipanti kkonċernat (iktar ’il quddiem il-“bażi nazzjonali”), f’konformità mal-Artikolu 103 tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190), u f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat 2015/63. Il-kontribuzzjonijiet ex ante li jifdal (jiġifieri 86.67 %) ġew ikkalkolati fuq il-“bażi tal-Unjoni Bankarja”, jiġifieri fuq il-bażi ta’ data rrapportata mill-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri kollha li jipparteċipaw fil-mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni (SRM) (iktar ’il quddiem il-“bażi tal-Unjoni” u l-“Istati Membri parteċipanti”), f’konformità mal-Artikoli 69 u 70 tar-Regolament Nru 806/2014 u l-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81.

10      Fl-istess Taqsima 6 tad-Deċiżjoni kkontestata, is-SRB spjega wkoll li kien hemm, essenzjalment, żewġ kategoriji ta’ istituzzjonijiet suġġetti għall-kontribuzzjonijiet ex ante. L-ewwel kategorija tinkludi istituzzjonijiet li għandhom iħallsu kontribuzzjoni b’rata fissa fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tagħhom, bħad-daqs tagħhom jew in-natura tal-attivitajiet tagħhom. Il-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante ta’ dawn l-istituzzjonijiet huwa rregolat mill-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament Delegat 2015/63.

11      L-istituzzjonijiet fit-tieni kategorija għandhom iħallsu kontribuzzjoni ex ante aġġustata għall-profil tar-riskju tagħhom, li s-SRB stabbilixxa abbażi tal-fażijiet prinċipali li ġejjin.

12      Fl-ewwel fażi, is-SRB ikkalkola, f’konformità mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, il-kontribuzzjoni annwali bażika ta’ kull istituzzjoni, li hija proporzjonata għall-ammont tal-passiv tal-istituzzjoni kkonċernata, minbarra l-fondi proprji u d-depożiti koperti (iktar ’il quddiem il-“passiv nett”), fir-rigward tal-obbligazzjonijiet netti tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti. F’konformità mal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Delegat 2015/63, is-SRB naqqas ċerti tipi ta’ passivi mill-passiv nett tal-istituzzjoni li għandhom jitqiesu fid-determinazzjoni ta’ din il-kontribuzzjoni.

13      Fit-tieni fażi tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante, is-SRB għamel aġġustament għall-kontribuzzjoni annwali bażika skont il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni kkonċernata, f’konformità mal-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014. Huwa evalwa dan il-profil tar-riskju abbażi tal-erba’ pilastri tar-riskju msemmija fl-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat 2015/63, li huma magħmula minn indikaturi tar-riskju. Sabiex l-istituzzjonijiet jiġu kklassifikati skont il-livell ta’ riskju tagħhom, l-ewwel nett, is-SRB stabbilixxa – għal kull indikatur tar-riskju applikat għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021 – bins (settijiet) li fihom l-istituzzjonijiet ġew miġbura fi gruppi, f’konformità mal-Anness I, taħt l-intestatura “Pass 2”, fil-punt 3, ta’ dan ir-regolament delegat. L-istituzzjonijiet li jappartjenu għall-istess bin ġew assenjati valur komuni għall-indikatur tar-riskju partikolari, imsejjaħ “valur diskret”. Billi għaqqad il-valuri diskreti għal kull indikatur tar-riskju, is-SRB ikkalkola l-“multiplikatur tal-aġġustament tar-riskju” tal-istituzzjoni kkonċernata (iktar ’il quddiem il-“multiplikatur tal-aġġustament”). Billi mmultiplika l-kontribuzzjoni annwali bażika ta’ din l-istituzzjoni bil-multiplikatur tal-aġġustament tagħha, is-SRB kiseb il-“kontribuzzjoni annwali bażika aġġustata skont il-profil tar-riskju” tal-imsemmija istituzzjoni.

14      Imbagħad, is-SRB żied il-kontribuzzjonijiet annwali bażiċi kollha aġġustati għar-riskju biex jikseb “denominatur komuni” użat għall-kalkolu tas-sehem tal-livell fil-mira annwali li għandha tħallas kull istituzzjoni.

15      Fl-aħħar nett, is-SRB ikkalkola l-kontribuzzjoni ex ante ta’ kull istituzzjoni billi qassam il-livell fil-mira annwali bejn l-istituzzjonijiet kollha abbażi tal-proporzjon eżistenti bejn il-kontribuzzjoni annwali bażika aġġustata skont il-profil tar-riskju, minn naħa, u d-denominatur komuni, min-naħa l-oħra.

16      L-Anness I tad-Deċiżjoni kkontestata fih skeda individwali għal kull istituzzjoni suġġetta għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet ex ante, inkluż ir-rikorrenti, li tinkludi r-riżultati tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante ta’ kull waħda minn dawn l-istituzzjonijiet (iktar ’il quddiem l-“iskeda individwali”). Kull waħda minn dawn l-iskedi tistabbilixxi l-ammont tal-kontribuzzjoni annwali bażika tal-istituzzjoni kkonċernata kif ukoll il-valur tal-multiplikatur tal-aġġustament tagħha, kemm fuq il-bażi tal-Unjoni kif ukoll fuq il-bażi nazzjonali, billi ssemmi, għal kull indikatur tar-riskju, in-numru tal-bin li tkun ġiet assenjata l-imsemmija istituzzjoni. Barra minn hekk, l-iskeda individwali tagħti d-data li tintuża għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante tal-istituzzjonijiet kollha kkonċernati u li s-SRB iddeterminaha billi żied jew għaqqad id-data individwali ta’ dawn l-istituzzjonijiet kollha. Fl-aħħar nett, din l-iskeda tinkludi d-data ddikjarata mill-istituzzjoni kkonċernata fil-formola tad-dikjarazzjoni u użata fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha.

17      L-Anness II tad-Deċiżjoni kkontestata jinkludi data statistika relatata mal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għal kull Stat Membru parteċipanti, b’mod sommarju u f’forma aggregata. Dan l-anness jippreċiża, b’mod partikolari, l-ammont globali tal-kontribuzzjonijiet ex ante li għandhom jitħallsu mill-istituzzjonijiet ikkonċernati għal kull wieħed minn dawn l-Istati Membri. Barra minn hekk, l-imsemmi anness jelenka, għal kull indikatur tar-riskju, l-għadd ta’ bins, l-għadd ta’ istituzzjonijiet li jappartjenu għal kull wieħed mill-bins kif ukoll il-valuri minimi u massimi ta’ dawn il-bins. Fil-każ ta’ bins relatati mal-bażi nazzjonali, dawn il-valuri, għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, jitnaqqsu jew jiżdiedu b’ammont aleatorju, fejn tinżamm id-distribuzzjoni oriġinali tal-istituzzjonijiet.

18      L-Anness III tad-Deċiżjoni kkontestata, intitolat “Evalwazzjoni tal-kummenti mressqa fil-kuntest tal-konsultazzjoni dwar il-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni għall‑2021”, jeżamina l-osservazzjonijiet magħmula mill-istituzzjonijiet matul il-proċedura ta’ konsultazzjoni li saret mis-SRB bejn il‑5 u d‑19 ta’ Marzu 2021 bil-ħsieb li tiġi adottata d-Deċiżjoni kkontestata.

III. Ittalbiet talpartijiet

19      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni kkontestata, inklużi l-annessi tagħha, sa fejn din tikkonċernaha;

–        sussidjarjament, tikkonstata li d-Deċiżjoni kkontestata hija legalment ineżistenti, sa fejn din tikkonċernaha;

–        tikkundanna lis-SRB għall-ispejjeż.

20      Is-SRB jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż;

–        sussidjarjament, fil-każ ta’ annullament tad-Deċiżjoni kkontestata, iżżomm l-effetti tad-Deċiżjoni kkontestata sakemm tiġi sostitwita jew, tal-inqas, għal perijodu ta’ sitt xhur mid-data li fiha s-sentenza ssir definittiva.

21      Il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

IV.    Iddritt

22      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti inizjalment qajmet għaxar motivi, ibbażati:

–        l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 81(1) tar-Regolament Nru 806/2014, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Nru 1 tal-Kunsill tal‑15 ta’ April 1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 3);

–        it-tieni wieħed, fuq ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 41(1) u (2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), minħabba insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata;

–        it-tielet wieħed, fuq ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantit mill-Artikolu 47(1) tal-Karta;

–        ir-raba’ wieħed, fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikoli 4 sa 9 kif ukoll tal-Anness I tar-Regolament Delegat 2015/63, ibbażata fuq il-ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantit mill-Artikolu 47(1) tal-Karta u fuq il-prinċipju ta’ ċertezza legali;

–        il-ħames wieħed, fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Delegat 2015/63, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 103(7)(h) tad-Direttiva 2014/59, tal-Artikolu 113(7) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1), tal-“prinċipju tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet aġġustati għar-riskju”, tal-prinċipju tal-preċiżjoni tal-leġiżlazzjoni abbażi tal-istat tad-dritt u tal-obbligu li jitqiesu bis-sħiħ il-fatti, fuq il-bażi li din id-dispożizzjoni ma tistax tqis il-ponderazzjoni tal-indikatur tar-riskju “sħubija f’SPI” (iktar ’il quddiem l-“indikatur tar-riskju tas-SPI”), filwaqt li tqis l-indikatur tar-riskju “attivitajiet ta’ negozjar u skoperturi barra l-karta bilanċjali, derivattivi, kumplessità u riżolvibbiltà”;

–        is-sitt wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 113(7) tar-Regolament Nru 575/2013, tal-Artikolu 103(7)(h) tad-Direttiva 2014/59, tal-Artikoli 16 u 20 tal-Karta, tal-prinċipju tal-proporzjonalità u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba;

–        is-seba’ wieħed, fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikoli 6, 7 u 9 kif ukoll tal-Anness I tar-Regolament Delegat 2015/63, ibbażata fuq ksur tal-“prinċipju tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet aġġustati għar-riskju”, tal-Artikoli 16 u 20 tal-Karta, tal-prinċipju tal-proporzjonalità u tal-obbligu li jitqiesu l-fatti kollha;

–        it-tmien wieħed, fuq ksur tal-Artikoli 16 u 52 tal-Karta, minħabba l-inadegwatezza tal-aġġustament tal-kontribuzzjoni ex ante tar-rikorrenti għall-profil tar-riskju tagħha;

–        id-disa’ wieħed, fuq ksur tal-Artikoli 16, 20, 41 u 52 tal-Karta, minħabba li d-Deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn bosta żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni;

–        l-għaxar wieħed, fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-ewwel u t-tieni sentenza tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Delegat 2015/63, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59 u tal-“prinċipju tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet aġġustati għar-riskju”.

23      Barra minn hekk, ir-rikorrenti qajmet, fir-replika tagħha, il-ħdax-il motiv, ibbażat, minn naħa, fuq ksur tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 kif ukoll tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta u, min-naħa l-oħra, fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikoli 69 u 70 tar-Regolament Nru 806/2014, ibbażata fuq ksur tal-“prinċipju tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet aġġustati għar-riskju”, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta, tar-rekwiżiti tal-Istat tad-dritt u tal-prinċipji li jirriżultaw mis-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni v L‑Awtorità Għolja (10/56, EU:C:1958:8).

24      Jeħtieġ li l-ewwel jiġu eżaminati l-motivi li bihom ir-rikorrenti teċċepixxi l-illegalità tal-Artikoli 4 sa 9 u 20 kif ukoll tal-Anness I tar-Regolament Delegat 2015/63, imbagħad il-motivi relatati direttament mal-legalità tad-Deċiżjoni kkontestata.

A.      Fuq leċċezzjonijiet ta’ illegalità talArtikoli 4 sa 9 u 20 kif ukoll talAnness I tarRegolament Delegat 2015/63

1.      Fuq irraba’ motiv, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità talArtikoli 4 sa 9 kif ukoll talAnness I tarRegolament Delegat 2015/63, peress li jiksru lprinċipji ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u ta’ ċertezza legali

25      Ir-raba’ motiv huwa fformulat fuq żewġ partijiet.

26      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat 2015/63 jipprevedi li s-SRB għandu jikkalkola l-kontribuzzjoni ex ante li għandha titħallas minn kull istituzzjoni b’mod proporzjonat mal-profil tar-riskju tal-istituzzjoni abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn din l-istituzzjoni u skont il-metodoloġija stabbilita fl-Artikoli 4 sa 13 ta’ dan ir-regolament delegat.

27      L-Artikolu 5 tar-Regolament Delegat 2015/63, intitolat “Aġġustament tar-riskju tal-kontribuzzjoni annwali bażika”, jindika, b’mod partikolari, l-passivi li huma esklużi mill-kalkolu ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet. L-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament delegat jelenka l-pilastri u l-indikaturi tar-riskju li għandhom jitqiesu mis-SRB fil-valutazzjoni tal-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet, filwaqt li l-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament delegat jispeċifika l-ponderazzjoni relattiva ta’ kull pilastru tar-riskju u indikatur tar-riskju li għandha tiġi applikata mis-SRB fil-valutazzjoni tal-profil tar-riskju ta’ kull istituzzjoni.

28      L-Artikolu 8 tar-Regolament Delegat 2015/63 huwa, min-naħa tiegħu, relatat mal-applikazzjoni ta’ indikaturi tar-riskju f’każijiet speċifiċi.

29      Barra minn hekk, l-Artikolu 9 tar-Regolament Delegat 2015/63, intitolat “Applikazzjoni tal-aġġustament tar-riskju tal-kontribuzzjoni annwali bażika”, jipprevedi li s-SRB għandu jikkalkola l-multiplikatur tal-aġġustament abbażi tal-indikaturi tar-riskju msemmija fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament delegat skont il-formula u l-proċeduri stabbiliti fl-Anness I tal-imsemmi regolament delegat u li għandu jikkalkola l-kontribuzzjoni annwali ta’ kull istituzzjoni għal kull perijodu ta’ kontribuzzjoni billi jimmultiplika l-kontribuzzjoni annwali bażika b’dak il-multiplikatur tal-aġġustament, skont il-formula u l-proċeduri stabbiliti fl-Anness I ta’ dan l-istess regolament delegat.

30      Fl-aħħar nett, l-Anness I tar-Regolament Delegat 2015/63 jistabbilixxi l-proċedura għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet annwali tal-istituzzjonijiet f’diversi passi.

a)      Fuq lewwel parti, dwar allegat ksur talprinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva

31      Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikoli 4 sa 9 u l-Anness I tar-Regolament Delegat 2015/63 jiksru l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif stabbilit fl-Artikolu 47(1) tal-Karta. Qabelxejn, dawn id-dispożizzjonijiet joħolqu sistema opaka għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, peress li jipprevedu, għall-finijiet ta’ dan il-kalkolu, l-użu ta’ informazzjoni koperta mis-sigriet kummerċjali, li tipprevjeni lis-SRB milli jipprovdi motivazzjoni suffiċjenti għad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu l-imsemmija kontribuzzjonijiet. Tabilħaqq, minkejja l-fatt li l-ammont tal-kontribuzzjoni ex ante ta’ kull istituzzjoni jiddependi mid-data relatata mal-istituzzjonijiet l-oħra, in-natura kunfidenzjali ta’ din id-data tipprekludi l-iżvelar tagħha lill-istituzzjoni kkonċernata.

32      Sussegwentement, l-imsemmija dispożizzjonijiet joħolqu sistema għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet ex ante li hija kkaratterizzata minn bosta marġni ta’ evalwazzjoni għas-SRB, li jkompli jżid l-opaċità tar-regolament ikkonċernat.

33      Fl-aħħar nett, ma huwiex possibbli għall-Qorti Ġenerali li tistħarreġ il-legalità tad-Deċiżjoni kkontestata, peress li din ma għandhiex is-software użat mis-SRB biex jikkalkola l-kontribuzzjonijiet ex ante, li huwa meħtieġ sabiex jiġi vverifikat il-kalkolu ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet.

34      Is-SRB u l-Kummissjoni jikkontestaw dan l-argument.

35      L-Artikoli 4 sa 9 tar-Regolament Delegat 2015/63 jistabbilixxu, kif jirriżulta mill-punti 26 sa 30 iktar ’il fuq, ir-regoli li għandhom jiġu applikati mis-SRB biex jiddetermina l-kontribuzzjoni annwali bażika u biex jaġġustaha skont il-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet. Dawn ir-regoli mbagħad huma implimentati, b’mod iktar konkret, fl-Anness I ta’ dan ir-regolament delegat.

36      Skont dawn id-dispożizzjonijiet, l-aġġustament tal-kontribuzzjoni annwali bażika ta’ kull istituzzjoni skont il-profil tar-riskju tagħha huwa bbażat fuq it-tqabbil tad-data individwali tal-istituzzjonijiet kollha kkonċernati. Issa, is-SRB iqis li din id-data kollha hija koperta mis-sigriet kummerċjali, u għalhekk ma jistax jikkomunikaha lill-istituzzjonijiet li l-kontribuzzjoni ex ante tagħhom hija kkalkolata fid-deċiżjoni li tistabbilixxi l-ammont ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet.

37      L-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta teżiġi li l-parti kkonċernata tkun tista’ tkun taf ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni meħuda fil-konfronti tagħha, jew billi taqra d-deċiżjoni nnifisha, jew billi dawn ir-raġunijiet jiġu kkomunikati fuq talba tagħha, mingħajr preġudizzju għas-setgħa tal-qorti kompetenti li teżiġi li l-awtorità inkwistjoni tikkomunika l-imsemmija raġunijiet, sabiex tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-fatti jekk huwiex utli li l-kwistjoni titressaq quddiem il-qorti kompetenti, kif ukoll biex din tal-aħħar tkun tista’ teżerċita stħarriġ sħiħ tal-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni (ara s-sentenzi tas‑26 ta’ April 2018, Donnellan, C‑34/17, EU:C:2018:282, punt 55, u tal‑24 ta’ Novembru 2020, Minister van Buitenlandse Zaken, C‑225/19 u C‑226/19, EU:C:2020:951, punt 43).

38      Barra minn hekk, fid-dawl tal-prinċipju ta’ kontradittorju, li jagħmel parti mid-drittijiet tad-difiża msemmija fl-Artikolu 47 tal-Karta, il-partijiet fi proċess għandu jkollhom id-dritt li jsiru jafu bid-dokumenti u l-osservazzjonijiet kollha ppreżentati lill-qorti sabiex jinfluwenzaw id-deċiżjoni tagħha u li jiddiskutuhom. Fil-fatt, id-dritt fundamentali għal rimedju ġudizzjarju effettiv ma jippermettix li deċiżjoni ġudizzjarja tiġi bbażata fuq fatti u dokumenti li l-partijiet stess, jew waħda minnhom, ma setgħux ikunu jafu bihom u li għalhekk ma setgħux jieħdu pożizzjoni dwarhom (ara s-sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2013, ZZ, C‑300/11, EU:C:2013:363, punti 55 u 56, u tat‑23 ta’ Ottubru 2014, Unitrading, C‑437/13, EU:C:2014:2318, punt 21).

39      Madankollu, f’ċerti każijiet eċċezzjonali, awtorità tal-Unjoni tista’ toġġezzjona għall-komunikazzjoni lill-parti ikkonċernata tar-raġunijiet preċiżi u sħaħ li jikkostitwixxu l-fondatezza ta’ deċiżjoni meħuda kontriha, billi tinvoka motivi relatati mal-protezzjoni tad-data kunfidenzjali. F’każ bħal dan, huwa meħtieġ li jiġu implimentati tekniki u regoli tad-dritt li jagħmluha possibbli li jiġu rrikonċiljati, minn naħa, il-kunsiderazzjonijiet leġittimi relatati mal-protezzjoni tad-data kunfidenzjali li tkun ġiet ikkunsidrata għall-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li jiġi ggarantit b’mod suffiċjenti lill-parti r-rispett tad-drittijiet proċedurali tagħha, bħad-dritt għal smigħ kif ukoll il-prinċipju ta’ kontradittorju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punti 115 sa 120; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 125).

40      Fid-dawl tan-natura speċifika tal-kontribuzzjonijiet ex ante, tali konċiljazzjoni għandha titwettaq ukoll fil-każ tal-kalkolu ta’ tali kontribuzzjonijiet. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessi 105 sa 107 tad-Direttiva 2014/59 u mill-premessa 41 tar-Regolament Nru 806/2014, l-imsemmija kontribuzzjonijiet huma maħsuba biex jiżguraw, f’loġika relatata mal-garanzija, li s-settur finanzjarju jipprovdi biżżejjed riżorsi finanzjarji lis-SRM sabiex ikun jista’ jwettaq il-funzjonijiet tiegħu, filwaqt li jinkoraġġixxu l-adozzjoni ta’ modi ta’ operat inqas riskjużi mill-istituzzjonijiet ikkonċernati. Għalhekk, il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante huwa bbażat, mhux fuq l-applikazzjoni ta’ rata għal bażi taxxabbli, iżda abbażi tal-Artikoli 102 u 103 tad-Direttiva 2014/59 kif ukoll tal-Artikoli 69 u 70 tar-Regolament Nru 806/2014, fuq id-definizzjoni ta’ livell fil-mira li għandu jintlaħaq mit-total tal-imsemmija kontribuzzjonijiet miġbura qabel il‑31 ta’ Diċembru 2023 (iktar ’il quddiem il-“livell fil-mira finali”), u sussegwentement ta’ livell fil-mira annwali li għandu jitqassam fuq l-istituzzjonijiet awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 113).

41      Peress li l-livell fil-mira totali huwa ddefinit bħala li għandu jkun tal-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti ta’ dawn l-istituzzjonijiet kollha u peress li l-kontribuzzjoni annwali bażika ta’ kull istituzzjoni hija kkalkolata prorata skont l-ammont tal-passiv nett tagħha, marbut mal-passiv nett aggregati tal-istituzzjonijiet awtorizzati fit-territorju ta’ dawn l-Istati Membri parteċipanti, jidher li l-prinċipju stess tal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, kif jirriżulta mid-Direttiva 2014/59 u mir-Regolament Nru 806/2014, jimplika l-użu, mis-SRB, ta’ data koperta mis-sigriet kummerċjali (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 114).

42      Issa, l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni huma, fil-prinċipju, meħtieġa, fl-applikazzjoni tal-prinċipju tal-protezzjoni tas-sigriet kummerċjali, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li huwa, b’mod partikolari, ikkonkretizzat fl-Artikolu 339 TFUE, li ma jiżvelawx lill-kompetituri ta’ operatur privat informazzjoni kunfidenzjali pprovduta minn dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punti 109 u 114 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      F’dawn iċ-ċirkustanzi, kienu l-Kummissjoni u l-Kunsill, li, meta kienu qegħdin jistabbilixxu s-sistema għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante permezz tar-Regolament Delegat 2015/63 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, kellhom jikkonċiljaw ir-rispett għas-sigriet kummerċjali mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, b’tali mod li d-data koperta minn dan is-sigriet ma setgħetx tiġi kkomunikata lill-partijiet ikkonċernati u li ma tistax, b’mod partikolari, tiġi inkluża fil-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante.

44      Din il-karatteristika tas-sistema tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante ma tipprekludix madankollu l-eżerċizzju ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv mill-Qorti tal-Unjoni.

45      Fil-fatt, minn naħa, xejn fid-dispożizzjonijiet imsemmija fl-eċċezzjoni ta’ illegalità tar-rikorrenti ma jipprekludi, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(1) tar-Regolament Nru 806/2014, li s-SRB jiżvela, meta jadotta d-deċiżjoni tiegħu li tistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet ex ante, informazzjoni kunfidenzjali miksuba fil-kuntest tal-attività tiegħu f’forma sommarja jew aggregata, b’tali mod li l-istituzzjonijiet ikkonċernati ma jkunux jistgħu jiġu identifikati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 136).

46      Min-naħa l-oħra, meta l-motivazzjoni ta’ tali deċiżjoni għandha tkun limitata sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-data kunfidenzjali, huwa l-awtur ta’ din id-deċiżjoni, f’każ ta’ rikors quddiem il-qrati tal-Unjoni li jikkontesta tali data, li għandu jiġġustifika ruħu quddiem dawn il-qrati fil-kuntest tal-istruttorja kontenzjuża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 110, u tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 145).

47      Jekk ikun il-każ, sabiex jiġi eżerċitat stħarriġ ġudizzjarju effettiv skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 47 tal-Karta, il-qrati tal-Unjoni jistgħu jitolbu lis-SRB jipproduċi data li tista’ tiġġustifika l-kalkoli li l-eżattezza tagħhom hija kkontestata quddiemhom, filwaqt li jiżgura, jekk ikun hemm bżonn, il-kunfidenzjalità ta’ din id-data (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 146).

48      Barra minn hekk, fit-twettiq ta’ eżami tal-elementi ta’ dritt u ta’ fatt kollha pprovduti mis-SRB, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika l-fondatezza tar-raġunijiet invokati minnu biex jopponi l-komunikazzjoni tad-data użata għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 126).

49      Jekk jirriżulta li r-raġunijiet invokati mis-SRB tabilħaqq jipprekludu l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni jew ta’ provi prodotti quddiem il-qorti tal-Unjoni, huwa meħtieġ li jiġu bbilanċjati b’mod xieraq ir-rekwiżiti relatati mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, b’mod partikolari r-rispett tal-prinċipju ta’ kontradittorju, u dawk li jirriżultaw mill-protezzjoni tas-sigriet kummerċjali (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 128).

50      Minn dan ta’ hawn fuq isegwi li l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante fuq il-bażi ta’ data koperta mis-sigriet kummerċjali, f’konformità mal-Artikoli 4 sa 9 u l-Anness I tar-Regolament Delegat 2015/63, mingħajr ma l-imsemmija data tkun disponibbli għall-partijiet ikkonċernati, ma jimplikax fih innifsu li dawn id-dispożizzjonijiet huma inkompatibbli mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

51      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq is-setgħa ta’ evalwazzjoni tas-SRB, mill-ġurisprudenza li jirriżulta, jekk, fl-oqsma li jagħtu lok għal evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, istituzzjoni jew organi tal-Unjoni jkollhom setgħa ta’ evalwazzjoni fi kwistjonijiet ekonomiċi, dan ma jimplikax li l-qorti tal-Unjoni għandha toqgħod lura milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, minn din l-istituzzjoni jew dan l-organu, ta’ data ta’ natura ekonomika. Il-qorti tal-Unjoni għandha, b’mod partikolari, mhux biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi prodotti, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda tistħarreġ ukoll jekk dawn l-elementi jikkostitwixxux l-informazzjoni rilevanti kollha li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex tali li jsostnu l-konklużjonijiet misluta minnha (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2020, Comune di Milano vs Il‑Kummissjoni, C‑160/19 P, EU:C:2020:1012, punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sempliċi eżistenza ta’ setgħa ta’ evalwazzjoni tas-SRB ma tistax timplika li l-Qorti Ġenerali ma tistax teżerċita stħarriġ ġudizzjarju effettiv tad-Deċiżjoni kkontestata.

53      Fl-aħħar nett, l-argument tar-rikorrenti li r-Regolament Delegat 2015/63 jikser il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva minħabba li l-qrati tal-Unjoni ma jistgħux jivverifikaw l-eżattezza tal-kalkolu tal-ammont tal-kontribuzzjoni ex ante ta’ istituzzjoni partikolari għandu jiġi miċħud.

54      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti llimitat ruħha li ssostni, mingħajr ma ppreċiżat xejn iktar, li tali verifika tippreżupponi li l-Qorti Ġenerali jkollha s-software użat mis-SRB, li madankollu ma kienx disponibbli għaliha. Issa, din iċ-ċirkustanza ma tistax tikkontesta l-legalità tal-Artikoli 4 sa 9 kif ukoll tal-Anness I tar-Regolament Delegat 2015/63. Barra minn hekk, dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux lill-Qorti Ġenerali milli tieħu miżuri, minn fost il-miżuri previsti, b’mod partikolari, fir-Regoli ta’ Proċedura tagħha, li tqis xierqa biex tkun tista’ tivverifika l-ammont tal-kontribuzzjoni ex ante.

55      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda.

b)      Fuq ittieni parti, dwar allegat ksur talprinċipju ta’ ċertezza legali

56      It-tieni parti tar-raba’ motiv hija bbażata, essenzjalment, fuq tliet ilmenti.

1)      Fuq lewwel ilment, ibbażat fuq li lArtikoli 4 sa 9 u tal-Anness I tarRegolament Delegat 2015/63 ma jippermettux lill-istituzzjonijiet jikkalkolaw minn qabel il-kontribuzzjonijiet ex ante tagħhom

57      Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikoli 4 sa 9 kif ukoll l-Anness I tar-Regolament Delegat 2015/63 jiksru l-prinċipju ta’ ċertezza legali peress li ma jippermettulhiex tikkalkola minn qabel il-kontribuzzjoni ex ante li hija għandha tħallas matul perijodu ta’ kontribuzzjoni, minħabba l-ħafna marġni ta’ evalwazzjoni mogħtija lis-SRB minn dawn id-dispożizzjonijiet. Is-SRB barra minn hekk kien uża dawn il-marġni ta’ evalwazzjoni billi adotta deċiżjonijiet interni li ppreċiżaw il-metodu li għandu jiġi segwit għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet intermedji”), iżda li la ġew ippubblikati u lanqas ma saru aċċessibbli għar-rikorrenti. Dan juri li l-istruttura tad-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-imsemmi regolament delegat ma għandhiex “densità xierqa” li teskludi kull imġiba arbitrarja mill-awtoritajiet ikkonċernati tal-Unjoni.

58      Is-SRB u l-Kummissjoni jikkontestaw dan l-argument.

59      Preliminarjament, jeħtieġ li tiġi ddefinita l-portata eżatta ta’ din l-eċċezzjoni ta’ illegalità.

60      F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja t-titolu ta’ din l-eċċezzjoni ta’ illegalità, kif ifformulat mir-rikorrenti, l-argument tagħha jiffoka fuq il-konformità tal-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Delegat 2015/63 mal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma tressaq l-ebda argument awtonomu u ffokat dwar il-legalità tal-Artikoli 4, 5, 8 u 9 ta’ dan ir-regolament delegat jew tal-Anness I tiegħu li jmur lil hinn mill-argument tiegħu dwar l-Artikoli 6 u 7 tal-imsemmi regolament delegat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, minn dan għandu jiġi dedott li din l-eċċezzjoni ta’ illegalità tirrigwarda, fir-realtà, l-Artikoli 6 u 7 ta’ dan ir-regolament delegat.

61      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li, skont dawn id-dispożizzjonijiet, is-SRB huwa obbligat jaġġusta l-kontribuzzjoni annwali bażika tal-istituzzjonijiet billi jieħu inkunsiderazzjoni l-erba’ pilastri tar-riskju, fejn kull pilastru huwa magħmul minn indikaturi tar-riskju li, min-naħa tagħhom, jistgħu jkunu magħmula minn sottoindikaturi tar-riskju.

62      Issa, fir-rigward tal-ewwel tliet pilastri tar-riskju msemmija fl-Artikolu 6(1)(a) sa (c) tar-Regolament Delegat 2015/63, ir-rikorrenti ma ppreżentat l-ebda evidenza konkreta lill-Qorti Ġenerali li tikkontesta l-legalità tagħhom abbażi tal-allegat ksur minnhom tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Barra minn hekk, fir-rigward tal-pilastru tar-riskju msemmi fl-Artikolu 6(1)(d) ta’ dan ir-regolament delegat, imsejjaħ “[i]ndikaturi tar-riskju addizzjonali li jiġu ddeterminati mill-awtorità tar-riżoluzzjoni” (iktar ’il quddiem il-“pilastru tar-riskju IV”), ir-rikorrenti ma sostnietx li l-indikatur tar-riskju “[d]aqs ta’ għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja preċedenti”, li huwa wieħed mill-indikaturi tar-riskju tal-pilastru tar-riskju IV, ma huwiex ċar u għalhekk jikser dan il-prinċipju.

63      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi dedott li din l-eċċezzjoni ta’ illegalità tikkonċerna l-allegat nuqqas ta’ konformità mal-prinċipju ta’ ċertezza legali tal-indikaturi tar-riskju tal-pilastru tar-riskju IV, bl-eċċezzjoni tal-indikatur tar-riskju “[d]aqs ta’ għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja preċedenti”.

64      B’dan iċċarat, għandu jitfakkar li skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi, minn naħa, li r-regoli ta’ dritt ikunu ċari u preċiżi u, min-naħa l-oħra, li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għall-partijiet fil-kawża, b’mod partikolari meta jista’ jkollhom konsegwenzi sfavorevoli. L-imsemmi prinċipju jeżigi, b’mod partikolari, li l-leġiżlazzjoni għandha tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu eżatt il-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom u li dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jsiru jafu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jaġixxu fid-dawl tagħhom (sentenzi tad‑29 ta’ April 2021, Banco de Portugal et, C‑504/19, EU:C:2021:335, punt 51, u tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 319).

65      Madankollu, dawn ir-rekwiżiti ma jistgħux jinftiehmu li jipprekludu lil istituzzjoni tal-Unjoni, fil-kuntest ta’ regola li tadotta, milli tuża kunċett legali astratt u lanqas li timponi li tali regola astratta ssemmi l-ipoteżijiet konkreti differenti li fihom x’aktarx li tapplika, sa fejn mhux dawn l-ipoteżijiet kollha jistgħu jiġu ddeterminati minn qabel minn dik l-istituzzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑20 ta’ Lulju 2017, Marco Tronchetti Provera et, C‑206/16, EU:C:2017:572, punti 39 u 40, u tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punt 320).

66      Konsegwentement, dispożizzjoni ta’ att tal-Unjoni tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali, minħabba n-nuqqas ta’ ċarezza tagħha, biss jekk tkun tant ambigwa li tipprevjeni lill-partijiet milli jkunu jistgħu jneħħu b’ċertezza suffiċjenti kull dubju dwar il-portata jew it-tifsira ta’ dik id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ April 2005, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑110/03, EU:C:2005:223, punt 31, u tat‑22 ta’ Mejju 2007, Mebrom vs Il‑Kummissjoni, T‑216/05, EU:T:2007:148, punt 108).

67      Bl-istess mod, il-fatt li att tal-Unjoni jagħti setgħa ta’ evalwazzjoni lill-awtoritajiet responsabbli għall-implimentazzjoni tiegħu ma jiksirx, fih innifsu, ir-rekwiżit ta’ prevedibbiltà, sakemm il-portata u l-modalitajiet ta’ eżerċizzju ta’ tali setgħa jkunu ddefiniti b’mod ċar biżżejjed, fid-dawl tal-għan leġittimu inkwistjoni, sabiex ikun hemm protezzjoni adegwata kontra l-arbitrarjetà (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑157/21, UE:C:2022:98, punt 321 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-metodu tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, sa fejn huwa influwenzat mill-pilastru tar-riskju IV, huwiex iddefinit bi preċiżjoni suffiċjenti biex il-partijiet ikunu jistgħu jneħħu b’ċertezza suffiċjenti kwalunkwe dubju dwar il-portata jew it-tifsira tad-dispożizzjonijiet relatati ma’ dan il-pilastru tar-riskju.

69      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma ssostnix li l-kunċetti użati fl-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Delegat 2015/63 huma tant ambigwi li ma tistax tneħħi b’ċertezza suffiċjenti kwalunkwe dubju dwar il-portata jew it-tifsira tagħhom.

70      Fir-rigward, b’mod partikolari, tat-termini użati fl-Artikolu 6(6) tar-Regolament Delegat 2015/63, ir-rikorrenti ammettiet fis-seduta, essenzjalment, li hija fehmet it-tifsira li għandha tingħata lil dawk it-termini. Ċertament, ma qablitx mal-interpretazzjoni li s-SRB kien ta lil uħud minn dawn l-istess termini, b’mod partikolari l-kliem “mudell kummerċjali kumplessiv”, iżda ma kkontestatx li dawn kellhom tifsira determinabbli, b’tali mod li seta’ jitneħħa b’ċertezza suffiċjenti kwalunkwe dubju dwar il-portata jew it-tifsira tagħhom.

71      Dan huwa iktar u iktar il-każ minħabba li l-parti l-kbira tat-termini użati fl-Artikolu 6(6) tar-Regolament Delegat 2015/63 ġew iddefiniti fil-premessa 98 tad-Deċiżjoni kkontestata u n-noti ta’qiegħ il-paġna 36 sa 40 tagħha, li jagħmlu riferiment għal diversi dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni applikabbli. Issa, ir-rikorrenti ma ssostnix li dawn id-definizzjonijiet ma rriżultawx minn dawn id-dispożizzjonijiet.

72      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat, bħalma tagħmel ir-rikorrenti, li l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Delegat 2015/63 jagħtu marġni ta’ evalwazzjoni lis-SRB.

73      Fil-fatt, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(5) tar-Regolament Delegat 2015/63, il-pilastru tar-riskju IV jikkonsisti fi tliet indikaturi tar-riskju, jiġifieri, l-ewwel, l-“[a]ttivitajiet ta’ negozjar u skoperturi barra l-karta bilanċjali, derivattivi, kumplessità u riżolvibbiltà”, it-tieni, is-“sħubija [f’SPI]” u, it-tielet, id-“[d]aqs ta’ għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja preċedenti”.

74      Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(5) tar-Regolament Delegat 2015/63, is-SRB għandu jqis, meta jiddetermina dawn l-indikaturi tar-riskju, il-“probabbiltà li l-istituzzjoni kkonċernata tidħol f’riżoluzzjoni u tal-possibbiltà konsegwenti li tuża l-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni fejn istituzzjoni tiġi riżolta”.

75      Mill-formulazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(5) tar-Regolament Delegat 2015/63 jirriżulta li din id-dispożizzjoni tagħti lis-SRB marġni ta’ evalwazzjoni dwar kif dan għandu “jqis”, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-imsemmija indikaturi tar-riskju, il-“probabbiltà li l-istituzzjoni kkonċernata tidħol f’riżoluzzjoni u tal-possibbiltà konsegwenti li tuża l-arranġament ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni fejn istituzzjoni tiġi riżolt”, peress li l-kriterji indikati fl-imsemmija dispożizzjoni għandhom jiġu speċifikati mis-SRB sabiex jiġu applikati għal każ partikolari.

76      Fir-rigward tal-ewwel indikatur tar-riskju li jaqa’ taħt il-pilastru tar-riskju IV u li huwa relatat mal-attivitajiet ta’ negozjar, l-iskoperturi barra l-karta bilanċjali, id-derivattivi, il-kumplessità u r-riżolvibbiltà tal-istituzzjoni, l-Artikolu 6(6) tar-Regolament Delegat 2015/63 jipprevedi diversi elementi li s-SRB għandu jqis meta jiddetermina dan l-indikatur, li wħud minnhom jistgħu jwasslu għal żieda fil-profil tar-riskju tal-istituzzjoni kkonċernata u oħrajn għal tnaqqis tiegħu.

77      Għalhekk, l-elementi li jistgħu jwasslu għal żieda f’dan il-profil tar-riskju huma erba’, jiġifieri, l-ewwel, “l-importanza ta’ attivitajiet ta’ negozjar meta mqabbla mad-daqs tal-karta bilanċjali, il-livell ta’ fondi proprji, il-livell tar-riskju tal-iskoperturi, u l-mudell kummerċjali kumplessiv”, it-tieni, “l-importanza tal-iskoperturi barra l-karta bilanċjali meta mqabbla mad-daqs tal-karta bilanċjali, il-livell ta’ fondi proprji, il-livell tar-riskju tal-iskoperturi”, it-tielet, “l-importanza tal-ammont ta’ derivattivi meta mqabbla mad-daqs tal-karta bilanċjali, il-livell ta’ fondi proprji, il-livell tar-riskju tal-iskoperturi, u l-mudell kummerċjali kumplessiv” u, ir-raba’, “il-punt safejn skont il-Kapitolu II tat-Titolu II tad-Direttiva 2014/59/UE l-mudell kummerċjali u struttura organizzazzjonali ta’ istituzzjoni jitqiesu kumplessi”.

78      Hemm żewġ elementi li jistgħu jwasslu għal tnaqqis fl-imsemmi profil tar-riskju, jiġifieri “l-ammont relattiv ta’ derivattivi li huma kklerjati permezz ta’ kontroparti ċentrali” u “il-punt safejn […] istituzzjoni tista’ tiġi riżolta fil-pront u mingħajr impedimenti legali”.

79      Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 6(6) tar-Regolament Delegat 2015/63 jirriżulta li din id-dispożizzjoni tagħti lis-SRB marġni ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-“importanza” li s-SRB għandu jagħti lill-“attivitajiet ta’ negozjar”, “l-iskoperturi barra l-karta bilanċjali” u l-“ammont ta’ derivattivi” u r-relazzjoni bejn l-elementi differenti msemmija f’din id-dispożizzjoni.

80      Għalhekk, filwaqt li mill-Artikolu 6(6) tar-Regolament Delegat 2015/63 jirriżulta li, skont l-ewwel sottoindikatur tar-riskju msemmi minn din id-dispożizzjoni, jeħtieġ li titqabbel l-importanza tal-“attivitajiet ta’ negozjar” fir-rigward tad-daqs tal-karta bilanċjali, il-livell ta’ fondi proprji, il-grad ta’ riskju tal-iskoperturi u l-mudell kummerċjali kumplessiv tal-istituzzjoni, l-imsemmija dispożizzjoni ma fihiex preċiżazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni fil-prattika ta’ dan it-tqabbil.

81      L-istess japplika għat-tieni u t-tielet sottoindikatur tar-riskju previsti fl-Artikolu 6(6)(a)(ii) u (iii) tar-Regolament Delegat 2015/63.

82      Fir-rigward, barra minn hekk, tad-determinazzjoni tal-indikatur tar-riskju tas-SPI, mill-Artikolu 6(7) tar-Regolament Delegat 2015/63 jirriżulta li s-SRB għandu jqis l-adegwatezza tal-ammont ta’ fondi disponibbli mingħajr dewmien imqabbel ma’ dak tal-fondi meħtieġa “biex jippermett[u] għajnuna kredibbli u effettiva għal[l-istituzzjoni kkonċernata]” u l-grad ta’ ċertezza legali jew kuntrattwali li dawn il-fondi “se jintużaw b’mod sħiħ qabel ma tkun tista’ tintalab kwalunkwe għajnuna pubblika straordinarja”.

83      Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jsegwi li s-SRB għandu marġni ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmija dispożizzjoni, li huma marbuta mal-adegwatezza tal-fondi disponibbli mis-SPI kkonċernata mal-fondi meħtieġa għall-finanzjament tal-istituzzjoni inkwistjoni u l-grad ta’ ċertezza legali jew kuntrattwali fir-rigward ta’ dawn il-fondi.

84      L-istess jgħodd għall-ponderazzjoni tal-indikaturi tar-riskju differenti taħt il-pilastru tar-riskju IV, prevista fl-Artikolu 7(4) tar-Regolament Delegat 2015/63.

85      Fil-fatt, għalkemm l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Delegat 2015/63 jindika b’mod ċar il-ponderazzjoni relattiva tat-tliet indikaturi tar-riskju li jiffurmaw il-pilastru tar-riskju IV u li jissemmew fil-punt 73 iktar ’il fuq, minn din id-dispożizzjoni ma joħroġx il-mod kif għandha titwettaq il-ponderazzjoni tas-sottoindikaturi tar-riskju differenti fl-ewwel żewġ indikaturi tar-riskju. B’mod partikolari, l-imsemmija dispożizzjoni ma tispeċifikax jekk tali ponderazzjoni għandhiex tiġi allokata fost tali sottoindikaturi tar-riskju b’mod proporzjonat. Għalhekk, l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Delegat 2015/63 jagħti setgħa ta’ evalwazzjoni lis-SRB sabiex jiddetermina l-ponderazzjoni tas-sottoindikaturi tar-riskju differenti li jikkostitwixxu dawn l-indikaturi tar-riskju li għandhom jitqiesu, f’konformità mal-Artikolu 6(5) sa (7) tar-Regolament Delegat 2015/63.

86      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 6(5) sa (7) u l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Delegat 2015/63 jistgħux jiġu kkunsidrati, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 67 iktar ’il fuq, bħala dispożizzjonijiet li jiddefinixxu b’ċarezza suffiċjenti l-portata u l-modalitajiet tal-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni mogħtija lis-SRB, b’kont meħud tal-għan leġittimu inkwistjoni, b’tali mod li jipprovdu protezzjoni adegwata kontra l-arbitrarjetà u jippermettu lill-partijiet ineħħu b’ċertezza suffiċjenti kwalunkwe dubju dwar il-portata jew it-tifsira ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

87      Meta dispożizzjoni tagħti lill-istituzzjonijiet jew lill-korpi tal-Unjoni s-setgħa li jimponu oneri finanzjarji, għandu jiġi ddeterminat fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha jekk din tiddefinixxix b’ċarezza suffiċjenti l-portata u l-modalitajiet tal-eżerċizzju ta’ tali setgħa, b’tali mod li l-partijiet ikunu jistgħu jantiċipaw iċ-ċirkustanzi li fihom jiġi impost tali oneru (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑157/21, EU:C:2022:98, punti 319 sa 321).

88      B’mod partikolari, għandu jiġi evalwat jekk operatur informat tajjeb jistax, jekk meħtieġ billi juża s-servizzi ta’ konsulenza legali u ekonomika, jipprevedi b’mod preċiż biżżejjed il-metodu ta’ kalkolu u d-daqs ta’ tali oneri imposti, filwaqt li jkun mifhum li l-fatt li dan l-operatur ma jistax, minn qabel, ikun jaf b’mod preċiż il-livell tal-imsemmija oneri imposti li l-istituzzjoni jew il-korp tal-Unjoni jkunu ser jimponu f’kull każ ma jistax jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tas‑17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il‑Kummissjoni, C‑413/08 P, EU:C:2010:346, punt 95, u tat‑18 ta’ Lulju 2013, Schindler Holding et vs Il‑Kummissjoni, C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89      F’dan ir-rigward, b’mod partikolari, għandu jiġi evalwat jekk l-istituzzjoni jew il-korp tal-Unjoni humiex iggwidati fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħhom minn ċerti indikazzjonijiet oġġettivi li jippermettu lill-partijiet jantiċipaw b’mod preċiż biżżejjed il-metodu ta’ kalkolu u d-daqs tal-oneri li ser jiġu imposti. Dawn l-indikazzjonijiet jinkludu, b’mod partikolari, ir-regoli tal-imġiba li l-istituzzjoni jew il-korp tal-Unjoni jkunu imponew fuqhom stess f’dan il-qasam u li jillimitaw is-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il‑Kummissjoni, C‑413/08 P, EU:C:2010:346, punt 95). Madankollu, dawn l-indikazzjonijiet jistgħu jirriżultaw ukoll mill-prattika amministrattiva kostanti, magħrufa u aċċessibbli ta’ din l-istituzzjoni jew ta’ dan l-korp (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2012, Ecka Granulate u non ferrum Metallpulver vs Il‑Kummissjoni, T‑400/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:675, punt 31).

90      Bl-istess mod, definizzjoni ċara fir-regolamenti applikabbli tar-riżultat li għandu jinkiseb tista’ tikkostitwixxi indikazzjoni rilevanti għall-partijiet li tagħmilha possibbli li jiġi antiċipat il-mod li bih istituzzjoni jew korp tal-Unjoni se jeżerċitaw is-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38, C‑477/14, EU:C:2016:324, punt 100). Dan huwa iktar u iktar il-każ jekk il-metodu jew il-proċess speċifiku biex jinkiseb dan ir-riżultat huwa preskritt mir-regolamenti inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38, C‑477/14, EU:C:2016:324, punt 101).

91      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li leġiżlazzjoni applikabbli tipprevedi r-riżultat li għandu jinkiseb, li skontu r-riżorsi finanzjarji disponibbli fis-SRF għandhom jilħqu l-livell fil-mira finali fi tmiem il-perijodu inizjali ta’ tmien snin mill‑1 ta’ Jannar 2016 (iktar ’il quddiem il-“perijodu inizjali”), kif ukoll metodu biex jintlaħaq dan ir-riżultat, li jnaqqas l-impatt tas-setgħa ta’ evalwazzjoni eżerċitata mis-SRB fid-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet ex ante. Minn naħa, l-ammont tal-kontribuzzjoni ex ante ta’ kull istituzzjoni jiddependi fuq l-ammont tal-livell fil-mira annwali li jiġi ddeterminat mis-SRB abbażi tal-istima tiegħu tal-ammont li jikkorrispondi, fil‑31 ta’ Diċembru 2023, għal tal-inqas 1 % tad-depożiti koperti fl-Istati Membri parteċipanti kollha, skont l-Artikolu 69(1) u (2) tar-Regolament Nru 806/2014.

92      Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-punt 12 iktar ’il fuq, il-kontribuzzjoni ex ante ta’ kull istituzzjoni hija ddeterminata, b’mod partikolari, abbażi tal-kontribuzzjoni annwali bażika li hija kkalkolata mill-ammonti tal-passivi netti tal-istituzzjonijiet ikkonċernati. Madankollu, is-SRB ma jeżerċita l-ebda setgħa ta’ evalwazzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ dawn l-ammonti. Barra minn hekk, l-istituzzjoni kkonċernata taf bl-ammont ta’ dawn il-passivi netti tagħha u jista’ jkollha aċċess għall-ammont totali tal-passivi netti ta’ istituzzjonijiet oħra, mingħajr ma tista’ titlob, minħabba l-protezzjoni tas-sigriet kummerċjali, li jkollha aċċess għal data individwali kunfidenzjali ta’ istituzzjonijiet oħra sabiex tivverifika l-kalkolu tal-isemmija ammonti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punti 114 sa 125).

93      It-tieni, il-kontribuzzjoni annwali bażika hija aġġustata skont il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni kkonċernata, u huwa mifhum li, skont l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Delegat 2015/63, il-multiplikatur tal-aġġustament huwa bejn 0.8 u 1.5.

94      Dan l-aġġustament huwa kkalkolat abbażi tal-valutazzjoni tal-erba’ pilastri tar-riskju previsti fl-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat 2015/63. Issa, kif ġie rrilevat fil-punt 62 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma pproduċiet l-ebda prova lill-Qorti Ġenerali biex turi n-nuqqas ta’ ċarezza tal-ewwel tliet pilastri tar-riskju, li jiddeterminaw 80 % tal-profil tar-riskju ta’ kull istituzzjoni, skont l-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament delegat.

95      Bl-istess mod, ir-rikorrenti ma kkontestatx in-nuqqas ta’ ċarezza tal-indikatur tar-riskju “[d]aqs ta’ għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja preċedenti”, li huwa parti mill-pilastru tar-riskju IV u li, skont il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Delegat 2015/63, għandu ponderazzjoni ta’ 10 % f’dan il-pilastru.

96      Minn dan isegwi li l-indikaturi tar-riskju li n-nuqqas ta’ ċarezza tagħhom huwa kkontestat mir-rikorrenti u li għalihom is-SRB jeżerċita ċertu setgħa ta’ evalwazzjoni jinfluwenzaw il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni biss sa punt li jammonta għal inqas minn 20 %. Barra minn hekk, l-impatt ta’ dawn l-indikaturi fuq l-ammont finali tal-kontribuzzjoni ex ante jkompli jitnaqqas mill-fatt li s-SRB ma teżerċita l-ebda setgħa ta’ evalwazzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tal-kontribuzzjoni annwali bażika u li l-aġġustament ta’ din il-kontribuzzjoni għar-riskju ta’ istituzzjoni huwa inkwadrat b’mod ċar f’medda ddefinita minn qabel ta’ bejn 0.8 u 1.5, kif tfakkar fil-punt 93 iktar ’il fuq.

97      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-portata u l-modi kif tiġi eżerċitata s-setgħa ta’ evalwazzjoni mogħtija lis-SRB mill-Artikolu 6(5) sa (7) u l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Delegat 2015/63 ma jistgħux jitqiesu li ma humiex inkwadrati jew iddefiniti b’mod ċar biżżejjed, fir-rigward tal-għan leġittimu inkwistjoni, u għalhekk ma jistgħux jitqiesu li ma jipprovdux protezzjoni adegwata kontra l-arbitrarjetà.

98      Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li r-rikorrenti hija operatur informat tajjeb li jista’, fejn meħtieġ permezz tas-servizzi ta’ konsulenza legali u ekonomika, jipprevedi b’mod preċiż biżżejjed il-metodu ta’ kalkolu u d-daqs tal-kontribuzzjoni ex ante tiegħu.

99      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tar-rikorrenti li l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Delegat 2015/63 jiksru l-prinċipju ta’ ċertezza legali fuq il-bażi li s-SRB eżerċita s-setgħa ta’ evalwazzjoni mogħtija minn dawn id-dispożizzjonijiet permezz ta’ deċiżjonijiet intermedji li ma kinux ġew ippubblikati jew magħmula disponibbli b’xi mod ieħor.

100    Tabilħaqq, l-adozzjoni jew in-nuqqas ta’ aċċessibbiltà possibbli ta’ tali deċiżjonijiet hija attribwibbli lis-SRB u ma hijiex prevista mill-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Delegat 2015/63.

101    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma wrietx li l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Delegat 2015/63 kisru l-prinċipju ta’ ċertezza legali.

102    Konsegwentement, l-ewwel ilment tat-tieni parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda.

2)      Fuq ittieni lment, ibbażat fuq li lKummissjoni setgħet stabbilixxiet metodu alternattiv għallkalkolu talkontribuzzjonijiet ex ante

103    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni setgħet stabbilixxiet metodu għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante li jqis biss id-data tal-istituzzjoni kkonċernata, sabiex ma jkunx meħtieġ li tintuża data kunfidenzjali ta’ istituzzjonijiet oħra. Tali metodu ta’ kalkolu kien ikun jippermetti lir-rikorrenti tifhem aħjar il-portata tal-obbligi tagħha u għalhekk ma jkunx f’kunflitt mal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

104    Is-SRB jikkontesta dan l-argument.

105    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ setgħa delegata skont it-tifsira tal-Artikolu 290 TFUE, il-Kummissjoni għandha, fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilha, setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa meta tintalab, b’mod partikolari, twettaq valutazzjonijiet u evalwazzjonijiet kumplessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il‑Kummissjoni, C‑44/16 P, EU:C:2017:357, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

106    Dan huwa l-każ fir-rigward tal-istabbiliment ta’ kriterji għall-aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-profil tar-riskju skont l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59.

107    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li n-natura speċifika ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet tikkonsisti, kif jirriżulta mill-premessi 105 sa 107 tad-Direttiva 2014/59 u mill-premessa 41 tar-Regolament Nru 806/2014, fl-iżgurar, f’loġika relatata mal-iżgurar, li s-settur finanzjarju jipprovdi riżorsi finanzjarji suffiċjenti għas-SRM biex dan iwettaq il-funzjonijiet tiegħu, filwaqt li tiġi inċentivata l-adozzjoni, mill-istituzzjonijiet ikkonċernati, ta’ modi ta’ operat inqas riskjużi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 113).

108    F’dan il-kuntest, u kif jirriżulta mill-premessa 114 tad-Direttiva 2014/59, il-leġiżlatur tal-Unjoni inkariga lill-Kummissjoni tippreċiża, permezz ta’ att delegat, il-mod kif għandhom jiġu aġġustati l-kontribuzzjonijiet tal-istituzzjonijiet għall-arranġamenti ta’ finanzjament għar-riżoluzzjoni fi proporzjoni tal-profil tar-riskju tagħhom.

109    Bl-istess mod, il-premessa 107 ta’ din id-direttiva tippreċiża li, sabiex jiġi żgurat kalkolu ġust tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament nazzjonali u tiġi inċentivata l-adozzjoni ta’ modi ta’ operat inqas riskjużi, dawn il-kontribuzzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq ir-riskju tal-kreditu, tal-likwidità u tas-suq li jieħdu l-istituzzjonijiet.

110    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni kellha tiżviluppa regoli għall-aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet billi ssegwi żewġ għanijiet relatati, jiġifieri, minn naħa, li tiżgura li jitqiesu r-riskji differenti li jinvolvu l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, bankarji jew b’mod iktar wiesa’ finanzjarji, u, min-naħa l-oħra, li dawn l-istess istituzzjonijiet jiġu inċentivati biex isegwu modi ta’ operat inqas riskjużi.

111    Issa, kif jirriżulta mid-dokumenti relatati mal-adozzjoni tar-Regolament Delegat 2015/63, b’mod partikolari d-dokumenti “JRC technical work supporting Commission second level legislation on risk based contributions to the (single) resolution fund” (Studju tekniku tal-JRC li jappoġġja l-leġiżlazzjoni tat-tieni livell tal-Kummissjoni dwar il-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq ir-riskju għall-Fond (Uniku) ta’ Riżoluzzjoni, iktar ’il quddiem l-“istudju tekniku tal-JRC”), u “Commission Staff Working Document: estimates of the application of the proposed methodology for the calculation of contributions to resolution financing arrangements” (Dokument ta’ Ħidma tad-Dipartimenti tal-Kummissjoni: stimi tal-applikazzjoni tal-metodoloġija proposta għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni), l-iżvilupp ta’ dawn ir-regoli kien jinvolvi valutazzjonijiet u evalwazzjonijiet kumplessi min-naħa tal-Kummissjoni sal-punt li din kellha teżamina l-elementi differenti li fid-dawl tagħhom id-diversi tipi ta’ riskju kienu mifhuma fis-settur bankarju u dak finanzjarju.

112    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fir-rigward tal-metodu ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet annwali bażiċi skont l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għall-eżami ta’ jekk l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni huwiex ivvizzjat minn żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poter jew jekk qabiżx b’mod ċar il-limiti ta’ din is-setgħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2011, Etimine, C‑15/10, EU:C:2011:504, punt 60).

113    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, minn naħa waħda, li r-rikorrenti ma tispjegax kif is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni setgħet stabbilixxiet metodu alternattiv għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante minn dak stabbilit fir-Regolament Delegat 2015/63 għandu l-konsegwenza li dan ir-regolament delegat huwa vvizzjat minn tali żball manifest jew użu ħażin ta’ poter, li jmur b’mod ċar lil hinn mil-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni jew li jikser ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, kif imfakkra fil-punt 64 iktar ’il fuq.

114    Min-naħa l-oħra, huwa minnu li, fin-nuqqas ta’ data relatata ma’ istituzzjonijiet oħra, li hija suġġetta għas-sigriet kummerċjali u li għalhekk ma tistax tiġi mgħoddija lir-rikorrenti, din tal-aħħar ma tistax tikkalkola minn qabel l-ammont eżatt tal-kontribuzzjonijiet ex ante li għalihom hija responsabbli.

115    Madankollu, kif ġie rrilevat fil-punt 41 iktar ’il fuq, il-prinċipju stess tal-metodu tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, kif jirriżulta mid-Direttiva 2014/59 u mir-Regolament Nru 806/2014, li l-validità tagħhom ma ġietx ikkontestata, jimplika l-użu, mis-SRB ta’ data koperta mis-sigriet kummerċjali.

116    F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni setgħet adottat metodu alternattiv għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante ma jikkostitwixxix ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

117    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

3)      Fuq ittielet ilment, ibbażat fuq ksur talArtikolu 12 tarRegolament 2016/1011

118    Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Delegat 2015/63 ma jissodisfawx ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 12(1)(b) tar-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (ĠU 2016, L 171, p. 1). Skont din id-dispożizzjoni, sabiex jiġi ddeterminat parametru referenzjarju fil-qasam tar-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji, huwa meħtieġ li tintuża metodoloġija li “[j]kollha regoli ċari li jidentifikaw kif u meta tista’ tiġi eżerċitata d-diskrezzjoni fid-determinazzjoni ta’ dak il-parametru referenzjarju”.

119    Is-SRB jikkontesta dan l-argument.

120    Għandu jiġi rrilevat li r-Regolament 2016/1011 huwa relatat, kif diġà jirriżulta mit-titolu tiegħu, mal-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fil-kuntest ta’ strumenti u kuntratti finanzjarji jew għall-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment.

121    Għaldaqstant, ir-Regolament 2016/1011 ma huwiex maħsub biex japplika għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet ex ante. Konsegwentement, ir-rikorrenti ma tistax issostni li r-Regolament Delegat 2015/63 ma huwiex kompatibbli mar-rekwiżiti ta’ trasparenza u preċiżjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 12 tal-imsemmi regolament.

122    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

c)      Konklużjoni dwar irraba’ motiv

123    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

2.      Fuq ilħames motiv, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tattieni subparagrafu talArtikolu 7(4) tarRegolament Delegat 2015/63, peress li jikser diversi regoli superjuri

124    Il-ħames motiv huwa fformulat f’erba’ partijiet.

a)      Fuq lewwel parti, dwar linkompatibbiltà tattieni subparagrafu talArtikolu 7(4) tarRegolament Delegat 2015/63 malArtikolu 103(7)(h) tadDirettiva 2014/59 u malArtikolu 113(7) tarRegolament Nru 575/2013

125    Ir-rikorrenti ssostni li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Delegat 2015/63 huwa inkompatibbli mal-Artikolu 103(7)(h) tad-Direttiva 2014/59 u mal-Artikolu 113(7) tar-Regolament Nru 575/2013 sa fejn jipprevedi ponderazzjoni relatata mal-indikatur tar-riskju tas-SPI li jiddistingwi bejn l-istituzzjonijiet li jappartjenu għall-istess SPI, peress li, meta japplika din il-ponderazzjoni, is-SRB għandu jqis il-ponderazzjoni relatata mal-indikatur tar-riskju “attivitajiet ta’ negozjar u skoperturi barra l-karta bilanċjali, derivattivi, kumplessità u riżolvibbiltà”.

126    B’mod partikolari, l-effett ta’ protezzjoni ta’ SPI jeżisti, skont l-Artikolu 113(7) tar-Regolament Nru 575/2013, b’mod estiż u ugwali għall-istituzzjonijiet membri kollha ta’ din is-sistema. Barra minn hekk, hemm garanzija li l-fondi tas-SPI ser jintużaw fl-intier tagħhom qabel ma jkun jista’ jintalab appoġġ finanzjarju eċċezzjonali minn riżorsi pubbliċi, skont l-Artikolu 113(7)(b) tar-Regolament Nru 575/2013.

127    F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-differenzjazzjoni bejn istituzzjonijiet li jappartjenu għall-istess SPI fuq il-bażi tal-indikatur tar-riskju “[a]ttivitajiet ta’ negozjar u skoperturi barra l-karta bilanċjali, derivattivi, kumplessità u riżolvibbiltà”, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Delegat 2015/63, tmur kontra t-trattament omoġenju u koerenti tal-membri kollha ta’ SPI partikolari impost mill-Artikolu 103(7)(h) tad-Direttiva 2014/59 u l-Artikolu 113(7) tar-Regolament Nru 575/2013.

128    Is-SRB u l-Kummissjoni jikkontestaw dan l-argument.

129    Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Delegat 2015/63, meta s-SRB japplika l-indikatur tar-riskju tas-SPI, dan għandu jqis il-ponderazzjoni relattiva tal-indikatur tar-riskju “[a]ttivitajiet ta’ negozjar u skoperturi barra l-karta bilanċjali, derivattivi, kumplessità u riżolvibbiltà”.

130    Minn dan isegwi li, meta jkun hemm iktar minn istituzzjoni waħda fl-istess SPI, l-istituzzjonijiet li jiġu assenjati ponderazzjoni aħjar relatata l-indikatur tar-riskju “[a]ttivitajiet ta’ negozjar u skoperturi barra l-karta bilanċjali, derivattivi, kumplessità u riżolvibbiltà” meta mqabbla ma’ membri oħra ta’ dik is-SPI jistgħu jiġu allokati ponderazzjoni iktar favorevoli fl-indikatur tar-riskju tas-SPI meta mqabbla ma’ dawk il-membri l-oħra.

131    F’dan il-kuntest, mill-Artikolu 103(7)(h) tad-Direttiva 2014/59 jirriżulta li l-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati biex tispeċifika l-kunċett ta’ “aġġustament tal-kontribuzzjonijiet [annwali bażiċi] fi proporzjon tal-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet”, “filwaqt li tqis” il-fatt li l-istituzzjoni tappartjeni għal SPI.

132    Issa, xejn fl-Artikolu 103(7)(h) tad-Direttiva 2014/59 jew fil-kumplament ta’ dan l-artikolu ma jispeċifika kif il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni din is-sħubija f’SPI. Għalhekk, ma huwiex previst li l-Kummissjoni għandha talloka l-istess ponderazzjoni lill-istituzzjonijiet kollha li huma parti mill-istess SPI.

133    Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 107 sa 111 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni għandha setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa fir-rigward tal-metodu tal-aġġustament tal-kontribuzzjonijiet annwali bażiċi skont l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59, inkluż l-istabbiliment tal-kriterju dwar is-sħubija tal-istituzzjonijiet f’SPI. Konsegwentement, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għal eżami ta’ jekk l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni huwiex ivvizzjat minn żball manifest jew użu ħażin ta’ poter jew saħansitra jekk il-Kummissjoni qabżitx manifestament il-limiti ta’ din is-setgħa.

134    F’dan ir-rigward, qabelxejn, is-SRB u l-Kummissjoni spjegaw, mingħajr ma ġew kontradetti dwar dan il-punt, li l-membri ta’ SPI, bħal dik li għaliha tappartjeni r-rikorrenti, ma kellhomx id-dritt mingħajr kundizzjoni li jirċievu minn tali SPI għajnuna li tkopri l-impenji kollha tagħhom, iżda li s-SPI kellha ċertu marġni ta’ evalwazzjoni biex tiddeċiedi jekk għandhiex tappoġġja lil wieħed mill-membri tagħha jew le.

135    Sussegwentement, is-SRB u l-Kummissjoni indikaw li l-falliment ta’ istituzzjoni b’karta bilanċjali kbira u kumplessa jista’ jeżawrixxi kompletament il-fondi ta’ tali SPI. Issa, ir-rikorrenti ma pproduċiet l-ebda evidenza biex tikkontesta din l-allegazzjoni.

136    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma pproduċiet l-ebda evidenza konkreta lill-Qorti Ġenerali li għandha l-għan li tqajjem dubju dwar il-fatt li l-indikatur tar-riskju “[a]ttivitajiet ta’ negozjar u skoperturi barra l-karta bilanċjali, derivattivi, kumplessità u riżolvibbiltà” jippermetti li jiġi evalwat jekk istituzzjoni għandhiex karta bilanċjali kbira u kumplessa.

137    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma wrietx li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Delegat 2015/63 ġie vvizzjat bi żball manifest jew użu ħażin ta’ poter jew li dan qabeż manifestament il-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikolu 103(7)(h) tad-Direttiva 2014/59.

138    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ illegalità bbażata fuq l-inkompatibbiltà tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Delegat 2015/63 mal-Artikolu 113(7) tar-Regolament Nru 575/2013, għandu jiġi kkonstatat, qabelxejn, li din l-aħħar dispożizzjoni tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tas-SPI għal skopijiet prudenzjali, u mhux il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante.

139    Ċertament, skont il-punt 8 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59, is-SRB jista’ jqis biss SPI li jkunu ġew approvati skont l-Artikolu 113(7) tar-Regolament Nru 575/2013. Madankollu, xejn fil-formulazzjoni tal-Artikolu 113(7) ta’ dan ir-regolament ma jipprojbixxi d-differenzjazzjoni bejn istituzzjonijiet li huma membri tal-istess SPI għall-fini tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante.

140    Barra minn hekk, għalkemm l-Artikolu 113(7)(b) tar-Regolament Nru 575/2013 jipprevedi li, sabiex tiġi rikonoxxuta għal skopijiet prudenzjali, is-SPI għandha tkun tista’ tipprovdi l-appoġġ meħtieġ lill-membri tagħha, f’konformità mal-obbligi tagħha, minn fondi aċċessibbli faċilment, din id-dispożizzjoni ma tasalx sal-punt li teħtieġ li SPI jkollha riżorsi suffiċjenti biex tevita r-riżoluzzjoni tal-membri kollha tagħha, inklużi l-istituzzjonijiet kbar kollha.

141    Din il-konklużjoni ma hijiex irrevokata mill-Artikolu 5 tal-Linja Gwida (UE) 2016/1994 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) tal‑4 ta’ Novembru 2016 dwar l-approċċ għar-rikonoxximent ta’ [SPI] għal skopijiet prudenzjali mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti bis-saħħa tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 (ĠU 2016, L 306, p. 37), li ġie invokat mir-rikorrenti. Din id-dispożizzjoni, li fiha linji gwida għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 113(7)(b) tar-Regolament Nru 575/2013, lanqas ma tipprevedi li SPI għandu jkollha riżorsi suffiċjenti biex tevita r-riżoluzzjoni tal-membri kollha tagħha.

142    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda.

b)      Fuq ittieni parti, dwar linkompatibbiltà tattieni subparagrafu talArtikolu 7(4) tarRegolament Delegat 2015/63 mal“prinċipju talkalkolu talkontribuzzjonijiet aġġustati għarriskju” u lprinċipju ta’ ugwaljanza fittrattament

143    It-tieni parti tal-ħames motiv hija bbażata, essenzjalment, fuq żewġ ilmenti.

1)      Fuq lewwel ilment, ibbażat fuq ksur tal“prinċipju talkalkolu talkontribuzzjonijiet aġġustati għarriskju”

144    Ir-rikorrenti ssostni li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Delegat 2015/63 jikser il-“prinċipju tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet aġġustati għar-riskju” li jirriżulta mill-prinċipju tal-proporzjonalità sanċit fl-Artikoli 16, 17 u 52 tal-Karta, l-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 u l-Artikolu 103(2) u (7) tad-Direttiva 2014/59.

145    Fid-dawl ta’ dan il-prinċipju, il-mod li bih l-indikatur tar-riskju “[a]ttivitajiet ta’ negozjar u skoperturi barra l-karta bilanċjali, derivattivi, kumplessità u riżolvibbiltà” jirrifletti r-riskju ta’ riżoluzzjoni tar-rikorrenti skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(5) tar-Regolament Delegat 2015/63 ma jidhirx b’mod ċar u preċiż.

146    Barra minn hekk, ma hemmx rabta oġġettiva suffiċjenti bejn l-indikatur tar-riskju “[a]ttivitajiet ta’ negozjar u skoperturi barra l-karta bilanċjali, derivattivi, kumplessità u riżolvibbiltà”, li jinsab fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Delegat 2015/63, u dak tas-sħubija f’SPI, previst fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tal-istess regolament delegat, biex tiġġustifika ponderazzjoni relatata mal-indikatur tar-riskju tal-aħħar.

147    Fl-aħħar, billi jikkorrelata dawn iż-żewġ indikaturi tar-riskju, ir-Regolament Delegat 2015/63 jintroduċi għadd doppju tal-ewwel indikatur tar-riskju, li kien diġà tqies fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante skont l-Artikolu 6(5)(a) tal-imsemmi regolament delegat.

148    Is-SRB u l-Kummissjoni jikkontestaw dan l-argument.

149    Mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi eżaminat jekk id-Direttiva 2014/59 jew xi regola oħra tad-dritt tal-Unjoni tistabbilixxix “prinċipju tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet aġġustati għar-riskju”, l-ewwel ilment tat-tieni parti tal-ħames motiv tar-rikorrenti għandu jinftiehem fis-sens li jsostni, essenzjalment, li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Delegat 2015/63 huwa vvizzjat minn żball manifest ta’ evalwazzjoni, peress li jipprevjeni lis-SRB milli jaġġusta, b’mod xieraq, il-kontribuzzjonijiet annwali bażiċi għar-riskju reali tal-istituzzjonijiet.

150    F’dan ir-rigward, qabelxejn mill-punti 107 sa 111 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni tgawdi minn marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 103(7)(h) tad-Direttiva 2014/59.

151    Sussegwentement, ir-rikorrenti ma pproduċiet l-ebda prova konkreta lill-Qorti Ġenerali li tikkontesta l-affermazzjoni tas-SRB li l-indikatur tar-riskju “[a]ttivitajiet ta’ negozjar u skoperturi barra l-karta bilanċjali, derivattivi, kumplessità u riżolvibbiltà” kien jikkostitwixxi kriterju oġġettiv li għamilha possibbli, fil-kuntest tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Delegat 2015/63, li tiġi vvalutata l-probabbiltà li istituzzjoni titlob appoġġ mingħand SPI li din tal-aħħar ma tkunx tista’ tipprovdi, tant li din l-istituzzjoni tkun f’riskju li tkun is-suġġett ta' riżoluzzjoni. Għalhekk, xejn ma jindika li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Delegat 2015/63 ma jippermettix li l-kontribuzzjoni ex ante tiġi aġġustata għar-riskju reali tal-istituzzjoni kkonċernata.

152    Fl-aħħar, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-metodu previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Delegat 2015/63 ma jirriżultax f’għadd doppju tal-indikatur tar-riskju “[a]ttivitajiet ta’ negozjar u skoperturi barra l-karta bilanċjali, derivattivi, kumplessità u riżolvibbiltà”.

153    Fil-fatt, minn naħa, l-indikatur tar-riskju “[a]ttivitajiet ta’ negozjar u skoperturi barra l-karta bilanċjali, derivattivi, kumplessità u riżolvibbiltà” japplika, skont l-Artikolu 6(5)(a) tar-Regolament Delegat 2015/63, għall-istituzzjonijiet kollha li l-kontribuzzjoni ex ante tagħhom tiġi aġġustata għall-profil tar-riskju tagħhom. Min-naħa l-oħra, għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(4) ta’ dan ir-regolament delegat, l-imsemmi indikatur tar-riskju japplika biss għal dawk l-istituzzjonijiet li jappartjenu għal SPI. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 6(6) tar-Regolament Delegat 2015/63, l-indikatur tar-riskju “[a]ttivitajiet ta’ negozjar u skoperturi barra l-karta bilanċjali, derivattivi, kumplessità u riżolvibbiltà” huwa maħsub biex jivvaluta r-riskji tal-istituzzjoni inkwistjoni, b’mod partikolari minħabba l-assi li żżomm fuq il-karta bilanċjali tagħha, il-mudell kummerċjali tagħha u l-istruttura organizzattiva tagħha. Min-naħa l-oħra, meta dan l-indikatur tar-riskju jiġi applikat fil-kuntest tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(4) ta’ dan ir-regolament delegat, jintuża biex tiġi ddeterminata l-ponderazzjoni tal-indikatur tar-riskju tas-SPI u għandu l-għan li jivvaluta r-riskji li istituzzjoni li tappartjeni għal SPI tippreżenta għall-kapaċità tal-imsemmija SPI li tintervjeni b’appoġġ għall-membri tagħha. Fil-fatt, kif jirriżulta wkoll mill-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-punti 163 u 164 iktar ’il quddiem, ir-riskji vvalutati bl-applikazzjoni tal-imsemmi indikatur tar-riskju jistgħu jvarjaw minn istituzzjoni għal oħra u jistgħu wkoll ikunu tant għoljin li SPI tista’ ma tkunx kapaċi tassorbi dawn ir-riskji f’każ ta’ falliment ta’ istituzzjoni membru.

154    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Delegat 2015/63 ma huwiex ivvizzjat minn żball manifest ta’ evalwazzjoni meta jipprevedi li l-indikatur tar-riskju “[a]ttivitajiet ta’ negozjar u skoperturi barra l-karta bilanċjali, derivattivi, kumplessità u riżolvibbiltà” għandu jitqies bħala parti mill-kuntest tad-determinazzjoni tal-indikatur tar-riskju tas-SPI.

155    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda.

2)      Fuq ittieni lment,, ibbażat fuq ksur talprinċipju ta’ ugwaljanza fittrattament

156    Ir-rikorrenti ssostni li huwa proprju fin-natura ta’ SPI li tipproteġi lill-membri kollha tagħha, irrispettivament mis-sitwazzjoni ta’ riskju konkreta tagħhom, b’tali mod li l-ebda istituzzjoni ma tista’ individwalment tiġi suġġetta għal riżoluzzjoni sakemm is-SPI teżisti u twettaq il-funzjoni tagħha. Is-sħubija f’SPI għalhekk hija ċirkustanza li tagħmel l-istituzzjonijiet kollha kkonċernati komparabbli.

157    Issa, billi jippermetti distinzjonijiet bejn dawn l-istituzzjonijiet, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Delegat 2015/63 jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kif sanċit fl-Artikolu 20 tal-Karta. Fil-fatt, ma hemm l-ebda kriterju oġġettiv li jista’ jiġġustifika din id-differenza fit-trattament. Il-kriterju previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(5) tar-Regolament Delegat 2015/63, jiġifieri l-“probabbiltà li l-istituzzjoni kkonċernata tidħol f’riżoluzzjoni”, ma għandux rabta oġġettiva mal-kriterju effettivament applikat mill-Artikolu 7(4) ta’ dan ir-regolament delegat għall-ponderazzjoni tal-indikatur tar-riskju tas-SPI, jiġifieri l-indikatur tar-riskju “[a]ttivitajiet ta’ negozjar u skoperturi barra l-karta bilanċjali, derivattivi, kumplessità u riżolvibbiltà”.

158    Is-SRB u l-Kummissjoni jikkontestaw dan l-argument.

159    L-Artikolu 20 tal-Karta jistipula l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, ħlief jekk tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat (sentenza tat‑3 ta’ Frar 2021, Fussl Modestraße Mayr, C‑555/19, EU:C:2021:89, punt 95).

160    F’dan ir-rigward, qabelxejn, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk istituzzjoni li tappartjeni għal SPI, bħar-rikorrenti, hijiex f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik tal-istituzzjonijiet l-oħra li jappartjenu għall-istess SPI.

161    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, in-natura paragunabbli ta’ sitwazzjonijiet differenti għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom. Dawn l-elementi għandhom, b’mod partikolari, jiġu ddeterminati u evalwati fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tal-att li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li taħtu jaqa’ dan l-att (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Frar 2021, Fussl Modestraße Mayr, C‑555/19, EU:C:2021:89, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).

162    Fir-rigward tal-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li taħtu jaqa’ r-Regolament Delegat 2015/63, għandu jitfakkar li n-natura speċifika tal-kontribuzzjonijiet ex ante tikkonsisti, kif jirriżulta mill-premessi 105 sa 107 tad-Direttiva 2014/59 u mill-premessa 41 tar-Regolament Nru 806/2014, f’li jiġi ggarantit, f’loġika bbażata fuq l-assigurazzjoni, li s-settur finanzjarju jipprovdi riżorsi finanzjarji suffiċjenti lis-SRM biex dan iwettaq il-funzjonijiet tiegħu, filwaqt li tinkoraġġixxi l-adozzjoni, mill-istituzzjonijiet ikkonċernati, ta’ modi ta’ operat inqas riskjużi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 113).

163    Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji u l-għanijiet, għandu jiġi rrilevat li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, mhux l-istituzzjonijiet kollha li jappartjenu għal SPI huma, neċessarjament u unikament minħabba din is-sħubija, f’sitwazzjoni komparabbli. Fil-fatt, kif osserva s-SRB, mingħajr ma ġie kontradett mir-rikorrenti, il-membri ta’ SPI, bħal dik li għaliha tappartjeni r-rikorrenti, ma għandhomx id-dritt inkondizzjonat li jirċievu għajnuna mingħand is-SPI li tkopri l-impenji kollha tagħhom, billi s-SPI għandha ċertu marġni ta’ evalwazzjoni biex tiddeċiedi jekk hijiex ser tgħin lil membru.

164    Sussegwentement, is-SRB u l-Kummissjoni indikaw li l-falliment ta’ istituzzjoni b’karta bilanċjali kbira u kumplessa jista’ jeżawrixxi kompletament il-fondi ta’ SPI, għall-kuntrarju tal-falliment ta’ istituzzjonijiet b’karti bilanċjali iżgħar u iktar sempliċi. Issa, ir-rikorrenti lanqas ma pproduċiet evidenza biex tikkontesta din l-allegazzjoni.

165    Fl-aħħar, kif jirriżulta mill-punt 151 iktar ’il fuq, l-indikatur tar-riskju “[a]ttivitajiet ta’ negozjar u skoperturi barra l-karta bilanċjali, derivattivi, kumplessità u riżolvibbiltà” huwa kriterju oġġettiv biex jiġi evalwat liema istituzzjonijiet li jappartjenu għal SPI huma f’riskju li jitolbu lil din tal-aħħar tagħtihom appoġġ li ma tistax tagħtih. Dan l-indikatur għalhekk jikkostitwixxi kriterju oġġettiv għall-valutazzjoni ta’ liema istituzzjonijiet jinsabu, fir-rigward ta’ tali riskju, f’sitwazzjoni komparabbli. Dan huwa iktar u iktar minnu peress li l-imsemmi kriterju juri li huwa konsistenti ma’ wieħed mill-għanijiet ewlenin tas-SRM, jiġifieri li l-istituzzjonijiet jiġu inċentivati jadottaw modi ta’ operat inqas riskjużi.

166    Għalhekk, it-tieni lment tat-tieni parti tal-ħames motiv għandu jiġi miċħud, peress li r-rikorrenti ma hijiex fondata meta ssostni li l-istituzzjonijiet kollha tal-istess SPI jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli.

c)      Fuq ittielet parti, dwar linkompatibbiltà tattieni subparagrafu talArtikolu 7(4) tarRegolament Delegat 2015/63 malprinċipju ta’ ċertezza legali

167    Ir-rikorrenti ssostni li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Delegat 2015/63 ma jissodisfax ir-rekwiżiti imposti mill-prinċipju ta’ ċertezza legali. B’mod partikolari, din id-dispożizzjoni ma tispjegax b’mod ċar kif is-SRB għandu jqis il-“piż relattiv tal-indikatur (‘Attivitajiet ta’ negozjar u skoperturi barra l-karta bilanċjali, derivattivi, kumplessità u riżolvibbiltà’)”. Ir-regola hija tant indeterminata li s-SRB seta’ jikklassifika l-istituzzjonijiet b’mod ugwali f’żewġ bins jew f’iktar minn tliet bins.

168    Barra minn hekk, l-imsemmija dispożizzjoni tagħti lis-SRB il-libertà li jagħżel il-fatturi li jidhirlu li huma xierqa biex jalloka l-istituzzjonijiet f’bins differenti, b’tali mod li ma tistax tiġi eskluża mġiba arbitrarja.

169    Is-SRB u l-Kummissjoni jikkontestaw dan l-argument.

170    Minn naħa, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Delegat 2015/63 jirriżulta b’mod ċar biżżejjed li, fil-kuntest tal-indikatur tar-riskju tas-SPI, is-SRB huwa meħtieġ jalloka lill-istituzzjonijiet għal bins billi japplika ponderazzjoni li tqis is-sottoindikaturi tar-riskju li jagħmlu l-indikatur tar-riskju “[a]ttivitajiet ta’ negozjar u skoperturi barra l-karta bilanċjali, derivattivi, kumplessità u riżolvibbiltà”.

171    Min-naħa l-oħra, huwa minnu li ġie rrilevat fil-punti 68 sa 85 iktar ’il fuq li l-Artikoli 6(6) u 7(4) tar-Regolament Delegat 2015/63 taw setgħa ta’ evalwazzjoni lis-SRB fir-rigward tad-determinazzjoni tal-indikatur tar-riskju “[a]ttivitajiet ta’ negozjar u skoperturi barra l-karta bilanċjali, derivattivi, kumplessità u riżolvibbiltà” u l-ponderazzjoni tal-indikatur tar-riskju tas-SPI.

172    Madankollu, kif ġie kkonstatat fil-punti 86 sa 97 iktar ’il fuq, mir-Regolament Delegat 2015/63 jirriżulta li l-portata u l-modalitajiet tal-eżerċizzju ta’ din is-setgħa ta’ evalwazzjoni huma definiti b’mod suffiċjentement ċar, b’mod li l-istituzzjonijiet jistgħu jipprevedu b’mod preċiż biżżejjed il-metodu għad-determinazzjoni tal-indikatur tar-riskju “[a]ttivitajiet ta’ negozjar u skoperturi barra l-karta bilanċjali, derivattivi, kumplessità u riżolvibbiltà”.

173    Għaldaqstant, it-tielet parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda.

d)      Fuq irraba’ parti, dwar linkompatibbiltà tattieni subparagrafu talArtikolu 7(4) tarRegolament Delegat 2015/63 malprinċipju ta’ kunsiderazzjoni sħiħa tal-fatti

174    Ir-rikorrenti ssostni li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Delegat 2015/63 jikser il-prinċipju ta’ kunsiderazzjoni sħiħa tal-fatti. Fil-fatt, il-probabbiltà li istituzzjoni li hija membru ta’ SPI tkun is-suġġett ta’ riżoluzzjoni ma tistax tiġi ddeterminata biss fuq il-bażi tal-indikatur tar-riskju “[a]ttivitajiet ta’ negozjar u skoperturi barra l-karta bilanċjali, derivattivi, kumplessità u riżolvibbiltà”. Fatturi essenzjali oħra li jiddeterminaw il-profil tar-riskju fir-rigward tal-probabbiltà ta’ riżoluzzjoni għandhom jiġu kkunsidrati wkoll.

175    Is-SRB u l-Kummissjoni jikkontestaw dan l-argument.

176    Meta r-rikorrenti tinvoka l-ksur ta’ “prinċipju ta’ kunsiderazzjoni sħiħa tal-fatti”, dan l-ilment għandu jinftiehem bħala riferiment għall-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, kif sanċit fl-Artikolu 41 tal-Karta, li jimponi fuq l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni l-obbligu li jeżaminaw bir-reqqa u b’mod imparzjali l-elementi rilevanti kollha tal-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 14, u tat‑23 ta’ Settembru 2009, L‑Estonja vs Il‑Kummissjoni, T‑263/07, EU:T:2009:351, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).

177    F’dan ir-rigward, madankollu, ir-rikorrenti sempliċement issostni li l-Kummissjoni injorat, meta adottat l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Delegat 2015/63, ċerti “fatturi essenzjali” li jistgħu jaffettwaw il-probabbiltà ta’ riżoluzzjoni ta’ istituzzjoni affiljata ma’ SPI, mingħajr ma tispeċifika liema huma dawn il-fatturi u għaliex il-Kummissjoni kienet meħtieġa tqishom.

178    Għaldaqstant, ir-raba’ parti tal-ħames motiv għandha tiġi miċħuda.

e)      Konklużjoni dwar ilħames motiv

179    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

3.      Fuq isseba’ motiv, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità talArtikoli 6, 7 u 9 u talAnness I tarRegolament Delegat 2015/63, peress li jiksru diversi regoli superjuri

180    Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikoli 6, 7 u 9 u l-Anness I tar-Regolament Delegat 2015/63 jiksru l-“prinċipju tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet aġġustati għar-riskju” kif ukoll l-Artikoli 16 u 20 tal-Karta, il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-“prinċipju ta’ kunsiderazzjoni sħiħa tal-fatti”, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jiddefinixxu l-pilastri u l-indikaturi tar-riskju, kif ukoll il-proċedura u l-formuli applikabbli għall-kombinazzjoni tagħhom, abbażi ta’ “immaġni idealizzata li ma tikkorrispondix għall-esperjenza reali u s-sitwazzjoni ta’ veru tal-istituzzjonijiet kollha [li għandhom iħallsu kontribuzzjonijiet ex ante aġġustati għar-riskju tagħhom]”.

181    Fil-fatt, il-ponderazzjoni tal-indikaturi tar-riskju u l-implimentazzjoni tagħhom fl-Anness I tar-Regolament Delegat 2015/63 iwasslu għall-kostituzzjoni ta’ bins u l-assenjazzjoni ta’ istituzzjonijiet differenti għal dawn il-bins li jirriżultaw f’piż oġġettivament mhux iġġustifikat, sproporzjonat u diskriminatorju għal istituzzjonijiet bħar-rikorrenti.

182    B’mod partikolari, kif jirriżulta mill-Anness II tad-Deċiżjoni kkontestata, l-applikazzjoni tal-Anness I, taħt l-intestatura “Pass 2”, tar-Regolament Delegat 2015/63 twassal biex tinħoloq firxa eċċessivament wiesgħa ta’ valuri għall-ewwel u l-aħħar bin. Pereżempju, fir-rigward tal-indikatur tar-riskju “assi ponderati skont ir-riskju tas-suq, diviżi bl-assi totali” – li huwa parti mill-pilastru tar-riskju IV – għall-parti tal-kontribuzzjoni ex ante kkalkolata fuq il-bażi tal-Unjoni, ir-rikorrenti, bil-valur tagħha ta’ [kunfidenzjali] (1)%, taqa’ fil-bin [kunfidenzjali], [kunfidenzjali], u titqiegħed fuq l-istess livell ma’ istituzzjoni li għandha valur [kunfidenzjali] darbiet ogħla, jiġifieri [kunfidenzjali] %, jew [kunfidenzjali]. L-istess jgħodd għall-parti ta’ dan l-indikatur tar-riskju kkalkolata fuq bażi nazzjonali kif ukoll għal indikaturi tar-riskju oħra, bħall-indikatur “skopertura għal derivattivi, diviża bil-fondi proprji bażċi fil-grad 1”.

183    Barra minn hekk, mill-Anness II tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll li, fir-rigward ta’ sitta mid-disa’ indikaturi tar-riskju tal-pilastru tar-riskju IV msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(5) tar-Regolament Delegat 2015/63, diversi bins ma mtlewx, filwaqt li l-ewwel bins f’kull każ jinkludu għadd kbir ħafna ta’ istituzzjonijiet, li ma huwiex konformi mal-formulazzjoni tal-Anness I ta’ dan ir-regolament delegat li tgħid li s-SRB għandu jassenja l-istess numru ta’ istituzzjonijiet għal kull bin. Dan juri li l-Kummissjoni ħolqot leġiżlazzjoni li l-applikazzjoni tagħha tagħti riżultati inkonsistenti li ma jirriflettux il-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet suġġetti għal kontribuzzjonijiet ex ante.

184    Is-SRB u l-Kummissjoni jikkontestaw dan l-argument.

185    L-ewwel nett, għandha tiġi eżaminata l-kompatibbiltà tal-Anness I, taħt l-intestatura “Pass 2”, tar-Regolament Delegat 2015/63 mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kif sanċit fl-Artikolu 20 tal-Karta.

186    Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 159 iktar ’il fuq, huwa meħtieġ, qabelxejn, li jiġi evalwat jekk dawn l-istituzzjonijiet humiex f’sitwazzjoni paragunabbli.

187    Skont l-Anness I, taħt l-intestatura “Pass 2”, tar-Regolament Delegat 2015/63, huwa s-SRB li għandu jikkalkola, bħala l-ewwel pass, għadd ta’ bins sabiex iqabbel l-istituzzjonijiet fir-rigward tal-indikaturi u s-sottoindikaturi tar-riskju differenti. Fit-tieni pass, huwa s-SRB li għandu jassenja, fil-prinċipju, l-istess numru ta’ istituzzjonijiet lil kull bin, billi jibda billi jassenja lill-ewwel bin l-istituzzjonijiet li għalihom il-valuri tal-indikatur gross huma l-iktar baxxi. Fit-tielet pass, huwa s-SRB li għandu jassenja lill-istituzzjonijiet kollha inklużi f’bin partikolari l-istess punteġġ, imsejjaħ “indikatur diskretizzat”, li jrid jitqies għall-bqija tal-kalkolu tal-multiplikatur tal-aġġustament tagħhom.

188    Ma huwiex eskluż li l-applikazzjoni ta’ dan il-metodu, imsejjaħ “tal-binning” (raggruppament), kif introdott mill-Anness I, taħt l-intestatura “Pass 2”, tar-Regolament Delegat 2015/63, tista’ twassal, fil-prattika, għal sitwazzjonijiet fejn istituzzjonijiet b’valuri għal indikatur tar-riskju partikolari li huma qrib dawk tal-istituzzjonijiet assenjati għall-bin preċedenti jiġu madankollu assenjati għall-bin li jmiss, li jkun fih istituzzjonijiet b’valuri għall-istess indikatur tar-riskju li xi kultant jistgħu jkunu kunsiderevolment ogħla. Din il-konsegwenza ssegwi mill-applikazzjoni tar-regola prevista fl-Anness I, taħt l-intestatura “Pass 2”, punt 3, tar-Regolament Delegat 2015/63, li skontha s-SRB jassenja, fil-prinċipju, l-istess numru ta’ istituzzjonijiet lil kull bin.

189    Sabiex jiġi eżaminat jekk l-istituzzjonijiet assenjati għall-istess bin, iżda li għandhom valuri kunsiderevolment differenti minn xulxin għall-istess indikatur tar-riskju, humiex f’sitwazzjoni paragunabbli, huwa meħtieġ li jitqiesu, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 161 u 162 iktar ’il fuq, l-għanijiet tas-SRM u, b’mod partikolari, dak li l-istituzzjonijiet jiġu inċentivati jadottaw modi ta’ operat inqas riskjużi.

190    Għandu jiġi kkonstatat li, peress li wieħed mill-għanijiet ewlenin tas-SRM huwa li l-istituzzjonijiet ikkonċernati jiġu inċentivati biex ifittxu modi ta’ operat inqas riskjużi, l-istituzzjonijiet assenjati għall-istess bin iżda li għandhom valuri kunsiderevolment differenti għall-istess indikatur tar-riskju, ma humiex f’sitwazzjonijiet paragunabbli, peress li għandhom karatteristiċi differenti f’termini tal-grad ta’ riskju mkejjel minn dan l-indikatur.

191    Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 187 iktar ’il fuq, dawn l-istituzzjonijiet huma ttrattati b’mod ugwali, peress li huma assenjati għall-istess bin relatat mal-imsemmi indikatur tar-riskju u, għalhekk, huma assenjati l-istess indikatur diskretizzat, li s-SRB għandu jqis għall-kalkolu tal-multiplikatur tal-aġġustament.

192    Madankollu, meta persuni f’sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod ugwali, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jinkisirx jekk dan it-trattament ikun debitament iġġustifikat (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, RPO, C‑390/15, EU:C:2017:174, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

193    Dan huwa l-każ meta dan it-trattament ikun relatat ma’ għan legalment ammissibbli mfittex mill-miżura li għandha l-effett li tistabbilixxi l-imsemmi trattament u meta hija tkun proporzjonata ma’ dan l-għan (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, RPO, C‑390/15, EU:C:2017:174, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

194    F' dan ir-rigward, il-Qorti rrikonoxxiet il-leġittimità tal-għan li jikkonsisti, għal istituzzjoni tal-Unjoni, fl-istabbiliment ta’ regoli ġenerali li jistgħu jiġu applikati u kkontrollati faċilment mill-awtoritajiet kompetenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Frar 2015, Sopora, C‑512/13, EU:C:2015:108, punt 33, u tas‑7 ta’ Marzu 2017, RPO, C‑390/15, EU:C:2017:174, punt 60).

195    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Delegat 2015/63 huwa konformi ma’ dan l-għan.

196    Fil-fatt, ir-Regolament Delegat 2015/63 ippreveda metodu ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet billi qabbel il-profili tar-riskju tagħhom fuq il-bażi ta’ valuri li dawn l-istituzzjonijiet jiksbu għal sensiela ta’ indikaturi tar-riskju.

197    Il-metodu ta’ binning, kif deskritt fil-punt 187 iktar ’il fuq, jippermetti lis-SRB jiġġestixxi b’mod effettiv għadd kbir ta’ data li għandu jqis biex jagħmel it-tqabbil imsemmi fil-punt 196 iktar ’il fuq, filwaqt li jevita, sa fejn ikun possibbli, li l-preżenza tal-hekk imsejħa valuri estremi, jiġifieri li jkollhom devjazzjoni kbira mill-medja, twassal għal tqabbil żnaturat.

198    Fil-fatt, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-istudju tekniku tal-JRC, relatat mar-Regolament Delegat 2015/63, wieħed mill-għanijiet tal-binning huwa li jiġi previst metodu sempliċi għat-tqabbil tal-għadd kbir ta’ data ddikjarata mill-istituzzjonijiet li l-kontribuzzjoni ex ante tagħhom hija aġġustata għall-profil tar-riskju tagħhom. Barra minn hekk, dan il-metodu jevita li l-istituzzjonijiet b’valuri partikolarment negattivi għal ċerti indikaturi tar-riskju milli madankollu jirċievu punteġġ li jindika profil ta’ riskju baxx għal dan l-indikatur, peress li hemm xi istituzzjonijiet b’valuri estremi.

199    Sussegwentement, fir-rigward tal-proporzjonalità tal-metodu ta’ binning fir-rigward tal-għan imfittex mir-regolament inkwistjoni, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punti 107 sa 111 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tgawdi minn marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59.

200    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u f’konformità mal-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punti 80, 81 u 91; tat‑30 ta’ Novembru 2022, Trasta Komercbanka et vs BĊE, T‑698/16, mhux ippubblikata, appellata, EU:T:2022:737, punti 221 u 222 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑21 ta’ Diċembru 2022, Firearms United Network et vs Il‑Kummissjoni, T‑187/21, mhux ippubblikata, appellata, EU:T:2022:848, punti 122 u 123 u l-ġurisprudenza ċċitata), l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali tal-konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandu jkun limitat għall-eżami ta’ jekk il-metodu ta’ binning huwiex manifestament mhux xieraq fid-dawl tal-għan li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tfittex, jekk imurx manifestament lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dan l-għan jew jekk iwassalx għal żvantaġġi manifestament sproporzjonati fid-dawl tal-għan imfittex.

201    Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk il-metodu ta’ binning jilħaqx l-għan segwit, kif speċifikat fil-punti 197 u 198 iktar ’il fuq, għandu jiġi osservat li dan il-metodu huwa metodu statistiku rikonoxxut, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-istudju tekniku tal-JRC. Bl-istess mod, l-imsemmi metodu juża kriterji oġġettivi għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet ex ante, jiġifieri, b’mod partikolari, formula matematika prevista fl-Anness I, taħt l-intestatura “Pass 2”, punt 2, tar-Regolament Delegat 2015/63.

202    Barra minn hekk, il-metodu ta’ binning jagħmilha faċli li titqabbel id-data minn għadd kbir ta’ istituzzjonijiet u li jiġu kkalkolati l-kontribuzzjonijiet ex ante tagħhom b’mod effiċjenti u oġġettiv.

203    F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan il-metodu jagħmilha possibbli li jintlaħaq l-għan li jiġi stabbilit metodu sempliċi u faċilment kontrollabbli għat-tqabbil ta’ għadd kbir ta’data għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante.

204    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma turix li l-metodu ta’ binning jaqbeż manifestament il-limiti ta’ dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-għan imfittex. B’mod partikolari, ma wrietx li metodu ieħor ta’ tqabbil tal-profili tar-riskju tal-istituzzjonijiet manifestament kien ikollu inqas żvantaġġi għall-istituzzjonijiet minn dak tal-binning, filwaqt li jagħmilha possibbli li jintlaħaq, b’mod ugwalment effettiv, l-imsemmi għan.

205    Fl-aħħar, huwa minnu li, kif ġie rrilevat fil-punt 188 iktar ’il fuq, dan il-metodu statistiku jista’ jkollu l-konsegwenza, fil-prattika, li, f’xi każijiet, istituzzjonijiet b’valuri kunsiderevolment differenti jistgħu madankollu jsibu ruħhom fl-istess bin, kif jirriżulta mill-Anness II tad-Deċiżjoni kkontestata. Madankollu, ċirkustanza bħal din ma tistax titqies bħala żvantaġġ manifestament sproporzjonat fid-dawl tal-għan imfittex mir-regolamenti inkwistjoni.

206    Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante jista’ jsir biss fil-firxa ta’ koeffiċjent bejn 0.8 u 1.5, skont l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Delegat 2015/63. Il-kontribuzzjoni annwali bażika għalhekk tibqa’ l-element predominanti għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjoni ex ante fir-rigward tal-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet.

207    It-tieni, kif jirriżulta mill-istudju empiriku mwettaq qabel l-adozzjoni tar-Regolament Delegat 2015/63, li r-riżultati tiegħu ġew miġbura fil-qosor fl-istudju tekniku tal-JRC, il-fenomenu statistiku identifikat fil-punti 188 u 205 huwa llimitat fis-sens li għandu t-tendenza li jseħħ prinċipalment fl-aħħar bins, u mhux fil-maġġoranza vasta tal-bins.

208    It-tielet, jibqa’ kostanti li l-istituzzjonijiet fl-aħħar bins għandhom valuri ogħla għall-indikatur tar-riskju rilevanti mill-istituzzjonijiet assenjati għal bins iktar baxxi.

209    Ir-raba’, il-metodu ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante għar-riskju jqis għadd kbir ta’ indikaturi tar-riskju, kif jirriżulta mill-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat 2015/63. Istituzzjoni għalhekk tiġi assenjata, b’kollox, għal numru kbir ta’ bins skont il-valuri tagħha u dawk ta’ istituzzjonijiet oħra għal kull indikatur tar-riskju.

210    Issa, kif jirriżulta mill-istudju tekniku tal-JRC imsemmi fil-punt 207 iktar ’il fuq, l-istituzzjonijiet għandhom it-tendenza li jsibu ruħhom f’bins differenti għal indikaturi tar-riskju differenti. Konsegwentement, jekk istituzzjoni tkun fl-aħħar bin għal indikatur tar-riskju partikolari, u għalhekk titqiegħed fuq l-istess livell ma’ istituzzjonijiet b’valuri kunsiderevolment ogħla, dan ikun differenti, bħala regola ġenerali, għal indikaturi tar-riskju oħra, li jippermettu paragun kumplessiv tal-istituzzjonijiet ikkonċernati.

211    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma wrietx li l-Artikolu 20 tal-Karta u l-prinċipju ta’ proporzjonalità jipprekludu l-użu tal-metodu ta’ binning.

212    Barra minn hekk, il-fenomenu deskritt fil-punti 209 u 210 iktar ’il fuq huwa muri mill-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tar-rikorrenti għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021, kif muri mill-iskeda forma individwali tagħha. Fil-fatt, fir-rigward tal-parti tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha kkalkolata fuq il-bażi tal-Unjoni, ir-rikorrenti tinsab fil-bin [kunfidenzjali] għal [kunfidenzjali]. Min-naħa l-oħra, għall-ebda wieħed mill-indikaturi tar-riskju li jiffurmaw parti mill-pilastri tar-riskju [kunfidenzjali], ir-rikorrenti tinsab fil-bin [kunfidenzjali], jiġifieri [kunfidenzjali].

213    Is-sitwazzjoni hija simili wkoll għall-parti tal-kontribuzzjoni ex ante tar-rikorrenti li ġiet ikkalkolata fuq bażi nazzjonali. Mill-iskeda individwali tagħha jidher li r-rikorrenti tinsab fil-bin [kunfidenzjali] għal [kunfidenzjali]. Min-naħa l-oħra, hija ma tinsabx fil-bin [kunfidenzjali] għall-ebda wieħed mill-indikaturi tar-riskju li jiffurmaw il-pilastri tar-riskju [kunfidenzjali].

214    Fir-rigward, it-tieni nett, l-ilment ibbażat fuq il-ksur ta’ “prinċipju tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet aġġustati għar-riskju”, ma huwiex meħtieġ li tiġi deċiża l-kwistjoni dwar jekk jeżistix tali prinċipju fid-dritt tal-Unjoni. Dan l-ilment jista’ jinftiehem fis-sens li r-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni, fil-prattika, talli wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta pprevediet il-metodu ta’ tqassim f’bins, peress li dan tal-aħħar jipprevjeni lis-SRB milli jaġġusta, b’mod xieraq, il-kontribuzzjonijiet annwali bażiċi għall-profil tar-riskju reali tal-istituzzjonijiet.

215    Issa, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 201 sa 211 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma tistax tiddikjara li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta introduċiet il-metodu ta’ binning.

216    Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-kompatibbiltà tal-metodu ta’ binning mal-Artikolu 16 tal-Karta u l-prinċipju ta’ kunsiderazzjoni sħiħa tal-fatti, ir-rikorrenti ma tiżviluppa l-ebda argument awtonomu u mmirat dwar il-ksur ta’ dan l-artikolu u dan il-prinċipju, u tillimita ruħha għall-invokazzjoni tal-ksur tagħhom.

217    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex rikors ikun ammissibbli, huwa meħtieġ li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw, tal-inqas b’mod sommarju, iżda koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors innifsu, sabiex jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Għalhekk, kwalunkwe motiv li ma huwiex artikolat biżżejjed fir-rikors promotur għandu jitqies inammissibbli. Rekwiżiti simili huma meħtieġa meta jiġi invokat ilment insostenn ta’ motiv. Din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-ordni pubbliku għandha titqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni (ara s-sentenzi tat‑30 ta’ Ġunju 2021, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑265/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:392, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑7 ta’ Lulju 2021, Bateni vs Il‑Kunsill, T‑455/17, EU:T:2021:411, punt 135 u l-ġurisprudenza ċċitata).

218    L-ilmenti msemmija fil-punt 216 ma jissodisfawx dawn ir-rekwiżiti, u għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

219    Fl-aħħar lok, fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti ma tiżviluppa l-ebda argument awtonomu u ffokat dwar l-allegata illegalità tal-Artikoli 6, 7 u 9 tar-Regolament Delegat 2015/63 jew ta’ partijiet oħra tal-Anness I ta’ dan ir-regolament delegat għajr dak taħt l-intestatura “Pass 2”, li jmur lil hinn mill-argument eżaminat hawn fuq.

220    Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ illegalità li tikkonċerna dawn l-aħħar dispożizzjonijiet għandha tiġi miċħuda.

221    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, is-seba’ motiv għandu jiġi miċħud.

4.      Fuq lgħaxar motiv, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità talewwel u ttieni sentenza talArtikolu 20(1) tarRegolament Delegat 2015/63, peress li jiksru lArtikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59 u tal“prinċipju talkalkolu talkontribuzzjonijiet aġġustati għarriskju”

222    Ir-rikorrenti tqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità tal-ewwel u t-tieni sentenza tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Delegat 2015/63 għar-raġuni li, sa fejn din id-dispożizzjoni tippermetti lis-SRB li ma japplikax, għal perijodu indeterminat, fil-kuntest tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, indikatur tar-riskju wieħed jew iktar jekk id-data għal dawn l-indikaturi ma tkunx disponibbli, il-Kummissjoni ma rrispettatx l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59, li kien jeżiġi li din tqis l-elementi kollha previsti minn din id-dispożizzjoni fl-adozzjoni tar-Regolament Delegat 2015/63.

223    B’mod iktar speċifiku, l-ewwel u t-tieni sentenza tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Delegat 2015/63 għandhom l-effett li, għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021, is-SRB ma qiesx, fil-kuntest tal-pilastru tar-riskju “skopertura għar-riskju”, l-indikatur tar-riskju “[f]ondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli miżmuma mill-istituzzjoni f’eċċess ta[r-rekwiżit minimu għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli (MREL)]”, fil-kuntest tal-pilastru tar-riskju tal-“[i]stabbiltà u l-varjetà ta’ sorsi ta’ finanzjament”, l-indikatur tar-riskju “Proporzjon ta’ Finanzjament Stabbli Nett” u, fil-kuntest tal-pilastru tar-riskju IV, l-indikaturi tar-riskju “kumplessità” u “riżolvibbiltà”.

224    Għall-istess raġunijiet, l-ewwel u t-tieni sentenza tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Delegat 2015/63 jiksru wkoll il-“prinċipju tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet aġġustati għar-riskju”.

225    Is-SRB u l-Kummissjoni jikkontestaw dan l-argument.

226    Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat, minn naħa, li, fil-kuntest tal-għaxar motiv, ir-rikorrenti tillimita ruħha sabiex tqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Delegat 2015/63.

227    Min-naħa l-oħra, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi eżaminat jekk id-Direttiva 2014/59 jew xi regola oħra tad-dritt tal-Unjoni tistabbilixxix “prinċipju tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet aġġustati għar-riskju”, l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq il-ksur ta’ dan il-prinċipju għandha tinftiehem fis-sens li ssostni, essenzjalment, li l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Delegat 2015/63 huwa vvizzjat minn żball manifest ta’ evalwazzjoni, peress li din id-dispożizzjoni timpedixxi lis-SRB milli jaġġusta, b’mod xieraq, il-kontribuzzjonijiet annwali bażiċi għar-riskju reali tal-istituzzjonijiet.

228    B’dan stabbilit, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Delegat 2015/63, intitolat “Dispożizzjonijiet tranżizzjonali ġenerali”, indikatur tar-riskju ma japplikax sakemm l-informazzjoni meħtieġa taħt indikatur tar-riskju speċifiku msemmi fl-Anness II ta’ dan ir-regolament delegat ma tifformax parti mir-rekwiżiti ta’ rapportar prudenzjali msemmija fl-Artikolu 14 tal-imsemmi regolament delegat, jiġifieri r-rekwiżiti ta’ rapportar prudenzjali stabbiliti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni Nru 680/2014 tas‑16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni fir-rigward tar-rapportar prudenzjali li għandu jiġi pprovdut mill-istituzzjonijiet, f’konformità mar-Regolament Nru 575/2013 (ĠU 2014, L 191, p. 1), jew, fejn applikabbli, fil-livell tal-Istati Membri.

229    Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li r-Regolament Delegat 2015/63 ġie adottat abbażi tal-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59, li jobbliga lill-Kummissjoni tqis l-elementi kollha elenkati taħt il-punti (a) sa (h) ta’ din id-dispożizzjoni għall-finijiet li jiġi ppreċiżat il-kunċett ta’ “aġġustament tal-kontribuzzjonijiet fi proporzjon mal-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet”.

230    Minkejja dan, l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Delegat 2015/63 jagħti s-setgħa lis-SRB, fuq bażi tranżizzjonali, li ma japplikax uħud minn dawn l-elementi, li huma riflessi fl-indikaturi tar-riskju previsti f’dan ir-regolament delegat.

231    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, filwaqt li l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59 jirrikjedi li l-Kummissjoni “tqis” l-elementi kollha elenkati fl-Artikolu 103(7)(a) sa (h) tad-Direttiva 2014/59, din id-dispożizzjoni ma tispeċifikax kif għandha tqishom. Għal dan il-għan u kif tfakkar fil-punti 107 sa 111 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni għandha marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

232    Issa, tali marġni ta’ evalwazzjoni jista’ jimplika, fejn xieraq, il-ħtieġa li jiġu previsti perijodi tranżitorji fir-rigward tal-applikazzjoni tal-elementi elenkati fl-Artikolu 103(7)(a) sa (h) tad-Direttiva 2014/59, b’mod partikolari minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà tad-data meħtieġa għall-kalkolu tal-indikaturi tar-riskju bbażati fuq dawn l-elementi.

233    L-Artikolu 20(1) tar-Regolament Delegat 2015/63 jintroduċi tali perijodu tranżitorju peress li ma jawtorizzax lis-SRB li ma japplikax uħud mill-imsemmija elementi għal żmien indefinit, iżda biss fuq bażi tranżitorja, kif jirriżulta mit-titolu tal-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament delegat, kif ukoll mill-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-paragrafu 1 tiegħu.

234    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, bħalma jagħmlu s-SRB u l-Kummissjoni, li l-ġustifikazzjoni għall-perijodu tranżitorju previst minn din id-dispożizzjoni hija marbuta mill-qrib man-natura progressiva tal-proċess tal-istabbiliment ta’ rekwiżiti prudenzjali u r-rekwiżiti ta’ informazzjoni korrispondenti. Fil-fatt, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessa 6 tad-Direttiva 2014/59, ir-Regolament Delegat 2015/63 ġie adottat f’mument meta dawn ir-rekwiżiti kienu għadhom ma ġewx adottati b’mod definittiv jew kienu għadhom suġġetti għal aġġustamenti. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma kkontestatx b’mod serju l-affermazzjoni tas-SRB li l-awtoritajiet kompetenti kienu ser jiddeterminaw progressivament uħud mir-rekwiżiti msemmija li, min-naħa tagħhom, jinfluwenzaw id-data li kellha tkun disponibbli biex jiġu kkalkolati l-indikaturi tar-riskju previsti fir-Regolament Delegat 2015/63. Minn dan isegwi li tali data meħtieġa għall-kalkolu ta’ wħud minn dawn l-indikaturi tar-riskju tista’ ma tkunx disponibbli għall-istituzzjonijiet kollha kkonċernati jew, tal-inqas, għall-istituzzjonijiet kollha li għandhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom fi Stat Membru, għal tal-inqas parti mill-perijodu inizjali, filwaqt li jiġi ppreċiżat li tali data ma tistax tiġi ddikjarata bħala informazzjoni prudenzjali skont id-dritt tal-Unjoni jew, fejn applikabbli, dak nazzjonali.

235    F’dan il-kuntest, l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Delegat 2015/63 għandu l-għan li jevita li oneri sproporzjonati jew diskriminatorji jiġu imposti, skont il-każ, fuq l-istituzzjonijiet meta jikkalkolaw il-kontribuzzjonijiet ex ante preċiżament minħabba din l-implimentazzjoni gradwali tar-rekwiżiti prudenzjali u r-rekwiżiti ta’ rapportar relatati. Fil-fatt, dan il-kalkolu jinvolvi eżerċizzju ta’ tqabbil. F’dan ir-rigward, is-SRB spjega, essenzjalment, mingħajr ma ġie kontradett fuq dan il-punt, li, jekk id-data essenzjali għall-kalkolu ta’ ċerti indikaturi tar-riskju ma tkunx ġiet iddikjarata bħala informazzjoni prudenzjali mill-istituzzjonijiet kollha jew, tal-inqas, mill-istituzzjonijiet kollha li jkollhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom fi Stat Membru, is-SRB ikun obbligat li jqis data relatata ma’ tali indikaturi li ma hijiex paragunabbli.

236    Fl-aħħar, huwa minnu li l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 20(1) tar-Regolament Delegat 2015/63 tista’ twassal għal sitwazzjoni fejn ċerti indikaturi tar-riskju previsti fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament delegat jibqgħu ma japplikawx matul il-perijodu inizjali. Madankollu, minn naħa, konsegwenza bħal din hija r-riżultat tan-natura progressiva tal-implimentazzjoni tar-rekwiżiti prudenzjali, kif ġie rrilevat fil-punt 234 iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 806/2014, l-imsemmija indikaturi tar-riskju huma maħsuba li japplikaw ukoll lil hinn mill-perijodu inizjali.

237    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u b’kont meħud tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 231 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma wrietx li l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Delegat 2015/63 huwa vvizzjat minn żball manifest ta’ evalwazzjoni jew użu ħażin ta’ poter jew saħansitra li dan manifestament imut lil hinn mil-limiti tas-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59.

238    Għaldaqstant, l-għaxar motiv għandu jiġi miċħud.

B.      Fuq ilmotivi dwar lillegalità tadDeċiżjoni kkontestata

1.      Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq ksur talArtikolu 81(1) tarRegolament Nru 806/2014, moqri flimkien malArtikolu 3 tarRegolament Nru 1

239    Mill-proċess jidher li l-avviż għall-ħlas tal‑21 ta’ April 2021 mill-BaFin kien akkumpanjat mill-verżjoni bl-Ingliż tad-Deċiżjoni kkontestata, inklużi l-annessi tagħha, u t-traduzzjoni libera tagħha għall-Ġermaniż. Skont l-avviż għall-ħlas, il-verżjoni bl-Ingliż biss tad-Deċiżjoni kkontestata hija awtentika.

240    Ir-rikorrenti tallega li d-Deċiżjoni kkontestata tmur kontra l-Artikolu 81(1) tar-Regolament Nru 806/2014, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1, billi tispeċifika li l-verżjoni Ingliża biss hija awtentika, filwaqt li kienet espressament għażlet il-Ġermaniż bħala l-lingwa uffiċjali li għandha tiġi applikata matul il-proċedura amministrattiva. Peress li r-rikorrenti ma rrinunzjatx b’mod espliċitu d-dritt tagħha li tikkomunika mas-SRB bil-Ġermaniż, il-fatt li s-SRB abbozza wkoll verżjoni mhux uffiċjali tad-Deċiżjoni kkontestata bil-Ġermaniż ma jistax jikkoreġi dan id-difett, speċjalment peress li din tal-aħħar fiha differenzi sinjifikattivi meta mqabbla mad-Deċiżjoni kkontestata fil-verżjoni Ingliża.

241    Is-SRB jikkontesta dan l-argument.

242    Skont l-Artikolu 81(1) tar-Regolament Nru 806/2014, ir-Regolament Nru 1 japplika għas-SRB.

243    Mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1 jirriżulta li t-testi indirizzati mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni lil Stat Membru jew lil persuna taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru għandhom jiġu abbozzati fil-lingwa ta’ dak l-Istat.

244    Madankollu, bis-saħħa tal-Artikolu 81(4) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB jista’ jiftiehem mal-ANR dwar il-lingwa li biha għandhom jitfasslu d-dokumenti li jiġu trażmessi lilhom jew minnhom, peress li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi leġiżlazzjoni speċjali fir-rigward tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1.

245    Issa, is-SRB implimenta dan l-Artikolu 81(4) billi kkonkluda mal-ANR ftehim dwar il-modalitajiet prattiċi tal-kooperazzjoni fi ħdan is-SRM, li ġie approvat bid-Deċiżjoni SRB/PS/2018/15 tas-SRB tas‑17 ta’ Diċembru 2018, li tistabbilixxi l-qafas għall-modalitajiet prattiċi ta’ kooperazzjoni fi ħdan is-SRM bejn is-SRB u l-ANR (iktar ’il quddiem il-“Ftehim SRB-ANR”).

246    Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk id-Deċiżjoni kkontestata kinitx konformi mal-modalitajiet previsti minn dan il-ftehim.

247    Skont l-Artikolu 4(6) tal-Ftehim SRB-ANR, l-atti ġuridiċi tas-SRB indirizzati lill-ANR, bil-ħsieb li jiġu implimentati skont id-dritt nazzjonali, għandhom jiġu adottati bl-Ingliż, fejn il-verżjoni tal-imsemmija atti b’dik il-lingwa huma legalment vinkolanti.

248    F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 5(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 jirriżulta li s-SRB għandu jikkomunika d-deċiżjonijiet tiegħu dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante lill-ANR ikkonċernati.

249    Skont din id-dispożizzjoni, is-SRB speċifika, fl-Artikolu 2 tad-dispożittiv tad-Deċiżjoni kkontestata, li din tal-aħħar kienet ser tiġi kkomunikata lill-ANR Ġermaniża, fil-kapaċità tagħha bħala destinatarja, bl-istess mod bħal għall-ANR l-oħra.

250    Minn dan isegwi li d-Deċiżjoni kkontestata taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(6) tal-Ftehim SRB-ANR.

251    F’konformità mal-Artikolu 81(4) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB seta’ għalhekk jabbozza d-Deċiżjoni kkontestata bl-Ingliż. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax takkużah li kiser l-Artikolu 81(1) ta’ dan ir-regolament jew l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1.

252    Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-argument tar-rikorrenti.

253    L-ewwel nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li hija għażlet li tirċievi d-dokumenti tas-SRB matul il-fażi amministrattiva bil-Ġermaniż u, għalhekk, li s-SRB kellu jikkomunika d-Deċiżjoni kkontestata lilha b’dik il-lingwa.

254    Għalkemm jidher mill-formola prodotta fl-Anness A.10 tal-applikazzjoni li r-rikorrenti kienet għamlet din l-għażla, din l-għażla tikkonċerna biss l-iskambju ta’ dokumenti bejnha u s-SRB u ma tistax tkun dwar id-deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-kontribuzzjonijiet ex ante, billi tali deċiżjonijiet huma indirizzati mis-SRB lill-ANR.

255    Sussegwentement, l-argument tar-rikorrenti li hija direttament u individwalment ikkonċernata mid-Deċiżjoni kkontestata u għalhekk għandha d-dritt li tirċievi kopja uffiċjali bil-Ġermaniż lanqas ma jista’ jiġi milqugħ.

256    Minn naħa, dan l-argument jinjora l-formulazzjoni tal-Artikolu 81(4) tar-Regolament Nru 806/2014, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81 u l-Artikolu 4(6) tal-Ftehim SRB-ANR.

257    Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza jirriżulta li ma hemm l-ebda prinċipju ġenerali fid-dritt tal-Unjoni li jiżgura lil kull persuna d-dritt li kwalunkwe att li jista’ taffettwa l-interessi tagħha ser tiġi mfassal fil-lingwa tagħha f’kull ċirkustanza u li l-organi tal-Unjoni huma obbligati, mingħajr ebda deroga, li jużaw il-lingwi uffiċjali kollha f’kull sitwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Spanja vs Il‑Parlament, C‑377/16, EU:C:2019:249, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

258    Għalhekk, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

2.      Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq nuqqasijiet ta’ motivazzjoni

259    It-tieni motiv huwa maqsum f’seba’ partijiet.

a)      Osservazzjonijiet preliminari

260    It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 296 TFUE jipprovdi li l-atti ġuridiċi għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati. Bl-istess mod, id-dritt għal amministrazzjoni tajba, sanċit fl-Artikolu 41 tal-Karta, jipprevedi l-obbligu tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni li jagħtu r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħhom.

261    Il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni għandha importanza partikolari, peress li tippermetti lill-parti kkonċernata tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-fatti jekk għandhiex l-intenzjoni li tippreżenta rikors kontra dik id-deċiżjoni kif ukoll lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha, u għalhekk tikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet għall-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

262    Tali motivazzjoni għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih dan ikun ġie adottat. F’dan ir-rigward, ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tagħha kif ukoll fir-rigward tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat u, b’mod partikolari, skont l-interess li d-destinatarji tal-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Konsegwentement, att li jikkawża preġudizzju huwa motivat b’mod suffiċjenti meta dan ikun ġie adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li jkun jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

263    Sabiex jiġi eżaminat jekk din il-motivazzjoni hijiex biżżejjed fir-rigward ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet ex ante, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jistax jiġi dedott li l-motivazzjoni ta’ kull deċiżjoni ta’ istituzzjoni, ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni li timponi fuq operatur privat il-ħlas ta’ somma flus għandha neċessarjament tinkludi l-elementi kollha li jippermettu lid-destinatarju tagħha jivverifika l-eżattezza tal-kalkolu tal-ammont ta’ din is-somma ta’ flus (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).

264    It-tieni, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni huma, fil-prinċipju, meħtieġa, fl-applikazzjoni tal-prinċipju tal-protezzjoni tas-sigriet kummerċjali, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, inkorporat, b’mod partikolari, fl-Artikolu 339 TFUE, li ma jiżvelawx lill-kompetituri ta’ operatur privat informazzjoni kunfidenzjali pprovduta minn dan tal-aħħar (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata).

265    It-tielet, li jiġi kkunsidrat li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni tas-SRB li tistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet ex ante għandha neċessarjament tippermetti lill-istituzzjonijiet jivverifikaw l-eżattezza tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħhom jimplika, neċessarjament, li l-leġiżlatur tal-Unjoni jiġi pprojbit milli jistabbilixxi metodu ta’ kalkolu ta’ din il-kontribuzzjoni li jintegra data li n-natura kunfidenzjali tagħha hija protetta mid-dritt tal-Unjoni u, għaldaqstant, li titnaqqas b’mod eċċessiv is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li dan il-leġiżlatur għandu jkollu għal dan il-għan, billi jiġi prekluż, b’mod partikolari, milli jagħżel metodu li jista’ jiżgura adattament dinamiku tal-finanzjament tas-SRF skont l-iżviluppi tas-settur finanzjarju, permezz tat-teħid inkunsiderazzjoni komparattiv, b’mod partikolari, tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ kull istituzzjoni awtorizzata fit-territorju ta’ Stat Membru parteċipanti fis-SRF (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 118).

266    Ir-raba’, għalkemm mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandu s-SRB għandu jiġi bbilanċjat, minħabba l-loġika tas-sistema ta’ finanzjament tas-SRF u tal-metodu ta’ kalkolu stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni, mal-obbligu tas-SRF li josserva s-sigriet kummerċjali tal-istituzzjonijiet ikkonċernati, xorta jibqa’ l-fatt li dan l-aħħar obbligu ma għandux jiġi interpretat b’mod tant wiesa’ li jċaħħad lill-obbligu ta’ motivazzjoni mis-sustanza tiegħu (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 120).

267    Madankollu, fil-kuntest tal-ibbilanċjar tal-obbligu ta’ motivazzjoni mal-prinċipju ta’ protezzjoni tas-sigriet kummerċjali ma jistax jitqies li motivazzjoni għal deċiżjoni li timponi fuq operatur privat il-ħlas ta’ somma flus mingħajr ma tipprovdilu l-elementi kollha li jippermettu li jiġi vverifikat b’eżattezza l-kalkolu tal-ammont ta’ din is-somma ta’ flus neċessarjament tippreġudika, fil-każijiet kollha, is-sustanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 121).

268    Fir-rigward tad-deċiżjoni tas-SRB li tistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet ex ante, l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jitqies li ġie osservat meta d-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni, filwaqt li ma tiġix trażmessa lilhom data koperta mis-sigriet kummerċjali, ikollhom il-metodu ta’ kalkolu użat mis-SRB u informazzjoni suffiċjenti sabiex jifhmu, essenzjalment, b’liema mod is-sitwazzjoni individwali tagħhom ittieħdet inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħhom, fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-istituzzjonijiet ikkonċernati l-oħra kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 122).

269    F’każ bħal dan, dawn id-destinatarji huma, fil-fatt, f’pożizzjoni li jivverifikaw jekk il-kontribuzzjoni ex ante tagħhom ġietx stabbilita b’mod arbitrarju, billi tkun ġiet injorata r-realtà tas-sitwazzjoni ekonomika tagħhom jew billi tkun intużat data dwar il-kumplament tas-settur finanzjarju li ma tkunx plawżibbli. L-imsemmija destinatarji jistgħu, għalhekk, jifhmu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-kontribuzzjoni ex ante tagħhom għas-SRF u jevalwaw jekk jidhirx utli li titressaq azzjoni kontra din id-deċiżjoni, b’tali mod li jkun eċċessiv li s-SRB jintalab jikkomunika kull waħda miċ-ċifri li fuqhom huwa bbażat il-kalkolu tal-kontribuzzjoni ta’ kull istituzzjoni kkonċernata (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 123).

270    Minn dan isegwi li s-SRB ma huwiex, b’mod partikolari, f’pożizzjoni li jipprovdi lil istituzzjoni data li tippermettilha tivverifika, b’mod komplet, l-eżattezza tal-valur tal-multiplikatur ta’ aġġustament, peress li din il-verifika tippreżupponi li dak li jkun ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu informazzjoni koperta mis-sigriet kummerċjali dwar is-sitwazzjoni ekonomika ta’ kull waħda mill-istituzzjonijiet l-oħra kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 135).

271    Min-naħa l-oħra, huwa s-SRB li għandu jippubblika jew jibgħat lill-istituzzjonijiet ikkonċernati, f’forma kollettiva u anonimizzata, l-informazzjoni dwar dawn l-istituzzjonijiet, użata sabiex tiġi kkalkolata din il-kontribuzzjoni, sa fejn din l-informazzjoni tista’ tiġi kkomunikata mingħajr ma tippreġudika s-sigriet kummerċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 166).

272    Fost l-informazzjoni li għandha għalhekk titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-istituzzjonijiet hemm, b’mod partikolari, il-valuri limitu ta’ kull bin u dawk tal-indikaturi relatati miegħu, li abbażi tagħhom il-kontribuzzjoni ex ante tal-istituzzjonijiet ġiet aġġustata għall-profil ta’ riskju tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 167).

273    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti żviluppati fil-kuntest tat-tieni motiv.

b)      Fuq lewwel parti, dwar illingwa talverżjoni awtentika tadDeċiżjoni kkontestata

274    Ir-rikorrenti ssostni li d-Deċiżjoni kkontestata ma teżistix f’lingwa magħżula b’mod espliċitu minnha skont l-Artikolu 81(1) tar-Regolament Nru 806/2014, jiġifieri l-Ġermaniż. Barra minn hekk, hemm diskrepanzi dwar punti essenzjali bejn il-verżjoni bl-Ingliż tad-Deċiżjoni kkontestata, li hija awtentika, u t-traduzzjoni tagħha għall-Ġermaniż.

275    Is-SRB jikkontesta dan l-argument.

276    Fir-rigward, minn naħa, tal-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ eżistenza tad-Deċiżjoni kkontestata fil-lingwa magħżula mir-rikorrenti, dan l-ilment essenzjalment jikkoinċidi mal-ewwel motiv, u għalhekk jeħtieġ li jiġi miċħud għar-raġunijiet stabbiliti fil-punti 242 sa 257 iktar ’il fuq. Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-ilment ibbażat fuq id-diskrepanzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-deċiżjoni, ir-rikorrenti tidentifika biss punt wieħed minnha li fuqu l-verżjoni awtentika bl-Ingliż hija differenti mit-traduzzjoni tagħha għall-Ġermaniż, jiġifieri l-premessa 114 tagħha, relatata mal-ħolqien ta’ tliet bins li jikkonċernaw l-indikatur tar-riskju tas-SPI. Madankollu, jekk jiġi preżunt li tassew hemm din id-diverġenza lingwistika, ir-rikorrenti ma tispjegax kif din id-diverġenza kienet iċċaħħadha milli tifhem ir-raġunijiet għaliex is-SRB ħoloq tliet bins li jikkonċernaw l-indikatur tar-riskju tas-SPI.

277    Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

c)      Fuq ittieni parti, dwar ilkumplessità talmotivazzjoni talkalkolu talkontribuzzjoni ex ante

278    Ir-rikorrenti ssostni, qabelxejn, li l-ispjegazzjonijiet mogħtija mis-SRB fid-Deċiżjoni kkontestata, maqsuma f’erba’ dokumenti separati, huma eċċessivament kumplessi u opaki.

279    Sussegwentement, l-għodda ta’ kalkolu użata mis-SRB biex jikkalkola l-kontribuzzjonijiet ex ante ma hija aċċessibbli la għar-rikorrenti u lanqas għall-Qorti Ġenerali.

280    Fl-aħħar nett, in-nuqqasijiet fil-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata huma kkonfermati iktar mill-fatt li s-SRB daħal f’iktar dettall fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2022.

281    Is-SRB jikkontesta dan l-argument.

282    Qabelxejn, ir-rikorrenti ma tispjegax b’mod suffiċjenti skont il-liġi kif il-fatt li d-Deċiżjoni kkontestata hija maqsuma f’erba’ dokumenti jagħmel din id-deċiżjoni inkomprensibbli u għalhekk jikkostitwixxi nuqqas fil-motivazzjoni.

283    Bl-istess mod, għalkemm ir-rikorrenti ssostni li d-dokumenti li jikkostitwixxu d-Deċiżjoni kkontestata huma marbuta flimkien minn bosta referenzi u kontroreferenzi, b’tali mod li huwa impossibbli li wieħed jifhem bis-sħiħ kull wieħed mill-elementi ta’ kalkolu, ma tipprovdi l-ebda eżempju ta’ tali element li jsir inkomprensibbli għal din ir-raġuni.

284    Fir-rigward, sussegwentement, tal-għodda ta’ kalkolu użata mis-SRB biex jikkalkola l-kontribuzzjonijiet ex ante, għandu jiġi rrilevat li l-ilment tar-rikorrenti jikkonċerna, skont il-kjarifiki li għamlet fis-seduta, l-għodda ta’ kalkolu fil-forma ta’ software użat internament mis-SRB biex jikkalkola l-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021 mill-istituzzjonijiet kollha.

285    Issa, ir-rikorrenti ma tistax tikkritika lis-SRB talli ma tahiex aċċess għal tali għodda, peress li ma pproduċiet lill-Qorti Ġenerali l-ebda element konkret li jispjega r-raġunijiet għaliex tali aċċess kien meħtieġ għall-konformità mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 268, 271 u 272 iktar ’il fuq.

286    Fl-aħħar nett, is-sempliċi fatt li s-SRB allegatament immotiva iktar fil-fond id-deċiżjoni li tistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2022 huwa irrilevanti fl-evalwazzjoni ta’ jekk id-Deċiżjoni kkontestata hijiex motivata biżżejjed. Tabilħaqq, il-motivazzjoni ta’ din l-aħħar deċiżjoni ma tistax tiġi eżaminat fid-dawl ta’ att adottat madwar sena wara d-Deċiżjoni kkontestata.

287    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

d)      Fuq issitt parti, dwar iżżamma ta’ data minn istituzzjonijiet oħra

288    Skont ir-rikorrenti, il-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata ma hijiex biżżejjed peress li l-SRB ma żvelax id-data tal-istituzzjonijiet l-oħra li fformat il-bażi għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, u dan iħalliha inċerta dwar il-preċiżjoni tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha. Għalhekk, is-SRB ma kienx laħaq bilanċ ġust bejn l-obbligu ta’ motivazzjoni u s-sigriet kummerċjali.

289    Is-SRB jikkontesta dan l-argument.

290    Fil-premessa 88 tad-Deċiżjoni kkontestata, is-SRB osserva li “is-sigrieti kummerċjali tal-istituzzjonijiet – jiġifieri, l-informazzjoni kollha li tikkonċerna l-attività professjonali tal-istituzzjonijiet li, fil-każ ta’ żvelar lil kompetitur u/jew lil udjenza usa’, tista’ tkun ta’ dannu sinjifikattiv għall-interessi tal-istituzzjonijiet – [kienu] kkunsidrati bħala informazzjoni kunfidenzjali”. Din iżżid li, “[f]il-kuntest tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante […], l-informazzjoni individwali pprovduta mill-istituzzjonijiet permezz tal-formoli [tad-dikjarazzjoni] tagħhom […], li fuqhom [ibbażat ruħha] biex tikkalkola l-kontribuzzjoni ex ante tagħhom, [kienet] meqjusa sigrieti kummerċjali”.

291    Barra minn hekk, fil-premessi 90 sa 92 tad-Deċiżjoni kkontestata, is-SRB irrileva li kien ipprojbit milli “jiżvela l-punti tad-data ta’ kull istituzzjoni, li [kienu] jikkostitwixxu l-bażi għall-kalkoli [fl-imsemmija deċiżjoni]”, filwaqt li tħalla “jiżvela l-punti tad-data aggregati u komuni, sakemm din id-data [kienet] aggregata”. Madankollu, skont l-imsemmija deċiżjoni, l-istituzzjonijiet kienu jibbenefikaw minn “trasparenza sħiħa fir-rigward tal-kalkolu tal-[kontribuzzjoni annwali bażika] tagħhom u l-multiplikatur tal-aġġustament tagħhom” għall-istadji tal-kalkolu ta’ din il-kontribuzzjoni, kif iddefiniti fl-Anness I tar-Regolament Delegat 2015/63, li kienu jikkonċernaw il-“kalkolu tal-indikaturi mhux maħduma” (pass 1), ir-“rigradazzjoni tal-indikaturi” (pass 3) u l-“kalkolu tal-indikatur maħdum” (pass 5). Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet setgħu jiksbu “punti tad-data komuni użati b’mod indiskriminat mis-SRB għall-istituzzjonijiet kollha aġġustati għall-profil tar-riskju tagħhom” għall-passi tal-kalkolu li jirrigwardaw id-“diskretizzazzjoni” (pass 2), l-“inklużjoni tas-sinjal assenjat” (pass 4) u l-“kalkolu tal-kontribuzzjonijiet annwali” (pass 6).

292    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li l-prinċipju stess tal-metodu tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, kif jirriżulta mid-Direttiva 2014/59 u mir-Regolament Nru 806/2014, jimplika l-użu, mis-SRB, ta’ data koperta mis-sigriet kummerċjali li ma tistax tiġi inkluża fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet ex ante (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 114).

293    It-tieni, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jirrikjedix li s-SRB jinkludi, fid-Deċiżjoni kkontestata, kunsiderazzjonijiet dettaljati li juru n-natura kunfidenzjali ta’ kull kategorija ta’ data pprovduta mill-istituzzjonijiet.

294    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 262 iktar ’il fuq, ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni ta’ att tispeċifika kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tagħha kif ukoll fir-rigward tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat u, b’mod partikolari, skont l-interess li d-destinatarji tal-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet.

295    Issa, minn naħa, mill-kunsiderazzjonijiet fil-premessa 88 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li s-SRB qies li d-data kollha rrapportata minn kull istituzzjoni kienet koperta, fl-intier tagħha, mis-sigriet kummerċjali, peress li l-iżvelar ta’ din id-data lil kompetitur jew lil udjenza usa’ jista’ jkun ta’ dannu sinjifikattiv għall-interessi tal-istituzzjoni kkonċernata.

296    Min-naħa l-oħra, peress li r-rikorrenti pprovdiet d-data tagħha stess għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, f’konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament Delegat 2015/63, hija kellha għarfien sħiħ tan-natura u l-karatteristiċi ġenerali ta’ kull kategorija ta’ din id-data. B’mod partikolari, hija setgħet tevalwa sa liema punt kull waħda minn dawn il-kategoriji ta’ data jista’ jkun fiha informazzjoni kunfidenzjali.

297    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti kellha biżżejjed informazzjoni biex tifhem u, jekk meħtieġ, tikkontesta r-raġunijiet li għalihom is-SRB kien ikkunsidra li d-data individwali tal-istituzzjonijiet l-oħrajn kienet koperta mis-sigriet kummerċjali. Hija setgħet, b’mod partikolari, tikkontesta, fir-rigward tan-natura u l-karatteristiċi ġenerali ta’ kull kategorija ta’ din id-data, l-evalwazzjoni tas-SRB stabbilita fil-premessa 88 tad-Deċiżjoni kkontestata, li skontha l-imsemmija data kellha natura sigrieta u l-iżvelar tagħha seta’ jkun ta’ dannu sinjifikattiv għall-interessi tal-istituzzjoni kkonċernata. Għalhekk, hija kellha l-elementi kollha meħtieġa biex tkun tista’ tikkontesta n-nuqqas ta’ rispett mis-SRB tar-rekwiżiti stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-ibbilanċjar tal-obbligu ta’ motivazzjoni mal-prinċipju tal-protezzjoni tas-sigriet kummerċjali, kif ġie mfakkar fil-punti 268, 271 u 272 iktar ’il fuq.

298    Issa, ir-rikorrenti ma pproduċiet l-ebda element li kellu l-għan li jikkontesta l-evalwazzjoni tas-SRB li d-data individwali tal-istituzzjonijiet l-oħrajn kienet koperta mis-sigriet kummerċjali.

299    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma tistax tallega li d-Deċiżjoni kkontestata ma hijiex suffiċjentement motivata peress li ma tipprovdix id-data individwali tal-istituzzjonijiet l-oħra li tippermetti l-verifika tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha.

300    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tar-rikorrenti li s-SRB, sabiex jissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu, għandu jipprovdilha, f’forma anonimizzata, lista tad-data kollha mill-istituzzjonijiet li jinsabu fl-istess bin bħalha.

301    Minn naħa, l-impożizzjoni ta’ tali rekwiżit fuq is-SRB tmur lil hinn mir-rekwiżiti imposti mill-ġurisprudenza li ġew imfakkra fil-punti 268, 271 u 272 iktar ’il fuq.

302    Min-naħa l-oħra, is-SRB argumenta, mingħajr ma ġie kontradett b’mod serju dwar dan il-punt, li anki lista b’data anonimizzata għal bin partikolari kellha r-riskju li tippermetti lill-operaturi ekonomiċi attivi fil-qasam bankarju, li huma operaturi informati tajjeb, isiru jafu b’sigrieti kummerċjali ta’ ċerti istituzzjonijiet. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma kkontestatx, b’mod partikolari, li tali operaturi kienu jafu liema istituzzjonijiet kellhom tendenza li jkollhom valuri għoljin għal ċerti indikaturi tar-riskju. Issa, kieku kellhom jiksbu listi b’tali data kull sena, ikunu jistgħu jsegwu l-evoluzzjoni tal-indikaturi tar-riskju ta’ dawn l-istituzzjonijiet, anki jekk kienu jikkonsistu f’data kummerċjalment sensittiva. Tali riskju jeżisti b’mod partikolari fir-rigward ta’ istituzzjonijiet kbar u dawk stabbiliti fl-Istati Membri li fihom hemm biss għadd limitat ta’ istituzzjonijiet obbligati li jħallsu kontribuzzjoni ex ante. Tabilħaqq, ma huwiex eskluż li, f’dawn il-każijiet, operatur informat tajjeb ikun f’pożizzjoni li jiddeduċi l-identità ta’ tali istituzzjonijiet, anki jekk dawn ikunu ġew anonimizzati. Għalhekk, is-SRB ma jistax jiġi kkritikat talli ma stabbilixxiex lista tad-data anonima kollha tal-istituzzjonijiet fl-istess bin.

303    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, is-sitt parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

e)      Fuq ittielet parti, dwar ilmotivazzjoni tallivell filmira annwali

304    Skont ir-rikorrenti, id-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali ma hijiex debitament motivata fid-Deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, is-SRB kellu jispjega sa liema punt kien ikkunsidra l-impatt possibbli tal-kontribuzzjonijiet proċikliċi fuq il-qagħda finanzjarja tal-istituzzjonijiet ikkonċernati. Barra minn hekk, is-SRB ma kienx ikkomunika l-livell fil-mira finali mbassar u lanqas l-interpretazzjoni tiegħu tal-limitu massimu msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014. Issa, kif turi d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2022, is-SRB iqis li għandu s-setgħa li jżid liberament il-livell fil-mira annwali billi japplika koeffiċjent li ma huwiex previst mir-regolamenti applikabbli u b’hekk jimponi oneru sproporzjonat fuq l-istituzzjonijiet.

305    Is-SRB iwieġeb li mill-premessi 35 sa 48 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li huwa osserva mal-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021.

306    B’mod partikolari, mill-premessi 43 sa 48 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li s-SRB kien qies il-pandemija tal-COVID‑19 fil-kuntest tal-analiżi tal-fażi taċ-ċiklu tan-negozju kif ukoll l-effetti proċikliċi potenzjali tal-kontribuzzjonijiet fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet kontribwenti. F’dan ir-rigward, is-SRB kien spjega li kien qiegħed jantiċipa rkupru ekonomiku matul l-2021, anki jekk dan l-irkupru baqa’ diffiċli li jitbassar.

307    Barra minn hekk, is-SRB kien ippubblika fuq is-sit internet tiegħu l-livell fil-mira finali mbassar u r-rikorrenti kienet taf b’din il-pubblikazzjoni. L-allegat nuqqas ta’ żvelar tal-interpretazzjoni tas-SRB tal-limitu massimu ta’ 12.5 % previst fl-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 ma huwiex ta’ natura li jaffettwa l-legalità tal-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata.

308    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, f’konformità mal-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014, fi tmiem il-perijodu inizjali, ir-riżorsi finanzjarji disponibbli fis-SRF għandhom jilħqu l-livell fil-mira finali, li jikkorrispondi għal tal-inqas 1 % tal-ammont ta’ depożiti koperti tal-istituzzjonijiet awtorizzati kollha fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha.

309    Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regolament Nru 806/2014, matul il-perijodu inizjali, il-kontribuzzjonijiet ex ante għandhom jitqassmu b’mod kemm jista’ jkun ugwali matul iż-żmien sakemm jintlaħaq il-livell fil-mira finali msemmi fil-punt 308 iktar ’il fuq, iżda b’kunsiderazzjoni xierqa tal-fażi taċ-ċiklu tan-negozju u l-impatt li l-kontribuzzjonijiet proċikliċi jista’ jkollhom fuq il-qagħda finanzjarja tal-istituzzjonijiet.

310    L-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 jispeċifika li, kull sena, il-kontribuzzjonijiet dovuti mill-istituzzjonijiet awtorizzati kollha fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha ma għandhomx jaqbżu t-12.5 % tal-livell fil-mira finali.

311    Fir-rigward tal-metodu tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Delegat 2015/63 jipprevedi li s-SRB għandu jiddetermina l-ammont tagħhom abbażi tal-livell fil-mira annwali, b’kont meħud tal-livell fil-mira finali, u abbażi tal-ammont medju tad-depożiti koperti tas-sena preċedenti, ikkalkolat kull tliet xhur, għall-istituzzjonijiet awtorizzati kollha fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha.

312    Bl-istess mod, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, is-SRB jikkalkola l-kontribuzzjoni ex ante għal kull istituzzjoni abbażi tal-livell fil-mira annwali, li għandu jiġi stabbilit fir-rigward tal-livell fil-mira finali u skont il-metodu espost fir-Regolament Delegat 2015/63.

313    F’dan il-każ, kif jidher mill-premessa 48 tad-Deċiżjoni kkontestata, is-SRB stabbilixxa, għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021, l-ammont tal-livell fil-mira annwali għal EUR 11 287 677 212.56.

314    Fil-premessi 36 u 37 tad-Deċiżjoni kkontestata, is-SRB spjega, essenzjalment, li l-livell fil-mira annwali għandu jiġi ddeterminat abbażi ta’ analiżi tal-iżvilupp tad-depożiti koperti fis-snin preċedenti, fuq kull żvilupp ekonomiku rilevanti kif ukoll abbażi ta’ analiżi tal-indikaturi relatati mal-fażi taċ-ċiklu tan-negozju u l-effetti li l-kontribuzzjonijiet proċikliċi jkollhom fuq il-qagħda finanzjarja tal-istituzzjonijiet. Sussegwentement, is-SRB qies li kien xieraq li jiġi stabbilit koeffiċjent ibbażat fuq din l-analiżi u fuq ir-riżorsi finanzjarji disponibbli fis-SRF (iktar ’il quddiem il-“koeffiċjent”). Is-SRB applika dan il-koeffiċjent għal wieħed minn tmienja tal-ammont medju ta’ depożiti koperti fl‑2020, għall-fini li jintlaħaq il-livell fil-mira annwali.

315    Is-SRB stabbilixxa l-approċċ meħud biex jiġi ffissat il-koeffiċjent fil-premessi 38 sa 47 tad-Deċiżjoni kkontestata.

316    Fil-premessa 38 tad-Deċiżjoni kkontestata, is-SRB innota xejra stabbli ta’ żieda fid-depożiti koperti għall-istituzzjonijiet kollha fl-Istati Membri parteċipanti. B’mod partikolari, l-ammont medju ta’ dawn id-depożiti, ikkalkolat kull trimestru, kien jammonta għal EUR 6 689 biljun għas-sena 2020.

317    Fil-premessi 40 u 41 tad-Deċiżjoni kkontestata, is-SRB ippreżenta l-iżvilupp imbassar tad-depożiti koperti għat-tliet snin li jifdal tal-perijodu inizjali, jiġifieri mill‑2021 sal‑2023. Huwa stima li r-rati ta’ tkabbir annwali tad-depożiti koperti sa tmiem il-perijodu inizjali kienu ser ikunu bejn 4 % u 7 %.

318    Fil-premessi 42 sa 45 tad-Deċiżjoni kkontestata, is-SRB ippreżenta valutazzjoni tal-fażi taċ-ċiklu tan-negozju u tal-effett proċikliku potenzjali li l-kontribuzzjonijiet ex ante jista’ jkollhom fuq il-qagħda finanzjarja tal-istituzzjonijiet. Sabiex jagħmel dan, huwa indika li kien qies diversi indikaturi, bħat-tbassir tal-Kummissjoni għat-tkabbir tal-prodott domestiku gross u l-projezzjonijiet tal-BĊE f’dan ir-rigward jew il-fluss ta’ kreditu mis-settur privat bħala perċentwal tal-prodott domestiku gross.

319    Fil-premessa 46 tad-Deċiżjoni kkontestata, is-SRB ikkonkluda li, filwaqt li kien raġonevoli li jkun mistenni iktar tkabbir fid-depożiti koperti fi ħdan l-Unjoni Bankarja, ir-ritmu ta’ dan it-tkabbir kien ser ikun iktar baxx milli fl‑2020. F’dan ir-rigward, is-SRB indika, fil-premessa 47 tad-Deċiżjoni kkontestata, li kien adotta “approċċ prudenti” fir-rigward tar-rati ta’ tkabbir tad-depożiti koperti għas-snin li ġejjin sal‑2023.

320    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, is-SRB stabbilixxa, fil-premessa 48 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-valur tal-koeffiċjent għal 1.35 %. Imbagħad ikkalkola l-ammont tal-livell fil-mira annwali, billi mmultiplika l-ammont medju tad-depożiti koperti fl‑2020 b’dan il-koeffiċjent u ddivida r-riżultat ta’ dan il-kalkolu bi tmienja, skont il-formula matematika li ġejja, li tinsab fil-premessa 48 tal-imsemmija deċiżjoni:

“Mira0 [l-ammont tal-livell fil-mira annwali] = Total tad-depożiti koperti2020 * 0.0135 * ⅛ = EUR 11 287 677 212.56”.

321    Madankollu, fis-seduta, is-SRB indika li kien iddetermina l-livell fil-mira annwali għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021 kif ġej.

322    L-ewwel nett, abbażi ta’ analiżi prospettiva, is-SRB stabbilixxa l-ammont ta’ depożiti koperti tal-istituzzjonijiet awtorizzati kollha fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha, imbassar għal tmiem il-perijodu inizjali, għal madwar EUR 7.5 triljun. Biex wasal għal dan l-ammont, is-SRB qies l-ammont medju ta’ depożiti koperti fl‑2020, jiġifieri EUR 6 689 triljun, rata ta’ tkabbir annwali tad-depożiti koperti ta’ 4 % kif ukoll in-numru ta’ perijodi ta’ kontribuzzjoni li fadal sa tmiem il-perijodu inizjali, jiġifieri tlieta.

323    It-tieni, f’konformità mal-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB ikkalkola 1 % ta’ dawn il-EUR 7.5 triljun biex jikseb l-ammont stmat tal-livell fil-mira finali li għandu jintlaħaq sal‑31 ta’ Diċembru 2023, jiġifieri madwar EUR 75 biljun.

324    It-tielet, is-SRB naqqas minn dan l-aħħar ammont ir-riżorsi finanzjarji li diġà kienu disponibbli fil-SRF fl‑2021, jiġifieri madwar EUR 42 biljun, biex jikseb l-ammont li kien fadallu jinġabar matul il-bqija tal-perijodi ta’ kontribuzzjoni qabel it-tmiem tal-perijodu inizjali, jiġifieri mill‑2021 sal‑2023. Dan l-ammont laħaq madwar EUR 33 biljun.

325    Ir-raba’, is-SRB iddivida dan l-aħħar ammont bi tlieta biex jaqsmu b’mod ugwali bejn l-imsemmija tliet perijodi ta’ kontribuzzjoni li kien fadal. Il-livell fil-mira annwali għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021 għalhekk ġie stabbilit għall-ammont imsemmi fil-punt 313 iktar ’il fuq, jiġifieri madwar EUR 11 287 biljun.

326    Is-SRB afferma wkoll, fis-seduta, li kien għamel pubblika informazzjoni li fuqha l-metodu deskritt fil-punti 322 sa 325 iktar ’il fuq kien ibbażat u li kienet tippermetti lir-rikorrenti tifhem il-metodu li bih ġie ddeterminat il-livell fil-mira annwali. B’mod partikolari, huwa speċifika li kien ippubblika fuq is-sit internet tiegħu, f’Mejju 2021, jiġifieri wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, iżda qabel ma ġie ppreżentat dan ir-rikors, skeda informattiva msejħa “Fact Sheet 2021” (iktar ’il quddiem l-“iskeda informattiva”), li kienet tindika l-ammont stmat tal-livell fil-mira finali. Bl-istess mod, is-SRB afferma li l-ammont ta’ riżorsi finanzjarji disponibbli fis-SRF kien disponibbli wkoll fuq is-sit internet tiegħu kif ukoll permezz ta’ sorsi pubbliċi oħra, ferm qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata.

327    Sabiex jiġi eżaminat jekk is-SRB ikkonformax mal-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali, għandu l-ewwel nett jitfakkar li nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni jikkostitwixxu motiv ta’ ordni pubbliku li jista’, u anki għandu, jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et, C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali tista’, u saħansitra għandha, tqis ukoll nuqqasijiet ta’ motivazzjoni għajr dawk invokati mir-rikorrenti, u dan, b’mod partikolari, meta dawn jiġu żvelati matul il-proċedura.

328    Għal dan il-għan, il-partijiet instemgħu, matul il-fażi orali tal-proċedura, dwar kwalunkwe nuqqas possibbli ta’ motivazzjoni li bih id-Deċiżjoni kkontestata kienet ivvizzjata fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali. B’mod partikolari, meta ġie mistoqsija b’mod espliċitu u repetut f’dan ir-rigward, is-SRB iddeskriva, pass wara pass, il-metodu li kien segwa fil-prattika biex jiddetermina l-livell fil-mira annwali għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021, kif espost fil-punti 321 sa 325 iktar ’il fuq.

329    Fir-rigward, sussegwentement, tal-kontenut tal-obbligu ta’ motivazzjoni, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni minn istituzzjoni jew korp tal-Unjoni għandha, b’mod partikolari, tkun mingħajr kontradizzjonijiet sabiex il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jkunu jafu r-raġunijiet reali għal dik id-deċiżjoni, sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom quddiem il-qorti kompetenti, u sabiex din tal-aħħar teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 169 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat‑22 ta’ Settembru 2005, Suproco vs Il‑Kummissjoni, T‑101/03, EU:T:2005:336, punti 20 u 45 sa 47, u tas‑16 ta’ Diċembru 2015, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑241/13, EU:T:2015:982, punt 56).

330    Bl-istess mod, fejn l-awtur tad-Deċiżjoni kkontestata jipprovdi ċerti spjegazzjonijiet dwar ir-raġunijiet għaliha matul il-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni, dawn l-ispjegazzjonijiet għandhom ikunu konsistenti mal-kunsiderazzjonijiet esposti f’dik id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Settembru 2005, Suproco vs Il‑Kummissjoni, T‑101/03, EU:T:2005:336, punti 45 sa 47, u tat‑13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il‑Kummissjoni, T‑95/15, EU:T: 2016:722, punti 54 u 55).

331    Fil-fatt, jekk il-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni kkontestata ma jkunux konsistenti ma’ tali spjegazzjonijiet ipprovduti matul il-proċedura ġudizzjarja, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkonċernata ma tissodisfax il-funzjonijiet imfakkra fil-punti 261 u 262 iktar ’il fuq. B’mod partikolari, tali inkonsistenza timpedixxi, minn naħa, lill-partijiet ikkonċernati milli jkunu jafu r-raġunijiet reali għad-Deċiżjoni kkontestata, qabel ma jippreżentaw ir-rikors, u milli jħejju d-difiża tagħhom f’dan ir-rigward u, min-naħa l-oħra, lill-qorti tal-Unjoni milli tidentifika r-raġunijiet li servew bħala bażi legali reali għal din id-deċiżjoni u milli teżamina l-konformità tagħhom mar-regoli applikabbli.

332    Fl-aħħar, għandu jitfakkar li, meta s-SRB jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet ex ante, huwa għandu jinforma lill-istituzzjonijiet ikkonċernati bil-metodu tal-kalkolu ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 122).

333    L-istess għandu jgħodd għall-metodu tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali, billi dan l-ammont huwa ta’ importanza essenzjali fl-ekonomija ta’ tali deċiżjoni. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, il-metodu tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante jikkonsisti fit-tqassim tal-imsemmi ammont bejn l-istituzzjonijiet kollha kkonċernati, b’tali mod li żieda jew tnaqqis ta’ dan l-istess ammont twassal għal żieda jew tnaqqis korrispondenti fil-kontribuzzjoni ex ante ta’ kull waħda minn dawn l-istituzzjonijiet.

334    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, għalkemm is-SRB għandu jipprovdi lill-istituzzjonijiet, permezz tad-Deċiżjoni kkontestata, spjegazzjonijiet dwar il-metodu tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali, dawn l-ispjegazzjonijiet għandhom ikunu konsistenti mal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mis-SRB matul il-proċedura ġudizzjarja u relatati mal-metodu applikat fil-prattika.

335    Issa, dan ma huwiex il-każ fil-kawża inkwistjoni.

336    Tabilħaqq, qabelxejn għandu jiġi rrilevat li d-Deċiżjoni kkontestata esponiet, fil-premessa 48, formula matematika li ppreżentat bħala l-bażi għad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali. Madankollu, jirriżulta li din il-formula ma tinkorporax l-elementi tal-metodu applikat fir-realtà mis-SRB, kif spjegat matul is-seduta. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 322 sa 325 iktar ’il fuq, is-SRB kiseb l-ammont tal-livell fil-mira annwali, fil-qafas ta’ dan il-metodu, billi naqqas mil-livell fil-mira finali r-riżorsi finanzjarji disponibbli fis-SRF, bil-ħsieb li jikkalkola l-ammont li kien għad fadallu jiġi rċevut sal-aħħar tal-perijodu inizjali u jiddividi dan l-ammont bi tlieta. Issa, dawn iż-żewġ passi tal-kalkolu ma huma espressi bl-ebda mod fl-imsemmija formula matematika.

337    Ċertament, mill-argument tar-rikorrenti jirriżulta,, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, li hija kienet taf bl-iskeda informattiva u, konsegwentement, bl-ammonti possibbli tal-livell fil-mira finali indikati fil-firxa inkluża fiha. Madankollu, jekk jiġi preżunt li kienet taf ukoll l-ammont ta’ riżorsi finanzjarji disponibbli fis-SRF, dawn iċ-ċirkustanzi waħedhom ma kinux tali li jippermettulha tifhem li ż-żewġ operazzjonijiet imsemmija fil-punt 336 iktar ’il fuq kienu ġew applikati fil-prattika mis-SRB, filwaqt li huwa speċifikat, barra minn hekk, li l-formula matematika prevista fil-premessa 48 tad-Deċiżjoni kkontestata lanqas biss semmiethom.

338    Inkonsistenzi simili jaffettwaw ukoll il-mod kif ġie ffissat il-koeffiċjent ta’ 1.35 %, li madankollu għandu rwol ewlieni fil-formula matematika msemmija fil-punt 337 iktar ’il fuq. Fil-fatt, dan il-koeffiċjent jista’ jinftiehem fis-sens li huwa bbażat, fost parametri oħra, fuq it-tkabbir imbassar tad-depożiti koperti matul il-bqija tas-snin tal-perijodu inizjali. Issa, kif irrikonoxxa s-SRB fis-seduta, dan il-koeffiċjent ġie stabbilit sabiex ikun jista’ jiġġustifika r-riżultat tal-kalkolu tal-ammont tal-livell fil-mira annwali, jiġifieri wara li s-SRB kien ikkalkola dan l-ammont b’applikazzjoni tal-erba’ passi stabbiliti fil-punti 322 sa 325 iktar ’il fuq u, b’mod partikolari, billi ddivida bi tlieta l-ammont li jirriżulta mit-tnaqqis tar-riżorsi finanzjarji disponibbli fis-SRF mil-livell fil-mira finali. Issa, dan l-approċċ bl-ebda mod ma jirriżulta mid-Deċiżjoni kkontestata.

339    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont l-iskeda informattiva, l-ammont tal-livell fil-mira finali stmat kien fil-firxa ta’ bejn EUR 70 biljun u EUR 75 biljun. Issa, din il-firxa hija inkonsistenti mal-firxa tar-rata ta’ tkabbir tad-depożiti koperti ta’ bejn 4 % u 7 % stabbilita fil-premessa 41 tad-Deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, is-SRB indika fis-seduta li, għall-fini tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali, huwa kien qies ir-rata ta’ tkabbir tad-depożiti koperti ta’ 4 % – li kienet l-iktar rata baxxa fit-tieni firxa – u li b’hekk kien kiseb il-livell fil-mira finali stmat ta’ EUR 75 biljun – li kien l-ogħla valur fl-ewwel firxa. Jirriżulta għalhekk li hemm diskrepanza bejn dawn iż-żewġ firxiet. Fil-fatt, minn naħa, il-firxa relatata mar-rata tal-iżvilupp tad-depożiti koperti tinkludi wkoll valuri ogħla mir-rata ta’ 4 %, li l-applikazzjoni tagħhom xorta waħda kienet tirriżulta f’ammont stmat tal-livell fil-mira finali ogħla minn dawk inklużi fil-firxa relatata ma’ dan il-livell fil-mira. Min-naħa l-oħra, huwa impossibbli għar-rikorrenti li tifhem ir-raġuni għaliex is-SRB inkluda fil-firxa relatata mal-imsemmi livell fil-mira ammonti iktar baxxi minn EUR 75 biljun. Fil-fatt, biex jinkiseb dan, kien ikun meħtieġ li tiġi applikata rata ta’ inqas minn 4 %, li ma hijiex inkluża fil-firxa relatata mar-rata ta’ tkabbir tad-depożiti koperti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma setgħetx tiddetermina l-mod kif is-SRB kien uża l-firxa relatata mar-rata ta’ bidla ta’ dawn id-depożiti biex jasal għall-kalkolu tal-livell fil-mira finali stmat.

340    Minn dan isegwi li, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali, il-metodu applikat fil-prattika mis-SRB, kif spjegat fis-seduta, ma jikkorrispondix għal dak deskritt fid-Deċiżjoni kkontestata, sabiex ir-raġunijiet reali, li fir-rigward tagħhom ġie ffissat dan il-livell fil-mira, ma setgħux jiġu identifikati abbażi tad-Deċiżjoni kkontestata la mill-istituzzjonijiet u lanqas mill-Qorti Ġenerali.

341    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li d-Deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn nuqqasijiet ta’ motivazzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali.

342    Għalhekk, it-tielet parti tat-tieni motiv għandha tiġi milqugħa. Fid-dawl tal-kwistjonijiet legali u ekonomiċi involuti f’din il-kawża, huwa madankollu fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li jkomplu jiġu eżaminati l-motivi l-oħra tar-rikors.

f)      Fuq irraba’ parti, dwar ilmotivazzjoni insuffiċjenti talkontribuzzjoni annwali bażika

343    Ir-rikorrenti ssostni li s-SRB ma speċifikax l-elementi konkreti kollha tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni annwali bażika fir-rigward tar-rikorrenti. L-iskeda individwali ma kienx fiha, b’mod partikolari, id-denominatur li għandu jiġi applikat għal din il-kontribuzzjoni, jiġifieri s-somma tal-passivi netti tal-istituzzjonijiet kollha kkonċernati, aġġustati skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Delegat 2015/63, u lanqas l-“ammont […] tal-kontribuzzjoni bażika tar-rikorrenti wara l-applikazzjoni tal-formula stabbilita fid-deċiżjoni [ikkontestata]”.

344    Is-SRB jikkontesta dan l-argument.

345    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-każ ta’ istituzzjonijiet li għandhom iħallsu kontribuzzjoni ex ante aġġustata għall-profili tar-riskju tagħhom, il-kalkolu ta’ din il-kontribuzzjoni jsir, essenzjalment, f’żewġ passi.

346    Fl-ewwel pass, is-SRB jikkalkola kontribuzzjoni annwali bażika skont il-passiv nett tal-istituzzjoni kkonċernata, f’konformità mal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Nru 806/2014 u l-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/59. Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Delegat 2015/63, ċerti passivi jitnaqqsu minn dawn l-obbligazzjonijiet netti.

347    Fit-tieni pass, is-SRB jadatta l-kontribuzzjoni annwali bażika għall-profil tar-riskju tal-istituzzjoni kkonċernata, skont il-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 103(2) tad-Direttiva 2014/59.

348    Ir-raba’ parti tat-tieni motiv tikkonċerna l-ewwel pass fil-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante.

349    Fil-premessi 62 sa 65 tad-Deċiżjoni kkontestata, is-SRB spjega l-metodu għad-determinazzjoni tan-numeratur u d-denominatur użati bħala l-bażi għal dan il-kalkolu.

350    Barra minn hekk, fil-paġna 1 tal-iskeda individwali, is-SRB stabbilixxa, taħt l-intestatura “Kontribuzzjoni annwali bażika (KAB): numeratur”, il-valur tan-numeratur li kien tqies fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni annwali bażika tar-rikorrenti kif ukoll id-data li fuq il-bażi tagħha din tal-aħħar kienet ġiet ikkalkolata.

351    Barra minn hekk, fil-paġna 2 tal-iskeda individwali, taħt l-intestatura “Kalkolu tal-kontribuzzjoni grossa ((Regolament Delegat 2015/63), Anness 1, ‘pass 6’)”, id-Deċiżjoni kkontestata esponiet il-valur tad-denominatur li kien tqies għal dan il-kalkolu.

352    Minn dan isegwi li r-rikorrenti kellha informazzjoni suffiċjenti biex tifhem, essenzjalment, il-mod kif is-sitwazzjoni individwali tagħha kienet ġiet ikkunsidrata, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 268 iktar ’il fuq.

353    Huwa minnu li s-SRB ma ddiżaggregax, la fit-test prinċipali tad-Deċiżjoni kkontestata u lanqas fl-annessi tagħha, id-denominatur tal-kontribuzzjoni annwali bażika fl-elementi kostitwenti tiegħu, jiġifieri s-somma tal-passivi netti tal-istituzzjonijiet kollha kkonċernati, aġġustata skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Delegat 2015/63.

354    Madankollu, kif ammettiet ir-rikorrenti fis-seduta, dawn l-elementi jinkludu d-data individwalizzata tal-istituzzjonijiet kollha kkonċernati.

355    Issa, tali elementi ma humiex meħtieġa biex jippermettu lir-rikorrenti tifhem, essenzjalment, b’liema mod tqieset is-sitwazzjoni individwali tagħha, għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha, fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-istituzzjonijiet l-oħra kollha kkonċernati.

356    Konsegwentement, l-impożizzjoni fuq is-SRB ta’ rekwiżit li jikkomunika l-imsemmija elementi jmur lil hinn mir-rekwiżiti previsti mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 268, 271 u 272 iktar ’il fuq.

357    Għalhekk, ir-raba’ parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

g)      Fuq ilħames parti, dwar ilmotivazzjoni insuffiċjenti talaġġustament talkontribuzzjoni annwali bażika għar-riskju

358    Il-ħames parti tat-tieni motiv essenzjalment hija bbażata fuq tliet ilmenti.

1)      Fuq lewwel ilment, dwar limpossibbiltà li jiġi vverifikat li listituzzjonijiet kollha kkonċernati huma suġġetti għal kontribuzzjoni aġġustata għallprofil tarriskju

359    Skont ir-rikorrenti, huwa impossibbli li jiġi vverifikat jekk l-istituzzjonijiet kollha kinux fil-fatt suġġetti għal aġġustament għar-riskju, peress li hemm diskrepanza bejn, minn naħa, l-għadd ta’ istituzzjonijiet li jidhru fl-istatistika ppubblikata fuq is-sit web tas-SRB u, min-naħa l-oħra, l-għadd tagħhom indikat fl-iskeda informattiva.

360    Is-SRB jikkontesta dan l-argument.

361    Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li, f’konformità mal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Delegat 2015/63, is-SRB jikkalkola l-multiplikatur tal-aġġustament għall-istituzzjonijiet kollha, ħlief għal dawk eliġibbli għall-ħlas ta’ kontribuzzjoni ta’ somma f’daqqa skont l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament delegat u dawk imsemmija fl-Artikolu 11 tal-imsemmi regolament delegat, billi jikkombina l-indikaturi tar-riskju msemmija fl-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat 2015/63 skont il-formula matematika u l-proċeduri esposti fl-Anness I ta’ dan ir-regolament delegat.

362    Sussegwentement, sa fejn l-argument tar-rikorrenti għandu jinftiehem fis-sens li jikkritika lis-SRB talli ma identifikax fid-Deċiżjoni kkontestata, b’isimhom, l-istituzzjonijiet kollha parteċipanti fis-SRM li l-kontribuzzjoni ex ante tagħhom kienet ġiet aġġustata għall-profil tar-riskju tagħhom, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma pproduċiet l-ebda prova lill-Qorti Ġenerali li fuq il-bażi tagħha seta’ jiġi konkluż li din l-informazzjoni kienet rilevanti biex jinftiehem il-mod li bih is-sitwazzjoni individwali tiegħu kienet ġiet ikkunsidrata għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha, fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-istituzzjonijiet l-oħra kollha kkonċernati, bis-saħħa tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 268 iktar ’il fuq.

363    Fl-aħħar, sa fejn l-argument tar-rikorrenti għandu jinftiehem li jirrikjedi lis-SRB jikkomunika biss l-għadd ta’ istituzzjonijiet li għalihom il-kontribuzzjoni ex ante kienet ġiet aġġustata għall-profil tar-riskju tagħhom għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021, għandu jiġi kkonstatat li l-Anness II tad-Deċiżjoni kkontestata jippermetti li jiġi identifikat l-għadd ta’ tali istituzzjonijiet. Fil-fatt, fir-rigward tal-parti tal-kontribuzzjonijiet ex ante kkalkolata fuq bażi nazzjonali, dan l-għadd jista’ jiġi vverifikat, għal kull Stat Membru, taħt l-intestatura “N”, fil-paġni 6 sa 131 tal-Anness II tad-Deċiżjoni kkontestata. L-istess japplika għall-parti tal-kontribuzzjonijiet ex ante kkalkolata fuq il-bażi tal-Unjoni, li l-istatistika tagħha hija esposta fil-paġni 132 sa 137 tal-Anness II ta’ din id-deċiżjoni. Għalhekk, minn din l-istatistika jirriżulta li, għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021, total ta’ 1 627 istituzzjoni kienu ġew suġġetti għal kontribuzzjoni ex ante aġġustata għall-profil tar-riskju tagħhom.

364    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel ilment tal-ħames parti tat-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

2)      Fuq ittieni lment, dwar itteħid inkunsiderazzjoni talindikatur tarriskju “attivitajiet ta’ negozjar u skoperturi barra lkarta bilanċjali, derivattivi, kumplessità u riżolvibbiltà”

365    Ir-rikorrenti ssostni li s-SRB ma pprovdiex motivazzjoni suffiċjenti għad-determinazzjoni tal-indikatur tar-riskju “[a]ttivitajiet ta’ negozjar u skoperturi barra l-karta bilanċjali, derivattivi, kumplessità u riżolvibbiltà”, b’mod partikolari billi ma esponiex l-analiżi tiegħu tal-elementi li wasslu għaż-żieda fil-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet u li ġew stabbiliti fl-Artikolu 6(6)(a)(i) sa (iv) tar-Regolament Delegat 2015/63. Issa, is-SRB kien espona tali analiżi għall-elementi li wasslu għat-tnaqqis fil-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet u li kienu ġew iddefiniti fl-Artikolu 6(6)(b)(i) u (ii) ta’ dan ir-regolament delegat.

366    Is-SRB jikkontesta dan l-argument.

367    Għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li s-sottoindikaturi relatati mal-indikatur tar-riskju “[a]ttivitajiet ta’ negozjar u skoperturi barra l-karta bilanċjali, derivattivi, kumplessità u riżolvibbiltà” huma ddeterminati mis-SRB skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(6) tar-Regolament Delegat 2015/63.

368    It-tieni, fil-premessi 98 sa 100 tad-Deċiżjoni kkontestata, is-SRB spjega kif kien iddetermina s-sottoindikaturi tal-indikatur tar-riskju “[a]ttivitajiet ta’ negozjar u skoperturi barra l-karta bilanċjali, derivattivi, kumplessità u riżolvibbiltà”. B’mod partikolari, is-SRB kien inkluda lista tagħhom, akkumpanjata mid-definizzjonijiet tagħhom, u spjega, minn naħa, id-data preċiża li kienet tikkostitwixxi dawn is-sottoindikaturi u, min-naħa l-oħra, il-mod li bih kienet ipponderat l-imsemmija sottoindikaturi għall-finijiet tal-kalkolu ta’ dan il-pilastru tar-riskju.

369    Tali motivazzjoni tippermetti lir-rikorrenti tifhem kif is-SRB applika l-indikatur tar-riskju “[a]ttivitajiet ta’ negozjar u skoperturi barra l-karta bilanċjali, derivattivi, kumplessità u riżolvibbiltà” u b’hekk jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 268, 271 u 272 iktar ’il fuq.

370    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, it-tieni lment tal-ħames parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

3)      Fuq ittielet ilment, dwar ilpassi 1 sa 6 talaġġustament talkontribuzzjoni annwali bażika għallprofil tarriskju tarrikorrenti

371    Ir-rikorrenti ssostni li l-motivazzjoni tal-passi 1 sa 6 tal-aġġustament tal-kontribuzzjoni annwali bażika għall-profil tar-riskju tagħha, kif deskritt fl-iskeda individwali, ma hijiex suffiċjenti.

372    Is-SRB jikkontesta dan l-argument.

373    Sabiex jiġi evalwat dan l-ilment, huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti kellhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-metodu ta’ kalkolu użat mis-SRB u informazzjoni suffiċjenti biex tifhem, essenzjalment, kif is-sitwazzjoni individwali tagħha kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha, fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-istituzzjonijiet l-oħra kollha kkonċernati, permezz tal-passi differenti ta’ dan il-kalkolu, kif iddefiniti fl-Anness I tar-Regolament Delegat 2015/63.

i)      Pass 1

374    Fil-pass 1, is-SRB jikkalkola, għal kull indikatur u sottoindikatur tar-riskju, l-“indikatur mhux maħdum”. Għall-ewwel tliet pilastri tar-riskju, l-indikatur mhux maħdum huwa kkalkolat abbażi tad-definizzjonijiet u l-operazzjonijiet stabbiliti fit-tabella riprodotta fl-Anness I, taħt l-intestatura “Pass 1”, tar-Regolament Delegat 2015/63. Fir-rigward tal-pilastru tar-riskju IV, l-indikatur mhux maħdum huwa kkalkolat abbażi tad-definizzjonijiet u l-operazzjonijiet stabbiliti fil-premessi 98 sa 101 tad-Deċiżjoni kkontestata. L-indikaturi mhux maħduma kollha huma kkalkolati billi titqies l-informazzjoni pprovduta minn kull istituzzjoni. Dawn l-indikaturi mhux maħduma, kif użati mis-SRB għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante ta’ kull istituzzjoni, imbagħad ġew riprodotti fl-iskeda individwali.

375    Sa fejn l-iskeda individwali ġiet ikkomunikata lir-rikorrenti, din tal-aħħar kellha biżżejjed elementi biex tkun tista’ tivverifika, essenzjalment, il-kalkolu tal-indikaturi mhux maħduma li kienu jikkonċernawha.

376    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tar-rikorrenti li s-SRB naqas milli jindika, fil-kuntest tal-pilastru tar-riskju “L-importanza tal-istituzzjoni għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja jew l-ekonomija”, id-denominatur għall-kalkolu tal-indikatur tar-riskju “Sehem mis-self u depożiti interbankarji fl-UE”, kif jidher fl-Anness I, taħt l-intestatura “Pass 1”, fis-seba’ linja, tar-Regolament Delegat 2015/63.

377    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma pproduċiet l-ebda element lill-Qorti Ġenerali li jispjega kif bl-għarfien ta’ tali data kienet tkun tista’ tifhem, essenzjalment, b’liema mod tqieset is-sitwazzjoni individwali tagħha, għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha, fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-istituzzjonijiet l-oħra kollha kkonċernati. Fil-fatt, għal dan l-indikatur tar-riskju, ir-rikorrenti tista’ tivverifika l-pożizzjoni tagħha meta mqabbla ma’ istituzzjonijiet oħra abbażi tas-sehem proprju tagħha mis-self u depożiti interbankarji, kif jidher fit-taqsimiet 4C6 u 4C7, taħt l-intestatura “Data rrapportata oħra użata fil-kalkolu”, f’paġna 3 tal-iskeda individwali. Sussegwentement, setgħet tqabbel dan il-valur mal-valuri ta’ limitu tal-bin li ġiet assenjatha għalih għall-imsemmi indikatur tar-riskju, b’dawn il-valuri ta’ limitu jinġiebu għall-attenzjoni tagħha fil-paġna 31 (fir-rigward tal-bażi nazzjonali) u fil-paġna 133 (fir-rigward tal-bażi tal-Unjoni) tal-Anness II tad-Deċiżjoni kkontestata.

378    Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti setgħet issir taf bl-ammont tad-denominatur tal-formula li s-SRB kien uża biex jikkalkola l-imsemmi indikatur tar-riskju, jiġifieri s-somma tas-self u d-depożiti interbankarji kollha miżmuma mill-istituzzjonijiet f’kull Stat Membru jew fl-Unjoni Bankarja, billi timmultiplika l-għadd totali ta’ istituzzjonijiet (N) bil-valur medju ta’ dan l-indikatur (Med. (Image not found)). Id-data biex titwettaq din il-multiplikazzjoni wkoll tinstab fil-paġni 31 u 133 tal-Anness II tad-Deċiżjoni kkontestata.

ii)    Pass 2

379    Fil-pass 2, għal kull indikatur mhux maħdum ikkalkolat fil-pass 1 għal kull wieħed mill-indikaturi u s-sottoindikaturi tar-riskju bl-eċċezzjoni tal-indikatur “[d]aqs ta’ għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja preċedenti”, is-SRB għandu jwettaq l-operazzjonijiet li ġejjin. L-ewwel pass huwa li jikkalkola għadd ta’ bins sabiex iqabbel l-indikaturi mhux maħduma tal-istituzzjonijiet. Fit-tieni pass, is-SRB jassenja l-istess numru ta’ istituzzjonijiet lil kull bin, billi jibda billi jassenja lill-ewwel bin l-istituzzjonijiet li għalihom il-valuri tal-indikatur gross huma l-iktar baxxi. B’dan il-mod, kull bin għandu valuri ta’ limitu, li huma ddeterminati mill-indikatur mhux maħdum l-iktar baxx u mill-indikatur mhux maħdum l-iktar għoli. Fit-tielet pass, is-SRB jassenja lill-istituzzjonijiet kollha li jinsabu f’bin partikolari l-“indikatur diskretizzat” għal dak il-bin, imsejjaħ , li jirrappreżenta l-valur tal-ordni ta’ dan il-bin, mix-xellug għal-lemin, sabiex l-indikatur diskretizzat jiġi ddefinit bħala ugwali għal 1, 2, 3 u saċ-ċifra tal-aħħar bin.

380    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kalkolu tal-għadd ta’ bins, dan huwa bbażat fuq il-formula matematika prevista fl-Anness I, taħt l-intestatura “Pass 2”, fil-punt 2, tar-Regolament Delegat 2015/63. Din il-formula tikkonsisti fit-tliet elementi li ġejjin:

–        l-għadd ta’ istituzzjonijiet li jikkontribwixxu għas-SRF, imsejħa N;

–        il-valur , li huwa kkalkolat fuq il-bażi ta’ dan l-għadd ta’ istituzzjonijiet N;

–        il-valur , li huwa kkalkolat fuq il-bażi tal-istess għadd ta’ istituzzjonijiet N, il-medja tal-indikaturi mhux maħduma inkwistjoni, imsejħa Image not found, u l-indikaturi mhux maħduma ta’ kull istituzzjoni, imsejħa .

381    Kif jirriżulta wkoll mill-punt 363 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti setgħet tkun taf l-għadd ta’ istituzzjonijiet N li jikkontribwixxu għas-SRF.

382    Barra minn hekk, is-SRB ikkomunika, fil-paġni 30 sa 34 u 132 sa 136 tal-Anness II tad-Deċiżjoni kkontestata, il-valuri u kif ukoll il-medja tal-indikaturi mhux maħduma Image not found għal kull indikatur u sottoindikatur tar-riskju.

383    Fl-aħħar nett, mill-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-punti 292 sa 302 iktar ’il fuq jirriżulta li s-SRB ma kienx meħtieġ jikkomunika lill-istituzzjonijiet l-indikaturi mhux maħduma tal-istituzzjonijiet l-oħra kollha kkonċernati.

384    Konsegwentement, fir-rigward tal-kalkolu tal-għadd ta’ bins, is-SRB ipprovda lill-istituzzjonijiet bl-iktar trasparenza estensiva, fil-limiti imposti mill-obbligu tiegħu li jirrispetta s-sigriet kummerċjali ta’ dawn tal-aħħar, b’tali mod li r-rikorrenti kellha biżżejjed informazzjoni biex tifhem, essenzjalment, il-mod li bih is-SRB wettaq dan il-kalkolu.

385    Fit-tieni lok, minn naħa, ir-rikorrenti kellha aċċess għall-valuri minimi u massimi ta’ kull bin, għal kull wieħed mill-indikaturi jew sottoindikaturi tar-riskju, peress li dawn jingħataw fil-paġni 30 sa 34 u 132 sa 136 tal-Anness II tad-Deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, kienet taf l-indikaturi mhux maħduma li kienu ntużaw mis-SRB għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha, billi dawn l-indikaturi jidhru fl-iskeda individwali tagħha. Ir-rikorrenti setgħet għalhekk tivverifika jekk l-indikaturi mhux maħduma allokati lilha kinux bejn il-valuri minimi u massimi tal-bins li għalihom kienet ġiet assenjata.

386    Fit-tielet lok, l-istituzzjonijiet jistgħu jivverifikaw, fl-iskeda individwali, l-indikatur diskretizzat allokat lilhom għal indikatur jew sottoindikatur tar-riskju partikolari.

387    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti kellha biżżejjed informazzjoni biex tifhem, essenzjalment, l-operazzjonijiet imwettqa matul it-tieni pass.

388    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti tar-rikorrenti.

389    Ir-rikorrenti qabelxejn issostni li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Anness I, taħt l-intestatura “Pass 2”, fil-punt 3, tar-Regolament Delegat 2015/63, huwa impossibbli li jiġi vverifikat jekk l-istituzzjonijiet bl-istess indikatur mhux maħdum ġewx tabilħaqq assenjati għall-istess bin. Għalhekk, is-SRB kellu jipprovdi lista tal-klassifikazzjoni tal-istituzzjonijiet kollha, sabiex ir-rikorrenti tkun tista’ tivverifika jekk it-tqassim tagħhom fil-bins differenti kienx korrett. Barra minn hekk, peress li d-Deċiżjoni kkontestata ma fihiex dettalji dwar it-tielet stadju tal-pass 2, jiġifieri l-assenjazzjoni tal-indikatur diskretizzat lill-istituzzjonijiet, ir-rikorrenti ma setgħetx tivverifika l-indikatur diskretizzat allokat lilha għad-diversi indikaturi tar-riskju.

390    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 265 iktar ’il fuq, l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jirrikjedix li r-rikorrenti jkollha aċċess għall-elementi kollha li jippermettulha tivverifika l-eżattezza tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha.

391    B’mod partikolari, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 270 iktar ’il fuq, is-SRB ma huwiex obbligat jipprovdi lir-rikorrenti data koperta mis-sigriet kummerċjali relatata mas-sitwazzjoni ekonomika ta’ kull waħda mill-istituzzjonijiet l-oħra kkonċernati.

392    Issa, is-SRB jista’ jqis b’mod leġittimu li l-indikatur diskretizzat allokat lil istituzzjoni kien kopert mis-sigriet kummerċjali. Fil-fatt, is-SRB jista’ jikkunsidra li l-iżvelar possibbli ta’ din l-informazzjoni jirriskja li jikxef is-sitwazzjoni ekonomika ta’ tali istituzzjoni u, b’mod partikolari, il-livell ta’ riskju ta’ din tal-aħħar għal ċerti attivitajiet finanzjarji, billi jippermetti t-tqabbil dirett ta’ dan il-livell ta’ riskju ma’ dak tal-istituzzjonijiet l-oħra.

iii) Pass 3

393    Fil-pass 3, is-SRB ikklassifika mill-ġdid, għal kull indikatur u sottoindikatur tar-riskju, l-indikaturi diskretizzati li jirriżultaw mill-pass 2 fuq skala ta’ 1 sa 1 000 sabiex jikseb “indikatur rigradat”, imsejjaħ .

394    Sabiex jikkalkola dan l-indikatur ikklassifikat mill-ġdid, is-SRB għandu japplika formula li tuża t-tliet elementi li ġejjin:

–        l-indikatur diskretizzat allokat lill-istituzzjoni kkonċernata fil-pass 2;

–        l-argument tal-funzjoni massima, li l-valur tiegħu jikkorrispondi għaċ-ċifra tal-aħħar bin għall-indikatur jew is-sottoindikatur tar-riskju rilevanti;

–        l-argument tal-funzjoni minima, li l-valur tiegħu jikkorrispondi għaċ-ċifra tal-ewwel bin għall-indikatur jew is-sottoindikatur tar-riskju inkwistjoni.

395    Ir-rikorrenti kellha aċċess għal dawn l-elementi. Minn naħa, l-indikatur diskretizzat huwa r-riżultat tal-operazzjoni tal-pass 2 deskritt fil-punt 379 iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, il-valuri tal-argumenti tal-funzjoni massima u minima msemmija fil-punt 394 iktar ’il fuq jidhru fil-paġni 30 sa 34 u 132 sa 136 tal-Anness II tad-Deċiżjoni kkontestata, fil-linji “Bin min.” u “Bin max.”.

396    Konsegwentement, ir-rikorrenti kellha biżżejjed informazzjoni biex tifhem l-operazzjoni mwettqa fil-pass 3 u b’hekk tikseb l-indikatur ikklassifikat mill-ġdid.

iv)    Pass 4

397    Fil-pass 4, għal kull indikatur u sottoindikatur tar-riskju, is-SRB għandu jikkalkola l-“indikatur rigradat ittrasformat”, imsejjaħ .

398    F’dan ir-rigward, l-Anness I, taħt l-intestatura “Pass 4”, fil-punt 1, tar-Regolament Delegat 2015/63, jassenja lil kull indikatur tar-riskju sinjal pożittiv jew sinjal negattiv. Għall-indikaturi tar-riskju b’sinjal pożittiv, iktar ma l-valuri jkunu għoljin, iktar ikun għoli l-profil tar-riskju tal-istituzzjoni. Għall-indikaturi tar-riskju b’sinjal negattiv, iktar ma l-valuri jkunu għoljin, iktar ikun baxx il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni.

399    Ladarba jiġi applikat is-sinjal, is-SRB jikkalkola l-indikaturi kklassifikati mill-ġdid ittrasformati, skont il-formula pprovduta għal dan il-għan fl-Anness I, taħt l-intestatura “Pass 4”, fil-punt 2, tar-Regolament Delegat 2015/63.

400    Il-kalkolu tal-indikatur ikklassifikat mill-ġdid ittrasformat jitwettaq bl-użu tal-indikatur ikklassifikat mill-ġdid miksub fil-Pass 3. Għalhekk, jekk is-sinjal applikat għall-indikatur tar-riskju kkonċernat ikun negattiv, l-indikatur ikklassifikat mill-ġdid ittrasformat ikollu l-istess valur bħall-indikatur ikklassifikat mill-ġdid. Min-naħa l-oħra, jekk is-sinjal applikat għall-indikatur tar-riskju inkwistjoni jkun pożittiv, l-indikatur ikklassifikat mill-ġdid għandu jitnaqqas min-numru 1 001, skont il-formula .

401    Qabelxejn, minħabba n-natura tal-operazzjonijiet imsemmija fil-punt 400 iktar ’il fuq, li jew ma jinvolvu l-ebda kalkolu jew huma llimitati għal kalkoli sempliċi mingħajr l-użu ta’ data addizzjonali, ir-rikorrenti ma tistax tgħid li ma kellhiex biżżejjed informazzjoni biex tivverifika l-imsemmija operazzjonijiet imwettqa mis-SRB.

402    Sussegwentement, għandu jiġi rrifjutat l-argument tar-rikorrenti li, fil-kuntest tal-pass 4, is-SRB ma spjegax ir-raġunijiet għaliex kien applika b’mod sistematiku sinjal pożittiv għall-indikaturi tar-riskju tal-pilastru tar-riskju IV.

403    Dwar dan il-punt, is-SRB iċċara, fil-premessa 112 tad-Deċiżjoni kkontestata, li l-applikazzjoni ta’ sinjal negattiv jew pożittiv kienet tiddependi fuq il-karattru tal-indikatur tar-riskju partikolari. Sussegwentement, huwa fakkar li, għall-indikaturi b’sinjal pożittiv, iktar ma l-valuri jkunu għoljin, iktar ikun għoli l-profil tar-riskju tal-istituzzjoni. Għalhekk, is-SRB applika sinjal pożittiv għall-indikaturi tar-riskju kollha li kienu jiffurmaw il-pilastru tar-riskju IV, bl-eċċezzjoni tal-indikatur tar-riskju tas-SPI, peress li iktar ma jkunu għoljin il-valuri għal dawn l-indikaturi, iktar ikun għoli l-profil tar-riskju tal-istituzzjoni.

404    Barra minn hekk, ir-rikorrenti hija żbaljata meta ssostni li ma tistax tivverifika l-operazzjonijiet imwettqa fil-Pass 4, peress li dawn huma bbażati fuq il-valuri li jirriżultaw mill-Pass 3, li ma tistax tkun tafhom.

405    Fil-fatt, kif diġà ġie espost fil-punti 393 sa 395 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti tista’ tikkalkola għaliha nnifisha l-indikaturi kklassifikati mill-ġdid li ġew applikati għaliha, sabiex tkun tista’ tivverifika wkoll jekk ir-riżultat tat-trasformazzjoni tagħhom fil-Pass 4 – li jidher fil-kolonna “Punteġġ tal-intervall (TRI)” tal-iskeda individwali tagħha – huwiex korrett.

406    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tqis li, fil-kuntest tal-pass 4, is-SRB ma mmotivax id-deċiżjoni tiegħu fir-rigward tal-ponderazzjoni tal-indikatur tar-riskju tas-SPI. B’mod partikolari, is-SRB ma kienx speċifika kif kien qies, f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Delegat 2015/63, il-ponderazzjoni relattiva tal-indikatur tar-riskju “[a]ttivitajiet ta’ negozjar u skoperturi barra l-karta bilanċjali, derivattivi, kumplessità u riżolvibbiltà” għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-indikatur tar-riskju tas-SPI. Bl-istess mod, ma kienx spjega r-raġunijiet għat-tqassim tal-istituzzjonijiet fi tliet bins, l-allokazzjoni tal-fatturi ta’ aġġustament ta’ 7/9 u 5/9 għal tnejn minn dawn il-bins, il-kriterji li skonthom l-istituzzjonijiet kienu ġew assenjati għall-bins imsemmija u r-raġunijiet għaliex ir-rikorrenti kienet ġiet assenjata għal wieħed minn dawn il-bins partikolari.

407    Dwar dan il-punt, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li s-SRB spjega fil-premessa 114 tad-Deċiżjoni kkontestata li, anki jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Delegat 2015/63 kien jeħtieġlu jippondera l-indikatur tar-riskju tas-SPI skont l-indikaturi tar-riskju stabbiliti fih, kellu jiżgura li anki l-istituzzjonijiet bl-iktar profil riskjuż xorta jkunu jistgħu jibbenefikaw mis-sħubija tagħhom f’SPI meta jikkalkola l-kontribuzzjonijiet ex ante. Fid-dawl ta’ dan, is-SRB indika fil-premessi 114 sa 116 tad-Deċiżjoni kkontestata u fil-punt 131 tal-Anness III ta’ din id-deċiżjoni li, sabiex jintlaħaq dan l-għan, huwa kien stabbilixxa tliet bins għall-ponderazzjoni tal-indikatur tar-riskju tas-SPI u kien assenja lill-istituzzjonijiet bil-profil tar-riskju l-iktar baxx għat-tielet bin, li għalih ma kien previst l-ebda aġġustament ta’ dan l-indikatur. Minn dawn l-ispjegazzjonijiet jirriżulta wkoll s-SRB assenja, fl-istess loġika, l-istituzzjonijiet bi profil ta’ riskju medju u dawk bl-ogħla profil ta’ riskju, rispettivament, għat-tieni u għall-ewwel bins billi applika fattur ta’ aġġustament ta’ 7/9 u 5/9 għall-imsemmi indikatur tar-riskju.

408    Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, is-SRB żied fil-punt 131 tal-Anness III tad-Deċiżjoni kkontestata li, bl-applikazzjoni tal-fatturi ta' aġġustament imsemmija fil-punt 407 iktar ’il fuq, anki l-istituzzjonijiet bl-ogħla profil ta’ riskju xorta jgawdu iktar minn 50 % tal-vantaġġ massimu li setgħu jiksbu minħabba s-sħubija tagħhom f’SPI fir-rigward tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante.

409    Tali spjegazzjonijiet jippermettu lir-rikorrenti tifhem ir-raġunijiet li ggwidaw lis-SRB fil-ponderazzjoni tal-indikatur tar-riskju tas-SPI u lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.

410    Rigward, min-naħa l-oħra, ir-raġunijiet għaliex ir-rikorrenti ġiet assenjata għal bin partikolari għall-indikatur tar-riskju tas-SPI, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fil-premessa 115 tad-Deċiżjoni kkontestata, is-SRB spjega li kien ikklassifika l-istituzzjonijiet ikkonċernati skont il-medja aritmetika pponderata b’mod ġust tal-indikaturi kklassifikati mill-ġdid ittrasformati tad-disa’ sottoindikaturi tar-riskju tal-pilastru tar-riskju IV.

411    Tali motivazzjoni hija suffiċjenti sabiex l-argument tar-rikorrenti ma jkunx jista’ jintlaqa’.

v)      Pass 5

412    Fil-Pass 5, is-SRB wettaq l-operazzjonijiet li ġejjin.

413    L-ewwel nett, is-SRB jaggrega l-indikaturi tar-riskju i f’kull pilastru tar-riskju j skont medja aritmetika pponderata, billi japplika l-formula prevista għal dan il-għan fl-Anness I, taħt l-intestatura “Pass 5”, fil-punt 1, tar-Regolament Delegat 2015/63.

414    Din il-formula tinħadem fuq il-bażi, minn naħa waħda, tal-ponderazzjoni tal-indikatur tar-riskju kkonċernat fi ħdan il-pilastru tar-riskju partikolari, imsejjaħ , u min-naħa l-oħra, tal-indikatur rigradat ttrasformat. Issa, tali ponderazzjonijiet jidhru mhux biss fl-Artikolu 7(2) sa (4) tar-Regolament Delegat 2015/63, iżda wkoll fl-iskeda individwali tar-rikorrenti u fil-paġna 5 tal-Anness II tad-Deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, l-indikatur ikklassifikat mill-ġdid ittrasformat inkiseb fil-pass 4.

415    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax tgħid li ma kellhiex aċċess għad-data meħtieġa biex tinħadem l-imsemmija formula.

416    It-tieni, is-SRB jaggrega l-pilastri tar-riskju j biex jikseb l-“indikatur maħdum”, imsejjaħ , skont medja ġeometrika pponderata, billi japplika l-formula prevista għal dan il-għan fl-Anness I, taħt l-intestatura “Pass 5”, fil-punt 2, tar-Regolament Delegat 2015/63.

417    Din il-formula tinħadem fuq il-bażi tal-ponderazzjoni tal-pilastri tar-riskju, imsejħa , prevista fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Delegat 2015/63 u tal-valuri miksuba bħala riżultat tal-aggregazzjoni tal-indikaturi tar-riskju f’kull pilastru tar-riskju, fil-kuntest tal-operazzjoni deskritta fil-punti 413 u 414 iktar ’il fuq. Dawn il-valuri tal-aħħar huma kkomunikati lir-rikorrenti fl-iskeda individwali tagħha.

418    It-tielet, is-SRB jadatta l-indikatur maħdum billi japplika l-formula prevista għal dan il-għan fl-Anness I, taħt l-intestatura “Pass 5”, fil-punt 3, tar-Regolament Delegat 2015/63, jiġifieri 1 000 , biex jikseb l-“indikatur maħdum finali”, imsejjaħ . Konsegwentement, l-istituzzjonijiet bi profil ta’ riskju ogħla jiksbu indikatur maħdum finali ogħla.

419    F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ssostni li, fil-kuntest tal-Pass 5, is-SRB kellu jispjega, minn naħa, il-proċedura tal-aggregazzjoni tal-indikaturi tar-riskju f’kull pilastru tar-riskju, filwaqt li jqis, b’mod partikolari, il-ponderazzjonijiet relattivi tal-indikaturi preskritti fl-Artikolu 7 tar-Regolament Delegat 2015/63 u juri kif kien irriżulta fl-aggregazzjoni tal-imsemmija indikaturi u, min-naħa l-oħra, il-mod li bih inkiseb l-indikatur maħdum. Dan ikun iktar u iktar il-każ peress li, matul il-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021, uħud minn dawn l-istess indikaturi ma ġewx applikati mis-SRB u għalhekk il-ponderazzjoni tagħhom kellha titqassam.

420    F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punti 412 sa 418 iktar ’il fuq, il-proċess tal-aggregazzjoni tal-indikaturi tar-riskju huwa bbażat fuq il-formuli previsti fl-Anness I, taħt l-intestatura “Pass 5”, fil-punti 1 sa 3, tar-Regolament Delegat 2015/63.

421    It-tieni, minn dawn l-istess punti jirriżulta li r-rikorrenti kellha l-elementi kollha meħtieġa biex taħdem l-imsemmija formuli.

422    Fl-aħħar nett, is-SRB spjega fil-premessa 94 tad-Deċiżjoni kkontestata li, peress li xi indikaturi tar-riskju ma kinux ġew applikati matul il-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021, il-ponderazzjonijiet tal-indikaturi tar-riskju disponibbli kienu ġew ikklassifikati mill-ġdid proporzjonalment, sabiex is-somma tal-ponderazzjonijiet tagħhom tilħaq il-100 %, u huwa mifhum li tali rigradazzjoni kienet prevista fl-Artikolu 20(1) tar-Regolament Delegat 2015/63.

423    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-rikorrenti kellha biżżejjed informazzjoni biex tifhem l-operazzjonijiet previsti fil-pass 5 u implimentati mis-SRB.

vi)    Pass 6

424    Fil-Pass 6, is-SRB iwettaq iż-żewġ operazzjonijiet li ġejjin.

425    L-ewwel nett, is-SRB jikkalkola l-multiplikatur tal-aġġustament, imsejjaħ , billi jikklassifika mill-ġdid l-indikatur maħdum finali li jirriżulta mill-pass 5 fuq skala li tvarja minn 0.8 sa 1.5, skont il-formula prevista fl-Anness I, taħt l-intestatura “Pass 6”, fil-punt 1, tar-Regolament Delegat 2015/63.

426    Sabiex jaħdem din il-formula, is-SRB jiddependi fuq tliet tipi ta’ data, jiġifieri:

–        l-indikatur maħdum finali tal-istituzzjoni kkonċernata;

–        l-argument tal-funzjoni minima tal-indikatur maħdum finali, imsejjaħ , li jikkorrispondi għall-valur minimu ta’ dan l-indikatur għall-istituzzjonijiet kollha li jikkontribwixxu għas-SRF li għalih jiġi kkalkolat dan l-indikatur;

–        l-argument tal-funzjoni massima tal-indikatur maħdum finali, imsejjaħ , li jikkorrispondi għall-valur massimu ta’ dan l-istess indikatur għall-imsemmija istituzzjonijiet.

427    L-indikatur maħdum finali tal-istituzzjoni kkonċernata jirriżulta mill-Pass 5. Barra minn hekk, il-funzjonijiet minimi u massimi, imsemmija fil-punt 426 iktar ’il fuq, huma data li hija identika għall-istituzzjonijiet kollha li l-kontribuzzjoni annwali bażika tagħhom hija aġġustata skont il-profil tar-riskju tagħhom. Din id-data tidher fl-iskeda individwali ta’ kull istituzzjoni kif ukoll fil-paġna 4 tal-Anness II tad-Deċiżjoni kkontestata, fir-raba’ u l-ħames kolonna tat-tabella li hemm fiha, intitolati rispettivament “k” u “l”. Konsegwentement, ir-rikorrenti kellha aċċess għad-data meħtieġa biex taħdem il-formula prevista fl-Anness I, taħt l-intestatura “Pass 6”, fil-punt 1, tar-Regolament Delegat 2015/63.

428    It-tieni, is-SRB jikkalkola l-kontribuzzjoni finali tal-istituzzjoni kkonċernata, imsejħa , skont il-formula stabbilita fl-Anness I, taħt l-intestatura “Pass 6”, fil-punt 2, tar-Regolament Delegat 2015/63.

429    Dan il-kalkolu jsir abbażi ta’ ħames tipi ta’ data, jiġifieri:

–        il-livell fil-mira annwali aġġustat skont l-Anness I, taħt l-intestatura “Pass 6”, fil-punt 2, tar-Regolament Delegat 2015/63, imsejjaħ “Mira”;

–        il-passiv nett tal-istituzzjoni partikolari aġġustati skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Delegat 2015/63, li jikkostitwixxu n-numeratur tal-kontribuzzjoni annwali bażika, imsejħa ;

–        is-somma tal-kontribuzzjonijiet annwali bażiċi aġġustati għar-riskju tal-istituzzjonijiet kollha kkonċernati, imsejħa ;

–        il-passiv nett kumulattivi tal-istituzzjonijiet awtorizzati kollha fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha, li huwa d-denominatur tal-kontribuzzjoni annwali bażika, imsejħa ;

–        il-multiplikatur tal-aġġustament tal-istituzzjoni partikolari.

430    Il-passiv nett tar-rikorrenti, aġġustati skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Delegat 2015/63, u l-multiplikatur tal-aġġustament tagħha kif ukoll l-obbligazzjonijiet netti kumulattivi tal-istituzzjonijiet awtorizzati kollha fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha ġew ikkomunikati lir-rikorrenti fl-iskeda individwali tagħha. Barra minn hekk, l-Anness II tad-Deċiżjoni kkontestata indika, fil-paġna 4, il-livell fil-mira annwali aġġustat – fl-ewwel kolonna, intitolata “h”, tat-tabella li hemm fiha – kif ukoll is-somma tal-kontribuzzjonijiet annwali bażiċi aġġustati għar-riskju tal-istituzzjonijiet kollha kkonċernati, b’din is-somma tiġi riprodotta fit-tielet kolonna, intitolata “j”, tal-istess tabella.

431    Fl-aħħar nett, spjegazzjonijiet addizzjonali dwar il-Pass 6 ġew ipprovduti mis-SRB fil-premessi 118 sa 121 tad-Deċiżjoni kkontestata.

432    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti kellha biżżejjed informazzjoni biex tifhem il-kalkoli mwettqa fil-Pass 6.

433    Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-argument tar-rikorrenti.

434    Fir-rigward tal-kalkolu tal-multiplikatur tal-aġġustament, fil-Pass 6, imsemmi fil-punti 425 u 426 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti hija żbaljata meta ssostni li, fin-nuqqas tal-komunikazzjoni tal-indikaturi maħduma finali tal-istituzzjonijiet kollha, hija ma setgħetx tkun taf jekk il-valuri tal-argumenti tal-funzjonijiet minimi u massimi tal-indikaturi maħduma finali, imsemmija fil-punt 426 iktar ’il fuq, jikkostitwixxux eċċezzjonijiet li jwasslu għal distorsjoni tal-multiplikaturi tal-aġġustament.

435    Dwar dan il-punt, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 263 iktar ’il fuq jirriżulta li l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jirrikjedix li r-rikorrenti jkollha aċċess għall-elementi kollha li jippermettulha tivverifika l-preċiżjoni tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha. Fost l-elementi li s-SRB għalhekk ma huwiex meħtieġ li jikkomunika lir-rikorrenti hemm ukoll l-indikaturi maħduma finali tal-istituzzjonijiet kollha. Il-valuri tagħhom huma fil-fatt probabbli li jikkostitwixxu informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ekonomika tal-istituzzjonijiet ikkonċernati u, b’mod partikolari, dwar il-livell ta’ riskju tagħhom fis-swieq, billi huwa mifhum li l-istituzzjonijiet bi profil ta’ riskju ogħla jiksbu indikatur maħdum finali ogħla. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-SRB jista’ jqis b’mod leġittimu li l-iżvelar tal-indikaturi maħduma finali tal-istituzzjonijiet kollha tikser l-obbligu tiegħu li jipproteġi s-sigriet kummerċjali tal-istituzzjonijiet ikkonċernati. Konsegwentement, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 265 iktar ’il fuq, l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mis-SRB fil-premessa 118 tad-Deċiżjoni kkontestata u d-data kkomunikata permezz tal-iskeda individwali u l-paġna 4 tal-Anness II ta’ din id-deċiżjoni jistgħu jitqiesu suffiċjenti.

436    Bl-istess mod, ir-rikorrenti ma tistax issostni, fir-rigward tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni finali fil-Pass 6 msemmi fil-punti 428 u 429 iktar ’il fuq, li, minkejja r-riproduzzjoni tal-formula użata għal dan il-kalkolu u l-ispjegazzjoni tal-komponenti varji tiegħu fid-Deċiżjoni kkontestata, is-SRB ma spjegax kif wasal, sa fejn hija kkonċernata r-rikorrenti, għar-riżultat tal-kalkolu indikat fl-iskeda individwali.

437    Minn naħa, kif jirriżulta mill-premessi 119 sa 121 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-kontribuzzjoni finali tar-rikorrenti ġiet ikkalkolata skont il-formula stabbilita fl-Anness I, taħt l-intestatura “Pass 6”, fil-punt 2, tar-Regolament Delegat 2015/63. Min-naħa l-oħra, kif ġie rrilevat fil-punt 430 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti tista’ ssib id-data meħtieġa biex taħdem din il-formula fl-iskeda individwali tagħha kif ukoll fil-kolonni h u j tat-tabella fil-paġna 4 tal-Anness II tad-Deċiżjoni kkontestata.

438    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li billi juża, minn naħa, il-formuli previsti fl-Anness I tar-Regolament Delegat 2015/63 u, min-naħa l-oħra, id-data li tinsab fl-Annessi I u II tad-Deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tista’ effettivament tivverifika, pass pass, il-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tiegħu mis-SRB

439    Konsegwentement, it-tielet ilment tal-ħames parti tat-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

h)      Fuq isseba’ parti, dwar leżistenza ta’ deċiżjonijiet intermedji mhux ippubblikati 

440    Ir-rikorrenti ssostni li l-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata ma hijiex suffiċjenti, peress li s-SRB adotta deċiżjonijiet intermedji li ma ġewx ippubblikati u li ma ġewx ikkomunikati lilha.

441    Is-SRB jikkontesta dan l-argument.

442    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-motivazzjoni li hemm fid-deċiżjoni li tistabbilixxi kontribuzzjonijiet ex ante għandha titqies bħala insuffiċjenti meta din il-motivazzjoni tkun ibbażata, fir-rigward ta’ ċerti elementi li għalihom is-SRB għandu jipprovdi motivazzjoni, unikament fuq atti ġuridiċi oħra, bħal deċiżjonijiet intermedji, li s-SRB ikun adotta bil-għan li jiċċara u, f’ċerti każijiet, jissupplimenta ċerti aspetti tal-iffissar tal-kontribuzzjonijiet imsemmija, iżda li ma jkunx ippubblika jew ikkomunika b’xi mod ieħor lill-istituzzjonijiet (ara s-sentenzi tat‑28 ta’ Novembru 2019, Hypo Vorarlberg Bank vs SRB, T‑377/16, T‑645/16 u T‑809/16, EU:T:2019:823, punti 194 u 199, u tat‑28 ta’ Novembru 2019, Portigon vs SRB, T‑365/16, EU:T:2019:824, punti 171 u 176).

443    F’dan il-każ, is-SRB ipproduċa, bi tweġiba għal miżura istruttorja tal-Qorti Ġenerali tad‑9 ta’ Novembru 2022, id-deċiżjonijiet intermedji li kienu rilevanti għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021. Dawn id-deċiżjonijiet, li sussegwentement ġew innotifikati lir-rikorrenti f’verżjoni mhux kunfidenzjali tagħhom, jinkludu, b’mod partikolari, pożizzjonijiet interni li kienu indirizzati lill-persunal tas-SRB bil-ħsieb li jiggwidawhom fil-proċess tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante.

444    Madankollu, kif jirriżulta mis-sunt tad-Deċiżjoni kkontestata fil-punti 5 sa 18 iktar ’il fuq, dawn jinkludu motivazzjoni dwar l-iffissar tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021.

445    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma identifikat l-ebda element fid-deċiżjonijiet intermedji li ma kienx inkluż fid-Deċiżjoni kkontestata nnifisha u li kien ġie kkunsidrat għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021.

446    Konsegwentement, ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-eżistenza tad-deċiżjonijiet intermedji kellha xi impatt fuq il-firxa tal-informazzjoni disponibbli għar-rikorrenti sabiex tkun tista’ tivverifika l-legalità tal-iffissar tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha u tikkontestaha quddiem il-qorti tal-Unjoni. B’mod partikolari, kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel sas-sitt parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti setgħet tifhem l-elementi kollha tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante, bl-eċċezzjoni tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali, fuq il-bażi tad-Deċiżjoni kkontestata biss.

447    Għalhekk, id-Deċiżjoni kkontestata hija distinta mid-deċiżjoni tas-SRB li tistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet ex ante li kienet is-suġġett tal-kawżi li wasslu għas-sentenzi tat‑28 ta’ Novembru 2019, Hypo Vorarlberg Bank vs SRB (T‑377/16, T‑645/16 u T‑809/16, EU:T:2019:823), u tat‑28 ta’ Novembru 2019, Portigon vs SRB (T‑365/16, EU:T:2019:824). Tabilħaqq, din l-aħħar deċiżjoni ma kinitx tinkludi, b’mod partikolari, indikazzjonijiet li jikkonċernaw id-determinazzjoni mis-SRB tal-pilastru tar-riskju IV, fejn tali indikazzjonijiet jidhru biss fid-deċiżjonijiet intermedji inkwistjoni f’dawn il-kawżi (sentenzi tat‑28 ta’ Novembru 2019, Hypo Vorarlberg Bank vs SRB, T‑377/16, T‑645/16 u T‑809/16, EU:T:2019:823, punt 195, u tat‑28 ta’ Novembru 2019, Portigon vs SRB, T‑365/16, EU:T:2019:824, punt 172).

448    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma spjegatx kif – fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 444 sa 446 iktar ’il fuq – il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet intermedji kienet tippermettilha teżerċita, taħt kundizzjonijiet aħjar, id-drittijiet tagħha quddiem il-qrati tal-Unjoni jew kif tali pubblikazzjoni kienet ser tippermetti lil dawn tal-aħħar jeżerċitaw l-istħarriġ tagħhom b’mod iktar effettiv.

449    F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sempliċi nuqqas ta’ pubblikazzjoni jew komunikazzjoni tad-deċiżjonijiet intermedji ma jistax, fih innifsu, iwassal għal nuqqas ta’ motivazzjoni għad-Deċiżjoni kkontestata.

450    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, is-seba’ parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

i)      Konklużjoni dwar ittieni motiv

451    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, it-tielet parti tat-tieni motiv għandha tiġi milqugħa. Il-partijiet l-oħra ta’ dan il-motiv għandhom jiġu miċħuda.

3.      Fuq ittielet motiv, ibbażat fuq ksur taddritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva minħabba nnatura mhux verifikabbli tadDeċiżjoni kkontestata 

452    Ir-rikorrenti ssostni li s-SRB kiser il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, peress li fil-prattika, huwa impossibbli li jsir stħarriġ ġudizzjarju tad-Deċiżjoni kkontestata. Minn naħa, la l-Qorti Ġenerali u lanqas ir-rikorrenti ma kellhom data relatata ma’ istituzzjonijiet oħra għajr ir-rikorrenti, għalkemm din id-data hija meħtieġa għall-verifika tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante mħallsa minn din tal-aħħar. Min-naħa l-oħra, anki kieku l-Qorti Ġenerali kisbet aċċess għad-data inkwistjoni, ma kinitx tkun tista’ tużaha, peress li ma kellhiex is-software użat mis-SRB biex jikkalkola l-kontribuzzjonijiet ex ante, sabiex jiġu segwiti l-passi differenti tal-kalkolu skont l-Anness I tar-Regolament Delegat 2015/63.

453    Is-SRB jikkontesta dan l-argument.

454    Kif ġie rrilevat fil-punt 43 iktar ’il fuq, kienet ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, meta kienu qegħdin jistabbilixxu s-sistema għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante permezz tar-Regolament Delegat 2015/63 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, li jirrikonċiljaw ir-rispett għas-sigriet kummerċjali u l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, b’tali mod li d-data koperta minn dan is-sigriet ma setgħetx tiġi kkomunikata lill-partijiet ikkonċernati u ma setgħetx, b’mod partikolari, tiġi inkluża fil-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante.

455    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 339 TFUE u l-Artikolu 88 tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB kien meħtieġ ukoll, meta jikkomunika d-Deċiżjoni kkontestata, li ma jiżvelax data koperta mis-sigriet kummerċjali lill-istituzzjonijiet.

456    Madankollu, hija r-responsabbiltà tal-qorti tal-Unjoni li tivverifika l-fondatezza tar-raġunijiet invokati mis-SRB biex jopponi l-komunikazzjoni tad-data użata għall-fini tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet imsemmija, kif ġie rrilevat fil-punt 48 iktar ’il fuq.

457    F’dan il-każ, mill-eżami mwettaq fil-punti 292 sa 302 iktar ’il fuq jirriżulta li s-SRB kien iġġustifikat meta oppona l-komunikazzjoni lir-rikorrenti tad-data individwali relatata mal-istituzzjonijiet l-oħra.

458    Barra minn hekk, għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-punt 54 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrifjutat l-argument li l-użu ta’ software mis-SRB għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante jipprekludi l-eżerċizzju ta’ stħarriġ ġudizzjarju sussegwenti.

459    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

4.      Fuq issitt motiv, ibbażat fuq ksur ta’ diversi dispożizzjonijiet taddritt primarju u sekondarju minħabba lapplikazzjoni ta’ multiplikatur għallindikatur tarriskju tasSPI għarrikorrenti

460    Is-sitt motiv huwa maqsum f’erba’ partijiet.

a)      Fuq lewwel parti, ibbażata fuq ksur talArtikolu 113(7) tarRegolament Nru 575/2003 u talArtikolu 103(7)(h) tarRegolament Nru 2014/59

461    Ir-rikorrenti tfakkar li, fir-rigward tal-indikatur tar-riskju tas-SPI, id-Deċiżjoni kkontestata applikat fattur ta’ aġġustament ta’ [kunfidenzjali] għaliha. Issa, l-applikazzjoni ta’ tali fattur ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 113(7) tar-Regolament Nru 575/2013 jew tal-Artikolu 103(7)(h) tad-Direttiva 2014/59. Fil-fatt, is-SPI li r-rikorrenti hija membru tagħha tipproteġi lill-istituzzjonijiet kollha li jagħmlu parti minnha bl-istess mod, b’tali mod li d-differenzjazzjoni bejn dawn l-istituzzjonijiet fir-rigward tal-indikatur tar-riskju tas-SPI hija kuntrarja għall-formulazzjoni u għall-ispirtu ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

462    Is-SRB jikkontesta dan l-argument.

463    Minn naħa, kif jirriżulta mill-punti 132 u 139 iktar ’il fuq, xejn fil-formulazzjoni tal-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59 jew l-Artikolu 113(7) tar-Regolament Nru 575/2013 ma impedixxa lill-Kummissjoni milli tipprevedi, fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Delegat 2015/63, li s-SRB, meta japplika l-indikatur tar-riskju tas-SPI, irid iqis il-ponderazzjoni relattiva tal-indikatur tar-riskju “[a]ttivitajiet ta’ negozjar u skoperturi barra l-karta bilanċjali, derivattivi, kumplessità u riżolvibbiltà”.

464    Min-naħa l-oħra, mill-premessi 114 sa 116 tad-Deċiżjoni kkontestata u mill-punt 131 tal-Anness III ta’ dik id-deċiżjoni jirriżulta li s-SRB ikkonforma mal-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Delegat 2015/63, li l-illegalità tiegħu, barra minn hekk, ma ġietx stabbilita.

465    Għaldaqstant, l-ewwel parti tas-sitt motiv għandha tiġi miċħuda.

b)      Fuq ittieni parti, ibbażata fuq ksur talArtikolu 16 talKarta u talprinċipju ta’ proporzjonalità

466    Ir-rikorrenti ssostni li, fir-rigward tal-indikatur tar-riskju tas-SPI, il-klassifikazzjoni tagħha fi [kunfidenzjali] u, għalhekk, l-allokazzjoni lilha tal-fattur ta’ aġġustament [kunfidenzjali] – li kellu l-effett li [kunfidenzjali] – huma sproporzjonati u jiksru l-libertà tagħha ta’ intrapriża, sanċit fl-Artikolu 16 tal-Karta, kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità, sanċit fl-Artikolu 52(1) tagħha.

467    L-allokazzjoni ta’ dan il-fattur ta’ aġġustament għall-indikatur tar-riskju tas-SPI hija manifestament mhux iġġustifikata u arbitrarja, peress li r-rikorrenti kellha kapitalizzazzjoni tajba u profil tar-riskju pożittiv, u għalhekk il-probabbiltà tar-riżoluzzjoni tagħha kienet baxxa. Dan jidher, b’mod partikolari, mill-qari tar-riżultati tal-analiżi tar-rikorrenti stess tal-indikaturi tar-riskju kif ukoll mill-istatistika tal-BĊE bbażata fuq l-informazzjoni disponibbli fl‑2019.

468    Is-SRB jikkontesta dan l-argument.  

469    Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti sempliċement tinvoka ksur tal-libertà ta’ intrapriża sanċit fl-Artikolu 16 tal-Karta u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, mingħajr ma tiżviluppa argument iffokat dwar dawn il-prinċipji.

470    Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 217 iktar ’il fuq, l-ilmenti tar-rikorrenti għandhom għalhekk jiġu miċħuda sa fejn jikkonċernaw il-ksur ta’ tali prinċipji.

471    Barra minn hekk, jekk l-argument tar-rikorrenti għandu jinftiehem fis-sens li fil-fatt issostni li s-SRB wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta allokalha [kunfidenzjali] għall-indikatur tar-riskju tas-SPI, għandu jiġi rrilevat dan li ġej.

472    Fir-rigward tal-indikatur tar-riskju tas-SPI, is-SRB u l-Kummissjoni speċifikaw li l-falliment ta’ istituzzjoni b’karta bilanċjali kbira u kumplessa, bħar-rikorrenti, jista’ jeżawrixxi kompletament il-fondi ta’ SPI, b’differenza mill-falliment ta’ istituzzjoni b’karta bilanċjali iżgħar u iktar sempliċi. Konsegwentement, ir-riskju li r-rikorrenti jkollha tirrikorri għas-SRF ma huwiex neċessarjament kopert mis-sħubija tagħha f’SPI. Issa, ir-rikorrenti ma pproduċiet l-ebda evidenza biex tikkontesta din l-allegazzjoni.

473    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax tistrieħ fuq l-analiżi tagħha stess tal-indikaturi tar-riskju jew fuq l-istatistika tal-BĊE biex tikkontesta l-evalwazzjoni tas-SRB tal-indikatur tar-riskju tas-SPI.

474    Minn naħa, din l-analiżi u din l-istatistika ma tkoprix l-istituzzjonijiet kollha li d-data tagħhom tqieset għall-kalkolu tal-indikatur tar-riskju tas-SPI tar-rikorrenti. Fil-fatt, fl-analiżi tagħha stess, ir-rikorrenti tqabbel lilha nnifisha ma’ sitt istituzzjonijiet Ġermaniżi oħra biss. Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-Anness II tad-Deċiżjoni kkontestata, is-SRB ikkunsidra d-data ta’ 1 627 istituzzjoni biex jikkostitwixxi l-bins relatati mal-indikatur tar-riskju tas-SPI fuq il-bażi tal-Unjoni u d-data ta’ 776 istituzzjoni biex jikkostitwixxi l-bins relatati mal-indikatur tar-riskju tas-SPI fuq il-bażi nazzjonali.

475    L-istess japplika għall-istatistika tal-BĊE. Din tal-aħħar tikkonċerna biss lil 113‑il istituzzjoni, jiġifieri frazzjoni tal-istituzzjonijiet li d-data tagħhom tqieset mis-SRB għat-tfassil tal-bins relatati mal-indikatur tar-riskju tas-SPI.

476    Min-naħa l-oħra, l-analiżi tar-rikorrenti stess u l-istatistika tal-BĊE huma relatati ma’ fatturi li ma humiex rilevanti għall-ponderazzjoni tal-indikatur tar-riskju tas-SPI.

477    Tabilħaqq, skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Delegat 2015/63, meta s-SRB jippondera l-indikatur tar-riskju tas-SPI, għandu jqis l-indikatur tar-riskju “[a]ttivitajiet ta’ negozjar u skoperturi barra l-karta bilanċjali, derivattivi, kumplessità u riżolvibbiltà” applikabbli għall-istituzzjoni kkonċernata skont it-tifsira tal-Artikolu 6(5)(a) ta’ dak ir-regolament delegat.

478    Issa, la l-fatturi differenti fl-analiżi tar-rikorrenti stess tal-indikaturi tar-riskju, jiġifieri l-proporzjon tal-kapital tal-grad 1, il-proporzjon tal-kapital totali, il-proporzjon tal-kapital TIER 1, il-proporzjon tas-self li ma jrendix (non-performing loan quote (NPL)), il-proporzjon tal-kopertura, il-proporzjon ta’ konċessjoni (forbearance) u l-proporzjon ta’ skoperturi li ma jrendux (non-performing exposures (NPE)), u lanqas il-fatturi fl-istatistika tal-BĊE, jiġifieri l-proporzjon tal-kapital totali, il-proporzjon tal-kapital tal-Grad 1 u l-proporzjon ta’ ingranaġġ, ma huma inklużi fl-Artikolu 7(4) tar-Regolament Delegat 2015/63 jew fl-Artikolu 6(5)(a) ta’ dak ir-regolament delegat.

479    Għaldaqstant, it-tieni parti tas-sitt motiv għandha tiġi miċħuda.

c)      Fuq ittielet parti, ibbażata fuq ksur talArtikolu 20 talKarta u talprinċipju ta’ ugwaljanza fittrattament

480    Ir-rikorrenti ssostni li l-applikazzjoni għaliha tal-fattur ta’ aġġustament [kunfidenzjali] għall-indikatur tar-riskju tas-SPI tirriżulta fi trattament differenti mhux iġġustifikat meta mqabbla ma’ istituzzjonijiet li jirċievu [kunfidenzjali] għall-indikatur tar-riskju tas-SPI, b’tali mod li d-Deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 20 tal-Karta u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

481    B’mod partikolari, is-sħubija f’SPI hija ċirkustanza li tagħmel l-istituzzjonijiet kollha kkonċernati komparabbli u ma kien hemm l-ebda kriterju oġġettiv li jiġġustifika differenza fit-trattament bejn l-istituzzjonijiet differenti li jappartjenu għal SPI. L-indikatur tar-riskju “[a]ttivitajiet ta’ negozjar u skoperturi barra l-karta bilanċjali, derivattivi, kumplessità u riżolvibbiltà” ma huwiex kriterju xieraq, kif ġie stabbilit fil-kuntest ħames motiv.

482    Barra minn hekk, l-allokazzjoni tal-fattur ta’ aġġustament [kunfidenzjali] lir-rikorrenti tikkostitwixxi differenzjazzjoni manifestament mhux xierqa, fir-rigward tal-probabbiltajiet tal-falliment, ta’ riżoluzzjoni u tal-użu tas-SRF min-naħa tagħha.

483    Is-SRB jikkontesta dan l-argument.

484    Minn naħa, kif ġie rrilevat fil-punti 160 sa 163 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma tistax issostni li l-istituzzjonijiet kollha li jappartjenu għal SPI huma f’sitwazzjoni komparabbli.

485    Min-naħa l-oħra, kif ġie kkonstatat fil-punt 165 iktar ’il fuq, l-elementi relatati mal-indikatur tar-riskju “[a]ttivitajiet ta’ negozjar u skoperturi barra l-karta bilanċjali, derivattivi, kumplessità u riżolvibbiltà” użati għall-ponderazzjoni tal-indikatur tar-riskju tas-SPI bejn l-istituzzjonijiet differenti li jappartjenu għal SPI jikkostitwixxu kriterji oġġettivi li huma, barra minn hekk, konsistenti ma’ wieħed mill-għanijiet tas-SRM, jiġifieri l-inċentivar tal-istituzzjonijiet biex jadottaw modi ta’ operat inqas riskjużi.

486    Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 159 iktar ’il fuq, it-tielet parti tas-sitt motiv għandha għalhekk tiġi miċħuda.

d)      Fuq irraba’ parti, dwar il-ksur talprinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

487    Ir-raba’ parti hija maqsuma f’żewġ ilmenti.

1)      Fuq lewwel ilment, jiġifieri li sSRB ma mmotivax kif xieraq idDeċiżjoni kkontestata

488    Ir-rikorrenti ssostni li, fid-Deċiżjoni kkontestata, is-SRB ma jispjegax b’mod suffiċjenti fid-dritt, minn naħa, ir-raġunijiet għaliex huwa xieraq li jinħolqu tliet bins għall-ponderazzjoni tal-indikatur tar-riskju tas-SPI minflok, pereżempju, żewġ bins jew ħamsa u, min-naħa l-oħra, għaliex il-fattur ta’ aġġustament tal-ewwel bin għandu jkun 5/9 u dak tat-tieni bin 7/9 sabiex “jiġu ddiversifikati l-effetti tal-parteċipazzjoni f’[SPI] skont il-fatturi addizzjonali relatati mal-grad ta’ riskju tal-istituzzjonijiet”.

489    Is-SRB jikkontesta dan l-argument.

490    Għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti tirrepeti, essenzjalment, parti mill-argumenti li invokat fir-rigward tal-Pass 4 insostenn għat-tielet ilment tal-ħames parti tat-tieni motiv.

491    Għaldaqstant, għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punti 407 sa 409 iktar ’il fuq, l-ewwel ilment tar-raba’ parti tas-sitt motiv għandu jiġi miċħud.

2)      Fuq ittieni lment, jiġifieri li sSRB kiser lobbligu ta’ investigazzjoni tiegħu

492    Ir-rikorrenti ssostni li, billi assenjaha għall-bin [kunfidenzjali] għall-indikatur tar-riskju tas-SPI, is-SRB ma kkunsidrax il-fatti rilevanti kollha b’mod sħiħ, skrupluż u imparzjali. Fil-fatt, ma kienx eżamina kif il-protezzjoni mogħtija mis-SPI li r-rikorrenti hija membru tagħha tibbenefika lill-membri tagħha. Bl-istess mod, ma kienx ivverifika jekk, u sa liema punt, l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Delegat 2015/63 jistax jiġġustifika l-formazzjoni ta’ bin u differenzjazzjoni bbażata fuq ir-riskju meta mqabbel mal-membri l-oħra tas-SPI li għaliha tappartjeni r-rikorrenti. L-istess japplika għall-eżami ta’ jekk, u sa liema punt, il-profil tar-riskju tar-rikorrenti u ċirkustanzi oħra tal-każ kinux jiġġustifikaw assenzjazzjoni iktar favorevoli għaliha.

493    F’dan il-kuntest, is-SRB allegatament wettaq ukoll żbalji ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, il-proċess tal-assenjazzjoni għall-bins iwassal għal riżultati żbaljati, speċjalment fil-każ ta’ fużjoni ta’ żewġ istituzzjonijiet li jappartjenu għal SPI. F’każ bħal dan, l-assenjazzjoni tal-istituzzjonijiet l-oħrajn għall-bins tiġi mmodifikata, minħabba li jkun hemm inqas istituzzjonijiet x’jitqassmu fil-bins differenti, filwaqt li l-kriterji determinanti għar-rikonoxximent tal-indikatur tar-riskju tas-SPI msemmija fl-Artikolu 6(7) tar-Regolament Delegat 2015/63 jibqgħu l-istess.

494    Is-SRB jikkontesta dan l-argument.

495    Il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, kif sanċit fl-Artikolu 41 tal-Karta, jimponi fuq l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni l-obbligu li jeżaminaw bir-reqqa u b’mod imparzjali l-elementi rilevanti kollha tal-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 14, u tat‑23 ta’ Settembru 2009, L‑Estonja vs Il‑Kummissjoni, T‑263/07, EU:T:2009:351, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).

496    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li s-SRB jista’ jqis biss, għall-ponderazzjoni tal-indikatur tar-riskju tas-SPI, l-elementi stabbiliti fl-Artikolu 7(4) tar-Regolament Delegat 2015/63, jiġifieri l-indikatur tar-riskju “[a]ttivitajiet ta’ negozjar u skoperturi barra l-karta bilanċjali, derivattivi, kumplessità u riżolvibbiltà” skont it-tifsira tal-Artikolu 6(5)(a) ta’ dak ir-regolament delegat.

497    It-tieni, is-SRB huwa meħtieġ jikkalkola l-indikatur tar-riskju tas-SPI abbażi tad-data trażmessa mill-istituzzjonijiet skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Delegat 2015/63.

498    F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-SRB ma jistax jiġi kkritikat talli ma kkunsidrax, għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tar-rikorrenti, elementi invokati minn din tal-aħħar, bħal dawk imsemmija fil-punt 492 iktar ’il fuq, li ma huma previsti la fl-Artikolu 7(4) u lanqas fl-Artikolu 14 tar-Regolament Delegat 2015/63.

499    It-tielet, għandu jiġi miċħud l-ilment li s-SRB wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta stabbilixxa l-bins għall-ponderazzjoni tal-indikatur tar-riskju tas-SPI.

500    Qabelxejn, mill-punti 159 sa 165 iktar ’il fuq jirriżulta li s-SRB għandu l-libertà li jiddistingwi bejn il-membri ta’ SPI sabiex jevalwa l-profil tar-riskju tad-diversi istituzzjonijiet għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħhom.

501    Sussegwentement, kif jirriżulta mill-eżami tal-ħames motiv iktar ’il fuq, is-SRB jista’ jagħmel dawn id-distinzjonijiet fuq il-bażi tal-kriterju stabbilit fl-Artikolu 7(4) tar-Regolament Delegat 2015/63, li skontu l-indikatur tar-riskju tas-SPI jiġi pponderat fuq il-bażi tal-indikatur tar-riskju “[a]ttivitajiet ta’ negozjar u skoperturi barra l-karta bilanċjali, derivattivi, kumplessità u riżolvibbiltà”.

502    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma pproduċiet l-ebda prova konkreta lill-Qorti Ġenerali bil-għan li tikkontesta l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju.

503    Ir-raba’, kif spjega s-SRB, essenzjalment, mingħajr ma ġie kontradett mir-rikorrenti, jekk żewġ istituzzjonijiet li jappartjenu għal SPI jingħaqdu f’fużjoni, din iċ-ċirkustanza tirriżulta fi tnaqqis fl-għadd ta’ istituzzjonijiet li għandhom jiġu assenjati lill-bins stabbiliti għall-ponderazzjoni tal-indikatur tar-riskju tas-SPI, u dan l-element jitqies awtomatikament fil-kalkolu finali ta’ dan l-aħħar indikatur tar-riskju, sakemm din il-fużjoni tkun saret qabel tmiem is-sena ta’ referenza msemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament Delegat 2015/63.

504    Għaldaqstant, ir-raba’ parti tas-sitt motiv għandha tiġi miċħuda.

e)      Konklużjoni fuq issitt motiv

505    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud.

5.      Fuq ittmien motiv, ibbażat fuq ksur talArtikoli 16 u 52 talKarta, minħabba nnatura mhux xierqa talmultiplikatur talaġġustament 

506    Ir-rikorrenti ssostni li l-multiplikaturi ta’ aġġustament li ġew applikati għaliha – jiġifieri l-multiplikatur applikat għaliha għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha fuq il-bażi tal-Unjoni u dak applikat għaliha għall-kalkolu ta’ din il-kontribuzzjoni fuq il-bażi nazzjonali – ma jaqblux mal-profil tar-riskju tagħha, b’tali mod li d-Deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 16 tal-Karta kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità, sanċit fl-Artikolu 52(1) tagħha.

507    Ir-rikorrenti ssostni, b’mod partikolari, li għandha kapitalizzazzjoni tajba u profil tar-riskju pożittiv. Għalhekk, il-probabbiltà tar-riżoluzzjoni tagħha hija baxxa. Dan jidher, b’mod partikolari, mill-qari tar-riżultati tal-analiżi tagħha stess kif ukoll mill-istatistika tal-BĊE bbażata fuq l-informazzjoni disponibbli fl‑2019.

508    Barra minn hekk, fir-rigward tal-indikatur tar-riskju tas-SPI, is-SRB ma kien ta lir-rikorrenti l-ebda raġuni oġġettiva li tiġġustifika l-assenjazzjoni ta’ din tal-aħħar għall-bin [kunfidenzjali], minkejja l-protezzjoni totali mogħtija mis-SPI li tappartjeni għaliha. Dan kien wassal għal kontribuzzjoni ex ante [kunfidenzjali], b’mod li d-Deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 16 tal-Karta, il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-Artikolu 20 tal-Karta.

509    Is-SRB jikkontesta dan l-argument.

510    Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti sempliċement tinvoka ksur tal-prinċipji sanċiti fl-Artikoli 16 u 20 tal-Karta u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, mingħajr ma tiżviluppa ebda argument iffokat dwar dawn il-prinċipji.

511    Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 217 iktar ’il fuq, l-argument tar-rikorrenti għandu għalhekk jiġu miċħud sa fejn jikkonċerna l-ksur ta’ tal-imsemmija prinċipji.

512    Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, jekk dan l-argument għandu jinftiehem fis-sens li fil-fatt ir-rikorrenti ssostni li s-SRB wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkalkola l-muliplikaturi ta’ aġġustament tagħha, għandu jiġi rrilevat dan li ġej.

513    L-ewwel nett, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-fatt li s-SRB kien assenja lir-rikorrenti għal bin żbaljat għall-indikatur tar-riskju tas-SPI, dan għandu jiġi miċħud għall-istess raġunijiet kif stabbiliti fil-punti 500 sa 502 iktar ’il fuq.

514    It-tieni, ir-rikorrenti ma tistax tistrieħ fuq l-analiżi tagħha stess tal-indikaturi tar-riskju sabiex tikkontesta l-kalkolu tal-multiplikaturi ta’ aġġustament tagħha. Minn naħa waħda, mill-premessa 112 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li s-SRB ikkunsidra sittax-il indikatur tar-riskju għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante. Madankollu, l-analiżi tar-rikorrenti tkopri biss wieħed minn dawn is-sittax-il indikatur, jiġifieri l-kapital tal-grad 1. Min-naħa l-oħra, f’din l-analiżi, ir-rikorrenti tqabbel lilha nnifisha ma’ sitt istituzzjonijiet Ġermaniżi oħra biss. Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-Anness II tad-Deċiżjoni kkontestata, is-SRB ikkunsidra d-data ta’ 1 627 istituzzjoni biex jikkalkola l-kontribuzzjoni ex ante fuq il-bażi tal-Unjoni u d-data ta’ 776 istituzzjoni biex jikkalkola din il-kontribuzzjoni fuq bażi nazzjonali.

515    Bl-istess mod, ir-rikorrenti ma tistax tistrieħ fuq l-istatistika tal-BĊE biex tikkontesta l-kalkolu tal-multiplikaturi ta’ aġġustament tagħha. Minn naħa, din l-istatistika tkopri biss tnejn mis-sittax-il indikatur tar-riskju li ġew ikkunsidrati mis-SRB għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, jiġifieri l-“kapital tal-grad 1” u l-proporzjon ta’ ingranaġġ. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija statistika tikkonċerna biss lil 113-il istituzzjoni, jiġifieri frazzjoni tal-istituzzjonijiet li d-data tagħhom tqieset mis-SRB għal dan il-kalkolu.

516    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, it-tmien motiv għandu jiġi miċħud.

6.      Fuq iddisa’ motiv, ibbażat fuq il-ksur talArtikoli 16, 20, 41 u 52 talKarta, minħabba żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

517    Ir-rikorrenti ssostni li s-SRB kiser is-setgħa ta’ evalwazzjoni tiegħu u, għalhekk, kiser l-Artikoli 16, 20 u 41 tal-Karta kif ukoll il-prinċipju tal-proporzjonalità sanċit fl-Artikolu 52 tagħha, minħabba li wettaq bosta żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta kkalkola l-kontribuzzjoni ex ante tagħha.

518    L-ewwel nett, is-SRB ma kienx ikkunsidra jew iddetermina kif xieraq:

–        l-impatt li l-kontribuzzjonijiet proċikliċi jista’ jkollhom fuq il-qagħda finanzjarja tal-istituzzjonijiet meta jiġi ddeterminat il-livell fil-mira annwali previst fl-Artikolu 69(2) tar-Regolament Nru 806/2014;

–        l-indikatur tar-riskju “[a]ttivitajiet ta’ negozjar u skoperturi barra l-karta bilanċjali, derivattivi, kumplessità u riżolvibbiltà”;

–        l-indikatur tar-riskju tas-SPI;

–        ir-rigradazzjoni tal-ponderazzjonijiet tal-indikaturi tar-riskju fi ħdan pilastru tar-riskju fil-każ tan-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ ċerti indikaturi tar-riskju.

519    It-tieni, l-indikaturi tar-riskju kif ukoll il-ponderazzjonijiet skont ir-Regolament Delegat 2015/63 jippermettu t-tfassil ta’ bins u r-raggruppament fil-bins li jwasslu għal oneru fuq ir-rikorrenti li huwa manifestament mhux iġġustifikat fil-mertu, sproporzjonat u diskriminatorju. Kif ġie stabbilit fil-kuntest tas-seba’ motiv, l-Anness I ta’ dan ir-regolament delegat iwassal għal sitwazzjoni fejn il-firxa tal-valuri massimi u minimi hija wiesgħa b’mod sproporzjonat għall-ewwel u l-aħħar bin, fejn diversi bins huma vojta u fejn bins oħra għandhom għadd manifestament għoli wisq ta’ istituzzjonijiet. F’dan ir-rigward, is-SRB allegatament injora s-setgħa ta’ evalwazzjoni tiegħu u naqas milli jagħmel l-aġġustamenti għall-kontribuzzjonijiet ex ante imposti mill-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità.

520    Is-SRB jikkontesta dan l-argument.

521    Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti sempliċement tinvoka ksur tal-prinċipji sanċiti fl-Artikoli 16, 20 u 41 tal-Karta kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità sanċit fl-Artikolu 52 tagħha, mingħajr ma tiżviluppa argument awtonomu u ffokat dwar dawn il-prinċipji.

522    Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 217 iktar ’il fuq, l-argument tar-rikorrenti għandu għalhekk jiġu miċħud sa fejn jikkonċerna l-ksur tal-imsemmija prinċipji.

523    Sussegwentement, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li s-SRB wettaq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta stabbilixxa l-bins u assenja lill-istituzzjonijiet għal dawn il-bins, dan l-ilment ma huwiex sostnut minn argumenti speċifiċi. B’mod partikolari, ir-rikorrenti ma tispeċifikax kif is-setgħa ta’ evalwazzjoni mogħtija lis-SRB hija relatata mal-fatturi indikati fil-punt 518 iktar ’il fuq jew kif eżatt is-SRB kellu jqis dawn il-fatturi.

524    Bl-istess mod, għalkemm ir-rikorrenti tilmenta li s-SRB naqas milli jagħmel l-“aġġustamenti individwali meħtieġa” għar-riżultati tal-applikazzjoni tal-formula matematika fl-Anness I, taħt l-intestatura “Pass 2”, fil-punt 2, tar-Regolament Delegat 2015/63 li jwieġbu għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, din ma tispeċifikax in-natura ta’ tali aġġustamenti.

525    Fl-aħħar, ir-rikorrenti ppreżentat argument ambigwu dwar il-metodu ta’ tqassim f’bins. Minn naħa, b’riferiment għall-argumenti tagħha ppreżentati fil-kuntest tas-seba’ motiv, tikkritika lis-SRB talli ma rrikonoxxiex li l-applikazzjoni tal-Pass 2 wasslet għal firxa sproporzjonalment wiesgħa ta’ valuri għall-ewwel u l-aħħar bins, li diversi bins kienu vojta u li l-ewwel bins kellhom għadd manifestament għoli wisq ta’ istituzzjonijiet. Permezz tal-ilment tagħha, ir-rikorrenti għalhekk tissuġġerixxi li hija tikkunsidra li l-metodu ta’ tqassim f’bins ma jikkonformax mar-regoli ta’ liġi ogħla, mingħajr ma tinvoka l-ebda eċċezzjoni ta’ illegalità fil-kuntest ta’ dan il-motiv. Issa, tali eċċezzjoni trid tiġi invokata b’mod ċar, sabiex l-awtur tal-att ikun jista’ jiddefendi l-legalità tiegħu (ara, f’dan is-sens, id-Digriet tal‑20 ta’ Jannar 2009, Sack vs Il‑Kummissjoni, C‑38/08 P, EU:C:2009:21, punti 21 u 22). Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tikkritika lis-SRB li, għall-istess raġunijiet, kiser ir-rekwiżiti tal-Anness I tar-Regolament Delegat 2015/63. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa impossibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tidentifika b’mod preċiż il-portata tal-argumenti tar-rikorrenti f’dan ir-rigward u li tiġġudikahom fuq il-fondatezza tagħhom.

526    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, id-disa’ motiv għandu jiġi miċħud.

7.      Fuq ilħdaxil motiv, ibbażat fuq ilksur talArtikolu 7(2) tarRegolament Nru 806/2014 u linkompatibbiltà talArtikoli 69 sa 70 tarRegolament Nru 806/2014 ma’ regolamenti ta’ livell ogħla

527    Huwa paċifiku li r-rikorrenti invokat il-ħdax-il motiv għall-ewwel darba fir-replika. Minkejja dan, hija tqis li dan il-motiv huwa ammissibbli peress li huwa bbażat fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi li kienu jidhru matul il-proċedura ġudizzjarja. Fil-fatt, l-element meħtieġ biex jiġi mifhum jekk il-livell fil-mira annwali jaqbiżx il-limitu ta’ 12.5 % tal-livell fil-mira finali, li huwa previst fl-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014, kien inġieb għall-attenzjoni tagħha permezz tad-Deċiżjoni SRB SRB/ES/2022/18 tas-SRB tal‑11 ta’ April 2022 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2022 għas-SRF.

528    Is-SRB jitlob, minn naħa, li dan il-motiv jitqies inammissibbli minħabba li tqajjem fi stadju daqstant tard u, min-naħa l-oħra, li jiġi miċħud fuq il-merti.

529    Skont l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat matul l-istanza, sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura jew jikkostitwixxu l-amplifikazzjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li jkollu rabta mill-qrib miegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2020, HeidelbergCement u Schwenk Zement vs Il‑Kummissjoni, T‑380/17, EU:T:2020:471, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

530    Issa, minn naħa, huwa paċifiku li s-SRB indika fl-iskeda informattiva msemmija fil-punt 326 iktar ’il fuq l-ammont tal-livell fil-mira finali previst minnu, fil-forma ta’ medda ta’ bejn EUR 70 u EUR 75 biljun, sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021. Min-naħa l-oħra, mir-rikors jirriżulta li r-rikorrenti setgħet saret taf b’din l-iskeda qabel ma ppreżentat ir-rikors tagħha, peress li għamlet riferiment għaliha fil-kuntest tal-argumenti tagħha invokati insostenn tat-tieni motiv tagħha.

531    F' dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax tgħid li l-punti ta’ fatt invokati minnha insostenn tal-ħdax-il motiv, li jiġġustifikaw il-preżentazzjoni ta’ dan il-motiv fl-istadju tar-replika, ma kinux diġà magħrufa minnha fiż-żmien li ppreżentat ir-rikors.

532    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma sostnietx li dan il-motiv kien jikkostitwixxi amplifikazzjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement.

533    F’dawn iċ-ċirksutanzi, il-ħdax-il motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

534    Barra minn hekk, kieku kellu jiġi preżunt li l-ħdax-il motiv huwa ammissibbli, il-Qorti Ġenerali ma tkunx f’pożizzjoni li tevalwa l-fondatezza tiegħu. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 308 sa 340 iktar ’il fuq, id-Deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni dwar id-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021 u għandha tiġi annullata għal din ir-raġuni. Issa, tali nuqqas ta’ motivazzjoni jimpedixxi lill-Qorti Ġenerali milli teżamina l-fondatezza tal-ħdax-il motiv.

C.      Konklużjoni

535    Jirriżulta minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq li t-tielet parti tat-tieni motiv hija fondata sew, filwaqt li l-partijiet l-oħrajn ta’ dan il-motiv, kif ukoll il-motivi l-oħra kollha invokati, għandhom jiġu miċħuda. Peress li t-tielet parti tat-tieni motiv waħedha hija ta’ natura li tiġġustifika l-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata, din tal-aħħar għandha tiġi annullata sa fejn tikkonċerna lir-rikorrenti.

V.      Fuq illimitazzjoni ratione temporis taleffetti tassentenza

536    Is-SRB jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja żżomm, fil-każ ta’ annullament tad-Deċiżjoni kkontestata, l-effetti tagħha sakemm tiġi sostitwita jew, tal-inqas, għal perijodu ta’ sitt xhur mid-data li fiha s-sentenza ssir definittiva.

537    Ir-rikorrenti indikat fis-seduta, essenzjalment, li hija ma kinitx topponi din it-talba sa fejn id-Deċiżjoni kkontestata tiġi annullata fuq il-bażi ta’ ksur ta’ rekwiżiti proċedurali essenzjali.

538    Għandu jiġi mfakkar li skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-qorti tal-Unjoni tista’, jekk tqis li dan huwa meħtieġ, tiddikjara liema mill-effetti ta’ att annullat għandhom jiġu kkunsidrati bħala definittivi.

539    F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-ġurisprudenza li, wara li jitqiesu r-raġunijiet relatati maċ-ċertezza legali, l-effetti ta’ tali att jistgħu jinżammu, b’mod partikolari fejn l-effetti immedjati tal-annullament tiegħu jwasslu għal konsegwenzi negattivi serji u l-legalità tal-att ikkontestat tiġi kkontestata mhux minħabba l-iskop jew il-kontenut tiegħu, iżda minħabba ksur ta’ rekwiżiti proċedurali essenzjali (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 175 u l-ġurisprudenza ċċitata).

540    F’dan il-każ, id-Deċiżjoni kkontestata ttieħdet bi ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali, f’din il-proċedura, ma kkonstatat l-ebda żball li jaffettwa l-legalità sostantiva ta’ din id-deċiżjoni.

541    Barra minn hekk, kif iddeċidiet il-Qorti fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB (C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 177), għandu jiġi kkonstatat li l-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata mingħajr ma tiġi prevista ż-żamma tal-effetti tagħha sakemm tiġi ssostitwita b’att ġdid jista’ jxekkel l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2014/59, tar-Regolament Nru 806/2014 u tar-Regolament Delegat 2015/63, li jikkostitwixxu parti essenzjali tal-Unjoni Bankarja, li tikkontribwixxi għall-istabbiltà taż-żona tal-euro.

542    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li l-effetti tad-Deċiżjoni kkontestata jinżammu fis-seħħ, sa fejn dawn jikkonċernaw lir-rikorrenti, u dan sad-dħul fis-seħħ, f’terminu raġonevoli li ma jistax jaqbeż is-sitt xhur mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, ta’ deċiżjoni ġdida tas-SRB li tistabbilixxi l-kontribuzzjoni ex ante għas-SRF tar-rikorrenti għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021.

VI.    Fuq lispejjeż

543    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li s-SRB tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu stess kif ukoll dawk tar-rikorrenti, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar.

544    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni SRB/ES/2021/22 tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) tal14 ta’ April 2021 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall2021 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni hija annullata sa fejn din tikkonċerna lil Landesbank Baden-Württemberg.

2)      L-effetti tad-Deċiżjoni SRB/ES/2021/22, sa fejn din tikkonċerna lil Landesbank Baden-Württemberg, ser jinżammu sad-dħul fis-seħħ, f’terminu raġonevoli li ma jistax jaqbeż is-sitt xhur mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, ta’ deċiżjoni ġdida tas-SRB li tistabbilixxi l-kontribuzzjoni ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni ta’ din l-istituzzjoni għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021.

3)      Is-SRB għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, dawk sostnuti mil-Landesbank Baden-Württemberg.

4)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Kornezov

De Baere

Petrlík

Kecsmár

 

      Kingston

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑20 ta’ Diċembru 2023.

Firem


Werrej


I. Ilfatti li wasslu għallkawża

II. IdDeċiżjoni kkontestata

III. Ittalbiet talpartijiet

IV. Iddritt

A. Fuq leċċezzjonijiet ta’ illegalità talArtikoli 4 sa 9 u 20 kif ukoll talAnness I tarRegolament Delegat 2015/63

1. Fuq irraba’ motiv, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità talArtikoli 4 sa 9 kif ukoll talAnness I tarRegolament Delegat 2015/63, peress li jiksru lprinċipji ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u ta’ ċertezza legali

a) Fuq lewwel parti, dwar allegat ksur talprinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva

b) Fuq ittieni parti, dwar allegat ksur talprinċipju ta’ ċertezza legali

1) Fuq lewwel ilment, ibbażat fuq li lArtikoli 4 sa 9 u tal-Anness I tarRegolament Delegat 2015/63 ma jippermettux lill-istituzzjonijiet jikkalkolaw minn qabel il-kontribuzzjonijiet ex ante tagħhom

2) Fuq ittieni lment, ibbażat fuq li lKummissjoni setgħet stabbilixxiet metodu alternattiv għallkalkolu talkontribuzzjonijiet ex ante

3) Fuq ittielet ilment, ibbażat fuq ksur talArtikolu 12 tarRegolament 2016/1011

c) Konklużjoni dwar irraba’ motiv

2. Fuq ilħames motiv, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tattieni subparagrafu talArtikolu 7(4) tarRegolament Delegat 2015/63, peress li jikser diversi regoli superjuri

a) Fuq lewwel parti, dwar linkompatibbiltà tattieni subparagrafu talArtikolu 7(4) tarRegolament Delegat 2015/63 malArtikolu 103(7)(h) tadDirettiva 2014/59 u malArtikolu 113(7) tarRegolament Nru 575/2013

b) Fuq ittieni parti, dwar linkompatibbiltà tattieni subparagrafu talArtikolu 7(4) tarRegolament Delegat 2015/63 mal“prinċipju talkalkolu talkontribuzzjonijiet aġġustati għarriskju” u lprinċipju ta’ ugwaljanza fittrattament

1) Fuq lewwel ilment, ibbażat fuq ksur tal“prinċipju talkalkolu talkontribuzzjonijiet aġġustati għarriskju”

2) Fuq ittieni lment,, ibbażat fuq ksur talprinċipju ta’ ugwaljanza fittrattament

c) Fuq ittielet parti, dwar linkompatibbiltà tattieni subparagrafu talArtikolu 7(4) tarRegolament Delegat 2015/63 malprinċipju ta’ ċertezza legali

d) Fuq irraba’ parti, dwar linkompatibbiltà tattieni subparagrafu talArtikolu 7(4) tarRegolament Delegat 2015/63 malprinċipju ta’ kunsiderazzjoni sħiħa tal-fatti

e) Konklużjoni dwar ilħames motiv

3. Fuq isseba’ motiv, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità talArtikoli 6, 7 u 9 u talAnness I tarRegolament Delegat 2015/63, peress li jiksru diversi regoli superjuri

4. Fuq lgħaxar motiv, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità talewwel u ttieni sentenza talArtikolu 20(1) tarRegolament Delegat 2015/63, peress li jiksru lArtikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59 u tal“prinċipju talkalkolu talkontribuzzjonijiet aġġustati għarriskju”

B. Fuq ilmotivi dwar lillegalità tadDeċiżjoni kkontestata

1. Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq ksur talArtikolu 81(1) tarRegolament Nru 806/2014, moqri flimkien malArtikolu 3 tarRegolament Nru 1

2. Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq nuqqasijiet ta’ motivazzjoni

a) Osservazzjonijiet preliminari

b) Fuq lewwel parti, dwar illingwa talverżjoni awtentika tadDeċiżjoni kkontestata

c) Fuq ittieni parti, dwar ilkumplessità talmotivazzjoni talkalkolu talkontribuzzjoni ex ante

d) Fuq issitt parti, dwar iżżamma ta’ data minn istituzzjonijiet oħra

e) Fuq ittielet parti, dwar ilmotivazzjoni tallivell filmira annwali

f) Fuq irraba’ parti, dwar ilmotivazzjoni insuffiċjenti talkontribuzzjoni annwali bażika

g) Fuq ilħames parti, dwar ilmotivazzjoni insuffiċjenti talaġġustament talkontribuzzjoni annwali bażika għar-riskju

1) Fuq lewwel ilment, dwar limpossibbiltà li jiġi vverifikat li listituzzjonijiet kollha kkonċernati huma suġġetti għal kontribuzzjoni aġġustata għallprofil tarriskju

2) Fuq ittieni lment, dwar itteħid inkunsiderazzjoni talindikatur tarriskju “attivitajiet ta’ negozjar u skoperturi barra lkarta bilanċjali, derivattivi, kumplessità u riżolvibbiltà”

3) Fuq ittielet ilment, dwar ilpassi 1 sa 6 talaġġustament talkontribuzzjoni annwali bażika għallprofil tarriskju tarrikorrenti

i) Pass 1

ii) Pass 2

iii) Pass 3

iv) Pass 4

v) Pass 5

vi) Pass 6

h) Fuq isseba’ parti, dwar leżistenza ta’ deċiżjonijiet intermedji mhux ippubblikati

i) Konklużjoni dwar ittieni motiv

3. Fuq ittielet motiv, ibbażat fuq ksur taddritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva minħabba nnatura mhux verifikabbli tadDeċiżjoni kkontestata

4. Fuq issitt motiv, ibbażat fuq ksur ta’ diversi dispożizzjonijiet taddritt primarju u sekondarju minħabba lapplikazzjoni ta’ multiplikatur għallindikatur tarriskju tasSPI għarrikorrenti

a) Fuq lewwel parti, ibbażata fuq ksur talArtikolu 113(7) tarRegolament Nru 575/2003 u talArtikolu 103(7)(h) tarRegolament Nru 2014/59

b) Fuq ittieni parti, ibbażata fuq ksur talArtikolu 16 talKarta u talprinċipju ta’ proporzjonalità

c) Fuq ittielet parti, ibbażata fuq ksur talArtikolu 20 talKarta u talprinċipju ta’ ugwaljanza fittrattament

d) Fuq irraba’ parti, dwar il-ksur talprinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

1) Fuq lewwel ilment, jiġifieri li sSRB ma mmotivax kif xieraq idDeċiżjoni kkontestata

2) Fuq ittieni lment, jiġifieri li sSRB kiser lobbligu ta’ investigazzjoni tiegħu

e) Konklużjoni fuq issitt motiv

5. Fuq ittmien motiv, ibbażat fuq ksur talArtikoli 16 u 52 talKarta, minħabba nnatura mhux xierqa talmultiplikatur talaġġustament

6. Fuq iddisa’ motiv, ibbażat fuq il-ksur talArtikoli 16, 20, 41 u 52 talKarta, minħabba żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

7. Fuq ilħdaxil motiv, ibbażat fuq ilksur talArtikolu 7(2) tarRegolament Nru 806/2014 u linkompatibbiltà talArtikoli 69 sa 70 tarRegolament Nru 806/2014 ma’ regolamenti ta’ livell ogħla

C. Konklużjoni

V. Fuq illimitazzjoni ratione temporis taleffetti tassentenza

VI. Fuq lispejjeż


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.


1 Data kunfidenzjali moħbija.