Language of document : ECLI:EU:C:2021:157

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

3 ta’ Marzu 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 90 – Tnaqqis tal-ammont taxxabbli – Nuqqas ta’ ħlas totali jew parzjali tal-prezz – Dejn li sar definittivament irrekuperabbli – Terminu ta’ preskrizzjoni sabiex jintalab it-tnaqqis a posteriori tal-ammont taxxabbli tal-VAT – Data li fiha jibda jiddekorri t-terminu”

Fil-Kawża C‑507/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Pécsi Törvényszék (il-Qorti ta’ Pécs, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Settembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Ottubru 2020, fil-proċedura

FGSZ Földgázszállító Zrt.

vs

Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn L Bay Larsen, President tas-Sitt Awla, C. Toader (Relatriċi) u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 90 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”), moqri flimkien mal-prinċipji ta’ newtralità fiskali, ta’ effettività, ta’ ekwivalenza u ta’ proporzjonalità.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn FGSZ Földgázszállító Zrt., kumpannija kummerċjali Ungeriża, u Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága (id-Direttorat tal-Appelli tal-Amministrazzjoni Nazzjonali tat-Taxxa u tad-Dwana, l-Ungerija, iktar ’il quddiem id-“Direttorat tal-Appelli”), dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jagħti lil FGSZ id-dritt għal tnaqqis tal-ammont taxxabbli fir-rigward tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) għall-korrispettiv tal-VAT li hija ma kinitx irċeviet minħabba l-insolvenza tad-debitur.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 90 tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi:

“1.      Fil-każ ta’ kanċellazzjoni, ċaħda jew nuqqas ta’ pagament totali jew parzjali, jew fejn il-prezz hu mnaqqas wara li l-provvista tkun saret, l-ammont taxxabbli għandu jiġi ridott għaldaqstant skond kondizzjonijet li jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.      Fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas totali jew parzjali, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-paragrafu 1.”

4        Skont l-Artikolu 185 ta’ din id-direttiva:

“1.      L-aġġustament għandu, b’mod partikolari, isir fejn, wara li ssir id-denunzja tal-VAT, isir xi tibdil fil-fatturi użati biex jiddeterminaw l-ammont li għandu jitnaqqas, per eżempju fejn ix-xirjiet huma kkanċellati jew hu miksub roħs fil-prezzijiet.

2.      Bħala deroga mill-paragrafu 1, m’għandu jsir l-ebda aġġustament fil-każ ta’ transazzjonijiet li jibqgħu totalment jew parzjalment mhux imħallsa jew fil-każ ta’ distruzzjoni, telf jew serq tal-proprjetà li ġie ppruvat jew ikkonfermat kif imiss, jew fil-każ ta’ merkanzija riżervata għall-iskop ta’ għoti ta’ rigali ta’ valur żgħir jew ta’ l-għoti ta’ kampjuni, kif speċifikat fl-Artikolu 16.

Madanakollu, fil-każ ta’ transazzjonijiet li jibqgħu totalment jew parzjalment mhux imħallsa jew fil-każ ta’ serq, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li jsir aġġustament.”

5        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 273 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi oħrajn li jidhrulhom meħtieġa biex jiżguraw il-ġbir korrett ta’ VAT u biex ma ssirx frodi, soġġett għall-ħtieġa ta’ trattament indaqs bejn transazzjonijiet domestiċi u transazzjonijiet li jsiru bejn Stati Membri minn persuni taxxabbli u sakemm dawn l-obbligi, fin-negozju bejn Stati Membri, ma jagħtux lok għal formalitajiet konnessi mal-qsim ta’ fruntieri.”

 Id-dritt Ungeriż

6        L-az adózás rendjéről 2003. évi XCII. törvény (il-Liġi Nru XCII tal-2003 dwar il-Kodiċi Proċedurali Fiskali) (Magyar Közlöny 2003/131. (XI. 14., p. 9990)), applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, essenzjalment tipprovdi, fl-Artikolu 4(3)(b) tagħha, li r-rimbors tal-VAT għandu jiġi kklassifikat bħala għajnuna baġitarja u għalhekk huwa suġġett għar-regoli ta’ preskrizzjoni applikabbli għall-għajnuna baġitarja.

7        L-Artikolu 164(1) tal-Liġi Nru XCII tal-2003 jipprovdi, essenzjalment, li d-dritt li tintalab għajnuna baġitarja jiġi preskritt mal-iskadenza ta’ terminu ta’ ħames snin li jibda jiddekorri mis-sena li matulha jkun inħoloq id-dritt li titressaq tali talba.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8        Għall-perijodu bejn ix-xahar ta’ Ottubru 2010 u x-xahar ta’ Jannar 2011, FGSZ bagħtet lil EMFESZ Kft., kumpannija msieħba (iktar ’il quddiem il-“kumpannija debitriċi”), diversi fatturi li jinkludu l-VAT. Matul is-sena 2011, FGSZ iddikjarat u ħallset il-VAT relatata ma’ dawn il-fatturi lill-awtorità fiskali.

9        Qabel ma tħallsu dawn il-fatturi, il-kumpannija debitriċi kienet suġġetta għal proċeduri ta’ stralċ, fosthom dik li nbdiet fit‑28 ta’ Jannar 2014 mill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija). Id-dejn li rriżulta mill-imsemmija fatturi ġie ddikjarat minn FGSZ, l-istralċjarja tal-kumpannija debitriċi li, fis‑7 ta’ Mejju 2018, ikkonfermat l-ammissibbiltà ta’ dan id-dejn. Fit‑13 ta’ Diċembru 2019, din ikkonstatat li l-imsemmi dejn kien sar irrekuperabbli.

10      Fid‑19 ta’ Diċembru 2019, FGSZ ippreżentat talba għall-irkupru tal-VAT fir-rigward ta’ dawn l-istess fatturi u għall-ħlas ta’ interessi moratorji.

11      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2020, l-awtorità fiskali tal-ewwel istanza rrifjutat li tilqa’ din it-talba, għar-raġuni li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin, previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, kien skada fil‑31 ta’ Diċembru 2016.

12      FGSZ ressqet ilment kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem id-Direttorat tal-Appelli, li ġie miċħud fit‑3 ta’ Marzu 2020. Dan id-direttorat fakkar li, għalkemm l-Artikolu 90(1) tad-Direttiva tal-VAT jipprevedi li l-ammont taxxabbli jitnaqqas meta, bħal fil-kawża prinċipali, il-VAT relatata ma’ fatturi ma tkunx tħallset, madankollu huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li fihom għandu jsir dan it-tnaqqis. F’dan ir-rigward, huwa qies li l-Istati Membri setgħu jipprevedu li d-dritt li jinkiseb tnaqqis tal-ammont taxxabbli seta’ jiġi suġġett għal terminu ta’ preskrizzjoni. Fil-fehma tiegħu, dan it-terminu għandu jibda jiddekorri mid-data tal-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ ħlas, jiġifieri dik imsemmija fil-fatturi.

13      FGSZ ippreżentat rikors ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni tat‑3 ta’ Marzu 2020 quddiem il-qorti tar-rinviju. Hija essenzjalment sostniet, billi bbażat ruħha fuq is-sentenzi tal‑21 ta’ Marzu 2018, Volkswagen (C‑533/16, EU:C:2018:204), u tat‑12 ta’ April 2018, Biosafe – Indústria de Reciclagens (C‑8/17, EU:C:2018:249), li t-terminu ta’ preskrizzjoni għandu jibda jiddekorri mhux mid-data tal-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ ħlas inizjalment prevista, iżda minn dik li fiha d-dejn sar irrekuperabbli.

14      Peress li qieset li din il-kawża kienet tqajjem diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Pécsi Törvényszék (il-Qorti ta’ Pécs, l-Ungerija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Prattika ta’ Stat Membru li abbażi tagħha, dan tal-aħħar, billi jinvoka l-effett ex tunc tat-tnaqqis tal-bażi taxxabbli applikabbli f’każ ta’ nuqqas ta’ ħlas definittiv irregolat mill-Artikolu 90(1) tad-Direttiva tal-VAT, jikkalkula t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin li fih it-tnaqqis tal-bażi huwa possibbli, previst mil-leġiżlazzjoni ġenerali ta’ dan l-Istat Membru, mid-data meta l-kunsinna tal-oġġetti kienet inizjalment saret u mhux mill-mument meta dejn isir irrekuperabbli, u, billi jinvoka l-iskadenza ta’ dan it-terminu ta’ preskrizzjoni, iċaħħad lill-persuna taxxabbli b’bona fide mid-dritt tagħha, marbut mal-fatt li d-dejn sar definittivament irrekuperabbli, li tnaqqas il-bażi taxxabbli, f’ċirkustanzi fejn jistgħu jkunu għaddew diversi snin bejn id-data meta saret il-kunsinna tal-oġġetti u l-mument meta d-dejn sar definittivament irrekuperabbli, u li fihom il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru, fil-mument meta d-dejn sar definittivament irrekuperabbli, ma kinitx tippermetti, b’kontradizzjoni mad-dritt Komunitarju, it-tnaqqis tal-bażi taxxabbli marbuta man-natura definittivament irrekuperabbli ta’ dejn, hija kompatibbli mal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ newtralità fiskali u ta’ effettività, fid-dawl b’mod partikolari tal-punt 63 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-Kawża Biosafe - Indústria de Reciclagens (C‑8/17, EU:C:2017:927), tal-punt 27 tas-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2017, Di Maura (C‑246/16, EU:C:2017:887), u tal-punt 36 tas-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2018, T‑2 (C‑396/16, EU:C:2018:109), kif ukoll tal-fatt li Stat Membru ma jistax jiġbor abbażi tal-VAT ammont superjuri minn dak effettivament miġbur mill-fornitur ta’ kunsinna jew servizz għall-kunsinna jew servizz inkwistjoni?”

 Fuq id-domanda preliminari

15      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 90 tad-Direttiva tal-VAT, moqri flimkien mal-prinċipji ta’ newtralità fiskali, ta’ effettività u ta’ proporzjonalità, għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta Stat Membru jistabbilixxi terminu ta’ preskrizzjoni li fi tmiemu l-persuna taxxabbli, li jkollha dejn li jkun sar definittivament irrekuperabbli, ma tistax iktar tinvoka d-dritt tagħha li tikseb tnaqqis tal-bażi taxxabbli, dan it-terminu għandu jibda jiddekorri mid-data tal-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ ħlas inizjalment prevista jew mid-data li fiha d-dejn ikun sar definittivament irrekuperabbli.

16      Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta r-risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

17      F’din il-kawża, hemm lok li tiġi applikata din id-dispożizzjoni.

18      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Artikolu 90(1) tad-Direttiva tal-VAT jirrigwarda l-każijiet ta’ annullament, ta’ xoljiment, ta’ ħall, ta’ nuqqas ta’ ħlas totali jew parzjali jew ta’ tnaqqis tal-prezz wara l-mument li fih titwettaq it-tranżazzjoni li tkun tat lok għall-ħlas tat-taxxa. Din id-dispożizzjoni tobbliga lill-Istati Membri jnaqqsu l-ammont taxxabbli u, għaldaqstant, l-ammont tal-VAT dovut mill-persuna taxxabbli kull darba li, wara l-konklużjoni ta’ tranżazzjoni, il-persuna taxxabbli ma tiġborx parti mill-korrispettiv jew l-intier tiegħu. L-imsemmija dispożizzjoni tikkostitwixxi l-espressjoni ta’ prinċipju fundamentali ta’ din id-direttiva, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali, li jgħid li l-ammont taxxabbli huwa kkostitwit mill-korrispettiv effettivament irċevut u li l-korollarju tiegħu huwa li l-amministrazzjoni fiskali ma tistax tiġbor ammont tal-VAT li jeċċedi dak irċevut mill-persuna taxxabbli (digriet tal‑24 ta’ Ottubru 2019, Porr Építési Kft., C‑292/19, mhux ippubblikat, EU:C:2019:901, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2020, E. (VAT – Tnaqqis tal-ammont taxxabbli), C‑335/19, EU:C:2020:829, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19      Fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 90(1) tad-Direttiva tal-VAT, moqri flimkien ma’ dak tal-Artikolu 273 tagħha, kif ukoll tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, jeħtieġ li l-formalitajiet, li għandhom jiġu ssodisfatti mill-persuni taxxabbli sabiex jeżerċitaw, quddiem l-awtoritajiet fiskali, id-dritt li jsir tnaqqis tal-ammont taxxabbli tal-VAT, ikunu limitati għal dawk li jippermettu li jiġi ġġustifikat li, wara l-konklużjoni tat-tranżazzjoni, parti mill-korrispettiv jew l-intier tiegħu ma jinġabarx definittivament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2020, E. (VAT – Tnaqqis tal-ammont taxxabbli), C‑335/19, EU:C:2020:829, punti 22 sa 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 90(2) tad-Direttiva tal-VAT jippermetti lill-Istati Membri jidderogaw, fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas totali jew parzjali tal-prezz tat-tranżazzjoni, mir-regola prevista fl-Artikolu 90(1) ta’ din id-direttiva. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tippreċiża li l-possibbiltà ta’ deroga ma tippermettix lill-Istati Membri jeskludu purament u sempliċement it-tnaqqis tal-ammont taxxabbli għall-VAT fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas. L-imsemmija possibbiltà hija biss intiża li tippermetti lil dawn tal-aħħar jirrimedjaw l-inċertezza marbuta man-nuqqas ta’ ħlas ta’ fattura jew man-natura definittiva tagħha u ma tirregolax il-kwistjoni dwar jekk tnaqqis tal-ammont taxxabbli jistax jitwettaq fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2020, E. (VAT – Tnaqqis tal-ammont taxxabbli), C‑335/19, EU:C:2020:829, punti 29 u 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

21      Fil-każ ineżami, fit‑13 ta’ Diċembru 2019, ġiet ikkonstatata n-natura irrekuperabbli tad-dejn miżmum minn FGSZ minħabba n-nuqqas ta’ ħlas totali tal-fatturi mill-kumpannija debitriċi. Fid‑19 ta’ Diċembru 2019, FGSZ ippreżentat talba għall-finijiet tal-irkupru tal-VAT fir-rigward ta’ dawn il-fatturi.

22      Minn dan isegwi li, fid-data tal-preżentata ta’ din it-talba, ġiet stabbilita n-natura definittivament irrekuperabbli tad-dejn.

23      Fit-tieni lok, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-possibbiltà li tiġi ppreżentata talba għar-rimbors tal-VAT mingħajr ebda limitazzjoni ratione temporis tmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali li jeżiġi li s-sitwazzjoni fiskali tal-persuna taxxabbli, fir-rigward tad-drittijiet u tal-obbligi ta’ din tal-aħħar lejn l-amministrazzjoni fiskali, ma tkunx tista’ tiġi kkontestata b’mod indefinit. Filwaqt li l-eżistenza ta’ terminu ta’ preskrizzjoni li l-iskadenza tiegħu jkollha bħala konsegwenza li kreditur ma jkunx jista’ jitlob iktar it-tnaqqis tal-ammont taxxabbli tal-VAT marbuta ma’ ċerti krediti ma tistax titqies li hija inkompatibbli mad-Direttiva tal-VAT, id-determinazzjoni tad-data li fiha jibda jiddekorri dan it-terminu taqa’ taħt id-dritt nazzjonali, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Jannar 2010, Alstom Power Hydro, C‑472/08, EU:C:2010:32, punti 16 u 17 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑12 ta’ April 2018, Biosafe – Indústria de Reciclagens, C‑8/17, EU:C:2018:249, punti 36 u 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

24      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha ebda prova tali li tqajjem dubju dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma’ dan il-prinċipju.

25      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tal-Artikolu 185 tad-Direttiva tal-VAT, li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li dan għandu jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni koerenti mal-Artikolu 90 ta’ din id-direttiva (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2018, T‑2, C‑396/16, EU:C:2018:109, punt 35), li, sa fejn il-persuna taxxabbli ma tkunx uriet nuqqas ta’ diliġenza, u fl-assenza ta’ abbuż jew ta’ kollużjoni frawdolenti, terminu li beda jiddekorri minn meta nħarġu l-fatturi inizjali u li, għal ċerti tranżazzjonijiet, skada qabel ir-regolarizzazzjoni, ma jistax jipprekludi validament l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, Biosafe – Indústria de Reciclagens, C‑8/17, EU:C:2018:249, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

26      Fil-fatt, tali modalitajiet ta’ kalkolu tat-terminu ma jistgħux jiġu ġġustifikati min-neċessità li tittieħed inkunsiderazzjoni l-inċertezza fir-rigward tan-natura definittivament irrekuperabbli tad-dejn (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2020, E. (VAT – Tnaqqis tal-ammont taxxabbli), C‑335/19, EU:C:2020:829, punti 33 sa 35 u 44).

27      Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li l-benefiċċju tad-dritt għar-rimbors tal-VAT lill-persuna taxxabbli jiġi rrifjutat, għar-raġuni li t-terminu ta’ dekadenza previst minn din il-leġiżlazzjoni għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt kien beda jiddekorri mid-data tal-kunsinna tal-beni u skada qabel it-tressiq tat-talba għal rimbors (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2018, Volkswagen, C‑533/16, EU:C:2018:204, punt 51), jew li beda jiddekorri mid-data tal-ħruġ tal-fatturi inizjali u skada (sentenza tat‑12 ta’ April 2018, Biosafe – Indústria de Reciclagens, C‑8/17, EU:C:2018:249, punt 44).

28      Minn dan isegwi li, meta Stat Membru jkun ippreveda li d-dritt, għal kreditur, li jikseb it-tnaqqis tal-ammont taxxabbli msemmi fl-Artikolu 90 tad-Direttiva tal-VAT ikun suġġett għal terminu ta’ preskrizzjoni, dan it-terminu għandu jibda jiddekorri mhux mid-data tal-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ ħlas inizjalment prevista, iżda minn dik li fiha d-dejn ikun sar definittivament irrekuperabbli.

29      F’dan il-każ, għalkemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiffissa terminu ta’ preskrizzjoni ta’ 5 snin li jibda jiddekorri mis-sena li matulha jinħoloq id-dritt li titressaq tali talba, mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li FGSZ ressqet talba għall-finijiet tal-irkupru tal-VAT fid‑19 ta’ Diċembru 2019, jiġifieri sitt ijiem wara l-konstatazzjoni mill-istralċjarju tal-kumpannija debitriċi tan-natura irrekuperabbli tad-dejn inkwistjoni.

30      Minn dan isegwi li, meta ressqet it-talba tagħha f’tali terminu, għandu jiġi kkonstatat li l-persuna taxxabbli wriet diliġenza u li ma tistax tiċċaħħad mid-dritt tagħha għal tnaqqis tal-ammont taxxabbli.

31      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar ukoll li, minn naħa, l-Artikolu 90(1) tad-Direttiva tal-VAT jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jipproduċi effett dirett u, min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jimplika li kull qorti nazzjonali adita fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha għandha, bħala korp ta’ Stat Membru, l-obbligu li ma tapplikax kull dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkollha effett dirett fil-kawża li jkollha quddiemha. Għalhekk, meta persuna taxxabbli bħal FGSZ ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li ma humiex konformi ma’ din id-dispożizzjoni, din il-persuna taxxabbli tista’ tinvoka l-imsemmija dispożizzjoni quddiem il-qrati nazzjonali kontra l-Istat Membru inkwistjoni sabiex tikseb it-tnaqqis tal-ammont taxxabbli tagħha (sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2020, E. (VAT – Tnaqqis tal-ammont taxxabbli), C‑335/19, EU:C:2020:829, punti 51 sa 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 90 tad-Direttiva tal-VAT, moqri flimkien mal-prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ effettività, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta Stat Membru jistabbilixxi terminu ta’ preskrizzjoni li fi tmiemu l-persuna taxxabbli, li jkollha dejn li jkun sar definittivament irrekuperabbli, ma tkunx tista’ tinvoka iktar id-dritt tagħha li tikseb tnaqqis tal-bażi taxxabbli, dan it-terminu għandu jibda jiddekorri mhux mid-data tal-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ ħlas inizjalment prevista, iżda minn dik li fiha d-dejn ikun sar definittivament irrekuperabbli.

 Fuq l-ispejjeż

33      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tordna:

L-Artikolu 90 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, moqri flimkien mal-prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ effettività, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta Stat Membru jistabbilixxi terminu ta’ preskrizzjoni li fi tmiemu l-persuna taxxabbli, li jkollha dejn li jkun sar definittivament irrekuperabbli, ma tkunx tista’ tinvoka iktar id-dritt tagħha li tikseb tnaqqis tal-bażi taxxabbli, dan it-terminu għandu jibda jiddekorri mhux mid-data tal-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ ħlas inizjalment prevista, iżda minn dik li fiha d-dejn ikun sar definittivament irrekuperabbli.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.