Language of document : ECLI:EU:T:2011:6

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

13 ta’ Jannar 2011 (*)

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokumenti dwar it-twettiq ta’ proġett industrijali f’żona protetta taħt id-Direttiva 92/43/KEE – Dokumenti li joriġinaw minn Stat Membru – Oppożizzjoni min-naħa tal-Istat Membru – Rifjut parzjali ta’ aċċess – Eċċezzjoni li tirrigwarda l-politika ekonomika ta’ Stat Membru – Artikolu 4(5) sa (7) tar-Regolament Nru 1049/2001”

Fil-Kawża T-362/08,

IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds gGmbH, stabbilita f’Hamburg (il‑Ġermanja), irrappreżentata minn M. S. Crosby, solicitor, u S. Santoro, avukat,

rikorrenti,

sostnuta minn

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn J. Bering Liisberg u B. Weis Fogh, bħala aġenti,

minn

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata inizjalment minn J. Heliskoski, M. Pere u H. Leppo, sussegwentement minn M. Heliskoski, bħala aġenti,

u minn

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn K. Petkovska, A. Falk u S. Johannesson, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. O’Reilly u P. Costa de Oliveira, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tad-19 ta’ Ġunju 2008, li tirrifjuta li tagħti lir-rikorrenti aċċess għal dokument li l-awtoritajiet Ġermaniżi bagħtu lill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċedura dwar id-diklassifikazzjoni ta’ sit protett taħt id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn E. Martins Ribeiro, President tal-Awla, N. Wahl u A. Dittrich (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ April 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), jiddefinixxi l-prinċipji, il-kundizzjonijiet u l-limiti tad-dritt għal aċċess għad-dokumenti ta’ dawn l-istituzjonijiet previst fl-Artikolu 255 KE. Dan ir-regolament huwa applikabbli mit-3 ta’ Diċembru 2001.

2        L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi:

“Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju reġistrat f’Stat Membru, għandu dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, bla ħsara għall-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti stipulati f’dan ir-Regolament.

[…]

3. Dan ir-Regolament għandhu jgħodd lil kull dokument miżmum minn istituzzjoni, jiġifieri, dokumenti miktuba minnha jew li rċiviet u fil-pussess tagħha, f’kull qasam ta’ attività ta’ l-Unjoni Ewropea.

[…]”

3        L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi:

“Għall-għan ta’ dan ir-Regolament:

a) ‘dokument’ tfisser kull kontenut, ikun liema jkun il-medju tiegħu (miktub fuq karta jew reġistrat f’forma elettronika jew bħala reġistrazzjoni, ta’ ħoss, viżiv jew awdjoviż) dwar kwistjoni dwar il-politiki, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet li jaqgħu fl-isfera ta’ responsabbiltà ta’ l-istituzzjoni;

b) ‘parti terza’ tfisser kull persuna naturali jew legali, jew kull entità barra mill-istituzzjoni involuta, inklużi l-Istati Membri, korpi Komunitarji oħrajn, istituzzjonijiet oħra mhux Komunitarji u korpi u pajjiżi terzi.”

4        L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049//2001, li jiddefinixxi l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess imsemmi iktar ’il fuq, jipprovdi:

“1. L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

a) l-interess pubbliku fir-rigward ta’:

–        is-sigurtà pubblika,

–        kwistjonijiet militari u ta’ difiża,

–        relazzjonijiet internazzjonali,

–        il-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika tal-Komunità jew ta’ Stat Membru;

[…]

3. […]

Aċċess għad-dokument li fih opinjonijiet għall-użu intern bħala parti minn deliberazzjoni u konsultazzjonijiet preliminarji fl-istituzzjoni kkoncernat għandu jiġi rifjutat anke wara li tittieħed id-deċiżjoni jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

4. Fir-rigward ta’ dokumenti ta’ partijiet terzi, l-istituzzjoni għandha tikkonsulta mal-parti terza bl-iskop li tagħmel stima dwar jekk tapplika eċċezzjoni fil-paragrafu 1 jew 2, jekk ikun ċar li d-dokument għandu jew m’għandux jiġi żvelat.

5. Stat Membru jista’ jitlob lill-istituzzjoni sabiex ma tiżvelax dokument li ġej minn dak l-Istat Membru jekk ma’ jkunx ġie miftiehem hekk minn qabel.

6. Jekk partijiet biss tad-dokument mitlub huma koperti minn xi eċċezzjoni, il-biċċiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati.

7. L-eċċezzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1 sa’ 3 għandhom japplikaw biss għaż-żmien li fih il-ħarsien huwa ġustifikat fuq il-bażi tal-kontenut tad-dokument. L-eċċezzjonijiet jistgħu japplikaw għal perjodu mhux itwal minn 30 sena. Fil-każ ta’ dokumenti koperti mill-eċċeżżjonijiet dwar privatezza jew interessi kummerċjali u fil-każ ta’ dokumenti sensittivi, l-eċċeżżjonijiet jistgħu, jekk meħtieġ, jibqgħu japplikaw wara dan il-perjodu.”

5        L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar it-trattament ta’ dokumenti sensittivi, jipprovdi:

1. “Dokumenti sensittivi human dokumenti li ġejjin mill-istituzzjonijiet jew mill-aġenziji mwaqqfa minnhom, mill-Istati Membri, pajjiżi terzi jew Organizzazzjonijiet Internazzjonali, klassifikati bħala ‛TRÉS SECRET/TOP SECRET’, ‛SECRET’ jew ‛CONFIDENTIEL’ skond ir-regoli ta’ l-istituzzjoni rilevanti, li jħarsu l-interessi essenzali ta’ l-Unjoni Ewropea jew ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha fl-oqsma koperti mill-Artikolu 4(1)(a), partikolarment is-sigurtà pubblika, kwistjonijiet militari u tad-difiża.

2. Applikazzjonijiet għall-aċċess għal dokumenti sensittivi taħt il-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 għandhom jiġu proċessatt biss minn persuni li għandhom dritt isiru jafu dwar dawk id-dokumenti. Dawn il-persuni għandhom ukoll, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11(2), jagħmlu stima dwar liema referenzi għal dokumenti sensittivi jistgħu jsiru fir-reġistru pubbliku.

3. Dokumenti sensittivi għandhom jiġu reġistrati fir-reġistru jew żvelati biss bil-kunsens ta’ mingħand min ġejjin.

[…]”

6        L-Artikolu 6(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102), jipprovdi:

“Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru jrid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati.

Meta s-sit konċernat jospita tip ta’ habitat naturali ta’ priorità u/jew speċi ta’ priorità, l-uniċi kunsiderazzjonijiet li jistgħu jitqajmu huma dawk marbuta ma’ saħħet il-bniedem jew is-sigurtà pubblika, dawk li għandhom konsegwenzi ta’ benefiċċju u ta’ importanza ewlenija għall-ambjent jew, wara opinjoni mill-Kummissjoni, ma raġunijiet obbligatorji oħra ta’ interess pubbliku li jieħu l-preċedenza.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

7        Ir-rikorrenti, IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds gGmbH, hija organizzazzjoni mhux governattiva li topera fil-qasam tal-preservazzjoni tal-benesseri tal-annimali u tal-protezzjoni tan-natura.

8        Fuq talba tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 92/43, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, fid-19 ta’ April 2000, ħarġet opinjoni favur it-twettiq ta’ proġett industrijali fis-sit ta’ Mühlenberger Loch, żona protetta skont din id-direttiva. Dan il-proġett kien jikkonsisti fit-tkabbir tal-fabbrika tal-kumpannija D, għall-finijiet tal-assemblaġġ finali tal-Airbus A3XX.

9        Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Diċembru 2001, indirizzata lill-Kummissjoni, ir-rikorrenti talbet li jkollha aċċess għal diversi dokumenti rċevuti mill-imsemmija istituzzjoni fil-kuntest tal-eżami tal-proġett industrijali fuq imsemmi, jiġifieri l-korrispondenza li oriġinat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mill-belt ta’ Hamburg, kif ukoll mingħand il-Kanċillier Ġermaniż.

10      Billi l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprojbixxiha milli tiżvela d-dokumenti inkwistjoni, il-Kummissjoni, fis-26 ta’ Marzu 2002, adottat id-deċiżjoni li tirrifjuta lir-rikorrenti aċċess għal ċerti dokumenti li hija kienet irċeviet fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tal-opinjoni tad-19 ta’ April 2000.

11      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Ġunju 2002, ir-rikorrenti ressqet rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Marzu 2002.

12      Permezz tas-sentenza tat-30 ta’ Novembru 2004, IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il-Kummissjoni (T-168/02, Ġabra p. II‑4135), il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors bħala infondat.

13      Fl-10 ta’ Frar 2005, ir-Renju tal-Isvezja, intervenjenti fil-Kawża T-168/02, iċċitata iktar ’il fuq, appellat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali f’din il-kawża.

14      Permezz tas-sentenza tagħha tat-18 ta’ Diċembru 2007, L-Isvezja vs Il‑Kummissjoni, C-64/05 P, Ġabra p. I‑11389, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds vs Il‑Kummissjoni, punt 12 iktar ’il fuq, kif ukoll id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Marzu 2002.

15      Wara s-sentenza L-Isvezja vs Il‑Kummissjoni, punt 14 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti, permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Frar 2008, indirizzata lill-Kummissjoni, tenniet it-talba tagħha ta’ aċċess għad-dokumenti li din l-istituzzjoni rċeviet fil-kuntest tal-eżami tal-proġett Mühlenberger Loch u li kienu ġew ipprovduti mill-awtoritajiet Ġermaniżi.

16      Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Frar 2008, il-Kummissjoni kkonfermat li kienet irċiviet l-ittra tar-rikorrenti tat-13 ta’ Frar 2008.

17      Fis-26 ta’ Marzu 2008, ir-rikorrenti stiednet lill-Kummissjoni tirrispondi għat-talba tagħha tat-13 ta’ Frar 2008.

18      Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ April 2008, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li kienet għaddejja konsultazzjoni mal-awtoritajiet Ġermaniżi fir-rigward tal-iżvelar tad-dokumenti mitluba.

19      Fid-9 ta’ April 2008, ir-rikorrenti reġgħet stiednet lill-Kummissjoni tirrispondi għat-talba tagħha tat-13 ta’ Frar 2008, u dan qabel it-22 ta’ April 2008.

20      Peress li sa din id-data l-Kummissjoni baqgħet ma rrispondietx, ir-rikorrenti ppreżentat talba konfermattiva permezz ta’ ittra tad-29 ta’ April 2008.

21      Fid-19 ta’ Mejju 2008, il-Kummissjoni kitbet lir-rikorrenti u filwaqt li kkonfermat li kienet irċeviet it-talba konfermattiva, iddikjarat li kellha tingħatalha risposta fit-terminu previst mir-Regolament Nru 1049/2001.

22      Fid-19 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni dwar it-talba konfermattiva tar-rikorrenti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li ġiet ikkommunikata lil din tal-aħħar fl-istess ġurnata. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni żvelat id-dokumenti kollha mitluba mir-rikorrenti, jiġifieri tmien dokumenti provenjenti mill-belt ta’ Hamburg u mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ħlief għall-ittra tal-15 ta’ Marzu 2000 mibgħuta mill-Kanċillier Ġermaniż lill-President tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem l-“ittra tal-Kanċillier Ġermaniż”), peress li l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu opponew l-iżvelar ta’ dan id-dokument.

23      Skont id-deċiżjoni kkontestata, min-naħa, l-awtoritajiet Ġermaniżi ddikjaraw li l-iżvelar tal-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż tippreġudika l-protezzjoni tal-interess pubbliku, f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet internazzjonali u l-politika ekonomika tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fis-sens tat-tielet u tar-raba’ inċiżi tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001.

24      Fil-fatt, din l-ittra tikkonċerna dikjarazzjoni kunfidenzjali stabbilita esklużivament għal użu intern. Dan id-dokument jikkonċerna kwistjoni kunfidenzjali li tirrigwarda l-politika ekonomika tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u ta’ Stati Membri oħra. L-iżvelar ta’ dan id-dokument mhux biss jippreġudika l-kunfidenzjalità, bi ħsara għar-relazzjonijiet internazzjonali bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u Stati Membri oħra, iżda jikkomprometti wkoll il-politika ekonomika tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u dik ta’ Stati Membri oħra. Konsegwentement, l-aċċess għall-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż kellu jiġi rrifjutat skont it-tielet u r-raba’ inċiżi tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001.

25      Min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet Ġermaniżi indikaw li l-iżvelar tal-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż jippreġudika b’mod gravi l-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

26      Fil-fatt, din l-ittra tikkonċerna dikjarazzjoni kunfidenzjali indirizzata lill-Kummissjoni stabbilita esklużivament għal użu intern fil-kuntest tad-deliberazzjonijiet relatati mal-opinjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ April 2000. Dan id-dokument jikkonċerna l-politika ekonomika tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u dik ta’ Stati Membri oħra. L-iżvelar ta’ dan id-dokument jippreġudika l-kunfidenzjalità u għalhekk jippreġudika r-relazzjonijiet bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u Stati Membri oħrajn. Dan jippreġudika b’mod gravi l-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni. Konsegwentement, l-eċċezzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 hija applikabbli f’dak li jikkonċerna l-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż.

27      Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat, fid-deċiżjoni kkontestata, li, skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess ma hijiex applikabbli jekk jeżisti interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni. Minkejja li d-dokument huwa kopert ukoll miż-żewġ eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, li ma humiex suġġetti għal eżami ta’ interess pubbliku, il-Kummissjoni xorta waħda eżaminat jekk, f’dan il-każ, kienx hemm tali interess pubbliku.

28      Skont il-Kummissjoni, sabiex ikun hemm interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar, dan l-interess għandu, l-ewwel nett, ikun pubbliku u, it-tieni nett, ikun superjuri, jiġifieri li jieħu preċedenza fuq l-interessi protetti mill-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. F’dan il-każ, hija ma għandha l-ebda element li jista’ jindika l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri eventwali fis-sens tal-imsemmi regolament li jieħu preċedenza fuq l-eżiġenza ta’ protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni.

29      Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ aċċess parzjali għad-dokument inkwistjoni, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni indikat li abbażi tas-sentenza L-Isvezja vs Il‑Kummissjoni, punt 14 iktar ’il fuq, hija kienet obbligata taċċetta r-riżultat tal-proċess ta’ konsultazzjoni u li tirrifjuta l-aċċess għall-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż abbażi tal-eċċezzjonijiet invokati mill-awtoritajiet Ġermaniżi u tar-raġunijiet esposti minnhom. Ladarba dawn l-awtoritajiet jopponu l-iżvelar tal-ittra kollha tal-Kanċillier Ġermaniż, ebda aċċess parzjali għal dan id-dokument ma jista’ jingħata abbażi tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

30      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Awwissu 2008, ir-rikorrenti ppreżentat din ir-rikors.

31      Permezz ta’ ittra rreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Jannar 2009, ir-Repubblika tal-Finlandja talbet li tiġi ammessa tintervjeni f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. Din it-talba ntlaqgħet, wara li nstemgħu l-partijiet prinċipali, permezz tad-digriet tal-President tat-Tmien Awla tal-5 ta’ Marzu 2009.

32      Ir-Repubblika tal-Finlandja ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha fis-17 ta’ April 2009. Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Ġunju 2009, il-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din in-nota.

33      Permezz ta’ ittri rreġistrati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali rispettivament fit-18 u fid-29 ta’ Ġunju 2009, ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju tad-Danimarka talbu li jiġu ammessi jintervjenu f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. Din it-talba ntlaqgħet, wara li nstemgħu l-partijiet prinċipali, permezz tad-digriet tal-President tat-Tmien Awla tat-12 ta’ Awwissu 2009.

34      Abbażi tar-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

35      It-trattazzjonijiet u r-risposti tal-partijiet prinċipali għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali, tar-Renju tad-Danimarka u tar-Renju tal-Isvezja nstemgħu matul is-seduta tas-16 ta’ April 2010. Fid-dawl tal-fatt li r-Repubblika tal-Finlandja ma setgħetx tkun irrappreżentata matul is-seduta, ġie deċiż, qabel l-għeluq tal-proċedura orali, li ssir mistoqsija bil-miktub lir-Repubblika Finlandiża fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-argument tagħha dwar l-aċċess parzjali għall-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż u l-applikazzjoni ratione temporis tal-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess inkwistjoni abbażi tal-Artikolu 4(6) u (7) tar-Regolament Nru 1049/2001. Ir-Repubblika tal-Finlandja rrispondiet fit-terminu previst u l-partijiet prinċipali, ir-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

36      Fir-rigward tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti, dawn ma kinux limitati għall-kontenut tar-risposta tar-Repubblika tal-Finlandja. Peress li l-partijiet ma humiex awtorizzati li jikkompletaw il-proċess lil hinn mill-osservazzjonijiet fuq l-imsemmija risposta wara s-seduta, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda, fil-15 ta’ Ġunju 2010, li jinkludi dawn l-osservazzjonijiet fil-proċess biss sa fejn dawn kienu jikkonċernaw il-kontenut tar-risposta tar-Repubblika tal-Finlandja.

37      Il-proċedura orali ngħalqet fil-15 ta’ Ġunju 2010.

38      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tordna lill-Kummissjoni tikkomunika lill-Qorti Ġenerali l-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

39      Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla d-deċiżjoni kkontestata.

40      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

41      Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq ksur tat-tielet u tar-raba’ inċiżi tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001. Skont dan l-artikolu, l-aċċess għal dokument għandu jiġi rrifjutat meta l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-protezzjoni tal-interess pubbliku, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet internazzjonali u l-politika ekonomika ta’ Stat Membru. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jipprovdi li l-aċċess għal dokumenti li fihom opinjonijiet intiżi għall-użu intern fil-kuntest ta’ deliberazjonijiet u ta’ konsultazzjonijiet preliminari fi ħdan l-istituzzjoni kkonċernata għandu jiġi rrifjutat anki wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni, fil-każ fejn l-iżvelar ta’ dokument jippreġudika b’mod gravi l-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni, sa kemm interess pubbliku superjuri ma jiġġustifikax l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni.

42      L-intervenjenti jsostnu l-argumenti tar-rikorrenti f’dan ir-rigward. Ir-Repubblika tal-Finlandja ssostni wkoll li hemm ksur tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 fir-rigward tal-possibbiltà ta’ aċċess parzjali għal dokument. Barra minn hekk, skont ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 4(7) tal-imsemmi regolament, li jikkonċernaw l-applikazzjoni ratione temporis tal-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3), ma ġewx osservati. Fl-osservazzjonijiet tagħha fuq in-nota ta’ intervent tar-Repubblika tal-Finlandja, ir-rikorrenti “tilqa’ b’mod favorevoli” l-argument ta’ dan l-Istat Membru dwar l-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001 u testendih għall-eċċezzjonijiet kollha inkwistjoni f’din il-kawża.

43      Huma u jagħtu l-interpretazzjonijiet rispettivi tagħhom tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, sabiex jiddeterminaw il-konsegwenzi tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni f’dan il-każ, fid-dawl tas-sentenza L-Isvezja vs Il‑Kummissjoni, punt 14 iktar ’il fuq, li hija, fil-fehma tagħhom, il-kwistjoni ċentrali ta’ din il-kawża, il-partijiet jippreżentaw argumenti li huma validi għall-motivi kollha. Għalhekk, qabel ma ssir analiżi speċifika tad-diversi motivi, għandha tiġi eżaminata din il-kwistjoni.

 Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001

 L-argumenti tal-partijiet

44      Ir-rikorrenti ssostni li huwa importanti li jsiru magħrufa r-raġunijiet kollha li għalihom il-Kummissjoni approvat, permezz tal-opinjoni tagħha tad-19 ta’ April 2000, id-diklassifikazzjoni ta’ riżerva naturali protetta abbażi tal-programm Natura 2000 kif stabbilit bid-Direttiva 92/43. Hija tenfasizza li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ripetutament ikkritikat ir-retiċenza tal-Kummissjoni li tiddiklassifika r-riżerva naturali u li tippermetti t-tkabbir tal-fabbrika tal-kumpannija D. li tinsab f’Elbe, f’Hamburg, għall-finijiet tal-assemblaġġ finali tal-Airbus A3XX. Kien biss ftit taż-żmien wara li rċiviet l-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż li l-Kummissjoni approvat id-diklassifikazzjoni.

45      F’każ simili, il-qorti Komunitarja għandha ġurisdizzjoni li tistħarreġ jekk rifjut ta’ aċċess mill-istituzzjoni interpellata setax validament ikun ibbażat fuq l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, u dan indipendentement minn jekk dan ir-rifjut jirriżultax mill-evalwazzjoni ta’ dawn l-eċċezzjonijiet mill-istituzzjoni nnifisha jew mill-Istat Membru kkonċernat.

46      L-argument tal-Kummissjoni li jgħid li r-rwol tagħha huwa limitat għal eżami sommarju tar-raġunijiet tal-Istat Membru jwassal sabiex de facto terġa tiġi introdotta r-regola tal-awtur. F’kull każ individwali l-Kummissjoni għandha tevalwa jekk dokument li kien is-suġġett ta’ talba għal aċċess jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet inkwistjoni.

47      Ir-Renju tad-Danimarja jsostni li, skont ir-Regolament Nru 1049/2001, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom awtonomija deċiżjonali. Huma għandhom ir-responsabbiltà finali li jivverifikaw jekk rifjut ta’ aċċess huwiex ġustifikat u għandhom iwettqu evalwazzjoni konkreta tat-talba ta’ aċċess għal dokumenti.

48      Għalkemm f’ċerti każijiet l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu, eċċezzjonalment, iwettqu biss evalwazzjoni prima facie, madankollu l-fatt li l-proċedura prevista fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 tkun tapplika għal każ inkwistjoni ma huwiex ċirkustanza li tiġġustifika li evalwazzjoni prima facie tkun suffiċjenti.

49      Ir-Repubblika tal-Finlandja tenfasizza li skont is-sentenza L-Isvezja vs Il‑Kummissjoni, punt 14 iktar ’il fuq, sa fejn l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 ikun applikabbli, l-istituzzjoni kkonċernata għandha dejjem, meta teżamina d-dokument inkwistjoni, tivverifika jekk l-eċċezzjonijiet għall-aċċess għall-imsemmi dokument, ippreżentati mill-Istat Membru kkonċernat, humiex applikabbli. Jekk, skont l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, ir-raġunijiet invokati mill-Istat Membru ma jkunux xierqa, din l-istituzzjoni għandha tagħmel id-dokument ikkonċernat aċċessibbli għal minn jagħmel it-talba. Peress li, f’din il-kawża, il-Kummissjoni ma ssodisfatx dan l-obbligu, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

50      Insostenn tal-interpretazzjoni tagħha, ir-Repubblika tal-Finlandja tindika, l-ewwel nett, li l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett.

51      It-tieni nett, l-obbligu ta’ motivazjoni abbażi tal-Artikolu 253 KE huwa applikabbli wkoll f’dak li jirrgwarda d-deċiżjoni ta’ rifjut adottata abbażi tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001. L-Istat Membru kkonċernat jingħata biss setgħa ta’ parteċipazzjoni fil-proċess tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Unjoni (sentenza L-Isvezja vs Il‑Kummissjoni, punt 14 iktar ’il fuq, punti 76 u 81). Peress li din hija deċiżjoni ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, hija din tal-aħħar li hija responsabbli għall-evalwazzjoni eżatta tal-applikabbiltà tal-eċċezzjonijiet inkwistjoni.

52      It-tielet nett, il-projbizzjoni tar-regola tal-awtur permezz tar-Regolament Nru 1049/2001 tkun bla skop li kieku, kif issostni l-Kummissjoni, din l-istituzzjoni jkollha teżamina biss jekk l-eċċezzjoni invokata mill-Istat Membru hijiex manifestament mhux xierqa. Ir-Repubblika tal-Finlandja ssostni wkoll li istituzzjoni tal-Unjoni għandha teżamina, f’kull każ individwali, jekk dokument jaqax taħt l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament.

53      Ir-Renju tal-Isvezja jsostni li mis-sentenza L-Isvezja vs Il‑Kummissjoni, punt 14 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-Istat Membru kkonċernat ma għandux dritt ta’ veto ġenerali u inkundizzjonali li jippermettilu jopponi b’mod arbitrarju l-iżvelar ta’ dokument min-naħa ta’ istituzzjoni, u li huwa obbligat jimmotiva debitament l-oppożizzjoni tiegħu billi jinvoka l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess previsti fir-Regolament Nru 1049/2001. Madankollu, it-tip ta’ eżami li l-istituzzjoni għandha twettaq meta l-Istat Membru jopponi l-iżvelar ma ġiex iċċarat f’din is-sentenza.

54      F’dan ir-rigward, ir-Renju tal-Isvezja jispeċifika li l-Kummissjoni għandha tiżgura ruħha li l-motivazzjonijiet tal-Istat Membru jkunu, mill-perspettiva legali, formalment u sostantivament korretti, u li hija għandha twettaq eżami individwali ta’ kull dokument u twettaq analiżi intiża sabiex tiddetermina jekk jeżistix riskju konkret u reali li l-iżvelar ta’ dokument jista’ jippreġudika interess protett. Anki l-importanza li tinżamm interpretazzjoni uniformi tar-Regolament Nru 1049/2001 tixhed favur dritt ta’ eżami tal-istituzzjoni.

55      Skont ir-Renju tal-Isvezja, qabel id-deċiżjoni tal-istituzzjoni għandu jkun hemm djalogu kkaratterizzat minn kooperazzjoni leali mal-Istati Membri. F’ċerti każijiet, pereżempju fil-każ fejn il-politika finanzjarja jew ekonomika ta’ Stat Membru tista’ tiġi affettwata ħażin, l-opinjoni ta’ dan l-Istat Membru għandha tkun predominanti. F’każijiet oħra, meta l-iżvelar ta’ dokument jista’ jippreġudika b’mod serju l-proċess deċiżjonali ta’ istituzzjoni, hija l-istituzzjoni inkwistjoni li għandha jkollha iktar marġni ta’ manuvra sabiex tiddetermina jekk l-argument tal-Istat Membru jkunx inapproprjat.

56      Il-Kummissjoni tenfasizza li, peress li d-dokument li l-aċċess għalih ġie rrifjutat joriġina minn Stat Membru, hija applikat l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, punt 14 iktar ’il fuq. Hija ssostni li l-awtoritajiet Ġermaniżi esprimew l-oppożizzjoni tagħhom għall-iżvelar tal-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż.

57      Skont il-Kummissjoni, il-kwistjoni ċentrali hija dik li jsir magħruf sa fejn hija obbligata tosserva l-oppożizzjoni espressa minn Stat Membru kontra l-iżvelar ta’ dokument meta din l-oppożizzjoni hija debitament ibbażata fuq motivi stabbiliti fid-dawl tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fi kliem ieħor, għandu jiġi ddeterminat sa fejn il-Kummissjoni hija obbligata tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha b’dik tal-Istat Membru.

58      Il-Kummissjoni ssostni li żewġ dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001 jirrigwardaw is-sitwazzjoni fejn dokument li għalih jintalab aċċess joriġina, mhux mill-istituzzjoni kkonċernata, iżda minn terzi, jiġifieri l-Artikolu 4(4), li jirrigwarda s-sistema ġenerali ta’ aċċess għal dokumenti li joriġinaw minn terzi, u l-Artikolu 4(5), li jirrigwarda d-dokumenti li joriġinaw minn Stat Membru. Permezz taż-żieda tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-leġiżlatur ta pożizzjoni partikolari lill-Istati Membri, skont id-Dikjarazzjoni Nru 35 dwar l-Artikolu 255(1) KE, annessa mal-Att Finali tat-Trattat ta’ Amsterdam.

59      Skont il-Kummissjoni, fis-sentenza tagħha L-Isvezja vs Il‑Kummissjoni, punt 14 iktar ’il fuq (punt 44), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li hemm riskju li r-rekwiżit ta’ kunsens minn qabel tal-Istat Membru previst fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jibqa’ mingħajr effett jekk, minkejja l-oppożizzjoni espressa minn Stat Membru għall-iżvelar ta’ dokument li joriġina minnu u minkejja li l-istituzzjoni ma jkollha ebda kunsens min-naħa tal-imsemmi Stat Membru, l-istituzzjoni tibqa’ madankollu libera li tiżvela d-dokument ikkonċernat. Tali rekwiżit ikun mingħajr kull effett utli jekk il-ħtieġa li jinkiseb tali kunsens minn qabel għall-iżvelar tal-imsemmi dokument tkun finalment tiddependi fuq ir-rieda diskrezzjonali tal-istituzzjoni li żżomm dan id-dokument. Il-punti 45 u 46 ta’ din is-sentenza jipprovdu li kunsens huwa legalment differenti minn sempliċi opinjoni u li l-Istati Membri kisbu d-dritt li jiġu kkonsultati bis-saħħa tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001.

60      Fil-punt 47 tas-sentenza L-Isvezja vs Il‑Kummissjoni, punt 14 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, bil-kontra tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-Artikolu 4(5) tal-imsemmi regolament jagħti lill-Istat Membru possibbiltà, u huwa biss l-eżerċizzju effettiv ta’ din il-possibbiltà f’każ determinat li jista’ jwassal sabiex il-kunsens minn qabel jitqies li huwa rekwiżit neċessarju għall-iżvelar futur tad-dokument ikkonċernat.

61      Mill-perspettiva proċedurali, skont il-punt 87 tas-sentenza L-Isvezja vs Il‑Kummissjoni, punt 14 iktar ’il fuq, l-Istat Membru, li jesprimi l-oppożizzjoni tiegħu għall-iżvelar ta’ dokument, huwa obbligat jimmotiva din l-oppożizzjoni fid-dawl tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Mill-punti 45 sa 47 u 76 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-eżistenza ta’ oppożizzjoni motivata korrettament tipprekludi lill-Kummissjoni milli tiżvela d-dokument ikkonċernat.

62      Il-Kummissjoni ma tistax tilqa’ l-oppożizzjoni espressa minn Stat Membru, u għalhekk għandha twettaq l-evalwazzjoni tagħha stess, jekk din l-oppożizzjoni ma jkollhiex magħha xi motivazzjoni jew jekk il-motivazzjoni proposta ma tkunx ifformulata b’riferiment għall-eċċezzjonijiet elenkati fir-Regolament Nru 1049/2001 (punt 88 tas-sentenza L-Isvezja vs Il‑Kummissjoni, punt 14 iktar ’il fuq).

63      Skont il-punt 89 tas-sentenza L-Isvezja vs Il‑Kummissjoni, punt 14 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni hija obbligata tindika, fid-deċiżjoni ta’ rifjut tagħha, ir-raġunijiet invokati mill-Istat Membru sabiex turi li waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001 hija applikabbli.

64      Il-Kummissjoni ssostni li hija osservat l-obbligi tagħha taħt ir-Regolament Nru 1049/2001, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, punt 14 iktar ’il fuq. Fil-fatt, meta l-awtoritajiet Ġermaniżi ġew ikkonsultati, huma esprimew l-oppożizzjoni tagħhom għall-iżvelar tal-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż u mmotivaw il-pożizzjoni tagħhom billi rreferew għall-eċċezzjonijiet previsti fit-tielet u fir-raba’ inċiżi tal-Artikolu 4(1)(a) u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tal-imsemmi regolament. Sussegwentement, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-eċċezzjonijiet kinux prima facie invokati ġustament u, peress li r-risposta kienet fl-affermattiv, hija ppreżentat ir-raġunijiet li jimmotivaw d-deċiżjoni tagħha ta’ rifjut.

65      Skont il-Kummissjoni, meta Stat Membru jesprimi l-oppożizzjoni tiegħu, l-investigazzjoni li hija għandha twettaq għandha tkun biss il-verifika li din l-oppożizzjoni tkun prima facie bbażata fuq l-eċċezzjonijiet previsti fir-Regolament Nru 1049/2001 u li ma jkunx manifestament mhux xieraq li dawn l-eċċezzjonijiet jiġu invokati. Eċċezzjoni manifestament mhux xierqa tkun dik invokata minn Stat Membru sabiex jiġi rrifjutat l-aċċess għal dokument li evidentement ma jkunx kopert mill-portata tal-eċċezzjoni kif interpretata mill-qorti tal-Unjoni.

66      L-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tad-deċiżjoni kkontesta għandu sempliċement jirrigwarda stħarriġ ta’ jekk il-Kummissjoni tkunx debitament żgurat ruħha li l-eċċezzjonijiet applikabbli ma jkunux ġew invokati b’mod manifestament mhux xieraq.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

67      Għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-premessa 4 tiegħu u mill-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 1049/2001 ifittex li jagħti l-ikbar effett possibbli lid-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti miżmuma minn istituzzjoni. Bis-saħħa tal-Artikolu 2(3) tal-imsemmi regolament, dan id-dritt ikopri mhux biss id-dokumenti redatti minn istituzzjoni, imma wkoll dawk li tirċievi minn terzi, li fosthom hemm l-Istati Membri, hekk kif jippreċiża espressament l-Artikolu 3(b) tal-istess regolament.

68      Ir-Regolament Nru 1049/2001 jipprevedi, fl-Artikolu 4 tiegħu, eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokument. Il-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu jistabbilixxi li Stat Membru jista’ jitlob lil istituzzjoni li ma tiżvelax dokument li joriġina minn dan l-Istat mingħajr il-kunsens minn qabel tiegħu.

69      F’dan il-każ, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja eżerċitat il-possibbiltà li ngħatatilha permezz tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 u talbet lill-Kummissjoni ma tiżvelax l-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż. Hija bbażat l-oppożizzjoni tagħha fuq l-eċċezzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-interess pubbliku, dwar ir-relazzjonijiet internazzjonali u l-politika ekonomika ta’ Stat Membru, previsti fit-tielet u r-raba’ inċiżi tal-Artikolu 4(1)(a) tal-imsemmi regolament, kif ukoll fuq l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni, prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tal-istess regolament. Il-Kummissjoni, wara, fid-deċiżjoni kkontestata, ibbażat ir-rifjut ta’ aċċess għall-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż fuq l-oppożizzjoni murija mill-awtoritajiet Ġermaniżi bis-saħħa tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001.

70      Għandha għaldaqstant tiġi eżaminata l-portata tal-oppożizzjoni magħmula mill-awtoritajiet Ġermaniżi bis-saħħa tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001.

71      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mis-sentenza L-Isvezja vs Il‑Kummissjoni, punt 14 iktar ’il fuq (punt 81), din id-dispożizzjoni għandha natura proċedurali peress li hija ddedikata għall-proċedura ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Unjoni.

72      Bil-kontra tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jippermetti lil terzi, fil-każ ta’ dokumenti li joriġinaw minnhom, dritt ta’ konsultazzjoni biss, il-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu jistabbilixxi kunsens minn qabel tal-Istat Membru bħala kundizzjoni neċessarja għall-iżvelar ta’ dokument li joriġina minnu jekk dan tal-aħħar jitlob hekk. F’dan il-każ, l-istituzzjoni li ma jkollhiex il-kunsens tal-Istat Membru kkonċernat ma tkunx tista tiżvela d-dokument inkwistjoni (sentenza L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, punt 14 iktar ’il fuq, punt 44). F’dan il-każ, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar it-talba għal aċċess għad-dokument inkwistjoni kienet tiddependi għaldaqstant mid-deċiżjoni meħuda mill-Istat Membru fil-kuntest tal-proċess ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

73      Madankollu, skont is-sentenza L-Isvezja vs Il‑Kummissjoni, punt 14 iktar ’il fuq (punt 58), l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jagħtix lill-Istat Membru kkonċernat dritt ta’ veto ġenerali u inkundizzjonali li jippermettilu jopponi, b’mod purament diskrezzjonali u mingħajr ma jkollu jimmotiva d-deċiżjoni tiegħu, l-iżvelar ta’ kull dokument miżmum minn istituzzjoni sempliċement minħabba l-fatt li l-imsemmi dokument joriġina minn dan l-Istat Membru.

74      Skont is-sentenza L-Isvezja vs Il‑Kummissjoni, punt 14 iktar ’il fuq (punt 76), l-eżerċizzju tas-setgħa li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jagħti lill-Istat Membru kkonċernat jinsab fl-eċċezzjonijiet materjali elenkati fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-istess artikolu, peress li l-Istat Membru kkonċernat jista’ jirrikonoxxi f’dan ir-rigward lilu nnifsu biss possibbiltà ta’ parteċipazzjoni fid-deċiżjoni tal-istituzzjoni tal-Unjoni. Il-kunsens minn qabel tal-Istat Membru kkonċernat imsemmi fl-Artikolu 4(5) tal-imsemmi regolament jindika, b’dan il-mod, mhux dritt ta’ veto diskrezzjonali, imma forma ta’ parir konformi fin-nuqqas ta’ eċċezzjoni msemmija fil-paragrafi 1 sa 3 tal-Artikolu 4 tal-istess regolament. Il-proċess deċiżjonali b’hekk stabbilit mill-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jeżiġi għaldaqstant li l-istituzzjoni u l-Istat Membru kkonċernati josservaw l-eċċezzjonijiet materjali previsti fil-paragrafi 1 sa 3 tal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament (sentenza L-Isvezja vs Il‑Kummissjoni, punt 14 iktar ’il fuq, punt 83).

75      Għandu barra minn hekk jiġi rrilevat li l-implementazzjoni ta’ dawn ir-regoli tad-dritt Komunitarju hija fdata konġuntament lill-istituzzjoni u lill-Istat Membru li jkun eżerċita l-possibbiltà miftuħa mill-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-kuntest tal-proċess deċiżjonali inkwistjoni, li fih jipparteċipaw l-istituzzjoni u l-Istat Membru kkonċernati, li għandu bħala skop li jiġi ddeterminat jekk l-aċċess għal dokument għandux jiġi rrifjutat bis-saħħa ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet materjali indikati fil-paragrafi 1 sa 3 tal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, dawn huma marbuta li josservaw l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 10 KE u mfakkar fil-premessa 15 tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenza L-Isvezja vs Il‑Kummissjoni, punt 14 iktar ’il fuq, punt 85).

76      L-Istat Membru li, wara dan id-djalogu, jirrifjuta li jiżvela d-dokument inkwistjoni huwa obbligat jimmotiva dan ir-rifjut fid-dawl ta’ dawn l-eċċezzjonijiet (sentenza L-Isvezja vs Il‑Kummissjoni, punt 14 iktar ’il fuq, punt 87).

77      Isegwi li l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 jawtorizza lill-Istat Membru kkonċernat jopponi l-iżvelar ta’ dokumenti li joriġinaw minnu biss fuq il-bażi tal-eċċezzjonijiet materjali previsti fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-artikolu u b’motivazzjoni debita tal-pożizzjoni tiegħu f’dan ir-rigward (sentenza L-Isvezja vs Il‑Kummissjoni, punt 14 iktar ’il fuq, punti 87 u 99).

78      Fir-rigward, f’dan il-każ, tal-portata tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 vis-à-vis il-Kummissjoni, hemm lok li jitfakkar, hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 94 tas-sentenza L-Isvezja vs Il‑Kummissjoni, punt 14 iktar ’il fuq, li fir-rigward ta’ min qed jagħmel it-talba, l-intervent tal-Istat Membru kkonċernat ma jaffettwax in-natura ta’ att tal-Unjoni tad-deċiżjoni li tindirizza lilu sussegwentement l-istituzzjoni b’risposta għat-talba għal aċċess li ssirilha dwar dokument miżmum minnha. Dan l-aspett huwa iktar importanti kieku din ir-risposta kellha tiddependi esklużivament fuq l-eżami, mill-Istat Membru, tal-applikabbiltà tal-imsemmija eċċezzjonijiet materjali.

79      Il-Kummissjoni, bħala awtriċi ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess għal dokumenti, hija responsabbli għal-legalità tagħha. Qabel ma tirrifjuta l-aċċess għal dokument li joriġina minn Istat Membru, hija għandha għaldaqstant teżamina jekk dan tal-aħħar ikunx ibbaża l-oppożizzjoni tiegħu fuq l-eċċezzjonijiet materjali previsti fil-paragrafi 1 sa 3 tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 u jekk ikunx ta motivazzjoni debita tal-pożizzjoni tiegħu f’dan ir-rigward.

80      Għandu jiġi rrilevat, f’dan il-każ, li l-eżami tal-applikabbiltà tal-eċċezzjonijiet materjali għandu jirriżulta mill-motivi tad-deċiżjoni tal-istituzzjoni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Lulju 1999, Hautala vs Il-Kunsill, T-14/98, Ġabra p. II‑2489, punt 67; tas-6 ta’ April 2000, Kuijer vs Il‑Kunsill, T-188/98, Ġabra p. II‑1959, punt 38, u tat-13 ta’ April 2005, Verein für Konsumenteninformation vs Il-Kummissjoni, T-2/03, Ġabra p. II‑1121, punt 69). Jekk id-deċiżjoni ta’ rifjut tkun ibbażata esklużivament fuq l-eżami, mill-Istat Membru kkonċernat, tal-applikabbiltà tal-imsemmija eċċezzjonijiet, l-applikazzjoni tagħhom tkun fl-aħħar lok ibbażata fuq ir-raġunament ta’ dan l-Istat Membru. Isegwi li r-raġunament ta’ dan tal-aħħar għandu jidher fil-motivi tad-deċiżjoni tal-istituzzjoni tal-Unjoni.

81      Sa fejn il-Kummissjoni ma topponix l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni u tadotta fid-deċiżjoni tagħha r-raġunijiet invokati mill-Istat Membru, huma r-raġunijiet indikati minn dan l-Istat Membru, adottati fl-imsemmija deċiżjoni, li għandhom jiġu eżaminati mill-qorti tal-Unjoni.

82      Peress li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ istituzzjoni tal-Unjoni għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il‑Kunsill, C-266/05 P, Ġabra p. I‑1233, punt 80, u l-ġurisprudenza ċċitata), għandu jiġi rrilevat li r-raġunijiet indikati mill-Istat Membru kkonċernat fil-kuntest tat-talba tiegħu magħmula bis-saħħa tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament għandhom ikunu ta’ kwalità li tissodisfa l-eżiġenzi tal-Artikolu 253 KE kif ġew interpetati mill-ġurisprudenza fil-qasam tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti bis-saħħa tar-Regolament Nru 1049/2001. Il-motivazzjoni mogħtija mill-Istat Membru kkonċernat għandha tkun ta’ natura li tippermetti lil min jagħmel it-talba jifhem l-oriġini u r-raġunijiet tar-rifjut li sarulu u lill-qorti kompetenti teżerċita, jekk ikun il-każ, l-istħarriġ mistenni minnha (sentenza L-Isvezja vs Il‑Kummissjoni, punt 14 iktar ’il fuq, punt 89).

83      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Kummissjoni ma tistax taġixxi skont l-oppożizzjoni murija minn Istat Membru għall-iżvelar ta’ dokument li joriġina minnu jekk din l-oppożizzjoni ma tkun bl-ebda mod motivata jew jekk il-motivazzjoni mogħtija ma tkunx ifformulata b’riferiment għall-eċċezzjonijiet elenkati fil-paragrafi 1 sa 3 tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenza L-Isvezja vs Il‑Kummissjoni, punt 14 uktar ’il fuq, punt 88). Fil-proċess ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess, il-Kummissjoni għandha tiżgura li jkun hemm din il-motivazzjoni u tinkludiha fid-deċiżjoni finali li tadotta (sentenza L-Isvezja vs Il‑Kummissjoni, punt 14 uktar ’il fuq, punt 99).

84      Fil-kuntest tal-eżami tal-każ inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li ma huwiex neċessarju li tinqata’ l-kwistjoni li jsir magħruf jekk il-Kummissjoni kinitx marbuta, barra minn verifika purament formali tal-eżistenza ta’ motivazzjoni tar-rifjut ta’ aċċess mill-Istat Membru u tar-riferiment għall-eċċezzjonijiet indikati fil-paragrafi 1 sa 3 tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, li twettaq verifika prima facie jew verifika kompleta tal-motivi ta’ oppożizzjoni invokati mill-Istat Membru.

85      Fil-fatt, fir-rigward tal-iżvelar jew tar-rifjut ta’ aċċess dwar dokument li joriġina minn Istat Membru mingħajr il-kunsens minn qabel tiegħu, għandhom jiġu distinti żewġ livelli ta’ stħarriġ tal-legalità ta’ dan l-iżvelar jew ta’ dan ir-rifjut ta’ aċċess, jiġifieri dik li l-Kummissjoni hija awtorizzata twettaq fir-rigward tal-oppożizzjoni murija mill-Istat Membru bis-saħħa tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, u dik li l-qorti tal-Unjoni hija awtorizzata twettaq fir-rigward tad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni li tagħti jew li tirrifjuta l-aċċess.

86      Il-każ inkwistjoni jirrigwarda deċiżjoni ta’ rifjut tal-Kummissjoni li mhux qed tikkontradixxi l-motivi ta’ oppożizzjoni invokati mill-Istat Membru kkonċernat, imma li hija bbażata fuq dawn il-motivi u li għaldaqstant kellha bħala konsegwenza l-fatt li d-dokument inkwistjoni ma ġiex ikkomunikat. Il-kwistjoni li għandha tiġi eżaminata f’dan il-każ ma tikkonċernax it-tip ta’ verifika li l-Kummissjoni kienet awtorizzata twettaq fir-rigward l-oppożizzjoni murija mill-Istat Membru bis-saħħa tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001. Peress li d-deċiżjoni kkontestata tikkorrispondi mat-talba tal-Istat Membru kkonċernat, il-kwistjoni li jsir magħruf jekk il-Kummissjoni kinitx awtorizzata twettaq verifika prima facie jew verifika kompleta tal-motivi ta’ oppożizzjoni invokati minn dan l-Istat Membru ma hijiex rilevanti. Kien ikun neċessarju li tiġi eżaminata din il-kwistjoni kieku d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma kinitx tikkorrispondi mat-talba tal-Istat Membru. Fil-każ ta’ korrispondenza bejn id-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-iżvelar ta’ dokument li joriġina minn Istat Membru, minn naħa, u t-talba ta’ dan tal-aħħar bis-saħħa tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, min-naħa l-oħra, it-tip ta’ stħarriġ li għandu jiġi identifikat huwa dak li l-qorti tal-Unjoni hija awtorizzata twettaq fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta l-aċċess għad-dokument inkwistjoni.

87      Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni ta’ rifjut, mill-punt 94 tas-sentenza L-Isvezja vs Il‑Kummissjoni, punt 14 iktar ’il fuq, jirriżulta li jaqa’ taħt il-kompetenza tal-qorti li tistħarreġ, fuq talba ta’ dak li lilu tkun saret oppożizzjoni u rċieva rifjut ta’ aċċess mill-istituzzjoni mitluba, jekk dan ir-rifjut setax validament ikun ibbażat fuq l-eċċezzjonijiet indikati fil-paragrafi 1 sa 3 tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, u jekk dan ir-rifjut jirriżultax mill-evalwazzjoni tagħhom mill-istituzzjoni stess jew mill-Istat Membru kkonċernat. Isegwi li, bil-kontra ta’ dak li tallega l-Kummissjoni, mill-applikazzjoni tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni ma huwiex sempliċi stħarriġ prima facie. L-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma żżommhiex milli twettaq stħarriġ komplet tad-deċiżjoni ta’ rifjut tal-Kummissjoni li għandha tosserva, b’mod partikolari, l-obbligu ta’ motivazzjoni u li tiddependi mill-evalwazzjoni materjali, mill-Istat Membru kkonċernat, tal-applikabbiltà tal-eċċezzjonijiet previsti fil-paragrafi 1 sa 3 tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001.

88      L-eżerċizzju ta’ stħarriġ komplet mill-qorti tal-Unjoni tal-applikabbiltà tal-eċċezzjonijiet materjali inkwistjoni ma jimplikax neċessarjament li l-Kummissjoni hija jew ma hijiex awtorizzata twettaq stħarriġ komplet tal-oppożizzjoni murija mill-Istat Membru bis-saħħa tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001. Anki jekk il-Kummissjoni tirrifjuta l-aċċess għal dokument li joriġina minn Stat Membru wara li tkun ikkonstatat, fuq il-bażi ta’ stħarriġ prima facie, li, skont il-Kummissjoni, il-motivi ta’ oppożizzjoni mogħtija minn dan l-Istat Membru ma kinux invokati b’mod manifestament mhux xieraq, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni ma huwiex limitat, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, għal stħarriġ prima facie tal-applikabbiltà tal-eċċezzjonijiet materjali msemmija fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-artikolu, peress li hija tistħarreġ l-applikabbiltà ta’ dawn l-eċċezzjonijiet fuq il-bażi tal-evalwazzjoni materjali mill-Istat Membru kkonċernat.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tat-tielet u r-raba’ inċiżi tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001

89      Dan il-motiv jinkludi żewġ partijiet, li għandhom jiġu eżaminati fllimkien. Huwa jsemmi l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess fir-rigward tal-protezzjoni tal-interess pubbliku dwar ir-relazzjonijiet internazzjonali u l-politika ekonomika ta’ Stat Membru.

 L-argumenti tal-partijiet

90      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess dwar il-protezzjoni tal-interess pubbliku li jirrigwarda r-relazzjonijiet internazzjonali, prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, ir-rikorrenti ssostni li din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli għar-relazzjonijiet interni tal-Unjoni. Ir-relazzjonijiet internazzjonali jinkludu biss ir-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-pajjiżi terzi jew l-organizzazzjonijiet internazzjonali.

91      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni invokat esklużivament ir-relazzjonijiet bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u Stati Membri oħra. Konsegwentement, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta applikat id-dispożizzjoni inkwistjoni.

92      Fir-rigward, it-tieni nett, tal-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess dwar il-protezzjoni tal-interess pubbliku dwar il-politika ekonomika minn Stat Membru, prevista fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Kummissjoni sempliċement indikat, fid-deċiżjoni kkontestata, li d-dokument inkwistjoni kien jirrigwarda dikjarazzjoni kunfidenzjali stabbilita esklużivament għal użu intern u li l-iżvelar kien jikkomprometti konsegwentement in-natura kunfidenzjali tal-politika ekonomika tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u ta’ Stati Membri oħra. Hija ma tat l-ebda raġuni oħra.

93      Skont ir-rikorrenti, il-qosor tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kien jista’ jiġi ġġustifikat jekk l-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż kienet effettivament kunfidenzjali. Ir-rikorrenti ssostni li l-kwistjoni hija għaldaqstant li jsir magħruf jekk l-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż hijiex kunfidenzjali jew le. Hija diffiċilment tista’ tifhem li din l-ittra tista’ jkollha informazzjoni daqstant sensittiva, imma hija tfakkar li hija ma setgħetx tikkonsultaha. L-oneru li jintwera li l-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż hija ta’ natura kunfidenzjali jaqa’ fuq il-Kummissjoni.

94      Ir-rikorrenti żżid, fl-osservazzjonijiet fuq in-nota ta’ intervent tar-Repubblika tal-Finlandja, li din tiswa ħafna iktar peress li jkun għadda żmien twil minn mindu l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni li tinsab f’dan id-dokument. Il-Kummissjoni kellha tikkunsidra mill-ġdid, fis-sens tal-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001, ir-raġunijiet veri għaliex l-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż ma ġietx żvelata.

95      Kontra dak li tippretendi l-Kummissjoni, parti waħda biss fil-proċedura tista’ jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa. L-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali tista’ konsegwentement tiġi mistħarrġa mill-qorti tal-Unjoni. F’dan il-każ, id-deċiżjoni ttieħdet minn terzi fil-proċedura, jiġifieri l-Istat Membru, li l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa ma jistax ikun suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju. Dan l-Istat Membru ma jiddisponix għaldaqstant minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa, imma l-eżerċizzju tas-setgħa tiegħu jidħol taħt l-eċċezzjonijiet indikati fil-paragrafi 1 sa 3 tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001.

96      Ir-Renju tad-Danimarka jsostni li l-Kummissjoni ma osservatx l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata.

97      Ir-Repubblika tal-Finlandja żżid li, bil-kontra ta’ dak li tallega l-Kummissjoni, ir- rikorrenti ma għandhiex turi li l-eċċezzjoni inkwistjoni ma tistax tapplika għad-dokument ikkonċernat, peress li hija ma għandhiex konoxxenza suffiċjenti tal-kontenut ta’ dan id-dokument.

98      Fir-rigward tal-applikazzjoni ratione temporis tal-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess, bis-saħħa tal-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001, ir-Repubblika tal-Finlandja, sostnuta mir-rikorrenti, ir-Renju tad-Danimarka u r-Renju tal-Isvezja, tenfasizza li din id-dispożizzjoni hija marbuta b’mod indiviżibbli ma dawk tal-paragrafi 1 sa 3 tal-istess artikolu.

99      Ir-Renju tal-Isvezja jenfasizza li l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess imsemmi fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma huwiex applikabbli minħabba n-nuqqas ta’ natura internazzjonali tar-relazzjonijiet inkwistjoni.

100    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u tal-intervenjenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

101    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma setatx tibbaża validament ir-rifjut tagħha li tagħti aċċess għall-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż fuq l-oppożizzjoni murija mill-awtoritajiet Ġermaniżi, bis-saħħa tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, billi tindika l-eċċezzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-interess pubbliku dwar ir-relazzjonijiet internazzjonali u l-politika ekonomika ta’ Stat Membru, previsti fit-tielet u r-raba’ inċiżi tal-Artikolu 4(1)(a) tal-imsemmi regolament.

102    Hemm lok li jiġi eżaminat, l-ewwel nett, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara l-punti 67 sa 88 iktar ’il fuq), l-ilment ibbażat fuq l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interess pubbliku dwar il-politika ekonomika minn Stat Membru, prevista fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tal-imsemmi regolament.

103    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-każ preżenti ta’ rifjut tal-Kummissjoni li tagħti aċċess għal dokument li joriġina minn Stat Membru bis-saħħa tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet dwar l-interss pubbliku msemmija fl-Artikolu 4(1)(a) tal-imsemmi regolament tistrieħ fuq l-evalwazzjoni materjali tal-Istat Membru u mhux fuq dik tal-Kummissjoni.

104    Issa, f’dak li jirrigwarda l-portata tal-istħarriġ tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni mill-qorti tal-Unjoni, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet materjali msemmija fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 minn istituzzjoni barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(5) tal-imsemmi regolament, li għandu jiġi rrikonoxxut lil din l-istituzzjoni setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiġi ddeterminat jekk l-iżvelar ta’ dokumenti li jaqgħu fl-oqsma koperti minn dawn l- eċċezzjonijiet jistax jaffettwa l-interess pubbliku. Il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat din is-setgħa diskrezzjonali, b’mod partikolari, fuq il-fatt li deċiżjoni ta’ rifjut bħal din għandha natura kumplessa u delikata li titlob grad ta’ prudenza partikolari u li l-kriterji indikati fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 huma ġenerali ħafna (sentenza Sison vs Il‑Kunsill, punt 82 iktar ’il fuq, punti 34 sa 36).

105    Dan ir-raġunament huwa wkoll validu jekk, fil-każ ta’ rifjut tal-Kummissjoni li tagħti aċċess għal dokument li joriġina minn Stat Membru bis-saħħa tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-applikazzjoni ta’ eċċezzjoni materjali msemmija fl-Artikolu 4(1)(a) tal-imsemmi regolament tistrieħ fuq l-evalwazzjoni tal-Istat Membru. F’dan ir-rigward, għandu jintqal ukoll li l-evalwazzjoni tal-kwistjoni li jsir magħruf jekk l-iżvelar ta’ dokument jaffettwax ħażin l-interessi protetti minn dawn l-eċċezzjonijiet materjali tista’ taqa’ taħt ir-responsabbiltajiet ta’ dan l-Istat Membru (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali Hautala vs Il-Kunsill, punt 80 iktar ’il fuq, punt 71, u tas-7 ta’ Frar 2002, Kuijer vs Il-Kunsill, T-211/00, Ġabra p. II‑485, punt 53). F’każ bħal dan, dan l-Istat Membru għandu jiddisponi, bl-istess mod bħall-istituzzjoni, minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa.

106    Isegwi li, f’dan il-każ, għandha tiġi rrikonoxxuta lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiġi ddeterminat jekk l-iżvelar ta’ dokumenti li jaqgħu taħt l-oqsma koperti mill-eċċezzjoni msemmija fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001 jistax jaffettwa ħażin l-interess pubbliku.

107    L-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu, għaldaqstant, sempliċement jivverifika l-osservanza tar-regoli tal-proċedura u ta’ motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti, kif ukoll tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sison vs Il‑Kunsill, punt 82 iktar ’il fuq, punti 34 u 64).

108    Fir-rigward tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interess pubbliku dwar il-politika ekonomika minn Stat Membru, imsemmija fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, ir-rikorrenti tikkontesta, l-ewwel nett, in-natura insuffiċjenti tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda din l-eċċezzjoni, filwaqt li ssostni li l-Kummissjoni sempliċement indikat fil-qasir in-natura kunfidenzjali ta’ dikjarazzjoni li tinsab fl-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż mingħajr ma tat raġunijiet oħra u, it-tieni nett, l-applikabbiltà ta’ din l-eċċezzjoni fil-każ inkwistjoni. Ir-Renju tad-Danimarka jindika wkoll li l-Kummissjoni ma osservatx l-obbligu ta’ motivazzjoni li kellha.

109    F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li, bis-saħħa tal-Artikolu 253 KE, hija għandha tkun adegwata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament segwit mill-istituzzjoni li tkun adottat l-att b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjoni tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ dritt, billi l-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-imsemmi Artikolu 253 għandha tiġi evalwata mhux biss b’riferiment għall-kliem użat fiha, iżda wkoll għall-kuntest tagħha kif ukoll għar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza Sison vs Il‑Kunsill, punt 82 iktar ’il fuq, punt 80, u l-ġurisprudenza ċċitata).

110    Fil-każ ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess għal dokument bis-saħħa ta’ eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, il-motivazzjoni għandha tagħti spjegazzjonijiet fir-rigward tal-kwistjoni li jsir magħruf kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ konkretament u effettivament jaffettwa ħażin l-interess protett minn din l-eċċezzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Lulju 2008, L-isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C-39/05 P u C-52/05 P, Ġabra p. I‑4723, punt 49, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 2009, Borax Europe vs Il‑Kummissjoni, T-121/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 37).

111    Madankollu, jista’ jkun impossibbli li jiġu indikati r-raġunijiet li jiġġustifikaw il-kunfidenzjalità fir-rigward ta’ dokument mingħajr ma jiġi żvelat il-kontenut ta’ dan tal-aħħar, u b’hekk, dan iċaħħad l-eċċezzjoni mill-finalità essenzjali tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ April 2005, Sison vs Il‑Kunsill, T‑110/03, T‑150/03 u T-405/03, Ġabra p. II‑1429, punt 60, u l-ġurisprudenza ċċitata). L-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza ma teżiġix, bil-kontra ta’ dak li qed tallega r-rikorrenti, li dan ikun dokument sensittiv fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Marzu 1997, WWF UK vs Il-Kummissjoni, T-105/95, Ġabra p. II‑313, punt 65; tal-25 ta’ April 2007, WWF European Policy programme vs Il-Kunsill, T-264/04, Ġabra p. II‑911, punt 37, u tat-30 ta’ Jannar 2008, Terezakis vs Il‑Kummissjoni, T-380/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 71).

112    Fil-fatt, hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, in-neċessità għall-istituzzjonijiet li jastjenu milli jirreferu għal elementi li b’hekk jippreġudikaw indirettament l-interessi li l-imsemmija eċċezzjonijiet għandhom speċifikament l-għan li jipproteġu hija b’mod partikolari enfasizzata fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenza tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il‑Kunsill, punt 82 iktar ’il fuq, punt 83). Din id-dispożizzjoni tipprevedi b’mod partikolari li, meta dokument, kemm jekk ikollu jew le natura sensittiva fis-sens tal-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament, ikun is-suġġett ta’ riferiment fir-reġistru ta’ istituzzjoni, tali riferiment għandu jsir b’mod li ma jagħmilx ħsara għall-protezzjoni tal-interessi msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001.

113    F’dan il-każ, il-Kummissjoni bbażat ruħha, sabiex tiddeċiedi r-rifjut tagħha li tagħti aċċess għall-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż, f’dak li jirrigwarda l-eċċezzjoni msemmija fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, fuq il-fatt li l-iżvelar ta’ din l-ittra seta’ jaffettwa ħażin il-protezzjoni tal-interess pubbliku, f’dak li jirrigwarda l-politika ekonomika tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Skont il-motivazzjoni tal-awtoritajiet Ġermaniżi, kif ġiet indikata fid-deċiżjoni kkontestata, l-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż kienet tirrigwarda dikjarazzjoni kunfidenzjali stabbilita esklużivament għal użu intern. Din l-ittra kienet tirrigwarda kwistjoni kunfidenzjali dwar il-politika ekonomika tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u ta’ Stati Membri oħra. L-iżvelar ta’ din l-ittra kien jaffettwa ħażin il-kunfidenzjalità u kien jikkomprometti l-politika ekonomika tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u ta’ Stati Membri oħra (ara l-punt 24 iktar ’il fuq).

114    Din il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, qasira kemm hi qasira, ma hijiex inqas adegwata fir-rigward tal-kuntest tal-kwistjoni u hija suffiċjenti sabiex tippermetti lir-rikorrenti tifhem ir-raġunijiet tar-rifjut ta’ aċċess għad-dokument inkwistjoni u għall-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tal-legalità li għandha twettaq.

115    Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li l-kuntest tal-kwistjoni huwa magħruf sew mir-rikorrenti.

116    Minn naħa, din tal-aħħar saret taf bl-opinjoni favorevoli tal-Kummissjoni tad-19 ta’ April 2000, f’dak li jirrigwarda t-twettiq tal-proġett industrijali inkwistjoni fis-sit ta’ Mühlenberger Loch, żona protetta bis-saħħa tad-Direttiva 92/43. Dan il-proġett kien jikkonsisti fit-tkabbir tal-fabbrika tal-kumpannija D. għall-finijiet tal-assemblaġġ finali tal-Airbus A3XX. Fl-opinjoni tad-19 ta’ April 2000, il-Kummissjoni evalwat, b’mod partikolari, ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku superjuri bis-saħħa tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 92/43, invokati mill-awtoritajiet Ġermaniżi għat-twettiq tal-imsemmi proġett, jiġifieri r-raġunijiet ekonomiċi u soċjali, bħall-importanza kbira ħafna tal-proġett għall-belt ta’ Hamburg, għat-Tramuntana tal-Ġermanja u għall-industrija Ajrunawtika Ewropea, minkejja l-konklużjonijiet negattivi li saru fi tmien l-evalwazzjoni tal-impatt tal-proġett fuq is-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet alternattivi. Għal dawn ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku superjuri, il-Kummissjoni qieset, fl-opinjoni tagħha, li l-effetti negattivi tal-proġett kienu ġustifikati.

117    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrenti, fl-anness tad-deċiżjoni kkontestata, id-dokumenti kollha li oriġinaw mill-awtoritajiet Ġermaniżi u dawk li hija kienet talbitha, ħlief l-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż.

118    F’dan il-kuntest, meta indikat li l-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż lill-president tal-Kummissjoni kienet tirrigwarda dikjarazzjoni kunfidenzjali li l-iżvelar tagħha kien jikkomprometti l-politika ekonomika tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u ta’ Stati Membri oħra, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kien jidher ċar peress li, skont il-Kummissjoni, l-aċċess għal dan id-dokument kien jista’ konkretament u effettivament jaffettwa ħażin l-interess protett mill-eċċezzjoni inkwistjoni. L-invokazzjoni ta’ informazzjoni supplimentari, li tirreferi b’mod partikolari għad-dikjarazzjoni preċiża li tinsab fid-dokument imsemmi, setgħet iċċaħħad l-eċċezzjoni invokata mill-finalità tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ April 2005, Sison vs Il‑Kunsill, punt 111 iktar ’il fuq, punt 62).

119    Isegwi li l-Kummissjoni ma kisritx l-obbligu ta’ motivazzjoni.

120    F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-applikabbiltà tal-eċċezzjoni inkwistjoni għal dan il-każ, għandu jiġi eżaminat jekk l-evalwazzjoni, li kkonkludiet li l-iżvelar tal-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż setgħet taffettwa ħażin il-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jirrigwarda l-politika ekonomika tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tistrieħx fuq żball manifest tal-awtoritajiet Ġermaniżi.

121    Peress li l-eċċezzjonijiet għall-aċċess għal dokument jidderogaw mill-prinċipju ta’ aċċess l-aktar wiesgħa possibbli tal-pubbliku għal dokumenti, huma għandhom jiġu interpretati u applikati strettament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, punt 81 iktar ’il fuq, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).

122    Qabel ma topponi l-iżvelar tad-dokumenti mitluba mir-rikorrenti, l-awtoritajiet Ġermaniżi kellhom jeżaminaw jekk, fid-dawl tal-informazzjoni li huma kellhom, żvelar bħal dan kienx effettivament jista’ jaffettwa ħażin wieħed mill-aspetti tal-interess pubbliku protett mill-eċċezzjonijiet li jippermetti rifjut ta’ aċċess. Sabiex l-eċċezzjonijiet ikunu applikabbli, ir-riskju ta’ effett ħażin fuq l-interess pubbliku għandu għaldaqstant ikun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku (sentenzi Kuijer vs Il-Kunsill, punt 105 iktar ’il fuq, punti 55 u 56, u WWF European Polici Programme vs Il-Kunsill, punt 111 iktar ’il fuq, punt 39). Hija ġurisprudenza stabbilita li l-eżami mitlub għat-trattament ta’ talba għal aċċess għal dokumenti għandha jkollha natura konkreta (ara s-sentenza Verein für Konsumenteninformation vs Il-Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq, punt 69, u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan l-eżami konkret għandu, għaldaqstant, jitwettaq għal kull dokument li għalih ikun hemm talba. Fil-fatt, mir-Regolament Nru 1049/2001 jirriżulta li l-eċċezzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 4(1)(2) u (3) tiegħu huma mniżżla bħala li għandhom ikunu applikabbli “għal dokument” (sentenzi tal-Qorti Ġenerali Verein für Konsumenteninformation vs Il-Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq, punt 70, u tas-6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, T-391/03 u T-70/04, Ġabra p. II‑2023, punt 116).

123    F’dan il-każ, l-ewwel nett, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-eżami tat-talba tar-rikorrenti għal aċċess għal dokumenti twettaq għal kull dokument imsemmi f’din it-talba. Fil-fatt, peress li l-awtoritajiet Ġermaniżi ma kinux opponew l-iżvelar ta’ tmien dokumenti li joriġinaw mill-belt ta’ Hamburg u mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li huma indikati individwalment fid-deċiżjoni kkontestata, imma kienu biss wettqu oppożizzjoni għall-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż filwaqt li taw raġunijiet speċifiċi f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tat aċċess għal dawn it-tmien dokumenti u rrifjutat biss li tiżvela l-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż (ara l-punt 22 iktar ’il fuq).

124    It-tieni nett, l-awtoritajiet Ġermaniżi ma wettqux żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludew, fil-kuntest ta’ eżami konkret tad-dokument inkwistjoni, li hemm riskju ta’ effett ħażin fuq il-politika ekonomika tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-każ ta’ żvelar tal-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż. Fid-dawl tal-importanza ekonomika tal-proġett inkwistjoni, l-evalwazzjoni li kkonkludiet li riskju bħal dan kien raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku ma huwiex manifestament żbaljat.

125    Fil-fatt, minn naħa, mill-motivazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Ġermaniżi jirriżulta, kif indikat fid-deċiżjoni kkontestata, li, sabiex jaslu għall-konklużjoni tagħhom, huma wettqu eżami konkret tal-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż. L-awtoritajiet Ġermaniżi bbażaw ruħhom, fl-oppożizzjoni tagħhom, fuq id-dikjarazzjoni speċifika tal-kanċillier Ġermaniż li tinsab f’dan id-dokument u mhux biss fuq fatti astratti, bħal, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanza li l-ittra kienet toriġina mill-kanċillier Ġermaniż ta’ dak iż-żmien.

126    Min-naħa l-oħra, hekk kif indikat il-Kummissjoni mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti fuq dan il-punt, mill-eżami tal-opinjoni tad-19 ta’ April 2000 jirriżulta li l-kunsiderazzjonijiet tal-politika ekonomika kienu jinsabu fil-qalba tal-għanijiet marbuta mad-diklassifikazzjoni tas-sit inkwistjoni. L-opinjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ April 2000 kienet tirrigwarda essenzjalment il-kwistjoni li jsir magħruf jekk kienx hemm, fis-sens tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 92/43, raġunijiet imperattivi oħra ta’ interess pubbliku superjuri, bħall-importanza ekonomika kbira ħafna tat-tkabbir tal-fabbrika tal-kumpannija D. għall-finijiet tal-assemblaġġ finali tal-Airbus A3XX għall-belt ta’ Hamburg, għat-Tramuntana tal-Ġermanja, u għall-industrija ajrunawtika Ewropea, li jiġġustifikaw it-twettiq ta’ dan il-proġett minkejja l-konklużjonijiet negattivi li saru fi tmiem l-evalwazzjoni tal-impatt tal-proġett fis-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet alternattivi. L-eżistenza ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet ta’ politika ekonomika ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti.

127    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li wieħed jikkonkludi li l-evalwazzjoni li tgħid li l-iżvelar tal-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż setgħet taffettwa ħażin il-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jirrigwarda l-politika ekonomika tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tistrieħx fuq żball manifest tal-awtoritajiet Ġermaniżi.

128    Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed inkwistjoni bl-argument tar-rikorrenti li jgħid li, minħabba t-tul ta’ żmien li għadda minn mindu ntbagħtet l-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż, ir-rifjut ta’ aċċess ma huwiex iktar ġustifikat fir-rigward tal-kontenut ta’ din l-ittra, bis-saħħa tal-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001, u li biha l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni mill-ġdid ir-raġunijiet li għalihom din l-ittra ma kellhiex tiġi żvelata.

129    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-eċċezzjonijiet inkwistjoni huma applikabbli biss matul il-perijodu li fih il-protezzjoni tkun ġustifikata fid-dawl tal-kontenut tad-dokument. Huma jistgħu jibqgħu applikabbli għal perijodu ta’ 30 sena.

130    F’dan il-każ, huwa biss fl-osservazzjonijiet tagħha fuq in-nota ta’ intervent tar-Repubblika tal-Finlandja li r-rikorrenti ssemmi l-applikazzjoni ratione temporis tal-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess bis-saħħa tal-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, ir-rikors ma għandu l-ebda argument dwar l-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001. Ir-Repubblika tal-Finlandja tinvoka, fin-nota ta’ intervent tagħha, ksur allegat tal-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001 biss fil-kuntest tal-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament dwar il-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni. Fl-osservazzjonijiet tagħha fuq din in-nota, ir-rikorrenti laqgħet favorevolment l-idea indikata mir-Repubblika tal-Finlandja u applikathom għall-eċċezzjonijiet indikati minn dan il-motiv.

131    Għandu jiġi rrilevat li peress li l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors u l-ilmenti msemmija fih huma ta’ natura ta’ ordni pubbliku, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, skont l-Artikolu 92(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, teżaminhom ex officio (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ April 2010, Makhteshim-Agan Holding et vs Il-Kummissjoni, C-517/08 P, Ġabra p. I‑45, punt 54, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2009, Brink’s Security Luxembourg vs Il-Kummissjoni, T-437/05, Ġabra p. II‑21, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata).

132    Mid-dispożizzjonijiet konġunti tal-Artikolu 44(1)(c) u tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li r-rikors promotur għandu jindika s-suġġett tal-kawża u jkollu sommarju tal-motivi indikati u li l-produzzjoni ta’ motivi ġodda matul il-kawża hija pprojbita sakemm dawn il-motivi jkunu bbażati fuq punti ta’ dritt u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura.

133    Issa, il-fatt li rikorrenti jkun sar jaf b’xi punt ta’ dritt matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali ma jfissirx li dan il-punt jikkostitwixxi element ta’ dritt li joħroġ matul il-proċedura. Huwa neċessarju li dan ir-rikorrent kien f’sitwazzjoni la ma setax ikun jaf bih minn qabel (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Marzu 2007, France Télécom vs Il-Kummissjoni, T-340/04, Ġabra p. II‑573, punt 164, u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-proċess ma jirriżultax li r-rikorrenti ma setatx tkun taf bil-ksur eventwali tal-applikazzjoni ratione temporis tal-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess inkwistjoni.

134    Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, hemm lok li wieħed jikkonkludi li l-argument tar-rikorrenti dwar l-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001 huwa inammissibbli, peress li jikkostitwixxi motiv ġdid li ma tqajjimx fir-rikors. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li dan l-argument ma jikkostitwix estensjoni tal-motivi mressqa mir-rikorrenti fir-rikors.

135    Fil-fatt, bil-kontra ta’ dak li qed jiġi allegat mir-rikorrenti u l-intervenjenti, l-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma huwiex marbut b’mod indiviżibbli mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-artikolu. Huwa minnu li l-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandu jiġi applikat flimkien mal-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess previsti fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-artikolu. Madankollu, wieħed ma jistax jikkonkludi li l-fatt li wieħed jinvoka l-ksur ta’ parti minn dawn id-dispożizzjonijiet jfisser li wieħed ikun qed jinvoka l-ksur tagħhom kollha. L-ilment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001, ma għandu l-ebda rabta stretta mal-motivi mqajma mir-rikorrenti, ibbażati fuq ksur tal-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-artikolu. Fil-fatt, għalkemm l-eżami konkret tal-eċċezzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 sa 3 tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 ċertament huwa kundizzjoni indispensabbli sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni ratione temporis tal-eċċezzjonijiet inkwistjoni, l-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jikkonċernax il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tagħhom, previsti fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-artikolu, imma l-applikabbiltà tagħhom limitata fiż-żmien.

136    F’kull każ, għandu jiġi rrilevat li mill-proċess ma jirriżultax li l-protezzjoni tal-interess pubbliku inkwistjoni ma kinitx iktar ġustifikata fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-kontenut tal-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li, sabiex isostnu l-argumenti tagħhom dwar ksur allegat tal-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001, la r- rikorrenti u lanqas l-intervenjenti ma qed jinvokaw ċirkustanzi oħra, barra li għadda ż-żmien, bħal ma jistgħu jkunu, pereżempju, elementi li jistgħu jerġgħu jqegħdu inkwistjoni l-importanza tal-kunsiderazzjonijiet tal-politika ekonomika inkwistjoni.

137    L-ittra inkwistjoni għandha dikjarazzjoni tal-kanċillier Ġermaniż dwar it-twettiq tal-proġett ta’ tkabbir tal-fabbrika tal-kumpannija D. għall-finijiet tal-assemblaġġ finali tal-Airbus A3XX fis-sit ta’ Mühlenberger Loch, żona protetta bis-saħħa tad-Direttiva 92/43. Hekk kif ġie kkonstatat, kien hemm numru ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ natura ekonomika għall-belt ta’ Hamburg, għat-Tramuntana tal-Ġermanja u għall-industrija ajrunawtika Ewropea fi ħdan l-għanijiet marbuta mad-diklassifikazzjoni tas-sit Mühlenberger Loch. Fid-dawl tad-dikjarazzjoni li tinsab fl-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż, li kienet tirrigwarda għaldaqstant kwistjoni ta’ importanza kbira ħafna għall-politika ekonomika tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-perijodu ta’ madwar tmien snin li għadda bejn meta ntbagħtet l-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż (15 ta’ Marzu 2000) u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (19 ta’ Ġunju 2008) għandu jitqies li huwa perijodu li matulu l-protezzjoni tal-interess pubbliku inkwistjoni, jiġifieri l-politika ekonomika tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, kienet ġustifikata.

138    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ġustament irrifjutat l-iżvelar tal-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż wara l-oppożizzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, bis-saħħa tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001, abbażi tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jirrigwarda l-politika ekonomika minn Stat Membru, imsemmija fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tal-istess regolament.

139    Ma hemmx għaldaqstant iktar lok li jiġi eżaminat la l-motiv ibbażat fuq il-ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess dwar il-protezzjoni tal-interess pubbliku f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet internazzjonali, lanqas it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tal-imsemmi regolament dwar l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali.

 Fuq il-ksur allegat tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001

 L-argumenti tal-partijiet

140    Ir-Repubblika tal-Finlandja ssostni li l-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligu tagħha, taħt l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, li tevalwa l-possibbiltà ta’ aċċess parzjali għad-dokument inkwistjoni. Din tal-aħħar ma kellhiex sempliċement tirreferi għad-dikjarazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat li biha huwa rrifjuta li jagħti aċċess għad-dokument inkwistjoni kollu kemm hu.

141    B’risposta għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali dwar l-ammissibbiltà tal-argumenti tagħha, ir-Repubblika tal-Finlandja, sostnuta mir-rikorrenti, mir-Renju tad-Danimarka u mir-Renju tal-Isvezja, tenfasizza li huma ammissibbli peress li l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 huwa marbut b’mod indiviżibbli mal-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-artikolu.

142    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika tal-Finlandja.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

143    Il-Qorti Ġenerali tista’, f’kull waqt, tqajjem ex officio kwalunkwe raġuni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku, li fosthom tinsab l-ammissibbiltà ta’ argument imqajjem minn intervenjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Frar 1961, De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs L‑Awtorità Għolja, 30/59, Ġabra p. 1, 37).

144    Għandu jiġi kkonstatat li l-argument dwar l-allegat ksur tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-kwistjoni ta’ aċċess parzjali għad-dokument inkwistjoni, ġie invokat biss mir-Repubblika tal-Finlandja. Argument bħal dan ma tqajjimx mir-rikorrenti.

145    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li japplika għall-Qorti tal-Prim’Istanza bis-saħħa tal-Artikolu 53 ta’ dan l-Istatut, it-talbiet tal-partijiet intervenjenti jistgħu jkollhom biss l-għan li jsostnu t-talbiet ta’ waħda mill-partijiet. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 116(3) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjenti tidħol fil-kawża in statu et terminis. Issa, għalkemm dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux li l-intervenjenti tressaq argumenti differenti minn dawk tal-parti li tkun qiegħda ssostni, l-intervenjenti tista’ tagħmel dan bil-kundizzjoni li l-argumenti tagħha ma jibdlux il-kuntest tal-kawża u bil-kundizzjoni li l-intervent ikun dejjem insostenn tat-talbiet magħmula minn din il-parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs L-Awtorità Għolja, punt 143 iktar ’il fuq, p. 37, u Verein für Konsumenteninformation vs Il-Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq, punt 52).

146    F’dan il-każ, il-kwistjoni kif stabbilita bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni għandha bħala suġġett l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Hija tirrigwarda, minn naħa, il-konsegwenzi tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 1049/2001 u, min-naħa l-oħra, ksur allegat tal-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess imsemmija fit-tielet u r-raba’ inċiżi tal-Artikolu 4(1)(a), u fit-tieni inċiż tal-paragrafu 3 tal-istess regolament. La r-rikors u lanqas ir-risposta ma għandhom żviluppi li jirrigwardaw ksur eventwali tal-Artikolu 4(6) tal-imsemmi regolament. Barra minn hekk, ir-rikorrenti indikat espressament fir-rikors li hija ma kinitx qed tikkontesta d-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda l-aċċess parzjali. Il-ksur allegat tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 tqajjem, għall-ewwel darba, fin-nota ta’ intervent tar-Repubblika tal-Finlandja.

147    Bil-kontra ta’ dak li qed tallega r-Repubblika tal-Finlandja, l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma huwiex marbut b’mod indiviżibbli mal-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-artikolu. Fil-fatt, għalkemm l-eżami konkret tal-eċċezzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 sa 3 tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 ċertament huwa kundizzjoni indispensabbli sabiex tittieħed deċiżjoni dwar il-possibbiltà li jingħata aċċess parzjali għad-dokument inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali Verein für Konsumenteninformation vs Il-Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq, punt 73; Franchet u Byk va Il-Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punt 117, u tad-19 ta’ Jannar 2010, Co-Frutta vs Il-Kummissjoni, T-355/04 u T-446/04, Ġabra p. II‑1, punt 124), l-eżami ta’ din il-possibbiltà ma jirrigwardax il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet inkwistjoni previsti fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-artikolu. L-eżiġenza ta’ eżami bħal dan toħroġ mill-priċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, fil-kuntest tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, għandu jiġi eżaminat jekk l-għan imfittex bir-rifjut li jingħata aċċess għad-dokument inkwistjoni jistax jintlaħaq anki fl-ipoteżi fejn jitħassru biss il-partijiet li jistgħu jaffettwaw ħażin l-interess protett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Diċembru 2001, Il-Kunsill vs Hautala, C-353/99 P, Ġabra p. I‑9565, punti 27 sa 29, u s-sentenza WWF European Policy Programme vs Il-Kunsill, punt 111 iktar ’il fuq, punt 50).

148    Il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 jiġu barra minn hekk eżaminati separatament u fi stadju tal-analiżi differenti minn dawk tal-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess imsemmija fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi WWF European Policy Programme vs Il-Kunsill, punt 111 iktar ’il fuq, punti 47 sa 55, u tas-26 ta’ April 2005, Sison vs Il‑Kunsill, punt 111 iktar ’il fuq, punti 86 sa 89). Huwa biss ksur eventwali tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 li jista’ jwassal għall-annullament ta’ deċiżjoni ta’ rifjut parzjali ta’ aċċess.

149    Isegwi li l-argument invokat mir-Repubblika tal-Finlandja, dwar ksur tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, ma huwiex marbut mas-suġġett tal-kawża kif iddefinit mill-partijiet fil-kawża u jibdel għaldaqstant il-kuntest tal-kawża preżenti. Dan l-argument għaldaqstant għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq it-talba għall-produzzjoni tad-dokument inkwistjoni

 L-argumenti tal-partijiet

150    Ir-rikorrenti qed titlob lill-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni, permezz tal-miżuri istruttorji skont l-Artikolu 66(1) tar-Regoli tal-Proċedura, tipproduċi l-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż sabiex tkun tista’ teżamina l-kontenut tagħha u b’hekk tiddetermina jekk, u sa fejn, din l-ittra hija koperta mill-eċċezzjonijiet invokati mill-Kummissjoni.

151    Il-Kummissjoni u l-intervenjenti ma ħadux pożizzjoni fuq it-talba tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

152    Kif jirriżulta mill-iżviluppi kollha li seħħew qabel, il-Qorti Ġenerali tista’ effettivament tiddeċiedi fuq ir-rikors fuq il-bażi tat-talbiet, motivi u argumenti żviluppati matul il-kawża.

153    Hemm lok li t-talba tar-rikorrenti, intiża li jiġi ordnat lill-Kummissjoni li tipprovdi l-ittra tal-Kanċillier Ġermaniż, tiġi miċħuda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Settembru 2008, Williams vs Il-Kummissjoni, T-42/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 130 u 131).

154    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, hemm lok għaldaqstant li jiġi miċħud ir-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

155     Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Barra minn hekk, skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervenjew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

156    Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni, skont it-talbiet ta’ dawn tal-aħħar. Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      IFAW Internationaler Tierschutz-Fonds gGmbH hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha, kif ukoll dawk tal-Kummissjoni Ewropea.

3)      Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Martins Ribeiro

Wahl

Dittrich

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Jannar 2011.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.