Language of document : ECLI:EU:C:2011:685

Kawżi magħquda C-509/09 u C-161/10

eDate Advertising GmbH

vs

X

u

Olivier Martinez u Robert Martinez

vs

MGN Limited

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof u mit-Tribunal de grande instance de Paris)

“Regolament (KE) Nru 44/2001 — Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Ġurisdizzjoni ‘f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt’ — Direttiva 2000/31/KE — Pubblikazzjoni ta’ informazzjoni fuq l-internet — Ksur tad-drittijiet tal-personalità — Post fejn seħħ jew jista’ jseħħ il-fatt dannuż — Dritt applikabbli għas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament Nru 44/2001 — Ġurisdizzjoni speċjali — Ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ delitt jew kważi delitt — Ksur tad-drittijiet tal-personalità permezz ta’ kontenuti mqiegħda online fuq sit internet — Post fejn seħħ il-fatt dannuż — Kunċett

(Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, il-punt 3 tal-Artikolu 5)

2.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament Nru 44/2001 — Ġurisdizzjoni speċjali — Ġurisdizzjoni fil-qasam ta’ delitt jew kważi delitt — Ksur tad-drittijiet tal-personalità permezz ta’ kontenuti mqiegħda online fuq sit internet

(Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, il-punt 3 tal-Artikolu 5)

3.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Kummerċ elettroniku — Direttiva 2000/31 — Dispożizzjonijiet dwar is-suq intern — Obbligu, għall-Istati Membri, li ma jissuġġettawx lill-fornituri ta’ servizzi għal rekwiżiti iktar stretti minn dawk previsti fl-Istat Membru fejn huma stabbiliti – Portata

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/31, Artikolu 3)

1.        Ir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali stabbilita, b’deroga mill-prinċipju ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati tad-domiċilju tal-konvenut, fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ rabta partikolarment stretta bejn l-ilment u l-qrati tal-post fejn seħħ il-fatt dannuż, li tiġġustifika l-attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni lil dawn tal-aħħar għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u ta’ organizzazzjoni xierqa tal-proċeduri. L-espressjoni “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq” tirrigwarda fl-istess ħin kemm il-post ta’ fejn seħħ l-aġir li kkawża d-dannu kif ukoll il-post ta’ fejn immaterjalizza ruħu d-dannu.

Madankollu, meta vittma tinvoka ksur tad-dritt tal-personalità permezz ta’ kontenuti mqiegħda online fuq sit tal-internet, sa fejn il-portata tax-xandir ta’ kontenuti mqiegħda online hija bħala prinċipju universali, id-diffikultajiet ta’ implementazzjoni tal-imsemmi kriterju tal-materjalizzazzjoni tad-dannu marbuta max-xandir ta’ informazzjoni jimponu li l-kriterji ta’ rabta’ għandhom jiġu adattati fis-sens li l-vittma ta’ tali ksur tista’ tadixxi, skont il-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu kkawżat fl-Unjoni Ewropea mill-imsemmi ksur, forum fir-rigward ta’ dan id-dannu kollu kemm hu.

Peress li l-qorti li tinsab fl-aħjar pożizzjoni biex tevalwa l-impatt li kontenut imqiegħed online kellu fuq id-drittijiet tal-personalità ta’ persuna hija l-qorti tal-post fejn l-allegata vittma għandha ċ-ċentru tal-interessi tagħha, l-attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni lil din il-qorti tikkorrispondi mal-għan ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Dan il-post jikkorrispondi bħala regola ġenerali għall-post tar-residenza abitwali tal-vittma, iżda jista’ jkun ukoll Stat Membru fejn il-vittma ma hijiex residenti b’mod abitwali, sa fejn indizji oħra, bħall-eżerċizzju ta’ attività professjonali, jistgħu jistabbilixxu l-eżistenza ta’ rabta’ partikolarment stretta ma’ dan l-Istat.

Il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-post fejn il-vittma għandha ċ-ċentru tal-interessi tagħha hija konformi mal-għan ta’ previdibbiltà tar-regoli tal-ġurisdizzjoni anki fir-rigward tal-konvenut, peress li x-xandar ta’ kontenut li jikkawża ksur huwa, fil-mument tat-tqegħid online ta’ dan il-kontenut, f’pożizzjoni li jkun jaf iċ-ċentru tal-interessi tal-persuni li huma s-suġġett ta’ dan il-kontenut. Il-kriterju taċ-ċentru tal-interessi fl-istess ħin jippermetti kemm li r-rikorrent jidentifika faċilment il-qorti li fiha jista’ jibda proċedura legali kif ukoll li l-konvenut jipprevedi b’mod raġonevoli dik il-qorti li fiha huwa jista’ jiġi mfittex.

(ara l-punti 40, 41, 46-50)

2.        L-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ allegat ksur tad-drittijiet tal-personalità permezz ta’ kontenuti mqiegħda online fuq sit tal-internet, il-persuna li tqis lilha nnifisha leża għandha l-għażla li tressaq azzjoni għad-danni, abbażi tad-dannu kkawżat kollu kemm hu, jew quddiem il-qrati tal-Istat Membru tal-post ta’ fejn huwa stabbilit ix-xandar ta’ dawn il-kontenuti, jew inkella quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn jinsab iċ-ċentru tal-interessi tagħha. Din il-persuna tista’ wkoll tressaq, minflok azzjoni għad-danni abbażi tad-dannu kkawżat kollu kemm hu, l-azzjoni tagħha quddiem il-qrati ta’ kull Stat Membru li fit-territorju tiegħu huwa, jew kien, aċċessibbli kontenut imqiegħed online. Dawn għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu biss dwar id-danni kkawżati fit-territorju tal-Istat Membru tal-qorti adita.

(ara l-punt 52, dispożittiv 1)

3.        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix traspożizzjoni fil-forma ta’ regola speċifika ta’ kunflitt ta’ liġijiet. Madankollu, f’dak li jirrigwarda l-qasam ikkoordinat, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, bla ħsara għad-derogi awtorizzati skont ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31, il-fornitur ta’ servizz ta’ kummerċ elettroniku ma jiġix suġġett għal rekwiżiti iktar stretti minn dawk previsti mid-dritt sostantiv fis-seħħ fl-Istat Membru ta’ fejn huwa stabbilit l-imsemmi fornitur.

(ara l-punt 68, dispożittiv 2)