Language of document : ECLI:EU:C:2012:651

Kawża C-428/11

Purely Creative Ltd et

vs

Office of Fair Trading

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal

(England & Wales) (Civil Division))

“Direttiva 2005/29/KE — Prattiċi kummerċjali żleali — Prattika li biha l-konsumatur jiġi informat li rebaħ u li tobbligah jidħol f’xi tip ta’ spiża sabiex jirċievi dan il-premju”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-18 ta’ Ottubru 2012

Protezzjoni tal-konsumaturi — Prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fil-konfront tal-konsumaturi — Direttiva 2005/29 — Prattika kummerċjali aggressiva li biha l-konsumatur jiġi informat li rebaħ premju u li tobbligah jidħol fi spiża sabiex jirċievi dan il-premju — Prattika kummerċjali kkunsidrata żleali fi kwalunkwe ċirkustanza — Obbligu li l-konsumatur jingħata informazzjoni ċara u adegwata dwar il-premju mirbuħ — Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali — Kriterji

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2005/29, premessi 18 u 19, Artikolu 5(2)(b), u l-punt 31 tal-Anness 1)

It-tieni inċiż tal-punt 31 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttivi 84/450, 97/7, 98/27 u 2002/65, u r-Regolament Nru 2006/2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi l-prattiċi aggressivi li permezz tagħhom il-kummerċjanti jagħtu l-impressjoni falza li l-konsumatur diġà rebaħ premju meta t-twettiq ta’ azzjoni fir-rigward tat-talba għal dan il-premju, kemm fir-rigward ta’ talba għal informazzjoni dwar in-natura ta’ dan il-premju u kemm fir-rigward tat-teħid tal-pussess tiegħu, ikun suġġett għall-obbligu, min-naħa tal-konsumatur, li jħallas xi flus jew li jidħol f’xi spiża.

Huwa irrilevanti li l-ispiża imposta fuq il-konsumatur, bħall-prezz ta’ bolla, tkun negliġibbli meta mqabbla mal-valur tal-premju jew li din l-ispiża ma tipprokura ebda benefiċċju għall-kummerċjant.

Huwa irrilevanti wkoll li l-azzjonijiet fir-rigward tat-talba għal premju jistgħu jitwettqu permezz ta’ diversi metodi proposti lill-konsumatur mill-kummerċjant, metodi li minn tal-inqas wieħed minnhom ikun bla ħlas, meta wieħed jew iktar minn dawn il-metodi proposti jirrikjedu li l-konsumatur jidħol fi spiża sabiex jinforma ruħu dwar il-premju jew dwar il-modalitajiet kif jista’ jikseb dan il-premju.

Huma l-qrati nazzjonali li għadhom jevalwaw l-informazzjoni mogħtija lill-konsumaturi fid-dawl tal-premessi 18 u 19 tad-Direttiva 2005/29, kif ukoll tal-Artikolu 5(2)(b) tagħha, jiġifieri billi jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċarezza u n-natura li tinftiehem ta’ din l-informazzjoni min-naħa tal-pubbliku li jkun fil-mira tal-prattika segwita.

(ara l-punt 57 u d-dispożittiv)