Language of document : ECLI:EU:C:2020:742

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

22 ta’ Settembru 2020 (*)

[kif ikkoreġut b’ordni tat-30 ta’ Ottubru 2020]

“Appell — Għajnuna mill-Istat — Artikolu 107(3)(c) TFUE — Artikoli 11 u 194 TFUE — Artikolu 1, Artikolu 2(c) u Artikolu 106a(3) tat-Trattat Euratom — Għajnuna ppjanata mir-Renju Unit bħala appoġġ għall-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Hinkley Point C (ir-Renju Unit) — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern — Għan ta’ interess komuni — Għanijiet ambjentali tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji ta’ protezzjoni tal-ambjent, ta’ prekawzjoni, ta’ min iniġġes iħallas u ta’ sostenibbiltà — Determinazzjoni tal-attività ekonomika kkonċernata — Nuqqas fis-suq — Proporzjonalità tal-għajnuna — Għajnuna għall-investiment jew għall-funzjonament — Determinazzjoni tal-elementi tal-għajnuna — Avviż dwar il-Garanziji”

Fil-Kawża C‑594/18 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fil-21 ta’ Settembru 2018,

Ir-Repubblika tal-Awstrija, inizjalment irrappreżentata minn G. Hesse, sussegwentement minn F. Koppensteiner u M. Klamert, bħala aġenti, assistiti minn H. Kristoferitsch, Rechtsanwalt,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn É. Gippini Fournier, T. Maxian Rusche, P. Němečková u K. Herrmann, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, J. Vláčil T. Müller u I. Gavrilová, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Franċiża, inizjalment irrappreżentata minn D. Colas u P. Dodeller, sussegwentement minn P. Dodeller u T. Stehelin, bħala aġenti,

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, inizjalment irrappreżentat minn D. Holderer, sussegwentement minn T. Uri, bħala aġenti, assistiti minn P. Kinsch, avocat,

L-Ungerija, irrappreżentata minn Z. Fehér, bħala aġent, assistit minn P. Nagy, ügyvéd,

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, bħala aġent,

Ir-Repubblika Slovakka, irrappreżentata minn B. Ricziová, bħala aġent,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn Z. Lavery u S. Brandon, bħala aġenti, assistiti minn A. Robertson, QC, u de T. Johnston, barrister,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, M. Vilaras, M. Safjan, S. Rodin, L. S. Rossi u I. Jarukaitis (Relatur), Presidenti ta’ Awla, T. von Danwitz, C. Toader, D. Šváby, K. Jürimäe, C. Lycourgos u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑28 ta’ Jannar 2020,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Mejju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑12 ta’ Lulju 2018, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni (T‑356/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2018:439), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/658 tat‑8 ta’ Ottubru 2014 dwar il-miżura ta’ għajnuna SA.34947 (2013/C) (ex 2013/N) li r-Renju Unit qed jippjana li jimplimenta bħala appoġġ għall-impjant tal-enerġija nukleari Hinkley Point C (ĠU 2015, L 109, p. 44, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), li fiha l-Kummissjoni kkonstatat li din il-miżura ta’ għajnuna kienet kompatibbli mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE u awtorizzat l-implimentazzjoni tagħha.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Fit-22 ta’ Ottubru 2013, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq innotifika tliet miżuri ta’ għajnuna (iktar ’il quddiem il-“miżuri inkwistjoni”), favur l-unità C tal-impjant tal-enerġija nukleari Hinkley Point (iktar ’il quddiem “Hinkley Point C”). Il-benefiċjarja tal-miżuri inkwistjoni hija NNB Generation Company Limited (iktar ’il quddiem “NNBG”), sussidjarja ta’ EDF Energy plc (iktar ’il quddiem “EDF”).

3        L-ewwel waħda mill-miżuri inkwistjoni hija Kuntratt għad-Differenza, konkluż bejn NNBG u Low Carbon Contracts, entità li l-funzjoni tagħha hija li tiġi ffinanzjata permezz ta’ obbligu statutorju li jorbot in solidum lill-fornituri kollha tal-elettriku awtorizzati, intiż li jiggarantixxi stabbiltà tal-prezzijiet għall-bejgħ tal-elettriku ta’ NNBG matul il-fażi operattiva ta’ Hinkley Point C. It-tieni tikkonsisti fi ftehim bejn is-Segretarju tal-Istat għall-Enerġija u l-Bidla fil-Klima tar-Renju Unit u l-investituri ta’ NNBG, li jissupplimenta l-Kuntratt għad-Differenza, u jipprevedi li, jekk, wara għeluq bikri tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Hinkley Point C għal raġunijiet politiċi, Low Carbon Contracts Ltd tonqos mill-obbligu tagħha li tikkumpensa lill-investituri NNBG, is-Segretarju tal-Istat inkwistjoni jkollu jħallas kumpens lill-investituri. Huwa jipprevedi wkoll mekkaniżmi ta’ kondiviżjoni tal-profitti. It-tielet waħda hija garanzija ta’ kreditu tar-Renju Unit fuq il-bonds li għandhom jinħarġu minn NNBG, li tiggarantixxi l-ħlas fil-ħin tal-ammont prinċipali u tal-interessi tad-dejn ammissibbli.

4        Fit-18 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar il-miżuri inkwistjoni. Din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis‑7 ta’ Marzu 2014 (ĠU 2014, C 69, p. 60).

5        Fit-8 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża, li fiha, fit-Taqsima 7, hija esponiet li l-miżuri inkwistjoni kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Fit-Taqsimiet 9 u 10 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni eżaminat jekk dawn il-miżuri setgħux jiġu ddikjarati kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE u kkonkludiet fl-affermattiv. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni huwa fformulat kif ġej:

“L-għajnuna lil Hinkley Point C fil-forma ta’ Kuntratt għad-Differenza, il-Ftehim tas-Segretarju tal-Istat u Garanzija tal-Kreditu, kif ukoll l-elementi kollha relatati, li r-Renju Unit qiegħed jippjana li jimplimenta, hija kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(c) tat-[TFUE].”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

6        Permezz ta’ atti mressqa quddiem ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Lulju 2015, ir-Repubblika tal-Awstrija ippreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

7        Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu ġie awtorizzat jintervjeni fil-proċedura insostenn tat-talbiet tar-Repubblika tal-Awstrija, filwaqt li r-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Rumanija, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit ġew awtorizzati jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

8        Filwaqt li lmentat li l-Kummissjoni ddikjarat li l-miżuri inkwistjoni kienu kompatibbli mas-suq intern, fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, ir-Repubblika tal-Awstrija ressqet għaxar motivi insostenn tar-rikors tagħha.

9        Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, wara li ċaħdet dawn l-għaxar motivi, ċaħdet ir-rikors.

 It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

10      Permezz tal-appell tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla, fl-intier tagħha, is-sentenza appellata;

–        tilqa’ r-rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni kontenzjuża,

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, u

–        tikkundanna lill-intervenjenti kollha fl-ewwel istanza li pparteċipaw fil-proċedura tal-appell għall-ispejjeż rispettivi tagħhom.

11      Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tilqa’ l-appell kollu kemm hu u tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha,

–        tilqa’ b’mod sħiħ ir-rikors għal annullament ippreżentat kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

12      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell u

–        tikkundanna lir-Repubblika tal-Awstrija għall-ispejjeż.

13      Ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell.

 Fuq l-appell

 Fuq l-ewwel aggravju

14      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi sa fejn ma kkonstatatx li l-kostruzzjoni ta’ impjant tal-enerġija nukleari ġdid ma tikkostitwixxix għan ta’ interess komuni.

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju

–       L-argumenti tal-partijiet

15      Ir-Repubblika tal-Awstrija, sostnuta mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, tilmenta li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 79 et seq. tas-sentenza appellata, ċaħdet l-argumenti tagħha intiżi li jqiegħdu inkwistjoni l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, esposta fil-premessa 374 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li l-promozzjoni tal-enerġija nukleari tikkostitwixxi għan ta’ interess komuni. Sabiex tiddeċiedi b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali telqet b’mod żbaljat mill-prinċipju li, sabiex tevalwa jekk il-promozzjoni tal-enerġija nukleari tikkostitwixxix għan li jista’ jintlaħaq mill-Istati Membri permezz ta’ għajnuna mill-Istat, il-kwistjoni ma hijiex dwar jekk dan l-għan jissodisfax l-interess tal-Istati Membri kollha jew tal-maġġoranza tagħhom, iżda li jiġi ddeterminat jekk dan huwiex interess pubbliku u mhux biss interess privat tal-benefiċjarju tal-għajnuna.

16      B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali tbiegħdet mill-prassi tal-Kummissjoni u mill-ġurisprudenza dominanti dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, li jipprevedu li kull għajnuna għandha, bħala prinċipju, tfittex għan ta’ interess komuni, jew saħansitra għan ta’ interess komuni tal-Unjoni, jiġifieri interess li jikkorrispondi għall-interess komuni tal-Istati Membri kollha.

17      Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit jikkunsidraw li din il-parti tal-ewwel aggravju ma hijiex fondata.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

18      Skont il-kliem tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE tista’ tkun ikkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq intern: l-għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, sakemm dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ b’mod li jkun kuntrarju għall-interess komuni.

19      Għalhekk, sabiex tkun tista’ titqies li hija kompatibbli mas-suq intern b’konformità ma’ din id-dispożizzjoni, għajnuna mill-Istat għandha tissodisfa żewġ kundizzjonijiet, l-ewwel waħda li hija għandha tkun intiża sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, it-tieni waħda, ifformulata b’mod negattiv, li hija ma għandhiex tbiddel il-kundizzjonijiet tal-kummerċ b’mod li jmur kontra l-interess komuni.

20      B’differenza mill-Artikolu 107(3)(b) TFUE, li jipprevedi li tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern l-għajnuna maħsuba sabiex tippromwovi t-twettiq ta’ proġetti fuq skala kbira ta’ interess komuni Ewropew, jew sabiex tirrimedja taħwid serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru, l-Artikolu 107(3)(c) TFUE ma jissuġġettax il-kompatibbiltà ta’ għajnuna għall-kundizzjoni li din tilħaq għan ta’ interess komuni, u dan bla ħsara għall-fatt li d-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward għandhom jiżguraw l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni.

21      Kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Awstrija, il-Qorti tal-Ġustizzja ma bbażatx ruħha fuq l-eżistenza ta’ kundizzjoni li timponi li l-għajnuna tilħaq għan ta’ interess komuni fis-sentenzi li hija tiċċita. Fil-fatt, fis-sentenzi tagħha tas‑17 ta’ Settembru 1980, Philip Morris Holland vs Il‑Kummissjoni (730/79, EU:C:1980:209, punti 24 sa 26), tal‑24 ta’ Frar 1987, Deufil vs Il‑Kummissjoni (310/85, EU:C:1987:96, punt 18), u tad‑19 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑113/00, EU:C:2002:507, punt 67), filwaqt li essenzjalment tirrileva li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali li l-eżerċizzju tagħha jimplika evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika u soċjali (ara s-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2016, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, C‑431/14 P, EU:C:2016:145, punt 68), li għandhom jitwettqu fil-kuntest tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 65 sa 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma ddeċidietx li l-Kummissjoni kellha tivverifika jekk l-għajnuna prevista tilħaqx għan ta’ interess komuni.

22      Fir-rigward tal-prassi tal-Kummissjoni, għandu jiġi osservat li l-qafas għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni (ĠU 2014, C 198, p. 1), il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni tal-ambjent u l-enerġija għall-perijodu 2014–2020 (ĠU 2014, C 200, p. 1), il-Linji Gwida tal-[Unjoni Ewropea] għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-kuntest tal-installazzjoni rapida tan-netwerks ta’ komunikazzjoni tal-broadband (ĠU 2013, C 25, p. 1) kif ukoll il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat reġjonali għall-perijodu 2014-2020 (ĠU 2013, C 209, p. 1), invokati mir-Repubblika tal-Awstrija, ma humiex applikabbli għall-miżuri inkwistjoni, peress li l-ebda minn dawn l-istrumenti ma huwa mmirat lejn għajnuna maħsuba sabiex issostni l-attività ta’ impjant tal-enerġija nukleari.

23      Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Awstrija tirreferi għal dokument tal-Kummissjoni intitolat “Prinċipji komuni għal valutazzjoni ekonomika tal-kumpatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat skont l-artikolu 87.3”, li jipprevedi metodu ta’ analiżi li fl-ewwel stadju tiegħu jikkonsisti f’li jiġi vverifikat jekk l-għajnuna inkwistjoni għandhiex għan ta’ interess komuni ddefinit b’mod ċar.

24      Madankollu, anki jekk jitqies li tali dokument jista’ jinftiehem bħala qafas jew komunikazzjoni, li l-Kummissjoni ma tistax, bħala prinċipju, titbiegħed minnu, mingħajr ma tiġi ssanzjonata, jekk ikun il-każ, għal ksur ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt bħalma huma l-ugwaljanza fit-trattament jew il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2016, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, C‑431/14 P, EU:C:2016:145, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata), għandu jitqies li, fi kwalunkwe każ, hija ma tistax, permezz ta’ dawn l-istrumenti, tnaqqas indebitament il-portata tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE billi tipprevedi l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni b’mod inkompatibbli ma’ dak li ġie espost fil-punt 20 ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2008, Il‑Ġermanja et vs Kronofrance, C‑75/05 P u C‑80/05 P, EU:C:2008:482, punt 65).

25      Barra minn hekk, sa fejn ir-Repubblika tal-Awstrija tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma segwietx il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, għandu jitfakkar li huwa fid-dawl tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE li għandu jiġi evalwat jekk għajnuna tissodisfax jew le l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, tipprevedi, u mhux fid-dawl tal-prassi preċedenti tal-Kummissjoni (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il‑Kummissjoni, C‑459/10 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:515, punt 38).

26      Peress li l-Artikolu 107(3)(c) TFUE ma jeżiġix li l-għajnuna maħsuba, sabiex tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern, tilħaq għan ta’ interess komuni, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju huwa infondat.

 Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju

–       L-argumenti tal-partijiet

27      Ir-Repubblika tal-Awstrija, sostnuta mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, tilmenta li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 97 tas-sentenza appellata, li, “[f]id-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 u tal-Artikolu 2[(c)] tat-Trattat Euratom, […] għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta qieset li r-Renju Unit kellu dritt jiddetermina l-promozzjoni tal-enerġija nukleari u, b’mod iktar speċifiku, l-inċentivazzjoni għall-ħolqien ta’ kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari, bħala għan ta’ interess pubbliku fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE”.

28      F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-għan tal-promozzjoni tal-enerġija nukleari permezz tal-għajnuna għall-kostruzzjoni ta’ impjanti nukleari ma jirriżultax mit-Trattat Euratom u ma huwiex kondiviż mill-Istati Membri kollha. La l-Artikolu 2(c) tat-Trattat Euratom u ebda dispożizzjoni oħra ta’ dan it-trattat ma jsemmu għajnuna mill-Istat għall-investiment fl-enerġija nukleari u għall-kostruzzjoni ta’ impjanti tal-enerġija nukleari. Il-Qorti Ġenerali tat interpretazzjoni selettiva ta’ dan l-Artikolu 2(c) tat-Trattat Euratom billi tilfet il-perspettiva li din id-dispożizzjoni ma tirrigwardax il-ħolqien ta’ kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari, iżda l-ħolqien ta’ “faċilitajiet bażiċi” kif ukoll l-“iżvilupp tal-enerġija nukleari”. Għaldaqstant, il-promozzjoni tal-enerġija nukleari, fis-sens ta’ għajnuna għall-ħolqien ta’ kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni, la tirrappreżenta interess komuni u lanqas interess ġenerali tal-Unjoni.

29      Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit isostnu li din il-parti tal-ewwel aggravju ma hijiex fondata.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

30      Kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, l-Artikolu 107(3)(c) TFUE ma jissuġġettax il-kompatibbiltà ta’ għajnuna, skont din id-dispożizzjoni, għall-kundizzjoni li l-għajnuna prevista ssegwi għan ta’ interess komuni. Għal din ir-raġuni, it-tieni parti tal-ewwel aggravju hija wkoll infondata.

31      Barra minn hekk, din il-parti lanqas ma tista’ tirnexxi sa fejn hija ssostni li t-Trattat Euratom ma jippermettix li l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat favur il-kostruzzjoni ta’ impjanti tal-enerġija nukleari jew il-ħolqien ta’ kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari jiġi awtorizzat skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

32      Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li t-Trattat Euratom u t-Trattat FUE għandhom l-istess valur ġuridiku, kif juri l-Artikolu 106a(3) tat-Trattat Euratom, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat UE u tat-Trattat FUE ma għandhomx jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 37 u 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, peress li t-Trattat Euratom huwa trattat settorjali intiż għall-iżvilupp tal-enerġija nukleari, filwaqt li t-Trattat FUE għandu għanijiet ħafna iktar wisgħin u jagħti lill-Unjoni kompetenzi estiżi f’diversi oqsma u setturi, ir-regoli tat-Trattat FUE japplikaw fis-settur tal-enerġija nukleari meta t-Trattat Euratom ma jinkludix regoli speċifiċi. Konsegwentement, peress li t-Trattat Euratom ma jinkludix regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, l-Artikolu 107 TFUE jista’ japplika f’dan is-settur kif ikkonstatat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 73 tas-sentenza appellata.

33      Fit-tieni lok, it-Trattat Euratom jiddikjara, fil-preambolu tiegħu, li huwa intiż sabiex joħloq il-kundizzjonijiet għall-iżvilupp ta’ industrija nukleari b’saħħitha u jipprovdi, fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tiegħu, li “[g]ħandu jkun il-kompitu tal-Komunità li tikkontribwixxi ħalli jogħla il-livell tal-għajxien fl-Istati Membri u għall-iżvilupp tal-iskambju kummerċjali ma’ pajjiżi oħra bil-ħolqien ta’ kundizzjonijiet meħtieġa għall-istabbiliment ta’ malajr u għat-tkabbir tal-industriji nukleari […]”. L-Artikolu 2(c) ta’ dan it-trattat jipprovdi li, sabiex twettaq il-kompiti tagħha, il-Komunità għandha “tiffaċilita l-investiment u tassigura, partikolarment billi tinkoraġixxi l-impriża kummerċjali, il- kostruzzjoni ta’ faċilitajiet bażiċi meħtieġa għall-iżvilupp ta’ l-enerġija nukleari fil-Komunità”. Barra minn hekk, l-Artikoli 40 u 41, moqrija flimkien mal-punt 11 tal-Anness II tal-imsemmi trattat, li jirrigwardaw l-investimenti fil-qasam nukleari, juru li l-investimenti f’installazzjonijiet ġodda jew is-sostituzzjoni ta’ reatturi nukleari ta’ kull tip u kull użu huma previsti minnu. Minn dan jirriżulta li l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mit-Trattat Euratom ikopru l-kostruzzjoni ta’ impjanti tal-enerġija nukleari jew il-ħolqien ta’ kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari, b’tali mod li l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat favurihom ma jmurx kontra dawn l-għanijiet.

 Fuq it-tielet parti tal-ewwel aggravju

–       L-argumenti tal-partijiet

34      Ir-Repubblika tal-Awstrija, sostnuta mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, tilmenta li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 517 tas-sentenza appellata, ċaħdet l-argument tagħha li l-prinċipji ta’ protezzjoni tal-ambjent, ta’ prekawzjoni, ta’ min iniġġes iħallas u ta’ sostenibbiltà jipprekludu li tingħata għajnuna mill-Istat favur il-kostruzzjoni jew it-tħaddim ta’ impjant nukleari, minħabba li tali interpretazzjoni ma hijiex konformi mal-Artikolu 106a(3) tat-Trattat Euratom.

35      Billi ddeċidiet b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali kkontradixxiet il-kunsiderazzjonijiet tagħha stess, li jinsabu fil-punt 72 tas-sentenza appellata, li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom jikkostitwixxu regoli speċjali fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE, billi ċaħdet l-obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet ta’ dan tal-aħħar mingħajr ma spjegat minn liema dispożizzjoni tat-Trattat Euratom huma jidderogaw.

36      Peress li jitqies li l-Artikolu 107 TFUE japplika għall-għajnuna mill-Istat bħall-miżuri inkwistjoni, dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat FUE li jistabbilixxu għanijiet, bħal dak tal-protezzjoni tal-ambjent imsemmi fl-Artikoli 11 u 194 TFUE, għandhom japplikaw ukoll u r-rekwiżiti tagħhom meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni. Sa fejn it-Trattat Euratom ma jipprovdix strument speċifiku sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent u ta’ protezzjoni tas-saħħa, il-Qorti Ġenerali missha ħadet inkunsiderazzjoni dawn l-għanijiet u, fir-rigward tagħhom, il-prinċipji ta’ prekawzjoni, ta’ min iniġġes iħallas u ta’ sostenibbiltà sabiex tevalwa jekk il-miżuri inkwistjoni kellhomx għan ta’ interess komuni, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li l-protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent huma għanijiet essenzjali.

37      Fir-replika tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija żżid li l-għan li tiġi żviluppata l-enerġija nukleari, stabbilit fl-Artikolu 2 tat-Trattat Euratom, għandu jiġi applikat b’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk tat-Trattat FUE. Issa, dan l-artikolu, kif interpretat mill-Qorti Ġenerali, jikkontradixxi l-għanijiet tat-Trattat FUE intiżi li jippromwovu l-effiċjenza enerġetika u l-iżvilupp ta’ sorsi ta’ enerġija ġodda u rinnovabbli, il-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa, il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, il-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-prinċipju ta’ sostenibbiltà.

38      Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit jikkunsidraw li din il-parti tal-ewwel aggravju ma hijiex fondata.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

39      Peress li l-Artikolu 107(3)(c) TFUE ma jissuġġettax il-kompatibbiltà ta’ għajnuna, skont din id-dispożizzjoni, għall-kundizzjoni li l-għajnuna prevista ssegwi għan ta’ interess komuni, kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, it-tielet parti ta’ dan l-aggravju hija wkoll infondata sa fejn, permezz tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija, sostnuta mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kisret din id-dispożizzjoni billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-prinċipji ta’ protezzjoni tal-ambjent, ta’ prekawzjoni, ta’ min iniġġes iħallas u ta’ sostenibbilità sabiex tevalwa jekk il-miżuri inkwistjoni jsegwux għan ta’ interess komuni.

40      Barra minn hekk, sa fejn, permezz ta’ din il-parti tal-ewwel aggravju, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet, abbażi tal-Artikolu 106a(3) tat-Trattat Euratom, l-argument tagħha li l-prinċipji ta’ protezzjoni tal-ambjent, ta’ prekawzjoni, ta’ min iniġġes iħallas u ta’ sostenibbiltà jipprekludu li tingħata għajnuna mill-Istat favur il-kostruzzjoni jew l-operat ta’ impjant nukleari, għandu jiġi rrilevat li tali prinċipji ma humiex stabbiliti f’dan it-trattat. B’rabta mal-protezzjoni tal-ambjent, l-imsemmi trattat, fil-Kapitolu III tiegħu, intitolat “Protezzjoni tas-saħħa”, jinkludi biss dispożizzjonijiet li jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-istandards bażiċi relatati mal-protezzjoni tas-saħħa tal-pubbliku inġenerali u tal-ħaddiema kontra l-perikoli li jirriżultaw mir-radjazzjonijiet jonizzanti, il-kontroll permanenti tar-rata tar-radjoattività tal-atmosfera, tal-ilma u tal-ħamrija kif ukoll il-kontroll tal-osservanza tal-istandards bażiċi. B’mod partikolari, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 37 tal-istess trattat jipprevedi li “[k]ull Stat Membru għandu jissottometti lill-Kummissjoni informazzjoni ġenerali suffiċjenti dwar kull pjan għar-rimi u l-iskart radjoattiv biex iqiegħed lill-Kummissjoni fil-pożizzjoni li tistabilixxi jekk l-implementazzjoni ta’ dak il-pjan tkunx aktarx tinvolvi l-kontaminazzjoni radjo-attiva ta’ l-ilma, tal-ħamrija jew ta’ l-atmosfera ta’ xi Stat Membru ieħor”.

41      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet ma jittrattawx b’mod eżawrjenti kwistjonijiet ambjentali li jikkonċernaw is-settur tal-enerġija nukleari. Għaldaqstant, it-Trattat Euratom ma jipprekludix l-applikazzjoni f’dan is-settur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent.

42      B’mod partikolari, kif issostni, essenzjalment, ir-Repubblika tal-Awstrija, sostnuta mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Artikolu 106a(3) tat-Trattat Euratom ma jistax jeskludi l-applikazzjoni, b’mod partikolari, tal-Artikolu 37 tal-Karta, li jipprovdi “[l]ivell għoli ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent u t-titjib fil-kwalità ta’ l-ambjent għandhom jiġu integrati fil-politika ta’ l-Unjoni u għandhom jiġu żgurati skond il-prinċipju ta’ żvilupp sostenibbli”, tal-Artikolu 11 TFUE, skont liema r-rekwiżiti tal-protezzjoni ambjentali għandhom jiġu integrati fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-azzjonijiet tal-Unjoni, b’mod partikolari sabiex jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli, u l-Artikolu 194(1) TFUE, skont liema l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija trid tieħu inkunsiderazzjoni l-ħtieġa li jiġi ppreservat u mtejjeb l-ambjent. Għaldaqstant, dan ir-rekwiżit, espress kemm fil-Karta kif ukoll fit-Trattat FUE, bħall-prinċipji invokati mir-Repubblika tal-Awstrija, li jirriżultaw minnha, huma intiżi li japplikaw fis-settur tal-enerġija nukleari (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2009, ČEZ, C‑115/08, EU:C:2009:660, punti 87 sa 91).

43      L-istess japplika għad-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent. B’hekk japplikaw għall-impjanti tal-enerġija nukleari u għar-reatturi nukleari l-oħra d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44), li jissuġġettaw ċerti proġetti għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen, C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 76).

44      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li għajnuna mill-Istat li tikser dispożizzjonijiet jew prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, EU:C:2008:224, punti 50 u 51).

45      Minn dan jirriżulta li, peress li l-Artikolu 107(3)(c) TFUE japplika għall-għajnuna mill-Istat fis-settur tal-enerġija nukleari li taqa’ taħt it-Trattat Euratom, għajnuna mill-Istat favur attività ekonomika li tappartjeni lil dan is-settur, li l-eżami tagħha juri li tikser regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern skont din id-dispożizzjoni.

46      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta, fil-punt 517 tas-sentenza appellata, ċaħdet l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija li l-prinċipji ta’ protezzjoni tal-ambjent, ta’ prekawzjoni, ta’ min iniġġes iħallas u ta’ sostenibbiltà jipprekludu li tingħata għajnuna mill-Istat favur il-kostruzzjoni jew it-tħaddim ta’ impjant nukleari, minħabba li tali interpretazzjoni tmur kontra l-Artikolu 106a(3) tat-Trattat Euratom.

47      Madankollu għandu jiġi mfakkar li, jekk il-motivi ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali juru ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda d-dispożittiv tagħha jidher fondat fir-rigward ta’ motivi oħra ta’ dritt, l-appell għandu jiġi miċħud (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Ġunju 1992, Lestelle vs Il‑Kummissjoni, C‑30/91 P, EU:C:1992:252, punt 28; tas‑26 ta’ Marzu 2009, SELEX Sistemi Integrati vs Il‑Kummissjoni, C‑113/07 P, EU:C:2009:191, punt 81, kif ukoll tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 150).

48      Issa, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, l-Artikolu 194(1)(a) u (b) TFUE jipprevedi li, fil-kuntest tal-istabbiliment jew tal-funzjonament tas-suq intern, il-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija hija intiża li tiżgura l-funzjonament tas-suq tal-enerġija u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li l-Artikolu 194(1)(b) TFUE jidentifika s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea bħala wieħed mill-għanijiet fundamentali tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija (ara s-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter‑Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmière Vlaanderen, C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 156). Min-naħa l-oħra, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 194(2) TFUE jipprevedi li l-miżuri meħuda mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill ma jaffettwawx id-dritt ta’ Stat Membru li jiddetermina l-kundizzjonijiet tal-użu tar-riżorsi tiegħu tal-enerġija, l-għażla tiegħu bejn sorsi differenti ta’ enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija tiegħu, mingħajr ma jiġi eskluż li din l-għażla tista’ tirrigwarda l-enerġija nukleari.

49      [kif ikkoreġut b’ordni tat-30 ta’ Ottubru 2020] Għalhekk, peress li l-għażla tal-enerġija nukleari, skont dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE, hija f’idejn l-Istati Membri, jidher li l-għanijiet u l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent u dawk stabbiliti fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, ma humiex f’kunflitt, b’tali mod li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Awstrija, il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-ambjent, ta’ prekawzjoni, ta’ min iniġġes iħallas u l-prinċipju ta’ sostenibbiltà ma jipprekludux, fiċ-ċirkustanzi kollha, l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat għall-kostruzzjoni jew għat-tħaddim ta’ impjant tal-enerġija nukleari.

50      Minn dan isegwi li l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali, identifikat fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, ma jaffettwax il-fondatezza taċ-ċaħda tal-argument tar-Repubblika tal-Awstrija msemmi fil-punt 40 tagħha u, għaldaqstant, fuq id-dispożittiv tas-sentenza appellata, b’tali mod li t-tielet parti tal-ewwel aggravju hija ineffettiva f’dan ir-rigward.

51      B’konsegwenza, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni aggravju

52      Permezz tat-tieni aggravju tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li huwa b’mod żbaljat li l-miżuri inkwistjoni ġew iddikjarati kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ddefinixxiet b’mod żbaljat, fis-sentenza appellata, l-attività ekonomika rilevanti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u naqset milli tivverifika l-eżistenza ta’ nuqqas fis-suq.

 L-argumenti tal-partijiet

53      Fil-kuntest tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, ir-Repubblika tal-Awstrija, sostnuta mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, tilmenta li l-Qorti Ġenerali qieset li l-eżami tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna jirrigwarda inqas l-attività ekonomika megħjuna milli l-interess pubbliku li għandu jintlaħaq u li b’hekk, fil-punt 105 tas-sentenza appellata, irrilevat li l-Kummissjoni kienet qieset li l-kostruzzjoni ta’ Hinkley Point C kienet intiża għall-iżvilupp ta’ attività ekonomika, fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, billi dik l-istituzzjoni ma ddefinixxietx, fid-deċiżjoni kkontestata, l-attività promossa mill-miżuri inkwistjoni u għalhekk kisret din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma esponietx l-evalwazzjoni tagħha fuq il-kwistjoni dwar liema hija din l-attività, b’tali mod li s-sentenza appellata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.

54      Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju, ir-Repubblika tal-Awstrija, sostnuta mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli, fil-punti 139 u 144 tas-sentenza appellata, ikkunsidrat li l-attività ekonomika kkonċernata, fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, kienet il-promozzjoni tal-enerġija nukleari u li b’hekk illimitat l-eżami tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna.

55      L-attività ekonomika li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni hija, fil-fehma tagħha, il-produzzjoni tal-elettriku, peress li l-espressjoni “attività ekonomika” tirreferi għal grupp ta’ impriżi li jimmanifatturaw prodotti interkambjabbli, li r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/2282, tas‑27 ta’ Novembru 2015, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 794/2004 fir-rigward tal-formoli ta’ notifika u l-iskedi ta’ informazzjoni (ĠU 2015, L 325, p. 1) isemmi, b’riferiment għall-Kodiċi NACE, dan is-settur ta’ attività u mhux l-impjanti tal-enerġija nukleari, li d-derogi, fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, għandhom jiġu interpretati strettament, li l-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent u l-enerġija għall-perijodu 2014-2020 jipprevedu li l-għajnuna għall-enerġija rinnovabbli għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp settur, u li l-Kummissjoni ġeneralment tibbaża l-evalwazzjoni tagħha fuq is-suq tal-elettriku. Issa, li kieku l-Qorti Ġenerali evalwat il-miżuri inkwistjoni fid-dawl tal-kontribuzzjoni tagħhom għall-iżvilupp tas-settur tal-produzzjoni tal-elettriku, hija kienet tasal għal konklużjoni oħra, b’mod partikolari fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-għajnuna kellhiex tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli u proporzjonata.

56      Fil-kuntest tat-tielet parti tat-tieni aggravju, ir-Repubblika tal-Awstrija, sostnuta mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, issostni li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat, fil-punti 151 u 240 tas-sentenza appellata, li l-eżistenza ta’ nuqqas fis-suq ma hijiex kundizzjoni indispensabbli għall-kompatibbiltà ta’ għajnuna u li, f’dan il-każ, mingħajr l-intervent tar-Renju Unit, investimenti f’kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari ma kinux jitwettqu fi żmien xieraq.

57      Il-Kummissjoni u r-Repubblika Slovakka jqisu li l-ewwel parti hija inammissibbli. Skont il-Kummissjoni, din il-parti ma tissodisfax ir-rekwiżiti li l-appell għandu jindika bi preċiżjoni l-punti tas-sentenza appellata li huma kkritikati u jkun fih espożizzjoni fil-qosor, iżda li tinftiehem, tal-aggravji invokati. Barra minn hekk, ċerti argumenti huma intiżi sabiex jikkontestaw id-deċiżjoni kontenzjuża u mhux is-sentenza appellata. Skont ir-Repubblika Slovakka, l-imsemmija parti tindika difetti fid-deċiżjoni kontenzjuża li ma setgħux jitqajmu ex officio jew, skont il-mod kif tinftiehem, hija biss repetizzjoni ta’ argument magħmul fl-ewwel istanza.

58      Fuq il-mertu, il-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit isostnu li t-tieni aggravju huwa infondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

59      Fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li din issemmi l-punt 105 tas-sentenza appellata. Għalhekk ir-rekwiżiti tal-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja huma ssodisfatti. Sussegwentement, minkejja li r-Repubblika tal-Awstrija tikkritika, insostenn ta’ din il-parti, lill-Kummissjoni talli ma ppreċiżatx liema kienet l-attività ekonomika promossa mill-miżuri inkwistjoni, l-imsemmija parti hija intiża, kollha kemm hi, sabiex jiġi kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja li l-Qorti Ġenerali ma rrilevatx din l-ommissjoni li, fil-fehma tagħha, tikkostitwixxi difett li jivvizzja d-deċiżjoni kontenzjuża. Fl-aħħar nett, permezz tal-istess parti, ir-Repubblika tal-Awstrija effettivament ma tressaqx argument ġdid, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 139 tas-sentenza appellata, iżda tfittex li tikkritika, fid-dritt, il-fondatezza tar-risposta mogħtija mill-Qorti Ġenerali għall-argument tagħha, li huwa ammissibbli quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2018, Ir-Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni, C‑4/17 P, EU:C:2018:678, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni u mir-Repubblika Slovakka għandhom jiġu miċħuda.

60      Fuq il-mertu, f’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-ewwel żewġ partijiet tat-tieni aggravju, mill-Artikolu 107(3)(c) TFUE jirriżulta li, sabiex tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern skont din id-dispożizzjoni, l-għajnuna għandha tkun ta’ natura li tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi. Fir-rigward tal-verifika dwar jekk għajnuna speċifika hijiex ta’ natura li tiffaċilita l-iżvilupp ta’ attività ekonomika, din id-dispożizzjoni ma teħtieġx li jiġi identifikat is-suq ta’ prodotti li fih taqa’ din l-attività, peress li l-identifikazzjoni ta’ dan is-suq hija rilevanti biss sabiex jiġi eżaminat jekk l-għajnuna prevista tbiddilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ b’mod kuntrarju għall-interess komuni, li jikkostitwixxi t-tieni kundizzjoni li għaliha hija tissuġġetta l-kompatibbiltà ta’ għajnuna.

61      F’dan il-każ, fil-punt 105 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball meta qieset li l-kostruzzjoni ta’ Hinkley Point C kienet intiża li tiżviluppa attività, fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, billi rrilevat, b’mod partikolari, li mid-deċiżjoni kontenzjuża kien jirriżulta li dan il-kostruzzjoni kien intiż li jissostitwixxi kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari li kienu qegħdin jeqdiemu, li l-għeluq tagħhom kien ippjanat, u li t-teknoloġija li kellha tintuża f’din l-unità kienet iktar żviluppata minn dik użata fl-impjanti eżistenti.

62      Fil-punti 139 u 144 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija li jgħidu li, minn naħa, il-Kummissjoni ma kinitx ippreċiżat liema attività ekonomika, fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, kellha tiġi promossa permezz tal-miżuri inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni u l-Artikolu 2(c) tat-Trattat Euratom kienu jeżiġu żvilupp ta’ attività u mhux biss miżura ta’ sostituzzjoni. Sabiex tagħmel dan, hija kkonstatat li mill-premessa 392 tad-deċiżjoni kontenzjuża kien jirriżulta li l-attività promossa mill-miżuri inkwistjoni kienet tikkonsisti fil-promozzjoni tal-enerġija nukleari, li dan l-għan u, b’mod iktar speċifiku, dak li l-impriżi jiġu inċentivati jinvestu f’kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari kien jissodisfa r-rekwiżiti ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u li l-fatt li dawn il-kapaċitajiet ġodda kellhom jissostitwixxu kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari li jeqdiemu ma kienx jippermetti li jiġi kkonstatat li l-iżvilupp, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, kien nieqes.

63      Minkejja li l-Qorti Ġenerali fakkret l-għan tal-miżuri inkwistjoni, minn dawn il-motivi tas-sentenza appellata jirriżulta li hija ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet qieset, mingħajr ma wettqet żball, li dawn il-miżuri kienu ta’ natura li jiżviluppaw il-produzzjoni ta’ enerġija nukleari, li effettivament tikkostitwixxi attività ekonomika, fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

64      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fil-punt 231 tas-sentenza appellata, mhux imsemmija fl-appell, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-Kummissjoni kienet identifikat is-suq liberalizzat tal-produzzjoni u tal-provvista tal-elettriku bħala s-suq affettwat mill-miżuri inkwistjoni u kienet ikkonstatat li dawn il-miżuri jikkawżaw distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u bidla fil-kummerċ. Minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali eżaminat jekk il-Kummissjoni kinitx debitament identifikat is-suq ikkonċernat sabiex tevalwa jekk it-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikolu 107(3)(c) TFUE kinitx issodisfatta.

65      Għaldaqstant, meta ddeċidiet hekk, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi u ma naqsitx mill-obbligu ta’ motivazzjoni.

66      Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda t-tielet parti tat-tieni aggravju, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk, fil-kuntest tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, il-Kummissjoni tista’ tqis neċessarju li tfittex jekk l-għajnuna prevista tippermettix li jiġi rrimedjat nuqqas fis-suq sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern, l-eżistenza ta’ tali nuqqas ma tikkostitwixxix, għaldaqstant, kundizzjoni sabiex għajnuna tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern skont din id-dispożizzjoni.

67      Huwa għalhekk mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 151 tas-sentenza appellata, ikkunsidrat li, għalkemm l-eżistenza ta’ nuqqas fis-suq tista’ tikkostitwixxi element rilevanti sabiex għajnuna mill-Istat tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern, l-assenza ta’ tali falliment ma għandhiex neċessarjament il-konsegwenza li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 107(3)(c) TFUE ma jiġux issodisfatti.

68      Bl-istess mod, huwa mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li, fil-punt 240 ta’ din is-sentenza, sabiex tiċħad l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija u tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, skont liema l-Kummissjoni ma setgħetx tikkonstata l-eżistenza ta’ nuqqas fis-suq, il-Qorti Ġenerali rrilevat li din id-dispożizzjoni ma tinkludix kundizzjoni li timponi tali nuqqas. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-kunsiderazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni kontenzjuża jippermettu li jiġi kkonstatat li, mingħajr intervent mir-Renju Unit, investimenti f’kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari ma kinux jitwettqu fi żmien xieraq taqa’ taħt evalwazzjoni ta’ natura fattwali, li l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-assenza ta’ allegazzjoni ta’ żnaturament, ma tistax teżamina fil-kuntest ta’ appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Frar 2020, Uniwersytet Wrocławski u Il‑Polonja vs REA, C‑515/17 P u C‑561/17 P, EU:C:2020:73, punt 47).

69      Peress li ebda parti tat-tieni aggravju ma hija fondata, dan għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet aggravju

70      Permezz tat-tielet aggravju tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi meta kkonfermat l-eżami tal-proporzjonalità tal-miżuri inkwistjoni li l-Kummissjoni wettqet b’mod insuffiċjenti.

 Fuq l-ewwel parti tat-tielet aggravju

–       L-argumenti tal-partijiet

71      Ir-Repubblika tal-Awstrija, sostnuta mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, tilmenta li l-Qorti Ġenerali llimitat l-eżami tal-proporzjonalità tal-miżuri inkwistjoni billi naqqset l-għan ta’ interess pubbliku mfittex minnhom għall-għan uniku tal-ħolqien ta’ kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari, filwaqt li l-Kummissjoni kellha teżamina jekk u sa fejn ma kinux jeżistu mezzi oħra iktar proporzjonati sabiex jiġu koperti l-bżonnijiet tal-elettriku fir-Renju Unit.

72      Għalhekk, billi rrilevat, fil-punti 405, 413 u 507 tas-sentenza appellata, li l-kostruzzjoni ta’ Hinkley Point C kienet intiża biss sabiex jiġi llimitat it-tnaqqis fil-kontribuzzjoni tal-enerġija nukleari għall-bżonnijiet tal-elettriku u sabiex tiġi ggarantita provvista ogħla, il-Qorti Ġenerali ppreżumiet li dan tal-aħħar seta’ jiġi ggarantit biss permezz ta’ produzzjoni bażika għolja ta’ enerġija nukleari, filwaqt li s-sitwazzjoni tal-pajjiżi li jiggarantixxu l-provvista tal-elettriku tagħhom mingħajr ma jirrikorru għall-enerġija nukleari turi li tista’ tinkiseb produzzjoni suffiċjenti b’mod ieħor.

73      Dan l-approċċ huwa arbitrarju u jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament iggarantit fl-Artikolu 20 tal-Karta, peress li l-proporzjonalità tal-għajnuna għall-produzzjoni tal-elettriku minn enerġiji rinnovabbli ma tiġix eżaminata mill-Kummissjoni fil-kuntest tas-suq tal-enerġija rinnovabbli iżda fil-kuntest tas-suq globali tal-elettriku.

74      Il-Kummissjoni u r-Repubblika Slovakka jikkunsidraw li din il-parti tat-tielet aggravju hija inammissibbli sa fejn hija intiża li tqiegħed inkwistjoni evalwazzjonijiet ta’ fatt.

75      Fuq il-mertu, il-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, l-Ungerija, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit isostnu li din il-parti ma hijiex fondata.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

76      Fir-rigward tal-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija dwar il-kunsiderazzjonijiet tas-sentenza appellata li jgħidu li, essenzjalment, il-kostruzzjoni ta’ Hinkley Point C hija intiża biss, sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku, li tillimita t-tnaqqis fil-kontribuzzjoni tal-enerġija nukleari għall-bżonnijiet totali tal-elettriku li ma jistax jiġi kkumpensat bil-produzzjoni ta’ enerġiji rinnovabbli, għandu jiġi kkonstatat li dawn huma intiżi li jqiegħdu inkwistjoni l-evalwazzjonijiet ta’ natura fattwali mwettqa mill-Qorti Ġenerali u, konsegwentement, huma inammissibbli f’konformità mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 68 ta’ din is-sentenza.

77      Fuq il-mertu, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 405 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, fir-rigward tal-effetti pożittivi tal-miżuri inkwistjoni kkunsidrati mill-Kummissjoni, irrilevat li dawn il-miżuri kienu jagħmlu parti minn sensiela ta’ miżuri ta’ politika tal-enerġija adottati mir-Renju Unit fil-kuntest tar-riforma tas-suq tal-elettriku, intiża sabiex twettaq is-sigurtà tal-provvista, id-diversifikazzjoni tas-sorsi u d-dekarbonizzazzjoni, li r-Renju Unit ser ikollu bżonn kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija li jistgħu jipprovdu madwar 60 gigawatts, li, fid-dawl tal-għeluq ippjanat tal-impjanti tal-enerġija nukleari u tal-faħam eżistenti, il-kostruzzjoni ta’ Hinkley Point C kienet immirata biex tillimita l-waqgħa fil-kontribuzzjoni tal-enerġija nukleari għall-ħtiġijiet totali tal-elettriku u li, skont il-Kummissjoni, ma jistax ikun possibbli li l-iżbilanċ futur fil-kapaċitajiet tal-produzzjoni tal-enerġija jiġi kkawżat, minn naħa, miż-żieda fid-domanda u, min-naħa l-oħra, mill-għeluq ta’ impjanti nukleari u tal-impjanti tal-faħam eżistenti billi jużaw biss l-enerġiji rinnovabbli.

78      Fil-punt 413 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat ukoll li l-Kummissjoni kienet ikkonstatat li n-natura intermittenti ta’ diversi teknoloġiji rinnovabbli ma kinitx tippermetti li tiġi kkostitwita alternattiva aċċettabbli għal teknoloġija produttriċi ta’ elettriku bażiku bħall-enerġija nukleari u, li l-ekwivalenti tal-potenza li għandha tiġi pprovduta minn Hinkley Point C jikkorrispondi għal 14-il gigawatt ta’ enerġija eolika minn fuq l-art jew għal 11-il gigawatt ta’ enerġija eolika minn fuq il-baħar u b’mod partikolari, li ma kienx realistiku li wieħed jistenna li tali kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ enerġija eolika setgħu jinbnew fl-istess perijodu ta’ żmien bħal dak previst għall-kostruzzjoni ta’ Hinkley Point C.

79      Fil-punt 507 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, skont l-indikazzjonijiet tal-Kummissjoni, il-proġett ta’ kostruzzjoni ta’ Hinkley Point C kien intiż biss sabiex jipprekludi tnaqqis drastiku fil-kontribut tal-enerġija nukleari għall-bżonnijiet totali tal-elettriku u li, fid-dawl tad-dritt tar-Renju Unit li jiddetermina t-taħlita enerġetika tiegħu u li jżomm l-enerġija nukleari bħala sors ta’ din it-taħlita, li tirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 194(2) TFUE kif ukoll mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2(c) u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 192 tat-Trattat Euratom, id-deċiżjoni li tinżamm l-enerġija nukleari fl-istruttura ta’ provvista ma tistax titqies li hija manifestament sproporzjonata fid-dawl tal-effetti pożittivi li jirriżultaw mill-miżuri inkwistjoni.

80      Minn dawn il-konstatazzjonijiet u minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Awstrija, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-proporzjonalità tal-miżuri inkwistjoni mhux fid-dawl tas-sempliċi għan li jinħolqu kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari, iżda fid-dawl tal-bżonnijiet ta’ provvista tal-elettriku tar-Renju Unit, filwaqt li fakkret ġustament li dan tal-aħħar huwa liberu li jiddetermina l-kompożizzjoni tat-taħlita enerġetika tiegħu.

81      Għaldaqstant l-ewwel parti tat-tielet aggravju hija parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata.

 Fuq it-tieni parti tat-tielet aggravju

–       L-argumenti tal-partijiet

82      Ir-Repubblika tal-Awstrija, sostnuta mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, tilmenta li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 468 et seq. tas-sentenza appellata, injorat il-valur ta’ preċedent tad-deċiżjoni kontenzjuża billi evalwat, bħall-Kummissjoni, l-effetti tal-miżuri inkwistjoni b’mod iżolat u billi llimitat l-eżami tal-proporzjonalità biss għad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u bidliet tal-kummerċ li effettivament jistgħu jintwerew ikkawżati minn dawn il-miżuri kkunsidrati b’mod iżolat.

83      Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, l-Ungerija, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit isostnu li din il-parti hija infondata.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

84      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 108(3) TFUE, il-proċedura ta’ eżami ta’ proġett intiż sabiex jistabbilixxi jew jemenda għajnuna, miftuħa mill-Kummissjoni skont din id-dispożizzjoni, tirrigwarda l-proġett li jkun ġie nnotifikat lilha. Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, hija din l-istituzzjoni li għandha teżamina jekk it-tieni kundizzjoni li għaliha hija suġġetta l-kompatibbiltà ta’ għajnuna skont din id-dispożizzjoni hijiex issodisfatta billi tfittex jekk l-għajnuna prevista tfixkilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ b’mod kuntrarju għall-interess komuni.

85      Minn dan jirriżulta li l-eżami li għandha twettaq din l-istituzzjoni jirrigwarda biss l-effetti tal-għajnuna prevista fid-dawl tal-informazzjoni li hija setgħet kellha għad-dispożizzjoni tagħha fil-mument meta hija adottat id-deċiżjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Frucona Košice, C‑300/16 P, EU:C:2017:706, punt 70), u ma tistax tibbaża ruħha fuq spekulazzjonijiet fir-rigward tal-valur ta’ preċedent tad-deċiżjoni li hija mitluba tieħu jew fuq kunsiderazzjonijiet oħra dwar l-effetti kumulattivi ta’ din l-għajnuna u ta’ proġetti oħra ta’ għajnuna li jistgħu jintervjenu fil-futur.

86      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta llimitat l-eżami tal-proporzjonalità tal-miżuri inkwistjoni biss għad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u bidliet tal-kummerċ ikkawżati minnhom.

87      Isegwi li t-tieni parti tat-tielet aggravju hija infondata.

 Fuq it-tielet parti tat-tielet aggravju

–       L-argumenti tal-partijiet

88      Ir-Repubblika tal-Awstrija, sostnuta mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, tilmenta li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 470 u 499 tas-sentenza appellata, ċaħdet l-ilment tagħha li l-miżuri inkwistjoni jwasslu għal diskriminazzjoni sproporzjonata fir-rigward tat-teknoloġiji l-oħra, billi rrilevat li, fil-premessa 403 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kienet indikat li l-Kuntratt għad-Differenza ma kienx jiżvantaġġa b’mod eċċessiv it-teknoloġiji l-oħra peress li dawn tal-aħħar jistgħu jiġu sostnuti b’mod sodisfaċenti permezz tal-istess tip ta’ strument, bl-eċċezzjoni tal-aġġustamenti neċessarji sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi bejn it-teknoloġiji. Filwaqt li tikkonferma dan l-ilment, hija ssostni li t-trattament mhux ugwali, fir-rigward tad-dritt tal-għajnuna mill-Istat, ta’ produtturi tal-istess prodott, li huma kompetituri fl-istess suq, iwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni strutturali u sproporzjonata.

89      Ir-Repubblika Slovakka tqis li din il-parti tat-tielet aggravju hija inammissibbli minħabba li hija r-repetizzjoni ta’ motiv imqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija wisq ġenerali u impreċiża, li ma tesponix kif twettaq żball ta’ liġi, u li hija intiża għal eżami ġdid tal-fatti.

90      Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, l-Ungerija u r-Renju Unit isostnu li din il-parti ma hijiex fondata.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

91      Skont ġurisprudenza stabbilita, mill-Artikolu 256 TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li tagħha qiegħed jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba. L-appell li, mingħajr ma jinkludi argument li speċifikament jidentifika l-iżball ta’ liġi li allegatament jivvizzja s-sentenza appellata, sempliċement jirriproduċi l-motivi u l-argumenti li jkunu diġà tressqu quddiem il-Qorti Ġenerali, ma jissodisfax dan ir-rekwiżit. Fil-fatt, tali appell jikkostitwixxi, fil-verità, talba intiża sabiex jinkiseb sempliċi eżami mill-ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, li ma jaqax fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Villeroy & Boch vs Il‑Kummissjoni, C‑625/13 P, EU:C:2017:52, punt 69 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

92      Issa, filwaqt li tirreferi għall-ilment tagħha mressaq quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-Repubblika tal-Awstrija ma tesponix ir-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punti 470 u 499 tas-sentenza appellata.

93      Għaldaqstant, it-tielet parti tat-tielet aggravju hija inammissibbli.

 Fuq ir-raba’ parti tat-tielet aggravju

–       L-argumenti tal-partijiet

94      Ir-Repubblika tal-Awstrija, sostnuta mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, tilmenta li l-Qorti Ġenerali naqset, fil-punti 515 et seq. tas-sentenza appellata, milli twettaq eżami tal-proporzjonalità tal-miżuri inkwistjoni billi naqset milli tibbilanċja l-effetti pożittivi u l-effetti negattivi tagħhom, b’mod partikolari r-riperkussjonijiet negattivi tagħhom fuq l-ambjent li l-Kummissjoni kellha obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni. L-insuffiċjenza tal-ibbilanċjar imwettaq mill-Qorti Ġenerali tirriżulta, b’mod partikolari, mill-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż ta’ trattament u ta’ ħażna tal-iskart nukleari, li jikkostitwixxu konsegwenza neċessarja tat-tħaddim tal-impjant tal-enerġija nukleari u, fil-każ li l-operatur jinħeles minnu, jagħmlu parti mill-għajnuna inkwistjoni. Għaldaqstant ma jistgħux jinftiehmu r-raġunijiet li għalihom, fil-punt 355 ta’ din is-sentenza, l-ispejjeż relatati mal-ġestjoni tal-iskart ma tqisux li huma koperti mid-deċiżjoni kontenzjuża, u lanqas il-kunsiderazzjoni esposta fil-punt 359 tal-imsemmija sentenza li r-Repubblika tal-Awstrija naqset milli tippreżenta rikors kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar it-trasferiment ta’ skart nukleari.

95      Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, l-Ungerija, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit isostnu li din il-parti ma hijiex fondata.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

96      Fil-punti 505 sa 530 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat u ċaħdet l-argumenti kollha mressqa mir-Repubblika tal-Awstrija intiżi li jikkontestaw l-ibbilanċjar tal-effetti pożittivi u tal-effetti negattivi tal-miżuri inkwistjoni li twettaq mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża. Għaldaqstant, l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija li l-Qorti Ġenerali naqset milli twettaq eżami tal-proporzjonalità tal-imsemmija miżuri billi naqset milli tibbilanċja l-effetti pożittivi u l-effetti negattivi tagħhom huwa infondat.

97      Fir-rigward tal-argument imressaq quddiem il-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-prinċipji ta’ protezzjoni tal-ambjent, ta’ prekawzjoni, ta’ min iniġġes iħallas u ta’ sostenibbiltà, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 515 sa 517 tas-sentenza appellata, li, peress li l-miżuri inkwistjoni ma kinux intiżi speċifikament sabiex jintlaħqu dawn il-prinċipji, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata li teħodhom inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-identifikazzjoni tal-vantaġġi li jirriżultaw minn dawn il-miżuri.

98      Hija fakkret li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, il-Kummissjoni għandha tibbilanċja l-vantaġġi tal-miżuri inkwistjoni u l-impatt negattiv tagħhom fuq is-suq intern. Issa, għalkemm il-protezzjoni tal-ambjent għandha tiġi integrata fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk intiżi għall-istabbiliment tas-suq intern, din ma tikkostitwixxix, minnha nnifisha, waħda mill-komponenti ta’ dan is-suq intern, iddefinit bħala żona mingħajr fruntieri interni fejn il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital huwa żgurat.

99      Għaldaqstant, hija qieset li, waqt l-identifikazzjoni tal-effetti negattivi tal-miżuri inkwistjoni, il-Kummissjoni ma kellhiex tieħu inkunsiderazzjoni sa fejn dawn kienu sfavorevoli biex jintlaħaq dan il-prinċipju, li japplika wkoll għall-prinċipji ta’ prekawzjoni, ta’ min iniġġes iħallas u ta’ sostenibbiltà invokati mir-Repubblika tal-Awstrija.

100    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-eżami tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, ir-rekwiżit ta’ preservazzjoni u ta’ titjib tal-ambjent, espress b’mod partikolari fl-Artikolu 37 tal-Karta kif ukoll fl-Artikolu 11 u l-Artikolu 194(1) TFUE, flimkien mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent huma intiżi li japplikaw fis-settur tal-enerġija nukleari. Minn dan isegwi li meta l-Kummissjoni tivverifika jekk għajnuna mill-Istat favur attività ekonomika li tappartjeni lil dan is-settur tissodisfax l-ewwel kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 107(3)(c) TFUE, imfakkra fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, hija għandha, kif ġie espost fil-punti 44 u 45 ta’ din tal-aħħar, tivverifika li l-imsemmija attività ma tiksirx ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent. Jekk hija tikkonstata ksur ta’ dawn ir-regoli, hija għandha l-obbligu li tiddikjara l-imsemmija għajnuna inkompatibbli mas-suq intern mingħajr ebda forma oħra ta’ eżami.

101    Madankollu, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk tali għajnuna mill-Istat tissodisfax it-tieni kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 107(3)(c) TFUE, imfakkra wkoll fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, li tgħid li din l-għajnuna ma għandhiex tbiddel il-kundizzjonijiet tal-kummerċ b’mod kuntrarju għall-interess komuni, din timplika, kif iddeċidiet ġustament il-Qorti Ġenerali, li jiġu bbilanċjati l-effetti pożittivi tal-għajnuna maħsuba għall-iżvilupp tal-attivitajiet li hija intiża li ssostni u l-effetti negattivi li jista’ jkollha din l-għajnuna fuq is-suq intern. Issa, l-Artikolu 26(2) TFUE jindika li s-suq intern “għandu jikkomprendi arja bla fruntieri interni, li fiha l-moviment liberu ta’ merkanzija, persuni, servizzi u kapital huwa żgurat skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattati”. Għaldaqstant, l-eżami tat-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikolu 107(3)(c) TFUE jimplika li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti negattivi tal-għajnuna mill-Istat fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri, iżda ma teżiġix li jittieħdu inkunsiderazzjoni eventwali effetti negattivi minbarra dawn tal-aħħar.

102    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li, matul l-identifikazzjoni tal-effetti negattivi tal-miżuri inkwistjoni, il-Kummissjoni ma kellhiex tieħu inkunsiderazzjoni sa fejn dawn huma sfavorevoli għat-twettiq tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-ambjent, ta’ prekawzjoni, ta’ min iniġġes iħallas u ta’ sostenibbiltà invokati mir-Repubblika tal-Awstrija.

103    Barra minn hekk, huwa mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punt 520 tas-sentenza appellata, l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż ta’ ħażna tal-iskart nukleari billi rreferiet għall-konstatazzjoni li tinsab fil-punt 355 ta’ din is-sentenza, li tgħid li l-miżuri ta’ għajnuna ddikjarati kompatibbli fid-deċiżjoni kontenzjuża jirrigwardaw biss il-kostruzzjoni u t-tħaddim ta’ impjant tal-enerġija nukleari u mhux eventwali għajnuna mill-Istat intiża sabiex jiġu koperti l-ispejjeż relatati mal-ġestjoni u mal-ħażna ta’ dan l-iskart. Sa fejn, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 359 tal-imsemmija sentenza, ir-Renju Unit ta tali għajnuna mill-Istat biss wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, ġie ġustament ikkonstatat f’dan il-punt li l-għoti ta’ din l-għajnuna ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni waqt l-eżami tal-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża.

104    Għalhekk ir-raba’ parti tat-tielet aggravju ma hijiex fondata. Konsegwentement, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ aggravju

105    Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta injorat li l-miżuri inkwistjoni kienu jikkostitwixxu għajnuna għat-tħaddim u li għalhekk kienu inkompatibbli mas-suq intern.

 L-argumenti tal-partijiet

106    Ir-Repubblika tal-Awstrija, sostnuta mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, billi ssemmi l-punti 612 u 613 tas-sentenza appellata, tilmenta li l-Qorti Ġenerali aċċettat li għajnuna għat-tħaddim bħal dik prevista favur Hinkley Point C setgħet tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern, billi qieset li d-distinzjoni bejn l-għajnuna għall-investiment u l-għajnuna għat-tħaddim kienet irrilevanti. Issa, f’suq liberalizzat ta’ prodotti, dawn tal-aħħar huma awtorizzati biss b’mod eċċezzjonali, għal żmien limitat; huma ma jikkontribwixxux għall-iżvilupp ta’ attività, fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE u joħolqu distorsjoni tal-kundizzjonijiet tal-kummerċ fis-settur ekonomiku li fih dawn jingħataw b’mod li jmur kontra l-interess komuni.

107    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tagħmel tali distinzjoni barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-Komunità tal-Għajnuna mill-Istat għall-Protezzjoni tal-Ambjent (ĠU 1994, C 72, p. 3), peress li din il-kunsiderazzjoni tmur kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali.

108    Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit isostnu li dan l-aggravju huwa infondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

109    Għandu jiġi osservat li, fil-kuntest ta’ dan l-aggravju, ir-Repubblika tal-Awstrija ssemmi biss il-punti 612 u 613 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali kkonstatat li mis-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑351/98, EU:C:2002:530, punti 76 u 77), jirriżulta li l-Linji Gwida tal-Komunità tal-Għajnuna mill-Istat għall-Protezzjoni tal-Ambjent, applikabbli fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, kienu espliċitament jagħmlu distinzjoni bejn l-għajnuna għall-investiment u l-għajnuna għat-tħaddim u li l-Kummissjoni, li kienet marbuta b’dawn il-linji gwida, kellha obbligu tirreferi għal dawn il-kategoriji barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-Komunità tal-Għajnuna mill-Istat għall-Protezzjoni tal-Ambjent.

110    Madankollu, dawn il-punti tas-sentenza appellata ma jistgħux jinqraw indipendentement mill-punti 575 sa 609 ta’ din is-sentenza li jippreċeduhom, peress li dawn il-punti kollha jinkludu l-motivi li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv tar-Repubblika tal-Awstrija bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kellha tikklassifika l-miżuri inkwistjoni bħala “għajnuna għall-funzjonament [tħaddim] inkompatibbli mas-suq intern”.

111    Dan il-motiv kien jirrigwarda, kif indikat fil-punt 575 tal-imsemmija sentenza, il-premessi tad-deċiżjoni kontenzjuża li fihom il-Kummissjoni esponiet li l-miżuri li jinvolvu għajnuna għat-tħaddim bħala prinċipju ma kinux konformi mal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, iżda li l-miżuri inkwistjoni kellhom jitqiesu li huma ekwivalenti għal għajnuna għall-investiment, peress li huma kellhom jippermettu lil NNBG timpenja ruħha li tinvesti fil-kostruzzjoni ta’ Hinkley Point C. Il-Kummissjoni qieset b’mod partikolari f’dan ir-rigward li, “mill-perspettiva ta’ mmudellar finanzjarju, il-valur attwali nett tal-ħlasijiet tal-prezz tal-eżerċitar seta’ jitqies li huwa l-ekwivalenti ta’ ħlas b’rata fissa li jippermetti lil NNBG tkopri l-ispejjeż tal-bini”.

112    F’dawn il-motivi, il-Qorti Ġenerali rrilevat, qabel kollox, fil-punti 579 u 580 tas-sentenza appellata, li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-għajnuna intiża għaż-żamma tal-istatus quo jew sabiex teħles lil impriża mill-ispejjeż li hija kien ikollha normalment issostni fil-kuntest tal-ġestjoni ta’ kuljum jew tal-attivitajiet normali tagħha ma tistax titqies li hija kompatibbli mas-suq intern, peress li ma hijiex ta’ natura li tiffaċilita l-iżvilupp ta’ attività ekonomika, fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

113    Sussegwentement, fil-punti 581 sa 583 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx qiegħdet inkwistjoni din il-ġurisprudenza, iżda kienet qieset li hija ma kinitx tapplika għall-miżuri inkwistjoni minħabba l-ispeċifiċità tal-proġett u minħabba li dawn il-miżuri kienu intiżi sabiex jippermettu lil NNBG timpenja ruħha li tinvesti fil-kostruzzjoni ta’ Hinkley Point C. Huwa qies li dan l-approċċ ma kienx żbaljat, peress li ma hemm xejn li jipprekludi li miżura ta’ għajnuna li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern skont din id-dispożizzjoni, indipendentement mill-kwistjoni jekk għandhiex tiġi kklassifikata bħala “għajnuna għall-investiment” jew bħala “għajnuna għall-funzjonament [tħaddim]”.

114    Fl-aħħar nett, fil-punti 584 u 585 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod partikolari li l-miżuri inkwistjoni ma jistgħux jitqiesu li huma għajnuna li sempliċement iżżomm l-istatus quo u lanqas bħala għajnuna li tillimita ruħha li tnaqqas l-ispejjeż kurrenti u abitwali ta’ tħaddim li impriża kien ikollha fi kwalunkwe każ issostni fil-kuntest tal-attività normali tagħha, billi rrilevat li, fl-assenza tagħhom, ebda investiment f’kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari ma jitwettaq fi żmien xieraq u li dawn kellhom effett ta’ inċentiv, billi jnaqqsu r-riskji marbuta mal-investiment bil-għan li jiżguraw il-profittabbiltà tagħhom.

115    B’mod iktar partikolari, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija dwar il-Kuntratt għad-Differenza billi kkonstatat, b’mod partikolari, fil-punt 589 tas-sentenza appellata, li dan kien strument ta’ kopertura tar-riskji fil-forma ta’ stabilizzatur tal-prezzijiet, li joffri sigurtà u stabbiltà tad-dħul, u b’hekk għandu effett ta’ inċentiv għall-investimenti billi jiggarantixxi livell ta’ prezz iddeterminat u stabbli.

116    Fil-punt 593 ta’ din is-sentenza, hija rrilevat li l-prezz tal-eżerċitar awtorizzat mill-Kummissjoni kien jieħu inkunsiderazzjoni kemm il-prezz tal-kostruzzjoni ta’ Hinkley Point C kif ukoll l-ispejjeż tal-operat ta’ din l-unità, għaliex “dawn l-ispejjeż jinfluwenzaw il-profittabbiltà tal-proġett u għalhekk għandhom impatt fuq l-ammont li għandu jilħaq il-prezz tal-eżerċitar sabiex tiġi skattata d-deċiżjoni ta’ investiment f’kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari”.

117    Hija qieset ukoll, fil-punt 594 tal-imsemmija sentenza, li l-fatt li, wara 15-il sena u 25 sena, il-prezz tal-eżerċitar jista’ jiġi rrivedut u li għalhekk jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi li jikkonċernaw l-ispejjeż tal-operat ma jqigħedx inkwistjoni r-rabta bejn il-miżuri inkwistjoni u l-ħolqien ta’ kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari, peress li, fid-dawl tal-fatt li l-ispejjeż tal-operat li abbażi tagħhom il-prezz tal-eżerċitar ġie kkalkolat għandhom jiġu stmati ex ante u li t-tul tat-tħaddim ta’ Hinkley Point C ser tkun twila ħafna, il-possibbiltà ta’ tali reviżjonijiet hija intiża li tnaqqas ir-riskji relatati mal-ispejjeż għal żmien twil għaż-żewġ partijiet, bil-għan li jiġi miżjud jew imnaqqas l-ammont tal-prezz tal-eżerċitar iggarantit permezz tal-Kuntratt għad-Differenza.

118    Billi ċaħdet għal dawn ir-raġunijiet, b’mod partikolari, il-motiv imressaq quddiemha, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kellha tikklassifika l-miżuri inkwistjoni bħala għajnuna għat-tħaddim inkompatibbli mas-suq intern, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi.

119    Fil-fatt, fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali ġustament fakkret li l-għajnuna għat-tħaddim ma tistax, bħala prinċipju, tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, peress li tali għajnuna, ladarba hija limitata sabiex iżżomm sitwazzjoni eżistenti jew sabiex tnaqqas l-ispejjeż kurrenti u abitwali tal-operat li impriża kien ikollha fi kwalunkwe każ issostni fil-kuntest tal-attività normali tagħha, ma tistax titqies li hija intiża sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ attività ekonomika u hija ta’ natura li tbiddel il-kundizzjonijiet kummerċjali b’mod kuntrarju għall-interess komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 1990, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑86/89, EU:C:1990:373, punt 18; tal‑5 ta’ Ottubru 2000, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑288/96, EU:C:2000:537, punti 88 sa 91, kif ukoll tal‑21 ta’ Lulju 2011, Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il‑Kummissjoni, C‑459/10 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:515, punti 33 sa 36).

120    Fit-tieni lok, billi qieset, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball meta kkonstatat li l-miżuri inkwistjoni kienu jippermettu lil NNBG timpenja ruħha fil-kostruzzjoni ta’ Hinkley Point C u li, mingħajrhom, il-ħolqien ta’ kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari ma setax isir, il-Qorti Ġenerali vverifikat debitament li dawn il-miżuri kollha kienu ta’ natura li jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ attività ekonomika u ma kinux ibiddlu l-kundizzjonijiet tal-kummerċ b’mod li jmur kontra l-interess komuni.

121    Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali ma kinitx obbligata, sabiex twettaq din il-verifika, li tikklassifika formalment il-miżuri inkwistjoni bħala “għajnuna għall-investiment” jew bħala “għajnuna għall-funzjonament [tħaddim]”, kif kienet tkun meħtieġa sabiex tevalwa l-eżami mill-Kummissjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna li għaliha kienu applikabbli l-Linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent. Barra minn hekk, mill-motivi tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li l-miżuri inkwistjoni kellhom jitqiesu bħala ekwivalenti għal għajnuna għall-investiment u li l-Qorti Ġenerali kkonfermat din l-evalwazzjoni.

122    Minn dan isegwi li r-raba’ aggravju huwa infondat u għalhekk għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames aggravju

123    Permezz tal-ħames aggravju tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, minn naħa, billi ddefinixxiet l-elementi tal-għajnuna b’mod insuffiċjenti u, min-naħa l-oħra, billi naqset milli tikkonstata nuqqas ta’ osservanza tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji (ĠU 2008, C 155, p. 10, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-Garanziji”).

 Fuq l-ewwel parti tal-ħames motiv

–       L-argumenti tal-partijiet

124    Ir-Repubblika tal-Awstrija, sostnuta mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, tilmenta li l-Qorti Ġenerali ddefinixxiet b’mod insuffiċjenti l-elementi tal-għajnuna. Filwaqt li tirreferi għall-punti 251 et seq. tas-sentenza appellata, hija tallega li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Qorti Ġenerali, hija ma sostnietx li l-miżuri inkwistjoni ma kinux eżattament kwantifikabbli iżda li l-elementi tal-għajnuna ġew iddeterminati b’mod insuffiċjenti, u dan bi ksur ta’ sensiela sħiħa ta’ linji gwida u ta’ regolamenti fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat kif hija esponiet fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali.

125    Ma tistax tinftiehem ir-raġuni għalfejn dawn ir-regolamenti u dawn il-linji gwida ma humiex applikabbli f’dan il-każ, fid-dawl tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni. Dan in-nuqqas ta’ determinazzjoni jipprekludi l-evalwazzjoni korretta tal-proporzjonalità tal-għajnuna u lanqas ma tippermetti, peress li l-baġit inizjali ma huwiex determinabbli, li jiġi osservat, fil-każ ta’ żieda fil-baġit, l-obbligu li ssir notifika ġdida skont l-Artikolu 1(c) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9), moqri flimkien mal-Artikolu 4(1) tat-Taqsima I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal‑21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 4, p. 3, rettifiki fil-ĠU 2009, L 84 M, p. 475, u fil-ĠU 2015, L 72, p. 89), li abbażi tagħhom żieda ta’ 20 % fil-baġit inizjali approvat mill-Kummissjoni twassal għal bidla fl-għajnuna. Il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 361 tas-sentenza appellata, skont liema l-għoti eventwali ta’ għajnuna addizzjonali mill-Istat ma hijiex is-suġġett tad-deċiżjoni kontenzjuża hija għaldaqstant żbaljata.

126    Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni, barra minn hekk, li n-natura indeterminabbli tal-ispejjeż ta’ pproċessar u ta’ ħażna tal-iskart nukleari u l-miżura ta’ għajnuna fil-każ ta’ għeluq antiċipat tal-impjant tal-enerġija nukleari Hinkley Point juru li l-elementi tal-għajnuna ma kinux iddeterminati. Fir-rigward tal-miżura ta’ għajnuna fil-każ ta’ għeluq antiċipat, il-punt 279 tas-sentenza appellata jikkonferma li l-modalitajiet eżatti tal-mekkaniżmu ta’ kumpens ma kinux magħrufa mill-Kummissjoni fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u li din l-istituzzjoni għalhekk ma kellhiex informazzjoni li kienet tikkonferma l-impossibbiltà ta’ kull kumpens żejjed, li qatt ma seta’ jiġi eskluż. Din ir-raġuni kellha twassal waħedha għaċ-ċaħda tal-miżuri inkwistjoni.

127    Il-Kummissjoni ssostni li l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija dwar l-applikabbiltà tad-diversi regolamenti u linji gwida huwa inammissibbli, peress li r-Repubblika tal-Awstrija ma tagħti ebda ħjiel tan-natura tal-iżball ta’ liġi li twettaq. Fil-fehma tagħha huma wkoll inammissibbli l-argumenti l-oħra mressqa peress li dawn ma ġewx invokati quddiem il-Qorti Ġenerali. Ir-Repubblika Slovakka tqis ukoll li dawn l-argumenti huma inammissibbli jew għaliex jirrepetu argumenti mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali, jew għaliex huma wisq ġenerali u impreċiżi.

128    Il-Kummissjoni, ir-Repubblika Franċiża, l-Ungerija u r-Renju Unit isostnu li din il-parti tal-ħames aggravju hija, fi kwalunkwe każ, infondata.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

129    L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li fil-punt 113 tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali r-Repubblika tal-Awstrija kienet sostniet li “[f]in-nuqqas ta’ determinazzjoni suffiċjenti tal-element tal-għajnuna, kien finalment mhux biss l-ammont tad-diversi miżuri ta’ għajnuna, iżda wkoll l-ammont tal-ekwivalenti għal sussidju gross tal-għajnuna kollha li jibqa’ inċert”, b’tali mod li kien a priori impossibbli għall-Kummissjoni li tivverifika l-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni mas-suq intern. Għaldaqstant, ma jidhirx li l-Qorti Ġenerali żnaturat l-argument tagħha billi rrilevat, fil-punt 247 tas-sentenza appellata, li r-Repubblika tal-Awstrija sostniet, essenzjalment, li kien biss wara li kkwantifikat l-ammont eżatt tal-ekwivalenti għal sussidju tal-miżuri inkwistjoni li l-Kummissjoni setgħet tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tagħhom mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

130    Sussegwentement, l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija li d-determinazzjoni insuffiċjenti tal-għajnuna timplika ksur ta’ “sensiela sħiħa ta’ linji gwida u ta’ regolamenti”, diġà espost fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, għandu jiġi ddikjarat bħala inammissibbli, għar-raġunijiet esposti fil-punt 91 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, l-appell jirreferi għall-argument espost f’dan ir-rigward quddiem il-Qorti Ġenerali u ma jidentifikax preċiżament l-iżbalji ta’ liġi li hija wettqet. L-istess japplika għall-argument li huwa impossibbli li tiġi evalwata korrettament il-proporzjonalità ta’ għajnuna jekk l-elementi tagħha ma jkunux ġew iddeterminati b’mod suffiċjenti, sa fejn ma jkunux indikati b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza appellata.

131    Huwa wkoll inammissibbli l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija dwar il-modifika ta’ għajnuna eżistenti u bbażat fuq ksur tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament Nru 2015/1589, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 794/2004, peress li dan l-argument ma tqajjimx quddiem il-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Lulju 2012, Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il‑Kummissjoni, C‑628/10 P u C‑14/11 P, EU:C:2012:479, punt 111, kif ukoll tat‑28 ta’ Lulju 2016, Tomana et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑330/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:601, punt 33).

132    Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Awstrija ma kkritikatx fl-appell tagħha l-punt 266 tas-sentenza appellata, li fih il-Qorti Ġenerali fakkret li l-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni kienet tirrigwarda biss il-proġett kif ġie nnotifikat lilha u li kull modifika sussegwenti ta’ natura li tinfluwenza l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni mas-suq intern għandha tkun is-suġġett ta’ notifika ġdida.

133    Ir-Repubblika tal-Awstrija ssemmi, f’dan il-kuntest, il-punt 361 tas-sentenza appellata, li fih il-Qorti Ġenerali mmotivat iċ-ċaħda tal-argument tagħha li għajnuna addizzjonali favur Hinkley Point C tista’ eventwalment tingħata fil-forma ta’ garanzija pubblika fil-futur. Madankollu, għal raġuni analoga għal dik esposta fil-punt 103 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta rrilevat li dan l-argument ma setax iqiegħed inkwistjoni l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata u għalhekk ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tar-rikors li kienet adita bih, li l-uniku għan tiegħu kien it-talba għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni li tirrigwarda l-miżuri inkwistjoni.

134    Bl-istess mod, kif ġie kkonstatat fl-imsemmi punt 103, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ċaħdet l-argument ibbażat fuq in-natura indeterminabbli tal-ispejjeż tat-trattament u tal-ħażna tal-iskart nukleari billi rrilevat, fil-punt 355 tas-sentenza appellata, li l-miżuri ta’ għajnuna ddikjarati kompatibbli mill-Kummissjoni jirrigwardaw biss il-Kuntratt għad-Differenza, il-Ftehim tas-Segretarju tal-Istat kif ukoll il-garanzija ta’ kreditu u li d-deċiżjoni kontenzjuża ma tirrigwardax eventwali għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Renju Unit sabiex jiġu koperti l-ispejjeż relatati mal-ħażna ta’ dan l-iskart.

135    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument dwar il-miżura ta’ għajnuna fil-każ ta’ għeluq antiċipat tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Hinkley Point C u eventwali kumpens eċċessiv, ir-Repubblika tal-Awstrija ma tistabbilixxix li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta rrilevat, fil-punt 279 tas-sentenza appellata, wara li aċċettat li l-modalitajiet eżatti tal-mekkaniżmu ta’ kumpens ma kinux magħrufa mill-Kummissjoni fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, li l-Kummissjoni kienet ser tillimita ruħha li tawtorizza f’din id-deċiżjoni l-proġett innotifikat mir-Renju Unit u li, f’każ li, wara dik id-deċiżjoni, ir-Renju Unit jiddeċiedi li jħallas kumpens ta’ iktar mill-ammont meħtieġ biex tiġi kkumpensata ċaħda ta’ proprjetà, dan jikkostitwixxi vantaġġ li ma huwiex kopert minn dik id-deċiżjoni u li għalhekk għandu jkun innotifikat lill-Kummissjoni.

136    Għaldaqstant l-ewwel parti tal-ħames aggravju hija parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata.

 Fuq it-tieni parti tal-ħames aggravju

–       L-argumenti tal-partijiet

137    Ir-Repubblika tal-Awstrija, sostnuta mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, tilmenta li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 309 tas-sentenza appellata, ħalliet sospiża l-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kellhiex tapplika l-Avviż dwar il-Garanziji, billi llimitat ruħha li tissuġġerixxi li l-kriterji ta’ dan l-avviż xorta waħda ġew osservati.

138    It-Taqsima 4.2 tal-Avviż dwar il-Garanziji timponi, fi kwalunkwe każ, li jiġi kkwantifikat l-element ta’ għajnuna li jinsab fil-garanzija mogħtija, jiġifieri l-vantaġġ hekk mogħti lill-benefiċjarju. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 300 tas-sentenza appellata, li l-garanzija ta’ kreditu kienet suġġetta għal kundizzjonijiet normali tas-suq, ma tistax tinftiehem. Il-Qorti Ġenerali dderogat mill-ġurisprudenza dwar il-vantaġġ mogħti fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

139    Ir-Repubblika tal-Awstrija tirreferi wkoll għat-Taqsimiet 3.2 u 4.1 tal-Avviż dwar il-Garanziji, li bis-saħħa tagħhom, fil-preżenza ta’ garanziji individwali, il-Kummissjoni għandha tivverifika jekk min jissellef jinsabx f’diffikultà finanzjarja, fis-sens tal-Linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà (ĠU 2004, C 244, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida dwar l-Impriżi f’Diffikultà”). Peress li, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet ta’ konformità ma’ dawn il-linji gwida ma humiex issodisfatti, il-Kummissjoni ma setgħetx tiddikjara l-garanzija ta’ kreditu kompatibbli mas-suq intern. Minflok ma rrilevat dan l-iżball, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 338 tas-sentenza appellata, qalbet l-oneru tal-prova billi rrilevat li r-Repubblika tal-Awstrija u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma kinux spjegaw sa fejn EDF iltaqgħet ma’ diffikultajiet finanzjarji.

140    Minbarra d-determinazzjoni tal-element ta’ għajnuna, l-Avviż dwar il-Garanziji jipprovdi, fit-Taqsima 4.1.b tiegħu, li l-garanzija pubblika għandha tirrigwarda ammont massimu determinat u għandha tkun limitata ratione temporis. Is-sentenza appellata hija wkoll ivvizzjata bi żball ta’ liġi f’dan ir-rigward.

141    Il-Kummissjoni tqis li din il-parti hija inammissibbli peress li ma tippermettix li jinftiehem kif il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi li jistgħu jwasslu għall-annullament tas-sentenza appellata.

142    Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni, ir-Repubblika Franċiża, l-Ungerija, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit jikkunsidraw li din il-parti ma hijiex fondata.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

143    Għandu jiġi osservat li, fil-punt 309 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, “indipendentement mill-kwistjoni jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kinitx obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji previsti fl-Avviż dwar il-garanziji, l-argumenti mressqa mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu u mir-Repubblika tal-Awstrija għandhom jiġu miċħuda għar-raġunijiet li ġejjin”. Dawn ir-raġunijiet huma esposti fil-punti 310 sa 349 tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali wieġbet punt b’punt għall-argumenti kollha mressqa intiżi sabiex juru li l-Kummissjoni ma kinitx osservat dan l-avviż.

144    Issa, fost dawn il-punti, l-appell jirrigwarda biss il-punt 338 ta’ din is-sentenza li fih il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-provi prodotti mir-Repubblika tal-Awstrija u mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma setgħux juru li EDF kienet qiegħda taffaċċja diffikultajiet finanzjarji, fis-sens tal-paragrafu 9 tal-Linji Gwida dwar l-Impriżi f’Diffikultà u li, għaldaqstant, kien hemm lok li jiġi miċħud l-argument ta’ dawn l-Istati Membri li, minħabba l-fatt li EDF kienet impriża f’diffikultà, il-Kummissjoni jmissha kkunsidrat li l-element ta’ għajnuna li jinsab fil-garanzija ta’ kreditu kien għoli daqs l-ammont attwalment kopert minn dik il-garanzija.

145    B’hekk jidher li l-ewwel argument tar-Repubblika tal-Awstrija, li jgħid li l-Qorti Ġenerali ħalliet sospiża l-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kellhiex tapplika l-Avviż dwar il-Garanziji, huwa infondat, sa fejn il-Qorti Ġenerali madankollu eżaminat l-argumenti kollha bbażati fuq in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-avviż u li t-tweġibiet li hija tat għal dawn l-argumenti, bl-eċċezzjoni ta’ dik li tinsab fil-punt 338 tas-sentenza appellata, ma humiex ikkritikati.

146    Fil-punt 300 tas-sentenza appellata, imsemmija fit-tieni argument tar-Repubblika tal-Awstrija, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument ta’ dan l-Istat Membru li l-Kummissjoni kienet wettqet żball billi ħadet inkunsiderazzjoni, waqt l-evalwazzjoni tar-riskju ta’ inadempjenza tal-proġett bil-għan li tiġi stabbilita rata ta’ garanzija adegwata, l-effetti tal-Kuntratt għad-Differenza u l-Ftehim tas-Segretarju tal-Istat. Hija rrilevat, essenzjalment, li xejn ma kien jipprekludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-effetti peress li l-miżuri inkwistjoni kienu jifformaw unità u l-effetti tagħhom, b’mod partikolari l-fluss ta’ dħul iggarantit mill-Kuntratt għad-Differenza, kienu elementi rilevanti għall-analiżi tal-probabbiltà tar-riskju ta’ falliment tal-proġett.

147    Issa, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata sa fejn il-punt 300 tagħha ma jsemmix li, minkejja t-teħid inkunsiderazzjoni tal-Kuntratt għad-Differenza u tal-Ftehim tas-Segretarju tal-Istat, il-garanzija ta’ kreditu kienet suġġetta għall-kundizzjonijiet abitwali tas-suq.

148    Fir-rigward tat-tielet argument tar-Repubblika tal-Awstrija, li jgħid li l-Qorti Ġenerali naqset milli tikkonstata li l-Kummissjoni kienet wettqet żball ta’ liġi, fid-dawl tal-Avviż dwar il-Garanziji li jimponi li jiġi vverifikat jekk min jissellef jinsabx f’diffikultà finanzjarja, fis-sens tal-Linji Gwida dwar l-Impriżi f’Diffikultà, u f’dan ir-rigward qalbet l-oneru tal-prova fil-punt 338 tas-sentenza appellata, għandu jiġi osservat li, minn naħa, il-partijiet ta’ dan l-avviż li fuqhom jibbaża ruħu dan l-Istat Membru ma jirrigwardawx l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern iżda jirrigwardaw l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat.

149    Min-naħa l-oħra, l-imsemmi punt 338 ta’ din is-sentenza, l-uniku wieħed imsemmi mir-Repubblika tal-Awstrija insostenn ta’ dan l-argument, sempliċement jikkonkludi l-eżami, imwettaq fil-punti 323 sa 337 ta’ din is-sentenza, tal-allegazzjonijiet tar-Repubblika tal-Awstrija u tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu li l-provi li huma pproduċew għall-ewwel darba matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali juru li EDF kellha diffikultajiet finanzjarji. Issa, billi kkonkludiet, wara li eżaminathom, li dawn il-provi ma setgħux juru li EDF kienet qiegħda taffaċċja diffikultajiet finanzjarji, fis-sens tal-paragrafu 9 tal-Linji Gwida dwar l-Impriżi f’Diffikultà, il-Qorti Ġenerali ma qalbitx l-oneru tal-prova kif tallega r-Repubblika tal-Awstrija. Għaldaqstant, dan l-argument huwa infondat.

150    Fir-rigward tal-aħħar argument tar-Repubblika tal-Awstrija, li jipprovdi li garanzija pubblika għandha tirrigwarda ammont massimu determinat u għandha tkun limitata ratione temporis, għandu jiġi rrilevat li dan huwa inammissibbli b’konformità mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 91 ta’ din is-sentenza, sa fejn dan ma jindikax b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li tagħha qiegħed jintalab l-annullament.

151    Għaldaqstant it-tieni parti tal-ħames aggravju hija parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata. Konsegwentement, dan il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud.

152    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-appell għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

153    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

154    F’dan il-każ, peress li r-Repubblika tal-Awstrija tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha relatati mal-appell, dawk sostnuti mill-Kummissjoni, kif mitlub minn din tal-aħħar.

155    L-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa applikabbli għall-proċeduri ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, jipprovdi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Konsegwentement, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Ir-Repubblika tal-Awstrija hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Rumanija, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Firem


*      Oikeudenkäyntikieli: saksa.