Language of document : ECLI:EU:F:2015:38

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

29 ta’ April 2015

Kawżi magħquda F‑159/12 u F‑161/12

CJ

vs

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC)

“Servizz Pubbliku — Membri tal-persunal bil-kuntratt — Kuntratt għal żmien determinat — Rexissjoni — Ksur tar-rabta ta’ fiduċja — Dritt ta’ smigħ — Ksur”

Suġġett:      Rikorsi ppreżentati skont l-Artikolu 270 TFUE, li permezz tagħhom CJ jitlob, fl-ewwel lok, l-annullament tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Frar 2012 tad-Direttur taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) li tirrexxindi l-kuntratt tiegħu ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt, kif ukoll il-kumpens tad-dannu materjali li huwa jqis li subixxa minħabba din id-deċiżjoni u, fit-tieni lok, il-kumpens tad-dannu morali allegatament subit.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tal-24 ta’ Frar 2012 tad-direttur taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard li tirrexxindi l-kuntratt ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt ta’ CJ hija annullata. Il-kumplament tar-rikors fil-Kawża F‑159/12 huwa miċħud. Ir-rikors fil-Kawża F‑161/12 huwa miċħud. Fil-kawża F‑159/12, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Fil-Kawża F‑161/12, CJ għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard. Fil-kawża F‑159/12, CJ huwa kkundannat iħallas lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku l-ammont ta’ EUR 2 000 sabiex jirrimborsa parti mill-ispejjeż li setgħu jiġu evitati li dan tal-aħħar kellu jsostni.

Sommarju

1.      Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Espożizzjoni tal-motivi invokati — Motivi addizzjonali esposti biss fl-annessi — Inammissibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 50(1)(e))

2.      Uffiċjali — Membri tal-persunal bil-kuntratt — Rexissjoni antiċipata ta’ kuntratt għal żmien determinat bi preavviż — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Obbligu li jingħata bidu għal proċedura dixxiplinari — Assenza

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikoli 47(b) u 49(1))

3.      Uffiċjali — Membri tal-persunal bil-kuntratt — Rexissjoni antiċipata ta’ kuntratt għal żmien determinat bi preavviż — Dritt ta’ smigħ — Portata — Rexissjoni mingħajr ma l-persuna kkonċernata tiġi avżata — Ksur — Konsegwenzi

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(a); Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 47(b)(ii))

4.      Uffiċjali — Prinċipji — Dritt għall-preżunzjoni ta’ innoċenza — Portata

5.      Uffiċjali — Sistema dixxiplinari — Investigazzjoni qabel il-ftuħ tal-proċedura dixxiplinari — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Anness IX)

6.      Uffiċjali — Membri tal-persunal bil-kuntratt — Rexissjoni antiċipata ta’ kuntratt għal żmien determinat bi preavviż — Ġustifikazzjoni bbażata fuq il-ksur tar-rabta ta’ fiduċja — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 47(b)(ii))

7.      Rikorsi tal-uffiċjali — Rikors għad-danni — Annullament tal-att illegali kkontestat — Kumpens adegwat għad-dannu morali — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

1.      Mill-Artikolu 50(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirriżulta li fir-rikors tiegħu r-rikorrent għandu jindika l-ilmenti preċiżi li dwarhom it-Tribunal għandu jagħti deċiżjoni kif ukoll, għall-inqas f’forma sommarja, il-punti ta’ liġi li fuqhom huma bbażati dawn l-ilmenti.

F’dan ir-rigward, għalkemm ir-rikors jista’ jiġi sostnut u kkompletat, fuq punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal siltiet ta’ dokumenti li huma annessi miegħu, l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali u ma jistgħux iservu sabiex jiżviluppaw motiv espost fil-qosor fir‑rikors billi jressqu lmenti jew argumenti li ma humiex fir-rikors.

Għaldaqstant, l-ilmenti li huma żviluppati biss fl-annessi tar-rikors huma inammissibbli.

(ara l-punti 76 u 77)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Giannini vs Il-Kummissjoni, F‑49/08, EU:F:2009:76, punt 86

2.      Minħabba s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għadha l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ, fil-każ ta’ żball li jista’ jiġġustifika t-tkeċċija ta’ membru tal-persunal temporanju jew membru tal-persunal bil-kuntratt, xejn ma jobbligaha tibda proċedura dixxiplinarja kontra dan tal-aħħar pjuttost milli tirrikorri għall-possibbiltà ta’ rexissjoni unilaterali tal-kuntratt prevista fl-Artikolu 47(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra.

Huwa biss fl-ipoteżi li l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ għandha l-intenzjoni tkeċċi membru tal-persunal temporanju jew membru tal-persunal bil-kuntratt mingħajr preavviż, fil-każ ta’ nuqqas serju ta’ konformità mal-obbligi tiegħu, li jkollha tinbeda, skont l-Artikolu 49(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, il-proċedura dixxiplinari provduta fl-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal u applikabbli b’analoġija għall-membri tal-persunal temporanju u membri tal-persunal bil-kuntratt.

(ara l-punt 81)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza Longinidis vs Cedefop, T‑283/08 P, EU:T:2011:338, punt 100

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi Gomes Moreira vs ECDC, F‑80/11, EU:F:2013:159, punt 49, u CT vs EACEA, F‑36/13, EU:F:2013:190, punt 54

3.      Skont l-Artikolu 41(2(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kull persuna għandha d-dritt li tinstema’ qabel ma tittieħed kontriha miżura individwali li taffettwaha b’mod negattiv. Barra minn hekk, ir-rispett tad-dritt għal smigħ japplika wkoll meta l-leġiżlazzjoni applikabbli ma tipprevedix b’mod espliċitu tali rekwiżit proċedurali.

Peress li deċiżjoni li tirrexxindi l-kuntratt għal żmien determinat bi preavviż ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt abbażi tal-Artikolu 47(b)(ii) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, hija miżura individwali li taffettwa b’mod negattiv lill-membru tal-persunal ikkonċernat, dan għaldaqstant għandu d-dritt li jinstema’ qabel l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni, anki jekk l-imsemmi artikoli ma jipprevedix speċifikament tali dritt.

Għandu jiġi kkonstatat ksur tad-dritt ta’ smigħ meta l-persuna kkonċernata ma kellhiex il-possibbiltà li tippreżenta osservazzjonijiet fuq l-azzjonijiet li l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ qed tippjana li tieħu minħabba l-imġiba tagħha u, b’mod partikolari fuq il-fatt li hija għandha l-intenzjoni ttemm il-kuntratt tagħha qabel.

Madankollu, sabiex il-ksur tad-dritt ta’ smigħ ikun jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ rexissjoni tal-kuntratt, huwa neċessarju wkoll li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti.

F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni li l-kuntratt ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt jintemm qabel l-iskadenza tiegħu, tkun kemm tkun iġġustifikata, tikkostitwixxi att ta’ serjetà estrema kemm għall-istituzzjoni jew l-aġenzija kkonċernata, li kienet għażlitu u impjegatu, normalment fi tmiem proċedura ta’ selezzjoni ferm kompetittiva kif ukoll iktar u iktar għall-membru tal-persunal, li f’daqqa waħda jsib ruħu mingħajr impjieg u li l-karriera tiegħu tista’ tkun affettwata b’mod negattiv għal numru ta’ snin. Minbarra l-fatt li dan huwa dritt fundamentali tal-membru tal-persunal ikkonċernat, l-eżerċizzju minn dan tal-aħħar tad-dritt li jesprimi ruħu b’mod effettiv dwar id-deċiżjoni ta’ tkeċċija prevista jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ, responsabbiltà li għandha tikkonforma ruħha magħha b’mod skrupluż. Ma huwiex l-obbligu tal-qorti tal-Unjoni li tieħu pożizzjoni dwar jekk kinux fattibbli jew le soluzzjonijiet oħra li setgħu jiġu previsti f’każ bħal dan. Fi kwalunkwe każ, li jitqies li l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ kienet tadotta deċiżjoni identika, anki wara li tkun semgħet lill-membru tal-persunal ikkonċernat, iwassal sabiex jitneħħa kull effett tad-dritt fundamentali ta’ smigħ stabbilit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, peress li l-kontenut stess ta’ dan id-dritt jimplika li l-persuna kkonċernata jkollha l-possibbiltà li tinfluwenza l-proċess deċiżjonali inkwistjoni.

(ara l-punti 108 sa 110, 122 sa 124 u 129)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenzi Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill, C‑141/08 P, EU:C:2009:598, punt 83, u Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics, C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041, punti 39 u 79

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi CH vs Il-Parlament, F‑129/12, EU:F:2013:203, punti 34 u 38; Tzikas vs ERA, F‑120/13, EU:F:2014:197, punt 46, u Wahlström vs Frontex, F‑117/13, EU:F:2014:215, punti 28 u 33 u l-ġurisprudenza ċċitata

4.      Id-dritt għall-preżunzjoni ta’ innoċenza jikkostitwixxi dritt fundamentali li l-qrati tal-Unjoni għandhom jiżguraw ir-rispett tiegħu mill-istituzzjonijiet. Dan id-dritt huwa prinċipju ġenerali applikabbli għall-proċeduri amministrattivi b’teħid inkunsiderazzjoni tan-natura tan-nuqqasijiet inkwistjoni kif ukoll tan-natura u l-grad ta’ severità tal-miżuri relatati magħhom. Isegwi li d-dritt għall-preżunzjoni ta’ innoċenza japplika, anki fl-assenza ta’ prosekuzzjoni kriminali, għall-uffiċjal akkużat b’nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi taħt ir-Regolamenti tal-Persunal suffiċjentement serju li jiġġustifika investigazzjoni mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi li fid-dawl tagħha l-amministrazzjoni tkun tista’ tadotta kwalunkwe miżura, jekk ikun il-każ severa, li tqis neċessarja.

Għal dak li jirrigwarda deċiżjoni ta’ rexissjoni tal-kuntratt għal żmien determinat bi preavviż ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt minħabba ksur tar-rabta ta’ fiduċja, dan id-dritt jista’ jinkiser jekk l-amministrazzjoni tiddeċiedi li tirrexxindi l-kuntratt tal-membru tal-persunal ikkonċernat abbażi tas-sempliċi akkużazzjonijiet magħmula kontrih mis-superjur ġerarkiku tiegħu, mingħajr ma tagħti qatt lill-persuna kkonċernata l-possibbiltà li tesprimi ruħha u mingħajr ma tivverifika jekk l-akkużi kontrih humiex iġġustifikati. Madankollu, meta d-deċiżjoni tittieħed wara li tkun seħħet investigazzjoni li matulha l-persuna kkonċernata kellha l-possibbiltà li tesprimi ruħha, ma jkunx hemm kwistjoni ta’ ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza.

(ara l-punti 154 u 155)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza Apostolidis vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, EU:T:1998:71, punt 47

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza BD vs Il-Kummissjoni, F‑36/11, EU:F:2012:49, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata

5.      L-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-għażla tal-persuni li fihom jafdaw investigazzjoni dwar akkużazzjonijiet ta’ insubordinazzjoni. F’dan il-kuntest, l-istituzzjonijiet għandhom jagħżlu persuni adatti għall-kompiti delikati fdati lilhom, mingħajr madankollu ma l-esperjenza ta’ dawn il-persuni bħala investigaturi tkun element deċiżiv f’din l-għażla.

Fid-dawl ta’ din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa, il-persuna kkonċernata ma tistax tikkontesta b’mod validu quddiem il-qorti tal-Unjoni l-għażla tal-amministrazzjoni tagħha billi tibbaża ruħha biss fuq allegat nuqqas ta’ esperjenza tal-investigaturi u mingħajr ma tipprova turi li l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ użat is-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod manifestament żbaljat.

(ara l-punti 174 u 175)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Tzirani vs Il-Kummissjoni, F‑46/11, EU:F:2013:115, punt 121

6.      Ir-rexissjoni antiċipata ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt skont l-Artikolu 47(b)(ii) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tista’ tkun ibbażata fuq imġiba tal-membru tal-persunal ikkonċernat li twassal għall-ksur tar-rabta ta’ fiduċja bejnu u bejn l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ. F’dan ir-rigward, l-awtorità kompetenti għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, billi l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni huwa limitat għall-verifika tal-assenza ta’ żball manifest jew ta’ użu ħażin ta’ poter.

F’dan il-kuntest, l-istabbiliment tal-fatt li l-amministrazzjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti tali li jista’ jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni adottata abbażi ta’ din l-evalwazzjoni jippreżupponi li l-provi, li għandhom jiġu prodotti mir-rikorrent, ikunu suffiċjenti sabiex l-evalwazzjonijiet ikkunsidrati mill-amministrazzjoni ma jibqgħux iktar plawżibbli. Fi kliem ieħor, il-motiv ibbażat fuq żball manifest għandu jiġi miċħud jekk, minkejja l-elementi mressqa mir-rikorrent, l-evalwazzjoni kkontestata tista’ xorta tiġi ammessa bħala ġġustifikata u koerenti.

(ara l-punti 188 u 189)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza ETF vs Michel, T‑108/11 P, EU:T:2013:625, punt 77

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi Mocová vs Il-Kummissjoni, F‑41/11, EU:F:2012:82, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata, u CT vs EACEA, EU:F:2013:190, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata

7.      L-annullament ta’ att ivvizzjat b’illegalità jista’ fih innifsu jikkostitwixxi l-kumpens xieraq u, fil-prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali li dan l-att seta’ kkawża, sakemm ir-rikorrent ma jurix li huwa sofra dannu morali li huwa separat mill-illegalità li fuqha huwa bbażat l-annullament u li ma jistax jiġi kkumpensat totalment b’dan l-annullament.

(ara l-punt 234)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza CP vs Il-Parlament, F‑8/13, EU:F:2014:44, punt 105