Language of document : ECLI:EU:C:2019:32

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fis-17 ta’ Jannar 2019 (1)

Kawża C-637/17

Cogeco Communications Inc

vs

Sport TV Portugal, SA,

Controlinveste-SGPS, SA

u

NOS-SGPS, SA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Judicial da Comarca de Lisboa (il-Qorti Distrettwali ta’ Lisbona, il-Portugall))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Applikazzjoni min-naħa ta’ persuni privati – Direttiva 2014/104/UE – Azzjonijiet għall-kumpens għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (kumpens għad-danni antitrust) – Termini ta’ preskrizzjoni għall-azzjonijiet għall-kumpens għad-danni skont id-dritt nazzjonali – Valur probatorju tad-deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni fil-proċedura għall-kumpens għad-danni – Applikabbiltà ratione temporis tad-direttiva għall-fatti li seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tagħha – Terminu għat-traspożizzjoni tad-direttiva”






I.      Introduzzjoni

1.        L-infurzar privat tar-regoli tal-kompetizzjoni li jinsabu fit-trattati Ewropej (“private enforcement”), bħala t-tieni kolonna maġenb l-infurzar pubbliku (“public enforcement”), akkwista importanza dejjem ikbar fl-aħħar snin. L-azzjonijiet għal kumpens għad-danni privati mibdija mill-vittmi ta’ prattiki kummerċjali antikompetittivi qegħdin dejjem isiru iktar popolari u llum saru element issostitwibbli (2) tas-sistema ddeċentralizzata ta’ implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-akkordji introdotta mir-Regolament (KE) Nru 1/2003 (3). Dawn l-azzjonijiet spiss jinfetħu wara deċiżjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti tal-kompetizzjoni (imsejħa “follow-on actions”), imma xi kultant anki indipendentement minn tali deċiżjonijiet (imsejħa “stand-alone actions”).

2.        Fid-dettall, madankollu hemm diversi kwistjonijiet li għadhom iridu jiġu ċċarati, mhux l-inqas dawk marbutin mad-direttiva l-ġdida dwar l-azzjonijiet għal kumpens għad-danni għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni (Direttiva 2014/104/UE (4)), li sejra tiġi eżaminata għall-ewwel darba mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ ineżami.

3.        Il-Qorti tal-Ġustizzja intalbet tistabbilixxi jekk dispożizzjoni dwar il-preskrizzjoni bħalma hija dik tad-dritt ċivili Portugiż, li, għall-azzjonijiet għal kumpens għad-danni privati bbażati fuq l-abbuż minn pożizzjoni dominanti, kienet tipprovdi terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin, hijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju u sekondarju tal-Unjoni. Il-kawża tirrigwarda barra minn hekk il-valur probatorju tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni quddiem il-qrati ċivili li jiġu aditi biex jiddeċiedu l-imsemmija azzjonijiet għal kumpens għad-danni privati.

4.        Il-fatti li wasslu għall-kawża seħħew qabel il-pubblikazzjoni u d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2014/104, mentri l-azzjoni għall-kumpens għad-danni quddiem il-qorti nazzjonali ġiet ippreżentata wara d-dħul fis-seħħ tad-direttiva, imma qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din tal-aħħar. Huwa minnu li tali terminu għat-traspożizzjoni skada u li l-leġiżlatur Portugiż, reċentement, implimenta d-direttiva – b’ċerta dewmien – fl-ordinament ġuridiku nazzjonali; id-dispożizzjonijiet il-ġodda ma japplikawx madankollu għall-passat u lanqas għall-azzjonijiet mibdija qabel id-dħul fis-seħħ tagħha.

5.        Dan premess, il-kwistjoni hija dwar liema soluzzjonijiet jistgħu jiġu offruti mid-Direttiva 2014/104 għall-finijiet biex tingħata deċiżjoni dwar il-kawża prinċipali u jekk, eventwalment, jistgħux jiġu dedotti ċerti regoli mill-Artikolu 102 TFUE, kif ukoll mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni – partikolarment mill-prinċipju ta’ effettività. F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari wkoll il-fatt li l-kawża prinċipali għandha bħala suġġett relazzjoni ġuridika sempliċiment orizzontali bejn persuni privati.

6.        Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari għandha terġa’ tagħti importanza mhux ftit lill-prassi tal-qrati nazzjonali, kif ukoll lill-applikazzjoni privata tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-akkordji.

II.    Il-qafas legali

A.      Id-dritt tal-Unjoni

7.        Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rilevanti għal dan il-kawża hija magħmula, min-naħa, mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni – b’mod partikolari, l-prinċipju ta’ effettività u d-dritt għal rimedju effettiv – kif ukoll, min-naħa l-oħra, mid-dispożizzjonijiet tad-dritt sussidjarju tar-Regolament Nru 1/2003 u mid-Direttiva 2014/104.

 Ir-Regolament Nru 1/2003

8.        Ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 102 TFUE u l-liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni hija rregolata kif ġej mit-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003:

“Fejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri jew qrati nazzjonali japplikaw liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għal xi kwalunkwe abbuż projbit mil-Artikolu [102 TFUE] tat-Trattat, dawn ħa japplikaw ukoll l-Artikolu [102 TFUE]”.

9.        Barra minn hekk, fit-titolu “Il-poteri ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri”, l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003 fih din id-dispożizzjoni:

“L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri għandhom ikollhom is-setgħa li japplikaw l-Artikol[i 101 u 102 TFUE] f’każijiet individwali. Għal dan il-għan, ja[ġ]ixxu fuq l-inizjattiva proprja tagħh[om] jew fuq xi ilment, dawn jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet li ġejjin:

–        jirrikjedu li xi ksur jiġi mitmum,

–        jordnaw miżuri ntermedjarji,

–        jaċċettaw rbit,

–        jimponu multi, perjodu ta’ pagamenti penali jew xi pieni oħra previsti mil-liġijiet nazzjonali tagħhom.

Fejn fuq bażi ta’ l-informazzjoni li għandhom fil-pussess tagħhom il-kondizzjonijiet għal projbizzjoni m’humiex milħuqa huma għandhom jiddeċiedu li ma hemmx każ li jkun hemm azzjoni mil-parti tagħhom”.

 Id-Direttiva 2014/104

10.      Is-“Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni” tad-Direttiva 2014/104 jinsab deskritt bil-mod kif ġej fl-Artikolu 1:

“1.      Din id-Direttiva tistipula ċerti regoli meħtieġa biex ikun żgurat li kwalunkwe persuna li ġarrbet ħsara kkawżata minn ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni minn impriża jew minn assoċjazzjoni ta’ impriżi, tista’ b’mod effettiv teżerċita d-dritt li titlob għal kumpens sħiħ għal dik il-ħsara minn dik l-impriża jew assoċjazzjoni. Tistabbilixxi regoli li jrawmu l-kompetizzjoni mhux imxekkla fis-suq intern u li jneħħu l-ostakoli għall-funzjonament tajjeb tagħha billi jiżguraw protezzjoni ekwivalenti fl-Unjoni kollha għal dawk li jkunu ġarrbu tali ħsara.

2.      Din id-Direttiva tistipula regoli li jikkoordinaw l-infurzar tar-regoli dwar il-kompetizzjoni mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-infurzar ta’ dawn ir-regoli f’azzjonijiet għad-danni quddiem il-qrati nazzjonali”.

11.      Abbażi tad-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/104, japplika dan li ġej:

“Il-frażi ‘ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni’ tfisser ‘ksur tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE, jew tal-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni’ (punt 1 tal-Artikolu 2 tad-direttiva), u l-frażi ‘il-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni’ tfisser ‘id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li b’mod predominanti jsegwu l-istess għanijiet bħal dawk tal-Artikoli 101 u 102 TFUE u li huma applikati għall-istess każ u b’mod parallel mal-liġi tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, bl-esklużjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jimponu pieni kriminali fuq il-persuna fiżika, ħlief sa fejn dawn il-pieni kriminali huma l-mezz li bih jiġu applikati l-liġijiet tal-kompetizzjoni għall-impriża u jiġu infurzati’ (punt 3 tal-Artikolu 2 tad-direttiva).”

12.      Fuq l-“[e]ffett ta’ deċiżjonijiet nazzjonali”, l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2014/104 jipprovdi dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni misjub b’deċiżjoni finali ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jew minn qorti tal-appell, jiġi meqjus li hu stabbilit b’mod inkontestabbli għall-finijiet ta’ azzjoni għad-danni mressqa quddiem il-qrati nazzjonali tagħhom skont l-Artikoli 101 jew 102 TFUE jew taħt il-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni”.

13.      L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/104 huwa ddedikat għall-“[p]erijodi ta’ preskrizzjoni” u jipprovdi kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom, f’konformità ma’ dan l-Artikolu, jistabbilixxu r-regoli applikabbli għall-perijodi ta’ preskrizzjoni għat-tressiq tal-azzjonijiet għad-danni. Dawk ir-regoli għandhom jiddeterminaw meta jibda l-perijodu ta’ preskrizzjoni, it-tul ta’ żmien tal-perijodu u ċ-ċirkostanzi li taħthom huwa interrott jew sospiż.

2.      Il-perijodi ta’ preskrizzjoni ma jibdewx jiddekorru qabel ma jkun waqaf il-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni u l-attur ikun jaf, jew jista’ jkun raġonevolment mistenni li jkun jaf:

a)      bl imġiba u l-fatt li din tikkostitwixxi ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni;

b)      bil-fatt li l-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni kkawża ħsara lilu; u

c)      l-identità tal-kontraventur.

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-perijodi ta’ preskrizzjoni għat-tressiq ta’ azzjonijiet għad-danni huma mill-inqas ta’ ħames snin.

4.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li perijodu ta’ preskrizzjoni jiġi sospiż jew, skont il-liġi nazzjonali, interrot jekk awtorità tal-kompetizzjoni tieħu azzjoni għall-fini tal-investigazzjoni jew il-proċedimenti tagħha fir-rigward ta’ ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni li miegħu tkun relatata l-azzjoni għad-danni. Is-sospensjoni għandha tintemm l-aktar kmieni sena wara li d-deċiżjoni tal-ksur tkun saret finali jew wara li l-proċedimenti jkunu ntemmu mod ieħor”.

14.      Fit-titolu “[t]raspożizzjoni”, l-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2014/104 jipprovdi dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jaderixxu ma’ din id-Direttiva sas-27 ta’ Diċembru 2016. […]

[…]”

15.      Fl-aħħar nett, fuq l-“[a]pplikazzjoni temporali” tad-Direttiva 2014/104, l-Artikolu 22 jipprovdi dan li ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri nazzjonali adottati skont l-Artikolu 21 sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ din id-Direttiva ma japplikawx retroattivament.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe miżuri nazzjonali adottati skont l-Artikolu 21, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 1, ma japplikawx għal azzjonijiet għal danni mressqa quddiem qorti qabel is-26 ta’ Diċembru 2014”.

16.      Skont l-Artikolu 23 tagħha, id-Direttiva 2014/104 daħlet fis-seħħ fil-25 ta’ Diċembru 2014, fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (5).

B.      Id-dritt nazzjonali

17.      Għal dak li jirrigwarda d-dritt Portugiż, min-naħa, l-Artikolu 498 tal-Código Civil (il-Kodiċi Ċivili) u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 623 tal-Código de Processo Civil (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

18.      L-Artikolu 498 tal-Kodiċi Ċivili jiddisponi dan li ġej:

“1.      It-terminu ta’ preskrizzjoni tad-dritt għal kumpens huwa ta’ tliet snin minn meta l-persuna leża tkun saret taf bid-dritt tagħha għal kumpens, anki jekk il-persuna responsabbli u l-portata eżatta tad-dannu mhux magħrufa, bla ħsara għall-preskrizzjoni ordinarja jekk it-terminu mid-dannu jkun għadda.

2.      Id-dritt ta’ rivalsa bejn il-persuni responsabbli jaqa’ preskritt ukoll bit-terminu ta’ tliet snin, b’effett mit-twettiq.

3.      Meta l-fatt illeċitu jkun jinvolvi reat li għalih il-liġi tistabbilixxi terminu ta’ preskrizzjoni itwal, għandu japplika dan it-terminu itwal.

4.      Il-preskrizzjoni tad-dritt għall-kumpens ma twassalx biex tkun preskritta l-eventwali azzjoni ta’ rivendikazzjoni u lanqas l-azzjoni għall-ħlas tal-arrikkiment inġust”.

19.      L-Artikolu 623 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, bit-titolu “Effett fuq terzi persuni tal-kundanna kriminali”, jipprovdi kif ġej:

“Il-kundanna finali mogħtija fil-proċedura kriminali tikkostitwixxi fir-rigward ta’ terzi preżunzjoni konfutabbli fir-rigward tal-eżistenza tal-fatti li jikkaratterizzaw il-ksur issanzjonat u r-rekwiżiti legali kif ukoll dawk rigward it-tipi tar-reat, f’kull azzjoni ċivili dwar relazzjonijiet legali li jiddependu mit-twettiq tal-ksur.”

20.      Id-Direttiva 2014/104 ġiet implimentata fl-ordinament ġuridiku Portugiż f’Ġunju 2018 biss permezz tal-Liġi Nru 23/2018 (6). Kif jirriżulta mill-Artikolu 25 tagħha, din il-liġi daħlet fis-seħħ 60 jum wara l-pubblikazzjoni tagħha. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet sostantivi tal-imsemmija liġi – inklużi dawk fuq l-oneru tal-prova – fis-sens tal-Artikolu 24 tagħha ma japplikawx retroattivament u d-dispożizzjonijiet proċedurali tal-imsemmija liġi ma japplikawx għall-azzjonijiet ippreżentati qabel id-dħul fis-seħħ tagħha.

III. Il-fatti u l-kawża prinċipali

21.      Cogeco Communications Inc. (Cogeco) hija kumpannija kummerċjali Kanadiża li, b’rikors tas-27 ta’ Frar 2015 quddiem it-Tribunal Judicial da Comarca de Lisboa (7) (il-Qorti Distrettwali ta’ Lisbona, il-Portugall), li hija l-qorti tar-rinviju, bdiet proċedura intiża biex tikseb kumpens għad-danni kontra Sport TV Portugal, SA (Sport TV), Controlinveste-SGPS, SA (Controlinveste) u NOS-SGPS, SA (NOS) tliet kumpanniji Portugiżi (iktar ’il quddiem flimkien il-“konvenuti”), fejn Controlinveste u NOS huma azzjonisti fi Sport TV fil-perijodu rilevanti għall-finijiet tar-rikors.

 Il-kuntest tal-kawża prinċipali mill-aspett tad-dritt tal-kompetizzjoni

22.      Cabovisão – Televisão Por Cabo, SA (Cabovisão), li l-azzjonista tagħha kienet imbagħad Cogeco (8), tipprovdi servizzi televiżivi bi ħlas fil-Portugall. Fit-30 ta’ Lulju 2009, hija ppreżentat denunzja quddiem l-Autoridade da Concorrência (9) (il-Portugall) kontra Sport TV (10), li fiha lmentat kontra prattiki antikompetittivi ta’ din l-impriża fis-settur tal-istazzjonijiet sportivi premium, u b’mod partikolari kontra politika ta’ prezzijiet diskriminatorji, li kienet ibbażata, fil-fehma tagħha, fuq l-abbuż minn pożizzjoni dominanti.

23.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Ġunju 2013 (11), l-Autoridade da Concorrência ikkonstatat li Sport TV kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha stess, fejn kisret b’dan il-mod l-Artikolu 102 TFUE, kif ukoll dispożizzjoni korrispondenti fid-dritt Portugiż (12). Għal dan il-motiv, hija imponiet multa lil Sport TV fl-ammont ta’ EUR 3.73 miljun barra minn piena aċċessorja.

24.      Wara appell minn Sport TV, it-Tribunal da Concorrência, Regulação e Supervisão (13) (il-Qorti tal-Kompetizzjoni, Regolamentazzjoni u Sorveljanza, il-Portugall), b’sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2014, biddlet id-deċiżjoni tal-Autoridade da Concorrência u ddeċidiet li Sport TV kienet ħatja biss ta’ ksur amministrattiv skont id-dritt nazzjonali minħabba abbuż minn pożizzjoni dominanti fil-forma ta’ prattiki ta’ prezzijiet diskriminatorji, imma mhux ukoll ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE (14). Fi kliemha stess, it-Tribunal da Concorrência, Regulação e Supervisão (il-Qorti tal-Kompetizzjoni, Regolamentazzjoni u Sorveljanza) fid-dispożittiv tas-sentenza tagħha ddeċidiet, inter alia, dan li ġej: “L-Artikolu 102 TFUE ma japplikax għall-aġir tal-konvenuta”. Barra minn hekk, hija naqqset il-multa imposta lil Sport TV għal EUR 2.7 miljun u rrevokat ukoll il-piena aċċessorja.

25.      L-appell imressaq minn Sport TV kontra tali sentenza quddiem it-Tribunal da Relação de Lisboa (15) (il-Qorti tal-Appell ta’ Lisbona, il-Portugall) ġie miċħud fil-11 ta’ Marzu 2015.

 Il-kors tal-proċedura ċivili nazzjonali għall-kumpens għad-danni

26.      Bl-azzjoni ċivili tagħha, Cogeco qiegħda titlob issa kumpens għad-danni minħabba l-aġir antikompetittiv illeċitu tat-tliet konvenuti fil-perijodu bejn it-3 ta’ Awwissu 2006 u t-30 ta’ Marzu 2011. Id-dannu invokat, inklużi l-interessi moratorji, jirriżultaw, fl-ewwel lok, mill-ħlasijiet ogħla mħallas minn Cabovisão għad-drittijiet ta’ trażmissjoni tal-programmi ta’ Sport TV; fit-tieni lok, min-nuqqas ta’ ħlas tal-kapital, li ma kienx disponibbli minħabba l-ħlas ogħla, u fit-tielet lok, mit-telf ta’ qliegħ. Sussidjarjament, il-Cogeco qiegħda titlob il-kundanna solidali tat-tliet konvenuti għall-ħlas lura tal-profitti magħmula indebitament minn dawn tal-aħħar.

27.      It-tliet konvenuti eċċepew il-preskrizzjoni. Fil-fehma tagħhom, it-terminu ta’ tliet snin preskrizzjoni previst fid-dritt Portugiż skont l-Artikolu 498(1) tal-Kodiċi Ċivili għall-azzjonijiet ibbażati fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali diġà jinsab skadut. Huma jsostnu li Cogeco kienet fil-pussess, l-iktar tard f’waħda mill-erbgħa dati indikati hawn taħt, tal-informazzjoni neċessarja biex issir taf bl-eżistenza tad-dritt għall-kumpens għad-danni:

–        fit-30 ta’ April 2008, id-data tal-akkwist tad-drittijiet ta’ trażmissjoni għall-programmi ta’ Sport TV min-naħa ta’ Cabovisão,

–        fit-30 ta’ Lulju 2009, id-data tal-preżentazzjoni tad-denunzja ta’ Cabovisão quddiem l-Autoridade da Concorrência,

–        fit-30 ta’ Marzu 2011, id-data li fiha waqaf il-ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni invokati, jew

–        fid-29 ta’ Frar 2012, id-data tal-bejgħ ta’ Cabovisão minn Cogeco.

28.      Cogeco, min-naħa tagħha, issostni li l-preskrizzjoni għadha ma għaddietx. Fil-kawża prinċipali, Cogeco ssostni li t-terminu ta’ preskrizzjoni beda jiddekorri biss bl-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Autoridade da Concorrência fl-14 ta’ Ġunju 2013, peress li huwa biss b’din id-deċiżjoni li l-impriża kellha aċċess għall-informazzjoni kollha neċessarja biex tevalwa l-prattiki antikompetittivi u biex titlob il-kumpens għad-danni. Qabel id-deċiżjoni tal-Autoridade da Concorrência kien hemm biss is-suspett ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Fi kwalunkwe każ, skont Cogeco t-terminu ta’ preskrizzjoni kien sospiż matul il-proċedura quddiem l-Autoridade da Concorrência.

29.      Il-qorti tar-rinviju trid issa tivverifika jekk l-Artikolu 498 tal-Kodiċi Ċivili u l-Artikolu 623 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili humiex konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni. Hija tirrikonoxxi li l-fatti tal-kawża prinċipali seħħew qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2014/104 u allura qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tagħha. Hija tistaqsi, madankollu, filwaqt li tirreferi wkoll għas-sentenzi Van Duyn (16) u Mangold (17), kif ukoll għall-obbligu ta’ lealtà tal-Istati Membri (Artikolu 4(3) TUE), jekk tali direttiva għandhiex eventwalment effetti preliminari, li l-qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni meta tiddeċiedi kwistjoni bejn persuni privati, speċjalment fid-data preżenti, li fiha ilu li skada t-terminu għat-traspożizzjoni tad-direttiva.

IV.    It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

30.      B’digriet tal-25 ta’ Lulju 2017, li wasal fil-15 ta’ Novembru 2017, it-Tribunal Judicial da Comarca de Lisboa (il-Qorti Distrettwali ta’ Lisbona) għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE:

“1)      L-Artikoli 9(1), 10(2), (3) u (4) tad-[Direttiva 2014/104] kif ukoll il-kumplament tad-dispożizzjonijiet tagħha jew il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea applikabbli, jistgħu jiġu interpretati fis-sens li joħolqu drittijiet għal individwu (f’dan il-każ, kumpannija kummerċjali ta’ responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Kanadiż) li dan jista’ jinvoka ġuridikament kontra individwu ieħor (f’dan il-każ, kumpannija kummerċjali ta’ responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Portugiż) fil-kuntest ta’ azzjoni għal kumpens għad-danni allegati mġarrba b’riżultat ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari, meta fid-data għall-preżentata tal-azzjoni ġudizzjarja inkwistjoni (27 ta’ Frar 2015), it-terminu mogħti lill-Istati Membri għat-traspożizzjoni tagħha fid-dritt nazzjonali, skont l-Artikolu 21(1) tad-Direttiva, ikun għadu lanqas skada?

2)      L-Artikolu 10(2), (3) u (4) tad-[Direttiva 2014/104], kif ukoll il-kumplament tad-dispożizzjonijiet tagħha jew il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea applikabbli, jistgħu jiġu interpretati fis-sens li ma hijiex kompatibbli magħhom dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 498(1) tal-Código Civil Português [il-Kodiċi Ċivili Portugiż] li, meta tiġi applikata għal fatti li seħħew qabel il-pubblikazzjoni, qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva u qabel id-data stabbilita għat-traspożizzjoni tagħha, f’azzjoni ġudizzjarja ppreżentata wkoll qabel din id-data tal-aħħar:

a)      tiffissa terminu ta’ preskrizzjoni ta’ 3 snin għal dritt għal kumpens ibbażat fuq ir-responsabbiltà ċivili mhux kuntrattwali;

b)      tistabbilixxi li dan it-terminu ta’ 3 snin għandu jibda jiddekorri mid-data li fiha l-persuna li ġarrab preġudizzju ħadet konjizzjoni tad-drittijiet tagħha, minkejja li mingħajr ma kellhiex għarfien dwar min kienet il-persuna responsabbli u dwar il-portata sħiħa tad-danni; u

c)      teskludi kwalunkwe regola li timponi jew tawtorizza s-sospensjoni jew l-interruzzjoni ta’ dak it-terminu strettament inkwantu awtorità tal-kompetizzjoni adottat miżuri fil-kuntest ta’ investigazzjoni jew ta’ proċeduri relatati mal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni li magħha hija relatata l-azzjoni għal kumpens?

3)      L-Artikolu 9(1) tad-[Direttiva 2014/104] kif ukoll il-kumplament tad-dispożizzjonijiet tagħha jew il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea applikabbli jistgħu jiġu interpretati fis-sens li ma hijiex kompatibbli magħhom dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 623 tal-Código de Processo Civil Português [il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Portugiż] li, meta tiġi applikata għal fatti li seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva u qabel id-data stabbilita għat-traspożizzjoni tagħha, f’azzjoni ġudizzjarja ppreżentata wkoll qabel din id-data tal-aħħar:

a)      tipprovdi li kundanna definittiva mogħtija fi proċeduri ta’ ksur ma tipproduċix effetti f’azzjonijiet ċivili kwalunkwe li fihom jiġu diskussi relazzjonijiet ġuridiċi dipendenti mill-ksur imwettaq? Jew (skont l-interpretazzjoni li tingħata)

b)      tiddeċiedi li tali kundanna definittiva fi proċeduri ta’ ksur tikkostitwixxi biss fir-rigward tat-terzi preżunzjoni konfutabbli li tirrigwarda l-eżistenza tal-fatti li jintegraw il-kundizzjonijiet għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni u elementi tat-tip legali, fi kwalunkwe azzjoni ċivili li fiha jiġu diskussi relazzjonijiet ġuridiċi dipendenti fuq it-twettiq ta’ ksur?

4)      L-Artikoli 9(1), 10(2), (3) u (4) tad-[Direttiva 2014/104], it-tielet paragrafu tal-Artikolu 28 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jew kwalunkwe regola oħra tad-dritt primarju jew sekondarju, ġurisprudenza stabbilita jew prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea applikabbli, jistgħu jiġu interpretati fis-sens li magħhom ma hijiex kompatibbli l-applikazzjoni ta’ regoli tad-dritt nazzjonali bħall-Artikolu 498(1) tal-Kodiċi Ċivili Portugiż u l-Artikolu 623 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Portugiż li, fir-rigward tal-fatti li seħħew qabel il-pubblikazzjoni, id-dħul fis-seħħ u d-data stabbilita għat-traspożizzjoni tad-Direttiva, f’azzjoni ġudizzjarja ppreżentata wkoll qabel din id-data tal-aħħar, ma jiħdux inkunsiderazzjoni t-test u l-għanijiet tad-Direttiva u ma humiex intiżi li jilħqu r-riżultat imfittex minnha?

5)      Sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta fl-affermattiv għal kwalunkwe waħda mid-domandi preċedenti, l-Artikolu 22 tad-Direttiva [2014/104], kif ukoll il-kumplament tad-dispożizzjonijiet tagħha jew il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea applikabbli, jistgħu jiġu interpretati fis-sens li ma hijiex kompatibbli magħhom l-applikazzjoni għall-każ mill-qorti nazzjonali tal-Artikolu 498(1) tal-Kodiċi Ċivili Portugiż jew tal-Artikolu 623 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Portugiż fil-verżjoni attwali tiegħu, iżda interpretati u applikati b’mod li jkunu kompatibbli mal-Artikolu 10 tad-Direttiva?

6)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ħames domanda, individwu jista’ jinvoka l-Artikolu 22 tad-Direttiva [2014/104] kontra individwu ieħor quddiem qorti nazzjonali f’azzjoni għal kumpens għad-danni allegati mġarrba bir-riżultat ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni?”

31.      Fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Cogeco, Sport TV, Controlinveste u NOS bħala partijiet fil-kawża prinċipali, kif ukoll, barra minn hekk, mir-Repubblika Portugiża, mir-Repubblika Taljana u mill-Kummissjoni Ewropea. Bl-eċċezzjoni ta’ Controlinveste u tar-Repubblika Taljana, l-istess partijiet kienu preżenti anki fis-seduta tal-15 ta’ Novembru 2018.

V.      Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

32.      Kif ġie enfasizzat mill-istess qorti tar-rinviju, il-kawża prinċipali tippreżenta żewġ partikolaritajiet:

–        Fl-ewwel lok, il-fatti relatati seħħew qabel l-adozzjoni, kif ukoll id-dħul fis-seħħ, tad-Direttiva 2014/104, u anki l-azzjoni għall-kumpens għad-danni ta’ Cogeco ġiet ippreżentata f’data li, għalkemm wara d-dħul fis-seħħ ta’ tali direttiva, kienet xorta waħda qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tagħha.

–        Fit-tieni lok, l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni fil-Portugall ma rnexxilhiex tikkonvinċi lill-qrati nazzjonali aditi sa dak il-mument, bit-teżi tagħha li skontha l-prattika tariffarja ta’ Sport TV kienet tikser il-projbizzjoni nazzjonali kontra l-abbuż minn pożizzjoni dominanti u kif ukoll il-projbizzjoni korrispondenti tad-dritt tal-Unjoni stabbilita fl-Artikolu 102 TFUE.

33.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jista’ jidher opportun, prima facie, li titqajjem il-kwistjoni dwar jekk din it-talba għal deċiżjoni preliminari hijiex inammissibbli kollha kemm hi jew parzjalment minħabba li irrilevanti.

34.      Għandu jitfakkar madankollu li skont ġurisprudenza stabbilita, it-talbiet għal deċiżjoni preliminari li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandhom favurihom preżunzjoni ta’ rilevanza għall-finijiet tad-deċiżjoni (18). Ma’ dan jiżdied li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara n-nuqqas ta’ rilevanza għall-finijiet tad-deċiżjoni dwar id-domandi preliminari f’każijiet assolutament eċċezzjonali, u partikolarment meta dan in-nuqqas ta’ rilevanza jkun manifest (19).

35.      Fil-każ ineżami, ċertament ma jistax jingħad li teżisti sitwazzjoni ta’ dan it-tip. Id-Direttiva 2014/104 ma hijiex manifestament inapplikabbli, u lanqas ma huwa paċifiku li l-Artikolu 102 TFUE ma jistax japplika f’dan il-każ.

36.      Għal dak li jirrigwarda qabel xejn id-Direttiva 2014/104, ħarsa lejn l-Artikolu 22(2) tagħha turi li tal-inqas xi wħud mid-dispożizzjonijiet tagħha huma bla dubju applikabbli għal rikorsi, li – l-istess bħall-azzjoni ta’ Cogeco fil-każ ineżami – kienu saru pendenti quddiem qrati nazzjonali bejn id-data tad-dħul fis-seħħ tad-direttiva u l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tagħha, u li jirrigwardaw fatti li jmorru lura għall-passat. Il-kwistjoni dwar jekk l-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva 2014/104, involuti b’mod partikolari f’dan il-każ, jistgħux jiġu invokati fir-rigward ta’ każ bħal dak ineżami, ma tirreferix għall-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, iżda hija kwistjoni ta’ natura sostantiva, li tista’ tiġi riżolta biss wara eżami dettaljat tal-imsemmija dispożizzjonijiet tad-direttiva (20).

37.      F’kull każ, fid-dawl tal-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2014/104 ma huwiex possibbli li jiġi argumentat li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva manifestament ma humiex rilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni tal-kawża prinċipali.

38.      Għal dak li jirrigwarda mbagħad l-Artikolu 102 TFUE, huwa minnu li t-Tribunal da Concorrência, Regulação e Supervisão (il-Qorti tal-Kompetizzjoni, Regolamentazzjoni u Sorveljanza), bħala istanza ta’ stħarriġ tad-deċiżjonijiet tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, irrilevat espressament, fil-każ ineżami, li tali dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija “inapplikabbli” għall-aġir ta’ Sport TV u dan ġie sussegwentement ikkonfermat fit-tieni grad mit-Tribunal da Relação de Lisboa (il-Qorti tal-Appell ta’ Lisbona).

39.      Tali deċiżjoni ġudizzjarja ma għandhiex madankollu tikkonkludi b’mod affrettat, waħedha, li l-każ ineżami ma jurix manifestament rabta mad-dritt tal-Unjoni – kemm jekk huwa dritt primarju jew sekondarju – b’mod li kwistjonijiet li jirrigwardaw l-Artikolu 102 TFUE ma jistgħux a priori jkunu rilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni.

40.      Min-naħa, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (21), jeżistu fil-fatt dubji serji dwar il-leġittimazzjoni inġenerali tal-qrati nazzjonali biex jiddikjaraw b’mod vinkolanti li l-Artikolu 102 TFUE huwa “inapplikabbli” għal xi każ wieħed partikolari, bħal f’dan il-każ għall-aġir ta’ Sport TV.

41.      Min-naħa l-oħra, abbażi tal-informazzjoni tal-qorti tar-rinviju fil-mument li ġiet ippreżentata l-azzjoni min-naħa ta’ Cogeco, il-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-Portugall, b’mod partikolari l-Artikolu 623 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, kellha terġa’ tiġi interpretata fis-sens li l-konstatazzjoni ta’ ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni f’deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni kienet tikkostitwixxi, l-iktar l-iktar, għall-finijiet tal-proċeduri ta’ kumpens għad-danni ta’ natura ċivili, preżunzjoni juris tantum. Jekk wieħed jibbaża ruħu fuq tali sitwazzjoni ta’ dritt, ma hemm xejn li jipprekludi b’mod assolut lill-qorti tar-rinviju, skont id-dritt nazzjonali, li tqis l-Artikolu 102 TFUE bħala applikabbli, kontra ta’ dak li ġie deċiż minn qorti oħra fil-proċedura preċedenti fil-qasam tal-kompetizzjoni.

42.      Dan premess, anki d-domandi preliminari li jikkonċernaw il-valur probatorju tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni huma fl-aħħar mill-aħħar għal kollox loġiċi. Fil-fatt, b’dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tixtieq tiżgura biss, essenzjalment, li d-dritt tal-Unjoni – b’mod partikolari l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2014/104 – ma jipprekludilhiex il-possibbiltà li tmur kontra t-teżi ta’ qorti oħra li tkun ġiet adita preċedentement biex teżamina deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li tikkonċerna l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 102 TFUE u li tapplika tali dispożizzjoni tad-dritt primarju tal-Unjoni. Quddiemna għandna kwistjoni ġenwina tad-dritt tal-Unjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba ssolvi u li minnha jista’ jiddependi b’mod deċiżiv il-futur tal-azzjoni ta’ Cogeco fil-kawża prinċipali.

43.      Għaldaqstant, b’mod ġenerali, ma teżistix raġuni biex tiġi miċħuda r-rilevanza sħiħa jew parzjali tad-deċiżjoni dwar il-punti ta’ liġi tal-Unjoni mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u għaldaqstant, essenzjalment, l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

VI.    Evalwazzjoni sostantiva tad-domandi preliminari

44.      Id-dritt tal-Unjoni, skont ġurisprudenza stabbilita, jobbliga lill-qrati nazzjonali, anki f’kawża bejn persuni privati, li jiżguraw il-protezzjoni legali għall-partijiet f’kawża li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u jiggarantixxu l-effett sħiħ tagħhom (22). It-talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunal Judicial da Comarca de Lisboa (il-Qorti Distrettwali ta’ Lisbona) hija kkaratterizzata b’mod ċar mill-intenzjoni li jkun osservat tali obbligu tad-dritt tal-Unjoni.

45.      Permezz tas-sitt domandi (globali) tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar jekk mid-dritt tal-Unjoni jirriżultawx xi rekwiżiti għall-proċeduri ċivili bejn persuni privati, li fihom jitressqu punti legali li jikkonċernaw il-preskrizzjoni tad-dritt għall-kumpens tad-dannu bbażat fuq ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni u l-prova tal-imsemmi ksur. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ssemmi, fl-ewwel lok, id-Direttiva 2014/104, b’mod partikolari l-Artikoli 9, 10 u 22 tagħha. Hija ma tillimitax ruħha madankollu għal tali dispożizzjonijiet ta’ dritt sekondarju; pjuttost, il-qorti tar-rinviju tieħu inkunsiderazzjoni espressament ukoll il-“prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni applikabbli” u għaldaqstant, finalment, id-dritt primarju tal-Unjoni. Fid-dritt primarju tinsab stabbilita, ukoll, il-projbizzjoni kontra l-abbuż minn pożizzjoni dominanti (Artikolu 102 TFUE), li jieħu rilevanza partikolari għall-każ ineżami. Għall-finijiet li tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju (23), il-kwistjonijiet kollha li jikkonċernaw il-“prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni applikabbli” għandhom jinftiehmu fis-sens li dawn jirreferu b’mod prinċipali għall-Artikolu 102 TFUE u għall-prinċipju ta’ effettività.

A.      Osservazzjonijiet preliminari dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 102 TFUE u tad-Direttiva 2014/104

46.      F’kull waħda mis-sitt domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi, b’formulazzjoni kważi identika, għad-Direttiva 2014/104, għall-“prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea applikabbli” jew għat-tnejn li huma. Dan premess, jeħtieġ li jiġu ċċarati b’mod preliminari d-dubji kollha eventwali li jirrigwardaw l-applikabbiltà tal-Artikolu 102 TFUE u tad-direttiva.

1.      Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 102 TFUE

47.      Ratione temporis, l-Artikolu 102 TFUE – u rispettivament, l-Artikolu 82 KE, li għandu kontenut identiku, għall-perijodu ta’ qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona – ċertament li japplika għall-fatti tal-kawża prinċipali.

48.      Madankollu, jistgħu jqumu dubji dwar l-applikabbiltà ratione materiae tal-Artikolu 102 TFUE fil-kawża prinċipali, fid-dawl tas-sentenzi mogħtija preċedentement miż-żewġ qrati Portugiżi aditi biex jiddeċiedu f’dan il-każ fuq il-leġittimità tad-deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li tikkonċerna l-aġir kummerċjali ta’ Sport TV. Kif ingħad diġà, it-Tribunal da Concorrência, Regulação e Supervisão (il-Qorti tal-Kompetizzjoni, Regolamentazzjoni u Sorveljanza) iddistakkat ruħha f’dan ir-rigward mit-teżi tal-Autoridade da Concorrência u ddikjarat espressament li l-Artikolu 102 TFUE “ma japplikax għall-aġir ta’ Sport TV”; dan ma baqax jiġi kkontestat fil-kawża sussegwenti ta’ annullament quddiem it-Tribunal da Relação de Lisboa (il-Qorti tal-Appell ta’ Lisbona).

49.      Barra minn hekk, tali konstatazzjoni li tinsab fis-sentenzi ta’ qrati nazzjonali oħra ma tistax tiġi interpretata b’mod żbaljat fis-sens li, abbażi tal-istess, l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 102 TFUE tinsab issa aċċertata b’effett vinkolanti anki għall-qorti tar-rinviju fil-proċedura tal-kumpens għad-danni. Fil-fatt, fis-sistema ddeċentralizzata intiża għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-akkordji, ma hemm ebda awtorità nazzjonali li tispetta lilha l-kompetenza li taċċerta, b’effett vinkolanti għall-awtoritajiet nazzjonali l-oħra jew ukoll għall-Kummissjoni, l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 102 TFUE jew li tiddikjara li la ma jeżisti ebda aġir abbużiv fis-sens ta’ tali dispożizzjoni.

50.      Fir-rigward tal-kompetenzi tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, dan diġà ġie dedott mill-Qorti tal-Ġustizzja xi snin ilu, fis-sentenza Tele 2 Polska, mill-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003 (24). Din l-aħħar dispożizzjoni, fil-każ ta’ provi insuffiċjenti dwar il-ksur tal-Artikolu 102 TFUE, tillimita l-kompetenzi tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni biex jiddeċiedu li ma għandhomx raġuni biex jintervjenu. Fil-fatt, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ma għandhomx il-possibbiltà li jagħmlu l-konstatazzjoni, deċiżament iktar wiesgħa, tal-ineżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE.

51.      L-istess għandu japplika meta l-qrati nazzjonali aditi fil-kuntest ta’ rikors – bħal f’dan il-każ – li jbiddlu d-deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, jaslu għall-konklużjoni li huma nieqsa ċerti rekwiżiti biex huma jkunu jistgħu jqisu li hemm ksur tal-Artikolu 102 TFUE. Lanqas f’dak il-każ ma jistgħu huma jiddikjaraw b’mod sommarju l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 102 TFUE jew jaċċertaw, b’mod vinkolanti għal proċeduri oħra, in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ ksur fil-konfront tal-imsemmija dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Lanqas il-kompetenza tal-qrati nazzjonali biex japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE (25), ripetuta mill-ġdid fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1/2003, ma tista’ twassal għal riżultat differenti. Inkwantu dawk il-qrati ma jintervjenux bħala awtoritajiet tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003, l-istħarriġ tagħhom jista’ jkollu bħala suġġett id-deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali responsabbli mill-kompetizzjoni skont ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 5 tar-Regolament 1/2003. Bla ħsara għall-kompetenzi ta’ stħarriġ tagħhom skont id-dritt nazzjonali, għandu jiġi eskluż fi kwalunkwe każ, f’każ ta’ dan it-tip, li d-deċiżjoni tagħhom tillimita l-kompetenza ta’ qorti oħra, pereżempju fil-kuntest ta’ azzjoni għall-kumpens għad-danni, fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1/2003.

52.      Il-limitazzjoni tal-kompetenzi tal-awtorità nazzjonali min-naħa tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003 hija intiża b’mod partikolari biex finalment tiggarantixxi li, f’sistema ta’ applikazzjoni ddeċentralizzata tar-regoli ta’ kompetizzjoni, awtorità kompetenti nazzjonali ma torbotx lil awtorità oħra, daqstant ieħor kompetenti. B’mod partikolari, il-vittmi ta’ ksur fil-qasam tal-akkordji għandhom ikunu jistgħu jitolbu, f’kawża ċivili, kumpens għall-eventwali danni mhux biss fil-kuntest ta’ dawk li jissejħu “follow-on actions” (jiġifieri permezz ta’ rikorsi li jsiru wara l-konstatazzjoni amministrattiva ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni), imma wkoll fil-kuntest ta’ dawn li jissejħu “stand-alone actions” (jiġifieri permezz ta’ rikorsi li jkunu indipendenti mill-eventwali konstatazzjonijiet amministrattivi) (26). Dan l-għan għandu jittieħed inkunsiderazzjoni anki fil-kuntest tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1/2003.

53.      Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel b’mod awtonomu fil-kawża prinċipali l-aċċertamenti neċessarji dwar l-applikabbiltà ratione materiae tal-Artikolu 102 TFUE – u b’mod partikolari fuq l-idoneità biex l-aġir kummerċjali ta’ Sport TV jippreġudika b’mod sinjifikattiv il-kummerċ bejn l-Istati Membri (27) – mingħajr ma din tkun f’dan ir-rigward marbuta bil-konstatazzjoni preċedenti dwar l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 102 TFUE li tkun saret minn qrati nazzjonali oħra aditi b’dak il-każ preċedentement.

2.      Rigward l-applikabbiltà tad-Direttiva 2014/104

54.      Għal dak li jirrigwarda d-Direttiva 2014/104, hemm dubju mhux biss dwar kemm din tapplika ratione materiae għall-kawża prinċipali, imma b’mod partikolari dwar kemm din tapplika ratione temporis.

a)      Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-direttiva

55.      Il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2014/104 jiġi ddefinit mill-Artikolu 1 flimkien mal-Artikolu 2 tagħha.

56.      Skont l-Artikolu 1(1) tagħha, id-direttiva għandha bħala suġġett il-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni min-naħa ta’ impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u fiha dispożizzjonijiet intiżi li jiggarantixxu b’mod effikaċi lil kulħadd il-kumpens għad-danni kkaġunati mill-imsemmija ksur.

57.      Il-kunċett ta’ “ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni” jiġi ppreċiżat, min-naħa tiegħu, fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-direttiva fis-sens li jirrigwarda ksur tal-Artikoli 101 jew 102 TFUE jew tal-liġi nazzjonali tal-kompetizzjoni. Il-“liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni” tfisser, skont il-punt 3 tal-Artikolu 2 tad-direttiva, dawk id-dispożizzjonijiet biss tal-liġi nazzjonali li jiġu applikati għall-istess każ u b’mod parallel mal-liġi tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni.

58.      Minn qari tal-Artikolu 1(1) u tal-punti 1 u 3 tal-Artikolu 2 flimkien jirriżulta għaldaqstant li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2014/104 huwa limitat għall-tilwimiet li għandhom bħala suġġett drittijiet għall-kumpens għad-dannu bbażati – fi kwalunkwe każ anki – fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-akkordji. Min-naħa l-oħra, id-drittijiet ibbażati esklużivament fuq ksur tal-liġi nazzjonali tal-kompetizzjoni ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-direttiva. Dan isib spjegazzjoni fid-dawl tal-għan tad-direttiva, li, skont l-Artikolu 1 tagħha, hija intiża li tiggarantixxi li kull persuna jkollha protezzjoni ekwivalenti fis-suq intern (28). Madankollu, jkollhom rabta suffiċjenti mas-suq intern dawk il-każijiet biss li fihom “element transkonfinali” kif imsemmi fl-Artikolu 101 TFUE jew, rispettivament, fl-Artikolu 102 TFUE, li fihom ikun jista’ jiġi kkonstatat li jeżisti – tal-inqas potenzjalment – preġudizzju sostanzjali għall-kummerċ bejn l-Istati Membri.

59.      Kif intwera qabel (29), huwa impossibbli li l-qorti tar-rinviju, fil-kawża prinċipali, tapplika l-Artikolu 102 TFUE mhux biss inkwantu t-Tribunal da Concorrência, Regulação e Supervisão (il-Qorti tal-Kompetizzjoni, Regolamentazzjoni u Sorveljanza) kienet, qabel, iddikjarat tali dispożizzjoni “inapplikabbli” għall-istess każ. Pjuttost, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel, b’mod awtonomu, l-aċċertamenti neċessarji dwar l-applikabbiltà ratione materiae tal-Artikolu 102 TFUE, u għaldaqstant fl-istess ħin ukoll l-aċċertamenti li jikkonċernaw l-applikabbiltà ratione materiae tad-Direttiva 2014/104.

b)      Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-Artikoli 9 u 10 tad-direttiva

60.      Il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-Direttiva 2014/104 huwa limitat mill-Artikolu 22 tagħha fis-sens li, għad-dispożizzjonijiet sostantivi intiżi għall-implimentazzjoni tagħha, hemm projbizzjoni ġenerali kontra l-applikazzjoni retroattiva (ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva). Huwa minnu li d-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ implimentazzjoni l-oħra kollha – jiġifieri, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet proċedurali – għandhom dejjem jiġu applikati għal fatti li jmorru lura għall-perijodu ta’ qabel id-dħul fis-seħħ tad-direttiva; dan japplika biss madankollu fil-kuntest ta’ rikorsi ppreżentati wara d-dħul fis-seħħ tad-direttiva.

61.      Id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 9(1) u fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/104, li huma s-suġġett tal-każ ineżami, ma humiex madankollu sempliċiment dispożizzjonijiet proċedurali.

62.      Min-naħa, il-kwistjoni tal-valur probatorju li, skont l-Artikolu 9(1) tad-direttiva, għandu jingħata lid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għall-finijiet biex jintwera l-ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, hija kwistjoni ta’ dritt sostantiv.

63.      U, min-naħa l-oħra, skont l-indikazzjonijiet, li ma ġewx kontradetti, ipprovduti minn diversi partijiet fil-proċedura, id-dritt Portugiż f’kull każ jistabbilixxi wkoll min-naħa tiegħu, preskrizzjoni għad-dritt sostantiv, li għaliha jirreferi l-Artikolu 10 tad-direttiva. Fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-kwistjoni tal-preskrizzjoni tad-dritt għall-kumpens tad-dannu, l-ordinament ġuridiku Portugiż jibqa’ liberu li jagħmel preċiżament tali sistema fid-dritt sostantiv (30). Fil-fatt, ma huwiex meħtieġ li jiġi eżaminat sa fejn tali sistema tiġi kkontestata, fid-dawl tal-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2014/104, minħabba t-traspożizzjoni tad-direttiva li seħħet fil-frattemp (31), kif ġie enfasizzat b’mod korrett mid-diversi parteċipanti fis-seduta, peress li f’kull każ tali dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ implimentazzjoni ma jistgħux “jerġgħu jqajmu” drittijiet li jkunu diġà preskritti skont id-dritt preċedentement fis-seħħ.

64.      Mill-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2014/104 jsegwi għaldaqstant li la l-Artikolu 9 u lanqas l-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva ma japplikaw għal rikors bħal dak li huwa pendenti fil-kawża prinċipali, li, għalkemm ġie ppreżentat wara d-dħul fis-seħħ tad-direttiva, jirreferi madankollu għal fatti li jmorru lura għall-perijodu ta’ qabel l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tal-istess direttiva (32). Barra minn hekk, f’kull każ l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2014/104 ma jipprekludix dispożizzjoni li tikkonċerna l-applikabbiltà ratione temporis tal-miżuri tat-traspożizzjoni, li skontha d-dispożizzjonijiet proċedurali tal-liġi inkwistjoni ma japplikawx għal rikorsi ppreżentati qabel id-dħul fis-seħħ tagħha (33).

B.      L-effetti tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fir-relazzjonijiet bejn persuni privati (l-ewwel u s-sitt domanda preliminari)

65.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha u permezz tas-sitt domanda, imressqa b’mod sussidjarju, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2014/104, min-naħa, u l-“prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni applikabbli” – jiġifieri b’mod partikolari l-Artikolu 102 TFUE – min-naħa l-oħra, jistgħux ikollhom effett dirett bejn persuni privati (bejn “individwi”). Huwa xieraq li dawn iż-żewġ domandi jiġu eżaminati flimkien.

66.      Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 102 TFUE, skont ġurisprudenza stabbilita, il-projbizzjoni kontra l-abbuż minn pożizzjoni dominanti stabbilita f’din id-dispożizzjoni tad-dritt primarju tipproduċi effetti diretti fir-relazzjonijiet bejn l-individwi u toħloq drittijiet għall-partijiet f’kawża li għandhom jitħarsu mill-qrati nazzjonali (34).

67.      Min-naħa l-oħra, il-każ tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/104 f’kawża bħal din, huwa differenti.

68.      Huwa minnu li anki d-direttivi jistgħu fil-verità joħolqu effetti diretti meta – kif ġara f’dan il-każ, it-terminu għat-traspożizzjoni tagħhom jkun skada u, barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tad-direttiva inkwistjoni jkunu, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi (35). Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, direttiva ma tistax minnha nnifisha timponi obbligi fuq individwu u għalhekk ma tistax tiġi invokata bħala tali fil-konfront tiegħu (36).

69.      Barra minn hekk, id-Direttiva 2014/104 ma jistax jiġi attribwit lilha dak li jissejjaħ “effet d’exclusion” (37) b’mod li dispożizzjonijiet nazzjonali inkompatibbli mad-direttiva, bħall-Artikolu 498 tal-Kodiċi Ċivili u l-Artikolu 623 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, sempliċiment ma jiġux applikati f’kawża bejn persuni privati. Reċentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet kategorikament it-teorija tal-“effet d’exclusion”, u ddikjarat li qorti nazzjonali ma hijiex marbuta, abbażi biss tad-dritt tal-Unjoni, li tħalli mhux applikati d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tagħha kuntrarji għad-dispożizzjonijiet ta’ xi direttiva fi kwistjoni bejn persuni privati (38).

70.      Ma’ dan jiżdied, fil-kawża ineżami, li direttiva diffiċli li tiġi applikata barra mil-limiti ta’ applikazzjoni temporali tagħha. Peress li l-fatti tal-kawża prinċipali, kif ingħad qabel (39), ma jaqgħux, mill-perspettiva temporali, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 9 u 10 tad-direttiva, il-partijiet ma jistgħux jinvokaw tali dispożizzjonijiet tad-direttiva quddiem il-qorti nazzjonali.

71.      Bħala risposta għall-ewwel domanda preliminari, jeħtieġ li jiġi rilevat dan li ġej:

L-Artikolu 102 TFUE joħloq effett dirett fir-relazzjonijiet bejn l-individwi. Min-naħa l-oħra, l-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva 2014/104 ma humiex direttament applikabbli għal tilwima bejn individwi, meta l-azzjoni ċivili tkun ġiet ippreżentata qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva u tirrigwarda fatti li jkunu seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tagħha.

C.      Preskrizzjoni tad-dritt għall-kumpens għad-danni minħabba ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni (it-tieni domanda preliminari)

72.      It-tieni domanda preliminari hija ddedikata għall-preskrizzjoni tad-dritt għall-kumpens għad-danni fis-sens tad-dritt nazzjonali. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva 2014/104, min-naħa, u l-“prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni applikabbli”, min-naħa l-oħra, jipprekludux dispożizzjoni fuq il-preskrizzjoni bħal dik Portugiża tal-Artikolu 498(1) tal-Kodiċi Ċivili, li skontha t-terminu tal-preskrizzjoni għall-azzjonijiet ċivili għall-kumpens għad-dannu bbażati fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali hija ta’ tliet snin, b’effett mid-data li fiha l-parti li ġarrbet il-ħsara tkun saret taf bl-eżistenza ta’ dannu, u li ma tipprovdix għall-possibbiltà ta’ sospensjoni jew interruzzjoni fil-mori ta’ proċedura amministrattiva quddiem l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni.

73.      Peress li l-każ ineżami, kif ingħad qabel, jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-Direttiva 2014/104, u b’mod partikolari tal-Artikolu 10 tagħha, dispożizzjoni fuq il-preskrizzjoni bħalma hija dik tal-Artikolu 498(1) tal-Kodiċi Ċivili fil-kawża prinċipali tista’ tiġi evalwata biss fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, imma mhux fid-dawl tad-direttiva.

74.      Fir-rigward tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi osservat li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u l-qrati tagħhom huma obbligati li japplikaw l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE, meta l-fatti jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li jiżguraw l-implementazzjoni effettiva tagħhom fl-interess pubbliku (40). Il-qorti tar-rinviju, għaldaqstant, jekk tasal għall-konklużjoni li l-aġir kummerċjali ta’ Sport TV kien idoneu biex jippreġudika b’mod sinjifikattiv il-kummerċ bejn l-Istati Membri, ikollha tapplika l-Artikolu 102 TFUE fil-kawża prinċipali u tipprovdi biex id-dritt tal-vittmi għall-kumpens għad-danni minħabba abbuż minn pożizzjoni dominanti (41) jkun jista’ jiġi implimentat b’mod effikaċi.

75.      Sakemm ma tkunx seħħet l-armonizzazzjoni implimentata mid-Direttiva 2014/104, l-eżerċizzju tad-dritt għall-kumpens għad-dannu jibqa’ rregolat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru rispettiv, bil-kundizzjoni li jiġu osservati l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (42).

76.      Peress li r-regola dwar il-preskrizzjoni pprovduta fl-Artikolu 498 tal-Kodiċi Ċivili, skont l-indikazzjonijiet konkordanti tal-partijiet fil-kawża, tapplika wkoll għad-dritt għall-kumpens għad-danni bbażat fuq id-dritt tal-Unjoni kif ukoll għal dak ibbażat fuq id-dritt nazzjonali, f’dan il-każ ma jistax jitqies li jeżisti ksur tal-prinċipju ta’ ekwivalenza.

77.      Min-naħa l-oħra, teħtieġ eżami iktar dettaljat il-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija dispożizzjoni dwar il-preskrizzjoni hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività, li jistabbilixxi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali ma għandhomx irendu prattikament impossibbli u eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (43).

78.      Is-sempliċi fatt li dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 498(1) tal-Kodiċi Ċivili jissuġġetta d-dritt għall-kumpens għad-danni bbażat fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin diffiċilment jista’ jitqies bħala ksur tal-prinċipju ta’ effettività. Għall-vittmi potenzjali, fil-fatt, tliet snin huma perijodu suffiċjentement twil biex jinvokaw id-drittijiet tagħhom għall-kumpens għad-danni li joħorġu mid-dritt tal-Unjoni, b’mod ġudizzjarju quddiem qorti ċivili.

79.      Huwa minnu li, sadanittant, l-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2014/104 introduċa, għall-azzjonijiet għall-kumpens għad-danni fil-qasam tal-akkordji, terminu ta’ preskrizzjoni iktar favorevoli ta’ mill-inqas ħames snin. Dan ma jfissirx, madankollu, li terminu ta’ preskrizzjoni iqsar stabbilit mil-liġi, li huwa applikabbli sa dak il-mument fuq livell nazzjonali, irendi impossibbli a priori jew eċċessivament diffiċli li wieħed jinvoka drittijiet għall-kumpens għad-danni minħabba ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

80.      Bit-terminu ta’ preskrizzjoni armonizzat ta’ mill-inqas ħames snin, kif previst issa fl-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2014/104, il-leġiżlatur tal-Unjoni għamel pass lejn it-titjib tal-protezzjoni legali għall-vittmi ta’ ksur fil-qasam tal-akkordji. Tali dispożizzjoni tad-Direttiva ma għandhiex tkun intiża bħala sempliċi kodifikazzjoni ta’ dak li kien diġà jirriżulta sa issa – impliċitament – mid-dritt primarju, senjatament mill-Artikolu 102 TFUE u mill-prinċipju ta’ effettività.

81.      Madankollu kif ġie enfasizzat b’mod korrett mill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-eżami tal-effettività ma huwiex suffiċjenti li jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod iżolat elementi individwali tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-preskrizzjoni. Pjuttost, dak li huwa importanti huwa li ssir evalwazzjoni tal-istess leġiżlazzjoni fil-kumplessità tagħha (44).

82.      F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li dispożizzjoni nazzjonali bħalma hija dik Portugiża msemmija fl-Artikolu 498(1) tal-Kodiċi Ċivili ma hijiex limitata biex tillimita t-termini tal-preskrizzjoni għal tliet snin. Pjuttost, tali dispożizzjoni hija kkaratterizzata, min-naħa, bil-fatt li t-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri indipendentement mill-fatt jekk il-persuna li tkun ġarrbet il-ħsara tkunx taf jew l-identità tal-persuna responsabbli jew kemm ikunu kbar id-danni. Min-naħa l-oħra, tali dispożizzjoni ma tipprovdi għal ebda sospensjoni jew interruzzjoni tal-preskrizzjoni fil-mori ta’ proċedura quddiem l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni (45).

83.      Kemm il-fatt li t-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mingħajr ma jkunu magħrufa l-identità tal-awtur tad-dannu u l-kobor kumplessiv tal-istess dannu kif ukoll l-assenza ta’ sospensjoni jew ta’ interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni fil-mori ta’ proċedura mibdija mill-awtorità tal-kompetizzjoni huma idonei, fil-fehma tiegħi, biex irendu eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt għall-kumpens għad-danni fil-qasam tal-akkordji.

84.      Min-naħa, anki u fuq kollox fid-dritt fil-qasam tal-akkordji, għall-eżerċizzju effikaċi tad-dritt għall-kumpens għad-danni bbażat fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali, b’mod partikolari b’mod ġudizzjarju, wieħed ma jistax jaġixxi mingħajr ma jkollu l-għarfien tal-identità tal-persuna responsabbli. Fil-fatt, l-impriżi responsabbli għall-ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni ħafna mid-drabi jkunu organizzati fil-forma ta’ persuni ġuridiċi, li mhux rarament ikunu jifformaw parti minn grupp ta’ impriżi jew strutturi ta’ grupp li jkun diffiċli għal terzi persuni li jifhmu l-istruttura u jistgħu barra minn hekk, matul iż-żmien, ikunu s-suġġett ta’ ristrutturazzjonijiet.

85.      Min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni legali korretta tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni teżiġi, f’diversi każijiet, l-evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, kif ukoll ta’ dokumenti tal-kumpanniji interni li spiss joħorġu biss minħabba x-xogħol tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni (46).

86.      Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, fir-rigward tat-tieni domanda preliminari jeħtieġ li jiġi rilevat dan li ġej:

L-Artikolu 102 TFUE flimkien mal-prinċipju ta’ effettività stabbilit fid-dritt tal-Unjoni jipprekludi dispożizzjoni bħalma hija l-Artikolu 498(1) tal-Kodiċi Ċivili Portugiż, li, għad-dritt għall-kumpens għad-danni bbażat fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali minħabba abbuż minn pożizzjoni dominanti, jistabbilixxi terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin, li jibda jiddekorri anki meta l-persuna li tkun ġarrbet id-dannu tkun għadha ma tafx la l-identità tal-persuna responsabbli u lanqas il-kobor kumplessiv tad-danni u li ma jiġix sospiż u lanqas interrott fil-mori ta’ proċedura mibdija mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni sabiex tindaga u tissanzjona tali ksur.

D.      Il-valur probatorju tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali (it-tielet domanda preliminari)

87.      It-tielet domanda preliminari tirrigwarda l-prova tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, li minħabba fih jintalab il-kumpens għad-dannu. Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva 2014/104, min-naħa, u l-“prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni applikabbli”, min-naħa l-oħra, jipprekludux dispożizzjoni bħalma hija dik Portugiża tal-Artikolu 623 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, li skontha l-aċċertament finali ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni fi proċedura li għandha bħala suġġett il-ksur u li tkun inbdiet mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ma jkollhiex effett fuq il-proċeduri ċivili għall-kumpens għad-danni, jew tikkostitwixxi biss preżunzjoni relattiva.

88.      Peress li l-każ ineżami, kif issemma qabel, jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-Direttiva 2014/104 u b’mod partikolari tal-Artikolu 9 tagħha, sistema probatorja bħal dik tal-Artikolu 623 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili fil-proċedura a quo tista’ tiġi evalwata biss fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, iżda mhux fid-dawl tad-direttiva.

89.      Fir-rigward tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, kif diġà sar fil-kuntest tat-tieni domanda preliminari (47), jeħtieġ li jiġi osservat li meta l-fatti jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u l-qrati tagħhom huma obbligati japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE u biex jiggarantixxu l-applikazzjoni effettiva fl-interess ġenerali. Il-qorti tar-rinviju, għaldaqstant, jekk tasal għall-konklużjoni li l-aġir kummerċjali ta’ Sport TV kien idoneu biex jippreġudika b’mod sinjifikattiv il-kummerċ bejn l-Istati Membri, ikollha tapplika l-Artikolu 102 TFUE fil-kawża prinċipali u tipprovdi biex id-dritt tal-vittmi għall-kumpens għad-danni minħabba abbuż minn pożizzjoni dominanti jkun jista’ jiġi implimentat b’mod effikaċi.

90.      Sakemm l-armonizzazzjoni implimentata mid-Direttiva 2014/104 ma tkunx applikabbli, l-implimentazzjoni ta’ dan id-dritt għall-kumpens għad-dannu tkompli tkun irregolata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru rispettiv, b’osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (48).

91.      Peress li skont l-indikazzjonijiet konkordanti tal-partijiet fil-proċedura, is-sistema probatorja tal-Artikolu 623 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili tapplika wkoll għad-dritt għall-kumpens tad-danni bbażat fuq id-dritt tal-Unjoni kif ukoll dak ibbażat fuq id-dritt nazzjonali, fil-każ ineżami ma jistax jitqies li jeżisti ksur tal-prinċipju ta’ ekwivalenza.

92.      Għal dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 623 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, jista’ jiġi interpretat b’żewġ modi: fis-sens li l-aċċertament, min-naħa tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, ta’ ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni, bħala ksur amministrattiv, ma jkollu ebda effett fil-proċedura ċivili għall-kumpens għad-danni, jew inkella fis-sens li tali aċċertament iwassal biss għal preżunzjoni relattiva dwar l-eżistenza tal-imsemmi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

93.      Min-naħa, l-implimentazzjoni tad-dritt għall-kumpens għad-danni bbażat fuq ksur tal-Artikolu 102 TFUE jirriżulta eċċessivament diffiċli meta x-xogħol preliminari tal-awtorità tal-kompetizzjoni ma jingħata ebda piż fil-proċedura ċivili għall-kumpens għad-danni. Fid-dawl tal-kumplessità partikolari ta’ diversi ksur fil-qasam tal-akkordji u tad-diffikultajiet prattiċi għall-persuni li jkunu ġarrbu danni li jipprovaw il-ksur, il-prinċipju ta’ effettività jeżiġi li l-konstatazzjoni finali ta’ ksur magħmula mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tingħata tal-inqas valur ta’ indizju fil-proċedura għall-kumpens għad-danni.

94.      Min-naħa l-oħra, mill-prinċipju ta’ effettività bħala tali, diffiċli li wieħed ikun jista’ jiddeduċi li l-abbuż minn pożizzjoni dominanti jrid dejjem ikun ċert b’mod inkonfutabbli fi proċedura ċivili għal kumpens għad-danni quddiem il-qorti nazzjonali, malli l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tkun għamlet aċċertament li għadda in ġudikat dwar l-imsemmi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

95.      Permezz tal-introduzzjoni ta’ preżunzjoni assoluta, kif ipprovdut illum fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2014/104, il-leġiżlatur tal-Unjoni għamel pass lejn it-titjib tal-protezzjoni ġudizzjarja tal-vittmi ta’ ksur fil-qasam tal-akkordji. Tali dispożizzjoni tad-direttiva ma għandhiex tinftiehem bħala sempliċi kodifikazzjoni ta’ dak li diġà xorta waħda kien irriżulta sa issa – impliċitament – mid-dritt primarju, b’mod partikolari mill-Artikolu 102 TFUE u mill-prinċipju ta’ effettività.

96.      Qabel ma beda jiġi applikat l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2014/104, kienu biss id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li kellhom jingħataw, skont id-dritt tal-Unjoni, effett vinkolanti fil-proċedura quddiem il-qrati nazzjonali. Dan l-effett vinkolanti partikolari, li jirriżulta mill-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1/2003, kif ukoll mill-ġurisprudenza Masterfoods (49), isib spjegazzjoni fir-rwol ċentrali tal-Kummissjoni biex tiddefinixxi l-politika tal-kompetizzjoni fis-suq Ewropew intern u, fl-aħħar mill-aħħar, ukoll fis-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll bin-natura vinkolanti tad-deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Dan ma jistax jiġi estiż bl-istess mod għad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali, sakemm il-leġiżlatur jistabbilixxi dan b’mod espress, kif għamel għall-futur bl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2014/104.

97.      B’riżultat ta’ dak li ngħad sa issa, jeħtieġ li tingħata risposta għat-tielet domanda preliminari bil-mod kif ġej:

L-Artikolu 102 TFUE flimkien mal-prinċipju ta’ effettività jipprekludi li dispożizzjoni bħall-Artikolu 623 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Portugiż tiġi interpretata fis-sens li l-konstatazzjoni finali, min-naħa tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, dwar l-abbuż minn pożizzjoni dominanti ma tipproduċi ebda effett fil-proċedura ċivili għall-kumpens għad-danni. Min-naħa l-oħra, tali dispożizzjoni hija kompatibbli mal-Artikolu 102 TFUE u mal-prinċipju ta’ effettività, jekk hija tiġi interpretata fis-sens li, fil-proċedura ċivili għall-kumpens għad-danni sussegwenti, mill-imsemmija konstatazzjoni finali min-naħa tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tinħoloq preżunzjoni relattiva dwar l-abbuż minn pożizzjoni dominanti.

E.      Interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni (ir-raba’ u l-ħames domandi preliminari)

98.      Permezz tar-raba domanda tagħha, kif ukoll il-ħames waħda, imressqa b’mod sussidjarju, il-qorti tar-rinviju titlob informazzjoni, essenzjalment, fuq il-kontenut u fuq il-limiti tal-obbligu tagħha li tinterpreta d-dritt nazzjonali, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet bħalma huma l-Artikolu 498(1) tal-Kodiċi Ċivili u l-Artikolu 623 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, skont id-dritt tal-Unjoni. Jeħtieġ li jiġu eżaminati ż-żewġ domandi flimkien.

99.      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jeħtieġ li l-qrati nazzjonali jagħmlu dak kollu li jinsab fil-ġurisdizzjoni tagħhom, billi jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u billi japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rikonoxxuti minnu, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-għan li dan tal-aħħar ifittex li jilħaq; dan japplika għall-interpretazzjoni konformi mad-dritt primarju (50) kif ukoll għall-interpretazzjoni konformi mad-dritt sussidjarju, u b’mod partikolari għall-interpretazzjoni konformi mad-direttiva (51).

100. Madankollu, il-prinċipju tal-interpretazzjoni konformi jista’ jkollha effetti biss fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun qed tiġi diskussa. Fir-rigward b’mod speċifiku tad-Direttiva 2014/104, dan ifisser li fil-każ ineżami ma jistax ikun hemm ebda obbligu ta’ interpretazzjoni konformi mad-direttiva, peress li l-fatti tal-kawża prinċipali, kif espost iktar ’il fuq (52), jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ tali direttiva, kif iddefinit fl-Artikolu 22 tagħha.

101. Huwa minnu li, skont ġurisprudenza stabbilita, huwa pprojbit li jiġu mxejna r-riżultati b’mod li l-Istati Membri, anki qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ direttiva, għandhom jastjenu milli jadottaw miżuri li jistgħu jikkompromettu serjament ir-riżultat preskritt minn din id-direttiva (53). Minn dan isegwi li, mid-data li fiha direttiva tkun daħlet fis-seħħ, l-awtoritajiet tal-Istati Membri kif ukoll il-qrati nazzjonali għandhom jastjenu, sa fejn ikun possibbli, milli jinterpretaw id-dritt nazzjonali b’mod li jirriskja li jikkomprometti b’mod serju, wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, li jintlaħaq l-għan mixtieq minn din id-direttiva (54). Fil-każ tad-Direttiva 2014/104 eżaminata f’dan il-każ, ir-riżultat mixtieq mil-leġiżlatur tal-Unjoni jikkonsisti eżattament fil-fatt li tiġi pprevenuta l-applikazzjoni retroattiva tad-dispożizzjonijiet armonizzati fuq il-preskrizzjoni tad-dritt għall-kumpens għad-danni u fuq il-valur probatorju tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali, kemm minħabba li dawn huma dispożizzjonijiet sostantivi suġġetti għall-projbizzjoni ta’ retroattività skont l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2014/104, kemm minħabba li l-leġiżlatur nazzjonali, meta implimenta d-direttiva, dejjem osserva l-limiti tal-eventwali effett retroattiv ta’ dispożizzjonijiet oħra skont l-Artikolu 22(2) tad-direttiva (55). Għaldaqstant, lanqas mill-projbizzjoni kontra li jiġu mxejna r-riżultati ma jista’ jiġi dedott obbligu, taħt id-dritt tal-Unjoni, fuq il-qorti tar-rinviju biex, f’każ bħal dak ineżami, tilħaq riżultat konformi mad-direttiva.

102. Madankollu, kieku l-qorti tar-rinviju kellha tasal għall-konklużjoni li l-aġir kummerċjali ta’ Sport TV kien idoneu biex jippreġudika b’mod sinjifikattiv il-kummerċ bejn l-Istati membri (56), hija jkollha tapplika fil-kawża prinċipali l-projbizzjoni kontra l-abbuż minn pożizzjoni dominanti stabbilita fid-dritt tal-Unjoni u dan b’mod kompletament indipendenti mid-Direttiva 2014/104, u tapplika u tinterpreta mbagħad id-dritt nazzjonali - b’mod partikolari l-Artikolu 498(1) tal-Kodiċi Ċivili u l-Artikolu 623 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili – skont l-Artikolu 102 TFUE, kif ukoll skont il-prinċipju ta’ effettività.

103. Għal dak li jirrigwarda l-valur probatorju ta’ deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni dan ifisser, b’mod konkret, li l-qorti nazzjonali ma tistax tinjora sommarjament tali deċiżjoni, iżda tal-inqas trid tagħtiha, fil-kuntest tal-Artikolu 623 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili – kif ingħad iktar ’il fuq (57) – il-valur ta’ indizju.

104. Għal dak li jirrigwarda l-preskrizzjoni tad-dritt għall-kumpens għad-danni bbażat fuq ir-responsabbiltà ċivili mhux kuntrattwali, jirriżulta mill-prinċipju tal-interpretazzjoni konformi li l-qorti nazzjonali trid tieħu inkunsiderazzjoni l-għan tal-implimentazzjoni effikaċi tad-dritt għall-kumpens għad-danni bbażat fuq l-abbuż minn pożizzjoni dominanti meta tinterpreta u tapplika dispożizzjoni bħalma hija l-Artikolu 498(1) tal-Kodiċi Ċivili, u b’mod partikolari b’riferiment għall-bidu, għall-perijodu u għall-eventwali motivi għas-sospensjoni jew l-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni.

105. Barra minn hekk, il-prinċipju tal-interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni tad-dritt nazzjonali jsib il-limiti tiegħu fil-prinċipji ġenerali tad-dritt u ma jistax lanqas iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (58). Dan ifisser, b’mod konkret li, b’kuntrast mar-rekwiżit tal-Artikolu 498(1) tal-Kodiċi Ċivili u ma’ dispożizzjonijiet oħra eventwali tad-dritt nazzjonali rilevanti għall-preskrizzjoni, il-qorti nazzjonali ma għandhiex l-obbligu taħt id-dritt tal-Unjoni li ttawwal il-bidu tat-terminu tal-preskrizzjoni sakemm tkun magħrufa l-identità tal-persuni responsabbli u l-kobor kumplessiv tad-danni, li tagħti lit-terminu ta’ preskrizzjoni perijodu itwal minn tliet snin jew li tirrikonoxxi f’liġi nazzjonali raġuni mhux magħrufa, li hija ġdida għal kollox għas-sospensjoni jew l-interruzzjoni tal-preskrizzjoni.

106. Fi ftit kliem, fir-rigward tar-raba u l-ħames domanda preliminari, għandu jiġi affermat dan li ġej:

Meta azzjoni ċivili għall-kumpens għad-danni tirreferi għal fatti li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-Direttiva 2014/104, ma hemmx l-obbligu li d-dritt nazzjonali jiġi interpretat b’mod konformi ma’ din id-direttiva. Jibqa’ ippreġudikat l-obbligu li d-dritt nazzjonali jiġi interpretat b’mod konformi mal-Artikolu 102 TFUE, inkwantu dan tal-aħħar ikun applikabbli, u mal-prinċipju ta’ effettività, dejjem bil-kundizzjoni, f’dak il-każ, li jiġu osservati l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u li d-dritt tal-Unjoni ma jintużax bħala bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali.

VII. Konklużjoni

107. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mit-Tribunal Judicial da Comarca de Lisboa (il-Qorti Distrettwali ta’ Lisbona, il-Portugall) bil-mod kif ġej:

1)      L-Artikolu 102 TFUE joħloq effett dirett fir-relazzjonijiet bejn l-individwi. Min-naħa l-oħra, l-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva 2014/104 ma humiex direttament applikabbli għal tilwima bejn individwi, meta l-azzjoni ċivili tkun ġiet ippreżentata qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva u tirrigwarda fatti li jkunu seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tagħha.

2)      L-Artikolu 102 TFUE flimkien mal-prinċipju ta’ effettività stabbilit fid-dritt tal-Unjoni jipprekludi dispożizzjoni bħalma hija l-Artikolu 498(1) tal-Código Civil (il-Kodiċi Ċivili) Portugiż, li, għad-dritt għall-kumpens għad-danni bbażat fuq ir-responsabbiltà ċivili mhux kuntrattwali minħabba abbuż minn pożizzjoni dominanti, jistabbilixxi terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin, li jibda jiddekorri anki meta l-persuna li tkun ġarrbet id-dannu tkun għadha ma tafx la l-identità tal-persuna responsabbli u lanqas il-kobor kumplessiv tad-danni u li ma jiġix sospiż u lanqas interrott fil-mori ta’ proċedura mibdija mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni sabiex tindaga u tissanzjona tali ksur.

3)      L-Artikolu 102 TFUE flimkien mal-prinċipju ta’ effettività jipprekludi li dispożizzjoni bħall-Artikolu 623 tal-Código de Processo Civil (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili) Portugiż tiġi interpretata fis-sens li l-konstatazzjoni finali, min-naħa tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, dwar l-abbuż minn pożizzjoni dominanti ma tipproduċi ebda effett fil-proċedura ċivili għall-kumpens għad-danni. Min-naħa l-oħra, tali dispożizzjoni hija kompatibbli mal-Artikolu 102 TFUE u mal-prinċipju ta’ effettività, jekk hija tiġi interpretata fis-sens li, fil-proċedura ċivili għall-kumpens għad-danni sussegwenti, mill-imsemmija konstatazzjoni finali min-naħa tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tinħoloq preżunzjoni relattiva dwar l-abbuż minn pożizzjoni dominanti.

4)      Meta azzjoni ċivili għall-kumpens għad-danni tirreferi għal fatti li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-Direttiva 2014/104, ma hemmx l-obbligu li d-dritt nazzjonali jiġi interpretat b’mod konformi ma’ din id-direttiva. Jibqa’ ippreġudikat l-obbligu li d-dritt nazzjonali jiġi interpretat b’mod konformi mal-Artikolu 102 TFUE, inkwantu dan tal-aħħar ikun applikabbli, u mal-prinċipju ta’ effettività, dejjem bil-kundizzjoni, f’dak il-każ, li jiġu osservati l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u li d-dritt tal-Unjoni ma jintużax bħala bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali.


1      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2      Fuq din it-tema, huma fundamentali s-sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan (C‑453/99, EU:C:2001:465); tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et (C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461), kif ukoll tal-5 ta’ Ġunju 2014, Kone et (C‑557/12, EU:C:2014:1317). Ara wkoll il-kawża pendenti Otis Gesellschaft et (C‑435/18).


3      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol 2, p. 205); iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1/2003”.


4      Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Novembru 2014, dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 349, p. 1), iktar ’il quddiem id-“Direttiva”.


5      Il-verżjoni tal-Ġurnal Uffiċjali li fiha ġiet ippubblikata d-Direttiva 2014/104 hija ddatata 5 ta’ Diċembru 2014.


6      Liġi Nru 23/2018 tal-5 ta’ Ġunju 2018 (Diário da República Nru 107/2018, p. 2368).


7      Qorti Distrettwali ta’ Lisbona (il-Portugall).


8      Mill-proċess jirriżulta li Cogeco dak iż-żmien kellha – direttament jew indirettament – il-kontroll esklużiv tal-Cabovisão.


9      Awtorità tal-kompetizzjoni.


10      Barra minn Sport TV kien hemm impriżi oħra li kienu interessati fid-denunzja.


11      Numru PRC-02/2010.


12      Artikolu 6 tal-liġi Portugiża Nru 18/2003.


13      Qorti tal-Kompetizzjoni, Regolamentazzjoni u Sorveljanza.


14      It-Tribunal da Concorrência, Regulação e Supervisão (il-Qorti tal-Kompetizzjoni, Regolamentazzjoni u Sorveljanza) ma qisitx li ġie pprovat li l-aġir kummerċjali ta’ Sport TV inkwistjoni kien idoneu biex jippreġudika l-kummerċ bejn l-Istati Membri skont l-Artikolu 102 TFUE.


15      Il-Qorti tal-Appell ta’ Lisbona.


16      Sentenza tal-4 ta’ Diċembru 1974, Van Duyn (41/74, EU:C:1974:133, punt 12).


17      Sentenza tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C-144/04, EU:C:2005:709).


18      Sentenzi tas-7 ta’ Settembru 1999, Beck u Bergdorf (C-355/97, ECLI:EU:C:1999:391, punt 22); tat-23 ta’ Jannar 2018, F. Hoffmann-La Roche et (C-179/16, ECLI:EU:C:2018:25, punt 45); tad-29 ta’ Mejju 2018, Liga van Moskeeën en Islamitische Organisaties Provincie Antwerpen et (C-426/16, EU:C:2018:335, punt 31), u tal-25 ta’ Lulju 2018, Confédération paysanne et (C‑528/16, EU:C:2018:583, punt 73).


19      Mill-ġurisprudenza stabbilita ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18 jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rapport mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha.


20      F’dan ir-rigward, ara l-kunsiderazzjonijiet magħmula minni fir-rigward tal-ewwel u tas-sitt domanda preliminari (punti 65 sa 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


21      Sentenza tat-3 ta’ Mejju 2011, Tele 2 Polska (C-375/09, EU:C:2011:270, b’mod partikolari l-punti 21 sa 30).


22      Sentenzi tad-19 ta’ April 2016, DI (C-441/14, EU:C:2016:278, punt 29), u tas-7 ta’ Awwissu 2018, Smith (C-122/17, EU:C:2018:631, punt 37); fl-istess sens ara s-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C-397/01 sa C-403/01, EU:C:2004:584, punt 111), u tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et (C-295/04 sa C-298/04, EU:C:2006:461, punt 89).


23      In-neċessità li l-qrati nazzjonali jingħataw indikazzjonijiet utli fuq l-interpretazzjonijiet u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, għal dan il-għan, li jerġgħu jiġu fformulati d-domandi preliminari, hija rikonoxxuta f’ġurisprudenza stabbilita; ara, ex multis, is-sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Smith (C-122/17, EU:C:2018:631, punt 34).


24      Sentenza tat-3 ta’ Mejju 2011, Tele 2 Polska (C-375/09, EU:C:2011:270, b’mod partikolari l-punti 21 sa 30).


25      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mazák fil-kawża Tele 2 Polska (C-375/09, EU:C:2010:743, punt 32).


26      F’dan ir-rigward ara l-ewwel sentenza tal-premessa 13 tad-Direttiva 2014/104, li skontha d-dritt għall-kumpens huwa rikonoxxut indipendentement mill-fatt jekk tkun ikkonstatat ksur l-awtorità tal-kompetizzjoni jew le.


27      Ara, f’dan ir-rigward ukoll, ex multis, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et (C-295/04 sa C-298/04, EU:C:2006:461, punti 40 sa 42).


28      F’dan is-sens ukoll il-premessi 9 u 10 tad-Direttiva 2014/104.


29      Ara f’dan ir-rigward, il-punti 47 sa 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


30      F’sens simili, mogħtija f’kuntest tad-dritt kriminali, is-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B. (C-42/17, EU:C:2017:936, punti 44 u 45).


31      Ara l-punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6.


32      F’sens simili, is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 1994, Vaneetveld (C-316/93, EU:C:1994:82, punti 16 sa 18).


33      Ara l-punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


34      Sentenzi tal-21 ta’ Marzu 1974, BRT u société belge des auteurs, compositeurs et éditeurs (127/73, EU:C:1974:25, punt 16), tat-18 ta’ Marzu 1997, Guérin automobiles vs Il-Kummissjoni (C-282/95 P, EU:C:1997:159, punt 39); tal-20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan (C-453/99, EU:C:2001:465, punt 23), tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et (C-295/04 sa C-298/04, EU:C:2006:461, punt 39), u tal-5 ta’ Ġunju 2014, Kone et (C-557/12, EU:C:2014:1317, punt 20); fl-istess sens ara wkoll l-ewwel sentenza tal-premessa 3 tad-Direttiva 2014/104.


35      F’dan ir-rigward hija fundamentali s-sentenza tad-19 ta’ Jannar 1982, Becker (8/81, EU:C:1982:7, punt 25); ara wkoll is-sentenzi tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez (C-282/10, EU:C:2012:33, punt 33), u tal-25 ta’ Lulju 2018, Alheto (C-585/16, EU:C:2018:584, punt 98).


36      Sentenzi tas-26 ta’ Frar 1986, Marshall (152/84, EU:C:1986:84, punt 48), tal-14 ta’ Lulju 1994, Faccini Dori (C-91/92, EU:C:1994:292, punt 20), u tas-7 ta’ Awwissu 2018, Smith (C-122/17, EU:C:2018:631, punt 42).


37      Fuq l-“effet d’exclusion” huma fundamentali l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Linster (C-287/98, EU:C:2000:3, b’mod partikolari punti 57 u 67 sa 89).


38      Sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Smith (C-122/17, EU:C:2018:631, b’mod partikolari l-punt 49).


39      F’dan ir-rigward, ara l-punti 60 sa 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


40      Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2011, Pfleiderer (C-360/09, EU:C:2011:389, punt 19).


41      Fuq id-dritt għall-kumpens għad-danni, ara s-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et (C-295/04 sa C-298/04, EU:C:2006:461, punti 60 u 61), tas-6 ta’ Ġunju 2013, Donau Chemie et (C-536/11, EU:C:2013:366, punt 21), u tal-5 ta’ Ġunju 2014, Kone et (C-557/12, EU:C:2014:1317, punt 21 sa 23), imsemmijin rispettivament għall-problema simili fir-rigward tad-dispożizzjoni konnessa msemmija fl-Artikolu 101 TFUE (ex Artikolu 81 KE).


42      Sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et (C-295/04 sa C-298/04, EU:C:2006:461, punti 62 u 64); tas-6 ta’ Ġunju 2013, Donau Chemie et (C-536/11, EU:C:2013:366, punti 25 sa 27), kif ukoll tal-5 ta’ Ġunju 2014, Kone et (C-557/12, EU:C:2014:1317, punt 24); ara wkoll il-premessa 11 tad-Direttiva 2014/104.


43      Sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et (C-295/04 sa C-298/04, EU:C:2006:461, punt 62), tas-6 ta’ Ġunju 2013, Donau Chemie et (C-536/11, EU:C:2013:366, punt 27), kif ukoll tal-5 ta’ Ġunju 2014, Kone et (C-557/12, EU:C:2014:1317, punt 25).


44      F’dan is-sens anki s-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et (C-295/04 sa C-298/04, EU:C:2006:461, punti 78 sa 82), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa t-tul tat-terminu tal-preskrizzjoni anki skont id-data tal-bidu tal-preskrizzjoni u tal-possibbiltajiet ta’ interruzzjoni ta’ dik il-preskrizzjoni. Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Berlusconi et (C-387/02, C-391/02 u C-403/02, EU:C:2004:624, punt 109).


45      B’kuntrast, pereżempju, mad-dispożizzjonijiet tal-liġi Norveġiża, li kienu s-suġġett ta’ eżami dwar l-effettività fis-sentenza tal-Qorti EFTA tas-17 ta’ Settembru 2018, Nye Kystlink AS vs Color Group AS u Color Line AS (E-10/17, punt 119).


46      F’dan is-sens, ara wkoll il-kunsiderazzjonijiet magħmula fl-imsemmija sentenza tal-Qorti EFTA fil-Kawża E-10/17, punt 118.


47      F’dan ir-rigward ara l-punt 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


48      Sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et (C-295/04 sa C-298/04, EU:C:2006:461, punt 62 u 64), tas-6 ta’ Ġunju 2013, Donau Chemie et (C-536/11, EU:C:2013:366, punti 25 sa 27), kif ukoll tal-5 ta’ Ġunju 2014, Kone et (C-557/12, EU:C:2014:1317, punt 24); ara wkoll il-premessa 11 tad-Direttiva 2014/104.


49      Sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2000, Masterfoods u HB (C-344/98, EU:C:2000:689, b’mod partikolari l-punt 52 flimkien mal-punti 46 u 49).


50      Sentenza tat-13 ta’ Lulju 2016, Pöpperl (C-187/15, EU:C:2016:550, punt 43); ara wkoll is-sentenzi tal-4 ta’ Frar 1988, Murphy et (157/86, EU:C:1988:62, punt 11), u tal-11 ta’ Jannar 2007, ITC (C-208/05, EU:C:2007:16, punt 68).


51      Sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1994, Faccini Dori (C-91/92, EU:C:1994:292, punt 26), tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C-397/01 sa C-403/01, EU:C:2004:584, punti 113, 115, 118 u 119), tal-15 ta’ April 2008, Impact (C-268/06, EU:C:2008:223, punt 98 u 101), u tas-7 ta’ Awwissu 2018, Smith (C-122/17, EU:C:2018:631, punt 39).


52      Ara l-punti 60 sa 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


53      F’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie (C-129/96, EU:C:1997:628, punt 45), tat-2 ta’ Ġunju 2016, Pizzo (C-27/15, EU:C:2016:404, punt 32), u tas-27 ta’ Ottubru 2016, Milev (C-439/16 PPU, EU:C:2016:818, punt 31).


54      Sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2016, Milev (C-439/16 PPU, EU:C:2016:818, punt 32); ara wkoll sentenza tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C-212/04, EU:C:2006:443, punti 122 u 123).


55      F’dan ir-rigward erġa’ ara l-punti 60 sa 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fuq il-punt, il-każ tal-proċedura inkwistjoni huwa differenti mill-każ li reċentement kien is-suġġett tas-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2018, Klohn (C-167/17, EU:C:2018:833, punt 39 et seq.).


56      F’dan ir-rigward, ara l-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


57      Ara l-punt 93 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


58      Sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C-212/04, EU:C:2006:443, punt 110), tad-19 ta’ April 2016, DI (C-441/14, EU:C:2016:278, punt 32), u tas-7 ta’ Awwissu 2018, Smith (C-122/17, EU:C:2018:631, punt 40).