Language of document : ECLI:EU:F:2008:47

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

24 ta’ April 2008

Kawża F-61/05

Raffaele Dalmasso

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Reklutaġġ – Klassifikazzjoni fi grupp ta’ funzjonijiet – Talba għar-reviżjoni tal-klassifikazzjoni u tar-remunerazzjoni stabbiliti fil-mument tar-reklutaġġ – Ex membru tal-persunal awżiljarju rreklutat bħala membru tal-persunal bil-kuntratt – Artikolu 3a u Artikolu 80(2) u (3) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg – Kompiti li jaqgħu taħt gruppi differenti ta’ funzjonijiet – Trattament ugwali – Rikors infondat”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu R. Dalmasso jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ, tal-21 ta’ Marzu 2005, li tiċħad it-talba tiegħu tas-7 ta’ Diċembru 2004, ikklassifikata mill-ġdid bħala ilment, imressaq kontra d-deċiżjoni li tistabblixxi l-klassifikazzjoni tiegħu u r-remunerazzjoni tiegħu waqt ir-reklutaġġ tiegħu bħala membru tal-persunal bil-kuntratt, u, sa fejn huwa neċessarju, tad-deċiżjoni originali li tistabbilixxi dawn l-istess klassifikazzjonijiet u remunerazzjonijiet skont il-kuntratt iffirmat fis-16 ta’ Settembru 2005, kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-għoti ta’ kumpens għad-danni u interessi li huwa jevalwa għal EUR 25 000.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Klassifikazzjoni

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 53, u Artikolu 80(2))

2.      Uffiċjali – Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra – Applikabbiltà tat-Titolu IV, dwar il-membri tal-persunal bil-kuntratt, mhux suġġetta għall-adozzjoni minn qabel tad-deskrizzjoni tal-funzjonijiet u tal-kompetenzi fir-rigward ta’ kull tip ta’ kompitu tad-diversi gruppi ta’ funzjonijiet ta’ dawn il-membri tal-persunal

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikoli 53 u 80(3), u Titolu IV Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

3.      Uffiċjali – Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra – Trattament ugwali – Differenzi bejn is-sistema ta’ remunerazzjoni tal-membri tal-persunal awżiljarju u dik tal-membri tal-persunal bil-kuntratt – Nuqqas ta’ diskriminazzjoni

4.      Uffiċjali – Trattament ugwali – Trattament differenti tal-varji kategoriji ta’ membri tal-persunal fil-qasam tal-garanziji tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-benefiċċji ta’ sigurtà soċjali – Nuqqas ta’ diskriminazzjoni

1.      L-amministrazzjoni ma twettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta tikklassifika, fil-grupp ta’ funzjonijiet I, membru tal-persunal bil-kuntratt li ngħata funzjonijiet li jinkludu ċaqliq ta’ barrieri u ta’ bibien, l-organizzazzjoni tal-ġarr, l-ordnijiet ta’ għamara ġdida jew ta’ tiswijiet, il-ġestjoni loġistika tal-arkivji, ir-redazzjoni ta’ kuntratti mal-kap tal-immobbli għal kwistjonijiet relattivi mas-sigurtà, mal-parkings, mal-manutenzjoni u mat-tindif, il-provvista regolari u suffiċjenti tas-servizzi fil-provvista għal użu tal-uffiċċji, is-superviżjoni tal-użu tal-approprijazzjonijiet, l-organizzazzjoni ta’ laqgħat u r-riżervazzjoni ta’ swali, is-superviżjoni tat-talbiet għal provvisti ta’ xorb u ta’ snacks. Fil-fatt, tali funzjonijiet ikopru l-kompiti manwali u ta’ xogħlijiet ta’ uffiċċju li ma jeċċedux, fl-intensità, livell ta’ attività ta’ sostenn amministrattiv fis-sens tal-Artikolu 80(2) tal-Kondizzjonijiet tal-impieg ta’ impjegati oħra, fir-rigward tal-grupp ta’ funzjonijiet I. Barra minn hekk, il-parti ta’ inizjattiva u ta’ awtonomija li hija mogħtija lill-membru tal-persunal bil-kuntratt sabiex iwettaq sew il-kompiti msemmija hawn fuq ma hijiex tali li tqiegħed fid-dubju l-klassifikazzjoni tagħhom ta’ “kompitu manwali jew ta’ appoġġ amministrattiv” fis-sens tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq, u ma timpedix preċiżament li l-kontroll jiġi eżerċitat minn uffiċjali jew minn membri tal-persunal temporanji.

Barra minn hekk, anki jekk il-membru tal-persunal bil-kuntratt kien eżerċita qabel dawn l-istess funzjonijiet bħala membru tal-persunal awżiljarju li jaqa’ taħt il-grupp ta’ funzjonijiet VII, kategorija C, funzjonijiet tat-tip ta’ din il-kategorija, bħala dawk ta’ segretarja, tajpista, telefonista jew membru ieħor tal-persunal f’uffiċċju li għandu xogħlijiet sempliċi, kif previsti fil-paragrafu 3 tal-Artikolu 53 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, jikkorrispondu għal dawk imsemmija fl-Artikolu 80(2) tal-imsemmija kundizzjonijiet rigward il-grupp ta’ funzjonijiet I.

(ara l-punti 52 sa 54, 56 u 57)

2.      L-ebda dispożizzjoni tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra jew tar-Regolament Nru 723/2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, ma tissuġġetta l-applikabbiltà tat-Titolu IV ta’ dawn il-kundizzjonijiet, relattivi għall-membri tal-persunal bil-kuntratt, u b’mod partikolari, għad-dispożizzjonijiet tiegħu relattivi għar-reklutaġġ tagħhom, għall-adozzjoni tad-deskrizzjoni tal-funzjonijiet ta’ kompetenzi li jkopru kull tip ta’ kompitu li jikkaratterizza kull wieħed mill-gruppi ta’ funzjonijiet li jistgħu jappartjenu għalihom il-membri tal-persunal bil-kuntratt, stipulati fl-Artikolu 80(3) tal-imsemmija kundizzjonijiet. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 52 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra – li jipprovdi li l-perijodu attwali tal-impjieg tal-membru tal-persunal awżiljarju, intiżi sabiex jiġu ssostitwiti mill-membri tal-persunal bil-kuntratt, kif ukoll jirriżulta mill-premessa 36 tar-Regolament Nru 723/2004, ma għandux jittawwal iktar mill-31 ta’ Diċembru 2007 u li l-ebda membru tal-persunal awżiljarju ġdid ma jista jiġi impjegat wara l-31 ta’ Diċembru 2006 – huwa tali li jikkonferma l-applikabbiltà immedjata tal-imsemmi Titolu IV inkwantu huwa ma jsemmix f’dan l-artikolu l-implementazzjoni minn qabel tal-Artikolu 80(3) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra.

(ara l-punt 59)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 9 ta’ Lulju 2007, De Smedt vs Il‑Kummissjoni, T‑415/06 P, ĠabraSP p. I‑A‑1‑109 u II‑A‑1‑409, punt 40; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 19 ta’ Ottubru 2006, De Smedt vs Il‑Kummissjoni, F‑59/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑109, II‑A‑1‑409, punt 52

3.      Il-leġiżlatur Komunitarju jista’ f’kull ħin jemenda dawk ir-regoli tar-Regolamenti tal-Persunal li huwa jqis konformi mal-interess tas-servizz u li jadotta, għall-futur, dispożizzjonijiet statutorji iktar sfavorevoli, għall-uffiċjali jew membri tal-persunal ikkonċernati, bil-kundizzjoni madankollu li jkunu ssalvagwardati d-drittijiet regolarment miksuba minn dawn tal-aħħar u li l-persuni speċifikament ikkonċernati mil-leġiżlazzjoni l-ġdida jiġu trattati bl-istess mod. Għaldaqstant huwa ma jistax jiġi kkritikat li rrikorra għal ħolqien ta’ kategorija ġdida ta’ membri tal-persunal, il-membri tal-persunal bil-kuntratt, issuġġettati għal sistema ta’ remunerazzjoni differenti minn dik tal-membri tal-persunal awżiljarju, intiza sabiex tissostitwixxi dik tal-membri tal-persunal awżiljarju u tal-uffiċjali tal-kategorija D, inkwantu d-drittijiet miksuba mill-uffiċjali jew mill-membri tal-persunal irreklutati taħt r-regolamenti l-antiki ma kinux irregolarment imqiegħda fid-dubju u inkwantu l-membri tal-persunal li jaqgħu fil-kategorija l-ġdida kienu ġew ittrattati bl-istess mod. Barra minn hekk, l-informazzjoni disponibbli fuq is-sit intranet tal-Kummissjoni dwar ċerta rata ta’ tnaqqis tar-remunerazzjonijiet, b’konsegwenza tat-trasformazzjoni tal-kuntratti tal-membri tal-persunal awżiljarju f’kuntratti ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt, ma jistgħux iqajmu konfużjoni, fil-persuna kkonċernata, rigward id-dritt għal tnaqqis eżatt, fil-każ ta’ medja li għandha tiġi applikata għall-każijiet individwali differenti.

(ara l-punti 78, 79 u 81)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 19 ta’ Marzu 1975, Gillet vs Il‑Kummissjoni, 28/74, Ġabra p. 463, punti 5 u 6; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 30 ta’ Settembru 1998, Ryan vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, T‑121/97, Ġabra p. II‑3885, punti 98 u 104; 29 ta’ Novembru 2006, Campoli vs Il‑Kummissjoni, T‑135/05, ĠabraSP p. II‑A‑2‑1527, punt 85; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku De Smedt vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 71

4.      Ma jistgħux jitqegħdu fid-dubju d-differenzi tar-regolamenti eżistenti bejn id-diversi kategoriji ta’ persuni impjegati mill-Komunitajiet, kemm bħala uffiċjali proprji, kif ukoll bħala kategoriji differenti ta’ membri tal-persunal li jaqgħu taħt il-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra. Fil-fatt, id-definizzjoni ta’ kull waħda minn dawn il-kategoriji tikkorrispondi għal ħtiġijiet leġittimi tal-amministrazzjoni Komunitarja u għan-natura tal-kompiti, permanenti jew temporanji, li hija għandha l-kompitu li twettaq. Għaldaqstant, ma għandux jitqies li huwa deskriminatorju l-fatt li, mill-perspettiva tal-garanziji statutorji u tal-benefiċċji ta’ sigurtà soċjali, ċerti kategoriji ta’ persuni impjegati mill-Kummissjoni jistgħu jgawdu minn garanziji jew minn benefiċċji li ma humiex mogħtija lil kategoriji oħrajn. B’mod partikolari, is-sitwazzjoni tal-membri tal-persunal irregolati mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra hija kkaratterizzata ġeneralment min-natura kuntrattwali tar-rabta ta’ impjieg, peress li r-rabta ġuridika bejn uffiċjal u l-amministrazzjoni hija ta’ natura statutorja. Jeżistu differenzi ġuridiċi oġġettivi bejn id-diversi kategoriji ta’ persuni impjegati mill-Kummissjoni, tali li l-prinċipju ta’ trattament ugwali ma japplikax f’dan ir-rigward.

(ara l-punt 82)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 6 ta’ Ottubru 1983, Celant et vs Il‑Kummissjoni, 118/82 u 123/82, Ġabra p. 2995, punt 22; Il-Qorti tal-Prim’Istanza De Smedt vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 54 u 55; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku De Smedt vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 76