Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal (England and Wales) (Civil Division) fis-16 ta' Awwissu 2011 - Purely Creative Ltd et vs Office of Fair Trading

(Kawża C-428/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Purely Creative Ltd, Strike Lucky Games Ltd, Winners Club Ltd, McIntyre & Dodd Marketing Ltd, Dodd Marketing Ltd, Adrian Williams, Wendy Ruck, Catherine Cummings, Peter Henry

Konvenut: Office of Fair Trading

Domandi preliminari

Il-prattika pprojbita msemmija fil-paragrafu 31 tal-Anness 1 tad-Direttiva 2005/29/KE 1 tipprojbixxi lil kummerċjanti milli jinformaw lil konsumaturi li rebħu premju jew xi benefiċċju ekwivalenti meta fil-fatt il-konsumatur huwa mistieden li jidħol fi spejjeż, li jinkludu spiża de minimis, sabiex wieħed jitlob il-premju jew benefiċċju ekwivalenti?

Jekk il-kummerċjant joffri lil konsumatur varjetà ta' modi kif jitlob il-premju jew benefiċċju ekwivalenti, il-paragrafu 31 tal-Anness 1 ikun inkiser jekk it-teħid ta' kwalunkwe azzjoni fir-rigward ta' xi waħda mill-metodi sabiex jiġu mitluba l-premji tkun suġġetta għall-fatt li l-konsumatur ikollu jħallas spiża, li tinkludi spiża de minimis?

Jekk il-paragrafu 31 tal-Anness 1 ma jkunx inkiser fejn il-metodu sabiex jintalab premju jinvolvi li l-konsumatur ikollu jħallas spejjeż de minimis biss, il-qorti nazzjonali kif għandha tiddeċiedi jekk tali spejjeż humiex de minimis? B'mod partikolari, tali spejjeż għandhom ikunu totalment neċessarji:

sabiex il-promotur ikun jista' jidentifika lill-konsumatur bħala r-rebbieħ tal-premju, u/jew

għall-konsumatur li jieħu l-premju, u/jew

għall-konsumatur sabiex igawdi l-esperjenza deskritta fil-premju?

L-użu tal-kliem 'impressjoni falza' fil-paragrafu 31 jimponi xi ħtieġa addizzjonali għar-rekwiżit li l-konsumatur iħallas flus jew jinkorri spiża sabiex jitlob il-premju, sabiex il-qorti nazzjonali tistabbilixxi li d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 31 inkisru?

Jekk iva, il-qorti nazzjonali kif sejra tistabbilixxi jekk ingħatatx tali 'impressjoni falza'? B'mod partikolari, il-qorti nazzjonali hija meħtieġa li tikkunsidra l-valur relattiv tal-premju kif ikkomparat mal-ispiża sabiex dan jintalab meta jiġi deċiż jekk ingħatatx 'impressjoni falza'? Jekk iva, dak il-'valur relattiv' għandu jiġi evalwat b'riferiment għall-:

prezz għall-promotur sabiex il-premju jinkiseb; jew

prezz għall-promotur sabiex jingħata l-premju lill-konsumatur; jew

valur li l-konsumatur jista' jattribwixxi lil premju b'riferiment għal evalwazzjoni tal-'valur tas-suq' ta' oġġett ekwivalenti għall-bejgħ?

____________

1 - Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta' Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) ĠU L 149, p. 22