Language of document : ECLI:EU:F:2009:23

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

12 ta’ Marzu 2009

Kawża F‑104/06

Joséphine Arpaillange et

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Reklutaġġ – Klassifikazzjoni – Ex esperti individwali – Diploma – Esperjenza professjonali – Eċċezzjoni ta’ illegalità”

Suġġett: Rikors, ippreżentat abbażi tal-Artikoli 236 KE u 152 KEFA, li permezz tiegħu J. Arpaillange, flimkien ma’ erba’ membri tal-persunal bil-kuntratt tal-Kummissjoni jitolbu, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ klassifikazzjoni li ngħataw mill-awtorità kompetenti li tikkonkludi kuntratti, hekk kif jirriżultaw mill-kuntratti ta’ impjieg tagħhom .

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Klassifikazzjoni – Membri tal-persunal li jaqgħu taħt il-grupp ta’ funzjonijiet IV

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikoli 79(2) u 86)

2.      Uffiċjali – Ugwaljanza fit-trattament – Trattament iddifferenzjat tad-diversi kategoriji ta' membri tal-persunal fil-qasam tal-garanziji tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali

3.      Uffiċjali – Rikors – Talba għad-danni marbuta ma’ talba għal annullament – Ċaħda tat-talba għal annullament li twassal għaċ-ċaħda tat-talba għad-danni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

1.      Mill-Artikolu 79(2) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra jirriżulta li l-amministrazzjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fl-iffissar tan-numru ta’ snin ta’ esperjenza professjonali meħtieġa għall-klassifikazzjoni tal-membri tal-persunal bil-kuntratt. Peress li l-Artikolu 86 tal-imsemmija kondizzjonijiet tal-impjieg jipprovdi biss klassifikazzjoni fi tliet gradi tal-membri tal-persunal bil-kuntratt imsemmija fl-Artikolu 3a li jaqgħu taħt il-grupp ta’ funzjonijiet IV, id-differenza li tissepara l-limitu baxx mil-limitu għoli tal-perijodu ta’ esperjenza professjonali meħtieġa għal kull wieħed mit-tliet gradi hija neċessarjament għolja. Għalhekk, it-trattament identiku ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt li jinsabu f’sitwazzjonijiet differenti fir-rigward tat-tul tal-esperjenza professjonali tagħhom huwa inerenti għal sistema ta’ tqassim fi tliet gradi tal-membri tal-persunal bil-kuntratt imsemmija fl-Artikolu 3a li jaqgħu taħt il-grupp ta’ funzjonijiet IV.

(ara l-punti 48, 50 u 52)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, T‑213/00, Ġabra p. II‑913, punti 405 sa 410

2.      Peress li l-leġiżlatur Komunitarju huwa liberu li joħloq kategoriji ġodda ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt, li jikkorrispondu għal bżonnijiet leġittimi tal-amministrazzjoni Komunitarja, u peress li d-differenzi tal-istatus li jeżistu bejn id-diversi kategoriji ta’ persuni impjegati mill-Komunitajiet Ewropej, kemm bħala uffiċjali fil-veru sens tal-kelma, kemm skont id-diversi kategoriji ta’ membri tal-persunal li jaqgħu taħt il-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, ma jistgħux jiġu kkontestati, għaliex id-definizzjoni ta’ kull waħda minn dawn il-kategoriji tikkorrispondi għal bżonnijiet leġittimi tal-amministrazzjoni Komunitarja u għan-natura tax-xogħlijiet, permanenti jew temporanji, li din għandha l-missjoni li twettaq, ma jistax jitqies li huwa diskriminazzjoni l-fatt li, mill-perspettiva tal-garanziji tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-benefiċċji ta’ sigurtà soċjali, ċerti kategoriji ta’ persuni impjegati mill-Komunitajiet jistgħu jibbenefikaw minn garanziji jew minn benefiċċji li ma humiex mogħtija lil kategoriji oħra. B’mod partikolari, il-membri tal-persunal bil-kuntratt imsemmija rispettivament fl-Artikolu 3a u fl-Artikolu 3b tal-imsemmija kondizzjonijiet tal-impjieg jaqgħu taħt kategoriji ta’ persunal differenti, inkwantu, b’mod partikolari, it-tieni jistgħu, b’differenza minn tal-ewwel, jikkonkludu biss kuntratt ta’ impjieg għal żmien determinat, li jimplika, b’mod partikolari, klassifikazzjoni ddifferenzjata u, għaldaqstant, livelli ta’ remunerazzjoni differenti.

(ara l-punti 60, 61, 63 u 97)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 6 ta’ Ottubru 1983, Celant et vs Il-Kummissjoni, 118/82 sa 123/82, Ġabra p. 2995, punt 22;

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 30 ta’ Settembru 1998, Ryan vs Il-Qorti tal-Awdituri, T‑121/97, Ġabra p. II‑3885, punti 98 u 104, 9 ta’ Lulju 2007, De Smedt vs Il‑Kummissjoni, T‑415/06 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑0000 u II‑B‑1‑0000, punti 54 u 55;

It-Tribunal għas-Servizz: Pubbliku 19 ta’ Ottubru 2006, De Smedt vs Il‑Kummissjoni, F‑59/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑109 u II‑A‑1‑409, punti  71 u 76

3.      Fir-rikors tal-uffiċjali, it-talbiet għal ħlas ta’ dannu għandhom jiġu miċħuda inkwantu għandhom rabta stretta mat-talbiet għal annullament li huma stess ġew miċħuda jew bħala inammissibbli, jew bħala infondati.

(ara l-punt 137)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 10 ta’ Ġunju 2004, Liakoura vs Il-Kunsill, T‑330/03, ĠabraSP p. I‑A‑191 u II‑859, punt 69, 13 ta’ Diċembru 2005, Cwik vs Il‑Kummissjoni, T‑155/03, T‑157/03 u T‑331/03, ĠabraSP p. I‑A‑411 u II‑1865, punt 207