Language of document : ECLI:EU:C:2019:263

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

28 ta’ Marzu 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 102 TFUE – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività – Direttiva 2014/104/UE – Artikolu 9(1) – Artikolu 10(2) sa (4) – Artikoli 21 u 22 – Azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea – Effetti tad-deċiżjonijiet nazzjonali – Termini ta’ preskrizzjoni – Traspożizzjoni – Applikazzjoni ratione temporis”

Fil-Kawża C‑637/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Judicial da Comarca de Setúbal (il-Qorti Distrettwali ta’ Setúbal, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Lulju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Novembru 2017, fil-proċedura

Cogeco Communications Inc.,

vs

Sport TV Portugal SA,

Controlinveste-SGPS SA,

NOS-SGPS SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Awla, T. von Danwitz, E. Levits, C. Vajda u P. G. Xuereb, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Novembru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Cogeco Communications Inc., minn M. Sousa Ferro u E. Ameye, advogados,

–        għal Sport TV il-Portugall SA, minn C. I. Pinto Xavier u M. Pena Machete, advogados,

–        għal Controlinveste-SGPS SA, minn P. J. de Sousa Pinheiro u L. Montenegro, advogados,

–        għal NOS-SGPS SA, minn G. Machado Borges, J. Vieira Peres, G. Andrade e Castro u M. Martins Pereira, advogados,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u M. Figueiredo kif ukoll minn D. Sousa, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Costa de Oliveira u B. Ernst, kif ukoll minn G. Meessen u C. Vollrath, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Jannar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1), tal-Artikolu 10(2) sa (4), tal-Artikolu 21(1) u tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 349, p. 1), kif ukoll tal-Artikolu 102 TFUE u tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Cogeco Communications Inc. u Sport TV Portugal SA, Controlinveste SGPS SA u lil NOS SGPS SA dwar kumpens tad-danni minħabba prattiċi antikompetittivi li fihom ħadet sehem Sport TV Portugal bħala sussidjarja ta’ Controlinveste-SGPS u ta’ NOS-SGPS.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2014/104

3        L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/104 jipprevedi li:

“Din id-Direttiva tistipula ċerti regoli meħtieġa biex ikun żgurat li kwalunkwe persuna li ġarrbet ħsara kkawżata minn ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni minn impriża jew minn assoċjazzjoni ta’ impriżi, tista’ b’mod effettiv teżerċita d-dritt li titlob għal kumpens sħiħ għal dik il-ħsara minn dik l-impriża jew assoċjazzjoni. Tistabbilixxi regoli li jrawmu l-kompetizzjoni mhux imxekkla fis-suq intern u li jneħħu l-ostakoli għall-funzjonament tajjeb tagħha billi jiżguraw protezzjoni ekwivalenti fl-Unjoni kollha għal dawk li jkunu ġarrbu tali ħsara.”

4        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)      ‘ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni’ tfisser ksur tal-Artikolu 101 jew 102 TFUE, jew tal-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni;

[…]

3)      ‘il-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni’ tfisser id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li b’mod predominanti jsegwu l-istess għanijiet bħal dawk tal-Artikoli 101 u 102 TFUE u li huma applikati għall-istess każ u b’mod parallel mal-liġi tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, bl-esklużjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jimponu pieni kriminali fuq il-persuna fiżika, ħlief sa fejn dawn il-pieni kriminali huma l-mezz li bih jiġu applikati l-liġijiet tal-kompetizzjoni għall-impriża u jiġu infurzati;

[…]

12)      ‘deċiżjoni finali dwar ksur’ tfisser deċiżjoni dwar ksur li ma tistax jew li warajha ma hemmx aktar dritt ta’ appell bil-mezzi ordinarji;

[…]”

5        L-Artikolu 9(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni misjub b’deċiżjoni finali ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jew minn qorti tal-appell, jiġi meqjus li hu stabbilit b’mod inkontestabbli għall-finijiet ta’ azzjoni għad-danni mressqa quddiem il-qrati nazzjonali tagħhom skont l-Artikoli 101 jew 102 TFUE jew taħt il-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni.”

6        L-Artikolu 10(2) sa (4) ta’ din l-istess direttiva jiddikjara:

“2.      Il-perijodi ta’ preskrizzjoni ma jibdewx jiddekorru qabel ma jkun waqaf il-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni u l-attur ikun jaf, jew jista’ jkun raġonevolment mistenni li jkun jaf:

(a)      bl imġiba u l-fatt li din tikkostitwixxi ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni;

(b)      bil-fatt li l-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni kkawża ħsara lilu; u

(c)      l-identità tal-kontraventur.

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-perijodi ta’ preskrizzjoni għat-tressiq ta’ azzjonijiet għad-danni huma mill-inqas ta’ ħames snin.

4.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li perijodu ta’ preskrizzjoni jiġi sospiż jew, skont il-liġi nazzjonali, interrot jekk awtorità tal-kompetizzjoni tieħu azzjoni għall-fini tal-investigazzjoni jew il-proċedimenti tagħha fir-rigward ta’ ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni li miegħu tkun relatata l-azzjoni għad-danni. Is-sospensjoni għandha tintemm l-aktar kmieni sena wara li d-deċiżjoni tal-ksur tkun saret finali jew wara li l-proċedimenti jkunu ntemmu mod ieħor.”

7        L-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2014/104 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jaderixxu ma’ din id-Direttiva sas-27 ta’ Diċembru 2016. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew tali referenza għandha takkumpanjahom meta jiġu pubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif issir din ir-referenza.”

8        L-Artikolu 22 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri nazzjonali adottati skont l-Artikolu 21 sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ din id-Direttiva ma japplikawx retroattivament.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe miżuri nazzjonali adottati skont l-Artikolu 21, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 1, ma japplikawx għal azzjonijiet għal danni mressqa quddiem qorti qabel is-26 ta’ Diċembru 2014.”

 Id-dritt Portugiż

9        L-Artikolu 498 tal-Código Civil (il-Kodiċi Ċivili) jipprevedi:

“1.      It-terminu ta’ preskrizzjoni tad-dritt għal kumpens huwa ta’ tliet snin minn meta l-persuna leża tkun saret taf bid-dritt tagħha għal kumpens, anki jekk il-persuna responsabbli u l-portata eżatta tad-dannu mhux magħrufa, bla ħsara għall-preskrizzjoni ordinarja jekk it-terminu mid-dannu jkun għadda.

[…]”

10      L-Artikolu 623 tal-Código de Processo Civil (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) jipprovdi:

“Il-kundanna finali mogħtija fil-proċedura kriminali tikkostitwixxi fir-rigward ta’ terzi preżunzjoni konfutabbli fir-rigward tal-eżistenza tal-fatti li jikkaratterizzaw il-ksur issanzjonat u r-rekwiżiti legali kif ukoll dawk rigward it-tipi tar-reat, f’kull azzjoni ċivili dwar relazzjonijiet legali li jiddependu mit-twettiq tal-ksur.”

11      Bis-saħħa tal-Artikolu 24 tal-Lei Nru 23/2018 – Direito a indemnização por infração ao direito da concorrência, transpõe a Diretiva 2014/104/UE, do Parlamento Europeu e do Conselho, de 26 de novembro de 2014, relativa a certas regras que regem as ações de indemnização no âmbito do direito nacional por infração às disposições do direito da concorrência dos Estados-Membros e da União Europeia, e procede à primeira alteração à Lei n.º 19/2012, de 8 de maio, que aprova o novo regime jurídico da concorrência, e à quarta alteração à Lei n.º 62/2013, de 26 de agosto, Lei de Organização do Sistema Judiciário (il-Liġi Nru 23/2018 – Dritt għad-danni minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, li jittrasponi d-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea, li temenda għall-ewwel darba l-Liġi Nru 19/2012, tat-8 ta’ Mejju, li tistabbilixxi qafas legali ġdid dwar il-kompetizzjoni, u għar-raba’ darba l-Liġi Nru 62/2013, tas-26 ta’ Awwissu, dwar l-organizzazzjoni tas-sistema tal-qrati) tal-5 ta’ Ġunju 2018 (Diário da República, l-1 serje, Nru 107, tal-5 ta’ Ġunju 2018), li ttrasponiet id-Direttiva 2014/104 fid-dritt Portugiż, id-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ dik il-liġi, inkluż dawk dwar l-oneru tal-prova, ma japplikawx b’mod retroattiv u d-dispożizzjonijiet proċedurali ma għandhomx japplikaw għal azzjonijiet mibdija qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12      Cogeco Communications, kumpannija stabbilita fil-Kanada, kienet azzjonista ta’ Cabovisão – Televisão Por Cabo SA (iktar ’il quddiem “Cabovisão”) matul il-perijodu mit-3 ta’ Awwissu 2006 sad-29 ta’ Frar 2012.

13      Fit-30 ta’ April 2008, Cabovisão u Sport TV Portugal SA kkonkludew kuntratt ta’ distribuzzjoni ta’ stazzjon televiżiv.

14      Fit-30 ta’ Lulju 2009, Cabovisão ressqet, quddiem l-Autoridade da Concorrência (l-Awtorità tal-Kompetizzjoni, il-Portugall) ilment kontra ZON Multimédia, Serviços de Telecomunicações Multimédia-SGPS SA, ZON TV Cabo Portugal SA, Sport TV Portugal u ZON Conteúdos – Actividade de Televisão e de Produção de Conteúdos SA, li fih rrapportat prattiki restrittivi tal-kompetizzjoni fis-suq ta’ stazzjonijiet televiżivi sportivi premium, b’mod partikolari, politika ta’ prezzijiet diskriminatorji, li tikkostitwixxi, skont hi, abbuż ta’ pożizzjoni dominanti.

15      L-Awtorità tal-Kompetizzjoni għalqet mingħajr segwitu dan l-ilment, għall-kumpaniji kollha msemmija minn din tal-aħħar, bl-eċċezzjoni ta’ Sport TV Portugal.

16      Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Ġunju 2013, l-Awtorità tal-Kompetizzjoni qieset li Sport TV Portugal kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE kif ukoll tad-dispożizzjoni nazzjonali rilevanti, u imponiet fuq din il-kumpannija multa ta’ EUR 3 730 000.

17      Sport TV Portugal talbet l-annullament ta’ din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunal da Concorrência, Regulação e Supervisão (il-Qorti tal-Kompetizzjoni, tar-Regolazzjoni u tal-Kontroll, il-Portugall). Din il-qorti laqgħet parzjalment ir-rikors ta’ Sport TV Portugal wara li kkonstatat li l-Artikolu 102 TFUE ma kienx applikabbli f’dan il-każ, peress li ma kienx intwera li l-prattika kummerċjali inkwistjoni seta’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, fis-sens ta’ dan l-artikolu. Konsegwentement, din il-qorti naqqset l-ammont tal-multa imposta fuqha għal EUR 2 700 000.

18      Sport TV Portugal ippreżentat appell mis-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza, quddiem it-Tribunal da Relação de Lisboa (il-Qorti tal-Appell ta’ Lisbona, il-Portugall). Din ikkonfermat din id-deċiżjoni, permezz ta’ sentenza tal-11 ta’ Marzu 2015.

19      Fis-27 ta’ Frar 2015, Cogeco Communications ippreżenta, quddiem it-Tribunal Judicial da Comarca de Lisboa (il-Qorti Distrettwali ta’ Lisbona, il-Portugall) rikors kontra, b’mod partikolari, Sport TV Portugal u l-kumpanniji parent tagħha. Din tal-aħħar għandha t-tendenza għall-kumpens tad-dannu li allegatament ġarrbet Cogeco Communications minħabba prattiki antikompetittivi li għalihom Sport TV Portugal kienet ikollha matul il-perijodu mit-3 ta’ Awwissu 2006 sat-30 ta’ Marzu 2011. Cogeco Komunikazzjoni talbet lil din il-qorti sabiex tikkonstata, minn qabel, li dawn il-prattiki kienu jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 102 TFUE u/jew tad-dispożizzjoni nazzjonali korrispondenti. F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tqis li din il-parti tista’ wkoll tipprova quddiemha li l-aġir abbużiv inkwistjoni fil-kawża prinċipali taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

20      Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu li anki jekk Cogeco Communications kienet intitolata għal kumpens tad-dannu li hija tallega li ġarrbet, id-dritt għal kumpens invokat minnha huwa preskritt. Fil-fatt, id-dritt Portugiż tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali applikabbli għall-kawża prinċipali kien jipprevedi terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin, li beda jiddekorri fit-30 ta’ April 2008, data tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ distribuzzjoni msemmi fil-punt 13 ta’ din is-sentenza, fit-30 ta’ Lulju 2009, id-data tat-tressiq tal-ilment ta’ Cogeco Communications mingħand l-Awtorità tal-Kompetizzjoni, fit-30 ta’ Marzu 2011, data li fiha l-aġir antikompetittiv intemm, jew, l-iktar tard, mid-29 ta’ Frar 2012, id-data tal-bejgħ ta’ Cabovisão minn Cogeco Communications. Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jippreċiżaw li, għal kull waħda minn dawn id-dati, Cogeco Communications kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tevalwa jekk hija kellhiex jew le dritt għal kumpens.

21      Cogeco Communications sostniet li t-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 498 tal-Kodiċi Ċivili beda jiddekorri biss mid-data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Kompetizzjoni, jiġifieri l-14 ta’ Ġunju 2013. Fil-fatt, din id-deċiżjoni biss setgħet tippermettilha jkollha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex ikollha konjizzjoni dwar l-eżistenza ta’ prattiki li jmorru kontra d-dritt tal-kompetizzjoni u biex isostni d-dritt tagħha għal kumpens. Qabel l-intervent tal-imsemmija deċiżjoni tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni, suspett biss ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni seta’ jkun invokat. Skont Cogeco Communications, l-imsemmi terminu ta’ preskrizzjoni kien, fi kwalunkwe każ, ġie sospiż matul it-tul tal-proċedura segwita quddiem l-Awtorità tal-Kompetizzjoni.

22      Il-Qorti tar-rinviju tispjega li l-kawża prinċipali hija bejn kumpanniji rregolati mid-dritt privat, li quddiemha ġiet ppreżentata qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/104 u li, fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, din id-direttiva kienet għadha ma ġietx trasposta fl-ordinament ġuridiku Portugiż.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Judicial da Comarca de Lisboa (il-Qorti Distrettwali ta’ Lisbona) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikoli 9(1), 10[(2) sa (4)] tad-Direttiva [2014/104] kif ukoll il-kumplament tad-dispożizzjonijiet tagħha jew il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea applikabbli, jistgħu jiġu interpretati fis-sens li joħolqu drittijiet għal individwu (f’dan il-każ, kumpannija kummerċjali ta’ responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Kanadiż) li dan jista’ jinvoka ġuridikament kontra individwu ieħor (f’dan il-każ, kumpannija kummerċjali ta’ responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Portugiż) fil-kuntest ta’ azzjoni għal kumpens għad-danni allegati mġarrba b’riżultat ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari, meta fid-data għall-preżentata tal-azzjoni ġudizzjarja inkwistjoni (27 ta’ Frar 2015), it-terminu mogħti lill-Istati Membri għat-traspożizzjoni tagħha fid-dritt nazzjonali, skont l-Artikolu 21(1) tad-Direttiva [2014/104], ikun għadu lanqas skada?

2)      L-Artikolu 10[(2) sa (4)] tad-Direttiva [2014/104], kif ukoll il-kumplament tad-dispożizzjonijiet tagħha jew il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea applikabbli, jistgħu jiġu interpretati fis-sens li ma hijiex kompatibbli magħhom dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 498(1) tal-Kodiċi Ċivili […] li, meta tiġi applikata għal fatti li seħħew qabel il-pubblikazzjoni, qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva u qabel id-data stabbilita għat-traspożizzjoni tagħha, f’azzjoni ġudizzjarja ppreżentata wkoll qabel din id-data tal-aħħar:

a)      tiffissa terminu ta’ preskrizzjoni ta’ 3 snin għal dritt għal kumpens ibbażat fuq ir-responsabbiltà ċivili mhux kuntrattwali;

b)      tistabbilixxi li dan it-terminu ta’ 3 snin għandu jibda jiddekorri mid-data li fiha l-persuna li ġġarrab preġudizzju ħadet konjizzjoni tad-drittijiet tagħha, minkejja li mingħajr ma kellhiex għarfien dwar min kienet il-persuna responsabbli u dwar il-portata sħiħa tad-danni; u

c)      teskludi kwalunkwe regola li timponi jew tawtorizza s-sospensjoni jew l-interruzzjoni ta’ dak it-terminu strettament inkwantu awtorità tal-kompetizzjoni adottat miżuri fil-kuntest ta’ investigazzjoni jew ta’ proċeduri relatati mal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni li magħha hija relatata l-azzjoni għal kumpens?

3)      L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva [2014/104] kif ukoll il-kumplament tad-dispożizzjonijiet tagħha jew il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea applikabbli jistgħu jiġu interpretati fis-sens li ma hijiex kompatibbli magħhom dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 623 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili […] li, meta tiġi applikata għal fatti li seħħew qabel id-dħul fis-seħħ [qabel il-pubblikazzjoni, qabel id-dħul fis-seħħ] tad-Direttiva u qabel id-data stabbilita għat-traspożizzjoni tagħha, f’azzjoni ġudizzjarja ppreżentata wkoll qabel din id-data tal-aħħar:

a)      tipprovdi li kundanna definittiva mogħtija fi proċeduri ta’ ksur ma tipproduċix effetti f’azzjonijiet ċivili kwalunkwe li fihom jiġu diskussi relazzjonijiet ġuridiċi dipendenti mill-ksur imwettaq? Jew (skont l-interpretazzjoni li tingħata);

b)      tiddeċiedi li tali kundanna definittiva fi proċeduri ta’ ksur tikkostitwixxi biss fir-rigward tat-terzi preżunzjoni konfutabbli li tirrigwarda l-eżistenza tal-fatti li jintegraw il-kundizzjonijiet għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni u elementi tat-tip legali, fi kwalunkwe azzjoni ċivili li fiha jiġu diskussi relazzjonijiet ġuridiċi dipendenti fuq it-twettiq ta’ ksur?

4)      L-Artikoli 9(1), 10[(2) sa (4)] tad-Direttiva [2014/104], it-tielet paragrafu tal-Artikolu 28 TFUE, jew kwalunkwe regola oħra tad-dritt primarju jew sekondarju, ġurisprudenza stabbilita jew prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea applikabbli, jistgħu jiġu interpretati fis-sens li magħhom ma hijiex kompatibbli l-applikazzjoni ta’ regoli tad-dritt nazzjonali bħall-Artikolu 498(1) tal-Kodiċi Ċivili […] u l-Artikolu 623 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili […], li, fir-rigward tal-fatti li seħħew qabel il-pubblikazzjoni, id-dħul fis-seħħ u d-data stabbilita għat-traspożizzjoni tad-Direttiva, f’azzjoni ġudizzjarja ppreżentata wkoll qabel din id-data tal-aħħar, ma jiħdux inkunsiderazzjoni t-test u l-għanijiet tad-Direttiva [2014/104] u ma humiex intiżi li jilħqu r-riżultat imfittex minnha?

5)      Sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta fl-affermattiv għal kwalunkwe waħda mid-domandi preċedenti, l-Artikolu 22 tad-Direttiva [2014/104], kif ukoll il-kumplament tad-dispożizzjonijiet tagħha jew il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea applikabbli, jistgħu jiġu interpretati fis-sens li ma hijiex kompatibbli magħhom l-applikazzjoni għall-każ mill-qorti nazzjonali tal-Artikolu 498(1) tal-Kodiċi Ċivili […] jew tal-Artikolu 623 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili […] fil-verżjoni attwali tiegħu, iżda interpretati u applikati b’mod li jkunu kompatibbli mal-Artikolu 10 tad-Direttiva [2014/104]?

6)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ħames domanda, individwu jista’ jinvoka l-Artikolu 22 tad-Direttiva [2014/104] kontra individwu ieħor quddiem qorti nazzjonali f’azzjoni għal kumpens għad-danni allegati mġarrba bir-riżultat ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq il-ħames u s-sitt domanda

24      Permezz tal-ħames u s-sitt domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2014/104 għandux jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva tapplika għall-kawża prinċipali.

25      Fir-rigward tal-applikazzjoni ratione temporis tad-Direttiva 2014/104, għandu jiġi rrilevat li din id-direttiva tinkludi dispożizzjoni speċjali, li tistabbilixxi b’mod espliċitu l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-dispożizzjonijiet proċedurali u sostantivi tagħha.

26      B’mod partikolari, minn naħa, skont l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2014/104, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri nazzjonali adottati skont l-Artikolu 21 tagħha sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ din id-Direttiva ma japplikawx retroattivament.

27      Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2014/104, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali adottata biex ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet proċedurali ta’ din id-Direttiva ma japplikawx għal azzjonijiet għal danni li qorti nazzjonali kienet ġiet adita bihom qabel is-26 ta’ Diċembru 2014.

28      Issa, jirriżulta, a contrario, mill-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2014/104 li l-Istati Membri kellhom setgħa diskrezzjonali biex jiddeċiedu, waqt it-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, jekk ir-regoli nazzjonali li huma intiżi li jittrasponu d-dispożizzjonijiet proċedurali tagħha jkunu japplikaw jew le għal azzjonijiet għal danni mibdija wara s-26 ta’ Diċembru 2014, iżda qabel id-data ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva jew, l-iktar tard qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha.

29      B’hekk, fil-każ fejn l-Istati Membri li, fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa, iddeċidew li d-dispożizzjonijiet tal-ordinament ġuridiku nazzjonali tagħhom li jittrasponu d-dispożizzjonijiet proċedurali tad-Direttiva 2014/104 ma jkunux applikabbli għar-rikorsi għad-danni ppreżentati qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali, ir-rikorsi ppreżentati wara s-26 ta’ Diċembru 2014, iżda qabel id-data tal-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, jibqgħu rregolati biss mir-regoli proċedurali nazzjonali li kienu diġà fis-seħħ qabel it-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva.

30      Dan japplika a fortiori għad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2014/104 mill-Istati Membri, sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ din tal-aħħar, sa fejn, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva, dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali ma għandhomx japplikaw retroattivament.

31      F’dan il-każ, minn naħa, huwa stabbilit li r-rikors għad-danni ta’ Cogeco Communications ġie ppreżentat fis-27 ta’ Frar 2015, jiġifieri qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/104 u qabel it-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva fl-ordinament ġuridiku Portugiż permezz tal-Liġi Nru 23/2018.

32      Min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja li l-leġiżlatur Portugiż iddeċieda, fl-Artikolu 24 ta’ din il-liġi, li r-regoli nazzjonali li jittrasponu d-dispożizzjonijiet proċedurali ta’ din id-direttiva ma japplikawx għal rikorsi għad-danni ppreżentati qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija liġi.

33      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2014/104 jipprojbixxi l-applikazzjoni retroattiva tad-dispożizzjonijiet sostantivi tad-dritt Portugiż adottati skont l-Artikolu 21 tagħha, hemm lok li jiġi kkunsidrat li din id-direttiva ma hijiex, fi kwalunkwe każ, applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali.

34      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ħames u għas-sitt domandi għandha tkun li l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2014/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva ma tapplikax għall-kawża prinċipali.

 Fuq it-tieni domanda u fuq l-ewwel parti tar-raba’ domanda

35      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. F’dan id-dawl, jekk ikun il-każ, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. Il-fatt li qorti nazzjonali fformulat, formalment, domanda preliminari billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil din il-qorti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li biha tinsab adita, indipendentement minn jekk għamlitx riferiment għalihom jew le meta għamlet id-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet, mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C-74/16, EU:C:2017:496, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      F’dan il-każ, fid-dawl tal-elementi kollha pprovduti mill-qorti tar-rinviju, tal-osservazzjonijiet ippreżentati minn Cogeco Communications, Sport TV Portugal, Controlinveste-SGPS, NOS-SGPS, il-Gvern Portugiż u l-Kummissjoni Ewropea kif ukoll tar-risposta mogħtija għall-ħames u s-sitt domandi, hemm lok, sabiex jiġu pprovduti lill-qorti tar-rinviju elementi ta’ interpretazzjoni utli, tiġi fformulata mill-ġdid it-tieni domanda u parti tar-raba’ domanda li tirrigwarda l-kompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 498(1) tal-Kodiċi Ċivili mad-dritt tal-Unjoni.

37      Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-Tribunal Judicial da Comarca de Lisboa (il-Qorti Distrettwali ta’ Lisbona) tistaqsi iktar preċiżament dwar il-kwistjoni jekk l-Artikolu 102 TFUE kif ukoll il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, minn naħa, tipprevedi li t-terminu ta’ preskrizzjoni għall-azzjonijiet għad-danni għandu jkun tliet snin u li jibda jiddekorri mid-data li fiha l-persuna leża saret taf bid-dritt tagħha għal kumpens, anki jekk il-persuna responsabbli tal-ksur u l-portata eżatta tad-dannu ma jkunux magħrufa, u, min-naħa l-oħra, ma tipprevedi ebda possibbiltà ta’ sospensjoni jew interruzzjoni ta’ dan it-terminu matul il-proċedura quddiem l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni.

38      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-Artikolu 102 TFUE jipproduċi effetti diretti fuq ir-relazzjonijiet bejn l-individwi u joħloq drittijiet għall-individwi kkonċernati li l-qrati nazzjonali għandhom jipproteġu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, Kone et, C-557/12, EU:C:2014:1317, punt 20 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39      L-effikaċja sħiħa tal-Artikolu 102 TFUE u, b’mod partikolari, l-effettività tal-projbizzjoni stabbilita f’dan l-artikolu jitqiegħdu fid-dubju li kieku ma kienx possibbli għal kull persuna li titlob kumpens għad-dannu kkawżat lilha aġir abbużiv ta’ impriża dominanti li tista’ toħloq restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, Kone et, C-557/12, EU:C:2014:1317, punt 21 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40      Għalhekk, kull persuna għandha d-dritt li titlob kumpens għad-dannu sostnut meta tkun teżisti rabta kawżali bejn l-imsemmi dannu u abbuż minn pożizzjoni dominanti pprojbit mill-Artikolu 102 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, Kone et, C-557/12, EU:C:2014:1317, punt 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41      Id-dritt ta’ kull persuna li titlob kumpens għal tali dannu fil-fatt isaħħaħ in-natura operattiva tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u huwa ta’ natura li jiskoraġġixxi abbużi ta’ pożizzjonijiet dominanti li jistgħu joħolqu restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni, u b’hekk jikkontribwixxu għaż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fl-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, Kone et, C-557/12, EU:C:2014:1317, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42      Fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, applikabbli ratione temporis, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-dritt li jintalab kumpens għad-dannu li jirriżulta minn abbuż ta’ pożizzjoni dominanti pprojbit mill-Artikolu 102 TFUE, inklużi dawk relatati mat-termini ta’ preskrizzjoni, sakemm il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività jkunu rispettati (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, Kone et, C-557/12, EU:C:2014:1317, punt 24).

43      B’hekk, ir-regoli applikabbli għar-rimedji ġudizzjarji maħsuba sabiex jiġi żgurat il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi jgawdu bis-saħħa tal-effett dirett tad-dritt tal-Unjoni ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rimedji ġudizzjarji simili tad-dritt nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza), u ma għandhom ikunu organizzati b’tali mod li jagħmlu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, Kone et, C-557/12, EU:C:2014:1317, punt 25).

44      F’dan ir-rigward, u speċifikament fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, dawn ir-regoli ma għandhomx jikkawżaw dannu għall-applikazzjoni effettiva tal-Artikolu 102 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, Kone et,C-557/12, EU:C:2014:1317, punt 26).

45      F’dan il-kuntest, it-termini ta’ preskrizzjoni jikkostitwixxu modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-dritt li jintalab kumpens għad-dannu li jirriżulta minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, hemm lok, l-ewwel nett, kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 81 tal-konklużjonijiet tagħha, li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha tas-sistema ta’ preskrizzjoni Portugiża.

46      It-tieni nett, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni tal-ispeċifiċitajiet mal-kawżi tal-liġi tal-kompetizzjoni u b’mod partikolari miċ-ċirkustanza li jitressqu azzjonijiet għad-danni għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni li, fil-prinċipju, jirrikjedu analiżi fattwali u ekonomika kumplessa.

47      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi rrilevat li leġiżlazzjoni nazzjonali li tiffissa d-data li minnha jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni, it-tul u l-arranġamenti tas-sospensjoni jew tal-interruzzjoni tagħha għandha tiġi adattata għall-karatteristiċi tad-dritt tal-kompetizzjoni u għall-objettivi tal-implimentazzjoni tar-regoli ta’ dan id-dritt mill-persuni kkonċernati, sabiex ma ġġibx fix-xejn l-effettività sħiħa tal-Artikolu 102 TFUE.

48      Minn dan isegwi li t-tul tat-terminu ta’ preskrizzjoni ma jistax ikun tant qasir sal-punt li, flimkien ma’ regoli oħra ta’ preskrizzjoni, jagħmel l-eżerċizzju tad-dritt li jintalab kumpens prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

49      Termini ta’ preskrizzjoni qosra, li jibdew jiddekorru qabel ma l-persuna leża minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni tista’ tkun taf l-identità ta’ min wettaq ir-reat x’aktarx li jrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt li jintalab kumpens.

50      Fil-fatt, huwa indispensabbli li l-persuna leża tkun tista’ tressaq azzjoni għad-danni, li hija tkun taf liema hija l-persuna responsabbli għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

51      Dan japplika wkoll għat-terminu ta’ preskrizzjoni qasir, li jista’ jiġi sospiż jew interrott matul it-tul tal-proċeduri u wara deċiżjoni finali mogħtija minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jew minn qorti tal-appell.

52      Fil-fatt, in-natura xierqa ta’ terminu ta’ preskrizzjoni, fir-rigward tar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ effettività, hija ta’ importanza partikolari kemm f’dak li jirrigwarda kawżi għad-danni ppreżentati irrispettivament minn deċiżjoni finali ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni kif ukoll għal dawk li jiġu wara tali deċiżjoni. Fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, jekk it-terminu ta’ preskrizzjoni li jibda jiddekorri qabel it-tlestija tal-proċeduri u wara deċiżjoni finali mogħtija minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jew minn qorti tal-appell, huwa qasir wisq meta mqabbel mat-tul tal-proċeduri u ma jistax jiġi la sospiż u lanqas interrott matul il-kors ta’ dawn il-proċeduri, mhuwiex eskluż li dan it-terminu ta’ preskrizzjoni jiskadi saħansitra qabel ma dawn il-proċeduri jkunu ntemmu. F’dan il-każ, kull persuna li subiet danni tinsab fl-impossibbiltà li tibda azzjonijiet ibbażati fuq deċiżjoni finali li tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

53      F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkunsidrat li terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, minn naħa, jibda jiddekorri mid-data li fiha l-persuna leża saret taf bid-dritt tagħha għal kumpens, anki jekk il-persuna responsabbli tar-reat ma tkunx magħrufa u, min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi sospiż jew interrott matul il-proċedimenti quddiem l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, tagħmel l-eżerċizzju tad-dritt għal kumpens sħiħ prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

54      F’dak li jikkonċerna l-prinċipju ta’ ekwivalenza, jidher, f’dan il-każ, li dan il-prinċipju ma jinkisirx, peress li huwa paċifiku li r-regoli nazzjonali dwar it-terminu ta’ preskrizzjoni għandhom japplikaw għall-azzjonijiet għad-danni bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni kif ukoll għal dawk ibbażati fuq id-dritt nazzjonali u li l-applikabbiltà tagħhom ma jiddependix mill-kwistjoni dwar jekk d-dritt li jintalab kumpens sħiħ għall-ħsara jirriżulta minn ksur tar-regoli nazzjonali tal-kompetizzjoni jew tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

55      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li tingħata risposta għat-tieni domanda u għall-parti tar-raba’ domanda li tirrigwarda l-kompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 498(1) tal-Kodiċi Ċivili mad-dritt tal-Unjoni li l-Artikolu 102 TFUE u l-prinċipju ta’ effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, minn naħa, tipprevedi li t-terminu ta’ preskrizzjoni għall-azzjonijiet għad-danni huwa ta’ tliet snin u jibda mill-jum li fih il-persuna leża saret taf bid-dritt tagħha għal kumpens, anki jekk il-persuna responsabbli tar-reat ma tkunx magħrufa u, min-naħa l-oħra, ma tipprevedi ebda possibbiltà ta’ sospensjoni jew interruzzjoni ta’ dak it-terminu fi proċedimenti quddiem awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni.

 Fuq it-tielet domanda u t-tieni parti tar-raba’ domanda

56      Permezz tat-tielet domanda u l-parti tar-raba’ domanda li tirrigwarda l-kompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 623 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili mad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 102 TFUE kif ukoll il-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-konstatazzjoni definittiva ta’ ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sanzjoni quddiem l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ma torbotx l-evalwazzjoni tal-qorti nazzjonali adita b’rikors għad-danni fir-rigward tal-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni jew jistabbilixxi biss preżunzjoni sempliċi f’dan ir-rigward.

57      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest regolamentari u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-kompitu li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tirrifjuta li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Núñez Torreiro, C-334/16, EU:C:2017:1007, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      F’dan il-każ, jirriżulta mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li t-Tribunal da Concorrência, Regulação e Supervisão (il-Qorti tal-Kompetizzjoni, tar-Regolazzjoni u tal-Kontroll) annullat parzjalment id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni tat-14 ta’ Ġunju 2013, għar-raġuni li l-Artikolu 102 TFUE ma kienx japplika fir-rigward tal-aġir ta’ Sport TV Portugal, peress li ma kienx intwera li l-prattika kummerċjali inkwistjoni setgħet taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, fis-sens ta’ dan l-artikolu. Fil-11 ta’ Marzu 2015, it-Tribunal da Relação de Lisboa (il-Qorti tal-Appell ta’ Lisbona) ikkonfermat is-sentenza mogħtija mit-Tribunal da Concorrência, Regulação e Supervisão (il-Qorti tal-Kompetizzjoni, tar-Regolazzjoni u tal-Kontroll).

59      Minn dan isegwi li l-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju ma għandhiex bħala suġġett azzjoni għad-danni wara deċiżjoni finali li tikkonstata ksur tal-Artikolu 102 TFUE, mogħtija minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jew minn qorti tal-appell.

60      Għalhekk, jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE, kif ukoll tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza, mitluba fil-kuntest tat-tielet domanda u tal-parti mir-raba’ domanda dwar il-kompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 623 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili mad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali u li, għaldaqstant, dawn id-domandi huma inammissibbli.

 Fuq l-ewwel domanda

61      Fid-dawl tar-risposti mogħtija għat-tieni sas-sitt domandi, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda.

 Fuq l-ispejjeż

62      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 22 tad-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva ma tapplikax għall-kawża prinċipali.

2)      L-Artikolu 102 TFUE u l-prinċipju ta’ effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, minn naħa, tipprevedi li t-terminu ta’ preskrizzjoni għall-azzjonijiet għad-danni huwa ta’ tliet snin u jibda mid-data li fiha l-persuna leża saret taf bid-dritt tagħha għal kumpens, anki jekk il-persuna responsabbli tar-reat ma tkunx magħrufa u, min-naħa l-oħra, ma tipprevedi ebda possibbiltà ta’ sospensjoni jew interruzzjoni ta’ dak it-terminu fi proċedimenti quddiem awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.