Language of document :

Rikors ippreżentat fit-2 taʼ April 2013 – Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-186/13)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi (rappreżentanti: M. Bulterman, B. Koopman u J. Langer, aġenti)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni kkontestata; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrent jikkontesta d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2013) 87, tat-23 ta’ Jannar 2013, dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.24123 (2012/C) (ex 2011/NN) mogħtija mill-Pajjiżi l-Baxxi – Allegat bejgħ ta’ art taħt il-prezz tas-suq mill-muniċipalità ta’ Leidschendam-Voorburg.

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE

Ma jistax jingħad li dan huwa każ ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Fil-fehma tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, f’dan il-każ ma hemmx benefiċċju, jew mill-inqas ma hemmx benefiċċju li operatur ekonomiku ma kienx jikseb f’kull każ f’kundizzjonijiet normali tas-suq. Il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq evalwazzjonijiet żbaljati biex waslet għall-konklużjoni żbaljata li l-muniċipalità kellha possibbilitajiet oħrajn għall-kostruzzjoni tal-proġett Damplein. Iż-żamma mal-ftehim eżistenti ma kinitx twassal għall-eżitu mixtieq, u lanqas in-negozjar mill-ġdid tal-kuntratt ma kien joffri soluzzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni żbaljat manifestament fl-evalwazzjoni tagħha dwar jekk il-kummerċ bejn l-Istati Membri ġiex ippreġudikat. Il-proġett Leidschendam Centrum u b’mod partikolari s-subproġett Damplein huma ta’ portata tant limitata li ma jista’ jkun hemm l-ebda preġudizzju għall-kummerċ bejn l-Istati Membri. Għaldaqstant id-deċiżjoni tikser l-Artikolu 107 TFUE.

It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE

Il-Kummissjoni żbaljat manifestament fl-evalwazzjoni tagħha tal-fatti u abbażi ta’ din qieset it-tnaqqis fil-prezz tal-art bħala inkompatibbli mas-suq intern. It-tnaqqis fil-prezz tal-art jissodisfa r-rekwiżiti kollha u l-Kummissjoni naqset, b’mod partikolari fid-dawl tad-deċiżjonijiet preċedenti tagħha, milli tispjega suffiċjentement għalfejn it-tnaqqis fil-prezz tal-art huwa inkompatibbli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni żbaljat meta użat in-nuqqas fis-suq bħala kriterju għall-applikabbiltà tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Għaldaqstant il-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 107(3)(c) TFUE.It-tielet motiv, ibbażat fuq iffissar żbaljat tal-ammont ta’ għajnuna abbażi ta’ diversi żbalji ta’ kalkoluFil-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna, il-Kummissjoni wettqet tliet żbalji serji. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li biss 50 % tat-tnaqqis fil-prezz tal-art u tal-maħfra tat-taxxi kellu jiġi ffinanzjat mill-fondi pubbliċi. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni t-tnaqqis preċedenti fl-2006 u 2008 meta kkalkolat it-tnaqqis fil-prezz tal-art. Fit-tielet lok, il-Kummissjoni kkalkolat it-taxxi abbażi taż-żona tal-proġett Leidschendam Centrum minflok dik tas-subproġett Damplein. Lanqas ma ttieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi mħallsa mill-2004 sal-2010. Għaldaqstant il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq fatti żbaljati meta kkalkolat l-amm

ont tal-għajnuna, u għalhekk l-ammont ta’ EUR 6 922 121 ma huwiex korrett.Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur

tal-prinċipji ġenerali u tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Minħabba l-perijodu wisq twil tal-proċedura għall-adozzjoni tad-deċiżjoni, il-Kummissjoni ma setgħetx titlob irkupru.Mill-mument li fih il-Kummissjoni kienet taf bil-fatti kollha, hija ħalliet jgħaddi perijodu ta’ żmien twil li ma huwiex raġonevoli qabel ma adottat id-deċiżjoni kkontestata. Fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-Kummissjoni kellha tibqa’ lura milli titlob irkupru. Għaldaqstant il-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ diliġenza, ta’ ċertezza legali u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.